Proċedura : 2018/2105(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0411/2018

Testi mressqa :

A8-0411/2018

Dibattiti :

PV 12/12/2018 - 25
CRE 12/12/2018 - 25

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2018 - 9.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2018)0531

RAPPORT     
PDF 718kWORD 67k
28.11.2018
PE 625.381v02-00 A8-0411/2018

dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2017

(2018/2105(INI))

Kumitat għall-Petizzjonijiet

Rapporteur: Eleonora Evi

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2017

(2018/2105(INI))

Il-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2017,

  wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 11, 15, 24 u 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 35, 37, 41, 42 u 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 1 tat-Trattati dwar ir-rwol tal-Parlamenti Nazzjonali fl-Unjoni Ewropea,

  wara li kkunsidra l-Protokoll Nru 2 tat-Trattati dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità (UN CRPD),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman(1),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba, kif adottat mill-Parlament fis-6 ta' Settembru 2001,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar il-Kooperazzjoni konkluż bejn il-Parlament u l-Ombudsman Ewropew fil-15 ta' Marzu 2006, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' April 2006,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 52 u 220(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0411/2018),

A.  billi r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2017 ġie ppreżentat uffiċjalment lill-President tal-Parlament fit-22 ta' Mejju 2018, u l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentatu lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Brussell fis-16 ta' Mejju 2018;

B.  billi l-Artikoli 24 u 228 tat-TFUE jagħtu s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li tilqa' l-ilmenti li jinvolvu każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji tagħha;

C.  billi l-Artikolu 10(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jiddikjara li "kull ċittadin għandu jkollu d-dritt li jipparteċipa fil-ħajja demokratika tal-Unjoni" u li "d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun miftuħ u qrib iċ-ċittadin";

D.  billi l-Artikolu 15 tat-TFUE jistipula li "sabiex tiġi promossa t-tmexxija tajba u sabiex tiġi assigurata l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni għandhom iwettqu x-xogħol tagħhom b'mod kemm jista' jkun miftuħ" u li "kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li toqgħod jew li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, għandu jkollha d-dritt għall-aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni";

E.  billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, rigward id-dritt għal amministrazzjoni tajba, jistipula fost l-oħrajn li "kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi trattat b'mod imparzjali, b'mod ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni";

F.  billi l-Artikolu 43 tal-Karta jistipula li "kull ċittadin tal-Unjoni u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju tagħha reġistrat fi Stat Membru għandha d-dritt li tirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-uffiċċji jew tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha";

G.  billi l-Artikolu 298(1) tat-TFUE jistipula li "fit-twettiq tal-missjonijiet tagħhom, l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni għandu jkollhom l-appoġġ ta' amministrazzjoni Ewropea miftuħa, effiċjenti u indipendenti";

H.  billi fl-2017 l-Ombudsman fetħet 447 inkjesta, li minnhom 433 kienu bbażati fuq ilmenti u 14 kienu bbażati fuq inizjattiva proprja, filwaqt li għalqet 363 inkjesta (348 ibbażati fuq ilmenti u 15 fuq inizjattiva proprja); billi ħafna mill-inkjesti kienu jikkonċernaw lill-Kummissjoni (256 inkjesta jew 57.3 %), segwita mill-aġenziji tal-UE (35 inkjesta jew 7.8 %), l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) (34 inkjesta jew 7.6 %), il-Parlament (22 inkjesta jew 4.9 %), is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (17-il inkjesta jew 3.8 %), l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (16-il inkjesta jew 3.6 %) u istituzzjonijiet oħra (67 inkjesta jew 15 %);

I.  billi t-tliet temi prinċipali fl-inkjesti magħluqa mill-Ombudsman fl-2017 kienu: it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni u għad-dokumenti (20.6 %); il-kultura ta' servizz (16.8 %) u r-rispett għad-drittijiet proċedurali (16.5 %); billi tħassib ieħor kien jinkludi kwistjonijiet etiċi, parteċipazzjoni pubblika fid-drittijiet tal-UE għal teħid ta' deċiżjoni, l-użu xieraq tad-diskrezzjoni, inkluż fil-proċeduri ta' ksur, il-ġestjoni finanzjarja tajba ta' offerti, għotjiet u kuntratti tal-UE, ir-reklutaġġ, u l-ġestjoni tajba tal-kwistjonijiet tal-persunal tal-UE;

J.  billi fil-ħidma strateġika tiegħu fl-2017, l-uffiċċju tal-Ombudsman għalaq erba' inkjesti strateġiċi u fetaħ erbgħa ġodda dwar it-trasparenza tal-Kunsill; dwar il-kwistjoni ta' "bibien iduru" li tikkonċerna lill-eks Kummissarji Ewropej; dwar l-aċċessibbiltà tas-siti web tal-Kummissjoni għall-persuni b'diżabbiltà u dwar attivitajiet qabel is-sottomissjoni marbuta mal-valutazzjonijiet tal-mediċina mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA); billi fl-2017 l-Ombudsman fetħet tmien inizjattivi strateġiċi dwar, fost suġġetti oħrajn, it-trasparenza fil-lobbjar tal-Kunsill Ewropew, it-titjib tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI), u r-regoli ta' bibien iduru fid-diversi istituzzjonijiet u korpi tal-UE, u għalqet sitt inizjattivi strateġiċi;

K.  billi l-UE għadha qed tħabbat wiċċha mal-agħar kriżi ekonomika, soċjali u politika mindu twaqqfet; billi l-approċċ ineffettiv adottat mill-Istituzzjonijiet tal-UE fl-indirizzar tan-nuqqas ta' trasparenza kemm fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE kif ukoll fl-attivitajiet ta' lobbjar, minbarra kwistjonijiet etiċi sinifikanti oħra fi ħdan l-Istituzzjonijiet, qed jikkontribwixxu biex ikomplu jdgħajfu l-perċezzjoni tal-UE;

L.  billi r-rifjut ta' aċċess għal dokumenti tal-UE u kwistjonijiet ta' trasparenza relatati baqgħu jirrappreżentaw l-akbar proporzjon tal-inkjesti tal-Ombudsman Ewropew fl-2017;

M.  billi minħabba l-fatt li ta' spiss it-talbiet għall-aċċess għad-dokumenti jkunu ta' natura sensittiva għall-ħin, l-Ombudsman nediet fażi ta' prova għal proċedura rapida;

N.  billi l-Ombudsman għandha rwol kruċjali fir-rigward tal-iżgurar tal-obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet tal-UE u t-trasparenza u l-imparzjalità massima tal-amministrazzjoni tal-UE u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet sabiex tipproteġi b'suċċess id-drittijiet taċ-ċittadini, b'hekk iżżid il-fiduċja, l-involviment u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja demokratika tal-Unjoni;

