Proċedura : 2018/2101(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0424/2018

Testi mressqa :

A8-0424/2018

Dibattiti :

PV 15/01/2019 - 14
CRE 15/01/2019 - 14

Votazzjonijiet :

PV 16/01/2019 - 21.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0029

RAPPORT     
PDF 639kWORD 63k
4.12.2018
PE 625.316v02-00 A8-0424/2018

dwar ir-Rapport Annwali 2017 tal-BĊE

(2018/2101(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Gabriel Mato

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport Annwali 2017 tal-BĊE

(2018/2101(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Frar 2018 dwar ir-Rapport Annwali tal-Bank Ċentrali Ewropew għall-2016(1),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2017 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE),

–  wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali (SEBĊ) u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 7, 10(2), 15, 21, 32(5) u 33(1) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 129(3), 130, 138(2), 282(2), 282(3), 283(2) u 284(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-diskors li għamel il-President tal-BĊE, Mario Draghi, f'Sintra fid-19 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra l-Bullettin Ekonomiku tal-BĊE, il-Ħarġa 5/2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 974/98 tat-3 ta' Mejju 1998 dwar l-introduzzjoni tal-euro,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 128(1) tat-TFUE, dwar il-munita tal-euro bħala valuta legali(2),

–  wara li kkunsidra l-feedback dwar il-kontribut mogħti mill-Parlament bħala parti mir-riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għall-2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Ekonomiku Annwali 2017 tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS), "Vulnerabilities in the EU residential real estate sector" (Vulnerabbiltajiet fuq żmien medju fis-settur tal-proprjetà immobbli residenzjali fl-UE) ta' Novembru 2016, u t-twissijiet speċifiċi għall-pajjiżi li jakkumpanjawh maħruġa lil tmien Stati Membri,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0424/2018),

A.  billi l-euro għadha bla dubju t-tieni l-aktar munita importanti fis-sistema monetarja internazzjonali; billi fl-2017 l-appoġġ popolari għall-euro kien għoli bi kważi tliet kwarti tar-rispondenti appoġġjaw il-munità unika fiż-żona tal-euro (73 %), li huwa l-ogħla punteġġ li ntlaħaq mill-ħarifa 2004;

B.  billi, skont it-tbassir tas-sajf tal-2018 tal-Kummissjoni, fl-2017 il-PDG tal-UE u taż-żona tal-euro kibru b'2,4 %, filwaqt li qabżu lil dak tal-Istati Uniti; billi, skont l-istess tbassir, il-PDG jenħtieġ li jiżdied fl-2018 u fl-2019 bi 2,1 % u 2,0 % rispettivament;

C.  billi l-aktar ċifri ekonomiċi reċenti tal-2018 jirriflettu ċertu tnaqqis fit-tkabbir apparagun tal-livelli għoljin tal-2017, minħabba impetu aktar dgħajjef mill-kummerċ estern u prezzijiet taż-żejt ogħla;

D.  billi, skont iċ-ċifri tal-Eurostat ta' Mejju 2018, il-qgħad fl-UE u fiż-żona tal-euro ma marx lura affattu għal-livelli ta' qabel il-kriżi, hekk li jirrappreżenta 7,0 % u 8,4 % rispettivament; billi l-għadd ta' nies impjegati u l-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol fiż-żona tal-euro laħqu l-ogħla livelli tagħhom minn mindu bdiet l-Unjoni Ekonomika u Monetarja fl-1999;

E.  billi, minkejja xi konverġenza, ir-rati tat-tkabbir u tal-qgħad għadhom ġeografikament inugwali f'livell sinifikanti, filwaqt li jikkawżaw fraġilità perikoluża għall-ekonomija u jipperikolaw l-iżvilupp sod u bbilanċjat; billi r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ għadha aktar mid-doppju tar-rata medja, b'16,8 % fl-UE u 18,8 % fiż-żona tal-euro fi tmiem l-2017;

F.  billi l-espansjoni ekonomika b'bażi wiesgħa ta' bħalissa hija primarjament immexxija mill-esportazzjonijiet u mill-konsum intern fl-Istati Membri; billi s-sena li għaddiet l-investiment kiber bl-aktar pass mgħaġġel mill-2007 'l hawn, bis-saħħa tal-appoġġ li rċieva mill-prosperità globali u mill-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa; jenfasizza r-rwol tal-FEIS fl-eliminazzjoni tad-diskrepanza fl-investiment fl-UE, billi jimmobilizza investiment totali ta' EUR 256,9 biljun, u jipprovdi finanzjament għal kważi 550 000 SME li jibbenefikaw mill-finanzjament tal-FEI;

G.  billi l-prestazzjoni ekonomika ta' dawk l-Istati Membri li m'għandhomx il-munita unika u li jgawdu flessibbiltà fir-rata tal-kambju għall-muniti tagħhom stess ma kinitx ugwali; billi l-ekonomiji ta' dawk l-Istati Membri li fl-aħħar għaxar snin adottaw il-munita unika marru aħjar minn dawk tal-pajjiżi b'rati tal-kambju flessibbli;

