Proċedura : 2018/2271(INL)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0423/2018

Testi mressqa :

A8-0423/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 11/12/2018 - 5.13
CRE 11/12/2018 - 5.13

Testi adottati :

P8_TA(2018)0494

RAPPORT     
PDF 593kWORD 66k
4.12.2018
PE 630.712v02-00 A8-0423/2018

li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Viżi Umanitarji

(2018/2271(INL))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Juan Fernando López Aguilar

(Inizjattiva – Artikolu 46 tar-Regoli ta' Proċedura)

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
 RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA
 NOTA SPJEGATTIVA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li jinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-Viżi Umanitarji

(2018/2271(INL))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 225 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari tal-Artikoli 4, 18 u 19 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Protokoll tal-1967 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi)(1),

–  wara li kkunsidra l-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti għal Migrazzjoni Sikura, Ordnata u Regolari u l-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar ir-Rifuġjati li segwew id-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti adottata unanimament mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fid-19 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew dwar il-Viżi Umanitarji li tħejjiet mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 46 u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0423/2018),

A.  billi, minkejja diversi avviżi u talbiet għal mogħdijiet sikuri u legali li jippermettu l-aċċess għat-territorju Ewropew għall-persuni li jkunu qed ifittxu protezzjoni internazzjonali, bħalissa ma hemm l-ebda armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni dwar proċeduri ta' dħul protett (PEPs) u l-ebda qafas ġuridiku fil-livell tal-Unjoni għal viżi umanitarji, jiġifieri viżi maħruġa bl-iskop li persuna tasal fit-territorju tal-Istati Membri biex tikseb protezzjoni internazzjonali;

B.  billi, skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Marzu 2017 fil-Kawża C-638/16(2), X u X vs État Belge, l-Istati Membri ma humiex obbligati, skont id-dritt tal-Unjoni, li jagħtu viża umanitarja lill-persuni li jixtiequ jidħlu fit-territorju tagħhom bl-intenzjoni li japplikaw għall-asil, iżda jibqgħu liberi li jagħmlu dan abbażi tad-dritt nazzjonali tagħhom; billi din id-deċiżjoni tinterpreta l-liġi eżistenti tal-Unjoni li tista' tiġi modifikata;

C.  billi bosta Stati Membri attwalment għandhom jew preċedentement kellhom skemi nazzjonali għall-ħruġ ta' viżi umanitarji jew għall-ħruġ ta' permessi ta' residenza għal raġunijiet umanitarji biex jiggarantixxu PEPs nazzjonali għall-persuni fil-bżonn;

D.  billi l-għadd ta' persuni ammessi abbażi ta' proċeduri nazzjonali ta' dħul għal protezzjoni umanitarja jew permezz ta' risistemazzjoni għadu baxx meta mqabbel mal-ħtiġijiet globali, b'disparitajiet sinifikanti bejn l-Istati Membri; billi l-kamp ta' applikazzjoni tal-proċeduri nazzjonali ta' dħul għal protezzjoni umanitarja u risistemazzjoni huwa definit b'mod strett u, fil-każ ta' risistemazzjoni, huwa marbut strettament mal-kriterji ta' vulnerabbiltà u reġistrazzjoni bħala rifuġjat mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati;

E.   billi, b'riżultat ta' dan, madwar 90 % ta' dawk li ngħataw protezzjoni internazzjonali waslu fl-Unjoni permezz ta' mezzi irregolari, li wassal sabiex ġew stigmatizzati saħansitra qabel il-wasla tagħhom fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri;

F.   billi n-nisa li jivvjaġġaw weħidhom jew bit-tfal, in-nisa kapijiet ta' unità domestika, in-nisa tqal u li qed ireddgħu, il-persuni b'diżabbiltà, il-bniet adolexxenti u n-nisa anzjani huma fost dawk li huma partikolarment vulnerabbli matul ir-rotot migratorji lejn l-Ewropa u qed jiffaċċjaw riskji partikolari akbar ta' vjolenza abbażi ta' sess, bħall-istupru, il-vjolenza u li jkunu l-mira tal-persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin ta' bnedmin, u t-traffikanti biex jiġu sfruttati sesswalment u ekonomikament; billi n-nisa u l-bniet barra minn hekk għandhom it-tendenza li jkunu aktar vulnerabbli għall-forom kollha ta' sfruttament inkluż l-isfruttament ta' ħaddiema u l-isfruttament sesswali matul ir-rotot migratorji lejn l-Unjoni u ta' spiss ikunu mġiegħla jwettqu atti sesswali ta' sopravivenza bi skambju għat-tkomplija tal-vjaġġ tagħhom;