O.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja stipulat li l-prinċipji tal-pubbliċità u tat-trasparenza huma inerenti għall-proċess leġiżlattiv tal-UE, u li l-effettività u l-integrità tal-proċess leġiżlattiv ma jistgħux idgħajfu l-prinċipji tal-pubbliċità u tat-trasparenza li fuqhom huwa bbażat dak il-proċess; billi l-Qorti tal-Ġustizzja tat gwida ċara dwar din il-kwistjoni, bħal fis-sentenza tagħha tat-22 ta' Marzu 2018 dwar il-kawża T-540/15;

P.  billi l-Ombudsman wettqet inkjesta bbażata fuq ilmenti ta' sena sħiħa dwar is-sħubija tal-President tal-BĊE fil-Grupp ta' 30 (G30), organizzazzjoni privata li l-membri tagħha jinkludu rappreżentanti ta' banek sorveljati direttament jew indirettament mill-BĊE; billi l-Ombudsman irrakkomandat li l-President tal-BĊE jissospendi s-sħubija tiegħu tal-G30;

Q.  billi l-Ombudsman eżaminat l-ilmenti dwar l-immaniġġjar tal-Kummissjoni tal-impjieg wara l-mandat tal-eks Kummissarji tagħha; billi l-Ombudsman kienet diġà sabet li n-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu deċiżjoni speċifika dwar il-każ tal-eks President tal-Kummissjoni Barroso wassal għal amministrazzjoni ħażina; billi dwar il-każ ta' Barroso, il-Kumitat tal-Etika kkonkluda li ma kienx hemm raġunijiet suffiċjenti biex jiġi stabbilit ksur tal-obbligi legali, wara li tqieset id-dikjarazzjoni bil-miktub tal-eks President li hu ma kienx involut fil-lobbjar f'isem Goldman Sachs u li ma kellux l-intenzjoni li jagħmel dan;

R.  billi l-kriżi finanzjarja ġabet kriżi ekonomika u soċjali, li poġġiet dubju fuq l-istituzzjonijiet Ewropej;

S.  billi fil-25 ta' Ottubru 2017 saret laqgħa bejn l-eks President tal-Kummissjoni Barroso u l-Viċi President attwali tal-Kummissjoni, li ġiet irreġistrata bħala laqgħa uffiċjali ma' Goldman Sachs; billi l-Ombudsman innotat li n-natura preċiża ta' din il-laqgħa ma kinitx ċara; billi l-Ombudsman enfasizzat li hemm tħassib komprensibbli li l-eks President qed juża l-istatus li kellu u l-kuntatti tiegħu mal-eks kollegi biex jinfluwenza u jikseb informazzjoni; billi dan il-każ iqajjem kwistjonijiet sistematiċi dwar l-approċċ ġenerali tal-Kummissjoni lejn l-immaniġġjar ta' tali każijiet u l-grad ta' indipendenza tal-Kumitat tal-Etika; tenfasizza l-ħtieġa, għalhekk, għal regoli aktar b'saħħithom fil-livell tal-UE biex jipprevjenu u jissanzjonaw il-kunflitti kollha ta' interess fl-Istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE;

T.  billi f'Marzu 2017 l-Ombudsman fetħet inkjesta strateġika dwar l-aċċess miftuħ u l-obbligu ta' rendikont tal-Kunsill; billi l-Ombudsman sabet amministrazzjoni ħażina fin-nuqqas tal-Kunsill li jirreġistra l-identitajiet tal-Istati Membri li jieħdu pożizzjoni fi proċedura leġiżlattiva u fin-nuqqas ta' trasparenza mill-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti leġiżlattivi tiegħu; bħall-prattika ta' mmarkar ta' dokumenti b'mod mhux proporzjonat bħala "LIMITE", jiġifieri, mhux għaċ-ċirkolazzjoni; billi fis-17 ta' Mejju 2018, l-Ombudsman ippreżentat rapport speċjali lill-Parlament dwar l-inkjesta strateġika tagħha biex ittejjeb l-obbligu ta' rendikont u t-trasparenza tal-ħidma leġiżlattiva tal-Kunsill;

U.  billi aktar ftuħ dwar il-pożizzjonijiet meħuda mill-gvernijiet nazzjonali jista' jservi biex inaqqas il-fenomenu ta' "tort ta' Brussell", li jirrappreżenta b'mod ħażin ir-realtà ta' kif jintlaħaq qbil dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE, filwaqt li jipprovoka l-Ewroxettiċiżmu u s-sentiment kontra l-UE;

V.  billi l-Ombudsman eżaminat in-nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-UE u internazzjonali tal-politika ta' trasparenza tal-BEI dwar l-aċċess għad-dokumenti;

W.  billi l-prevenzjoni b'mod xieraq tal-kunflitti ta' interess fi ħdan l-Istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE hija parti essenzjali sabiex tiġi ggarantita amministrazzjoni tajba u tiżdied il-fiduċja taċ-ċittadini fil-proċess tat-t-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE; billi l-Ombudsman nediet inkjesta strateġika dwar kif il-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess għall-konsulenti speċjali tagħha, li spiss jaħdmu b'mod simultanju għas-settur privat;

X.  billi l-Ombudsman eżaminat l-ilmenti taċ-ċittadini li jiddenunzjaw in-nuqqas tal-Kummissjoni li tilħaq deċiżjoni f'waqtha dwar il-każijiet ta' ksur li jikkonċernaw l-abbuż ta' kuntratti ta' xogħol b'terminu fiss; billi, matul is-snin, diversi Stati Membri esperjenzaw żieda sinifikanti fil-kuntratti ta' impjieg atipiċi u temporanji, li qajjem dubju dwar l-implimentazzjoni tad-dritt Ewropew tax-xogħol u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;

Y.  billi għall-finijiet tad-deċiżjonijiet relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u mas-sigurtà tal-bnedmin, tal-annimali u tal-pjanti, fl-attitudni tagħhom, l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-uffiċċji tal-UE għandhom ikunu speċjalment iffukati fuq iċ-ċittadini u orjentati lejn is-servizz, u għandhom jindirizzaw kif xieraq it-tħassib tal-pubbliku dwar trasparenza sħiħa, indipendenza u preċiżjoni fil-ġbir u l-evalwazzjoni tal-evidenza xjentifika; billi l-evidenza u l-proċeduri xjentifiċi użati fil-livell tal-UE li wasslu għall-awtorizzazzjonijiet ta', inter alia, organiżmi ġenetikament modifikati, pestiċidi u glifosat ħolqu kritika sinifikanti u taw bidu għal dibattitu pubbliku wiesa';

Z.  billi l-Kummissjoni għad trid timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar in-negozjati tagħha mal-industrija tat-tabakk, u b'hekk qiegħda tonqos milli tiżgura trasparenza sħiħa f'konformità mal-obbligi tagħha skont il-Konvenzjoni ta' Qafas dwar il-Kontroll fuq it-Tabakk tal-WHO (WHO FCTC);

