Proċedura : 2018/0041(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0430/2018

Testi mressqa :

A8-0430/2018

Dibattiti :

PV 15/04/2019 - 16
CRE 15/04/2019 - 16

Votazzjonijiet :

PV 16/04/2019 - 8.9
CRE 16/04/2019 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0367

RAPPORT     ***I
PDF 815kWORD 90k
6.12.2018
PE 627.813v01-00 A8-0430/2018

dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' fondi ta' investiment kollettiv

(COM(2018)0092 – C8-0111/2018 – 2018/0041(COD))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Wolf Klinz

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar temenda d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' fondi ta' investiment kollettiv

(COM(2018)0092 – C8-0111/2018 – 2018/0041(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0092),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 53(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0111/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0430/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW(1)*

għall-proposta tal-Kummissjoni

---------------------------------------------------------

2018/0041(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' imprizi ta' investiment kollettiv

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 53(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew(2),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(3),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)  Objettiv komuni tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4) u tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5) hu li jiżguraw kondizzjonijiet ekwi fost l-impriżi ta' investiment kollettiv u li jneħħu r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-unitajiet u tal-ishma tal-fondi ta' investiment kollettiv fl-Unjoni filwaqt li fl-istess ħin jiżguraw protezzjoni aktar uniformi għall-investituri. Filwaqt li fil-parti l-kbira dawn l-objettivi ntlaħqu, ċerti ostakli għadhom qed irażżnu lill-maniġers ta' fondi biex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mis-suq intern.

(2)  Ir-regoli proposti f'din id-Direttiva huma kkomplementati b'Regolament distint [dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' impriżi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013 u (UE) Nru 346/2013]. Dan jistabbilixxi regoli u proċeduri addizzjonali li jikkonċernaw l-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) u maniġers ta' fondi ta' investiment alternattiv (AIFMs). Jenħtieġ li dan ir-Regolament u din id-Direttiva jikkoordinaw aktar b'mod kollettiv il-kondizzjonijiet għall-maniġers ta' fondi li joperaw fis-suq intern u jiffaċilitaw id-distribuzzjoni transfruntiera tal-fondi li jamministraw.

(3)  Hemm bżonn li titneħħa d-diskrepanza regolatorja u li l-proċedura ta' notifika lill-awtoritajiet kompetenti dwar it-tibdiliet fir-rigward tal-UCITS tiġi allinjata mal-proċedura ta' notifika stabbilita fid-Direttiva 2011/61/UE.

(4)  Ir-Regolament [dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' impriżi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013 u (UE) Nru 346/2013] jistabbilixxi regoli ġodda li jeħtieġu li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) tiżviluppa abbozz ta' standards tekniċi regolatorji u abbozz ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni biex tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa u l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri li għandhom jintużaw għat-trażmissjoni ta' din l-informazzjoni b'rabta mal-immaniġġjar ▌, mal-bidu jew mat-twaqqif ta' impriżi ta' investiment kollettiv taħt id-Direttiva 2009/65/KE u d-Direttiva 2011/61/UE. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet ta' dawn iż-żewġ Direttivi li jipprovdu lill-ESMA b'setgħat diskrezzjonali biex tiżviluppa standards tekniċi regolatorji u tabbozza standards tekniċi ta' implimentazzjoni għal notifiki m'għadhomx neċessarji aktar u għalhekk jenħtieġ li jitħassru.

(5)  Ir-Regolament [dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' impriżi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013 u (UE) Nru 346/2013] ikompli jsaħħaħ il-prinċipji applikabbli għall-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni rregolati bid-Direttiva 2009/65/KE u jestendi l-applikazzjoni tagħhom għall-AIFMs, u b'hekk jirriżulta fi standard għoli ta' protezzjoni tal-investituri, indipendentement mit-tip ta' investitur. B'riżultat ta' dan, id-dispożizzjonijiet korrispondenti tad-Direttiva 2009/65/KE relatati mal-komunikazzjonijiet tal-kummerċjalizzazzjoni u mal-aċċessibbiltà tal-liġijiet u tar-regolamentazzjoni nazzjonali rilevanti għall-arranġament tal-unitajiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UCITS m'għadhomx neċessarji u għalhekk jenħtieġ li jitħassru.

(6)  Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/65/KE, li jeħtieġu li l-UCITS jipprovdu faċilitajiet lill-investituri, kif implimentati minn ċerti ordinamenti ġuridiċi nazzjonali, sfaw ta' piż. Barra minn hekk, il-faċilitajiet lokali rarament jintużaw mill-investituri kif maħsub mid-Direttiva. Il-metodu ppreferut ta' kuntatt inbidel għal interazzjoni diretta tal-investituri mal-maniġer ta' fond — jew b'mod elettroniku inkella bit-telefon, filwaqt li l-pagamenti u t-tifdijiet qed jiġu eżegwiti permezz ta' mezzi oħra. Filwaqt li dawn il-faċilitajiet jintużaw għal finijiet amministrattivi bħall-irkupru transfruntier tat-tariffi regolatorji, jenħtieġ li tali kwistjonijiet, madankollu, jiġu indirizzati permezz ta' mezzi oħra li jinkludu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. Konsegwentement, jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli, li jimmodernizzaw u jispeċifikaw ir-rekwiżiti għall-provvista ta' faċilitajiet lil investituri fil-livell tal-konsumatur, u preżenza fiżika lokali li tipprovdi tali faċilitajiet jenħtieġ li ma tkunx meħtieġa mill-Istati Membri. Fl-istess ħin, jenħtieġ li r-regoli jiżguraw li l-investituri jkollhom aċċess għall-informazzjoni li huma intitolati għaliha.

