Proċedura : 2017/0245(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0356/2018

Testi mressqa :

A8-0356/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/11/2018 - 8.7
CRE 29/11/2018 - 8.7
PV 04/04/2019 - 6.24
CRE 04/04/2019 - 6.24

Testi adottati :

P8_TA(2018)0472
P8_TA(2019)0356

RAPPORT     ***I
PDF 896kWORD 96k
29.10.2018
PE 618.307v01-00 A8-0356/2018

dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 f'dak li jikkonċerna r-regoli applikabbli għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontroll fil-fruntieri li jseħħ fil-fruntieri interni

(COM(2017)0571 – C8-0326/2017 – 2017/0245(COD))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Tanja Fajon

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 f'dak li jikkonċerna r-regoli applikabbli għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontroll fil-fruntieri li jseħħ fil-fruntieri interni

(COM(2017)0571 – C8-0326/2017 – 2017/0245(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2017)0571),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 77(2)(e) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0326/2017),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-kontribuzzjonijiet sottomessi mill-Kamra tad-Deputati Ċeka, mis-Senat Ċek, mill-Parlament Grieg, mill-Parlament Spanjol, u mill-Parlament Portugiż dwar l-abbozz ta' att leġiżlattiv,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0356/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sostanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sostanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

Proposta għal Regolament

Premessa -1 (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-1)  Il-ħolqien ta' żona li fiha huwa żgurat il-moviment liberu tal-persuni bejn il-fruntieri interni huwa waħda mill-kisbiet ewlenin tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-funzjonament normali u t-tisħiħ ta' żona bħal din, li hija bbażata fuq il-fiduċja u s-solidarjetà, ikunu objettiv komuni tal-Unjoni u tal-Istati Membri li jkunu qablu li jieħdu sehem fiha. Fl-istess waqt, hemm bżonn li jkollna risposta komuni għas-sitwazzjonijiet li jaffettwaw b'mod serju l-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna ta' dik iż-żona, jew ta' partijiet minnha, billi tkun permessa r-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri mal-fruntieri interni f'ċirkostanzi eċċezzjonali u bħala l-aħħar għażla, filwaqt li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati.

Emenda    2

Proposta għal Regolament

Premessa 1

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(1)  F'żona fejn il-persuni jistgħu jiċċirkolaw b'mod liberu, id-dħul mill-ġdid tal-kontrolli fuq il-fruntiera mal-fruntieri interni jenħtieġ li jibqa' l-eċċezzjoni. Ir-riintroduzzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni jenħtieġ li tkun deċiża biss bħala l-aħħar miżura, għal perjodu limitat ta' żmien u sal-punt li l-kontrolli huma meħtieġa u proporzjonati mat-theddidiet serji identifikati għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna.

(1)  F'żona fejn il-persuni jistgħu jiċċirkolaw b'mod liberu, ir-riintroduzzjoni tal-kontroll fil-fruntieri li jseħħ fil-fruntieri interni jenħtieġ li jibqa' l-eċċezzjoni. Peress li l-moviment liberu tal-persuni huwa affettwat mir-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni, jenħtieġ li din tiġi riintrodotta biss bħala l-aħħar miżura, għal perjodu limitat ta' żmien u sal-punt li l-kontrolli huma meħtieġa u proporzjonati mat-theddidiet serji identifikati għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna. Jenħtieġ li kwalunkwe miżura bħal din tiġi rtirata hekk kif ir-raġunijiet sottostanti għaliha ma jibqgħux preżenti.

Emenda    3

Proposta għal Regolament

Premessa 1a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(1a)  Il-migrazzjoni u l-qsim tal-fruntieri esterni minn għadd kbir ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi jenħtieġ li, bħala tali, ma jitqiesx bħala theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna.

Emenda    4

Proposta għal Regolament

Premessa 2

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(2)  It-theddidiet serji identifikati jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' miżuri differenti, skont in-natura u l-iskala tagħhom. L-Istati Membri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom ukoll is-setgħat tal-pulizija, kif imsemmi fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)8, li, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jistgħu jintużaw f'żoni tal-fruntiera. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar verifiki proporzjonati mill-pulizija u kooperazzjoni tal-pulizija fiż-żona Schengen9 tipprovdi linji gwida lill-Istati Membri għal dan l-għan.

(2)  It-theddidiet serji identifikati jistgħu jiġu indirizzati permezz ta' miżuri differenti skont in-natura u l-iskala tagħhom. Filwaqt li għadu ċar li s-setgħat tal-pulizija huma jvarjaw kemm fit-tip kif ukoll fl-għan tagħhom meta mqabbla mal-kontroll fil-fruntieri, l-Istati Membri għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom dawk is-setgħat tal-pulizija, kif imsemmi fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen)8, li, suġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jistgħu jintużaw f'żoni tal-fruntiera. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar verifiki proporzjonati mill-pulizija u kooperazzjoni tal-pulizija fiż-żona Schengen9 tipprovdi linji gwida lill-Istati Membri għal dan l-għan.

__________________

__________________

8 ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1.

8 ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1.

9 C(2017) 3349 final, 12.05.2017.

9 C(2017) 3349 final, 12.05.2017.

Emenda    5

Proposta għal Regolament

Premessa 2a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(2a)  Qabel jirrikorru għar-riintroduzzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri li jseħħu fil-fruntieri interni, jenħtieġ li l-Istati Membri jagħtu preċedenza lil miżuri alternattivi. B'mod partikolari, jenħtieġ li l-Istat Membru kkonċernat, fejn ikun meħtieġ u ġustifikat, jikkunsidra li juża b'mod aktar effettiv jew jintensifika l-verifiki tal-pulizija fit-territorju tiegħu, inkluż fiż-żoni tal-fruntieri u r-rotot tat-trasport ewlenin abbażi ta' valutazzjoni tar-riskju, filwaqt li jiżgura li dawk il-verifiki tal-pulizija ma jkollhomx il-kontroll fil-fruntieri bħala objettiv. It-teknoloġiji moderni huma strumentali fl-indirizzar ta' theddid għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna. Jenħtieġ li l-Istati Membri jivvalutaw jekk is-sitwazzjoni tistax tiġi indirizzata b'mod adegwat permezz ta' aktar kooperazzjoni transfruntiera, kemm mill-aspett operattiv kif ukoll minn dak tal-iskambju ta' informazzjoni bejn is-servizzi tal-pulizija u s-servizzi tal-intelligence.

Emenda    6

Proposta għal Regolament

Premessa 4

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(4)  Madankollu, l-esperjenza wriet li ċertu theddid serju għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna, bħal theddidiet terroristiċi transfruntier jew każijiet speċifiċi ta' movimenti sekondarji ta' migranti irregolari fl-Unjoni li jiġġustifikaw r-riintroduzzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri, jistgħu jippersistu sew aktar mill-perjodi msemmija hawn fuq. Għalhekk huwa meħtieġ u ġġustifikat li l-limiti ta' żmien applikabbli għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri jkun aġġustati għall-ħtiġijiet attwali, filwaqt li jiġi żgurat li din il-miżura ma tiġix abbużata u tibqa' eċċezzjoni, li għandha tintuża biss meta ma jkun baqa' xejn aktar xi jsir. Għal dan l-għan, l-iskadenza ġenerali applikabbli skont l-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jenħtieġ li tkun estiża għal sena.

(4)  Madankollu, l-esperjenza wriet li rarament ikun hemm il-ħtieġa li jiġu riintrodotti kontroll fil-fruntieri li jseħħu fil-fruntieri interni għal perjodi ta' aktar minn xahrejn. Huwa biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali li ċertu theddid serju għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna jaf jippersisti lil hinn mill-perjodi massimi ta' sitt xhur li bħalissa huma awtorizzati għar-riintroduzzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri li jseħħu fil-fruntieri interni. Għalhekk huwa neċessarju li l-limiti ta' żmien applikabbli għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontroll fil-fruntieri jiġu aġġustati, filwaqt li jiġi żgurat li din il-miżura ma tiġix abbużata u tibqa' eċċezzjoni, li tkun mistennija tintuża biss meta ma jkun baqa' xejn aktar xi jsir.

