Proċedura : 2018/2149(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0332/2018

Testi mressqa :

A8-0332/2018

Dibattiti :

PV 28/11/2018 - 23
CRE 28/11/2018 - 23

Votazzjonijiet :

PV 29/11/2018 - 8.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0479

RAPPORT     
PDF 569kWORD 62k
16.10.2018
PE 623.698v02-00 A8-0332/2018

dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2018 dwar il-Kosovo

(2018/2149(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Igor Šoltes

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2018 dwar il-Kosovo

(2018/2149(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Salonka tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-prospettiva tal-adeżjoni tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Sofia tas-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija annessa magħha,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo, li ilu fis-seħħ mill-1 ta' April 2016,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda ta' Riforma Ewropea (ERA) għall-Kosovo, imnedija fi Pristina fil-11 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-ftehim ta' qafas mal-Kosovo dwar il-parteċipazzjoni fil-programmi tal-Unjoni, li ilu fis-seħħ mill-1 ta' Awwissu 2017,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2018 bit-titlu "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" (COM(2018)0065),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' April 2018 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2018)0450) u d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaha, ir-Rapport 2018 dwar il-Kosovo (SWD(2018)0156),

–  wara li kkunsidra l-ewwel ftehim dwar il-prinċipji li jirregolaw in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-gvernijiet tas-Serbja u l-Kosovo tad-19 ta' April 2013, u ftehimiet oħra ta' Brussell fil-qafas tad-djalogu ffaċilitat mill-UE għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet, inkluż dwar il-protokoll tal-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri (IBM), il-qafas legali dwar l-Assoċjazzjoni/il-Komunità ta' muniċipalitajiet b'maġġoranza Serba kif ukoll il-ftehimiet dwar il-Pont ta' Mitrovica u dwar l-enerġija,

–  wara li kkunsidra l-integrazzjoni tal-imħallfin, prosekuturi u persunal amministrattiv Serbi tal-Kosovo fil-ġudikatura tal-Kosovo, f'konformità mal-Ftehim dwar il-Ġustizzja milħuq fi Frar 2015,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018 tat-8 ta' Ġunju 2018 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo (EULEX Kosovo)(1), li estendiet ukoll it-tul tal-missjoni sal-14 ta' Ġunju 2020,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2017 dwar il-Missjoni u l-Operazzjonijiet tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u r-Rapport dwar il-Progress tal-Patt 2017 tal-EULEX,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-attivitajiet li għaddejjin tal-Missjoni Temporanja ta' Amministrazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (UNMIK), inkluż l-aktar rapport reċenti tal-1 ta' Mejju 2018, u r-rapport dwar l-operazzjonijiet tal-Forzi ta' Kosovo (KFOR) tas-7 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' April 2018 dwar il-Programm ta' Riforma Ekonomika tal-Kosovo 2018-2020 (SWD(2018)0133) u tal-Kunsill fil-konklużjonijiet konġunti tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija tal-25 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapporti finali missjoni ta' osservazzjoni elettorali tal-UE (EUEOM) tal-11 ta' Ġunju 2017 dwar l-elezzjonijiet leġiżlattivi fil-Kosovo u tat-22 ta' Ottubru 2017 dwar l-elezzjonijiet tas-sindki u tal-assemblej muniċipali fil-Kosovo;

–  wara li kkunsidra r-raba' laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Kosovo (SAPC) li saret fi Strasburgu fis-17 u t-18 ta' Jannar 2018,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Mejju 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (Kosovo) (COM(2016)0277) u r-raba' rapport tal-Kummissjoni tal-4 ta' Mejju 2016 dwar il-progress li għamel il-Kosovo biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-pjan direzzjonali għal-liberizzazzjoni tal-viża (COM(2016)0276),

–  wara li kkunsidra r-ratifika tal-Ftehim dwar id-Demarkazzjoni tal-Fruntiera bejn il-Kosovo u l-Montenegro mill-parlamenti tal-Montenegro u tal-Kosovo,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1244 (1999) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, l-Opinjoni Konsultattiva tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ) tat-22 ta' Lulju 2010 dwar il-konformità mad-dritt internazzjonali tad-dikjarazzjoni unilaterali ta' indipendenza fir-rigward tal-Kosovo, u r-Riżoluzzjoni 64/298 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Settembru 2010, li rrikonoxxiet il-kontenut tal-opinjoni tal-QIĠ u laqgħet id-disponibbiltà tal-UE li tiffaċilita d-djalogu bejn is-Serbja u l-Kosovo,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-istħarriġ tal-2017 dwar ir-Rom emarġinati fil-Balkani tal-Punent, appoġġat mill-Kummissjoni, u li sar mill-Bank Dinji u mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-21 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Gender Equality and Women's Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations 2016-2020" (L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw Ħajjet il-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020) (SWD(2015)0182),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kosovo,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0332/2018),

A.  billi sforzi sostanzjali kontinwi, appoġġati minn djalogu kostruttiv bejn il-forzi politiċi u mal-pajjiżi ġirien, huma meħtieġa sabiex iħejju għall-isfidi ta' sħubija fl-UE;

