Proċedura : 2017/2281(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0322/2018

Testi mressqa :

A8-0322/2018

Dibattiti :

PV 13/11/2018 - 11
CRE 13/11/2018 - 11

Votazzjonijiet :

PV 14/11/2018 - 14.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0458

RAPPORT     
PDF 783kWORD 69k
15.10.2018
PE 622.300v01-00 A8-0322/2018

dwar l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' assoċjazzjoni tal-UE mal-Moldova

(2017/2281(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Petras Auštrevičius

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Erba' snin wara l-iffirmar mill-UE ta' tliet Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni li jinkludu Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) mal-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna u sentejn wara d-dħul fis-seħħ sħiħ tagħhom, il-Parlament Ewropew iddeċieda li jevalwa l-livell ta' implimentazzjoni ta' dawn il-ftehimiet, f'konformità mal-impenn qawwi tiegħu lejn l-eqreb sħab tal-Lvant u għall-approfondiment tar-relazzjonijiet tagħhom mal-UE.

Bi tħejjija għal dan ir-rapport, minbarra l-laqgħat regolari u frekwenti tiegħu mal-awtoritajiet, mexxejja tal-oppożizzjoni u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Moldovani kif ukoll rappreżentanti tal-Kummissjoni Ewropea u tal-SEAE, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin wettaq missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fil-Moldova f'April 2008 u kkummissjona tliet studji ta' esperti ppubblikati matul l-aħħar 6 xhur - dwar ir-riforma elettorali, dwar il-livell ta' implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-qafas istituzzjonali għal din l-implimentazzjoni.

Is-sejbiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jipprovdu perċezzjoni li tikkuntrasta tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Moldova. Kien hemm bla dubju żviluppi pożittivi f'numru ta' oqsma koperti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/DCFTA, b'mod partikolari l-azzjonijiet deċiżi meħuda biex jittejjeb b'mod sistematiku s-settur finanzjarju u b'hekk ġie mminimizzat ir-riskju ta' ripetizzjoni ta' frodi bankarja fuq skala kbira bħal dak żvelat fl-2014, kif ukoll il-kooperazzjoni dejjem akbar fil-qasam tal-enerġija u ż-żieda impressjonanti fil-kummerċ bilaterali permezz tal-implimentazzjoni tad-DCFTA. Madankollu, dawn l-iżviluppi ġew mittiefsa minn rigress dejjem jikber fir-rigward tal-valuri ewlenin relatati mal-istandards demokratiċi - valuri li huma "element essenzjali" tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u li miegħu hemm marbuta wkoll kemm l-għajnuna finanzjarja tal-UE għall-Istat Moldovan kif ukoll is-sistema ta' vjaġġar mingħajr viża għaċ-ċittadini tal-Moldova.

F'dan ir-rapport, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jenfasizza b'mod partikolari t-tħassib tiegħu dwar:

1. L-Elezzjonijiet: ir-riforma elettorali li għadha mhix konformi mal-OSKE/ODHIR u mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, l-annullament tal-elezzjonijiet lokali riċenti għas-sindku ta' Chișinău abbażi ta' raġunijiet dubjużi u b'mod mhux trasparenti, il-pressjoni fuq mexxejja tal-oppożizzjoni jew fuq l-awtoritajiet lokali (b'mod partikolari s-sindki), u l-finanzjament eċċessiv u mhux trasparenti tal-partiti,

2. L-Istat tad-Dritt: in-nuqqas ta' indipendenza tal-Ġudikatura, l-influwenza eżerċitata mill-interessi kummerċjali u minn xi mexxejja politiċi, il-progress limitat fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni - inkluż permezz tar-riformi tat-taxxa riċenti li jistgħu jkabbru r-riskju ta' ħasil tal-flus - u l-prosekuzzjoni ta' dawk kollha responsabbli mill-frodi bankarja ta' USD 1 biljun jew għal każijiet ta' ħasil tal-flus fuq skala kbira, il-proċeduri kriminali sproporzjonati kontra avversarji politiċi, avukati u/jew il-familji tagħhom kif ukoll kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, imħallfin indipendenti, ġurnalisti u kritiċi tal-awtoritajiet Moldovani;

3. Il-midja u s-soċjetà ċivili: il-monopolizzazzjoni tal-midja u tas-suq tar-reklamar, id-dgħajfien ta' sorsi ta' aħbarijiet indipendenti, l-implimentazzjoni li missha ġa saret tal-kodiċi awdjoviżiv il-ġdid, it-tentattivi ta' limitazzjoni tal-libertà tal-azzjoni u ta' skreditar ta' rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

Filwaqt li jistieden lill-awtoritajiet Moldovani jindirizzaw dan it-tħassib bħala kwistjoni ta' urġenza f'konformità mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u ma' impenji bilaterali oħra, ir-rapport jiddeskrivi wkoll il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew b'risposta għal dawn l-iżviluppi:

1. Kwalunkwe deċiżjoni dwar l-iżborż futur tal-Assistenza Makrofinanzjarja jenħtieġ li tittieħed biss wara l-elezzjonijiet parlamentari skedati għal Frar 2019 u bil-kondizzjoni li dawn jitwettqu skont standards rikonoxxuti internazzjonalment u li jiġu vvalutati minn korpi internazzjonali speċjalizzati - f'dan il-kuntest, il-Parlament Ewropew itenni li jinsab lest li josserva l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss;

2. Il-pagament tal-programmi kollha ta' appoġġ baġitarju jenħtieġ li jibqa' ffriżat sakemm jitwettaq progress sinifikanti fl-istandards demokratiċi;

3. Sadanittant, jenħtieġ li jiġu rilokati l-fondi biex jingħata appoġġ lis-soċjetà ċivili u lill-midja indipendenti fil-Moldova, kif ukoll lis-settur privat u lill-awtoritajiet lokali;

4. Is-sospensjoni tal-klawżoli għall-ftehimiet UE-Moldova, b'mod partikolari l-Artikoli 2 u 455 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-punti referenzjarji fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u kontra l-ħasil tal-flus b'rabta mal-liberalizzazzjoni tal-viża.

Fl-aħħar nett, ir-rapport jindirizza l-qafas istituzzjonali fis-seħħ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, kemm min-naħa tal-Moldova kif ukoll mill-UE, billi ssir enfasi fuq il-kapaċità f'termini ta' riżorsi umani u ta' għarfien espert, sabiex tiġi garantita l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni rilevanti u l-monitoraġġ tagħha. B'mod partikolari, qed jiġi propost Grupp ta' Appoġġ tal-UE ddedikat għall-Moldova, soġġett għall-progress fejn jidħlu l-istandards demokratiċi, sabiex iżid it-twassil ta' għarfien espert fl-Istat Moldovan.

