Proċedura : 2018/2010(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0446/2018

Testi mressqa :

A8-0446/2018

Dibattiti :

PV 15/01/2019 - 17
CRE 15/01/2019 - 17

Votazzjonijiet :

PV 16/01/2019 - 21.8

Testi adottati :

P8_TA(2019)0031

RAPPORT     
PDF 688kWORD 60k
7.12.2018
PE 627.561v02-00 A8-0446/2018

dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù

(2018/2010(INI))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Rapporteur: Santiago Fisas Ayxelà

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kolombja u l-Perù

(2018/2010(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Kolombja u l-Perù, min-naħa l-oħra(1),

–  wara li kkunsidra l-pjan direzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-gvernijiet tal-Kolombja u tal-Perù fl-2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar il-ftehim kummerċjali tal-UE mal-Kolombja u l-Perù(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-adeżjoni tal-Ekwador għall-Ftehim Kummerċjali konkluż bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-Kolombja u l-Perù(3),

  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa(4),

–  wara li kkunsidra l-istatistika u d-data dwar il-kummerċ ipprovduti, fost l-oħrajn, mill-Eurostat(5), mill-Indiċi Globali tad-Drittijiet tal-ITUC tal-2018(6), u mir-rapporti tal-Iskola Nazzjonali tat-Trade Unions (ENS) tal-Kolombja(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0446/2018),

A.  billi l-Ftehim Kummerċjali tal-UE mal-Kolombja u mal-Perù (il-Ftehim) huwa relazzjoni bbażata fuq ir-regoli, imsejjes fuq valuri komuni u standards internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, l-ambjent u l-iżvilupp sostenibbli, b'potenzjal ta' impatt pożittiv qawwi fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-partijiet tal-Ftehim, fuq l-integrazzjoni ekonomija, fuq l-iżvilupp sostenibbli, fuq id-drittijiet tal-bniedem, fuq il-kooperazzjoni ulterjuri dwar il-kwistjonijiet reġjonali u globali, u fuq it-tqarrib lejn xulxin tal-pajjiżi u taċ-ċittadini tagħhom;

B.  billi l-Perù huwa waħda mill-aktar ekonomiji miftuħa u li qed tikber malajr fir-reġjun, fejn il-kummerċ jirrappreżenta 44 % tal-PDG; billi l-Kolombja hija t-tielet l-akbar ekonomija fl-Amerka Latina, li t-tkabbir ekonomiku tagħha huwa mistenni li jiżdied matul l-2019-2020;

C.  billi l-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali, inklużi l-impatti soċjali u ambjentali tagħhom, hija pilastru ewlieni tal-attività ta' sorveljanza tal-Parlament Ewropew;

D.  billi l-Ftehim għandu jiġi vvalutat fl-isfond tal-kriżi ekonomika u umanitarja serja fil-Venezwela li qed tikkawża migrazzjoni fuq skala kbira lejn il-Kolombja u l-Perù; billi ż-żewġ pajjiżi laqgħu għadd kbir ta' migranti Venezwelani;

1.  Jisħaq li l-valuri strateġiċi tal-Ftehim imorru lil hinn mill-isfera tal-kummerċ peress li jipprovdi bażi soda għal relazzjoni aktar fil-fond, b'impenn fit-tul għad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet soċjali, id-drittijiet tal-popli indiġeni u l-bdiewa foqra, u għall-ambjent, u jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta' sħubija strateġika bejn l-UE u l-Amerka Latina;

2.  Ifakkar l-importanza li tissaħħaħ il-kooperazzjoni sabiex tiġi ppreservata u rinforzata s-sistema kummerċjali multilaterali, bħala pilastru essenzjali biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), li jiżgura governanza ekonomika bbażata fuq ir-regoli, u kummerċ aktar ġust, aktar inklużiv u aktar sostenibbli; ifakkar, b'mod partikolari, l-appoġġ tiegħu għad-WTO, filwaqt li jenfasizza r-rwol tagħha biex toħloq stabbiltà ekonomika u tappoġġja t-tkabbir u l-iżvilupp, u jistieden lill-partijiet jużaw id-djalogu mrawwem mill-Ftehim sabiex jidentifikaw u jiżviluppaw strateġiji konġunti għall-modernizzazzjoni meħtieġa tad-WTO;

