Proċedura : 2018/2078(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0272/2018

Testi mressqa :

A8-0272/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/09/2018 - 6.4

Testi adottati :

P8_TA(2018)0321

RAPPORT     
PDF 756kWORD 59k
4.9.2018
PE 623.663v02-00 A8-0272/2018

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Bulgarija, lill-Greċja, lil-Litwanja u lill-Polonja

(COM(2018)0360 – C8-0245/2018 – 2018/2078(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Janusz Lewandowski

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ANNESS – ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Bulgarija, lill-Greċja, lil-Litwanja u lill-Polonja

(COM(2018)0360 – C8-0245/2018 – 2018/2078(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0360 – C8-0245/2018),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 10 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0272/2018),

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni bħala sinjal ta' solidarjetà tal-Unjoni maċ-ċittadini tal-Unjoni u mar-reġjuni milquta minn diżastri naturali;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tiġi rilaxxata l-assistenza finanzjarja mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ("il-Fond") lir-reġjuni milquta minn diżastri naturali u jiddispjaċih għan-numru ta' persuni li tilfu ħajjithom f'diżastri naturali fl-Unjoni fl-2017;

3.  Jitlob li l-proċedura tal-mobilizzazzjoni tkompli tiġi ottimizzata b'mod li jwassal biex iż-żmien bejn l-applikazzjoni u l-pagament jiqsar; ifakkar li żborż rapidu lill-benefiċjarji huwa ta' importanza maġġuri għall-komunitajiet lokali, għall-awtoritajiet lokali u għall-fiduċja tagħhom fis-solidarjetà tal-Unjoni;

4.   Jappoġġja lill-Istati Membri li jużaw il-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej għar-rikostruzzjoni tar-reġjuni milquta; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja u tapprova b'mod rapidu r-riallokazzjoni finanzjarja tal-ftehimiet ta' sħubija mitluba mill-Istati Membri għal dan il-għan;

5.   Jistieden lill-Istati Membri jużaw il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond b'mod trasparenti, u b'hekk tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta fir-reġjuni kollha milquta;

6.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Bulgarija, lill-Greċja, lil-Litwanja u lill-Polonja

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta' Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 11 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea ("il-Fond") għandu l-għan li jippermetti lill-Unjoni tirrispondi b'mod rapidu, effiċjenti u flessibbli għal sitwazzjonijiet ta' emerġenza sabiex tintwera solidarjetà mal-popolazzjonijiet tar-reġjuni milquta minn diżastri naturali.

(2)  Il-Fond ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 500 000 000 (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(3).

(3)  Fil-11 ta' Jannar 2018, il-Bulgarija ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara l-għargħar ikkawżat minn xita qawwija u maltempati vjolenti tal-25 u s-26 ta' Ottubru 2017.

(4)  Fil-11 ta' Ottubru 2017, il-Greċja ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara li terremot laqat ir-reġjun tal-Eġew tan-Nofsinhar u l-gżira ta' Kos fl-20 ta' Lulju 2017.

(5)  Fit-22 ta' Diċembru 2017, il-Litwanja ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara għargħar ikkawżat minn xita kontinwa matul is-sajf u l-ħarifa tal-2017.

(6)  Fil-25 ta' Ottubru 2017, il-Polonja ppreżentat applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-Fond, wara maltempati eċċezzjonalment vjolenti u xita qawwija bejn id-9 u t-12 ta' Awwissu 2017.

(7)  L-applikazzjonijiet mill-Bulgarija, il-Greċja, il-Litwanja u l-Polonja ssodisfaw il-kundizzjonijiet sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja mill-Fond, kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 2012/2002.

(8)  Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Fond jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja lill-Bulgarija, il-Greċja, il-Litwanja u l-Polonja.

(9)  Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-Fond jitnaqqas kemm jista' jkun, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea stabbilit għas-sena finanzjarja 2018, il-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2 258 225 lill-Bulgarija, EUR 2 535 796 lill-Greċja, EUR 16 918 941 lil-Litwanja u EUR 12 279 244 lill-Polonja, f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Din id-deċiżjoni għandha tapplika minn ... [data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni](4)**.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

(1)

  ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3.

