Proċedura : 2018/2091(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0388/2018

Testi mressqa :

A8-0388/2018

Dibattiti :

PV 10/12/2018 - 20
CRE 10/12/2018 - 20

Votazzjonijiet :

PV 11/12/2018 - 5.18
CRE 11/12/2018 - 5.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0499

RAPPORT     
PDF 667kWORD 68k
23.11.2018
PE 625.477v02-00 A8-0388/2018

dwar l-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura

(2018/2091(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Rapporteur: Giorgos Grammatikakis

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura

(2018/2091(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra s-Summit Soċjali għall-Impjiegi Ġusti u t-Tkabbir li sar f'Gothenburg fis-17 ta' Novembru 2017, l-Aġenda tal-Mexxejja dwar l-edukazzjoni u l-kultura ta' Novembru 2017 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar id-dimensjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-kultura,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej bħala sorsi ta' tkabbir ekonomiku u ta' impjiegi(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2016 dwar politika koerenti tal-UE għall-industriji kulturali u kreattivi(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar l-istatus soċjali tal-artisti(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2011 dwar id-dimensjonijiet kulturali tal-azzjonijiet esterni tal-UE(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 intitolata "Lejn approċċ integrat għall-wirt kulturali għall-Ewropa"(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar it-tagħlim tal-UE fl-iskejjel(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar aġenda Ewropea għall-kultura fl-era tal-globalizzazzjoni(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ġunju 2018 dwar l-ostakli strutturali u finanzjarji fl-aċċess għall-kultura(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Marzu 2017 dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE(12),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, adottata mill-Organizzazzjoni tan-NU għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) fl-20 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Valur tal-Wirt Kulturali għas-Soċjetà (il-Konvenzjoni ta' Faro) tas-27 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1295/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2014 sa 2020) u li jirrevoka d-Deċiżjonijiet Nru 1718/2006/KE, Nru 1855/2006/KE u Nru 1041/2009/KE(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2007 dwar Aġenda Ewropea għall-Kultura(14),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Diċembru 2014 dwar Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2015-2018)(15),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Ħidma tal-UE għall-Kultura għall-perjodu 2015-2018,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 ta' Mejju 2015 dwar kollegamenti kulturali u kreattivi sabiex jiġu stimulati l-innovazzjoni, is-sostenibbiltà ekonomika u l-inklużjoni soċjali(16),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-8 ta' Ġunju 2016 intitolata "Lejn strateġija tal-UE għal relazzjonijiet kulturali internazzjonali" (JOIN(2016)0029),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għall-Kultura (COM(2010)0390),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2010 intitolata "L-esplojtazzjoni tal-potenzjal tal-industriji kulturali u kreattivi" (COM(2010)0183),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (2018) (COM(2016)0543),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2012 intitolata "Il-promozzjoni tas-setturi kulturali u kreattivi għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE" (COM(2012)0537),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2012 dwar il-kontenut fis-Suq Uniku Diġitali (COM(2012)0789),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Settembru 2012 intitolata "Lejn approċċ integrat għall-Ewropa lejn il-wirt kulturali" (COM(2014)0477),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2012 tal-Grupp ta' Ħidma tal-Esperti tal-Istati Membri tal-UE dwar l-Aċċess għall-Kultura,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2010 dwar it-tneħħija ta' ostakoli fiskali transkonfinali għaċ-ċittadini tal-UE (COM(2010)0769),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Novembru 2011 dwar taxxa doppja fis-suq uniku (COM(2012)0712),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2015 dwar "Modi kif jistgħu jiġu indirizzati l-ostakoli tat-taxxa transkonfinali li jiffaċċjaw l-individwi fi ħdan l-UE", maħruġ mill-grupp ta' esperti tal-Kummissjoni dwar it-tneħħija ta' problemi tat-taxxa li jiffaċċjaw individwi li huma attivi bejn il-fruntieri fi ħdan l-UE,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2017 dwar "Kif il-kultura u l-arti jistgħu jippromwovu djalogu interkulturali fil-kuntest tal-kriżi tal-migrazzjoni u r-rifuġjati", maħruġ mill-Grupp ta' Ħidma tal-Esperti tal-Istati Membri tal-UE dwar djalogu interkulturali skont il-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni (MMK),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Ruma tal-25 ta' Marzu 2017, li fiha l-mexxejja ta' 27 Stat Membru tal-UE u tal-istituzzjonijiet tal-UE esprimew ix-xewqa tagħhom għal Unjoni ambizzjuża, "fejn iċ-ċittadini jkollhom opportunitajiet ġodda għall-iżvilupp kulturali u soċjali u għat-tkabbir ekonomiku", "Unjoni li tippreserva l-wirt kulturali u tippromwovi d-diversità kulturali",

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Davos tat-22 ta' Jannar 2018 dwar Baukultur ta' kwalità għolja għall-Ewropa, li fiha l-Ministri Ewropej tal-Kultura ssottolinjaw "il-ħtieġa urġenti […] li jiġu żviluppati approċċi ġodda biex jiġu protetti u avvanzati l-valuri kulturali tal-ambjent mibni Ewropew" u li jkun hemm "approċċ olistiku, iffokat fuq il-kultura, għall-ambjent mibni",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0388/2018),

A.  billi l-prijoritajiet għall-Aġenda Ġdida u l-approċċ settorjali huma ta' min jilqagħhom; billi s-setturi kulturali u kreattivi kollha għandhom jingħataw appoġġ ugwali u mfassal apposta li jiffoka fuq sfidi settorjali u billi d-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali għandhom jinżammu bħala prijoritajiet trasversali; billi l-kultura hija ġid pubbliku u l-Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura għandu jkollha l-għan li tippreserva, tespandi u xxerred xena kulturali vibranti u diversa, filwaqt li tiżġura aċċess għal kulħadd u trawwem il-parteċipazzjoni;

B.  billi l-Aġenda Ġdida għall-Kultura għandha tipprovdi qafas flessibbli għall-bidla tal-ekosistemi kulturali u għat-trawwim ta' sinerġiji bejn is-setturi;

C.  billi l-Ewropa ħierġa minn kriżi finanzjarja serja, li matulha l-baġits nazzjonali u reġjonali għall-kultura, sfortunatament, spiss kienu fost l-ewwel li sofrew tnaqqis;

D.  billi l-Ewropa qed tiffaċċja inugwaljanzi soċjali u qgħad fost iż-żgħażagħ li qed jikbru u żieda fil-populiżmu u r-radikalizzazzjoni u billi għandha wkoll popolazzjoni li qed issir dejjem aktar diversa; billi, għaldaqstant, il-kultura hija aktar importanti minn qatt qabel biex jinkisbu l-koeżjoni soċjali u d-djalogu interkulturali u biex jiġu ggarantiti l-libertà taċ-ċittadini u d-diversità tal-espressjoni, tal-komunikazzjoni u tal-ħolqien, kif ukoll biex jinbnew pontijiet bejn l-individwi;