G.   billi l-prezz uman ta' dawk il-politiki ġie stmat għal mill-inqas 30 000 każ ta' mewt fil-fruntieri tal-Unjoni sa mis-sena 2000; billi huwa meħtieġ b'mod urġenti qafas ġuridiku tal-Unjoni bħala mezz wieħed biex jiġi indirizzat l-għadd intollerabbli ta' mwiet fil-Mediterran u fir-rotot migratorji lejn l-Unjoni, sabiex verament jiġu miġġielda l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin, l-esponiment għat-traffikar tal-bnedmin, l-isfruttament tal-ħaddiema u l-vjolenza, biex jiġu ġestiti b'mod ordnat il-wasla, l-akkoljenza b'dinjità u l-ipproċessar ġust tat-talbiet għall-asil u biex jiġi ottimizzat il-baġit tal-Istati Membri u tal-Unjoni għall-proċeduri tal-asil, il-kontroll tal-fruntieri u l-attivitajiet ta' tiftix u salvataġġ, kif ukoll biex jinkisbu prattiki koerenti fl-acquis tal-Unjoni fir-rigward tal-asil;

H.   billi l-Parlament ipprova jinkludi dispożizzjonijiet f'dak ir-rigward fl-emendi tiegħu għar-Regolament (KE) Nru 810/2009;

I.   billi kemm il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni rrifjutaw dawk l-emendi, fuq il-bażi, fost oħrajn, li tali dispożizzjonijiet ma għandhomx jiġu inklużi fir-Regolament (KE) Nru 810/2009, peress li l-kamp ta' applikazzjoni tiegħu jkopri biss viżi għal soġġorn qasir;

J.  billi l-Parlament, iffaċċjat bin-nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, iddeċieda għalhekk li jipproċedi bit-tfassil ta' din ir-riżoluzzjoni dwar il-viżi umanitarji;

K.   billi twettqet ħidma intensiva, inkluż bl-għajnuna ta' esperti, biex jitfasslu r-rakkomandazzjonijiet li huma annessi ma' din ir-riżoluzzjoni;

1.  Jitlob lill-Kummissjoni biex fuq il-bażi tal-Artikolu 77(2)(a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), tippreżenta, sal-31 ta' Marzu 2019, proposta għal regolament dwar l-istabbiliment ta' Viża Umanitarja Ewropea, filwaqt li ssegwi r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-Anness għal dan ir-rapport;

2.  Iqis li l-Istati Membri għandu jkollhom il-possibbiltà li joħorġu Viżi Umanitarji Ewropej fir-rigward ta' persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali, sabiex dawk il-persuni jkunu jistgħu jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-viża għall-iskop uniku li jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali f'dak l-Istat Membru;

3.  Iqis li l-viżi umanitarji Ewropej għandhom jikkomplementaw u mhux jissostitwixxu l-proċeduri nazzjonali ta' dħul eżistenti għall-protezzjoni umanitarja, il-proċeduri ta' risistemazzjoni u l-applikazzjonijiet spontanji taħt il-liġi internazzjonali dwar ir-rifuġjati, u li d-deċiżjoni li jinħarġu Viżi Umanitarji Ewropej għandha tibqa' l-kompetenza unika tal-Istati Membri;

4.  Iqis li kwalunkwe inizjattiva dwar Viżi Umanitarji Ewropej għandha tkun mingħajr preġudizzju għal inizjattivi oħra ta' politika dwar il-migrazzjoni, inklużi dawk li għandhom l-għan li jindirizzaw il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal mogħdijiet sikuri u legali lejn l-Unjoni, li l-Viża Umanitarja Ewropea għandha tkun waħda minnhom, ukoll peress li hija partikolarment importanti minn perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi billi n-nisa huma partikolarment vulnerabbli u għalhekk aktar esposti għall-vjolenza sesswali u sessista tul ir-rotot u fiċ-ċentri ta' akkoljenza; jenfasizza li s-sitwazzjoni ekonomika vulnerabbli u tipi oħra ta' dipendenzi jpoġġu lin-nisa u lill-bniet f'pajjiżi terzi f'sitwazzjoni fejn hu saħansitra aktar diffiċli għalihom mill-irġiel li jfittxu asil b'mod sikur;

6.  Iqis li l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-proposta mitluba għandhom ikunu koperti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni bħala espressjoni prattika tal-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabbiltà, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha, bejn l-Istati Membri, skont l-Artikolu 80 tat-TFUE;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-anness lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, u lill-parlamenti nazzjonali, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, lill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi u lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali.

(1)

ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1.

(2)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Marzu 2017, X u X vs État Belge, C-638/16, ECLI:EU:C:2017:173.