(2)

  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)

  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(4)

** Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-Kummissjoni tipproponi li timmobilizza l-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (FSUE) biex tingħata assistenza finanzjarja b'rabta mal-għargħar fil-Bulgarija u l-Litwanja, it-terremoti fil-Greċja u l-maltempati fil-Polonja.

Id-diżastri naturali li seħħew matul l-2017 fl-UE wasslu għat-telf ta' ħajjiet umani u qerda kbira fir-reġjuni milquta, bil-biċċa l-kbira tagħhom ikkwalifikati bħala "reġjuni inqas żviluppati". Il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-UE hija sinjal ta' solidarjetà fl-Unjoni għall-pajjiżi u l-popli li sofrew matul dawn l-avvenimenti traġiċi.

Il-Bulgarija – Għargħar fl-2017

Fil-25 u s-26 ta' Ottubru 2017, ix-Xlokk tal-Bulgarija esperjenza xita qawwija mhux tas-soltu u maltempati vjolenti li kkaġunaw ħsara lil pontijiet, kanali tad-dranaġġ u ħitan ta' lqugħ u lill-infrastruttura bażika. L-għargħar ħalla ħames vittmi u affettwa madwar 6 000 persuna, 142 proprjetà residenzjali u aktar minn 1 200 proprjetà mhux residenzjali ġew mgħarrqa.

Fl-applikazzjoni tagħhom li l-Kummissjoni rċeviet fil-11 ta' Jannar 2018, l-istima min-naħa tal-awtoritajiet Bulgari tal-ħsara diretta totali li kkawża d-diżastru kienet ta' EUR 90,3 miljun. Billi dan jirrappreżenta 1,6 % tal-PDG tar-reġjun (jiġifieri EUR 5 327 miljun abbażi tad-data għall-2015) u b'hekk jaqbeż sew il-livell limitu applikabbli ta' 1,5 % tal-PDG reġjonali, id-diżastru jikkwalifika bħala "diżastru reġjonali" skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament FSUE.

Il-kost tal-operazzjonijiet essenzjali ta' emerġenza eliġibbli, kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament, ġie stmat mill-awtoritajiet Bulgari li jammonta għal EUR 90,1 miljun.

Ir-reġjuni milquta jaqgħu taħt il-kategorija ta' "reġjuni inqas żviluppati" skont il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE) (2014-2020). L-awtoritajiet Bulgari ma indikawx lill-Kummissjoni l-intenzjoni tagħhom li jirriallokaw il-finanzjament mill-programmi ta' Fondi SIE lejn miżuri ta' rkupru.

Il-Bulgarija talbet li jsirilha pagament bil-quddiem. Wara valutazzjoni preliminari tal-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ammont mitlub ta' ħsara li jaqbeż il-livell limitu għall-eliġibbiltà biss marġinalment kien jirrikjedi valutazzjoni aktar bir-reqqa u li l-pagament bil-quddiem huwa għalhekk mhux ġustifikat.

Bi qbil mal-prassi tal-imgħoddi, il-Kummissjoni tipproponi li tapplika r-rata ta' 2,5 % tal-ħsara diretta totali għall-ħsarat kollha sal-ammont tal-livell limitu ta' "diżastru maġġuri" għall-Bulgarija. L-ammont totali ta' għajnuna propost huwa għaldaqstant EUR 2 258 225.

Il-Greċja - Terremoti fl-2017

Fl-20 ta' Lulju 2017, terremot b'intensità ta' 6,6 fuq l-iskala Richter laqat lir-reġjun tal-Eġew tan-Nofsinhar bejn Bodrum (it-Turkija) u l-gżira ta' Kos (il-Greċja) segwit minn bosta theżżiżiet sekondarji, li laqtu l-iktar lil infrastruttura u assi pubbliċi kif ukoll lil siti ta' wirt kulturali importanti.

Fl-applikazzjoni tagħhom li l-Kummissjoni rċeviet fil-11 ta' Ottubru 2017 u li ġiet konkluża fid-9 ta' Marzu 2018, l-istima min-naħa tal-awtoritajiet Griegi tal-ħsara diretta totali li kkawża d-diżastru kienet ta' EUR 101,4 miljun. Billi dan jirrappreżenta 1,8 % tal-PDG tar-reġjun (jiġifieri EUR 6 045 miljun abbażi tad-data għall-2014) u jaqbeż sew il-livell limitu applikabbli ta' 1,5 % tal-PDG reġjonali, id-diżastru jikkwalifika bħala "diżastru reġjonali" skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament FSUE.

