Proċedura : 2018/2034(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0329/2018

Testi mressqa :

A8-0329/2018

Dibattiti :

PV 22/10/2018 - 18
CRE 22/10/2018 - 18

Votazzjonijiet :

PV 25/10/2018 - 13.16

Testi adottati :

P8_TA(2018)0432

RAPPORT     
PDF 645kWORD 75k
16.10.2018
PE 623.744v02-00 A8-0329/2018

dwar il-politiki tal-impjieg u soċjali taż-żona tal-euro

(2018/2034(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Rapporteur: Krzysztof Hetman

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-politiki tal-impjieg u soċjali taż-żona tal-euro

(2018/2034(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3 u 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tas-16 ta' Frar 2012 bit-titolu "Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli" (COM(2012)0055),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 145, 148, 149, 152, 153, 174 u 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet(1),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-Titolu IV (Solidarjetà) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, b'mod partikolari l-għanijiet Nri 1, 3, 4, 5, 8, 10 u 13,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar "Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa",

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-14 ta' Mejju 2018 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni ta' żvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Mejju 2018 dwar is-Semestru Ewropew 2018 - Rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (COM(2018)0400),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018" (COM(2017)0690),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tat-22 ta' Novembru 2017 li jakkumpanja l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018 (COM(2017)0674),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (COM(2017)0677), u l-pożizzjoni tal-Parlament dwarha tad-19 ta' April 2018(3),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2017)0770),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2018" (COM(2017)0771),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Abbozzi tal-Pjanijiet Baġitarji għall-2018: Valutazzjoni Globali" (COM(2017)0800),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 bit-titolu "L-istabbiliment tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali" (COM(2017)0250),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 bit-titolu "Inizjattiva ta' appoġġ għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw li jaħdmu" (COM(2017)0252),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2017 bit-titolu "Taking stock of the 2013 Recommendation on "Investing in children: breaking the cycle of disadvantage"" (Rendikont tar-Rakkomandazzjoni tal-2013 dwar "L-investiment fit-tfal: niksru ċ-ċiklu tal-iżvantaġġ") (SWD(2017)0258),

–  wara li kkunsidra l-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019 u l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2011-2020 u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-Patt Ewropew(4),

–  wara li kkunsidra l-miri ta' Barċellona dwar il-kura tat-tfal tal-2002, jiġifieri li sal-2010 tiġi pprovduta kura tat-tfal mill-inqas lil 90 % tat-tfal bejn it-tliet snin u l-età obbligatorja tal-iskola u mill-inqas lil 33 % tat-tfal taħt it-tliet snin,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ottubru 2016 bit-titolu "Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ: tliet snin wara" (COM(2016)0646),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (COM(2016)0604),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2016 bit-titolu "It-Tisħiħ tal-Investimenti Ewropej għall-impjieg u t-tkabbir: Lejn it-tieni fażi tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u pjan ġdid ta' Investiment Estern għall-Ewropa" (COM(2016)0581),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa: Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività" (COM(2016)0381),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ġunju 2016 bl-isem "Aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva" (COM(2016)0356),

–  wara li kkunsidra l-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari(5),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "L-Ewropa tinvesti mill-ġdid – Rendikont tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u l-passi li jmiss" (COM(2016)0359),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2016 dwar it-tnedija ta' konsultazzjoni dwar il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (COM(2016)0127) u l-annessi tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2018 dwar il-mezzi possibbli ta' reintegrazzjoni tal-ħaddiema li qed jirkupraw minn korriment u mard f'impjieg ta' kwalità(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2017 dwar il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi bħala xprun biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2017 dwar il-politiki ekonomiċi taż-żona tal-euro(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar il-politiki dwar l-introjtu minimu bħala għodda biex jiġi ttrattat il-faqar(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2017 dwar aġenda ġdida għall-ħiliet għall-Ewropa(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2017 dwar Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-faqar: perspettiva tas-sessi(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar il-Qafas Strateġiku tal-Unjoni Ewropea dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali 2014-2020(14),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2018 tal-Kummissjoni dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet: l-adegwatezza tad-dħul attwali u futur fix-xjuħija fl-UE,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea bit-titolu "The 2018 Ageing Report: Economic and Budgetary Projections for the EU Member States (2016-2070)" (Ir-Rapport tal-2018 dwar it-Tixjiħ: Projezzjonijiet Ekonomiċi u Baġitarji għall-Istati Membri tal-UE (2016-2070)),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' xogħol mhux iddikjarat(15),

–  wara li kkunsidra l-Karta Soċjali Ewropea riveduta u l-Proċess ta' Turin, li tnieda fl-2014 u li għandu l-għan li jsaħħaħ is-sistema tat-trattat tal-Karta Soċjali Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa u fir-relazzjoni tiegħu mad-dritt tal-Unjoni Ewropea(16),

–  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tar-rapport tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà dwar ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea (Settembru 2015),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 5/2017 tal-Qorti tal-Awdituri ta' Marzu 2017 bit-titolu: "Il-qgħad fost iż-żgħażagħ – il-politiki tal-UE għamlu differenza? Valutazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0329/2018),

A.  billi f'Ġunju 2018, ir-rata tal-qgħad aġġustata skont l-istaġun fiż-żona tal-euro kienet ta' 8,3 %, li naqset minn 9,0 % f'Ġunju 2017, u hija l-anqas rata rreġistrata fiż-żona tal-euro minn Diċembru 2008; billi d-differenza fir-rati tal-qgħad fost l-Istati Membri taż-żona tal-euro hija sinifikanti, meta wieħed iqis li l-anqas rati tal-qgħad f'Ġunju 2018 kienu rreġistrati f'Malta (3,9 %) u fil-Ġermanja (3,4 %), filwaqt li l-ogħla rati ta' qgħad – li għadhom kwistjonijiet ta' tħassib – kienu osservati fil-Greċja (20,2 % f'April 2018) u fi Spanja (15,2 %), li r-rati ta' impjieg tagħhom kienu 57,8 % u 65,5 % rispettivament;

B.  billi f'Ġunju 2018, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fiż-żona tal-euro kienet ta' 16,9 % meta mqabbla ma' 18,9 % f'Ġunju 2017; filwaqt li din ir-rata, minkejja li kontinwament qiegħda tonqos, għadha għolja b'mod mhux aċċettabbli, u hija d-doppju tal-medja tal-qgħad totali, b'madwar żagħżagħ minn kull tlieta jinsab qiegħed f'ċerti pajjiżi; billi r-responsabbiltà primarja għall-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ hija tal-Istati Membri f'termini tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' oqfsa regolatorji tas-suq tax-xogħol, sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ u politiki attivi tas-suq tax-xogħol sabiex jiżguraw, fost oħrajn, il-ħolqien ta' opportunitajiet ta' xogħol deċenti b'pagi deċenti;

C.  billi d-differenza fir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Istati Membri taż-żona tal-euro hija sinifikanti wkoll, peress li l-anqas rati ta' qgħad fiż-żona tal-euro f'Ġunju 2018 kienu rreġistrati f'Malta (5,5 %) u fil-Ġermanja (6,2 %) filwaqt li l-ogħla rati kienu rreġistrati fil-Greċja (42,3 % f'April 2018), fi Spanja (34,1 %) u fl-Italja (32,6 %);

D.  billi Stati Membri oħrajn qegħdin jaffaċċjaw sfidi strutturali fis-suq tax-xogħol bħall-parteċipazzjoni baxxa, u n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u tal-kwalifiki; billi hemm ħtieġa li dejjem qed tiżdied ta' miżuri konkreti għall-integrazzjoni jew l-integrazzjoni mill-ġdid ta' forza tax-xogħol inattiva sabiex jintlaħqu d-domandi tas-suq tax-xogħol;

E.  billi r-rata ta' impjieg totali fiż-żona tal-euro fl-2017 kienet ta' 71,0 %, filwaqt li r-rata ta' impjieg għan-nisa kienet ta' 65,4 %; billi l-mira tal-Unjoni Ewropea skont l-Istrateġija Ewropa 2020 hija li tinkiseb rata ta' impjieg ta' mill-inqas 75 % għall-persuni ta' bejn 20 u 64 sena, inkluż bl-involviment akbar tan-nisa, ta' ħaddiema akbar fl-età u ta' integrazzjoni aħjar tal-migranti fil-forza tax-xogħol; billi r-rata ta' impjieg fiż-żona tal-euro sal-aħħar tal-2016 qabżet l-ogħla livell ta' qabel il-kriżi, u żdiedet b'1,5 % fit-tieni kwart tal-2018 meta mqabbla mal-istess kwart tas-sena ta' qabel; billi, madankollu, hija għadha ma laħqitx il-livelli rreġistrati għaxar snin ilu f'xi Stati Membri, meta wieħed jikkunsidra li fil-pajjiżi tal-Lvant dan jista' jiġi attribwit għal tnaqqis fit-tul fil-popolazzjoni globali aktar milli għal żviluppi fis-suq tax-xogħol; billi t-tendenza ta' tnaqqis fis-sigħat maħduma għal kull persuna impjegata minħabba, fost oħrajn, xogħol part-time furzat, għadha inkwetanti, bi tnaqqis żgħir (0,3 %) fl-2017 meta mqabbel mas-sena preċedenti u li għadha f'livell ta' madwar 3,0 % inqas minn dak fl-2008(17);