ANNESS GĦALL-MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

RAKKOMANDAZZJONIJIET DWAR IL-KONTENUT TAL-PROPOSTA MITLUBA

Il-Parlament Ewropew iqis li l-att leġiżlattiv li se jiġi adottat għandu:

1.  FORMA U TITOLU TAL-ISTRUMENT LI GĦANDU JIĠI ADOTTAT

–   ikun att legali separat li għandu jiġi adottat fil-forma ta' regolament bit-titolu "Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Viża Umanitarja Ewropea",

2.  BAŻI ĠURIDIKA

–   ikollu l-punt (a) tal-Artikolu 77(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) bħala l-bażi ġuridika,

3.  ĠUSTIFIKAZZJONI

–   ikun iġġustifikat bi:

–   il-lakuna legali attwali fid-dritt tal-Unjoni li, b'żieda mal-proċeduri ta' risistemazzjoni applikabbli għar-rifuġjati vulnerabbli, ma tipprevedix proċeduri, la fl-acquis dwar il-viża, u lanqas fl-acquis dwar il-fruntieri jew l-asil, għall-ammissjoni fit-territorju tal-Istati Membri tal-persuni li jfittxu protezzjoni, fejn naraw li madwar 90 % tal-persuni li sussegwentement jiġu rikonoxxuti bħala rifuġjati u benefiċjarji ta' protezzjoni sussidjarja li jkunu waslu fit-territorju tal-Istati Membri b'mod irregolari,(1) ħafna drabi permezz ta' rotot li jirrappreżentaw theddida għall-ħajja,

–   ir-riskju ta' frammentazzjoni hekk kif l-Istati Membri jistabbilixxu dejjem aktar il-programmi proprji tagħhom ta' ammissjoni u proċeduri umanitarji, filwaqt li jmorru kontra l-għan ġenerali skont l-Artikolu 78(1) tat-TFUE li tiġi żviluppata politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja, u li jwassal ukoll għar-riskju li dawn l-iskemi differenti jimminaw l-applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet komuni dwar id-dħul fit-territorju tal-Istati Membri ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi kif stipulat fir-Regolamenti (KE) Nru 810/2009(2) u (UE) 2016/399(3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

–   l-ispejjeż għolja, f'termini umanitarji iżda wkoll f'termini ekonomiċi u baġitarji, assoċjati mal-istatus quo għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kkonċernati (tariffi tal-persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin ta' bnedmin, riskju ta' traffikar u ta' sfruttament, riskju ta' persekuzzjoni, riskju ta' mewt u ta' trattament ħażin, eċċ.) u għall-Istati Membri u għall-Unjoni (baġit għoli għat-tiftix u s-salvataġġ, inkluż għal tbaħħir privat, protezzjoni tal-fruntieri, kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, proċeduri tal-asil u ritorn possibbli f'każ ta' applikazzjonijiet rifjutati għal protezzjoni internazzjonali kif ukoll il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar u l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin ta' bnedmin eċċ.),

–   il-valur miżjud ta' azzjoni tal-Unjoni, f'termini tal-iżgurar tal-konformità mal-valuri tal-Unjoni, inklużi d-drittijiet fundamentali, il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u l-fiduċja fis-sistema mill-persuni li jfittxu asil, iċ-ċertezza tad-dritt, il-prevedibbiltà u l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni uniformi tar-regoli, il-kisba ta' ekonomiji ta' skala u t-tnaqqis tal-ispejjeż imsemmija hawn fuq tal-istatus quo,

–   ifakkar li d-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4) u r-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5) japplikaw biss fit-territorju tal-Istati Membri, filwaqt li bħalissa ma hemmx biżżejjed mezzi legali kif l-applikanti għall-asil jistgħu jilħqu dak it-territorju,

–  ifakkar li, wara s-sottomissjoni ta' applikazzjoni għal asil fi Stat Membru, id-dispożizzjonijiet tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil tal-Unjoni japplikaw,

–  jenfasizza li r-rifjut ta' applikazzjoni għal Viża Umanitarja Ewropea ma jaffettwa bl-ebda mod id-dritt ta' applikazzjoni għal asil fi ħdan l-Unjoni u ma jwaqqafx lill-applikant milli jidħol fi skemi oħra ta' protezzjoni disponibbli,

4.  DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

–   ikollu bħala objettiv li jistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet li taħthom Stat Membru jista' joħroġ Viża Umanitarja Ewropea fir-rigward ta' persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali, sabiex dawk il-persuni jitħallew jidħlu fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-viża għall-iskop uniku li jagħmlu applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali f'dak l-Istat Membru,

–   ikopri, fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, ċittadini ta' pajjiżi terzi li jeħtiġilhom ikollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri, skont ir-Regolament (KE) Nru 539/2001(6), u meta asserzjonijiet ta' esponiment għal persekuzzjoni jew riskju ta' persekuzzjoni kif definit fid-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7) ikunu manifestament fondati sew, iżda li ma jkunux diġà fi proċess ta' risistemazzjoni kif definit fl-iskemi nazzjonali ta' risistemazzjoni jew fir-Regolament propost li jistabbilixxi Qafas tal-Unjoni dwar ir-Risistemazzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8) jew fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE(9),

–   jeskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tiegħu il-membri tal-familji li altrimenti għandhom dritt li jingħaqdu mal-familja tagħhom fi Stat Membru fi żmien utli skont atti legali oħra tad-dritt tal-Unjoni jew nazzjonali,