Ir-relazzjonijiet UE-Moldova huma ovvjament is-suġġett ta' dibattitu demokratiku kemm fl-UE kif ukoll fil-Moldova. Madankollu, fl-UE, każijiet limitati ta' pożizzjonijiet politiċi mmotivati minn kunsiderazzjonijiet nazzjonali u l-hekk imsejħa argumenti "ġeopolitiċi" ma jtellfux lill-maġġoranza vasta fid-determinazzjoni tagħha li tiffoka fuq dak li huwa importanti għall-UE u għaċ-ċittadini Moldovani: it-twettiq ta' impenji reċiproċi biex jiġu rispettati l-valuri komuni tad-demokrazija, tal-Istat tad-Dritt, tal-governanza tajba u tal-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-libertajiet fundamentali.  


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Moldova

(2017/2281(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u t-Titolu V, b'mod partikolari l-Artikoli 21, 22, 36 u 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll il-Parti Ħamsa tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Moldova, min-naħa l-oħra, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-kriżi politika fil-Moldova wara l-invalidazzjoni tal-elezzjonijiet muniċipali f'Chișinău(1), tal-15 ta' Novembru 2017 dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017 (2), tal-4 ta' Lulju 2017 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova(3) u tal-21 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni / Żoni ta' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi mal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna(4),

–  wara li kkunsidra l-iffirmar f'Novembru 2017, ta' Memorandum ta' Qbil, ta' Ftehim dwar Faċilità ta' Self u ta' Ftehim ta' Għotja dwar l-assistenza mikrofinanzjarja li jammonta għal EUR 100 miljun għall-perjodu 2017-2018,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali tal-Moldova dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn il-Moldova u l-Unjoni Ewropea fl-2017-2019 (NAPIAA),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar ir-Rapport rigward l-Implimentazzjoni tal-Assoċjazzjoni dwar il-Moldova tat-3 ta' April 2018 (SWD(2018)0094),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Konġunti tas-Summits tas-Sħubija tal-Lvant, l-aktar riċenti dik tal-24 ta' Novembru 2017 fi Brussell,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar ir-Repubblika tal-Moldova tas-26 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-2 ta' Lulju 2015 minn Transparency International intitolat "The State of Corruption: Armenia, Azerbaijan, Georgia, Moldova and Ukraine" (L-Istat ta' Korruzzjoni: l-Armenja, l-Ażerbajġan, il-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (ODIHR) u tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Marzu 2018 dwar ir-riforma elettorali fil-Moldova,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet u l-azzjonijiet tal-Assemblea Parlamentari Euronest, tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-Sħubija tal-Lvant u ta' rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili fil-Moldova,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-missjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin fil-Moldova fit-3 u l-4 ta' April 2018,

–  wara li kkunsidra l-istudji esperti magħmula għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, inkluż l-istudju dwar "The electoral reforms in three association countries of the Eastern Neighbourhood – Ukraine, Georgia and Moldova and their impact on political developments in these countries" (Ir-riformi elettorali fi tliet pajjiżi assoċjati tal-Viċinat tal-Lvant – l-Ukrajna, il-Georgia u l-Moldova u l-impatt tagħhom fuq l-iżviluppi politiċi f'dawn il-pajjiżi), ippubblikat fis-26 ta' Ottubru 2017(5), il-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea bit-titolu "Association agreements between the EU and Moldova, Georgia and Ukraine" (Ftehimiet ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna), ippubblikata fit-28 ta' Ġunju 2018(6) u l-istudju komparattiv bit-titolu "The Development of an Institutional Framework for the Implementation of the Association Agreements in Georgia, Moldova and Ukraine" (L-Iżvilupp ta' Qafas Istituzzjonali għall-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni fil-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna), ippubblikat f'Lulju 2018(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura għall-awtorizzazzjoni tat-tfassil tar-rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0322/2018),

A.  billi r-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Moldova ġew approfonditi fil-qafas tas-Sħubija tal-Lvant u b'mod partikolari bl-iffirmar, fis-27 ta' Ġunju 2014, u d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta' Lulju 2016, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Moldova inkluż Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA);

B.  billi l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni huwa bbażat fuq valuri komuni li jinkludu, "ir-rispett lejn il-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, kif ipproklamati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u kif definiti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1975 tal-Konferenza dwar is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa u l-Karta ta' Pariġi għal Ewropa Ġdida tal-1990";

C.  billi permezz ta' dan il-ftehim, il-Moldova hija impenjata li twettaq riformi domestiċi maġġuri skont il-liġijiet u l-prattika tal-UE, f'firxa wiesa' ta' oqsma li jwasslu għal governanza tajba, żvilupp ekonomiku u kooperazzjoni msaħħa mal-UE; billi bħala appoġġ għal dawn l-isforzi, l-UE timpenja ruħha li tipprovdi assistenza finanzjarja u baġitarja sostanzjali lill-Moldova, li tammonta għal EUR 1,14-il biljun f'fondi allokati sa mill-2007, flimkien mal-finanzjament ta' programm reġjonali;

D.  billi d-DCFTA tippermetti aċċess privileġġjat għal beni u servizzi mill-Moldova lejn is-suq tal-UE; billi, bħala konsegwenza tad-DCFTA, fl-2017, kien hemm żieda ta' 20 % fil-kummerċ UE-Moldova, li jammonta għal EUR 4 biljun; billi l-UE attwalment hija l-akbar sieħba kummerċjali tal-Moldova, u tirrappreżenta aktar minn 55 % tal-kummerċ totali; billi l-UE hija wkoll l-akbar investitur fil-Moldova; billi d-data inizjali għall-2018 tikkonferma din ix-xejra pożittiva; billi r-rata ta' użu preferenzjali ta' 90 % għall-Moldova turi kif id-DCFTA kien ta' benefiċċju għall-impriżi, il-ħaddiema u ċ-ċittadini tal-Moldova; billi sar progress f'oqsma essenzjali bħalma huma l-miżuri sanitarji u fitosanitarji, l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ, id-dwana u l-akkwist pubbliku; billi l-Gruppi Konsultattivi Domestiċi (DAGs) ġew stabbiliti f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u s'issa kellhom tliet laqgħat;

E.  billi bi skambju għar-riformi fil-Moldova fl-oqsma tal-ġustizzja u s-sigurtà inkluż fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, l-UE qablet ukoll fl-2014 li ddaħħal ivvjaġġar mingħajr viża lejn iż-żona ta' Schengen għaċ-ċittadini tal-Moldova li jkollhom passaport bijometriku; billi aktar minn 1,5 miljun ċittadin tal-Moldova bbenefikaw minn dan ir-reġim mingħajr viża matul l-ewwel erba' snin mill-implimentazzjoni tiegħu;