(7)  Biex jiġi żgurat trattament koerenti tal-investituri fil-livell tal-konsumatur, hemm bżonn li r-rekwiżiti relatati mal-faċilitajiet jiġu applikati għall-AIFMs ukoll meta l-Istati Membri jawtorizzawhom jikkumerċjalizzaw unitajiet jew ishma ta' AIFs lil investituri fil-livell tal-konsumatur fit-territorji tagħhom.

(7a)  Sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar tad-drittijiet tal-investituri fil-livell tal-konsumatur f'każijiet ta' kummerċjalizzazzjoni transfruntiera ta' fondi ta' investiment, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li f'każijiet ta' ksur tal-massa, l-investituri fil-livell tal-konsumatur ikollhom aċċess għal azzjonijiet legali rappreżentattivi kemm skont id-dritt tal-Unjoni kif ukoll skont dak nazzjonali f'konformità mad-Direttiva ... [Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE].

(8)  In-nuqqas ta' kondizzjonijiet ċari u uniformi tal-waqfien tal-kummerċjalizzazzjoni ta' unitajiet jew ishma ta' UCITS jew AIF tal-UE fi Stat Membru ospitanti, toħloq inċertezza legali u ekonomika għall-maniġers tal-fondi. Għalhekk, din il-proposta tistabbilixxi kondizzjonijiet ċari ▌li taħthom tista' sseħħ id-denotifikazzjoni tal-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni. ▌Il-kondizzjonijiet huma stabbiliti b'tali mod li jibbilanċjaw, minn naħa, il-kapaċità tal-impriżi ta' investiment kollettiv jew tal-maniġers tagħhom li jtemmu l-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni tagħhom meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet stabbiliti, u min-naħa l-oħra, l-interessi tal-investituri f'tali impriżi.

(9)  Il-possibbiltà li tieqaf il-kummerċjalizzazzjoni tal-UCITS jew tal-AIFs tal-UE fi Stat Membru partikolari jenħtieġ li tkun mingħajr ħlas għall-investituri, u s-salvagwardji tagħhom jenħtieġ li ma jitnaqqsux skont id-Direttiva 2009/65/KE jew id-Direttiva 2011/61/UE, b'mod partikolari fir-rigward tad-dritt tagħhom għal informazzjoni preċiża dwar l-attivitajiet issoktati ta' dawk il-fondi.

(10)  Hemm każijiet li fihom AIFM jew kumpanija maniġerjali tal-UCITS li jkunu lesti li jittestjaw l-aptit tal-investituri għal idea ta' investiment jew għal strateġija ta' investiment partikolari, jiffaċċjaw trattament diverġenti tal-attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni f'ordinamenti ġuridiċi nazzjonali differenti. F'ċerti Stati Membri fejn il-prekummerċjalizzazzjoni hi awtorizzata, id-definizzjoni u l-kondizzjonijiet ta' din ivarjaw b'mod konsiderevoli. Madankollu, fi Stati Membri oħra m'hemmx kunċett ta' prekummerċjalizzazzjoni affattu. Biex jiġu indirizzati dawn id-diverġenzi, jenħtieġ li tiġi pprovduta definizzjoni armonizzata tal-prekummerċjalizzazzjoni ta' AIF kif ukoll jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet li fihom AIFM tal-UE jista' jwettaq dawn l-attivitajiet.

(11)  Biex il-prekummerċjalizzazzjoni tiġi rikonoxxuta bħala tali skont din id-Direttiva, jenħtieġ li din tkun indirizzata lil investitur professjonaliu tkun tikkonċerna idea jew strateġija ta' investiment mingħajr ma jkollha AIF jew kompartiment diġà stabbilit,jew AIF stabbilit jew kompartiment li jkun għadu ma ġiex innotifikat għall-kummerċjalizzazzjoni fl-Istat Membru kkonċernat. Għaldaqstant, matul il-prekummerċjalizzazzjoni, l-investituri ma jistgħux jissottoskrivu ruħhom għall-unitajiet jew għall-ishma ta' AIF ▌u ebda verżjoni finali ta' dokument tal-offerti jew kwalunkwe forma oħra ta' dokument ta' sottoskrizzjoni ma jenħtieġ li tkun permessa li titqassam lill-investituri potenzjali matul dan l-istadju. Madankollu, meta jiġu segwiti l-attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni tal-AIFM, investitur soġġett għal dawn l-attivitajiet jissottoskrivi għall-unitajiet jew għall-ishma ta' sottoskrizzjoni ta' AIF jew kompartiment b'karatteristiċi bħal dawk tal-idea ta' investiment prekummerċjalizzat jew għal AIF jew kompartiment imsemmi matul l-attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni, jenħtieġ li tiġi osservata l-proċedura xierqa ta' notifika tal-kummerċjalizzazzjoni u l-AFIM m'għandux ikun jista' jinvoka solleċitazzjoni ta' treġġigħ lura. Sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jkunu jistgħu jeżerċitaw il-kontroll tagħhom fuq attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni fl-Istat Membru tagħhom, jenħtieġ li l-AIFMs jibagħtu ittra jew email informali lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri fejn ikunu se jidħlu f'attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni, li ssemmi f'liema Stat Membru jew Stati Membri se jwettqu attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni. It-trażmissjoni ta' din l-ittra jew l-email informali jenħtieġ li ma tkun soġġetta għal ebda tariffa regolatorja żejda mitluba minn xi awtorità kompetenti.

(11a)  L-AIFMs jenħtieġ li jiżguraw li l-attivitajiet tagħhom ta' prekummerċjalizzazzjoni jkunu ddokumentati b'mod xieraq u disponibbli, fuq talba, għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kkonċernati. Tali informazzjoni jenħtieġ li tinkludi referenza għall-Istati Membri u l-perjodu ta' żmien li fih seħħew l-attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni u deskrizzjoni tal-istrateġiji ta' investiment jew tal-ideat ta' investiment ippreżentati matul l-attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni. L-ESMA jenħtieġ li tissorvelja mill-qrib kwalunkwe nuqqas ta' konverġenza bejn l-Istati Membri fir-rigward tad-dokumentazzjoni tal-attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni, u jenħtieġ li tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura li, f'każijiet bħal dawn, l-effiċjenza tal-prekummerċjalizzazzjoni bħala għodda li trawwem id-distribuzzjoni transfruntiera tal-fondi ma tiġix imfixkla.