Emenda    7

Proposta għal Regolament

Premessa 4a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(4a)  Kull deroga mill-prinċipju fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni jenħtieġ li tiġi interpretata b'mod strett u l-kunċett tal-ordni pubbliku jippresupponi l-eżistenza ta' theddida ġenwina, preżenti u serja biżżejjed li taffettwa wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà.

Emenda    8

Proposta għal Regolament

Premessa 5

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(5)  Sabiex jiġi garantit li dawn il-kontrolli fuq il-fruntieri interni jibqgħu l-eċċezzjoni, l-Istati Membri għandhom jissottomettu valutazzjoni tar-riskju dwar ir-riintroduzzjoni maħsuba tal-kontrolli fuq il-fruntieri jew dwar l-estensjoni tagħha. Il-valutazzjoni tar-riskju jinħtieġ li, b'mod partikolari, tivvaluta, kemm hija mistennija li tippersisti t-theddida identifikata u liema sezzjonijiet tal-fruntieri interni huma affettwati, turi li l-estensjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri hija miżura tal-aħħar istanza u tispjega kif il-kontroll fuq il-fruntieri se jgħinu fl-indirizzar tat-theddid identifikat. F'każ ta' kontroll fuq il-fruntieri interni li jaqbżu s-sitt xhur, l-istima tar-riskju jenħtieġ li turi wkoll b'mod retrospettiv l-effiċjenza tal-kontroll fuq il-fruntieri riintrodotti fl-indirizzar tat-theddid identifikat u tispjega fid-dettall kif kull Stat Membru ġar affettwat minn tali estensjoni ġie kkonsultat u involut biex ikunu determinati l-eħfef arranġamenti operazzjonali.

(5)  Sabiex jiġi garantit li dawn il-kontrolli fil-fruntieri interni jkunu l-aħħar miżura u jibqgħu l-eċċezzjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri jippreżentaw valutazzjoni tar-riskju dwar l-estensjoni maħsuba tal-kontrolli fil-fruntieri lil hinn minn xahrejn. Il-valutazzjoni tar-riskju jenħtieġ li, b'mod partikolari, tivvaluta kemm hija mistennija li tippersisti t-theddida identifikata u liema sezzjonijiet tal-fruntieri interni huma affettwati, turi li l-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri hija miżura tal-aħħar istanza, b'mod partikolari billi turi li kwalunkwe miżuri alternattivi oħra wrew li mhumiex biżżejjed jew fil-verità dan huwa minnu, u tispjega kif il-kontroll fil-fruntieri ser jgħinu fl-indirizzar tat-theddid identifikat. Il-valutazzjoni tar-riskju jenħtieġ li turi wkoll b'mod retrospettiv l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kontroll fil-fruntieri riintrodotti fl-indirizzar tat-theddid identifikat u tispjega fid-dettall kif kull Stat Membru ġar affettwat minn tali estensjoni ġie kkonsultat u involut biex ikunu determinati l-eħfef arranġamenti operazzjonali. Jenħtieġ li l-Istati Membri jżommu l-possibbiltà li jikklassifikaw, fejn meħtieġ, l-informazzjoni kollha pprovduta jew partijiet minnha.

Emenda    9

Proposta għal Regolament

Premessa 5a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(5a)  Meta r-riintroduzzjoni tal-kontroll fil-fruntieri interni tkun marbuta ma' avvenimenti speċifiċi previsti ta' natura u żmien ta' eċċezzjoni, bħal attivitajiet sportivi, it-tul tagħha jenħtieġ li jkun preċiż ħafna, limitat u marbut mat-tul attwali tal-avveniment.

Emenda    10

Proposta għal Regolament

Premessa 6

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(6)  Il-kwalità tal-valutazzjoni tar-riskju ppreżentata mill-Istati Membri se tkun importanti ħafna għall-valutazzjoni tal-ħtieġa u l-proporzjonalità tar-riintroduzzjoni jew l-estensjoni maħsuba tal-kontrolli fuq il-fruntiera. L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u Europol jenħtieġ li jkunu involuti f'din il-valutazzjoni.

(6)  Il-kwalità tal-valutazzjoni tar-riskju ppreżentata mill-Istati Membri se tkun importanti ħafna għall-valutazzjoni tal-ħtieġa u l-proporzjonalità tar-riintroduzzjoni jew l-estensjoni maħsuba tal-kontroll fil-fruntiera. Jenħtieġ li l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, Europol, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil, l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali jkunu involuti f'din il-valutazzjoni.

Emenda    11

Proposta għal Regolament

Premessa 7

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(7)  Is-setgħa tal-Kummissjoni li toħroġ opinjoni skont l-Artikolu 27(4) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jenħtieġ li tkun modifikata biex tirrifletti obbligi ġodda fuq l-Istati Membri relatati mal-valutazzjoni tar-riskju, inkluża l-kooperazzjoni mal-Istati Membri kkonċernati. Meta kontrolli fuq il-fruntiera mal-fruntieri interni jitwettqu għal aktar minn sitt xhur, il-Kummissjoni jenħtieġ li tkun obbligata li toħroġ opinjoni. Barra minn hekk il-proċedura ta' konsultazzjoni kif prevista fl-Artikolu 27(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jenħtieġ li tkun modifikata sabiex tirrifletti r-rwol tal-Aġenziji (l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u Europol) u biex tiffoka fuq l-implimentazzjoni prattika ta' diversi aspetti ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, inkluż il-koordinazzjoni, fejn xieraq, ta' miżuri differenti fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera.

(7)  Il-proċedura ta' konsultazzjoni kif prevista fl-Artikolu 27(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen jenħtieġ li tkun modifikata sabiex tirrifletti r-rwol tal-Aġenziji tal-Unjoni u biex tiffoka fuq l-implimentazzjoni prattika ta' diversi aspetti ta' kooperazzjoni bejn l-Istati Membri.

Emenda    12

Proposta għal Regolament

Premessa 8

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(8)  Sabiex tagħmel ir-regoli riveduti adattati aħjar għall-isfidi relatati persistenti ta' theddid serju għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna, jeħtieġ li tkun prevista l-possibilità li l-kontrolli fuq il-fruntieri interni jkunu mtawla għal aktar minn sena. Estensjoni bħal din għandha takkumpanja miżuri nazzjonali eċċezzjonali proporzjonati meħuda wkoll fit-territorju sabiex tiġi indirizzata t-theddida, bħal pereżempju stat ta' emerġenza. Fi kwalunkwe każ, possibbiltà bħal din ma jenħtieġx li twassal għal titwil ulterjuri tal-kontrolli temporanji fuq il-fruntieri interni għal aktar minn sentejn.

(8)  Sabiex tagħmel ir-regoli riveduti adattati aħjar għall-isfidi relatati persistenti ta' theddid serju għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna, jeħtieġ li tkun prevista l-possibilità li l-kontroll fil-fruntieri interni jkunu mtawla għal aktar minn sitt xhur fuq bażi eċċezzjonali. Estensjoni bħal din għandha takkumpanja miżuri nazzjonali eċċezzjonali proporzjonati meħuda wkoll fit-territorju sabiex tiġi indirizzata t-theddida, bħal pereżempju stat ta' emerġenza. Fi kwalunkwe każ, possibbiltà bħal din ma jenħtieġx li twassal għal titwil ulterjuri tal-kontrolli temporanji fil-fruntieri interni għal aktar minn sena.

Emenda    13

Proposta għal Regolament

Premessa 8a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(8a)  In-neċessità u l-proporzjonalità tar-riintroduzzjoni ta' kontroll fil-fruntieri interni għandhom jiġu bbilanċjati kontra t-theddida għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna li tagħti lok għall-ħtieġa ta' tali riintroduzzjoni, kif ukoll għandu jsir għal miżuri alternattivi li jistgħu jittieħdu f'livell nazzjonali jew fil-livell tal-Unjoni, jew fit-tnejn, u l-impatt ta' tali kontroll fuq il-moviment liberu ta' persuni fiż-żona mingħajr kontroll fil-fruntieri interni.

