Proċedura : 2018/2161(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0415/2018

Testi mressqa :

A8-0415/2018

Dibattiti :

PV 16/01/2019 - 26
CRE 16/01/2019 - 26

Votazzjonijiet :

PV 17/01/2019 - 10.13

Testi adottati :

P8_TA(2019)0043

RAPPORT     
PDF 797kWORD 64k
29.11.2018
PE 627.759v02-00 A8-0415/2018

dwar ir-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment

(2018/2161(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Barbara Kappel

Rapporteur għal opinjoni (*):

Eider Gardiazabal Rubial, Kumitat għall-Baġits

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment

(2018/2161(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività tal-2017 tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) bit-titolu "Impact into the Future" (L-Impatt fil-Futur),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Finanzjarju tal-2017 u r-Rapport Statistiku tal-2017 tal-BEI,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-BEI tal-2018 bit-titolu "EIB operations inside the European Union 2017: Results and impact" (L-operazzjonijiet tal-BEI fl-Unjoni Ewropea fl-2017: Riżultati u impatt),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-BEI tal-2018 bit-titolu "The EIB outside the European Union – 2017: Financing with global impact" (Il-BEI barra mill-Unjoni Ewropea – 2017: Finanzjament b'impatt globali),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar is-Sostenibbiltà tal-Grupp tal-BEI tal-2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 15, 126, 175, 177, 208, 209, 271, 308 u 309 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Protokoll Nru 5 dwar l-Istatut tal-BEI anness miegħu,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 bit-titolu "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014)0903),

-  wara li kkunsidra l-Politika tal-BEI lejn ġurisdizzjonijiet irregolati b'mod dgħajjef, mhux trasparenti u li ma jikkooperawx (Politika NCJ), ippubblikata fil-25 ta' Diċembru 2010, u l-addendum għall-Politika NCJ li ġie ppubblikat fit-8 ta' April 2004,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0415/2018),

A.  billi l-għan primarju tal-BEI huwa li jipprovdi finanzjament fit-tul u għarfien espert għal proġetti u li jattira aktar investiment biex jgħin fil-kisba tal-għanijiet tal-UE;

B.  billi l-BEI huwa l-uniku bank li huwa proprjetà tal-Istati Membri tal-UE u li jirrappreżenta l-interessi tagħhom;

C.  billi l-BEI huwa meqjus bħala l-fergħa finanzjarja tal-UE u l-istituzzjoni ewlenija għas-sostenn tal-investimenti pubbliċi u privati fl-UE, u li aktar minn 90 % tas-self tiegħu jseħħ fl-Unjoni;

D.  billi l-attivitajiet ta' self tal-BEI jiġu ffinanzjati prinċipalment permezz tal-ħruġ ta' bonds fis-swieq kapitali internazzjonali;

E.  billi l-programm ta' finanzjament annwali tal-BEI jammonta għal madwar EUR 60 biljun;

F.  billi 33 % u 37 % tal-bonds tal-BEI li ġew maħruġa fl-2017 u fl-2016 rispettivament ġew maħruġa f'dollari Amerikani;

G.  billi l-bonds tal-BEI huma tal-ogħla kwalità kreditizja u l-BEI huwa kklassifikat bħala triple-A mit-tliet aġenziji ewlenin tal-klassifikazzjoni tal-kreditu fost l-oħrajn minħabba li huwa proprjetà tal-Istati Membri u l-ġestjoni tar-riskju konservattiv tiegħu li jirriżultaw fi ktieb tas-self affidabbli, b'0,3 % biss ta' self improduttiv;

H.  billi l-istrumenti finanzjarji u l-garanziji baġitarji jistgħu jżidu l-impatt tal-baġit tal-UE;

I.  billi l-BEI huwa s-sieħeb naturali għall-UE biex timplimenta l-istrumenti finanzjarji, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali, reġjonali jew multilaterali;

J.  billi l-BEI għandu wkoll rwol importanti barra mill-UE permezz tal-attivitajiet tiegħu ta' self estern bħala l-akbar mutwatarju u sellief multilaterali fid-dinja;

K.  billi l-BEI qed ikompli jsaħħaħ l-integrazzjoni Ewropea u r-rwol tiegħu wera li huwa saħansitra aktar essenzjali sa mill-bidu tal-kriżi finanzjarja fl-2008;

L.  billi l-prijoritajiet tal-BEI kif stabbiliti fil-Pjan Korporattiv tal-Operat (PKO) għall-2017-2019 jiffokaw fuq il-miri tal-Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv fl-oqsma tal-enerġija, it-trasport u l-mobilità, is-saħħa, l-iżvilupp tal-infrastruttura rurali u l-appoġġ għan-negozji agrikoli, l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u l-intrapriżi ta' daqs medju, l-ambjent u l-innovazzjoni;

M.  billi l-Grupp tal-BEI għandu jżomm mertu tal-kreditu għoli bħala assi fundamentali tal-mudell kummerċjali tiegħu u portafoll ta' assi solidi, ta' kwalità għolja bi proġetti ta' investiment sod taħt il-FEIS u l-istrumenti finanzjarji kollha fil-portafoll tiegħu;

Il-kisbiet tal-BEI matul dawn l-aħħar 60 sena

1.  Jifraħ lill-BEI fuq 60 sena ta' operazzjonijiet ta' suċċess, li matulhom investa EUR 1,1 triljun u ffinanzja 11 800 proġett f'160 pajjiż bħala l-akbar mutwatarju u sellief multilaterali fid-dinja;

2.  Jilqa' l-fatt li s-self tal-Grupp tal-BEI fl-UE li ġie approvat fil-perjodu bejn l-2015-2016 se jappoġġja EUR 544 biljun f'investiment, iżid 2,3 % għall-PDG u joħloq 2,25 miljun impjieg sal-2020; iħeġġeġ lill-BEI jkompli jsaħħaħ l-attivitajiet tiegħu biex jikkontribwixxi għal tkabbir fit-tul u sostenibbli;

3.  Jenfasizza l-opportunitajiet biex il-BEI jfassal is-swieq f'konformità mal-objettivi ta' politika tal-UE; jirrikonoxxi l-kapaċità tal-BEI li jinvesti b'mod kontroċikliku sabiex jindirizza n-nuqqas ta' żvilupp u r-reċessjoni li jirriżultaw mill-kriżi finanzjarja u d-diffikultajiet fl-aċċess għall-finanzjament għall-finanzjament għall-SMEs u l-innovaturi;

4.  Jissottolinja r-rwol importanti tal-BEI bħala l-Bank tal-UE, li huwa l-uniku istituzzjoni finanzjarja internazzjonali li hija kompletament il-proprjetà tal-Istati Membri tal-UE u ggwidat bis-sħiħ mill-politiki u l-istandards tal-UE;

5.  Jitlob li jissaħħu l-attivitajiet ta' konsulenza tal-BEI u biex hu, flimkien mal-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet finanzjarji nazzjonali promozzjonali uffiċjali, jindirizzaw in-nuqqasijiet sistemiċi li jipprevjenu lil ċerti reġjuni jew pajjiżi milli jieħdu vantaġġ sħiħ mill-attivitajiet finanzjarji tal-BEI;

6.  Jenfasizza li 700 000 SME huma mistennija li jibbenefikaw minn aċċess imtejjeb għall-finanzjament, u jinnota li d-Dipartiment tal-Ekonomija tal-BEI u ċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni jistmaw li l-operazzjonijiet tal-FEIS diġà appoġġaw aktar minn 750 000 impjieg, ċifra li hija mistennija li tiżdied għal 1,4 miljun sal-2020, u li l-Pjan Juncker diġà żied il-PDG tal-UE b'0,6 % u mistenni li jżidu b'1,3 % oħra sal-2020;

