Proċedura : 2018/0060(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0440/2018

Testi mressqa :

A8-0440/2018

Dibattiti :

PV 13/03/2019 - 23
CRE 13/03/2019 - 23

Votazzjonijiet :

PV 13/12/2018 - 9.1
CRE 13/12/2018 - 9.1
PV 14/03/2019 - 11.6
CRE 14/03/2019 - 11.6

Testi adottati :

P8_TA(2019)0208

RAPPORT     ***I
PDF 703kWORD 68k
7.12.2018
PE 629.418v01-00 A8-0440/2018

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emendar tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-kopertura minima għat-telf għal skoperturi improduttivi

(COM(2018)0134 – C8-0117/2018 – 2018/0060(COD))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Esther de Lange, Roberto Gualtieri

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-emendar tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-kopertura minima għat-telf għal skoperturi improduttivi

(COM(2018)0134 – C8-0117/2018 – 2018/0060(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2018)0134),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2), u l-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0117/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-12 ta' Lulju 2018(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta' Ġunju 2018(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0440/2018),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk tibdel il-proposta tagħha, temendaha b'mod sustanzjali jew ikollha l-ħsieb li temendaha b'mod sustanzjali;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Emenda    1

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW(3)*

għall-proposta tal-Kummissjoni

---------------------------------------------------------

2018/0060 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-emendar tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 fir-rigward tal-kopertura minima għat-telf għal skoperturi improduttivi

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew(4),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(5),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)  Li tkun stabbilita strateġija komprensiva sabiex tiġi indirizzata din il-kwistjoni ta' skoperturi improduttivi (NPEs) hija għan importanti għall-Unjoni fit-tentattiv tagħha li tagħmel is-sistema finanzjarja aktar reżiljenti. Filwaqt li l-indirizzar tal-NPEs huwa primarjament responsabbiltà tal-banek u tal-Istati Membri, teżisti wkoll dimensjoni tal-Unjoni ċara sabiex jitnaqqas l-istokk għoli kurrenti ta' NPEs, kif ukoll biex tiġi evitata kwalunkwe akkumulazzjoni eċċessiva ta' NPEs fil-futur u biex jiġi evitat l-iżvilupp ta' riskji sistemiċi fis-settur mhux bankarju. Minħabba r-rabta bejn is-sistemi bankarji u finanzjarji fl-Unjoni fejn il-banek joperaw f'diversi ġuriżdizzjonijiet u Stati Membri, jeżisti potenzjal sinifikanti ta' effetti konsegwenzjali għall-Istati Membri u l-Unjoni b'mod ġenerali, kemm f'termini ta' tkabbir ekonomiku kif ukoll f'termini ta' stabbiltà finanzjarja.

(1a)  Il-konsumaturi jenħtieġ li ma jitqisux esklużivament responsabbli bħala l-kawża tal-akkumulazzjoni severa tal-NPEs matul is-snin tal-kriżi finanzjarja. F'xi Stati Membri, il-bżieżaq immobiljari kienu kkawżati minn dipendenza żejda fuq iż-żieda fil-prezzijiet tad-djar. Partijiet mis-settur bankarju kkontribwew għal dan permezz ta' prattiki imprudenti ta' self. Fattur ieħor li kkontribwixxa kien il-mod li bih id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard (id-Direttiva 2011/7/UE) ġiet trasposta u implimentata fil-livell nazzjonali. Id-drittijiet tal-konsumatur fir-rigward tal-bejgħ tal-NPEs jenħtieġ li jiġu ssalvagwardjati permezz ta' Direttiva.

(2)  Sistema finanzjarja integrata se ttejjeb ir-reżiljenza tal-Unjoni Monetarja Ewropea għal xokkijiet negattivi billi tiffaċilita l-kondiviżjoni privata tar-riskju transfruntiera, filwaqt li fl-istess ħin tnaqqas il-bżonn ta' kondiviżjoni pubblika tar-riskju. Sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet, jenħtieġ li l-Unjoni tlesti l-Unjoni Bankarja u tkompli tiżviluppa Unjoni tas-Swieq Kapitali. L-indirizzar tal-akkumulazzjoni futura possibbli ta' NPEs huwa essenzjali għat-tisħiħ tal-Unjoni Bankarja minħabba li hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-kompetizzjoni fis-settur bankarju, tiġi mħarsa l-istabbiltà finanzjarja u jitħeġġeġ is-self sabiex jinħoloq ix-xogħol u t-tkabbir fl-Unjoni.

(3)  F'Lulju 2017, fil-"Pjan ta' Azzjoni biex jiġi Indirizzat is-Self Improduttiv" tiegħu, il-Kunsill appella lil diversi istituzzjonijiet sabiex jieħdu miżuri xierqa sabiex ikomplu jindirizzaw in-numru għoli ta' NPEs fl-Unjoni u jipprevjenu l-akkumulazzjoni tagħhom. Il-Pjan ta' Azzjoni jistabbilixxi approċċ komprensiv li jiffoka fuq taħlita ta' azzjonijiet politiċi komplementari f'erba' oqsma: (i) is-superviżjoni u r-regolamentazzjoni bankarja; (ii) ir-riforma tal-oqfsa ta' ristrutturar, insolvenza u rkupru tad-dejn; (iii) l-iżvilupp ta' swieq sekondarji għal assi f'diffikultà; (iv) it-trawwim tar-ristrutturar tas-sistema bankarja. L-azzjonijiet f'dawn l-oqsma għandhom jittieħdu fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni, fejn ikun xieraq. Il-Kummissjoni ħabbret intenzjoni simili fil-"Komunikazzjoni dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja" tal-11 ta' Ottubru 2017(6), li sejħet għal pakkett komprensiv dwar l-indirizzar tas-Self Improduttiv (NPLs)fl-Unjoni fl-Unjoni.