Emenda    14

Proposta għal Regolament

Premessa 9

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(9)  Ir-referenza għall-Artikolu 29 fl-Artikolu 25(4) għandha tiġi emendata bil-ħsieb li tiċċara r-relazzjoni bejn il-perjodi ta' żmien applikabbli skont l-Artikolu 29 u l-Artikolu 25 tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

imħassar

Emenda    15

Proposta għal Regolament

Premessa 10

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(10)  Il-possibbiltà li jitwettqu kontrolli fuq il-fruntieri interni b'reazzjoni għal theddida speċifika għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna li tippersisti wara sena għandhom ikunu suġġetti għal proċedura speċifika.

(10)  Il-possibbiltà li jitwettqu kontrolli fil-fruntieri interni b'reazzjoni għal theddida speċifika għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna li tippersisti wara sitt xhur għandhom ikunu soġġetti għal proċedura speċifika li tirrikjedi rakkomandazzjoni tal-Kunsill.

Emenda    16

Proposta għal Regolament

Premessa 11

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(11)  Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni dwar in-neċessità u l-proporzjonalità ta' tali estensjoni u, fejn xieraq, dwar il-kooperazzjoni ma' Stati Membri ġirien.

(11)  Għal dan l-għan, jenħtieġ li l-Kummissjoni toħroġ opinjoni dwar in-neċessità u l-proporzjonalità ta' tali estensjoni. Jenħtieġ li l-Parlament Ewropew jiġi informat minnufih dwar l-estensjoni proposta. Jenħtieġ li l-Istati Membri affettwati jkollhom il-possibbiltà li jagħmlu osservazzjonijiet lill-Kummissjoni qabel din toħroġ l-opinjoni tagħha.

Emenda    17

Proposta għal Regolament

Premessa 13

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(13)  Il-Kunsill, waqt li jikkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni, jista' jirrakkomanda estensjoni oħra straordinarji bħal dawn u, fejn ikun xieraq, jiddetermina l-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, bl-għan li jiġi żgurat li din hija miżura eċċezzjonali, fis-seħħ biss sakemm ikun meħtieġ u ġustifikat, u konsistenti mal-miżuri meħuda wkoll fuq livell nazzjonali fit-territorju biex jindirizza l-istess theddida speċifika għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għandha tkun prerekwiżit għal kwalunkwe estensjoni ulterjuri lil hinn mill-perjodu ta' sena u għaldaqstant trid tkun tal-istess natura bħal dik diġà prevista fl-Artikolu 29.

(13)  Il-Kunsill, waqt li jikkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni, jista' jirrakkomanda estensjoni oħra straordinarji bħal dawn u, fejn ikun xieraq, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, bl-għan li jiġi żgurat li din hija miżura eċċezzjonali, fis-seħħ biss sakemm ikun meħtieġ u ġustifikat, u konsistenti mal-miżuri meħuda wkoll fuq livell nazzjonali fit-territorju biex jindirizza l-istess theddida speċifika għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill għandha tkun prerekwiżit għal kwalunkwe estensjoni ulterjuri lil hinn mill-perjodu ta' sitt xhur. Jenħtieġ li r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tintbagħat minnufih lill-Parlament Ewropew.

Emenda    18

Proposta għal Regolament

Premessa 13a (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(13a)  Il-miżuri meħuda skont il-proċedura speċifika fejn ċirkostanzi eċċezzjonali jqiegħdu f'riskju l-funzjonament ġenerali taż-żona mingħajr kontroll fil-fruntieri interni jenħtieġ li ma jiġux estiżi permezz jew ikkombinati ma' miżuri meħuda taħt proċedura oħra għar-riintroduzzjoni jew għall-estensjoni tal-kontroll fil-fruntieri interni kif previst fir-Regolament (UE) 2016/399.

Emenda    19

Proposta għal Regolament

Premessa 13b (ġdida)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(13b)  Meta tqis li Stat Membru jkun naqas milli jissodisfa l-obbligi tiegħu skont it-Trattati, jenħtieġ li l-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati li jissorvelja l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, tieħu miżuri adegwati f'konformità mal-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea inkluż billi tressaq il-kwistjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Emenda    20

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 25 – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.  Fejn, f'żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni jkun hemm theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fi Stat Membru, dak l-Istat Membru jista' eċċezzjonalment jerġa' jintroduċi l-kontrolli fuq il-fruntieri fil-partijiet kollha tal-fruntieri interni tiegħu jew f'partijiet speċifiċi tagħhom għal perjodu limitat ta' mhux aktar minn 30 jum jew għall-perijodu prevedibbli tat-theddida serja jekk il-perijodu jaqbeż it-30 jum, iżda ma jaqbiżx is-sitt xhur. L-iskop u t-tul ta' żmien tar-riintroduzzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni m'għandux jaqbeż dak li hu strettament neċessarju b'risposta għat-theddida serja.

1.  Fejn, f'żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni jkun hemm theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fi Stat Membru, dak l-Istat Membru jista' eċċezzjonalment jirriintroduċi l-kontroll fil-fruntieri fil-partijiet kollha tal-fruntieri interni tiegħu jew f'partijiet speċifiċi tagħhom għal perjodu limitat bħala l-aħħar miżura. L-iskop u t-tul ta' żmien tar-riintroduzzjoni tal-kontroll fil-fruntieri interni m'għandux jaqbeż dak li huwa strettament neċessarju b'risposta għat-theddida serja.

Emenda    21

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 25 – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.  Il-kontrolli fuq il-fruntieri interni għandhom jiġu introdotti mill-ġdid biss bħala l-aħħar soluzzjoni, u f'konformità mal-Artikoli 27, 27a, 28 u 29. Il-kriterji msemmija, rispettivament, fl-Artikoli 26 u 30, għandhom jiġu kkunsidrati f'kull każ fejn tiġi kkunsidrata deċiżjoni dwar r-riintroduzzjoni tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni skont l-Artikolu 27, 27a, 28 jew 29 rispettivament.

imħassar

Emenda    22

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 25 – paragrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3.  Jekk it-theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fl-Istat Membru konċernat tippersisti lil hinn mill-perjodu previst fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu, dak l-Istat Membru jista' jestendi l-kontrolli fuq il-fruntiera mal-fruntieri interni tiegħu, filwaqt li jikkunsidra l-kriterji msemmija fl-Artikolu 26 u f'konformità mal-Artikolu 27, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u, filwaqt li jikkunsidra kull element ġdid, għal perjodi li jistgħu jiġġeddu li jikkorrispondi għad-durata prevedibbli tat-theddida serja u mhux għal aktar minn sitt xhur.

imħassar

Emenda    23

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 25 – paragrafu 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Il-perjodu totali li matulu jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni, inkluż kwalunkwe estensjoni skont il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, m'għandux jaqbeż is-sena.

imħassar

Fejn hemm ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 27a, dak il-perjodu totali jista' jiġi estiż għal żmien massimu ta' sentejn b'konformità ma' dak l-Artikolu.

 

Fejn hemm ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 29, il-perjodu totali jista' jiġi estiż bi żmien massimu ta' sentejn b'konformità mal-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu.