H.  billi, skont il-projezzjonijiet makroekonomiċi tal-persunal tal-Eurosistema ta' Ġunju 2018, l-inflazzjoni annwali fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) għaż-żona tal-euro tidher li qabdet it-triq biex tilħaq 1,7 % fl-2018, fl-2019 u fl-2020, billi rkuprat minn livelli baxxi preċedenti u bdiet toqrob aktar lejn l-għan tal-BĊE fir-rigward tal-inflazzjoni fuq terminu medju ta' qrib, iżda anqas minn 2 %, li madankollu xorta waħda ma laħqitx l-objettiv imsemmi u b'varjanza kbira fir-rati tal-inflazzjoni madwar iż-żona tal-euro; billi ż-żieda fl-inflazzjoni bażika hija xprunata primarjament bi prezzijiet tal-enerġija ogħla, filwaqt li l-inflazzjoni sottostanti rreġistrat biss żieda marġinali għal 1,0 % minn 0,9 % fl-2016, mingħajr sinjali ta' tendenza 'l fuq sostnuta fl-2017; billi t-tkabbir fil-pagi f'konformità mat-tkabbir fil-produttività għadu prekundizzjoni importanti għal żieda sostnuta fl-inflazzjoni sottostanti;

I.  billi skont it-tbassir tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, id-defiċit aggregat tal-gvern fiż-żona tal-euro huwa mistenni li fl-2018 jonqos minn 0,9 % għal 0,7 % tal-PDG, bi tnaqqis ulterjuri ta' 0,6 % antiċipat għall-2019, meta mqabbel mad-defiċits mistennija ta' 5,9 % tal-PDG fl-Istati Uniti u 2,7 % fil-Ġappun;

J.  billi l-BĊE jistenna li l-inflazzjoni terġa' tibda tielgħa fuq terminu medju, sostnuta mill-impatt tal-pożizzjoni attwali tal-politika monetarja, it-tkomplija tal-espansjoni ekonomika, iż-żieda fil-pagi u l-assorbiment tal-istaġnar ekonomiku;

K.  billi l-banek taż-żona tal-euro bdew inaqqsu b'pass aktar mgħaġġel l-għadd ta' selfiet improduttivi (NPLs), minn 8 % tas-self totali fl-2014 għal 4,9 % fir-raba' kwart tal-2017; billi l-volum totali ta' selfiet improduttivi fl-UE kollha għadu fil-livell ta' EUR 950 biljun; billi l-NPLs jeħtieġ li jew jinbiegħu, jitħassru (parzjalment) jew jiġu pprovduti b'mod xieraq sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja u jiġu evitati konsegwenzi negattivi għad-detenturi tal-kontijiet, għal dawk li jfaddlu u għall-investituri attwali; billi hemm differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri fl-għadd ta' selfiet improduttivi; billi l-proporzjonijiet ta' NPL fi tmien Stati Membri għadhom ferm ogħla minn 10 % u tnejn minnhom għandhom proporzjon ta' aktar minn 40 %;

L.  billi hemm bżonn ta' suq sekondarju mtejjeb għall-NPLs bil-għan li tittejjeb il-likwidità tas-suq fil-livell Ewropew u tiġi evitata opaċità fis-suq possibbli;

M.  billi f'Ottubru 2017, il-Kunsill Governattiv tal-BĊE ddeċieda li jkompli x-xiri nett tiegħu skont il-Programm ta' Xiri ta' Assi (APP) b'ritmu ta' kull xahar ta' EUR 30 biljun sa Settembru 2018; billi fil-laqgħa ta' Ġunju 2018 tiegħu, iddeċieda li jtawwal ix-xiri ta' kull xahar għal ammont imnaqqas ta' EUR 15-il biljun sat-tmiem l-2018 u mbagħad iwaqqaf ix-xiri għalkollox, bil-kundizzjoni li d-data li tasallu tikkonferma l-perspettiva tiegħu tal-inflazzjoni fuq terminu medju, u jikkonferma dik id-deċiżjoni fil-laqgħa tiegħu ta' Settembru 2018;

N.  billi l-Kunsill Governattiv tal-BĊE kkonferma l-istennijiet tiegħu li jżomm ir-rata tal-imgħax fuq l-operazzjonijiet ewlenin ta' rifinanzjament u r-rati tal-imgħax fuq il-faċilità tas-self marġinali u l-faċilità tad-depożiti tali kwali b'0,00 %, 0,25 % u 0,40 % rispettivament sa mill-anqas tmiem is-sajf 2019, u fi kwalunkwe każ sakemm ikun hemm aġġustament sostnut fit-trajettorja tal-inflazzjoni b'mod konsistenti mal-objettiv ta' terminu medju tal-BĊE;

O.  billi l-aħħar darba li twettqu l-Operazzjonijiet Speċifiċi ta' Rifinanzjament aktar fit-Tul (TLTRO) fl-2017 urew żieda fid-domanda mill-banek fiż-żona tal-euro; billi l-objettiv tat-TLTRO huwa li jistimolaw self mill-banek għall-ekonomija reali;

P.  billi, fi tmiem l-2017, id-daqs tal-karta bilanċjali tal-Eurosistema kien laħaq quċċata bla preċedent ta' aktar minn EUR 4,5 triljun, b'żieda ta' EUR 0,8 triljun apparagun ma' tmiem l-2016 u li jikkostitwixxi 41 % tal-PDG totali taż-żona tal-euro; billi, permezz tal-programm ta' xiri ta' bonds, il-BĊE assuma riskji sostanzjali fil-karta bilanċjali tiegħu;

