Proċedura : 2018/2097(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0392/2018

Testi mressqa :

A8-0392/2018

Dibattiti :

PV 11/12/2018 - 16
CRE 11/12/2018 - 16

Votazzjonijiet :

PV 12/12/2018 - 12.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0513

RAPPORT     
PDF 574kWORD 63k
26.11.2018
PE 626.935v02-00 A8-0392/2018

Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni

(2018/2097(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: David McAllister

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TAL-MINORANZA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni

(2018/2097(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Att Finali ta' Helsinki tal-1975, ippubblikat mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE),

–  wara li kkunsidra t-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO tal-10 ta' Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar ir-responsabbiltà politika,

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea tal-2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-7 ta' Ġunju 2017 intitolata "Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE" (JOIN(2017)0021),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0392/2018),

A.  billi l-kuntest ta' sigurtà tal-UE llum huwa aktar volatili, imprevedibbli, kumpless u ambigwu milli qatt kien mit-tmiem tal-Gwerra Bierda 'l hawn, fi żmien meta qed nikkonfrontaw kunflitti bejn stati, diżastri naturali, terroriżmu, stati falluti, attakki ċibernetiċi u l-gwerra ibrida; billi jista' jkun li l-politiki kurrenti tal-UE ma għadhomx suffiċjenti għall-promozzjoni ta' viċinat stabbli u prosperu; billi l-UE għandha responsabbiltà tikber li tiżgura s-sigurtà tagħha stess, filwaqt li tiddefendi l-interessi u l-valuri tagħha;

B.  billi l-azzjoni esterna tal-UE għandha impatt dirett fuq il-ħajja taċ-ċittadini tagħna, kemm fl-Unjoni Ewropea kif ukoll barra minnha, kemm billi tappoġġa l-paċi, il-kooperazzjoni ekonomika, is-sigurtà u l-istabbiltà fi ħdan il-fruntieri tagħna u lil hinn minnhom, tipprevjeni l-kriżijiet qabel ma jseħħu, iġġestihom biex tevita effetti konsegwenzjali negattivi jew billi tiffaċilita r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti;

C.  billi l-popolazzjoni tal-UE qiegħda tonqos u, skont it-tbassir, għall-ħabta tas-sena 2050 se tirrappreżenta biss 5 % tal-popolazzjoni dinjija, meta mqabbla ma' 13 % fl-1960;

D.  billi, sal-2050, aktar minn nofs it-tkabbir demografiku tad-dinja mistenni li jsir fl-Afrika, li mistennija tirrappreżenta 1,3 biljun miż-2,4 biljun ruħ addizzjonali fuq il-pjaneta; billi l-konċentrazzjoni ta' dan it-tkabbir f'xi wħud mill-ifqar pajjiżi se twassal għal sensiela ta' sfidi ġodda li, jekk ma jiġux indirizzati minnufih, se jkollhom effetti qerrieda kemm għall-pajjiżi kkonċernati kif ukoll għall-Unjoni Ewropea;

E.  billi, sal-2050, iċ-Ċina, l-Istati Uniti u l-Indja jistgħu jkunu saru l-potenzi ekonomiċi ewlenin tad-dinja, b'saħansitra aktar saħħa politika milli għandhom illum, filwaqt li, f'ridistribuzzjoni fit-tul tal-importanza ekonomika u politika, l-ebda waħda mill-akbar ekonomiji tad-dinja mhi se tkun dik ta' Stat Membru tal-UE, u l-Unjoni Ewropea għalhekk se tiffaċċja bilanċ radikalment differenti tal-poter dinji li se jirrikjedi sforzi mġedda biex l-istituzzjonijiet ta' governanza globali eżistenti jissaħħu;

F.  billi l-ordni dinji l-ġdid qed isir dejjem aktar ikkaratterizzat minn asimmetrija, fejn bosta atturi mhux statali qawwew l-influwenza tagħhom tul dawn l-aħħar għaxar snin, minn NGOs li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, il-kummerċ ġust u l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, sa korporazzjonijiet transnazzjonali li jinfluwenzaw il-politika tal-gvernijiet u attivisti tal-midja soċjali li jitolbu bidla demokratika; billi l-gruppi tal-kriminalità organizzata internazzjonali u l-organizzazzjonijiet terroristiċi qed jippruvaw jimminaw il-prinċipji demokratiċi; billi, madankollu, il-multilateraliżmu li huwa wisq għal qalb l-Ewropa qed jiġi kkontestat dejjem aktar, iżda l-ebda stat emerġenti jew attur mhux statali ma jista' jimponi viżjoni dinjija inkontestabbli;

G.  billi l-globalizzazzjoni qawwiet l-interdipendenza, għax id-deċiżjonijiet li jittieħdu f'Beijing jew f'Washington iħallu impatt dirett fuq ħajjitna; billi, min-naħa l-oħra, l-interdipendenza wasslet biex l-opinjoni pubblika globali tagħraf il-ħtieġa ta' soluzzjonijiet transnazzjonali biex jiġu indirizzati problemi transnazzjonali u biex l-organizzazzjonijiet multilaterali jtejbu l-governanza globali;

H.  billi kważi kwart tal-popolazzjoni dinjija jgħix fi stati jew f'soċjetajiet fraġli; billi dawn kulma jmur qed isiru mixtla tal-inugwaljanza soċjoekonomika li, flimkien mat-tibdil fil-klima, hija sfida immedjata għall-istabbiltà, id-demokrazija u l-paċi;

