Proċedura : 2018/2147(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0334/2018

Testi mressqa :

A8-0334/2018

Dibattiti :

PV 28/11/2018 - 26
CRE 28/11/2018 - 26

Votazzjonijiet :

PV 29/11/2018 - 8.16
CRE 29/11/2018 - 8.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0481

RAPPORT     
PDF 571kWORD 57k
16.10.2018
PE 622.360v04-00 A8-0334/2018

dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2018 dwar l-Albanija

(2018/2147(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Knut Fleckenstein

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2018 dwar l-Albanija

(2018/2147(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Albanija,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 u l-Aġenda ta' Salonka għall-Balkani tal-Punent,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014 li tagħti lill-Albanija l-istatus ta' pajjiż kandidat għall-adeżjoni mal-UE,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tas-26 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tat-28 u d-29 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju Għoli għall-Minoranzi Nazzjonali tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) dwar l-abbozz tal-leġiżlazzjoni sekondarja dwar il-protezzjoni tal-minoranzi nazzjonali fl-Albanija,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-"Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija" tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-disa' laqgħa tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn l-Albanija u l-UE tal-15 ta' Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2018 bit-titolu "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" (COM(2018)0065),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' April 2018 bit-titolu ''Komunikazzjoni tal-2018 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE'' (COM(2018)0450), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Albania 2018 Report" (Rapport 2018 dwar l-Albanija) (SWD(2018)0151),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet adottati fit-12-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Albanija (SAPC), li saret f'Tirana fit-12 u t-13 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-istħarriġ tal-2017 dwar ir-Rom emarġinati fil-Balkani tal-Punent, appoġġjat mill-Kummissjoni u li sar mill-Bank Dinji u mill-Programm ta' Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal bit-titolu "Gender Equality and Women's Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations 2016-2020" (L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u t-Tisħiħ tal-Pożizzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw Ħajjet il-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Albanija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0334/2018),

A.  billi t-tkabbir tal-UE għadu jikkostitwixxi investiment strateġiku fil-paċi, id-demokrazija, il-prosperità, is-sigurtà u l-istabilità fl-Ewropa;

B.  billi l-Albanija kompliet tagħmel progress kostanti biex tissodisfa l-kriterji politiċi u l-ħames prijoritajiet ewlenin għall-ftuħ ta' negozjati tal-adeżjoni kif ukoll fil-konsolidament tal-istituzzjonijiet u tal-prassi demokratiċi;

C.  billi l-Kummissjoni rrakkomandat li n-negozjati tal-adeżjoni jinfetħu mal-Albanija, fid-dawl tal-progress tajjeb li sar fit-twettiq tal-ħames prijoritajiet ewlenin; billi n-negozjati tal-adeżjoni se jħallu lill-UE tagħmel skrutinju aktar mill-qrib u huma katalizzatur qawwi għall-implimentazzjoni ta' aktar riformi u għall-konsolidament tal-istituzzjonijiet u tal-prassi demokratiċi;

D.  billi fit-28 ta' Ġunju 2018 il-Kunsill Ewropew approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2018, b'hekk witta t-triq għall-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni f'Ġunju 2019;

E.  billi għad fadal sfidi u hemm bżonn li dawn jiġu indirizzati rapidament u b'effikaċja, fi spirtu ta' djalogu u kooperazzjoni;

F.  billi djalogu kostruttiv bejn il-gvern u l-oppożizzjoni dwar ir-riformi relatati mal-UE jibqa' kruċjali biex isir progress fl-aġenda tar-riformi għall-benefiċċju taċ-ċittadini u biex il-pajjiż joqrob lejn l-UE;

G.  billi fl-Albanija hemm appoġġ wiesa' fost il-pubbliku għall-adeżjoni tal-pajjiż mal-UE;

H.  billi l-istat tad-dritt huwa valur fundamentali li fuqu hija msejsa l-UE u jinsab fil-qalba kemm tal-proċess tat-tkabbir kif ukoll tal-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni; billi hemm bżonn ta' riformi li jindirizzaw l-isfidi importanti li għad fadal f'dan il-qasam, partikolarment fil-garanzija ta' ġudikatura indipendenti, imparzjali, responsabbli u effiċjenti, u fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, kif ukoll fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali;

I.  billi l-protezzjoni tal-libertà reliġjuża, tal-wirt kulturali u tad-drittijiet tal-minoranzi huma fost il-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

J.  billi l-Albanija rratifikat il-konvenzjonijiet fundamentali kollha tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, inklużi b'mod partikolari l-Konvenzjoni dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, 1948 (nru 87) u l-Konvenzjoni dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji tad-Dritt ta' Organizzazzjoni u tal-Innegozjar Kollettiv, 1949 (nru 98);

K.  billi kull pajjiż tat-tkabbir huwa valutat individwalment fuq il-merti tiegħu stess, u huma r-rapidità u l-kwalità tar-riformi li jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni;

L.  billi l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet ta' bon viċinat huma essenzjali għall-progress tal-Albanija lejn l-adeżjoni mal-UE;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi intensifikati tal-Albanija f'dan ir-rigward, li wasslu biex sar progress sod fl-implimentazzjoni tar-riformi relatati mal-UE, speċjalment fir-riforma komprensiva tal-ġustizzja; jistieden lill-Albanija tikkonsolida r-riformi li kisbet u tkompli tħejji għall-obbligi tal-adeżjoni mal-UE fil-kapitoli kollha;