Q.  billi fl-2017, l-għadd u l-valur tal-karti tal-flus tal-euro f'ċirkolazzjoni żdiedu b'madwar 5,9 % u 4,0 % rispettivament filwaqt li l-għadd u l-valur tal-muniti tal-euro żdiedu b'4,2 % u 4,0 % rispettivament;

R.  billi fl-2017, il-qligħ nett tal-BĊE kien jammonta għal EUR 1 275 biljun meta mqabbel ma' EUR 1 193 biljun fl-2016; billi din iż-żieda tista' tiġi attribwita primarjament liż-żieda fid-dħul nett mill-imgħax;

S.  billi l-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE konsistentement enfasizzaw l-importanza tal-implimentazzjoni ta' riformi strutturali li jtejbu l-produttività fiż-żona tal-euro, kif ukoll ta' politiki fiskali favur it-tkabbir, fil-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir;

T.  billi l-Artikolu 123 tat-TFUE u l-Artikolu 21 tal-Istatut tas-SEBĊ/tal-BĊE jipprojbixxu l-finanzjament monetarju tal-gvernijiet;

U.  billi, s'issa, fit-twettiq tal-attivitajiet superviżorji tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew mhux dejjem qies biżżejjed il-prinċipju tal-proporzjonalità;

Ħarsa ġenerali

1.  Jilqa' l-fatt li, fl-2017, l-appoġġ popolari għall-euro żdied bi 8 punti perċentwali meta mqabbel mal-2016, bi kważi żewġ terzi tar-rispondenti (64 %) iqisu li l-munita unika hija ħaġa tajba għall-pajjiżi tagħhom;

2.  Itenni li l-euro hija proġett politiku, qabel wieħed ekonomiku; itenni l-irriversibbiltà tal-munita unika;

3.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rekwiżit ta' kull Stat Membru bl-eċċezzjoni tar-Renju Unit u tad-Danimarka li jadotta l-munita unika ladarba jissodisfa l-kriterji ta' konverġenza ta' Maastricht; huwa tal-fehma li l-parteċipazzjoni fl-Unjoni Bankarja jeħtieġ li tiġi kkunsidrata bħala vantaġġ għal dawk il-pajjiżi li jixtiequ jissieħbu fiż-żona tal-euro;

4.  Jenfasizza li l-indipendenza statutorja tal-BĊE, kif stabbilit fit-Trattati, hija kruċjali biex dan ikun jista' jwettaq il-mandat tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet u li jħares lill-istituzzjoni kollha kemm hi mill-interferenza politika;

5.  Jenfasizza li l-BĊE huwa responsabbli għall-politika monetarju taż-żona tal-euro kollha kemm hi; ifakkar li r-regoli tal-BĊE jiddikjaraw li l-membri tal-bord ma jirrappreżentawx lill-Istat Membru tagħhom, m'għandhom l-ebda setgħa ta' veto u jeħtiġilhom ma jieħdu l-ebda istruzzjoni minn xi istituzzjoni, gvern jew korp ieħor, u b'hekk dan ikun jista' jaġixxi b'mod deċiżiv;

6.  Jinnota li l-politika monetarja kkontribwiet biex tippreserva l-munita unika u l-istabbiltà tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja;

7.  Itenni li l-indipendenza tal-BĊE tagħti lill-membri tal-Bord Eżekuttiv tiegħu l-libertà li jiddeċiedu, b'mod responsabbli u abbażi tar-rispett għall-obbligu ta' rendikont xieraq, jekk jiħdux sehem fil-fora, inklużi dawk mhux miftuħa għall-pubbliku, meta jqisu li dan ikun meħtieġ biex jiġi żgurat l-aħjar twettiq tal-politika monetarja tal-BĊE; jinnota l-opinjoni tal-Ombudsman tal-5 ta' Lulju 2018;

8.  Jistieden lill-BĊE jiffoka fuq l-objettiv primarju tiegħu tal-istabbiltà fil-prezzijiet; ifakkar li, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 tal-Istatut tiegħu u l-Artikolu 127 tat-TFUE u d-dettalji ulterjuri previsti fl-Artikolu 282 tat-TFUE, il-BĊE jeħtieġlu, mingħajr preġudizzju għall-objettiv primarju tal-istabbiltà fil-prezzijiet, jappoġġja "il-politiki ekonomiċi ġenerali tal-Unjoni", bil-ħsieb li jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 3 tat-TUE;

9.  Jinnota li l-ekonomija tal-UE kibret bl-aktar rata mgħaġġla tagħha f'għaxar snin fl-2017 u li l-Istati Membri kollha raw l-ekonomija tagħhom tespandi; jinnota li l-qgħad fl-UE jinsab fl-aktar livell baxx tiegħu mill-2008, għalkemm għadu jaffettwa b'mod drammatiku liż-żgħażagħ; jilqa' r-rwol tal-BĊE fir-riformi strutturali mfassla biex iġibu tkabbir sostenibbli u inklużiv mwettqa fi wħud mill-Istati Membri bħala parti mill-irkupru li għaddej bħalissa; ifakkar l-importanza li jiġu vvalutati l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali ta' dawn ir-riformi;