 

Emenda    24

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 1a (ġdid)

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 26

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

(1 a)  L-Artikolu 26 jinbidel b'dan li ġej:

Artikolu 26

"Artikolu 26

Kriterji għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni

Kriterji għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri li jseħħu fil-fruntieri interni

Fejn Stat Membru jiddeċiedi, bħala l-aħħar soluzzjoni, li jintroduċi mill-ġdid b'mod temporanju kontrolli ta' xi waħda jew aktar mill-fruntieri interni tiegħu jew ta' xi partijiet minnhom jew jiddeċiedi li jestendi tali introduzzjoni mill-ġdid, taħt l-Artikolu 25 jew l-Artikolu 28(1), huwa għandu jivvaluta sa fejn miżura x'aktarx li tirrimedja b'mod adegwat it-theddida għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna, u għandu jevalwa l-proporzjonalità tal-miżura mqabbla ma' dik it-theddida. Meta jagħmel dawn il-valutazzjonijiet, l-Istat Membru għandu b'mod partikolari jqis dawn li ġejjin:

Qabel ma Stat Membru jiddeċiedi, bħala miżura tal-aħħar istanza, li jirriintroduċi b'mod temporanju kontroll fil-fruntiera ma' xi waħda jew aktar mill-fruntieri interni tiegħu jew ma' xi partijiet minnhom, jew jiddeċiedi li jestendi tali riintroduzzjoni temporanju, huwa għandu jivvaluta:

 

(a) jekk ir-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri tistax titqies li x'aktarx li tirrimedja b'mod suffiċjenti t-theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna;

 

(b) jekk miżuri għajr ir-riintroduzzjoni temporanja tal-kontroll fil-fruntieri mal-fruntieri interni, bħal aktar kooperazzjoni transfruntiera bejn il-pulizija jew intensifikazzjoni tal-kontrolli tal-pulizija, humiex probabbli li jirrimedjaw b'mod suffiċjenti t-theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna;

 

(c) il-proporzjonalità tar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri li jseħħu fil-fruntieri interni meta mqabbla mat-theddida għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna, b'mod partikolari billi jqis:

(a) l-impatt probabbli ta' kwalunkwe theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fl-Istat Membru konċernat, inkluż wara inċidenti jew theddidiet terroristiċi kif ukoll dawk maħluqa mill-kriminalità organizzata;

(i) l-impatt probabbli ta' kwalunkwe theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fl-Istat Membru konċernat, inkluż wara inċidenti jew theddidiet terroristiċi kif ukoll dawk maħluqa mill-kriminalità organizzata; kif ukoll

(b) l-impatt probabbli ta' tali miżura fuq moviment liberu ta' persuni fi ħdan iż-żona mingħajr kontrolli fuq il-fruntieri interni.

(ii) l-impatt probabbli tar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri li jseħħu fil-fruntieri interni rigward il-moviment liberu tal-persuni fi ħdan iż-żona mingħajr kontroll fil-fruntieri interni.

 

Meta Stat Membru jivvaluta, taħt il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, li r-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni x'aktarx li ma tkunx ta' rimedju suffiċjenti għat-theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, huwa ma għandux jirriintroduċi kontrolli fil-fruntieri interni.

 

Meta Stat Membru jivvaluta, taħt il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, li miżuri għajr ir-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni x'aktarx li tkun ta' rimedju suffiċjenti għat-theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, huwa ma għandux jirriintroduċi jew jestendi l-kontrolli fil-fruntieri interni u għandu jieħu l-miżuri l-oħra.

 

Meta Stat Membru jivvaluta, taħt il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, li r-riintroduzzjoni proposta tal-kontrolli fil-fruntieri interni mhijiex proporzjonali għat-theddida, dan ma għandux jirriintroduċi jew jestendi l-kontrolli fil-fruntieri interni.";

Emenda    25

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt -i (ġdid)

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27 – titolu

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

(-i)  It-titolu jinbidel b'dan li ġej:

Proċedura għall-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri interni skont l-Artikolu 25

"Proċedura għar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontroll fil-fruntieri interni f'każ ta' theddid prevedibbli serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna";

Ġustifikazzjoni

It-Titolu tal-Artikolu 27 għandu jiġi allinjat mal-kontenut tal-artikolu. Dan ħalli ma ssirx konfużjoni bejn il-miżuri adottati taħt l-Artikolu 28 (miżuri li jeħtieġu azzjoni immedjata) u dawk taħt l-Artikolu 29 (ċirkostanzi eċċezzjonali li jqiegħdu f'riskju l-funzjonament ġenerali taż-żona mingħajr fruntieri interni).

Emenda    26

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt -ia (ġdid)

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27 – paragrafu -1 (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(-ia)  Fl-Artikolu 27, jiddaħħal il-paragrafu ġdid li ġej qabel il-paragrafu 1:

 

"-1.  Meta, fiż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri, ikun hemm theddida serja għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà interna fi Stat Membru, dak l-Istat Membru jista', bħala miżura tal-aħħar istanza u f'konformità mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 26, jirriintroduċi l-kontrolli fil-fruntieri li jseħħu fil-fruntieri interni kollha tiegħu jew f'partijiet speċifiċi minnhom għal perijodu limitat ta' mhux aktar minn 30 jum jew, jekk it-theddida serja tippersisti għal aktar minn 30 jum, għad-durata prevedibbli tat-theddida serja iżda, fi kwalunkwe każ, għal mhux aktar minn xahrejn.";

Emenda    27

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt -ib (ġdid)

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27 – paragrafu 1 – parti introduttorja

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

(-ib)  Fil-paragrafu 1, il-parti introduttorja tinbidel b'dan li ġej:

1.   Fejn Stat Membru jippjana l-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fuq il-fruntieri interni taħt l-Artikolu 25, huwa għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn erba' ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata, jew fi żmien perijodu iqsar fejn iċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-bżonn tal-introduzzjoni mill-ġdid ta' kontrolli fuq il-fruntieri interni jsiru magħrufa f'inqas minn erba' ġimgħat qabel l-introduzzjoni mill-ġdid ippjanata. Għal dak l-għan, l-Istat Membru għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja:

"1.  Għall-finijiet tal-paragrafu -1, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mhux aktar tard minn erba' ġimgħat qabel ir-riintroduzzjoni ippjanata, jew fi żmien perijodu iqsar fejn iċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-bżonn tar-riintroduzzjoni ta' kontroll fil-fruntieri li jseħħ fil-fruntieri interni jsiru magħrufa f'inqas minn erba' ġimgħat qabel tar-riintroduzzjoni ippjanata. Għal dak l-għan, l-Istat Membru għandu jipprovdi l-informazzjoni li ġejja:";

Emenda    28

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt i

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27 – paragrafu 1 – punt aa

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(i)  Fil-paragrafu 1, il-punt il-ġdid (aa) ġie miżjud kif ġej:

imħassar

(aa)  valutazzjoni tar-riskju li tivvaluta kemm hija mistennija li tippersisti t-theddida identifikata u liema sezzjonijiet tal-fruntieri interni huma affettwati, li turi li l-estensjoni tal-kontroll fuq il-fruntieri hija miżura tal-aħħar istanza u li tispjega kif il-kontroll fuq il-fruntieri se jgħinu fl-indirizzar tat-theddid identifikat. Meta l-kontroll fuq il-fruntieri diġà ġie riintrodott għal aktar minn sitt xhur, il-valutazzjoni tar-riskju għandha tispjega wkoll kif r-riintroduzzjoni ta' kontrolli preċedenti kkontribwixxiet għal rimedju kontra t-theddida identifikata.

 

Il-valutazzjoni tar-riskju għandha tinkludi wkoll rapport dettaljat tal-koordinazzjoni li saret bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Istat Membru jew l-Istati Membri li jaqsam il-fruntieri magħhom fejn sar il-kontroll tal-fruntieri.

 

Il-Kummissjoni għandha tikkondividi l-valutazzjoni tar-riskju mal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta u ma' Europol, kif xieraq.

 

Emenda    29

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt ia (ġdid)

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27 – paragrafu 1 – punt ab (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(ia)  Fil-paragrafu 1, jiddaħħal il-punt (ab) li ġej:

 

"(ab)  kwalunkwe miżura oħra, għajr ir-riintroduzzjoni proposta, meħuda jew prevista mill-Istat Membru biex jindirizza t-theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna kif ukoll ir-raġuni bbażata fuq l-evidenza għalfejn miżuri alternattivi, bħal aktar kooperazzjoni transfruntiera tal-pulizija u verifiki tal-pulizija, tqiesu bħala insuffiċjenti;"

Emenda    30

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt ii

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27 – paragrafu 1 – punt e

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

(e) fejn xieraq, il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri l-oħra kif miftiehem qabel ir-riintroduzzjoni temporanja ta' kontroll fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni kkonċernati.

(e) fejn xieraq, il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri l-oħra kif miftiehem qabel ir-riintroduzzjoni temporanja ta' kontroll fil-fruntieri li jseħħu fil-fruntieri interni rilevanti."

Emenda    31

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt iii

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27 – paragrafu 1 –l-aħħar sentenza

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Fejn ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tista' titlob tagħrif addizzjonali mill-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i), inkluż dwar kooperazzjoni mal-Istati Membri affettwati wkoll mill-estensjoni ppjanata tal-kontrolli fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni kif ukoll informazzjoni addizzjonali meħtieġa sabiex tivvaluta jekk din hiex miżura tal-aħħar istanza.