2.  Jappoġġja bis-sħiħ ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li jinfetħu negozjati tal-adeżjoni mal-Albanija b'rikonoxximent tal-isforzi ta' riforma magħmula mill-Albanija; jieħu nota tad-deċiżjoni tal-Kunsill biex jerġa' jevalwa s-sitwazzjoni f'Ġunju 2019; jilqa' favorevolment il-perkors ċar delinjat lejn il-bidu tan-negozjati ta' adeżjoni fl-2019 u jenfasizza l-fatt li beda l-proċess preparatorju ta' eżami analitiku (screening); ifakkar li d-deċiżjoni biex jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni se tiddependi mill-progress ulterjuri fil-proċess ta' riforma, jistieden lill-Kunsill jevalwa b'mod ġust u oġġettiv il-progress li sar mill-pajjiż u jikkonvoka l-ewwel Konferenza Intergovernattiva sa tmiem l-istess sena, u jinkoraġġixxi lill-Albanija żżomm ir-rankatura fir-riformi għal dak il-għan; iqis li l-ftuħ tan-negozjati jkun jagħti kontribut pożittiv lit-tisħiħ tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, billi jagħti inċentivi ulterjuri favur il-proċess ta' riformi u jtejjeb l-iskrutinju tiegħu;

3.  Jitlob li l-Kummissjoni tapplika l-approċċ imsaħħaħ biex tinnegozja l-Kapitolu 23 (il-ġudikatura u d-drittijiet fundamentali) u l-Kapitolu 24 (il-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà);

4.  Ifakkar li jeħtieġ li l-kapaċitajiet ta' sorveljanza tal-Parlament Albaniż jissaħħu, anki tul il-proċess tal-adeżjoni mal-UE; jitlob użu aktar effiċjenti tad-diversi mekkaniżmi u istituzzjonijiet ta' sorveljanza, fosthom il-kumitati ta' inkjesta; jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Parlament Albaniż, li sejjer itejjeb l-integrità u t-trasparenza tal-proċess parlamentari tal-istituzzjoni u l-fiduċja tal-pubbliku fiha; jissottolinja l-bżonn ta' mekkaniżmu ta' infurzar, li jinkludi sanzjonijiet, biex il-kodiċi jsir effettiv; jissottolinja r-rwol ċentrali tal-Kumitat għall-Integrazzjoni fl-UE u r-responsabilità tal-Kunsill Nazzjonali għall-Integrazzjoni fl-UE bħala forum għal konsultazzjoni dwar it-tħejjijiet għall-adeżjoni; jitlob kooperazzjoni akbar mal-Parlament Albaniż fi ħdan il-qafas tal-programm ta' appoġġ tal-Parlament Ewropew għall-parlamenti tal-pajjiżi kandidati, sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tiegħu li jipproduċi leġiżlazzjoni ta' kwalità f'konformità mal-acquis tal-UE u jeżerċita r-rwol ta' sorveljanza tiegħu;

5.  Jisħaq fuq l-importanza tas-sensibilizzazzjoni fost il-popolazzjoni ġenerali rigward il-proċess ta' adeżjoni mal-UE u r-rwol tal-istituzzjonijiet Ewropej u Albaniżi involuti;

6.  Iħeġġeġ biex jittieħdu azzjoni u miżuri leġiżlattivi u amministrattivi li jindirizzaw ir-rakkomandazzjonijiet pendenti tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE/ODIHR); jissottolinja li hemm bżonn riforma elettorali inklużiva u fil-pront, bil-għan li tiżdied il-fiduċja tal-pubbliku fil-proċess elettorali; ifakkar il-bżonn li tingħata attenzjoni dovuta lill-allegazzjonijiet ta' finanzjamenti illegali u mhux iddikjarati tal-partiti politiċi; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tal-Kumitat ad hoc tal-Parlament Albaniż għar-Riforma Elettorali b'rabta mal-indipendenza u d-depolitiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni elettorali, mat-trasparenza fil-finanzjament tal-kampanji, mar-reġistrazzjoni tal-votanti, max-xiri ta' voti, mal-użu ta' teknoloġiji ġodda ta' votazzjoni u l-votazzjoni barra mill-pajjiż, u jħeġġu jilħaq kunsens dwar ir-riformi meħtieġa, u jadottahom, fi żmien xieraq qabel l-elezzjonijiet lokali tal-2019;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-liġi Albaniża riveduta dwar il-finanzjament tal-partiti politiċi; itenni l-appell tiegħu lill-partijiet politiċi tal-pajjiż biex jaqdu l-obbligu tagħhom li jiżguraw l-esklużjoni ta' persuni li għandhom pedina kriminali minn karigi pubbliċi f'kull fergħa u f'kull livell tal-gvern;