E.  billi s-setturi kreattivi u kulturali tal-Ewropa huma l-aktar assi b'saħħithom tal-UE; billi jirrappreżentaw 4,2 % tal-PDG tal-UE, joħolqu 8,4 miljun impjieg, li jammontaw għal 3,7 % tal-impjiegi totali fl-UE, u huma ekonomikament reżiljenti, anke fi żminijiet ta' kriżi; billi dawn is-setturi jinkoraġġixxu l-kreattività – li tikkontribwixxi għas-setturi kollha tal-attività – filwaqt li jipprovdu perċentwal ogħla ta' impjiegi fost iż-żgħażagħ u n-nisa minn setturi oħra;

F.  billi s-settur Ewropew tal-mużika huwa dinamiku ħafna u jirrappreżenta miljun impjieg u fatturat ta' EUR 25 biljun; billi, madankollu, għadu soġġett għal nuqqas serju ta' finanzjament, b'mod partikolari meta jitqiesu mudelli ta' distribuzzjoni online ġodda; billi, minn baġit totali ta' EUR 1,46 biljun għall-programm Ewropa Kreattiva, minn Lulju 2018 'il quddiem EUR 51 miljun biss ġew allokati għall-proġetti relatati mal-mużika, u primarjament mal-mużika klassika; billi dan la jirrifletti d-diversità tas-settur tal-mużika Ewropew, u lanqas il-kontribut ekonomiku, soċjali u kulturali tiegħu;

G.  billi l-kultura taqdi rwol importanti fil-koeżjoni u fl-integrazzjoni soċjali, partikolarment bil-parteċipazzjoni tal-minoranzi, il-gruppi żvantaġġati, il-komunitajiet marġinalizzati, il-migranti u r-rifuġjati fil-ħajja kulturali u soċjali, u billi l-appell speċjali għall-integrazzjoni tal-migranti fil-programm Ewropa Kreattiva rriżulta effiċjenti iżda d-domanda sebqet l-aspettattivi u ma kinitx iffinanzjata biżżejjed;

H.  billi l-artisti u l-professjonisti kulturali spiss jiffaċċjaw sitwazzjonijiet prekarji u instabbli mingħajr ebda sigurtà soċjali jew b'sigurtà soċjali dgħajfa u b'introjtu mhux prevedibbli;

I.  billi l-fatt li wieħed ikun konxju mill-kultura u jesprimi ruħu fil-qasam kulturali ġie rikonoxxut fil-livell tal-UE fir-rakkomandazzjoni riveduta dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja; billi l-arti u l-istudji umanistiċi għandhom ikunu inkorporati bis-sħiħ fis-sistemi edukattivi sabiex jikkontribwixxu għat-tiswir ta' Ewropa li tkun kollaborattiva, kreattiva u mobilizzata biex tippromwovi s-sostenibbiltà, l-integrazzjoni u l-koeżjoni ċivika;

J.  billi n-netwerks kulturali huma għodda b'saħħitha sabiex jinħolqu rabtiet interpersonali kif ukoll djalogu u relazzjonijiet paċifiċi dejjiema bejn il-fruntieri nazzjonali u, għalhekk, sabiex jitrawmu relazzjonijiet kulturali internazzjonali – li jinsabu fil-qalba tar-regolamentazzjoni mondjali – u l-ħolqien ta' spazju kulturali Ewropew;

Kummenti ġenerali

1.  Jilqa' l-Aġenda Ġdida għall-Kultura u jenfasizza li tirrappreżenta opportunità kbira sabiex tiġi adottata politika komprensiva u koerenti għall-kultura fil-livell Ewropew, rikonoxxuta miċ-ċittadini Ewropej, u barra mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza, madankollu, li ma tistax tikseb suċċess jekk ma tkunx appoġġjata minn żieda baġitarja sinifikanti għall-programm Ewropa Kreattiva u mill-iżvilupp ta' sinerġiji u interazzjonijiet ma' programmi oħra ffinanzjati mill-UE sabiex jinħoloq approċċ olistiku u trasversali għall-kultura;

2.  Itenni r-rwol tal-kultura u tas-setturi kulturali u kreattivi bħala xpruni fl-insegwiment tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni u tal-inklużjoni soċjali fit-territorju tal-Unjoni u jappella biex dan jittieħed inkonsiderazzjoni fl-allokazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Koeżjoni;

3.  Jirrikonoxxi li s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 tirrappreżenta opportunità biex iċ-ċittadini jkunu aktar konxji mill-karattru uniku tal-qawwa u d-diversità tal-kultura u tal-wirt kulturali tal-UE u l-valur intrinsiku tagħhom, kif ukoll ir-rwol essenzjali li jiżvolġu fis-soċjetajiet u fl-ekonomiji tagħna biex joħolqu sens ta' appartenenza, jippromwovu ċittadinanza attiva u jiddefinixxu l-valuri fundamentali tal-libertà, id-diversità, l-ugwaljanza, is-solidarjetà u l-ġustizzja soċjali;

4.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta Pjan ta' Azzjoni għall-Wirt Kulturali u jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir enfasi kemm fuq l-aspetti tanġibbli kif ukoll fuq dawk intanġibbli tal-wirt tal-Ewropa u fuq ir-rabtiet li dan għandu ma' proġetti u espressjonijiet artistiċi u kreattivi kontemporanji; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jinħoloq djalogu strutturat u permanenti mal-partijiet ikkonċernati biex jinġabar l-għarfien, tinbena l-kapaċità u tiġi kkoordinata l-promozzjoni tal-wirt kulturali fl-Ewropa, bħala mezz biex jiġi kkonsolidat il-patrimonju fit-tul tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali, kif ukoll il-ħtieġa li tingħata assistenza fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni; jissottolinja li dan id-djalogu strutturat għandu jinkludi s-setturi kulturali, kreattivi u patrimonjali kollha; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jħejju Pjanijiet ta' Azzjoni komplementari fil-livell nazzjonali u jqis li l-Pjan ta' Azzjoni huwa opportunità biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet kollha mqajma fi ħdan l-għaxar inizjattivi Ewropej lil hinn mis-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 u biex jitressqu r-rakkomandazzjonijiet maħruġa matul is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ħtieġa li jiġu indirizzati ċirkostanzi mhux previsti mhijiex se xxekkel l-ilħuq tal-objettivi li diġà ġew miftiehma fil-qasam tal-kultura; ifakkar li inizjattivi ġodda għandhom jiġu ffinanzjati b'baġit ġdid alimentat bi flus ġodda u mhux permezz ta' riallokazzjoni ta' fondi eżistenti;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi portal tal-UE uniku ddedikat għall-wirt kulturali, li jiġbor informazzjoni mill-programmi tal-UE kollha li jiffinanzjaw il-wirt kulturali u li jkun strutturat fi tliet taqsimiet prinċipali: opportunitajiet ta' finanzjament għall-wirt kulturali, bażi ta' data b'eżempji tal-aħjar prattiki u l-eċċellenza mill-qasam tal-wirt kulturali u r-referenzi rilevanti, u aħbarijiet u links rigward l-iżviluppi tal-politika, l-azzjonijiet u l-avvenimenti li għandhom x'jaqsmu mal-wirt kulturali;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw approċċi ġodda għall-ġbir sistematiku tad-data għas-setturi kulturali u kreattivi kollha u jiżguraw li jintużaw kodiċijiet tal-istatistika effettivi u indikaturi aktar kwalitattivi, bil-għan li jeliminaw id-distakk bejn is-settur pubbliku li qed ikollu dejjem anqas data għad-dispożizzjoni tiegħu u l-operaturi diġitali li għandhom aċċess għal ħafna informazzjoni u li jużaw din l-informazzjoni sabiex jakkwistaw ishma fis-suq u jiddestabbilizzaw l-operaturi tas-settur;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi tabelli ta' valutazzjoni tal-UE biex tkejjel il-pluraliżmu kulturali u l-pluraliżmu tal-midja, tiżviluppa indikaturi u timmonitorja l-libertà tal-espressjoni artistika fil-livell Ewropew u d-diversità fil-ħolqien, fid-distribuzzjoni u fil-provvista ta' xogħlijiet kreattivi;