(4)  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013(7), flimkien mad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013(8), jifforma l-qafas ġuridiku li jirregola r-regoli prudenzjali għall-istituzzjonijiet. Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jinkludi, fost l-oħrajn, dispożizzjonijiet direttament applikabbli għall-istituzzjonijiet sabiex jiddeterminaw il-fondi proprji tagħhom. Huwa għalhekk neċessarju li r-regoli prudenzjali eżistenti fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 relatati mal-fondi proprji jiġu kkomplementati b'dispożizzjonijiet li jirrikjedu tnaqqis mill-fondi proprji fejn l-NPEs ma jkollhomx kopertura suffiċjenti b'dispożizzjonijiet jew aġġustamenti oħrajn. Dan jammonta għall-ħolqien effettiv ta' garanzija ta' kontinġenza prudenzjali għall-NPEs li se tapplika b'mod uniformi għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni kollha, u jinkludi wkoll istituzzjonijiet li jkunu attivi fis-suq sekondarju.

(5)  Jenħtieġ li din il-garanzija ta' kontinġenza prudenzjali ma twaqqafx lill-awtoritajiet kompetenti milli jeżerċitaw is-setgħat superviżorji tagħhom f'konformità mad-Direttiva 2013/36/UE. Fejn l-awtoritajiet kompetenti jiżguraw fuq bażi ta' każ b'każ li, minkejja l-applikazzjoni tal-garanzija ta' kontinġenza prudenzjali għall-NPEs stabbilita f'dan ir-Regolament, l-NPEs ta' istituzzjoni speċifika ma jkollhomx kopertura suffiċjenti, huma jistgħu jagħmlu użu mis-setgħat superviżorji previsti fid-Direttiva 2013/36/UE, inkluża s-setgħa elenkata fl-Artikolu 104(1)(d) ta' dik id-Direttiva. Konsegwentement, ikun possibbli għall-awtoritajiet kompetenti li jipproċedu, fuq bażi ta' każ b'każ, lil hinn mir-rekwiżiti taħt dan ir-Regolament bil-għan li jiżguraw kopertura suffiċjenti għall-NPEs.

(6)  Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-garanzija ta' kontinġenza prudenzjali, huwa xieraq li fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi introdott sett ċar ta' kundizzjonijiet għall-klassifikazzjoni tal-NPEs. Peress li r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 diġà jistipula kriterji li jikkonċernaw l-NPEs għall-finijiet tar-rappurtar superviżorju, huwa xieraq li l-klassifikazzjoni tal-NPEs tkun imsejsa fuq dak il-qafas eżistenti. Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 jirreferi għall-iskoperturi inadempjenti bħala definiti għall-finijiet tar-rekwiżiti ta' kalkolu tal-fondi proprji għar-riskju tal-kreditu u skoperturi danneġġati skont il-qafas tal-kontabbiltà applikabbli. Minħabba li l-miżuri ta' tolleranza jistgħu jinfluwenzaw jekk skopertura tiġix ikklassifikata bħala improduttiva, il-kriterji ta' klassifikazzjoni huma kkomplementati bi kriterji ċari dwar l-impatt tal-miżuri ta' tolleranza. Il-miżuri ta' tolleranza jenħtieġ li jkollhom l-għan li min jissellef jerġa' lura għal status sostenibbli ta' ripagament produttiv u jenħtieġ li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-UE dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, iżda jista' jkollhom ġustifikazzjonijiet u konsegwenzi differenti. Għalhekk huwa xieraq li jiġi previst li miżura ta' tolleranza mogħtija lil skopertura improduttiva jenħtieġ li ma twaqqafx il-klassifikazzjoni ta' dik l-iskopertura bħala waħda improduttiva sakemm ma jintlaħqux ċerti kriterji ta' waqfien stretti.

(7)  Aktar ma skopertura tkun ilha improduttiva, aktar tonqos il-probabbiltà tal-irkupru tal-valur tagħha. Għaldaqstant, il-porzjon tal-iskopertura li jenħtieġ li jkun kopert mill-provvedimenti, aġġustamenti oħrajn jew tnaqqis jenħtieġ li jiżdied maż-żmien, skont kalendarju predefinit. L-NPEs mixtrija minn istituzzjoni jenħtieġ li, għalhekk, ikunu soġġetti għal kalendarju li jibda mid-data li fiha l-NPE oriġinarjament tkun ġiet ikklassifikata bħala improduttiva, u mhux mid-data tax-xiri tagħha. Għal dan il-għan, jenħtieġ li l-bejjiegħ jipprovdi lix-xerrej b'informazzjoni dwar id-data tal-klassifikazzjoni tal-iskopertura bħala improduttiva.

(7a)  It-tħassir parzjali jenħtieġ li jitqies meta jiġu kkalkolati l-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu. Għandu jintuża l-valur tal-iskopertura oriġinali qabel it-tħassir parzjali, sabiex jiġi evitat kwalunkwe għadd doppju tat-tħassir. L-inklużjoni ta' tħassir parzjali fil-lista ta' elementi li jistgħu jintużaw biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-garanzija ta' kontinġenza jenħtieġ li tinkoraġġixxi l-istituzzjonijiet biex jirrikonoxxu t-tħassir f'waqtu. Għal NPEs mixtrija minn istituzzjoni bi prezz aktar baxx mill-ammont dovut mid-debitur, ix-xerrej jenħtieġ li jittratta d-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-ammont dovut mid-debitur bl-istess mod bħal tħassir parzjali għall-finijiet tal-garanzija ta' kontinġenza prudenzjali.