I.  billi l-aspirazzjonijiet tal-UE għal tmexxija u influwenza globali ġew imminati minħabba l-kriżi finanzjarja, il-mod kif immaniġġjat il-kriżi bla preċedent tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati, Ewroxettiċiżmu dejjem jikber, il-proliferazzjoni ta' kriżijiet fuq l-għatba tagħna, nuqqas ta' konsistenza fil-politika barranija, xettiċiżmu dejjem akbar fl-opinjoni pubblika Ewropea rigward il-projezzjoni tal-forza fuq livell dinji u n-nuqqas ta' awtonomija strateġika effikaċi tal-UE, li tat lok għal tendenza li nirreaġixxu għall-ġrajjiet pjuttost milli nsawruhom; billi l-UE xorta waħda tibqa' fuq quddiem nett fid-dinja f'dak li jirrigwarda l-istandards regolatorji;

J.  billi xi demokraziji tal-Punent saru aktar vulnerabbli, protezzjonisti u introspettivi, u qegħdin jaqilbu lejn l-estremi f'mument meta l-kooperazzjoni multilaterali tirrappreżenta l-uniku mod kif nistgħu nagħtu risposta effikaċi għall-isfidi globali; billi setgħat bħaċ-Ċina jew ir-Russja qed jippruvaw jimlew dan il-vojt u qed ifittxu li jisfidaw il-governanza globali eżistenti bbażata fuq id-dritt internazzjonali, aktar milli jħaddnuha; billi l-istati tal-aħħar għandhom approċċ differenti rigward il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, li mhuwiex marbut ma' titjib fl-istat tad-dritt jew ma' riformi demokratiċi oħra;

K.  billi l-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt (PAKK) mal-Iran huwa kisba multilaterali sinifikanti fit-triq lejn Lvant Nofsani stabbli u paċifiku; billi d-deċiżjoni tal-President Trump li jirtira mill-PAKK u jimponi sanzjonijiet sekondarji fuq il-kumpaniji Ewropej li jagħmlu negozju leġittimu mal-Iran huwa ta' dispjaċir kbir u jdgħajjef is-sovranità ekonomika Ewropea, u b'hekk jirrileva d-dipendenza problematika tal-UE fuq is-sistema ta' tranżazzjonijiet bid-dollaru Amerikan; billi l-UE u l-Istati Membri affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom favur il-PAKK u ħadu miżuri biex jipproteġu l-interessi ekonomiċi leġittimi Ewropej;

L.  billi l-ISIS, Al Qaeda, u organizzazzjonijiet terroristiċi internazzjonali oħra għadhom jirrappreżentaw theddida sinifikanti għall-Ewropa u għan-nazzjonijiet tad-dinja;

M.  billi s-sigurtà Ewropea hija bbażata fuq l-ambizzjoni ta' awtonomija strateġika komuni, kif tissottolinja l-Istrateġija Globali tal-Unjoni; billi politika barranija komuni ambizzjuża, kredibbli u effikaċi trid tkun appoġġata b'riżorsi finanzjarji u b'mezzi adegwati, u trid tkun ibbażata fuq approċċ koerenti, f'waqtu u konsistenti min-naħa tal-Istati Membri;

1.  Jenfasizza li wasal il-waqt li l-Unjoni Ewropea tieħu f'idejha d-destin tagħha; huwa tal-fehma li l-UE għandha tħaddan ir-rwol tagħha bħala potenza politika u ekonomika tassew sovrana fir-relazzjonijiet internazzjonali, li tikkontribwixxi għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti fid-dinja u ssawwar il-governanza globali; jenfasizza, għalhekk, li politika estera u ta' sigurtà komuni tal-Ewropa, ibbażata fuq awtonomija strateġika u fuq l-integrazzjoni tagħha, inkluż f'termini ta' kapaċitajiet, fl-oqsma tal-industrija u tal-operazzjonijiet, hija meħtieġa biex tippromwovi l-interessi komuni tagħna flimkien mal-prinċipji u l-valuri tagħna;

2.  Huwa konvint li l-ebda Stat Membru individwali tal-UE ma jista', waħdu, jirrispondi għall-isfidi globali tal-lum b'mod effikaċi; jemmen li, jekk l-Istati Membri jiġbdu ħabel wieħed fl-UE, jistgħu jeżerċitaw influwenza fix-xena dinjija li, għajr hekk, ma jkollhomx; huwa konvint li 28 Stat Membru li jaħdmu flimkien favur pożizzjonijiet koerenti u unifikati u li jirrappreżentaw 500 miljun ċittadin, jipprovdu aktar piż fin-negozjati internazzjonali, fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tar-responsabbiltà, u fl-istabbiliment ta' regolamenti internazzjonali u ta' standards politiċi, demokratiċi, ambjentali, soċjali u ekonomiċi; jemmen, barra minn hekk, li taħt il-protezzjoni tal-mudell soċjali tal-UE, il-globalizzazzjoni tista' tirrappreżenta opportunità għaċ-ċittadini tal-UE u mhux theddida, opportunità li jeħtieġ li l-mexxejja Ewropej u nazzjonali jikkomunikawha b'mod ċar u pożittiv;