5.  PROĊEDURI GĦALL-ĦRUĠ TA' VIŻI UMANITARJI

–   jipprevedi li tali applikazzjonijiet għall-viża jitressqu direttament, b'mezzi elettroniċi jew bil-miktub, fi kwalunkwe konsulat jew ambaxxata tal-Istati Membri,

–   jipprevedi modalitajiet prattiċi għal tali applikazzjonijiet għall-viża, inkluż li wieħed jimla formola ta' applikazzjoni, l-għoti ta' informazzjoni dwar l-identità tal-applikant, inklużi identifikaturi bijometriċi u l-għoti ta' raġunijiet, kemm jista' jkun dokumentati, tal-biża' ta' persekuzzjoni jew ħsara serja,

–   jipprevedi li l-applikant għal tali viża jiġi mistieden għal intervista (bl-assistenza ta' interpretu, jekk ikun meħtieġ), li tista' ssir ukoll b'mezzi remoti ta' komunikazzjoni awdjo u vidjo, li jiżguraw livell xieraq ta' sikurezza, sigurtà u kunfidenzjalità,

–   jipprevedi li d-dokumenti ppreżentati jiġu vvalutati, anke fir-rigward tal-awtentiċità tagħhom, minn awtorità kompetenti, indipendenti u imparzjali, b'tagħrif u għarfien espert adegwati fi kwistjonijiet ta' protezzjoni internazzjonali,

–   jipprevedi li l-applikazzjonijiet għal tali viża jiġu vvalutati fuq il-bażi tad-dikjarazzjoni u l-intervista tal-applikant u, meta disponibbli, evidenza dokumentata, mingħajr ma jitwettaq proċess sħiħ għad-determinazzjoni tal-istatus,

–   jipprevedi li, qabel il-ħruġ ta' tali viża, kull applikant ikun soġġett għal investigazzjoni tas-sigurtà, permezz ta' bażijiet ta' data rilevanti nazzjonali u tal-Unjoni b'rispett sħiħ tad-dispożizzjonijiet tal-protezzjoni tad-data applikabbli, sabiex jiġi żgurat li huwa jew hija ma joffrix/toffrix riskju għas-sigurtà,

–   jipprevedi li tittieħed deċiżjoni dwar tali applikazzjonijiet għall-viża fi żmien 15-il jum kalendarju mid-data tal-preżentata tal-applikazzjoni,

–   jipprevedi li d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tiġi kkomunikata lill-applikant u li din tkun individwalizzata, bil-miktub u motivata,

–   jipprevedi li ċittadin ta' pajjiż terz li ma jingħatax tali viża jkollu l-possibbiltà li jressaq appell, kif previst attwalment fil-każ ta' rifjut ta' viża għal soġġorn qasir jew rifjut ta' dħul fil-fruntiera,

6.  IL-ĦRUĠ TA' VIŻA UMANITARJA

–   jipprevedi li tali viża tinħareġ permezz ta' stiker komuni u tiddaħħal fis-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża,

–   jipprevedi li ladarba tinħareġ viża umanitarja, din tippermetti lid-detentur tagħha jidħol fit-territorju tal-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża għall-iskop uniku li jagħmel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali f'dak l-Istat Membru,

7.  ĠESTJONI U ORGANIZZAZZJONI AMMINISTRATTIVA

–   jipprevedi li l-applikazzjonijiet għal tali viża jiġu vvalutati minn persunal imħarreġ kif xieraq,

–   jipprevedi li tali persunal jista' jiġi stazzjonat jew f'ambaxxati jew f'konsulati jew fl-Istati Membri, u f'dan il-każ l-applikazzjonijiet jiġu trażmessi b'mod elettroniku u l-intervisti jsiru mill-bogħod,

–   jipprevedi li ċerti aspetti tal-proċess, li ma jinvolvu l-ebda preselezzjoni tal-każijiet, valutazzjoni jew teħid ta' deċiżjonijiet ta' kwalunkwe tip, jistgħu jiġu ġestiti minn fornituri tas-servizzi esterni, inklużi l-għoti ta' informazzjoni, il-ġestjoni tal-appuntamenti għal intervisti u l-ġbir ta' identifikaturi bijometriċi,

–   jipprevedi li jiġu stabbiliti miżuri xierqa sabiex jiġu żgurati l-protezzjoni tad-data, is-sigurtà tad-data u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet,

–   jipprevedi li l-Istati Membri jikkooperaw ma' xulxin, mal-aġenziji tal-Unjoni, mal-organizzazzjonijiet internazzjonali, mal-organizzazzjonijiet governattivi u mhux governattivi u ma' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex tiġi żgurata l-applikazzjoni armonizzata tiegħu,