(11b)  Mingħajr preġudizzju għad-definizzjoni tal-prekummerċjalizzazzjoni stabbilita f'din id-Direttiva, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS jistgħu jkomplu jittestjaw l-aptit tal-investituri professjonali għal idea ta' investiment jew strateġija ta' investiment partikolari dwar UCITS li għadhom ma ġewx stabbiliti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sabiex tarmonizza d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS u l-AIFM li jittestjaw l-interess tal-investituri għal idea ta' investiment jew strateġija ta' investiment partikolari.

(11c)  Ir-regoli armonizzati dwar il-prekummerċjalizzazzjoni jenħtieġ li ma jpoġġux fi żvantaġġ lill-AIFM tal-UE fil-konfront ta' AIFM mhux tal-UE, ikun xi jkun il-każ. Dan jirrigwarda kemm is-sitwazzjoni attwali li fiha l-AIFM mhux tal-UE m'għandhomx drittijiet tal-passaportar, kif ukoll is-sitwazzjoni fejn id-dispożizzjonijiet dwar il-passaportar fid-Direttiva 2011/61/UE jsiru applikabbli. Sabiex tiżgura dan, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq investigazzjoni bir-reqqa tad-dispożizzjonijiet kollha fid-Direttiva 2011/61/UE fid-dawl tal-applikazzjoni tagħhom fix-xenarju ta' reġim tal-passaportar għal AIFMs mhux tal-UE u, jekk ikun xieraq, tipproponi bidliet leġiżlattivi qabel l-Artikolu 35 u l-Artikoli 37 sa 41 tad-Direttiva 2011/61/UE jsiru applikabbli.

(12)  Biex tiġi żgurata ċ-ċertezza tad-dritt, hemm bżonn li jiġu ssinkronizzati d-dati ta' applikazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi li jimplimentaw din id-Direttiva u dan ir-Regolament ▌[dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' impriżi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013 u (UE) Nru 346/2013] fir-rigward tad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-komunikazzjonijiet ta' kummerċjalizzazzjoni u l-prekummerċjalizzazzjoni. Hemm bżonn ukoll li jiġu kkoordinati s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni biex tadotta abbozz ta' standards tekniċi regolatorji u ta' standards tekniċi ta' implimentazzjoni, kif żviluppati mill-ESMA, skont ir-Regolament [dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' impriżi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013 u (UE) Nru 346/2013] fil-qasam tan-notifiki, tal-ittri ta' notifika jew tal-avviżi bil-miktub dwar l-attivitajiet transfruntiera li għandhom jitħassru b'din id-Direttiva mid-Direttiva 2009/65/KE u mid-Direttiva 2011/61/UE rispettivament.

(13)  Skont id-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta' Settembru 2011 tal-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni(6), l-Istati Membri ntrabtu li, f'każijiet iġġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom b'dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta' direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta' traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta' din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta' tali dokumenti hija ġġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2009/65/KE

Id-Direttiva 2009/65/KE hija emendata kif ġej:

(1)  Fl-Artikolu 17(8), jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

"Meta, b'konsegwenza ta' tibdil, il-kumpanija maniġerjali ma tibqax konformi ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jinformaw lill-kumpanija maniġerjali fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija f'dan il-paragrafu li hi ma għandhiex timplimenta dak it-tibdil.

F'dak il-każ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-kumpanija maniġerjali li t-tibdil mhux se jiġi implimentat.

Meta tibdil ▌jiġi implimentat bi ksur tat-tieni u t-tielet subparagrafi u b'konsegwenza ta' dak it-tibdil il-kumpanija maniġerjali ma tibqax konformi ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-kumpanija maniġerjali għandhom jieħu l-miżuri xierqa kollha f'konformità mal-Artikolu 98 u għandhom jinnotifikaw kif xieraq lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-kumpanija maniġerjali mingħajr dewmien żejjed."

(3)  L-Artikolu 77 huwa mħassar.

(4)  fl-Artikolu 91, il-paragrafu 3 huwa mħassar.

(5)  L-Artikolu 92 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 92

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija maniġerjali tal-UCITS toffri, f'kull Stat Membru fejn ikun biħsiebha tikkummerċjalizza unitajiet ta' UCITS, faċilitajiet li jwettqu l-kompiti li ġejjin:

(a)  jipproċessaw l-ordnijiet ta' sottoskrizzjoni, ta' riakkwist u ta' tifdija u jagħmlu pagamenti oħra lit-titolari ta' unitajiet relatati mal-unitajiet tal-UCITS, f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fid-dokumenti ▌tal-UCITS;

(b)  jipprovdu lill-investituri b'informazzjoni dwar kif l-ordnijiet imsemmija fil-punt (a) jistgħu jsiru u kif jitħallas ir-rikavat mir-riakkwist u mit-tifdija;

(c)  jiffaċilitaw it-trattament ta' informazzjoni u l-aċċess għall-proċeduri u l-arranġamenti msemmija fl-Artikolu 15 marbuta mal-eżerċizzju min-naħa tal-investituri tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mill-investiment tagħhom fil-UCITS fl-Istat Membru fejn il-UCITS hi kkummerċjalizzata;

(d)  jagħmlu dawn li ġejjin disponibbli għall-investituri għall-ispezzjoni u għall-kisba ta' kopji:

(i)  ir-regoli tal-fondi jew l-istrumenti ta' inkorporazzjoni tal-UCITS;

(ii)  l-aħħar rapport annwali ppubblikat tal-UCITS u l-aħħar rapport ta' nofs is-sena ppubblikat jekk dan ikun aktar riċenti;

(iia)  il-prospett tal-UCITS;

(iib)  l-iktar dokument aġġornat ta' informazzjoni ewlieni [tal-investitur] għall-UCITS.

