Proċedura : 2018/2099(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0375/2018

Testi mressqa :

A8-0375/2018

Dibattiti :

PV 11/12/2018 - 16
CRE 11/12/2018 - 16

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2018 - 12.16

Testi adottati :

P8_TA(2018)0514

RAPPORT     
PDF 775kWORD 59k
22.11.2018
PE 625.376v02-00 A8-0375/2018

dwar ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni

(2018/2099(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Ioan Mircea Paşcu

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni

(2018/2099(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjoni ta' teknoloġija u tagħmir militari(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015, tal-15 ta' Diċembru 2016, tat-22 ta' Ġunju 2017, u tat-28 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (2018/0000(INI)),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni tal-25 ta' Novembru 2013, tat-18 ta' Novembru 2014, tat-18 ta' Mejju 2015, tas-27 ta' Ġunju 2016, tal-14 ta' Novembru 2016, tat-18 ta' Mejju 2017, tas-17 ta' Lulju 2017 u tal-25 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titlu "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea", ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tat-8 ta' Lulju 2016 u tal-10 ta' Lulju 2018 tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni u s-Segretarju Ġenerali tan-NATO,

–  wara li kkunsidra s-sett komuni ta' 42 proposta approvati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u mill-Kunsill tal-Atlantiku tat-Tramuntana fis-6 ta' Diċembru 2016 u r-rapporti ta' progress tal-14 ta' Ġunju u l-5 ta' Diċembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tagħhom, u s-sett il-ġdid ta' 32 proposta approvati miż-żewġ Kunsilli fil-5 ta' Diċembru 2017,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tad-Difiża Ewropea tas-7 ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar "L-istrutturi militari tal-UE: is-sitwazzjoni attwali u l-prospetti futuri"(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2017 dwar Strateġija Spazjali għall-Ewropa(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (ibbażat fuq ir-Rapport Annwali mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni)(5) u tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Marzu 2017 dwar l-implikazzjonijiet kostituzzjonali, legali u istituzzjonali ta' politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni: possibilitajiet offruti mit-Trattat ta' Lisbona(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-abbozz ta' baġit 2018(8),

–  wara li kkunsidra l-Kunċett dwar it-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta' Medjazzjoni u Djalogu tal-UE adottat fl-10 ta' Novembru 2009,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titlu "Implementation Plan on Security and Defence" (Pjan ta' Implimentazzjoni dwar is-Sigurtà u d-Difiża) ippreżentat mill-VP/RGħ fl-14 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar ir-relazzjonijiet UE-NATO(9),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża (COM(2016)0950),

–  wara li kkunsidra l-pakkett tad-difiża l-ġdid ippreżentat mill-Kummissjoni fis-7 ta' Ġunju 2017 fl-istqarrija għall-istampa "A Europe that defends: Commission opens debate on moving towards a Security and Defence Union" (Ewropa li tiddefendi: Il-Kummissjoni tiftaħ dibattitu dwar il-mixja lejn Unjoni ta' Sigurtà u Difiża),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE – it-tieni sena,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(10) u tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni(11),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Mobbiltà Militari ppubblikat fit-28 ta' Marzu 2018,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Tisħiħ tas-Sħubija Strateġika NU-UE dwar l-Operazzjonijiet ta' Paċi u l-Ġestjoni ta' Kriżijiet: Prijoritajiet 2019-2021, adottati fit-18 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Premju Nobel għall-Paċi li ngħata lill-UE fl-2012 minħabba l-fatt li għal aktar minn sittin sena kkontribwiet għall-progress fil-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0375/2018),

A.  billi l-Istati Membri ddeċidew li jiddefinixxu progressivament politika ta' difiża komuni, li tista' twassal għal difiża komuni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42 tat-TUE, u b'hekk tissaħħaħ l-identità Ewropea u l-indipendenza tagħha sabiex jiġu promossi l-paċi, is-sigurtà u l-progress fl-Ewropa u fid-dinja;

L-ambjent strateġiku tal-Unjoni

1.  Jinnota li l-ordni dinji bbażat fuq ir-regoli qed ikun dejjem aktar ikkontestat, fil-viċinat tal-UE u lil hinn minnu, kemm fil-livell politiko-militari kif ukoll, aktar reċentement, fil-livell kummerċjali u ekonomiku; jinnota li dawn l-isfidi sistemiċi qed ikunu akkumpanjati mid-deterjorament kontinwu tal-ambjent internazzjonali strateġiku, li huwa kkonfrontat minn kunflitti u vjolenza interstatali u intrastatali, terroriżmu, falliment tal-Istat u attakki ċibernetiċi u ibridi fuq il-pilastri fundamentali tas-soċjetajiet tagħna, l-effetti tat-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali; jirrikonoxxi li d-difiża tal-ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, il-liġi internazzjonali u l-valuri difiżi mid-demokraziji liberali għandhom ikunu ta' prijorità assoluta u għandhom jiġu indirizzati mingħajr kompromess;

2.  Jisħaq li dawn l-isfidi huma kbar wisq biex jintlaħqu b'suċċess minn xi pajjiż wieħed; jenfasizza li huwa essenzjali għall-UE li twieġeb għal dawn l-isfidi, b'mod rapidu, konsistenti, effikaċi, b'vuċi waħda u flimkien mal-alleati, is-sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali oħrajn; jinnota li l-Politika ta' Sigurtà u Difiża Komuni (PSDK) hija waħda mill-għodod utli biex tindirizza bosta minn dawn l-isfidi, iżda li għandha tintuża b'mod aktar effiċjenti u b'koerenza ma' strumenti esterni u interni oħra sabiex tippermetti lill-UE tikkontribwixxi b'mod deċiżiv għall-ġestjoni ta' kriżijiet internazzjonali u teżerċita l-awtonomija strateġika tagħha; jirrimarka li l-istituzzjonijiet tal-PSDK jinsabu fis-seħħ, l-istess bħall-ħafna strumenti tagħha, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu minnhom mingħajr dewmien;

3.  Ifakkar li s-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE hija interkonnessa profondament; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu determinati r-riskji identifikati mill-Istati Membri kollha; jirrikonoxxi li n-natura kumplessa ta' dawn l-isfidi, b'theddidiet differenti li jaffettwaw lil Stati Membri differenti f'livelli differenti, tipprovdi lok għal ftehim dwar kif għandhom jiġu ttrattati dawn l-isfidi b'mod kollettiv, fi spirtu ta' solidarjetà;

4.  Jissottolinja li t-terroriżmu ġiħadista li diġà qed jaffettwa l-Lvant Nofsani, is-Saħel u l-Qarn tal-Afrika qed jinfirex lejn l-Afrika tal-Punent, l-Asja Ċentrali u x-Xlokk tal-Asja; jisħaq li din it-theddida dejjiema tirrikjedi strateġija sostnuta u kkoordinata tajjeb fil-livell tal-UE sabiex tipproteġi liċ-ċittadini u l-interessi tal-UE u biex tappoġġja lir-reġjuni milquta;

5.  Jinnota li l-attivitajiet u l-politiki reċenti mir-Russja naqqsu l-istabbiltà u biddlu l-ambjent tas-sigurtà, u jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri għandhom bżonn jersqu lejn approċċ aktar komuni u strateġiku fir-rigward tar-Russja;