F.  billi l-UE, ripetutament esprimiet tħassib fir-rigward tat-tħassir tal-istandards demokratiċi minħabba d-deċiżjonijiet riċenti mill-awtoritajiet Moldovani, inkluż l-invalidar tal-elezzjonijiet lokali f'Lulju 2018 f'Chișinău, abbażi ta' raġunijiet dubjużi u b'mod mhux trasparenti, ir-riforma elettorali ta' Lulju 2017 li ġiet adottata minkejja r-rakkomandazzjonijiet negattivi mill-ODIHR u mill-Kummissjoni ta' Venezja, in-nuqqas ta' progress fil-prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli għall-frodi bankarja ta' USD 1 biljun li nkixfet fl-2014, u ż-żieda fil-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, b'enfasi partikolari fuq l-imħallfin indipendenti, il-ġurnalisti u l-avversarji politiċi;

G.  billi, fl-2017, bħala riżultat ta' dawn l-iżviluppi, l-UE ma ħallsitx l-aħħar żewġ pagamenti taħt il-programm ta' appoġġ baġitarju għar-riformi fis-settur tal-ġustizzja minħabba li l-awtoritajiet tal-Moldova ma wrewx impenn suffiċjenti dirett lejn ir-riforma ta' dan is-settur u, fl-2018, l-UE ssospendiet l-iżborż tal-ewwel pagament tal-assistenza makrofinanzjarja minħabba n-nuqqas ta' sodisfazzjon tal-kundizzjonijiet politiċi annessi mad-deċiżjoni tal-4 ta' Lulju 2017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li speċifikat li "kundizzjoni preliminari għall-għoti tal-assistenza makrofinanzjarja hija li l-pajjiż benefiċjarju jirrispetta l-mekkaniżmi demokratiċi effettivi – inkluża sistema parlamentari b'diversi partiti – u l-istat tad-dritt, u jiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem";

H.  billi, peress li sa minn dawn id-deċiżjonijiet, aktar żviluppi riċenti komplew iqajmu tħassib, b'mod partikolari l-hekk imsejjaħ "pakkett ta' riforma fiskali" adottat f'Lulju 2018, l-iskema ta' amnestija tat-taxxa li żżid ir-riskju ta' ħasil tal-flus, kif ukoll il-pressjoni ulterjuri li saret fuq l-oppożizzjoni u d-dimostrazzjonijiet paċifiċi tagħha u fuq il-mezzi ta' xandir indipendenti żgħar li qed jissieltu biex iżommu ħajjin l-attivitajiet tagħhom minkejja l-adozzjoni, f'Lulju 2018, tal-Kodiċi l-ġdid tas-Servizzi tal-Mezzi Awdjoviżivi;

I.  billi Transparency International ikklassifikat lill-Moldova fil-pożizzjoni 122 minn 180 fl-Indiċi ta' Perċezzjoni tal-Korruzzjoni 2017 tagħha, flimkien mal-Azerbajġan u l-Mali; billi Reporters Without Borders ikklassifikaw lill-Moldova fil-pożizzjoni 81 minn 180 fil-World Press Freedom Index tagħha, li tfisser rigress mill-pożizzjoni 56 tal-2014;

Prinċipji ġenerali u valuri komuni

1.  Jenfasizza l-importanza tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni / DCFTA, u jieħu nota tal-progress miksub mill-Moldova sal-lum; jinsisti, madankollu, li l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/DCFTA, fir-rigward, b'mod partikolari, tar-riformi politiċi, trid tkun prijorità ewlenija, li tippermetti approfondiment ulterjuri tar-relazzjonijiet tal-pajjiż mal-UE, għall-benefiċċju taċ-ċittadini Moldovani kollha, kif ukoll li jinfetħu perspettivi addizzjonali f'konformità mal-politika tas-Sħubija tal-Lvant Plus (EaP+) irrakkomandata mill-Parlament;

2.  Ifaħħar lill-aġenti kuraġġużi għal bidla pożittiva fil-Moldova, b'mod partikolari dawk li qed imexxu l-isforzi, li jenħtieġ li jiġu segwiti, f'konformità mas-sejħiet mill-UE u mill-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) biex jiġi riformat is-settur bankarju bħala segwitu tal-frodi bankarja fl-2014 b'valur ta' USD 1 biljun (li tirrappreżenta 12 % tal-PDG); jilqa' l-evalwazzjoni b'suċċess tal-FMI ta' Lulju 2018 tal-implimentazzjoni tal-programm b'appoġġ mill-FMI; jistieden lill-politiċi u lill-ġudikatura tal-Moldova sabiex jingħaqdu flimkien f'dawn l-isforzi biex jirriformaw il-pajjiż u jiġġieldu l-korruzzjoni f'konformità mal-impenji tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, peress li n-nuqqas ta' rieda politika hija waħda mill-ostakoli ewlenin li jxekklu riforma kredibbli; jappella lill-forzi politiċi kollha jipparteċipaw fi djalogu kostruttiv fl-interess tal-pajjiż;

3.  Jesprimi tħassib serju dwar ir-rigress fir-rigward tal-istandards demokratiċi fil-Moldova, b'valuri ewlenin, li l-Moldova kienet qablet magħhom bħala parti mill-AA, bħad-demokrazija – inklużi elezzjonijiet ġusti u trasparenti li jirrispettaw ir-rieda taċ-ċittadini – u l-istat tad-dritt – inkluża l-indipendenza tal-ġudikatura – jisfgħu mdgħajfa mill-mexxejja politiċi attwali f'konfoffa ma' interessi kummerċjali u bi ftit li xejn oppożizzjoni mill-klassi politika u mill-ġudikatura, li jwasslu biex ir-Repubblika tal-Moldova tkun stat mifni mill-interessi oligarkiċi bil-konċentrazzjoni ta' setgħa ekonomika u politika fl-idejn ta' grupp żgħir ta' nies li jeżerċitaw l-influwenza tagħhom fuq il-parlament, il-gvern, il-partiti politiċi, l-amministrazzjoni tal-istat, il-pulizija, il-ġudikatura u l-midja u li jwasslu għal implimentazzjoni ferm mhux sodisfaċenti tal-leġiżlazzjoni b'benefiċċju minimu għaċ-ċittadini; itenni d-determinazzjoni tiegħu li jiffoka fuq it-twettiq ta' impenji biex jiġu rispettati l-valuri komuni aktar milli l-hekk imsejħa argumenti "ġeopolitiċi" xejn konvinċenti;

4.  Jiddispjaċih li l-ksur intenzjonali tal-kundizzjonijiet politiċi relatati mal-istandards demokratiċi fil-Moldova, b'mod partikolari l-bidliet riċenti fil-leġiżlazzjoni elettorali nazzjonali, li ma ndirizzawx uħud mir-rakkomandazzjonijiet ewlenin tal-opinjoni konġunta tal-ODIHR u tal-Kummissjoni ta' Venezja, kif ukoll is-sospensjoni ta' Dorin Chirtoacă mill-kariga ta' sindku ta' Chișinău u l-invalidazzjoni tal-elezzjoni ta' Andrei Năstase, li wasslu għas-sospensjoni tal-iżborż tal-Assistenza Makrofinanzjarja u tal-pagamenti pendenti tal-appoġġ baġitarju tal-UE;