8.  Itenni li djalogu politiku kostruttiv, rieda għal kompromess, kooperazzjoni sostenibbli bejn il-partiti u żamma ta' impenn kostanti favur l-implimentazzjoni u l-konsolidament tar-riformi fil-ħames prijoritajiet ewlenin kollha huma vitali għall-isforz biex jimxi 'l quddiem il-proċess ta' adeżjoni mal-UE u għall-funzjonament korrett ta' reġim demokratiku; jilqa' b'sodisfazzjon il-kollaborazzjoni trasversali u l-kunsens wiesa' bejn il-partiti li ntlaħaq meta ġew ittrattati ċerti riformi fundamentali; jinkoraġġixxi lill-forzi politiċi kollha jagħmlu sforzi akbar biex jistabbilixxu djalogu politiku ġenwin u tinkiseb kooperazzjoni kostruttiva, b'hekk jiġi appoġġjat il-proċess ta' riforma; itenni l-konvinzjoni qawwija tiegħu li d-djalogu politiku għandu jsir fi ħdan istituzzjonijiet demokratiċi; huwa ferm imħasseb dwar il-bojkott de facto tal-proċess parlamentari min-naħa tal-oppożizzjoni wara l-ferjat tas-sajf tal-2018;

9.  Jissottolinja l-fatt li riforma ġudizzjarja hija talba importanti taċ-ċittadini Albaniżi u prerekwiżit biex terġa' tiġi stabbilita l-fiduċja fl-istat tad-dritt, fl-istituzzjonijiet pubbliċi u fir-rappreżentanti politiċi; itenni li l-kredibbiltà u l-effikaċja tal-proċess kumplessiv ta' riforma, b'mod speċjali l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, u l-implimentazzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà, jiddependu mis-suċċess tal-proċess ta' skrutinju u mill-implimentazzjoni kontinwa u determinata tar-riforma ġudizzjarja;

10.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress li sar fir-riforma ġudizzjarja bil-għan li tqawwi l-indipendenza, l-obbligu ta' rendikont, il-professjonalità u l-effiċjenza tal-istituzzjonijiet ġudizzjarji tal-pajjiż u ttejjeb il-fiduċja tan-nies fl-organi ġudizzjarji; jiddispjaċih li l-amministrazzjoni tal-ġustizzja għadha dewwiema u ineffiċjenti; josserva li l-proċess ta' rivalutazzjoni għall-imħallfin u għall-prosekuturi kollha ta l-ewwel riżultati konkreti; jilqa' pożittivament il-fatt li l-biċċa l-kbira tad-dossiers prijoritarji diġà ġew ipproċessati; jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi, madankollu, ikomplu jagħmlu progress fil-proċess ta' valutazzjoni, bla ma jikkompromettu l-kwalità jew l-ekwità; jisħaq fuq l-importanza li l-proċess ta' valutazzjoni jkun implimentat fir-rispett tal-ogħla standards internazzjonali u jinkoraġġixxi lill-Albanija tkompli l-kooperazzjoni stretta tagħha mal-Operazzjoni ta' Monitoraġġ Internazzjonali; jieħu nota tal-ewwel sensji u riżenji volontarji ta' kandidati qabel is-seduti ta' smigħ tagħhom; iqis, fid-dawl ta' dan kollu, li l-preparazzjoni tal-ġenerazzjoni li jmiss ta' mħallfin u prosekuturi hija saħansitra aktar importanti u jiddispjaċih, għalhekk, li l-partiti politiċi fl-Albanija ma laħqux qbil, sal-lum, dwar l-emendi neċessarji tal-liġi dwar l-istatus tal-imħallfin u tal-prosekuturi rigward ir-reklutaġġ u t-taħriġ tal-aqwa kapaċitajiet; jinkoraġġixxi l-forniment kontinwu ta' riżorsi finanzjarji u umani lill-istituzzjonijiet ta' valutazzjoni;

11.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jlestu mill-aktar fis possibbli t-twaqqif ta' organi ġudizzjarji ġodda u jerġgħu jqiegħdu lill-Qorti Kostituzzjonali u lill-Qorti Għolja f'qagħda li jiffunzjonaw; jissottolinja l-bżonn li l-funzjonament effikaċi ta' dawn l-istituzzjonijiet ikun sostnut permezz ta' finanzjament u riżorsi umani adegwati;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-progress kontinwu lejn l-istabbiliment ta' amministrazzjoni pubblika aktar faċli għaċ-ċittadini u aktar trasparenti, professjonali u depolitiċizzata, inkluż fil-livell lokali; iħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-istituzzjonijiet ta' sorveljanza u ta' dawk tal-Ombudsperson; jinnota wkoll il-progress li sar rigward ir-riforma territorjali u l-konsolidament ulterjuri, mil-lat amministrattiv u finanzjarju, tal-muniċipalitajiet li għadhom kemm inħolqu, kif ukoll it-twaqqif tal-Kunsill Konsultattiv biex itejjeb il-koordinament bejn il-gvern ċentrali u dak lokali; jilqa' pożittivament l-istabbiliment ta' Uffiċċji lokali tal-UE u ta' koordinaturi tal-UE;

13.  Jappella biex il-kapaċità amministrattiva tal-istituzzjonijiet u l-korpi responsabbli għall-implimentazzjoni tar-riformi relatati mal-adeżjoni tkompli tissaħħaħ, il-leġiżlazzjoni tal-UE tiġi trasposta fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u jsiru tħejjijiet għan-negozjati tal-adeżjoni mal-UE;