B.  billi kull pajjiż tat-tkabbir huwa evalwat individwalment fuq il-merti tiegħu stess, u huma r-rapidità u l-kwalità tar-riformi li jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni;

C.  billi 114-il pajjiż irrikonoxxew l-indipendenza tal-Kosovo, inkluż 23 mit-28 Stat Membru tal-UE;

D.  billi l-UE ripetutament uriet ir-rieda tagħha li tassisti fl-iżvilupp ekonomiku u politiku tal-Kosovo permezz ta' perspettiva Ewropea ċara, filwaqt li l-Kosovo wera aspirazzjoni għall-mixja tiegħu lejn l-integrazzjoni Ewropea;

E.  billi minħabba l-polarizzazzjoni persistenti fost il-partiti politiċi, il-Kosovo wera progress limitat fir-riformi relatati mal-UE, li huma essenzjali biex isir progress ulterjuri fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE;

F.  billi l-ekonomija informali li hija b'saħħitha qiegħda xxekkel l-iżvilupp ta' ekonomija vijabbli għall-pajjiż kollu;

G.  billi l-Awli Speċjalizzati għall-Kosovo u l-Uffiċċju ta' Prosekutur Speċjalizzat fl-Aja ilhom kompletament operattivi fl-ambitu ġudizzjarju sa mill-5 ta' Lulju 2017;

H.  billi fit-8 ta' Ġunju 2018 il-Kunsill iddeċieda li jirrifoka u jestendi l-mandat tal-missjoni tal-UE għall-istat tad-dritt (EULEX), u b'hekk intemmet il-parti eżekuttiva ġudizzjarja tal-mandat tal-missjoni; billi d-data finali l-ġdida tal-mandat kienet stabbilita għall-14 ta' Ġunju 2020;

I.  billi l-Kosovo jibqa' l-uniku pajjiż fil-Balkani tal-Punent li ċ-ċittadini tiegħu jeħtieġu viża biex jivvjaġġaw lejn iż-Żona Schengen;

1.  Jilqa' l-atti leġiżlattivi importanti adottati fi ħdan il-qafas tal-Aġenda Ewropea għar-Riforma (ERA) u jitlob l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom; jemmen li għandu jinbena kunsens bejn il-partijiet differenti biex jiġu adottati riformi ewlenin relatati mal-UE; jistenna b'ħerqa l-adozzjoni ta' Regolament ġdid dwar l-ERA fl-2019;

2.  Jirrimarka, madankollu, il-pass kajman fl-implimentazzjoni ta' riformi fundamentali, ikkawżat min-nuqqas ta' kunsens bejn il-partijiet differenti u l-polarizzazzjoni politika kontinwa; jinnota li dan kellu konsegwenzi negattivi fuq il-kapaċità tal-assemblea u tal-gvern biex iwettqu riformi sostnuti u sostenibbli; jikkundanna l-aġir ostruttiv ta' xi parlamentari; jistieden lill-partiti politiċi kollha jistabbilixxu djalogu politiku inklużiv; jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb is-sorveljanza effettiva tal-assemblea fuq l-eżekuttiv u t-trasparenza u l-kwalità tat-tfassil tal-liġijiet, inkluż billi tiġi żgurata parteċipazzjoni attiva u kostruttiva u jiġi limitat l-użu ta' proċeduri urġenti għall-adozzjoni tal-liġijiet; jinkoraġġixxi kunsens dwar riformi relatati mal-adeżjoni mal-UE;

3.  Jilqa' l-fatt li ġie rreġistrat xi progress fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika, madankollu, jissottolinja l-ħtieġa għal aktar riformi; jappella, b'mod partikolari, biex l-amministrazzjoni tal-istat tiġi depolitiċizzata u ristrutturata;

4.  Jilqa' r-ratifika li kienet ilha mistennija tal-Ftehim ta' Awwissu 2015 dwar id-Demarkazzjoni tal-Fruntiera mal-Montenegro f'Marzu 2018, li hija pass 'il quddiem fi spirtu ta' relazzjonijiet tajba bejn il-ġirien; jenfasizza l-importanza ta' dan il-pass lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jindirizzaw b'mod komprensiv in-nuqqasijiet elettorali li diġà kienu identifikati, inklużi n-nuqqas ta' trasparenza u l-obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-finanzjament tal-partiti politiċi u tal-kampanji elettorali, u l-allegazzjonijiet ta' intimidazzjoni mifruxa fuq il-votanti, b'mod partikolari fi ħdan bosta komunitajiet Serbi tal-Kosovo, billi jippromulgaw, f'waqthom u ferm qabel iċ-ċiklu li jmiss ta' elezzjonijiet, miżuri leġiżlattivi u amministrattivi biex jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet pendenti tal-missjonijiet ta' osservazzjoni tal-UE u tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni ta' Venezja, sabiex jiżguraw li huma allinjati bis-sħiħ mal-istandards internazzjonali; jilqa' l-passi 'l quddiem li saru fi ħdan l-amministrazzjoni elettorali fir-rigward tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, u jistieden lill-Kosovo jżid l-isforzi tiegħu biex iżid il-parteċipazzjoni politika tan-nisa u jsaħħaħ il-qafas legali ġenerali;