F.  billi s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol taffettwa b'mod partikolari lin-nisa, lill-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet, liż-żgħażagħ u lill-persuni akbar fl-età, lill-persuni b'diżabbiltà u lill-persuni li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni, li għandhom probabbiltà akbar li jkunu impjegati f'xogħol part-time u temporanju, li għadhom jippersistu flimkien ma' forom mhux standard u atipiċi ta' impjieg u impjieg indipendenti fittizju; billi, fl-2017, ir-rata ta' impjieg ta' dawk li għandhom bejn il-55 u l-64 sena fl-UE kienet ta' 57 %, 10 punti perċentwali inqas mir-rata ta' impjieg ġenerali, b'diskrepanza bejn is-sessi ta' 13-il punt perċentwali – 3 punti ogħla miċ-ċifra korrispondenti għall-popolazzjoni totali fl-età tax-xogħol; billi d-demografija tipprevedi għadd dejjem jikber ta' ħaddiema akbar fl-età;

G.  billi l-aċċess universali għal kura tas-saħħa ta' kwalità huwa bżonn bażiku li jrid ikun żgurat u investit mill-Istati Membri;

H.  billi fl-2016, il-perċentwal ta' persuni f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali fiż-żona tal-euro kien ta' 23,1 %, ċifra li għadha ogħla miċ-ċifra tal-2009, u r-rata ta' faqar fost dawk li jaħdmu kienet ta' 9,5 %; billi għad hemm 118-il miljun ċittadin Ewropew li jinsabu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali, miljun persuna aktar mil-livell ta' qabel il-kriżi; billi l-mira tal-Ewropa 2020 li r-riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali jitnaqqas b'20 miljun relattiv għall-parametru referenzjarju tal-2008 għadha pjuttost 'il bogħod milli tinkiseb; billi filwaqt li r-rati ta' deprivazzjoni materjali qed jonqsu, ir-rati monetarji u ta' dawk f'riskju ta' faqar qed jiżdiedu;

I.  billi fiż-żona tal-euro r-rata tal-qgħad fit-tul qed tonqos (minn 5 % fl-2016 għal 4,4 % fl-2017), iżda billi għadha tammonta għal 48,5 % tal-qgħad totali, li huwa għoli b'mod inaċċettabbli;

J.  billi skont ir-rieżami annwali tal-2018 tal-Iżviluppi fl-Impjieg u dawk Soċjali fl-Ewropa (ESDE), il-pass tat-tkabbir ristrett fil-produttività għal kull persuna impjegata li qed jaffettwa t-tkabbir fil-pagi huwa marbut ma' fatturi bħas-sehem ogħla ta' impjiegi part-time u l-għadd aktar baxx ta' sigħat maħduma;

K.  billi r-rata tal-impjiegi part-time u temporanji fiż-żona tal-euro baqgħet stabbli mill-2013, minkejja li tirrappreżenta proporzjon għoli tal-impjiegi totali, u billi fl-2017 ix-xogħol part-time kien jammonta għal 21,2 % tal-kuntratti kollha; billi l-perċentwal tal-impjiegi part-time fost in-nisa (31,4 %) huwa ogħla b'mod sinifikanti minn fost l-irġiel (8,2 %), fenomenu li jista' jkollu riperkussjonijiet sinifikanti għall-introjtu u l-intitolamenti ta' protezzjoni soċjali; billi fl-2016 iż-żgħażagħ kellhom bil-bosta l-ogħla sehem ta' kuntratti temporanji – 43,8 % tal-impjegati kollha li għandhom bejn il-15 u l-24 sena;

L.  billi l-adegwatezza tal-pensjonijiet għadha sfida, peress li r-riskju ta' esklużjoni soċjali qed jiżdied bl-età, filwaqt li d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi ta' 37 % għadha tippreżenta sfida għall-bosta nisa anzjani, filwaqt li żżid ir-riskju tagħhom ta' faqar u esklużjoni soċjali; billi l-intitolamenti tal-pensjoni tal-persuni f'impjieg mhux standard u f'impjieg indipendenti huma aktar baxxi minn dawk għall-impjegati;

M.  billi l-aċċess għal servizzi soċjali, bħas-servizzi għall-indukrar tat-tfal, tal-kura tas-saħħa u tal-kura fit-tul, kif ukoll servizzi affordabbli li jappoġġaw il-mobbiltà, għandhom impatt sinifikanti fuq l-adegwatezza tal-introjtu, b'mod partikolari għall-persuni b'introjtu baxx jew li jiddependu fuq il-protezzjoni soċjali;

1.  Jinnota li filwaqt li l-kundizzjonijiet ekonomiċi fiż-żona tal-euro huma attwalment favorevoli u l-impjieg ġenerali dejjem qed jikber, l-irkupru ekonomiku mhuwiex imqassam b'mod ekwu fiż-żona tal-euro, u għad hemm lok għal ħafna titjib f'termini tal-konverġenza ekonomika, tal-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul, l-iżbilanċi bejn is-sessi, il-ġlieda kontra s-segmentazzjoni u l-inugwaljanzi tas-suq tax-xogħol, speċjalment dawk marbuta ma' gruppi vulnerabbli, u f'termini ta' tnaqqis tal-għadd ta' persuni li jaħdmu taħt il-livell ta' kwalifika tagħhom, tal-faqar b'mod ġenerali u tal-faqar fost dawk li jaħdmu, b'mod partikolari l-qerda tal-faqar fost it-tfal, u t-trawwim tal-produttività u ż-żidiet fil-pagi; jinnota li l-inugwaljanzi fl-introjtu kienu jkunu ogħla mingħajr l-effetti ridistributtivi tat-trasferimenti soċjali, li fl-2015 naqqsu l-perċentwal ta' persuni f'riskju ta' faqar b'madwar terz (33,7 %); jilmenta dwar il-fatt, madankollu, li l-impatti tagħhom ma kinux biżżejjed u jvarjaw bil-kbir fost l-Istati Membri, bit-tnaqqis tal-inugwaljanza fl-introjtu b'aktar minn 20 % fil-Belġju, fil-Finlandja u fl-Irlanda, iżda b'inqas minn 10 % fl-Estonja, fil-Greċja, fl-Italja, fil-Latvja u fil-Portugall;

2.  Jenfasizza li t-tgawdija tad-drittijiet soċjali u sistema ta' protezzjoni soċjali li tiffunzjona sew, hija effiċjenti u li tipprovdi protezzjoni adegwata lill-ħaddiema kollha, irrispettivament mit-tip tar-relazzjoni ta' impjieg, kuntratt jew forma ta' impjieg tagħhom, huma prekundizzjonijiet importanti, flimkien ma' politiki attivi u sostenibbli tas-suq tax-xogħol, għat-tnaqqis tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, b'mod partikolari għal dawk l-aktar vulnerabbli, billi jiżguraw swieq tax-xogħol nazzjonali inklużivi u jsaħħu r-reżiljenza u l-kompetittività tal-ekonomija taż-żona tal-euro kollha;

3.  Jilqa' ż-żieda fl-appoġġ finanzjarju, permezz tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP), għall-Istati Membri biex isegwu r-riformi tagħhom għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità biex tingħata spinta lill-impjiegi, għat-tnaqqis tal-qgħad b'enfasi fuq l-indirizzar tal-qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ, u dwar l-objettiv ta' żidiet fil-pagi; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex jitkabbar l-ambitu tal-SRSP biex ikopri l-pajjiżi li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, bil-għan li titrawwem il-konverġenza ekonomika u soċjali fl-UE;