10.  Iwissi, madankollu, kontra ż-żieda fl-inċertezzi li tirriżulta minn fatturi li jinkludu: it-theddida ta' żieda fil-protezzjoniżmu; in-negozjati tal-Brexit; prezzijiet artifiċjali tal-assi potenzjali; il-kriżijiet tas-swieq emerġenti; il-livelli storiċi ta' dejn privat u pubbliku; il-volatilità ġenerali fis-swieq finanzjarji marbuta b'mod partikolari mar-riskji politiċi f'xi Stati Membri li qed ixekklu l-prospetti ta' tkabbir taż-żona tal-euro; iż-żieda fil-populiżmu, l-iżolazzjoniżmu u l-etnoċentriżmu fl-ispettru politiku kollu; ir-reazzjonijiet negattivi kontra l-globalizzazzjoni; u d-diverġenzi dejjem akbar bejn l-Istati Membri dwar il-futur tal-integrazzjoni Ewropea;

11.  Iwissi li, skont ir-Rapport Ekonomiku Annwali tal-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI), kien hemm sinjali ta' akkumulazzjoni ta' żbilanċi finanzjarji, speċjalment fil-pajjiżi li fil-parti l-kbira tagħhom sofrew mill-kriżi finanzjarja l-kbira minħabba li, għall-kuntrarju tal-pajjiżi li jinsabu fil-qalba tat-taqlib, hemmhekk ma seħħ l-ebda tnaqqis fl-ingranaġġ tas-settur privat; jinnota li l-iżbilanċi jieħdu l-forma ta' żidiet qawwija fil-kreditu tas-settur privat;

12.  Jenfasizza l-importanza kbira, f'dan l-istadju, li jinżamm ambjent favorevoli għall-investiment pubbliku u privat, li għadu ma laħaqx il-livelli ta' qabel il-kriżi; iħeġġeġ lill-BĊE jieħu miżuri f'konformità mal-mandat tiegħu, biex jgħin fit-twettiq ta' dan l-objettiv; ifakkar, madankollu, li espansjoni mmexxija mill-kreditu tista' twassal għal allokazzjoni ħażina ta' riżorsi reali;

Riformi strutturali

13.  Iqis li l-politika monetarja waħedha mhijiex biżżejjed sabiex jinkiseb irkupru ekonomiku sostenibbli; ifakkar l-impatt kontroċikliku tal-politika monetarja fl-irkupru ta' wara l-kriżi, iżda jemmen li l-kontribut strutturali li tagħmel l-politika monetarja għat-tkabbir sostenibbli huwa limitat; iħeġġeġ għalhekk lil dawk li jfasslu l-politika biex iżommu x-xejra ekonomika pożittiva attwali lil hinn mit-terminu qasir billi jimplimentaw taħlita ta' riformi strutturali u politiki fiskali li jtejbu l-produttività bbilanċjati soċjalment, ambizzjużi u li jiffavorixxu t-tkabbir, fi ħdan il-qafas tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST), inklużi d-dispożizzjonijiet ta' flessibiltà tiegħu; itenni l-kliem tal-president tal-Bord Fiskali Ewropew, fid-diskors tiegħu lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji fil-5 ta' Novembru 2018, fis-sens li "il-flessibbiltà fir-regoli trid tkun prattika li tiddependi fuq is-sitwazzjoni ekonomika li ninsabu fiha", kif ukoll il-fehma espressa fir-rapport ta' Ġunju 2018 li "sabiex tiġi ssalvagwardjata l-kredibbiltà tal-Patt, id-dispożizzjonijiet ta' flessibbilta tiegħu jenħtieġ li jiġu applikati b'mod simmetriku, mhux biss meta l-ekonomija tkun sejra ħażin jew tkun dgħajfa";

14.  Jenfasizza li sabiex tiġi żgurata l-effikaċja sħiħa tal-politika monetarja, l-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi jridu jiġu kkoreġuti b'politiki fiskali u ekonomiċi xierqa u riformi li jtejbu l-produttività; jenfasizza li l-politika monetarja tal-BĊE ma tistax tkun sostitut għal riformi strutturali sostenibbli, li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri;

15.  Jinnota bi tħassib li s-sehem tal-UE fuq il-flussi ta' investimenti diretti barranin globali naqas b'mod sinifikanti sa mill-bidu tal-kriżi;

16.  Jinnota l-opinjoni tal-BĊE li titlob l-istabbiliment ta' skema Ewropea ta' assigurazzjoni tad-depożiti (EDIS) bħala t-tielet pilastru tal-Unjoni Bankarja; jenfasizza r-rwol ewlieni tal-assigurazzjoni tad-depożiti għall-bini tal-fiduċja u għall-iżgurar tas-sikurezza tad-depożiti kollha fi ħdan l-Unjoni Bankarja; jenfasizza li l-EDIS tista' tkompli tgħin biex tissaħħaħ u tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja; jirrikonoxxi l-fatt li l-kondiviżjoni tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju jenħtieġ li jimxu id f'id;

Programm ta' xiri ta' assi

17.  Jenfasizza li l-miżuri mhux standard tal-politika monetarja tal-BĊE kkontribwew biex jipprevjenu r-riskji ta' deflazzjoni li kienu għadhom preżenti fil-bidu tal-2016 u biex jagħtu bidu għall-irkupru fil-kreditu għas-settur privat, li t-tkabbir annwali tiegħu kien ta' madwar 3 % f'nofs l-2018 meta mqabbel ma' 0 % fl-2015;