Jekk ikun meħtieġ, il-Kummissjoni tista' titlob tagħrif addizzjonali mill-Istat(i) Membru/i kkonċernat(i), inkluż dwar kooperazzjoni mal-Istati Membri affettwati mir-riintroduzzjoni jew mill-estensjoni ppjanati tal-kontrolli fil-fruntieri li jseħħu fil-fruntieri interni kif ukoll informazzjoni oħra meħtieġa sabiex tivvaluta jekk din hiex miżura tal-aħħar istanza.

Emenda    32

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt iiia (ġdid)

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27 – paragrafu 1a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(iii a)  jiddaħħal il-paragrafu 1a li ġej:

 

"1a.  Jekk it-theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fl-Istat Membru konċernat tippersisti għal aktar minn xahrejn, dak l-Istat Membru jista' jestendi l-kontroll fil-fruntieri li jseħħu fil-fruntieri interni tiegħu, filwaqt li jqis il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 26, għall-istess raġunijiet bħal dawk imsemmija fil-paragrafu -1 ta' dan l-Artikolu u, filwaqt li jqis kwalunkwe element ġdid, għal perijodu li għandu jikkorrispondi għad-durata prevedibbli tat-theddida serja u li, fi kwalunkwe każ, ma għandux ikun itwal minn erba' xhur. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien il-perijodu ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 1."

Emenda    33

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt iiib (ġdid)

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27 – paragrafu 1b (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(iii b)  Jiddaħħal il-paragrafu 1b li ġej:

 

"1b.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1a, minbarra l-informazzjoni pprovduta skont il-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi valutazzjoni tar-riskju li għandha:

 

(i)  tivvaluta kemm theddida identifikata hija mistennija li tippersisti u liema sezzjoni tal-fruntieri interni tiegħu hija affettwata;

 

(ii)  tiddeskrivi fil-qosor l-azzjonijiet jew il-miżuri alternattivi li ġew introdotti qabel biex jindirizzaw it-theddida identifikata;

 

(iii)  tispjega għaliex l-azzjonijiet jew il-miżuri alternattivi msemmija fil-punt (ii) ma kinux ta' rimedju suffiċjenti għat-theddida identifikata;

 

(iv)  turi li l-estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri hija għażla tal-aħħar istanza; kif ukoll

 

(v)  tispjega kif il-kontroll fil-fruntiera ser jgħin b'mod aħjar biex tiġi indirizzata t-theddida identifikata.

 

Il-valutazzjoni tar-riskju msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi wkoll rapport dettaljat tal-kooperazzjoni li tkun saret bejn l-Istat Membru kkonċernat u l-Istat Membru jew l-Istati Membri li huma direttament affettwati mir-riintroduzzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri, inklużi dawk l-Istati Membri li magħhom l-Istat Membru kkonċernat jaqsam il-fruntieri interni li fihom jitwettaq il-kontroll fil-fruntiera.

 

Il-Kummissjoni għandha tikkondividi l-valutazzjoni tar-riskju mal-Aġenzija u ma' Europol u tista' titlob, fejn xieraq, il-fehmiet tagħhom dwar dik il-valutazzjoni.

 

Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 37 li jissupplimenta dan ir-Regolament permezz tal-adozzjoni tal-metodoloġija għall-valutazzjoni tar-riskju.";

Emenda    34

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt iiic (ġdid)

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27 – paragrafu 2

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

(iii c)  Il-paragrafu 2 jinbidel b'dan li ġej:

2.  L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin li tiġi notifikata lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni skont dak il-paragrafu.

2.  L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 1b għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin li tiġi notifikata lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni skont dawk il-paragrafi.

Emenda    35

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt iiid (ġdid)

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27 – paragrafu 3

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

(iii d)  Il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej:

3. L-Istati Membri li jagħmlu notifika taħt il-paragrafu 1 jistgħu, fejn ikun meħtieġ u f'konformità mal-liġi nazzjonali, jiddeċiedu li jikklassifikaw partijiet mill-informazzjoni. Tali klassifikazzjoni m'għandhiex tipprekludi li l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni mill-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew. It-trasmissjoni u t-trattament tal-informazzjoni u dokumenti mibgħutin lill-Parlament Ewropew taħt dan l-Artikolu għandhom jikkonformaw mar-regoli rigward it-trasmissjoni u t-trattament tal-informazzjoni klassifikata li huma applikabbli bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni.

"3. L-Istati Membri li jippreżentaw notifika jistgħu jikklassifikaw, fejn ikun meħtieġ u f'konformità mad-dritt nazzjonali, l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafi 1 u 1a jew partijiet minnha. Tali klassifikazzjoni m'għandhiex tipprekludi l-aċċess għall-informazzjoni, permezz ta' mezzi adegwati u siguri għall-kooperazzjoni tal-pulizija, mill-Istati Membri l-oħra affettwati mir-riintroduzzjoni temporanja tal-kontroll fil-fruntiera li jseħħ fil-fruntieri interni u m'għandhiex tipprekludi li l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni mill-Kummissjoni għall-Parlament Ewropew. It-trasmissjoni u t-trattament tal-informazzjoni u dokumenti mibgħutin lill-Parlament Ewropew taħt dan l-Artikolu għandhom jikkonformaw mar-regoli rigward it-trasmissjoni u t-trattament tal-informazzjoni klassifikata li huma applikabbli bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni.";

Emenda    36

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt iv

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27 – paragrafu 4 – subparagrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Wara n-notifika mill-Istat Membru taħt il-paragrafu 1, u bil-għan tal-konsultazzjoni prevista fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni jew kwalunkwe Stat Membru ieħor jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 72 TFUE, joħorġu opinjoni.

Wara n-notifika mill-Istat Membru taħt il-paragrafi 1 u 1a, u bil-għan tal-konsultazzjoni prevista fil-paragrafu 5, il-Kummissjoni jew kwalunkwe Stat Membru ieħor jistgħu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 72 TFUE, joħorġu opinjoni.

Emenda    37

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt iv

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27 – paragrafu 4 – subparagrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Fejn il-Kummissjoni jkollha tħassib fir-rigward tal-ħtieġa jew proporzjonalità tar-riintroduzzjoni tal-kontroll fuq il-fruntiera mal-fruntieri interni jew fejn hija tqis li tkun xierqa konsultazzjoni dwar xi aspetti tan-notifika, hija għandha toħroġ opinjoni f'dan ir-rigward.

Fejn, abbażi tal-informazzjoni li tinsab fin-notifika jew kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li tkun irċeviet, il-Kummissjoni jkollha tħassib fir-rigward tal-ħtieġa jew proporzjonalità tar-riintroduzzjoni tal-kontroll fil-fruntiera li jseħħ fil-fruntieri interni, jew fejn hija tqis li tkun xierqa konsultazzjoni dwar xi aspett tan-notifika, hija għandha mingħajr dewmien toħroġ opinjoni f'dan ir-rigward.

Emenda    38

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt iv

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27 – paragrafu 4 – subparagrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Fejn il-kontroll fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni diġà ġiet introdotta mill-ġdid għal sitt xhur, il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni.

imħassar

Emenda    39

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 2 – punt v

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27 – paragrafu 5

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 u kwalunkwe opinjoni tal-Kummissjoni jew tal-Istat Membru msemmija fil-paragrafu 4 għandhom ikunu s-suġġett ta' konsultazzjoni mmexxija mill-Kummissjoni. Fejn xieraq, il-konsultazzjoni għandha tinkludi laqgħat konġunti, bejn l-Istat Membru li jkun qed jippjana li jerġa' jintroduċi l-kontrolli fuq il-fruntieri interni, l-Istati Membri l-oħra, speċjalment dawk affettwati direttament minn tali miżuri u l-Aġenziji rilevanti. Il-proporzjonalità tal-miżuri maħsuba, it-theddida identifikata għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna, kif ukoll modi li jiżguraw l-implementazzjoni ta' kooperazzjoni reċiproka bejn l-Istati Membri għandhom jiġu eżaminati. L-Istat Membru li jkun qed jippjana li jerġa' jintroduċi jew jestendi l-kontrolli fuq il-fruntiera mal-fruntieri interni għandu jikkunsidra bis-sħiħ ir-riżultati ta' din il-konsultazzjoni meta jwettaq il-kontrolli fuq il-fruntieri.

