Proċedura : 2018/2005(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0319/2018

Testi mressqa :

A8-0319/2018

Dibattiti :

PV 25/10/2018 - 9
CRE 25/10/2018 - 9

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.23
CRE 25/10/2018 - 13.23

Testi adottati :

P8_TA(2018)0439

RAPPORT     
PDF 797kWORD 99k
12.10.2018
PE 622.206v02-00 A8-0319/2018

dwar l-isfruttar tal-globalizzazzjoni: aspetti kummerċjali

(2018/2005(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Rapporteur: Joachim Schuster

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-isfruttar tal-globalizzazzjoni: aspetti kummerċjali

(2018/2005(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2017 bit-titolu "L-isfruttar tal-globalizzazzjoni",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2017 bit-titolu "Politika ta' kummerċ li hija bbilanċjata u progressiva biex nisfruttaw il-globalizzazzjoni" (COM(2017)0492),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2017 dwar Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni Ewropea (COM(2017)0487),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 bit-titolu "Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Kummerċjali Komuni"(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2017 bit-titolu "Lejn strateġija għall-kummerċ diġitali"(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-politika kummerċjali għal kulħadd – it-twettiq ta' politika kummerċjali li tisfrutta b'mod għaqli l-globalizzazzjoni (COM(2017)0491),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tad-9 ta' Novembru 2017 dwar l-implimentazzjoni ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles, mill-1 ta' Jannar 2016 sal-31 ta' Diċembru 2016 (COM(2017)0654),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015, bit-titolu "Transforming our world: the 2030 Agenda for Sustainable Development" (Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 26/9 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tas-26 ta' Ġunju 2014, u b'mod partikolari d-deċiżjoni li jiġi stabbilit grupp ta' ħidma intergovernattiv b'kompożizzjoni miftuħa dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħra fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, li l-mandat tiegħu jkun it-tfassil ta' strument internazzjonali legalment vinkolanti li jirregola, fid-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivitajiet tal-korporazzjonijiet transnazzjonali u ta' intrapriżi kummerċjali oħra,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-ftehimiet kummerċjali u investiment fuq id-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni mill-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, tat-13 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar l-impatt tal-kummerċ internazzjonali u l-politiki kummerċjali tal-UE fuq il-ktajjen ta' valur mondjali(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2321 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/1036 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea u r-Regolament (UE) 2016/1037 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea(5),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tas-16 ta' Marzu 2017 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni għall-awtoċertifikazzjoni tad-diliġenza dovuta tal-katina tal-provvista ta' importaturi responsabbli ta' landa, tantalu u tungstenu, il-minerali tagħhom, u deheb li joriġinaw f'żoni affettwati minn kunflitti u f'żoni ta' riskju għoli(6),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari tal-4 ta' Ottubru 2016 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1236/2005 dwar il-kummerċ ta' ċerti oġġetti li jistgħu jintużaw għall-piena kapitali, it-tortura jew trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar il-Politika dwar il-kummerċ internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra d-dokument informali tas-servizzi tal-Kummissjoni tas-26 ta' Frar 2018 bit-titolu "Feedback and way forward on improving the implementation and enforcement of Trade and Sustainable Development chapters in EU Free Trade Agreements" (Reazzjonijiet u t-triq 'il quddiem dwar it-titjib tal-implimentazzjoni u l-infurzar tal-kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli fil-Ftehimiet ta' Kummerċ Ħieles tal-UE),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2015 bit-titolu "L-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem – Is-Sitwazzjoni Attwali" (SWD(2015)0144),

–  wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għall-Imġiba Responsabbli fin-Negozju ppubblikata fil-31 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Alleanza għal Kummerċ Liberu mit-Torturi varata waqt l-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-10 ta' April 2017 tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) dwar it-titjib tal-aċċess għal rimedju fil-qasam tan-negozju u tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tal-UE (1/2017),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB) u b'mod partikolari l-Artikolu 4(1) tagħha li jipprojbixxi l-iskjavitù u s-servitù,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' politika tal-Fond Monetarju Internazzjonali, il-Bank Dinji u d-WTO ppubblikat fl-10 ta' April 2017 bit-titolu "Making trade an engine of growth for all: the case for trade and for policies to facilitate adjustment" (Nagħmlu l-kummerċ mutur ta' tkabbir għal kulħadd: il-każ tal-kummerċ u tal-politiki biex jiġi ffaċilitat l-aġġustament),

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-OECD dwar kwistjonijiet ewlenin ta' Ġunju 2017 bit-titolu: "Making globalisation work: better lives for all" (Inħaddmu l-globalizzazzjoni: għajxien aħjar għal kulħadd)(10),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-1970 dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, tal-Esportazzjoni u tat-Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali, u l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995 dwar Beni Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment;

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna bit-titolu "Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali" (JOIN(2016)0029),

–  wara li kkunsidra r-Regolament Ġenerali tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data, li ilu fis-seħħ mill-25 ta' April 2018(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tal-2010,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 167, 207, 208 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, u tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0319/2018),

A.  billi l-globalizzazzjoni hija proċess perpetwu li ħoloq sett ġdid ta' sfidi politiċi, ekonomiċi u soċjali għall-futur minħabba avvanz teknoloġiku rapidu, u billi prattikament se jinbidel kull settur; billi l-qafas regolatorju u leġiżlattiv għadu lura meta mqabbel ma' dawn l-iżviluppi, b'tali mod li qed ipoġġi kisbiet soċjali sinifikanti fil-periklu;

B.  billi l-inugwaljanza fid-dħul baqgħet f'livelli għolja storiċi, iżda billi s-sehem tal-popolazzjoni dinjija li tgħix fil-faqar estrem naqas minn 44 % fl-1980 għal 10 % fl-2015; billi l-Parlament jaqbel mal-Kummissjoni li l-globalizzazzjoni toħloq sfidi wkoll minħabba li l-benefiċċji tagħha huma mifruxa b'mod inugwali fost il-popli u r-reġjuni, u billi sakemm ma jittiħdux passi attivi, hemm ir-riskju li l-globalizzazzjoni tiggrava l-effett tal-avvanzi teknoloġiċi u tal-kriżi ekonomika reċenti u tikkontribwixxi għal aktar twessigħ tal-inugwaljanzi u l-polarizzazzjoni soċjali;

C.  billi l-globalizzazzjoni u l-ftuħ tal-kummerċ globali kellhom effetti pożittivi, ħarġu miljuni ta' persuni mill-faqar u bħala tali jistgħu jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku, il-prosperità u l-kompetittività tal-pajjiżi; billi l-globalizzazzjoni toħloq ukoll sfidi u l-benefiċċji tagħha huma mifruxa b'mod inugwali fost il-popli u r-reġjuni; billi l-globalizzazzjoni ma għandhiex tkun għad-detriment tal-ambjent; billi ċ-ċittadini tal-UE qed jitolbu dejjem aktar li l-politika dwar il-kummerċ tal-Unjoni tiżgura li l-oġġetti li jidħlu fis-suq tal-UE jkunu ġew prodotti f'kundizzjonijiet deċenti u sostenibbli u li, fil-kuntest globali li qed jinbidel, l-UE tippromwovi aġenda tal-kummerċ ibbażata fuq il-valuri;

D.  billi "l-kummerċ miftuħ u ġust" u l-politiki ta' investiment ibbażati fuq il-valuri jeħtieġu firxa ta' politiki ta' sostenn effikaċi sabiex jiġi mmassimizzat il-qligħ u mminimizzat it-telf tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ għall-UE u għall-popolazzjonijiet u l-ekonomiji tal-pajjiżi terzi; billi l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs), maħsuba biex itemmu l-faqar u jġibu l-progress soċjali u ambjentali, għandha ssir il-punt ta' riferiment għas-suċċess tal-politika kummerċjali tal-Unjoni;

E.  billi l-protezzjoniżmu huwa tweġiba simplistika u dgħajfa għall-isfidi li jirriżultaw mill-globalizzazzjoni; billi politiki protezzjonisti li mhumiex implimentati skont ir-regoli tad-WTO se jkollhom effett domino fuq kulħadd, u jagħmlu ħsara lill-importaturi, lill-esportaturi u lill-konsumaturi; billi relazzjonijiet kummerċjali ġusti u etiċi għandhom isiru n-norma fir-relazzjonijiet ekonomiċi internazzjonali;

F.  billi t-tibdil fil-klima kkawżat mill-attività tal-bniedem qed iwassal għal aċċelerazzjoni lil hinn mill-agħar tbassir tal-IPCC dwar il-kollass tal-bijodiversità u t-theddida fuq it-terminu medju għas-sopravvivenza tal-ekosistemi – speċjalment l-ekosistemi tal-baħar – mit-tniġġis, b'mod partikolari b'rabta mal-isfruttament tal-idrokarburi;

G.  billi l-UE għandha d-dritt tadotta politiki dwar il-kummerċ fis-servizzi kulturali u awdjoviżivi bil-għan li tipproteġi u tippromwovi d-diversità tal-espressjonijiet kulturali kif ukoll il-wirt kulturali, u tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 4 dwar edukazzjoni ta' kwalità; billi dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra jinkludu l-politika kummerċjali komuni, kif definita fl-Artikolu 207 tat-TFUE;

H.  billi l-Artikolu 3(3) tat-TUE jiddikjara li l-UE għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha, u tiżgura li jitħares u jiġi żviluppat il-wirt kulturali Ewropew;

I.  billi l-Ewropa għandha varjetà għanja ta' tradizzjonijiet u industriji kulturali u kreattivi b'saħħithom, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u sistemi differenti ta' korpi tal-midja pubbliċi u ta' finanzjament pubbliku tal-films, u billi l-promozzjoni tad-diversità kulturali, l-aċċess għall-kultura u d-djalogu demokratiku jridu jibqgħu prinċipji ta' gwida, bi qbil mal-approċċ kummerċjali internazzjonali tal-UE;

J.  billi l-industriji kulturali u kreattivi jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' impjiegi deċenti u għall-prosperità ekonomika, u jammontaw għal madwar 2,6 % tal-PDG tal-UE, filwaqt li qed jesperjenzaw rata ta' tkabbir ogħla mill-bqija tal-ekonomija, u jirrappreżentaw wieħed mill-iktar setturi reżiljenti matul il-kriżi finanzjarja; billi l-iżvilupp tal-kummerċ fil-prodotti u s-servizzi tal-industrija kulturali u kreattiva se jikkostitwixxi mutur importanti tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u tal-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa;

K.  billi r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data jistabbilixxi standards għoljin ta' pproċessar tad-data personali li jirrikjedu ċertu livell ta' responsabbiltà min-naħa tal-pjattaformi u s-servizzi ta' streaming fir-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali;

L.  billi l-isfruttar tal-potenzjal tal-globalizzazzjoni fl-aspetti kummerċjali li jikkonċernaw il-prodotti kulturali jimplika konformità stretta mal-konvenzjonijiet internazzjonali kollha dwar il-protezzjoni tal-wirt kulturali, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1954, tal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-1970 u tal-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995;

M.  billi d-djalogu interkulturali jrawwem ir-rispett u l-fehim reċiproku, u jinkoraġġixxi skambji soċjali u ekonomiċi iktar ġusti, inkluż il-kummerċ, filwaqt li jgħin kemm biex jiġu żviluppati prattiki li jippromwovu l-interessi tal-partijiet kollha b'mod iktar ibbilanċjat u rispettuż kif ukoll biex jiġu miġġielda l-prattiki inġusti bħalma huma l-klawżoli abbużivi u l-kondizzjonalitajiet imposti b'mod unilaterali;

L-isfruttar tal-globalizzazzjoni

1.  Jilqa' d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni dwar l-isfruttar tal-globalizzazzjoni, kif ukoll l-enfasi li jixħet fuq l-iffaċilitar tal-aċċess għall-effetti pożittivi tal-globalizzazzjoni, filwaqt li jirrimarka l-bżonn li naħdmu kontra l-effetti negattivi;

2.  Jenfasizza li l-kummerċ internazzjonali mhux biss għandu rwol deċiżiv fl-iżvilupp ekonomiku u fil-kooperazzjoni ekonomika bejn il-pajjiżi fl-ekonomija globalizzata, iżda għandu wkoll influwenza fundamentali fuq il-paċi, it-tkabbir sostenibbli soċjalment u ekoloġikament, l-impjiegi, il-qerda tal-faqar u l-insigurtà tal-ikel, id-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi, għalhekk, ir-responsabbiltà dejjem akbar tal-UE li tikkontribwixxi fit-tweġiba għal dawn l-isfidi fir-relazzjonijiet esterni u fil-qasam tal-kummerċ globali tagħha;

3.  Jirrimarka l-ħtieġa li b'mod effikaċi jiġu msaħħa l-kontrolli fuq il-kummerċ ta' oġġetti b'użu doppju, u konsegwentement, jappella għall-implimentazzjoni tal-obbligi tal-Unjoni skont it-Trattat Internazzjonali dwar il-Kummerċ tal-Armi;

Rendikont

4.  Jinnota li permezz tal-globalizzazzjoni, il-pajjiżi u l-ekonomiji qed isiru dejjem aktar interkonnessi; jinnota li dan wassal biex tfaċċaw ktajjen ta' valur internazzjonali u jirrimarka l-fatt li dawn il-ktajjen ta' valur jirristrutturaw it-tqassim internazzjonali tax-xogħol kif ukoll l-interdipendenza tal-pajjiżi; ifakkar li n-natura estremament kumplessa tagħhom, in-nuqqas ta' trasparenza u d-dilwizzjoni tar-responsabbiltajiet jistgħu jwasslu għal riskju akbar ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, l-impunità fattwali għal reati kontra l-ambjent u l-evitar tat-taxxa u l-frodi fiskali fuq skala kbira; itenni l-benefiċċji ta' politika kummerċjali tal-UE bbażata fuq regoli u valuri komuni, inkluż dwar kwistjonijiet bħad-drittijiet tal-bniedem, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni ambjentali;

5.  Jinnota li l-benefiċċji tal-globalizzazzjoni mhumiex distribwiti b'mod ugwali bejn ir-reġjuni u fi ħdan is-soċjetajiet, fejn xi reġjuni u setturi japprofittaw ħafna, filwaqt li oħrajn qed ibatu minn bidliet strutturali u minn qgħad li qed jiżdied; jinnota li dan, flimkien mal-bidliet fit-teknoloġija bħalma huma l-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni, huwa raġuni għax-xettiċiżmu lejn il-globalizzazzjoni jew għar-rifjut tagħha li qed jiżdiedu f'partijiet tas-soċjetà; jinnota li l-kriżijiet finanzjarji u ekonomiċi affettwaw id-distribuzzjoni tad-dħul u aggravaw il-problema tal-faqar; jieħu nota li fl-2014 il-koeffiċjent Gini medju tad-dħul disponibbli tal-familji laħaq l-ogħla valur irreġistrat f'dawn l-aħħar 30 sena iżda wera xejra partikolarment negattiva fid-dħul modest u medju; josserva li l-klassi medja ċkienet f'ħafna Stati Membri tal-UE, filwaqt li s-sehem tagħha tad-dħul globali naqas bl-istess mod; jesprimi l-fehma li t-tlaqqigħ ta' klassi medja li qed tmajna, tal-biżgħat taċ-ċittadini fuq it-telf tal-pożizzjoni soċjali u ekonomika tagħhom u tax-xettiċiżmu fil-konfront tal-globalizzazzjoni jista' jwassal għall-protezzjoniżmu, li hija risposta simplistika għall-biżgħat komuni; jinnota li f'dan il-kuntest, la l-politiki protezzjonisti nazzjonalistiċi u lanqas il-politiki ta' żamma tal-istatus quo mhuma tweġiba adegwata;

6.  Jirrimarka li l-perspettiva ta' futur domestiku sostenibbli u li jimxi 'l quddiem tappoġġa t-tnaqqis u tiffaċilita l-ġestjoni tal-flussi tal-migrazzjoni illegali lejn l-Ewropa;

7.  Jinnota li fejn l-ekonomija tfalli, id-demokrazija tbati wkoll; josserva li d-demokrazija issa tinsab sejra lura kważi kullimkien; jissottolinja li ċ-ċittadini għandhom aktar setgħa minn qatt qabel iżda ħafna jħossu li d-demokrazija m'għadhiex taqdi tajjeb l-interessi tagħhom; jirrimarka li din ix-xejra twassal biex l-istati awtokratiċi u mhux demokratiċi jirnexxilhom idawru s-soċjetajiet tagħna f'arma u jikkapitalizzaw mir-reazzjoni negattiva popolari kontra l-globalizzazzjoni;