5.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li kwalunkwe deċiżjoni dwar l-iżborż futur tal-Assistenza Makrofinanzjarja jenħtieġ li tittieħed biss wara l-elezzjonijiet parlamentari skedati għal Frar 2019 u bil-kondizzjoni li dawn jitwettqu skont standards rikonoxxuti internazzjonalment u vvalutati minn korpi internazzjonali speċjalizzati, u li l-pagament tal-programmi kollha ta' appoġġ baġitarju jenħtieġ li jibqa' ffriżat sakemm isir progress sinifikanti fl-istandards demokratiċi, inkluża r-riforma tal-ġudikatura u tal-azzjoni ġudizzjarja kontra persuni responsabbli minn frodi bankarja bi qbil mar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2018; jistieden, fl-istess ħin lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex ikomplu jirrilokaw fondi bħala appoġġ għas-soċjetà ċivili u l-midja indipendenti fil-Moldova, kif ukoll lis-settur privat u lill-awtoritajiet lokali, inkluż permezz ta' proġetti ta' sħubija u żvilupp ġodda, preferibbilment b'mod koordinat mal-assistenza minn pajjiżi oħrajn tal-UE u biex jiġu kkoordinati l-isforzi ma' organizzazzjonijiet oħrajn, bħall-FMI, sabiex tiġi żgurata koerenza akbar f'termini tal-kundizzjonalità tal-assistenza finanzjarja; jistenna b'kawtela r-riżultat tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni elettorali mill-Kumitat Legali tal-Parlament tal-Moldova għall-ħatriet u l-immunitajiet; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa mekkaniżmu għall-monitoraġġ tar-riformi li jkun jinkludi punti referenzjarji ċari;

6.  Ifakkar fil-kontenut tal-Artikoli 2 u 455 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, skont liema r-rispett għall-prinċipji demokratiċi jikkostitwixxi element essenzjali tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, li jekk jinkiser, jista' jwassal ukoll għas-sospensjoni tad-drittijiet relatati ma' dan il-ftehim; ifakkar li hemm bżonn ta' sforzi akbar sabiex ikomplu jintlaħqu l-punti referenzjarji kontra l-korruzzjoni u kontra l-ħasil tal-flus; jitlob li kull ftehim futur ikun kondizzjonali wkoll fuq ir-riforma tal-ġudikatura u fuq investigazzjoni dettaljata u l-prosekuzzjoni ta' dawk responsabbli għall-frodi ta' USD 1 biljun; ifakkar ukoll fil-punti referenzjarji ta' kontra l-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus relatati mal-politika tal-liberalizzazzjoni tal-viża;

Il-qafas istituzzjonali fis-seħħ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim

7.  Jilqa' l-adozzjoni ta' bosta liġijiet li jikkonformaw mal-impenji tal-Moldova bħala parti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni; jissottolinja madankollu l-importanza ta' implimentazzjoni rapida u sħiħa ta' dawn il-liġijiet sabiex jintlaħaq l-objettiv aħħari li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni jwassal għal titjib tanġibbli u sostenibbli fil-kondizzjonijiet ta' għajxien taċ-ċittadini ordinarji fil-Moldova;

8.  Jappella għal involviment aktar b'saħħtu tal-Prim Ministru u tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u tal-Integrazzjoni Ewropea tal-Moldova fil-provvista ta' sorveljanza politika ta' livell għoli u l-iskrutinju tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, partikolarment permezz tas-simplifikazzjoni kontinwa tal-istrutturi parlamentari u governattivi rilevanti, kif ukoll it-tisħiħ tal-kapaċitajiet amministrattivi tagħhhom u l-koordinament u s-sinkronizzazzjoni tal-pjanijiet tal-ministeri kompetenti u tal-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom;

9.  Jilqa' l-istabbiliment tal-assemblea interparlamentari tal-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna u l-ewwel laqgħa tagħha li nżammet bejn it-8 u d-9 ta' Ġunju fi Kiev; iħeġġeġ lil din l-assemblea tiskrutinizza wkoll l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni;

10.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Moldova jwettqu sforzi akbar fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u jorganizzaw l-azzjonijiet tiegħu – b'mod partikolari permezz tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għall-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni (NAPIAA) innifsu – skont setturi speċifiċi u r-riżultati speċifiċi li għandhom jiġu ġġenerati, aktar milli skont l-artikoli tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, sabiex tiġi żviluppata prijoritizzazzjoni dettaljata u s-sekwenzjar ta' miżuri, xprunati mill-valutazzjoni tal-impatt u mfassla minn unitajiet speċjalizzati ta' esperti;

11.  Jappella lis-SEAE u lill-Kummissjoni biex soġġett għall-progress fuq standards demokratiċi, jistabbilixxu Grupp ta' Appoġġ tal-UE għall-Moldova, sabiex jiżdied it-twassil ta' għarfien espert, partikolarment dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni Moldovana ma' dik tal-UE, u biex jikkoordinaw it-twassil ta' assistenza finanzjarja lill-Moldova, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati, bħala appoġġ għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

12.  Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jagħtu spinta lill-kapaċitajiet interni biex itejbu l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, b'mod partikolari permezz ta' żieda sinifikanti fir-riżorsi umani ddedikati, kif ukoll biex jimxu lejn valutazzjoni kwalitattiva tal-progress, partikolarment permezz tal-introduzzjoni ta' proċessi ta' skrinjar, li jivvalutaw il-livell ta' allinjament mal-acquis tal-UE, kif attwalment huwa rikjest mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni;

13.  Jilqa' d-djalogu mtejjeb fil-livell ministerjali mal-Moldova u ma' sħab assoċjati oħra dwar riformi relatati mal-assoċjazzjoni fil-qasam tal-kummerċ u jappoġġa, soġġett għal progress fl-istandards demokratiċi, it-tnedija ta' djalogi simili f'oqsma oħra koperti mill-Ftehim ta' Assoċjazzjoni, inklużi kwistjonijiet politiċi, il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, u l-kooperazzjoni settorjali;

14.  Ifakkar u jappoġġa l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja dwar ir-riforma elettorali fil-Moldova, skont liema l-bidla lejn sistema elettorali mħallta għall-elezzjonijiet parlamentari kienet nieqsa minn kunsens (għajr mill-partiti Demokratiċi u Soċjalisti) u tista' twassal biex il-kandidati jkunu influwenzati b'mod mhux xieraq mill-interessi kummerċjali; itenni għalhekk l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Moldovani biex itejbu s-sistema elettorali sabiex jiżguraw li l-elezzjonijiet futuri jirriflettu r-rieda taċ-ċittadini Moldovani aktar minn dik tal-ftit; jappella lill-awtoritajiet Moldovani wkoll jimplimentaw bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-ODIHR, partikolarment dwar il-finanzjament tal-partiti u l-libertà tal-midja u l-pluraliżmu; itenni li l-Parlament jinsab lest li josserva l-elezzjonijiet parlamentari li jmiss tal-Moldova;