3.  Jiddispjaċih għall-fatt li, spiss wisq, l-Istati Membri jagħtu prijorità lill-interessi nazzjonali tagħhom, indipendentement mill-konsegwenzi possibbli fil-livell Ewropew, u b'hekk jimminaw l-għaqda fi ħdan l-UE, il-konsistenza u l-effikaċja tagħha, u konsegwentement il-kredibbiltà tagħha bħala attur globali; jitlob tqassim aħjar tar-responsabbiltajiet, aktar solidarjetà u koordinament imtejjeb bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha; ifakkar fil-ħtieġa li l-politiki esterni tal-UE jkunu konsistenti bejniethom kif ukoll ma' politiki oħrajn li għandhom dimensjoni esterna, u li jkunu kkoordinati mas-sħab internazzjonali; jemmen li kooperazzjoni tajba fost l-Istati Membri hija fundamentali biex nissalvagwardjaw id-demokrazija, il-libertà u l-istandards soċjali u ambjentali tagħna; jissottolinja l-ħtieġa li l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-pajjiżi sħab u l-organizzazzjonijiet internazzjonali tiġi estiża;

4.  Ifakkar li, meta t-28 Stat Membru jitqiesu lkoll flimkien, l-UE hija l-akbar ekonomija tad-dinja b'aktar minn nofs biljun ruħ, u li l-ewro huwa t-tieni l-aktar munita ta' riserva importanti; jenfasizza li, abbażi tal-kontribuzzjonijiet kollettivi tal-istituzzjonijiet tal-UE u dawk tal-Istati Membri individwali, l-UE hija wkoll l-akbar donatur ta' għajnuna għall-iżvilupp fid-dinja;

5.  Jenfasizza li l-approċċ Ewropew fir-rigward tar-relazzjonijiet esterni huwa kkaratterizzat minn dawn li ġejjin:

–  promozzjoni u salvagwardja tal-valuri universali, bħall-paċi, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, inklużi d-drittijiet tal-minoranzi;

–  impenn favur il-multilateraliżmu u ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, bis-sostenn tas-sistema tan-NU u ta' organizzazzjonijiet reġjonali bħall-OSKE;

–  enfasi fuq il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti, il-medjazzjoni, ir-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti, il-konsolidazzjoni tal-paċi u l-bini tal-istituzzjonijiet;

–  promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, l-għajnuna u l-kooperazzjoni ekonomika, il-kummerċ ġust, il-ftehimiet favur il-klima u sorsi alternattivi ta' enerġija;

6.  Jenfasizza li l-UE għandha tibqa' leali lejn il-prinċipji tagħha ta' demokrazija, drittijiet tal-bniedem u stat tad-dritt, kif minquxa fit-Trattati; jisħaq fuq l-importanza li jiġi vvalutat jekk il-promozzjoni ta' dawn il-prinċipji fil-pajjiżi terzi rnexxietx, u li ssir evalwazzjoni tal-ispazju għal titjib ulterjuri; jenfasizza li r-reputazzjoni tal-UE bħala promotur ta' dawn il-prinċipji tista' tiġi sostnuta biss jekk tiżgura li dawn il-prinċipji preċiżi jkunu protetti u mħarsa fl-Istati Membri kollha tagħha;

7.  Iħeġġeġ, barra minn hekk, li tiġi kkunsidrata politika ta' "anqas għal anqas" fir-rigward ta' dawk il-pajjiżi li jmorru lura f'termini ta' governanza, demokrazija u drittijiet tal-bniedem; iqis li l-UE għandha tuża l-istrumenti tal-politika barranija tagħha b'mod aktar effikaċi, inklużi l-istrumenti kummerċjali u tal-iżvilupp bħal ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi meta jkun qed iseħħ ksur tal-istandards demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li tiżgura b'mod partikolari li l-ebda ftehim ma jiġi ratifikat sakemm jiġu ssodisfati l-parametri referenzjarji tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li l-UE u l-Istati Membri jadottaw mandati ta' ġid mhux ġustifikat biex jindirizzaw il-korruzzjoni fil-pajjiżi terzi; ifakkar li s-sanzjonijiet ekonomiċi huma għodda b'saħħitha tad-diplomazija koerċittiva; jinnota li, f'ċerti każijiet, il-pożizzjonijiet tal-politika barranija adottati mill-Parlament ma jiġux segwiti fil-livell tal-Unjoni, u jinsisti li l-Kunsill u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) iqisuhom aktar bir-reqqa;

8.  Jitlob li s-SEAE, il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Istati Membri individwali jaġixxu b'mod strateġiku billi jħaddmu approċċ integrat u billi jużaw il-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom, inklużi l-għodod tal-kummerċ, tal-iżvilupp, tad-diplomazija, dawk ċivili u militari tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), kif ukoll il-komunikazzjoni strateġika u d-diplomazija pubblika biex isaħħu l-influwenza ġeopolitika u l-immaġni ġenerali tal-UE fid-dinja u jipproteġu l-interessi tagħha, inkluż billi jqawwu s-sovranità ekonomika u l-awtonomija strateġika tal-UE; jirrileva r-rwol komplementari li jista' jkollhom f'dan il-proċess id-diplomazija ambjentali, kulturali, akkademika u forom oħra ta' diplomazija "alternattiva";

