Proċedura : 2018/2240(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0377/2018

Testi mressqa :

A8-0377/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 29/11/2018 - 8.6

Testi adottati :

P8_TA(2018)0471

RAPPORT     
PDF 674kWORD 58k
22.11.2018
PE 629.510v01-00 A8-0377/2018

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Greċja – EGF/2018/003 EL/Attica publishing)

(COM(2018)0667 – C8-0430/2018 – 2018/2240(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Eider Gardiazabal Rubial

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
 NOTA SPJEGATTIVA
 ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI
 ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata mill-Greċja – EGF/2018/003 EL/Attica publishing)

(COM(2018)0667 – C8-0430/2018 – 2018/2240(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0667 – C8-0430/2018),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0377/2018),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex jagħtu appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qegħdin ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, u biex jassistuhom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja jenħtieġ li tkun dinamika u disponibbli b'mod kemm jista' jkun effiċjenti u rapidu;

C.  billi l-awtoritajiet Griegi ssottomettew l-applikazzjoni EGF/2018/003 EL/Attica publishing għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara 550 sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 58 ta' NACE Reviżjoni 2 (Attivitajiet ta' pubblikazzjoni) fir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Attika (EL30) fil-Greċja;

D.  billi l-l-applikazzjoni hija bbażata fuq il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG, li jeħtieġ li mill-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja tul perjodu referenzjarju ta' disa' xhur f'intrapriżi li joperaw fl-istess settur ekonomiku ddefinit fil-livell ta' diviżjoni tan-NACE Reviżjoni 2, u li jkunu jinsabu f'reġjun wieħed jew f'żewġ reġjuni kontigwi, jew f'iktar minn żewġ reġjuni kontigwi ddefiniti fil-livell NUTS 2, dment li jkun hemm iktar minn 500 ħaddiem milquta fi tnejn mir-reġjuni kollha flimkien fi Stat Membru;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati u li, għalhekk, il-Greċja għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 308 500 skont dan ir-Regolament, ammont li jirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 3 847 500;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Griegi ppreżentaw l-applikazzjoni fit-22 ta' Mejju 2018, u li, wara li l-Greċja tat informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fl-4 ta' Ottubru 2018 u nnotifikat lill-Parlament fl-istess jum u b'hekk irrispettat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa;

3.   Jinnota li l-Greċja ssostni li s-sensji huma marbuta mal-kriżi finanzjarja u ekonomika, b'mod partikolari l-effetti tagħha fuq l-ekonomija Griega li jinkludu t-tnaqqis fil-PDG reali per capita, iż-żieda fil-qgħad, it-tnaqqis fis-salarji u t-tnaqqis fl-introjtu tal-unitajiet domestiċi flimkien mal-evoluzzjoni diġitali rapida li, flimkien mat-tnaqqis fl-infiq fuq ir-reklamar li jsir minn entitajiet sinifikanti li jirreklamaw, qed jittrasformaw lis-settur tal-pubblikazzjoni; jinnota li s-settur qed jaffaċċja tnaqqis fid-dħul kemm mir-reklamar kif ukoll mill-bejgħ;

4.  Ifakkar li s-sensji li ngħataw fi tliet intrapriżi li joperaw fis-settur tal-pubblikazzjoni Grieg huma mistennija jpoġġu pressjoni negattiva konsiderevoli fuq l-ekonomija lokali, u li l-impatt tas-sensji huwa marbut mad-diffikultajiet tal-fatt li l-ħaddiema jiġu impjegati mill-ġdid minħabba l-iskarsezza tal-impjiegi, min-nuqqas ta' korsijiet ta' taħriġ vokazzjonali li jikkorrispondu mal-bżonnijiet rikonoxxuti fis-suq tax-xogħol u mill-għadd kbir ta' ħaddiema li qed ifittxu impjieg;

5.  Jenfasizza bi tħassib li r-reġjun ta' Attika jirrappreżenta proporzjon kbir ta' qgħad u ta' qgħad fit-tul fil-Greċja fejn il-qgħad għadu għoli;

6.  Ifakkar li din hi t-tieni applikazzjoni mill-Greċja għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fir-rigward tas-sensji fis-settur tal-attivitajiet ta' pubblikazzjoni f'Attika, wara l-applikazzjoni EGF/2014/018 fl-2014 u d-deċiżjoni pożittiva dwarha(4);