4.  Jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) tal-Kummissjoni tal-2018 bħala parti importanti tal-proċess tas-Semestru Ewropew, u jilqa' l-attenzjoni speċjali mogħtija fihom għall-isfidi soċjali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura koerenza bejn CSRs soċjali u ekonomiċi u tirrispetta l-klawsola ta' flessibbiltà fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, kif iddikjarat fil-Pożizzjoni miftiehma b'mod komuni tal-Kunsill dwar il-Flessibbiltà fil-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir; jinnota bi tħassib li 50 % biss tas-CSRs għall-2017 kienu implimentati b'mod sħiħ jew parzjalment, u għaldaqstant, jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet, b'mod partikolari fl-oqsma li ġejjin:

  – il-faqar u l-esklużjoni soċjali, inkluż il-faqar fost it-tfal u dawk li jaħdmu, speċjalment fost il-grupp vulnerabbli,

  – il-qgħad fit-tul u fost iż-żgħażagħ, f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol(18);

  – l-inugwaljanzi fl-introjtu,

  – iż-żieda fil-pagi,

  – il-ġlieda kontra t-tluq bikri mill-iskola u l-għadd kbir ta' persuni barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs),

  – l-edukazzjoni, it-tagħlim tul il-ħajja, l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET),

  – is-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjonijiet,

  – il-kura tas-saħħa, inkluż il-kura fit-tul,

  – impjiegi siguri u adattabbli

  – il-bilanċi bejn is-sessi, b'mod partikolari l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u d-diskrepanzi fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn is-sessi;

5.  Jenfasizza, għalhekk, li l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, aċċess ugwali għall-protezzjoni soċjali, irrispettivament mir-relazzjoni tal-impjieg jew it-tip ta' kuntratt, u ż-żidiet fil-pagi għandhom impatt sinifikanti fuq it-tnaqqis tal-inugwaljanzi, ir-riskju ta' faqar u l-esklużjoni soċjali, u jgħinu biex jittejbu l-istandards tal-għajxien u jappoġġaw l-irkupru ekonomiku; jenfasizza li r-riformi tal-Istati Membri, kif rakkomandati mill-Kummissjoni permezz tas-CSRs, għandhom għalhekk jiffokaw b'mod partikolari fuq politiki li jżidu l-potenzjal tal-produttività u tat-tkabbir sostenibbli, jappoġġaw il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u jnaqqsu l-inugwaljanzi u l-faqar, speċjalment il-faqar fost it-tfal; iħeġġeġ il-ħolqien ta' forom ta' impjiegi b'terminu ta' żmien indeterminat, filwaqt li tiġi żgurata l-adattabbiltà, jiġi promoss suq tax-xogħol inklużiv u jiġi żgurat bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

6.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Marzu 2018 dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) (COM(2018)0130), li tallinja l-Pilastru maċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew billi jirrifletti l-prijoritajiet tal-EPSR fl-analiżi tal-miżuri meħuda u l-progress li sar fil-livell nazzjonali; jenfasizza li l-għanijiet u l-impenji soċjali tal-UE għandhom ikunu prijorità fuq l-istess livell tal-għanijiet ekonomiċi tagħha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu d-drittijiet soċjali billi jimplimentaw l-EPSR b'tali mod li tinbena dimensjoni soċjali reali għall-UE (permezz ta' leġiżlazzjoni, mekkaniżmi ta' tfassil ta' politika u strumenti finanzjarji pprovduti fil-livell xieraq);

7.  Jinnota li s-swieq tax-xogħol ta' pajjiżi fiż-żona tal-euro huma differenti b'mod sinifikanti, li jikkostitwixxi sfida għall-funzjonament xieraq tagħhom; jappella, għaldaqstant, għalkemm mingħajr preġudizzju għall-prinċipju ta' sussidjarjetà, għal politiki u riformi tas-suq tax-xogħol imfassla sew li joħolqu impjiegi ta' kwalità, jippromwovu opportunitajiet indaqs, trattament ugwali tal-ħaddiema, u l-ekonomija soċjali u solidali, jiffaċilitaw l-aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali, jiffaċilitaw il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, jerġgħu jintegraw lil dawk qiegħda u jindirizzaw l-inugwaljanzi u l-iżbilanċi bejn is-sessi; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki soċjali u ekonomiċi f'konformità mal-prinċipji tar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol(19), speċifikament billi jiżguraw l-għoti ta' għajnuna ta' introjtu adegwat, swieq tax-xogħol aċċessibbli u aċċess għal servizzi ta' kwalità, elementi li kollha kemm huma jitqiesu bħala fundamentali għal eżiti sostenibbli;

8.  Jissottolinja l-bżonn li jiżdiedu r-rati ta' impjieg u jiġi promoss il-ħolqien ta' impjiegi deċenti, b'mod partikolari fost dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil, il-ħaddiema b'ħiliet baxxi, il-ħaddiema żgħażagħ u dawk akbar fl-età, in-nisa, il-migranti, il-persuni b'diżabbiltà, il-minoranzi u l-komunitajiet marġinalizzati bħar-Rom, sabiex tinkiseb il-mira tal-Ewropa 2020 ta' rata ta' impjieg ta' mill-inqas 75 % u biex jittaffa r-riskju ta' faqar, b'mod speċjali l-faqar fost it-tfal u fost dawk li jaħdmu, u l-esklużjoni soċjali li dawn il-persuni jaffaċċjaw; jissottolinja l-ħtieġa li jitnaqqas l-għadd ta' persuni li qegħdin jesperjenzaw il-faqar sabiex tinkiseb il-mira tal-Ewropa 2020 li l-faqar jitnaqqas b'20 miljun persuna; jissottolinja l-ħtieġa li jitnaqqas il-faqar fost it-tfal permezz tal-implimentazzjoni ta' Garanzija għat-Tfal fl-UE kollha;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw azzjonijiet u strateġiji f'konformità mal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex jindirizzaw il-ħtiġijiet soċjali ta' dawk li għalihom is-suq tax-xogħol huwa inaċċessibbli, b'mod partikolari dawk li jaffaċċjaw deprivazzjoni estrema bħall-persuni mingħajr dar, it-tfal u ż-żgħażagħ u dawk b'kundizzjonijiet tas-saħħa kroniċi fiżiċi u mentali;

10.  Jappella għal strateġiji nazzjonali u koordinazzjoni fil-livell tal-UE li jiġġieldu kontra t-tixjiħ fis-swieq tax-xogħol bħala risposta għal għadd dejjem jikber ta' ħaddiema ta' età akbar fil-forza tax-xogħol tal-UE, inkluża s-sensibilizzazzjoni dwar id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(20), allinjament tar-regolamenti dwar is-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali mal-għanijiet ta' impjieg sostenibbli, filwaqt li jitqiesu r-riskji okkupazzjonali ġodda u emerġenti, l-għoti ta' aċċess għall-opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja u politiki mtejba li jappoġġaw ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol mal-ħajja tal-familja;

11.  Jistieden lill-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu vantaġġ sħiħ tal-prospettiva ekonomika pożittiva u jwettqu riformi fis-suq tax-xogħol li jiffukaw fuq il-ħolqien tax-xogħol u li jrawmu forom ta' impjiegi li jkunu prevedibbli, siguri, b'terminu ta' żmien indeterminat u ġuridikament ċerti li jiddeskrivu t-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg, jipprevjenu u jiġġieldu kontra l-impjiegi indipendenti fittizji u billi jiżguraw protezzjoni soċjali adegwata, irrispettivament mir-relazzjoni ta' impjieg jew it-tip ta' kuntratt; jistieden lill-Istati Membri jadottaw u jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni proposta tal-Kunsill dwar l-aċċess għall-protezzjoni soċjali u biex il-persuni f'impjieg mhux standard jiġu mħeġġa jirreġistraw fi skemi ta' protezzjoni soċjali; jenfasizza l-importanza tan-negozjati li għaddejjin dwar id-direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol prevedibbli u trasparenti;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jinvestu fis-servizzi tal-kura tul iċ-ċiklu tal-ħajja, ikomplu jsegwu u jiżviluppaw miri tal-kura għall-anzjani u għall-persuni dipendenti, bil-għan li jilħqu l-miri ta' Barċellona dwar il-kura tat-tfal tal-2002; jemmen li l-għoti ta' servizzi tal-kura fil-familja ma għandux ikollux impatt negattiv fuq il-benefiċċji soċjali jew tal-pensjoni; jistieden lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jiżguraw li l-akkumulazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni hija suffiċjenti;