6.  Jesprimi tħassib dwar is-sistema ġudizzjarja tal-Kosovo li mhijiex iffinanzjata biżżejjed, il-korruzzjoni mifruxa, l-elementi ta' manipulazzjoni tal-Istat, l-influwenza politika mhux xierqa u kwistjonijiet ta' nuqqas ta' rispett għal proċessi ġusti u smigħ xieraq, inkluż f'każijiet ta' estradizzjoni; jissottolinja l-importanza tal-proċessi ta' riforma fl-istat tad-dritt, b'enfasi partikolari fuq l-indipendenza u l-effiċjenza u l-ħtieġa li tissaħħaħ aktar il-protezzjoni tax-xhieda;

7.  Jenfasizza li sistema ġudizzjarja rappreżentattiva u implimentazzjoni uniformi tad-dritt tal-Kosovo huma prerekwiżiti biex jiġi indirizzat l-eżerċizzju tal-ġustizzja inkonsistenti, kajman u ineffiċjenti; jilqa' l-integrazzjoni tal-imħallfin, prosekuturi u persunal amministrattiv Serbi tal-Kosovo fil-ġudikatura tal-Kosovo f'konformità mal-Ftehim tal-Ġustizzja bejn is-Serbja u l-Kosovo tal-2015; jemmen li l-ġudikatura għadha vulnerabbli għal influwenza politika mhux xierqa u li huma meħtieġa aktar sforzi biex tinbena l-kapaċità u tiġi żgurata r-responsabbiltà dixxiplinarja tal-imħallfin u prosekuturi, inkluż permezz ta' reviżjoni funzjonali sostanzjali tas-sistema ġudizzjarja għall-imħallfin, prosekuturi, uffiċjali tal-pulizija ta' livell għoli u investigaturi kriminali kollha; jilqa' t-twaqqif f'Novembru 2017 tal-Kummissjoni tal-Gvern dwar ir-Rikonoxximent u l-Verifika tal-Istatus tal-Vittmi ta' Vjolenza Sesswali matul il-Kunflitt fil-Kosovo;

8.  Jinnota li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, inkluż it-traffikar ta' drogi u tal-bnedmin, u ċ-ċiberkriminalità, għadhom kwistjonijiet ta' tħassib li jeħtieġu sforzi konġunti; jilqa' l-progress inizjali li sar fit-tisħiħ tar-rekord fuq l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' korruzzjoni ta' livell għoli u każijiet ta' kriminalità organizzata; jistenna sforzi deċiżivi u sostnuti fl-ambitu tal-obbligi tal-proċess tal-adeżjoni mal-UE; jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Ombudsperson biex isaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jirrieżamina l-każijiet;

9.  Jitlob għall-istabbiliment ta' qafas legali mtejjeb u għal effiċjenza u kapaċità ikbar tal-prosekuzzjoni, li jippermettu approċċ komprensiv għal investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet, li għandhom ikunu sostanzjati permezz tal-iffriżar, il-konfiska u l-irkupru tal-assi, u kundanni finali f'każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli, il-kriminalità organizzata u l-kriminalità finanzjarja, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; jitlob għal salvagwardji li jiggarantixxu l-indipendenza fl-infurzar tal-liġi u fil-prosekuzzjoni, kif ukoll miżuri preventivi kontra l-korruzzjoni f'diversi setturi; jemmen li huma meħtieġa miżuri ulterjuri sabiex jiġu żgurati kooperazzjoni u koordinazzjoni aħjar bejn l-istituzzjonijiet tal-infurzar tal-liġi u jiġu massimizzati l-indipendenza u responsabbiltà tal-ġudikatura; jistieden lill-Kosovo jimxi skont il-proċeduri u r-regoli internazzjonali dwar l-estradizzjoni ta' ċittadini barranin;

10.  Jitlob għal kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija, li tkun ġenwina u kostruttiva, bejn l-awtoritajiet tal-Kosovo u tas-Serbja; jemmen li s-sħubija tal-Kosovo fl-Interpol u żieda fil-kooperazzjoni mal-Europol se tkompli ttejjeb l-effettività ta' miżuri mmirati kontra l-kriminalità transnazzjonali; iħeġġeġ, sadanittant, aktar kooperazzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu;

11.  Iqis li huwa essenzjali li jiġu implimentati f'waqthom u b'mod komprensiv, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsperson, tal-Awditur Ġenerali, tal-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni u tal-Kummissjoni tar-Regolamentazzjoni tal-Akkwist Pubbliku tal-Kosovo; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet fis-sistema tal-akkwist pubbliku u biex jitjiebu l-kooperazzjoni interistituzzjonali u l-iskambju ta' informazzjoni; jirrakkomanda bis-sħiħ li jiġu intensifikati l-kapaċitajiet ta' sorveljanza, evalwazzjoni u tal-awditjar u li jissaħħu l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' strateġija kontra l-frodi biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-Kosovo u tal-UE;