Djalogu politiku u riforma, kooperazzjoni fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK)

15.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-bidliet tal-aħħar mument li saru lill-Kodiċi tas-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva li ġie adottat f'Lulju 2018 li ma kinux soġġetti għal konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Moldovani jimplimentaw bis-sħiħ il-Kodiċi f'konformità mal-istandards Ewropej għall-libertà u l-pluraliżmu tal-midja kif irrakkomandat mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Kummissjoni ta' Venezja; jenfasizza l-importanza ta' konsultazzjonijiet ġenwini mas-soċjetà ċivili u mal-midja indipendenti f'dan il-proċess u fl-adozzjoni ta' liġi ġdida dwar ir-reklamar; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu evitati t-tentattivi kollha li jimminaw il-pluraliżmu tal-midja, b'mod partikolari dawk li jinkoraġġixxu aktar il-kartelizzazzjoni tas-suq tal-midja u tas-suq tar-reklamar relatat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Moldovani jadottaw il-liġi l-ġdida dwar ir-reklamar wara konsultazzjoni ġenwina mas-soċjetà ċivili; jinnota bi tħassib li, attwalment il-midja hija monopolizzata ħafna u subordinata għall-gruppi politiċi u tan-negozju tal-pajjiż; jappella għal trasparenza dwar is-sjieda tal-midja u l-għoti ta' assistenza apposta għal midja indipendenti, speċjalment il-ħwienet lokali, sabiex jkun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-Kodiċi fir-rigward tal-kontenut obbligatorju lokali; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-indipendenza ġenwina tal-aġenzija regolatorja tal-enerġija;

16.  Jilqa' l-isforzi ta' riforma fl-oqsma tal-amministrazzjoni pubblika u tal-ġestjoni finanzjarja pubblika u jinkoraġġixxi li jittieħdu passi ulterjuri li għandhom jittieħdu biex tiżdied it-trasparenza;

17.  Jilqa' l-kooperazzjoni tajba dwar kwistjonijiet tal-PESK, partikolarment ir-rata għolja ta' allinjament mad-Dikjarazzjonijiet tal-PESK u l-parteċipazzjoni f'missjonijiet u operazzjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), kif ukoll il-kooperazzjoni tal-Moldova man-NATO; jinnota l-progress fl-adozzjoni ta' Strateġija ta' Difiża Nazzjonali u tal-Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha għall-2017-2021 wara l-irtirar tal-Istrateġija ta' Sigurtà Nazzjonali mill-President tal-Moldova; jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-ftehim UE-Moldova dwar l-iskambju ta' informazzjoni klassifikata;

18.  Ifaħħar lill-awtoritajiet Moldovani għat-titjib inkrementali tar-relazzjonijiet ma' Tiraspol, b'mod partikolari bl-implimentazzjoni ta' miżuri ta' bini ta' fiduċja inkluż bil-ftuħ tal-pont Gura Bîcului-Bîcioc u bl-iffirmar ta' sitt protokolli oħra, li tejbu l-ħajja taċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat tax-xmara Nistru; itenni l-impenn sod kif ukoll l-appoġġ tal-UE favur is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Moldova u l-isforzi biex tintlaħaq soluzzjoni paċifika għall-kwistjoni Transnistrijana; jappoġġa bla ebda kundizzjoni l-isforzi tal-OSKE, l-UE u l-partijiet interessati oħra u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jikkooperaw b'mod partikolari ma' SMEs mit-Transnistrija, biex tkompli ssir ħidma fuq dan il-livell ta' involviment, biex jitwettqu sforzi addizzjonali fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u biex jimxu mad-deċiżjonijiet kollha tal-KEDB; jistieden lill-awtoritajiet Moldovani jwettqu sforzi addizzjonali diretti lejn l-adozzjoni rapida u finali tal-Liġi dwar l-istatut legali speċjali ta' Gagauzia;

L-istat tad-dritt u l-governanza tajba

19.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiżguraw l-indipendenza, l-imparzjalità u l-effikaċja tal-ġudikatura u tal-istituzzjonijiet speċjalizzati fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, inklużi l-Kunsill Superjuri tal-Prosekuturi, iċ-Ċentru Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni u l-Prosekutur Kontra l-Korruzzjoni, l-Awtorità Nazzjonali dwar l-Integrità u l-Aġenzija ta' Rkupru ta' Assi Kriminali, b'mod partikolari billi jkomplu jallokaw riżorsi adegwati li jiggarantixxu proċeduri trasparenti ta' reklutaġġ bil-parteċipazzjoni ta' reklutaturi esperti indipendenti u bl-adozzjoni ta' emendi kostituzzjonali, bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, immirati b'mod partikolari lejn it-tneħħija tal-mandat inizjali ta' ħames snin għall-ħatra tal-imħallfin, il-bidla fil-kompożizzjoni u t-tisħiħ tar-rwol tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura u t-tneħħija tas-setgħat tal-Parlament fil-ħatra tal-imħallfin tal-Qorti Suprema; jibqa' mħasseb ħafna dwar il-prattiki tal-ġustizzja selettiva tal-ġudikatura Moldovana u jindika li, skont l-aħħar rapporti ta' Transparency International, din għadha tbati minn indipendenza limitata mill-eżekuttiv u tintuża bħala strument kontra l-avversarji politiċi u l-interessi kummerċjali; itenni l-importanza tal-istabbiliment ta' rekord sod ta' investigazzjonijiet f'każijiet ta' livell għoli ta' korruzzjoni, inkluż fil-konfront ta' profili ta' livell għoli;

20.  Jilqa' l-emendi leġiżlattivi adottati f'Lulju 2018 li kellhom l-għan li jsaħħu l-għażla tal-imħallfin, ibbażata fuq il-meritu u l-promozzjoni, kif ukoll dwar ir-responsabbiltà tagħhom;

21.  Itenni t-talbiet tiegħu, imsejsa fuq is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-ewwel u t-tieni rapporti Kroll, li għandu jiġi ppubblikat bis-sħiħ, għal prosekuzzjoni rapida u trasparenti ta' dawk kollha responsabbli mill-frodi bankarja ta' USD 1 biljun żvelata fl-2014, kif ukoll l-irkupru tal-assi misruqa; jieħu nota tal-istrateġija dwar l-irkupru tal-assi adottata mill-awtoritajiet Moldovani, iżda jinnota bi tħassib li l-investigazzjoni f'dan il-każ twettqet b'mod ftit li xejn effettiv; jenfasizza l-bżonn li l-qrati jieqfu jonqsu milli jkomplu jipproċedu fuq evidenza solida u biex jeżaminaw minnufih, f'seduti pubbliċi, il-każijiet pendenti jew taħt investigazzjoni, b'mod partikolari dak ta' Ilhan Shor; jenfasizza li l-għażla politika li l-banek jiġu salvati b'finanzi pubbliċi kompliet issaħħaħ is-sens ta' nuqqas qawwi ta' fiduċja fil-politika tal-Moldova; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra sanzjonijiet personali u lill-Istati Membri tal-UE jipprovdi appoġġ għall-investigazzjoni;