7.  Jinnota li l-applikazzjoni tirrigwarda l-550 ħaddiem li ngħataw is-sensja, u li għadd kbir minnhom huma nisa (41,82 %); jinnota wkoll li 14,73 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandhom aktar minn 55 sena filwaqt li 1,6 % għandhom anqas minn 30 sena; jirrikonoxxi, fid-dawl ta' dan, l-importanza tal-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG favur it-titjib tal-possibbiltajiet ta' reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawn il-gruppi vulnerabbli;

8.  Jilqa' l-fatt li l-offerta ppjanata ta' taħriġ tirrifletti t-tagħlimiet misluta mill-ewwel applikazzjoni EGF-2014-018 GR/Attica li, skont evalwazzjoni li għaddejja bħalissa, kisbet rati ta' integrazzjoni tajbin;

9.  Jinnota li ebda miżura ma hija ppjanata għaż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEET) minkejja li r-rati tan-NEETs għadhom f'livelli għoljin fil-Greċja;

10.  Jissottolinja li l-allowances finanzjarji jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira u jistgħu jservu ta' inċentiv reali fil-kuntest ekonomiku speċifiku tal-Greċja;

11.  Jinnota li l-allowances u l-inċentivi finanzjarji, jiġifieri l-inċentivi għar-reklutaġġ, il-benefiċċju għat-tfittix ta' impjieg u l-benefiċċju għat-taħriġ huma qrib il-massimu ta' 35 % kif stabbiliti fir-Regolament dwar il-FEG;

12.   Jinnota li l-Greċja qiegħda tippjana ħames tipi ta' azzjonijiet għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li huma koperti minn din l-applikazzjoni: (i) gwida okkupazzjonali u għajnuna għat-tfittix ta' impjieg, (ii) taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali f'konformità mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, (iii) kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju, (iv) benefiċċju għat-tfittix ta' impjieg u benefiċċju għat-taħriġ, (v) inċentivi għar-reklutaġġ;

13.  Jirrikonoxxi li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati ġie mfassal b'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-Unjoni tal-Ġurnalisti tal-Gazzetti li Joħorġu ta' Kuljum f'Ateni (ΕΣΗΕΑ), l-Unjoni tal-Impjegati tal-Gazzetti ta' Kuljum f'Ateni

(ΕΠΗΕΑ) u l-Ministeru tax-Xogħol;

14.  Jisħaq li l-awtoritajiet Griegi kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u li kwalunkwe finanzjament doppju se jkun evitat;

15.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati jenħtieġ li jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet rikjesti, u jenħtieġ li jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi;

16.  Itenni li l-assistenza mill-FEG ma tridx tissostitwixxi azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji, bis-saħħa tad-dritt nazzjonali jew ta' ftehimiet kollettivi, jew miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi u jilqa' b'sodisfazzjon il-konferma min-naħa tal-Greċja f'dan ir-rigward;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex jipprovdu aktar dettalji, fi proposti futuri, dwar is-setturi li jkollhom prospettivi ta' tkabbir, u li għalhekk aktarx jirreklutaw in-nies, kif ukoll biex jiġbru data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' reintegrazzjoni miksuba permezz tal-FEG;

18.  Ifakkar fit-talba tiegħu li l-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

19.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

Deċiżjoni (UE) 2015/644 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' April 2015 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2014/018 GR/Attica broadcasting, imressqa mill-Greċja) (ĠU L 106, 24.4.2015, p. 29-30).


ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara applikazzjoni mill-Greċja – EGF/2018/003 EL/Attica publishing

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (minn hawn 'il quddiem "FEG") għandu l-iskop li jagħti appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li kienu jaħdmu għal rashom u kellhom iwaqqfu l-attività tagħhom minħabba bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, bħala riżultat tal-kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew bħala riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u li jassistihom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)  Il-FEG ma jridx jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif previst fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013(3).

(3)  Fit-22 ta' Mejju 2018, il-Greċja ressqet applikazzjoni għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, fir-rigward ta' sensji fis-settur tal-attivitajiet ta' pubblikazzjoni fir-reġjun ta' Attica. Din l-applikazzjoni ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. L-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)  Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mobilizzat sabiex jagħti kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 2 308 500 fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa mill-Greċja.

(5)  Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, jenħtieġ li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni stabbilit għas-sena finanzjarja 2018, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2 308 500 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Din id-deċiżjoni għandha tapplika mill-... [data ta' adozzjoni ta' din id-deċiżjoni](4)*.

Magħmul fi

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(3)

  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(4)

*   Id-data għandha tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.