AA.  billi l-Ombudsman ippubblikat rakkomandazzjonijiet ċari u prattiċi dwar kif l-uffiċjali pubbliċi għandhom jinteraġixxu mal-lobbisti, u għamlet sforzi biex iżżid l-għarfien dwar dawn fi ħdan il-Kunsill u l-Kummissjoni;

AB.  billi l-Ombudsman tagħmel parti mill-qafas tal-UE skont il-UN CPRD inkarigata mill-protezzjoni, il-promozzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-UE;

AC.  billi l-Ombudsman wettqet inkjesta dwar kif Martin Selmayr, il-Kap tal-Kabinett tal-President tal-Kummissjoni ta' dak iż-żmien, inħatar bħala Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni; billi l-Ombudsman enfasizzat li l-Kummissjoni ħolqot sens ta' urġenza artifiċjali biex timla l-kariga ta' Segretarju Ġenerali sabiex tiġġustifika l-fatt li ma ppubblikatx avviż ta' post battal u organizzat proċedura tal-għażla għal Deputat Segretarju Ġenerali, mhux biex timla dak ir-rwol direttament, iżda biex tagħmel lis-Sur Selmayr Segretarju Ġenerali f'ħatra rapida b'żewġ stadji; billi l-Ombudsman sabet erba' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fil-ħatra tas-Sur Selmayr minħabba n-nuqqas tal-Kummissjoni li ssegwi r-regoli rilevanti b'mod korrett sew fl-ittra kif ukoll fl-ispirtu;

AD.  billi l-ħidma tal-Ombudsman Ewropew tikkomplementa perfettament il-ħidma tal-kontropartijiet nazzjonali u reġjonali tagħha; billi l-iskambju u l-koordinazzjoni tal-ħidma tagħhom fi ħdan in-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, taħt l-awspiċji tal-Ombudsman Ewropew, huma parti pożittiva ħafna tal-isforzi biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini u r-residenti kollha tal-UE jgawdu mid-dritt għal amministrazzjoni tajba fil-livelli kollha;

AE.  billi l-istatut attwali tal-Ombudsman Ewropew ġie aġġornat riċentement qabel daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona; billi minn dakinhar, ħarġu aspettattivi ġodda fost iċ-ċittadini tal-UE dwar amministrazzjoni tajba u r-rwol li għandha l-Ombudsman biex tiżguraha, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għad-dokumenti, żvelar ta' informazzjoni protetta u fastidju, u li tiżgura li l-Kummissjoni timmaniġġja l-ammissibbiltà tal-Inizjattivi taċ-Ċittadini Ewropej b'mod ġust u imparzjali;

1.  Japprova r-rapport annwali għall-2017 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew; jieħu nota tal-istil tal-preżentazzjoni li hija ċara u tista' tinqara faċilment, billi jenfasizza l-aktar fatti u ċifri importanti dwar il-ħidma tal-Ombudsman fl-2017;

2.  Jifraħ lil Emily O'Reilly għax-xogħol eċċellenti u l-isforzi kostruttivi tagħha biex ittejjeb il-kwalità tal-amministrazzjoni tal-UE u l-aċċessibbiltà u l-kwalità tas-servizzi li din toffri liċ-ċittadini; jafferma mill-ġdid l-appoġġ b'saħħtu tiegħu għall-azzjonijiet imwettqa mill-Ombudsman għaċ-ċittadini u d-demokrazija Ewropea;

  Jilqa' l-istrateġija tal-Ombudsman mifruxa fuq perjodu ta' ħames snin "Lejn l-2019" li għandha l-għan li żżid l-impatt u l-viżibbiltà tal-uffiċċju tagħha u tibni relazzjonijiet b'saħħithom mal-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-organizzazzjonijiet tal-UE, għall-benefiċċju akbar taċ-ċittadini;

4.  Jinnota bi tħassib kbir li l-inkjesti relatati mat-trasparenza u mal-obbligu ta' rendikont, inkluż dwar l-aċċess għall-informazzjoni u għad-dokumenti, baqgħu jirrappreżentaw l-akbar proporzjon ta' każijiet immaniġġjati mill-Ombudsman fl-2017, segwiti minn ilmenti relatati mal-aġenziji u korpi oħra tal-UE;

5.  Jilqa' l-isforzi tal-Ombudsman li tippreżenta lill-persunal tal-Istituzzjonijiet tal-UE bil-Premju għal Amministrazzjoni Tajba 2017, b'mod partikolari dak għad-DĠ Saħħa tal-Kummissjoni għall-isforzi tagħhom f'isem il-pazjenti b'mard rari;

6.  Jenfasizza l-importanza ta' trasparenza massima u aċċess pubbliku mtejjeb għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-UE; jenfasizza l-ħidma strutturali tal-Ombudsman fl-iżvelar ta' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina billi tadotta approċċ ta' każ b'każ u tniedi għadd dejjem jikber ta' inkjesti fuq inizjattiva proprja;

7.  Huwa grat għall-kooperazzjoni tajba tal-Ombudsman u t-tim tagħha mal-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li ġiet ikkaratterizzata minn rispett u attenzjoni għad-dettall;

8.  Jenfasizza l-fatt li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-aċċess għad-dokumenti għandha tiġi aġġornata; itenni t-talba tiegħu biex ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 jiġi rivedut sabiex jiġi ffaċilitat ukoll ix-xogħol tal-Ombudsman fl-eżaminazzjoni tal-għoti ta' aċċess għad-dokumenti mill-Parlament, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni; jilqa' l-introduzzjoni tal-Ombudsman tal-proċedura rapida għall-ilmenti sabiex tittratta l-inkjesti dwar l-aċċess għad-dokumenti;

9.  Jenfasizza li ċ-ċittadini jeħtiġilhom ikunu jistgħu jipparteċipaw aktar direttament fil-ħajja demokratika tal-UE u jsegwu l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-istituzzjonijiet tal-UE fid-dettall, u jkollhom aċċess għall-informazzjoni kollha rilevanti sabiex jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet demokratiċi tagħhom;

10.  Jisħaq ir-rwol tal-Ombudsman fil-ħidma tagħha biex tikseb trasparenza u obbligu ta' rendikont akbar fil-proċess leġiżlattiv tal-UE biex iżżid il-fiduċja taċ-ċittadini, fir-rigward mhux biss tal-legalità ta' att iżolat, iżda wkoll tal-leġittimità tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet kollu kemm hu;

11.  Jitlob reviżjoni tal-linji gwida interni tal-Kunsill dwar dokumenti LIMITE, li m'għandhom l-ebda bażi legali solida, sabiex jiġi appoġġjat il-prinċipju li skontu l-istatus LIMITE jista' jingħata biss lil abbozz preliminari li għad m'għandux awtur u li m'għandu l-ebda impatt fuq il-proċedura leġiżlattiva;