6.  Jinnota bi tħassib li l-użu tal-aġent nervin Novichok f'Salisbury f'Marzu 2018 kien l-ewwel attakk ta' dan it-tip fuq art Ewropea mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn u sussegwentement wassal għall-mewt ta' ċittadin tal-UE; iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jadotta miżuri restrittivi kontra dawk responsabbli għall-użu u l-proliferazzjoni ta' armi kimiċi;

7.  Jisħaq li l-okkupazzjoni tar-Russja fl-Ukrajna għadha għaddejja, il-ftehimiet ta' Minsk – li mingħajrhom ma jistax ikun hemm soluzzjoni għall-kunflitt – ma ġewx implimentati u l-annessjoni illegali u l-militarizzazzjoni tal-Krimea għadhom għaddejjin; jinsab ferm imħasseb li l-eżerċizzji u l-attivitajiet militari eċċessivi tar-Russja u t-tattiċi ibridi tagħha, inkluż iċ-ċiberterroriżmu, l-aħbarijiet foloz u l-kampanji ta' diżinformazzjoni, u r-rikatti ekonomiċi u tal-enerġija qegħdin jiddestabbilizzaw il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u l-Balkani tal-Punent, u qegħdin jintlaqtu wkoll id-demokraziji tal-Punent, u jiżdiedu t-tensjonijiet fi ħdanhom; jinsab imħasseb dwar il-fatt li fis-snin li ġejjin l-ambjent tas-sigurtà madwar l-UE se jibqa' volatili ħafna; itenni l-importanza strateġika tal-Balkani tal-Punent għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-UE, kif ukoll il-bżonn li l-impenn politiku tal-UE lejn ir-reġjun jiġi ffokat u msaħħaħ, inkluż bit-tisħiħ tal-mandat tal-missjonijiet tal-PSDK tal-UE; jinsab fermament konvint li sabiex tingħeleb il-vulnerabbiltà tal-UE, hemm bżonn ta' aktar integrazzjoni u koordinazzjoni;

8.  Jinnota li din il-ħtieġa għal kooperazzjoni kienet dejjem aktar rikonoxxuta fl-aħħar snin u jilqa' l-progress li sar f'din id-direzzjoni, bħat-twaqqif ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), minkejja li għad iridu jiġu evalwati kif jixraq ir-regoli konkreti; iqis li l-UE għandha ssaħħaħ ukoll id-djalogu u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fir-reġjun tagħha u ma' organizzazzjonijiet reġjonali u subreġjonali;

9.  Jenfasizza, madankollu, li sal-lum il-ġurnata l-kooperazzjoni għadha fi stadju ta' żvilupp u għad hemm ħafna aktar xi jsir biex jiġi żgurat li l-UE u l-Istati Membri jibbenefikaw mill-kooperazzjoni profonda, sostnuta u fit-tul dwar id-difiża;

10.  Jenfasizza l-benefiċċji prattiċi u finanzjarji ta' aktar integrazzjoni tal-kapaċitajiet ta' difiża Ewropej; jissottolinja li permezz ta' ħidma komprensiva u affidabbli min-naħa tal-partijiet interessati kollha huwa possibbli li jiżdiedu l-kamp ta' applikazzjoni u l-effiċjenza tal-infiq fuq id-difiża mingħajr ma jiżdied l-infiq fuq id-difiża nnifisha;

11.  Jinnota li d-difiża tal-Istati Membri tal-UE tiddependi l-ewwel nett mir-rieda politika tagħhom u mill-kapaċità militari tagħhom li jassumu r-responsabbiltajiet tagħhom f'ambjent strateġiku inċert; jissottolinja kemm hi importanti r-rabta transatlantika għas-sigurtà u d-difiża tad-demokraziji Ewropej u tal-Amerka ta' Fuq; jesprimi tħassib, madankollu, dwar l-istat attwali ta' din ir-relazzjoni u jistieden lill-forzi politiċi u soċjetali responsabbli kollha fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku biex ikomplu jsaħħu aktar milli jimminaw din ir-relazzjoni kruċjali; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi evitat li d-diffikultajiet reċenti fir-relazzjoni kummerċjali jkollhom effetti sekondarji fuq ir-relazzjoni transatlantika fir-rigward tas-sigurtà; jenfasizza li awtonomija strateġika definita tajjeb se trawwem is-sigurtà Ewropea kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn l-UE u n-NATO; itenni f'dan l-isfond li hemm ħtieġa akbar għal kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża fil-livell Ewropew u biex ir-riżorsi jkunu ffukati fuq prijoritajiet ewlenin;

12.  Jenfasizza li l-multilateraliżmu, li miegħu l-Ewropa hija tant marbuta, qiegħed jiġi kkontestat mill-attitudnijiet tal-Istati Uniti u ta' potenzi dinjija oħra; itenni l-importanza tal-multilateraliżmu fiż-żamma tal-paċi u l-istabbiltà, bħala mezz għall-promozzjoni tal-valuri tal-istat tad-dritt u l-indirizzar ta' kwistjonijiet globali;

PSDK – it-triq 'il quddiem

13.  Iqis li aktar investiment fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża huwa kwistjoni ta' urġenza għall-Istati Membri u l-UE u li s-solidarjetà u l-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża għandhom isiru n-norma, kif deskritt fl-Istrateġija Globali tal-UE; jilqa' l-progress li sar s'issa fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet għas-sigurtà u d-difiża tal-Istrateġija Globali tal-UE; jemmen li dawn il-kisbiet iwittu t-triq għal bidliet strutturali importanti fil-ġejjieni;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jimmiraw lejn il-mira ta' 2 % tal-PDG għall-infiq fuq id-difiża, u biex jonfqu 20 % tal-baġits tad-difiża tagħhom fuq tagħmir identifikat bħala meħtieġ mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), inklużi r-riċerka u l-iżvilupp relatati;

15.  Jilqa' l-ħolqien ta' intestatura dedikata għad-difiża fil-proposta tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) tal-Kummissjoni, u b'mod partikolari l-istabbiliment ta' linja baġitarja li minnha se jiġu ffinanzjati l-proġetti tal-Fond Ewropew għad-Difiża u l-Mobbiltà Militari; huwa tal-fehma li dawn id-deċiżjonijiet, wisq probabbli, se jitolbu l-ġestjoni ċentralizzata tad-difiża fil-livell tal-Kummissjoni; jissottolinja li l-finanzjament minn dik il-linja baġitarja għandu jintefaq esklużivament għal skopijiet ta' difiża mingħajr politiċizzazzjoni peress li s-sigurtà hija indiviżibbli u għandha tkun koerenti mal-ħtiġijiet ta' kapaċità u infrastruttura tal-Istati Membri u f'konformità mal-aspirazzjonijiet tal-UE għal awtonomija strateġika;