(8)  L-NPEs garantiti ġeneralment huma mistennija li jirriżultaw f'anqas telf minn NPEs mhux garantiti, minħabba li l-protezzjoni tal-kreditu li tiggarantixxi l-NPE tagħti lill-istituzzjoni pretensjoni speċifika fuq l-assi jew kontra parti terza flimkien mal-pretensjoni ġenerali tal-istituzzjoni kontra l-persuna inadempjenti li tissellef. Fil-każ ta' NPE mhux garantita, tkun disponibbli biss il-pretensjoni ġenerali kontra l-persuna inadempjenti li tissellef. Minħabba t-telf ogħla mistenni fuq NPEs mhux garantiti, jenħtieġ li jiġi applikat kalendarju aktar strett. ▌

(8a)   Skopertura li tkun biss koperta parzjalment minn protezzjoni ta' kreditu eliġibbli jenħtieġ li tkun ikkunsidrata bħala garantita għall-parti koperta, u bħala mhux garantita għall-parti li ma tkunx koperta minn protezzjoni ta' kreditu eliġibbli. Sabiex jiġi ddeterminat liema partijiet tal-NPEs għandhom jiġu ttrattati bħala garantiti jew mhux garantiti, il-kriterji tal-eliġibbiltà għall-protezzjoni ta' kreditu u l-garanziji sħaħ u kompluti tal-ipoteki użati għall-finijiet tal-kalkolu tar-rekwiżiti kapitali jenħtieġ li jiġu applikati f'konformità mal-approċċ rispettiv inkluż l-aġġustament tal-valur applikabbli.

(9)  Kalendarju uniformi jenħtieġ li jiġi applikat irrispettivament minn jekk l-iskopertura tkunx improduttiva minħabba li d-debitur ikun aktar tard minn 90 jum wara l-għeluq jew tkunx improduttiva minħabba skattaturi oħrajn. Il-garanzija ta' kontinġenza prudenzjali jenħtieġ li tkun applikata fuq livell ta' skopertura skopertura. Barra minn hekk, għal NPEs mhux garantiti, jenħtieġ li japplika kalendarju ta' tliet snin. Sabiex l-istituzzjonijiet u l-Istati Membri jkunu jistgħu jtejbu l-effiċjenza tal-proċedimenti ta' ristrutturar jew ta' infurzar, kif ukoll jirrikonoxxu li l-NPEs garantiti b'kollateral immobbli u self residenzjali garantit minn fornitur tal-protezzjoni eliġibbli kif definit fir-Regolament (UE) Nru 575/2013 ikollhom valur li jifdal għal perjodu itwal ta' żmien wara li s-self isir improduttiv, huwa xieraq li jiġi previst kalendarju ta' disa' snin. Għal NPEs garantiti oħra, jenħtieġ li japplika kalendarju ta' seba' snin sakemm tkun trid tinbena kopertura sħiħa.

(10a)  Jenħtieġ li jkun possibbli li jittieħdu inkunsiderazzjoni miżuri ta' tolleranza sabiex jiġi applikat il-fattur ta' kopertura rilevanti. B'mod aktar preċiż, l-iskopertura jenħtieġ li tkompli tiġi kklassifikata bħala improduttiva iżda r-rekwiżit tal-kopertura jenħtieġ li jibqa' stabbli matul sena addizzjonali waħda. Għalhekk, il-fattur li jkun applikabbli matul is-sena li fiha tkun ingħatat il-miżura ta' tolleranza jenħtieġ li jkun applikabbli għal sentejn, minflok sena waħda. Fejn, mal-iskadenza ta' dik is-sena addizzjonali, l-iskopertura tkun għadha improduttiva, il-fattur applikabbli jenħtieġ li jiġi ddeterminat bħallikieku ma ngħatat l-ebda miżura ta' tolleranza, filwaqt li titqies id-data meta l-iskopertura oriġinarjament tkun ġiet ikklassifikata bħala improduttiva. Minħabba li l-għoti ta' miżuri ta' tolleranza jenħtieġ li ma jwassalx għal xi arbitraġġ, din il-possibbiltà jenħtieġ li tkun permessa biss fir-rigward tal-ewwel miżura ta' tolleranza li ngħatat minn meta l-iskopertura ġiet ikklassifikata bħala improduttiva. Barra minn hekk, il-perjodu ta' sena li matulu l-fattur ta' kopertura jibqa' l-istess jenħtieġ li ma jwassalx għall-estensjoni tal-kalendarju ta' proviżjonament. Konsegwentement, kwalunkwe miżura ta' tolleranza mogħtija fit-tielet sena wara l-klassifikazzjoni bħala NPE għal skoperturi mhux garantiti, jew, fis-seba' sena wara l-klassifikazzjoni bħala NPE għal skoperturi garantiti, jenħtieġ li ma ddewwimx il-kopertura sħiħa tal-NPE.

(11)  Sabiex jiġi żgurat li l-valutazzjoni tal-protezzjoni tal-kreditu tal-NPEs tal-istituzzjonijiet issegwi approċċ prudenti, jenħtieġ li l-EBA tikkunsidra l-bżonn ta' u, jekk ikun hemm bżonn, tiżviluppa metodoloġija komuni partikolarment fir-rigward ta' preżunzjonijiet li jirrigwardaw l-irkuprabbiltà u l-infurzabbiltà, u possibbilment tinkludi rekwiżiti minimi għal valutazzjoni mill-ġdid tal-protezzjoni tal-kreditu f'termini ta' twaqqit.

(12)  Sabiex tiġi ffaċilitata tranżizzjoni bla intoppi lejn din il-garanzija ta' kontinġenza prudenzjali ġdida, ir-regoli l-ġodda jenħtieġ li ma japplikawx b'rabta mal-iskoperturi oriġinati qabel ... [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

(13)  Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 575/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 575/2013

(1)  fl-Artikolu 36(1), jiżdied il-punt (m) li ġej:

"(m) l-ammont applikabbli għal kopertura insuffiċjenti għal skoperturi improduttivi.";

(2)  jiddaħħlu l-Artikoli 47a, 47b u 47c li ġejjin:

"Artikolu 47a

Skoperturi improduttivi

1.  Għall-finijiet tal-Artikolu 36(1)(m), "skopertura" għandha tinkludi kwalunkwe waħda mill-entrati li ġejjin, sakemm dawn ma jkunux inklużi fil-portafoll tan-negozjar tal-istituzzjoni:

(a)  strument ta' dejn, inklużi garanzija ta' dejn, self, avvanz▌ u depożitu ta' domanda▌;

(b)  impenn ta' dejn mogħti, garanzija finanzjarja mogħtija jew kwalunkwe impenn ieħor mogħti, irrispettivament minn jekk ikunx revokabbli jew irrevokabbli, ħlief faċilitajiet ta' kreditu mhux irtirat li jistgħu jiġu kkanċellati mingħajr kundizzjoni fi kwalunkwe ħin u mingħajr avviż, jew li effettivament jipprevedu kanċellazzjoni awtomatika minħabba deterjorament fl-affidabbiltà kreditizja tal-mutwatarju.