12.  Jilqa' l-konferma tal-Kummissjoni, maħruġa fit-18 ta' Lulju 2018, li l-parametri referenzjarji għal-liberalizzazzjoni tal-viża ġew issodisfati; iqis li huwa vitali li tiġi mogħtija l-liberalizzazzjoni tal-viża lill-Kosovo mingħajr dewmien żejjed; huwa tal-fehma li l-liberalizzazzjoni tal-viża se ttejjeb l-istabbilità u tressaq lill-Kosovo eqreb lejn l-UE billi ttejjeb il-faċilità tal-ivvjaġġar u tan-negozju, filwaqt li tgħin biex jiġu miġġielda l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin ta' persuni u l-korruzzjoni; jistieden lill-Kunsill jadotta l-mandat tiegħu b'mod rapidu biex jipproċedi għall-adozzjoni ta' sistema ta' vjaġġar mingħajr viża;

13.  Jinnota li lil hinn mill-progress li sar biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża, sforzi sostnuti jridu jitkomplew biex jiġu miġġielda l-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-droga, il-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin u l-korruzzjoni, flimkien ma' sforzi konkreti biex jiġu ġestiti flussi ta' migrazzjoni irregolari u jitnaqqas l-għadd ta' talbiet għall-asil bla bażi;

14.  Jieħu nota pożittiva tat-tnaqqis kbir fin-numru ta' talbiet għall-asil u r-riammissjoni ta' ċittadini tal-Kosovo, u ta' applikazzjonijiet għal ftehimiet ta' riammissjoni; jieħu nota pożittiva tal-istrateġija l-ġdida ta' riintegrazzjoni u jitlob li din tiġi implimentata bis-sħiħ;

15.  Ifaħħar lill-Kosovo għall-isforzi li kellu fil-ġlieda kontra l-ħruġ ta' ġellieda barranin, li kważi esklużivament huma ġellieda ġiħadisti, u fl-indirizzar tat-theddid terroristiku; jappella għal kooperazzjoni reġjonali attiva fil-ġlieda kontra l-attivitajiet terroristiċi potenzjali u fit-tfixkil ta' flussi finanzjarji destinati għall-finanzjament tat-terroriżmu; iħeġġeġ lill-Kosovo jindirizza r-radikalizzazzjoni fuq l-internet u l-influwenzi estremisti esterni; jissottolinja l-importanza tal-prevenzjoni tat-terroriżmu, u l-prosekuzzjoni ta' ġellieda suspettati, flimkien mar-riabilitazzjoni, l-edukazzjoni u l-integrazzjoni soċjali tagħhom u tal-familji tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi evitata r-radikalizzazzjoni tal-ħabsin u ta' żgħażagħ vulnerabbli b'mod partikolari, u li jkun hemm ħidma attiva għad-deradikalizzazzjoni tagħhom;

16.  Jikkundanna bl-aktar mod ċar il-qtil tal-politikant Serb tal-Kosovo Oliver Ivanović; iqis il-qtil tiegħu bħala daqqa ta' ħarta kbira għall-vuċijiet kostruttivi u moderati tal-komunità Serba tal-Kosovo; jenfasizza, bħala kwistjoni ta' urġenza, il-ħtieġa għal kooperazzjoni ġenwina bejn l-investigaturi tal-Kosovo u tas-Serbja u għal appoġġ internazzjonali, sabiex kemm l-awturi ta' dan il-qtil kif ukoll dawk li ordnawh jitressqu quddiem il-ġustizzja mingħajr aktar dewmien;

17.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' rieda biex jiġu trattati każijiet ta' delitti tal-gwerra, u jissottolinja l-importanza ta' impenn politiku ċar għall-prosekuzzjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo juru l-impenn sod u sostnut għall-obbligi internazzjonali tagħhom fir-rigward ta' Awli Speċjalizzati għall-Kosovo u ta' Uffiċċju ta' Prosekutur Speċjalizzat fl-Aja; jesprimi tħassib profond dwar it-tentattivi mill-membri tal-Assemblea tal-Kosovo biex jirrevokaw l-Att dwar l-Awli Speċjalizzati għall-Kosovo u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjalizzat f'Diċembru 2017; jiddispjaċih bil-kbir dwar il-fatt li dawn it-tentattivi wasslu għal nuqqas li jiġu adottati rakkomandazzjonijiet konġunti wara l-posponiment tar-raba' laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Kosovo (KPSA) għas-17 u t-18 ta' Jannar 2018; jappella għal approċċ kostruttiv għall-KPSA bejn l-UE u l-Kosovo kif ukoll għal kooperazzjoni parlamentari msaħħa f'dan ir-rigward;