13.  Jistieden lill-Istati Membri taż-żona tal-euro jnaqqsu d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi u jiżguraw ekwità interġenerazzjonali li tiżgura benefiċċji ta' rtirar deċenti u suffiċjenti, sabiex jinqerdu l-faqar u l-esklużjoni soċjali fost l-anzjani u, fl-istess ħin, jiżguraw is-sostenibbiltà u l-adegwatezza tas-sistemi tal-pensjonijiet, jippromwovu rati ogħla ta' impjiegi deċenti li jipprovdu kontribuzzjonijiet ogħla lis-sistemi tal-pensjonijiet u ma jitfgħux piż żejjed fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa; jinnota bi tħassib li f'xi Stati Membri taż-żona tal-euro d-diskrepanza fil-pensjoni bejn is-sessi, kif ukoll ir-rata ta' rtirar bikri, għadhom għoljin; jirrimarka li s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet tista' tissaħħaħ billi jitnaqqas il-qgħad, jiġi indirizzat b'mod effettiv ix-xogħol mhux iddikjarat, u jiġu integrati l-migranti u r-refuġjati fis-suq tax-xogħol, fost inizjattivi oħra; jilqa' r-rakkomandazzjoni li ppreżentat il-Kummissjoni fir-Rapport tal-2018 dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet dwar il-ħtieġa ta' riflessjoni olistika dwar l-adegwatezza tal-introjtu fix-xjuħija u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tal-pensjonijiet; jappella biex titwettaq aktar analiżi dwar is-sitwazzjoni ta' "l-aktar anzjani fost l-anzjani", li l-intitolamenti tal-pensjoni tagħhom jista' jkun li naqsu maż-żmien minħabba l-inflazzjoni;

14.  Jemmen li r-riformi tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali tal-Istati Membri jridu jkunu mfassla b'tali mod li jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol għal dawk li jistgħu jaħdmu, billi x-xogħol isir vijabbli; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-appoġġ għall-introjtu għandu jkun immirat lejn dawk li huma l-aktar fil-bżonn;

15.  Jinnota li fl-ewwel tliet xhur tal-2018, ir-rata ta' postijiet tax-xogħol vakanti fiż-żona tal-euro kienet ta' 2,1 %, minn 1,9 % fl-2017; jenfasizza li jistgħu jinkisbu ħiliet adegwati u l-ispariġġ fil-ħiliet jista' jiġi indirizzat billi jittejbu l-kwalità, id-disponibbiltà, l-affordabbiltà u l-aċċessibbiltà għall-edukazzjoni u t-taħriġ, billi jiġi inkluż taħriġ ta' kwalità mmirat, jittejjeb ir-rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki, jissaħħu l-miżuri ta' titjib tal-ħiliet u ta' taħriġ mill-ġdid, b'attenzjoni partikolari għall-ħiliet bażiċi, kif ukoll opportunitajiet ta' edukazzjoni mhux formali għall-adulti, li jirrikjedu appoġġ xieraq, inkluż finanzjament tal-UE, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 149 tat-TFUE, u finanzjament fil-livell nazzjonali u reġjonali; jitlob, f'dan ir-rigward, biex il-miżuri mmirati jappoġġaw gruppi vulnerabbli, inkluż ir-Rom, il-persuni b'diżabbiltà, il-persuni li jitilqu kmieni mill-iskola, il-persuni qiegħda fit-tul, u l-migranti u r-refuġjati; jafferma l-bżonn li tiżdied ir-rilevanza tat-taħriġ vokazzjonali għas-suq tax-xogħol u li jittieħdu passi sabiex dan isir aktar attraenti fil-konfront tal-perkorsi akkademiċi; jappoġġa l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ kontinwi tal-inizjattiva Perkorsi ta' Titjib tal-Ħiliet sabiex persuni jiġu megħjuna jakkwistaw ħiliet fundamentali għas-seklu 21; jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lit-taħriġ komprensiv fil-ħiliet diġitali u intraprenditorjali u jqisu l-bidla lejn l-ekonomija diġitali fil-kuntest tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid;

16.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li fl-UE19, kien hemm tnaqqis sena wara sena fir-rata medja ta' nefqa governattiva ġenerali għall-edukazzjoni bħala perċentwal tal-PDG mill-2009 sal-2016(21); jenfasizza li sistemi edukattivi pubbliċi b'riżorsi tajbin huma essenzjali għall-ugwaljanza u għall-inklużjoni soċjali;

17.  Jinnota bi tħassib kbir in-numru li baqa' għoli b'mod persistenti ta' ċittadini Ewropej b'ħiliet baxxi ta' litteriżmu jew b'diffikultajiet ta' litteriżmu, inkluż l-illitteriżmu funzjonali u dak medjatiku, li jwassal għal tħassib serju għal dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni sinifikanti u effikaċi fil-ħajja pubblika u fis-suq tax-xogħol;

18.  Iħeġġeġ il-promozzjoni ta' sistemi ta' edukazzjoni doppji u politiki simili oħra; jisħaq fuq il-punt li rabta effikaċi bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-suq tax-xogħol tista' toffri kontribut deċiżiv għall-ħolqien tal-impjiegi;

19.  Jisħaq li ambjent ta' tagħlim sikur u adegwat huwa essenzjali għall-benessri tal-istudenti u tal-għalliema;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri speċifiċi fi ħdan il-politiki għall-impjiegi, edukattivi u soċjali bil-għan li jiżguraw l-inklużjoni effettiva ta' persuni b'diżabbiltà u ta' persuni li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati;

21.  Jirrimarka l-ħtieġa li jiġu ppjanati u promossi programmi ta' gwida vokazzjonali organizzati u aġġornati fl-iskejjel, partikolarment fil-kampanja, fir-reġjuni mal-fruntieri u fir-reġjuni muntanjużi u insulari;

22.  Jappoġġa l-mobbiltà tal-istudenti, tal-ħaddiema, tal-atleti u tal-artisti fl-UE u fiż-żona tal-euro; jinsab imħasseb, madankollu, li d-differenzi sostanzjali fil-kundizzjonijiet ta' għajxien u tax-xogħol fiż-żona tal-euro qegħdin jiskattaw migrazzjoni involontarja li qed tkompli tkabbar l-effetti tal-hekk imsejjaħ eżodu ta' mħuħ; jirrimarka li prerekwiżit ewlieni biex jiġi indirizzat il-fenomenu tal-eżodu ta' mħuħ huwa l-ħolqien ta' impjiegi deċenti, kif ukoll il-promozzjoni ta' strateġiji ta' edukazzjoni, taħriġ u gwida għall-karriera effettivi; jappella għal politiki edukattivi u tal-impjiegi futuri li jindirizzaw b'effikaċja dan il-fenomenu, inkluż permezz tal-iżvilupp sħiħ taż-żona Ewropea tal-edukazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li tinħoloq Kard Ewropea tal-Istudenti biex tiġi promossa l-mobbiltà fit-tagħlim u l-iffaċilitar tar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati, diplomi u kwalifiki professjonali, filwaqt li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż għall-istudenti u għall-istituti edukattivi u ta' taħriġ;

23.  Jisħaq fuq il-punt li, skont il-parametri referenzjarji tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020 (ET 2020), sal-2020, inqas minn 15 % taż-żgħażagħ ta' 15-il sena għandhom ikunu inqas imħarrġin fil-qari, il-matematika u x-xjenza; jilqa' l-inklużjoni tal-parametru referenzjarju dwar "il-prestazzjoni baxxa fl-edukazzjoni" għal żgħażagħ ta' 15-il sena (riżultati għal livell batut fil-matematika mill-istħarriġ tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA)) fit-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali l-ġdida;

24.  Ifakkar li, skont il-parametri referenzjarji tal-ET 2020, sal-2020, minn tal-inqas 95 % tat-tfal (mill-età ta' 4 snin sal-età obbligatorja għall-iskola) għandhom jipparteċipaw fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal; jisħaq fuq il-punt li l-qasam tal-"kura bikrija tat-tfal" fit-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali jinkludi indikatur wieħed biss, għat-tfal ta' taħt l-età ta' tliet snin li jinsabu f'kura formali; jenfasizza li ma għandux informazzjoni dwar il-kopertura ta' tfal akbar fl-età taħt l-età obbligatorja għall-iskola, kif ukoll informazzjoni dwar il-punt safejn għandu jiġi pprovdut l-indukrar tat-tfal imkejjel skont in-numru ta' sigħat ipprovduti;

25.  Iqis ir-rwol pożittiv tal-edukazzjoni miftuħa u tal-universitajiet miftuħa fil-proċess tal-ksib tal-għarfien u l-ħiliet, b'mod partikolari l-programmi ta' taħriġ online għall-impjegati, peress li din hija forma dinamika ta' tagħlim li tissodisfa l-ħtiġijiet attwali u l-interessi tal-parteċipanti;