2.  Għall-finijiet tal-Artikolu 36(1)(m), il-valur tal-iskoperturi ta' strument ta' dejn għandu jkun il-valur ta' kontabbiltà tiegħu mkejjel mingħajr kunsiderazzjoni għal xi aġġustament speċifiku għar-riskju tal-kreditu, aġġustamenti ta' valur addizzjonali f'konformità mal-Artikoli 34 u 105, ammonti mnaqqsin f'konformità mal-Artikolu 36(1)(m), tnaqqis ieħor minn fondi proprji relatati mal-iskopertura jew tħassir parzjali magħmul mill-istituzzjoni mill-aħħar darba li l-iskopertura kienet ikklassifikata bħala improduttiva.

Il-valur tal-iskopertura ta' strument ta' dejn li nxtara bi prezz aktar baxx mill-ammont dovut mid-debitur għandu jinkludi d-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-ammont dovut mid-debitur.

Għall-finijiet tal-Artikolu 36(1)(m), il-valur tal-iskoperturi ta' impenn ta' self mogħti, garanzija finanzjarja mogħtija jew kwalunkwe impenn ieħor mogħti skont il-punt (b) tal-paragrafu 1 għandu jkun il-valur nominali tagħhom, li għandu jirrappreżenta l-iskoperturi massimi ta' istituzzjoni għar-riskju tal-kreditu mingħajr kunsiderazzjoni ta' kwalunkwe protezzjoni tal-kreditu ffinanzjata jew mhux iffinanzjata. B'mod partikolari,

(a)  il-valur nominali ta' garanziji finali mogħtijin għandu jkun l-ammont massimu li l-entità jista' jkun li jkollha tħallas jekk il-garanzija tiġi eżerċitata;

(b)  il-valur nominali tal-impenji tas-self għandu jkun l-ammont mhux prelevat li l-istituzzjoni ħadet l-impenn li ssellef.

Il-valur nominali msemmi fit-tieni subparagrafu ma għandux iqis xi aġġustament speċifiku għar-riskju tal-kreditu, aġġustament ta' valur addizzjonali f'konformità mal-Artikoli 34 u 105, ammont imnaqqas f'konformità mal-Artikolu 36(1)(m) jew tnaqqis ieħor minn fondi proprji marbutin mal-iskopertura.

3.  Għall-finijiet tal-Artikolu 36(1)(m), l-iskoperturi li ġejjin għandhom jiġu kklassifikati bħala improduttivi:

(a)  skopertura li fir-rigward tagħha huwa meqjus li seħħet inadempjenza skont l-Artikolu 178;

(b)  skopertura meqjusa danneġġata f'konformità mal-qafas ta' kontabbiltà applikabbli;

(c)  skopertura taħt prova skont il-paragrafu 7, fejn jingħataw miżuri ta' tolleranza addizzjonali jew fejn l-iskopertura tiskadi b'aktar minn 30 jum;

(d)  skopertura f'forma ta' impenn li, kieku nġibdet jew intużat b'mod ieħor, aktarx ma titħallasx lura għalkollox mingħajr ir-realizzazzjoni tal-kollateral;

(e)  skopertura f'forma ta' garanzija finanzjarja li aktarx tissejjaħ mill-parti garantita, inkluż fejn l-iskopertura garantita sottostanti tissodisfa l-kriterji sabiex titqies bħala improduttiva.

Għall-fini tal-punt (a), fejn istituzzjoni jkollha skoperturi fuq il-karta bilanċjali lil debitur li jkunu skaduti b'aktar minn 90 jum mill-għeluq u li jirrappreżentaw aktar minn 20 % tal-iskoperturi kollha fuq il-karta bilanċjali lil dak id-debitur, l-iskoperturi kollha kemm ta' fuq il-karta bilanċjali kif ukoll dawk barra l-karta bilanċjali għandhom jitqiesu bħala improduttivi.

4.  L-iskoperturi li ma jkunux ġew soġġetti għal miżura ta' tolleranza ma għandhomx jibqgħu jiġu kklassifikati bħala improduttivi għall-finijiet tal-Artikolu 36(1)(m), fil-każijiet li fihom il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)  l-iskopertura tissodisfa l-kriterji ta' ħruġ applikati mill-istituzzjoni sabiex ma tibqax tiġi kklassifikata bħala danneġġata skont il-qafas ta' kontabbiltà applikabbli u sabiex ma tibqax tiġi kklassifikata bħala inadempjenti skont l-Artikolu 178;

(b)  is-sitwazzjoni tad-debitur tkun tjiebet sal-punt li dik l-istituzzjoni tkun issodisfata li ripagament sħiħ u fil-ħin huwa probabbli li jsir;

(c)  id-debitur ma jkollu l-ebda ammont skadut b'aktar minn 90 jum.

5.  Il-klassifikazzjoni ta' skopertura improduttiva bħala assi mhux kurrenti miżmuma għall-bejgħ skont il-qafas ta' kontabbiltà applikabbli ma għandhiex twaqqaf il-klassifikazzjoni tagħha bħala skopertura improduttiva għall-finijiet tal-Artikolu 36(1)(m).

6.  L-iskoperturi improduttivi li jiġu soġġetti għal miżuri ta' tolleranza ma għandhomx ikompli jiġu kklassifikati bħala improduttivi għall-finijiet tal-Artikolu 36(1)(m), fejn il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a)  l-iskoperturi ma jkunux għadhom f'sitwazzjoni li twassal għall-klassifikazzjoni tagħhom bħala improduttivi skont il-paragrafu 3;

(b)  tkun għaddiet tal-anqas sena bejn il-mument li fih il-miżuri ta' tolleranza jkunu ngħataw u bejn il-mument li fih l-iskoperturi jkunu ġew ikklassifikati bħala improduttivi;

(c)  ma jkunx hemm ammont skadut wara l-miżuri ta' tolleranza u l-istituzzjoni, abbażi tal-analiżi tas-sitwazzjoni finanzjarja tad-debitur, tkun sodisfatta bil-probabbiltà ta' ripagament tal-iskopertura sħiħ u fil-ħin.