9.  Jitlob li biżżejjed riżorsi finanzjarji jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-azzjoni esterna tal-UE fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) li jmiss għall-perjodu mill-2021 sal-2027, u li l-UE tiffoka r-riżorsi tagħha fuq prijoritajiet strateġiċi; ifakkar fir-rwol importanti tal-istrumenti finanzjarji esterni biex jinġiebu 'l quddiem l-interessi tal-politika barranija tal-UE; jissottolinja l-importanza li jissaħħu l-koerenza, l-effikaċja, il-kapaċità ta' rispons u l-flessibilità tal-istrumenti ta' finanzjament estern; jenfasizza l-ħtieġa li l-Parlament jiġi involut b'mod adegwat fl-iskrutinju u fit-tmexxija strateġika tal-istrumenti; huwa tal-fehma li l-isfidi dejjem akbar preżenti fil-viċinat tal-UE u lil hinn minnu jirrikjedu approprjazzjonijiet konsiderevolment ogħla għall-azzjoni esterna u tisħiħ sinifikanti tagħha;

10.  Jitlob li s-SEAE jinvesti "koalizzjonijiet abbażi ta' kwistjonijiet" ma' pajjiżi li jaħsbuha bħalna, bil-għan li jsostnu ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli, il-multilateraliżmu u l-kummerċ ħieles, u jaħdmu favur soluzzjonijiet kooperattivi għall-isfidi globali, fosthom bilanċ tal-potenzi li qed jinbidel; jitlob li s-SEAE jaħdem mal-potenzi emerġenti biex jipprovdu beni pubbliċi globali bħall-paċi u s-sigurtà, anke billi jikkollaboraw f'operazzjonijiet tal-prevenzjoni u tal-ġestjoni tal-kriżijiet fid-dinja, fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, inklużi l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, arja u ilma nodfa u art ħielsa mit-tniġġis, kif ukoll fid-difiża u fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istabbiltà finanzjarja; ifakkar fl-importanza tar-relazzjonijiet interparlamentari biex dawn l-għanijiet ikunu sostnuti;

11.  Jikkundanna l-użu ripetut mir-Russja tas-setgħa tal-veto tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u jqis li dan jimmina l-isforzi internazzjonali għall-paċi u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti; jinnota li l-istaġnar fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU qiegħed jimpedixxi l-azzjoni mill-komunità internazzjonali u jipprevjeni r-riżoluzzjoni tal-kriżijiet; jitlob għal darb' oħra li l-Istati Membri jappoġġaw riformi fil-kompożizzjoni u fil-funzjonament tal-Kunsill tas-Sigurtà; Jenfasizza li l-UE hija impenjata li ssaħħaħ ir-rwol internazzjonali tan-NU ;

12.  Jinnota li l-UE qdiet rwol importanti biex ittaffi u ssolvi l-kriżijiet tal-politika barranija, partikolarment meta ċerti Stati Membri ħadu r-riedni f'idejhom, taħt l-awspiċji tal-Unjoni kollha kemm hi, bħal fil-każ tal-Format ta' Normandija jew tan-negozjati UE3+3 mal-Iran; huwa tal-fehma li, filwaqt li tiġi segwita kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tas-sigurtà u tad-difiża fit-tul, l-istabbiliment, fejn jitqies li jkun f'loku, ta' koalizzjonijiet ad hoc ta' Stati Membri li jistgħu jintervjenu malajr b'reazzjoni għal kriżijiet internazzjonali jista' jagħmel l-azzjoni esterna tal-UE aktar flessibbli u kapaċi tirrispondi bla dewmien biex tindirizza sitwazzjonijiet li qed jinbidlu, billi jnaqqas il-pressjoni li jkun irid jintlaħaq kunsens universali fost l-Istati Membri;

13.  Jilqa' r-rwol dejjem jikber tal-UE, inkluż dak tal-missjonijiet ċivili u militari tagħha tal-PSDK fiż-żamma tal-paċi, fil-prevenzjoni tal-kunflitti, fit-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali u fir-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti bħala mezz għall-ksib ta' paċi fit-tul; ifakkar li r-riżoluzzjoni tal-kunflitti tirnexxi aktar meta n-nisa jkollhom rwol formali fil-proċess u jitlob li jipparteċipaw aktar f'tali missjonijiet;

14.  Jifhem li l-qrubija għat-theddid tiddetermina l-prijoritajiet politiċi; jitlob, madankollu, li l-Istati Membri kollha jirrispettaw il-prinċipju ta' solidarjetà stabbilit fit-Trattati (l-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) u jieħdu l-passi neċessarji biex jirrispondu għall-kriżi tal-migrazzjoni, bħalma l-Istati Membri kollha rrispondew bi spirtu ta' solidarjetà għall-isfidi maħluqa mir-Russja assertiva u miċ-Ċina f'kuntest ekonomiku u ta' sigurtà; jemmen ukoll li l-kriżijiet kurrenti qegħdin ipoġġu taħt prova r-rieda tal-Istati Membri li jikkooperaw b'mod aktar effikaċi biex jindirizzaw sfidi komuni; jitlob li l-popolazzjonijiet milquta mill-kunflitti jingħataw aktar għajnuna u assistenza umanitarja;

15.  Josserva li s-sigurtà interna u esterna huma dejjem aktar marbutin mill-qrib ma' xulxin; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza interna tal-UE għall-interferenza esterna u li tiġi stabbilita strateġija komuni mas-sħab internazzjonali, kemm fir-rigward tal-protezzjoni tal-infrastruttura kritika kif ukoll tal-istituzzjonijiet bażiċi u l-karatteristiċi tad-demokraziji tagħna; jappoġġa lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ biex itejbu aktar ir-reżiljenza tal-UE, bħala parti minn strateġija għat-tnaqqis tar-riskju, għall-attakki terroristiċi, b'mod partikolari t-terroriżmu ġiħadista bħala waħda mill-isfidi ewlenin li qed tħabbat wiċċha magħhom is-sikurezza pubblika fl-UE llum, ir-radikalizzazzjoni, il-migrazzjoni illegali, l-użu ripetut tal-armi kimiċi, il-propaganda, il-kampanji ta' diżinformazzjoni online u offline, it-tentattivi min-naħa tar-Russi ta' attakki ċibernetiċi u interferenzi matul l-elezzjonijiet u l-kampanji ta' referendum u theddid ibridu ieħor li kollha jeħtieġu azzjoni rapida, assertiva u kkoordinata; jissottolinja li għandhom jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex tiġi evitata kwalunkwe interferenza fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019;