9.  Jilqa' t-tnedija tal-inizjattiva "Il-Mużika Ċċaqlaq l-Ewropa" bħala l-ewwel pass sinifikanti sabiex jiġu stimulati l-kreattività, id-diversità u l-innovazzjoni fis-settur tal-mużika Ewropew u l-azzjoni settorjali dwar il-mużika fil-programm Ewropa Kreattiva; jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq il-mobbiltà tal-artisti u r-repertorju fi ħdan l-Ewropa u lil hinn minnha, id-distribuzzjoni, il-finanzjament għall-SMEs, it-trasparenza u r-responsabbiltà ta' pjattaformi diġitali għall-artisti, id-diversità ta' servizzi ta' streaming, l-aċċessibbiltà ta' informazzjoni online u mmappjar tas-settur hija u tiżviluppa azzjoni ulterjuri tal-UE dwar il-mużika;

10.  Jilqa' l-ħolqien ta' direttorju online ta' films Ewropej u t-tnedija tal-ewwel Ġimgħa tal-Films tal-UE u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, f'kollaborazzjoni mal-artisti u l-industriji kreattivi, isaħħu l-viżibbiltà taċ-ċinema Ewropea fl-Ewropa u fuq skala mondjali, b'mod partikolari billi tittejjeb id-disponibbiltà tal-films Ewropej u billi jiġi promoss l-iżvilupp ta' pjattaformi Ewropej li jagħtu aċċess għall-films tal-UE liċenzjati, filwaqt li jagħtu remunerazzjoni ġusta lill-artisti u lid-detenturi tad-drittijiet u jirrispettaw il-prinċipju tat-territorjalità; jenfasizza, barra minn hekk, l-esperjenza pożittiva tal-Premju LUX fil-promozzjoni tal-films Ewropej u fl-iffaċilitar tad-distribuzzjoni tagħhom;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-importanza tal-Aġenda Urbana għall-UE u tħeġġeġ kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-ibliet, fost partijiet ikkonċernati oħra, sabiex jistimolaw it-tkabbir u l-innovazzjoni u fl-istess ħin itejbu l-kwalità tal-ħajja fl-ibliet tal-Ewropa u jidentifikaw u jindirizzaw b'suċċess l-isfidi soċjali;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi azzjoni ddedikata għall-mobbiltà tax-xogħlijiet tal-arti, possibbilment fil-forma ta' għotja għall-ivvjaġġar, peress li dan kieku jestendi ċ-ċiklu tal-ħajja ta' ħafna proġetti li huma ffinanzjati permezz tal-programm Ewropa Kreattiva;

Dimensjoni kulturali u artistika

13.  Jirrikonoxxi l-valur intrinsiku tal-espressjoni kulturali, artistika u kreattiva ħielsa u tal-aktar aċċess wiesa' possibbli tan-nies għall-kultura, anke permezz ta' miżuri ddedikati;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-festivals Ewropej jirċievu appoġġ, peress li huma element essenzjali biex ilaqqgħu flimkien liċ-ċittadini minn madwar l-Ewropa u lil hinn minnha, filwaqt li jsaħħu r-rabtiet ta' bejniethom; jissottolinja li l-festivals huma forza ta' għaqda li għandhom impatt fuq is-soċjetà, iċ-ċittadinanza, l-ekonomija, il-wirt kulturali u l-iżvilupp estern;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis li taħtar Personalità Kulturali Ewropea tas-sena u li l-avveniment organizzat fit-tali okkażjoni jkun jinkludi sensiela ta' attivitajiet u proġetti madwar l-Ewropa li jonoraw il-ħajja u x-xogħol ta' din il-persuna u jkun jenfasizza l-impatt ta' din il-persuna fuq it-trawwim tal-valuri u l-identità Ewropej;

16.  Jappella biex il-professjonalità tal-artisti, tal-awturi u tal-operaturi kulturali, kreattivi u awdjoviżivi tintuża bħala appoġġ essenzjali għall-iżvilupp ta' dimensjoni kulturali Ewropea, għad-djalogu interkulturali, għall-innovazzjoni kulturali u artistika, għall-koeżjoni territorjali u għall-inklużjoni soċjali;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrikonoxxi l-kultura bħala strument ta' "setgħa ta' persważjoni" li jippermetti u jagħti s-setgħa liċ-ċittadini biex ikunu mexxejja responsabbli fis-soċjetà, b'integrità, entużjażmu u empatija;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti l-possibbiltà lill-Ewropa biex tkun post ta' ċittadini responsabbli li jibnu relazzjonijiet lil hinn mill-kulturi tagħhom stess, jisfidaw is-sistemi tal-ħsieb, iħeġġu l-innovazzjoni u jaħsbu għall-iżvilupp u l-involviment tal-oħrajn;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ id-diversità kulturali, l-integrazzjoni tal-migranti u l-kwalità taċ-ċittadinanza;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ kollaborazzjoni bejn professjonisti tal-kultura, edukaturi, ċittadini attivi u professjonisti tan-negozju biex jistimolaw interess pubbliku mġedded fil-kultura;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li n-netwerks kulturali jkunu appoġġjati bħala mezz ta' għarfien, esperjenza u memorja kollettivi, filwaqt li jipprovdu skambju informali ta' informazzjoni, jistimolaw id-diskussjoni u l-iżvilupp tal-kultura sabiex itejbu possibbiltajiet ulterjuri ta' mobbiltà u kooperazzjoni u jikkontribwixxu għal spazju kulturali tal-Ewropa integrat;

Dimensjoni soċjali

22.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tintroduċi azzjoni ddedikata dwar il-mobbiltà fi ħdan il-programm Ewropa Kreattiva, iżda jissottolinja li dan jirrikjedi baġit xieraq u proċeduri amministrattivi simplifikati sabiex jiġu evitati l-ostakoli, bħal dawk marbuta mal-viżi, b'mod partikolari minn pajjiżi terzi; jenfasizza li hemm bżonn azzjoni speċifika biex jiġu indirizzati x-xkiel u l-ostakoli li jirriżultaw f'tassazzjoni eċċessiva jew doppja tal-artisti;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi portal uniku li jkun fih informazzjoni dwar il-programmi ta' residenza u l-opportunitajiet ta' mobbiltà kollha disponibbli;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jikkunsidraw ineħħu l-Artikolu 17 tal-Mudell ta' Konvenzjoni dwar it-Taxxa tal-OECD mit-trattati bilaterali dwar it-taxxa bejn l-Istati Membri tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex, bħala soluzzjoni intermedja, tistabbilixxi Kodiċi ta' Kondotta settorjali dwar it-Taxxi minn Ras il-Għajn li jagħti dettalji dwar l-għażliet biex jitnaqqsu l-ispejjeż u jiġu ssimplifikati l-proċeduri billi jiġu ppreżentati l-aħjar prattiki u l-eċċezzjonijiet disponibbli;