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 1b u kwalunkwe opinjoni tal-Kummissjoni jew tal-Istat Membru msemmija fil-paragrafu 4 għandhom ikunu soġġetti għal konsultazzjoni. Il-konsultazzjoni għandha tinkludi:

 

(i)  laqgħat konġunti, bejn l-Istat Membru li jkun qiegħed jippjana li jirriintroduċi l-kontroll fil-fruntiera li jseħħ fil-fruntieri interni, l-Istati Membri l-oħra, speċjalment dawk affettwati direttament minn tali miżuri u l-Kummissjoni, li għandhom isiru bil-ħsieb li tiġi organizzata, fejn xieraq, kooperazzjoni reċiproka bejn l-Istati Membri u bil-ħsieb ukoll li tiġi eżaminata l-proporzjonalità tal-miżuri mal-ġrajjiet li jkunu taw lok għar-riintroduzzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri, inkluż kwalunkwe miżuri alternattivi possibbli, u t-theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna;

 

(ii)  fejn xieraq, żjarat mhux imħabbra fuq il-post li jsiru mill-Kummissjoni fil-fruntieri interni rilevanti u, fejn xieraq bl-appoġġ ta' esperti mill-Istati Membri u mill-Aġenzija, Europol jew ta' korp ieħor rilevanti tal-Unjoni, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni sabiex tiġi vvalutata l-effikaċja tal-kontrolli fil-fruntieri li jseħħu fil-fruntieri interni u l-konformità ma' dan ir-Regolament; ir-rapporti ta' tali żjarat mhux imħabbra fuq il-post għandhom jintbagħtu lill-Parlament Ewropew.

Emenda    40

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27a – titolu

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Proċedura speċifika fejn it-theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna hija ta' aktar minn sena.

Proċedura speċifika fejn it-theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna hija ta' aktar minn sitt xhur.

Emenda    41

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27a – paragrafu 1

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

1.  F'każijiet eċċezzjonali, fejn l-Istat Membru qiegħed iħabbat wiċċu mal-istess theddida serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna lil hinn mill-perjodu msemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(4), u fejn miżuri nazzjonali eċċezzjonali proporzjonat qegħdin jittieħdu wkoll fit-territorju biex tiġi indirizzata din it-theddida, kontroll fuq il-fruntieri kif riintrodott temporanjament biex jirrispondi għal dik it-theddida jista' jkompli jiġi estiż f'konformità ma' dan l-Artikolu.

1.  F'ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn l-Istat Membru qiegħed iħabbat wiċċu mal-istess theddida serja għall-politika pubblika jew għas-sigurtà interna lil hinn mill-perjodu msemmi fl-Artikolu 27(1a), u fejn miżuri nazzjonali eċċezzjonali proporzjonat qegħdin jittieħdu wkoll fit-territorju biex tiġi indirizzata din it-theddida, kontroll fil-fruntieri kif riintrodott temporanjament biex jirrispondi għal dik it-theddida jista' jkompli jiġi estiż f'konformità ma' dan l-Artikolu.

Emenda    42

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27a – paragrafu 2

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

2.  Sa mhux aktar tard minn sitt ġimgħat qabel l-iskadenza tal-perjodu msemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 25(4), l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni li huwa qed jitlob estensjoni ulterjuri skont il-proċedura speċifika stabbilita f'dan l-Artikolu. In-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikolu 27(1)(a) sa (e). Fl-Artikolu 27, il-paragrafi 2 u 3 għandhom japplikaw.

2.  Sa mhux aktar tard minn tliet ġimgħat qabel l-iskadenza tal-perjodu msemmi fl-Artikolu 27(1)(a), l-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni li huwa qiegħed jitlob estensjoni ulterjuri skont il-proċedura speċifika stabbilita f'dan l-Artikolu. Din in-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa skont l-Artikolu 27(1) u (1b). L-Artikolu 27(2) u (3) huma applikabbli.

Emenda    43

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27a – paragrafu 3

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

3.  Il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni.

3.  Il-Kummissjoni għandha toħroġ opinjoni dwar jekk l-estensjoni proposta tissodisfax ir-rekwiżiti mogħtija fil-paragrafi 1 u 2 u dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tal-estensjoni proposta. L-Istati Membri affettwati jistgħu jagħmlu osservazzjonijiet lill-Kummissjoni qabel din toħroġ l-opinjoni tagħha.

Emenda    44

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 27a – paragrafu 4

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

4.  Il-Kunsill, filwaqt li jikkunsidra b'mod dovut l-opinjoni tal-Kummissjoni, jista' jirrakkomanda li l-Istat Membru jiddeċiedi li jkompli jestendi l-kontrolli fuq il-fruntieri interni għal perjodu ta' mhux aktar minn sitt xhur. Dan il-perjodu jista' jiġi estiż, mhux aktar minn tliet darbiet, b'perjodu ieħor ta' mhux aktar minn sitt xhur. Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-Kunsill għandu mill-anqas jindika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 27(1)(a) sa (e). Fejn adatt, huwa għandu jiffissa l-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati.

4.  Ladarba jkun qies l-opinjoni tal-Kummissjoni, il-Kunsill jista', bħala l-aħħar istanza, jirrakkomanda li l-Istat Membru kkonċernat ikompli jestendi l-kontroll fil-fruntiera li jseħħ fil-fruntieri interni tiegħu għal perjodu ta' mhux aktar minn sitt xhur. Fir-rakkomandazzjoni tiegħu, il-Kunsill għandu jindika l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 27(1) u (1b) u għandu jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati.

Emenda    45

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3a (ġdid)

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 28 – paragrafu 4

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

(3a)  Fl-Artikolu 28, il-paragrafu 4 jinbidel b'dan li ġej:

4. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 25(4), il-perijodu totali li matulu jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq il-fruntieri interni, abbażi tal-perijodu inizjali skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u kwalunkwe estensjoni taħt il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, m'għandux jaqbeż ix-xahrejn.

"4. Il-perijodu totali li matulu jiġu riintrodotti l-kontroll fil-fruntieri interni, abbażi tal-perijodu inizjali skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu u kwalunkwe estensjoni taħt il-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, m'għandux jaqbeż ix-xahrejn.";

Ġustifikazzjoni

Emendi konsegwenzjali minħabba l-bidliet proposti f'artikoli oħra.

Emenda    46

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3b (ġdid)

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 28a (ġdid)

 

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

 

(3 b)  Jiddaħħal artikolu ġdid, l-Artikolu 28a:

 

"Artikolu 28a

 

Il-kalkolu tat-tul tal-perijodu li matulu jiġi riintrodott jew estiż il-kontroll fil-fruntieri minħabba theddida prevista għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna, fejn it-theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna tmur lil hinn minn sitt xhur u f'każijiet li jirrikjedu azzjoni immedjata

 

Kwalunkwe riintroduzzjoni jew estensjoni tal-kontrolli fil-fruntieri li jseħħu fil-fruntieri interni li jsiru qabel ... [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament] għandhom jiġu inklużi fil-kalkolu tal-perijodi msemmija fl-Artikoli 27, 27a u 28.";

Emenda    47

Proposta għal Regolament

Artikolu 1 – paragrafu 1 – punt 3c (ġdid)

Ir-Regolament (KE) Nru 2016/399

Artikolu 29 – paragrafu 5

 

Test fis-seħħ

Emenda

 

(3 c)  Fl-Artikolu 29, il-paragrafu 5 jinbidel b'dan li ġej:

5.  Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri fil-każ ta' theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna skont l-Artikoli 25, 27 u 28.

"5.  Dan l-Artikolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-miżuri li jistgħu jiġu adottati mill-Istati Membri fil-każ ta' theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna skont l-Artikoli 27, 27a u 28. Madankollu, il-perijodu totali li matulu jiġu riintrodotti jew estiżi l-kontroll fil-fruntieri li jseħħ fil-fruntieri interni skont dan l-Artikolu ma għandux jiġi estiż bis-saħħa ta' miżuri, jew kombinazzjoni tagħhom, meħuda skont l-Artikoli 27, 27a jew 28.


