RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Georgios Kyrtsos

26.9.2018 - (2018/2069(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Laura Ferrara

Proċedura : 2018/2069(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0291/2018
Testi mressqa :
A8-0291/2018
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Georgios Kyrtsos

(2018/2069(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Georgios Kyrtsos, imressqa fit-28 ta' Marzu 2018 mid-Deputat Prosekutur Ġenerali fil-Qorti Suprema tal-Greċja, sabiex jitħallew jitmexxew proċedimenti kriminali kontrih għar-reat ta' nuqqas ta' ħlas ta' ammonti dovuti lill-Istat (Proċess Kriminali ABM: IG 2017/11402 u EG 10–17/337, li tressqu mad-Dokument 1160350 tat-28 ta' Marzu 2018), u mħabbra fis-seduta plenarja tat-2 ta' Mejju 2018,

–  wara li sema' lil Georgios Kyrtsos skont l-Artikolu 9(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0291/2018),

A.  billi l-Uffiċċju tal-Prosekutur fil-Qorti Suprema tal-Greċja talab it-tneħħija tal-immunità ta' Georgios Kyrtsos, Membru tal-Parlament Ewropew, b'rabta mal-proċedimenti kriminali li jirreferu għan-nuqqas ta' ħlas ta' ammonti dovuti lill-Istat (li jaqbżu EUR 200 000), skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(1) u (6) tal-Liġi 1882/1990, kif sostitwit mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 23(1) tal-Liġi 2523/1997 u l-Artikolu 25(1) tal-Liġi 1882/90, kif issostitwit mill-Artikolu 34(1) tal-Liġi 3220/2004, l-Artikolu 3(1) tal-Liġi 3943/2011, l-Artikolu 20 tal-Liġi 4321/2015 u, fl-aħħar nett, l-Artikolu 8 tal-Liġi 4337/2015;

B.  billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament ta' dak l-Istat;

C.  billi l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika jipprevedi li, matul il-mandat parlamentari tagħhom, il-membri tal-parlament ma jistgħux jiġu mħarrka, arrestati, inkarċerati jew detenuti bi kwalunkwe mod ieħor mingħajr permess minn qabel mogħti mill-parlament;

D.  billi Georgios Kyrtsos kien qed jaġixxi bħala rappreżentant legali (CEO) tal-kumpanija "Free Sunday Publishing House Ltd." mid-29 ta' Ġunju 2009;

E.  billi Georgios Kyrtsos, fil-kapaċità tiegħu bħala rappreżentant legali tal-"Free Sunday Publishing House Ltd.", huwa akkużat li naqas milli jħallas sitt mija u sebgħa u għoxrin elf u sebgħa u ħamsin euro u ħamsa u sittin ċenteżmu (EUR 627 752.65) dovuti lill-Istat;

F.  billi, b'mod ċar, ir-reat allegat ma għandu ebda rabta diretta mal-kariga ta' Georgios Kyrtsos bħala Membru tal-Parlament Ewropew, iżda minflok jirrigwarda l-pożizzjoni preċedenti tiegħu bħala maniġer tal-kumpanija tal-gazzetta tiegħu;

G.  billi, għall-finijiet tal-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-prosekuzzjoni ma tikkonċernax opinjonijiet jew voti espressi fit-twettiq tad-dmirijiet tal-Membru tal-Parlament Ewropew inkwistjoni;

H.  billi ma hemm l-ebda raġuni biex wieħed jissuspetta li l-intenzjoni li jitressqu l-proċedimenti kriminali hija li jagħmlu ħsara lill-attività politika ta' Membru (fumus persecutionis);

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Georgios Kyrtsos;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet Griegi u lil Georgios Kyrtsos.

  • [1]  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

24.9.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Heidi Hautala, Sylvia-Yvonne Kaufmann, António Marinho e Pinto, Emil Radev, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, Axel Voss, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Sergio Gaetano Cofferati, Pascal Durand, Jytte Guteland

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

John Howarth

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Settembru 2018
Avviż legali - Politika tal-privatezza