16.  Jinnota l-prominenza li qed tiżdied tal-mobbiltà militari fuq l-aġenda Ewropea tad-difiża; jissottolinja li l-mobbiltà militari hija għodda strateġika ċentrali fl-ambjent attwali ta' theddida, essenzjali għal obbligi multilaterali oħrajn kemm tal-PSDK kif ukoll tal-Istati Membri, inkluż tan-NATO; jissottolinja l-importanza li n-netwerks eżistenti jiġu adattati għall-ħtiġijiet ta' mobbiltà militari; jilqa', għaldaqstant, l-inklużjoni tal-mobbiltà militari mhux biss fil-proposta għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa l-ġdida iżda saħansitra fil-PESCO u r-rwol prominenti tagħha fil-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO; jenfasizza li dawn il-proġetti differenti jeħtieġu jkunu kkoordinati b'mod xieraq, inkluż mal-alleati, biex jiġi żgurat li jrendu r-riżultati mixtieqa; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li talloka EUR 6,5 biljun għal proġetti ta' mobbiltà militari permezz tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa fil-QFP li jmiss (2021-2027);

17.  Jinnota, madankollu, li biex dawn l-elementi differenti kollha jingħaqdu flimkien, se jkun essenzjali li jiġi żviluppat approċċ strateġiku ġenerali definit tajjeb għad-difiża Ewropea li jista' jiġi definit l-aħjar permezz ta' Ktieb Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża;

18.  Jappella għall-istabbiliment ta' linji gwida preċiżi li jipprovdu qafas definit tajjeb għall-attivazzjoni u l-implimentazzjoni futura tal-Artikolu 42(7) tat-TUE; jitlob li jiġi elaborat u adottat Ktieb Abjad tal-UE dwar is-Sigurtà u d-Difiża li se jiggarantixxi li l-proċessi attwali u futuri għall-bini tal-kapaċità jkunu bbażati fuq l-interessi tas-sigurtà tal-UE;

19.  Jilqa' wkoll il-proposta mill-VP/RGħ, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, għal Faċilità Ewropea għall-Paċi, li se tiffinanzja parti mill-ispejjeż tal-attivitajiet tad-difiża tal-UE bħall-missjonijiet għaż-żamma tal-paċi tal-Unjoni Afrikana, l-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet militari proprji tal-PSDK u l-bini tal-kapaċità militari għal sħab li huma esklużi mill-finanzjament baġitarju mill-Artikolu 41(2) tat-TUE; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li tiġi evitata d-duplikazzjoni ma' strumenti eżistenti oħra; jinnota b'mod partikolari l-inklużjoni ambizzjuża, u l-espansjoni, tal-mekkaniżmu Athena għall-finanzjament komuni tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, li hija talba antika tal-Parlament; jappella għal kontroll finanzjarju mtejjeb tal-missjonijiet futuri kollha u għal valutazzjonijiet tal-impatt f'waqthom;

Kapaċitajiet għas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni

20.  Jissottolinja li l-UE teħtieġ tapplika s-sett sħiħ ta' għodod ta' strumenti ta' politika disponibbli, mis-setgħa ta' persważjoni għas-setgħa ta' koerċizzjoni u minn miżuri għal żmien qasir għal politiki fit-tul; jafferma mill-ġdid l-importanza li jiġu żviluppati l-kapaċitajiet ċivili u militari meħtieġa, inkluż permezz tal-akkomunament u l-kondiviżjoni, biex jindirizzaw l-isfidi ta' sigurtà komprensivi fl-Ewropa u fil-periferija tagħha, kif deskritti fl-Istrateġija Globali tal-UE; ifakkar li l-Istrateġija Globali tal-UE tħeġġeġ kooperazzjoni profonda fid-difiża fi ħdan l-Unjoni;

21.  Iqis li l-Istati Membri tal-UE jeħtiġilhom jagħmlu ħilithom biex itejbu l-kapaċitajiet militari biex ikopru l-ispettru sħiħ tal-kapaċitajiet tal-art, tal-ajru, tal-ispazju u dawk marittimi u ċibernetiċi, li jinkludu faċilitaturi strateġiċi biex il-PSDK tal-UE ssir forza kredibbli; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir investiment fl-Intelligence, fis-Sorveljanza u fir-Rikonjizzjoni, fil-komunikazzjoni bis-satellita, u fl-aċċess awtonomu għall-ispazju u fl-osservazzjoni permanenti tad-dinja biex jiġi vvalutat aħjar it-theddid intern u estern;

22.  Jafferma mill-ġdid ir-rwol tal-UE bħala fornitur tas-sigurtà marittima globali u jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati kapaċitajiet militari u ċivili rilevanti; jilqa' f'dan ir-rigward l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni rivedut tal-Istrateġija ta' Sigurtà Marittima tal-UE f'Ġunju 2018;

23.  Iqis li huwa essenzjali li l-UE u n-NATO jintensifikaw il-kondiviżjoni tal-intelligence sabiex jippermettu l-attribuzzjoni formali tal-attakki ċibernetiċi u konsegwentement jippermettu li jiġu imposti sanzjonijiet restrittivi fuq dawk responsabbli għall-attakki ċibernetiċi;

24.  Jirrikonoxxi d-dimensjoni strateġika tas-settur spazjali għall-Ewropa u l-ħtieġa li jittejbu s-sinerġiji bejn l-aspetti ċivili u ta' sigurtà/difiża tiegħu; jissottolinja l-ħtieġa li jsir użu mill-kapaċitajiet spazjali, filwaqt li jitqiesu wkoll kemm l-ambjent ġeopolitiku usa' u l-PSDK, filwaqt li jisħaq li l-programmi spazjali tal-UE huma ta' natura ċivili;

25.  Jilqa' l-passi tal-UE biex tikkonsolida r-reżiljenza ċibernetika tagħha billi tistabbilixxi qafas komuni taċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà, billi ssaħħaħ l-aġenzija taċ-ċibersigurtà tal-UE u billi timplimenta malajr id-Direttiva (UE) 2016/1148 dwar is-sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni(12) (id-Direttiva NIS);

26.  Iqis li l-interferenza fl-elezzjonijiet ta' pajjiżi oħra permezz ta' operazzjonijiet ċibernetiċi tfixkel jew tikser id-dritt tal-poplu li jieħu sehem fil-gvern ta' pajjiżhom, direttament jew permezz ta' rappreżentanti magħżula b'mod ħieles, kif stabbilit fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, u li din l-interferenza minn stati oħra tikkostitwixxi ksur tad-dritt internazzjonali, anke meta ma jkun hemm l-ebda użu ta' forza militari, theddida għall-integrità territorjali jew theddida għall-indipendenza politika;

27.  Iqis li l-kapaċitajiet għas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni jistgħu jittejbu billi jsir użu aħjar mill-oqfsa eżistenti tal-kooperazzjoni militari u ta' difiża bħalma huma l-kwartieri ġenerali tal-korpi multinazzjonali Ewropej ta' intervent rapidu u l-gruppi tattiċi tal-UE, li jsaħħu u mhux jidduplikaw inizjattivi simili fi ħdan in-NATO; jemmen li dan se jikkontribwixxi għat-trasformazzjoni kontinwa tal-forzi armati nazzjonali u biex jintlaħaq l-għan li jkun aktar interoperabbli, aktar sostenibbli, aktar flessibbli u aktar utilizzabbli;

