Proċedura : 2018/2145(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0341/2018

Testi mressqa :

A8-0341/2018

Dibattiti :

PV 28/11/2018 - 25
CRE 28/11/2018 - 25

Votazzjonijiet :

PV 29/11/2018 - 8.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0480

RAPPORT     
PDF 658kWORD 65k
18.10.2018
PE 625.370v02-00 A8-0341/2018

dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2018 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

(2018/2145(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Ivo Vajgl

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni 2018 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja

(2018/2145(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2005 li tagħti lill-pajjiż l-istatus ta' kandidat għall-adeżjoni mal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Finali għar-Riżoluzzjoni tad-Differenzi kif deskritt fir-riżoluzzjonijiet 817 (1993) u 845 (1993), it-tmiem tal-Ftehim Interim tal-1995 u l-ħolqien ta' Sħubija Strateġika bejn il-Greċja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tas-17 ta' Ġunju 2018, magħrufa wkoll bl-isem ta' Ftehim ta' Prespa,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas konkluż f'Ohrid u ffirmat fi Skopje fit-13 ta' Awwissu 2001 (Ftehim Qafas ta' Ohrid, "OFA"),

–  wara li kkunsidra l-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti tal-Kummissjoni għall-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-ftehim politiku (l-hekk imsejjaħ "Ftehim ta' Pržino") li ntlaħaq bejn l-erba' partiti politiċi ewlenin fi Skopje fit-2 ta' Ġunju u fil-15 ta' Lulju 2015, u l-ftehim bejn l-erba' partiti dwar l-implimentazzjoni tiegħu tal-20 ta' Lulju u tal-31 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Esperti ta' Livell Għoli dwar il-Kwistjonijiet Sistemiċi tal-Istat tad-Dritt tal-14 ta' Settembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-Proċess ta' Berlin varat fit-28 ta' Awwissu 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapporti finali tal-OSKE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet parlamentari bikrija tal-11 ta' Diċembru 2016, li ġew ukoll osservati mill-Parlament Ewropew, u l-elezzjonijiet muniċipali tal-15 ta' Ottubru u tad-29 ta' Ottubru 2017,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-summit UE-Balkani tal-Punent tas-17 ta' Mejju 2018 u l-"Aġenda ta' Prijoritajiet ta' Sofija" tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, tat-28 ta' Ġunju 2018, li appoġġjaw il-konklużjonijiet dwar it-tkabbir u l-proċess ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni adottati mill-Kunsill fis-26 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-laqgħa tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tan-NATO tal-11 u tat-12 ta' Lulju 2018 li tistieden lill-pajjiż jibda t-taħditiet ta' adeżjoni biex jissieħeb fl-alleanza,

–  wara li kkunsidra l-14-il laqgħa, li saret fit-13 ta' Lulju 2018, tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Frar 2018 bit-titolu "Perspettiva kredibbli għat-tkabbir u involviment akbar tal-UE mal-Balkani tal-Punent" (COM(2018)0065),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' April 2018 bit-titolu "Komunikazzjoni tal-2018 dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE" (COM(2018)0450), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "The former Yugoslav Republic of Macedonia 2018 Report" (Rapport 2018 dwar l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja) (SWD(2018)0154), li jirrakkomandaw il-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni fid-dawl tal-progress li sar u tal-impenn sostnut favur ir-riformi;

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni il-Programm ta' Riformi Ekonomiċi tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (SWD(2018)0134) u l-Konklużjonijiet Konġunti tad-Djalogu Ekonomiku u Finanzjarju bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent u t-Turkija tal-25 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet adottati fl-14-il laqgħa tal-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li saret Strasburgu fis-7 u fit-8 ta' Frar 2018,

–  wara li kkunsidra l-proċess għal "Djalogu Jean Monnet" mal-karigi ta' tmexxija parlamentari u mal-partiti politiċi fl-Assemblea (Sobranie), varat f'Ohrid mis-17 u sat-18 ta' Mejju 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0341/2018),

A.  billi permezz tal-implimentazzjoni ta' riformi demokratiċi sodi u inklużivi u tat-titjib attiv tar-relazzjonijiet mal-ġirien, il-gvern il-ġdid qiegħed juri kontinwità fl-impenn favur it-triq Ewropea u Ewro-Atlantika tal-pajjiż; billi l-isforzi għar-riformi għandhom jimxu pari passu mas-sostenn kontinwu tal-UE favur l-implimentazzjoni tal-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti u riżultati li jistgħu jitkejlu; billi l-prospettiva ta' adeżjoni mal-UE tirrappreżenta xprun qawwi għar-riformi fl-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, speċjalment fir-rigward tal-istat tad-dritt, l-indipendenza tal-ġudikatura u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; billi l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja hija meqjusa bħala l-pajjiż kandidat li l-aktar għamel progress fl-allinjament tal-leġiżlazzjoni tiegħu mal-acquis tal-UE;

B.  billi l-Ftehim ta' Prespa tas-17 ta' Ġunju 2018 dwar ir-riżoluzzjoni tad-differenzi u l-ħolqien ta' sħubija strateġika bejn l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u l-Greċja jibgħat sinjal pożittiv tant bżonnjuż għall-istabilità u r-rikonċiljazzjoni fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent kollu kemm hu, itejjeb l-ispirtu tar-relazzjonijiet ta' bon viċinat u l-kooperazzjoni reġjonali u jwitti t-triq għall-integrazzjoni Ewropea tal-pajjiż;

C.  billi l-Greċja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja qablu bejniethom dwar 11-il miżura għat-tisħiħ tal-fiduċja, prinċipalment fl-oqsma tal-affarijiet politiċi u tal-UE, l-edukazzjoni u l-kultura, il-kummerċ u l-kooperazzjoni ekonomika, il-konnettività, il-ġustizzja u l-affarijiet interni kif ukoll il-kooperazzjoni fis-saħħa; billi dawn il-miżuri għat-tisħiħ tal-fiduċja diġà pproduċew riżultati konkreti;

D.  billi l-partiti politiċi kollha u l-istituzzjonijiet statali kollha għandhom id-dmir li jikkontribwixxu għal atmosfera politika aktar inklużiva u miftuħa, b'hekk jitħalla jsir aktar progress fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE;