26.  Itenni l-appell tiegħu biex il-pakkett tal-Erasmus+ jiżdied b'minn tal-inqas tliet darbiet fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss, bil-għan li jilħaq lil aktar żgħażagħ, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u studenti tal-iskejjel sekondarji u apprendisti fl-Ewropa kollha; jappella biex tingħata attenzjoni partikolari lil persuni li ġejjin minn ambjenti soċjoekonomiċi żvantaġġati bil-għan li dawn jingħataw il-possibbiltà li jipparteċipaw fil-programm, kif ukoll lil persuni b'diżabbiltà, f'konformità mal-obbligi tal-UE u tal-Istati Membri taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabbiltà (CRPD);

27.  Ifakkar fil-potenzjal strateġiku tas-settur kulturali u kreattiv bħala ġeneratur tal-impjiegi u l-ġid fl-UE; jisħaq fuq il-punt li l-industriji kulturali u kreattivi jikkostitwixxu 11,2 % tal-intrapriżi privati kollha u 7,5 % tal-persuni kollha impjegati kumplessivament fl-ekonomija tal-UE u jiġġeneraw 5,3 % tal-valur miżjud gross totali Ewropew (GVA); jissottolinja r-rwol tal-industriji kulturali u kreattivi fil-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u l-kontribut ta' dawn għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u l-impjiegi, speċjalment għall-impjieg taż-żgħażagħ;

28.  Jenfasizza li huwa essenzjali li jkun hemm investiment u ppjanar adegwat fil-qasam tal-edukazzjoni, b'mod partikolari fil-ħiliet diġitali u l-programmazzjoni, u dan bil-għan li tiġi żgurata l-pożizzjoni kompetittiva tal-Unjoni, id-disponibbiltà ta' forza tax-xogħol b'ħiliet speċjalizzati u l-impjegabbiltà tal-forza tax-xogħol;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi inċentivi u assistenza teknika liż-żgħażagħ biex jistabbilixxu n-negozji tagħhom u tipproponi miżuri għall-promozzjoni tal-intraprenditorija permezz tal-kurrikuli tal-iskejjel fl-Istati Membri;

30.  Jissottolinja l-ħtieġa li jitwettqu riformi li jippreparaw lis-suq tax-xogħol u lill-forza tax-xogħol tiegħu għat-trasformazzjoni diġitali għall-persuni ta' kull età u li ġejjin minn ambjenti differenti, permezz ta' approċċ flessibbli bbażat fuq l-istudent, b'mod partikolari billi tiġi żgurata provvista adegwata għat-tagħlim tul il-ħajja u għat-taħriġ fil-ħiliet diġitali, li hija ċentrali għal ekonomija bbażata fuq l-għarfien; jenfasizza l-importanza ta' gwida tal-karriera tul il-ħajja sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni tal-persuni f'taħriġ u f'perkorsi tal-karrieri adattati, flessibbli u ta' kwalità għolja; ifakkar, f'dan il-kuntest, il-limiti tal-previżjoni tal-ħiliet minħabba n-natura li qed tinbidel malajr tas-suq tax-xogħol, u jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza ta' ħiliet trasversali bħall-komunikazzjoni, is-soluzzjoni tal-problemi, il-kreattività u l-kapaċità li wieħed jitgħallem, li lkoll irawmu r-reżiljenza u jsaħħu l-kapaċità tal-persuni li jadattaw ruħhom għall-bidla u jiksbu ħiliet ġodda f'ħajjithom; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li s-sistemi nazzjonali ta' protezzjoni soċjali jipprovdu protezzjoni adegwata lill-impjegati kollha, inkluż f'forom ġodda ta' impjiegi u b'tipi ġodda ta' kuntratti, kif ukoll li tittejjeb il-kopertura għal dawk li ma jistgħux jaħdmu u dawk li ma jistgħux isibu xogħol; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki tas-suq tax-xogħol li jappoġġaw il-mobbiltà bejn is-setturi u t-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema, li se jsiru dejjem aktar importanti hekk kif is-swieq tax-xogħol tagħna jadattaw għat-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija tagħna; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġi żgurat l-involviment kemm tat-trade unions kif ukoll tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta;

31.  Jistieden lill-Istati Membri taż-żona tal-euro jwettqu r-riformi neċessarji u jżidu l-investiment soċjali sabiex jiżguraw l-aċċessibbiltà, id-disponibbiltà, l-affordabbiltà, il-kwalità u l-kosteffettività tas-sistemi tal-kura tas-saħħa tagħhom; jappella għal mira Ewropea mġedda li żżid b'mod sinifikanti l-għadd ta' snin ta' ħajja b'saħħitha, billi l-prevenzjoni ssir prijorità fil-politiki tas-saħħa tal-UE, flimkien ma' miżuri kurattivi; jappella biex jitwettqu b'mod attiv kampanji li jippromwovu s-saħħa;

32.  Jappella għal strateġija Ewropea għall-kwalità u l-aċċessibbiltà tas-sistemi ta' kura fit-tul, billi jiġi adottat approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u l-komunità għal kura u appoġġ fit-tul; jappella għal investimenti sinifikanti fis-servizzi tal-kura fit-tul sabiex isiru preparamenti għaż-żieda fil-ħtiġijiet previsti fid-dawl tal-bidla demografika; jirrikonoxxi li s-settur tal-kura fit-tul joffri kundizzjonijiet tax-xogħol inadegwati u jappella biex issir evalwazzjoni mill-ġdid tax-xogħol tal-kura u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fis-servizzi tal-kura sabiex tiġi żgurata l-kwalità tal-kura fit-tul;

33.  Jirrimarka l-ħtieġa ta' politiki mfassla tajjeb għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, inkluż l-għoti ta' kura tat-tfal, kura bikrija tat-tfal u kura fit-tul affordabbli, ir-riekwilibriju tar-rwol tal-kura tas-sessi fost l-irġiel u n-nisa, u l-promozzjoni ta' arranġamenti flessibbli tax-xogħol u t-teħid vantaġġuż tal-liv tal-maternità, tal-paternità, tal-familja u ta' familjari li jindukraw; iqis, f'dan ir-rigward, l-adozzjoni tad-direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw bħala pass neċessarju lejn it-titjib tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jappella wkoll biex tiġi implimentata inizjattiva Ewropea dwar il-protezzjoni u s-servizzi soċjali għall-persuni li jindukraw b'mod informali;

34.  Jenfasizza l-importanza li jittejbu d-djalogu strutturat u l-parteċipazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi, tat-trade unions u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-kontribut għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-impjiegi u l-politiki u r-riformi soċjali, u l-impenn attiv tagħhom fil-proċess tas-Semestru;

35.  Jemmen li sabiex tinżamm u tiżdied il-kompetittività globali, l-oqsfa regolatorji tas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri jeħtieġ li jkun ċar, sempliċi u flessibbli, filwaqt li jinżammu l-istandards għolja tax-xogħol;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(2)

ĠU C 179, 25.5.2018, p. 1-5

(3)

Testi adottati, P8_TA(2018)0181.

(4)

ĠU C 155, 25.5.2011, p. 10.

(5)

Id-Direttivi (UE) 2018/849, 2018/850, 2018/851 u 2018/852.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2018)0325.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2018)0078.

(8)

ĠU C 356, 4.10.2018, p. 89.

(9)

ĠU C 346, 27.9.2018, p. 200.

(10)

ĠU C 346, 27.9.2018, p. 156.

(11)

ĠU C 337, 20.9.2018, p. 135.

(12)

ĠU C 242, 10.7.2018, p. 24.

(13)

ĠU C 76, 28.2.2018, p. 93.

(14)

ĠU C 366, 27.10.2017, p. 117.

(15)

Testi adottati, P8_TA(2016)0033.

(16)

https://www.coe.int/en/web/turin-european-social-charter/turin-process

(17)

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=8030&furtherPubs=yes

(18)

ĠU C 67, 20.2.2016, p. 1.

(19)

ĠU L 307, 18.11.2018, p. 11.

(20)

ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(21)

Data tal-Eurostat.


NOTA SPJEGATTIVA

Din is-sena, għall-ewwel darba, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali pprepara rapport separat, u mhux bħal ma kien jagħmel qabel permezz ta' opinjoni lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, dwar l-impjiegi u l-politiki soċjali taż-żona tal-euro. Ir-rapporteur jilqa' dan l-iżvilupp billi huwa jemmen bis-sħiħ li l-impjiegi u l-aspetti soċjali jikkostitwixxu parti essenzjali u imminenti tal-politika ekonomika ġenerali u l-koeżjoni soċjali, u għaldaqstant, jirrikjedu attenzjoni adegwata. Il-ħolqien tal-impjiegi jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku billi jappoġġa d-domanda, inaqqas l-inugwaljanzi u jtejjeb il-livell ta' għajxien.