25.  Jappella biex jiġi ggarantit id-dritt tal-ħaddiema kreattivi u artistiċi għal remunerazzjoni ġusta u għal ftehimiet kuntrattwali u kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti; jirrimarka l-impjiegi bbażati fuq proġetti, prekarji u atipiċi tal-ħaddiema kulturali fl-Ewropa; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jadottaw miżuri komprensivi sabiex inaqqsu ż-żona griża permezz tal-armonizzazzjoni u jtejbu l-kundizzjonijiet kuntrattwali tal-artisti u tal-ħallieqa madwar l-UE u fuq skala Ewropea, f'dak li għandu x'jaqsam mar-rappreżentanza kollettiva, mas-sigurtà soċjali u mat-tassazzjoni diretta u indiretta; jappella biex is-sistemi ta' sigurtà madwar l-Unjoni jqisu bis-sħiħ l-ispeċifiċitajiet ta' forom ta' impjiegi mhux standard;

26.  Jissottolinja li l-wirt kulturali u l-ispazji kulturali jaqdu rwol importanti fir-riġenerazzjoni tal-ibliet u fil-promozzjoni tal-koeżjoni fost ir-residenti; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni u liċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tagħha, li xogħolha hu li tagħti sens u direzzjoni lill-istorja tal-ibliet, biex ikomplu jiżviluppaw l-Osservatorju tal-Ibliet Kulturali u Kreattivi, u jistieden lill-ibliet u lill-muniċipalitajiet jagħmlu użu aħjar minnu;

27.  Jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-attivitajiet kulturali bbażati fuq il-viċinat fl-għoti ta' benefiċċji soċjali, ekonomiċi u tas-saħħa lill-komunitajiet lokali, b'mod partikolari f'żoni b'introjtu baxx u marġinalizzati, bħal żoni fil-periferija u żoni rurali; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri, lill-ibliet u lill-muniċipalitajiet jappoġġjaw dawn l-attivitajiet permezz ta' miżuri konkreti, bħal regolamenti mfasslin apposta dwar it-tqassim f'żoni, inizjattivi ta' finanzjament u l-użu mill-ġdid ta' faċilitajiet abbandunati;

28.  Jissottolinja li l-kultura għandha impatt ippruvat fit-trawwim tal-koeżjoni soċjali u fit-tisħiħ tas-sodisfazzjon fil-ħajja u tal-benesseri u għalhekk tiżvolġi rwol kruċjali biex ittaffi l-pressjoni li l-Ewropa tħabbat wiċċha magħha meta tospita popolazzjoni li qed issir dejjem aktar kulturalment diversa; jenfasizza r-rwol li l-kultura u d-djalogu interkulturali jista' jkollhom fl-għoti tas-setgħa lill-migranti u fl-iffaċilitar tal-integrazzjoni tagħhom;

29.  Jiddispjaċih li, skont l-Ewrobarometru tal-2017, 36 % tal-Ewropej ma pparteċipaw fl-ebda attività kulturali matul is-sena ta' qabel; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu r-rabtiet bejn il-kultura, l-arti, il-ħolqien, l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u r-riċerka artistika; jistedinhom, barra minn hekk, jinvestu fil-parteċipazzjoni tal-pubbliku, fl-involviment tal-komunitajiet u fil-kapaċità kulturali u jimplimentaw il-miżuri meħtieġa sabiex jiggarantixxu l-aċċess għall-ħajja kulturali u l-parteċipazzjoni fiha, speċjalment għall-gruppi l-aktar żvantaġġati;

30.  Iħeġġeġ sinerġiji aktar mill-qrib bejn is-settur kulturali u l-edukazzjoni, pereżempju billi jiġu mħeġġa attivitajiet extrakurrikulari jew l-involviment tal-artisti fl-iskejjel; ifakkar, f'dan ir-rigward, fil-ħtieġa li l-artisti, il-maniġers, l-għalliema, il-faċilitaturi, il-ħaddiema soċjali u professjonisti oħra attivi f'dawn il-kuntesti jingħataw biżżejjed appoġġ finanzjarju pubbliku;

31.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm miżuri effettivi biex jiġi promoss l-iżvilupp intellettwali u kulturali tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fl-isferi ta' kompetenza rispettivi tagħhom, jipprovdu finanzjament adegwat bħala appoġġ għal proġetti ta' produzzjoni kulturali mmirati lejn it-tfal;

32.  Jenfasizza l-valur miżjud li l-arti, il-mużika u l-istudji umanistiċi jiġġeneraw fil-kurrikuli tal-iskejjel, peress li jikkontribwixxu għal żieda fil-kreattività, joħolqu interess fil-kultura u jippromwovu l-ħsieb kritiku; jissottolinja li l-ħiliet kulturali u kreattivi qed isiru dejjem aktar meħtieġa fix-xenarju diġitali u jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jegħlbu diviżjoni stretta bejn id-dixxiplini, iwettqu tranżizzjoni minn approċċ STEM għal approċċ STEAM kemm fl-edukazzjoni formali u kemm f'dik mhux formali u jadottaw approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja lejn il-prattikanti kulturali, kreattivi u awdjoviżivi; jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-mużika u tal-arti fil-kurrikuli tal-iskejjel; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw l-iżvilupp ta' ktieb tal-iskola dwar l-istorja kulturali Ewropea;

33.  Jenfasizza li biex il-kultura tiffjorixxi huwa essenzjali li jiġi żgurat ambjent ta' tagħlim sikur u adegwat għall-istudenti u għall-persunal tat-tagħlim; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri jagħmlu investiment sod fiż-żamma ta' faċilitajiet pubbliċi, speċjalment l-iskejjel, bil-għan li tittejjeb is-sikurezza sismika, fejn ikun xieraq, u jiġu eliminati l-ostakoli arkitettoniċi;

34.  Jinnota li l-pass tat-tibdil teknoloġiku joħloq l-obbligu li jiġi adottat approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja li jkun aċċessibbli għall-prattikanti kulturali u li jissaħħu s-sinerġiji bejn il-kultura u l-edukazzjoni fl-oqsma formali u mhux formali;

35.  Jirrikonoxxi l-potenzjal taċ-ċentri kreattivi bħala spazji ta' ħidma konġunta għall-professjonisti tas-setturi kulturali u kreattivi; jenfasizza, madankollu, li primarjament is-setturi jeħtieġu l-bini tal-kapaċitajiet f'termini ta' ħiliet diġitali u maniġerjali minflok ma jikkonċentraw sempliċement fuq innovazzjoni diġitali ġdida;