E.  billi l-pajjiż għandu jkompli jsaħħaħ, fost affarijiet oħra, il-kapaċità leġiżlattiva u ta' sorveljanza parlamentari, il-ġudikatura, ir-rispett tal-istat tad-dritt, il-libertà tal-mezzi ta' komunikazzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni; billi hemm bżonn sforzi sostnuti għal riformi fl-oqsma tal-amministrazzjoni pubblika, l-ekonomija u l-impjiegi, u jinħtieġ ukoll rieżami komprensiv tal-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas ta' Ohrid (OFA);

F.  billi l-adeżjoni tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja man-NATO se tikkontribwixxi għall-paċi u għall-istabilità tar-reġjuni kollu kemm hu;

G.   billi fit-28 ta' Ġunju 2018 il-Kunsill Ewropew approva l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2018, b'hekk witta t-triq għall-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni f'Ġunju 2019;

H.  billi fit-18 ta' Lulju 2018 il-Kummissjoni inizjalat ftehim dwar l-istatus mal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja biex it-timijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex) jitħallew iwettqu operazzjonijiet konġunti mal-pajjiż u fi ħdanu għal finijiet ta' migrazzjoni u ġestjoni tal-fruntieri, bħala element fundamentali tal-istrateġija tal-Kummissjoni għall-Balkani tal-Punent;

I.  billi t-tniġġis tal-arja huwa problema kbira fil-bliet tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u skont l-aħħar studju tal-Istitut Meteoroloġiku Finlandiż u l-Istitut tas-Saħħa Pubblika tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, Skopje u Tetovo għandhom l-ogħla konċentrazzjoni ta' materja partikolata fina fl-arja (PM2,5) minn fost il-bliet Ewropej kollha;

J.  billi r-reġjun tal-Balkani huwa strateġikament importanti;

K.  billi kull pajjiż kandidat huwa valutat individwalment fuq il-merti tiegħu stess, u huma r-rapidità u l-kwalità tar-riformi li jiddeterminaw il-kalendarju tal-adeżjoni u r-ritmu tan-negozjati;

Riformi kumplessivi u relazzjonijiet ta' bon viċinat

1.  Jilqa' pożittivament l-impenn politiku qawwi tal-gvern biex jimplimenta bis-sħiħ il-Ftehim ta' Pržino u l-Prijoritajiet ta' Riforma Urġenti, li jwasslu għal sforzi intensifikati għar-riformi relatati mal-UE, fuq il-bażi ta' kooperazzjoni interetnika u bejn id-diversi partiti u ta' konsultazzjonijiet mas-soċjetà ċivili, u jissottolinja l-importanza li jitkomplew dawn l-isforzi f'ġieħ il-futur Ewropew tal-pajjiż; jinkoraġġixxi lill-gvern il-ġdid iżomm rankatura pożittiva u jiżgura li jsir progress fir-riformi relatati mal-UE, jaċċelerahom u jimplimentahom bis-sħiħ, b'mod trasparenti u inklużiv; jitlob li jkun hemm sostenn biex l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja tissieħeb mal-organizzazzjonijiet Ewro-Atlantiċi biex tiżdied is-sigurtà reġjonali;

2.  Jesprimi apprezzament kbir għad-diplomazija pożittiva u l-isforzi attivi għat-tisħiħ tal-fiduċja li wasslu għal kompromess, għar-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet bilaterali miftuħa u għall-promozzjoni ta' relazzjonijiet ta' bon viċinat; jisħaq fuq il-fatt li l-kwistjonijiet bilaterali ma għandhomx ifixklu l-proċess ta' adeżjoni; jilqa' b'sodisfazzjon kbir id-dħul fis-seħħ fl-14 ta' Frar 2018 tat-trattat ta' ħbiberija mal-Bulgarija, li għandu jiggarantixxi relazzjoni ta' bon viċinat dejjiema u konċiljanti bejn iż-żewġ pajjiżi;

3.  Jilqa' favorevolment il-Ftehim ta' Prespa, tas-17 'ta Ġunju 2018, bejn il-Greċja u l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u jfaħħar liż-żewġ naħat għall-isforzi sinifikanti tagħhom biex jilħqu soluzzjoni sodisfaċenti għat-tnejn li huma għall-kwistjoni tal-isem; jilqa' pożittivament ir-ratifika tiegħu min-naħa tal-Parlament tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja fl-20 ta' Ġunju u fil-5 ta' Lulju 2018; iqis li huwa fl-interessi taċ-ċittadini tal-pajjiż li l-atturi politiċi kollha u s-soċjetà ċivili kollha jaġixxu b'mod kostruttiv u jerfgħu r-responsabbiltajiet storiċi tagħhom; iħeġġeġ lill-partiti jagħtu prijorità lill-interessi ta' pajjiżhom fuq l-interessi partiġjani, jinformaw b'mod debitu liċ-ċittadini dwar il-kontenuti u l-implikazzjonijiet tal-ftehim u jlestu, b'mod diliġenti, il-proċeduri interni kollha għar-ratifika u għall-implimentazzjoni ta' dan il-ftehim ta' importanza strateġika, b'hekk jintemm limbu ġeopolitiku li ilu jkarkar is-snin u jagħtu eżempju tajjeb ta' paċi u stabilità fir-reġjun; jisħaq fuq l-importanza tar-referendum tat-30 ta' Settembru 2018 dwar l-integrazzjoni fl-UE u fin-NATO tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

4.  Jieħu nota tar-riżultat tar-referendum tat-30 ta' Settembru 2018; jisħaq fuq il-bżonn ta' aktar sostenn għall-futur Ewro-Atlantiku tal-pajjiż u ta' implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Prespa tas-17 ta' Ġunju 2018; jinkoraġġixxi lill-gvern ta' Skopje jieħu l-azzjonijiet kollha neċessarji u possibbli biex jonora d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Prespa, li jiftaħ il-bieb għan-negozjati ta' adeżjoni mal-UE u man-NATO;