16.  Jenfasizza l-fatt li s-sħubija transatlantika qed tħabbat wiċċha ma' għadd sinifikanti ta' sfidi u tfixkil fuq medda qasira ta' żmien, iżda għadha indispensabbli għas-sigurtà u l-prosperità fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku; jiddispjaċih li l-Istati Uniti rtiraw progressivament mill-ordni dinji multilaterali bbażat fuq ir-regoli, jiġifieri mill-Ftehim ta' Pariġi, il-Ftehim tal-PAKK, il-Ftehim tas-Sħubija Trans-Paċifika (TPP) u l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, li interrompew il-finanzjament għall-UNRWA u diversi aġenziji tan-NU u fora multilaterali, kif ukoll għall-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi, u li attakkaw lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); jistieden lill-UE turi unità, fermezza u proporzjonalità fir-reazzjonijiet tagħha għal dawn id-deċiżjonijiet, tafferma mill-ġdid l-appoġġ sħiħ tagħha għall-PAKK, tiżgura riżultati ekonomiċi tanġibbli mal-Iran u tipproteġi lill-kumpaniji Ewropej li jinvestu fl-Iran kontra s-sanzjonijiet tal-Istati Uniti; jistieden, barra minn hekk, lill-UE żżid l-isforzi tagħha fir-rigward tad-diplomazija dwar it-tibdil fil-klima u tinkludi l-adeżjoni mal-Ftehim ta' Pariġi fi kwalunkwe ftehim kummerċjali u ta' investiment;

17.  Jisħaq fuq il-fatt li l-investiment fl-istabbiltà u fil-prosperità tal-Balkani tal-Punent irid ikompli jkun prijorità ewlenija għall-Unjoni Ewropea; itenni li l-perspettiva Ewropea għall-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent trid twassal għal sħubija sħiħa tal-pajjiżi kkonċernati, dment li jintlaħqu l-kriterji kollha; jenfasizza li l-proċess ta' tkabbir huwa bbażat fuq il-mertu, fuq kundizzjonalitajiet stretti u ġusti skont l-applikazzjoni stretta tal-kriterji ta' Copenhagen, u jrid jiddependi fuq xejn għajr ir-riżultati konkreti miksuba minn kull pajjiż individwali dwar kwistjonijiet bħall-korruzzjoni, il-prattiki tal-ħasil tal-flus, it-trasparenza u l-indipendenza ġudizzjarja; itenni l-importanza, matul dan il-proċess, li jiġu promossi r-riformi meħtieġa għal ordni internazzjonali ekonomiku, kooperattiv u bbażat fuq ir-regoli, b'enfasi fuq l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-drittijiet tal-minoranzi, ir-rikonċiljazzjoni u r-relazzjonijiet tajbin ta' viċinat, is-sigurtà u l-migrazzjoni, l-iżvilupp soċjoekonomiku u sostenibbli, it-trasport u l-konnettività tal-enerġija, il-protezzjoni ambjentali u l-aġenda diġitali;

18.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-istabbiltà tal-Viċinat tal-Lvant għall-istabbiltà tal-Unjoni stess u jħeġġeġ l-iżvilupp ta' relazzjonijiet dejjem aktar mill-qrib mas-Sħubija tal-Lvant; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jkomplu jużaw il-poter ta' trasformazzjoni tal-UE fil-fruntieri tal-Lvant tagħha, biex b'hekk isaħħu r-rabtiet ekonomiċi u ta' konnettività, bl-użu ta' ftehimiet kummerċjali, l-aċċess għas-suq uniku u kuntatti aktar profondi bejn il-persuni, fosthom permezz tal-faċilitazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-viżi meta jkunu ġew issodisfati r-rekwiżiti kollha, bħala inċentivi biex jitrawmu r-riformi demokratiċi u jiġu adottati r-regoli u l-istandards Ewropej; jistieden ukoll lis-SEAE jimmonitorja l-proċessi demokratiċi fil-viċinat dirett tiegħu u jiżgura li l-progress demokratiku ma jitwaqqafx jew jitreġġa' lura;

19.  Itenni l-impenn tal-UE biex tappoġġa s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tas-sħab tagħha; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kunflitti ffriżati kollha skont id-dritt, in-normi u l-prinċipji internazzjonali, jiżdied l-appoġġ għar-residenti affettwati mill-kunflitti, il-persuni spustati internament u r-rifuġjati, u li jiġu miġġielda l-attentati ta' destabbilizzazzjoni minn pajjiżi terzi, b'mod partikolari r-Russja; itenni l-kundanna tiegħu tal-annessjoni illegali tal-Krimea u l-intervent militari fil-Lvant tal-Ukrajna min-naħa tar-Russja; jitlob li jsiru sforzi kontinwati biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ta' Minsk u jitlob li s-sanzjonijiet tal-UE kontra r-Russja jiġu estiżi sakemm ir-Russja tikkonforma ma' dawn il-ftehimiet; jikkundanna, barra minn hekk, il-militarizzazzjoni kontinwa u d-deterjorament tas-sigurtà u s-sitwazzjoni umanitarja fit-territorji okkupati Georgjani tal-Abkażja u r-Reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, u jistieden lir-Russja tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-Ftehim ta' Waqfien mill-Ġlied tal-2008 bil-medjazzjoni tal-UE;