7.  Jilqa' l-varar tal-Inizjattiva ta' Reżiljenza Ekonomika tal-BEI, li għandha l-għan li tgħin lill-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent u fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw mill-migrazzjoni irregolari u miċ-ċaqliq sfurzat; jappella biex jiżdied il-finanzjament għal din l-inizjattiva u biex jissaħħaħ l-involviment tal-BEI f'dawn ir-reġjuni sabiex jappoġġaw l-azzjoni umanitarja, il-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u t-titjib fl-infrastruttura; jilqa', f'dan ir-rigward, l-approvazzjoni tal-ewwel proġetti tal-Pjan ta' Investiment Estern Ewropew (EIP) fl-Afrika u jistenna b'interess li jissaħħaħ ir-rwol tal-BEI;

8.  Jinnota l-fatt li fl-2017 biss, ġie approvat numru rekord ta' 901 proġett, li jinkludi aktar minn EUR 78 biljun allokati għall-innovazzjoni, l-ambjent, l-infrastruttura, u l-SMEs;

9.  Jissottolinja l-attivitajiet tal-BEI b'appoġġ għall-koeżjoni ekonomika u soċjali, li jinvolvu finanzjament ta' aktar minn EUR 200 biljun għar-reġjuni f'dawn l-aħħar 10 snin;

Kummenti ġenerali

10.  Jilqa' l-passi li l-BEI ħa biex ikejjel aħjar l-impatt tal-investimenti tiegħu minflok ma jipprovdi biss data dwar il-volumi kwantitattivi tal-finanzjament;

11.  Ifakkar fil-fatt li l-BEI wieġeb għall-kriżi billi espanda l-attivitajiet tiegħu b'mod sinifikanti; jemmen li huwa kellu rwol pożittiv biex titnaqqas id-diskrepanza negattiva fl-investiment; iħeġġeġ lill-BEI jagħti attenzjoni akbar lir-riskju ta' esklużjoni tal-investiment privat issa li l-kundizzjonijiet ekonomiċi qed jerġgħu jiġu għan-normal;

12.  Jenfasizza li l-attivitajiet tal-BEI kienu essenzjali biex jindirizzaw il-livelli ta' rkupru u ta' investiment ta' wara l-kriżi, li għadhom żbilanċjati fl-Istati Membri u fir-reġjuni kif ukoll fis-setturi; jistieden lill-BEI jkompli jinvesti fl-Istati Membri sabiex jikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku tagħhom; jenfasizza li għandha ssir enfasi partikolari fuq il-finanzjament fis-setturi tal-innovazzjoni u tal-infrastruttura, fejn id-diskrepanza fl-investiment hija partikolarment serja;

13.  Jinnota li kważi terz tal-finanzjament tal-BEI huwa ddenominat f'dollaru Amerikan, li jesponi lill-bank għal sanzjonijiet potenzjali mill-Istati Uniti; jitlob lill-BEI biex jibda jnaqqas b'mod progressiv il-finanzjament tiegħu f'dollari;

14.  Jinnota li l-BEI jiġi awditjat kull sena mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jinnota d-dibattitu dwar il-possibbiltà li tiġi introdotta superviżjoni tal-operazzjoni ta' self tiegħu mill-BĊE; iwissi li dan jista' jkollu impatt kbir fuq in-natura, il-funzjonament u l-governanza tal-BEI;

Innovazzjoni u ħiliet

15.  Jirrikonoxxi li l-BEI jagħti prijorità lill-innovazzjoni u lill-ħiliet sabiex jiġi xprunat it-tkabbir u tiġi żgurata l-kompetittività fit-tul tal-Ewropa, b'self li jammonta għal EUR 13,9 biljun fl-2017 għal, fost oħrajn, 7,4 miljun konnessjoni diġitali ta' veloċità għolja u l-installazzjoni ta' 36,8 miljun arloġġ intelliġenti;

Ambjent u sostenibbiltà

16.  Jilqa' l-fatt li fl-2017, il-BEI sellef EUR 16,6 biljun għal proġetti li jappoġġaw l-għanijiet tal-politika ambjentali tiegħu, il-proġetti ta' finanzjament fl-oqsma tal-protezzjoni ambjentali, l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza enerġetika, il-bijodiversità, l-arja nadifa, l-ilma nadif, il-ġestjoni tal-ilma u tal-iskart, u t-trasport sostenibbli, u fir-rigward tas-self għall-klima impenja aktar minn 25 % tas-self totali fl-oqsma kollha tal-ordni pubbliku tiegħu, fejn qabeż l-impenn inizjali tiegħu bi 3,2 %;

17.  Jenfasizza r-rwol ta' eżempju li l-istituzzjonijiet tal-UE għandu jkollhom f'dak li għandu x'jaqsam ma' finanzjament sostenibbli; jirrikonoxxi l-istatus tal-BEI bħala l-akbar emittent ta' bonds ħodor u li l-Bonds għal Kuxjenza Dwar il-Klima joffru lill-investituri rabta trasparenti ma' proġetti tal-enerġija rinnovabbli u tal-effiċjenza enerġetika li jibbenefikaw mir-rikavati tal-ħruġ ta' bonds ħodor tal-BEI, li jkunu bbażati fuq is-sistema tar-rappurtar tal-BEI dwar il-benefiċċji klimatiċi tal-proġetti, inklużi indikaturi tal-impatt bħall-emissjonijiet tal-gassijiet serra li ġew evitati, il-livelli assoluti tal-emissjonijiet, il-konsum tal-enerġija li ġie ffrankat u l-ġenerazzjoni addizzjonali tal-enerġija li ġiet installata;

18.  jilqa' f'dan ir-rigward l-ewwel ħruġ ta' Bonds għal Kuxjenza dwar is-Sostenibbiltà tal-BEI, li jammontaw għal EUR 500 miljun li se jkunu ddedikati għal proġetti b'impatt kbir b'appoġġ tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU filwaqt li jiżguraw il-fiduċja tal-investituri soċjalment responsabbli permezz ta' standards ta' trasparenza u tas-suq rigorużi;

19.  Jilqa' l-fatt li l-BEI laħaq l-objettiv ta' 25 % tiegħu fil-qasam tal-finanzjament għall-klima; jinnota bi tħassib li l-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta' dan, ma laħqitx il-mira ta' 20 %;

20.  Jilqa' l-ħolqien tal-inizjattiva Finanzjament Intelliġenti għall-Binjiet Intelliġenti, li l-għan tagħha huwa li l-investimenti fil-proġetti tal-effiċjenza enerġetika fil-binjiet residenzjali jsiru aktar attraenti għall-investituri privati permezz tal-użu intelliġenti tal-għotjiet tal-UE bħala garanzija; jilqa' l-fatt li l-BEI dan l-aħħar beda jinvesti fl-akkomodazzjoni soċjali;

21.  Jirrakkomanda li l-BEI jadotta strateġija tal-enerġija li tkun kompatibbli bis-sħiħ mal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, filwaqt li jqis l-evidenza tar-riċerka u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar l-impatt tat-tisħin globali ta' 1,5°C 'il fuq mil-livelli preindustrijali u l-perkorsi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet globali ta' gassijiet serra relatati, fil-kuntest tat-tisħiħ tar-rispons globali għat-theddid tat-tibdil fil-klima, l-iżvilupp sostenibbli, u l-isforzi biex jinqered il-faqar;

22.  Jistieden lill-BEI jżomm self b'appoġġ għall-objettivi tal-politika Ewropea dwar l-enerġija;

23.  Jistieden lill-BEI jkompli jsaħħaħ il-proġetti marbuta mat-tibdil fil-klima u mal-protezzjoni ambjentali, peress li l-UE hija waħda mill-firmatarji tal-Ftehim ta' Pariġi u jfakkar fl-impenn li ħadet l-UE biex tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b'mill-inqas 40 % sal-2030;

24.  Jenfasizza l-importanza tal-finanzjament tal-BEI fl-iżvilupp tal-kapaċità tal-enerġija rinnovabbli u t-titjib tal-effiċjenza enerġetika f'setturi bħall-industrija u t-trasport;