5.  Jilqa' pożittivament l-isforzi diplomatiċi tal-pajjiż biex irawmu kooperazzjoni bilaterali u reġjonali mal-Albanija u jistabbilixxu relazzjonijiet kwalitattivi ġodda fl-oqsma bħall-kummerċ, l-infurzar tal-liġi, il-ġlieda kontra l-frodi u l-prevenzjoni tat-terroriżmu;

6.  Ifakkar li l-pajjiż diġà kiseb livell għoli ta' allinjament mal-acquis; jiddispjaċih bil-fatt, madankollu, li partijiet ta' din il-leġiżlazzjoni għadhom ma ġewx implimentati; jieħu nota tat-titjib fl-allinjament mad-dikjarazzjonijiet tal-UE u mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill fil-qasam tal-politika estera u ta' sigurtà komuni u jisħaq fuq l-importanza li jintlaħaq progressivament allinjament totali, li huwa rekwiżit preliminari għall-futur Ewro-Atlantiku tal-pajjiż;

7.  Jirrikonoxxi l-progress li sar fis-settur pubbliku bl-adozzjoni tal-istrateġija ta' riforma tal-amministrazzjoni pubblika u tal-programm ta' riforma tal-ġestjoni finanzjarja; jistieden lill-gvern jimplimenta totalment dawn ir-riformi; jinkoraġġixxi lill-pajjiż isaħħaħ ulterjorment il-professjonalità, billi jtejjeb it-trasparenza u r-rappreżentanza ekwa, u jiggarantixxi r-rispett sħiħ tal-prinċipju tal-mertu għal dak li għandu x'jaqsam mar-reklutaġġ f'pożizzjonijiet tas-servizz pubbliku;

8.  Jikkundanna b'aktar termini qawwija possibbli l-attakk tas-27 ta' April 2017 fuq il-Parlament tal-pajjiż, li jikkostitwixxi attakk fuq id-demokrazija u li matulu bosta deputati u ġurnalisti sfaw feruti gravi, u jappella biex l-organizzaturi u dawk responsabbli minn dawn l-atti jittellgħu quddiem il-ġustizzja; jilqa' pożittivament l-investigazzjoni li għaddejja u l-proċess tal-kawża; jenfasizza li d-determinazzjoni tar-responsabbiltajiet għal dawn l-atti ta' vjolenza għandhom tkompli ssir b'konformità tal-liġi u b'mod trasparenti, indipendenti u proporzjonat; ikompli jikkundanna kwalunkwe forma ta' ostruzzjoniżmu u kwalunkwe abbuż ta' proċeduri min-naħa tal-Parlament jew tal-poteri presidenzjali bi ksur tal-kostituzzjoni;

9.  Jappoġġja totalment ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni u d-deċiżjoni tal-Kunsill konsegwenti li stabbiliet Ġunju 2019 bħala d-data għall-ftuħ tan-negozjati ta' adeżjoni bħala rikonoxximent tal-isforzi għar-riformi inkoraġġanti; iqis li ftuħ rapidu tal-proċess ta' eżami analitiku tal-acquis (screening) u tat-taħditiet dwar l-adeżjoni se jsostni u jqawwi l-ispinta għar-riformi; iqis li l-ftuħ tan-negozjati tal-adeżjoni jkompli jinċentiva d-demokratizzazzjoni u jsaħħaħ l-iskrutinju u l-obbligu ta' rendikont;

10.  Jilqa' pożittivament l-istedina formali li għamlet in-NATO lill-pajjiż fil-11 ta' Lulju 2018 biex jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni mal-organizzazzjoni;

11.  Iqis li l-adeżjoni tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja man-NATO tista' tikkontribwixxi biex jinkisbu aktar sigurtà u stabilità politika fix-Xlokk tal-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri tal-UE li mhumiex membri tan-NATO jagħtu sostenn attiv favur l-adeżjoni tal-pajjiż man-NATO;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-pajjiż dalwaqt se jgħaddi għat-tieni fażi tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni u li se jiġi inkluż fl-Inizjattiva Adrijatika-Jonika, u jistieden lill-Kunsill jinkludi lill-pajjiż fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Adrijatiku u Joniku;

Demokratizzazzjoni

13.  Jilqa' pożittivament l-azzjonijiet inizjali li ttieħdu biex jerġgħu jiddaħħlu l-kontrokontrolli u tiżdied l-inklużjoni bis-saħħa ta' miżuri li jtejbu l-kuntest li fih joperaw l-istituzzjonijiet indipendenti inkarigati mis-sorveljanza, il-mezzi ta' komunikazzjoni u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ); jilqa' pożittivament id-djalogu kostruttiv bejn il-gvern u l-OSĊ u r-rwol li dawn tal-aħħar żvolġew biex jiggarantixxu sistema ta' kontrokontrolli aħjar; jenfasizza li l-bidliet fundamentali li għaddejjin għandhom isiru fi klima politika inklużiva u miftuħa;

14.  Japprezza l-isforzi tal-gvern maħsuba biex jipprevjeni rigress u jiġu eliminati l-elementi ta' manipulazzjoni tal-Istat li fadal u jinkoraġġih jintensifika dawn l-isforzi; ifakkar li l-pajjiż kien minn ta' quddiem nett fil-proċess ta' adeżjoni fis-snin 2000;

15.  Jilqa' pożittivament it-titjib fil-leġiżlazzjoni elettorali, iżda jisħaq fuq il-bżonn ta' reviżjoni puntwali tal-Kodiċi Elettorali billi jiġu indirizzati b'mod komprensiv ir-rakkomandazzjonijiet OSKE/ODIHR, tal-Kummissjoni ta' Venezja u GRECO li fadal dwar il-finanzjament tal-kampanji u dwar il-partiti politiċi; jenfasizza li hemm bżonn aktar sforzi għall-prevenzjoni u għall-investigazzjoni ta' kull forma ta' intimidazzjoni tal-votanti; iħeġġeġ lill-partiti politiċi jiddemokratizzaw il-proċessi deċiżjonali interni tagħhom;

16.  Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jissuktaw iċ-ċensiment interrott, li jkun jagħti statistika preċiża dwar id-data rigward il-popolazzjoni, biex isservi ta' bażi għall-programmi ta' żvilupp tal-gvern u għall ippjanar adegwat tal-baġit, kif ukoll għall-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet u għall-kalkolu tar-riżultati elettorali;