18.  Jaqbel mal-BĊE li, sabiex tintlaħaq il-mira tal-inflazzjoni, huma meħtieġa politiki fiskali sostenibbli ta' sostenn kif ukoll riformi li jtejbu l-kompetittività, il-produttività u t-tkabbir u żidiet fil-pagi f'konformità mat-tkabbir tal-produttività; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jirdoppjaw l-isforzi tagħhom skont il-prinċipji tat-"trijangolu virtwuż" ta' spinta lill-investiment, insegwiment ta' riformi strutturali li jiffavorixxu t-tkabbir u li jkunu bbilanċjati soċjalment, u żgurar ta' politiki fiskali responsabbli;

19.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda rapida fil-prezzijiet tal-proprjetà f'ċerti Stati Membri; jitlob għalhekk li jkun hemm viġilanza kontra r-riskju li jerġa' jfeġġ il-fenomenu tal-bżieżaq immobiljari u ta' dejn eċċessiv fl-unitajiet domestiċi u fis-settur privat f'ċerti Stati Membri;

20.  Jinnota l-kummenti tal-President tal-BERS, Mario Draghi,(3) fis-sens li s-sors ewlieni tal-vulnerabbiltà li jwassal għas-sovrażbilanċ fis-swieq tal-proprjetà fl-UE huwa t-tfittxija għal rendiment minn investituri internazzjonali - fil-parti l-kbira tagħhom fil-qasam ta' finanzjament transkonfinali u minn entitajiet mhux bankarji - u li dawk li jfasslu l-politika jenħtieġ li jinvestigaw jekk jenħtieġx li jiġu introdotti strumenti makroprudenzjali ġodda għall-entitajiet mhux bankarji, speċjalment fir-rigward tal-iskoperturi tal-proprjetà kummerċjali tagħhom;

21.  Jaqbel, mingħajr preġudizzju għall-indipendenza tal-BĊE, mad-deċiżjoni tiegħu li jtemm l-APP b'mod sostenibbli, bil-kundizzjoni li d-data li tasallu tikkonferma l-perspettiva tiegħu tal-inflazzjoni fuq terminu medju, u jqis li dan l-istrument jenħtieġ li jintuża biss fuq bażi temporanja, peress li joħloq riskji ġodda għall-istabbiltà finanzjarja u jnaqqas l-inċentivi biex jiġu kkonsolidati l-finanzi pubbliċi u biex jiġu implimentati riformi strutturali; jirrikonoxxi l-fatt li d-dipendenza fuq il-politika monetarja sabiex jiġi appoġġjat l-irkupru ta' wara l-kriżi kellha wkoll konsegwenzi mhux intenzjonati;

22.  Jenfasizza b'mod partikolari li miżuri twal ta' politika mhux standard jista' jkollhom effetti negattivi distributtivi; jistieden għalhekk lill-BĊE jinkludi fir-rapport annwali tiegħu li jmiss analiżi komprensiva u ddettaljata tal-effetti sekondarji tal-miżuri tal-politika monetarja tiegħu, inklużi r-riskji potenzjali għas-settur tal-assigurazzjoni u tal-pensjoni;

23.  Jinnota li, b'assi ta' EUR 1.9 triljun fi tmiem l-2017 il-Programm ta' Xiri ta' Assi tas-Settur Pubbliku (PSPP) kien jirrappreżenta l-akbar sehem tal-APP; jenfasizza l-importanza li jiġi segwit il-limitu għal kull emittent ta' 33 % f'dak li huwa xiri ta' assi tas-settur pubbliku;

24.  Jinnota li, mill-programmi kollha ta' xiri ta' assi tas-settur privat, il-programm ta' xiri ta' assi tas-settur korporattiv (CSPP) ikkontribwixxa l-aktar għall-APP fl-2017, bl-ammont ta' EUR 82 biljun f'termini ta' xiri nett; jilqa' l-fatt li mill-2017 'l hawn il-BĊE kien qed jippubblika l-lista sħiħa tal-assi CSPP kollha, inklużi l-ismijiet tal-emittenti, flimkien ma' data aggregata dwar dawk l-assi skont il-pajjiż, ir-riskju, il-klassifikazzjoni u s-settur; jistieden lill-BĊE japplika politika simili ta' trasparenza għall-programmi kollha ta' xiri ta' assi inklużi l-ABSPP u s-CBPP3, flimkien ma' aktar miżuri sabiex jiġu żvelati l-proċeduri operattivi użati fl-għażla tat-titoli mixtrija mill-banek ċentrali nazzjonali; jenfasizza li l-CSPP ma jrid bl-ebda mod iwassal għal distorsjonijiet kompetittivi fi ħdan is-suq intern;

25.  Ifakkar li l-BĊE bħala istituzzjoni tal-UE huwa marbut mill-Ftehim ta' Pariġi; jistieden lill-BĊE, b'rispett sħiħ għall-mandat tiegħu, l-indipendenza tiegħu u l-qafas tal-ġestjoni tar-riskju, biex jintegra l-impenn għall-ftehim ta' Pariġi u l-prinċipji ekonomiċi, soċjali u ta' governanza (il-prinċipji ESG) fil-politiki tiegħu;

26.  Jilqa' t-trasparenza pprovduta mill-BĊE permezz tal-indikazzjonijiet tiegħu għall-ġejjieni; jirrikonoxxi d-deċiżjoni tal-BĊE li r-rati tal-imgħax jinżammu f'livell baxx, meta wieħed iqis l-inċertezzi fl-ambjent globali fil-preżent;