3.  Jissottolinja l-opportunità li joffri l-Ftehim biex mhux biss isaħħaħ il-kooperazzjoni u l-kummerċ interreġjonali, iżda anki dawk intrareġjonali bejn il-Kolombja, il-Perù u l-Ekwador;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-integrazzjoni tal-Ekwador fil-Ftehim, bħala element addizzjonali biex jgħin isaħħaħ l-integrazzjoni reġjonali, u jenfasizza r-rwol kostruttiv li jiżvolġu l-partijiet kollha biex dan il-proċess jirnexxi; ifakkar li l-Ftehim għadu miftuħ għal adeżjonijiet oħrajn;

5.  Jappoġġja bil-qawwi l-ftehim Kolombjan dwar il-paċi u jfakkar il-benefiċċji potenzjali u l-ħtieġa li l-Ftehim jintuża bl-aħjar mod sabiex jgħin fl-implimentazzjoni tal-ftehim dwar il-paċi, inkluż proċess integrat ta' riforma u rikonċiljazzjoni tal-art fil-Kolombja; jikkunsidra li l-Ftehim jipprovdi opportunitajiet sinifikanti għat-tkabbir u għall-impjieg, inkluż billi jindirizza sfidi speċifiċi bħad-diversifikazzjoni tal-ekonomija, l-iżvilupp produttiv u l-implimentazzjoni tal-ippjanar dwar l-użu tal-art, b'mod partikolari fl-aktar reġjuni foqra li jiġu affettwati bil-qawwi mill-konflitt intern fit-tul; jinsisti fuq it-trawwim tal-ftehim dwar il-paċi fil-Kolombja billi jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tal-ftehim u jemmen li f'qasir żmien se jagħti d-dividend ta' paċi tiegħu fil-forma ta' żvilupp ekonomiku u soċjali f'konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli; ifakkar li appoġġ kontinwu u strutturat għas-soċjetà ċivili u djalogu magħha huma kruċjali wkoll sabiex tinbena l-paċi mill-aktar livell baxx, b'mod partikolari fiż-żoni rurali;

6.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Ftehim jiftaħ is-swieq, fost l-oħrajn, għall-prodotti, għas-servizzi, għall-akkwist pubbliku u għall-investimenti, li meta jitfasslu fuq il-prinċipji tal-iżvilupp sostenibbli jistgħu joħolqu opportunitajiet għall-impjieg formali u ta' kwalità, u għal kundizzjonijiet tax-xogħol u standards tal-għajxien aħjar billi jilliberalizzaw u jespandu l-kummerċ u l-investiment;

7.  Jieħu nota li l-kummerċ bejn l-UE, il-Kolombja u l-Perù naqas minn mindu l-Ftehim daħal fis-seħħ; madankollu, huwa tal-opinjoni li l-Ftehim parzjalment patta għall-andament negattiv f'termini ta' flussi kummerċjali internazzjonali, peress li naqqas il-prezzijiet tal-prodotti bażiċi u baxxa t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku fl-Amerka Latina, u mingħajr dubju kellu effett stabbilizzanti;

8.  Jilqa' favorevolment il-fatt li l-istokks ta' investiment tal-UE żdiedu fil-Kolombja u fil-Perù, u jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-UE hija l-akbar investitur barrani fiż-żewġ pajjiżi;

9.  Jilqa' l-fatt li l-Ftehim jgħin, fost l-oħrajn, lill-kumpaniji tas-settur tas-servizz billi jippromwovi prattiki regolatorji tajbin, itejjeb ir-regolamentazzjoni u t-trasparenza domestika, u jsaħħaħ iċ-ċertezza tad-dritt, u li jista' jservi bħala inkubatur biex tiġi promossa l-intraprenditorija diġitali fir-reġjun, li tikkontribwixxi biex jitnaqqas il-faqar u jinħolqu l-impjiegi;

10.  Jappoġġja l-ħolqien ta' grupp ta' ħidma speċifiku, kif imsemmi fl-Artikolu 109 tal-Ftehim, biex jiddiskuti l-kwistjonijiet regolatorji li jikkonċernaw il-kummerċ fis-servizzi u fil-kummerċ elettroniku, sabiex tiġi żgurata l-promozzjoni ta' ambjent kompetittiv ibbilanċjat u ġust fl-ekosistema diġitali;