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-issuktar tal-laqgħat tal-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u jinkoraġġixxi l-ħidma kostruttiva bla heda fi ħdan dan il-qafas interparlamentari;

18.  Jilqa' pożittivament il-varar tal-proċess għal "Djalogu Jean Monnet" f'Ohrid fis-17 u fit-18 ta' Mejju 2018 u l-adozzjoni konsegwenti tal-Kodiċi ta' Etika bis-sostenn unanimu tal-partiti kollha; jinkoraġġixxi lill-Grupp ta' Ħidma għar-Riformi u l-Funzjonament tas-Sobranie jirrieżami r-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament u jressaq proposti għal emendi u skadenzi għall-adozzjoni għal dak li għandu x'jaqsam mal-oqsma prijoritarji definiti fil-konklużjonijiet f'Ohrid; jinkoraġġixxi lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti fil-proċess politiku jkomplu jsaħħu l-kultura ta' kompromess u djalogu politiku kostruttiv, speċjalment fost id-deputati tal-Parlament, u jastjenu milli joħolqu kwalunkwe ostruzzjoniżmu li jkun ifixkel il-funzjonament effikaċi tal-Parlament;

19.  Jirrakkomanda li l-Parlament tal-pajjiż jagħmel użu sħiħ tal-funzjonijiet leġiżlattivi u ta' sorveljanza tiegħu, filwaqt li jillimita rigorożament l-użu tal-proċeduri ta' urġenza li jimminaw l-iskrutinju parlamentari u pubbliku; jitlob li tinbena każistika kredibbli dwar is-sorveljanza tas-servizzi ta' intelligence u l-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali fil-pajjiż;

20.  Jilqa' pożittivament il-miżuri sinifikanti li ħa l-gvern biex jerġa' jġib gradwalment kultura tal-kompromess billi jidħol f'kuntatt mal-partijiet ikkonċernati kollha, inkluża l-oppożizzjoni, bil-għan li jissaħħu d-demokrazija, l-istat tad-dritt u x-xewqa ġenwina ta' riforma b'mod inklużiv u trasparenti;

21.  Jitlob li tinbeda implimentazzjoni effikaċi tal-istrateġija ta' riforma tal-amministrazzjoni pubblika kif ukoll li jkunu stabbiliti linji ċari ta' obbligu ta' rendikont; jissottolinja l-importanza tar-rispett sħiħ tal-prinċipju tal-mertu għal dak li għandu x'jaqsam mar-reklutaġġ u tal-konkors miftuħ għall-proċeduri ta' reklutaġġ kollha, u jitlob żieda fil-kapaċità tal-ġestjoni tar-riżorsi umani; jitlob li jittieħdu miżuri msaħħa biex itejbu l-kapaċitajiet ta' ppjanar settorjali u finanzjarju fl-amministrazzjoni pubblika kollha;

22.  Jilqa' favorevolment it-tisħiħ tal-proċessi ta' deċentralizzazzjoni min-naħa tal-gvern bl-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għad-deċentralizzazzjoni u l-iżvilupp 2018-2020 bħala pass importanti biex tiġi indirizzata l-iskarsezza tal-finanzjamenti u tas-servizzi fil-muniċipalitajiet;

23.  Jilqa' pożittivament l-isforzi li qegħdin isiru biex jiġi promossi l-governanza tajba, l-obbligu ta' rendikont u ambjent medjatiku liberu, tiżdied it-trasparenza u jitjieb l-aċċess għall-informazzjoni pubblika, inkluż permezz tal-pubblikazzjoni tan-nefqa tal-istituzzjonijiet tal-Istat; jitlob miżuri ulterjuri biex ikunu garantiti d-drittijiet taċ-ċittadini għall-aċċess għall-informazzjoni pubblika; jagħmel appell biex isiru sforzi sostnuti ħalli tiżdied l-inklużjoni fil-proċess deċiżjonali u jitjieb il-koordinament interistituzzjonali;

24.  Jitlob li jsir aktar progress fid-diġitalizzazzjoni tal-informazzjoni pubblika bil-għan li ssir aktar aċċessibbli, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet isibu soluzzjonijiet diġitali innovattivi biex ikomplu jsaħħu t-trasparenza u l-aċċess faċli għall-informazzjoni pubblika u jnaqqsu l-burokrazija relatata;

Stat tad-dritt

25.  Ifakkar li l-funzjonament korrett tas-sistema ġudizzjarja u l-miżuri effikaċi tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni huma importantissmi fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE;

26.  Jilqa' pożittivament l-istrateġija tar-riforma ġudizzjarja mmirata li terġa' ġġib l-indipendenza tal-ġudikatura, l-obbligu ta' rendikont u l-professjonalità u ttemm l-indħil politiku u l-ġustizzja selettiva, u jistieden lill-gvern tal-pajjiż u lill-partijiet ikkonċernati l-oħra jintensifikaw l-isforzi biex jimplimentaw korrettament l-istrateġija ta' riforma ġudizzjarja, billi jinħolqu mekkaniżmi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni sodi; jisħaq fuq il-bżonn ta' allinjament leġiżlattiv komplut konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; jitlob l-adozzjoni u l-implimentazzjoni kontinwi tal-miżuri previsti fl-istrateġija ta' riforma ġudizzjarja; jissottolinja li hemm bżonn aktar sforzi biex il-ġudikatura tiġi mħarsa mill-indħil politiku;

27.  Japprezza l-fatt li f'Jannar 2018 twaqqaf il-Kunsill dwar l-Etika Ġudizzjarja u li l-Akkademja tal-Imħallfin u tal-Prosekuturi organizzat korsijiet ta' taħriġ dwar l-imġiba etika għall-imħallfin għal finijiet ta' prevenzjoni tal-kunflitti ta' interessi u ħolqien ta' miżuri kontra l-korruzzjoni;