27.  Jissottolinja li s-sekwenzjar u t-twettiq xierqa tal-eliminazzjoni gradwali ta' miżuri eċċezzjonali tal-politika monetarja se jkunu essenzjali sabiex jiġi evitat tfixkil fis-suq; ifakkar li huwa possibbli li nipproċedu għal żidiet fir-rati filwaqt li nżommu daqs tal-karta bilanċjali stabbli għall-Eurosistema jekk il-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu dan;

28.  Jenfasizza l-importanza ta' komunikazzjoni u ta' gwida għall-ġejjieni għal normalizzazzjoni b'suċċess tal-politika monetarja;

29.  Huwa konxju tal-impatt differenzjat li n-normalizzazzjoni tal-politika monetarja hija mistennija li jkollha fuq l-Istati Membri, skont il-livell u l-profil tal-maturità tad-dejn tagħhom;

30.  Jenfasizza l-kobor tal-bidliet regolatorji u strutturali li seħħew mill-aħħar kriżi ekonomika u tar-rilevanza tagħhom għal bosta oqsma relatati mal-politika monetarja; jissottolinja l-importanza ta' riċerka u studji sabiex ikun hemm fehim aħjar tal-ambjent il-ġdid li rriżulta mill-iżviluppi li seħħew tul l-aħħar deċennji u tal-konsegwenzi tagħhom għat-twettiq tal-politika monetarja;

31.  Jinnota l-impatt tar-rata negattiva tal-faċilità ta' depożitu imposta fuq il-banek sa minn Ġunju 2014; iqis li din il-miżura, li kieku kellha titkompla, taf taffettwa l-profittabbiltà tas-settur bankarju u li din jenħtieġ li titneħħa gradwalment matul in-normalizzazzjoni tal-politika monetarja skont l-irkupru attwali;

32.  Huwa konxju tat-tkomplija possibbli tat-TLTRO, li jipprovdu finanzjament fuq terminu medju lill-banek b'kundizzjonijiet attraenti bil-kundizzjoni li l-finanzjament effettivament jintuża biex jitfa' kreditu ġdid fl-ekonomija reali; jeħu nota tad-domanda dejjem akbar min-naħa tal-banek taż-żona tal-euro riflessa fl-aħħar TLTRO fl-2017, li jaf tkun minħabba l-aspettattivi ta' żieda fir-rati ta' depożitu u l-possibbiltà ta' qligħ baxx; jistieden lill-BĊE jimmonitorja mill-qrib dan l-iżvilupp sabiex jiżgura li t-TLTRO effettivament qed jintużaw biex jistimolaw self mill-banek għall-ekonomija reali;

33.  Jieħu nota taż-żieda fil-bilanċi TARGET2 li tindika ħruġ kontinwu ta' kapital mill-periferija taż-żona tal-euro; jinnota li l-BĊE jqis li l-bidliet fil-bilanċi TARGET fil-parti l-kbira tagħhom jirriflettu l-flussi tal-likwidità li qed jirriżultaw fil-kuntest tal-APP u mhumiex sintomu ta' pressjoni mill-ġdid fuq is-swieq finanzjarji; jistieden lill-BĊE jikkjarifika l-fatturi sottostanti u r-riskji potenzjali relatati mal-iżbilanċi li dan għandu mnejn jikkaġuna;

Aspetti oħra

34.  Jilqa' l-adozzjoni tal-ftehim dwar l-assistenza ta' likwidità f'emerġenza (ELA), li jikkjarifika l-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet, l-ispejjeż u r-riskji; jinnota li dan il-ftehim għandu jiġi rivedut sa mhux aktar tard mill-2019; jemmen li d-deċiżjoni dwar l-għoti tal-ELA jenħtieġ li tittieħed fil-livell tal-UE;

35.  Jistieden lill-BĊE jiżvela l-ammonti sħaħ tal-profitti li saru mill-Eurosistema permezz tal-Ftehim dwar l-Assi Finanzjarji Netti (ANFA) u permezz tal-Programm tas-Suq tat-Titoli (SMP) mill-2010 sal-iskadenza sħiħa tiegħu, bi tqassim speċifiku għal kull pajjiż għal dawk l-Istati Membri li kienu soġġetti għal xiri SMP (il-Greċja, l-Irlanda, il-Portugall, Spanja u l-Italja);

36.  Jilqa' l-emenda tal-Artikolu 22 tal-Istatut tas-SEBĊ/tal-BĊE, sabiex tingħata bażi ġuridika ċara biex l-Eurosistema tkun tista' twettaq ir-rwol tagħha bħala bank ċentrali tal-ħruġ għall-kontropartijiet ċentrali tal-ikklerjar (CCPs), u b'hekk il-BĊE jingħata l-kompetenza biex jirregola l-attività tas-sistemi tal-ikklerjar, inklużi s-CCPs, bil-għan li jiġu miġġielda b'mod effettiv ir-riskji imposti minn dawk is-sistemi għall-operazzjoni bla xkiel tas-sistemi tal-ħlas u l-implimentazzjoni tal-politika monetarja unika;

37.  Jistieden lill-BĊE jsegwi r-rakkomandazzjonijiet ta' Transparency International, b'mod partikolari fir-rigward tar-rwol tiegħu fi ħdan it-trojka;