28.  Jilqa' l-istabbiliment tal-Programm Ewropew għall-Iżvilupp Industrijali fil-Qasam tad-Difiża (EDIDP) bil-għan li jappoġġja l-kompetittività u l-kapaċità innovattiva tal-industrija tad-difiża tal-UE b'EUR 500 miljun sal-2020; jappella biex jiġi implimentat malajr;

29.  Jemmen li l-EDIDP se jgħin irawwem il-kapaċità tal-kompetittività, l-effiċjenza u l-innovazzjoni tal-industrija tad-difiża tal-UE li se jinvolvi, fost l-oħrajn, id-disinn, il-ħolqien ta' prototipi, l-ittestjar, il-kwalifika u ċ-ċertifikazzjoni ta' prodotti tad-difiża kif ukoll l-iżvilupp ta' teknoloġiji f'konsorzju li jinkludi SMEs u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja (mid-caps), ċentri ta' riċerka u universitajiet, u kollaborazzjoni bejn l-Istati Membri, li kollha se jikkontribwixxu għall-awtonomija strateġika tal-UE u se jsaħħu l-bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB); jirrimarka li kemm id-dimensjoni interna kif ukoll id-dimensjoni esterna tal-PSDK tal-Unjoni jistgħu jibbenefikaw mill-iżvilupp ta' suq uniku tad-difiża;

30.  Jilqa' l-proposta għal regolament li jistabbilixxi Fond Ewropew għad-Difiża u l-finanzjament sostanzjali propost mill-Kummissjoni Ewropea għall-QFP li jmiss; jitlob li jitqiesu l-lezzjonijiet inizjali misluta mill-implimentazzjoni tal-EDIDP, il-Proġett Pilota u l-Azzjoni Preparatorja għar-Riċerka dwar id-Difiża; jenfasizza li r-riżultati tal-EDIDP għandhom jiġu kkunsidrati kif xieraq u jesprimi t-tama li l-proposta tista' tiġi miftiehma kemm jista' jkun malajr bil-għan li tittejjeb l-industrija tad-difiża tal-Ewropa u l-kapaċità tagħha li tikkoopera mas-sħab tagħha;

31.  Jisħaq li l-objettivi ta' sigurtà u difiża strateġiċi tal-UE jistgħu jinkisbu biss permezz tal-eqreb koordinazzjoni tal-ħtiġijiet u tar-rekwiżiti għall-bini ta' kapaċità fuq medda twila ta' żmien kemm tal-forzi armati kif ukoll tal-industriji tad-difiża tal-Istati Membri; jinnota li kemm il-Pjan ta' Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDP) kif ukoll ir-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) jistgħu jagħtu kontributi importanti għall-kisba ta' dan l-għan;

32.  Jenfasizza għal darb'oħra li l-EDA għandha tkun l-aġenzija ta' implimentazzjoni għall-azzjonijiet tal-Unjoni skont il-politika Ewropea dwar il-Kapaċitajiet u l-Armamenti, fejn previst mit-Trattat ta' Lisbona; jisħaq li n-nefqa amministrattiva u operazzjonali tal-EDA għandha tiġi ffinanzjata mill-baġit tal-Unjoni; jilqa' l-aġġustamenti minuri li saru fil-baġit tal-EDA, iżda jenfasizza li ż-żieda fir-responsabbiltajiet tal-EDA fil-kuntest ta', fost affarijiet oħra, il-PESCO, il-CARD u l-Fond Ewropew għad-Difiża tirrikjedi finanzjament adegwat;

33.  Ifakkar fil-ħtieġa li tiġi ffaċilitata l-organizzazzjoni ta' aktar taħriġ u eżerċizzji konġunti bejn il-forzi armati Ewropej, li jippromwovu l-interoperabbiltà, l-istandardizzazzjoni u t-tħejjija biex jiffaċċjaw firxa wiesgħa ta' theddidiet, kemm dawk konvenzjonali kif ukoll dawk mhux konvenzjonali;

34.  Jilqa' l-miżuri reċenti biex isaħħu l-PSDK ċivili bħala parti essenzjali mill-approċċ konġunt tal-UE, b'mod partikolari l-iżvilupp tal-kapaċitajiet u r-rispons tal-missjonijiet ċivili tal-PSDK u l-enfasi fuq it-tisħiħ tal-effikaċja fl-indirizzar tal-isfidi matul ir-rabta bejn id-dimensjoni interna u dik esterna; jisħaq li, fil-QFP li jmiss, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom iżidu l-investimenti fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kunflitt ċivili, li jikkontribwixxi għaż-żieda fir-rwol tal-UE bħala attur internazzjonali; jitlob li jiġu aġġustati l-istrutturi u l-proċeduri tal-PSDK sabiex missjonijiet u operazzjonijiet ċivili u militari jiġu skjerati u diretti b'mod aktar mgħaġġel, aktar effikaċi u integrat;

35.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex dejjem jagħtu prijorità lill-medjazzjoni bħala l-ewwel għodda ta' rispons għal kriżijiet emerġenti u jappoġġjaw l-isforzi ta' medjazzjoni ta' sħab oħra; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-UE tippromwovi b'mod attiv in-negozjati paċifiċi u l-prevenzjoni tal-kunflitti fost is-sħab internazzjonali tagħha;

Kooperazzjoni Strutturata Permanenti

36.  Jilqa' l-implimentazzjoni ta' Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) inklużiva bħala pass fundamentali lejn kooperazzjoni aktar mill-qrib fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża fost l-Istati Membri; jirrikonoxxi l-karattru tal-PESCO bħala proġett fit-tul legalment vinkolanti, inkluż sett ta' impenji ambizzjużi ħafna kif ukoll firxa ta' proġetti kooperattivi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jkun hemm allinjament sħiħ bejn l-attivitajiet tal-PESCO, attivitajiet oħra tal-PSDK, b'mod partikolari l-objettivi tal-PSDK kif definiti mit-TUE, u l-attivitajiet man-NATO; iqis li l-PESCO għandha tkun xprun tal-kapaċitajiet tal-bini għaż-żewġ organizzazzjonijiet;

37.  Jistieden lill-Istati Membri parteċipanti jippreżentaw proġetti b'dimensjoni Ewropea strateġika, li jwieġbu għal nuqqasijiet ta' kapaċità identifikati mill-UE u li jsaħħu l-EDTIB; jistieden lill-Istati Membri li jipparteċipaw fil-PESCO juru aktar ambizzjoni u jqisu bis-sħiħ il-livell tal-valur miżjud Ewropew meta jippreżentaw proposti għal aktar proġetti tal-PESCO;

38.  Jenfasizza l-konnessjoni mill-qrib tal-PESCO mal-CARD u l-Fond Ewropew għad-Difiża sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' difiża tal-Istati Membri;

39.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jiġi stabbilit sett komuni ta' regoli ta' governanza għall-proġetti PESCO, filwaqt li jiċċara bosta mill-mistoqsijiet miftuħa li għadhom jippersistu dwar id-dettalji tal-implimentazzjoni tal-PESCO; jinnota, madankollu, li approprjazzjonijiet baġitarji addizzjonali possibbli se jkunu meħtieġa biex ikopru n-nefqa amministrattiva tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-EDA biex ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom bħala s-segretarjat tal-PESCO;

Missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK

40.  Jinnota l-kontribut tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK għall-paċi u l-istabbiltà internazzjonali iżda jiddispjaċih li l-effiċjenza ta' dawn il-missjonijiet xorta tista' tiġi pperikolata minn dgħufijiet strutturali, kontribuzzjonijiet mhux uniformi mill-Istati Membri u l-inadegwatezza tal-ambjent operattiv; jinnota li l-iżvilupp tal-PSDK jirrikjedi, fuq kollox, rieda politika mill-Istati Membri, ibbażata fuq interessi u prijoritajiet komuni, kif ukoll it-twaqqif ta' strutturi ta' kooperazzjoni istituzzjonali; jemmen li l-missjoni tal-PSDK tal-UE li l-aktar ilha teżisti, l-EUFOR BiH / Operazzjoni Althea, għadha tiżvolġi rwol ta' deterrenza bħala sinjal viżibbli ta' impenn tal-UE lejn il-pajjiż u r-reġjun tal-madwar tal-Balkani tal-Punent; iqis li huwa għalhekk essenzjali li jkompli l-mandat eżekuttiv tiegħu u jsostni s-saħħa attwali tiegħu (b'persunal ta' 600) minħabba li l-ambjent attwali, sigur u mingħajr periklu għad għandu l-potenzjal li jiġi destabilizzat minħabba ż-żieda fit-tensjonijiet u l-politika etnonazzjonalista ċċentrata;

41.  Jafferma mill-ġdid l-importanza strateġika tas-sħubija bejn l-UE u l-Afrika, ibbażata fuq ir-rabtiet storiċi, kulturali u ġeografiċi tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni, inkluż fil-qasam tas-sigurtà; jissottolinja b'mod partikolari l-importanza tal-proċess ta' reġjonalizzazzjoni tal-azzjoni tal-PSDK fis-Saħel, li jikkombina l-attivitajiet ċivili u militari tal-UE sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet għall-kooperazzjoni tal-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel;

42.  Jinnota li s-sitwazzjoni ġeopolitika fil-Qarn tal-Afrika hija dejjem aktar immarkata mill-kompetizzjoni fid-dawl tal-importanza tagħha għall-kummerċ globali u l-istabbiltà reġjonali; jilqa', għaldaqstant, il-preżenza kontinwa tal-Operazzjoni Atalanta, EUCAP Somalia u EUTM Somalia bħala kontributuri għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun; jenfasizza, madankollu, li l-PSDK tista' tkun biss parti minn kwalunkwe soluzzjoni għall-isfidi varji li r-reġjun qed jiffaċċja u jinnota l-importanza kontinwa ta' approċċ komprensiv;

43.  Jilqa' wkoll l-attivitajiet tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-UE fir-reġjun tas-Saħel, – EUCAP Sahel Mali, EUCAP Sahel Niger u EUTM Mali – u l-kontribuzzjonijiet li qed jagħmlu għall-istabbiltà reġjonali, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-traffikar tal-bnedmin, u s-sigurtà tal-popolazzjoni lokali;

44.  Jinnota r-riżultati tar-rapport reċenti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar EUCAP Sahel Niger u EUCAP Sahel Mali, li indikaw problemi fit-taħriġ tal-persunal, il-postijiet tax-xogħol battala, is-sostenibbiltà u l-indikaturi tal-prestazzjoni, problemi li x'aktarx jaffettwaw ukoll missjonijiet ċivili oħra; jilqa' r-rispons f'waqtu tas-SEAE, li indirizza l-kwistjonijiet imqajma sabiex tissaħħaħ l-effikaċja tal-PSDK ċivili; jilqa' l-involviment tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fl-awditjar tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u jħeġġeġ il-produzzjoni ta' aktar rapporti speċjali dwar missjonijiet u operazzjonijiet oħra;

45.  Jisħaq fuq il-kontribut kontinwu tal-operazzjoni Sophia tal-EUNAVFOR MED għall-isforzi aktar ġenerali tal-UE biex tfixkel il-mudell tan-negozju tat-traffikar tal-bnedmin u t-traffikar fin-Nofsinhar tal-Mediterran Ċentrali u tipprevjeni aktar telf ta' ħajja fuq il-baħar;

46.  Jilqa' l-istabbiliment u l-kapaċità operazzjonali sħiħa tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) għal missjonijiet u operazzjonijiet mhux eżekuttivi tal-UE (missjonijiet ta' taħriġ); jissottolinja l-ħtieġa li l-MPCC dalwaqt tingħata l-mandat li tippjana u twettaq l-operazzjonijiet militari kollha tal-PSDK fil-futur, u l-ħtieġa li jitneħħew xi ostakli għall-iskjerament tal-Gruppi Tattiċi tal-UE; jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-MPCC u l-Kapaċità Ċivili tal-Ippjanar u t-Tmexxija, anke fil-kuntest taċ-Ċellula Konġunta ta' Koordinazzjoni fil-qasam tal-Appoġġ, sabiex tiġi mmassimizzata l-koordinazzjoni ta' sinerġiji ċivili u militari u l-kondiviżjoni tal-għarfien espert bħala parti minn approċċ aktar integrat u komprensiv għall-kriżijiet u l-kunflitti; jitlob li tissaħħaħ l-MPCC, bil-għan li jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' kmand u kontroll tagħha għall-operazzjonijiet eżekuttivi u jiżdiedu s-sinerġiji mal-missjonijiet ċivili;

47.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi applikata perspettiva tal-ġeneru fl-azzjoni tal-PSDK tal-UE, filwaqt li jitqies ir-rwol li n-nisa għandhom fil-gwerer, fl-istabbilizzazzjoni ta' wara kunflitt u fil-proċessi tal-bini tal-paċi; jenfasizza l-ħtieġa li l-vjolenza sessista tiġi indirizzata bħala strument ta' gwerra f'reġjuni ta' kunflitt; jissottolinja li n-nisa huma affettwati b'mod aktar negattiv mill-gwerer mill-irġiel; jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali tagħha jinvolvu lin-nisa b'mod attiv fil-proċessi ta' paċi u stabbilizzazzjoni, u jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tas-sigurtà tagħhom;

48.  Jappella li tiġi implimentata malajr l-inizjattiva magħrufa bħala Tisħiħ tal-Kapaċitajiet għas-Sigurtà u l-Iżvilupp (CBSD) biex jitjiebu l-effikaċja u s-sostenibbiltà tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u sabiex l-UE tkun tista' ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' sigurtà u difiża tal-pajjiżi sħab tagħha;

49.  Iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kunsill isaħħu l-isforzi kontinwi tagħhom biex itejbu ċ-ċibersigurtà, b'mod partikolari għal missjonijiet tal-PSDK, fost l-oħrajn billi jieħdu miżuri fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri biex jittaffa t-theddid għall-PSDK, pereżempju bit-tisħiħ tar-reżiljenza permezz ta' edukazzjoni, taħriġ u eżerċizzji u bl-allinjament tax-xenarju edukattiv u ta' taħriġ taċ-ċiberdifiża tal-UE;