(e)  jipprovdu lill-investituri b'informazzjoni rilevanti għall-kompiti li jwettqu l-faċilitajiet f'mezz durabbli kif definit fl-Artikolu 2(1)(m);

(ea)  jaġixxu bħala punt ta' kuntatt għall-komunikazzjoni mal-awtorità kompetenti.

2. L-Istati Membri m'għandhomx jesiġu li l-UCITS ikollha preżenza fiżika fl-Istat Membru ospitanti jew li taħtar parti terza għall-finijiet tal-paragrafu 1.

3. Il-UCITS għandha tiżgura li l-faċilitajiet biex jitwettqu l-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 ikunu pprovduti:

(a)  ▌bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih il-UCITS tkun ikkummerċjalizzata jew b'lingwa approvata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru;

(b)  mill-UCITS stess jew minn parti terza soġġetta għal regolament u superviżjoni li jirregolaw il-kompiti li għandhom jitwettqu, jew mit-tnejn, inkluż bl-użu ta' mezzi elettroniċi;

Għall-finijiet tal-punt (b), meta l-kompiti jitwettqu minn parti terza, il-ħatra ta' parti terza għandha tkun evidenzjata minn kuntratt bil-miktub, li jispeċifika liema mill-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 ma jitwettqux mill-UCITS u li l-parti terza tirċievi l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha mingħand il-UCITS."

(6)  L-Artikolu 93 huwa emendat kif ġej:

(a)  il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

1. Jekk UCITS tipproponi li tqiegħed fis-suq l-unitajiet tagħha fi Stat Membru differenti mill-Istat ta' domiċilju tagħha, għandha l-ewwel tibgħat ittra ta' notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tagħha.

L-ittra ta' notifika għandha tinkludi informazzjoni dwar l-arranġamenti magħmula għall-kummerċjalizzazzjoni ta' unitajiet tal-UCITS fl-Istat Membru ospitanti, inkluż, fejn relevanti, fir-rigward tal-klassijiet tal-ishma. Fil-kuntest tal-Artikolu 16(1), għandha tinkludi indikazzjoni li l-UCITS hija kummerċjalizzata mill-kumpanija maniġerjali li tiġġestixxi l-UCITS.

L-ittra ta' notifika għandha tinkludi wkoll informazzjoni u l-indirizz meħtieġ għall-fatturazzjoni, jew għall-komunikazzjoni ta' kwalunkwe tariffa jew ħlas regolatorji applikabbli mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u indikazzjoni tal-faċilitajiet għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 92(1).

(b)  il-paragrafu 8 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"8. Fl-eventwalità ta' tibdil fl-informazzjoni fl-ittra ta' notifika sottomessa skont il-paragrafu 1, jew tibdil li jirrigwarda l-klassijiet tal-ishma li jkunu se jiġu kummerċjalizzati, il-UCITS għandha tagħti notifika bil-miktub ta' dan lill-awtoritajiet kompetenti kemm tal-Istat Membru tad-domiċilju kif ukoll lill-Istat Membru ospitanti mill-inqas xahar qabel ma timplimenta tali tibdil.

Meta, b'konsegwenza ta' tibdil imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-UCITS ma tibqax konformi ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jinnotifikaw lill-UCITS fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu li hi ma għandhiex timplimenta dak it-tibdil.

F'dak il-każ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-UCITS li t-tibdil mhux se jiġi implimentat.

Meta tibdil imsemmi fl-ewwel subparagrafu jiġi implimentat wara li tkun saret notifika f'konformità mat-tieni subparagrafu u skont dan it-tibdil il-UCITS ma tibqax konformi ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jieħdu l-miżuri xierqa kollha f'konformità mal-Artikolu 98, li jinkludu, fejn meħtieġ, il-projbizzjoni espliċita tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UCITS u għandhom jinnotifikaw kif xieraq lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-UCITS mingħajr dewmien żejjed.

Meta t-tibdil imsemmi fl-ewwel subparagrafu ma jaffettwax il-konformità tal-UCITS ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom, mingħajr dewmien żejjed, u, fi kwalunkwe każ, fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu, jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-UCITS b'dak it-tibdil."

(7)  jiddaħħal l-Artikolu 93a li ġej:

"Artikolu 93a

1. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jiżguraw li l-UCITS tkun tista' tipproċedi għad-denotifikazzjoni tal-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni tal-unitajiet tagħha fi Stat Membru fejn tkun innotifikat l-attivitajiet tagħha skont l-Artikolu 93, meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(b)    offerta ġenerali għar-riakkwist, mingħajr ebda imposta jew tnaqqis, tal-unitajiet tal-UCITS kollha tagħha miżmuma mill-investituri fi Stat Membru fejn il-UCITS innotifikat l-attivitajiet tagħha f'konformità mal-Artikolu 93 tiġi ppubblikata għal mill-inqas 30 jum ta' xogħol u tiġi indirizzata, direttament jew permezz ta' intermedjarji finanzjarji, b'mod individwali lill-investituri kollha fl-Istat Membru ospitanti li tkun magħrufa l-identità tagħhom;

(c)  l-intenzjoni li ssir id-denotifikazzjoni tal-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni fl-Istat Membru fejn il-UCITS innotifikat l-attivitajiet tagħha f'konformità mal-Artikolu 93 tiġi ppubblikata permezz ta' mezz disponibbli pubblikament, inkluż permezz ta' mezzi elettroniċi, li tipikament jintuża għall-kummerċjalizzazzjoni tal-UCITS u li huwa xieraq għal investitur tipiku tal-UCITS.