38.  Jistieden lill-BĊE jkompli bl-isforzi tiegħu biex jiżgura li l-banek ikunu mħejjija tajjeb għall-kontinġenzi kollha possibbli b'relazzjoni mal-Brexit; jistieden, madankollu, lill-BĊE jagħmel it-tħejjijiet kollha meħtieġa biex jiżgura l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji tal-UE, inkluż fil-każ ta' Brexit mingħajr ftehim;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-Istati Membri taż-żona tal-euro biex isegwu strateġija regolatorja konġunta għas-settur finanzjarju fid-dawl tal-Brexit, pjuttost milli jinvolvu ruħhom f'kompetizzjoni 'l isfel perikoluża;

40.  Jaqbel li suq kapitali li jiffunzjona sew, diversifikat u integrat jista' jwassal għat-trażmissjoni tal-politika monetarja unika; iħeġġeġ biex il-proġett tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali jipproċedi b'pass aktar mgħaġġel sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni finanzjarja, bil-għan li tingħata għajnuna fil-bini tar-reżiljenza għax-xokkijiet u t-trażmissjoni tal-politika monetarja madwar l-Unjoni Monetarja ssir aktar effikaċi, filwaqt li titrawwem il-kondiviżjoni tar-riskju privata fi ħdan l-Unjoni Bankarja u fi ħdan l-Unjoni kollha kemm hi; jirrimarka li l-CSPP seta' kkontribwixxa għall-iffaċilitar tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament tan-negozju, b'mod partikolari fis-settur mhux finanzjarju (jiġifieri għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji (NFCs));

41.  Iqis li s-swieq kapitali Ewropej aktar profondi u konnessi aħjar li se jirriżultaw mill-bidla lejn CMU tal-UE u mit-tlestija pass b'pass tal-Unjoni Bankarja, se jikkontribwixxu għall-profondità u l-likwidità tas-swieq finanzjarji taż-żona tal-euro, filwaqt li jrawmu l-pożizzjoni internazzjonali tal-euro;

42.  Jistieden lill-BĊE jkompli jagħti attenzjoni għall-aċċess għall-kreditu fir-rigward tal-SMEs, b'mod partikolari fid-dawl tat-titjib kajman fis-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom li ġie enfasizzat mill-Istħarriġ dwar l-aċċess għall-finanzi tal-intrapriżi (SAFE) li twettaq f'Ġunju 2018; jenfasizza li CMU li tiffunzjona kompletament tista', f'perspettiva aktar fit-tul, tipprovdi finanzjament alternattiv għall-SMEs, filwaqt li tikkomplementa dak tas-settur bankarju;

43.  Jemmen li l-aktar mod rapidu biex tinkiseb CMU li tiffunzjona tajjeb huwa billi jiġu indirizzati r-regolamenti nazzjonali li jipprevjenu lis-swieq kapitali li jiffunzjonaw tajjeb milli jkollhom impatt usa' fl-Unjoni kollha u billi jitnaqqas il-piż tar-regolamenti l-ġodda;

44.  Jistieden lill-BĊE jżid il-monitoraġġ tiegħu rigward l-iżvilupp tat-Teknoloġija tar-Reġistru Distribwit (DLT) u ż-żieda fir-riskji relatati maċ-ċibersigurtà tat-teknoloġija finanzjarja;

45.  Jinnota li l-BĊE jaqbel li huwa importanti li jiġu studjati r-rilevanza u l-implikazzjonijiet tal-ħruġ ta' munita diġitali mill-bank ċentrali (jew flus b'bażi diġitali, DBM) għall-pubbliku ġenerali; iħeġġeġ lill-BĊE jwettaq u jippubblika tali studju;

46.  Jenfasizza l-importanza tas-sigurtà tal-IT għas-settur finanzjarju u għas-sistema tal-pagamenti; jistieden lill-BĊE jkompli jagħti attenzjoni mill-qrib lil din il-kwistjoni, jenfasizza l-importanza tiegħu fil-fora internazzjonali, u jkompli jikkoopera mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data;

47.  Jaqbel mal-BĊE dwar l-importanza tal-flus fiżiċi bħala valuta legali, peress li ż-żona tal-euro hija l-unika valuta legali fi ħdan iż-żona tal-euro, u jfakkar lill-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro li l-aċċettazzjoni tal-muniti u l-karti tal-euro jenħtieġ li jkunu r-regola fi tranżazzjonijiet bl-imnut, mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' dawk l-Istati Membri li jintroduċu limiti massimi għal pagament bi flus kontanti bil-għan li jiġu miġġielda l-ħasil tal-flus, il-frodi fiskali, u l-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

48.  Jirrifletti l-pożizzjonijiet espressi mill-membri tal-Bord Eżekuttiv dwar l-importanza li jiġu żviluppati sistemi tal-ħlas tassew Ewropej li ma jiġux affettwati minn tfixkil estern bħal dak ta' natura politika;

49.  Jiġbed l-attenzjoni għat-talba tal-President Juncker fid-diskors tiegħu tal-2018 dwar l-Istat tal-Unjoni biex jiġi indirizzat ir-rwol internazzjonali tal-euro u l-ħtieġa li din taqdi r-rwol sħiħ tagħha fix-xena internazzjonali;