18.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet iżidu l-kooperazzjoni legali reċiproka bejn l-uffiċċji tal-prosekuzzjoni tal-Kosovo u tas-Serbja u jappoġġaw il-ħolqien ta' kummissjoni reġjonali (RECOM) biex jiġu stabbiliti l-fatti dwar id-delitti tal-gwerra u ksur serju ieħor tad-drittijiet tal-bniedem li kienu kommessi fl-Ex-Jugoslavja;

19.  Jinnota r-rwol importanti li għandha EULEX fit-tisħiħ tal-indipendenza tas-sistema tal-ġustizzja, tal-pulizija u dik doganali; jirrikonoxxi, barra minn hekk, ir-rwol ta' prevenzjoni u rikonċiljazzjoni tal-EULEX fil-prosekuzzjoni u l-aġġudikazzjoni ta' każijiet ta' delitti tal-gwerra, korruzzjoni u kriminalità organizzata, u l-isforzi kontinwi tagħha biex jiġu identifikati l-persuni nieqsa u s-siti ta' oqbra sabiex jissolvew kompletament il-każijiet; jirrakkomanda valutazzjoni tal-punti b'saħħithom u d-dgħufijiet tal-missjoni;

20.  Itenni l-appell tiegħu lill-EULEX biex iżżid l-effikaċja u tadotta l-ogħla standards ta' trasparenza u approċċ ta' tolleranza żero fir-rigward tal-korruzzjoni, amministrazzjoni ħażina, imġiba ħażina u interferenza u pressjoni politika;

21.  Jissottolinja l-ħtieġa li l-Assemblea tal-Kosovo tiġi informata fil-pront dwar l-attivitajiet tal-EULEX u dwar kwalunkwe bidliet fl-istatus legali tagħha;

22.  Jieħu nota tal-mandat il-ġdid u d-data finali tal-EURLEX; jenfasizza, madankollu, it-twettiq ta' progress konkret fil-Kosovo huwa aktar importanti minn skeda stabbilita;

23.  Jitlob sabiex l-infurzar tal-qafas tad-drittijiet tal-bniedem ikun l-ogħla prijorità, li għandu jkun appoġġat minn koordinament u finanzjament xierqa u suffiċjenti, speċjalment fil-qasam tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri, il-protezzjoni tat-tfal u tax-xogħol, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni kontra l-persuni b'diżabbiltà, u l-minoranzi u komunitajiet etniċi u lingwistiċi, inklużi l-persuni LGBTI; jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu l-Aġenzija għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Koordinatur Nazzjonali għall-Protezzjoni mill-Vjolenza Domestika u li tissaħħaħ il-prevenzjoni; u l-infurzar tal-ġustizzja kontra r-reati relatati; itenni l-ħtieġa li jiġi adottat l-abbozz ta' liġi dwar il-libertà tar-reliġjon;

24.  Jesprimi tħassib serju dwar l-inugwaljanza bejn il-ġeneri u l-vjolenza minħabba differenza ta' sess; iħeġġeġ lill-Kosovo jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tal-leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u ta' kontra d-diskriminazzjoni; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-nuqqas ta' progress fl-implimentazzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni kontra l-vjolenza domestika, u jistieden lill-awtoritajiet jadottaw azzjoni aktar stretta u effettiva fil-ġlieda kontra l-vjolenza minħabba differenza ta' sess, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-Aġenzija għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u l-Koordinatur Nazzjonali għall-Protezzjoni mill-Vjolenza Domestika; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' rappreżentanza tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' teħid tad-deċiżjonijiet; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jindirizzaw l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi bħala prijorità, inkluż fl-ambitu tal-Aġenda Ewropea għar-Riforma u mas-soċjetà ċivili, inkluż l-organizzazzjonijiet tan-nisa; iħeġġeġ lill-Kosovo jindirizza ulterjorment il-kwistjoni tal-ġustizzja u l-appoġġ għal nisa li kienu soġġetti għal vjolenza sesswali matul il-gwerra; iħeġġeġ lill-Kosovo jimplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Istanbul;

25.   Jistieden lill-Assemblea tal-Kosovo tqis id-dokument ta' pożizzjoni ffirmat b'mod konġunt mill-UE, minn UNICEF, mill-Koalizzjoni ta' NGOs għall-Protezzjoni tat-Tfal fil-Kosovo (KOMF) u minn Save the Children fl-abbozzar tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tat-Tfal;

26.  Jinnota bi tħassib li l-Kosovo għamel progress limitat fil-qasam tad-drittijiet ta' persuni b'diżabbiltà; jistieden lill-Kosovo jissalvagwardja l-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni u opportunitajiet indaqs għall-persuni b'diżabbiltà;