In-notifika lill-investituri għandha tiċċara l-konsegwenzi għall-investituri jekk ma jaċċettawx l-offerta ta' riakkwist tal-unitajiet tagħhom.

L-informazzjoni msemmija fil-punti (b) u (c) għandha tiġi pprovduta bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih ġiet ikkummerċjalizzata l-UCITS jew b'lingwa approvata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru.

2. Il-UCITS għandha tissottometti ittra ta' notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħha li tinkludi fiha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jivverifikaw jekk in-notifika sottomessa mill-UCITS f'konformità mal-paragrafu 2 hijiex kompluta. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom, mhux aktar tard minn 15-il jum ta' xogħol wara r-riċevuta tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2, jibagħtu dik in-notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun hemm il-ħsieb li titwaqqaf il-kummerċjalizzazzjoni tal-UCITS, u lill-ESMA, jew inkella għandhom jinformaw lill-UCITS bir-raġuni għalfejn in-notifika ma tistax tiġi trażmessa.

Hekk kif jiġi trażmess il-fajl ta' notifika skont l-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jinnotifikaw minnufih lill-UCITS dwar din it-trażmissjoni. Minn din id-data, il-UCITS għandha twaqqaf kull kummerċjalizzazzjoni tal-unitajiet tagħha fl-Istat Membru identifikat fl-ittra ta' notifika msemmija fil-paragrafu 2.

4. Dment li l-investituri jibqgħu investiti fil-UCITS wara li titwaqqaf il-kummerċjalizzazzjoni:

(a)  il-UCITS għandha ▌tipprovdi lill-investituri li jibqgħu investiti fil-UCITS kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn il-kummerċjalizzazzjoni tkun twaqqfet bl-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 68 sa 82 u skont l-Artikolu 94;

(b)  l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-UCITS għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn il-kummerċjalizzazzjoni tkun twaqqfet bl-informazzjoni meħtieġa li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-UCITS skont l-Artikolu 93;

(c)  l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn il-kummerċjalizzazzjoni tkun twaqqfet għandhom jeżerċitaw id-drittijiet u l-obbligi kkonferiti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-UCITS skont l-Artikoli 97 u 108 u, jekk applikabbli, jistgħu jiġbru tariffi jew ħlasijiet għat-twettiq ta' dawk l-attivitajiet f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 6 tar-Regolament [dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' impriżi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013 u (UE) Nru 346/2013].

5. L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-użu tal-mezzi ta' komunikazzjoni elettronika kollha jew ta' mezzi oħra ta' komunikazzjoni mill-bogħod għall-finijiet tal-paragrafu 4, dment li l-informazzjoni u l-mezzi ta' komunikazzjoni jkunu disponibbli għall-investituri bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih jinsab l-investitur jew b'lingwa approvata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru."

(8)  fl-Artikolu 95, il-paragrafu (2)(a) huwa mħassar.

Artikolu 2

Emendi għad-Direttiva 2011/61/UE

Id-Direttiva 2011/61/UE hija emendata kif ġej:

(1)  fl-Artikolu 4(1), bejn il-punti (ae) u (af), jiddaħħal il-punt (aea) li ġej:

"(aea)  "prekummerċjalizzazzjoni" tfisser għoti dirett jew indirett ta' informazzjoni jew komunikazzjoni dwar strateġiji ta' investiment jew ideat ta' investiment minn AIFM tal-UE, jew f'ismu, lill-investituri professjonali potenzjali ddomiċiljati jew irreġistrati fl-Unjoni biex jittestja l-interess tagħhom f'AIF, jew f'kompartiment ta' AIF, li għadu mhuwiex stabbilit jew li jkun stabbilit iżda mhux innotifikat għal kummerċjalizzazzjoni skont l-Artikolu 32 f'dak l-Istat Membru fejn l-investituri potenzjali jkunu ddomiċiljati jew ikollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, u li f'kull każ ma jirriżultax f'offerta jew fi pjazzament lill-investituri biex jinvestu fl-unitajiet jew fl-ishma ta' dak l-AIF jew f'kompartiment tiegħu."

(2)  fil-bidu tal-KAPITOLU VI jiddaħħal l-Artikolu 30a li ġej:

"Artikolu 30aIl-kondizzjonijiet għall-prekummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni minn AIFM tal-UE

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE awtorizzat ikun jista' jwettaq prekummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni, għajr meta l-informazzjoni ppreżentata lill-investituri professjonali potenzjali:

(c)  tippermetti lill-investituri jintrabtu li jixtru unitajiet jew ishma ta' AIF partikolari;

(d)  tammonta għall-forma finali ta' prospett, dokumenti kostituzzjonali jew dokumenti tal-offerta ta' AIF li għadu mhuwiex stabbilit, jew tammonta għal formoli ta' sottoskrizzjoni jew dokumenti simili kemm f'forma ta' abbozz kif ukoll f'forma finali li jippermettu lill-investituri jinvestu fl-unitajiet jew fl-ishma ta' AIF jew ta' kompartiment tiegħu. Għal AIFs diġà stabbiliti, tista' tiġi pprovduta l-forma finali ta' prospett.

Meta jiġi pprovdut abbozz ta' prospett jew dokument ta' offerta kif imsemmi fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu, dak id-dokument għandu jiddikjara b'mod ċar li ma jikkostitwix offerta jew stedina għal sottoskrizzjoni f'unitajiet jew f'ishma ta'AIF jew kompartiment.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE jibgħat ittra sempliċi u informali f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi qabel ma jinvolvi ruħu f'attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni, fejn jiddikjara l-Istat Membru jew l-Istati Membri li fihom se jwettaq dawk l-attivitajiet, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu b'kopja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri li fihom se jwettaq attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ebda rekwiżit ta' notifika tal-awtoritajiet kompetenti tal-kontenut jew tad-destinatarji tal-attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni ma jkun neċessarju biex l-AIFM tal-UE jwettaq attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni.