28.  Għadu inkwetat bil-korruzzjoni mifruxa u jilqa' pożittivament l-ewwel riżultati fil-prevenzjoni u fil-prosekuzzjoni tagħha; huwa inkwetat bin-numru limitat ta' sentenzi li jkunu għaddew f'ġudikat fir-rigward ta' każijiet ta' korruzzjoni f'livell għoli, iżda jieħu nota tas-sentenzi ta' prim'istanza dwar il-każijiet ta' korruzzjoni u abbuż tal-poter u dwar dak li ġara fis-27 ta' April 2017; jagħmel appell biex isiru sforzi sostnuti ħalli tinbena każistika ta' investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni definittivi f'każijiet ta' korruzzjoni ta' livell għoli u tal-kriminalità organizzata; ifaħħar ix-xogħol li għamel l-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali (SPO) f'ċirkostanzi diffiċli u għadu inkwetat bl-attakki u l-atti ta' ostruzzjoniżmu fil-konfront ta' xogħlu u bin-nuqqas ta' kooperazzjoni min-naħa tal-istituzzjonijiet l-oħrajn;

29.  Jistieden lill-awtoritajiet jintensifikaw il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-kunflitti ta' interess billi jistabbilixxu u jsaħħu l-kapaċitajiet ta' kontra l-korruzzjoni, il-ġlieda kontra l-kriminalità u ċ-ċelloli ta' investigazzjoni finanzjarja, kif ukoll permezz tal-iffriżar, tal-konfiska u tal-irkupru u tal-ġestjoni tal-assi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jibnu każistika ta' investigazzjonijiet u prosekuzzjonijiet u jżidu n-numru ta' kundanni fil-każijiet ta' ħasil tal-flus u ta' reati finanzjarji f'livell għoli; jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-liġi dwar il-protezzjoni tal-informaturi ta' irregolaritajiet, li tiżgura protezzjoni aqwa lil dawn tal-aħħar u ssaħħaħ il-politiki tal-gvern kontra l-korruzzjoni; jitlob li l-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, tal-kontroll finanzjarju u tal-akkwist pubbliku tiġi rieżaminata b'urġenza; jinkoraġġixxi riforma tal-qafas ġuridiku ġenerali b'tali mod li l-Kummissjoni tal-Istat għall-Prevenzjoni tal-Korruzzjoni jkollha setgħat ċari u tkun tista' taħdem b'mod totalment indipendenti u li l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku kontra l-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni jkun jista' jwettaq investigazzjonijiet perjodiċi;

30.  Jirrimarka li l-korruzzjoni u l-kriminalità organizzata huma mifruxa fir-reġjun u jirrappreżentaw ukoll ostaklu għall-iżvilupp demokratiku, soċjali u ekonomiku tal-pajjiż; iqis li strateġija reġjonali u kooperazzjoni mtejba bejn il-pajjiżi kollha fir-reġjun huma essenzjali biex dawn il-kwistjonijiet jiġu ttrattati b'mod aktar effikaċi;

31.  Jagħmel appell biex tkun garantita b'mod rigoruż ir-responsabbiltà politika u ġuridika tar-reati, anki għal dawk li jirriżultaw mill-iskandlu tal-interċettazzjonijiet; iħeġġeġ lill-Parlament ilesti r-riforma tas-servizzi ta' intelligence, u jiżgura sorveljanza esterna adegwata tal-aġenziji tas-sigurtà u tal-intelligence;

32.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jieħdu azzjoni deċiżiva biex iżarmaw ix-xbieki kriminali involuti fit-traffikar tad-droga, tal-bnedmin u tal-armi, u jżidu l-kapaċità istituzzjonali tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni interistituzzjonali ta' bejniethom kif ukoll itejbu l-każistika ta' investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni definittivi;

33.  Jirrikonoxxi l-isforzi li saru u r-rwol kostruttiv li l-pajjiż żvolġa biex jindirizza l-isfidi tal-kriżi migratorja u tar-rifuġjati Ewropea; josserva l-isforz sostnut u jappella għal aktar titjib tas-sistema tal-asil u tal-ġestjoni tal-migrazzjoni; jinkoraġġixxi lill-pajjiż jintensifika u jkompli jappronfondixxi l-kooperazzjoni reġjonali reċiprokament vantaġġjuża u s-sħubija ma' Frontex fl-ambitu ta' ftehim dwar l-istatus ġdid bil-għan li jiżżarmaw ix-xbieki tat-traffikar tal-bnedmin;

34.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi żgurat li l-migranti u r-rifuġjati, speċjalment in-nisa u t-tfal, li japplikaw għall-asil fil-pajjiż jew li jivvjaġġaw fit-territorju tiegħu jiġu ttrattati skont id-dritt internazzjonali u tal-UE;

35.  Iqis li huwa neċessarju li l-awtoritajiet ikomplu u jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra r-radikalizzazzjoni Iżlamika u l-ġellieda terroristiċi barranin; jitlob li dan jiġi implimentat bis-saħħa ta' iżjed kooperazzjoni bejn l-aġenziji tas-sigurtà u l-OSĊ, il-mexxejja reliġjużi, il-komunitajiet lokali u l-istituzzjonijiet statali l-oħra fis-setturi tal-edukazzjoni, tas-saħħa u tas-servizzi soċjali; jitlob li jkun hemm monitoraġġ kontinwu, min-naħa tas-servizzi tas-sigurtà, tal-ġellieda barranin li jirritornaw fil-pajjiż, tar-reintegrazzjoni korretta tagħhom fis-soċjetà, kif ukoll skambju kostanti ta' informazzjoni mal-awtoritajiet tal-UE u tal-pajjiżi ġirien;

36.  Jitlob titjib ulterjuri tas-sistema tal-ġustizzja għall-minuri; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jallokaw biżżejjed riżorsi tal-baġit għall-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-Ġustizzja għall-Minuri u jtejbu s-servizzi ta' appoġġ għall-bniet u għas-subien vittmi ta' vjolenza u abbużi u għall-minuri f'kunflitt mal-liġi;

Drittijiet fundamentali u soċjetà ċivili

37.  Jilqa' pożittivament il-miżuri biex titjieb il-fiduċja interetnika u jappella għal rieżami inklużiv u trasparenti tal-aspetti pendenti tal-implimentazzjoni tal-OFA; iqis essenzjali l-fatt li tkun garantita l-affermazzjoni totali tal-minoranzi etniċi fil-ħajja pubblika; jagħmel appell biex jittieħdu aktar miżuri li jrawmu l-inklużjoni edukattiva tal-minoranzi biex jissaħħu l-koeżjoni soċjali u l-integrazzjoni tal-komunitajiet;