14.  Ifaħħar it-titjib sinifikanti li sar fil-qafas ġuridiku u istituzzjonali bil-ħsieb li tiġi evitata u tinqered il-korruzzjoni fl-istituzzjonijiet pubbliċi, inkwantu l-korruzzjoni għadha punt li jqajjem tħassib importanti; jappella biex isiru sforzi addizzjonali ħalli tonqos il-korruzzjoni li taffettwa l-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-Albanija, tittejjeb il-klima għall-investimenti u tiġi garantita ċ-ċertezza ġuridika tal-investimenti; jissottolinja li jekk huma akkużati, l-uffiċjali għolja ma għandhomx jirċievu trattament preferenzjali meta mqabbla maċ-ċittadini ordinarji; jistieden lill-Albanija tagħmel aktar użu ta' investigazzjonijiet finanzjarji u tibni każistika ta' qbid u konfiska/rkupru tal-assi tal-kriminalità li jirriżultaw minn reati relatati mal-korruzzjoni u turi riżultati konkreti fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-ħasil tal-flus;

15.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-aġġornamenti reċenti għal-leġiżlazzjoni tal-pajjiż kontra l-korruzzjoni; jenfasizza li jeħtieġ li jiġi kkompletat it-twaqqif tal-Aġenzija Nazzjonali ta' l-Investigazzjoni, tat-Tribunal Speċjali u tal-Uffiċċju tal-Prosekuzzjoni Speċjali Kontra l-Korruzzjoni u l-Kriminalità Organizzata; jappella għal aktar titjib fil-kooperazzjoni interistituzzjonali u fl-iskambju ta' informazzjoni bejn il-pulizija u l-prosekuzzjoni; jilqa' pożittivament ir-rivalutazzjoni tal-persunal tal-infurzar tal-liġi skont il-liġi dwar il-valutazzjoni tal-pulizija;

16.  Jappella biex il-korruzzjoni politika u pubblika-privata tingħata aktar attenzjoni; jitlob li tinbena każistika ta' investigazzjonijiet proattivi, prosekuzzjonijiet u kundanni definittivi fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, anki fil-livell għoli;

17.  Jilqa' pożittivament il-progress li sar fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata, partikolarment l-arresti li saru dan l-aħħar tal-membri tal-grupp kriminali Bajri, u jitlob li jkunu segwiti ulterjorment riżultati tanġibbli u sostenibbli, anki fis-settur speċifiku tal-ġlieda kontra l-kultivazzjoni u t-traffikar tad-drogi, permezz tal-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta' azzjoni kontra l-kultivazzjoni tal-kannabis; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-korp tal-pulizija qiegħed isir aktar attiv fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, u huwa mħeġġeġ mill-kooperazzjoni internazzjonali intensifikata bejn il-korpi tal-pulizija mwettqa mill-Albanija, li wasslet għal operazzjonijiet effikaċi kontra x-xbieki kriminali, anki fi gruppi ta' ħidma konġunti mal-Istati Membri; jemmen li l-kooperazzjoni bejn il-pulizija, il-prosekuzzjoni u l-aġenziji u l-korpi rilevanti l-oħra għandha tkun ikkonsolidata ulterjorment;

18.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jieħdu azzjoni deċiżiva biex iżarmaw ix-xbieki kriminali involuti fit-traffikar tad-droga, tal-bniedem u tal-armi tan-nar, u jżidu l-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet, kif ukoll il-kundanni definittivi, speċjalment ta' membri ta' livell għoli tal-gruppi tal-kriminalità organizzata; jindika l-bżonn li jitqawwa l-impenn biex jiġi evitat it-traffikar tal-bnedmin, billi tingħata attenzjoni partikolari lit-tfal mhux akkumpanjati u vittmi tat-traffikar, speċjalment fost it-tfal tat-triq;

19.  Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Albaniżi biex jiżguraw b'mod effikaċi l-infurzar u l-progress lejn il-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali b'mod effikaċi u trasparenti, filwaqt li fl-istess ħin jieħdu kont tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà, tar-restituzzjoni tagħha u tal-kumpens għaliha; jitlob li jsir il-progress neċessarju fis-settur tad-diġitalizzazzjoni u tal-immappjar tal-proprjetajiet; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jgħarrfu liċ-ċittadini b'mod adegwat dwar drittijiethom u dwar il-possibilitajiet tal-infurzar tal-pretensjonijiet tagħhom; jissottolinja li reġim effikaċi tad-drittijiet tal-proprjetà huwa importanti għall-iżgurar tal-istat tad-dritt u ta' ambjent tan-negozju attraenti;

20.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-passi li ttieħdu biex isaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-minoranzi u l-politiki kontra d-diskriminazzjoni, inkluż it-trattament indaqs tal-minoranzi kollha; jilqa' favorevolment l-adozzjoni tal-liġi qafas dwar il-minoranzi, li aboliet id-differenzjazzjoni bejn il-minoranzi nazzjonali u l-komunitajiet etnolingwistiċi u introduċiet il-prinċipju tal-awtoidentifikazzjoni, il-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni u d-dritt li jinżammu l-kulturi, it-tradizzjonijiet u ilsien twelidhom; jitlob l-implimentazzjoni prattika sħiħa u jinkoraġġixxi lill-Albanija tkompli l-isforzi tagħha billi tadotta l-leġiżlazzjoni sekondarja neċessarja għal-liġi qafas, konformement mal-istandards Ewropej u bl-involviment tal-partijiet ikkonċernati kollha fl-abbozzar tagħha; jinsisti li jittieħdu miżuri biex ikomplu jtejbu l-edukazzjoni, is-saħħa, ir-rati tal-impjieg u l-kundizzjonijiet tal-ħajja tar-Rom, tal-Eġizzjani u ta' minoranzi etniċi oħra;