Il-kost tal-operazzjonijiet essenzjali ta' emerġenza eliġibbli, kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament, ġie stmat mill-awtoritajiet Griegi li jammonta għal EUR 93,9 miljun.

Ir-reġjun milqut jaqa' taħt il-kategorija ta' "reġjuni aktar żviluppati" skont il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE) (2014-2020). L-awtoritajiet Griegi indikaw lill-Kummissjoni l-intenzjoni tagħhom li jirriallokaw il-finanzjament mill-programmi ta' Fondi SIE lejn miżuri ta' rkupru.

Il-Greċja talbet pagament bil-quddiem, li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala mhux ġustifikat peress li kienet tirrikjedi informazzjoni addizzjonali essenzjali mill-Greċja sabiex issir il-valutazzjoni preliminari stabbilita fl-Artikolu 4a tar-Regolament.

Bi qbil mal-prassi tal-imgħoddi, il-Kummissjoni tipproponi li tapplika r-rata ta' 2,5 % tal-ħsara diretta totali għall-ħsarat kollha sal-ammont tal-livell limitu ta' "diżastru maġġuri" għall-Greċja. L-ammont totali ta' għajnuna propost huwa għaldaqstant EUR 2 535 796.

Il-Litwanja – Għargħar fl-2017

Matul is-sajf u l-ħarifa tal-2017, il-Litwanja ntlaqtet minn xita kontinwa li rriżultat f'ħamriji kompletament saturati li ma kinux kapaċi jassorbu l-ilma żejjed. Din is-sitwazzjoni rriżultat f'għargħar li kkawża l-aktar ħsara fl-infrastruttura tan-netwerk u fis-settur agrikolu.

Fl-applikazzjoni tagħhom li l-Kummissjoni rċeviet fit-22 ta' Diċembru 2017 u li ġiet konkluża fis-6 ta' Frar 2018, l-istima min-naħa tal-awtoritajiet Litwani tal-ħsara diretta totali li kkawża d-diżastru kienet ta' EUR 407,4 miljun. Billi dan l-ammont jaqbeż il-"livell limitu għad-diżastri maġġuri" għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE applikabbli għal-Litwanja ta' EUR 214,9 miljun fl-2017 (jiġifieri 0,6 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross abbażi tad-data għall-2015), id-diżastru jikkwalifika bħala "diżastru naturali maġġuri" skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament FSUE.

Il-kost tal-operazzjonijiet essenzjali ta' emerġenza eliġibbli, kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament, ġie stmat mill-awtoritajiet Litwani li jammonta għal EUR 240,2 miljun.

Ir-reġjun milqut jaqa' taħt il-kategorija ta' "reġjuni inqas żviluppati" skont il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE) (2014-2020). L-awtoritajiet Litwani ma indikawx lill-Kummissjoni l-intenzjoni tagħhom li jirriallokaw il-finanzjament mill-programmi ta' Fondi SIE lejn miżuri ta' rkupru.

Il-Litwanja ma talbitx li jsirilha pagament bil-quddiem.

Bi qbil mal-prassi tal-imgħoddi, il-Kummissjoni tipproponi li tapplika r-rata ta' 2,5 % tal-ħsara diretta totali sal-ammont tal-livell limitu ta' "diżastru maġġuri" għal-Litwanja u 6 % għall-parti tal-ħsara diretta totali 'l fuq minn dan il-livell limitu. L-ammont totali ta' għajnuna propost huwa għaldaqstant EUR 16 918 941.

Il-Polonja – Maltempata fl-2017

Bejn id-9 u t-12 ta' Awwissu 2017 partijiet mill-Polonja kienu milquta minn maltempati eċċezzjonalment vjolenti u xita qawwija li kkawżaw ħsara kbira lill-foresti privati u pubbliċi, l-infrastruttura pubblika u assi oħra.