12.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal trasparenza massima fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE u jfaħħar l-inkjesta tal-Ombudsman dwar il-prattika normali ta' negozjati informali bejn it-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE (it-trilogi); jappoġġja l-pubblikazzjoni tad-dokumenti ta' trilogu kollha skont id-deċiżjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja;

13.  Jemmen bis-sħiħ li r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar il-Politika ta' Trasparenza tal-BEI jridu jiġu implimentati mingħajr aktar dewmien; jistieden lill-BEI biex immedjatament jibda jneħħi l-preżunzjoni ta' nuqqas ta' divulgazzjoni relatata mal-informazzjoni u mad-dokumenti miġbura waqt l-awditi, l-ispezzjonijiet u l-investigazzjonijiet, inklużi dawk imnedija kemm waqt kif ukoll wara l-każijiet ta' frodi u ta' korruzzjoni;

14.  Jitlob li l-politika tad-divulgazzjoni tal-Grupp tal-BEI tiżgura livell dejjem ogħla ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam mal-prinċipji li jirregolaw il-politika tal-ipprezzar u l-korpi ta' governanza tiegħu; jitlob li jiġu ppubblikati l-minuti tal-laqgħat tal-kumitat ta' ġestjoni tal-Grupp tal-BEI;

15.  Jenfasizza li l-pożizzjonijiet tal-Istati Membri fi ħdan il-Kunsill matul il-proċess leġiżlattiv tal-UE jridu jiġu rreġistrati u jsiru kwistjoni ta' għarfien pubbliku f'ħin opportun u b'mod aċċessibbli, bħal fi kwalunkwe sistema msejsa fil-prinċipju ta' leġittimità demokratika, il-koleġiżlaturi jeħtiġilhom jinżammu responsabbli mill-pubbliku għall-azzjonijiet tagħhom; jemmen li obbligu ta' rendikont akbar fil-Kunsill dwar pożizzjonijiet li jittieħdu mill-gvernijiet nazzjonali fil-leġiżlazzjoni tal-UE, inkluż li d-dokumenti leġiżlattivi jsiru aċċessibbli b'mod proattiv għall-pubbliku waqt li jkun għaddej il-proċess leġiżlattiv, jgħin biex jindirizza n-nuqqas ta' trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet u jneħħi l-kultura ta' "tort ta' Brussell" għal deċiżjonijiet li finalment jittieħdu mill-gvernijiet nazzjonali nfushom; jeżiġi li l-Kunsill, skont l-Artikolu 15(3) tat-TFUE, jirrevedi l-politika ta' kunfidenzjalità tiegħu sabiex jiżgura l-ogħla livell ta' trasparenza fil-ħidma tiegħu;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura trasparenza massima u aċċess għal dokumenti u informazzjoni, f'dak li għandu x'jaqsam mal-proċeduri tal-EU Pilot, tal-inqas fir-rigward tal-petizzjonijiet irċevuti, u mat-trasparenza sħiħa u mal-aċċess sħiħ għall-EU Pilot u ta' proċeduri ta' ksur li diġà spiċċaw;

17.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman biex tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tar-riforma tal-Kummissjoni tas-sistema tal-gruppi ta' esperti sabiex tiżgura konformità sħiħa mar-regoli legalment vinkolanti u trasparenza massima fit-twettiq tal-attivitajiet tal-gruppi ta' esperti kollha, u tinvestiga u tirrapporta kwalunkwe kunflitt ta' interessi possibbli; jemmen li hija meħtieġa valutazzjoni b'attenzjoni u informazzjoni dwar il-gruppi ta' esperti kollha sabiex jiġi mifhum il-grad ta' indipendenza tagħhom, bl-għan li jservu l-interess pubbliku u jagħtu valur miżjud lit-tfassil ta' politika tal-UE; jemmen li l-membri kollha tal-gruppi ta' esperti jeħtiġilhom ikunu fuq ir-reġistru ta' trasparenza;

18.  Itenni t-talba tiegħu għal ċentru ta' trasparenza ċentrali għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-UE;

19.  Jappoġġja l-impenn tal-Ombudsman biex ittejjeb it-trasparenza tal-lobbjar tal-UE; jisħaq l-importanza tal-adozzjoni ta' att leġiżlattiv xieraq sabiex ir-reġistru ta' trasparenza tal-UE jsir obbligatorju u legalment vinkolanti għall-istituzzjonijiet u l-aġenziji u r-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess kollha tal-UE, b'hekk tiġi żgurata trasparenza sħiħa tal-lobbjar;

20.  Jisħaq l-importanza li jkun hemm aġġornament regolari u titjib kbir fil-preċiżjoni tad-data fir-reġistru ta' trasparenza tal-UE, inkluż l-obbligu għall-kumpaniji legali li jillobbjaw biex jiddikjaraw il-klijenti kollha tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li l-informazzjoni kollha dwar l-influwenza tal-lobbisti ssir disponibbli mingħajr ħlas, tkun kompletament komprensibbli u tkun aċċessibbli faċilment għall-pubbliku; jemmen li trid tiġi żgurata trasparenza sħiħa tal-finanzjament tar-rappreżentanti ta' gruppi ta' interess kollha; jitlob li kwalunkwe organizzazzjoni li tikser ir-regoli ta' bibien iduru tiġi sospiża mir-reġistru ta' trasparenza;

21.  Jenfasizza s-sejbiet tal-Ombudsman li s-sħubija kontinwa tal-President tal-BĊE tal-G30 kienet tinkludi amministrazzjoni ħażina peress li tat bidu għal perċezzjoni pubblika li l-indipendenza tal-BĊE minn interessi finanzjarji privati tista' tiġi kompromessa; jisħaq li l-membri tal-bord eżekuttiv tal-BĊE għandhom jastjenu milli jkunu membri wkoll ta' fora jew organizzazzjonijiet oħra li jinkludu eżekuttivi minn banek sorveljati mill-BĊE; jieħu nota tar-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman tal-15 ta' Jannar 2018 dwar l-involviment tal-President tal-BĊE u l-membri tal-korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tiegħu fil-G30 u jħeġġeġ lill-BĊE biex jemenda r-regoli rilevanti sabiex jiżgura li jiġu implimentati fil-prattika l-ogħla standards etiċi u ta' obbligu ta' rendikont;

22.  Jemmen li l-Kummissjoni naqset milli tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza, l-etika u l-istat tad-dritt fil-proċedura li użat biex taħtar lil Martin Selmayr bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tagħha; jiddispjaċih bil-qawwa dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonferma lis-Sur Selmayr bħala s-Segretarju Ġenerali l-ġdid tagħha, filwaqt li injorat il-kritika estensiva u wiesgħa miċ-ċittadini tal-UE u l-ħsara għar-reputazzjoni li ġiet ikkawżata lill-UE kollha kemm hi; jenfasizza li s-Sur Selmayr jeħtieġlu jirriżenja bħala Segretarju Ġenerali u jistieden lill-Kummissjoni tadotta proċedura ġdida biex taħtar is-Segretarju Ġenerali tagħha, filwaqt li tiżgura li jinżammu l-ogħla standards ta' trasparenza, etika u l-istat tad-dritt;