38.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-riformi u l-isforzi li saru biex il-qafas ġuridiku jkun allinjat gradwalment mal-istandards tal-UE, id-deċiżjoni tal-pajjiż li jsir osservatur fi ħdan l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali u r-ratifika tal-biċċa l-kbira tal-istrumenti internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jinkoraġġixxi implimentazzjoni sħiħa tal-istandards dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dokumenti strateġiċi bħall-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), billi tingħata attenzjoni partikolari lid-dritt għal proċess ġust, lil-libertà tal-għaqda u assoċjazzjoni, lid-dritt għall-ħajja, lil-libertà ta' espressjoni u lir-rispett tal-ħajja privata u familjari;

39.  Josserva li l-adozzjoni tal-liġi dwar l-użu tal-lingwi tikkostitwixxi riżultat importanti u jiddispjaċih bl-użu tat-tattika tat-tfixkil immirata li timmina l-adozzjoni tagħha f'konformità sħiħa mal-proċeduri standard;

40.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-ratifika tal-pajjiż, fit-23 ta' Marzu 2018, tal-Konvenzjoni ta' Istanbul u jħeġġu jlesti r-riformi ġuridiċi maħsuba biex jindirizzaw id-diskriminazzjoni u l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u t-tfal kollha u jkompli jeqred il-vjolenza domestika u sessista, li għadhom mifruxin;

41.  Jissottolinja l-bżonn li jkunu żgurati l-awtonomija u r-riżorsi umani u finanzjarji adegwati għall-korpi indipendenti ta' sorveljanza; ifaħħar ir-rwol tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fl-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem u jissottolinja l-bżonn li jkun żgurat segwitu sistemiku għad-deċiżjonijiet tal-Ombudsman;

42.  Għadu inkwetat bis-sitwazzjoni iebsa tal-persuni b'diżabilità u bid-diskriminazzjoni persistenti fil-konfront tagħhom; jitlob implimentazzjoni effikaċi tal-istrumenti u tal-istrateġiji eżistenti;

43.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-passi inizjali meħuda għat-tisħiħ tal-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni u jħeġġeġ lill-awtoritajiet jinkludu lill-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru bħala bażi għal diskriminazzjoni fil-Liġi dwar il-Prevenzjoni u l-Protezzjoni kontra d-Diskriminazzjoni; jistieden lill-awtoritajiet jallokaw baġit adegwat għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Ugwaljanza u n-Nondiskriminazzjoni 2016-2020; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jindirizzaw b'mod effikaċi r-reati u d-diskors ta' mibegħda fil-konfront tal-minoranzi, fosthom il-gruppi vulnerabbli bħar-Rom u l-komunità LGBTI, u jikkastigaw il-vjolenza ta' natura omofobika u transfobika u l-inċitament għall-vjolenza; għadu inkwetat bil-fatt li l-preġudizzji soċjetali għadhom jippersistu u li d-diskors ta' mibegħda huwa prevalenti kontra l-persuni LGBTI fil-mezzi ta' komunikazzjoni, fl-internet u fil-midja soċjali; jistieden lill-awtoritajiet jiżgura protezzjoni effikaċi u jistabbilixxu sanzjonijiet dissważivi u proporzjonati għad-diskors ta' mibegħda, għall-atti ta' omofobija u transfobija u għall-vjolenza; jisħaq fuq il-bżonn li jingħata aċċess għall-assistenza tas-saħħa lill-persuni transġeneru; jiddeplora n-nuqqasijiet li jippersistu f'ħidmet il-Kummissjoni għall-Protezzjoni mid-Diskriminazzjoni; jilqa' favorevolment it-twaqqif tal-grupp parlamentari interpartitiku għad-drittijiet tal-komunità LGBTI u tal-grupp parlamentari interpartitiku għad-drittijiet tar-Rom;

44.  Jitlob li jitfasslu strateġiji u leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni li jappartjenu għall-gruppi minoritarji u li l-protezzjoni tagħhom tkun totalment implimentata u sostnuta minn fondi pubbliċi; jinsisti li jittieħdu miżuri biex jitjiebu aktar l-edukazzjoni, ir-rati ta' impjieg, is-saħħa, l-alloġġi, l-aċċess għall-beni u għas-servizzi u l-kundizzjonijiet ta' ħajja tar-Rom, u jiġu kkundannati s-segregazzjoni fl-iskejjel u l-forom l-oħra ta' diskriminazzjoni;

45.  Jilqa' pożittivament it-titjib sostanzjali fil-kuntest operattiv tal-OSĊ u fil-konsultazzjonijiet magħhom, inkluż il-ħolqien tal-Kunsill għall-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili; jisħaq fuq il-bżonn li jissaħħaħ il-qafas ġuridiku, finanzjarju u politiku, anki bis-saħħa ta' liġijiet dwar il-fondazzjonijiet u d-donazzjonijiet; jenfasizza l-importanza ta' involviment strutturat tal-OSĊ permezz ta' proċess konsultattiv aktar regolari, komprensiv, nondiskriminatorju u prevedibbli;

46.  Itenni s-sostenn tiegħu fil-konfront tal-inizjattiva maħsuba biex toħloq Kummissjoni Reġjonali inkarigata bl-aċċertament tal-fatti rigward il-vittmi kollha tad-delitti tal-gwerra u ta' ksur gravi ieħor tad-drittijiet tal-bniedem kommessi f'dik li kienet il-Jugoslavja (RECOM); iħeġġeġ lill-gvern jieħu rwol ta' tmexxija fil-ħolqien tagħha; jissottolinja l-importanza ta' dan il-proċess u tal-impenn attiv tal-mexxejja politiċi reġjonali kollha sabiex ir-RECOM tibda topera mill-aktar fis possibbli; jiġbed l-attenzjoni għall-proposta ta' pjan ta' azzjoni tal-koalizzjoni tar-RECOM b'dati u parametri ċari;