–   jipprevedi li l-informazzjoni dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet ta' tali viża kif ukoll dwar il-kundizzjonijiet u l-proċeduri biex tinkiseb protezzjoni internazzjonali fit-territorju tal-Istati Membri ssir disponibbli b'mod wiesa', inkluż fuq is-siti web tal-ambaxxati u tal-konsulati tal-Istati Membri u permezz tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna,

8.  DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

–  jipprevedi appoġġ finanzjarju sinifikanti mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri li għandu jsir disponibbli lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tiegħu,

–   jipprevedi li Stat Membru li joħroġ tali viża umanitarja jkollu aċċess għall-istess kumpens mill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni bħal meta Stat Membru jirċievi rifuġjat permezz tal-Qafas ta' Risistemazzjoni Ewropew,

9.  EMENDA TA' ATTI LEGALI OĦRA

–   jipprevedi emendi għal:

–  ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 biex jiċċara li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament li jistabbilixxi Viża Umanitarja Ewropea japplikaw għall-persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali,

–  ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10) li jipprevedi li l-applikazzjonijiet għall-Viża Umanitarja Ewropea jiddaħħlu fis-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża,

–  ir-Regolament (UE) 2016/399 għall-aġġustament tal-kundizzjonijiet tad-dħul għall-persuni li jkunu kisbu Viża Umanitarja Ewropea,

–  il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri biex jipprovdi finanzjament lill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tar-Regolament li jistabbilixxi Viża Umanitarja Ewropea,

–  l-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika ta' Franza dwar l-abolizzjoni gradwali tal-kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom(11) u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE(12) sabiex teżenta lit-trasportaturi ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi mir-responsabbiltà, l-obbligi u l-penali meta ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi involuti jiddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali jew umanitarja fit-territorju tal-Istati Membri.

(1)

HEIN / DONATO (CIR) 2012: exploring avenues for protected entry in Europe (nesploraw rotot għal dħul protett fl-Ewropa), p. 17.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, p. 1).

(3)

Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta' persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

(4)

Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60).

(5)

Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).

(6)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta' Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa(ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1).

(7)

Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9).

(8)

2016/0225(COD).

(9)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).

(10)

ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta' data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, p. 60).

(11)

ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19

(12)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE tat-28 ta' Ġunju 2001 li tissupplimenta d-dispożizzjoni tal-Artikolu 26 tal-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985 (ĠU L 187, 10.7.2001, p. 45).


NOTA SPJEGATTIVA

Sfond(1)

Il-Parlament beda jappella għal viżi umanitarji fil-kuntest tal-kriżi tal-migrazzjoni u b'mod partikolari tal-għadd inaċċettabbli ta' mwiet fil-Mediterran. Huwa esprima l-fehmiet tiegħu, fost l-oħrajn, fir-riżoluzzjoni tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni.

Il-viżi umanitarji kienu diġà ġew diskussi fil-kuntest tal-UE iżda mingħajr ebda riżultat konkret. Attwalment, hemm fis-seħħ għadd ta' programmi nazzjonali mmirati iżda ma hemm l-ebda qafas ġuridiku fid-dritt tal-UE.

Il-Kumitat LIBE pprova jindirizza din il-lakuna legali bħala parti mir-rieżami tal-Kodiċi dwar il-Viżi (2014/0094(COD)) iżda kemm il-Kunsill kif ukoll il-Kummissjoni opponew l-emendi inklużi f'dan ir-rigward fin-negozjati bejn it-tliet partijiet li bdew f'Mejju 2016. F'Settembru 2017, wara xhur ta' staġnar minħabba r-rifjut min-naħa tal-Kunsill li jkompli n-negozjati jekk dawn l-emendi ma kinux se jiġu rtirati, it-tim tan-negozjati tal-Parlament irtirahom. Minflok, il-Kumitat LIBE ddeċieda li jfassal dan ir-rapport leġiżlattiv fuq inizjattiva proprja.

Minkejja dan il-pass, il-Kunsill u l-Kummissjoni waqqfu n-negozjati.

Fis-6 ta' Diċembru 2017, il-Kumitat LIBE ġie awtorizzat biex ifassal dan ir-rapport leġiżlattiv fuq inizjattiva proprja abbażi tal-Artikolu 225 tat-TFUE u l-Artikolu 46 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew.

Fit-tħejjija ta' dan ir-rapport, ir-rapporteur fittex input mix-shadow rapporteurs, iżda anke mis-soċjetà ċivili u mill-qasam akkademiku. Barra minn hekk, it-tħejjija tiegħu ġiet appoġġjata minn Valutazzjoni tal-Valur Miżjud Ewropew li tħejjiet mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew. Ir-rapporteur jixtieq jesprimi l-gratitudni tiegħu għall-kooperazzjoni u l-appoġġ mogħtija.