11.  Jirrimarka li l-Ftehim ikkontribwixxa għall-modernizzazzjoni u għad-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet mill-Kolombja u mill-Perù u ħalla effetti pożittivi fuq l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) Kolombjani u Peruvjani; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Ftehim għandu l-potenzjal li jagħmel kontribut akbar għall-iżvilupp taż-żoni tan-negozji ġodda Kolombjani u Peruvjani, b'mod partikolari fir-rigward tal-komunitajiet intraprenditorjali tar-reġjun f'ċentri urbani bħal Bogotá, Medellín u Lima; jenfasizza, madankollu, li jeħtieġ li jsir sforz akbar f'termini tad-diversifikazzjoni tal-esportazzjonijiet lil hinn mill-prodotti minerali, taż-żejt u agrikoli tradizzjonali, li jammontaw għal madwar 70 % tal-esportazzjonijiet skont il-volum, u lejn l-esportazzjoni ta' oġġetti u prodotti pproċessati b'aktar valur miżjud, biex jiġu appoġġjati l-iżvilupp ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, b'rispett sħiħ għall-istandards ambjentali u għad-drittijiet tal-bniedem;

12.  Jenfasizza li mid-dħul fis-seħħ provviżorju tal-Ftehim, 1 155 kumpanija Kolombjana – li minnhom 328 kienu SMEs – u 2 328 kumpanija Peruvjana ġdida– li 90 % minnhom kienu SMEs – bdew jesportaw lejn l-UE; jistieden lill-partijiet ikomplu jappoġġjaw il-proċess tal-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs u l-aċċess għas-suq reċiproku tagħhom u li tingħata data regolari u preċiża dwar is-setturi tal-attività u l-grad ta' konsolidazzjoni tal-attivitajiet tal-SMEs f'dan ir-rigward;

13.  Iħeġġeġ liż-żewġ naħat jagħtu spinta lir-rata ta' implimentazzjoni u sensibilizzazzjoni tal-Ftehim; huwa tal-fehma li ħafna SMEs fl-UE, fil-Kolombja u fil-Perù mhumiex konxji dwar l-opportunitajiet li l-Ftehim joffri; jistieden, għalhekk, lill-partijiet jistudjaw ir-rata ta' utilizzazzjoni ta' preferenza tal-SMEs b'mod partikolari, u jieħdu passi effettivi sabiex jikkomunikaw aħjar l-opportunitajiet u l-benefiċċji offruti mill-Ftehim, inkluż permezz tal-istabbiliment ta' punti ta' kuntatt u l-istabbiliment ta' sit web speċjalizzat għall-SMEs;

14.  Jilqa' l-fatt li l-esportazzjonijiet ta' prodotti agrikoli mill-UE lejn iż-żewġ pajjiżi żdiedu konsiderevolment mill-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim, iżda jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja s-sitwazzjoni mill-qrib u tinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-effetti tal-Ftehim dwar il-produzzjoni tal-ikel għas-suq lokali; ifakkar l-importanza li l-kummerċ isir aktar inklużiv u li tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni xierqa tal-bdiewa ż-żgħar fil-ktajjen tal-valur kemm fil-Kolombja kif ukoll fil-Perù, u issa fl-Ekwador ukoll;

15.  Ifakkar li ġew stabbiliti klawżoli ta' salvagwardja għas-setturi agrikoli sensittivi u li, f'dan ir-rigward, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel informazzjoni aktar dettaljata u regolari dwar l-iżviluppi fis-suq disponibbli, kemm għall-Parlament Ewropew kif ukoll għas-setturi industrijali kkonċernati;

16.  Jirrikonoxxi li sar progress mill-partijiet biex jitneħħew l-ostakli kummerċjali u tiġi implimentata l-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim, speċjalment fir-rigward tal-affarijiet sanitarji u fitosanitarji (SPS), ir-regoli tal-oriġini (RoO) u l-ostakli tekniċi għall-kummerċ (TBTs); ifakkar, madankollu, li l-każijiet tal-anti-dumping jenħtieġ li ma jiksrux ir-regoli tal-Ftehim dwar l-Anti-Dumping tad-WTO;