50.  Jemmen li l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jiffaċċjaw theddid mingħajr preċedent fil-forma ta' attakki sponsorizzati mill-Istat u ċibernetiċi, kif ukoll iċ-ċiberkriminalità u t-terroriżmu; jemmen li n-natura tal-attakki ċibernetiċi tagħmilhom theddida li tirrikjedi rispons fil-livell tal-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu assistenza reċiproka f'każ ta' attakk ċibernetiku kontra kwalunkwe wieħed minnhom;

Ir-Relazzjoni bejn l-UE u n-NATO

51.  Jissottolinja li s-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO hija fundamentali biex jiġu indirizzati l-isfidi tas-sigurtà li jiffaċċjaw l-UE u l-viċinat tagħha; filwaqt li jżomm f'moħħu li 22 mit-28 Stat Membru tal-UE huma wkoll membri tan-NATO, jissottolinja li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għandha tkun komplementari u tirrispetta l-ispeċifiċitajiet u r-rwoli ta' xulxin; jisħaq li ż-żewġ organizzazzjonijiet għandhom karatteristiċi distinti b'mod ċar u li għandhom jikkooperaw b'rispett sħiħ lejn l-awtonomija u l-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet ta' xulxin, abbażi tal-prinċipji ta' reċiproċità, mingħajr preġudizzju għall-karatteristiċi speċifiċi tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' kwalunkwe Stat Membru; jinsab konvint li UE u NATO aktar b'saħħithom isaħħu lil xulxin, u b'hekk joħolqu aktar sinerġiji u effikaċja għas-sigurtà u d-difiża tas-sħab kollha; jisħaq li s-sħubija strateġika bejn l-UE u n-NATO hija fundamentali wkoll għall-PSDK tal-UE li qed tevolvi u għall-ġejjieni tal-Alleanza, kif ukoll għar-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Renju Unit wara l-Brexit;

52.  Jilqa' l-pilastri ewlenin tad-dikjarazzjoni l-ġdida bejn l-UE u n-NATO adottata waqt is-Summit tan-NATO fi Brussell fit-12 ta' Lulju 2018 u jenfasizza li l-implimentazzjoni b'suċċess tad-Dikjarazzjoni Konġunta tiddependi mir-rieda politika tal-Istati Membri kollha matul il-proċess kollu; filwaqt li jirrikonoxxi r-riżultati tanġibbli fl-implimentazzjoni tal-74 azzjoni komuni, jemmen li huma meħtieġa aktar sforzi fir-rigward tal-implimentazzjoni prattika tal-bosta impenji li diġà saru, speċjalment fl-oqsma tal-ġlieda kontra t-theddid ibridu, iċ-ċibersigurtà u l-eżerċizzji konġunti; jinnota b'mod partikolari l-involviment tal-EDA fl-implimentazzjoni tat-30 azzjoni;

53.  Jisħaq li l-isforzi fir-rigward tal-mobbiltà militari għandhom ikunu prijorità u kontribut għall-implimentazzjoni effikaċi tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK u għall-pożizzjoni ta' difiża tal-Alleanza; għaldaqstant iħeġġeġ liż-żewġ organizzazzjonijiet ikomplu jaħdmu flimkien fuq il-mobbiltà militari bl-eqreb mod possibbli, inkluż billi jiżviluppaw rekwiżiti komuni biex jiffaċilitaw il-moviment rapidu ta' forzi u tagħmir madwar l-Ewropa, filwaqt li jżommu f'moħħhom l-isfidi multidirezzjonali li joriġinaw l-aktar min-Nofsinhar u mil-Lvant; jistieden lill-Kummissjoni ssostni dawn l-isforzi bl-investimenti meħtieġa u, fejn xieraq, bil-leġiżlazzjoni; jisħaq li hemm bżonn li jitħaffew il-proċeduri amministrattivi għall-moviment transfruntier ta' forzi ta' reazzjoni rapida ġewwa l-UE;

54.  Jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-komplementarjetà bejn l-UE u n-NATO u l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-inizjattivi multinazzjonali fl-iżvilupp tal-kapaċità kemm tal-UE kif ukoll tan-NATO jkunu komplementari u jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku;

55.  Jisħaq fuq l-importanza ta' kooperazzjoni u integrazzjoni fiċ-ċibersigurtà, mhux biss bejn l-Istati Membri, is-sħab ewlenin u n-NATO, iżda anke bejn l-atturi differenti fis-soċjetà;

Sħubiji tal-PSDK

56.  Jisħaq li s-sħubijiet u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi u organizzazzjonijiet li għandhom l-istess valuri tal-UE jikkontribwixxu għal PSDK aktar effikaċi; jilqa' l-kontribuzzjonijiet li għamlu s-sħab tal-PSDK għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet li għaddejjin tal-UE li jikkontribwixxu biex jissaħħu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali;

57.  Iqis li huwa essenzjali li tissaħħaħ aktar il-kooperazzjoni ma' sħab istituzzjonali, inklużi n-NU, in-NATO, l-Unjoni Afrikana u l-OSKE, kif ukoll ma' sħab bilaterali strateġiċi, bħall-Istati Uniti; jirrakkomanda li jsir progress fis-sħubijiet tal-PSDK fl-oqsma tat-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sħab u r-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà (RSS);

58.  Jisħaq fuq l-importanza tas-sħubija bejn l-UE u n-NU fir-riżoluzzjoni ta' kunflitti internazzjonali u attivitajiet ta' bini tal-paċi; jistieden kemm lill-UE kif ukoll lin-NU jsaħħu l-mekkaniżmu konsultattiv konġunt tal-Kumitat ta' Tmexxija UE/NU dwar l-Immaniġġjar ta' Kriżijiet u jużaw il-potenzjal sħiħ tas-sħubija tagħhom billi jiġbru flimkien il-leġittimità politika u l-kapaċitajiet operattivi tagħhom;

59.  Jemmen bil-qawwa li, wara l-Brexit, l-UE għandha żżomm l-eqreb sħubija possibbli fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża mar-Renju Unit;

Dimensjoni parlamentari

60.  Jissottolinja l-akbar importanza tas-sorveljanza parlamentari ta' kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża fil-livell nazzjonali u Ewropew bħala element kostituttiv għal kwalunkwe progress ulterjuri f'dan il-qasam ta' politika, u f'dan il-kuntest iħeġġeġ lill-atturi parlamentari jikkooperaw aktar mill-qrib, possibilment ifittxu forom ġodda jew imtejba ta' kooperazzjoni, sabiex tiġi żgurata sorveljanza parlamentari mingħajr xkiel fil-livelli kollha; ifakkar fl-importanza li s-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini jiġu involuti fid-dibattiti futuri dwar is-sigurtà Ewropea;