Għall-finijiet tal-punt (c), ripagament sħiħ u fil-ħin jista' jitqies probabbli meta d-debitur ikun effettwa pagamenti regolari u fil-ħin ta' ammonti ekwivalenti għal wieħed minn dawn li ġejjin:

(i)  l-ammont li skada qabel ma ngħatat il-miżura ta' tolleranza, fejn kien hemm ammonti skaduti;

(ii)  l-ammont ġie mħassar skont il-miżuri ta' tolleranza, fejn ma kienx hemm ammonti skaduti.

7.  Fejn skopertura improduttiva ma tibqax tiġi kklassifikata bħala improduttiva skont il-paragrafu 6, it-tali skopertura għandha tkun taħt prova dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)  ikunu għaddew tal-anqas sentejn mid-data li fiha l-iskopertura tollerata tkun ġiet ikklassifikata mill-ġdid bħala produttiva;

(b)  ikunu saru pagamenti regolari u fil-ħin matul, tal-anqas, nofs il-perjodu li fih l-iskopertura tkun taħt prova, li jwasslu għall-pagament ta' ammont ta' aggregat sostanzjali ta' kapital jew interess;

(c)  l-ebda waħda mill-iskoperturi għad-debitur ma tkun skadiet b'aktar minn 30 jum.

Artikolu 47b

Miżuri ta' tolleranza

1.  Għall-fini tal-Artikolu 47a, "miżura ta' tolleranza" għandha tinkludi konċessjoni minn istituzzjoni lejn debitur li jkun qed jesperjenza jew x'aktarx li jesperjenza diffikultajiet biex jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu. Konċessjoni tista' tinvolvi telf għas-sellief u għandha tirreferi għal waħda mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)  modifika tat-termini u l-kundizzjonijiet ta' obbligu ta' dejn, fejn modifika bħal din ma tkunx ingħatat li kieku d-debitur ma esperjenzax diffikultajiet biex jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu;

(b)  rifinanzjament totali jew parzjali ta' obbligu ta' dejn, fejn rifinanzjament bħal dan ma kienx jingħata li kieku d-debitur ma esperjenzax diffikultajiet biex jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu.

2.  Għall-fini tal-paragrafu 1, tal-anqas dawn is-sitwazzjonijiet li ġejjin għandhom jitqiesu bħala miżuri ta' tolleranza:

(a)  termini ta' kuntratt ġodda li huma aktar favorevoli għad-debitur mit-termini ta' kuntratt ta' qabel, fejn id-debitur qed jesperjenza jew aktarx li jesperjenza diffikultajiet biex jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu;

(b)  termini ta' kuntratt ġodda li huma aktar favorevoli mit-termini ta' kuntratt offruti mill-istess istituzzjoni lil debituri bi profil ta' riskju simili f'dak iż-żmien, fejn id-debitur qed jesperjenza jew aktarx li jesperjenza diffikultajiet biex jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu;

(c)  l-iskopertura taħt it-termini ta' kuntratt inizjali tkun ġiet ikklassifikata bħala improduttiva qabel il-modifika għat-termini ta' kuntratt jew kieku kienet tiġi kklassifikata bħala improduttiva fin-nuqqas ta' modifika fit-termini ta' kuntratt;

(d)  il-miżura tirriżulta fi tħassir totali jew parzjali tal-obbligu tad-dejn;

(e)  l-istituzzjoni tapprova l-eżerċizzju ta' klawżoli li jippermettu lid-debitur li jimmodifika t-termini ta' kuntratt u l-iskopertura kienet ikklassifikata bħala improduttiva qabel l-eżerċizzju ta' dawk il-klawżoli, jew kieku kienet tiġi kklassifikata bħala improduttiva li kieku dawk il-klawżoli ma ġewx eżerċitati;

(f)  fiż-żmien jew qrib iż-żmien meta ngħata d-dejn, id-debitur ikun għamel pagamenti ta' kapital jew interess fuq obbligu ta' dejn ieħor mal-istess istituzzjoni, li kien ikklassifikat bħala skopertura improduttiva jew seta' ġie kklassifikat bħala improduttiv fin-nuqqas ta' dawk il-pagamenti;

(g)  il-modifika għat-termini tal-kuntratt tinvolvi ripagamenti magħmulin permezz tat-teħid f'pussess tal-kollateral, meta modifika bħal din tikkostitwixxi konċessjoni.

3.  Għall-fini tal-paragrafu 1, iċ-ċirkostanzi li ġejjin huma indikaturi li miżuri ta' tolleranza setgħu ġew adottati:

(a)  il-kuntratt inizjali kien skadut b'aktar minn 30 jum mill-inqas darba matul it-tliet xhur qabel ma jkun ġie mmodifikat jew ikun aktar minn 30 jum skadut mingħajr modifika;

(b)  fiż-żmien jew qrib iż-żmien tal-konklużjoni tal-ftehim dwar il-kreditu, id-debitur ikun għamel pagament ta' kapital jew ta' mgħax fuq obbligazzjoni ta' dejn oħra mal-istess istituzzjoni li kien inqabeż bi 30 jum tal-anqas darba matul it-tliet xhur ta' qabel l-għoti ta' dejn ġdid;

(c)  l-istituzzjoni tapprova l-eżerċizzju ta' klawżoli li jippermettu lid-debitur li jbiddel it-termini tal-kuntratt, u l-iskopertura tkun skaduta bi 30 jum jew kienet tiskadi bi 30 jum li kieku dawk il-klawżoli ma ġewx eżerċitati.