L-ekonomija Ewropea qed tikber u l-perspettiva pożittiva hija viżibbli fil-finanzi, l-investiment u l-impjiegi pubbliċi. Il-PDG tal-UE huwa diġà ogħla minn qabel il-kriżi u r-rata tal-qgħad fiż-żona tal-euro f'Jannar 2018 kienet ta' 8,6 %, li kienet l-anqas rata rreġistrata minn tmiem l-2008. Grazzi għar-riformi li diġà twettqu mill-Istati Membri u l-kontributi tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, l-investimenti bdew jirkupraw. Huwa importanti li jittieħed vantaġġ b'mod sħiħ ta' dawn l-avvanzi u, kif enfasizza l-President Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni, jeħtieġ li nsewwu s-saqaf tal-Ewropa hekk kif ix-xemx għadha qed tiddi. Filwaqt li l-kundizzjonijiet ekonomiċi ġenerali fl-Ewropa huma pożittivi, is-sitwazzjoni partikolarment f'dak li jirrigwarda l-qgħad fost iż-żgħażagħ, is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u l-inugwaljanzi, il-faqar fost dawk li jaħdmu, il-produttività, iż-żidiet fil-pagi, il-pensjonijiet, il-protezzjoni soċjali u s-sistemi ta' kura tas-saħħa, għad għandha lok għal titjib. Il-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar ir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSR) jipprovdu analiżi tajba tal-bżonnijiet ta' riformi u huma parti importanti taċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew. Ir-rapporteur jilqa' l-fatt li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa, minn din is-sena, integrat fis-Semestru. Madankollu, fl-istess ħin ir-rapporteur jinsab imħasseb dwar il-livell insuffiċjenti ta' implimentazzjoni tas-CSRs mill-Istati Membri, billi skont id-data tal-Kummissjoni mill-bidu tas-Semestru Ewropew 9 % biss tar-rakkomandazzjonijiet kienu implimentati kompletament u sa 30 % tar-rakkomandazzjonijiet kienu implimentati b'mod limitat jew mhux implimentati bl-ebda mod. Li huwa aktar inkwetanti huwa li din is-sitwazzjoni għandha tendenza negattiva hekk kif fl-2017 1 % biss tar-rakkomandazzjonijiet kienu implimentati kompletament u sa 50 % tar-rakkomandazzjonijiet kienu implimentati b'progress limitat jew bl-ebda progress. Din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi ostaklu serju għall-progress tar-riformi tal-UE u għandha bżonn tiġi indirizzata b'mod urġenti.

Ir-rapporteur jixtieq jenfasizza l-fatt li s-sempliċi tnaqqis fir-rati tal-qgħad huwa insuffiċjenti. L-Ewropa jeħtieġ li toħloq swieq tax-xogħol tassew inklużivi li jipprovdu impjiegi ta' kwalità għal kulħadd, inkluż għal gruppi żvantaġġati bħan-nisa, żgħażagħ, u persuni b'diżabbiltà u persuni li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni. Ir-riformi tal-Istati Membri għandhom bżonn jippromwovu kuntratti ta' impjiegi affidabbli, jindirizzaw l-impjiegi indipendenti fittizji u jippromwovu protezzjoni soċjali adegwata għat-tipi kollha ta' kuntratti. Dawn għandhom jippermettu wkoll dħul u dħul mill-ġdid faċli fis-suq tax-xogħol billi jippromwovu l-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, jipprovdu miżuri ta' riintegrazzjoni u taħriġ xieraq għal dawk li huma qiegħda u jippromwovu opportunitajiet ugwali. L-isfidi imposti minn mudelli ta' xogħol li jinbidlu b'rata mgħaġġla u t-trasformazzjoni diġitali għandhom jiġu indirizzati wkoll. L-impjegati jeħtieġ li jkunu mgħammra b'ħiliet adegwati, u għaldaqstant, iridu jinħolqu l-opportunitajiet għal tagħlim tul il-ħajja u opportunitajiet ta' titjib tal-ħiliet u ta' taħriġ mill-ġdid. Ir-rapporteur jipperċepixxi wkoll il-bżonn ta' politiki aħjar dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata li jippermettu arranġamenti flessibbli tax-xogħol, teħid vantaġġuż tal-liv tal-familja u għal investiment imtejjeb fl-indukrar tat-tfal affordabbli u ta' kwalità.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (12.7.2018)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar il-politiki soċjali u tal-impjiegi taż-żona tal-euro

(2018/2034(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Nikolaos Chountis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota bi tħassib id-diskrepanzi soċjoekonomiċi persistenti fiż-żona tal-euro; jemmen li l-aċċess ugwali għal edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità kif ukoll għal opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd huma prekundizzjoni għal konverġenza soċjoekonomika; jirrimarka, f'dan ir-rigward, id-differenzi persistenti fost l-Istati Membri u l-gruppi soċjali fir-rigward tal-indikaturi ewlenin tal-edukazzjoni tal-UE;

2.  Jinsab imħasseb ħafna li, fl-UE19, kien hemm tnaqqis sena wara sena fir-rata medja ta' nefqa governattiva ġenerali għall-edukazzjoni bħala perċentwal tal-PDG mill-2009 sal-2016(1); jiddispjaċih li s-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ ntlaqat ħażin ħafna mill-politiki ta' awsterità u jisħaq li sistemi edukattivi pubbliċi b'riżorsi tajbin huma essenzjali għall-ugwaljanza u għall-inklużjoni soċjali; jappella, għalhekk, għal bidla fil-prijoritajiet ta' politika makroekonomika taż-żona tal-euro lejn żieda fin-nefqa pubblika għall-edukazzjoni u t-taħriġ, bħala investimenti b'effett multiplikatur b'saħħtu; jistieden lill-Kummissjoni biex fit-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali tintroduċi indikatur dwar l-infiq (partikolarment l-infiq pubbliku) fil-qasam tal-edukazzjoni bħala sehem tal-PDG (jew għal kull student), bil-għan li timmonitorja l-prestazzjoni tal-Istati Membri;

3.  Jisħaq li l-iżvantaġġ soċjali spiss hu indikatur ta' riżultati edukattivi negattivi u viċi versa; jisħaq, barra minn hekk, fuq il-punt li, fl-ekonomiji bbażati fuq l-għarfien li kulma jmur dejjem jinbidlu, l-impjegabilità, anki fost l-istudenti li mill-bqija għandhom ħiliet tekniċi kumparabbli, spiss tiddependi b'mod mhux negliġibbli fuq ħiliet "aktar personali" (il-komunikazzjoni, il-ħsieb kritiku, il-kooperazzjoni, l-innovazzjoni kreattiva, il-fiduċja u "t-tagħlim dwar kif titgħallem"), li jmorru lil hinn mill-qari u l-litteriżmu matematiku u xjentifiku; jinsisti li sistema edukattiva u ta' tagħlim tul il-ħajja ffinanzjata b'mod xieraq u ta' kwalità li tippromwovi b'mod ġenwin id-dritt għall-istudju, b'politiki ta' appoġġ u sostenn, inkluża sistema effikaċi ta' boroż ta' studju, tista' tgħin biex jitkisser dan iċ-ċirku vizzjuż u biex jiġu promossi l-inklużjoni soċjali u l-opportunitajiet indaqs;

4.  Jisħaq fuq il-fatt li, minkejja t-titjib tal-ekonomija fiż-żona tal-euro u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda, il-qgħad fost iż-żgħażagħ f'xi Stati Membri għadu inaċċettabbilment għoli u, filwaqt li r-rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ naqsu sa mill-2013 'il hawn, dawn ivarjaw ħafna bejn Stat Membru u ieħor;

5.  Jinnota bi tħassib kbir in-numru li baqa' għoli ta' ċittadini Ewropej b'ħiliet baxxi ta' litteriżmu jew b'diffikultajiet ta' litteriżmu, inklużi l-illitteriżmu funzjonali u dak medjatiku, li jwassal għal tħassib serju għal dak li jikkonċerna l-parteċipazzjoni sinifikanti u effikaċi fil-ħajja pubblika u fis-suq tax-xogħol;

