Proċedura : 2018/2118(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0450/2018

Testi mressqa :

A8-0450/2018

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2019 - 8.4

Testi adottati :

P8_TA(2019)0004

RAPPORT     
PDF 631kWORD 58k
10.12.2018
PE 625.454v02-00 A8-0450/2018

dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-ftehim komprensiv bejn l-UE u r-Repubblika Kirgiża

(2018/2118(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Cristian Dan Preda

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-ftehim komprensiv bejn l-UE u r-Repubblika Kirgiża

(2018/2118(INI))

Il-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/… tad-9 ta' Ottubru 2017 li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jiftħu negozjati dwar, u jinnegozjaw, f'isem l-Unjoni Ewropea, id-dispożizzjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni ta' Ftehim Komprensiv bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Kirgiża, min-naħa l-oħra (11436/1/17 REV 1),

  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea tiftaħ negozjati dwar, u tinnegozja, f'isem l-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet li jaqgħu fil-kompetenzi tal-Istati Membri ta' Ftehim Komprensiv bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Kirgiża, min-naħa l-oħra (11438/1/17 REV 1),

  wara li kkunsidra l-bażijiet legali proposti għall-ftehim komprensiv il-ġdid li huma l-Artikolu 37 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u l-Artikoli 91, 100(2), 207 u 209 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) eżistenti bejn l-UE u r-Repubblika Kirgiża li daħal fis-seħħ fl-1999,

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali(1), u tat-13 ta' April 2016 dwar implimentazzjoni u rieżami tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali(2),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Kirgiżistan, inklużi dawk tal-15 ta' Jannar 2015(3), tat-8 ta' Lulju 2010(4) u tas-6 ta' Mejju 2010(5),

  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-VP/RGħ dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fir-Repubblika Kirgiża tas-16 ta' Ottubru 2017,

  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet dwar l-elezzjonijiet presidenzjali tal-Parlament Ewropew, tal-Missjoni Internazzjonali ta' Osservazzjoni Elettorali (IEOM), tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u tal-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR),

  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni adottata fit-3 Mejju 2018 mit-13-il Kumitat Parlamentari ta' Koperazzjoni UE-Kirgiżistan,

  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta' Frar 2016 li tagħti status ta' arranġament ta' inċentiv speċjali għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba lir-Repubblika Kirgiża,

  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika Kirgiża(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0450/2018),

A.  billi f'Diċembru 2017, l-UE u l-Kirgiżistan varaw negozjati dwar ftehim komprensiv, li se jissostitwixxi l-FSK attwali UE-Kirgiżistan, bil-għan li tissaħħaħ u tiġi approfondita l-kooperazzjoni f'oqsma ta' interess reċiproku, ibbażat fuq il-valuri kondiviżi tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-governanza tajba, fi ħdan qafas legali ġdid;

B.  billi l-ftehim komprensiv jirrikjedi l-kunsens tal-Parlament sabiex jidħol fis-seħħ;

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà li:

Prinċipji ġenerali

a)  jiġi nnegozjat u konkluż ftehim ambizzjuż, komprensiv u bbilanċjat bejn l-UE u l-Kirgiżistan li se jissostitwixxi l-FSK tal-1999 u jipprovdi l-bażi għal relazzjonijiet b'saħħithom u dejjiema u l-iżvilupp stabbli, sigur u sostenibbli għaż-żewġ partijiet;

b)  jiġu identifikati prospetti strateġiċi fuq medda qasira u twila ta' żmien fil-ftehim komprensiv u jiġi stabbilit għadd ta' miri identifikati tajjeb u strutturati għall-kooperazzjoni mal-Kirgiżistan; isiru sforzi addizzjonali u tissaħħaħ ir-relazzjoni sabiex l-UE ssir aktar viżibbli u aktar effettiva fil-pajjiż u fir-reġjun;

c)  titrawwem l-ekonomija orjentata lejn is-suq billi jingħataw benefiċċji soċjali u ekonomiċi tanġibbli liċ-ċittadini taż-żewġ naħat; jiġu rrispettati r-regoli tal-kompetizzjoni u ċ-ċertezza tad-dritt, inkluż permezz tat-tisħiħ tal-istituzzjonijiet indipendenti u trasparenti;