Fl-applikazzjoni tagħhom li l-Kummissjoni rċeviet fil-25 ta' Ottubru 2017 u li ġiet konkluża fit-23 ta' Marzu 2018, l-istima min-naħa tal-awtoritajiet Pollakki tal-ħsara diretta totali li kkawża d-diżastru kienet ta' EUR 491,2 miljun. Billi l-ħsara kkawżata mill-maltempata tirrappreżenta 2,0 % tal-PDG reġjonali medju ponderat tat-tliet reġjuni kkonċernati, jiġifieri l-provinċja ta' Kujawsko-Pomorskie, il-provinċja ta' Pomorskie u l-provinċja tal-Polonja l-Kbira (jiġifieri, EUR 24,1 miljun abbażi tad-data għall-2014) u għaldaqstant jaqbeż il-livell limitu ta' 1,5 % tal-PDG reġjonali, id-diżastru jikkwalifika bħala "diżastru reġjonali" skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3) tar-Regolament FSUE.

Il-kost tal-operazzjonijiet essenzjali ta' emerġenza eliġibbli, kif definit fl-Artikolu 3 tar-Regolament, ġie stmat mill-awtoritajiet Pollakki li jammonta għal EUR 324,5 miljun.

Ir-reġjun milqut jaqa' taħt il-kategorija ta' "reġjuni inqas żviluppati" skont il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (SIE) (2014-2020). L-awtoritajiet Pollakki ma indikawx lill-Kummissjoni l-intenzjoni li jirriallokaw il-finanzjament mill-programmi ta' Fondi tal-FSIE lejn miżuri ta' rkupru.

Il-Polonja ma talbitx li jsirilha pagament bil-quddiem.

Bi qbil mal-prassi tal-imgħoddi, il-Kummissjoni tipproponi li tapplika r-rata ta' 2,5 % tal-ħsara diretta totali billi hija inqas mil-livell limitu ta' "diżastru maġġuri" għall-Polonja. L-ammont totali ta' għajnuna propost huwa għaldaqstant EUR 12 279 244.

Konklużjoni

Il-mobilizzazzjoni proposta tirrikjedi emenda għall-baġit 2018 u abbozz ta' baġit emendatorju (Nru 4/2018) immirat biex iżid il-linja baġitarja 13 06 01 "Għajnuna għall-Istati Membri fil-każ ta' diżastru naturali kbir b'riperkussjonijiet serji fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien, l-ambjent naturali jew l-ekonomija" bi EUR 33 992 206 kemm f'approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll f'approprjazzjonijiet ta' pagament.

L-ammont totali disponibbli għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE fil-bidu tas-sena 2018 kien ta' EUR 421 142 057, it-total tal-bqija tal-allokazzjoni tal-2018 u l-bqija tal-allokazzjoni tal-2017 li baqgħu ma ntefqux u ġew riportati għall-2018.

L-ammont li jista' jiġi mmobilizzat f'dan l-istadju tas-sena 2018 huwa ta' EUR 173 389 397. Dan jikkorrispondi għall-ammont totali disponibbli għall-mobilizzazzjoni tal-FSUE fil-bidu tal-2018 (EUR 421 142 057), bit-tnaqqis tal-ammont ta' EUR 143 585 709 sabiex jiġi rrispettat l-obbligu ta' żamma ta' 25 % mill-allokazzjoni annwali tal-2018 sal-1 ta' Ottubru 2018 kif stipulat fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament QFP u bit-tnaqqis ta' EUR 104 166 951 mobilizzati għall-Greċja, Spanja, Franza u l-Portugall aktar kmieni din is-sena(1).

L-Istati Membri għandhom japplikaw l-għajnuna finanzjarja b'mod rapidu u trasparenti biex b'hekk tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta fir-reġjuni kollha milquta.

Ir-Rapporteur jappoġġja l-Istati Membri li jużaw il-Fondi Strutturali u ta' Investiment għar-rikostruzzjoni tar-reġjuni milquta, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja u tapprova b'mod rapidu r-riallokazzjoni tal-ftehimiet ta' sħubija mitluba mill-Istati Membri għar-rikostruzzjoni ta' dawn ir-reġjuni.

Ir-Rapporteur jirrakkomanda l-approvazzjoni rapida tal-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni annessa ma' dan ir-rapport, b'sinjal ta' solidarjetà mar-reġjuni milquta.