47.  Jilqa' pożittivament iż-żieda fl-isforzi min-naħa tal-gvern biex jintensifika l-proċess ta' deistituzzjonalizzazzjoni u riforma tas-settur soċjali; ifaħħar l-impenn biex tintemm il-prassi li t-tfal jitqiegħdu f'istituti pubbliċi kbar u biex minflok jinħolqu servizzi tal-indukrar ibbażati fuq il-familja u l-komunità; jistieden lill-awtoritajiet jieħdu miżuri urġenti biex ireġġgħu lura r-rata ta' mortalità perinatali dejjem akbar u jistabbilixxu sistema ta' analiżi tal-kawżi ta' din it-tendenza allarmanti;

48.  Jilqa' favorevolment is-sħubija bejn il-gvern u l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ fl-implimentazzjoni tal-Iskema ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, li tikkostitwixxi mekkaniżmu ta' kooperazzjoni tajjeb bejn iż-żgħażagħ u d-deċiżuri fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki għaż-żgħażagħ; jistieden lill-gvern iżid l-appoġġ finanzjarju favur iż-żgħażagħ u l-organizzazzjonijiet tagħhom bil-għan li jindirizza l-kwistjoni tal-"eżodu ta' mħuħ";

Mezzi ta' komunikazzjoni

49.  Jissottolinja r-rwol kruċjali tal-mezzi ta' komunikazzjoni indipendenti għal kuntest demokratiku u favorevoli; josserva titjib moderat fl-ambjent medjatiku u fil-kundizzjonijiet għal rapportar indipendenti; jitlob inizjattivi li joħolqu klima favorevoli għall-kondotta professjonali tal-partijiet ikkonċernati kollha fis-settur tal-mezzi ta' komunikazzjoni, ħielsa minn kull influwenza interna jew esterna, kif ukoll għall-ġurnaliżmu investigattiv; jilqa' favorevolment it-tmiem tar-reklamar sostnut mill-Istat fil-mezzi ta' komunikazzjoni fuq il-bażi ta' favoritiżmi politiċi bħala miżura importanti li trawwem kundizzjonijiet ta' parità fis-settur u jappella biex jinħolqu aktar garanziji kontra l-politiċizzazzjoni tal-mezzi ta' komunikazzjoni; jisħaq fuq il-bżonn li jissaħħu l-indipendenza u l-kapaċità tar-regolatur tal-mezzi ta' komunikazzjoni u tas-servizz tax-xandir pubbliku; jitlob miżuri li jtejbu l-protezzjoni tad-drittijiet tax-xogħol u soċjali tal-ġurnalisti u li jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda impunità f'każijiet ta' vjolenza, abbuż jew theddid fil-konfront tal-ġurnalisti, li jkun jikkontribwixxu wkoll biex tonqos sal-minimu l-awtoċensura mifruxa fost il-ġurnalisti;

50.  Jilqa' bi pjaċir it-titjib fil-garanzija ta' aċċess għall-informazzjoni; jisħaq fuq il-bżonn ta' aġġornament tar-regolamenti tas-servizzi tal-mezzi ta' komunikazzjoni u tal-aċċess għall-informazzjoni pubblika; jisħaq fuq il-bżonn li tintwera tolleranza żero fir-rigward tat-theddid, tal-intimidazzjoni u tal-attakki fuq il-ġurnalisti u li jingħata segwitu għalihom, permezz ta' reġistrazzjoni adegwata u investigazzjoni bir-reqqa ta' tali każijiet; jikkundanna kwalunkwe forma ta' diskors ta' mibegħda u lingwaġġ xewwiexi; jitlob miżuri effikaċi li jiġġieldu dawn ta' hawn fuq u jiġġieldu kontra l-ksur tal-kodiċi etiku tal-ġurnaliżmu li jsir online; jirrimarka, barra minn hekk, il-bżonn ta' riforma tas-settur tal-mezzi ta' komunikazzjoni mingħajr dewmien bil-għan li tissaħħaħ l-Aġenzija għas-Servizzi Medjatiċi Awdjo u Awdjoviżivi u li jiġi garantit rapportar oġġettiv u professjonali;

Ekonomija

51.  Jisħaq fuq il-bżonn ta' titjib tal-ambjent tan-negozju billi jiġu żgurati l-konsolidament fiskali kif ukoll it-trasparenza u l-affidabbiltà tar-regolamentazzjoni, filwaqt li jiġu indirizzati l-lakuni li għad fadal fl-istat tad-dritt, it-toqol tal-proċeduri regolatorji u l-ispezzjonijiet arbitrarji;

52.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet jegħlbu l-ekonomija informali mdaqqsa u l-problemi persistenti tal-evażjoni tat-taxxa u tal-eżekuzzjoni ħażina tal-kuntratti, li jkomplu jgerrxu lill-investiment barrani dirett; jisħaq fuq il-bżonn ta' implimentazzjoni tal-miżuri dwar l-akkwist pubbliku u l-kontroll finanzjarju intern; josserva l-bżonn li titjieb it-trasparenza tad-data dwar l-infiq pubbliku, l-akkwist pubbliku, l-għajnuna mill-Istat u l-użu tal-fondi tal-UE; jitlob miżuri li jtejbu l-kapaċitajiet ta' ppjanar, programmazzjoni u ġestjoni fl-istrutturi nazzjonali responsabbli mill-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA);

53.  Jistieden lill-gvern jagħmel id-diġitalizzazzjoni waħda mill-prijoritajiet trasversali fundamentali tiegħu; iħeġġeġ l-iżvilupp, mingħajr dewmien, ta' aġenda diġitali fit-tul, li tinkludi fost affarijiet oħra strateġika għall-governanza elettronika, strateġija għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICTs) u strateġija nazzjonali għaċ-ċibersigurtà; jissottolinja li aġenda diġitali komprensiva se ttejjeb il-kuntest u l-prestazzjoni ta' natura ekonomika u żżid it-trasparenza u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika u tas-servizzi;