d)  jiġi żgurat impenn sod miż-żewġ naħat sabiex jirrispettaw u jippromwovu l-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt b'rispett sħiħ tal-kriterji meħtieġa għall-istatus GSP+ mogħti lir-Repubblika Kirgiża, inkluża r-ratifika tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti u l-implimentazzjoni effettiva tal-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-korpi ta' monitoraġġ rilevanti stabbiliti taħt dawk il-konvenzjonijiet; jiġi ffaċilitat u jsir djalogu regolari u orjentat lejn ir-riżultati dwar kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li jinteressaw liż-żewġ naħat u li għandhom jinkludu lill-awtoritajiet u lis-soċjetà ċivili, bl-għan li jissaħħu l-qafas istituzzjonali u l-politiki pubbliċi; tiġi enfasizzata s-sħubija kostruttiva tal-Kirgiżistan fil-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU matul il-perjodu 2016-2018 u jiġi mħeġġeġ l-involviment internazzjonali ulterjuri tiegħu;

e)  jingħata kontribut lit-tisħiħ tal-multilateraliżmu u l-kooperazzjoni internazzjonali u lill-iżvilupp ta' approċċi komuni lejn il-kooperazzjoni ma' sħab Kirgiżi sabiex tiġi promossa s-sigurtà internazzjonali u jiġu indirizzati b'mod effettiv l-isfidi globali bħat-terroriżmu, it-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni u l-kriminalità organizzata, u jingħata kontribut lill-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Istrateġija Nazzjonali l-ġdida għall-Iżvilupp 2018-2040; u, b'mod aktar ġenerali, jingħata kontribut lill-istabbilizzazzjoni u t-tkabbir tal-Asja Ċentrali;

Djalogu politiku u kooperazzjoni internazzjonali

f)  jissaħħu d-djalogu politiku u l-kooperazzjoni settorjali; jiġi pprovdut djalogu regolari u sinifikanti dwar il-kwistjonijiet kollha ta' rilevanza, li jibni fuq formati eżistenti;

g)  tiżdied il-kooperazzjoni fil-ġestjoni ta' kriżijiet, il-prevenzjoni ta' konflitti, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, iċ-ċiberkriminalità, il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni vjolenti u l-kriminalità transfruntiera, u l-ġestjoni integrata tal-fruntieri, b'rispett sħiħ għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali u f'konformità mal-emendi għall-Kodiċi Kriminali; u jiġi żgurat li l-Liġi nazzjonali Nru 150 tal-2005 dwar il-Ġlieda kontra l-Attività tal-Estremisti tkun kompletament konformi mal-istandards nazzjonali;

h)  jittejbu d-dispożizzjonijiet relatati mar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi, li jtejbu l-klima tal-investiment u jikkontribwixxu għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija Kirgiża, u jservu ta' vantaġġ reċiproku u jsaħħu ċ-ċertezza tad-dritt u t-trasparenza regolatorja; jingħata appoġġ għal governanza tajba, ġudikatura li tiffunzjona u titnaqqas il-burokrazija żejda, u jintużaw il-miżuri kollha disponibbli għall-promozzjoni ta' żvilupp ekonomiku sostenibbli fl-interess tal-konsolidazzjoni u l-iżvilupp ta' sistema kummerċjali multilaterali u bbażata fuq ir-regoli; jingħata kontribut lill-appoġġ tal-istabbiliment u l-iżvilupp ta' impriżi żgħar u ta' daqs medju; jittejbu aktar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali bejn l-UE u l-Kirgiżistan fir-rigward tal-istatus GSP+, u l-Kirgiżistan jitħeġġeġ jimplimenta l-impenji internazzjonali li joħorġu minn dan l-istatus, sabiex jitrawwem l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż;

i)  tittejjeb il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa; jiġu inklużi taqsimiet speċifiċi li jiddeskrivu l-impenji u l-miżuri ċari u qawwija fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fis-suriet kollha tagħha, u jiġu implimentati standards internazzjonali u konvenzjonijiet multilaterali kontra l-korruzzjoni; jiġu inklużi dispożizzjonijiet dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa kif ukoll standards ta' trasparenza li jaffermaw mill-ġdid l-impenn tal-partijiet li jimplimentaw standards internazzjonali fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa;

j)  jingħata kontribut għat-tisħiħ tas-sħubija Kirgiża fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ permezz ta' riformi adegwati dwar l-investiment barrani, l-awtoritajiet doganali u l-aċċess għas-swieq internazzjonali;

k)  tittejjeb il-koordinazzjoni bejn il-pożizzjonijiet tal-UE u tal-Kirgiżistan f'fora internazzjonali;

l)  jiżdied id-djalogu interparlamentari bejn il-Kirgiżistan u l-Parlament Ewropew;

m)  tiġi żgurata attenzjoni kbira fil-ftehim dwar it-tibdil fil-klima, il-ġestjoni tal-ilma u l-prevenzjoni tar-riskju ta' diżastri u t-tħejjija minħabba r-riskju għoli ta' diżastri naturali, inklużi terremoti; jingħata appoġġ lill-Kirgiżistan fl-isforzi tiegħu biex jipproteġi l-ambjent u l-isforzi qawwija tiegħu lejn l-iżvilupp sostenibbli;