27.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jindirizzaw kwistjonijiet relatati mal-minoranzi bħala kwistjoni ta' prijorità, inklużi d-drittijiet tagħhom, kemm kulturali kif ukoll lingwistiċi, u l-opportunitajiet tagħhom; jiddispjaċih dwar il-fatt li l-minoranzi, bħar-Rom, l-Ashkali u l-Eġizzjani, ikomplu jiffaċċjaw problemi biex jakkwistaw dokumenti personali, li jaffettwa l-kapaċità tagħhom li jaċċessaw iċ-ċittadinanza, l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-assistenza soċjali, u jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo jindirizzaw dawn il-problemi; jilqa' r-rieda tal-awtoritajiet li jirrikonoxxu d-drittijiet ta' persuni b'etniċità storika Bulgara fir-reġjuni ta' Gora u Zhupa; jilqa' l-adozzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni ġodda għall-Inklużjoni tal-Komunitajiet Rom u Ashkali fis-Soċjetà tal-Kosovo 2017–2021, u jitlob li l-Kosovo jieħu rwol attiv fil-kooperazzjoni reġjonali tal-proġett dwar l-Integrazzjoni tar-Rom 2020, implimentat mill-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali;

28.  Jiddispjaċih dwar id-diskriminazzjoni persistenti kontra persuni LGBTI u ż-żieda fid-diskors ta' mibegħda fuq l-internet b'rabta mal-avveniment Gay Pride fi Pristina;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi adottat l-abbozz ta' liġi ġdida dwar il-libertà ta' assoċjazzjoni ta' NGOs; jappella sabiex tingħata attenzjoni akbar fl-abbozzar u fl-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni fl-oqsma li jaffettwaw l-ispazju tas-soċjetà ċivili, sabiex jiġi żgurat li l-leġiżlazzjoni ma tpoġġix piż sproporzjonat jew ma jkollhiex impatt diskriminatorju fuq l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) jew tnaqqas l-ispazju għas-soċjetà ċivili; jissottolinja l-ħtieġa għal finanzjament pubbliku disponibbli għall-OSĊ;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żgurati l-libertà editorjali, is-sostenibbiltà finanzjarja u l-indipendenza tax-xandir pubbliku tal-Kosovo, u li tiġi żgurata t-trasparenza fis-sjieda tal-mezzi ta' komunikazzjoni privati f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tar-rapport annwali tal-Kummissjoni; iħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-liġijiet rilevanti kollha f'dan ir-rigward; jitlob li jkun hemm titjib fix-xandir multilingwistiku u fil-kwalità ta' informazzjoni mogħtija lill-komunitajiet kollha tal-Kosovo; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fl-għadd ta' theddid u attakki kontra l-ġurnalisti, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jinvestigaw u jressqu lil dawk li huma responsabbli quddiem il-ġustizzja; jilqa' l-approvazzjoni tal-Gvern tal-Kosovo tal-abbozz ta' liġi dwar il-protezzjoni tal-informaturi;

31.  Jitlob li jsiru sforzi kontinwi għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet b'mod komprensiv bejn is-Serbja u l-Kosovo; iqis li n-normalizzazzjoni sħiħa tar-relazzjonijiet mas-Serbja, fl-ambitu ta' ftehim ġuridikament vinkolanti u l-arranġamenti implimentattivi tiegħu, mhijiex possibbli mingħajr l-applikazzjoni komprensiva u reċiproka tal-ftehimiet eżistenti, u hija element fundamentali għaż-żewġ pajjiżi fi triqithom lejn l-integrazzjoni Ewropea;

32.  Jinnota d-dibattitu li għaddej u d-dikjarazzjonijiet pubbliċi dwar aġġustamenti possibbli tal-fruntiera bejn is-Serbja u l-Kosovo, inkluż skambji ta' territorji; jissottolinja n-natura multietnika kemm tal-Kosovo kif ukoll tas-Serbja u li l-objettiv fir-reġjun ma għandux ikun il-ħolqien ta' stati etnikament omoġenji; jappoġġa d-djalogu ffaċilitat mill-UE bħala l-qafas biex jintlaħaq ftehim ta' normalizzazzjoni komprensiv bejn is-Serbja u l-Kosovo; iqis li kwalunkwe ftehim jista' jkun aċċettabbli biss jekk ikun maqbul b'mod reċiproku, filwaqt li titqies l-istabbiltà kumplessiva fir-reġjun u d-dritt internazzjonali;

33.  Jinnota li ħames Stati Membri tal-UE għadhom ma rrikonoxxewx lill-Kosovo, u jistedinhom jagħmlu dan; jenfasizza li r-rikonoxximent ikun ta' benefiċċju għan-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet bejn il-Kosovo u s-Serbja;

34.  Huwa tal-fehma li t-twettiq tad-djalogu bejn Belgrad u Pristina jrid ikun miftuħ u trasparenti u li dawk responsabbli għalih għandhom regolarment jikkonsultaw mal-Assemblea tal-Kosovo dwar l-iżviluppi tiegħu;