8.  Jinnota li l-importanza ekonomika taċ-Ċina u ta' pajjiżi oħra tax-Xlokk tal-Asja qed tikber b'mod sinifikanti; jenfasizza ż-żieda fil-flussi kummerċjali u ta' investiment fi ħdan dan ir-reġjun; jirrimarka li din ix-xejra se tippersisti matul is-snin li ġejjin; jinnota li dan se jwassal għal telf relattiv tal-importanza għaċ-ċentri ekonomiċi globali attwali tal-Ewropa u tal-Amerka ta' Fuq, kif ukoll għal sfidi ġodda fir-rigward tal-preservazzjoni ta' politika kummerċjali internazzjonali bbażata fuq il-valuri; jenfasizza l-importanza li nadattaw għal dawn l-isfidi ekonomiċi ġodda; itenni, għalhekk, il-ħtieġa li jkomplu jissaħħu r-regoli u s-sistema multilaterali bbażata fuq il-valuri; jenfasizza li dawn l-iżviluppi x'aktarx jikkompromettu l-interessi strateġiċi Ewropej;

9.  Jinnota li l-globalizzazzjoni wasslet għat-tifrix aktar mgħaġġel u usa' tat-teknoloġija u l-innovazzjoni, u li t-teknoloġija tista' tkun faċilitatur ewlieni tal-kummerċ; jenfasizza l-fatt li l-UE għadha ma wettqitx l-istrateġija kummerċjali diġitali u lanqas għadha ma indirizzat il-benefiċċji li l-internet u t-teknoloġiji tar-reġistru distribwit jistgħu jġibu għall-kummerċ internazzjonali;

10.  Jinnota li l-ekonomija Ċiniża qed tikber b'mod sinifikanti u żżid is-sehem tas-suq tagħha għad-detriment tal-Ewropa u tal-Amerka ta' Fuq; jinnota li l-Inizjattiva l-ġdida taċ-Ċina "Medda Waħda, Rotta Waħda" hija tentattiv biex issir il-qawwa ekonomija dinjija ewlenija; jissottolinja li l-influwenza taċ-Ċina, li mhijiex biss ekonomika iżda għandha dimensjonijiet strateġiċi u relatati mas-sigurtà, qed tinfirex lejn l-Ewropa; iqis il-politika "America First" bħala tentattiv biex jiġi konfrontat it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku tal-Istati Uniti u li tirrappreżenta forza distruttiva għall-ordni ekonomiku dinji bbażat fuq ir-regoli;

11.  Jenfasizza li, f'dawn l-aħħar deċennji, l-assi transatlantiku dejjem kien garanti tal-kummerċ ħieles globali bbażat fuq il-valuri u li jista' għal darb'oħra jassumi dan ir-rwol fil-futur; jinnota, f'dan ir-rigward, li ftehim transatlantiku jista' jipprovdi impetus ġdid;

12.  Jirrimarka li l-ordni ekonomiku dinji multilaterali, bid-WTO fiċ-ċentru tiegħu, qed jissielet biex jinkorpora dawn il-bidliet profondi, kif ukoll l-interessi li qed jinbidlu tal-pajjiżi fil-ftehimiet internazzjonali; jinnota li l-protezzjoniżmu dejjem akbar fl-Istati Uniti u lil hinn minnha, kif ukoll in-nuqqas ta' kunsiderazzjoni għall-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ftehimiet internazzjonali, idgħajfu d-WTO; iqis li l-korp tal-appell tad-WTO huwa partikolarment importanti għar-rikonċiljazzjoni tat-tilwim kummerċjali u jinsab imħasseb serjament dwar l-imblukkar mill-Istati Uniti tal-ħatra ta' membri tal-korp, peress li dan jimmina l-funzjonament tad-WTO; jistieden lill-Kummissjoni turi flessibbiltà meta tiġi biex tirriforma l-korp tal-appell tad-WTO iżda biex tinsisti fuq mekkaniżmu ta' soluzzjoni tat-tilwim f'żewġ stadji; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' integrazzjoni tal-SDGs fl-aġenda tal-kummerċ dinji u l-fatt li dawn ma ġewx ikkunsidrati b'mod adegwat; jesprimi l-fehma li l-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikunu riflessi aħjar fil-ftehimiet internazzjonali, kif ukoll fiċ-Ċiklu ta' DOHA għall-Iżvilupp;

Il-politika Ewropea

13.  Jinnota li l-UE hija ppreżentata bl-isfida li tiffunzjona b'suċċess f'dan il-kuntest ekonomiku globali li qed jinbidel, li jfisser li jeħtieġ li tiżgura l-kompetittività tagħha filwaqt li tippreserva l-istandards soċjali u ambjentali, iżżid il-kooperazzjoni tagħha mal-ekonomiji li qed jikbru fl-Asja tax-Xlokk kif ukoll fl-Indja, fiċ-Ċina u fl-Amerka Latina, u tindirizza l-protezzjoniżmu arbitrarju li qed jiżdied tal-Istati Uniti; jinnota l-importanza li jkun hemm involviment fir-ristrutturar tal-ordni ekonomiku dinji u li jiġu rispettati l-ħtiġijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif ukoll tal-persuni li jinsabu ekonomikament u soċjalment imċaħħda fil-pajjiżi żviluppati; jenfasizza li l-għanijiet tat-twettiq tal-SDGs u tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi jridu jservu bħala l-qafas ġenerali biex jitwettaq dan l-impenn, fejn il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp tkun tal-ikbar importanza; jissottolinja li l-finanzi pubbliċi, l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi nazzjonali huma għodod meħtieġa biex jintlaħqu l-SDGs;

14.  Jenfasizza l-importanza ta' politiki ta' appoġġ biex isostnu l-effetti pożittivi u l-opportunitajiet ipprovduti mill-globalizzazzjoni; jissottolinja l-ħtieġa ta' ftehimiet ta' kummerċ ħieles strutturati u bbilanċjati tajjeb; itenni l-appoġġ tiegħu għall-politika kummerċjali tal-Kummissjoni u għall-promozzjoni tal-għodod u l-istrumenti tal-politika tal-kummerċ sabiex jiġu regolati u indirizzati b'mod determinat l-isfidi tal-globalizzazzjoni;

15.  Iqis li l-Unjoni Ewropea toffri qafas ta' appoġġ xieraq għall-elaborazzjoni ta' regoli progressivi dwar il-kummerċ u l-investiment, li jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni ekonomika, is-solidarjetà bejn il-popli u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; jinkoraġġixxi lill-Unjoni tkompli tiżviluppa l-inizjattivi tagħha sabiex tirregola aħjar il-globalizzazzjoni permezz ta' miżuri ta' appoġġ effikaċi;

16.  Jinnota d-diffikultajiet li l-Istati Membri jiltaqgħu magħhom meta jkunu qed jittrattaw waħedhom l-isfidi transnazzjonali bħalma huma l-flussi migratorji, il-kriżijiet finanzjarji, l-evażjoni tat-taxxa, it-terroriżmu u t-tibdil fil-klima; jenfasizza r-responsabbiltà kondiviża u r-rwol tar-reġjuni u l-ibliet fl-isfruttar tal-globalizzazzjoni; jinnota li l-effikaċja tal-azzjonijiet Ewropej tiddependi mill-isforzi tal-Istati Membri;

17.  Jirrimarka li t-tilwim bejn l-UE u l-Istati Uniti joħloq sfidi ġodda għall-UE iżda jiġġenera wkoll opportunitajiet li jiġu mfittxija modi ġodda ta' kif tista' tiġi ġestita u msawra l-globalizzazzjoni, kif ukoll biex tittieħed responsabbiltà għaliha;

Ir-risposta interna tal-Ewropa

18.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-preservazzjoni tal-kompetittività internazzjonali filwaqt li tiggarantixxi standards soċjali u ambjentali għolja hija prerekwiżit għal strateġija Ewropea ta' suċċess; jilqa' t-tisħiħ ulterjuri tas-suq intern tal-UE kif ukoll il-konsolidazzjoni tal-unjoni ekonomika permezz tal-armonizzazzjoni tal-istandards dwar il-protezzjoni soċjali, il-pagi u l-istandards tal-għajxien; jemmen li din l-armonizzazzjoni hija vitali, peress li suq intern sod huwa prerekwiżit għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-istrateġiji internazzjonali;

19.  Jirrimarka li l-fatt li wieħed ikun kompetittiv internazzjonalment jiddependi bil-kbir mit-tiswir b'suċċess tal-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni b'mod soċjalment u ambjentalment responsabbli, filwaqt li tiġi ppreservata l-protezzjoni tal-ħajja privata taċ-ċittadini Ewropej; jinnota li t-teknoloġiji l-ġodda, b'mod speċjali l-blockchain, se jittrasformaw in-natura tal-kummerċ internazzjonali; jinnota l-importanza li nilħqu l-miri tal-politika klimatika tagħna u li l-bidla lejn enerġiji rinnovabbli jeħtieġ li sseħħ malajr kemm jista' jkun; huwa tal-fehma li l-UE, b'mod urġenti, teħtieġ tiżviluppa strateġija industrijali reali u effikaċi bil-għan li jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet esterni filwaqt li trawwem it-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju; iqis li l-opportunitajiet u l-isfidi li tinvolvi l-globalizzazzjoni, kif ukoll l-azzjonijiet reċenti min-naħa ta' ċerti pajjiżi terzi, għandhom jiġu ssodisfati b'politika kummerċjali tal-UE li tiffavorixxi l-kummerċ miftuħ u ġust b'regoli trasparenti u sistema multilaterali b'saħħitha fi ħdan id-WTO;

20.  Jirrimarka li skont l-Artikolu 12 tat-TFUE, li jirrikonoxxi li r-rekwiżiti ta' protezzjoni tal-konsumatur iridu jiġu kkunsidrati fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' politiki u attivitajiet oħra tal-Unjoni, kapitolu ddedikat dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jista' jikkontribwixxi biex jintlaħaq livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur permezz ta' salvagwardji ġuridiċi, pereżempju dwar id-dritt ta' regolamentazzjoni u l-prinċipju ta' prekawzjoni, iżda jista' wkoll jagħti benefiċċji tanġibbli lill-konsumaturi u jrawwem il-fiduċja tal-konsumaturi, inkluż fis-servizzi online, jippromwovi l-konsum sostenibbli, jintegra l-interess tal-konsumaturi fl-implimentazzjoni ta' ftehimiet kummerċjali sħaħ u jikkontribwixxi għall-infurzar effikaċi tal-liġi tal-konsumatur, inkluż f'sitwazzjonijiet transfruntiera;

21.  Jirrimarka l-ħtieġa li jiġu żgurati kundizzjonijiet aktar ekwi għall-SMEs; jitlob lill-Kummissjoni toħloq strateġija kummerċjali Ewropea għall-SMEs sabiex l-SMEs jiġu integrati fil-ktajjen ta' valur internazzjonali u biex jingħelbu l-ostakoli speċifiċi għall-kummerċ bħal pereżempju l-ostakoli mhux tariffarji; jirrimarka li l-aċċess għall-informazzjoni hu wieħed mill-akbar ostakoli għall-parteċipazzjoni tal-SMEs fis-suq, u dan ifisser li t-trasparenza u l-appoġġ jeħtieġ jiżdiedu; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strumenti f'dan il-kuntest biex tiffaċilita l-immaniġġar tar-regoli ta' oriġini u l-użu tal-preferenzi għall-SMEs; jirrimarka l-potenzjal kbir tal-preferenzi mhux użati u jitlob b'insistenza lill-Kummissjoni tistabbilixxi miri ambizzjużi biex jiżdiedu r-rati ta' użu; jinnota l-importanza tal-SMEs biex jintlaħqu tal-SDGs; jappella għall-inklużjoni ta' kapitoli apposta fil-ftehimiet kummerċjali dwar il-ħtiġijiet u l-interessi tal-SMEs, speċjalment fir-rigward tal-iffaċilitar tal-aċċess għas-suq;

22.  Jinnota li hemm bżonn ta' strumenti effikaċi għad-difiża tal-kummerċ, jilqa' r-riforma reċenti ta' strumenti għad-difiża tal-kummerċ, li jridu jkunu implimentati b'mod effikaċi u proporzjonat sabiex jipproteġu l-industriji u l-impjiegi minn importazzjonijiet li jkunu s-suġġett ta' dumping jew ta' sussidji; jafferma li l-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ m'għandhomx jintużaw għall-finijiet ta' protezzjoniżmu; jappoġġa l-miżuri stabbiliti mill-Kummissjoni wara l-impożizzjoni tat-tariffi fuq l-azzar u l-aluminju mill-Istati Uniti; jirrimarka li r-regoli dwar l-iskrinjar tal-investiment jeħtieġ jiġu implimentati mill-aktar fis possibbli sabiex jiġu evitati investimenti barranin li jkunu sempliċiment motivati minn politika industrijali u li jservu biex jinkisbu teknoloġiji Ewropej; ifakkar fil-ħtieġa ta' Strument ta' Akkwist Internazzjonali b'saħħtu; jilqa' l-passi kuraġġużi li ttieħdu bl-integrazzjoni tad-dimensjoni tad-dumping soċjali u ambjentali f'dawk l-istrumenti u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tiżviluppa metodi sodi sabiex tqis dawk id-dimensjonijiet bis-sħiħ, inkluż fir-rigward tal-istandards soċjali u ambjentali applikabbli fil-pajjiżi esportaturi;

23.  Jinnota li, bħala tweġiba għat-telf tal-impjiegi li rriżulta mill-globalizzazzjoni, jeħtieġ li l-Istati Membri jsaħħu l-politiki tagħhom dwar is-suq tax-xogħol u l-offerta tagħhom ta' taħriġ; jinnota, madankollu, li hija meħtieġa riforma tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) sabiex jaffronta l-isfidi ġodda tal-globalizzazzjoni, inkluż riforma tal-prekundizzjonijiet biex wieħed jirċievi l-appoġġ; jenfasizza li l-FEG irid isir għodda aktar proattiva mmirata biex tħejji l-ħaddiema u l-kumpaniji viex jiġġieldu lill-impatti negattivi tal-globalizzazzjoni; jinnota li intrapriżi iżgħar irid ikollhom aċċess għall-finanzjament tal-FEG; jirrimarka li l-kamp ta' applikazzjoni tal-FEG għandu jitwessa' biex jinkludi aġġustamenti oħra maħluqa mill-politika u li jeħtieġ baġit adegwat kif ukoll mekkaniżmu xieraq ta' monitoraġġ u evalwazzjoni;

24.  Jirrikonoxxi l-passi pożittivi meħuda mill-Kummissjoni biex iżżid it-trasparenza fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs); jistieden lill-Kummissjoni tindirizza x-xettiċiżmu fil-konfront tal-globalizzazzjoni permezz tat-tisħiħ ulterjuri tat-trasparenza fil-ftehimiet kummerċjali, ittejjeb il-monitoraġġ tar-regoli u l-leġiżlazzjoni tal-UE, u żżid l-inklużività għaċ-ċittadini; jistieden lill-Kummissjoni tmexxi n-negozjati bi trasparenza sħiħa, permezz ta' djalogu kostanti mal-Parlament Ewropew, mal-parlamenti nazzjonali, mas-sħab soċjali u mas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kunsill jinforma u jinvolvi lill-parlamenti nazzjonali u lis-soċjetà ċivili qabel l-approvazzjoni tal-mandati ta' negozjar u matul in-negozjati; jiddispjaċih li l-Kunsill iddeċieda, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-22 ta' Mejju, li jżomm l-istatus quo kif inhu billi ddeċieda li jippubblika d-direttivi ta' negozjati tal-FTAs tal-UE fuq il-bażi ta' kull każ għalih; jistieden lill-Kunsill jippubblika l-mandati kollha ta' negozjar;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar governanza u regoli globali biex il-globalizzazzjoni tiġi sfruttata aħjar; jissottolinja l-importanza ta' politiki nazzjonali ta' sostenn biex tingħata spinta lill-kompetittività u lir-reżiljenza tal-UE;

26.  Jirrimarka li l-prodotti agroalimentari tal-UE jissodisfaw l-ogħla standards fid-dinja; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-prodotti agrikoli importati jissodisfaw l-istandards tal-UE u ssaħħaħ il-verifiki fuq prodotti agroalimentari importati fil-post ta' oriġini tagħhom u mal-wasla tagħhom fl-UE;

27.  Ifakkar fl-importanza ta' implimentazzjoni effiċjenti tal-ftehimiet kummerċjali konklużi sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa tagħna jkunu jistgħu jibbenefikaw kemm jista' jkun mill-opportunitajiet ta' esportazzjoni pprovduti minn dawn il-ftehimiet, bħalma hu l-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn l-UE u l-Kanada;