21.  Jilqa' pożittivament il-progress li sar biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni u r-rappreżentanza tan-nisa fil-politika, b'mod partikolari permezz tal-introduzzjoni ta' sistema ta' kwoti tal-ġeneru, u r-rappreżentanza ndaqs tan-nisa fil-gvern il-ġdid; itenni, madankollu, it-tħassib tiegħu għad-diskriminazzjoni tan-nisa u tal-bniet, u għan-nuqqas ta' miżuri xierqa li jipproteġuhom, li jappartjenu għal gruppi żvantaġġati u emarġinati, bħal pereżempju n-nisa Rom(1) u n-nisa b'diżabbiltajiet, id-dispożizzjonijiet diskriminatorji mil-lat tal-ġeneru li għadhom preżenti f'għadd ta' liġijiet, l-aċċess diffiċli għall-ġustizzja għan-nisa, il-perċentwal ta' nisa fis-suq tax-xogħol informali u n-numru kbir ta' każijiet ta' vjolenza domestika fil-konfront tan-nisa u tat-tfal, speċjalment dawk li jappartjenu għall-gruppi vulnerabbli; jitlob risposta adegwata għal dawn il-kwistjonijiet u jfaħħar l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza sessista u l-ħolqien ta' sottokumitat parlamentari dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;

22.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tisħiħ tal-qafas leġiżlattiv dwar id-drittijiet tat-tfal permezz tal-adozzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, il-Kodiċi tal-Ġustizzja Kriminali għall-Minorenni u l-"Aġenda tat-Tfal 2020"; ifakkar li l-mekkaniżmi istituzzjonali għall-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal għad għandhom bżonn li jitjiebu; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jimplimentaw leġiżlazzjoni sekondarja dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal u l-ġustizzja għall-minorenni u jitlob żieda fl-allokazzjonijiet finanzjarji għas-sistema ta' protezzjoni tat-tfal, b'mod partikolari l-unitajiet għall-protezzjoni tat-tfal fil-livell lokali u reġjonali;

23.  Ifaħħar il-klima ta' tolleranza u ta' kooperazzjoni fost il-komunitajiet reliġjużi fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jiġġieldu b'mod effikaċi kontra d-diskors ta' mibegħda u l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni tal-minoranzi, inklużi l-persuni LGBTI; jilqa' favorevolment il-Pjanijiet ta' Azzjoni għall-Ugwaljanza tal-Ġeneru adottati reċentement minn ħames muniċipalitajiet Albaniżi, konformement mal-Karta Ewropea għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-ħajja lokali;

24.  Jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jtejbu l-kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, hekk li jiżguraw parteċipazzjoni u konsultazzjoni effikaċi tal-pubbliku matul il-proċess kollu tat-teħid tad-deċiżjonijiet u ta' integrazzjoni mal-UE li għaddej bħalissa, inkluż fil-livell nazzjonali u lokali, b'hekk jissaħħu d-demokrazija u t-trasparenza; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn ta' riforma tal-qafas ġuridiku u fiskali tal-organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili (OSĊ) kif ukoll tal-finanzjament pubbliku disponibbli għall-OSĊ li joperaw fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, inklużi l-organizzazzjonijiet ta' viġilanza, ta' difiża kif ukoll tal-organizzazzjonijiet ta' bażi ż-żgħar, inkwantu s-sostenibilità finanzjarja tibqa' sfida importanti għal numru mdaqqas ta' organizzazzjonijiet bħal dawn peress li l-proċess ta' reġistrazzjoni attwali huwa kkaratterizzat minn proċeduri twal u li jqumu ħafna flus, u s-sistema attwali tat-taxxa timponi piż notevoli fuq l-OSĊ u jostakola d-donazzjonijiet kemm mill-kumpaniji kif ukoll minn individwi; ifakkar li soċjetà ċivili b'setgħat tirrappreżenta element essenzjali ta' demokrazija dinamika u hija importanti mil-lat strateġiku għat-trasformazzjoni tal-Albanija fi Stat Membru tal-UE;

25.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-Gvern Albaniż u l-Kummissjoni Internazzjonali għall-Persuni Nieqsa, li se jippermetti lil din tal-aħħar tgħin biex jinstabu u jiġu identifikati l-persuni nieqsa matul l-era Komunista;

26.  Jappella lill-awtoritajiet Albaniżi jsaħħu l-politiki tagħhom fir-rigward tal-persuni b'diżabilitajiet, li jkomplu jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet fl-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, l-assistenza tas-saħħa u s-servizzi soċjali u fil-parteċipazzjoni fil-proċess deċiżjonali;

27.  Jiddispjaċih għad-dewmien fit-twaqqif tal-Uffiċċju Reġjonali tal-Kooperazzjoni taż-Żgħażagħ (RYCO) f'Tirana; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jappoġġjaw l-attivitajiet tar-RYCO ħalli għadd kemm jista' jkun kbir ta' żgħażagħ ikunu jistgħu jibbenefikaw minn xogħlu;

28.  Itenni li l-mezzi ta' komunikazzjoni professjonali u indipendenti, kemm privati kif ukoll tas-servizz pubbliku, huma ta' importanza kritika; jieħu nota li sar progress parzjali biex l-awtorità għall-mezzi ta' komunikazzjoni awdjoviżivi u x-xandir pubbliku tal-pajjiż isiru aktar indipendenti; jappella għal miżuri li jtejbu t-trasparenza finanzjarja tar-reklamar tal-Istat fil-mezzi ta' komunikazzjoni; jappella wkoll għal miżuri biex isaħħu l-protezzjoni tad-drittijiet tax-xogħol u dawk soċjali tal-ġurnalisti;