6.  Iħeġġeġ il-promozzjoni ta' politiki, bħall-introduzzjoni ta' sistemi edukattivi doppji; jisħaq fuq il-punt li rabta effikaċi bejn l-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni u s-suq tax-xogħol tista' toffri kontribut deċiżiv għall-ħolqien tal-impjiegi;

7.  Jisħaq li ambjent ta' tagħlim sikur u adegwat huwa essenzjali għall-benessri tal-istudenti u tal-għalliema; jappella, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri jagħmlu investimenti b'saħħithom fil-manutenzjoni tal-faċilitajiet pubbliċi, partikolarment l-iskejjel, u jeliminaw l-ostakli arkitettoniċi;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri speċifiċi fi ħdan il-politiki għall-impjiegi, edukattivi u soċjali bil-għan li jiżguraw l-inklużjoni effettiva tal-persuni b'diżabilità u minn sfondi żvantaġġati;

9.  Jirrimarka l-ħtieġa li jiġu ppjanati u promossi programmi ta' gwida vokazzjonali organizzati u aġġornati fl-iskejjel, partikolarment fil-kampanja, fir-reġjuni mal-fruntieri u firr-reġjuni muntanjużi u insulari;

10.  Jappoġġja l-mobilità tal-istudenti, tal-ħaddiema, tal-atleti u tal-artisti fl-UE u fiż-żona tal-euro; jinsab imħasseb madankollu li d-differenzi sostanzjali fil-kundizzjonijiet ta' għajxien u ta' ħidma fiż-żona tal-euro qegħdin jiskattaw migrazzjoni involontarja li qed tkompli tkabbar l-effetti tal-hekk imsejjaħ eżodu ta' mħuħ; jirrimarka li prerekwiżit ewlieni biex jiġi indirizzat il-fenomenu tal-eżodu ta' mħuħ huwa l-ħolqien ta' impjiegi deċenti, kif wkoll il-promozzjoni ta' strateġiji ta' edukazzjoni, taħriġ u gwida għall-karriera effettivi; jappella għal politiki edukattivi u tal-impjiegi futuri li jindirizzaw b'effikaċja dan il-fenomenu, inkluż permezz tal-iżvilupp sħiħ taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni; jisħaq fuq il-ħtieġa li tinħoloq Kard Ewropea tal-Istudenti u tiġi promossa l-mobilità fit-tagħlim u l-iffaċilitar tar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati, id-diplomi u l-kwalifiki professjonali, filwaqt li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u l-ispejjeż għall-istudenti u għall-istituti edukattivi u ta' taħriġ;

11.  Jisħaq fuq il-punt li, skont il-parametri referenzjarji tal-Grupp ta' Ħidma dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ (ET 2020), sal-2020, inqas minn 15 % taż-żgħażagħ ta' 15-il sena għandhom ikunu inqas imħarrġin fil-qari, il-matematika u x-xjenza; jilqa' l-inklużjoni tal-parametru referenzjarju dwar "il-prestazzjoni baxxa fl-edukazzjoni" għaż-żgħażagħ ta' 15-il sena (riżultati għal livell batut fil-matematika mill-istħarriġ tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA)) fit-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali l-ġdida; jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, tinkludi wkoll il-prestazzjoni baxxa fil-qari u/jew fil-litteriżmu xjentifiku;

12.  Ifakkar li, skont il-parametri referenzjarji tal-ET 2020, sal-2020, minn tal-inqas 95 % tat-tfal (mill-età ta' 4 snin sal-età obbligatorja għall-iskola) għandhom jipparteċipaw fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal; jisħaq fuq il-punt li l-qasam tal-"kura bikrija tat-tfal" fit-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali jinkludi indikatur wieħed biss, għat-tfal ta' taħt l-età ta' tliet snin li jinsabu f'kura formali; jenfasizza li m'għandux informazzjoni dwar il-kopertura ta' tfal akbar fl-età taħt l-età obbligatorja għall-iskola, kif ukoll informazzjoni dwar il-punt safejn għandha tiġi pprovduta l-kura tat-tfal imkejla skont in-numru ta' sigħat ipprovduti;

13.  Iqis ir-rwol pożittiv tal-edukazzjoni miftuħa u tal-universitajiet miftuħa fil-proċess tal-ksib tal-għarfien u l-ħiliet, b'mod partikolari l-programmi ta' taħriġ online għall-impjegati, peress li din hija forma dinamika ta' tagħlim li tissodisfa l-ħtiġijiet attwali u l-interessi tal-parteċipanti;

14.  Iqis il-faqar fost it-tfal bħala kwistjoni ewlenija li dwarha l-Ewropa għandha taġixxi fuq skala kbira; jappella għall-implimentazzjoni rapida ta' Garanzija għat-Tfal fl-Istati Membri kollha, b'tali mod li kull tifel u tifla li bħalissa qegħdin jgħixu fir-riskju ta' faqar ikollhom aċċess mingħajr ħlas għal kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-kura tat-tfal, għal akkomodazzjoni deċenti u nutrizzjoni adatta; jissottolinja l-importanza tal-kura ta' qabel it-twelid u tal-iżvilupp fil-bidu tat-tfulija; jitlob li jkun hemm sistemi edukattivi inklużivi fil-livelli kollha, inkluż kura wara l-iskola; jissottolinja li l-implimentazzjoni tal-Garanzija għat-Tfal se tirrikjedi finanzjament adegwat fil-livell nazzjonali u fil-livell Ewropew; jitlob, għalhekk, li jiżdied il-finanzjament allokat għaliha, possibbilment permezz tal-Fond Soċjali Ewropew u bi strument ta' konverġenza ġdid għaż-żona tal-euro; jirrikjedi li l-investimenti pubbliċi nazzjonali fil-Garanzija għat-Tfal jiġu kkunsidrati fil-kuntest ta' "regola tal-fidda dwar l-investiment soċjali" fl-ambitu tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;

15.  Jisħaq fuq il-punt li wieħed mill-objettivi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ huwa li din tiżgura li ż-żgħażagħ kollha taħt l-età ta' 25 sena jirċievu offerta ta' xogħol ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew taħriġ fi żmien erba' xhur minn meta jitilfu l-impjieg tagħhom jew minn meta jtemmu l-edukazzjoni formali; jitlob, għaldaqstant, l-implimentazzjoni sħiħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, b'enfasi fuq offerti ta' kwalità u komunikazzjoni effikaċi man-NEETs kollha(2); jenfasizza li dan jirrikjedi finanzjament adegwat fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss (QFP ta' wara l-2020), inkluża żieda fil-Fond Soċjali Ewropew u estensjoni tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għal minn tal-inqas EUR 21 biljun; jitlob li l-investimenti pubbliċi nazzjonali fil-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul jingħaddu fi ħdan "regola tal-fidda dwar l-investiment soċjali" fl-ambitu tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;

16.  Jappoġġja Garanzija għall-Ħiliet bħala dritt ġdid għal kulħadd biex jinkisbu ħiliet fundamentali għas-seklu 21, inkluż il-litteriżmu diġitali; iqis li l-Garanzija għall-Ħiliet għandha tinkludi valutazzjoni individwalizzata tal-ħtiġijiet ta' tagħlim, offerta ta' tagħlim ta' kwalità kif ukoll validazzjoni sistematika tal-ħiliet u tal-kompetenzi miskuba, li tippermetti r-rikonoxximent faċli tagħhom fis-suq tax-xogħol; jissottolinja li l-Garanzija għall-Ħiliet hija investiment soċjali importanti, li tirrikjedi finanzjament adegwat fil-livell nazzjonali u fil-livell Ewropew; jitlob, għaldaqstant, li jiżdied il-finanzjament allokat għall-Garanzija għall-Ħiliet, possibbilment permezz ta' żieda fil-Fond Soċjali Ewropew u bi strument ta' konverġenza ġdid għaż-żona tal-euro;

17.  Itenni l-appell tal-Parlament Ewropew biex il-pakkett tal-Erasmus+ jiżdied b'minn tal-inqas tliet darbiet fil-QFP li jmiss bil-għan li jilħaq lil aktar żgħażagħ, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u studenti tal-iskejjel sekondarji u apprendisti fl-Ewropa kollha; jappella, b'mod partikolari, li tingħata attenzjoni lil persuni li ġejjin minn sfondi soċjoekonomiċi żvantaġġati bil-għan li dawn jingħataw il-possibilità li jipparteċipaw fil-programm, kif ukoll lil persuni b'diżabilità, f'konformità mal-obbligi tal-UE u tal-Istati Membri taħt il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (CRPD);