28.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati regoli u regolamenti kummerċjali ġodda f'livell globali sabiex jiġu rregolati u armonizzati l-istandards tal-produzzjoni, soċjali u ambjentali fis-settur agroalimentari;

29.  Jilqa' l-ftehim kummerċjali tal-UE mal-Ġappun, li huwa r-raba' l-akbar suq għall-esportazzjoni agrikola tal-UE, li se jipprovdi opportunitajiet ta' esportazzjoni tajbin għal bosta prodotti agroalimentari tal-UE, bħall-prodotti tal-ħalib;

30.  Jenfasizza, l-ewwel nett, l-importanza li jiġu inklużi klawżoli ta' salvagwardja bilaterali effikaċi u faċilment disponibbli li jippermettu s-sospensjoni temporanja tal-preferenzi jekk, bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim kummerċjali, żieda fl-importazzjonijiet kellha tikkawża ħsara serja – jew tirriskja li tikkawża ħsara serja – lis-setturi sensittivi u, it-tieni nett, li jiġu riveduti l-mekkaniżmi ta' salvagwardja multilaterali eżistenti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (Regolament dwar l-OKS Unika)(12), li għandu jkollhom rwol preventiv għas-setturi sensittivi fuq il-bażi tal-volum ta' referenza u l-limiti tal-prezzijiet li jippermettu l-attivazzjoni awtomatika b'effett sospensiv tal-mekkaniżmi ta' salvagwardja fejn dawn il-limiti jkunu ntlaħqu;

31.  Jenfasizza l-importanza strateġika għall-UE li żżomm livell għoli ta' awtosuffiċjenza fl-ikel; huwa tal-fehma li l-globalizzazzjoni tal-kummerċ m'għandhiex tipperikola l-vijabbiltà tal-produtturi agroalimentari tal-UE, peress li fit-tul dan jista' jwassal għat-tip ta' dipendenza esterna li diġà ġiet osservata fis-settur tal-enerġija;

32.  Jinnota li d-dokument ta' riflessjoni tal-Kummissjoni dwar l-isfruttar tal-globalizzazzjoni huwa l-ewwel dokument ta' din ix-xorta li jsemmi l-importanza li ntejbu l-istandards tal-benessri tal-annimali permezz tal-aġenda kummerċjali u ta' investiment tal-UE; jilqa' r-rieda espressa mill-Kummissjoni li taħdem lejn governanza globali msaħħa fil-qasam; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi b'mod espliċitu l-benessri tal-annimali fl-istrateġija tal-politika kummerċjali li jmiss tagħha u tuża l-klawżoli ta' rieżami fl-FTAs eżistenti biex tkompli ttejjeb id-dispożizzjonijiet dwar il-benessri tal-annimali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-preferenzi kummerċjali jkunu jiddependu mill-konformità mal-istandards tal-UE dwar il-benessri tal-annimali, biex b'hekk jiġu garantiti kundizzjonijiet aktar ekwi u r-rispett tax-xewqat tal-parti l-kbira taċ-ċittadini tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi r-rwol importanti li għandhom l-istandards ogħla tal-benessri tal-annimali biex jintlaħqu għadd ta' SDGs, b'mod partikolari dwar is-saħħa b'rabta mar-reżistenza antimikrobika, u dwar it-tibdil fil-klima;

33.  Jenfasizza li l-kultura u l-edukazzjoni, inkluż it-tagħlim tul il-ħajja, huma beni komuni, li l-aċċess għall-kultura u l-edukazzjoni huwa dritt tal-bniedem, u li l-kultura u l-edukazzjoni għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati jew ġestiti bl-istess mod bħal oġġett jew servizz diskrezzjonali, iżda pjuttost bħala beni komuni li għandhom jiġu ppreservati u mtejba kontinwament; jitlob, għaldaqstant, li s-servizzi kulturali, awdjoviżivi u edukattivi, inklużi dawk ipprovduti online, ikunu esklużi b'mod ċar fil-ftehimiet kummerċjali bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, bħama hi s-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) mal-Istati Uniti;

34.  Jinsisti, għalhekk, fuq ir-rwol ewlieni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali fit-trattati internazzjonali tal-kummerċ, li għandhom jikkunsidraw u jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tagħha;

35.  Iqis li huwa essenzjali li jiġu bbilanċjati n-negozjati kummerċjali dwar id-drittijiet tal-awtur sabiex ikun żgurat li dawn ma jkunux innegozjati sal-iżgħar denominatur komuni iżda jkollhom l-għan li jiżguraw l-aħjar regoli possibbli għall-protezzjoni tal-wirt kulturali, permezz tal-promozzjoni tad-diversità kulturali, u l-iżgurar ta' dħul għal dawk li jaħdmu fil-qasam tal-kultura u tal-midja, l-appoġġ u t-tisħiħ tal-kreattività, it-tixrid tal-għarfien u l-kontenut kif ukoll id-drittijiet tal-utenti fl-era diġitali, u li jikkostitwixxu ambjent kummerċjali miftuħ u bbażat fuq ir-regoli, li huwa essenzjali biex l-industriji kulturali u kreattivi tal-Unjoni Ewropea jirnexxu;

36.  Itenni l-appell tiegħu lill-UE li teżerċita d-dritt tagħha li tadotta jew iżżomm miżuri (b'mod partikolari ta' natura regolatorja u/jew finanzjarja), inkluża klawżola ġenerali legalment vinkolanti fir-rigward tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, tal-wirt kulturali, tal-libertà tal-espressjoni, tal-pluraliżmu u l-libertà tal-midja, irrispettivament mit-teknoloġija jew il-pjattaforma ta' distribuzzjoni użati, fin-negozjati kummerċjali ma' pajjiżi terzi;

37.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-protezzjoni tad-data hija dritt fundamentali fl-Unjoni Ewropea; jitlob li jiġu ggarantiti standards għoljin tal-protezzjoni tad-data fil-ftehimiet kummerċjali permezz ta' hekk imsejħa deċiżjoni ta' adegwatezza reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi mhux membri tal-UE;

38.  Jisħaq fuq l-importanza li jkomplu jiġu promossi l-iskemi ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u ta' speċjalitajiet tradizzjonali tal-Unjoni Ewropea, u li jkomplu jiġu konklużi l-ftehimiet bilaterali rilevanti mal-pajjiżi terzi;

39.  Jilqa' l-mandat reċenti tal-Kunsill mogħti lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f'isem l-Unjoni Ewropea, Konvenzjoni li tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment (MIC) sabiex jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet tas-sistema eżistenti ta' Soluzzjoni ta' Tilwim bejn Investituri u Stati; jinnota li l-MIC se sservi bħala korp permanenti għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment u se tirrappreżenta sistema aktar trasparenti, koerenti u ġusta, li se tkun estremament ta' ġid għall-investituri; jilqa' wkoll, f'dan il-kuntest, il-fatt li l-Kunsill iddeċieda wkoll li jagħmel id-direttivi dwar in-negozjati pubblikament disponibbli, li kienet talba li ilha ssir mill-Parlament fl-isforzi tiegħu biex jistinka għal aktar trasparenza fil-qasam tan-negozjati internazzjonali;

Ir-risposta esterna tal-Ewropa

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi l-prinċipji gwida tal-politika kummerċjali tal-UE; jinnota li sabiex dan isir, ir-riformi li saritilhom referenza fl-istrateġija "Kummerċ għal Kulħadd" mhumiex biżżejjed; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra s-sostenibbiltà bħala prinċipju ġenerali għall-ftehimiet kummerċjali kollha, inkluż permezz ta' obbligi relatati mas-sostenibbiltà f'kull kapitolu, u biex tinkludi kapitolu speċifiku li jikkontribwixxi għall-appoġġ u l-promozzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet soċjali, tax-xogħol u tal-bniedem, u tal-ftehimiet ambjentali multilaterali; jinnota li l-applikazzjoni ta' dawn id-dispożizzjonijiet vinkolanti u eżegwibbli trid tiġi mmonitorjata b'mod xieraq sabiex jiġu varati proċeduri ta' konsultazzjoni tal-gvern u jiskattaw il-mekkaniżmi speċjali ta' riżoluzzjoni ta' tilwim, jekk meħtieġ, kif stabbilit fi ħdan il-qafas tal-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD); jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jkunu aktar ambizzjużi meta jkunu qed jinnegozjaw mal-pajjiżi sħab industrijalizzati rigward il-konvenzjonijiet tal-ILO li jridu jissemmew fil-ftehim;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli li jkunu sodi u komprensivi fl-FTAs sabiex tappoġġa l-kummerċ internazzjonali; jilqa' l-pjan ta' 15-il punt tal-Kummissjoni biex il-kapitoli tal-UE dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli jsiru aktar effikaċi;

42.  Jinnota l-importanza ta' politika kummerċjali bbilanċjata u progressiva biex jiġu affrontati l-isfidi tal-globalizzazzjoni permezz ta' FTAs ibbilanċjati li diġà ġew konklużi jew li għadhom qed jiġu nnegozjati, pereżempju mal-Kanada, mal-Ġappun, ma' Singapore, mal-Awstralja, ma' New Zealand, mal-Vjetnam u mal-Messiku;

43.  Jitlob lill-Kummissjoni ssegwi politika kummerċjali ambizzjuża u żżomm ambjent ta' investiment miftuħ; iżid li r-ratifika ta' ftehimiet kummerċjali konklużi u ffirmati għandha ssir malajr sabiex jinżammu l-impenji lejn is-sħab tagħna;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi regoli relatati mal-kummerċ diġitali fl-FTAs tal-UE, inklużi l-flussi tad-data transfruntiera, sabiex jintwera li l-kummerċ fi prodotti u servizzi diġitali jista' jissarraf f'benefiċċju reali għan-negozji u għall-konsumaturi;

45.  Jifraħ lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni tagħha li tistabbilixxi l-premju ġdid ta' Bliet tal-UE għal Kummerċ Ġust u Etiku;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif it-teknoloġiji tar-reġistru distribwit (DLTs) kif ukoll il-blockchain jistgħu jintużaw biex itejbu l-kummerċ internazzjonali, u jindirizzaw kwistjonijiet bħat-trasparenza u l-flessibbiltà, u jindirizzaw b'mod determinat il-falsifikazzjoni;

47.  Jissottolinja li l-Aġenda 2030 tan-NU għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima jipprovdu l-valuri referenzjarji li magħhom jitkejjel il-kontribut tal-politika kummerċjali tal-UE għall-għall-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli globali li sar qbil dwarhom; jinnota li l-valutazzjonijiet tal-impatt li jsiru qabel ma jinbdew in-negozjati jridu jikkunsidraw it-twettiq tal-SDGs; jinnota li l-istrateġiji ta' sostenibbiltà u l-pjanijiet ta' implimentazzjoni nazzjonali għall-Ftehim ta' Pariġi jridu jkunu wieħed mill-punti essenzjali għall-valutazzjonijiet tal-impatt; jirrimarka li l-ftehimiet kummerċjali u l-impatti possibbli tagħhom għandhom jirrispondu għat-talbiet tal-SDGs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fir-rapporti futuri tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tipprovdi evalwazzjoni, inkluża data, tal-impatt tagħhom fuq it-twettiq tal-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi; jinnota li jridu jsiru aġġustamenti f'każ li xi partijiet ta' ftehim ixekklu t-twettiq tal-SDGs jew tal-Ftehim ta' Pariġi;

48.  Jinnota li s-sistema tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp għandha tinġieb konformi mal-SDG 17; jirrimarka li l-effetti reċiproki tal-oqsma ta' politika bħall-kummerċ, l-agrikoltura, il-politika esterna, is-sajd, l-ambjent u t-taxxa jridu jkunu evalwati b'mod koerenti bejn is-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni u l-parlamenti nazzjonali; jinnota li l-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' sostenibbiltà jridu jiġu kontrobilanċjati b'miżuri korrettivi; jitlob valutazzjoni tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp (PCD), f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat ta' Lisbona dwar il-proposti leġiżlattivi relatati mal-kummerċ; jinnota li l-imġiba responsabbli fin-negozju u l-ġestjoni responsabbli tal-ktajjen ta' valur globali huma essenzjali biex jinkisbu l-SDGs u li l-Aġenda 2030 tenfasizza li hemm ħtieġa urġenti ta' pjan ta' azzjoni tal-UE dwar l-imġiba responsabbli fin-negozju li jrawwem il-koerenza u l-konsistenza tal-politika fil-livell tal-UE;

49.  Jirrimarka li r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-istandards tax-xogħol ewlenin tal-ILO jridu jkunu prijorità għall-implimentazzjoni ta' kwalunkwe FTA; jinnota li s-soċjetà ċivili organizzata kif ukoll is-sħab soċjali għandhom jiġu inklużi fl-istadji ta' tfassil tal-ftehimiet, fil-fażi tal-implimentazzjoni u fil-fażi ta' monitoraġġ wara l-implimentazzjoni tagħhom permezz ta' ftehimiet bilaterali flimkien mas-sħab fin-negozjati; jinnota li għandhom jiġu stabbiliti mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim effikaċi u li jaħdem kif ukoll korpi ta' monitoraġġ effikaċi li jinvolvu lis-soċjetà ċivili;

50.  Jinnota li l-UE rregolat il-ktajjen tal-provvista tal-injam, il-ħut u l-minerali li ġejjin minn żoni affettwati minn kunflitti u li diversi Stati Membri żviluppaw oqfsa ta' diliġenza dovuta f'setturi differenti, u dan juri l-ħtieġa li jiġi żviluppat qafas wiesa' sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi; jitlob lill-Kummissjoni għalhekk tiffaċċja l-kumplessità dejjem tikber tal-ktajjen ta' valur u l-interdipendenza dejjem tiżdied tal-produtturi b'obbligi ċari ta' trasparenza u diliġenza dovuta għall-katina tal-provvista kollha kemm hi, minħabba li l-infurzar dgħajjef tal-liġijiet tax-xogħol eżistenti u tal-istandards tas-sikurezza okkupazzjonali fil-pajjiżi ta' provenjenza għadha kwistjoni urġenti; jistieden lill-Kummissjoni tibni fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE fil-qasam tal-minerali u l-injam li ġejjin minn żoni affettwati minn kunflitti kif ukoll il-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għall-Imġiba Responsabbli fin-Negozju; jinnota li l-ktajjen ta' valur mondjali (GVCs) wasslu biex xi ditti fornituri jinjoraw il-liġijiet tax-xogħol, jirrelokaw barra mill-UE u jinvolvu lill-ħaddiema f'kundizzjonijiet perikolużi u mhux aċċettabbli; ifakkar li dawn il-prattiki joħolqu kompetizzjoni inġusta għall-fornituri li huma konformi mal-liġijiet tax-xogħol u mal-istandards internazzjonali u għall-gvernijiet li jixtiequ jtejbu l-pagi u l-istandards tal-għajxien; jisħaq fuq l-importanza ta' livelli tal-pagi deċenti u standards deċenti ta' sikurezza fuq il-post tax-xogħol għal sistema kummerċjali globali sostenibbli u GVCs ġodda; jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-impatt taż-żieda tal-GVCs u tippreżenta proposti konkreti biex jittejbu l-kundizzjonijiet fi ħdanhom u biex taħdem lejn qafas multilaterali u legalment vinkolanti għar-responsabbiltà korporattiva u l-imġiba responsabbli fin-negozju fir-rigward tax-xogħol deċenti, is-sostenibbiltà ambjentali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-ILO u l-OECD; jirrikonoxxi li huwa aktar preferibbli li l-UE ssegwi tali qafas vinkolanti fin-negozjati multilaterali milli timponi regoli ewlenin b'mod unilaterali; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri juru sens ta' tmexxija u jżidu l-involviment tagħhom fid-deliberazzjonijiet tan-NU fir-rigward ta' trattat vinkolanti dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha, f'konformità mal-erba' objettivi strateġiċi tal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO, li tirrispetta, tippromwovi u twettaq l-istandards internazzjonali tax-xogħol u l-prinċipji u d-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema;