29.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-twaqqif tal-Kunsill Albaniż tal-Mezzi ta' Komunikazzjoni, u jissottolinja r-rwol tiegħu fl-istabbiliment ta' standards professjonali u etiċi għoljin għall-ġurnalisti u għall-mezzi ta' komunikazzjoni kif ukoll fil-promozzjoni tal-indipendenza u tal-libertà tagħhom; jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-Kodiċi Etiku Ġurnalistiku rivedut kif ukoll l-Linji Gwida Etiċi għall-Mezzi ta' Komunikazzjoni Online u jitlob it-tisħiħ tal-prinċipji tagħhom, bil-għan li jinżammu l-fiduċja tal-pubbliku, il-veridiċità, l-ekwità, l-integrità, l-indipendenza u l-obbligu ta' rendikont;

30.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jintensifikaw ir-riformi mmirati biex tiżdied il-kompetittività u biex tingħeleb l-ekonomija informali; jenfasizza li l-korruzzjoni, il-lakuni fl-istat tad-dritt u t-toqol tal-proċeduri regolatorji għadhom igerrxu l-investimenti u l-iżvilupp sostenibbli tal-Albanija; jitlob li jkompli jitjieb il-kuntest għall-impriżi u għall-investimenti billi jiġu żgurati qafas regolatorju u leġiżlattiv prevedibbli, ċertezza tad-dritt, l-istat tad-dritt, l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà u eżekuzzjoni msaħħa tal-kuntratti, ikun segwit b'mod vigoruż il-konsolidament fiskali u tissaħħaħ l-amministrazzjoni tat-taxxa;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata konverġenza pożittiva tal-istandards soċjali matul il-proċess ta' adeżjoni; jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija, b'mod partikolari l-attenzjoni tagħha fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku u fuq iż-żgħażagħ; jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jikkunsidraw mill-ġdid ir-rwol tas-sħubijiet pubbliċi-privati u l-impatt tagħhom fuq ir-riżorsi komuni u l-beni ta' interess pubbliku bħall-awtostradi, is-saħħa, in-natura u l-wirt kulturali f'konformità mal-obbligu tal-UNESCO; jistieden lill-Albanija tagħmel pubbliċi l-kriterji għall-għoti tal-assistenza soċjali;

32.  Jibża' li, wara li l-Ministeru tas-Sigurtà Soċjali tal-Albanija żżarma minħabba ristrutturazzjoni governattiva, jista' jkun hemm effetti negattivi fuq it-tfassil tal-politiki soċjali u tax-xogħol; jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jrawmu l-kooperazzjoni mat-trade unions u jsaħħu d-djalogu soċjali; iħeġġeġ li jittieħdu miżuri effikaċi biex jindirizzaw ir-rata għolja tal-qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ u n-nisa, u biex jipprevjenu t-tħaddim tat-tfal; jitlob aktar titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni, filwaqt li jkun aċċertat li l-edukazzjoni tibqa' aċċessibbli għall-popolazzjoni kollha kemm hi;

33.  Ifaħħar il-fatt li, skont l-Istitut tal-Istatistika tal-Albanija (INSTAT), il-qgħad fl-Albanija niżel; jisħaq fuq il-bżonn li titjieb il-kwalità tas-sistema tal-edukazzjoni, anki billi tiżdied il-kapaċità biex il-persuni jkunu mgħammra b'ħiliet u b'għarfien konformi mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol; jissottolinja l-bżonn li jingħata sostenn lit-tkabbir fit-tul billi jiġu żviluppati l-kapaċità ta' assorbiment teknoloġiku, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni;

34.  Iħeġġeġ lill-gvern jimmodernizza s-sistema tal-edukazzjoni bil-għan li tinbena soċjetà aktar inklużiva, jonqsu l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni u biex ż-żgħażagħ ikunu mgħammra b'ħiliet u b'għarfien aħjar;

35.  Japprezza l-impenn tal-Albanija biex timplimenta l-Aġenda tal-Konnettività fil-qafas tal-Proċess ta' Berlin u tadotta l-pakkett tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) 2018, li jinkludi proġett infrastrutturali ta' importanza strateġika marbut mar-rikostruzzjoni tal-port ta' Durrës, li jsaħħaħ il-kollegamenti tal-Albanija mal-Kroazja u mal-Italja u joffri lill-ġirien tal-Albanija mingħajr kosta mal-baħar, il-Kosovo u l-Maċedonja, aċċess għar-rotot tat-trasport marittimi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jħaffu l-pass fl-ippjanar u fil-kostruzzjoni tas-sezzjonijiet Albaniżi tan-netwerks trans-Ewropej u jipproċedu għall-armonizzazzjoni tal-qafas ġuridiku mal-acquis tal-UE; isostni l-proposta biex jonqsu t-tariffi tar-roaming fil-Balkani tal-Punent ħalli jiġi promoss kuntest favorevoli għas-suq u għall-investimenti li jwassal għal ekonomija diġitali; josserva li 40 % tal-popolazzjoni tal-Albanija tgħix f'żoni rurali iżda 1 % biss ta' dawn in-nies huwa konness mal-internet;