22.  Jesprimi tħassib dwar iż-żieda fir-riskju ta' ħasil tal-flus wara l-adozzjoni b'għaġġla tal-hekk imsejjaħ "pakkett ta' riforma fiskali" f'Lulju 2018, li jinkludi skema ta' amnestija mit-taxxa li tista' tillegalizza l-assi miksuba b'mod illeċitu; jappella biex il-pakkett jiġi emendat sabiex jingħalqu dawn il-lakuni, u biex fl-istess ħin tinżamm attenzjoni qawwija fuq l-implimentazzjoni tiegħu b'koordinament mal-Kummissjoni, is-SEAE u mal-organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn;

23.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu indirizzati u skoraġġuti okkorrenzi oħrajn ta' kriminalità organizzata, inkluż il-kuntrabandu tal-armi, it-traffikar tal-bnedmin u l-ħasil tal-flus fuq skala kbira, partikolarment mir-Russja; jissottolinja r-responsabbiltà tal-imħallfin fiż-żamma tal-istat tad-dritt u jenfasizza li dawk l-imħallfin ikkundannati leġittimament għandhom jiskontaw is-sentenzi tagħhom;

24.  Jitlob li jsiru konsultazzjonijiet diretti onlajn dwar id-dikjarazzjonijiet elettroniċi tal-assi ta' individwi politiċi u amministrattivi anzjani, skont l-eżempju tal-Ukrajna;

25.  Jistieden lill-awtoritajiet Moldovani jirrispettaw il-prinċipji u jimplimentaw l-aħjar prattiki fil-livell internazzjonali li jiggarantixxu ambjent favorevoli għas-soċjetà ċivili; jissottolinja r-rwol essenzjali tas-soċjetà ċivili fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-riformi kif ukoll fil-promozzjoni tat-trasparenza u tar-responsabbiltà tal-istituzzjonijiet pubbliċi; jistenna, b'mod partikolari, li l-ebda leġiżlazzjoni futura ma xxekkel il-finanzjament nazzjonali jew barrani għall-NGOs u għall-Organizzazzjonijiet tas-Soċjetà Ċivili Moldovani jew li jkabbru b'mod mhux ġustifikat il-piż amministrattiv u ta' rappurtar fuqhom; jiddispjaċih li f'numru ta' każijiet, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini ġiet ristretta, pereżempju bir-rifjut tal-applikazzjoni għall-organizzazzjoni ta' referendum dwar tibdil fis-sistema elettorali mill-Kummissjoni Elettorali Ċentrali f'Marzu 2018;

Rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali

26.  Jesprimi t-tħassib dwar sinjali ta' tnaqqis ulterjuri fl-ispazju tas-soċjetà ċivili tal-pajjiż, u jistieden lill-awtoritajiet biex iwaqqfu minnufih proċeduri kriminali mhux xierqa jew sproporzjonati, li wħud minnhom oriġinaw minn akkużi ivvintati, u minn ġustizzja selettiva kontra avversarji politiċi, l-avukati tagħhom u/jew il-familji tagħhom; jikkritika l-fatt li l-monitoraġġ tal-proċess mill-Istati Membri tal-UE jew mid-delegazzjoni tas-SEAE qed jiġi mxekkel dejjem aktar mill-esklużjoni tal-pubbliku mill-proċessi; jesprimi tħassib speċifiku dwar proċedimenti mmirati lejn id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, imħallfin indipendenti bħal Domnica Manole u Gheorghe Balan, ġurnalisti u kritiċi tal-gvern jew tal-President tal-Partit Demokratiku tal-Moldova, Vladimir Plahotniuc; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiggarantixxu d-dritt għal proċess ġust u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem f'bini ta' detenzjoni; jenfasizza l-bżonn għal investigazzjonijiet effettiv fl-allegazzjonijiet ta' tortura fl-istituzzjonijiet ta' detenzjoni u psikjatriċi; jappella lill-awtoritajiet biex jiggarantixxu wkoll il-libertà tal-assemblea u tal-espressjoni u b'mod partikolari, iż-żamma ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi, kif ukoll għar-rispett strett ta' dan id-dritt fundamentali bi qbil mal-istandards internazzjonali;

27.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni ta' Strateġija Nazzjonali ġdida dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-2017, u jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tagħha;

28.  Jistieden lill-awtoritajiet biex iżidu b'mod sinifikanti l-isforzi biex jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, b'mod partikolari għal gruppi vulnerabbli, billi jiġġieldu d-diskors ta' mibegħda, il-vjolenza, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni kontra persuni LGBTQI, li kollha għadhom ta' tħassib qawwi, persuni b'diżabbiltà u minoranzi bħall-popolazzjoni tar-Rom, kif ukoll id-diskors ta' mibegħda u d-diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru jew l-affiljazzjoni politika;

29.  Jikkundanna bil-qawwa l-estradizzjoni/is-sekwestru reċenti ta' ċittadini Torok li ttieħdu t-Turkija minħabba l-allegazzjonijiet dwar ir-rabtiet tagħhom mal-moviment Gülen, bi ksur tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem bażiċi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Moldova jiggarantixxu li kull talba għal estradizzjoni li toriġina minn pajjiż terz tiġi pproċessata b'mod trasparenti filwaqt li jiġu segwiti l-proċeduri ġudizzjarji b'konformità sħiħa mal-prinċipji u mal-istandards Ewropej;

Kooperazzjoni ekonomika u kummerċjali

30.  Jilqa' ż-żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet tal-Moldova lejn l-UE bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tad-DCFTA u tal-fatt li l-UE hija l-ikbar investitur fil-Moldova, iżda jiddeplora l-fatt li dan ma wassalx għal titjib fis-sitwazzjoni soċjali u ekonomika taċ-ċittadini; iwissi li n-nuqqas ta' progress fit-titjib tal-istandard ta' għajxien tal-popolazzjoni jhedded l-approvazzjoni taċ-ċittadini lejn l-orjentazzjoni pro-Ewropea tal-pajjiż;

31.  Ifakkar dwar l-importanza ta' ġudikatura indipendenti u tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni kif ukoll it-tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi u burokratiċi fit-titjib tal-klima tal-investiment u tan-negozju;

32.  Iħeġġeġ progress akbar fl-oqsma tal-istandards sanitarji u fitosanitarji u l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi;

33.  Jitlob konformità effettiva tal-klawsoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u l-impenji internazzjonali, u speċifikament l-implimentazzjoni tajba tal-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO.