51.  Jirrimarka li huma meħtieġa miżuri attivi li għandhom l-għan li jsaħħu l-opportunitajiet biex in-nisa jibbenefikaw mill-opportunitajiet ipprovduti mill-FTAs sabiex tintlaħaq il-mira tal-ugwaljanza bejn is-sessi; jitlob li l-ftehimiet kummerċjali jinkludu kapitolu speċifiku dwar il-kummerċ u l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa, li jiddisponu għal miżuri mmirati, inter alia, għal bilanċ aħjar tal-ħajja tal-familja u tax-xogħol u aċċess għas-servizzi soċjali u tas-saħħa, biex tiġi segwita l-parteċipazzjoni msaħħa tal-intrapriżi mmexxija min-nisa (partikolarment il-mikrointrapriżi u l-SMEs) fl-akkwist pubbliku, biex tiġi appoġġata l-internazzjonalizzazzjoni tal-intrapriżi mmexxija min-nisa u l-parteċipazzjoni tan-nisa fl-opportunitajiet tal-Modalità 4;

52.  Jinnota li, fid-dawl tal-attakki fuq l-ordni ekonomiku dinji multilaterali, hu ta' importanza vitali li dan l-ordni jiġi ppreservat, peress li kwalunkwe rigress lejn il-protezzjoniżmu jkun ta' ħsara u jwassal għal gwerra kummerċjali; jinnota li l-ordni multilaterali jista' jiġi difiż biss jekk jiġi riformat; huwa tal-fehma li, sabiex jiġi ppreservat dan l-ordni, l-Aġenda 2030 tan-NU u l-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima għandhom jiġu integrati aħjar fih; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha b'mod attiv fl-iżblokkar tal-korp tal-appell tad-WTO u jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-kooperazzjoni internazzjonali fil-ġlieda kontra l-kompetizzjoni inġusta u l-protezzjoniżmu, li huma ta' detriment kemm għan-negozji kif ukoll għaċ-ċittadini; jinnota li l-kummerċ miftuħ u ġust li jissodisfa l-SDGs u jipprovdi spazju għall-ħtiġijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif imsemmi fl-istrateġija "Kummerċ għal Kulħadd", għandu jkun l-objettiv primarju tal-UE; jinnota li, peress li l-inizjattivi multilaterali attwalment ma tantx għandhom suċċess, l-UE għandha sadanittant tirsisti għal ftehimiet bilaterali u plurilaterali, fejn il-kummerċ ġust ikun wieħed mill-prinċipji gwida, iżda jqis li s-sitwazzjoni attwali tipprovdi lill-UE b'opportunità biex turi tmexxija b'saħħitha f'li tirriforma l-ordni kummerċjali multilaterali b'mod sostenibbli u vijabbli;

53.  Jinnota li l-kummerċ miftuħ, ġust u sostenibbli hu mixtieq ekonomikament u għandu implikazzjonijiet politiċi vitali; jinnota li fid-dawl tal-politika "America First", kif ukoll l-Inizjattiva l-ġdida "Medda Waħda, Rotta Waħda", huwa ta' importanza strateġika vitali li l-UE tuża l-kummerċ bħala strument għall-promozzjoni tal-iżvilupp demokratiku u sostenibbli kif ukoll li ssaħħaħ id-djalogu u l-assistenza teknika, speċjalment fl-Istati tas-Sħubija tal-Lvant u mas-sħab Afrikani tagħha; jirrimarka li l-kummerċ u l-investimenti fil-pajjiżi sħab jeħtieġ li kkunu interkonnessi ma' strateġiji għall-iżvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tinsisti għal implimentazzjoni koerenti tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-Istati tas-Sħubija tal-Lvant; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa fit-terminu medju strateġija bil-għan li tibni relazzjonijiet stabbli mal-Komunità ta' Stati Indipendenti (CIS); jinnota li fl-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE) mar-reġjuni u l-Istati Afrikani, il-kummerċ mhuwiex l-uniku aspett importanti iżda li dawn jintrabtu mar-rekwiżiti tal-iżvilupp sostenibbli mal-Istati Afrikani huwa vitali; jitlob lill-Kummissjoni taħdem biex iżżid il-kapaċità tal-gvernijiet li jintegraw il-kwistjonijiet marbutin mal-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u inklużiv fl-istrateġiji u l-programmi kummerċjali nazzjonali tagħhom; ifakkar fl-importanza għall-UE li tapprofondixxi l-kooperazzjoni tagħha ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU, l-ILO, l-OECD u l-Bank Dinji dwar il-kwistjonijiet kummerċjali, fid-dawl tal-isfidi tal-globalizzazzjoni; jiddeplora, f'dan il-kuntest, il-fatt li l-Unjoni u l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri naqsu milli jilħqu l-mira ta' 0,7 % tal-ING għall-finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

54.  Jenfasizza li l-governanza tal-kummerċ globali għandha tippermetti integrazzjoni kummerċjali li toħloq opportunitajiet reali għall-iżvilupp sostenibbli; jirrimarka, f'dan il-kuntest, li l-arkitettura kurrenti ta' trattament speċjali u differenzjali (SDT) fid-WTO mhux qed tagħti r-riżultati mistennija; jisħaq fuq il-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet tal-SDT isiru aktar effikaċi u operazzjonali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

55.  Jenfasizza l-fatt li l-ftehimiet kummerċjali jista' jkollhom impatt negattiv fuq is-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob lill-UE tipproteġi l-produzzjoni tal-ikel lokali u tevita l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet irħas, inkluż taħt il-kappa tal-FSE;

56.  Jiddeplora l-fatt li tal-inqas 218-il miljun tifel u tifla huma sfruttati fit-tħaddim tat-tfal, prinċipalment bil-għan li jitnaqqsu l-kosti; jitlob lill-UE tiżgura li l-oġġetti ċċirkolati fl-UE taħt skemi ta' ċertifikazzjoni etika ma jkunux ġejjin minn xogħol furzat jew minn xogħol tat-tfal, tiggarantixxi l-użu affidabbli tat-tikketti ġusti u etiċi, u tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati;

57.  Jinnota li s'issa ġie konkluż FSE komprensiv wieħed; jitlob għalhekk li l-UE tirrikonoxxi d-diffikultajiet relatati mal-FSE li jiltaqgħu magħhom il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-proċess ta' wara l-Ftehim ta' Cotonou; jisħaq fuq il-ħtieġa, b'mod partikolari, li titwettaq analiżi fil-fond tal-impatt tagħhom fuq l-ekonomiji Afrikani u s-swieq tax-xogħol rispettivi tagħhom, u għall-promozzjoni tal-kummerċ intrareġjonali fl-Afrika;

58.  Jiddeplora l-fatt li, kull sena, l-Afrika qed toħroġ somma li taqbeż it-total tal-ODA annwali fil-forma ta' flussi finanzjarji illeċiti; jenfasizza l-impatt dannuż tal-evażjoni tat-taxxa fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li huma mċaħħda b'dan il-mod minn ammonti sostanzjali ta' flus pubbliċi li jistgħu jintużaw, pereżempju, mhux biss biex itejbu t-tkabbir ekonomiku, il-protezzjoni ambjentali u s-servizzi pubbliċi, iżda wkoll biex jippromwovu l-koeżjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed tinnegozja ftehimiet kummerċjali, tagħti prijorità lill-ġlieda kontra din il-problema serja, bl-użu tal-għodod kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha; jinsisti fuq l-inklużjoni fl-FTAs u fir-reġimi kummerċjali preferenzjali tal-UE ta' dispożizzjonijiet rigorużi biex jiġu indirizzati b'mod determinat l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

59.  Itenni l-appell tiegħu biex jinħolqu għodod effikaċi għall-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa globalment u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tat-taxxa mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluża l-mobilizzazzjoni ta' riżorsi domestiċi;

60.  Ifakkar fil-ħtieġa li jiġi stabbilit korp intergovernattiv tan-NU biex jaħdem fuq bażi ta' ugwaljanza mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-riforma tar-regoli tat-taxxa globali;

61.  Jappoġġa bil-qawwa l-integrazzjoni ulterjuri tat-teknoloġiji u tas-servizzi diġitali fil-politika tal-iżvilupp tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni żżid l-investiment fl-iżvilupp tal-infrastruttura diġitali fin-Nofsinhar Globali;

62.  Jilqa' l-pjan ta' investiment estern tal-UE bil-għan li jitrawmu t-tkabbir sostenibbli, l-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob li l-mandat kurrenti ta' self estern tal-BEI jiġi estiż biex jiżdied ir-rwol tiegħu fil-kisba tal-iżvilupp sostenibbli, permezz ta' finanzjament imħallat, kofinanzjament ta' proġetti u l-iżvilupp tas-settur privat lokali, b'enfasi fuq il-pajjiżi l-inqas żviluppati u fuq l-Istati fraġli;

63.  Jilqa' l-istrateġija tal-Kummissjoni "Għajnuna għall-Kummerċ", aġġornata fl-2017, li għandha l-għan li ssaħħaħ u timmodernizza l-appoġġ tal-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jappella għal aktar sforzi u żieda fl-impenn finanzjarju tal-UE favur l-inizjattivi "Għajnuna għall-Kummerċ" sabiex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment lil dawk l-inqas żviluppati, ħalli jiksbu prosperità permezz tal-kummerċ u l-investimenti, u biex jappoġġaw l-azzjonijiet tagħhom għat-twettiq tal-SDGs;

°

°  °

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2018)0230.

(2)

ĠU C 101, 16.3.2018, p. 30.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0488.

(4)

ĠU C 337, 20.9.2018, p. 33.

(5)

ĠU L 338, 19.12.2017, p. 1.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2017)0090.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2016)0369.

(8)

ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 31.

(9)

ĠU C 99E, 3.4.2012, p. 94.

(10)

OECD, C/MIN(2017)2.

(11)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(12)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp (3.9.2018)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar l-isfruttar tal-globalizzazzjoni: aspetti kummerċjali

(2018/2005(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Cristian Dan Preda

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) hija riżorsa unika u prezzjuża fil-ġlieda globali kontra l-faqar, l-inugwaljanza u l-marġinalizzazzjoni; jenfasizza li, filwaqt li s-sorsi kollha ta' finanzjament huma importanti għall-iżvilupp sostenibbli, l-għajnuna tista' tikseb riżultati li sorsi oħra ma jistgħux jiksbuhom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-kummerċ isir strument effikaċi biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) u li l-azzjoni tas-settur privat, jekk tkun allinjata ma' prinċipji ta' effikaċja tal-iżvilupp miftiehma internazzjonalment, tista' tikkontribwixxi għat-twettiq ta' żvilupp inklużiv u sostenibbli u għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030; jissottolinja l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ ġdid bejn id-dritt dwar il-kummerċ u l-investiment ma' dak dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fil-ktajjen ta' provvista globali;

2.   Jenfasizza li, fir-rigward tal-iżvilupp, is-settur privat għandu jkollu l-parti tiegħu biex jikkontribwixxi għat-twettiq tal-Aġenda 2030 u jirrispetta l-prinċipji kondiviżi u l-valuri komuni, bħall-prinċipji ta' effikaċja tal-iżvilupp miftiehma internazzjonalment, jiġifieri s-sjieda, l-allinjament, l-armonizzazzjoni u r-responsabbiltà, u li l-objettivi ta' żvilupp għandhom jipprevalu; ifakkar fl-impenn, f'termini ta' trasparenza u rispett għad-drittijiet tal-bniedem, propost lis-settur privat skont il-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem (UNGPs) u l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex, abbażi tat-tagħlimiet meħuda minn inizjattivi leġiżlattivi preċedenti tal-UE, ifasslu qafas regolatorju koerenti dwar obbligi ta' diliġenza dovuta fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem fil-katini tal-provvista;

3.  Jitlob lill-UE tiżgura li l-attivitajiet tagħha mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kemm fil-qasam tal-iżvilupp kif ukoll f'dak tal-kummerċ, ikunu bbażati fuq qafas ibbilanċjat bejn sħab ugwali, allinjati mal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp stabbilit fl-Artikolu 208 tat-TFUE, u mmirati lejn il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ bil-qawwa lill-UE tkompli l-ħidma tagħha rigward l-operazzjonalizzazzjoni tal-approċċ tagħha bbażat fuq id-drittijiet fl-attivitajiet kollha tal-iżvilupp;

4.  Iwissi kontra l-iżvilupp ta' standard doppju dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-korporazzjonijiet fil-ftehimiet dwar l-investiment u l-kummerċ; jinnota li d-dipendenza fuq miżuri volontarji biex tiġi promossa d-diliġenza dovuta tista' tkun insuffiċjenti u li d-drittijiet tal-investituri jridu jkunu akkumpanjati minn obbligi f'termini ta' konformità mad-drittijiet tal-bniedem, mal-istandards tax-xogħol u mad-dritt ambjentali; jenfasizza, f'kuntest li fih il-Kummissjoni pproponiet il-ħolqien ta' Qorti Multilaterali tal-Investimenti bħala entità permanenti biex tinforza d-drittijiet tal-investituri, l-importanza li jiġu indirizzati dawn l-iżbilanċi, u jitlob li l-UE timpenja ruħha b'mod attiv f'negozjati kostruttivi dwar l-istrument vinkolanti tan-NU dwar l-intrapriżi u d-drittijiet tal-bniedem sabiex tħares il-primat tad-drittijiet tal-bniedem;

5.  Itenni l-ħtieġa li l-obbligi extraterritorjali tad-drittijiet tal-bniedem tal-Istati Membri tal-UE jiġu implimentati b'mod sħiħ, kif stabbiliti fil-Prinċipji ta' Maastricht, fuq il-bażi tal-istrumenti varji tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB);

6.  Jissottolinja li l-kummerċ mhuwiex għan fih innifsu, iżda li politika tal-kummerċ inklużiva, ibbażata fuq ir-regoli, ħielsa u ġusta, jekk tkun allinjata mal-SDGs, tista' tikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar, l-objettiv primarju tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE, għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi, u għall-ħolqien ta' impjiegi deċenti; jitlob li jiġu żgurati tendenzi ta' konsum u produzzjoni sostenibbli jissottolinja l-ħtieġa li s-sħab kummerċjali tal-UE fid-dinja li qed tiżviluppa jiżguraw governanza tajba u jirrispettaw l-istat tad-dritt;

7.  Jenfasizza li l-governanza tal-kummerċ globali għandha tippermetti integrazzjoni kummerċjali li toħloq opportunitajiet reali għall-iżvilupp sostenibbli; jirrimarka, f'dan il-kuntest, li l-arkitettura kurrenti ta' trattament speċjali u differenzjali (SDT) fid-WTO mhux qed iġġib ir-riżultati mistennija; jisħaq fuq il-ħtieġa li d-dispożizzjonijiet tal-SDT isiru aktar effikaċi u operazzjonali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

8.  ifakkar fil-ħtieġa li jissaħħaħ il-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, li jirrikjedi li l-għanijiet tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jitqiesu fil-politiki li x'aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob li l-UE tevalwa sistematikament l-impatt tal-politiki kummerċjali u fiskali tagħha fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tiżgura li l-ftehimiet ta' investiment u kummerċjali kollha tagħha jinkludu dispożizzjonijiet għal valutazzjonijiet tal-impatt ex ante u ex post indipendenti dwar id-drittijiet tal-bniedem, rekwiżiti infurzabbli ta' diliġenza dovuta u mekkaniżmi ta' responsabbiltà effikaċi;

9.  Jenfasizza li l-ftehimiet kummerċjali jista' jkollhom impatt negattiv fuq is-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob lill-UE tipproteġi l-produzzjoni tal-ikel lokali u tevita effetti dannużi ta' importazzjonijiet irħas, inkluż taħt il-kappa ta' Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika (FSE);

10.  Itenni li l-konsegwenzi ambjentali tal-politika tal-kummerċ huma distribwiti b'mod żbilanċjat; jappella, għalhekk, biex l-UE tintegra s-sostenibbiltà ambjentali, il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, id-drittijiet għaż-żamma ta' art u l-kunsiderazzjoni effettiva ta' komunitajiet indiġeni u lokali fil-politika kummerċjali tal-UE;

11.  Jinnota li l-ftehimiet ta' kummerċ ħieles (FTAs) bilaterali u reġjonali jista' jkollhom dispożizzjonijiet aktar stretti minn dawk adottati fil-livell tad-WTO, u li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jimponu restrizzjonijiet fuq il-gvernijiet nazzjonali; b'mod partikolari, jinnota bi tħassib li l-ħtiġijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jħaddmu l-politiki meħtieġa ħalli jippromwovu s-sigurtà tal-ikel u l-iżvilupp rurali tagħhom mhumiex ikkunsidrati biżżejjed fl-FTAs reġjonali u bilaterali, inklużi l-FSE mal-pajjiżi AKP, u li ħafna drabi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jkunux jistgħu jużaw il-flessibilità li l-ftehimiet tad-WTO joffru;