It-talbiet tal-Parlament lill-Kummissjoni

Għandha ssir talba ċara għal proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi Viża Umanitarja Ewropea lill-Kummissjoni li għandha tippreżenta tali proposta sal-aħħar ta' Marzu 2019. Dan il-perjodu jista' jidher qasir wisq. Madankollu, dan huwa ġġustifikat bis-sħiħ minħabba l-urġenza tal-kwistjoni, id-dibattiti estiżi li saru, l-istudji mwettqa u r-rakkomandazzjonijiet dettaljati li saru f'dan ir-rapport.

Spjegazzjoni dettaljata tar-rakkomandazzjonijiet

L-ordni tar-rakkomandazzjonijiet, annessi iżda li jiffurmaw parti mill-mozzjoni għal riżoluzzjoni, huwa bbażat fuq l-istruttura ta' strument leġiżlattiv. Ir-rakkomandazzjonijiet ikopru l-elementi ewlenin li tali strument leġiżlattiv għandu jinkludi.

Dan l-istrument leġiżlattiv għandu jkun att legali ġdid u separat. Id-diskussjonijiet fir-rigward tal-Kodiċi dwar il-Viżi wrew li huwa meħtieġ tali att separat. Ir-rapporteur iqis li l-għażla xierqa tal-istrument hija Regolament bħall-istrumenti l-oħra tal-acquis dwar il-viża.

Bażi ġuridika

Ir-rapporteur iqis li taħlita tal-Artikoli 77(2)(b) u 78(2)(g) tat-TFUE, filwaqt li jitqiesu l-kontrolli fil-fruntieri u l-ġestjoni tal-influssi tal-persuni li japplikaw għall-asil, tikkostitwixxi bażi ġuridika xierqa.

Ġustifikazzjoni għall-proposta

Il-premessi tal-istrument leġiżlattiv il-ġdid għandhom jibdew billi jispjegaw ir-raġuni prinċipali għall-istrument. 

Din għandha, l-ewwel nett, tkun is-sitwazzjoni paradossali attwali li teżisti fid-dritt tal-UE fejn ma teżisti l-ebda dispożizzjoni li tirrigwarda l-mod ta' kif attwalment rifuġjat għandu jasal, filwaqt li dan iwassal għal sitwazzjoni fejn kważi l-wasliet kollha jsiru b'mod irregolari. Din is-sitwazzjoni għandha konsegwenzi serji għall-individwu iżda anke għall-Istati Membri. Il-persuni li jaħarbu jkollhom jinvolvu ruħhom fi vjaġġi li jirrappreżentaw theddida għal ħajjithom, bl-għajnuna ta' persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin tal-bnedmin, li għal tali vjaġġi jkollhom iħallsu tariffi enormi u li fihom huma jkunu esposti għal sfruttament, maltrattament u abbuż. L-aspetti negattivi għall-Istati Membri jinkludu l-effetti ta' wasliet mhux ikkontrollati (b'għadd mhux magħruf u mingħajr informazzjoni dwar min qed jasal) u l-isforzi akbar meħtieġa sabiex jiġu ġestiti tali wasliet f'termini ta' titjib fil-kontroll u s-sorveljanza tal-fruntieri, attivitajiet ta' tiftix u ta' salvataġġ, kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi eċċ. Fl-istess ħin, l-Istati Membri qed jiffaċċjaw kriminalità organizzata, li kulma jmur qed tissaħħaħ, li tibbenefika minn qligħ finanzjarju li jirriżulta mit-traffikar tal-bnedmin. 

Argument ieħor għal tali strument leġiżlattiv ġdid huwa r-riskju ta' frammentazzjoni. Jista' jiġi osservat li l-Istati Membri tassew jistabbilixxu skemi nazzjonali iżda dawn huma kollha differenti. Ir-rapporteur jilqa' l-inizjattivi kollha li jipprevedu tranżitu mingħajr periklu. Fl-istess ħin, peress li l-UE tikkostitwixxi spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mingħajr fruntieri interni (l-Artikolu 3(2) tat-TUE), għandha ssir aktar enfasi fuq il-politiki komuni. 

Peress li l-UE hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem (l-Artikolu 2 tat-TUE), tali strument huwa, finalment, meħtieġ ukoll biex l-UE tkun konformi mar-rekwiżiti tat-Trattati tagħha stess.

Dispożizzjonijiet ġenerali

L-objettiv tal-istrument il-ġdid għandu jkun limitat għal dispożizzjonijiet dwar il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ ta' viża umanitarja. Fin-natura tagħha, din għandha tkun viża b'validità territorjali limitata biex tippermetti lid-detenturi tagħha jaslu f'dan it-territorju biex hemmhekk jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Għaldaqstant, l-Istat Membru li joħroġ il-viża jsir responsabbli għall-proċeduri tal-asil.

Saru diskussjonijiet dwar jekk għandux ikun hemm tip ta' mekkaniżmu ta' rilokazzjoni. Wara riflessjoni bir-reqqa, ir-rapporteur ma jipproponix tali mekkaniżmu biex jevita li s-sistema ssir ikkumplikata żżejjed. 