20.  Ifakkar li l-Mediterran huwa l-fruntiera bejn l-aktar reġjuni inugwali fid-dinja; itenni l-ħtieġa urġenti li jiġi stimulat l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ġust tal-baċir tan-Nofsinhar tal-Mediterran u tal-Afrika sub-Saħarjana, u li tingħata assistenza lill-pajjiżi biex jindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-instabbiltà, bħall-kunflitti armati, il-governanza mhux demokratika u ineffiċjenti, il-korruzzjoni u t-tibdil fil-klima, u dan billi jinħolqu opportunitajiet ekonomiċi lokali, speċjalment għaż-żgħażagħ u n-nisa, b'mod partikolari fil-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti, billi jiġu involuti l-atturi rilevanti fuq il-post u l-komunitajiet lokali; jieħu nota tal-proposta tal-President tal-Kummissjoni Juncker biex tinbena Alleanza ġdida għall-Investiment u għall-Impjiegi Sostenibbli bejn l-Ewropa u l-Afrika, kif ukoll l-inizjattiva tiegħu biex id-diversi ftehimiet kummerċjali bejn l-Ewropa u l-Afrika jkunu żviluppati fi ftehim ta' kummerċ ħieles interkontinentali wieħed, li jista' jkun ta' suċċess biss jekk jiġi ppreżentat bħala sħubija ekonomija bejn pari u jekk ikun jista' jinħoloq ambjent li jiffavorixxi negozju u investiment effikaċi; iħeġġeġ lill-UE tuża mekkaniżmi oħra tal-PEV biex tkompli żżid il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni, il-pajjiżi sħab tal-viċinat tan-Nofsinhar u l-atturi reġjonali ewlenin, dwar kwistjonijiet reġjonali bħall-governanza tajba, is-sigurtà, l-enerġija u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima; itenni l-appoġġ tiegħu għaż-żona ta' stabbilizzazzjoni tal-PSDK tal-UE u jitlob li dan jissaħħaħ;

21.  Jisħaq fuq il-punt li l-UE għandu jkollha rwol ewlieni fil-Lvant Nofsani u fil-Golf Persjan, permezz tal-persważjoni deċiżiva tagħha u l-implimentazzjoni sħiħa tal-ftehimiet ta' assoċjazzjoni kollha eżistenti; jiddispjaċih ħafna dwar id-deċiżjoni meħuda mill-Gvern tal-Istati Uniti li jirriloka l-ambaxxata Amerikana fl-Iżrael minn Tel Aviv għal Ġerusalemm; jistieden lill-UE tkun forza mexxejja għall-istabbiliment mill-ġdid ta' proċess ta' paċi reali fil-Lvant Nofsani li għandu l-għan li jilħaq soluzzjoni ta' żewġ stati; jafferma mill-ġdid il-primat tal-proċess ta' Ġinevra mmexxi min-NU fir-riżoluzzjoni tal-kunflitt Sirjan, f'konformità mar-Riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jikkundanna l-appoġġ tar-Russja u tal-Iran għar-reġim ta' Assad, id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu l-almu tagħhom biex itemmu r-reati kontra l-poplu Sirjan u fuq kollox l-użu tal-armi kimiċi kontrih;

22.  Jenfasizza li t-tisħiħ tas-sigurtà reġjonali fir-reġjun tal-Indo-Paċifiku huwa ta' importanza kritika għall-UE u għall-Istati Membri tagħha; jistieden lill-partijiet kkonċernati kollha biex isolvu d-differenzi permezz ta' mezzi paċifiċi u jżommu lura milli jieħdu azzjoni unilaterali biex ibiddlu l-istatus quo, inkluż fl-Ibħra tal-Lvant u tan-Nofsinhar taċ-Ċina, bil-għan li tiġi salvagwardjata s-sigurtà reġjonali; iħeġġeġ it-tkomplija rapida tat-taħditiet bilaterali bejn iċ-Ċina u t-Tajwan, u jtenni l-appoġġ tiegħu għall-parteċipazzjoni sinifikanti tat-Tajwan fl-organizzazzjonijiet, il-mekkaniżmi u l-attivitajiet internazzjonali; jappoġġa miżuri li jiffavorixxu t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u s-sħab fl-Asja, u jħeġġeġ il-kooperazzjoni ekonomika, diplomatika u ta' sigurtà;

23.  Wara l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari reċenti fir-reġjun, jafferma mill-ġdid l-impenn tiegħu li jkompli jsawwar relazzjonijiet b'saħħithom mal-pajjiżi tal-Amerika Latina (ALK), li jippromwovi d-difiża tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem bħala l-pedament għal integrazzjoni u kooperazzjoni aktar profondi; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-nuqqas ta' rispett lejn id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt f'Kuba, in-Nikaragwa u l-Venezwela; jinnota bi tħassib l-iżviluppi elettorali fil-Brażil u jesprimi t-tama li l-gvern il-ġdid se jibqa' leali lejn it-triq tad-demokrazija u l-istat tad-dritt; ifaħħar l-isforzi tal-partijiet kollha kkonċernati fil-Proċess ta' Paċi fil-Kolombja; itenni l-appoġġ sħiħ tiegħu għal dan il-Proċess ta' Paċi u l-implimentazzjoni effikaċi tiegħu;