12.  Jiddeplora l-fatt li tal-anqas 218 miljun tifel u tifla huma sfruttati f'xogħol tat-tfal, prinċipalment bil-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż; jitlob li l-UE tiżgura li l-oġġetti ċċirkolati fl-UE taħt skemi ta' ċertifikazzjoni etika ma jkunux ġejjin minn xogħol tat-tfal jew furzat, tiggarantixxi l-użu affidabbli tat-tikketti 'ġusti' u 'etiċi', u tgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet infurmati;

13.  Jenfasizza li l-proliferazzjoni ta' FTAs bilaterali u reġjonali tqajjem tħassib dwar il-koerenza tal-governanza globali tal-kummerċ u timmina r-rwol ċentrali tad-WTO fl-istabbiliment ta' regoli globali; f'dan l-isfond, itenni l-importanza tal-ordni multilaterali bbażat fuq ir-regoli, li fiha l-pajjiżi huma rappreżentati b'mod ugwali, bħala l-aktar mod effikaċi biex tinkiseb sistema kummerċjali globali inklużiva; jisħaq fuq l-importanza ta' dispożizzjonijiet infurzabbli dwar l-istandards soċjali, tax-xogħol u ambjentali fil-ftehimiet kummerċjali u jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tinkludi kapitoli vinkolanti dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu infurzati permezz ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ effikaċi li jippermettu lill-individwu jfittex rimedju; jappella għal miżuri ta' akkumpanjament, inkluż appoġġ finanzjarju, li għandhom jiġu implimentati fil-ftehimiet kummerċjali konklużi ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jappoġġjaw l-isforzi tagħhom fir-rispett u fl-implimentazzjoni ta' standards soċjali u ambjentali miftiehma internazzjonalment; itenni l-appell tiegħu għal aktar trasparenza fil-kummerċ tar-riżorsi naturali;

14.  Ifakkar li l-Afrika għadha marġinalizzata fil-kuntest globali, u jitlob lill-UE tappoġġja l-ambizzjonijiet tagħha li toħloq suq intra-Afrikan ġenwin u tevita li tieħu passi li jistgħu jfixklu dawn l-ambizzjonijiet; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġi massimizzat l-iżvilupp u l-impatt pożittiv tal-migrazzjoni u l-mobilità;

15.  Jitlob lill-UE tikkunsidra l-livell differenti ta' żvilupp u l-kapaċitajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u tappoġġja lill-pajjiżi Afrikani biex isaħħu l-kapaċitajiet produttivi u ta' trasformazzjoni tagħhom sabiex isiru anqas dipendenti fuq il-materja prima u fuq prodotti pproċessati sempliċi, itejbu l-kompetittività u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-swieq globali, u joħolqu impjiegi ta' kwalità, inkluż, b'mod partikolari, billi jsaħħu r-rwol tan-nisa fl-ekonomija formali u informali; jisħaq fuq il-ħtieġa li kwalunkwe ftehim kummerċjali ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw jipprovdi skedi ta' liberalizzazzjoni suffiċjentement asimmetriċi, protezzjoni għall-industriji li għadhom jibdew, regoli ta' oriġini li jgħinu l-iżvilupp u dispożizzjonijiet ta' salvagwardja effikaċi;

16.  Jappoġġja l-ħolqien ta' żona ta' kummerċ ħieles kontinentali fl-Afrika; jenfasizza li l-FSE, jekk ikunu akkumpanjati minn miżuri strutturali xierqa u sorveljati kif imiss, jistgħu jkunu għodda importanti għall-promozzjoni tal-integrazzjoni reġjonali u tal-iżvilupp sostenibbli permezz tal-kummerċ; jissottolinja l-ħtieġa li l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u t-twettiq tal-Aġenda 2030 jitqiegħdu fil-qalba ta' dawn il-ftehimiet; jisħaq fuq l-importanza li l-pajjiżi sħab ikunu involuti biex tinħoloq sjieda fil-livell tal-gvern u f'dak tas-soċjetà ċivili; jinsisti, f'dan ir-rigward, li huwa ferm importanti, kif iddikjarat fl-SDG 17.15, li jiġi rispettat id-dritt tal-pajjiżi sħab li jirregolaw u jieħdu deċiżjonijiet xierqa fil-kuntest nazzjonali tagħhom u li jaqdu t-talbiet tal-popolazzjonijiet tagħhom, u l-importanza li dawn il-pajjiżi jissodisfaw l-obbligi tagħhom tad-drittijiet tal-bniedem u impenji internazzjonali oħrajn; jenfasizza li r-relazzjonijiet futuri bejn l-AKP u l-UE jridu jkunu bbażati fuq qafas ibbilanċjat bejn sħab ugwali;

17.  Jinnota li s'issa ġie konkluż FTE komprensiv wieħed; jitlob għalhekk li l-UE tirrikonoxxi d-diffikultajiet relatati mal-FTE li jiltaqgħu magħhom il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-proċess ta' wara l-Ftehim ta' Cotonou; jisħaq fuq il-ħtieġa, b'mod partikolari, li titwettaq analiżi fil-fond tal-impatt tagħhom fuq l-ekonomiji Afrikani u s-swieq tax-xogħol rispettivi tagħhom, u għall-promozzjoni tal-kummerċ intrareġjonali fl-Afrika;

18.  Jiddeplora li, kull sena, l-Afrika qed toħroġ somma li taqbeż it-total tal-ODA annwali fil-forma ta' flussi finanzjarji illeċiti; jenfasizza l-impatt dannuż tal-evażjoni tat-taxxa fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li huma mċaħħda b'dan il-mod minn ammonti sostanzjali ta' flus pubbliċi li jistgħu jintużaw, pereżempju, mhux biss biex itejbu t-tkabbir ekonomiku, il-protezzjoni ambjentali u s-servizzi pubbliċi, iżda wkoll biex jippromwovu l-koeżjoni soċjali; jappella lill-Kummissjoni tinnegozja ftehimiet kummerċjali biex tipprijoritizza l-ġlieda kontra din il-problema serja, bl-użu tal-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha; jinsisti fuq l-inklużjoni fl-FTAs u fir-reġimi kummerċjali preferenzjali tal-UE ta' dispożizzjonijiet rigorużi biex ikunu miġġielda l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

19.  Itenni l-appell tiegħu biex jinħolqu għodod effikaċi għall-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa globalment u biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni dwar kwistjonijiet tat-taxxa mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, inkluża l-mobilizzazzjoni ta' riżorsi domestiċi;

20.  Ifakkar fil-ħtieġa li jiġi stabbilit korp intergovernattiv tan-NU biex jaħdem fuq bażi ta' ugwaljanza mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fir-riforma tar-regoli tat-taxxa globali;

21.  Ifakkar fl-effetti li għandha l-politika agrikola komuni (PAK) tal-UE fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob, f'dan ir-rigward, li l-UE tiżgura li l-PAK futura ssolvi l-problemi relatati mal-mudell agrikolu attwali li huwa orjentat lejn l-esportazzjoni, billi ttejjeb is-swieq interni tal-UE u l-ktajjen qosra tal-provvista tal-ikel b'mod sostenibbli sabiex, minn naħa waħda, ma tfixkilx l-iżvilupp tal-pajjiż li qed jiżviluppa u, min-naħa l-oħra, tiżgura reżiljenza għal xokkijiet esterni;

22.  Jisħaq fuq l-importanza li l-politiki kummerċjali jiġu adattati biex jappoġġjaw l-isforzi nazzjonali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima f'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi;

23.  Ifakkar li l-Artikolu 8 tat-TFUE jipprevedi li: "Fl-azzjonijiet kollha tagħha l-Unjoni għandha tfittex li telimina l-inugwaljanzi, u li tinkoraġġixxi ugwaljanza, bejn l-irġiel u n-nisa"; jinnota bi tħassib li għad hemm diffikultajiet fil-valutazzjoni tar-relazzjoni bejn il-kummerċ u l-ġeneru minħabba għadd ta' fatturi, inkluż nuqqas ta' data; jisħaq fuq il-ħtieġa li tinftiehem aħjar id-dinamika tal-ġeneru assoċjata ma' ftehimiet kummerċjali; jinsisti li l-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE għandhom jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jixprunaw it-tnaqqis fl-inugwaljanzi;

24.  Jappella għat-trasparenza fil-ftehimiet kummerċjali u għall-involviment sħiħ tas-soċjetà ċivili tal-pajjiżi sħab ikkonċernati fin-negozjati u l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali futuri;

25.  Jappoġġja bil-qawwa l-integrazzjoni ulterjuri tat-teknoloġiji u tas-servizzi diġitali fil-politika tal-iżvilupp tal-UE; jitlob li l-Kummissjoni żżid l-investimenti fl-iżvilupp tal-infrastruttura diġitali fin-Nofsinhar Globali;

26.  Jilqa' l-pjan ta' investiment estern tal-UE bil-għan li jrawwem it-tkabbir sostenibbli, l-investiment u l-ħolqien tal-impjiegi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jitlob li l-mandat kurrenti ta' self estern tal-BEI jiġi estiż biex jiżdied ir-rwol tiegħu fil-kisba tal-iżvilupp sostenibbli, permezz ta' finanzjament imħallat, kofinanzjament ta' proġetti u l-iżvilupp tas-settur privat lokali, b'enfasi fuq il-pajjiżi l-anqas żviluppati u fuq l-Istati fraġli;

27.  Jisħaq fuq il-fatt li hemm nuqqasijiet kbar f'termini ta' trasparenza u traċċabilità, li jqajjem kwistjonijiet serji fir-rigward tal-integrità ta' ħafna sistemi ta' awditjar u ċertifikazzjoni etiċi fil-ktajjen tal-provvista;

28.  Jilqa' l-istrateġija tal-Kummissjoni "Għajnuna għall-Kummerċ", aġġornata fl-2017, li għandha l-għan li ssaħħaħ u timmodernizza l-appoġġ tal-UE għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jappella għal aktar sforzi u żieda fl-impenn finanzjarju tal-UE favur l-inizjattivi "Għajnuna għall-Kummerċ" sabiex jgħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment dawk l-anqas żviluppati, ħalli jiksbu prosperità permezz tal-kummerċ u l-investimenti, u biex jappoġġjaw l-azzjonijiet tagħhom għat-twettiq tal-SDGs.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

29.8.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Mireille D’Ornano, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Stelios Kouloglou, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Lola Sánchez Caldentey, Jean-Luc Schaffhauser, Elly Schlein, Mirja Vehkaperä, Bogdan Brunon Wenta, Anna Záborská, Joachim Zeller, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Frank Engel, Ádám Kósa, Cécile Kashetu Kyenge, Paul Rübig, Kathleen Van Brempt

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

20

+

ALDE

Beatriz Becerra Basterrechea, Mirja Vehkaperä

EFDD

Ignazio Corrao, Mireille D’Ornano

GUE/NGL

Stelios Kouloglou, Lola Sánchez Caldentey

PPE

Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Ádám Kósa, Paul Rübig, Bogdan Brunon Wenta, Joachim Zeller, Željana Zovko

S&D

Cécile Kashetu Kyenge, Arne Lietz, Linda McAvan, Norbert Neuser, Elly Schlein, Kathleen Van Brempt

VERTS/ALE

Heidi Hautala, Maria Heubuch

1

-

ENF

Jean-Luc Schaffhauser

2

0

PPE

Frank Engel, Anna Záborská

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (22.6.2018)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar l-isfruttar tal-globalizzazzjoni: aspetti kummerċjali

(2018/2005(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Karin Kadenbach

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar politika kummerċjali bbilanċjata u progressiva biex tiġi sfruttata l-globalizzazzjoni(1), iżda jixtieq li din tagħmel aktar sforzi biex tipproteġi lill-bdiewa tal-UE; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' attenzjoni li din il-komunikazzjoni tagħti lill-effetti inugwali tal-globalizzazzjoni, inkluż mill-perspettiva tas-settur agrikolu, li qed isofri minn kompetizzjoni żbilanċjata kemm fis-swieq tal-UE kif ukoll f'dawk barranin, b'diversi atturi globali li żviluppaw sistemi ta' biedja intensivi, orjentati lejn l-esportazzjoni u kompetittivi ħafna, li ma jiżgurax kundizzjonjiet ugwali globali fis-settur agrikolu;

2.  Jirrikonoxxi li l-UE hija l-akbar esportatur uniku tal-prodotti agroalimentari; jinnota, f'dan il-kuntest, il-fenomenu doppju jiġifieri l-ħtieġa li, minn naħa waħda, jinżammu l-orjentazzjoni tas-suq tal-UE u l-kompatibbiltà tiegħu mar-regoli tad-WTO, u, min-naħa l-oħra, il-fatt li s-setturi agrikoli speċifiċi ma jifilħux liberalizzazzjoni kummerċjali sħiħa u kompetizzjoni bla xkiel fl-importazzjonijiet;

3.  Jinnota li l-globalizzazzjoni tal-kummerċ iġġib benefiċċji bħalma huma tkabbir, standards ta' għajxien aħjar u opportunitajiet ekonomiċi, iżda li l-benefiċċji mhux dejjem jiġu kondiviżi b'mod ugwali bejn il-pajjiżi jew fil-pajjiżi;

4.  Ifakkar li s-settur agrikolu tal-UE għandu potenzjal kbir ta' esportazzjoni, li jenħtieġ li jiġi appoġġjat bi ftehimiet kummerċjali bbilanċjati ma' pajjiżi terzi;

5.  Ifakkar li l-politika kummerċjali tal-UE ma tirrigwardax biss l-interessi iżda tirrigwarda wkoll il-valuri;

6.  Jissottolinja li l-politiki kummerċjali u agrikoli huma marbuta ma' xulxin, u li l-politika kummerċjali tal-UE hija għodda li tippromwovi l-interessi agrikoli tal-UE u għalhekk tista' tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Politika Agrikola Komuni (PAK);

7.  Jenfasizza li l-politiki kummerċjali u agrikoli jinsabu fil-qalba tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tagħha (SDGs); jisħaq li l-iffukar fuq politiki kummerċjali inklużivi, liberi u ġusti u l-allinjament tal-kummerċ mal-SDGs jistgħu jagħtu kontribut sinifikanti għall-qerda tal-faqar u tal-ġuħ madwar id-dinja;

8.  Jitlob lill-UE tevalwa b'mod sistematiku l-impatt tal-politiki kummerċjali tagħha fuq l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli u biex jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' evalwazzjoni sabiex tiġi żgurata koerenza tal-politiki fost l-istrateġiji u l-politiki kollha tal-UE;

9.  Jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, li l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) hija forum ta' negozjati li jistabbilixxi regoli kummerċjali u li l-pajjiżi membri nfushom jiddeċiedu sa liema punt iridu jaslu biex ineħħu l-ostakoli u d-distorsjonijiet kummerċjali; ifakkar li fil-ftehimiet bilaterali tagħha l-UE tista' tistabbilixxi kundizzjonijiet kummerċjali barra mix-xibka ta' sikurezza tad-WTO;

10.  Jenfasizza li l-isfruttar tal-globalizzazzjoni jenħtieġ li jinvolvi kemm it-tisħiħ tad-dixxiplina globali biex jiġu evitati l-kompetizzjoni inġusta u d-distorsjonijiet tal-kummerċ fl-agrikoltura, kif ukoll biex jiġi evitat l-esponiment tas-setturi agrikoli sensittivi tal-UE għall-kompetizzjoni minn importazzjonijiet ta' prodotti li mhumiex soġġetti għal regoli, kostijiet u limitazzjonijiet ekwivalenti rigward l-istandards tal-kwalità u s-sikurezza alimentari; jenfasizza li l-UE tippromwovi standards għoljin tal-benessri tal-annimali, ambjentali, fundamentali tax-xogħol, tad-drittijiet soċjali, tas-sikurezza alimentari u tal-protezzjoni tal-konsumatur, biex insemmu xi ftit; ifakkar li l-importazzjonijiet kollha fl-UE jenħtieġ li jikkonformaw mal-istandards tas-sikurezza alimentari u tal-benessri tal-annimali tal-UE, f'konformità mas-sistema Ewropea "mill-farm sal-furketta";

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi stabbilit strument li jippermetti li jerġgħu jiġu stabbiliti kundizzjonijiet aktar ġusti ta' kompetizzjoni u li tittieħed azzjoni kontra l-pajjiżi u l-impriżi li jipprattikaw kompetizzjoni inġusta; huwa tal-fehma li applikazzjoni aktar rigoruża tar-regoli tal-UE tiżgura wkoll li l-impriżi kollha li huma preżenti jew attivi fl-UE u li jiksru r-regoli jiġu kkastigati effettivament;