NOTA SPJEGATTIVA

I.  Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013(2), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala dispożizzjoni fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3), sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, tippreżenta proposta lill-awtorità baġitarja għall-mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. Fil-każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II.  L-applikazzjoni tal-Greċja u l-proposta tal-Kummissjoni

Fl-4 ta' Ottubru 2018, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Greċja bħala appoġġ għar-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn tliet intrapriżi li joperaw fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 58 ta' NACE Reviżjoni 2 (Attivitajiet ta' pubblikazzjoni ) fir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Attika (EL30) fil-Greċja. Il-proposta ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fl-4 ta' Ottubru 2018.

Din hija d-disa' applikazzjoni li se tkun taħt eżami fil-qafas tal-baġit tal-2018, u t-tielet waħda fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 58 ta' NACE Reviżjoni 2 (Attivitajiet ta' pubblikazzjoni) minn mindu ġie stabbilit il-FEG. Tikkonċerna 550 ħaddiem li ngħataw is-sensja u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 2 308 500 mill-FEG għall-Greċja.

L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fit-22 ta' Mejju 2018 u ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali sal-1 ta' Awwissu 2018. Il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha fl-4 ta' Ottubru 2018 u kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet applikabbli kollha tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif imsemmi fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG.

Il-Greċja ssostni li s-sensji huma marbuta mal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, b'mod partikolari l-bidliet strutturali maġġuri fis-settur tal-pubblikazzjoni minħabba tnaqqis kostanti fil-bejgħ ta' kuljum u perjodiku tal-istampa flimkien ma' tnaqqis fl-infiq tar-reklamar minn esponenti importanti ta' dawk li jirreklamaw. Din hija l-konsegwenza tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, imsaħħa mill-evoluzzjoni diġitali li ddevjat l-qarrej mill-istampa pprintjajta lejn l-istampa elettronika. Dan jista' jiġi spjegat prinċipalment mill-aċċess prevalentement bla ħlas għall-istampa diġitali, kif ukoll għall-aċċessibilità u għall-immedjatezza faċli tagħha.

Minħabba dan, bejn l-2011 u l-2017, il-bejgħ tal-gazzetti naqas minn 144 miljun kopja fl-2011 għal 57 miljun fl-2017 u l-bejgħ tar-rivisti niżel minn 60 miljun kopja għal 23 miljun. Bejn l-2005 u l-2014, il-fatturat tas-settur tal-pubblikazzjoni naqas b'56,4 %. Il-fatturat naqas ulterjorment b'14,3 % fl-2015, bi 8,3 % fl-2016 u bi 19,5 % fl-2017.

Is-sensji kollha seħħew f'Attika, li jirrappreżentaw 34,7 % tal-qgħad Grieg totali u 36% tal-qgħad fit-tul. Għadd kbir ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja huma nisa (41,82 %). 14,73 % mill-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandhom aktar minn 55 sena. Il-miżuri attivi tas-suq tax-xogħol kofinanzjati mill-FEG huma saħansitra aktar importanti biex itejbu l-possibbiltajiet ta' reintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawn il-gruppi vulnerabbli.

Il-ħames tipi ta' azzjonijiet li għandhom jiġu pprovduti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li għalihom qed jintalab il-kofinanzjament mill-FEG jikkonsistu fi:

–  Gwida okkupazzjonali: Din il-miżura ta' akkumpanjament se tkun offruta lill-parteċipanti kollha u tikkonsisti fl-istadji li ġejjin: (i) informazzjoni ġenerali, (ii) parteċipazzjoni u reġistrazzjoni (iii) dokument personali u okkupazzjonali, (iv) appoġġ fit-tfittix ta' impjieg u gwida għall-karriera, (v) gwida lejn l-impjieg, (vi) monitoraġġ.

–  Taħriġ, taħriġ mill-ġdid u taħriġ vokazzjonali: Din il-miżura tikkonsisti fil-provvista ta' korsijiet ta' taħriġ vokazzjonali li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet rikonoxxuti fis-suq tax-xogħol u f'oqsma u f'setturi bi prospetti tajbin ta' żvilupp. It-taħriġ se jindirizza wkoll il-ħtiġijiet tal-ħaddiema, kif identifikati waqt il-gwida professjonali.

–  Kontribuzzjoni għall-bidu ta' negozju: Il-ħaddiema li jiftħu n-negozju tagħhom se jingħataw sa EUR 15 000 bħala kontribuzzjoni biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-istabbiliment.

–  Benefiċċju għat-tfittix ta' impjieg u benefiċċju għat-taħriġ: Biex jiġu koperti l-ispejjeż imġarrbin meta jieħdu sehem fl-attivitajiet ta' gwida professjonali, il-benefiċjarji se jirċievu EUR 40 għal kull jum ta' parteċipazzjoni. Waqt it-taħriġ, il-benefiċċju se jkun ta' EUR 3,33 fis-siegħa.