17.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li hemm bżonn isir aktar progress, fost l-oħrajn, f'dawn il-kwistjonijiet li ġejjin:

a) rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni għall-prodotti tal-laħam u tal-ħalib;

b) falsifikazzjoni, piraterija, użurpazzjoni tad-denominazzjonijiet tal-indikazzjoni ġeografika (IĠ) tal-UE u reġistrazzjoni tal-IĠ pendenti,

c) taxxi diskriminatorji applikati fuq l-ispirti impurtati;

d) implimentazzjoni effettiva tal-impenji dwar il-kwistjonijiet soċjali u ambjentali,

e) nuqqas ta' trasparenza fil-proċeduri amministrattivi;

18.  Jikkunsidra li l-partijiet jenħtieġ li jużaw il-klawżola ta' reviżjoni tal-Ftehim biex jinkludu, fost l-oħrajn: 

a) kapitolu komprensiv dwar il-mikrointrapriżi u l-SMEs li jipprovdu progress sostanzjali f'termini tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ, l-eliminazzjoni tal-ostakli għall-kummerċ u l-piżijiet amministrattivi mhux neċessarji;

b) kapitolu ddedikat dwar il-ġeneru, f'konformità mal-obbligu tal-UE kif inkorporat fl-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), biex jippromwovi l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi; jilqa' pożittivament, f'dan ir-rigward, il-fatt li l-UE, il-Perù u l-Kolombja ffirimaw id-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kummerċ u t-Tisħiħ Ekonomiku tan-Nisa;

c) kapitolu dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa;

d) kapitolu dwar mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim xieraq għall-kummerċ u għall-iżvilupp sostenibbli (TSD) li fost diversi metodi ta' infurzar, jinkludi l-possibbiltà li jitqiesu sanzjonijiet bħala miżura ta' koerċizzjoni li għandha tintuża, bħala l-aħħar soluzzjoni, fil-każ ta' ksur serju u persistenti, u b'attenzjoni xierqa għas-sħab soċjali u għas-soċjetà ċivili organizzata u rappreżentattiva;

e) dispożizzjonijiet iddedikati relatati mal-kummerċ għall-involviment fi strumenti internazzjonali sabiex tiġi promossa l-implimentazzjoni tal-ftehimiet ambjentali multilaterali, b'mod partikolari l-Ftehim ta' Pariġi dwar il-Klima;

19.  Jinsisti li l-korruzzjoni tikkostitwixxi wieħed mill-akbar ostakli mhux kummerċjali li jxekkel l-ambjent tan-negozju u li jżid id-diffikultajiet operazzjonali li jaffaċċjaw in-negozji; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-Ftehim sabiex timmonitorja r-riformi domestiċi fil-pajjiżi sħab fir-rigward tal-istat tad-dritt u l-governanza tajba u sabiex tfassal miżuri effettivi kontra l-korruzzjoni;

20.  Josserva l-atteġġjament pożittiv min-naħa tal-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi fir-rigward tal-kooperazzjoni biex jinstabu malajr soluzzjonijiet għall-ostakli kummerċjali mhux solvuti li għad fadal;

21.  Josserva li ż-żewġ pajjiżi kienu mħassba speċifikament dwar il-kapaċità tagħhom li jilħqu ċerti standards ta' sikurezza alimentari għas-suq tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-proposti leġiżlattivi reċenti tal-UE relatati mal-livelli tal-kadmju fil-kawkaw, l-interferenti endokrinali, l-ikel ġdid u ż-żejt tal-palm, li jirriskjaw li jkollhom impatt soċjali f'xi nħawi l-aktar vulnerabbli tal-pajjiżi, fejn il-produzzjoni tal-prodotti affettwati għandha tendenza li tkun ikkonċentrata; jistieden lill-partijiet isaħħu u jużaw bl-aħjar mod il-kooperazzjoni finanzjarja u teknika u jtejbu l-mekkaniżmi ta' twissija bikrija, tat-trasparenza u tal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni u l-proċeduri interni sabiex ikunu jistgħu jantiċipaw u jadattaw għax-xejriet li qed jinbidlu u jikkonformaw mar-rekwiżiti legali; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra miżuri ta' akkumpanjament u ta' sostenn sabiex tgħin lill-produtturi lokali jissodisfaw ir-rekwiżiti tas-saħħa tal-UE, f'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni;