25.  Jistieden lill-BEI jaħdem ma' parteċipanti tas-suq żgħar u ma' kooperattivi tal-komunità sabiex iwettaq l-iggruppar ta' proġetti tal-enerġija rinnovabbli fuq skala żgħira, biex b'hekk ikunu jistgħu jkunu eliġibbli għall-finanzjament tal-BEI;

Infrastruttura

26.  Jenfasizza l-appoġġ tal-BEI għal infrastruttura sigura u effiċjenti għall-provvista tal-enerġija, it-trasport u ż-żoni urbani, kif espress permezz tas-self iffirmat tiegħu b'valur ta' EUR 18-il biljun biex jappoġġa l-għan tal-politika tal-infrastruttura tiegħu u jipprovdi aktar minn EUR 22 biljun f'self urban fl-2017;

27.  Jistieden lill-BEI jżomm self b'appoġġ għall-objettivi tal-politika Ewropea dwar l-enerġija;

SMEs u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja

28.  Jilqa' l-appoġġ qawwi tal-Grupp tal-BEI għall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja b'investiment totali ta' EUR 29,6 biljun, li kellu impatt pożittiv fuq 287 000 kumpanija li jimpjegaw 3,9 miljun persuna;

29.  Ifakkar li skont il-BEI, il-probabbiltà li d-ditti l-kbar ikunu innovaturi hija d-doppju minn dik tal-SMEs filwaqt li l-probabbiltà li d-ditti innovattivi ż-żgħar ikollhom restrizzjonijiet ta' kreditu hija 50 % ogħla minn dik ta' ditti oħra; iħeġġeġ lill-BEI jappoġġa kumpaniji iżgħar b'self iżgħar, sabiex ikollhom impatt akbar fuq sezzjoni trasversali usa' tal-ekonomija Ewropea;

30.  Minħabba r-rwol ewlieni tal-SMEs, jemmen li l-istrateġija tal-BEI fir-rigward tal-SMEs għandha tinkludi t-tisħiħ tal-funzjonijiet amministrattivi u konsultattivi tiegħu sabiex jingħataw informazzjoni u appoġġ tekniku lill-SMEs fir-rigward tal-iżvilupp u l-applikazzjoni għall-finanzjament;

31.  Jilqa' l-għaxar standards stabbiliti fil-Manwal Soċjali u Ambjentali tal-BEI, li jservu bħala prerekwiżit għall-parteċipazzjoni fl-operazzjonijiet ta' self tal-BEI, inkluż fl-oqsma tal-prevenzjoni u t-tnaqqis tat-tniġġis, il-bijodiversità u l-ekosistemi, l-istandards relatati mal-klima, il-wirt kulturali, ir-risistemazzjoni involontarja, id-drittijiet u l-interessi ta' gruppi vulnerabbli, l-istandards tax-xogħol, is-saħħa okkupazzjonali u pubblika, is-sikurezza u s-sigurtà u l-involviment tal-partijiet konċernati;

Obbligu ta' rendikont, trasparenza u komunikazzjoni

32.  Iħeġġeġ lill-BEI u lill-partijiet ikkonċernati tagħha jirriflettu fuq ir-riformi meħtieġa sabiex tiġi żgurata d-demokratizzazzjoni tal-governanza tiegħu, u jkun hemm aktar trasparenza u sostenibbiltà fl-operazzjonijiet tiegħu;

33.  Jistieden lill-BEI jżid l-isforzi tiegħu f'termini ta' komunikazzjoni; jemmen li huwa fundamentali li l-BEI jikkomunika maċ-ċittadini tal-UE sabiex jispjega aħjar l-għanijiet tal-politiki tiegħu; jemmen f'dan ir-rigward li għandha ssir riflessjoni sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' finanzjament tal-BEI, fost oħrajn bħala mezz kif jintwera b'mod konkret il-kontribut tal-UE għall-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tiegħu;

34.  Jinnota bi tħassib iż-żieda kontinwa fl-ispejjeż amministrattivi ġenerali, primarjament xprunati miż-żieda fl-ispejjeż relatati mal-persunal; iwissi dwar ir-riskju ta' żieda ulterjuri fil-proporzjon tal-introjtu relatat mal-ispejjeż għall-bażi kapitali tal-BEI; jitlob lill-BEI jżomm id-dixxiplina fl-ispejjeż, iżomm l-istruttura ta' ġestjoni tiegħu effiċjenti, u jiżgura li din ma tiżviluppax għal struttura ta' ġestjoni b'ammont sproporzjonat ta' karigi tal-ogħla livell;

35.  Jinnota t-titjib riċenti tal-BEI fit-trasparenza, bħall-pubblikazzjoni tal-minuti tal-Bord tad-Diretturi tiegħu u l-pubblikazzjoni tat-Tabella ta' Valutazzjoni ta' indikaturi għall-proġetti appoġġjati mill-garanzija tal-FEIS u tar-raġunament tal-Kumitat tal-Investiment indipendenti għad-deċiżjoni tiegħu, f'konformità mar-Regolament rivedut tal-FEIS; jifhem li bank ma jistax jiżvela informazzjoni kummerċjalment sensittiva;

36.  Ifakkar li l-politika ta' trasparenza tal-Grupp tal-BEI hija bbażata fuq preżunzjoni ta' divulgazzjoni u li kulħadd jista' jaċċessa d-dokumenti u l-informazzjoni tiegħu; jistieden lill-BEI jkompli jtejjeb it-trasparenza, eż. billi jippubblika l-minuti dettaljati u l-aċċess għall-informazzjoni kemm internament, għall-Parlament Ewropew u għall-istituzzjonijiet l-oħra, kif ukoll għall-pubbliku, speċjalment fir-rigward tas-sistema tal-kuntrattar u tas-sottokuntrattar, ir-riżultati tal-investigazzjonijiet interni u l-għażla, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet u tal-programmi;

37.  Jikkunsidra li fost l-isfidi li qed jiffaċċja l-BAI, superviżjoni xierqa hija kruċjali; jemmen li, minħabba r-rwol u l-istabbiliment istituzzjonali tal-bank, hija meħtieġa struttura superviżorja;

38.  Jieħu nota tar-reviżjoni tal-politika u tal-proċeduri tal-Mekkaniżmu għall-Ilmenti tal-BEI; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar il-Mekkaniżmu għall-Ilmenti tal-BEI kif espress fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Mejju 2018 dwar ir-rapport annwali dwar il-kontroll tal-attivitajiet finanzjarja tal-BEI għall-2016(1); iħeġġeġ lill-BEI jsaħħaħ l-indipendenza u l-effiċjenza tal-Uffiċċju tal-Mekkaniżmu għat-Trattament tal-Ilmenti u jieħu passi ulterjuri sabiex inaqqas il-burokrazija, iżid il-kapaċità tiegħu għall-analiżi makroekonomika u jtejjeb ir-rappreżentanza tas-sessi fl-ogħla pożizzjonijiet tiegħu;

39.  Jilqa' favorevolment il-fatt li d-dokumentazzjoni relatata mal-kejl tar-riżultati għall-proġetti ta' investiment koperti mill-garanzija tal-UE issa trid tintbagħat lill-Parlament fuq talba ta' dan tal-aħħar;

40.  Jenfasizza l-ħtieġa għal livell għoli ta' trasparenza min-naħa tal-intermedjarji finanzjarji użati mill-BEI (b'mod partikolari banek kummerċjali, iżda wkoll istituzzjonijiet mikrofinanzjarji u kooperattivi), sabiex jiġi żgurat li s-self intermedjat ikun soġġett għall-istess rekwiżiti ta' trasparenza bħal tipi oħra ta' self;

41.  Jilqa' l-Inizjattiva ta' Reżiljenza Ekonomika (ERI) tal-BEI bħala parti mir-rispons konġunt tal-UE għall-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati, b'enfasi fuq l-indirizzar tal-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni; jinsisti fuq il-koordinazzjoni u l-komplementarjetà mill-qrib mal-Pjan ta' Investiment Estern tal-UE; jinnota li s'issa s-26 proġett tal-ERI u EUR 2,8 biljun f'investiment huma mistennija li jkunu ta' benefiċċju għal aktar minn 1 500 negozju iżgħar u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja, li jgħinu jsostnu aktar minn 100 000 impjieg;