–  Inċentivi għar-reklutaġġ: Dan il-pagament huwa ta' benefiċċju għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja billi jiffaċilita l-impjieg mill-ġdid tagħhom f'intrapriża differenti. L-intrapriża li timpjega se tirċievi EUR 650 fix-xahar għal massimu ta' sitt xhur, bil-kundizzjoni li l-ħaddiem jinżamm fix-xogħol ladarba l-inċentiv ikun intemm, għal mill-inqas sitt xhur oħra.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol skont l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u ma jissostitwux miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet Griegi pprovdew l-assigurazzjonijiet kollha neċessarji rigward:– il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rrispettati fil-kuntest tal-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom,

– konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u f'dik tal-UE rigward is-sensji kollettivi ,

– l-intrapriżi li taw is-sensji, li komplew bl-attivitajiet tagħhom wara s-sensji, ikkonformaw mal-obbligi ġuridiċi tagħhom li jirregolaw is-sensji u pprovdew għall-ħaddiema tagħhom kif xieraq,

– l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,

– l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

– il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuniet mill-Istat.

Il-Greċja nnotifikat lill-Kummissjoni li s-sors ta' prefinanzjament jew ta' kofinanzjament nazzjonali huwa l-Programm ta' Investiment Pubbliku Nazzjonali tal-Ministeru Grieg tal-Ekonomija u l-Iżvilupp. Il-kontribuzzjoni finanzjarja se tkun ġestita u kkontrollata mid-Direttorat Eżekuttiv tal-Qafas ta' referenza strateġiku nazzjonali(4) tal-Ministeru tax-Xogħol, is-Sigurtà Soċjali u s-Solidarjetà Soċjali li jaġixxi bħala awtorità ta' ġestjoni, l-EDEL (il-Kumitat tal-Awditjar Finanzjarju) bħala awtorità ta' awditjar, u s-Servizz Speċjali għaċ-Ċertifikazzjoni u l-Verifika tal-Programmi Kofinanzjati tal-Ministeru tal-Ekonomija, Infrastruttura, Turiżmu u Baħar bħala awtorità taċ-ċertifikazzjoni.

III.  Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ressqet lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment għal ammont globali ta' EUR 2 308 500 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Sal-lum, din hija d-disa' proposta għal trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2018.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil għandha tinbeda l-proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(3)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

  Qafas ta' Referenza Strateġiku Nazzjonali (NSRF)


ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

D (2018)41901

L-Onor. Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-applikazzjoni EGF/2018/003 EL

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG, eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2018/003 EL u adottaw l-opinjoni li tidher hawn taħt.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din l-applikazzjoni. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jippreżenta xi kummenti, bla ma jikkontesta, madankollu, it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A) Billi din l-applikazzjoni tibbaża fuq l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u għandha x'taqsam ma' 550 ħaddiem li ngħataw is-sensja fi 3 intrapriżi li joperaw fis-setturi ekonomiċi kklassifikati taħt id-Diviżjoni 58 tan-NACE Reviżjoni 2 ("Attivitajiet ta' pubblikazzjoni") fir-reġjun ta' Attika fi ħdan il-perjodu referenzjarju ta' disa' xhur;

B) Billi, sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, il-Greċja targumenta li l-bejgħ ta' kuljum u perjodiku tal-istampa naqas dawn l-aħħar snin bħala konsegwenza tal-kriżi ekonomika u finanzjarja li għadha qed taffettwa lill-Greċja flimkien mal-evoluzzjoni diġitali rapida li qed tittrasforma lis-settur tal-pubblikazzjoni. Is-settur qed jaffaċċja tnaqqis fid-dħul kemm mir-reklamar kif ukoll mill-bejgħ;

C) Billi 41,8 % tal-ħaddiema fil-mira tal-miżura huma nisa u 58,8 % huma rġiel; billi 83,63 % tal-benefiċjarji fil-mira għandhom bejn 30 u 54 sena, filwaqt li 14,7 % għandhom aktar minn 55 u 1,6 % għandhom anqas minn 30 sena.