22.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu implimentati, b'mod effettiv u permezz ta' pjanijiet ta' azzjoni konkreti, id-dispożizzjonijiet speċifiċi relatati mal-pjan direzzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, ambjentali u tax-xogħol, kif mitlub fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar il-ftehim kummerċjali tal-UE mal-Kolombja u l-Perù; ifakkar, b'mod partikolari, l-impenn li sar mill-partijiet biex jissaħħu l-istandards dwar il-libertà tal-assoċjazzjoni, id-dritt għal negozjar kollettiv, spezzjonijiet tax-xogħol stretti u effettivi, il-vjolenza kontra l-mexxejja soċjali u etniċi u l-protezzjoni tal-ambjent permezz tal-mekkaniżmi xierqa ta' prevenzjoni, kontroll u infurzar; jilqa', f'dan il-kuntest, l-isforzi li saru mill-Kolombja biex tiġġieled kontra l-impunità f'każijiet ta' reati kriminali inkluż permezz ta' investigazzjonijiet aħjar, iżda jinsisti li għandhom isiru sforzi oħrajn biex tittieħed azzjoni aktar effettiva bl-għan li tinqered il-vjolenza kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivisti ambjentali, l-unjonisti kummerċjali, il-mexxejja etniċi u tal-komunità, u jintemmu r-reati serji persistenti kontra n-nisa;

23.  Jirrikonoxxi li ftehim konkluż fl-2017 bejn il-Gvern Kolombjan u t-trade unions tas-settur privat ġab miegħu titjib għal aktar minn miljun ħaddiem; jissottolinja l-livell partikolarment baxx ta' sħubija fi trade union u ż-żieda fl-użu ta' skemi tas-salarji u tal-benefiċċji ddeterminati b'mod unilaterali ("pactos colectivos") fuq il-ftehimiet ta' negozjar kollettiv;

24.  Jilqa' l-fatt li, skont il-Kumitat Konsultattiv tat-Trade Unions tal-OECD, kien hemm żieda fin-numru ta' spetturi fil-Kolombja; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdiedu r-riżorsi sabiex jiġu ggarantiti spezzjonijiet tax-xogħol effettivi; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jappoġġjaw lill-Kolombja fl-isforzi tagħha biex issaħħaħ l-ispezzjonijiet tax-xogħol, li jidher ċar li huma sfida enormi għall-Gvern Kolombjan minħabba li l-istat kien tilef kontroll ta' xi partijiet tal-pajjiż matul il-konflitt armat twil, iżda li madankollu jeħtieġ li jsiru, u jistenna li jitwettqu kontrolli addizzjonali u effettivi, speċjalment fiż-żoni rurali; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dettaljata fir-rigward tal-għadd ta' spetturi u spezzjonijiet kif ukoll l-irregolaritajiet li jinstabu; ifakkar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat Konsultattiv dwar it-Trade Unions tal-OECD li l-għadd ta' spetturi tax-xogħol għadu jrid jiżdied biex jiġu ssodisfati l-istandards internazzjonali;

25.  Jilqa' l-isforzi u l-impenji li saru mill-Perù biex issaħħaħ l-implimentazzjoni tal-impenji tiegħu taħt il-kapitolu tal-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli tal-Ftehim, iżda jinsisti li jridu jsiru sforzi oħra sabiex tiġi indirizzata l-vjolenza kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-mexxejja soċjali u etniċi tal-komunitajiet u, b'mod partikolari, kontra n-nisa; jilqa' l-aħħar miżuri li ttieħdu fil-Perù sabiex jitjiebu l-ispezzjonijiet tax-xogħol u jħeġġeġ lill-pajjiż jibqa' jqawwi l-isforzi tiegħu f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-ILO; jilqa' wkoll il-fatt li l-Perù kellu l-Presidenza tal-Kunsill Amministrattiv tal-ILO fl-2018, li jkompli jsaħħaħ l-impenn tal-Perù li jmexxi bl-eżempju fejn jidħol ir-rispett tal-liġijiet tax-xogħol; jenfasizza bl-istess mod li fis-6 ta' Awwissu 2018, il-Perù rratifika ftehim qafas mal-ILO dwar il-promozzjoni ta' xogħol diċenti għall-perjodu 2018-2021; jenfasizza, madankollu, in-nuqqas ta' implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjonijiet 87 u 98 tal-ILO, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-bidliet leġiżlattivi riċenti li jistgħu jwasslu biex jiddgħajjef il-ħarsien tal-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni tinforma b'mod xieraq lill-Parlament dwar kif hija se tipproċessa b'mod indipendenti l-ilment uffiċjali mressaq mis-soċjetà ċivili organizzata Peruvjana kontra l-Gvern Peruvjan fir-rigward tal-konformità mal-istandards tax-xogħol u ambjentali;