3. L-AIFMs għandhom jiżguraw li l-investituri ma jakkwistawx unitajiet jew ishma f'AIF permezz ta' attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni u li l-investituri kkuntattjati bħala parti mill-prekummerċjalizzazzjoni jkunu jistgħu biss jakkwistaw unitajiet jew ishma f'dak l-AIF taħt kummerċjalizzazzjoni permessa skont l-Artikolu 31 jew 32.

Is-sottoskrizzjoni minn investituri professjonali li kienu soġġetti għall-prekummerċjalizzazzjoni, fi żmien 18-il xahar wara li AIFM tal-UE jkun beda l-prekummerċjalizzazzjoni, għal unitajiet jew għal ishma ta' AIF imsemmi fl-informazzjoni pprovduta fil-kuntest tal-attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni mill-AIFM tal-UE jew f'ismu, jew ta' AIFM stabbilit b'riżultat ta' dawk l-attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni, għandha titqies li hi r-riżultat ta' kummerċjalizzazzjoni u għandha tkun soġġetta għall-proċeduri ta' notifika applikabbli msemmija fl-Artikoli 31 u 32.

3a. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFMs tal-UE jagħmlu arranġamenti adegwati b'mod li l-informazzjoni relatata mal-attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni tagħhom tkun disponibbli, u tiġi pprovduta fuq talba, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tagħhom u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom wettqu attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni. AIFMs tal-UE għandhom jiżguraw li l-attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni tagħhom jiġu ddokumentati kif xieraq, inklużi referenzi għall-Istati Membri, il-perjodi ta' żmien li matulhom ikunu saru l-attivitajiet ta' prekummerċjalizzazzjoni, kif ukoll deskrizzjoni fil-qosor ta' dawk l-attivitajiet, inkluża l-informazzjoni dwar l-istrateġiji ta' investiment ippreżentati u, fejn rilevanti, lista tal-AIFs u tal-kompartimenti tal-AIFs ippreżentati.

3b. Parti terza għandha twettaq biss l-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 fi Stat Membru ospitanti ta' AIFM f'isem AIFM tal-UE awtorizzat fejn din tkun awtorizzata bħala ditta tal-investiment skont id-Direttiva 2014/65/UE, bħala istituzzjoni ta' kreditu skont id-Direttiva 2013/36/UE, bħala kumpanija tal-maniġment tal-UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE, bħala maniġer ta' fond ta' investiment alternattiv skont id-Direttiva 2011/61/UE jew fejn taġixxi bħala aġent marbut."

(3)  fl-Artikolu 31, il-paragrafu 5 huwa mħassar.

(4)  L-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)  it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Jekk, wara tibdil ippjanat, l-amministrazzjoni tal-AIF mill-AIFM ma tibqax f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b'xi mod, l-AIFM ma jibqax jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinformaw lill-AIFM fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu li hu ma għandux jimplimenta t-tibdil. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM dwar it-tibdil ippjanat, il-valutazzjoni tiegħu u jekk ġiex implimentat jew le."

(aa)  it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

Jekk il-bidla pjanata tiġi implimentata minkejja l-ewwel u t-tieni subparagrafi, jew, jekk tkun seħħet bidla mhux ippjanata li minħabba fiha l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jkunx se jibqa' f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b' xi mod, l-AIFM ma jkunx se jibqa' jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jieħdu l-miżuri dovuti kollha f'konformità mal-Artikolu 46, inkluża, jekk ikun hemm bżonn il-projbizzjoni espressa tal-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF u għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM kif xieraq mingħajr dewmien żejjed.

(b)   ir-raba' subparagrafu tal-paragrafu 7 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Jekk it-tibdiliet ma jinfluwenzawx il-konformità tal-amministrazzjoni tal-AIF mill-AIFM ma' din id-Direttiva, jew, b'xi mod ieħor, il-konformità mill-AIFM ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom, mingħajr dewmien żejjed, u mhux aktar tard minn 15-il jum tax-xogħol, jinformaw ▌lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM dwar dawk it-tibdiliet."

(c)   il-paragrafu 8 huwa mħassar.

(5)  jiddaħħal l-Artikolu 32a li ġej:

"Artikolu 32a

Denotifikazzjoni tal-attivitajiet tal-kummerċjalizzazzjoni tal-unitajiet jew tal-ishma ta' AIFs tal-UE fi Stati Membri li mhumiex l-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM

1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE jkun jista' jipproċedi għad-denotifikazzjoni tal-attivitajiet tal-kummerċjalizzazzjoni ta' unitajiet jew ta' ishma ta' AIF tal-UE li hu jamministra fl-Istat Membru fejn tkun intbagħtet notifika tal-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni tiegħu f'konformità mal-Artikolu 32, meta jiġu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(b)  bl-eċċezzjoni ta' AIFs u fondi magħluqa rregolati bir-Regolament (UE) 2015/760, offerta ġenerali għar-riakkwist, mingħajr ebda imposta jew tnaqqis, tal-unitajiet jew tal-ishma tal-AIF kollha tiegħu miżmuma mill-investituri fl-Istat Membru, fejn intbagħtet notifika tal-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni ▌f'konformità mal-Artikolu 32, tiġi ppubblikata għal mill-inqas 30 jum ta' xogħol u tiġi indirizzata, direttament jew permezz ta' intermedjarji finanzjarji, b'mod individwali lill-investituri kollha li tkun magħrufa l-identità tagħhom f'dak l-Istat Membru;

(c)  l-intenzjoni li jitwaqqfu l-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni fit-territorju tal-Istat Membru, li fih tkun intbagħtet notifika tal-attivitajiet ta' kummerċjalizzazzjoni tiegħu f'konformità mal-Artikolu 32, tiġi ppubblikata permezz ta' mezz disponibbli pubblikament li tipikament jintuża għall-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF u li jkun xieraq għal investitur tipiku tal-AIF.