42.  Jistieden lill-BEI jieħu l-miżuri kollha meħtieġa abbażi tat-tagħlimiet miksuba mill-esperjenza tal-FEIS, u jimmassimizza r-riżultati tal-programm InvestEU li jmiss, filwaqt li jagħti attenzjoni partikolari lill-inugwaljanzi reġjonali u soċjali u lill-Istati Membri li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi ekonomika;

43.  Jilqa' ż-żieda fil-finanzjament tal-ERI għall-Viċinat tan-Nofsinhar u l-Balkani tal-Punent ta' EUR 6 biljun fuq perjodu ta' ħames snin li jibda minn Ottubru 2016, flimkien mal-EUR 7,5 biljun diġà previsti, kif ukoll l-enfasi fuq infrastruttura sostenibbli u vitali;

44.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp tar-reżiljenza ekonomika fil-pajjiżi ospitanti u ta' tranżitu billi jappoġġa l-ħolqien ta' impjiegi u l-bini ta' infrastruttura meħtieġa għall-popolazzjoni lokali, kif ukoll il-popolazzjoni spostata; jilqa' l-fatt li l-komunitajiet tar-rifuġjati jistgħu jibbenefikaw ukoll minn opportunitajiet biex jiżviluppaw l-awtosuffiċjenza tagħhom u jgħixu b'dinjità; jissottolinja li l-investimenti fir-reżiljenza ekonomika għandhom jikkontribwixxu biex itejbu t-tħejjija tar-reġjuni għal xokkijiet esterni futuri, u biex ikun hemm aktar stabbiltà f'pajjiżi fraġli;

45.  Jinnota t-tielet anniversarju tal-FEIS u jirrikonoxxi l-kisbiet tiegħu, filwaqt li jilqa' l-EUR 335 biljun f'investiment li ġie mobilizzat fl-Unjoni kollha mill-approvazzjoni tar-Regolament FEIS (ir-Regolament (UE) 2915/1017)(2) mill-koleġiżlaturi, li taħtu ġew approvati 898 operazzjoni fit-28 Stat Membru, li żewġ terzi minnhom inġabru minn riżorsi privati, li qabżu l-għan oriġinali ta' EUR 315-il biljun li ġie stabbilit fl-2015; jiġbed l-attenzjoni lejn id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew u tal-Parlament Ewropew li jestendu d-durata u l-kapaċità tal-FEIS għal EUR 500 biljun sat-tmiem tal-2020;

46.  Jissottolinja l-ħtieġa li jitħaffef ix-xogħol dwar il-bini ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali, biex b'hekk il-BEI verament ikun jista' jimla l-vojt fejn ikun hemm fallimenti tas-suq u jipprovdi finanzjament għal proġetti ta' riskju għoli;

47.  Ifakkar fir-rikonoxximent tiegħu tal-ħtieġa li tingħata kontinwità b'appoġġ għall-mekkaniżmi xprunati mid-domanda bħall-FEIS li jappoġġaw investiment fit-tul fl-ekonomija reali, jimmobilizzaw l-investiment privat u jiġġeneraw impatt makroekonomiku sostantiv u impjiegi fis-setturi li huma importanti għall-futur tal-Unjoni lil hinn mill-QFP attwali;

48.  Iħeġġeġ l-istabbiliment b'mod f'waqtu ta' inizjattiva ta' segwitu għall-perjodu ta' wara l-2020 sabiex tingħata l-kontinwità meħtieġa, li għandha tinkorpora t-tagħlimiet miksuba mill-FEIS, u żżomm il-fatturi ta' suċċess ewlenin;

49.  Jemmen li l-Grupp tal-BEI kien kruċjali fis-suċċessi tal-FEIS bħala l-uniku interlokutur għall-benefiċjarji u għall-intermedjarji u s-sieħeb esklussiv tal-implimentazzjoni; jemmen li fi kwalunkwe programm InvestEU futur, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, il-BEI għandu jkun is-sieħeb naturali għall-UE li jwettaq il-kompiti bankarji (teżor, immaniġġjar tal-assi, valutazzjoni tar-riskju) b'rabta mal-implimentazzjoni ta' strumenti finanzjarji;

50.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni intensifikata min-naħa tal-Grupp tal-BEI mal-banek u mal-istituzzjonijiet promozzjonali nazzjonali (NPBIs) u jistieden lill-BEI jkompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu mal-NPBIs sabiex tiġi żgurata sensibilizzazzjoni u jiġu żviluppati aktar attivitajiet ta' konsulenza u assistenza teknika sabiex jiġi appoġġat bilanċ ġeografiku fit-tul; jinnota l-varjetà wiesgħa ta' esperjenzi li jeżistu f'termini tal-proġetti tal-FEIS; jappoġġa u jħeġġeġ l-iskambju ulterjuri tal-aħjar prattiki bejn il-BEI u l-Istati Membri sabiex tiġi żgurata aktar effiċjenza ekonomika;

Self barra l-UE

51.  Jilqa' r-rwol importanti tal-BEI fil-finanzjament barra l-UE permezz tal-attivitajiet tiegħu ta' self estern; jenfasizza l-ġestjoni effiċjenti tal-BEI tal-Mandat ta' Self Estern, kif ikkonfermat minn evalwazzjoni indipendenti f'Ġunju 2018, li tirrikonoxxi r-rilevanza u l-effettività tiegħu fil-provvediment ta' finanzjament tal-UE lil pajjiżi terzi b'kost minimu għall-baġit tal-Unjoni; jitlob li l-Qorti Ewropea tal-Awdituri tipproduċi rapport speċjali dwar il-prestazzjoni u l-allinjament mal-politiki tal-UE tal-attivitajiet ta' self estern tal-BEI;

52.  jemmen li l-BEI għandu jkompli jkollu rwol ewlieni fl-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' finanzjament tal-UE futuri għal pajjiżi terzi, filwaqt li jiżgura li dan ikun fl-interess tal-intraprendituri lokali li jixtiequ jistabbilixxu intrapriżi lokali, li spiss ikunu mikro u żgħar, bil-għan li jikkontribwixxu l-ewwel u qabel kollox għall-ekonomija lokali li jingħataw prijorità fid-deċiżjonijiet ta' self tal-BEI;

53.  Jemmen li l-BEI għandu jżomm l-attivitajiet tal-politika estera eżistenti tiegħu, inkluż permezz ta' strumenti bħall-mandati ta' self lejn pajjiżi terzi; jilqa' l-ġestjoni tal-BEI tal-Faċilità ta' Investiment AKP, li prinċipalment tipprovdi proġetti li jippromwovu l-iżvilupp tas-settur privat; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li huwa kruċjali li r-rwol ċentrali tal-BEI, bħala l-fergħa finanzjarja bilaterali tal-UE, jiġi rifless sew fl-arkitettura ta' wara l-2020 għall-finanzjament barra l-Unjoni;

54.  Jikkunsidra li l-attivitajiet tal-BEI jridu jiġu applikati f'konsistenza sħiħa mal-politiki u mal-attivitajiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea, f'konformità mal-Artikolu 7 tat-TFUE u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

55.  Jenfasizza l-importanza tar-rappurtar annwali mill-BEI dwar l-operazzjonijiet tiegħu barra l-Unjoni fir-rigward tal-konformità mal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki li jmexxu l-azzjoni esterna tal-Unjoni, l-Aġenda tan-NU għall-2030 għall-iżvilupp sostenibbli u l-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima;

56.  Ifakkar lill-BEI li jeħtieġ li jaġixxi f'koerenza mal-mandat ta' żvilupp tiegħu taħt il-Mandat ta' Self Estern sabiex jiġi żgurat li l-investimenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu qed iġibu d-dħul dovut lill-awtoritajiet lokali tat-taxxa;