36.  Itenni l-importanza li titjieb l-infrastruttura pubblika fi ħdan il-Balkani tal-Punent u mal-Istati Membri tal-UE; jirrakkomanda li l-awtoritajiet iħaffu l-kostruzzjoni ta' proġetti infrastrutturali kbar bħal dak tal-kollegament ferrovjarju u tal-awtostrada moderna bejn Tirana u Skopje bħala parti mill-Kuritur VIII;

37.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu rigward ċerti proġetti ekonomiċi li wasslu għal ħsara ambjentali gravi f'żoni protetti, bħal ċentri turistiċi fuq skala kbira u l-impjanti idroelettriċi tul ix-xmajjar Vjosa u Valbona; jirrakkomanda lill-Albanija tirrevedi l-istrateġija tagħha fil-qasam tal-enerġija rinnovabbli u tnaqqas id-dipendenza tagħha mill-enerġija idroelettrika għall-produzzjoni tal-elettriku; jistieden għaldaqstant lill-awtoritajiet janalizzaw l-investimenti fil-proġetti marbuta mal-enerġija rinnovabbli differenti minn dik idroelettrika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jintensifikaw il-kwalità tal-valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi, tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali u tal-konsultazzjonijiet pubbliċi marbuta ma' tali proġetti, filwaqt li jqisu kif jaħsbuha l-komunitajiet lokali; iħeġġeġ lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jirrevedu s-sostenn tagħhom favur il-proġetti tal-impjanti idroelettriċi f'każ li jkunu nieqsa minn valutazzjonijiet ambjentali strateġiċi u valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali ex ante sodi; jisħaq fuq il-bżonn li jkun żgurat li l-proġett tal-Gassdott Trans-Adrijatiku (Trans Adriatic Pipeline, TAP) huwa konformi mal-aspetti ambjentali u soċjali tal-acquis; itenni l-appell tiegħu lill-Albanija biex timplimenta l-miżuri rilevanti ta' ġestjoni tal-iskart u tallinja ruħha mal-acquis ambjentali tal-UE;

38.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Albanija għadha l-pajjiż tal-Balkani tal-Punent li minnu jsir l-akbar għadd ta' daħliet u soġġorni illegali, kif ukoll ta' talbiet għall-asil bla bażi, fl-Istati Membri; jitlob li jiżdiedu l-miżuri meħuda f'dawn l-aħħar xhur biex jiġu indirizzati b'mod effikaċi l-fenomenu tat-talbiet għall-asil bla bażi fl-UE u l-wasliet ta' minuri mhux akkumpanjati, inklużi l-kawżi profondi tagħhom; jinkoraġġixxi miżuri konkreti biex tingħata spinta lill-impjiegi, speċjalment fost iż-żgħażagħ, lill-edukazzjoni, lill-kundizzjonijiet ta' ħajja u lis-saħħa; jistieden lill-awtoritajiet Albaniżi jistabbilixxu sistemi maħsuba biex jassistu fir-reintegrazzjoni effikaċi tal-familji u tat-tfal huma li jerġgħu lura f'pajjiżhom;

39.  Jilqa' pożittivament il-passi li saru biex jintlaħaq ftehim għall-kooperazzjoni operattiva bejn l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-Albanija, l-ewwel pajjiż tar-reġjun li miegħu ġie konkluż ftehim bħal dan, u jinkoraġġixxi aktar kooperazzjoni f'livell operattiv;

40.  Jistieden lill-Gvern Albaniż jirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Artikolu 19 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u ma jagħtix permess għall-estradizzjoni f'każijiet ta' reati politiċi jew f'każijiet li fihom il-persuna tista' tkun suġġetta għal tortura jew trattament inuman fil-pajjiż li jitlob l-estradizzjoni,

41.  Ifaħħar lill-Albanija għas-suċċess li kellha fil-ġlieda kontra l-ħruġ ta' ġellieda barranin; jilqa' l-kooperazzjoni reġjonali li nkisbet fil-ġlieda kontra theddidiet terroristiċi potenzjali; itenni l-bżonn ta' aktar miżuri intiżi li jinterrompu l-flussi finanzjarji maħsuba għall-finanzjament tat-terroriżmu, li jsaħħu l-mekkaniżmi ta' prevenzjoni u monitoraġġ li jinvolvu lis-soċjetà ċivili u lill-komunitajiet reliġjużi, u li jindirizzaw b'mod effikaċi r-radikalizzazzjoni online; itenni l-bżonn li jkomplu jitjiebu l-programmi għar-reintegrazzjoni tal-persuni rimpatrijati u l-familji tagħhom u li jipprevjenu r-radikalizzazzjoni fil-ħabsijiet, anki billi jissaħħaħ l-involviment tas-soċjetà ċivili u tal-komunitajiet reliġjużi;

42.  Jitlob aktar kooperazzjoni bejn l-Albanija u l-UE fil-qasam tal-ġlieda kontra l-kriminalità tal-informatika u l-kwistjonijiet relatati maċ-ċiberdifiża;