35.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li bosta ftehimiet iffirmati s'issa għadhom ma ġewx implimentati, jew ġew posposti, bħal dawk dwar l-enerġija u dwar l-assoċjazzjoni ta' muniċipalitajiet b'maġġoranza Serba; iħeġġeġ liż-żewġ partijiet jimplimentaw il-ftehimiet kollha b'mod sħiħ u in bona fide; itenni l-appell tiegħu lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex iwettaq evalwazzjoni tal-prestazzjoni taż-żewġ partijiet fir-rigward tar-rispett tal-obbligi tagħhom sabiex jindirizza l-isfidi kollha fir-rigward tal-implimentazzjoni; iħeġġeġ lill-Gvernijiet Serbi u tal-Kosovo joqogħdu lura minn kwalunkwe azzjoni li tista' ddgħajjef il-fiduċja bejn il-partijiet u jpoġġu f'riskju l-kontinwazzjoni kostruttiva tad-djalogu;

36.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-għadd dejjem jiżdied ta' inċidenti interetniċi; jikkundanna bil-qawwa l-atti kollha ta' intimidazzjoni u vjolenza; jistenna li l-awtoritajiet tal-Kosovo immedjatament joqogħdu 'l bogħod minn atti bħal dawn, u jitlob li dawk responsabbli jiġu identifikati u jitressqu quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-awtorità nazzjonali u lokali jagħmlu sforzi ulterjuri biex jimplimentaw il-liġijiet adottati sabiex ikomplu jiżviluppaw soċjetà multietnika; jiddispjaċih dwar iż-żieda ta' retorika nazzjonalista u estrema fir-reġjun, u jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa ulterjorment ir-rikonċiljazzjoni permezz ta' proġetti kulturali;

37.  Jitlob għal darb'oħra għall-ftuħ fil-pront u mingħajr xkiel tal-pont ta' Mitrovica, li jikkostitwixxi pass importanti lejn l-unifikazzjoni mill-ġdid tal-belt; jappella għall-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehim dwar il-libertà ta' moviment; jistieden lill-awtoritajiet Serbi u tal-Kosovo jippromwovu l-kuntatti interpersonali bejn il-komunitajiet lokali sabiex isaħħu d-djalogu, inkluż fil-livell mhux governattiv; jilqa', f'dan ir-rigward, il-programm ta' kooperazzjoni reċiproka Peja/Savac, u jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa inizjattivi simili; jilqa' l-iżvilupp ta' proġetti ta' infrastruttura li jippermettu żieda fil-kuntatti, bħall-awtostrada Nis-Merdare-Pristina;

38.  Jilqa' l-isforzi tal-Kosovo fiż-żamma ta' relazzjonijiet ta' viċinat kostruttivi fir-reġjun kollu u fl-allinjament proattiv mal-acquis tal-UE dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK), u jitlob li jkun hemm progress ulterjuri f'dan il-qasam; iqis li s-sħubija tal-Kosovo f'korpi internazzjonali se tagħti drittijiet u obbligi li jinvolvu l-applikazzjoni ta' normi u standards internazzjonali; jinkoraġġixxi approċċ pożittiv fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-Kosovo f'organizzazzjonijiet internazzjonali;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu adottati u implimentati miżuri li jiżguraw proċeduri ta' privatizzazzjoni trasparenti u kompetittivi u biex jiġu investigati l-irregolaritajiet allegati; jinsab mħasseb dwar il-fatt li r-rimessi tal-migranti jikkostitwixxu mutur sinifikanti tad-domanda domestika; jesprimi tħassib dwar id-diskriminazzjoni kontra n-nisa fis-suq tax-xogħol, speċjalment matul il-proċess ta' reklutaġġ;

40.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-proċeduri mwiegħra tar-reġistrazzjoni medika u l-kwalità tal-mediċini, u dwar il-korruzzjoni fis-settur tas-saħħa b'mod ġenerali; iħeġġeġ lill-Ministeru għas-Saħħa tal-Kosovo jħaffef l-isforzi tiegħu biex jinvestiga reati bħal dawn u jindirizza l-problemi ta' reġistrazzjoni u ta' kwalità mill-aktar fis possibbli; jappella għal riforma komprensiva tas-settur tas-saħħa, inkluż l-implimentazzjoni ta' assigurazzjoni tas-saħħa universali, sabiex jiġi żgurat aċċess universali għall-kura tas-saħħa; jissottolinja l-ħtieġa għal finanzjament adegwat tas-sistema tas-saħħa pubblika;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija reġjonali biex tindirizza il-qgħad persistenti fost iż-żgħażagħ u l-eżodu tal-imħuħ billi jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet bejn is-sistema edukattiva u s-suq tax-xogħol, it-titjib tal-kwalità tat-tagħlim, u l-iżgurar tal-finanzjament adegwat għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol u skemi ta' taħriġ vokazzjonali, flimkien ma' faċilitajiet adegwati għall-indukrar tat-tfal u għall-edukazzjoni ta' qabel l-iskola; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' progress fit-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni; jistieden lill-atturi rilevanti jinkludu lil persuni li jappartjenu għal gruppi ta' minoranzi fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-miżuri għall-impjiegi;