36.  Jinnota li l-prinċipji demokratiċi u l-valuri Ewropej, bħal-libertà tal-espressjoni, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, id-demokrazija u s-solidarjetà, qed jiffaċċjaw aktar sfidi minħabba l-polarizzazzjoni dejjem tikber kemm fi ħdan l-Ewropa kif ukoll fil-livell dinji; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw approċċ strateġiku għall-protezzjoni tad-drittijiet kulturali, il-libertà tal-espressjoni artistika u l-pluraliżmu tal-midja, kif ukoll id-dritt li wieħed jieħu sehem b'mod liberu fil-ħajja kulturali, inkluż billi jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta' indikaturi u ta' sistemi ta' monitoraġġ fil-livell Ewropew;

37.  Jaqbel li l-parteċipazzjoni kulturali u l-kreattività ta' kuljum jikkontribwixxu bil-kbir għat-trawwim tad-djalogu interkulturali u għall-bini ta' soċjetajiet f'saħħithom; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li jiġi ggarantit li l-istrumenti ta' finanzjament tal-UE jkollhom kamp ta' applikazzjoni wiesa' biżżejjed biex ikopru l-valur intrinsiku u uniku tal-ħidma tal-artisti;

38.  Jirrimarka l-ħtieġa li jiġi promoss l-aċċess tan-nisa għall-professjonijiet artistiċi, kulturali u kreattivi kollha u jħeġġeġ lill-Istati Membri jeliminaw l-ostakoli li jżommu lin-nisa lura milli jiksbu aċċess għal rwoli maniġerjali fl-istituzzjonijiet u l-fondazzjonijiet kulturali, fl-akkademji u fl-universitajiet;

Dimensjoni ekonomika

39.  Jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' organizzazzjonijiet kulturali billi jipprovdu appoġġ finanzjarju stabbli, affidabbli u sostnut; jiddispjaċih li, minkejja l-valur miżjud tal-investiment kulturali għall-UE, il-programm Ewropa Kreattiva jirrappreżenta 0,15 % tal-baġit globali tal-UE, li minnu 31 % biss huwa allokat għall-kultura; jinnota li l-oqsma ta' politika tal-programm Ewropa Kreattiva se jitwessgħu; jieħu nota tal-proposta l-ġdida dwar il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u jilqa' ż-żieda proposta fil-finanzjament bħala l-ewwel pass tajjeb, iżda jappella biex il-baġit allokat għall-programm Ewropa Kreattiva l-ġdid jiġi rduppjat u biex dan il-programm isir aktar aċċessibbli għal organizzazzjonijiet iżgħar;

40.  Jenfasizza li l-popolarità tal-programm Ewropa Kreattiva, flimkien man-nuqqas ta' finanzjament u l-kumplessità amministrattiva tiegħu, wasslet għal rata ta' suċċess ta' 16,2 % biss u għal żbilanċi reġjonali u ġeografiċi sinifikanti f'termini tal-proġetti appoġġjati; jirrimarka li dan, flimkien mal-kumplessità amministrattiva, jaġixxi bħala fattur dissważiv, jiġġenera frustrazzjoni dwar il-programm u l-azzjoni kulturali tal-UE u jimpedixxi lil bosta atturi tas-setturi kulturali u kreattivi milli japplikaw; jappella, għalhekk, biex il-proċess tal-għażla jerġa' jitqies abbażi tan-nuqqasijiet identifikati fir-rapport ta' evalwazzjoni ta' nofs it-terminu;

41.  Jissottolinja l-importanza li l-aċċess għall-programm Ewropa Kreattiva jiġi ffaċilitat u ssimplifikat għall-operaturi kulturali ż-żgħar u għall-SMEs; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li tiġi introdotta fergħa ddedikata riżervata għall-operaturi kulturali żgħar u għan-negozji, b'mod partikolari dawk li jkunu ġejjin minn żoni affettwati minn diżastri naturali;

42.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li, fil-proposta tal-Kummissjoni dwar il-QFP, il-kultura u l-arti ma jissemmewx fil-maġġoranza tal-oqsma ta' politika li jikkontribwixxu għalihom u jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex, f'kollaborazzjoni mas-setturi kulturali u kreattivi, tfassal strateġiji olistiċi u kkoordinati biex il-kultura u l-arti jiġu integrati f'oqsma ta' politika oħra, b'enfasi partikolari fuq l-aċċessibbiltà tal-finanzjament għall-organizzazzjonijiet iżgħar;

43.  Jissottolinja l-impatt trasversali tal-kultura u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrapportaw dwar l-ammont ta' fondi allokat għall-kultura fil-programmi kollha ta' finanzjament u jiżguraw li mill-anqas jilħaq 1 % tal-QFP li jmiss; jistieden lir-reġjuni tal-UE biex jistabbilixxu l-kultura, il-wirt kulturali u s-setturi kulturali u kreattivi bħala prijorità fil-fondi strutturali u biex iħeġġu lill-Istati Membri jinkludu dimensjoni kulturali fl-objettivi strateġiċi tal-programmi operazzjonali tagħhom;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa portal ta' "punt uniku ta' kuntatt" li jelenka l-istrumenti kollha eżistenti ta' finanzjament tal-UE b'mod li jkun faċli għall-utenti, komprensiv, innovattiv u effiċjenti, u li joffri assistenza u linji gwida ċari rigward applikazzjonijiet;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu li jiġu allokati biżżejjed riżorsi fi ħdan l-istrumenti ta' finanzjament tal-UE abbażi tal-valur intrinsiku tal-proġetti artistiċi u kreattivi;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-oqsma kulturali li jinsabu f'periklu minħabba nuqqas ta' finanzjament jew ta' attenzjoni, bħalma huwa l-qasam tal-poeżija;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw approċċ imfassal apposta għal kull settur; ifakkar li l-għotjiet huma essenzjali meta l-ekosistema kulturali titqies fl-intier tagħha, meta l-assi intanġibbli jiġu vvalutati b'mod korrett u meta jiġu appoġġjati l-prattiki artistiċi u kulturali innovattivi; jirrimarka wkoll li, għalkemm l-istrumenti finanzjarji bħall-garanziji, is-self u l-fondi proprji huma konvenjenti għall-proġetti li jiġġeneraw profitt, l-għotjiet għandhom jibqgħu l-ewwel sors ta' finanzjament, b'mod partikolari għal strutturi iżgħar;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità ta' Garanzija Finanzjarja għas-Setturi Kulturali u Kreattivi; jiddispjaċih dwar il-kopertura ġeografika limitata tagħha u jissuġġerixxi li jingħata mikrofinanzjament fejn jidħlu atturi żgħar ħafna, peress li fil-maġġoranza kbira tagħhom is-setturi kulturali u kreattivi huma magħmulin minn SMEs, li 95 % minnhom huma mikrointrapriżi; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-banek jagħtu importanza akbar lid-drittijiet tal-awtur u lill-assi intanġibbli;

49.  Iħeġġeġ l-iżvilupp ulterjuri tal-inizjattiva tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura u tat-turiżmu kulturali sostenibbli, f'kollaborazzjoni mas-settur kulturali, mal-komunitajiet u maċ-ċittadini, kif ukoll mal-UNESCO, dwar l-għażla tas-siti ta' wirt kulturali, u mal-Kunsill tal-Ewropa, bl-iżvilupp ta' rotot kulturali; jappella biex ir-reġjuni tal-UE jiġu promossi bħala destinazzjonijiet Ewropej ta' eċċellenza (EDEN);