2. L-AIFM għandu jissottometti notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu li tinkludi fiha l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

3. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jivverifikaw jekk in-notifika sottomessa mill-AIFM f'konformità mal-paragrafu 2 hijiex kompluta. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom, mhux aktar tard minn 15-il jum ta' xogħol wara r-riċevuta tan-notifika sħiħa msemmija fil-paragrafu 2, jibagħtuha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun hemm il-ħsieb li titwaqqaf il-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF, u lill-ESMA.

Kif jintbagħat il-fajl ta' notifika skont l-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinnotifikaw minnufih lill-AIFM dwar din it-trażmissjoni. Minn din id-data, l-AIFM għandu jwaqqaf kull kummerċjalizzazzjoni tal-unitajiet jew tal-ishma tiegħu fl-Istat Membru identifikat fl-ittra ta' notifika msemmija fil-paragrafu 2.

4. Dment li l-investituri jibqgħu investiti fl-AIF tal-UE wara li l-attivitajiet tal-kummerċjalizzazzjoni jiġu denotifikati:

(a)  l-AIFM għandu ▌jipprovdi lill-investituri li jibqgħu investiti fl-AIF tal-UE kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn il-kummerċjalizzazzjoni tkun twaqqfet bl-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 22 u 23;

(b)  l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn il-kummerċjalizzazzjoni tkun twaqqfet bl-informazzjoni meħtieġa li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM skont l-Artikolu 32;

(c)  l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn il-kummerċjalizzazzjoni tkun twaqqfet għandhom jeżerċitaw id-drittijiet u l-obbligi kkonferiti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM skont l-Artikolu 45 ta' din id-Direttiva u, jekk applikabbli, jistgħu jiġbru tariffi jew ħlasijiet għat-twettiq ta' dawk l-attivitajiet f'konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli għall-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 6 tar-Regolament [dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' impriżi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013 u (UE) Nru 346/2013].

5. L-Istati Membri għandhom jippermettu li jintuża kull mezz ta' komunikazzjoni elettronika jew mezz ieħor ta' komunikazzjoni mill-bogħod għall-finijiet tal-paragrafu 4.

(5a)  L-Artikolu 33(6) huwa emendat kif ġej:

(a)  it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Jekk, wara tibdil ippjanat, l-amministrazzjoni tal-AIF mill-AIFM ma tibqax f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b'xi mod, l-AIFM ma jibqax jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinformaw lill-AIFM fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu li hu ma għandux jimplimenta t-tibdil.";

(b)  it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Jekk il-bidla pjanata tiġi implimentata minkejja l-ewwel u t-tieni subparagrafu, jew, jekk tkun seħħet bidla mhux ippjanata li minħabba fiha, l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jkunx se jibqa' f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b'xi mod, l-AIFM ma jkunx se jibqa' jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jieħdu l-miżuri dovuti kollha f'konformità mal-Artikolu 46 u għandhom jinnotifikaw kif xieraq lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM mingħajr dewmien żejjed.";

(6)  fl-Artikolu 33, il-paragrafi 7 u 8 huma mħassra.

(7)  jiddaħħal l-Artikolu 43a li ġej:

"Artikolu 43a

Faċilitajiet disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur

1. Mingħajr ħsara għall-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2015/760(7), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM iqiegħed għad-dispożizzjoni, f'kull Stat Membru fejn ikun biħsiebu jikkummerċjalizza unitajiet jew ishma ta' AIF lil investituri fil-livell tal-konsumatur, faċilitajiet li jwettqu l-kompiti li ġejjin:

(a)  jipproċessaw l-ordnijiet tal-investituri ta' sottoskrizzjoni, ta' pagament, ta' riakkwist u ta' tifdija relatati mal-unitajiet jew mal-ishma tal-AIF, f'konformità mal-kondizzjonijiet stabbiliti fid-dokumenti ▌tal-AIF;

(b)  jipprovdu lill-investituri b'informazzjoni dwar kif l-ordnijiet imsemmija fil-punt (a) jistgħu jsiru u kif jitħallas ir-rikavat mir-riakkwist u mit-tifdija;

(c)  jiffaċilitaw it-trattament ta' informazzjoni relatata mal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-investituri li jirriżultaw mill-investiment tagħhom fil-AIF fl-Istat Membru fejn hu kkummerċjalizzat l-AIF;

(d)  jagħmlu dawn li ġejjin disponibbli għall-investituri għall-ispezzjoni u għall-kisba ta' kopji ta' informazzjoni u ta' dokumenti f'konformità mal-Artikoli 22 u 23;

(e)  jipprovdu lill-investituri b'informazzjoni rilevanti għall-kompiti li jwettqu l-faċilitajiet f'mezz durabbli kif definit fl-Artikolu 2(1)(m) tad-Direttiva 2009/65/KE;

(ea)  jaġixxu bħala punt ta' kuntatt għall-komunikazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti.

2. L-Istati Membri m'għandhomx jesiġu li AIFM ikollu preżenza fiżika fl-Istat Membru ospitanti jew li jaħtar parti terza għall-fini tal-paragrafu 1.

3. L-AIFM għandu jiżgura li l-faċilitajiet għat-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 ikunu pprovduti:

(a)  ▌bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih ikun ikkummerċjalizzat l-AIF jew b'lingwa approvata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru;

(b)  ▌mill-AIFM stess jew minn parti terza, soġġetti għal regolament u għal superviżjoni li jirregolaw il-kompiti li għandhom jitwettqu, jew mit-tnejn.