23.  Jistieden lill-Ombudsman biex tkompli l-ħidma tagħha dwar it-tisħiħ tar-regoli etiċi fi ħdan l-Istituzzjonijiet tal-UE sabiex issolvi l-kwistjoni ta' bibien iduru u biex tiggarantixxi trasparenza sħiħa dwar l-informazzjoni kollha relatata ma' każijiet bħal dawn, inkluża l-pubblikazzjoni immedjata tal-ismijiet ta' dawk l-uffiċjali anzjani kollha tal-UE involuti; jistenna b'interess l-analiżi tal-Ombudsman dwar kif il-Kummissjoni qiegħda timplimenta l-linji gwida u s-suġġerimenti tagħha dwar kif se ttejjeb l-immaniġġjar tas-sitwazzjonijiet ta' bibien iduru, inkluż il-possibbiltà li tadotta regoli leġiżlattivi biex tipprevjeni u tissanzjona tali sitwazzjonijiet u abbużi possibbli;

24.  Jemmen bil-qawwa li jeħtieġ li jiġu applikati immedjatament regoli u standards morali u etiċi aktar stretti, ċari u li jiġu applikati b'mod faċli fl-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, bil-għan li jiġi żgurat ir-rispett għad-dmir tal-integrità u ta' diskrezzjoni, u li jiġi evitat kunflitt ta' interessi mas-settur privat; iqis li dawn ir-regoli u standards iridu jkunu bbażati fuq att leġiżlattiv; jieħu nota tal-kodiċi tal-kondotta aġġornat għall-Kummissarji, li daħal fis-seħħ fi Frar 2018 u introduċa perjodi ta' rtirar aktar stretti; jikkunsidra, madankollu, li l-perjodi ta' notifika ta' wara t-tmiem tal-mandat għandhom jiżdiedu;

25.  Jisħaq il-ħtieġa urġenti biex il-Kodiċi Ewropew ta' Mġiba Amministrattiva Tajba eżistenti jiġi aġġornat effettivament, billi jiġi adottat regolament vinkolanti dwar il-kwistjoni;

26.  Jemmen li l-laqgħa bejn l-eks President tal-Kummissjoni Barroso u l-Viċi President attwali tal-Kummissjoni, li ġiet irreġistrata bħala laqgħa uffiċjali ma' Goldman Sachs, kompliet turi l-ħtieġa urġenti li jiġu riveduti r-regoli u l-prattiki attwali sabiex jissaħħu r-rekwiżiti ta' integrità għall-Kummissarji kemm waqt kif ukoll wara l-mandati tagħhom;

27.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi pubblikazzjoni proattiva u trasparenza sħiħa fir-rigward tal-impjiegi ta' eks Kummissarji wara t-tmiem tal-mandat tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Kumitat tal-Etika jkun kompletament indipendenti u responsabbli u jħeġġeġ lill-Ombudsman biex tkompli tivvaluta u tirrapporta dwar kwalunkwe kunflitt ta' interess possibbli tal-membri tal-Kumitat tal-Etika;

28.  Jifraħ lill-Ombudsman dwar l-inkjesta strateġika tagħha dwar it-trasparenza fil-proċess leġiżlattiv tal-Kunsill (OI/2/2017/TE), iżda jiddispjaċih dwar in-nuqqas tal-Kunsill li jwieġeb għas-sejbiet fi ħdan l-iskadenza; jinnota li dan, sfortunatament, huwa suġġett rikorrenti li jintwera b'mod kostanti anke mill-ilmenti mressqa lill-Ombudsman; jemmen, barra minn hekk, li dan għandu jitqies ta' importanza kbira għall-ħajja demokratika tal-Unjoni u l-parteċipazzjoni effettiva taċ-ċittadini fil-kontinent kollu, peress li qiegħed ixekkel l-issodisfar tat-trattati kostituzzjonali u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jinnota, b'rabta ma' dan, is-sejbiet tal-Ombudsman f'każ reċenti (1272/2017/LP – ir-rifjut tal-Kunsill li jingħata aċċess pubbliku għall-opinjoni tas-Servizz Legali tiegħu fir-rigward ta' ftehim interistituzzjonali dwar ir-Reġistru ta' Trasparenza), li ssuġġerew li l-kwistjoni qed thedded il-prinċipju ta' bilanċ istituzzjonali u qed tikser il-prattika essenzjali ta' kooperazzjoni sinċiera reċiproka; jindika li huwa impossibbli jitwettqu l-verifiki ex post fuq bażi ad hoc wara li tiġi rrifjutata talba;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi adottat titjib kbir dwar ir-regoli ta' kunflitt ta' interess għal konsulenti speċjali; jistieden speċifikament lill-Kummissjoni biex timplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman f'dan ir-rigward, billi tadotta trasparenza massima u approċċ proattiv għall-valutazzjoni tagħha ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess potenzjali qabel u wara l-ħatra ta' konsulenti speċjali, u biex tiżgura li ċ-ċittadini jkollhom aċċess sħiħ għall-informazzjoni rilevanti kollha;

30.  Ifaħħar l-interess kostanti tal-Ombudsman fi kwistjonijiet rilevanti għall-persunal tal-istituzzjonijiet u jenfasizza l-importanza li titnaqqas kwalunkwe diskriminazzjoni li tista' tirriżulta minn status differenzjat; itenni l-importanza tas-sejbiet tal-Ombudsman dwar traineeships mhux imħallsa fid-delegazzjonijiet tal-UE tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (kawża 454/2014/PMC) u r-rakkomandazzjoni li s-SEAE għandu jħallas lit-trainees tiegħu ammont xieraq skont il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni; Jiddeplora l-fatt li Istituzzjonijiet oħra tal-UE jsegwu l-istess prattika ħażina ta' traineeships mhux imħallsa, li ma joffrix opportunitajiet ġusti liż-żgħażagħ jew joffri xogħol daqs dak ta' impjegat, li jħalli lill-professjonisti żgħażagħ esklużi minn nuqqas ta' fondi suffiċjenti li bihom isostnu ruħhom u li jiġu remunerati b'mod inadegwat għas-servizzi tagħhom; jindika li n-nuqqasijiet fl-istatus tat-trainees jidhru f'oqsma oħra, jiġifieri nuqqas ta' mekkaniżmi għar-rappurtar ta' fastidju sesswali fl-aġenziji tal-Unjoni; jitlob għalhekk lill-Ombudsman, sabiex tiftaħ inkjesta strateġika ġenerali dwar l-istatus tat-trainees;