12.  Jinnota li l-prodotti agroalimentari tal-UE jissodisfaw l-ogħla standards fid-dinja; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-prodotti agrikoli importati jissodisfaw l-istandards tal-UE u ssaħħaħ il-verifiki fuq ikel agrikolu importat fil-post ta' oriġini tiegħu u mal-wasla tiegħu fl-UE;

13.  Jitlob informazzjoni komuni dwar il-prodott u miżuri ta' tikkettar u li tiġi introdotta skema ta' tikkettar tal-pajjiż ta' oriġini obbligatorja;

14.  Jenfasizza li l-ftehimiet kummerċjali jridu jkunu bbilanċjati, jinkludu salvagwardji għal setturi agrikoli tal-UE sensittivi, jippromwovu kompetizzjoni ġusta, jipproteġu l-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE, u jżommu l-istandards għoljin ambjentali, tas-sikurezza alimentari u tal-benessri tal-annimali tagħha;

15.  Jitlob l-inkorporazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni, kif stabbilit fl-Artikolu 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fil-ftehimiet kummerċjali kollha li qed jiġu nnegozjati u fil-ftehimiet kummerċjali futuri, sabiex jiġi żgurat livell ogħla ta' protezzjoni permezz tat-teħid ta' deċiżjonijiet preventiv fil-każ ta' riskju għas-saħħa tal-bniedem jew għall-ambjent kull meta jkun meħtieġ u mingħajr restrizzjonijiet mis-sħab kummerċjali u d-WTO;

16.  Ifakkar li l-prinċipju ta' prekawzjoni kif stabbilit fil-ftehim tad-WTO ma jirriflettix il-prinċipju ta' prekawzjoni kif ipprattikat fl-UE; jitlob, għalhekk, li f'kuntrast mad-dispożizzjonijiet fis-seħħ tad-WTO, l-adozzjoni ta' miżuri ta' prekawzjoni tkun awtorizzata fil-każ ta' suspett leġittimu mingħajr prova xjentifika (pereżempju miżuri restrittivi tal-kummerċ bħall-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet u r-rifjut ta' awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq); jitlob, għalhekk, li l-oneru tal-provi xjentifiċi jaqa' minflok fuq proponenti/żviluppaturi/produtturi/importaturi ta' sustanzi/prodotti li jitqiesu ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem jew bħala perikli ambjentali, b'mod partikolari fir-rigward ta' standards sanitarji u fitosanitarji aktar baxxi, problemi iġjeniċi fil-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-laħam u residwi tal-pestiċidi possibbli;

17.  Jinnota li l-ftehimiet kummerċjali huma element kruċjali li jista' joffri opportunitajiet għall-promozzjoni tal-interessi tal-UE fir-rigward tal-prodotti tal-ikel ipproċessati u mhux ipproċessati; jinnota, barra minn hekk, li jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għal aktar trasparenza fin-negozjati kummerċjali, li jinvolvu wkoll riskju sinifikanti għal setturi agrikoli tal-UE aktar sensittivi li huma diġà milquta minn kriżi jew li jkunu ġew esposti b'mod partikolari għall-volatilità tal-prezzijiet u li konsegwentement jeħtiġilhom jingħataw trattament speċjali, li jenħtieġ li jimplika l-esklużjoni tal-prodotti kkonċernati fejn ikun meħtieġ u l-użu ta' għodod kompatibbli tad-WTO sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ugwali bejn il-bdiewa fl-UE u dawk fil-pajjiżi terzi;

18.  Iħeġġeġ li tingħata l-akbar attenzjoni għal-liberalizzazzjoni tal-aċċess tas-suq fis-setturi agrikoli vulnerabbli; jitlob li qabel ma jinfetħu n-negozjati, il-Kummissjoni tħejji valutazzjonijiet tal-impatt sistematiċi, sabiex iqisu speċifikament dawn is-sensittivitajiet u tistabbilixxi strateġiji speċifiċi sabiex tiżgura li s-settur agrikolu ma jsofrix; jiġbed l-attenzjoni għall-impatt dejjem jikber ta' fatturi esterni u għal spekulazzjoni fis-suq tal-komoditajiet agroalimentari globali; jinnota li għal xi setturi agrikoli spiss huwa l-impatt kumulattiv ta' għadd ta' ftehimiet, għall-kuntrarju ta' ftehim ta' kummerċ ħieles wieħed, li għandu l-kapaċità li jikkawża ħsara lill-prezzijiet u l-produzzjoni; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex taġġorna regolarment l-informazzjoni li għandha dwar l-impatt potenzjali ta' aktar kompetizzjoni fuq setturi agrikoli vulnerabbli bħall-produzzjoni taċ-ċanga, li huma setturi b'introjtu baxx li huma vulnerabbli għall-kompetizzjoni;

19.  Huwa tal-fehma li, fil-qafas tal-ftehimiet kummerċjali, ftuħ akbar tas-suq tal-UE f'setturi agrikoli sensittivi jista' jkollu konsegwenzi diżastrużi għall-produtturi tal-UE; ifakkar għalhekk lill-Kummissjoni, li l-fatt li jiġu ssagrifikati l-interessi tal-agrikoltura tal-UE u tas-setturi agrikoli sensittivi tal-UE sabiex jiġi żgurat kwalunkwe ftehim kummerċjali huwa inaċċettabbli;

20.  Ifakkar l-importanza ta' implimentazzjoni effiċjenti tal-ftehimiet kummerċjali konklużi sabiex jiġi żgurat li l-bdiewa tagħna jkunu jistgħu jibbenefikaw kemm jista' jkun mill-opportunitajiet ta' esportazzjoni pprovduti minn dawn il-ftehimiet, bħall-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn l-UE u l-Kanada;

21.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati regoli u regolamenti kummerċjali ġodda f'livell globali sabiex jiġu rregolati u armonizzati l-istandards tal-produzzjoni, soċjali u ambjentali fis-settur agroalimentari;

22.  Jenfasizza r-responsabbiltà tagħna lejn il-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp; jitlob indikaturi li jixprunaw kummerċ ġust u sostenibbli għal komunitajiet foqra u mhux biss kummerċ fih innifsu; ifakkar li l-SDGs iridu jiġu integrati fil-politika kummerċjali fil-livelli kollha sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' ħsara għall-għajxien billi l-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp jingħataw opportunitajiet reali u jiġi żgurat li l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li għandha wkoll l-għan li ssaħħaħ il-produzzjoni agrikola f'dawn il-pajjiżi, ma tiġix imminata mill-ftehimiet kummerċjali;

23.  Jesprimi tħassib serju dwar id-direzzjoni li fiha sejrin attwalment in-negozjati kummerċjali ħielsa li għaddejjin ma' Mercosur, li skont informazzjoni żvelata, ma tindikax ftehim ġust u bbilanċjat; jinnota li l-Kummissjoni beħsiebha tħaffef in-negozjati li għaddejjin kollha; huwa tal-fehma, madankollu, li l-għan ewlieni tan-negozjati jenħtieġ li jkun eżitu bbilanċjat għas-setturi agrikoli kollha, u mhux il-konklużjoni rapida tagħhom; jinsab imħasseb li l-konklużjoni tan-negozjati tista' tirriżulta f'konċessjonijiet kbar f'setturi bħal-laħam, iz-zokkor, it-tjur, il-meraq tal-larinġ, ir-ross u l-bijofjuwils, li jista' jkun ta' sfida għall-vijabbiltà tal-produzzjoni lokali f'ħafna reġjuni tal-UE u żoni partikolarment żvantaġġjati u joħloq pressjoni 'l isfel diretta fuq il-prezzijiet tal-produtturi tal-UE; ifakkar li r-rapport tal-2016 tal-Kummissjoni dwar l-impatt ekonomiku kumulattiv ta' ftehimiet kummerċjali futuri fuq l-agrikoltura tal-UE jipprevedi tnaqqis f'daqqa fil-prezzijiet tal-laħam taċ-ċanga u tnaqqis fil-prezzijiet tal-butir u tan-nagħaġ minħabba negozjati konklużi reċentement u dawk li għadhom għaddejjin;

24.  Ifakkar li l-Kummissjoni neħħiet 20 impjant Brażiljan mil-lista ta' stabbilimenti li minnhom importazzjonijiet tal-prodotti tal-laħam u tat-tjur huma awtorizzati attwalment, minħabba nuqqasijiet identifikati fis-sistema ta' kontroll Brażiljana u l-irregolaritajiet sfaċċati tas-saħħa, tal-identifikazzjoni u tat-traċċabbiltà enfasizzati f'din is-sistema mid-diversi skandli ta' Marzu 2017 fis-setturi taċ-ċanga u tal-vitella u Marzu 2018 fis-settur tal-laħam tat-tjur; jistieden lill-Kummissjoni tneħħi t-tjur, iċ-ċanga u l-vitella mill-kamp ta' applikazzjoni tan-negozjati kummerċjali ħielsa ma' Mercosur sakemm l-iskandlu tal-laħam Brażiljan jiġi eżaminat kif xieraq u tingħata garanzija sħiħa ta' konformità tal-importazzjonijiet tal-laħam tal-Amerka t'Isfel mar-regoli tal-UE;

25.  Jinnota li, fid-dawl tal-kriżi tad-WTO u l-protezzjoniżmu dejjem jikber tal-Istati Uniti, l-UE għandha l-opportunità u l-ħtieġa li ssir kreatriċi ta' soluzzjonijiet globali fil-kummerċ internazzjonali, fost affarijiet oħra minħabba l-esperjenza estensiva tagħha fl-armonizzazzjoni ta' standards żviluppati waqt il-bini tas-suq komuni u fil-proċess ta' integrazzjoni tal-pajjiżi mill-blokk soċjalist ta' qabel f'dan is-suq;

26.  Jilqa' l-ftehim kummerċjali tal-UE mal-Ġappun, li huwa r-raba' l-akbar suq għall-esportazzjoni agrikola tal-UE, li se jipprovdi opportunitajiet ta' esportazzjoni tajbin għal bosta prodotti agroalimentari tal-UE, bħall-prodotti tal-ħalib;

27.   Ifakkar it-tħassib imqajjem fiż-żewġ riżoluzzjonijiet tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-mandati ta' negozjar għall-ftehimiet kummerċjali mal-Awstralja u man-New Zealand(2) u l-enfasi li l-Parlament poġġa fuq il-ħtieġa li "[jiġi rrispettat] il-fatt li hemm għadd ta' prodotti agrikoli sensittivi li jenħtieġ li jingħataw trattament adatt, pereżempju, permezz ta' kwoti tar-rati tariffarji allokati jew perjodi adegwati ta' tranżizzjoni, filwaqt li jitqies b'mod xieraq l-impatt kumulattiv tal-ftehimiet kummerċjali fuq l-agrikoltura u filwaqt li potenzjalment jiġu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tan-negozjati l-aktar setturi sensittivi"; jinnota li l-Kummissjoni beħsiebha tikkonkludi negozjati mal-Awstralja u man-New Zeland sa Marzu 2019 u li twettaqhom "b'pass mgħaġġel", iżda jenfasizza li l-konklużjoni rapida tan-negozjati ma tridx tkun għad-detriment ta' kwalunkwe settur, b'mod partikolari għas-settur agrikolu tal-UE;

28.  Jiġbed l-attenzjoni għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti futuri għas-setturi tan-nagħaġ u tal-mogħoż fl-UE, u b'mod partikolari għall-paragrafu 62 tiegħu, li jħeġġeġ lill-Kummissjoni teżerċita kawtela fin-negozjar tal-ftehimiet ġodda ta' kummerċ ħieles man-New Zealand u mal-Awstralja sakemm tanalizza l-impatt tal-Brexit fuq it-trobbija tan-nagħaġ u tal-mogħoż, speċjalment fir-rigward tal-futur tal-287 000 tunnellata ta' piż ta' karkassi ta' kwota ekwivalenti għal-laħam tan-nagħaġ mogħti mill-UE lin-New Zealand; b'kunsiderazzjoni tal-fatt li n-New Zealand u l-Awstralja żdiedu l-vjeġġi tagħhom ta' laħam frisk u mkessaħ fis-snin reċenti u naqqsu l-esportazzjonijiet tradizzjonali tagħhom ta' laħam iffriżat, li qed iżid l-impatt tagħhom fuq is-suq tal-UE għal laħam frisk u qed jattiva tnaqqis fil-prezzijiet imħallsa lill-prodotturi tal-UE, u jemmen li n-negozjati kummerċjali li għaddejjin jenħtieġ li jintużaw bħala opportunità biex dawn l-oġġetti jiġu separati fi kwoti distinti;

29.  Jenfasizza, l-ewwel nett, l-importanza li jiġu inklużi klawżoli ta' salvagwardja bilaterali effettivi u faċilment disponibbli li jippermettu s-sospensjoni temporanja ta' preferenzi jekk, bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim kummerċjali, żieda fl-importazzjonijiet kellha tikkawża ħsara serja – jew tirriskja li tikkawża ħsara serja – lis-setturi sensittivi u, it-tieni nett, li jiġu riveduti l-mekkaniżmi ta' salvagwardja multilaterali eżistenti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 (Regolament dwar l-OKS Unika)(3), li jenħtieġ li jkollhom rwol preventiv għas-setturi sensittivi fuq il-bażi ta' volum ta' referenza u limiti tal-prezzijiet li jippermettu l-attivazzjoni awtomatika b'effett sospensiv tal-mekkaniżmi ta' salvagwardja fejn dawn il-limiti jkunu ntlaħqu;

30.  Ifakkar li l-għadd totali ta' azjendi agrikoli fl-UE naqas b'26 % mill-2005 għall-2013; jinnota li l-produzzjoni agrikola f'xi Stati Membri issa sseħħ f'inqas azjendi agrikoli li huma akbar u b'kapital aktar intensiv, u jinnota li dan il-proċess ta' konsolidazzjoni huwa mistenni jkompli, u diġà kellu impatt u se jibqa' jkollu impatt fuq it-tiġdid tal-ġenerazzjonijiet, b'mod partikolari fil-kuntest tal-aċċess għall-art u ż-żamma ta' vijabbiltà tal-azjendi agrikoli;

31.   Jenfasizza l-importanza ta' diskussjoni kontinwa u l-ħtieġa ta' koordinazzjoni b'saħħitha bejn l-Istati Membri għall-iskrinjar tal-investiment dirett barrani (IDB) fis-suq tal-UE, speċjalment fl-art agrikola u fiż-żoni tal-foresti; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi evitata l-konċentrazzjoni eċċessiva ta' art agrikola u foresti f'idejn barranin; ifakkar, f'dan ir-rigward, ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 dwar l-istat attwali tal-konċentrazzjoni tal-art agrikola fl-UE(4), u jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-linji gwida tagħha dwar il-limiti legali fuq l-intervent tal-Istati Membri fir-regolazzjoni tax-xiri tal-art maħruġa fil-Ħarifa tal-2017 u tissupplimentahom bl-introduzzjoni ta' prattiki tajba addizzjonali li jagħmlu l-ħtif tal-art ħafna aktar diffiċli; jemmen li l-Kummissjoni għadha ma għamlitx dak kollu li tista' biex tnaqqas il-ħtif tal-art b'mod effettiv fl-UE; jenfasizza li, fejn rilevanti, il-ftehimiet kummerċjali jenħtieġ li jsegwu wkoll il-Linji Gwida Volontarji tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura (FAO) dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti;

32.  Jenfasizza l-importanza strateġika għall-UE li żżomm livell għoli ta' awtosuffiċjenza fl-ikel; huwa tal-fehma li l-globalizzazzjoni tal-kummerċ jenħtieġ li ma tipperikolax il-vijabbiltà tal-produtturi agroalimentari tal-UE, peress li fit-tul dan jista' jwassal għat-tip ta' dipendenza esterna li diġà ġiet osservata fis-settur tal-enerġija;

33.   Jistieden lill-Kummissjoni tirreaġixxi bil-qawwa għall-attakki kontra l-mekkaniżmi tal-PAK kompatibbli mad-WTO, li qed jitwettqu mill-Istati Uniti permezz tal-impożizzjoni ta' miżuri ta' difiża kummerċjali mhux ġustifikati u tiddefendi din il-politika, li hija essenzjali għall-bdiewa tagħna u ż-żoni rurali tal-UE; ifakkar, f'dan ir-rigward, ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2018 dwar il-miżuri mill-Istati Uniti dwar l-appoġġ tal-UE għall-farms fil-qafas tal-PAK (fil-kuntest taż-żebbuġ Spanjol)(5); jenfasizza li d-deċiżjoni tal-Istati Uniti, li tqajjem dubji dwar il-leġittimità tal-PAK tagħna, hija attakk fuq l-isforzi li saru mill-bdiewa tal-UE matul diversi deċennji biex jikkonformaw mar-regoli internazzjonali, u jesprimi tħassib dwar il-proliferazzjoni possibbli ta' tali miżuri kontra riċevituri ta' pagamenti oħra skont il-PAK; jirrikonoxxi l-importanza tad-WTO fl-iżgurar tal-fluss bla xkiel tal-kummerċ globali fi żmien meta l-protezzjoniżmu qed jikseb aktar importanza;