24.  Jemmen li, minkejja l-importanza tagħhom, is-setgħa ta' persważjoni u l-bini tal-istituzzjonijiet biss ma jistgħux ikunu biżżejjed biex tiġi eżerċitata influwenza f'dinja li fiha l-politika tal-forza u s-setgħa ta' koerċizzjoni huma dejjem aktar sinifikanti; jemmen li l-effikaċja tal-politika barranija tal-UE fl-aħħar mill-aħħar se tiddependi, fil-parti l-kbira tagħha, minn taħlita effikaċi ta' għodod ta' setgħa ta' koerċizzjoni u setgħa ta' persważjoni, inklużi d-djalogu miftuħ, mill-kapaċità tagħha li tkun ta' eżempju u mir-riżorsi u l-kapaċitajiet li jservuha ta' appoġġ, inklużi riżorsi finanzjarji adegwati, multilateraliżmu effikaċi, taħlita ta' setgħa ta' persważjoni u setgħa ta' koerċizzjoni kredibbli, l-akkomunament tal-kapaċitajiet militari, u rieda tal-Istati Membri li f'dan il-kuntest iċedu t-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll li jaħdmu man-NATO u pajjiżi oħra li jaħsbuha bl-istess mod;

25.  Jilqa' ż-żieda fil-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża bejn l-Istati Membri tal-UE u l-azzjonijiet li ttieħdu biex tiżdied l-awtonomija militari tal-UE, jiġifieri l-ħolqien ta' ċentru ta' kmand uniku Ewropew fi Brussell għall-missjonijiet ta' taħriġ militari tal-UE, u t-tneħħija tal-ostakli għall-iskjerament tal-Gruppi tattiċi tal-UE; jemmen li l-ħolqien tal-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) għall-proġetti fil-qasam tad-difiża u r-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD) se jgħinu lill-Istati Membri jintensifikaw il-kooperazzjoni fil-qasam tad-difiża u jonfqu l-baġits tagħhom iddedikati għad-difiża b'mod aktar effikaċi; jilqa' l-proposta tal-VP/RGħ għal Faċilità Ewropea għall-Paċi u l-qafas il-ġdid għal missjonijiet ċivili tal-PSDK, kif ukoll l-impenn lejn progress fil-mobilità militari sabiex isiru passi 'l quddiem fl-awtonomija strateġika Ewropea, fosthom permezz tal-Inizjattiva Ewropea ta' Intervent; iqis li l-iżvilupp ta' industrija tad-difiża b'saħħitha jsaħħaħ l-indipendenza teknoloġika tal-UE, fosthom permezz tal-promozzjoni ta’ suq uniku għall-prodotti taċ-ċibersigurtà, li għaliha jeħtieġ li jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-UE;

26.  Jemmen li l-kapaċità ta' dispaċċ tal-esperti ċivili u tal-forzi militari lejn kunflitti madwar id-dinja bil-għan li jiġu promossi l-paċi u l-istabbiltà hija prekundizzjoni essenzjali biex ikun hemm setgħa politika kredibbli li kapaċi toħloq struttura ta' prevenzjoni tal-kunflitti armati, issaħħaħ il-ftehimiet ta' paċi u tistabbilizza s-sitwazzjonijiet li jinħolqu wara kunflitt; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jiżviluppaw biżżejjed kapaċitajiet ċivili u militari, li jkopru l-ispettru sħiħ tal-kapaċitajiet fuq l-art, fl-ajru, fl-ispazju, fuq il-baħar u fid-dimensjoni ċibernetika, u biex jaħdmu lejn strument legalment vinkolanti dwar sistemi tal-armi kompletament awtonomi sabiex jiġu difiżi l-objettivi tat-Trattat; jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni li għaddejja bejn l-Unjoni Ewropea u n-NATO, kif enfasizzat fl-Istrateġija Globali tal-UE u d-dikjarazzjoni konġunta UE-NATO; jisħaq fuq il-punt li l-iżvilupp ulterjuri tal-unjoni tad-difiża għandu jikkomplementa l-objettivi tar-relazzjonijiet esterni tal-UE;

27.  Jisħaq fuq il-punt li l-iżvilupp ta' formati ġodda, bħall-Kunsill tas-Sigurtà tal-UE, kif rakkomandat mill-Kanċillier Merkel u l-President Macron, u modi ġodda ta' koordinament aktar mill-qrib fl-UE u mal-awtoritajiet internazzjonali, jista' potenzjalment jiffaċilita proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet aktar effikaċi għall-PESK; huwa tal-fehma li, flimkien mal-ħolqien ta' dawn l-istrutturi, għandhom jiġu żviluppati mekkaniżmi li jiżguraw l-iskrutinju demokratiku tagħhom;