31.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tagħmel xogħolha kompletament trasparenti billi tippubblika online data dwar il-laqgħat kollha tagħha mal-lobbisti tat-tabakk jew ir-rappreżentanti legali tagħhom u l-minuti kollha tagħhom, f'konformità mal-obbligi tagħha skont il-WHO FCTC;

32.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman timmonitorja l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet għall-uffiċjali pubbliċi tal-UE dwar l-interazzjonijiet tagħhom mar-rappreżentanti interessati, u biex tkompli iżżid l-għarfien dwar dawn ir-rakkomandazzjonijiet fost il-membri tal-persunal tal-UE fl-Istituzzjonijiet kollha tal-UE, permezz ta' taħriġ edukattiv, seminars u miżuri ta' appoġġ relatati;

33.  Jiddispjaċih ħafna dwar id-dewmien akkumulat mill-Kummissjoni b'rabta mal-proċeduri ta' ksur dwar l-abbuż ta' kuntratti b'terminu fiss kemm fis-settur privat kif ukoll fis-settur pubbliku, li serva għall-abbuż u l-ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema fl-Istati Membri; jistieden lill-Ombudsman biex timmonitorja din il-kwistjoni sabiex tissalvagwardja d-drittijiet taċ-ċittadini b'mod effettiv;

34.  Jappoġġja r-rwol tal-Ombudsman fit-tiswir ta' politika proattiva u trasparenti fl-aġenziji kollha tal-UE; iħeġġeġ lill-Ombudsman biex tkompli timmonitorja l-aġenziji kollha tal-UE sabiex tiżgura li dawn jissodisfaw l-ogħla standards ta' trasparenza u jipprovdu aċċess pubbliku għad-dokumenti u l-informazzjoni, b'fokus partikolari fuq il-proċeduri u l-attivitajiet relatati mal-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem;

35.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman biex tniedi inkjesta strateġika sabiex tivvaluta jekk l-Istituzzjonijiet, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE, bħall-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u l-EMA, jiżgurawx li l-ġbir, l-eżaminazzjoni u l-pubblikazzjoni ta' evidenza xjentifika humiex kompletament indipendenti, trasparenti, imparzjali, preċiżi u ħielsa mill-kunflitt ta' interessi, u jekk hemmx fis-seħħ il-politiki u l-proċeduri ta' salvagwardja xierqa, l-aktar meta jiġu indirizzati l-OĠM, il-glifosat, il-pestiċidi, il-prodotti u l-mediċini fitosanitarji u bijoċidali; jissuġġerixxi f'dan ir-rigward, li jkomplu jiġu investigati l-kompożizzjoni u l-proċeduri tal-għażla tal-kumitati u l-bords ta' dawn l-aġenziji, sabiex jiġi żgurat li dawn ikunu kompletament indipendenti u sabiex jitqiegħdu fis-seħħ l-aktar mekkaniżmi stretti li jipprevjenu kwalunkwe kunflitt ta' interess possibbli;

36.  Jilqa' l-inkjesti strateġiċi tal-Ombudsman dwar il-kura tal-persuni b'diżabbiltajiet skont ir-Reġim Komuni tal-Assigurazzjoni tal-Mard tal-Kummissjoni u dwar l-aċċessibbiltà tal-paġni web u l-għodod online tal-Kummissjoni għall-persuni b'diżabbiltajiet; iħeġġeġ lill-Ombudsman biex tagħmel l-almu tagħha bil-għan li tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u konsistenti tal-UN CRPD mill-amministrazzjoni tal-UE;

37.  Jilqa' l-impenn tal-Ombudsman għall-ftuħ u t-trasparenza matul in-negozjati tal-Brexit; jissottolinja r-rispons pożittiv li rċeviet l-Ombudsman kemm mill-Kunsill kif ukoll mill-Kummissjoni li jirrikonoxxu l-importanza tat-trasparenza; jistieden lill-gvern tar-Renju Unit sabiex jikkomplementa dan l-impenn;

38.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli l-kollaborazzjoni tagħha mal-ombudsmen nazzjonali permezz tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen;

39.  Jistieden lin-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen biex juri viġilanza akbar meta jimmonitorja li l-awtoritajiet pubbliċi jaġixxu immedjatament fuq każijiet ta' brutalità tal-pulizija, razziżmu u anti-Semitiżmu fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza demokratika;

40.   Jitlob li jiġu allokati riżorsi ekonomiċi u umani akbar lill-uffiċċju tal-Ombudsman sabiex ikun jista' jlaħħaq mal-ammont ta' xogħol attwali u futur, bl-għan li jinżamm id-dover kruċjali tiegħu li jżid il-prattiki ta' amministrazzjoni tajba fl-UE, servizz ta' importanza kruċjali għaċ-ċittadini tal-Unjoni;

41.  Jilqa' l-konferenza annwali tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen ta' Ġunju 2017, li ġiet iddedikata għall-konsegwenzi negattivi għad-drittijiet taċ-ċittadini li jirriżultaw minn Brexit u minn żieda fil-populiżmu fl-Ewropa;

42.  Jilqa' l-Premju tal-Ombudsman għal Amministrazzjoni Tajba, li jirrikonoxxi l-isforzi tas-servizz ċivili tal-UE biex jinstabu mezzi innovattivi ta' kif għandhom jiġu implimentati politiki favur iċ-ċittadini;

43.  Itenni r-rieda tiegħu li jaġġorna l-istatut tal-Ombudsman Ewropew(2), u kwalunkwe parti tal-acquis relatata, sabiex ir-rwol tiegħu jitfassal għall-ħtiġijiet u l-aspettattivi attwali taċ-ċittadini tal-UE fir-rigward tal-amministrazzjoni tajba;

44.   Jisħaq il-ħtieġa li jittejjeb id-djalogu soċjali;

45.  Jisħaq li l-fiduċja bejn iċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet hija tal-akbar importanza fid-dawl tad-diffikultajiet ekonomiċi attwali;

46.  Jisħaq il-ħtieġa li l-Ombudsman tinvestiga l-kunflitt ta' interess bejn ir-rwol tal-Kummissjoni fit-Trojka u r-responsabbiltà tagħha bħala gwardjan tat-Trattati u tal-acquis;

47.  Jistieden lill-Ombudsman biex tiżgura li l-Kummissjoni se tgħin biex toħloq infrastruttura għall-ECI, billi tipprovdi pariri legali u qafas legali li jipproteġi lill-membri tagħha;

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-ombudsmen tal-Istati Membri jew lill-korpi kompetenti simili.

(1)

ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.

(2)

Abbozz ta' Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew adottata fit-22 ta' April 2008 li temenda d-Deċiżjoni tiegħu 94/262/KEFA, KE, Euratom tad-9 ta' Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman (ĠU C 259 E, 29.10.2009, p. 116).