Digital4Culture

50.  Jinnota li r-rivoluzzjoni diġitali ttrasformat radikalment il-mod li bih l-arti u l-kultura jiġu prodotti, distribwiti u apprezzati, filwaqt li tippreżenta opportunitajiet iżda fl-istess ħin timponi sfidi kbar fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti u tal-ħallieqa li diġà huma soġġetti għal pressjoni eċċessiva u thedded is-sopravivenza ekonomika tagħhom; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu remunerazzjoni ġusta, kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti u l-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali għas-setturi kulturali u kreattivi, kif ukoll ir-rikonoxximent tal-istatus tal-artisti;

51.  Jirrikonoxxi l-kontribut pożittiv tat-teknoloġiji diġitali biex jiffaċilitaw u jżidu l-possibbiltà tal-konservazzjoni u l-aċċess f'dak li għandu x'jaqsam ma' kontenut u servizzi kulturali, artistiċi, kreattivi u awdjoviżivi, pereżempju permezz tar-realtà awmentata u virtwali u l-interfaċċji bniedem-magna, iżda anke l-produzzjoni ta' logħob tal-kompjuter edukattiv u narrattiv u l-ħolqien ta' Cloud tal-Wirt Kulturali; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu s-sinerġiji f'dan il-qasam, b'mod partikolari mal-programmi Ewropa Diġitali u Orizzont Ewropa;

52.  Iqis li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tinsab fil-qalba tad-dħul tas-setturi kulturali u kreattivi u jilqa' l-proposta l-ġdida għal direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur u l-miżuri tagħha biex jiġu protetti l-pubblikaturi tal-aħbarijiet, tiġi eliminata d-diskrepanza fil-valur bejn l-industriji kreattivi u l-pjattaformi diġitali, jiżdiedu t-trasparenza u l-bilanċ fir-relazzjonijiet kuntrattwali tal-awturi u tal-artisti tal-ispettaklu u tingħata protezzjoni mill-periklu tat-teħid tal-propjetà intellettwali; jenfasizza li huwa essenzjali li jinħoloq suq diġitali ġust li fih il-ħallieqa jiġu kkumpensati b'mod ġust;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-pjattaformi diġitali li jaqdu rwol attiv fid-distribuzzjoni, fil-promozzjoni u fl-immonetizzar tal-kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur ikollhom obbligu ċar li jiksbu liċenzji mid-detenturi tad-drittijiet u li jħallsu lill-artisti, lill-awturi, lill-pubblikaturi tal-aħbarijiet, lill-produtturi, lill-ġurnalisti u lill-ħallieqa b'mod ġust għall-użu diġitali tax-xogħlijiet tagħhom;

54.  Jenfasizza l-importanza li tiġi ppreservata r-rabta bejn l-Aġenda Ewropea għall-Kultura u l-Aġenda Diġitali sabiex is-sinerġiji eżistenti jiġu intensifikati;

55.  Ifakkar fl-importanza li jitrawmu, speċjalment fost il-minorenni, il-protezzjoni tad-data u l-litteriżmu diġitali u tal-midja, billi din hija l-aktar soluzzjoni effettiva biex tindirizza, fost l-oħrajn, il-manipulazzjoni online u l-immirar fuq livell mikro;

56.  Jenfasizza li huwa kruċjali li l-ħaddiema kulturali jingħataw ħiliet u kompetenzi diġitali adegwati, sabiex irawmu l-promozzjoni u l-konkretizzazzjoni tal-wirt kulturali;

Dimensjoni esterna

57.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-salvagwardja u l-promozzjoni tal-kultura ma ġewx inklużi bħala għan fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli; jenfasizza li l-kultura hija magna għall-iżvilupp sostenibbli u għad-djalogu interkulturali u li jistgħu jintużaw sinerġiji meta wieħed iżomm quddiem għajnejh id-dimensjoni tal-viċinat u dik internazzjonali tal-programm Ewropa Kreattiva;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod regolari lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali u żżid ir-riżorsi allokati għad-delegazzjonijiet tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam ma' inizjattivi u proġetti ta' promozzjoni kulturali, f'kollaborazzjoni wkoll mal-Istituti Nazzjonali tal-Unjoni Ewropea għall-Kultura (EUNIC);

59.  Jappoġġja l-inizjattiva tal-Kunsill biex ifassal approċċ komprensiv għar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali u jitlob il-ħolqien ta' punti fokali kulturali fid-delegazzjonijiet kollha tal-UE, it-taħriġ xieraq tal-uffiċjali u l-involviment ta' atturi lokali u li jaħdmu fuq il-post, tas-soċjetà ċivili u ta' netwerks kulturali internazzjonali, inkluż fl-azzjoni preparatorja dwar id-Djar Ewropej għall-kultura; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jirrappurtaw dwar l-istat tal-implimentazzjoni tar-relazzjonijiet kulturali internazzjonali darba kull sentejn;

°

°  °

60.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)

ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 142.

(2)

ĠU C 93, 9.3.2016, p. 95.

(3)

ĠU C 238, 6.7.2018, p. 28.

(4)

ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 25.

(5)

ĠU C 125 E, 22.5.2008, p. 223.

(6)

ĠU C 377 E, 7.12.2012, p. 135.

(7)

ĠU C 316, 22.9.2017, p. 88.

(8)

ĠU C 11, 12.1.2018, p. 16.

(9)

ĠU C 58, 15.2.2018, p. 57.

(10)

ĠU C 247 E, 15.10.2009, p. 32.

(11)

Testi adottati, P8_TA(2018)0262.

(12)

ĠU C 263, 25.7.2018, p. 19.

(13)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 221.

(14)

ĠU C 287, 29.11.2007, p. 1.

(15)

ĠU C 463, 23.12.2014, p. 4.

(16)

ĠU C 172, 27.5.2015, p. 13.


NOTA SPJEGATTIVA

L-Ewropa qed tiffaċċja diversi sfidi, bħalma hum żieda fl-inugwaljanzi soċjali, popolazzjonijiet diversi, populiżmu, radikalizzazzjoni u theddid għas-sigurtà li jxekklu s-sisien tal-integrazzjoni Ewropea u jqajmu dubju dwar is-solidarjetà bejn l-Istati Membri. F'dawn iż-żminijiet diffiċli, huwa importanti li jerġgħu jiġu identifikati r-rabtiet li jgħaqqduna lkoll flimkien. Għal dan il-għan, il-kultura għandha rwol essenzjali x'taqdi, peress li toħloq sens ta' appartenenza, tippromwovi ċittadinanza attiva u tiddefinixxi l-valuri bażiċi u l-identità tagħna.

Iżda lil hinn minn sempliċement setgħa ta' persważjoni, is-setturi kreattivi u kulturali tal-Ewropa huma effettivament l-aktar assi b'saħħithom tal-UE. Huma ekonomikament reżiljenti, anke fi żminijiet ta' kriżi, u joffru perċentwal ogħla ta' impjieg taż-żgħażagħ mill-maġġoranza tas-setturi l-oħra. Fil-fatt, huma t-tielet l-akbar impjegaturi fl-UE, wara s-settur tal-kostruzzjoni u dak tal-ikel u x-xorb, u jiġġeneraw surplus kummerċjali konsiderevoli.