4.  Għall-fini ta' dan l-Artikolu, id-diffikultajiet ta' debitur biex jissodisfa l-impenji finanzjarji tiegħu għandhom jiġu vvalutati fil-livell tad-debitur, b'kunsiderazzjoni tal-entitajiet legali kollha fil-grupp tad-debitur li huma fi ħdan il-perimetru tal-konsolidazzjoni tal-kontabbiltà tal-grupp u persuni fiżiċi li jikkontrollaw il-grupp.

Artikolu 47c

Tnaqqis tal-iskoperturi improduttivi

1.  Għall-fini tal-Artikolu 36(1)(m), l-istituzzjonijiet għandhom jiddeterminaw l-ammont applikabbli ta' kopertura insuffiċjenti b'mod separat għal kull skopertura improduttiva li għandu jitnaqqas minn entrati tal-Grad 1 ta' Ekwità Komuni billi jitnaqqas l-ammont determinat fil-punt (b) mill-ammont determinat fil-punt (a), fejn l-ammont imsemmi fil-punt (a) jaqbeż l-ammont imsemmi fil-punt (b):

(a)  it-total ta':

(i)  il-parti mhux garantita ta' kull skopertura improduttiva, jekk ikun il-każ, immultiplikata bil-fattur applikabbli msemmi fil-paragrafu 2;

(ii)  il-parti garantita ta' kull skopertura improduttiva, jekk ikun il-każ, immultiplikata bil-fattur applikabbli msemmi fil-paragrafu 3;

(b)  it-total tal-entrati li ġejjin sakemm dawn ikunu relatati mal-istess skopertura improduttiva:

(i)  aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu;

(ii)  aġġustamenti tal-valur addizzjonali skont l-Artikoli 34 u 105;

(iii)  tnaqqis ieħor minn fondi proprji;

(iv)  għall-istituzzjonijiet li jikkalkolaw ammonti ta' skoperturi peżati skont ir-riskju bl-użu tal-Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni, il-valur assolut tal-ammonti mnaqqsin skont il-punt (d) tal-Artikolu 36(1) li jirrelataw ma' skoperturi improduttivi, fejn il-valur assolut li jista' jiġi attribwit għal kull skopertura improduttiva jiġi ddeterminat permezz tal-multiplikazzjoni tal-ammonti mnaqqsin skont il-punt (d) tal-Artikolu 36(1) bil-kontribuzzjoni tal-ammont ta' telf mistenni għall-iskopertura improduttiva għall-ammonti totali ta' telf mistenni għal skoperturi inadempjenti u mhux inadempjenti, kif ikun applikabbli;

(iva)  fejn skopertura improduttiva tinxtara bi prezz aktar baxx mill-ammont dovut mid-debitur, id-differenza bejn il-prezz tax-xiri u l-ammont dovut mid-debitur;

(ivb)  ammonti mħassra mill-istituzzjoni minn meta l-iskopertura kienet ikklassifikata bħala improduttiva.

Il-parti garantita ta' skopertura improduttiva hija l-parti ta' tali skopertura li, għall-fini tal-kalkolu tal-rekwiżiti tal-fondi proprji skont it-Titolu II tal-Parti Tlieta, hija meqjusa bħala koperta minn protezzjoni ffinanzjata tal-kreditu jew protezzjoni mhux iffinanzjata tal-kreditu jew garantita bis-sħiħ u kompletament b'ipoteki.

Il-parti mhux garantita ta' skopertura improduttiva tikkorrispondi għad-differenza, jekk ikun hemm, bejn il-valur tal-iskopertura kif stipulat fl-Artikolu 47a(1) u l-parti garantita tal-iskopertura, jekk ikun hemm.

2.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1(a)(i), għandhom japplikaw il-fatturi li ġejjin:

(c)  1 għall-parti mhux garantita ta' skopertura improduttiva li għandu jiġi applikat mill-ewwel jum tar-raba' sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva▌;

3.  Għall-finijiet tal-paragrafu 1(a)(ii), għandhom japplikaw il-fatturi li ġejjin:

(e)  0,20 għall-parti ▌ta' skopertura improduttiva garantita minn proprjetà immobbli skont it-Titolu II tal-Parti Tlieta jew li hu self residenzjali ggarantit minn fornitur tal-produzzjoni eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 201, li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn l-ewwel u l-aħħar jum tar-raba' sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva▌;

(f)  0,23 għall-parti ▌ta' skopertura improduttiva garantita minn proprjetà immobbli jew kollateral eliġibbli ieħor fis-sens ta' dan ir-Regolament li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn l-ewwel u l-aħħar jum tar-raba' sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva▌;

(g)  0,30 għall-parti ▌ta' skopertura improduttiva garantita minn proprjetà immobbli skont it-Titolu II tal-Parti Tlieta jew li hu self residenzjali ggarantit minn fornitur tal-produzzjoni eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 201, li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn l-ewwel u l-aħħar jum tal-ħames sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva▌;

(h)  0,35 għall-parti ▌ta' skopertura improduttiva garantita minn proprjetà immobbli jew kollateral eliġibbli ieħor fis-sens ta' dan ir-Regolament li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn l-ewwel u l-aħħar jum tal-ħames sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva▌;

(i)  0,40 għall-parti ▌ta' skopertura improduttiva garantita minn proprjetà immobbli skont it-Titolu II tal-Parti Tlieta jew li hu self residenzjali ggarantit minn fornitur tal-produzzjoni eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 201, li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn l-ewwel u l-aħħar jum tas-sitt sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva▌;

(j)  0,50 għall-parti ▌ta' skopertura improduttiva garantita minn proprjetà immobbli jew kollateral eliġibbli ieħor fis-sens ta' dan ir-Regolament li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn l-ewwel u l-aħħar jum tas-sitt sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva▌;

(k)  0,55 għall-parti ▌ta' skopertura improduttiva garantita minn proprjetà immobbli skont it-Titolu II tal-Parti Tlieta jew li hu self residenzjali ggarantit minn fornitur tal-produzzjoni eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 201, li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn l-ewwel u l-aħħar jum tas-seba' sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva▌;