NOTA SPJEGATTIVA

Ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2017 ġie ppreżentat uffiċjalment lill-President tal-Parlament Ewropew fit-22 ta' Mejju 2018, u l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-rapport lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Brussell fis-16 ta' Mejju 2018.

Il-mandat tal-Ombudsman huwa stabbilit fl-Artikolu 24 u 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

L-Artikolu 24 tat-TFUE, kif ukoll l-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, jistabbilixxu d-dritt li jitressaq ilment lill-Ombudsman Ewropew.

Skont l-Artikolu 228 tat-TFUE l-Ombudsman Ewropew, elett mill-Parlament Ewropew, għandu s-setgħa li jirċievi lmenti minn kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni, jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, fir-rigward ta' każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji jew l-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha.

Amministrazzjoni ħażina tfisser amministrazzjoni ta' kwalità baxxa jew li ma rnexxietx. Din isseħħ jekk istituzzjoni tonqos milli taġixxi f'konformità mal-liġi, tonqos milli tirrispetta l-prinċipji ta' amministrazzjoni tajba jew tikser id-drittijiet tal-bniedem.

Aspett ewlieni tal-verżjoni attwali tat-Trattati, relatat strettament mal-attivitajiet tal-Ombudsman, huwa inkluż fl-Artikolu 15 tat-TFUE. Tabilħaqq, l-Artikolu 15 tat-TFUE jistabbilixxi li l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni jeħtiġilhom iwettqu xogħolhom bl-aktar mod miftuħ sabiex jippromwovu governanza tajba u jiżguraw il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. Barra minn hekk, huwa jipprevedi wkoll li kwalunkwe ċittadin tal-Unjoni, u kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru, jeħtiġilha jkollha dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-l-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni.

Pedament ieħor, l-aktar dak marbut mar-rwol tal-Ombudsman, huwa l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE fejn huwa enfasizzat li "kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi trattat b'mod imparzjali, b'mod ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni".

Fl-2017, 15 837 ċittadin talbu l-għajnuna tas-servizzi tal-Ombudsman, li minnhom 12 521 ingħataw konsulenza permezz tal-Gwida Interattiva li tinsab fis-sit web tal-Ombudsman, filwaqt li mill-bqija, 1135 ingħaddew lil ħaddieħor għal informazzjoni u 2 181 ġew ittrattati mill-Ombudsman bħala lmenti.

Mill-għadd totali ta' 2 181 ilment ipproċessati mill-Ombudsman fl-2017, 751 kienu jidħlu fil-mandat tal-Ombudsman u 1 430 kienu barra l-kamp ta' applikazzjoni tal-mandat tal-Ombudsman.

Fl-2017, l-Ombudsman fetħet 447 inkjesta, li minnhom 433 kienu bbażati fuq ilmenti u 14 kienu inkjesti fuq inizjattiva proprja, filwaqt li għalqet 363 inkjesta (348 ibbażati fuq ilmenti u 15-il inkjesta fuq inizjattiva proprja). Ħafna mill-inkjesti kienu jikkonċernaw lill-Kummissjoni (256 inkjesta jew 57.3 %), segwita mill-aġenziji tal-UE (35 inkjesta jew 7.8 %), l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) (34 inkjesta jew 7.6 %), il-Parlament Ewropew (22 inkjesta jew 4.9 %), is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) (17-il inkjesta jew 3.8 %), l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) (16-il inkjesta jew 3.6 %) u istituzzjonijiet oħra (67 inkjesta jew 15.0%).

It-tliet temi prinċipali tal-Ombudsman fl-inkjesti magħluqa fl-2017 kienu: it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni u għad-dokumenti (20.6 %), il-kultura ta' servizz (16.8 %) u r-rispett għad-drittijiet proċedurali (16.5 %). Temi oħra jinkludu kwistjonijiet etiċi, parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, rispett għad-drittijiet fundamentali, l-użu xieraq tad-diskrezzjoni, anki fil-proċeduri ta' ksur, il-ġestjoni finanzjarja tajba ta' offerti, għotjiet u kuntratti tal-UE, ir-reklutaġġ, u l-ġestjoni tajba tal-kwistjonijiet tal-persunal tal-UE.

Ir-Rapporteur tapprezza li l-istrateġija implimentata mill-Ombudsman, li għandha l-għan li tagħti aktar viżibbiltà fl-uffiċċju tagħha, irriżultat f'għadd globali akbar ta' lmenti mmaniġġjati fl-2017, minn 1 880 għal 2 184, kif ukoll fl-għadd akbar ta' lmenti rċevuti li jinsabu fil-mandat tal-Ombudsman, minn 711 għal 751.

Fil-ħidma strateġika tiegħu fl-2017, l-uffiċċju tal-Ombudsman għalaq 4 inkjesti strateġiċi u fetaħ 4 ġodda dwar it-trasparenza tal-Kunsill; "bibien iduru" mal-eks Kummissarji Ewropej; l-aċċessibbiltà tas-siti web tal-Kummissjoni għall-persuni b'diżabbiltajiet u dwar attivitajiet qabel is-sottomissjoni marbuta mal-valutazzjonijiet tal-mediċina mill-EMA. L-Ombudsman fetħet ukoll 8 inizjattivi strateġiċi dwar, fost suġġetti oħra, it-trasparenza fil-lobbjar tal-Kunsill Ewropew, it-titjib tal-ECI; regoli dwar "bibien iduru" fid-diversi istituzzjonijiet u korpi tal-UE, u għalqet 6 inizjattivi strateġiċi.

Ir-Rapporteur tinnota bi tħassib li l-inkjesti relatati mat-trasparenza u mal-obbligu ta' rendikont, inkluż inkjesti relatati mal-aċċess għall-informazzjoni u għad-dokumenti, jibqgħu jirrappreżentaw l-akbar proporzjon ta' każijiet immaniġġjati mill-Ombudsman fl-2017.

Ir-Rapporteur tenfasizza li l-UE għadha qed tħabbat wiċċha mal-agħar kriżi ekonomika, soċjali u politika mindu twaqqfet. L-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-uffiċċji kollha tal-UE għandhom iħossuhom obbligati li jiżguraw trasparenza sħiħa u l-ogħla standards etiċi u ta' obbligu ta' rendikont.

Skont ir-Rapporteur, sfortunatament l-approċċ ineffettiv adottat s'issa mill-Istituzzjonijiet tal-UE fl-indirizzar tan-nuqqas ta' trasparenza kemm fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE u fl-attivitajiet ta' lobbjar, kif ukoll kwistjonijiet etiċi sinifikanti oħra fi ħdan l-Istituzzjonijiet qed jikkontribwixxu biex ikomplu jdgħajfu l-perċezzjoni tal-UE, filwaqt li jżidu d-diżappunt u l-iskuntentizza taċ-ċittadini.