43.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-parteċipazzjoni attiva tal-Albanija fil-Proċess ta' Berlin, fl-inizjattiva tas-Sitt Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u f'inizjattivi reġjonali oħra, u l-kontribut tal-pajjiż għat-tisħiħ tal-profil tal-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali; jilqa' pożittivament l-iffirmar ta' Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni Reġjonali u r-Relazzjonijiet ta' Bon Viċinat fi ħdan il-qafas tal-Proċess ta' Berlin; jilqa' favorevolment il-pożizzjoni proattiva tal-Albanija biex tippromwovi l-kooperazzjoni reġjonali u r-relazzjonijiet ta' bon viċinat mal-pajjiżi l-oħra tat-tkabbir u mal-Istati Membri ġirien u jissottolinja l-fatt li r-relazzjonijiet tajbin huma element essenzjali tal-proċess tat-tkabbir; jilqa' pożittivament il-varar uffiċjali tal-Fond għall-Balkani tal-Punent, li għandu jippromwovi l-valuri komuni u jiżviluppa l-kooperazzjoni reġjonali bejn iċ-ċittadini, is-soċjetà ċivili u l-istituzzjonijiet tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent; jilqa' favorevolment il-ħolqien tal-Kamra tal-Kummerċ Konġunta Albanija-Serbja f'Tirana u jinkoraġġixxi t-tisħiħ tal-kooperazzjoni kummerċjali u bejn l-impriżi fir-reġjun; japprezza l-isforzi kontinwi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali, b'mod partikolari fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent, kif indikat fl-Inizjattiva Adrijatika Trilaterali; itenni li għandhom jiġu evitati dikjarazzjonijiet u azzjonijiet li jista' jkollhom impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet ta' bon viċinat;

44.  Itenni s-sostenn tiegħu fil-konfront tal-inizjattiva maħsuba biex toħloq Kummissjoni Reġjonali inkarigata bl-aċċertament tal-fatti rigward il-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra u ta' ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kommessi f'dik li kienet il-Jugoslavja (RECOM); iħeġġeġ lill-Gvern Albaniż jieħu rwol ta' tmexxija fil-ħolqien tagħha; jissottolinja l-importanza ta' dan il-proċess u tal-impenn attiv tal-mexxejja politiċi reġjonali kollha sabiex tibda topera mill-aktar fis possibbli; jiġbed l-attenzjoni għall-proposta ta' pjan ta' azzjoni tal-koalizzjoni tar-RECOM b'dati u parametri ċari;

45.  Ifaħħar bil-qawwa lill-Albanija għall-allinjament sħiħ kontinwu tagħha mal-pożizzjonijiet u mad-dikjarazzjonijiet kollha tal-UE magħmula fil-kuntest tal-politika estera u ta' sigurtà komuni; jistieden lill-Albanija tallinja ruħha mal-pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-integrità tal-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u tirrinunzja l-ftehim bilaterali ta' immunità li kkonkludiet mal-Istati Uniti; ifaħħar il-parteċipazzjoni attiva tal-Albanija fil-missjonijiet ta' ġestjoni tal-kriżijiet militari fil-qafas tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni kif ukoll il-kontribut tagħha f'missjoni tan-NATO ta' importanza strateġika għall-UE;

46.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Albaniżi jagħmlu l-aktar użu effikaċi tal-fondi tal-UE fir-reġjuni kollha tal-pajjiż; jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li l-kundizzjonalità stretta tal-fondi IPA u tivvaluta, bħala parti mir-rapporti tagħha dwar il-pajjiżi, l-effikaċja tal-appoġġ tal-IPA għall-Albanija, speċjalment rigward il-prijoritajiet ewlenin u l-proġetti rilevanti;

47.  Jieħu nota tal-atmosfera kostruttiva fit-12-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Albanija, li saret f'Tirana mit-12 u sat-13 ta' Frar 2018, jinnota l-kooperazzjoni mtejba li nkisbet bejn ir-rappreżentanti tal-maġġoranza u tal-oppożizzjoni fil-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni; jissottolinja li huwa importanti li l-kooperazzjoni bejn il-partiti tibqa' għaddejja fit-triq tar-riforma li twassal għall-adeżjoni mal-UE;

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Albanija.

(1)

Il-kelma "Rom" hija użata bħala terminu ġenerali li jinkludi diversi gruppi relatati, sew jekk huma nomadi sew jekk le, bħar-Rom, l-Ashkali, l-Eġizzjani, eċċ., li jista' jkollhom kulturi u stili ta' ħajja differenti ħafna minn xulxin.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

9.10.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

5

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Klaus Buchner, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Wajid Khan, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Michel Reimon, Sofia Sakorafa, Jean-Luc Schaffhauser, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Anders Primdahl Vistisen, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ana Gomes, Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Gilles Pargneaux, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Igor Šoltes, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ivan Štefanec


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

44

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Javier Nart, Jozo Radoš, Ivo Vajgl

ECR

Amjad Bashir, Charles Tannock, Anders Primdahl Vistisen

PPE

Michèle Alliot-Marie, Lorenzo Cesa, Andrzej Grzyb, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Ramona Nicole Mănescu, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, László Tőkés, Željana Zovko, Ivan Štefanec, Dubravka Šuica

S&D

Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Andi Cristea, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Ana Gomes, Wajid Khan, Arne Lietz, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Gilles Pargneaux, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Boris Zala

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Michel Reimon, Jordi Solé, Bodil Valero, Igor Šoltes

5

ENF

Mario Borghezio, Jean-Luc Schaffhauser

NI

Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz

PPE

Manolis Kefalogiannis

5

0

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Takis Hadjigeorgiou, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Marie-Christine Vergiat

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Novembru 2018Avviż legali