(l)  0,80 għall-parti ▌ta' skopertura improduttiva garantita minn proprjetà immobbli jew kollateral eliġibbli ieħor fis-sens ta' dan ir-Regolament li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn l-ewwel u l-aħħar jum tas-seba' sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva▌;

(m)  0,75 għall-parti ▌ta' skopertura improduttiva garantita minn proprjetà immobbli skont it-Titolu II tal-Parti Tlieta jew li hu self residenzjali ggarantit minn fornitur tal-produzzjoni eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 201, li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn l-ewwel u l-aħħar jum tat-tmien sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva▌;

(n)  1 għall-parti ▌ta' skopertura improduttiva garantita minn proprjetà immobbli jew kollateral eliġibbli ieħor fis-sens ta' dan ir-Regolament li għandu jiġi applikat mill-ewwel jum tat-tmien sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva▌;

(o)  0,80 għall-parti ▌ta' skopertura improduttiva garantita minn proprjetà immobbli skont it-Titolu II tal-Parti Tlieta jew li hu self residenzjali ggarantit minn fornitur tal-produzzjoni eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 201, li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn l-ewwel u l-aħħar jum tad-disa' sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva▌;

(p)  1 għall-parti ▌ta' skopertura improduttiva garantita minn proprjetà immobbli skont it-Titolu II tal-Parti Tlieta jew li hu self residenzjali ggarantit minn fornitur tal-produzzjoni eliġibbli kif imsemmi fl-Artikolu 201, li għandu jiġi applikat mill-ewwel jum tal-għaxar sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva▌.

3a.  B'deroga mill-paragrafu 3, il-fatturi li ġejjin għandhom japplikaw għall-parti tal-iskopertura improduttiva garantita jew assigurata minn aġenzija ta' kreditu għall-esportazzjoni uffiċjali:

(a)  0 għall-parti garantita tal-iskopertura improduttiva li għandu jiġi applikat tul il-perjodu bejn sena u seba' snin wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva u

(b)  1 għall-parti garantita tal-iskopertura improduttiva li għandu jiġi applikat mill-ewwel jum tat-tmien sena wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva;

5.  L-EBA għandha tivvaluta l-firxa ta' prattiki applikati għall-valutazzjoni ta' skoperturi improduttivi garantiti u tista' tiżviluppa linji gwida biex tispeċifika metodoloġija komuni, inklużi rekwiżiti possibbli minimi għall-valutazzjoni mill-ġdid f'termini ta' twaqqit u metodi ad hoc, għall-valutazzjoni prudenzjali ta' forom eliġibbli ta' protezzjoni ffinanzjata tal-kreditu u protezzjoni mhux iffinanzjata tal-kreditu, partikolarment fir-rigward ta' preżunzjonijiet relatati mal-irkuprabbiltà u l-inforzabbiltà tagħhom. Dawn il-linji gwida jistgħu jinkludu wkoll metodoloġija komuni għad-determinazzjoni tal-parti garantita ta' skopertura improduttiva, kif imsemmi fil-paragrafu 1.

Dawk il-linji gwida għandhom jinħarġu skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.";

5a.  B'deroga mill-paragrafi 2 u 3, fejn skopertura ngħatat miżura ta' tolleranza fis-sens tal-Artikolu 47b:

(a)  bejn sena u sentejn wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva, il-fattur applikabbli f'konformità mal-paragrafu 2 fil-mument li l-miżura ta' tolleranza tingħata għandu jkun applikabbli għal perjodu addizzjonali ta' sena;

(b)  bejn sentejn u sitt snin wara l-klassifikazzjoni tagħha bħala improduttiva, il-fattur applikabbli f'konformità mal-paragrafu 3 fil-mument li l-miżura ta' tolleranza tingħata għandu jkun applikabbli għal perjodu addizzjonali ta' sena.

Din id-dispożizzjoni tista' tapplika biss fir-rigward tal-ewwel miżura ta' tolleranza mogħtija fir-rigward ta' skopertura improduttiva.

(3)  l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 111(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1. Il-valur ta' skopertura ta' entrata ta' assi għandu jkun il-valur ta' kontabbiltà tagħha li jifdal wara li jkunu ġew applikati aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu f'konformità mal-Artikolu 34 u 105, ammonti mnaqqsin f'konformità mal-Artikolu 36(1)(m) u tnaqqis ieħor minn fondi proprji marbutin mal-entrata ta' assi. Il-valur tal-iskopertura ta' entrata barra mill-karta bilanċjali elenkata fl-Anness I għandu jkun il-persentaġġ li ġej tal-valur nominali tagħha wara t-tnaqqis ta' aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu u ammonti mnaqqsin f'konformità mal-Artikolu 36(1)(m):";

(4)  il-paragrafu 1 tal-Artikolu 127 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"1. Il-parti mhux garantita ta' kwalunkwe element fejn id-debitur ikun sar inadempjenti f'konformità mal-Artikolu 178, jew fil-każ ta' skoperturi fil-livell tal-konsumatur, il-parti mhux garantita ta' kwalunkwe faċilità ta' kreditu li saret inadempjenti f'konformità mal-Artikolu 178 għandha tiġi assenjata piż tar-riskju ta':

(a)  150 %, fejn it-total tal-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu u tal-ammonti mnaqqsin f'konformità mal-Artikolu 36(1)(m) ikun anqas minn 20 % tal-parti mhux garantita tal-valur tal-iskopertura li kieku dawn l-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu u t-tnaqqis ma jiġux applikati;

(b)  100 %, fejn it-total tal-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu u tal-ammonti mnaqqsin f'konformità mal-Artikolu 36(1)(m) ma jkunux anqas minn 20 % tal-parti mhux garantita tal-valur tal-iskopertura li kieku dawn l-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu u t-tnaqqis ma jiġux applikati.";

(5)  L-Artikolu 159 huwa sostitwit b'dan li ġej:

"Artikolu 159

Trattament tal-ammonti ta' telf mistenni

L-istituzzjonijiet għandhom inaqqsu l-ammonti ta' telf mistenni kkalkolati f'konformità mal-Artikolu 158 (5), (6) u (10) mill-aġġustamenti ġenerali u speċifiċi għar-riskju ta' kreditu u aġġustamenti ta' valur addizzjonali f'konformità mal-Artikoli 34 u 110 u tnaqqis ieħor minn fondi proprji marbutin ma' dawn l-iskoperturi minbarra t-tnaqqis li jsir f'konformità mal-Artikolu 36(1)(m). Skontijiet fuq skoperturi li jidhru fuq il-karti bilanċjali mixtrija meta kienu inadempjenti f'konformità mal-Artikolu 166(1) għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu. L-aġġustamenti speċifiċi għar-riskju ta' kreditu fi skoperturi inadempjenti ma għandhomx jintużaw sabiex ikopru l-ammonti tat-telf mistenni fuq skoperturi oħra. L-ammonti ta' telf mistennija għall-iskoperturi titolizzati u l-aġġustamenti ġenerali u speċifiċi għar-riskju ta' kreditu relatati ma' dawn l-iskoperturi ma għandhomx jiġu inklużi f'dan il-kalkolu.";

(6)  il-punt (b) tal-Artikolu 178(1) huwa sostitwit b'dan li ġej:

"(b) id-debitur ikun qabeż il-jum tal-għeluq b'aktar minn 90 jum fuq kwalunkwe obbligazzjoni ta' kreditu materjali lill-istituzzjoni, lill-impriża prinċipali jew lil xi waħda mis-sussidjarji tagħha. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jissostitwixxu d-90 jum b'180 jum għall-iskoperturi ggarantiti mill-proprjetà residenzjali jew minn proprjetà immobbli kummerċjali tal-SMEs fil-klassi tal-iskoperturi fil-livell tal-konsumatur, kif ukoll għall-iskoperturi għal entitajiet tas-settur pubbliku. Il-180 jum ma għandhomx japplikaw għall-finijiet tal-Artikolu 36(1)(m) jew tal-Artikolu 127.";

(7)  jiddaħħal l-Artikolu 469a li ġej:

"Artikolu 469a

Deroga mit-tnaqqis minn entrati ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni għal skoperturi improduttivi

B'deroga mill-Artikolu 36(1)(m), l-istituzzjonijiet ma għandhomx inaqqsu mill-entrati ta' Grad 1 ta' Ekwità Komuni l-ammont applikabbli ta' kopertura insuffiċjenti għal skoperturi improduttivi fejn l-iskopertura tkun seħħet qabel ... [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament].

Fejn it-termini u l-kundizzjonijiet ta' skopertura li seħħet qabel ... [id-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament] jiġu mmodifikati mill-istituzzjoni b'tali mod li jżid l-iskopertura tal-istituzzjoni lid-debitur, l-iskopertura għandha titqies li kienet seħħet fid-data meta tapplika l-modifika u ma għandhiex tibqa' tiġi soġġetta għad-deroga stipulata fl-ewwel subparagrafu.".

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u għandu japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

(1)

Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

(2)

ĠU C 367, 10.10.2018, p. 43.

(3)

* Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.

(4)

  ĠU C […], […], p.[…].

(5)

  ĠU C, , p. .

(6)

  COM(2017) 592 final, 11.10.2017.

(7)

  Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012, ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.

(8)

  Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013, ĠU L 191, 28.6.2014, p. 1.


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Kopertura minima għat-telf għal skoperturi improduttivi

Referenzi

COM(2018)0134 – C8-0117/2018 – 2018/0060(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

13.3.2018

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ECON

16.4.2018

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

16.4.2018

 

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

JURI

27.3.2018

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Esther de Lange

31.5.2018

Roberto Gualtieri

31.5.2018

 

 

Eżami fil-kumitat

3.9.2018

20.11.2018

 

 

Data tal-adozzjoni

6.12.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

14

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Hugues Bayet, Pervenche Berès, Esther de Lange, Markus Ferber, Jonás Fernández, Giuseppe Ferrandino, Sven Giegold, Roberto Gualtieri, Gunnar Hökmark, Wolf Klinz, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Fulvio Martusciello, Marisa Matias, Gabriel Mato, Bernard Monot, Caroline Nagtegaal, Stanisław Ożóg, Anne Sander, Alfred Sant, Martin Schirdewan, Molly Scott Cato, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Paul Tang, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Miguel Viegas, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Simona Bonafè, Enrique Calvet Chambon, Herbert Dorfmann, Ashley Fox, Danuta Jazłowiecka, Thomas Mann, Luigi Morgano, Siegfried Mureşan, Lieve Wierinck

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Heubuch, Agnes Jongerius, Jude Kirton-Darling, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jeroen Lenaers, Rupert Matthews, Siôn Simon, Adam Szejnfeld, Thomas Waitz

Data tat-tressiq

7.12.2018


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

32

+

ALDE

Enrique Calvet Chambon, Wolf Klinz, Caroline Nagtegaal, Lieve Wierinck

PPE

Herbert Dorfmann, Markus Ferber, Gunnar Hökmark, Danuta Jazłowiecka, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Esther de Lange, Jeroen Lenaers, Thomas Mann, Fulvio Martusciello, Gabriel Mato, Siegfried Mureşan, Anne Sander, Adam Szejnfeld, Tom Vandenkendelaere

S&D

Hugues Bayet, Pervenche Berès, Simona Bonafè, Giuseppe Ferrandino, Roberto Gualtieri, Agnes Jongerius, Jude Kirton-Darling, Olle Ludvigsson, Luigi Morgano, Alfred Sant, Pedro Silva Pereira, Peter Simon, Siôn Simon, Paul Tang

14

-

ECR

Ashley Fox, Bernd Lucke, Rupert Matthews, Stanisław Ożóg

EFDD

Bernard Monot, Marco Valli

ENF

Marco Zanni

GUE/NGL

Marisa Matias, Martin Schirdewan, Miguel Viegas

VERTS/ALE

Sven Giegold, Maria Heubuch, Molly Scott Cato, Thomas Waitz

1

0

S&D

Jonás Fernández

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Jannar 2019Avviż legali