61.  Jinnota, huwa u jilqa' l-progress ġenerali li sar fir-rigward tal-PSDK wara l-preżentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE, li l-istrutturi parlamentari fil-livell tal-UE, li ġew stabbiliti fi żmien meta l-livell ta' ambizzjoni u l-livell ta' attività tal-UE fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' sigurtà u difiża kienu pjuttost limitati, ma għadhomx adegwati biex jipprovdu s-sorveljanza parlamentari meħtieġa fuq qasam ta' politika li qed jevolvi b'mod rapidu u li jitlob kapaċità għal rispons rapidu; itenni għaldaqstant l-appell preċedenti tiegħu biex is-Sottokumitat għas-Sigurtà u d-Difiża jsir kumitat veru u proprju u jingħata l-kompetenzi meħtieġa sabiex jikkontribwixxi għal sorveljanza parlamentari komprensiva tal-PSDK, inklużi l-PESCO, l-EDA u kwalunkwe azzjoni oħra tal-PSDK kif previst mit-Trattati; jemmen li l-aġġornament minn sottokumitat għal kumitat għandu jkun konsegwenza tal-fatt li l-ġestjoni ad hoc tad-difiża u s-sigurtà fil-livell tal-Kummissjoni tiġi sostitwita b'mudell aktar speċjalizzat li jqis il-kumplessità dejjem akbar tal-isforz li għandu jiġi ġestit;

62.  Jinnota li, dan l-aħħar, diversi Stati Membri talbu li jinħoloq Kunsill tas-Sigurtà tal-UE, u jemmen li dan il-kunċett jeħtieġ jiġi definit f'aktar dettall qabel ma tkun tista' ssir valutazzjoni tal-valur miżjud li jista' jkollu;

63.  Itenni l-appell tiegħu biex jinħoloq format ta' laqgħat għall-ministri tad-difiża fil-Kunsill preseduti mill-VP/RGħ; jirrikonoxxi li aktar integrazzjoni Ewropea għandha tfisser ukoll aktar skrutinju demokratiku permezz tal-kontroll parlamentari; jissottolinja l-ħtieġa, għaldaqstant, li jissaħħaħ ir-rwol tal-Parlament Ewropew f'dan il-qasam, jiġifieri permezz ta' kumitat sħiħ responsabbli mis-sigurtà u d-difiża, ikkomplementat minn laqgħat interparlamentari konġunti bejn rappreżentanti mill-parlamenti nazzjonali u Membri tal-Parlament Ewropew;

64.  Jisħaq li kwalunkwe konvenzjoni jew konferenza intergovernattiva futura inkarigata mit-tħejjija ta' xi bidla fit-Trattati tal-UE għandha tikkunsidra l-possibbiltà li titwaqqaf forza Ewropea li jkollha l-kapaċitajiet difensivi effikaċi biex tintervjeni fiż-żamma tal-paċi, fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fit-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u f'konformità mal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 43(1) tat-TUE;

°

°  °

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lill-aġenziji tal-UE fl-oqsma tal-ispazju, tas-sigurtà u tad-difiża, lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

(1)

ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.

(2)

ĠU C 93, 9.3.2016, p. 144.

(3)

ĠU C 337, 20.9.2018, p. 11.

(4)

ĠU C 224, 27.6.2018, p. 18.

(5)

ĠU C 224, 27.6.2018, p. 50.

(6)

ĠU C 369, 11.10.2018, p. 36.

(7)

ĠU C 263, 25.7.2018, p. 125.

(8)

ĠU C 334, 19.9.2018, p. 253.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2018)0257.

(10)

ĠU C 238, 6.7.2018, p. 89.

(11)

ĠU C 369, 11.10.2018, p. 47.

(12)

ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.


OPINJONI TAL-MINORANZA

Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), 2018/2099(INI)

Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Rapporteur: Mircea Paşcu

Opinjoni tal-Minoranza mressqa mill-Membri tal-Grupp GUE/NGL, Sabine Lösing u Miguel Urban Crespo; Takis Hadjigeorgiou

Ir-rapport jappoġġja Unjoni Militari b'kapaċitajiet dejjem jiżdiedu u jfaħħar il-programmi u l-istrumenti militari reċenti kollha tal-UE: Programm għall-Iżvilupp Industrijali fil-Qasam tad-Difiża (EDIDP), il-Fond Ewropew għad-Difiża, il-Faċilità Ewropea għall-Paċi (mekkaniżmu Athena ġdid), Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO), Mobbiltà Militari - fruntieri miftuħa għall-moviment liberu ta' truppi u tagħmir. Huwa jappoġġja kull tip ta' forzi ta' kumbattiment (gruppi tattiċi/brigati, forza tal-UE ta' intervent fil-pront, Forza Ewropea permanenti ta' Rispons Rapidu). Ir-rapport jitlob li jkun hemm politika ta' difiża u armata li tkun sors ta' identità Ewropea.

Aħna kontra r-rapport peress li:

  jappella għat-twettiq ta' kooperazzjoni ta' difiża profonda li tinkludi l-intelligence u s-sorveljanza u kooperazzjoni msaħħa tan-NATO;

  jappoġġja ż-żieda fin-nefqa għad-difiża u l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-baġit tal-UE għal baġit tad-difiża tal-UE sħiħ li jinkludi fond ta' difiża fil-QFP li jmiss għall-benefiċċju tal-profitti tal-industriji tad-difiża;

  jesiġi qafas vinkolanti għall-klawsola tad-difiża reċiproka - Artikolu 42(7) li jmur lil hinn mill-Artikolu V tan-NATO;

  jilqa' l-Faċilità Ewropea għall-Paċi li tfisser l-estensjoni tal-mekkaniżmu Athena u l-kooperazzjoni militari ma' pajjiżi terzi; se jkopri l-ispejjeż kollha ta' operazzjonijiet militari inklużi l-użu, it-tagħmir u t-trasferiment ta' armi lil hinn minn kull kontroll parlamentari, filwaqt li japprova li dan se jwassal għal aktar kunflitti u vjolenza milli paċi;

  jirrakkomanda Schengen militari (EUR 6,5 biljun) għall-ispejjeż tal-proġetti tal-infrastruttura ċivili.

Aħna nesiġu:

  li jiġi interpretat b'mod strett l-Artikolu 41(2) tat-TUE li jipprojbixxi l-użu tal-baġit tal-UE għal operazzjonijiet militari jew ta' difiża;

  li jitwaqqfu l-programmi kollha tal-UE relatati mal-militar u mad-difiża;

  li jsir diżarm radikali (inkluż nukleari) fil-livell tal-UE u fil-livell dinji.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (2.10.2018)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar ir-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni

(2018/2099(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Paulo Rangel

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-ħolqien tal-Inizjattiva ta' Intervent Ewropea (EII), l-implimentazzjoni tal-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO) u r-rinfurzar tal-Fond Ewropew għad-Difiża bħala passi importanti lejn it-tisħiħ tas-sigurtà u d-difiża tal-Unjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib u b'komplementarjetà sħiħa man-NATO; jinnota favorevolment il-ħolqien tal-EII bħala risposta rapida għall-kriżijiet li jistgħu jheddu s-sigurtà tal-Ewropa u, fl-istess ħin, jirrimarka li dan m'għandux jimpedixxi l-ħolqien ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża, minkejja li din ma tidħolx fil-qafas legali tal-UE;

2.  Jinnota li, dan l-aħħar, diversi Stati Membri talbu li jinħoloq Kunsill tas-Sigurtà tal-UE, u jemmen li dan il-kunċett jeħtieġ jiġi definit f'aktar dettall qabel ma tkun tista' ssir valutazzjoni tal-valur miżjud li jista' jkollu;