34.  Iqis li l-approssimazzjoni regolatorja mal-acquis tal-UE bħala d-dimensjoni ewlenija tad-DCFTA minħabba li l-aċċess reali għas-suq tal-UE u r-riformi jiddependu ħafna fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni rilevanti; huwa konxju mill-isfida enormi li dan jirrappreżenta għall-governanza, l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika fil-Moldova u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ tekniku u finanzjarju adegwat;

L-enerġija u oqsma oħra ta' kooperazzjoni

35.  Jilqa' l-promulgazzjoni tal-Liġi dwar l-Enerġija fl-2017 bħala pass ieħor lejn it-traspożizzjoni tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u jħeġġeġ il-passi konkreti mwettqa biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-aġenzija regolatorja tal-enerġija, ANRE; jirrikonoxxi l-isforzi tal-Moldova lejn il-promozzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza tal-enerġija u jikkunsidra kruċjali t-tisħiħ ta' metodi ta' biedja agroekoloġika fil-qafas tal-iżvilupp rurali sostenibbli;

36.  Jitlob azzjoni aktar determinata fl-oqsma tal-ħarsien tal-ambjent, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tal-ilma mix-xmara Nistru, il-ġestjoni tal-iskart u t-tibdil fil-klima, b'mod partikolari f'termini tal-implimentazzjoni u tal-koordinazzjoni tal-leġiżlazzjoni;

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

37.  Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lill-Moldova biex ikabbru l-isforzi ta' komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-AA u dwar il-benefiċċji previsti għaċ-ċittadini tal-Moldova dwar ir-riformi relatati u l-integrazzjoni aktar mill-qrib mal-Unjoni Ewropea; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni Russa permezz ta' informazzjoni bbażata fuq il-fatti, aċċessibbli u ta' kwalità bil-lingwi kollha ewlenin użati fil-Moldova;

38.  Itenni r-rieda tiegħu li jżid il-monitoraġġ tiegħu tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet internazzjonali mas-sħab tal-Lvant tal-UE; jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex jgħaddu lill-Parlament u lill-Kunsill rapporti bil-miktub, aktar spissi u regolari dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-ftehimiet;

39.  Iqis utli l-prattika li l-awtoritajiet tal-Moldova jkunu involuti mill-istadju tal-abbozzar tal-leġiżlazzjoni rilevanti minħabba li dan jagħmel il-proċess aktar inklużiv u jnaqqas l-ispejjeż ta' tranżizzjoni għall-Moldova, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-mekkaniżmi ta' skambju ta' informazzjoni ex ante;

40.  Jinnota li l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-DCFTA hija ffokata ħafna fuq il-flussi tal-kummerċ u l-ostakli għall-kummerċ; jappella lill-Kummissjoni tosserva u tivvaluta b'mod xieraq l-implimentazzjoni tad-DCFTA, b'attenzjoni partikolari mogħtija lit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis, kif ukoll l-impatt fuq is-soċjetà tal-Moldova, u biex tiżgura rapportar annwali pubbliku u komprensiv, inkluż dwar l-appoġġ tekniku u finanzjarju pprovdut mill-UE;

41.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jippubblikaw ir-rapporti annwali kollha dwar l-implimentazzjoni tal-assoċjazzjoni fl-istess ħin, u jippubblikaw simultanjament evalwazzjoni komparattiva tal-livell ta' progress lejn l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/DCFTA minn kull sieħeb assoċjat, skont punti ta' riferiment speċifiċi;

42.  Jiddeċiedi li jfassal rapporti annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni;

°

°  °

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Moldova.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2018)0303.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2017)0440.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2017)0283.

(4)

ĠU C 11, 12.1.2018, p. 82.

(5)

Studju bit-titolu "The electoral reforms in three association countries of the Eastern Neighbourhood – Ukraine, Georgia and Moldova" (Ir-riformi elettorali fi tliet pajjiżi assoċjati tal-Viċinat tal-Lvant – l-Ukrajna, il-Georgia u l-Moldova), il-Parlament Ewropew, 26 ta' Ottubru 2017.

(6)

Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea bit-titolu "Association agreements between the EU and Moldova, Georgia and Ukraine" (Ftehimiet ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Moldova, il-Georgia u l-Ukrajna), il-Parlament Ewropew, 28 ta' Ġunju 2018.

(7)

Studju bit-titolu "The Development of an Institutional Framework for the Implementation of the Association Agreements in Georgia, Moldova and Ukraine" (L-Iżvilupp ta' Qafas Istituzzjonali għall-Implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni fil-Georgia, il-Moldova u l-Ukrajna), il-Parlament Ewropew, Lulju 2018.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (21.6.2018)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni tal-UE mal-Moldova

(2017/2281(INI))

Rapporteur għal opinjoni: David Martin

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi ż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) bejn l-UE u l-Moldova ilha tapplika sa mill-2014;

B.  billi l-esportazzjonijiet tal-Moldova lejn l-UE żdiedu b'iktar minn 15 % mid-dħul fis-seħħ tad-DCFTA u l-Moldova attwalment tiddependi fuq l-UE għal 66 % tal-esportazzjonijiet tagħha;

C.  billi r-rata ta' użu preferenzjali ta' 90 % għall-Moldova turi kif id-DCFTA kienet ta' benefiċċju għall-impriżi, il-ħaddiema u ċ-ċittadini tal-Moldova;

D.  billi l-implimentazzjoni effettiva tad-DCFTA tiddependi fuq l-isforzi kontinwi tal-Moldova li żżid ir-riformi rigward l-istat tad-dritt, il-governanza, il-kapaċità istituzzjonali u l-amministrazzjoni pubblika inkluż f'oqsma relatati mal-kummerċ;

E.  billi sar progress f'oqsma essenzjali bħalma huma l-miżuri sanitarji u fitosanitarji, l-ostakoli tekniċi għall-kummerċ, id-dwana u l-akkwist pubbliku;

F.  billi l-Gruppi Konsultattivi Domestiċi (DAGs) ġew stabbiliti f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u s'issa kellhom tliet laqgħat;

1.  Jilqa' ż-żieda sinifikanti ta' importazzjonijiet mill-Moldova lejn l-UE bħala riżultat tad-dħul fis-seħħ tad-DCFTA; jissottolinja li d-DCFTA għandha tkun xprun ta' diversifikazzjoni ekonomika u, għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja l-Moldova biex tidentifika oqsma ewlenin li għandhom jingħataw prijorità fl-implimentazzjoni tad-DCFTA; iqis li d-dimensjoni tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ għandha tkun ġestita b'attenzjoni bil-ħsieb li timminimizza l-ispejjeż filwaqt li timmassimizza l-benefiċċji għall-Moldova;

2.  Jilqa' l-ħolqien ta' madwar 1 500 impjieg bl-appoġġ li ngħata lin-negozji żgħar u jtenni l-ħtieġa li jkomplu jiġu inċentivati s-setturi tal-SMEs u ta' negozji ġodda, speċjalment minħabba l-kontribut importanti tagħhom għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, l-innovazzjoni u l-kreattività imprenditorjali;