34.   Jiġbed l-attenzjoni għall-impatt dejjem jikber tal-fatturi esterni fuq is-sitwazzjoni tas-settur agroalimentari tal-UE u għall-fatt li l-ostakoli tal-kummerċ joħolqu sfidi għall-bdiewa tal-UE billi jillimitaw l-esportazzjonijiet tal-prodotti agrikoli, filwaqt li jiġi kkunsidrat li, fit-tul, l-istruttura tal-importazzjonijiet u tal-produzzjoni fis-suq tal-esportazzjonijiet qed tinbidel; jinnota li l-prodotti agrikoli tal-UE jibqgħu jiġu pprojbiti mis-suq Russu;

35.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, biex min-naħa tagħha, tinvestiga sussidji possibbli għall-azjendi agrikoli tal-Istati Uniti li jfixklu l-kummerċ, pereżempju fil-każ tal-għajnuna lis-settur tal-lewż;

36.  Jitlob li l-UE tagħmel proposti fid-WTO li jippromwovu t-trasparenza fis-sussidji industrijali u tillimita l-użu tas-sussidji perikolużi fis-settur agrikolu;

37.  Jesprimi tħassib dwar iż-żieda ta' 40 % fl-importazzjonijiet tar-ross Indica mill-Kambodja sa mill-2009, bħala konsegwenza tal-iskema ta' importazzjoni mingħajr dazju "Kollox ħlief Armi", u dwar l-intenzjoni li tingħata kwota mingħajr dazju ta' 45 000 tunnellata lill-produtturi tar-ross Indica fil-pajjiżi membri ta' Mercosur bħala parti mill-ftehim ta' kummerċ ħieles li qed jiġi nnegozjat bħalissa ma' dan ir-reġjun; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq studju dwar l-impatt li se jkollhom il-konċessjonijiet kummerċjali eżistenti kollha u dawk li qed jiġu nnegozjati, imfassla biex jiffavorixxu l-importazzjonijiet ta' dawn il-prodotti fl-UE, fuq is-settur tar-ross tal-UE, li diġà qed juri sinjali ta' kollass f'xi reġjuni;

38.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li toħloq grupp konsultattiv dwar in-negozjati kummerċjali tal-UE magħmul minn rappreżentanti ta' grupp wiesa' u bbilanċjat ta' partijiet ikkonċernati; jinsisti fuq il-ħtieġa ta' rappreżentazzjoni b'saħħitha tal-organizzazzjonijiet tal-bdiewa tal-UE, li jinkludu bdiewa żgħar, ta' daqs medju u dawk li jipprattikaw biedja ta' sussistenza, f'tali grupp, minħabba l-impatt kbir tal-maġġoranza tan-negozjati inkwistjoni fuq is-settur agrikolu;

39.  Jesprimi tħassib dwar ir-riżultati tal-Brexit fuq is-settur agrikolu u jistieden lill-Kummissjoni tqis in-negozjati li għaddejjin tal-Brexit u l-impatt tal-Brexit fuq is-settur agrikolu tal-UE meta timplimenta l-aġenda kummerċjali intensiva tagħha;

40.  Iwissi kontra l-periklu ta' żbilanċ kbir fid-dispożizzjonijiet agrikoli tal-ftehimiet kummerċjali, għad-detriment tal-UE, u kontra t-tendenza li l-agrikoltura tintuża bħala munità ta' skambju biex jiġi żgurat aċċess akbar għas-swieq ta' pajjiżi terzi għal prodotti u servizzi industrijali; iwissi li s-settur agrikolu nnifsu ftit li xejn jingħata informazzjoni sa wara li jkunu diġà saru l-ftehimiet; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni għal kontromiżuri bħala tweġiba għall-impożizzjoni tal-Istati Uniti ta' dazji fuq l-azzar u l-aluminju tal-UE; jinnota li dawn il-miżuri jenħtieġ li ma jkollhomx impatt negattiv fuq il-bdiewa tal-UE;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm reġistru pubbliku tal-laqgħat kollha li saru mal-gruppi ta' interess u mal-lobbisti dwar in-negozjar tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles;

42.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li r-rakkomadazzjonijiet tal-grupp konsultattiv ikunu vinkolanti u infurzabbli;

43.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni issa se tippubblika r-rakkomandazzjonijiet tagħha għal direttivi ta' negozjar għall-ftehimiet kummerċjali u tittrażmettihom awtomatikament lill-parlamenti nazzjonali, filwaqt li tagħmilhom ukoll disponibbli għall-pubbliku.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

20.6.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

2

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Richard Ashworth, José Bové, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Diane Dodds, Jørn Dohrmann, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Luke Ming Flanagan, Karine Gloanec Maurin, Beata Gosiewska, Martin Häusling, Esther Herranz García, Jan Huitema, Peter Jahr, Ivan Jakovčić, Zbigniew Kuźmiuk, Norbert Lins, Philippe Loiseau, Mairead McGuinness, Giulia Moi, Ulrike Müller, Maria Noichl, Marijana Petir, Bronis Ropė, Maria Lidia Senra Rodríguez, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella, Maria Gabriela Zoană, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Franc Bogovič, Karin Kadenbach, Elsi Katainen, Anthea McIntyre, Momchil Nekov, Miguel Viegas

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Krzysztof Hetman

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

33

+

ECR

Jørn Dohrmann, Beata Gosiewska, Zbigniew Kuźmiuk, Anthea McIntyre

EFDD

Marco Zullo

ENF

Philippe Loiseau

GUE/NGL

Matt Carthy, Luke Ming Flanagan, Miguel Viegas

NI

Dianne Dodds

PPE

Richard Ashworth, Franc Bogovič, Daniel Buda, Michel Dantin, Albert Deß, Norbert Erdős, Esther Herranz García, Krzysztof Hetman, Peter Jahr, Norbert Lins, Mairead McGuinness, Marijana Petir, Czesław Adam Siekierski

S&D

Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Nicola Caputo, Paolo De Castro, Karine Gloanec Maurin, Karin Kadenbach, Momchil Nekov, Maria Noichl, Marc Tarabella, Maria Gabriela Zoană

2

-

EFDD

John Stuart Agnew

GUE/NGL

Maria Lidia Senra Rodríguez

9

0

ALDE

Jan Huitema, Ivan Jakovčić, Elsi Katainen, Ulrike Müller

EFDD

Giulia Moi

PPE

Herbert Dorfmann

ĦODOR/AĦE

José Bové, Martin Häusling, Bronis Ropė

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

COM(2017)0492.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0419 u P8_TA(2017)0420 rispettivament.

(3)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(4)

Tessi adottati, P8_TA(2017)0197.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2018)0091.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (26.6.2018)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar l-isfruttar tal-globalizzazzjoni: aspetti kummerċjali

(2018/2005(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Francis Zammit Dimech

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu :

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 167 u 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2007 dwar aġenda Ewropea għal kultura f'dinja li qed tiġi gglobalizzata (COM(2007)0242) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2012 bit-titlu "Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE" (COM(2012)0537),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-1970 dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, tal-Esportazzjoni u tat-Trasferiment Illegali tas-Sjieda tal-Proprjetà Kulturali, u l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995 dwar Beni Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 27 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-dritt għall-parteċipazzjoni fil-ħajja kulturali;

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/28/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ċerti użi permessi ta' xogħlijiet orfni(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna bit-titlu "Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali" (JOIN(2016)0029),

–  wara li kkunsidra r-Regolament Ġenerali tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data, li ilu fis-seħħ mill-25 ta' April 2018(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 10 u 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tal-2010,

A.  billi l-UE għandha d-dritt tadotta politiki dwar il-kummerċ f'servizzi kulturali u awdjoviżivi bil-għan li tipproteġi u tippromwovi d-diversità tal-espressjonijiet kulturali kif ukoll il-wirt kulturali, u tikkontribwixxi għall-kisba tal-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 4 dwar edukazzjoni ta' kwalità; billi dawn id-dispożizzjonijiet l-oħra jinkludu l-politika kummerċjali komuni kif definit fl-Artikolu 207 tat-TFUE;

B.  billi l-Artikolu 3(3) tat-TUE jiddikjara li l-UE għandha tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha, u tiżgura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew;

C.  billi l-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali tappella għal kooperazzjoni bilaterali, reġjonali u internazzjonali biex titħares u tiġi promossa d-diversità tal-espressjonijiet kulturali, kif ukoll biex jitħeġġeġ djalogu interkulturali bil-għan li jinbnew pontijiet bejn il-popli;

D.  billi l-UE trid terfa' r-responsabbiltà għall-immodernizzar tal-Aġenda Ewropea għal Kultura f'Dinja li qed tiġi Globalizzata tagħha, u dan jinkludi li tipprovdi definizzjoni preċiża ta' servizzi tal-midja u qafas ċar għall-midja fl-istituzzjonijiet pubbliċi u fl-impriżi privati fl-Ewropa;

E.  billi l-fluss liberu tal-informazzjoni, inkluż l-aċċess għal stazzjonijiet tal-aħbarijiet Ewropej, jista' jtejjeb il-governanza fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

F.  billi l-UE trid tiżviluppa ulterjorment id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali biex tkopri l-isfruttament legali ta' xogħlijiet orfni fil-mużewijiet, arkivji, libreriji u faċilitajiet ta' riċerka oħra li jissalvagwardjaw il-wirt kulturali;

G.  billi l-Ewropa għandha varjetà għanja ta' tradizzjonijiet u industriji kulturali u kreattivi b'saħħithom, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u sistemi differenti ta' korpi tal-midja pubbliċi u finanzjament pubbliku tal-films, u billi l-promozzjoni tad-diversità kulturali, l-aċċess għall-kultura u d-djalogu demokratiku jridu jibqgħu prinċipji ta' gwida, bi qbil mal-approċċ kummerċjali internazzjonali tal-UE;

H.  billi fil-kuntest ta' globalizzazzjoni, skambju u kooperazzjoni internazzjonali, hemm bżonn ta' definizzjoni wiesgħa tal-kultura biex jiġu inklużi forom ibridi ta' espressjoni kulturali kif ukoll wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli inklużi l-prattiki artistiċi indiġeni u tradizzjonali, sabiex tiġi riflessa n-natura fluwida u li qed tevolvi tal-kultura;

I.  billi l-industriji kulturali u kreattivi jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' impjiegi deċenti u għall-prosperità ekonomika, u jammontaw għal madwar 2,6 % tal-PDG tal-UE, filwaqt li qed jesperjenzaw rata ta' tkabbir ogħla mill-bqija tal-ekonomija, u jirrappreżentaw wieħed mill-iktar setturi reżiljenti matul il-kriżi finanzjarja; billi l-iżvilupp tal-kummerċ fil-prodotti u s-servizzi tal-industrija kulturali u kreattiva se jikkostitwixxi mutur importanti tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa;

J.  billi r-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data jistabbilixxi standards għoljin ta' pproċessar tad-data personali li jirrikjedu ċertu livell ta' responsabbiltà min-naħa tal-pjattaformi u s-servizzi ta' streaming fir-regolamentazzjoni tal-kummerċ internazzjonali;

K.  billi l-UE għandha bilanċ pożittiv fir-rigward tal-kummerċ tal-prodotti u s-servizzi kulturali mal-bqija tad-dinja;

L.  billi l-UE għandha defiċit mal-bqija tad-dinja fir-rigward tal-kummerċ fis-servizzi awdjoviżivi u servizzi relatati;

M.  billi d-diversità kulturali u lingwistika tikkostitwixxi wieħed mill-valuri ċentrali tal-UE u tifforma parti mill-politiki ta' diplomazija kulturali tagħha;

N.  billi l-innovazzjoni u l-kreattività huma meħtieġa biex ikun żgurat żvilupp iktar sostenibbli tal-bliet, ir-reġjuni u s-soċjetajiet kollha, u huma essenzjali biex jiġu pprovduti soluzzjonijiet għall-isfidi soċjetali li s-soċjetajiet tagħna qed jiffaċċjaw illum;

O.  billi l-protezzjoni tad-data personali u d-dritt tal-privatezza huma drittijiet fundamentali u għalhekk ma jistgħux jiġu nnegozjati fl-ebda ftehim kummerċjali;

P.  billi s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 tinkludi wkoll impenn fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' oġġetti kulturali;

Q.  billi l-kultura hija mutur għall-innovazzjoni u l-bidla fl-imġiba permezz tal-ħolqien ta' stili ta' ħajja ġodda u mudelli ta' żvilupp sostenibbli, u tippermetti approċċi fil-livell lokali u bbażati fil-komunità li huma neċessarji għal fehim lokali tal-globalizzazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli, u b'hekk tgħin u tiffaċilita l-kisba ta' ħafna Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli eżistenti;

R.  billi l-isfruttar tal-potenzjal tal-globalizzazzjoni fl-aspetti kummerċjali li jikkonċernaw il-prodotti kulturali jimplika konformità stretta mal-konvenzjonijiet internazzjonali kollha dwar il-protezzjoni tal-wirt kulturali, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tal-Aja tal-1954, il-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-1970 u l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995;

S.  billi l-artiġjanat u l-produzzjoni ta' xogħlijiet artistiċi huma partikolarment essenzjali għall-iżvilupp lokali;

T.  billi d-djalogu interkulturali jrawwem ir-rispett u l-fehim reċiproku, u jinkoraġġixxi skambji soċjali u ekonomiċi iktar ġusti, inkluż il-kummerċ, filwaqt li jgħin kemm biex jiġu żviluppati prattiki li jippromwovu l-interessi tal-partijiet kollha b'mod iktar ibbilanċjat u rispettuż kif ukoll biex jiġu miġġielda l-prattiki inġusti bħalma huma l-klawżoli abbużivi u l-impostazzjoni ta' kondizzjonalitajiet unilaterali;

1.  Jenfasizza li l-kultura u l-edukazzjoni, inkluż it-tagħlim tul il-ħajja, huma beni komuni, li l-aċċess għall-kultura u l-edukazzjoni huwa dritt tal-bniedem, u li l-kultura u l-edukazzjoni għalhekk ma jistgħux jiġu kkunsidrati jew ġestiti bl-istess mod bħal oġġett jew servizz diskrezzjonali, iżda pjuttost bħala beni komuni li għandhom jiġu ppreservati u mtejba kontinwament; jitlob, għaldaqstant, li s-servizzi kulturali, awdjoviżivi u edukattivi, inklużi dawk ipprovduti online, ikunu esklużi b'mod ċar mill-ftehimiet kummerċjali bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi, bħat-TTIP;

2.  Jinsisti, għalhekk, fuq ir-rwol ewlieni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali fit-trattati internazzjonali tal-kummerċ li għandhom jikkunsidraw u jirrispettaw id-dispożizzjonijiet tagħha;

3.  Jenfasizza li l-globalizzazzjoni tikkostitwixxi opportunità għall-industriji kulturali u kreattivi tal-Unjoni Ewropea permezz tal-aċċess imtejjeb għall-kultura Ewropea li hija tippermetti lill-bqija tad-dinja u l-ħolqien ta' ġabra globali ta' talent;

4.  Iqis li huwa essenzjali li jiġu bbilanċjati n-negozjati kummerċjali dwar id-drittijiet tal-awtur sabiex ikun żgurat li dawn ma jkunux innegozjati sa l-iżgħar denominatur komuni iżda jkollhom l-għan li jiżguraw l-aħjar regoli possibbli għall-protezzjoni tal-wirt kulturali, permezz tal-promozzjoni tad-diversità kulturali, u l-iżgurar ta' dħul għal dawk li jaħdmu fil-qasam tal-kultura u tal-midja, l-appoġġ u t-tisħiħ tal-kreattività, it-tqassim tal-għarfien u l-kontenut kif ukoll id-drittijiet tal-utenti fl-era diġitali, u li jikkostitwixxu ambjent kummerċjali miftuħ u bbażat fuq ir-regoli, li huwa essenzjali biex l-industriji kulturali u kreattivi tal-Unjoni Ewropea jirnexxu;