28.  Isostni dibattitu fl-UE dwar formati ġodda, inkluża l-proposta li għamel il-President tal-Kummissjoni Juncker fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tat-12 ta' Settembru 2018 biex jiġi adottat il-vot b'maġġoranza kwalifikata (VMK) f'setturi speċifiċi tal-PESK meta t-Trattati attwalment jirrikjedu l-unanimità, b'mod partikolari fil-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, fis-sanzjonijiet u fil-missjonijiet ċivili; iħeġġeġ lill-Istati Membri jeżaminaw modi li bihom jistgħu jaġixxu b'mod aktar effikaċi fil-kuntest tal-PESK u tal-PSDK; jemmen li l-użu tal-VMK ikun jippermetti lill-UE taġixxi b'aktar riżolutezza, ħeffa u effikaċja; jistieden lill-Kunsill Ewropew jadotta din l-inizjattiva billi jirrikorri għall-klawsola "passerelle" (Artikolu 31(3) tat-TUE); iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jikkunsidra li jestendi l-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata f'oqsma oħra tal-PESK bħala parti minn dibattitu usa' dwar l-użu tal-votazzjoni b'maġġoranza għall-politiki tal-UE; jirrikonoxxi l-ħtieġa li jinstabu soluzzjonijiet kreattivi għal kooperazzjoni futura bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit fil-qasam tal-PESK u l-PSDK, filwaqt li jitqiesu l-prinċipji stipulati fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar il-qafas tar-relazzjonijiet futuri bejn l-UE u r-Renju Unit;

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin ul-Politika ta' Sigurtà, u lill-Istati Membri.


OPINJONI TAL-MINORANZA

dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) 2018/2097(INI)) - Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Rapporteur: David McAllister

Opinjoni tal-Minoranza mressqa mill-Membri tal-Grupp GUE/NGL, Membri tal-PE Sabine Lösing, Miguel Urban Crespo

Ir-rapport huwa ggwidat mill-biża' li tintilef il-preminenza ekonomika u ġeostrateġika. Fuq naħa, ir-rapport jargumenta favur il-kooperazzjoni u l-multilateraliżmu u jara l-inugwaljanzi soċjoekonomiċi bħala kawża tal-instabbiltà u l-kunflitti, iżda, min-naħa l-oħra, jistieden lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE jużaw l-għodod kollha, inklużi dawk militari, biex isaħħu l-influwenza ġeopolitika tagħha u jipproteġu l-interessi prinċipalment ekonomiċi tagħha.

Aħna kontra r-rapport peress li:

•  jitkellem dwar soluzzjoni paċifika u diplomatika tal-kunflitt iżda jiffavorixxi l-użu tas-setgħa ta' koerċizzjoni u s-saħħa militari, jappoġġa industrija tad-difiża b'saħħitha; jilqa' forza ta' intervent Ewropea, jitlob żieda fil-finanzjament għall-kapaċitajiet ta' difiża u jirrakkomanda l-użu ta' gruppi tattiċi tal-UE;

•  jitlob l-abolizzjoni tal-prinċipju tal-unanimità fil-Kunsill f'dak li jikkonċerna l-PESK, jippromwovi deċiżjonijiet b'maġġoranza kwalifikata u jippromwovi Kunsill tas-Sigurtà tal-UE

•  ma jsegwix ir-riżoluzzjoni tal-PE li tipprojbixxi l-armi awtonomi letali

•  jappoġġa l-kooperazzjoni msaħħa fid-difiża, il-kooperazzjoni strutturata permanenti ffinanzjata mill-UE (PESCO), il-mobbiltà militari għad-detriment tal-politiki u l-proġetti ċivili,

•  jappoġġa l-Faċilità għall-Paċi proposta li se tkopri l-ispejjeż kollha ta' operazzjonijiet militari inklużi l-użu, it-tagħmir u t-trasferiment ta' armi lil hinn minn kull kontroll parlamentari, filwaqt li japprova li dan se jkompli jimmilitarizza l-approċċ tal-UE f'dak li jikkonċerna l-kunflitti;

Aħna nesiġu:

-  id-diżarm komplut (anki nukleari), fl-UE u fil-livell dinji;

-  li ma jsir l-ebda finanzjament militari mill-baġit tal-UE, li jiġi interpretat b'mod strett l-Artikolu 41(2) tat-TUE li jipprojbixxi l-użu tal-baġit tal-UE għal operazzjonijiet militari jew ta' difiża;


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

21.11.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

7

11

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Petras Auštrevičius, Bas Belder, Victor Boştinaru, Klaus Buchner, James Carver, Lorenzo Cesa, Georgios Epitideios, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule-Pēterse, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Wajid Khan, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Michel Reimon, Sofia Sakorafa, Anders Sellström, Alyn Smith, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Miguel Urbán Crespo, Ivo Vajgl, Anders Primdahl Vistisen

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Doru-Claudian Frunzulică, Ana Gomes, Takis Hadjigeorgiou, Marek Jurek, Patricia Lalonde, Antonio López-Istúriz White, Gilles Pargneaux, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Marietje Schaake, Eleni Theocharous, Bodil Valero, Mirja Vehkaperä


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

38

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Iveta Grigule-Pēterse, Patricia Lalonde, Javier Nart, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Ivo Vajgl, Mirja Vehkaperä

PPE

Michèle Alliot-Marie, Lorenzo Cesa, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Anders Sellström, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, László Tőkés

S&D

Victor Boştinaru, Eugen Freund, Doru-Claudian Frunzulică, Ana Gomes, Wajid Khan, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Gilles Pargneaux, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula

7

-

GUE/NGL

Takis Hadjigeorgiou, Sabine Lösing, Sofia Sakorafa, Miguel Urbán Crespo

NI

James Carver, Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz

11

0

ECR

Bas Belder, Marek Jurek, Charles Tannock, Eleni Theocharous, Anders Primdahl Vistisen

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Michel Reimon, Alyn Smith, Jordi Solé, Bodil Valero

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Diċembru 2018Avviż legali