NOTA SPJEGATTIVA

Iż-Żona Schengen hija waħda mill-akbar kisbiet tal-integrazzjoni Ewropea fejn mhux biss in-nies jiċċaqilqu minn post għall-ieħor b'mod ħieles, iżda wkoll il-prodotti u s-servizzi u li ġabet magħha benefiċċji sinifikanti għaċ-ċittadini Ewropej u għall-ekonomija. Iċ-ċittadini Ewropej jistgħu jivvjaġġaw faċilment madwar 26 pajjiż għad-divertiment, għax-xogħol u għall-istudju, biex jiskambjaw rabtiet kulturali u soċjali u jaqsmu bejniethom l-ideat. Biż-Żona Schengen, il-kontinent Ewropew li darba kien maqsum u mifni bil-gwerra reġa' ngħaqad.

Madankollu l-ispazju ta' moviment liberu qatt ma kien aktar fraġli milli huwa llum minħabba l-isfidi li l-Unjoni ffaċċjat f'dawn l-aħħar snin, madankollu xejn daqshekk kbir li familja ta' 28 ma tistax tiffaċċja jekk tkun magħquda. Minħabba n-nuqqas kbir ta' fiduċja reċiproka, b'dispjaċir, bosta Stati Membri rriintroduċew il-kontrolli fil-fruntieri interni f'dawn l-aħħar snin u b'hekk poġġew f'riskju l-proċess futur tal-integrazzjoni politika tal-Unjoni kif ukoll l-ekonomiji tagħna.

Is-sospensjoni taż-Żona Schengen u l-istabbiliment mill-ġdid ta' kontrolli permanenti fil-fruntieri jxekklu severament l-erba' libertajiet fundamentali u se jkollhom impatt ekonomiku negattiv gravi. L-istimi juru li l-ispejjeż tas-sospensjoni taż-Żona Schengen ikunu jirrappreżentaw – skont ir-reġjun, is-settur u kanali kummerċjali alternattivi – bejn il-EUR 5 biljun u t-EUR 18-il biljun kull sena. Dan huwa sempliċement prezz li l-ebda Stat Membru tal-UE waħdu, u l-anqas l-UE, ma jistgħu jaffordjaw. Iż-Żona Schengen trid assolutament tiġi ppreservata!

Minkejja kull tama tal-Kummissjoni li l-kontrolli temporanji fil-fruntieri li ġew riintrodotti minn Settembru 2015 'il hawn eventwalment jiġu aboliti, dawn il-kontrolli għadhom jippersistu sal-lum. Fit-tfittxija ta' soluzzjoni biex noħorġu minn sitwazzjoni impossibbli, fis-27 ta' Settembru 2017 il-Kummissjoni pproponiet li temenda l-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen fir-rigward tal-kontrolli fil-fruntieri interni. Skont ir-regoli l-ġodda l-Istati Membri jistgħu jirriintroduċu l-kontrolli fil-fruntieri interni f'każ li jkun hemm theddida serja għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna fi Stat Membru, għal perijodu li jista' jilħaq saħansitra l-ħames snin.

Peress li r-regoli kurrenti jippermettu biss li l-Istati Membri jirriintroduċu l-kontrolli fil-fruntieri interni għal perijodu massimu ta' sentejn, huwa evidenti li din il-proposta tal-Kummissjoni saret biex tillegalizza il-prattiki eżistenti tal-Istati Membri li m'għadhomx konformi mad-dispożizzjonijiet kurrenti tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen.

Għalkemm il-Koleġiżlaturi tal-UE qablu li "il-migrazzjoni u l-qsim tal-fruntieri esterni minn numru kbir ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi ma għandux, minnu nnifsu, jiġi kkunsidrat bħala theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà interna", il-kontrolli li jeżistu bħalissa fil-biċċa l-kbira tagħhom ġew iġġustifikati abbażi tar-riskju ta' moviment sekondarji wara l-movimenti transfruntiera irregolari li ilhom iseħħu mill-2015, sitwazzjoni li hija ta' tħassib kbir.

Bla dubju, jeżistu raġunijiet tajba ħafna biex wieħed isostni li l-migrazzjoni irregolari lejn l-Unjoni – u r-riperkussjonijiet fuq iż-Żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni – hija r-riżultat ta' Sistema Ewropea Komuni tal-Asil li ma rnexxilhiex tiġġestixxi lil dawk li jfittxu l-protezzjoni internazzjonali u wkoll riżultat tal-fatt li ma saritx riforma ta' dik is-sistema.

Fil-fehma tar-Rapporteur, il-prattika kurrenti fejn ċerti Stati Membri għadhom iwettqu l-kontrolli tagħhom fil-fruntieri interni tista', għalhekk, tkun sproporzjonata, mhix ġustifikata u inopportuna, u taf saħansitra tikkostitwixxi abbuż.

Ir-Rapporteur jiddispjaċiha wkoll li ma saret ebda valutazzjoni tal-impatt biex takkumpanja l-bidliet li qegħdin isiru lil din il-proposta. Bħala parti mit-tfassil aħjar tal-liġijiet, l-atti leġiżlattivi għandhom ikunu preċeduti minn valutazzjoni tal-impatt u, fid-dawl tad-diffikultajiet imġarrba fiż-żamma tar-regoli kurrenti, tali valutazzjoni kienet tintlaqa' tajjeb ferm.

Ir-Rapporteur, għaldaqstant, tirrifjuta bil-qawwa t-tentattivi tal-Kummissjoni li tillegalizza l-prattika kurrenti illegali tal-Istati Membri f'dak li jikkonċerna l-kontrolli fil-fruntieri interni. L-objettiv ewlieni ta' kwalunkwe bidla fil-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen f'dak li jikkonċerna r-regoli dwar ir-riintroduzzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni, għandu jkun li l-qafas legali jsir aktar ċar. Il-bidliet għandhom jiżguraw li l-użu tal-kontrolli fil-fruntieri interni jirrispondi għal ħtiġijiet reali, ikunu proporzjonati u limitati fiż-żmien, filwaqt li jiggarantixxu lill-Istati Membri l-flessibilità li jeħtieġu biex jiffaċċjaw theddidiet ġenwini. Ir-regoli l-ġodda ma għandhomx jipprovdu inċentivi għall-introduzzjoni ta' kontrolli fil-fruntieri interni mingħajr ħtieġa ċara u oġġettiva, u lanqas għal perijodi itwal milli meħtieġ.

Ir-Rapporteur tixtieq tiċċara u tissemplifika r-regoli applikabbli sabiex tiġi żgurata trasparenza mtejba u l-użu ħażin li jaf isir ta' tali regoli jsir aktar evidenti. F'dan ir-rigward, regoli ċari ħafna għandhom jippermettu aħjar lill-Kummissjoni teżerċita l-poteri tagħha bħala "gwardjana tat-Trattati", b'mod partikolari meta jitqiesu l-proċeduri ta' ksur li jistgħu jittieħdu kontra l-Istati Membri li ma jikkonformawx mal-obbligi tagħhom.

Emendi ssuġġeriti

L-istruttura eżistenti tal-Kapitolu II tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen ma tippermettix qari sempliċi tar-regoli applikabbli. Ir-Rapporteur tipproponi li ssir reviżjoni tal-preżentazzjoni kurrenti tat-test biex jiġu żgurati l-koerenza, iċ-ċarezza u l-implimentazzjoni aħjar tar-regoli fil-prattika.

L-istruttura ta' ċerti artikoli għandha ssegwi ċerta loġika ta' partijiet kompluti u separati b'komponenti loġiċi, u fil-preżent dan mhuwiex il-każ. Il-kontenut proprju tal-Artikolu 25 għandu jiġi allinjat aktar mat-titolu "qafas ġenerali" u għandu jispjega l-prinċipji orizzontali ewlenin li jirregolaw ir-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni għall-ġrajjiet prevedibbli.