F'dan ir-rigward, ir-Rapporteur tfakkar li l-UE għadha mhux qed jirnexxilha tadotta Reġistru ta' trasparenza tal-UE obbligatorju u legalment vinkolanti sabiex tiżgura trasparenza sħiħa tal-lobbjar għall-Istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-partijiet terzi kollha tal-UE. Barra minn hekk, ir-Rapporteur tenfasizza li l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-aċċess għad-dokumenti hija skaduta sew. Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, fil-fatt, ma għadux jirrifletti s-sitwazzjoni legali attwali u l-prattiki istituzzjonali implimentati mill-istituzzjonijiet, l-uffiċċji, il-korpi u l-aġenziji tal-UE.

Hija temmen ukoll li ta' min isemmi tnejn mill-aktar kwistjonijiet etiċi prominenti li seħħew fl-2017.

L-ewwel waħda hija l-laqgħa li saret fil-25 ta' Ottubru 2017 bejn l-eks President tal-Kummissjoni Barroso u l-Viċi President attwali tal-Kummissjoni, irreġistrata bħala laqgħa uffiċjali ma' Goldman Sachs, li dwarha l-Ombudsman enfasizzat li n-natura preċiża tagħha ma kinitx ċara u li hemm tħassib komprensibbli li l-eks President qed juża l-istatus preċedenti tiegħu u l-kuntatti tiegħu mal-eks kollegi biex jinfluwenza u jikseb informazzjoni.

It-tieni waħda hija li s-sħubija kontinwa tal-President tal-BĊE tal-Grupp ta' 30 (G30), li hija organizzazzjoni privata li l-membri tagħha jinkludu rappreżentanti ta' banek sorveljati direttament jew indirettament mill-BĊE, minkejja r-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman li tiġi sospiża s-sħubija tiegħu.

Ir-Rapporteur tenfasizza li kemm il-"każ ta' Barroso" kif ukoll is-sħubija kontinwa tal-President tal-BĊE tal-G30 kompliet turi l-ħtieġa urġenti li jiġu applikati regoli u standards morali u etiċi aktar stretti fl-istituzzjonijiet tal-UE bil-għan li jiġi żgurat ir-rispett tad-dmir tal-integrità u ta' diskrezzjoni kif ukoll indipendenza sħiħa mis-settur privat.

Ir-Rapporteur tixtieq tfakkar ukoll il-każijiet ta' amministrazzjoni ħażina li nstabu mill-Ombudsman fin-nuqqas tal-Kunsill li jirreġistra l-identitajiet tal-Istati Membri li jieħdu pożizzjoni fi proċedura leġiżlattiva u fin-nuqqas ta' trasparenza mill-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti leġiżlattivi tiegħu.

Ir-Rapporteur tfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE (QĠUE) stipulat li l-prinċipji tal-pubbliċità u tat-trasparenza huma inerenti għall-proċess leġiżlattiv tal-UE u li ċ-ċittadini jeħtiġilhom isegwu fid-dettall il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE u jkollhom aċċess għall-informazzjoni rilevanti kollha sabiex jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet demokratiċi tagħhom.

Għalhekk, ir-Rapporteur tenfasizza l-ħtieġa ta' trasparenza sħiħa tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, bħal f'sistema bbażata fuq il-prinċipju ta' leġittimità demokratika fejn l-Istituzzjonijiet kollha jeħtiġilhom jinżammu kompletament responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom lejn il-pubbliku.

Ir-Rapporteur temmen li l-Ombudsman għandha rwol kruċjali li tiżgura trasparenza sħiħa u imparzjalità tal-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet u tal-amministrazzjoni tal-UE sabiex tipproteġi d-drittijiet taċ-ċittadini b'suċċess u tfaħħar l-inkjesta tal-Ombudsman fin-negozjati informali bejn it-tliet istituzzjonijiet ewlenin tal-UE ("trilogi").

Matul l-2017, f'każ speċifiku, l-Ombudsman enfasizzat li hi tista' tfittex li tivvaluta jekk il-korpi xjentifiċi tal-UE għandhomx is-salvagwardji proċedurali meħtieġa fis-seħħ biex jiżguraw li l-pariri xjentifiċi pprovduti humiex kemm jista' jkun kompluti u indipendenti u jekk dawn is-salvagwardji ġewx applikati kif xieraq fi kwalunkwe proċedura partikolari.

F'dan ir-rigward, ir-Rapporteur tfakkar li l-evidenza u l-proċeduri xjentifiċi użati fil-livell tal-UE, li wasslu għall-awtorizzazzjonijiet ta', inter alia, organiżmi ġenetikament modifikati, pestiċidi u glifosat, qajmu kritika sinifikanti u dibattitu pubbliku wiesa'. Għalhekk, ir-Rapporteur tistieden lill-Ombudsman tniedi inkjesta strateġika sabiex tivvaluta jekk l-Istituzzjonijiet, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE, bħall-ECHA, l-EFSA u l-EMA, jiżgurawx li l-ġbir u l-eżaminazzjoni ta' evidenza xjentifika humiex kompletament indipendenti, trasparenti, preċiżi u ħielsa minn kunflitt ta' interess, u jekk hemmx fis-seħħ politiki u proċeduri ta' salvagwardja xierqa.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

21.11.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Beatriz Becerra Basterrechea, Andrea Cozzolino, Pál Csáky, Miriam Dalli, Rosa Estaràs Ferragut, Eleonora Evi, Takis Hadjigeorgiou, Peter Jahr, Rikke-Louise Karlsson, Svetoslav Hristov Malinov, Lukas Mandl, Notis Marias, Ana Miranda, Miroslavs Mitrofanovs, Gabriele Preuß, Eleni Theocharous, Cecilia Wikström

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa D’Amato, Urszula Krupa, Kostadinka Kuneva, Julia Pitera, Ángela Vallina

Sostituti skont l-Artikolu 200(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Adam Szejnfeld, Mihai Ţurcanu


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

26

+

ALDE

ECR

EFDD

GUE/NGL

NI

PPE

S&D

Verts/ALE

Beatriz Becerra Basterrechea, Cecilia Wikström

Urszula Krupa, Notis Marias, Eleni Theocharous

Rosa D'Amato, Eleonora Evi

Takis Hadjigeorgiou, Kostadinka Kuneva, Ángela Vallina

Rikke‑Louise Karlsson

Asim Ademov, Pál Csáky, Rosa Estaràs Ferragut, Peter Jahr, Svetoslav Hristov Malinov, Lukas Mandl, Julia Pitera, Adam Szejnfeld, Mihai Ţurcanu

Andrea Cozzolino, Miriam Dalli, Gabriele Preuß

Margrete Auken, Ana Miranda, Miroslavs Mitrofanovs

0

-

0

0

0

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Diċembru 2018Avviż legali