L-istrument il-ġdid għandu jkopri ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma soġġetti għar-rekwiżit tal-viża li huma fil-bżonn ta' protezzjoni kontra riskju reali li jiġu esposti għall-persekuzzjoni jew ħsara serja u li ma huma koperti minn ebda strument ieħor bħar-risistemazzjoni. Ir-risistemazzjoni hija appoġġjata bil-qawwa mir-rapporteur iżda din ma tistax tkun l-unika mogħdija legali sikura peress li din tindirizza biss grupp limitat ta' rifuġjati li jkunu diġà ġew rikonoxxuti.

Proċeduri u kundizzjonijiet għall-ħruġ ta' viżi umanitarji 

Il-proċeduri għal tali viżi għandhom ikunu simili għall-viżi għal soġġorn qasir kull fejn in-natura tagħhom tippermetti dan. Dan jikkonċerna, pereżempju, il-passi proċedurali, l-iskadenzi għall-ipproċessar, il-ħtieġa ta' formola tal-applikazzjoni u data bijometrika, l-involviment ta' fornituri tas-servizzi esterni, il-kontrolli tas-sigurtà u d-dritt għal appell. Madankollu, il-proċeduri għandhom ikunu differenti meta s-sitwazzjoni speċifika tal-persuni tkun hekk tirrikjedi. Għandha ssir dejjem, pereżempju, intervista (anke biex jiġi indirizzat ir-riskju tat-traffikar) u għandu jkun possibbli li wieħed japplika permezz ta' mezzi elettroniċi. Barra minn hekk, sabiex jiġu ffrankati l-ispejjeż u titqies is-sitwazzjoni tal-persuna, għandu jsir użu akbar mill-għodod moderni ta' komunikazzjoni milli attwalment huwa l-każ fir-rigward tal-applikazzjonijiet għall-viża. Għandu, pereżempju, ikun possibbli li jsiru intervisti mill-bogħod li jippermettu lill-Istati Membri jaħdmu ma' esperti tal-asil li mhux neċessarjament ikunu bbażati f'pajjiżi terzi.

L-applikazzjoni għall-viża għandha tiġi indirizzata fuq bażi prima facie sabiex jitqies jekk l-applikanti għandhomx asserzjoni li tista' tiġi argumentata ta' esponiment għar-riskju reali ta' persekuzzjoni jew ħsara serja. Ir-rapporteur iqis li tali valutazzjoni hija meħtieġa sabiex il-proċedura tkun kredibbli. Huwa jisħaq fuq il-fatt li l-valutazzjoni hija valutazzjoni tal-applikazzjoni għall-viża u mhux ipproċessar estern ta' applikazzjoni għall-asil. Din tal-aħħar timponi wisq mistoqsijiet legali u prattiċi. 

Il-ġestjoni u l-organizzazzjoni amministrattiva 

L-istrument se jirrikjedi sforzi amministrattivi li għalihom l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jirċievu appoġġ, anke finanzjarju. Għal dan il-għan, jistgħu jsiru emendi għall-programmi finanzjarji tal-QFP li jmiss, u b'mod partikolari l-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri. Barra minn hekk, huwa mistenni li jsir iffrankar f'oqsma oħra peress li l-wasliet ikunu aktar ordnati b'inqas persuni li b'mod ċar ma jkunux fi bżonn ta' protezzjoni internazzjonali. L-użu ta' teknoloġiji moderni ta' komunikazzjoni għandu jippermetti aktar iffrankar.

Dispożizzjonijiet finali

Ir-rapporteur jirrikonoxxi bis-sħiħ li għandhom isiru għadd importanti ta' tħejjijiet prattiċi qabel ma jkun jista' jiġi implimentat l-istrument il-ġdid kif maħsub hawnhekk. Se jkun meħtieġ li l-interkonnessjoni bejn il-proċeduri tal-viża u tal-asil titqies b'mod ġdid u li l-fluss tax-xogħol amministrattiv jiġi organizzat kif xieraq. Għal din ir-raġuni, ir-rapporteur jipproponi perjodu ta' tranżizzjoni ta' sentejn qabel ma r-regoli l-ġodda jsiru applikabbli. Sussegwentement, ir-regoli għandhom jiġu ttestjati fl-ambjent ikkontrollat ta' xi pajjiżi terzi magħżula bħala reġjuni pilota. Dan għandu jippermetti li jinkisbu esperjenzi u li dawn jiġu analizzati qabel ma titwettaq implimentazzjoni ulterjuri.