Il-momentum attwali mingħajr preċedent fil-livell tal-UE għall-protezzjoni u għall-promozzjoni tal-kultura, kif espress fid-Dikjarazzjoni ta' Ruma u fis-Summit ta' Gothenburg, flimkien mas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018, joffri opportunità unika sabiex titfassal politika kulturali tal-UE koerenti, komprensiva u sostenibbli. Din hija opportunità li ma nistgħux nissograw nitilfuha, jekk aħna verament nixtiequ nibqgħu "magħqudin fid-diversità".

L-għan ta' dan ir-rapport fuq inizjattiva proprja mhuwiex biss li jikkontribwixxi għat-tfassil tal-politiki kulturali u għall-valutazzjoni tar-riżultati tal-Aġenda preċedenti. L-għan tiegħu huwa wkoll li jiżgura li jinstab il-bilanċ it-tajjeb bejn il-politiki soċjali, ekonomiċi u kulturali u li jkun hemm konsistenza bejn l-Aġenda Ġdida u programmi oħra bħal Ewropa Kreattiva u l-Ewropa għaċ-Ċittadini.

Rigward il-prijoritajiet tal-Aġenda Ġdida, ir-rapporteur jilqa' l-għażla biex dawn jiġu strutturati abbażi ta' tliet dimensjonijiet: soċjali, ekonomika u esterna, kif ukoll l-inklużjoni ta' approċċ settorjali. Ir-rapporteur jenfasizza li għandu jingħata appoġġ lis-setturi kreattivi u kulturali kollha u li d-diversità kulturali u d-djalogu interkulturali għandhom jinżammu bħala prijoritajiet trasversali.

Il-kultura wriet li għandha impatt fuq it-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali, l-inklużività, id-djalogu u l-fehim reċiproku, u fuq il-ħolqien ta' sens ta' appartenenza. Ir-rwol tagħha fl-għoti tas-setgħa lin-nies permezz tal-parteċipazzjoni u l-ħolqien kulturali ma jistax jiġi ssottovalutat. Dan huwa partikolarment importanti u jikkonċerna lill-gruppi soċjoekonomiċi kollha u lill-gruppi ta' kull età inklużi l-minoranzi, il-migranti, iż-żgħażagħ u l-anzjani, il-persuni b'diżabbiltà u dawk b'anqas opportunitajiet. L-akbar assi tal-kultura Ewropea huwa d-diversità ta' viżjonijiet, vuċijiet u espressjonijiet tagħha u dan jeħtieġ li jiġi ppreservat, imsaħħaħ u promoss.

Il-mobbiltà tal-artisti u tal-ħaddiema kulturali għandha impatt kruċjali fuq l-iżvilupp ta' spazju kulturali Ewropew. Hija prerekwiżit sabiex jiġu promossi d-diversità u l-kooperazzjoni kulturali. Għalhekk, ir-rapporteur jilqa' l-intenzjoni li jsiru żviluppi dwar l-iskema tal-mobbiltà għall-artisti u għall-professjonisti kulturali u jappella biex jiġu eliminati l-ostakoli pendenti bħall-viżi u r-riskju ta' tassazzjoni doppja.

It-tisħiħ tas-sinerġiji bejn l-edukazzjoni u l-kultura se jkun prijorità oħra tal-politika kulturali ġdida. Jeħtieġ li jiġi rikonoxxut il-valur tal-edukazzjoni msejsa fuq il-kultura u l-arti billi l-approċċ lejn l-edukazzjoni jinbidel minn STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika) għal STEAM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija, Arti u Matematika).

Madankollu, irrispettivament mill-ambizzjoni tagħha, l-Aġenda Ġdida tista' tirnexxi biss jekk tkun akkumpanjata b'appoġġ finanzjarju sostenibbli u b'żieda fl-appoġġ finanzjarju għall-kultura. Ir-rapporteur jenfasizza li l-popolarità tal-programm Ewropa Kreattiva, flimkien mal-fatt li huwa nieqes mill-fondi b'mod drammatiku, wasslet għal rata ta' suċċess totali ta' 16,2 % biss għall-perjodu 2014-2017 u 14 % f'dak li jirrigwarda l-proġetti ta' kooperazzjoni. Dan jimplika li kważi 85 % tal-proġetti, inkluż għadd kbir ta' proġetti ta' kwalità għolja, li jgħaddu mill-proċedura – burokratikament oneruża – tal-applikazzjoni, ma jirċievu l-ebda appoġġ. Dan jaġixxi bħala fattur dissważiv u jimpedixxi lil bosta atturi fi ħdan is-setturi kulturali u kreattivi milli saħansitra japplikaw, minkejja li jiffaċċjaw skarsezza ta' fondi.

Għalhekk, ir-rapporteur jappella biex il-baġit għall-programm Ewropa Kreattiva jiġi rduppjat u biex tiġi żviluppata strateġija olistika u kkoordinata ħalli l-kultura tiġi integrata f'oqsma ta' politika oħra. Għal dan il-għan, huwa jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrapportaw dwar l-ammont ta' fondi allokat bħalissa għall-kultura fil-programmi kollha ta' finanzjament u jiżguraw li mill-anqas jilħaq 1 % tal-QFP li jmiss. Ir-rapporteur jistieden ukoll lill-Kummissjoni Ewropea tiżviluppa sit web/portal ta' "punt uniku ta' kuntatt" fejn l-istrumenti ta' finanzjament kollha eżistenti tal-UE jiġu elenkati b'mod li jkun faċli għall-utenti, komprensiv u effiċjenti.

Il-Mużika Ċċaqlaq l-Ewropa

Is-settur Ewropew tal-mużika huwa dinamiku ħafna u jirrappreżenta miljun impjieg u fatturat ta' EUR 25 biljun. L-Ewropa għandha xi wħud mill-artisti, kompożituri, kumpaniji tad-diski, postijiet, festivals u pjattaformi tal-istreaming tal-mużika ewlenin fid-dinja. Madankollu, is-settur tal-mużika għadu soġġett għal nuqqas serju ta' finanzjament u s'issa bbenefika biss minn 3 % tal-baġit totali tal-programm Ewropa Kreattiva, porzjon li bl-ebda mod ma jirrifletti l-kontribut ekonomiku, soċjali u kulturali tas-settur tal-mużika. Ir-rapporteur jappoġġja bis-sħiħ l-Azzjoni Preparatorja tal-Parlament Ewropew "Il-Mużika Ċċaqlaq l-Ewropa" bħala l-ewwel pass sinifikanti sabiex jiġu stimolati l-kreattività, id-diversità u l-innovazzjoni fis-settur tal-mużika Ewropew u jilqa' l-azzjoni settorjali tal-Kummissjoni dwar il-mużika fil-programm Ewropa Kreattiva. Huwa jisħaq fuq il-ħtieġa li ssir enfasi speċjali fuq atturi iżgħar, peress li fis-settur tal-mużika rrekordjata, 99 % tal-kumpaniji tad-diski huma SMEs u jammontaw għal 80 % tad-diski ġodda li joħorġu.