3  Jappella biex il-Gruppi Tattiċi tal-UE jiġu żviluppati bis-sħiħ u jesprimi l-fehma tiegħu li l-ħtieġa ta' unanimità fil-Kunsill tikkontradixxi l-iskop li nħolqu għalih, jiġifieri li jservu bħala kapaċità ta' reazzjoni rapida militari li tirrispondi għall-kriżijiet u l-kunflitti emerġenti madwar id-dinja;

4  Jenfasizza l-ħtieġa li l-kapaċitajiet awtonomi tal-UE fil-qasam tal-intelligence jissaħħu aktar, partikolarment bit-tisħiħ taċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (EU INTCEN); japprova, barra minn hekk, il-ħolqien ta' unità tal-intelligence Ewropea effiċjenti li tippermetti l-kooperazzjoni fil-qasam tal-intelligence – partikolarment fir-rigward ta' strateġija komuni għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u t-terroriżmu – u tiżgura awtomatikament l-aċċessibbiltà u l-interoperabbiltà tad-data fost is-servizzi tal-intelligence u mal-pulizija, b'attenzjoni sħiħa għall-obbligi tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni tad-data;

5  Jilqa' l-inawgurazzjoni ta' kwartieri ġenerali operattivi permanenti u ż-żieda fil-baġit tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA);

6.  Itenni l-appell tiegħu biex jinħoloq format ta' laqgħat għall-ministri tad-difiża fil-Kunsill preseduti mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli; jirrikonoxxi li aktar integrazzjoni Ewropea għandha tfisser ukoll aktar skrutinju demokratiku permezz tal-kontroll parlamentari; jissottolinja l-ħtieġa, għaldaqstant, li jissaħħaħ ir-rwol tal-Parlament f'dan il-qasam, permezz ta' kumitat sħiħ responsabbli mis-sigurtà u d-difiża u laqgħat interparlamentari konġunti bejn rappreżentanti mill-parlamenti nazzjonali u Membri tal-Parlament Ewropew;

7  Jenfasizza li kwalunkwe Konvenzjoni jew Konferenza Intergovernattiva futura inkarigata mit-tħejjija ta' xi bidla fit-Trattati tal-UE għandha tikkunsidra l-possibbiltà li titwaqqaf forza Ewropea li jkollha l-kapaċitajiet difensivi effettivi biex tintervjeni fiż-żamma tal-paċi, fil-prevenzjoni tal-kunflitti u fit-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali skont il-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u f'konformità mal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 43(1) tat-TUE;

8.  Jirrimarka li kemm id-dimensjoni interna kif ukoll id-dimensjoni esterna tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) tal-Unjoni jistgħu jibbenefikaw mill-iżvilupp ta' suq uniku tad-difiża;

9.  Jemmen li dan is-suq huwa parti integrali mill-politika ta' sigurtà tal-UE u jimplika linji gwida ċari għall-esportazzjoni ta' armi u tagħmir militari żviluppati bl-appoġġ tal-baġit tal-UE;

10.  Jinnota li, lil hinn mill-qafas tal-PSDK, il-ħolqien ta' korp tal-protezzjoni ċivili awtentiku fil-livell tal-UE u l-ħtiġijiet tal-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta (EBCG) jistgħu jiffavorixxu l-iżvilupp ta' suq bħal dan sabiex jittieħed vantaġġ mis-sinerġiji, jinħolqu ekonomiji ta' skala u titnaqqas il-kapaċità eċċessiva;

11.  Jissottolinja li f'ambjent ta' sigurtà globali li qed jevolvi, l-Unjoni Ewropea għandha tkun kapaċi tiggarantixxi s-sigurtà taċ-ċittadini tagħha b'mod awtonomu, jiġifieri billi tiżgura biżżejjed riżorsi għad-difiża min-naħa tal-Istati Membri; jinnota, madankollu, li kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-eqreb alleati tagħha – bħar-Renju Unit u l-Istati Uniti – tibqa' tal-akbar importanza, għalkemm jenfasizza li l-konsegwenzi istituzzjonali rilevanti ta' dik il-kooperazzjoni m'għandhomx jiġu injorati.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

1.10.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mercedes Bresso, Elmar Brok, Richard Corbett, Pascal Durand, Esteban González Pons, Danuta Maria Hübner, Diane James, Ramón Jáuregui Atondo, Alain Lamassoure, Jo Leinen, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Markus Pieper, Paulo Rangel, Helmut Scholz, Pedro Silva Pereira, Barbara Spinelli, Kazimierz Michał Ujazdowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Enrique Guerrero Salom, Cristian Dan Preda, Jasenko Selimovic

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Ruža Tomašić

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

16

+

ALDE

Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jasenko Selimovic

NI

Kazimierz Michał Ujazdowski

PPE

Elmar Brok, Esteban González Pons, Danuta Maria Hübner, Alain Lamassoure, Markus Pieper, Cristian Dan Preda, Paulo Rangel

S&D

Mercedes Bresso, Richard Corbett, Enrique Guerrero Salom, Ramón Jáuregui Atondo, Jo Leinen, Pedro Silva Pereira

4

-

ECR

Ruža Tomašić

GUE/NGL

Helmut Scholz, Barbara Spinelli

NI

Diane James

2

0

VERTS/ALE

Max Andersson, Pascal Durand

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

12.11.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

13

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Petras Auštrevičius, Bas Belder, Elmar Brok, James Carver, Lorenzo Cesa, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Michael Gahler, Tunne Kelam, Wajid Khan, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Michel Reimon, Jean-Luc Schaffhauser, Anders Sellström, Alyn Smith, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Jaromír Štětina, Charles Tannock, Miguel Urbán Crespo, Ivo Vajgl

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andrea Bocskor, Neena Gill, Igor Gräzin, Rebecca Harms, Marek Jurek, Othmar Karas, Juan Fernando López Aguilar, Antonio López-Istúriz White, Urmas Paet, Bodil Valero, Mirja Vehkaperä, Marie-Christine Vergiat

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Eleonora Evi, Rupert Matthews, Miroslav Mikolášik, Liliana Rodrigues, Flavio Zanonato


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

40

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Igor Gräzin, Urmas Paet, Jozo Radoš, Ivo Vajgl, Mirja Vehkaperä

EFDD

Aymeric Chauprade, Eleonora Evi

PPE

Michèle Alliot-Marie, Andrea Bocskor, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Othmar Karas, Tunne Kelam, Eduard Kukan, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Ramona Nicole Mănescu, Miroslav Mikolášik, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Anders Sellström, Jaromír Štětina

S&D

Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Neena Gill, Wajid Khan, Arne Lietz, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Liliana Rodrigues, Flavio Zanonato

13

-

ENF

Jean-Luc Schaffhauser

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Miguel Urbán Crespo, Marie-Christine Vergiat

NI

James Carver, Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz

VERTS/ALE

Barbara Lochbihler, Michel Reimon, Alyn Smith, Jordi Solé, Bodil Valero

5

0

ECR

Bas Belder, Marek Jurek, Rupert Matthews, Charles Tannock

VERTS/ALE

Rebecca Harms

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Diċembru 2018Avviż legali