3.  Jissottolinja l-fatt li l-objettiv aħħari tad-DCFTA huwa li jsir titjib tanġibbli u sostenibbli fil-kundizzjonijiet tal-għajxien taċ-ċittadini ordinarji fil-Moldova billi l-pajjiż jibqa' wieħed mill-ifqar fl-Ewropa, u b'hekk iħeġġeġ lill-awtoritajiet iwettqu proċessi ta' riforma effettiva bil-ħsieb li jitjiebu l-istandards tal-għajxien għal dan il-għan;

4.  Jistenna li l-Moldova tkompli fit-triq tagħha lejn ir-riformi mhux biss f'dawk esklużivament marbuta mal-kummerċ, bħar-ristrutturar tas-setturi finanzjarji u tal-enerġija, iżda wkoll fl-oqsma tal-istat tad-dritt, l-amministrazzjoni pubblika, is-settur tal-ġustizzja, il-ġestjoni u l-effiċjenza tal-finanzi pubbliċi, il-libertà tal-midja, l-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa, kif ukoll l-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni; ifakkar ukoll l-importanza tal-implimentazzjoni effettiva ta' riformi u strumenti legali li għadhom kemm ġew introdotti; jitlob li jittieħdu passi konkreti fis-setturi kollha msemmija, f'konformità mal-aspettattivi enfasizzati fir-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar l-assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tal-Moldova(1), filwaqt li jfakkar diversi dibattiti dwar is-sitwazzjoni fil-Moldova u l-appelli tal-Parlament għal sforzi ta' riforma trasparenti u għal kundizzjonalitajiet stretti marbuta ma' riżultati tanġibbli f'oqsma identifikati li jeħtieġu titjib; hu favur id-deċiżjoni sabiex id-Direttiva tal-UE kontra l-Ħasil tal-Flus tiġi trasposta;

5.  Iqis li l-approssimazzjoni regolatorja mal-acquis tal-UE hija d-dimensjoni ewlenija tad-DCFTA minħabba li l-aċċess reali għas-suq tal-UE u r-riformi jiddependu ħafna fuq l-implimentazzjoni u l-infurzar xierqa tal-leġiżlazzjoni rilevanti; huwa konxju mill-isfida enormi li dan jirrappreżenta għall-governanza, l-istituzzjonijiet u l-amministrazzjoni pubblika fil-Moldova u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ tekniku u finanzjarju adegwat; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra t-twaqqif ta' grupp ta' appoġġ għall-Moldova, b'mod simili għal dak maħluq għall-Ukrajna;

6.  Iqis utli l-prattika li l-awtoritajiet tal-Moldova jkunu involuti sa mill-istadju tal-abbozzar tal-leġiżlazzjoni rilevanti minħabba li dan jagħmel il-proċess aktar inklużiv u jnaqqas l-ispejjeż ta' tranżizzjoni għall-Moldova, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-mekkaniżmi ta' skambju ta' informazzjoni ex ante;

7.  Jissottolinja r-rwol prinċipali li żvolġew id-DAGs fil-monitoraġġ tad-DCFTA, u jfakkar li l-Partijiet għandhom jiżguraw finanzjament xieraq u rappreżentanza bilanċjata tas-soċjetà ċivili;

8.  Jinnota li l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tad-DCFTA hija ffokata ħafna fuq il-flussi tal-kummerċ u l-ostakli għall-kummerċ; jappella lill-Kummissjoni tosserva u tivvaluta b'mod xieraq l-implimentazzjoni tad-DCFTA, b'attenzjoni partikolari mogħtija lit-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-acquis, kif ukoll l-impatt fuq is-soċjetà tal-Moldova, u biex tiżgura rapportar annwali pubbliku u komprensiv, inkluż dwar l-appoġġ tekniku u finanzjarju pprovdut mill-UE;

9.  Jitlob konformità effettiva tal-klawsoli dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli u l-impenji internazzjonali, u speċifikament l-implimentazzjoni tajba tal-konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

21.6.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

William (The Earl of) Dartmouth, Laima Liucija Andrikienė, Tiziana Beghin, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Eleonora Forenza, Nadja Hirsch, Yannick Jadot, France Jamet, Elsi Katainen, Patricia Lalonde, Danilo Oscar Lancini, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Adam Szejnfeld

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Goffredo Maria Bettini, Reimer Böge, Klaus Buchner, Dita Charanzová, Danuta Maria Hübner, Sajjad Karim, Sander Loones

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Czesław Hoc, John Howarth, Dietmar Köster, Kosma Złotowski

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

31

+

ALDE

Dita Charanzová, Nadja Hirsch, Elsi Katainen, Patricia Lalonde

ECR

Czesław Hoc, Sajjad Karim, Sander Loones

EFDD

Tiziana Beghin, William (The Earl of) Dartmouth

GUE/NGL

Eleonora Forenza, Lola Sánchez Caldentey

PPE

Laima Liucija Andrikienė, Reimer Böge, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Danuta Maria Hübner, Sorin Moisă, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Tokia Saïfi, Adam Szejnfeld

S&D

Goffredo Maria Bettini, John Howarth, Dietmar Köster, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Alessia Maria Mosca, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Yannick Jadot

3

-

ENF

France Jamet, Danilo Oscar Lancini

GUE/NGL

Anne-Marie Mineur

1

0

ECR

Kosma Złotowski

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

Testi adottati, P8_TA(2017)0283.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

9.10.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

5

17

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Klaus Buchner, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Wajid Khan, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Michel Reimon, Sofia Sakorafa, Jean-Luc Schaffhauser, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Anders Primdahl Vistisen, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Norica Nicolai, Gilles Pargneaux, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Helmut Scholz, Igor Šoltes, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ivan Štefanec


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

31

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Javier Nart, Jozo Radoš, Ivo Vajgl

ECR

Charles Tannock, Anders Primdahl Vistisen

EFDD

Fabio Massimo Castaldo

PPE

Michèle Alliot-Marie, Lorenzo Cesa, Andrzej Grzyb, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, David McAllister, Ramona Nicole Mănescu, Francisco José Millán Mon, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ivan Štefanec, Dubravka Šuica, László Tőkés, Željana Zovko

S&D

Francisco Assis, Ana Gomes

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Michel Reimon, Jordi Solé, Igor Šoltes, Bodil Valero

5

-

ALDE

Norica Nicolai

ENF

Jean-Luc Schaffhauser

NI

Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz

S&D

Ioan Mircea Paşcu

17

0

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Helmut Scholz, Marie-Christine Vergiat

S&D

Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Andi Cristea, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Wajid Khan, Arne Lietz, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Gilles Pargneaux, Tonino Picula, Boris Zala

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 5 ta' Novembru 2018Avviż legali