Dimensjoni esterna

L-iskambji kulturali jistgħu jaġixxu bħala pont b'saħħtu bejn persuni bi sfondi etniċi, reliġjużi u soċjali differenti billi jirrinforzaw id-djalogu interkulturali u l-fehim reċiproku. Tul l-istorja tal-UE, ir-relazzjonijiet kulturali kienu xpruni fundamentali tal-koeżjoni soċjali u tal-iżvilupp sostenibbli. Jaqdu rwol kruċjali biex isaħħu l-kapaċitajiet tas-soċjetà ċivili u l-kuntatti bejn il-persuni u biex jimpedixxu r-radikalizzazzjoni, bil-għan li jipproteġu l-wirt kulturali, u jagħtu sehemhom fil-prevenzjoni, fir-riżoluzzjoni u fir-reżiljenza tal-kunflitti. Għalhekk, il-kultura għandha ssir parti essenzjali mid-djalogu politiku ma' pajjiżi terzi u hemm bżonn li l-kultura tiġi integrata b'mod sistematiku fil-proġetti u fil-programmi tal-azzjoni esterna. Ir-rapporteur jappella biex l-Istrateġija għar-Relazzjonijiet Kulturali Esterni tiġi implimentata billi tingħata attenzjoni xierqa lill-organizzazzjonijiet u lill-atturi kulturali lokali u li jaħdmu fuq il-post. L-għan mhuwiex li l-kultura Ewropea tiġi esportata, iżda li jinħolqu rabtiet u jissaħħu d-djalogu interkulturali u r-relazzjonijiet paċifiċi.

Ir-rapporteur jirrikonoxxi l-importanza tal-aspetti msemmijin hawn fuq, iżda jinsisti fuq il-fatt li għandu dejjem ikun hemm bilanċ bejniethom u li l-valur intrinsiku tal-kultura huwa l-objettiv ewlieni tal-politiki kulturali. Ir-rapporteur jenfasizza li għandhom jiġu allokati biżżejjed fondi abbażi tal-valur intrinsiku tal-proġetti artistiċi u kreattivi u li l-ħtieġa li jiġu indirizzati ċirkostanzi ġodda mhux previsti, bħall-integrazzjoni tar-rifuġjati, għandha tiġi appoġġjata b'fondi ġodda u m'għandhiex iddgħajjef l-objettivi u l-programmi li diġà ġew miftiehma fil-qasam tal-kultura.

Ir-rapporteur jilqa' l-istrateġija digital4culture peress li r-rivoluzzjoni diġitali ttrasformat radikalment il-mod li bih l-arti u l-kultura jiġu prodotti, distribwiti u apprezzati, filwaqt li tippreżenta opportunitajiet għal tixrid usa' tal-kontenut iżda fl-istess ħin timponi sfidi kbar fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-artisti u tal-ħallieqa li diġà huma soġġetti għal pressjoni eċċessiva u thedded is-sopravivenza ekonomika tagħhom. Ir-rapporteur jenfasizza li l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta' drittijiet relatati tinsab fil-qalba tad-dħul tal-industriji kreattivi u kulturali.

Peress li ma jistax ikun hemm arti mingħajr artisti, ir-rapporteur jenfasizza l-ħtieġa li l-ħallieqa jiġu protetti fix-xenarju diġitali u għal dan il-għan jilqa' l-proposta għad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Awtur. Huwa jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżguraw li l-pjattaformi diġitali li jaqdu rwol attiv fid-distribuzzjoni, fil-promozzjoni u fl-immonetizzar tal-kontenut protett bid-drittijiet tal-awtur ikollhom obbligu ċar li jiksbu liċenzji mid-detenturi tad-drittijiet u li jħallsu lill-artisti, lill-awturi, lill-pubblikaturi tal-aħbarijiet, lill-produtturi, lill-ġurnalisti u lill-ħallieqa b'mod ġust għall-użu diġitali tax-xogħlijiet tagħhom. Huwa importanti li jiġi ċċarat li l-eżenzjonijiet mir-responsabbiltà jistgħu japplikaw biss għal fornituri ta' servizzi online ġenwinament newtrali u passivi, kif definiti mid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku u mill-ġurisprudenza tal-QĠUE.

Is-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali mmobilizzat bosta atturi tas-soċjetà ċivili u korpi pubbliċi fl-UE kollha u wriet li l-kultura tista', u għandha, tiġi integrata fl-oqsma kollha ta' politika. Wasal iż-żmien li jiġi żgurat il-wirt sostenibbli ta' din l-inizjattiva, kemm fil-livell tal-kontenut kif ukoll f'livell organizzazzjonali, sabiex b'hekk dawn l-isforzi ma jintilfux. Ir-rapporteur jenfasizza l-ħtieġa li jitqiesu kemm l-elementi tanġibbli kif ukoll dawk intanġibbli tal-wirt kulturali u li tiġi eżaminata r-rabta li għandhom mal-kultura u mal-ħolqien kontemporanji.

Ir-rapporteur jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati approċċi ġodda għall-ġbir tad-data għas-setturi kulturali u kreattivi kollha u l-użu ta' indikaturi aktar kwalitattivi sabiex ikun hemm titjib kemm fit-tiswir tal-politiki kulturali kif ukoll fil-kejl tal-impatt tagħhom. Fil-preżent, hemm distakk enormi bejn is-settur pubbliku li qed ikollu dejjem anqas data għad-dispożizzjoni tiegħu u l-operaturi diġitali li għandhom aċċess għal ħafna informazzjoni. Fl-aħħar nett, peress li t-tixrid diġitali tal-arti Ewropea huwa tal-ogħla importanza, ir-rapporteur jirrakkomanda wkoll li tiġi żviluppata pjattaforma diġitali Ewropea li tipprovdi aċċess għall-films tal-UE liċenzjati.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.11.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Damian Drăghici, Angel Dzhambazki, María Teresa Giménez Barbat, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Svetoslav Hristov Malinov, Rupert Matthews, Luigi Morgano, Yana Toom, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Norbert Erdős, Santiago Fisas Ayxelà, Dietmar Köster, Emma McClarkin, Michel Reimon

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Nicola Danti, Tomáš Zdechovský


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

21

+

ALDE

Mircea Diaconu, María Teresa Giménez Barbat

EFDD

Isabella Adinolfi

PPE

Norbert Erdős, Santiago Fisas Ayxelà, Svetoslav Hristov Malinov, Sabine Verheyen, Theodoros Zagorakis, Tomáš Zdechovský, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver

S&D

Silvia Costa, Nicola Danti, Damian Drăghici, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Dietmar Köster, Luigi Morgano, Julie Ward

VERTS/ALE

Michel Reimon, Helga Trüpel

4

-

ECR

Angel Dzhambazki, Emma McClarkin, Rupert Matthews

ENF

Dominique Bilde

2

0

ALDE

Yana Toom

GUE/NGL

Nikolaos Chountis

It-tifsira tas-simboli:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 6 ta' Diċembru 2018Avviż legali