50.  Jenfasizza l-importanza li l-BĊE jkollu obbligu ta' rendikont lejn il-Parlament; jilqa', f'dan ir-rigward, id-djalogu permanenti bejn il-BĊE u l-Parlament, kif ukoll il-fatt li b'mod regolari l-President tal-BĊE u, meta jkun applikabbli, membri oħra tal-Bord Eżekuttiv jidhru quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u quddiem il-plenarja; iħeġġeġ lill-BĊE jkompli dan id-djalogu; jenfasizza li l-BĊE tejjeb il-komunikazzjoni tiegħu; jemmen li dan jenħtieġ li jkompli l-isforzi tiegħu sabiex jagħmel id-deċiżjonijiet tiegħu disponibbli għaċ-ċittadini kollha u b'mod li dawn ikunu jistgħu jifhmuhom, kif ukoll l-azzjonijiet tiegħu biex tinżamm l-istabbiltà fil-prezzijiet fiż-żona tal-euro u għalhekk tiġi ppreservata l-kapaċità tal-akkwist tal-munita komuni;

51.  Jifraħ lill-BĊE għall-perkors li sar s'issa li żied it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont demokratiku fil-konfront taċ-ċittadini Ewropej u tal-Parlament;

52.  Jitlob lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji sabiex jieħu azzjoni biex ittejjeb l-istruttura tad-djalogu monetarju mal-President tal-BĊE;

53.  Jilqa' l-feedback imtejjeb, taqsima b'taqsima u sostanzjali mogħti mill-BĊE għall-kontribut tal-Parlament dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE għall-2016; jistieden lill-BĊE jkompli dan l-impenn għall-obbligu ta' rendikont u jibqa' jippubblika l-feedback bil-miktub tiegħu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament dwar ir-Rapport Annwali tal-BĊE kull sena;

54.  Ifakkar li fix-xhur li ġejjin se jsiru bidliet importanti fil-Kunsill Governattiv tal-BĊE, peress li diversi Membri tal-Bord Eżekuttiv, inkluż il-President, se jtemmu l-mandat tagħhom; iqis li dawn il-bidliet jenħtieġ li jitħejjew b'attenzjoni u f'trasparenza sħiħa mal-Parlament, f'konformità mat-Trattati; iħeġġeġ lill-Kunsill jfassal lista mqassra bbilanċjata ta' mill-inqas tliet kandidati għall-postijiet vakanti kollha li ġejjin, u b'hekk jippermetti lill-Parlament jaqdi rwol konsultattiv aktar sinifikanti fil-proċess tal-ħatra; itenni l-pożizzjoni tiegħu li huwa meħtieġ titjib fil-bilanċ bejn is-sessi, kemm fil-Bord Eżekuttiv kif ukoll fil-persunal tal-BĊE b'mod aktar ġenerali; jenfasizza li l-membri tal-Bord Eżekuttiv tal-BĊE jeħtiġilhom jinħatru unikament abbażi tal-istatura rikonoxxuta u l-esperjenza professjonali tagħhom fi kwistjonijiet monetarji jew bankarji;

55.  Jaqbel mal-argument li għamel il-President Draghi fid-diskors tiegħu tat-13 ta' Settembru 2018 li l-għadd eċċessiv ta' dikjarazzjonijiet inkonsistenti li saru u li mbagħad ma ġewx segwiti fix-xhur reċenti wasslu biex fl-Italja kien hemm żieda fir-rendiment tal-bonds tal-gvern u għal twessigħ tal-firxa, b'konsegwenzi negattivi għall-intrapriżi u għall-unitajiet domestiċi;

°

°  °

56.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2018)0025.

(2)

ĠU L 139, 11.5.1998, p. 1.

(3)

Fis-seduta ta' smigħ li ġiet organizzata mal-BERS fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji fid-9 ta' Lulju 2018.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

27.11.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

2

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Hugues Bayet, Pervenche Berès, Esther de Lange, Jonás Fernández, Giuseppe Ferrandino, Stefan Gehrold, Sven Giegold, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Petr Ježek, Georgios Kyrtsos, Philippe Lamberts, Werner Langen, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Marisa Matias, Gabriel Mato, Alex Mayer, Bernard Monot, Caroline Nagtegaal, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Anne Sander, Alfred Sant, Martin Schirdewan, Molly Scott Cato, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Paul Tang, Ramon Tremosa i Balcells, Marco Valli, Miguel Viegas, Jakob von Weizsäcker

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jeppe Kofod, Thomas Mann, Luigi Morgano, Andreas Schwab, Joachim Starbatty, Lieve Wierinck

Sostituti skont l-Artikolu 200(2) preżenti għall-votazzjoni finali

Luis de Grandes Pascual


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

39

+

ALDE

Thierry Cornillet, Petr Ježek, Caroline Nagtegaal, Ramon Tremosa i Balcells, Lieve Wierinck

ECR

Bernd Lucke, Stanisław Ożóg, Joachim Starbatty, Kay Swinburne

PPE

Stefan Gehrold, Luis de Grandes Pascual, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Georgios Kyrtsos, Esther de Lange, Werner Langen, Ivana Maletić, Thomas Mann, Gabriel Mato, Luděk Niedermayer, Anne Sander, Andreas Schwab, Theodor Dumitru Stolojan

S&D

Hugues Bayet, Pervenche Berès, Jonás Fernández, Giuseppe Ferrandino, Jeppe Kofod, Olle Ludvigsson, Alex Mayer, Luigi Morgano, Alfred Sant, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Paul Tang, Jakob von Weizsäcker

VERTS/ALE

Sven Giegold, Philippe Lamberts, Molly Scott Cato

2

-

EFDD

Bernard Monot, Marco Valli

3

0

GUE/NGL

Marisa Matias, Martin Schirdewan, Miguel Viegas

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Jannar 2019Avviż legali