57.  Jieħu nota tal-fatt li nofs l-operazzjonijiet kollha ta' self tal-BEI taħt il-Mandat ta' Self Estern imorru għand l-intermedjarji finanzjarji lokali bl-għan li tingħata spinta lill-mikrokrediti, u jitlob lill-BEI jipprovdi informazzjoni aktar kompluta u sistematika dwar is-self ta' fondi mislufa mill-intermedjarji finanzjarji;

58.  Ifakkar li l-attivitajiet tal-BEI jridu jirriflettu l-politiki interni u esterni tal-Unjoni; jissottolinja li l-kundizzjonijiet ta' self tiegħu għandhom jiffaċilitaw il-kisba tal-għanijiet ta' politika kkonċernati, u b'mod partikolari l-iżvilupp tar-reġjuni periferiċi tal-Unjoni, billi jippromwovu t-tkabbir u l-impjieg; jistieden lill-BEI jsaħħaħ b'mod konsiderevoli l-arranġamenti għall-għoti ta' assistenza teknika u għarfien espert finanzjarju lill-awtoritajiet lokali u reġjonali qabel ma jiġu approvati l-proġetti, sabiex titjieb l-aċċessibbiltà u jiġu involuti l-Istati Membri kollha, speċjalment dawk b'rata ta' suċċess aktar baxxa f'termini ta' proġetti approvati;

59.  Jistieden lill-BEI jinvesti b'mod sinifikanti fit-tranżizzjoni ambjentali fil-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant;

60.  Jistieden lill-BEI jintensifika l-isforzi tiegħu biex jagħti finanzjamenti globali bil-għan li jiddiversifika l-investimenti tiegħu fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, tal-enerġija rinnovabbli u tal-ekonomija ċirkolari, li jirrikjedu risposta aktar estiża mill-ambitu nazzjonali, li tkopri diversi reġjuni, dipartimenti tal-gvern u impriżi iżgħar, u jitlob l-iżvestiment minn proġetti li jippreżentaw riskji serji għall-ambjent u għar-riżorsi naturali;

61.  Jenfasizza l-importanza tal-attivitajiet ta' finanzjament tal-BEI fil-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant; jitlob lill-BEI jżid is-self tiegħu lill-Viċinat tal-Lvant sabiex jiġu appoġġati l-investimenti fil-pajjiżi li jkunu qed jimplimentaw ftehimiet ta' assoċjazzjoni mal-UE;

Konformità mar-Regoli tat-Taxxa

62.  Jilqa' l-Qafas tal-Ġlieda kontra l-Ħasil tal-Flus u l-Finanzjament tat-Terroriżmu adottat mill-BEI f'Jannar 2018, li jistabbilixxi l-prinċipji ewlenin li jirregolaw l-AML-CFT u l-aspetti ta' integrità relatati fl-attivitajiet tal-Grupp tal-BEI;

63.  Jilqa' l-progress li għamel il-BEI biex jadotta l-ogħla standards bl-għan li jipprevjeni l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, il-ħasil tal-flus, u l-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, billi applika b'mod sħiħ il-politiki u l-istandards tal-UE, pereżempju l-lista tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal skopijiet ta' taxxa; jistieden lill-BEI, f'dan ir-rigward, biex itemm il-kooperazzjoni mal-intermedjarji, il-pajjiżi u l-ġurisdizzjonijiet li huma elenkati fuq dik il-lista; jissottolinja l-ħtieġa assoluta li l-BEI jibqa' viġilanti kontinwament u li jadatta l-azzjonijiet tiegħu għar-realtà li qiegħda tevolvi b'mod permanenti fir-rigward ta' dawn il-prattiki;

64.  Iħeġġeġ lill-BEI biex ikompli jwettaq diliġenza dovuta msaħħa fuq kull operazzjoni b'fatturi ta' riskju ogħla identifikati, bħal rabta ma' Ġurisdizzjoni Mhux Konformi (NCJ), indikaturi tar-riskju tat-taxxa u operazzjonijiet bi strutturi multiġurisdizzjonali kumplessi irrispettivament mill-eżistenza ta' rabtiet NCJ;

65.  Jissottolinja l-importanza li tiġi żgurata informazzjoni ta' kwalità għolja dwar il-benefiċjarji finali u li jiġu pprevenuti b'mod effettiv tranżazzjonijiet ma' intermedjarji finanzjarji bħal banek kummerċjali u ditti ta' investiment bi preċedenti negattivi f'termini ta' trasparenza, frodi, korruzzjoni, kriminalità organizzata u ħasil tal-flus;

66.  Jilqa' l-fatt li l-BEI jqis l-impatt tat-taxxa fil-pajjiżi fejn isir l-investiment u kif dan l-investiment jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis fl-inugwaljanza;

67.  Jistieden lill-BEI jżid l-isforzi tiegħu f'termini ta' komunikazzjoni; jemmen li huwa kruċjali li l-BEI jikkomunika maċ-ċittadini sabiex jispjega aħjar l-għanijiet tal-politiki tiegħu u b'hekk juri b'mod konkret il-kontribut tal-UE għall-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tagħha;

68.  Jistenna li l-BEI jallinja l-politiki interni tiegħu biex jirriflettu l-kuntest ġuridiku adottat dan l-aħħar bil-għan li jkun miġġieled l-evitar tat-taxxa, barra mill-evażjoni tat-taxxa, kif tindika fid-dettall il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Marzu 2018 dwar ir-rekwiżiti l-ġodda kontra l-evitar tat-taxxa fil-leġiżlazzjoni tal-UE li tirregola b'mod partikolari l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment C(2018)1756;

69.  Iħeġġeġ il-kooperazzjoni mill-BEI mal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jipprevjenu l-frodi u l-ħasil tal-flus;

Brexit

70.  Iħeġġeġ lin-negozjaturi tal-Brexit biex jaqblu dwar l-eliminazzjoni gradwali tar-Renju Unit mill-portafoll tal-BEI mibni bil-parteċipazzjoni tar-Renju Unit, ir-rimborż tal-kapital imħallas tar-Renju Unit u l-kontinwazzjoni tal-protezzjonijiet estiżi lill-BEI u l-assi tiegħu fir-Renju Unit; jenfasizza li l-klassifikazzjoni AAA tal-BEI ma tridx tiġi affettwata bl-irtirar tar-Renju Unit mill-UE;

71.  Jitlob biex tinstab soluzzjoni ġusta għall-membri tal-persunal Brittaniċi tal-BEI;

72.  Jilqa' l-iżvilupp ta' pjattaformi ta' investiment reġjonali biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-suq u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull pajjiż;

73.  Jenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa li titnaqqas id-distribuzzjoni ġeografika diżomoġenja tal-finanzjament tal-BEI, fid-dawl tal-fatt li fl-2017, 70 % minnu ġie allokat lil sitt Stati Membri, minkejja li wieħed mill-objettivi tal-BEI huwa l-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni; jitlob, minflok, distribuzzjoni ġeografika dinamika, ġusta u trasparenti tal-proġetti u tal-investimenti fost l-Istati Membri, b'attenzjoni speċjali għar-reġjuni l-anqas żviluppati;

°

°  °

74.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2018)0198.