54.  Japprezza l-isforzi min-naħa tal-gvern biex itejjeb il-kundizzjonijiet taż-żgħażagħ u jsaħħaħ il-parteċipazzjoni tagħhom fil-politika, pereżempju permezz tal-Istrateġija Nazzjonali għaż-Żgħażagħ (2016-2025); jinkoraġġixxi lill-gvern jindirizza r-rata għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ billi jsewwi n-nuqqas ta' korrispondenza bejn il-ħiliet taż-żgħażagħ gradwati u l-bżonnijiet tal-kumpaniji privati;

55.  Iħeġġeġ lill-gvern jegħleb il-qgħad fit-tul, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u r-rata baxxa ta' parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol b'mod komprensiv u innovattiv; jitlob riformi urġenti fis-settur tal-edukazzjoni biex jiżguraw li l-ħiliet miksuba jaqblu mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol u b'hekk jipprevjenu l-"eżodu ta' mħuħ"; iħeġġeġ lill-gvern jelabora strateġija għall-ħiliet diġitali u jżid il-litteriżmu diġitali fost il-popolazzjoni;

56.  Ifakkar li l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja lestiet l-aħħar ċensiment tal-popolazzjoni tagħha fl-2002; jissottolinja l-importanza li jsir ċensiment tal-popolazzjoni ġdid, li ilu żmien mistenni, bil-għan li tinkiseb statistika demografika aġġornata u realistika li taqbel mal-istandards tal-UE;

57.  Jilqa' favorevolment l-adozzjoni tal-Liġi dwar l-Enerġija l-ġdida min-naħa tal-parlament tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li tittrasponi t-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija u hija totalment kompatibbli mat-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija; jistieden lill-awtoritajiet jikkonċentraw fuq ir-riformi tas-suq enerġetiku, filwaqt li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u d-diversifikazzjoni tas-sorsi enerġetiċi, speċjalment dawk rinnovabbli;

58.  Jinkoraġġixxi lill-pajjiż jiżviluppa kompetizzjoni fis-suq tal-gass u tal-enerġija biex jissepara kompletament is-servizzi skont it-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija; jitlob titjib sostanzjali fir-rigward tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

59.  Ifaħħar lill-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja talli rratifikat il-Ftehim ta' Pariġi fid-9 ta' Jannar 2018, inkwantu l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima tista' tintrebaħ biss bis-saħħa ta' sforzi komuni;

60.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-approċċ pożittiv tal-gvern għall-kooperazzjoni reġjonali u għar-relazzjonijiet ta' bon viċinat, kif ukoll il-parteċipazzjoni attivi tiegħu fl-inizjattivi reġjonali bħall-Proċess ta' Kooperazzjoni fix-Xlokk tal-Ewropa, il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali, il-Ftehim dwar il-Kummerċ Ħieles tal-Ewropa Ċentrali (CEFTA), il-grupp tas-Sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija, il-Ftehim dwar iż-Żona ta' Avjazzjoni Komuni Ewropea, l-Inizjattiva tal-Ewropa Ċentrali, l-Inizjattiva Reġjonali għall-Migrazzjoni, l-Asil u r-Rifuġjati (MARRI) u l-Proċess ta' Brdo-Brijuni;

61.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-pajjiż favur il-proġetti ta' konnettività mwettqa fil-qafas tal-Proċess ta' Berlin; josserva l-bżonn ta' diversifikazzjoni mit-trasport stradali permezz tal-implimentazzjoni tal-miżuri tar-riforma ferrovjarja, anki permezz il-modernizzazzjoni jew il-kostruzzjoni ta' kollegamenti ferrovjarji minn Skopje lejn il-kapitali tal-pajjiżi ġirien; jitlob progress akbar fit-tlestija tal-kollegamenti ferrovjarji u stradali fil-qafas tal-Kuritur VIII u tal-Kuritur X;

62.  Jagħmel appell għal aktar aġevolazzjonijiet kummerċjali u doganali u għal diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet, inkluż bl-użu tal-potenzjal tal-kummerċ intrareġjonali; jistieden lill-Kummissjoni teżenta lill-pajjiż mill-miżuri ta' salvagwardja tal-azzar u tal-aluminju; 

63.  Jesprimi t-tħassib tiegħu bil-livelli allarmanti ta' tniġġis tal-arja fi Skopje u fil-bliet l-oħra mniġġsin ħafna, u jistieden lill-awtoritajiet statali u lokali jieħdu miżuri urġenti adegwati biex isibu tarf din is-sitwazzjoni ta' emerġenza, permezz ta' miżuri effikaċi mmirati għall-monitoraġġ u għat-titjib tal-kwalità tal-arja, anki billi jissaħħu t-trasport pubbliku u l-pjanijiet ta' mobilità effikaċi; iħeġġeġ lill-pajjiż jarmonizza b'urġenza l-leġiżlazzjoni tiegħu mal-acquis fil-qasam tal-ħarsien tal-ambjent, tan-natura u tal-klima; jitlob l-iżvilupp ta' sistemi ta' ġestjoni tal-iskart;

°

° °

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tal-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

9.10.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

9

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Klaus Buchner, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Tunne Kelam, Wajid Khan, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Michel Reimon, Sofia Sakorafa, Jean-Luc Schaffhauser, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Anders Primdahl Vistisen, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrzej Grzyb, Takis Hadjigeorgiou, Gilles Pargneaux, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Igor Šoltes, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ivan Štefanec


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

47

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Javier Nart, Jozo Radoš, Ivo Vajgl

ECR

Amjad Bashir, Charles Tannock, Anders Primdahl Vistisen

EFDD

Fabio Massimo Castaldo

PPE

Michèle Alliot-Marie, Lorenzo Cesa, Arnaud Danjean, Andrzej Grzyb, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, David McAllister, Ramona Nicole Mănescu, Francisco José Millán Mon, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ivan Štefanec, Dubravka Šuica, László Tőkés, Željana Zovko

S&D

Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Andi Cristea, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Wajid Khan, Arne Lietz, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Gilles Pargneaux, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Boris Zala

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Michel Reimon, Jordi Solé, Igor Šoltes, Bodil Valero

9

-

ENF

Mario Borghezio, Jean-Luc Schaffhauser

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Takis Hadjigeorgiou, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa

NI

Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz

PPE

Manolis Kefalogiannis

1

0

GUE/NGL

Marie-Christine Vergiat

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Novembru 2018Avviż legali