(1)

  Proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Greċja, lil Spanja, lil Franza u lill-Portugall (COM(2018) 150, 22.2.2018) u l-Abbozz ta' Baġit Emendatorju akkumpanjanti Nru 1/2018 (COM(2018) 155, 22.2.2018).


ANNESS – ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Suġġett:  Mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex tingħata assistenza lill-Bulgarija, lill-Greċja, lil-Litwanja u lill-Polonja

Sur President,

Il-Kummissjoni Ewropea għaddiet lill-Parlament Ewropew il-proposta tagħha għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (COM(2018)0360), abbażi tal-applikazzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-Fond imressqa mill-Bulgarija, il-Greċja, il-Litwanja u l-Polonja wara sensiela ta' diżastri naturali li seħħew f'dawn il-pajjiżi matul l-2017.

Il-Kummissjoni tipproponi l-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li tagħti stima tal-ħsarat ikkawżati mid-diżastri kif ġej:

Stati Membri

 

Kwalifikazzjoni ta' diżastru

Ħsara diretta totali

 

(miljuni ta' EUR)

Limitu minimu għal diżastru maġġuri

 

(miljuni ta' EUR)

2,5 % tal-ħsara diretta sal-livell limitu

(EUR)

6 % tal-ħsara diretta 'l fuq mil-livell limitu

(EUR)

Ammont totali tal-għajnuna proposta

 

(EUR)

Ħlas bil-quddiem imħallas

 

(EUR)

IL-BULGARIJA

Reġjonali

(Art. 2(3))

90,329

288,020

2 258 225

-

2 258 225

0

IL-GREĊJA

Reġjonali

(Art. 2(3))

101,432

1 057,800

2 535 796

-

2 535 796

0

IL-LITWANJA

Maġġuri

(Art. 2(2))

407,366

214,944

5 373 600

11 545 341

16 918 941

0

IL-POLONJA

Reġjonali

(Art. 2(4))

491,170

2 501,280

12 279 244

-

12 279 244

0

 

TOTAL

33 992 206

0

Il-Kummissjoni tipproponi wkoll Abbozz ta' Baġit Emendatorju (ABE) Nru 4 għas-sena 2018 (COM(2018)0361 final) sabiex tiġi koperta l-mobilizzazzjoni proposta, imsemmija hawn fuq, tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, billi l-artikolu baġitarju 13 06 01 (Għajnuna għall-Istati Membri fil-każ ta' diżastru naturali kbir b'riperkussjonijiet serji fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien, l-ambjent naturali jew l-ekonomija) jiżdied bi EUR 33 992 206, kemm f'approprjazzjonijiet ta' impenn kif ukoll f'approprjazzjonijiet ta' pagament.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza tal-Membri ta' dan il-Kumitat ma għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea biex jiġi allokat l-ammont imsemmi hawn fuq kif propost mill-Kummissjoni, u tappoġġja l-ABE Nru 4/2018 korrispondenti kif propost mill-Kummissjoni.

(Formola ta' għeluq u firma)


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

29.8.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Reimer Böge, Gérard Deprez, Manuel dos Santos, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Esteban González Pons, Ingeborg Gräßle, Iris Hoffmann, Monika Hohlmeier, John Howarth, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Jan Olbrycht, Younous Omarjee, Răzvan Popa, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Xabier Benito Ziluaga, Janusz Lewandowski, Ivana Maletić, Ivan Štefanec, Marco Valli


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

33

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Gérard Deprez

ECR

Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk

EFDD

Marco Valli

ENF

Marco Zanni

GUE/NGL

Xabier Benito Ziluaga, Younous Omarjee

PPE

Reimer Böge, José Manuel Fernandes, Esteban González Pons, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Janusz Lewandowski, Ivana Maletić, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Ivan Štefanec, Patricija Šulin, Inese Vaidere

S&D

Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Iris Hoffmann, John Howarth, Vladimír Maňka, Răzvan Popa, Manuel dos Santos, Isabelle Thomas, Daniele Viotti, Tiemo Wölken

VERTS/ALE

Indrek Tarand

0

-

 

 

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Settembru 2018Avviż legali