5.  Itenni l-appell tiegħu lill-UE biex teżerċita d-dritt tagħha li tadotta jew iżżomm miżuri (b'mod partikolari ta' natura regolatorja u/jew finanzjarja), inkluża klawżola ġenerali ġuridikament vinkolanti fir-rigward tal-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, il-wirt kulturali, il-libertà tal-espressjoni, il-pluraliżmu u l-libertà tal-midja, irrispettivament mit-teknoloġija jew il-pjattaforma ta' tqassim użati, f'negozjati kummerċjali ma' pajjiżi terzi;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-aċċess għas-servizzi tal-informazzjoni Ewropej fin-negozjati kummerċjali futuri;

7.  Jikkunsidra li l-iskambji kulturali u edukattivi bejn l-UE u s-sħab tagħha jistgħu jikkontribwixxu għal żvilupp sostenibbli reċiproku, tkabbir, koeżjoni soċjali, demokrazija, prosperità ekonomika u l-ħolqien ta' impjiegi deċenti, bi qbil mal-Aġenda dwar Xogħol Deċenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, inkluż fis-settur tal-kooperattivi;

8.  Huwa tal-fehma li f'dinja globalizzata, ir-responsabbiltà editorjali fis-servizzi tal-midja u l-pjattaformi online għandha tkun għodda fundamentali fil-ġlieda kontra d-diskors ta' mibegħda u l-aħbarijiet foloz, u li trid tinkiseb kompetizzjoni ġusta fir-reklamar fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali;

9.  Ifakkar li politiki dwar il-kultura u l-edukazzjoni, ibbażati fuq valuri demokratiċi kondiviżi, kif ukoll l-aċċess għall-wirt kulturali, huma essenzjali biex jiġu żgurati l-koeżjoni soċjali, is-solidarjetà, il-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini, ir-reżiljenza u d-distribuzzjoni ġusta tal-ġid u l-kompetittività, u jistgħu jipprovdu liċ-ċittadini b'ħiliet soċjali u trasferibbli, bħalma huma l-ħiliet interkulturali, l-intraprenditorija, is-soluzzjoni tal-problemi, il-kreattività u l-ħsieb kritiku, li huma kollha meħtieġa biex tiġi indirizzata l-globalizzazzjoni; iħeġġeġ it-tisħiħ tan-netwerks ta' kwalità tal-universitajiet, l-iskejjel u l-mużewijiet li jrawmu t-tagħlim reċiproku u r-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi, u l-promozzjoni ta' ċittadinanza globali u komprensiva;

10.  Jitlob l-integrazzjoni tal-edukazzjoni dwar is-sostenibbiltà, il-kummerċ ġust u ċ-ċittadinanza ekoloġika fid-dixxiplini kollha, b'mod partikolari fit-tagħlim dwar l-intraprenditorija, inkluż l-intraprenditorija soċjali, u l-ħiliet u l-litteriżmu diġitali;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jiżviluppaw mobilità, edukazzjoni, skambju kulturali u lingwistiku u skemi ta' kooperazzjoni xjentifika mfassla apposta, inklużivi u ta' kwalità għolja, biex jippermettu kollaborazzjoni internazzjonali u skambju ta' għarfien, filwaqt li jespandu wkoll is-suġġetti STEM għal suġġetti STEAM; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu aktar l-edukazzjoni u t-taħriġ flimkien mal-finanzjament tar-riċerka bħala għodda li permezz tagħha l-globalizzazzjoni tista' tiffunzjona b'mod aktar effettiv u bħala l-aħjar mezz biex jitneħħew l-ostakoli;

12.  Ifakkar fir-rwol speċifiku tal-kultura fir-relazzjonijiet esterni u fil-politiki tal-iżvilupp, b'mod partikolari għall-evitar u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, għat-tiswir tal-paċi u għall-emanċipazzjoni tal-popolazzjonijiet lokali; jikkunsidra, għalhekk, li hemm bżonn ta' strateġija kulturali ambizzjuża u soda, li tinkludi d-diplomazija kulturali, biex jinkiseb kunsens ġdid dwar l-iżvilupp;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw l-istrutturi eżistenti tal-UE għal azzjonijiet futuri ta' diplomazija kulturali, u jmexxu 'l quddiem il-programmi eżistenti u l-inizjattivi konkreti tal-UE f'konformità mal-prinċipji ta' solidarjetà u ta' sostenibbiltà li jkollhom l-għan li jnaqqsu l-faqar u jippromwovu l-iżvilupp internazzjonali;

14.  Ifakkar li l-isport huwa attività ekonomika globalizzata ħafna iżda wkoll għodda għall-inklużjoni, l-emanċipazzjoni u l-iżvilupp individwali u kollettiv; ifakkar għalhekk fil-ħtieġa li jiġu żgurati standards għoljin ta' etika u trasparenza fil-governanza tal-kummerċ internazzjonali u l-attività ekonomika fis-settur tal-isport;

15.  Ifakkar fil-ħtieġa li jkunu żgurati t-trasparenza u d-demokrazija fil-ftehimiet kummerċjali u l-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, u jħeġġeġ il-parteċipazzjoni, fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet, taċ-ċittadini li l-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-ambjenti, is-saħħa u l-benesseri tagħhom ikunu se jiġu affettwati

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

19.6.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Silvia Costa, Angel Dzhambazki, Jill Evans, María Teresa Giménez Barbat, Petra Kammerevert, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Rupert Matthews, Stefano Maullu, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Yana Toom, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marlene Mizzi, Liliana Rodrigues, Algirdas Saudargas, Remo Sernagiotto, Francis Zammit Dimech

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

25

+

ALDE

María Teresa Giménez Barbat, Yana Toom

ECR

Angel Dzhambazki, Rupert Matthews, Remo Sernagiotto

ENF

Dominique Bilde

GUE/NGL

Curzio Maltese

PPE

Andrea Bocskor, Svetoslav Hristov Malinov, Stefano Maullu, Algirdas Saudargas, Michaela Šojdrová, Bogdan Brunon Wenta, Francis Zammit Dimech, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver

S&D

Silvia Costa, Petra Kammerevert, Krystyna Łybacka, Marlene Mizzi, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Liliana Rodrigues, Julie Ward

VERTS/ALE

Jill Evans

0

-

 

 

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1.

(2)

ĠU L 299, 27.10.2012, p. 5

(3)

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (5.9.2018)

għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar l-isfruttar tal-globalizzazzjoni: aspetti kummerċjali

(2018/2005(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Gilles Lebreton

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' d-dokument ta' riflessjoni bit-titlu "L-isfruttar tal-Globalizzazzjoni", kif ukoll l-enfasi li jixħet fuq l-iffaċilitar tal-aċċess għall-effetti pożittivi tal-globalizzazzjoni, filwaqt li jirrileva l-bżonn li naħdmu kontra l-konsegwenzi negattivi;

2.  Jemmen li l-globalizzazzjoni timplika bosta vantaġġi għan-negozji u ċ-ċittadini; fl-istess ħin, jirrikonoxxi li l-globalizzazzjoni tqajjem ukoll tħassib li jrid jiġi indirizzat mill-Unjoni Ewropea.

3.  Jinnota li huwa essenzjali li s-suq intern tal-UE jissaħħaħ, u li l-unjoni ekonomika tiġi kkonsolidata b'mod ġust u koeżiv, peress li suq intern sod huwa prerekwiżit għall-implimentazzjoni b'suċċess ta' strateġiji internazzjonali; jirrimarka f'dan il-kuntest li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE għandhom jiżguraw konsistenza akbar bejn il-politika kummerċjali u politiki interni u esterni oħrajn tal-UE sabiex jiġi garantit li l-politika kummerċjali tal-UE tiġi orjentata lejn it-twettiq tal-objettivi ekonomiċi u politiċi globali tagħha, b'mod partikolari l-iżvilupp sostenibbli;

4.  Jenfasizza li l-kummerċ internazzjonali jaqdi rwol importanti fil-mod li bih tiżviluppa l-globalizzazzjoni; f'dan il-kuntest, il-leġiżlatur għandu jagħti attenzjoni speċjali, fost l-oħrajn, lill-oqsma tal-ġurisdizzjoni li ġejjin u li huma soġġetti għall-ftehimiet dwar il-kummerċ internazzjonali: id-drittijiet dwar il-proprjetà intellettwali, inkluż id-drittijiet tal-awtur, it-trademarks u l-privattivi, il-protezzjoni tad-data u l-obbligi ta' trasparenza msaħħa, ir-rekwiżiti għas-sikurezza tal-ikel u l-istandards ambjentali;

5.  Ifakkar u jilqa' l-impenn tal-Unjoni Ewropea li tfittex li tikseb politika kummerċjali trasparenti u responsabbli li tisfrutta bis-sħiħ l-aspetti pożittivi tal-globalizzazzjoni, tiggarantixxi distribuzzjoni ġusta tal-benefiċċji tal-kummerċ bi qbil mal-prinċipji ta' solidarjetà u ta' sostenibbiltà tagħha, u toffri soluzzjonijiet moderni għar-realtajiet tal-ekonomija tal-lum f'dinja li qed issir dejjem aktar teknoloġika, biex b'hekk l-individwi u n-negozji kollha, speċjalment l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-vantaġġi li toffri;

6.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-protezzjoni tad-data huwa dritt fundamentali fl-Unjoni Ewropea; jitlob li jiġu ggarantiti standards għoljin tal-protezzjoni tad-data fil-ftehimiet kummerċjali permezz tal-hekk imsejħa deċiżjoni ta' adegwatezza reċiproka bejn l-Unjoni Ewropea u pajjiżi mhux membri tal-UE;

7.  Jenfasizza li sabiex iċ-ċittadini jiġu protetti b'mod aktar effikaċi minn globalizzazzjoni fuq skala kbira, l-istituzzjonijiet tal-UE jeħtiġilhom jipprovdu risposta effikaċi u kontinwa għall-isfidi fir-rigward tal-privatezza, tal-protezzjoni tad-data u taċ-ċibersigurtà;

8.  Jisħaq fuq l-importanza li jkomplu jiġu promossi l-iskemi ta' indikazzjonijiet ġeografiċi u speċjalitajiet tradizzjonali tal-Unjoni Ewropea, u li jkomplu jiġu konklużi l-ftehimiet bilaterali rilevanti flimkien ma' pajjiżi terzi;

9.  Ifakkar fl-Opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar l-allokazzjoni ta' kompetenzi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri fir-rigward tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u s-Singapore, li tikkonkludi li l-Unjoni Ewropea tgawdi kompetenzi esklużivi fuq il-kwistjonijiet kollha relatati mal-kummerċ ħlief għal dawk relatati mal-investiment barrani mhux dirett, ir-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat, li tkopri t-tipi kollha ta' investimenti, u d-dispożizzjonijiet anċillari rigward investiment barrani mhux dirett; jilqa' l-opinjoni tal-Qorti hekk kif toħloq ċarezza legali għall-ftehimiet kollha futuri tal-UE ma' pajjiżi terzi, inkluż mar-Renju Unit wara t-tluq tiegħu mill-Unjoni;

10.  Jilqa' l-mandat riċenti tal-Kunsill mogħti lill-Kummissjoni biex tinnegozja, f'isem l-Unjoni Ewropea, Konvenzjoni li tistabbilixxi qorti multilaterali għas-soluzzjoni ta' tilwim dwar l-investiment (MIC) sabiex jiġu indirizzati l-limitazzjonijiet tas-sistema eżistenti ta' Soluzzjoni ta' Tilwim bejn Investituri u Stati; jinnota li l-MIC se sservi bħala korp permanenti għas-soluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment u se tirrappreżenta sistema aktar trasparenti, koerenti u ġusta, li se tkun estremament ta' ġid għall-investituri; jilqa' wkoll, f'dan il-kuntest, il-fatt li l-Kunsill iddeċieda wkoll li jagħmel id-direttivi dwar in-negozjati pubblikament disponibbli, li kienet talba li ilha ssir mill-Parlament fl-isforzi tiegħu biex jistinka għal aktar trasparenza fil-qasam tan-negozjati internazzjonali;

11.  Jilqa' l-inizjattivi tal-Unjoni li jistabbilixxu bilanċ ġust bejn il-kompetizzjoni mhux distorta u l-miżuri ta' protezzjoni, bħall-miżuri tal-antidumping fir-rigward tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi;

12.  Jenfasizza li standards Ewropej għoljin fir-rigward tal-protezzjoni soċjali, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, l-ambjent, il-konsumaturi u d-drittijiet fundamentali bħala l-bażi għall-prosperità tal-Unjoni jridu jiġu promossi permezz ta' strumenti ta' politika kummerċjali implimentati bi qbil mal-objettivi ta' żvilupp sostenibbli; jinnota f'dan ir-rigward il-bżonn li l-Unjoni Ewropea tiżgura li l-ftehimiet internazzjonali jkunu bbażati fuq l-istandards imsemmija hawn fuq, sabiex jiġi żgurat li l-globalizzazzjoni tkun ta' benefiċċju għall-Ewropej kollha u li l-effetti ekonomiċi, soċjali u ambjentali jibbenefikaw lill-individwi u n-negozji kollha, kemm ġewwa kif ukoll barra mill-Ewropa;

13.  Jenfasizza, fid-dawl ta' dak li ntqal, il-bżonn li l-governanza globali u r-regoli globali jissaħħu sabiex jiġu evitati l-gwerer kummerċjali;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni aktar mill-qrib lill-miżuri ta' politika interna adottati minn ċerti sħab tal-UE li aktarx ifixklu s-sistema ta' kummerċ multilaterali bbażata fuq ir-regoli, u tieħu l-kontromiżuri meħtieġa;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta jitqies il-fatt li 45 % tal-Ewropej jikkunsidraw il-globalizzazzjoni bħala theddida, tniedi kampanja li tippromwovi l-aspetti pożittivi tagħha, b'mod partikolari fir-reġjuni fejn qed ikollha effett predominantement negattiv; barra minn hekk, jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u timplimenta l-aktar miżuri effikaċi biex tappoġġja l-SMEs li għadhom qed ibatu mill-effetti kemm tal-kriżi ekonomika kif ukoll tal-globalizzazzjoni;

16.  Jinnota li l-kummerċ ħieles, ġust u sostenibbli hu mixtieq ekonomikament u għandu implikazzjonijiet politiċi vitali; jinnota wkoll li huwa importanti li l-Ewropa tuża l-kummerċ bħala strument għall-promozzjoni tal-iżvilupp demokratiku u sostenibbli madwar id-dinja.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

3.9.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

11

6

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Laura Ferrara, Gilles Lebreton, Emil Radev, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Luis de Grandes Pascual, Pascal Durand, Angel Dzhambazki, Jytte Guteland, Jiří Maštálka, Angelika Niebler, Răzvan Popa

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

11

+

ECR

Angel Dzhambazki

EFDD

Laura Ferrara

ENF

Marie-Christine Boutonnet, Gilles Lebreton

PPE

Rosa Estaràs Ferragut, Luis de Grandes Pascual, Angelika Niebler, Emil Radev, Pavel Svoboda, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

6

-

GUE/NGL

Jiří Maštálka

S&D

Mady Delvaux, Jytte Guteland, Răzvan Popa, Evelyn Regner

VERTS/ALE

Julia Reda

2

0

ALDE

Jean-Marie Cavada

VERTS/ALE

Pascal Durand

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

27.9.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

0

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Maria Arena, Tiziana Beghin, David Borrelli, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Karoline Graswander-Hainz, Christophe Hansen, Nadja Hirsch, France Jamet, Jude Kirton-Darling, Danilo Oscar Lancini, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Adam Szejnfeld, William (The Earl of) Dartmouth, Iuliu Winkler

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Reimer Böge, Klaus Buchner, Dita Charanzová, Fernando Ruas, Pedro Silva Pereira, Ramon Tremosa i Balcells

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Durand, Angel Dzhambazki, Czesław Hoc, Martin Schirdewan


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

29

+

ALDE

Dita Charanzová, Nadja Hirsch, Marietje Schaake, Ramon Tremosa i Balcells

ECR

Angel Dzhambazki, Czesław Hoc, Emma McClarkin

EFDD

William (The Earl of) Dartmouth

NI

David Borrelli

PPE

Laima Liucija Andrikienė, Reimer Böge, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Christophe Hansen, Sorin Moisă, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Fernando Ruas, Tokia Saïfi, Adam Szejnfeld, Iuliu Winkler

S&D

Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Joachim Schuster, Pedro Silva Pereira

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Pascal Durand

0

-

 

 

9

0

EFDD

Tiziana Beghin

ENF

France Jamet, Danilo Oscar Lancini

GUE/NGL

Anne-Marie Mineur, Martin Schirdewan, Helmut Scholz

S&D

Maria Arena, Karoline Graswander-Hainz, Emmanuel Maurel

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ottubru 2018Avviż legali