26.  Huwa tal-fehma li d-djalogu bejn ir-rappreżentanti tas-soċjetajiet ċivili tal-UE, tal-Kolombja u tal-Perù dwar id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim marbuta mal-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli huwa mezz utli biex ikunu identifikati l-problemi pendenti u biex il-gvernijiet jiġu inkoraġġiti jagħmlu aktar progress bil-għan li jirrispettaw l-istandards internazzjonali fil-qasam soċjali, tax-xogħol u ambjentali;

27.  Jisħaq, għalhekk, li mekkaniżmi ta' konsultazzjoni trasparenti u inklużivi huma strumenti ewlenin biex jiġi żgurat li l-partijiet kollha josservaw l-istandards rikonoxxuti tax-xogħol u tal-ħarsien tal-ambjent;

28.  Ifakkar li l-kapitolu dwar it-TSD tal-Ftehim jipprevedi li kull parti għandha tistabbilixxi Gruppi Konsultattivi Domestiċi jew kumitat rilevanti għall-kwistjonijiet relatati max-xogħol, mal-ambjent u mal-iżvilupp sostenibbli, inklużi organizzazzjonijiet indipendenti u rappreżentattivi tas-soċjetà ċivili, b'rappreżentazzjoni bbilanċjata tal-partijiet ikkonċernati ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jilqa' l-ħolqien ta' grupp konsultattiv indipendenti mill-Gvern fil-Kolombja; jikkunsidra li l-Perù jenħtieġ li jsegwi l-eżempju tal-Kolombja sabiex jiżgura aktar indipendenza u trasparenza; jilqa' d-deċiżjoni mir-rappreżentanti tal-UE u tal-Gruppi Konsultattivi Domestiċi Andini li jorganizzaw laqgħat konġunti annwali, li se jippermettu skambju aħjar tal-informazzjoni u tal-aħjar prattiki u t-tħejjija ta' rakkomandazzjonijiet konġunti li għandhom jiġu ppreżentati lill-partijiet;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-isforzi tagħha biex timplimenta bis-sħiħ il-pjan maqsum fi 15-il punt biex il-kapitoli vinkolanti dwar it-TSD isiru aktar effettivi u jfakkar il-ħtieġa li tkompli d-djalogu tagħha mal-atturi differenti involuti, inkluż il-Parlament, sabiex jiġi żgurat l-infurzar effettiv tad-drittijiet tal-bniedem u tal-impenji dwar ix-xogħol u l-ħarsien tal-ambjent;

30.  Ifakkar li l-modifiki leġiżlattivi li jafu jwasslu għal livell ta' ħarsien tal-ambjent aktar baxx bil-għan li jkun promoss l-investiment dirett barrani mhumiex konformi mal-Ftehim;

31.  Jinnota bi tħassib is-sehem sinifikanti tal-ħaddiema kollha impjegati fl-ekonomija informali kemm fil-Perù kif ukoll fil-Kolombja, speċjalment in-nisa; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki effettivi bil-għan li jonqos dan is-sehem u jikkunsidra li l-Ftehim jista' jgħin f'dan ir-rigward, billi jgħin joħloq impjiegi aktar formali billi, pereżempju, isaħħaħ il-miżuri biex jiġu ffaċilitati l-attivitajiet ekonomiċi tal-SMEs;

32.  Ifakkar li l-livelli limitu stabbiliti taħt il-Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għall-Banana, annessi mal-Ftehim u applikabbli sal-2020, jenħtieġ li jiġu rispettati, u jissottolinja l-ħtieġa li jkomplu jiġu mmonitorjati l-importazzjonijiet tal-banana ladarba jiskadi l-mekkaniżmu u li l-partijiet jenħtieġ li jkomplu jipprovdu statistika f'dan ir-rigward; huwa mħasseb li l-Perù qabeż il-livell limitu taħt il-Mekkaniżmu ta' Stabbilizzazzjoni għall-Banana tal-Ftehim u jitlob li ssir analiżi tal-effett li dan iħalli fuq is-swieq fl-UE; ifakkar li l-Kummissjoni għandha l-impenn li tivvaluta s-sitwazzjoni tal-produtturi tal-banana tal-UE sal-1 ta' Jannar 2019 u li jekk issib li seħħ deterjorament serju fl-istat tas-suq jew fis-sitwazzjoni tal-produtturi tal-banana tal-UE, tista' titqies estensjoni tal-perjodu ta' validità tal-mekkaniżmu bil-kunsens tal-partijiet tal-Ftehim;