Il-kontenut tal-Artikolu 26 li jispjega l-kriterji għall-valutazzjoni tar-riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri interni għandu jiġi mwessa' kif xieraq bil-għan li jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom juru li r-riintroduzzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri hija fil-fatt miżura tal-aħħar istanza.

Dan għandu jiġi segwit mill-Artikoli li jirregolaw il-proċeduri għall-introduzzjoni temporanja tal-kontrolli fil-fruntieri għal ġrajjiet prevedibbli, filwaqt li jistabbilixxu r-regoli u s-salvagwardji speċifiċi għall-introduzzjoni inizjali tal-kontrolli u l-estensjonijiet tagħhom.

F'dak l-ispirtu, l-Artikolu 27 għandu jiddisponi għall-proċedura ta' riintroduzzjoni inizjali tal-kontrolli fil-fruntieri ta' mhux aktar minn xahrejn, bil-possibbiltà ta' estensjoni ta' mhux aktar minn erba' xhur oħra. L-Artikolu 27a għandu jispjega l-proċedura u s-salvagwardji addizzjonali għall-estensjoni ulterjuri tal-kontrolli fil-fruntieri għal perijodu massimu ta' sitt xhur. Ir-Rapporteur temmen li l-perijodu massimu totali tal-kontrolli fil-fruntieri għal ġrajjiet prevedibbli skont iż-żewġ artikoli ma għandux ikun ta' aktar minn sena.

Fil-fehma tar-Rapporteur, l-estensjoni ta' dawk il-perijodi għar-riintroduzzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni – kif propost mill-Kummissjoni – mhix ser tħeġġeġ lill-Istati Membri jillimitaw il-miżuri previsti għal dak li huwa strettament neċessarju u proporzjonali għat-theddida.

Barra minn hekk, ir-Rapporteur tipproponi l-introduzzjoni ta' skala flessibbli ta' obbligi b'salvagwardji proċedurali addizzjonali kull darba li jiġu estiżi l-kontrolli fil-fruntieri. Ir-rekwiżiti għall-estensjoni li ssir għall-ewwel darba lil hinn mill-perijodu tax-xahrejn inizjali għandhom jinkludu – b'mod simili għal dak li pproponiet il-Kummissjoni – l-obbligu li l-Istati Membri jipprovdu valutazzjoni tar-riskju dettaljata, u involviment aktar b'saħħtu ta' dawk l-Istati Membri affettwati mir-riintroduzzjoni possibbli tal-kontrolli fil-fruntieri interni.

Għall-estensjoni sussegwenti tal-kontrolli fil-fruntieri għal aktar minn sitt xhur, ebda estensjoni ma għandha tkun possibbli mingħajr proċedura formali tal-Kunsill li "tawtorizza" l-estensjoni. Hija l-fehma tar-Rapporteur li l-kontrolli estiżi fil-fruntieri interni jista' jkun li jkollhom riperkussjonijiet serji fuq id-dritt tal-moviment ħieles spjegat fit-Trattati, u għaldaqstant l-UE għandha interess predominanti li tkun involuta fi kwalunkwe "limitazzjoni" ta' dan id-dritt min-naħa ta' Stati Membri individwali. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha kontrolli mhux imħabbra bil-għan li tivverifika l-applikazzjoni tar-regoli fil-prattika, b'mod partikolari fil-każijiet ta' estensjoni tal-kontrolli għal perijodi itwal.

M'għandu jibqa' l-ebda possibilità ta' interpretazzjoni ħażina fir-regolament f'dak li jikkonċerna l-fatt li l-proċedura stabbilita skont l-Artikolu 29 tapplika f'ċirkostanzi speċifiċi ħafna, li huma distinti b'mod ċar mir-raġunijiet meqjusa fl-Artikoli 25, 27 u 28. Għaldaqstant, m'għandux ikun possibbli li jiġu invokati l-Artikoli 25, 27 u 28 biex jiġu estiżi b'mod arbitrarju l-kontrolli fil-fruntieri riintrodotti skont l-Artikolu 29 ladarba jkunu ġew eżawriti l-possibilitajiet kollha previsti mid-dispożizzjonijiet li ssemmew l-aħħar.

Għall-fini tat-trasparenza u r-responsabbiltà, il-pubbliku għandu jkun aktar konxju ta' x'inhu jiġri. Filwaqt li jiġu rispettati r-rekwiżiti tal-kunfidenzjalità marbuta mal-ordni pubbliku jew mas-sigurtà interna, għandhom jiġu pprovduti aktar opportunitajiet biex isiru diskussjonijiet miftuħa, fil-livell nazzjonali jew fil-livell Ewropew, dwar l-implikazzjonijiet tal-kontrolli fil-fruntieri interni fiż-żona Schengen. Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma marbuta direttament mal-analiżi tar-rwol li l-Parlament Ewropew jista' jwettaq fil-proċess.

Ir-Rapporteur tqis ukoll li huwa wisq mixtieq li l-Parlament Ewropew jiġi infurmat aħjar u involut aktar, fosthom billi jiġi żgurat li dan jirċievi d-dokumenti kollha rilevanti għall-iskrutinju demokratiku tad-deċiżjonijiet li għandhom impatt fuq iż-żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. F'dan ir-rigward, sabiex jilħaq dan il-għan il-Parlament jista' juża wkoll seduti ta' smigħ u/jew djalogu strutturat mal-Istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri kkonċernati.


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Riintroduzzjoni temporanja tal-kontrolli fuq il-fruntieri mal-fruntieri interni

Referenzi

COM(2017)0571 – C8-0326/2017 – 2017/0245(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

27.9.2017

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

26.10.2017

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Tanja Fajon

20.11.2017

 

 

 

Eżami fil-kumitat

25.4.2018

21.6.2018

22.10.2018

 

Data tal-adozzjoni

22.10.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

13

12

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Heinz K. Becker, Monika Beňová, Michał Boni, Caterina Chinnici, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Laura Ferrara, Raymond Finch, Romeo Franz, Nathalie Griesbeck, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Sophia in ‘t Veld, Dietmar Köster, Barbara Kudrycka, Juan Fernando López Aguilar, Barbara Matera, Roberta Metsola, Claude Moraes, József Nagy, Judith Sargentini, Giancarlo Scottà, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Helga Stevens, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Harald Vilimsky, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ignazio Corrao, Miriam Dalli, Maria Grapini, Marek Jurek, Gilles Lebreton, Jeroen Lenaers, Innocenzo Leontini, Angelika Mlinar, Nadine Morano, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Emilian Pavel, Christine Revault d’Allonnes Bonnefoy, Barbara Spinelli, Josep-Maria Terricabras

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Françoise Grossetête, Arndt Kohn, Marlene Mizzi, Tonino Picula, Julia Pitera, Dennis Radtke, Martin Schirdewan, Julie Ward

Data tat-tressiq

29.10.2018


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

30

+

ALDE

Nathalie Griesbeck, Sophia in 't Veld, Angelika Mlinar, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Cecilia Wikström

EFDD

Ignazio Corrao, Laura Ferrara

GUE/NGL

Cornelia Ernst, Martin Schirdewan, Barbara Spinelli, Marie-Christine Vergiat

S&D

Monika Beňová, Caterina Chinnici, Miriam Dalli, Tanja Fajon, Maria Grapini, Arndt Kohn, Dietmar Köster, Juan Fernando López Aguilar, Marlene Mizzi, Claude Moraes, Emilian Pavel, Tonino Picula, Christine Revault d'Allonnes Bonnefoy, Birgit Sippel, Julie Ward

VERTS/ALE

Romeo Franz, Judith Sargentini, Josep-Maria Terricabras, Bodil Valero

13

-

ECR

Jussi Halla-aho, Marek Jurek, Helga Stevens, Kristina Winberg

EFDD

Raymond Finch

ENF

Gilles Lebreton, Giancarlo Scottà, Harald Vilimsky

PPE

Françoise Grossetête, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Nadine Morano, Tomáš Zdechovský

12

0

PPE

Asim Ademov, Heinz K. Becker, Michał Boni, Barbara Kudrycka, Jeroen Lenaers, Innocenzo Leontini, Barbara Matera, Roberta Metsola, József Nagy, Julia Pitera, Dennis Radtke, Csaba Sógor

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 9 ta' Novembru 2018Avviż legali