Għall-finijiet tal-punt (b), meta l-kompiti jitwettqu minn parti terza, din il-ħatra għandha tkun evidenzjata minn kuntratt bil-miktub, li jispeċifika liema mill-kompiti speċifikati fil-paragrafu 1 ma jitwettqux mill-AIFM u li l-parti terza tirċievi l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha mingħand l-AIFM."

(7a)  Fl-Anness IV, jiżdiedu l-punti li ġejjin:

"(ha)  l-informazzjoni u l-indirizz meħtieġa għall-fatturazzjoni jew il-komunikazzjoni ta' kwalunkwe tariffa jew ħlas regolatorji applikabbli mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti;

(hb)  indikazzjoni tal-faċilitajiet għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 43a."

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sa [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data mhux aktar tard minn 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ], il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta' dawn id-dispożizzjonijiet.

Għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet minn [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data 24 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ].

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 4

Evalwazzjoni

Sa ... [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data 12-il xahar wara d-data għat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva] il-Kummissjoni għandha, abbażi ta' valutazzjoni tal-impatt, tippreżenta proposta leġiżlattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/65/UE sabiex tarmonizza d-dispożizzjonijiet applikabbli għall-kumpaniji maniġerjali tal-UCITS li jittestjaw l-aptit tal-investituri professjonali għal idea ta' investiment jew strateġija ta' investiment partikolari li tikkonċerna UCITS stabbilita u li għadha ma ġietx stabbilita bid-definizzjoni u l-kundizzjonijiet ta' prekummerċjalizzazzjoni stabbiliti fid-Direttiva 2011/61/UE.

Sa ... [PO: Jekk jogħġbok daħħal id-data 36 xahar wara d-data għat-traspożizzjoni ta' din id-Direttiva] il-Kummissjoni għandha, abbażi ta' konsultazzjoni pubblika u fid-dawl tad-diskussjonijiet mal-ESMA u mal-awtoritajiet kompetenti, tagħmel evalwazzjoni tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Qabel ma l-Artikolu 35 u l-Artikoli 37 sa 41 tad-Direttiva 2011/61/UE jsiru applikabbli, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u jekk xieraq, proposti leġiżlattivi, b'riżultat ta' investigazzjoni tad-dispożizzjonijiet kollha fid-Direttiva 2011/61/UE, fil-kuntest tal-applikazzjoni tagħhom fix-xenarju ta' reġim tal-passaportar li jkun fis-seħħ għall-AIFMs mhux tal-UE, b'enfasi partikolari fuq il-kundizzjonijiet potenzjali mhux ugwali bejn l-AIFMs tal-UE u l-AIFMs mhux tal-UE bil-għan li tiġi żgurata l-perspettiva li l-AIFMs tal-UE mhumiex żvantaġġati.

Artikolu 5

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 1(1)(b), 1(2), 1(8), 2(3), 2(4)(c) u 2(6) għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva.

Artikolu 6

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

(1)

* Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.

(2)

  ĠU C […], […], p. […].

(3)

  ĠU C , , p. .

(4)

  Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009, dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS), ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.

(5)

  Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi, (AIFM), ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1.

(6)

  ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.

(7)

  Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-Fondi ta' Investiment Ewropej fuq Terminu Twil ĠU L 123, 19.5.2015, p. 9.


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Distribuzzjoni transfruntiera ta’ fondi ta’ investiment kollettiv

Referenzi

COM(2018)0092 – C8-0111/2018 – 2018/0041(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

7.3.2018

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

16.4.2018

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

16.4.2018

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

JURI

27.3.2018

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Wolf Klinz

31.5.2018

 

 

 

Rapporteurs preċedenti

Ramon Tremosa i Balcells

 

 

 

Eżami fil-kumitat

8.10.2018

19.11.2018

 

 

Data tal-adozzjoni

3.12.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

3

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pervenche Berès, Esther de Lange, Markus Ferber, Jonás Fernández, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Petr Ježek, Wolf Klinz, Georgios Kyrtsos, Philippe Lamberts, Werner Langen, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Marisa Matias, Gabriel Mato, Alex Mayer, Bernard Monot, Luděk Niedermayer, Ralph Packet, Sirpa Pietikäinen, Anne Sander, Martin Schirdewan, Molly Scott Cato, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Paul Tang, Marco Valli, Miguel Viegas, Jakob von Weizsäcker

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Enrique Calvet Chambon, Mady Delvaux, Syed Kamall, Alain Lamassoure, Luigi Morgano, Michel Reimon, Lieve Wierinck

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Barbara Lochbihler, Jarosław Wałęsa

Data tat-tressiq

6.12.2018


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

34

+

ALDE

Enrique Calvet Chambon, Petr Ježek, Wolf Klinz, Lieve Wierinck

ECR

Syed Kamall, Bernd Lucke, Ralph Packet

PPE

Markus Ferber, Brian Hayes, Georgios Kyrtsos, Alain Lamassoure, Esther de Lange, Werner Langen, Ivana Maletić, Gabriel Mato, Luděk Niedermayer, Sirpa Pietikäinen, Anne Sander, Jarosław Wałęsa

S&D

Pervenche Berès, Mady Delvaux, Jonás Fernández, Roberto Gualtieri, Olle Ludvigsson, Alex Mayer, Luigi Morgano, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Paul Tang, Jakob von Weizsäcker

VERTS/ALE

Philippe Lamberts, Barbara Lochbihler, Michel Reimon, Molly Scott Cato

3

-

GUE/NGL

Marisa Matias, Martin Schirdewan, Miguel Viegas

2

0

EFDD

Bernard Monot, Marco Valli

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 11 ta' Jannar 2019Avviż legali