(2)

ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits (6.11.2018)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar ir-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment

(2018/2161(INI))

Rapporteur (*): Eider Gardiazabal Rubial

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinsisti fuq il-fatt li t-tisħiħ tar-rwol ekonomiku tal-grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), iż-żieda fil-kapaċità ta' investiment tiegħu u l-użu tal-baġit tal-UE bħala garanzija tal-operazzjonijiet tiegħu jridu jkunu akkumpanjati minn trasparenza u obbligu ta' rendikont akbar; ifakkar li l-istess prinċipji ta' obbligu ta' rendikont u trasparenza jridu japplikaw għall-korpi tal-UE li mhumiex iffinanzjati mill-baġit tal-UE, kif tenniet il-Qorti Ewropea tal-Awdituri fl-2018;

2.  Jitlob li jkun hemm it-tisħiħ urġenti tal-kompetenzi tal-Parlament fir-rigward tal-orjentament strateġiku u tal-politiki tal-BEI sabiex jiġi żgurat l-iskrutinju demokratiku tal-investimenti, li huwa neċessarju b'urġenza;

3.  Jilqa' l-kontribut tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) biex jingħelbu n-nuqqasijiet tas-suq permezz tal-indirizzar tan-nuqqasijiet tas-suq u l-mobilizzazzjoni tal-investimenti privati;

4.  Jinnota li l-implimentazzjoni tat-Tieqa għall-SMEs tal-FEIS kienet effettiva biex tiġi żgurata l-assenjazzjoni rapida tal-finanzi lill-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja; jenfasizza l-importanza li jiżdied l-appoġġ tal-BEI għall-SMEs u l-impriżi b'kapitalizzazzjoni medja billi l-benefiċjarji jingħataw informazzjoni aktar ċara dwar l-aċċess għall-finanzjament;

5.  Jistieden lill-BEI jkompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu mal-Banek u l-Istituzzjonijiet Promozzjonali Nazzjonali (NPBIs) sabiex tiġi żgurata s-sensibilizzazzjoni u jkun hemm żvilupp ulterjuri tal-attivitajiet ta' konsulenza u tal-assistenza teknika favur distribuzzjoni ġeografika bbilanċjata tal-FEIS fit-tul; jistieden lill-uffiċċji lokali tal-BEI jestendu l-azzjoni ta' sensibilizzazzjoni tagħhom għas-sħab lokali sabiex jippromwovu l-FEIS; jenfasizza l-importanza li tinkiseb distribuzzjoni ġeografika u settorjali aħjar tal-attività ta' self tal-BEI mingħajr ma tiġi kompromessa l-kwalità għolja tal-proġetti;

6.  Jenfasizza, fir-rigward tal-NPBIs, l-importanza li, minn naħa, jerġgħu jiġu ddefiniti r-relazzjonijiet mal-BEI, mal-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u mal-banek ta' żvilupp, bil-għan li tiġi żgurata l-koerenza bejn il-mandati rispettivi tagħhom u, min-naħa l-oħra, li tissaħħaħ il-kooperazzjoni tagħhom mal-Kummissjoni, mal-BEI u mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali biex jinħolqu aktar sinerġiji bejn il-Fondi SIE u l-istrumenti ta' finanzjament u s-self tal-BEI, jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, jiġu ssimplifikati l-proċeduri, tiżdied il-kapaċità amministrattiva, jissaħħu l-iżvilupp u l-koeżjoni territorjali u titjieb il-viżibbiltà tal-Fondi SIE u tal-finanzjamenti tal-BEI;

7.  Jistieden lill-BEI jiffoka l-investimenti fuq numru akbar ta' proġetti transkonfinali, b'mod partikolari fid-dawl tal-prijoritajiet il-ġodda tar-Regolament FEIS rivedut; jenfasizza li l-proġetti li jgħaqqdu żewġ Stati Membri jew aktar huma kkunsidrati li jagħtu indikazzjoni qawwija ta' addizzjonalità, iżda jiffaċċjaw diffikultajiet biex jattiraw il-finanzjament, u għalhekk għandhom ikunu punt fokali ġdid tal-attivitajiet ta' self tal-BEI;

8.  Jinsisti fuq ir-rwol ewlieni li l-BEI għandu jkollu biex jagħti spinta lill-investimenti li huma l-aktar effettivi f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi; jistenna, barra minn hekk, li l-BEI jagħti informazzjoni dettaljata dwar tali investimenti, u jikkonċentra fuq l-impjiegi bi grad għoli ta' kwalità u sostenibbiltà;

9.  Itenni li l-attivitajiet tal-BEI huma neċessarji biex tiġi indirizzata d-diskrepanza fl-investimenti tas-settur pubbliku u dak privat, li fl-Ewropa ilha tiżdied mill-kriżi ekonomika u finanzjarja; ifakkar lill-BEI, għalhekk, dwar ir-rwol tiegħu bħala forza antiċiklika għat-tnedija mill-ġdid tal-investimenti;

10.  Jilqa' l-iżvilupp ta' pjattaformi ta' investiment reġjonali biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fis-suq u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull pajjiż;

11.  Jenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa li titnaqqas id-distribuzzjoni ġeografika diżomoġenja tal-finanzjament tal-BEI, fid-dawl tal-fatt li fl-2017, 70 % minnu ġie allokat lil sitt Stati Membri, minkejja li wieħed mill-objettivi tal-BEI huwa l-koeżjoni ekonomika u soċjali fl-Unjoni; jitlob, minflok, distribuzzjoni ġeografika dinamika, ġusta u trasparenti tal-proġetti u tal-investimenti fost l-Istati Membri, b'attenzjoni speċjali għar-reġjuni l-anqas żviluppati;

12.  Jistenna li l-BEI jallinja l-politiki interni tiegħu biex jirriflettu l-kuntest ġuridiku adottat dan l-aħħar sabiex jiġġieled kontra l-evitar tat-taxxa, kif ukoll jiġġieled kontra l-evażjoni tat-taxxa, kif deskritt fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Marzu 2018 dwar ir-rekwiżiti l-ġodda kontra l-evitar tat-taxxa fil-leġiżlazzjoni tal-UE li tirregola b'mod partikolari l-operazzjonijiet ta' finanzjament u ta' investiment C(2018)1756;

13.  Jenfasizza li, irrispettivament mill-ftehim finali bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni, l-azzjonisti tal-BEI għandhom jiżguraw li l-BEI jista' jżomm il-livell attwali ta' kapaċità ta' investiment u self;

14.  Jilqa' l-fatt li l-BEI laħaq l-objettiv ta' 25 % tiegħu fil-qasam tal-finanzjamenti għall-klima; jinnota bi tħassib li l-Kummissjoni, għall-kuntrarju ta' dan, ma laħqitx il-mira ta' 20 %;

15.  Jistieden lill-BEI jintensifika l-isforzi tiegħu biex jagħti finanzjamenti globali bil-għan li jiddiversifika l-investimenti tiegħu fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika, tal-enerġija rinnovabbli u tal-ekonomija ċirkolari, li jirrikjedu risposta aktar estiża mill-ambitu nazzjonali, li tkopri diversi reġjuni, dipartimenti tal-gvern u impriżi iżgħar, u jitlob l-iżvestiment minn proġetti li jippreżentaw riskji serji għall-ambjent u għar-riżorsi naturali;

16.  Jilqa' l-ħolqien tal-inizjattiva Finanzjament Intelliġenti għall-Binjiet Intelliġenti, li l-għan tagħha huwa li l-investimenti fil-proġetti tal-effiċjenza enerġetika fil-binjiet residenzjali jsiru aktar attraenti għall-investituri privati permezz tal-użu intelliġenti tal-għotjiet tal-UE bħala garanzija; jilqa' l-fatt li l-BEI dan l-aħħar beda jinvesti fl-akkomodazzjoni soċjali;

17.  Jinnota, madankollu, li, skont ir-Rapport tat-Task Force ta' Livell Għoli dwar l-Investiment fl-Infrastruttura Soċjali fl-Ewropa, 4 % biss tal-finanzjament tal-FEIS approvat jappoġġa proġetti ta' infrastruttura soċjali fl-UE;

18.  Jenfasizza l-importanza ta' evalwazzjonijiet ex ante u ex post tal-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali konkret li nkiseb kif ukoll tal-impatt makroekonomiku ġenerali, filwaqt li din l-informazzjoni tiġi divulgata bis-sħiħ lill-Parlament;

19.  Jilqa' l-fatt li issa l-iskedi għall-Kejl tar-Riżultati għall-proġetti ta' investiment koperti mill-garanzija tal-UE jridu jintbagħtu lill-Parlament fuq talba ta' dan tal-aħħar;