42.  Iħeġġeġ lill-Kosovo jisfrutta b'mod sħiħ il-potenzjal li joffru programmi tal-UE; jilqa' l-iffirmar tal-ftehim dwar il-parteċipazzjoni tal-Kosovo fil-programmi Erasmus+ u Ewropa Kreattiva; jistieden lill-awtoritajiet tal-Kosovo u lill-Kummissjoni jappoġġaw aktar lill-SMEs sabiex jiżviluppaw ekonomija vijabbli għall-Kosovo; jappoġġa l-proposta għal tnaqqis tat-tariffi tar-roaming fil-Balkani tal-Punent;

43.  Jiġbed l-attenzjoni għall-kwalità estremament ħażina tal-arja ta' Pristina u bliet oħra mniġġsa ħafna; jappella għal sistemi ta' monitoraġġ effikaċi tal-kwalità tal-arja u tal-ilma, għal titjib fl-infrastruttura tat-trattament tal-ilma mormi u għal data dwar it-tniġġis affidabbli u faċilment disponibbli f'ħin reali; jesprimi tħassib dwar ġestjoni ħażina tal-iskart, rimi mhux sostenibbli u prattiki ta' dumping illegali mifruxa; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jadottaw miri ta' separazzjoni u riċiklaġġ tal-iskart, itejbu r-rimi tal-ġbir lokali u l-faċilitajiet ta' riċiklaġġ u biex min iniġġes jinżamm responsabbli; jistieden lin-NU tagħti l-appoġġ meħtieġ lill-vittmi ta' avvelenament miċ-ċomb f'xi kampijiet tar-refuġjati stabbiliti fil-Kosovo, inkluż permezz tal-fond fiduċjarju antiċipat;

44.  Jinnota li l-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet tal-politika dwar l-enerġija tar-rapport tas-sena l-oħra għandhom ma ġewx implimentati; jenfasizza l-ħtieġa li ma jibqax isir uża mil-linjite għall-ġenerazzjoni tal-enerġija mhux sostenibbli u l-urġenza tad-dekummissjonar tal-Impjant tal-Enerġija Kosovo A u li tiġi żgurata l-kapaċità ta' ġenerazzjoni u importazzjoni addizzjonali sostenibbli; jinnota progress parzjali dwar it-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija, u jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-indipendenza tar-regolatur tal-enerġija tal-Kosovo; jitlob għal sforzi akbar fil-qasam tal-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija, b'mod partikolari fis-settur tal-kostruzzjoni; jinnota li filwaqt li ġie adottat l-ewwel qari tal-abbozz ta' liġi dwar l-effiċjenza enerġetika, l-effiċjenza enerġetika hija mxekkla min-nuqqas ta' progress fl-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar l-Enerġija bejn il-Kosovo u s-Serbja; jistieden lill-awtoritajiet jistabbilixxu l-fond għall-effiċjenza enerġetika;

45.  Jenfasizza li l-impjanti tal-idroenerġija għandhom jissodisfaw standards ambjentali tal-UE; jilqa', f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Ministru għall-Ambjent biex jivvaluta u jissospendi permessi maħruġa għal proġetti idroelettriċi;

46.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' progress fl-isfruttar tal-potenzjal tar-rinnovabbli; jistieden lill-awtoritajiet jadottaw il-Pjan ta' Azzjoni għall-Istrateġija tal-Enerġija 2017-2026 sabiex tintlaħaq il-mira obbligatorja għall-enerġija rinnovabbli ta' 25 % sal-2020; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu rwol ewlieni f'dan ir-rigward;

47.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Kosovo jadottaw trasport pubbliku kredibbli u sostenibbli u politiki ta' mobbiltà biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet infrastrutturali fit-tul;

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna kif ukoll lill-Gvern u lill-Assemblea tal-Kosovo.

(1)

ĠU L 146, 11.6.2018, p. 5.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

9.10.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

10

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Nikos Androulakis, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Klaus Buchner, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Wajid Khan, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Michel Reimon, Sofia Sakorafa, Jean-Luc Schaffhauser, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Anders Primdahl Vistisen, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Gilles Pargneaux, Igor Šoltes, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ivan Štefanec


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

42

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Jozo Radoš, Ivo Vajgl

ECR

Amjad Bashir, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Anders Primdahl Vistisen

EFDD

Fabio Massimo Castaldo

PPE

Michèle Alliot-Marie, Lorenzo Cesa, Arnaud Danjean, Andrzej Grzyb, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, David McAllister, Ramona Nicole Mănescu, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Ivan Štefanec, Dubravka Šuica, László Tőkés

S&D

Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Wajid Khan, Arne Lietz, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Gilles Pargneaux, Tonino Picula, Kati Piri, Boris Zala

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Michel Reimon, Jordi Solé, Igor Šoltes, Bodil Valero

10

-

ENF

Mario Borghezio, Jean-Luc Schaffhauser

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Takis Hadjigeorgiou, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa

NI

Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz

PPE

Manolis Kefalogiannis, Francisco José Millán Mon

6

0

ALDE

Javier Nart

GUE/NGL

Marie-Christine Vergiat

S&D

Nikos Androulakis, Andi Cristea, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Novembru 2018Avviż legali