Għandhom jiġu pprovduti strutturi speċifiċi ta' appoġġ għall-Istati Membri fir-reġjuni pilota. Dawn għandhom ikunu jistgħu jirċievu finanzjament sinifikanti tal-UE (pereżempju mill-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri) għal aktar aġġustament tal-bini tagħhom, għat-taħriġ tal-persunal u għall-organizzazzjoni mill-ġdid tal-flussi tax-xogħol u tal-infrastruttura tal-IT tagħhom. Għandhom jingħataw pariri esperti mill-aġenziji, inklużi l-EASO, il-Frontex, il-Europol u l-FRA. L-implimentazzjoni fir-reġjuni pilota għandha tiġi mmonitorjata mill-qrib sabiex tippermetti li jintlaħqu konklużjonijiet. Ir-riżultati tal-monitoraġġ għandhom jikkontribwixxu għall-evalwazzjoni wara sentejn. Dawn ir-riżultati għandhom jiġu vvalutati bir-reqqa u fejn meħtieġ l-istrument il-ġdid jista' jiġi emendat. Sussegwentement għal kwalunkwe aġġustament meħtieġ, l-istrument il-ġdid għandu jiġi implimentat ulterjorment.

Emendi ta' atti legali oħra

Se jkun meħtieġ li jiġu emendati serje ta' atti tal-acquis dwar il-viża, b'mod partikolari l-Kodiċi dwar il-Viżi u l-VIS, sabiex dawn jiġu adattati għall-eżistenza ta' dan l-istrument kompletament ġdid. L-istess huwa meħtieġ għall-istrumenti leġiżlattivi li d-detentur ta' tali viża mbagħad se jkun soġġett għalihom meta jivvjaġġa lejn l-UE. Pereżempju, il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen se jkollu jiġi emendat biex jirrikonoxxi tali viża meta wieħed jasal fil-fruntiera esterna biha. Fl-aħħar nett, huma meħtieġa wkoll xi aġġustamenti fl-acquis dwar l-asil. Filwaqt li, ovvjament, il-proċedura tal-asil se titwettaq bis-sħiħ fit-territorju tal-UE, il-fatt li applikant kien detentur ta' viża umanitarja għandu jiġi integrat. Pereżempju, kwalunkwe valutazzjoni li tkun diġà saret bħala parti mill-applikazzjoni għall-viża għandha titqies ukoll fil-proċedura tal-asil sabiex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni bla bżonn tal-isforzi.

Konklużjoni

Ir-rapporteur iqis li wasal iż-żmien li nsibu soluzzjonijiet innovattivi li jindirizzaw kemm il-ħtiġijiet tal-persuni li jfittxu l-protezzjoni kif ukoll tal-Istati Membri. Il-ħsieb kompartimentalizzat attwali fir-rigward tal-acquis dwar il-viża minn naħa waħda u l-acquis dwar l-asil min-naħa l-oħra huwa artifiċjali u mhuwiex adattat għar-realtajiet tal-lum. Huwa meħtieġ pass kuraġġuż sabiex l-UE tonora l-valuri tagħha.

(1)

Għal aktar dettalji ara d-dokument ta' ħidma dwar il-viżi umanitarji tar-rapporteur tal-5 ta' April 2018


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

3.12.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

10

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Heinz K. Becker, Monika Beňová, Malin Björk, Michał Boni, Caterina Chinnici, Cornelia Ernst, Raymond Finch, Romeo Franz, Kinga Gál, Sylvie Guillaume, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Dietmar Köster, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Roberta Metsola, Claude Moraes, József Nagy, Ivari Padar, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Sergei Stanishev, Traian Ungureanu, Marie-Christine Vergiat, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Kristina Winberg, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Carlos Coelho, Pál Csáky, Gérard Deprez, Anna Hedh, Lívia Járóka, Petr Ježek, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Emilian Pavel, Morten Helveg Petersen, Christine Revault d’Allonnes Bonnefoy, Barbara Spinelli, Josep-Maria Terricabras

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Elmar Brok, Alain Lamassoure, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Renate Sommer, Jarosław Wałęsa


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

37

+

ALDE

Gérard Deprez, Filiz Hyusmenova, Sophia in 't Veld, Petr Ježek, Morten Helveg Petersen

GUE/NGL

Malin Björk, Cornelia Ernst, Barbara Spinelli, Marie-Christine Vergiat

PPE

Heinz K. Becker, Michał Boni, Elmar Brok, Carlos Coelho, Barbara Kudrycka, Alain Lamassoure, Roberta Metsola, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Renate Sommer, Jarosław Wałęsa

S&D

Caterina Chinnici, Sylvie Guillaume, Anna Hedh, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Dietmar Köster, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Claude Moraes, Ivari Padar, Emilian Pavel, Christine Revault d'Allonnes Bonnefoy, Birgit Sippel, Sergei Stanishev, Josef Weidenholzer

VERTS/ALE

Max Andersson, Romeo Franz, Judith Sargentini, Josep-Maria Terricabras

10

-

ECR

Branislav Škripek, Kristina Winberg

EFDD

Raymond Finch

ENF

Auke Zijlstra

NI

Udo Voigt

PPE

Pál Csáky, Kinga Gál, Brice Hortefeux, Lívia Járóka, Traian Ungureanu

3

0

PPE

Monika Hohlmeier, József Nagy

S&D

Monika Beňová

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Diċembru 2018Avviż legali