20.  Iħeġġeġ lill-BEI jimmassimizza l-użu tal-istrumenti disponibbli kollha u l-impatt tagħhom fuq il-post, ħalli jindirizza l-għeruq ta' dak li jikkawża l-migrazzjoni;

21.  Jinsisti fuq il-fatt li l-istandards dwar l-intermedjarji finanzjarji għandhom ikunu aktar ambizzjużi, u li l-BEI jeħtieġlu jwettaq skrutinju tal-kooperazzjoni tiegħu ma' dawk l-istituzzjonijiet b'riżultati negattivi f'termini ta' trasparenza, frodi, korruzzjoni u impatti ambjentali u soċjali;

22.  Iħeġġeġ il-kooperazzjoni tal-BEI mal-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) u mal-awtoritajiet nazzjonali sabiex jipprevjenu l-frodi u l-ħasil tal-flus;

23.  Jitlob li jkun hemm aktar superviżjoni u divulgazzjoni fir-rigward tal-operazzjonijiet intermedjati minn banek kummerċjali u istituzzjonijiet finanzjarji simili;

24.  Jenfasizza l-importanza tal-attivitajiet ta' finanzjament tal-BEI fil-pajjiżi tal-Viċinat tal-Lvant; jitlob lill-BEI jżid is-self tiegħu lill-Viċinat tal-Lvant sabiex jappoġġa l-investimenti fil-pajjiżi li qed jimplimentaw Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni mal-UE;

25.  Iħeġġeġ għal darb'oħra lill-grupp tal-BEI jadotta r-rieżami tal-politika tiegħu dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta fil-futur qrib u jqis ir-reviżjoni attwali tal-Mekkaniżmu tal-Ilmenti tiegħu bħala opportunità biex isaħħaħ il-leġittimità, l-aċċessibbiltà, il-prevedibbiltà, l-ekwità u t-trasparenza tiegħu.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

5.11.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, André Elissen, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, John Howarth, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Daniele Viotti, Tiemo Wölken, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karine Gloanec Maurin, Alain Lamassoure, Janusz Lewandowski, Ivana Maletić, Andrey Novakov, Marco Valli

Sostituti skont l-Artikolu 200(2) preżenti għall-votazzjoni

Michael Detjen, Stefan Gehrold

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

24

+

ALDE

Jean Arthuis, Gérard Deprez

PPE

Reimer Böge, Lefteris Christoforou, José Manuel Fernandes, Stefan Gehrold, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Alain Lamassoure, Janusz Lewandowski, Ivana Maletić, Andrey Novakov, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Inese Vaidere

S&D

Michael Detjen, Eider Gardiazabal Rubial, Karine Gloanec Maurin, John Howarth, Vladimír Maňka, Isabelle Thomas, Daniele Viotti, Tiemo Wölken

Ħodor/AĦE

Indrek Tarand

4

-

ECR

Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk

ENF

André Elissen

NI

Eleftherios Synadinos

2

0

EFDD

Marco Valli

ENF

Marco Zanni

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (15.10.2018)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar ir-Rapport Annwali dwar l-attivitajiet finanzjarji tal-Bank Ewropew tal-Investiment

(2018/2161(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Sander Loones

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza u jilqa' l-importanza li l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jagħti lill-operazzjonijiet tiegħu barra l-UE fl-attività ġenerali tiegħu ta' self; jenfasizza li l-għoti ta' self ġdid barra l-UE għandu jkompli jżomm tqassim relattivament ġust bejn l-appoġġ għall-infrastruttura soċjali u ekonomika u l-appoġġ għall-iżvilupp tas-settur privat u pubbliku lokali; ifakkar li 10 % tal-attività globali ta' self tal-BEI hija ddedikata għall-operazzjonijiet barra l-Unjoni; jenfasizza, għal din ir-raġuni, l-importanza tar-rappurtar annwali tal-BEI dwar l-operazzjonijiet tiegħu barra mill-Unjoni fir-rigward tal-konformità mal-prinċipju tal-koerenza tal-politiki li jiggwidaw l-azzjoni esterna tal-Unjoni, mal-Aġenda 2030 tan-NU għall-iżvilupp sostenibbli u mal-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-Klima;

2.  Jilqa' l-attivitajiet ta' rappurtar tal-BEI li għandhom l-għan li jiżguraw livell dejjem akbar ta' trasparenza, iżda jitlob aċċess usa' għall-informazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu, b'mod partikolari fir-rigward tas-sistema tal-kuntrattar u tas-sottokuntrattar, kif ukoll aċċess għad-data finanzjarja relatata ma' proġetti ffinanzjati mill-BEI; jistieden lill-BEI jsaħħaħ l-involviment tas-soċjetà ċivili u l-partijiet ikkonċernati;

3.  Ifakkar li l-attivitajiet tal-BEI jridu jirriflettu l-politiki interni u esterni tal-Unjoni; jissottolinja li l-kundizzjonijiet ta' self tiegħu għandhom jiffaċilitaw il-kisba ta' dawn l-għanijiet, u b'mod partikolari l-iżvilupp tar-reġjuni periferiċi tal-Unjoni, permezz tal-promozzjoni tat-tkabbir u l-impjiegi; jistieden lill-BEI jsaħħaħ b'mod konsiderevoli l-arranġamenti għall-għoti ta' assistenza teknika u għarfien espert finanzjarju lill-awtoritajiet lokali u reġjonali qabel ma jiġu approvati l-proġetti, sabiex titjieb l-aċċessibbiltà u jiġu involuti l-Istati Membri kollha, speċjalment dawk b'rata ta' suċċess aktar baxxa f'termini ta' proġetti approvati;

4.  Jistieden lill-BEI jkompli jagħti attenzjoni speċjali lill-iżvilupp tas-settur privat fl-għoti ta' self barra mill-UE, għaliex dan is-settur huwa mutur ewlieni ta' tnaqqis tal-faqar, u wkoll lill-impatt tal-linji ta' finanzjament u ta' kreditu li jiġu diretti lejn istituzzjonijiet mikrofinanzjarji; jistieden ukoll lill-BEI, f'dan ir-rigward, itejjeb b'mod effettiv l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs u jistabbilixxi rekwiżiti aktar proattivi għal politika tal-SMEs u l-mikrointrapriżi għal banek intermedjarji li jiżborżaw il-fondi tal-BEI; jieħu nota tal-fatt li nofs l-operazzjonijiet kollha ta’ self tal-BEI fl-ambitu tal-mandat ta' self estern (ELM) imur għal intermedjarji finanzjarji bl-għan li jagħti spinta lill-mikrokrediti, u jitlob lill-BEI jipprovdi informazzjoni aktar kompluta u sistematika dwar is-self ta' fondi mislufa mill-intermedjarji finanzjarji; jappella għal kontribut strateġiku tal-BEI biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni billi jestendi l-mandat ta' self estern tal-BEI;

5.  Jistieden lill-BEI jżid ir-riżorsi finanzjarji billi jissieħeb ma' istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn, iħallat flimkien is-self tiegħu mal-għotjiet ta' partijiet terzi, u jikkatalizza aktar is-sorsi ta' finanzjament, il-konsulenza teknika u l-għajnuna tiegħu u wkoll billi jgħin biex jattira finanzjament ulterjuri; jistieden lill-BEI jiżgura b'mod aħjar li l-għanijiet tal-politika ambjentali u soċjali tal-Unjoni jiġu rispettati, inkluż fi proġetti kofinanzjati jew kontribuzzjonijiet għall-fondi ta' investiment u fondi ta' ekwità privata;

6.  Jistieden lill-BEI jallinja l-attivitajiet tiegħu mar-rakkomandazzjonijiet l-aktar reċenti tal-UNCTAD, u jappoġġa t-tisħiħ tal-politiki industrijali ġodda proprji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw billi jikkontribwixxi għall-ħolqien ta' għodod tal-politika tal-investiment u jiffoka fuq setturi differenti, attivitajiet ekonomiċi, u mekkaniżmi sabiex jimmassimizza l-kontribut tal-investiment fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet industrijali;