33.  Jilqa' l-adeżjoni tal-Kolombja mal-OECD fit-30 ta' Mejju 2018, li titqies bħala rikonoxximent tar-riformi importanti li għamel il-pajjiż, bħar-riforma tas-sistema ġudizzjarja, it-titjib tal-governanza tiegħu fir-rigward tal-impriżi ta' proprjetà tal-Istat u l-konformità mal-Konvenzjoni tal-OECD kontra t-Tixħim; ifakkar li, kif ġie deċiż mill-Kunsill tal-OECD, wara l-adeżjoni tagħha, il-Kolombja jeħtiġilha tipprovdi rapporti ta' progress lill-korpi tal-OECD, bħal valutazzjoni ta' segwitu tar-rakkomandazzjonijiet elenkati fl-Opinjoni Formali tal-Kumitat għall-Kummerċ; jinkoraġġixxi lill-Perù jkompli bir-riformi tiegħu fil-qafas tal-Ftehim "Programm Pajjiż" mal-OECD;

34.  Jisħaq fuq l-importanza li l-kooperazzjoni internazzjonali tissaħħaħ aktar fil-qafas internazzjonali, fil-livelli multilaterali, plurilaterali u reġjonali, fil-kuntest tad-WTO, bħal fir-rigward tan-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali (EGA) u tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA);

35.  Jirrikonoxxi l-ħidma importanti li saret mill-parlamenti nazzjonali fil-proċess ta' ratifika tagħhom tal-Ftehim u jistedinhom ikomplu jsegwuh; jistieden ukoll lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jibdew il-proċess ta' eżaminazzjoni tar-ratifika tal-adeżjoni tal-Ekwador għall-Ftehim;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lis-SEAE, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Kolombja u tal-Perù, kif ukoll lis-Segretarju Ġenerali tal-OECD.

(1)

http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2011/march/tradoc_147704.pdf

(2)

ĠU C 332E, 15.11.2013, p. 52.

(3)

ĠU C 366, 27.10.2017, p. 144.

(4)

ĠU C 369, 11.10.2018, p. 132.

(5)

http://ec.europa.eu/trade/policy/countries-and-regions/statistics/

(6)

"2018 ITUC Global Rights Index – the world’s worst countries for workers" (Indiċi Globali tad-Drittijiet tal-ITUC tal-2018 – l-agħar pajjiżi tad-dinja għall-ħaddiema), International Trade Union Confederation, 2018, https://www.ituc-csi.org/ituc-global-rights-index-2018

(7)

http://www.ens.org.co/lee-y-aprende/lee-y-descarga-nuestras-publicaciones/informes-sislab/


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

3.12.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

4

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

David Borrelli, David Campbell Bannerman, Santiago Fisas Ayxelà, Eleonora Forenza, Karoline Graswander-Hainz, Christophe Hansen, Heidi Hautala, Nadja Hirsch, France Jamet, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Anne-Marie Mineur, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Joachim Schuster, Adam Szejnfeld, Iuliu Winkler

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Reimer Böge, Klaus Buchner, Sajjad Karim, Gabriel Mato, Ralph Packet, Frédérique Ries, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Birgit Collin-Langen, Jonás Fernández, Alojz Peterle, Kosma Złotowski


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

22

+

ALDE

Nadja Hirsch, Frédérique Ries

ECR

Ralph Packet

NI

David Borrelli

PPE

Reimer Böge, Birgit Collin-Langen, Santiago Fisas Ayxelà, Christophe Hansen, Gabriel Mato, Alojz Peterle, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Tokia Saïfi, Adam Szejnfeld, Jarosław Wałęsa, Iuliu Winkler

S&D

Jonás Fernández, Karoline Graswander-Hainz, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Joachim Schuster

4

-

ENF

France Jamet

GUE/NGL

Eleonora Forenza, Emmanuel Maurel, Anne-Marie Mineur

5

0

ECR

David Campbell Bannerman, Sajjad Karim, Kosma Złotowski

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Heidi Hautala

It-tifsira tas-simboli:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Jannar 2019Avviż legali