18.  Jitlob li jkun hemm "regola tal-fidda" dwar l-investiment soċjali li għandha tiġi applikata fl-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, pereżempju li ċerti investimenti soċjali pubbliċi li jkollhom impatt pożittiv ċar fuq it-tkabbir ekonomiku (eż. il-Garanzija għat-Tfal, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Garanzija għall-Ħiliet) jiġu kkunsidrati bħala eliġibbli għal trattament favorevoli meta jiġu vvalutati d-defiċits u l-konformità tal-gvern mar-regola tad-dejn 1/20; jenfasizza li l-konsolidazzjoni fiskali m'għandhiex iddgħajjef il-kofinanzjament nazzjonali tal-finanzjament Ewropew għall-investiment soċjali;

19.  Jappella għal finanzjament adegwat taħt il-QFP li jmiss bil-għan li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet li kulma jmur dejjem jiżdiedu; jitlob, b'mod partikolari:

(a)  it-tisħiħ tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, b'minn tal-inqas finanzjament ta' EUR 3 biljun fis-sena, disponibbli f'linja baġitarja apposta;

(b)  żieda sostanzjali fil-pakkett ta' finanzjament tal-Fond Soċjali Ewropew;

20.  Ifakkar fil-potenzjal strateġiku tas-settur kulturali u kreattiv bħala ġeneratur tal-impjiegi u l-ġid fl-UE; jisħaq fuq il-punt li l-industriji kulturali u kreattivi jikkostitwixxu 11,2 % tal-intrapriżi privati kollha u 7,5 % tal-persuni kollha impjegati kumplessivament fl-ekonomija tal-UE u jiġġeneraw 5,3 % tal-valur miżjud gross totali Ewropew (GVA); jissottolinja r-rwol tal-industriji kulturali u kreattivi fil-ħarsien u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika Ewropea u l-kontribut ta' dawn għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni u l-impjiegi, speċjalment għall-impjieg taż-żgħażagħ;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta bis-sħiħ is-sinerġiji potenzjali li jeżistu bejn il-politiki tal-UE, sabiex il-finanzjament disponibbli taħt il-programmi tal-UE – bħal Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Erasmus+, l-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), Ewropa Kreattiva u COSME – u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) jintużaw b'mod effettiv biex jiġu appoġġjati aktar proġetti fil-qasam tal-industriji kulturali u kreattivi; jinnota li, b'mod partikolari fil-każ ta' Ewropa Kreattiva, Orizzont 2020 u l-Fondi Strutturali (FEŻR u FSE), ir-rwol u l-impatt tal-industriji kulturali u kreattivi fuq it-tkabbir, l-impjiegi u l-koeżjoni territorjali għandhom jiġu evalwati b'mod speċifiku u jibqgħu jiġu promossi; jisħaq li dan il-proċess għandu jipprovdi bażi solida u koerenti għar-reviżjoni tal-QFP u għall-arkitettura futura tal-programm tal-UE wara l-2020;

22.  Jappella għal reviżjoni ġenwina tal-politiki edukattivi, ta' taħriġ u ta' ħiliet tal-UE u tal-Istati Membri bil-għan li jiġi miġġieled il-fenomenu tat-tluq bikri mill-iskola u n-numru dejjem akbar ta' NEETs u dan biex jiġu offruti edukazzjoni u tagħlim tul il-ħajja li jiffavorixxu l-inklużjoni; jenfasizza li dawn il-politiki maħsuba għaż-żgħażagħ, li għandhom ukoll jimmiraw għat-tagħlim tul il-ħajja, għandhom jippromwovu l-iżvilupp personali u tas-soċjetà olistiku u ma għandhomx jitfasslu sempliċement biex tiġi ssodisfata d-domanda tas-suq tax-xogħol;

23.  Jenfasizza li huwa essenzjali li jkun hemm investiment u ppjanar adegwat fil-qasam tal-edukazzjoni, b'mod partikolari fil-ħiliet diġitali u l-programmazzjoni, u dan bil-għan li tiġi żgurata l-pożizzjoni kompetittiva tal-Unjoni, id-disponibilità ta' ħaddiema b'ħiliet speċjalizzati u l-impjegabilità tal-ħaddiema;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi inċentivi u assistenza teknika liż-żgħażagħ biex jistabbilixxu n-negozji tagħhom u tipproponi miżuri għall-promozzjoni tal-intraprenditorija u wkoll permezz tal-kurrikuli tal-iskejjel fl-Istati Membri;

25.  Jappella lill-awtoritajiet nazzjonali jħeġġu lill-kumpaniji, anke permezz ta' ħelsien ta' taxxa jew inċentivi għal kontribuzzjonijiet soċjali, biex jinvestu fit-taħriġ tal-impjegati tagħhom u jimpjegaw gradwati ġodda minn skejjel sekondarji u minn universitajiet;

26.  Huwa tal-fehma li t-tqabbil aħjar tal-ħiliet u tal-impjiegi, u r-rikonoxximent reċiproku mtejjeb tal-kwalifiki huma meħtieġa biex jiġu indirizzati n-nuqqas ta' ħiliet u d-diskrepanzi fl-Unjoni;

27.  Jirrikonoxxi u jikkundanna l-kundizzjonijiet ta' impjieg abbużivi li spiss iħabbtu wiċċhom magħhom l-atleti professjonali, bħall-impjieg indipendenti fittizju, in-nuqqas ta' ħlas tas-salarju u standards inadegwati fejn jidħlu s-saħħa, l-assigurazzjoni u l-pensjoni tal-irtirar, u josserva l-ħtieġa li jitjieb il-qafas regolatorju eżistenti; jistieden lill-Kummissjoni tressaq pjan ta' azzjoni komprensiv għall-promozzjoni ta' kundizzjonijiet ta' xogħol deċenti għall-atleti professjonali, billi tibda mill-pajjiżi taż-żona tal-euro u tinvolvi s-sħab soċjali rilevanti fis-settur tal-isports.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

11.7.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

2

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Damian Drăghici, Angel Dzhambazki, Jill Evans, María Teresa Giménez Barbat, Petra Kammerevert, Svetoslav Hristov Malinov, Rupert Matthews, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Elena Gentile, Sylvie Guillaume, Morten Løkkegaard, Liadh Ní Riada, Algirdas Saudargas

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ivo Vajgl

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

22

+

EFDD

Isabella Adinolfi

GUE/NGL

Nikolaos Chountis, Liadh Ní Riada

PPE

Andrea Bocskor, Svetoslav Hristov Malinov, Algirdas Saudargas, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver

S&D

Silvia Costa, Damian Drăghici, Elena Gentile, Sylvie Guillaume, Petra Kammerevert, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Julie Ward

Verts/ALE

Jill Evans, Helga Trüpel

2

-

ECR

Angel Dzhambazki, Rupert Matthews

4

0

ALDE

María Teresa Giménez Barbat, Morten Løkkegaard, Ivo Vajgl

ENF

Dominique Bilde

(1)

Data tal-Eurostat.

(2)

NEETs: Żgħażagħ li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

9.10.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

8

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Arne Gericke, Marian Harkin, Krzysztof Hetman, Czesław Hoc, Agnes Jongerius, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Miapetra Kumpula-Natri, Dietmar Köster, Kostadinka Kuneva, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Joëlle Mélin, Anthea McIntyre, Elisabeth Morin-Chartier, Georgi Pirinski, Dennis Radtke, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Siôn Simon, Romana Tomc, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Lampros Fountoulis, Renate Weber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Amjad Bashir, Ivari Padar, Csaba Sógor, Tom Vandenkendelaere,

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

 


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

30

+

ALDE

Enrique Calvet Chambon, Marian Harkin, Yana Toom, Renate Weber

PPE

David Casa, Krzysztof Hetman, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jérôme Lavrilleux, Verónica Lope Fontagné, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Dennis Radtke, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Csaba Sógor, Romana Tomc, Tom Vandenkendelaere

S&D

Guillaume Balas, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Ole Christensen, Agnes Jongerius, Javi López, Jan Keller, Miapetra Kumpula-Natri, Dietmar Köster, Ivari Padar, Georgi Pirinski, Siôn Simon

VERTS/ALE

Jean Lambert

8

-

ECR

Amjad Bashir, Arne Gericke, Czesław Hoc, Anthea McIntyre, Ulrike Trebesius

ENF

Dominique Martin, Joëlle Mélin

NI

Lampros Fountoulis

4

0

EFDD

Laura Agea

GUE/NGL

Rina Ronja Kari, Kostadinka Kuneva

PPE

Ádám Kósa

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 22 ta' Ottubru 2018Avviż legali