7.  Jilqa' l-varar tal-Inizjattiva ta' Reżiljenza Ekonomika tal-BEI, li għandha l-għan li tgħin lill-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent u fil-Viċinat tan-Nofsinhar tal-UE jindirizzaw l-isfidi li jirriżultaw mill-migrazzjoni irregolari u miċ-ċaqliq sfurzat; jappella biex jiżdied il-finanzjament għal din l-inizjattiva u biex jissaħħaħ l-involviment tal-BEI f'dawn ir-reġjuni sabiex jappoġġaw l-azzjoni umanitarja, il-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u t-titjib fl-infrastruttura; jilqa', f'dan ir-rigward, l-approvazzjoni tal-ewwel proġetti tal-Pjan ta' Investiment Estern Ewropew (EIP) fl-Afrika u jistenna b'interess li jissaħħaħ ir-rwol tal-BEI;

8.  Jistieden lill-BEI jinvesti b'mod sinifikanti fit-tranżizzjoni ambjentali fil-pajjiżi tal-viċinat tal-Lvant;

9.  Jilqa' l-pjan tal-BEI li joħloq Bond għas-Sensibilizzazzjoni dwar is-Sostenibbiltà, u jħeġġu jadotta rwol ewlieni fil-finanzjament sostenibbli kemm fl-Ewropa kif ukoll lil hinn minnha; jistieden lill-BEI jagħti prijorità, permezz tal-attivitajiet ta' self tiegħu, lill-appoġġ għal-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) 2030 tan-NU billi jżid il-potenzjal tal-investiment fi proġetti soċjali, ekoloġiċi u sostenibbli;

10.  Huwa tal-fehma li l-BEI għandu jkompli jsaħħaħ ir-rwol tiegħu li jgħin biex jinkiseb l-iżvilupp sostenibbli f'konformità mal-SDGs, u li s-self tiegħu fl-ambitu tal-istrateġija għall-klima għandu jkun iffukat primarjament fuq is-setturi tat-trasport u tal-enerġija nodfa, peress li dawn għandhom potenzjal konsiderevoli għall-innovazzjoni; jistieden lill-BEI jelimina b'mod gradwali l-appoġġ tiegħu għall-karburanti fossili u għall-proġetti li jikkawżaw d-deforestazzjoni u t-telfien tal-bijodiversità, u jagħti attenzjoni akbar għall-impatt tal-operazzjonijiet tiegħu fuq id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet tax-xogħol;

11.  jistieden lill-BEI jiżgura li l-kumpaniji li jipparteċipaw fil-proġetti kofinanzjati mill-BEI jkunu obbligati jżommu mal-prinċipju ta' pagi ugwali u trasparenza tal-pagi kif ukoll mal-prinċipju ta' ugwaljanza bejn is-sessi kif stabbilit fid-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(1); jitlob ukoll biex id-deċiżjonijiet tal-BEI dwar il-finanzjament ta' proġetti jqisu l-azzjoni li tkun ittieħdet mill-kumpaniji kandidati fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali korporattiva;

12.  Ifakkar lill-BEI li huwa jeħtieġ li jaġixxi b'koerenza mal-mandat tal-iżvilupp tiegħu taħt l-ELM sabiex jiżgura li l-investimenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jirriżultaw fi dħul dovut lill-awtoritajiet tat-taxxa lokali;

13.  Jistieden lill-BEI, fid-dawl tal-kapaċità ta' ġenerazzjoni ta' proġetti insuffiċjenti fis-setturi pubbliċi u privati u fil-kapaċità ta' self baxxa f'xi Stati Membri, kif ukoll bl-għan li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' investiment fl-UE, iqis approċċ li permezz tiegħu l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri, li jsiru fuq bażi ta' darba biss, lill-proġetti ffinanzjati mill-BEI, fejn Stat Membru jew banek promozzjonali nazzjonali kklassifikati fis-settur tal-gvern ġenerali jew li jaġixxu f'isem Stat Membru, jikkwalifikaw bħala miżura ta' darba biss fi ħdan id-definizzjoni tal-Artikoli 3 u 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza tal-pożizzjonijiet baġitarji u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi(2).

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

11.10.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Maria Arena, Tiziana Beghin, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Christofer Fjellner, Eleonora Forenza, Karoline Graswander-Hainz, Christophe Hansen, Heidi Hautala, Yannick Jadot, France Jamet, Elsi Katainen, Jude Kirton-Darling, Danilo Oscar Lancini, Bernd Lange, David Martin, Anne-Marie Mineur, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Adam Szejnfeld, William (The Earl of) Dartmouth, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Sander Loones, Fernando Ruas, Paul Rübig, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra

Sostituti skont l-Artikolu 200(2) preżenti għall-votazzjoni

Beatriz Becerra Basterrechea, Czesław Hoc, Stanisław Ożóg, Jozo Radoš, Anders Sellström

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

33

+

ALDE

Beatriz Becerra Basterrechea, Elsi Katainen, Jozo Radoš

ECR

Czesław Hoc, Sander Loones, Stanisław Ożóg, Jan Zahradil

EFDD

Tiziana Beghin, William (The Earl of) Dartmouth

GUE/NGL

Eleonora Forenza, Helmut Scholz

PPE

Laima Liucija Andrikienė, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Christofer Fjellner, Christophe Hansen, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Fernando Ruas, Paul Rübig, Tokia Saïfi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Anders Sellström, Adam Szejnfeld

S&D

Maria Arena, Karoline Graswander-Hainz, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Joachim Schuster

Ħodor/AĦE

Heidi Hautala, Yannick Jadot

2

-

ENF

France Jamet

GUE/NGL

Anne-Marie Mineur

1

0

ENF

Danilo Oscar Lancini

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.

(2)

ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.11.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

24

9

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

David Coburn, Thierry Cornillet, Esther de Lange, Markus Ferber, Stefan Gehrold, Sven Giegold, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Petr Ježek, Barbara Kappel, Wolf Klinz, Georgios Kyrtsos, Philippe Lamberts, Werner Langen, Bernd Lucke, Ivana Maletić, Marisa Matias, Costas Mavrides, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Dimitrios Papadimoulis, Sirpa Pietikäinen, Dariusz Rosati, Pirkko Ruohonen-Lerner, Anne Sander, Alfred Sant, Peter Simon, Ramon Tremosa i Balcells, Ernest Urtasun, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Miguel Viegas

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ashley Fox, Jeppe Kofod, Paloma López Bermejo, Michel Reimon, Joachim Starbatty, Lieve Wierinck

Sostituti skont l-Artikolu 200(2) preżenti għall-votazzjoni

Pilar Ayuso, Elmar Brok, Helga Stevens


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

24

+

ALDE

Thierry Cornillet

ECR

Ashley Fox, Bernd Lucke, Stanisław Ożóg, Pirkko Ruohonen-Lerner, Joachim Starbatty, Helga Stevens

ENF

Barbara Kappel

PPE

Pilar Ayuso, Elmar Brok, Markus Ferber, Stefan Gehrold, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Georgios Kyrtsos, Esther de Lange, Werner Langen, Ivana Maletić, Luděk Niedermayer, Sirpa Pietikäinen, Dariusz Rosati, Anne Sander, Tom Vandenkendelaere

9

-

EFDD

David Coburn

GUE/NGL

Paloma López Bermejo, Marisa Matias, Dimitrios Papadimoulis, Miguel Viegas

Ħodor/AĦE

Sven Giegold, Philippe Lamberts, Michel Reimon, Ernest Urtasun

9

0

ALDE

Petr Ježek, Wolf Klinz, Ramon Tremosa i Balcells, Lieve Wierinck

EFDD

Marco Valli

S&D

Jeppe Kofod, Costas Mavrides, Alfred Sant, Peter Simon

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Jannar 2019Avviż legali