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jintegra s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Griega:

1. Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji għall-interventi stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma ssodisfati u li, għalhekk, il-Greċja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 308 500 skont dan ir-Regolament, somma li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 3 847 500;

2. Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni mressqa mill-awtoritajiet Griegi u ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha tal-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja fl-4 ta' Ottubru 2018, u nnotifikatha lill-Parlament sa dakinhar stess;

3. Jenfasizza bi tħassib li r-reġjun ta' Attika jirrappreżenta proporzjon kbir ta' qgħad u ta' qgħad fit-tul fil-Greċja fejn il-qgħad għadu għoli;

4. Jinnota li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja jinkludu gwida okkupazzjonali, u għajnuna għat-tfittix ta' impjieg; taħriġ u taħriġ mill-ġdid skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; appoġġ għal negozji ġodda; inċentivi ta' reklutaġġ kif ukoll benefiċċji għat-tfittix ta' impjieg u għat-taħriġ;

5. Jinnota li l-benefiċċji u l-inċentivi finanzjarji, jiġifieri l-inċentivi għar-reklutaġġ, il-benefiċċji għat-tfittix ta' impjieg u għat-taħriġ huma qrib il-massimu ta' 35 % kif stabbiliti fir-Regolament;

6. Jissottolinja li l-allowances finanzjarji jiddependu mill-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira u jistgħu jservu ta' inċentiv reali fil-kuntest ekonomiku speċifiku tal-Greċja;

7. Jinnota li ebda miżura ma hija ppjanata għaż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, l-impjieg jew it-taħriġ (NEET) minkejja li r-rati tan-NEETs għadhom f'livelli għoljin fil-Greċja;

8. Jilqa' l-fatt li l-offerta ta' taħriġ ippjanata tirrifletti t-tagħlimiet misluta mill-ewwel applikazzjoni EGF-2014-018 GR Attica li, skont evalwazzjoni li għaddejja bħalissa, kisbet rati ta' integrazzjoni tajbin;

9. Jirrikonoxxi l-konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-Union tal-Ġurnalisti tal-Gazzetti li Joħorġu ta' Kuljum f'Ateni, l-assoċjazzjoni tal-ħaddiema tal-pubblikazzjonijiet ta' kuljum ta' Ateni u l-Ministeru tax-Xogħol;

10. Jinnota li l-awtoritajiet Griegi assiguraw li l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu assistenza finanzjarja minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u li kwalunkwe finanzjament doppju se jkun evitat;

11. Jilqa' l-konferma tal-Greċja li l-intrapriżi li taw is-sensji kkonformaw mal-obbligi legali tagħhom, li jirregolaw is-sensji;

12. Ifakkar li, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament, il-pakkett ikkoordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li se jkun hemm bżonn fis-suq tax-xogħol fil-futur, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi.

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG


ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Ittra indirizzata fil-15 ta' Ottubru 2018 minn Iskra Mihaylova, President tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, lil Jean Arthuis, President tal-Kumitat għall-Baġits

Traduzzjoni

Suġġett:  Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Għażiż Sur Arthuis,

Proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferita lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li hemm il-ħsieb rapport dwar din il-proposta jiġi adottat dalwaqt fil-Kumitat għall-Baġits:

-  COM(2018)0667 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG ta' EUR 2 308 500 għal 550 ħaddiem li ngħataw is-sensja fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 58 ta' NACE Reviżjoni 2 - Attivitajiet ta' pubblikazzjoni. Is-sensji li saru mill-intrapriżi kkonċernati jinsabu fir-reġjun tal-livell NUTS 2 tar-reġjun Aττική (Attika) (EL30) fil-Greċja.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta, u talbuni niktiblek biex ninfurmak li l-maġġoranza tal-Membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

(Formula ta' għeluq u firma)


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

21.11.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Richard Ashworth, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, Manuel dos Santos, André Elissen, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Monika Hohlmeier, John Howarth, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Siegfried Mureşan, Jan Olbrycht, Urmas Paet, Răzvan Popa, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Jordi Solé, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Inese Vaidere, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Stanisław Żółtek

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karine Gloanec Maurin, Tomáš Zdechovský


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

28

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Jean Arthuis, Gérard Deprez, Urmas Paet

ECR

Zbigniew Kuźmiuk

NI

Neoklis Sylikiotis

PPE

Richard Ashworth, Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Monika Hohlmeier, Siegfried Mureşan, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Inese Vaidere, Tomáš Zdechovský, Patricija Šulin

S&D

Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Karine Gloanec Maurin, John Howarth, Vladimír Maňka, Răzvan Popa, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Manuel dos Santos

VERTS/ALE

Jordi Solé, Indrek Tarand

3

-

ECR

Bernd Kölmel

ENF

André Elissen, Stanisław Żółtek

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Novembru 2018Avviż legali