Dispożizzjonijiet istituzzjonali

n)  tiġi żgurata t-trażmissjoni tad-direttivi ta' negozjati lill-Parlament Ewropew, soġġetta għar-regoli ta' kunfidenzjalità, sabiex ikun jista' jsir skrutinju xieraq mill-Parlament tal-proċess ta' negozjar, u biex jiġu ssodisfati b'mod konsistenti l-obbligi interistituzzjonali li jirriżultaw mill-Artikolu 218(10) tat-TFUE, li skonthom il-Parlament jeħtieġlu jkun infurmat minnufih u bis-sħiħ f'kull stadju tal-proċedura;

o)  jiġu kondiviżi d-dokumenti kollha relatati man-negozjati, bħall-minuti, u l-abbozzi tat-testi negozjati, kif ukoll li l-Parlament jiġi infurmat b'mod perjodiku;

p)  jiġi żgurat ir-rispett, fil-livelli kollha, għall-prattika stabbilita li l-ftehim il-ġdid ma jiġix applikat proviżorjament sakemm il-Parlament ma jkunx ta l-approvazzjoni tiegħu;

q)  tissaħħaħ u tiġi estiża l-kooperazzjoni eżistenti minquxa fil-FSK attwali, li kien diġà stabbilixxa l-korpi li ġejjin għall-kooperazzjoni u d-djalogu:

–  il-Kunsill ta' Koperazzjoni fil-livell ministerjali;

–  il-Kumitat ta' Kooperazzjoni fil-livell ta' uffiċjali għolja, u Sottokumitati dwar il-Kummerċ u l-Investiment u dwar il-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp;

–  il-Kumitat Parlamentari ta' Kooperazzjoni;

r)  jissaħħaħ l-iskrutinju interparlamentari fi ħdan Kumitat Parlamentari ta' Kooperazzjoni b'aktar setgħa li se jiġi elaborat fil-ftehim il-ġdid, b'mod partikolari fl-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

s)  jiġi żgurat l-involviment tas-soċjetà ċivili kemm waqt in-negozjati kif ukoll fil-fażi ta' implimentazzjoni tal-ftehim;

t)  tkun żgurata l-inklużjoni ta' termini dwar is-sospensjoni potenzjali tal-kooperazzjoni f'każ ta' ksur ta' elementi essenzjali minn xi parti, inkluż il-konsultazzjoni tal-Parlament f'każijiet bħal dawn;

u)  jiġu allokati riżorsi adegwati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-ftehim komprensiv, biex tiġi żgurata l-kisba tal-objettivi ambizzjużi kollha stabbiliti waqt in-negozjati;

Tħassib u interessi komuni relatati mal-oqsma ta' kooperazzjoni indirizzati mill-ftehim

v)  jitqies ir-rwol tal-Kirgiżistan bħala wieħed mill-ftit pajjiżi demokratiċi li għadhom jibdew fir-reġjun, li jeħtieġu l-appoġġ politiku, diplomatiku, finanzjarju u tekniku tal-UE fuq żmien twil;

w)  jitkomplew l-isforzi biex tiġi kkonsolidata demokrazija parlamentari li tiffunzjona b'sistema multipartitika reali u kontrolli u bilanċi kostituzzjonali, kif ukoll biex tiġi żgurata s-sorveljanza parlamentari tal-fergħa eżekuttiva, bħala wieħed mill-pajjiżi pilota għall-appoġġ għad-demokrazija mill-UE; jitressaq it-tħassib tiegħu dwar l-emendi kostituzzjonali tal-2016, b'mod partikolari tisħiħ sostanzjali tas-setgħat tal-prim ministru, is-supremazija tad-deċiżjonijiet tal-qrati nazzjonali fuq it-Trattati internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u t-telf tal-indipendenza tal-Kamra Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema; jiġi mħeġġeġ l-involviment tal-NGOs fl-iżvilupp u r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politiki tal-pajjiż, b'mod partikolari fir-rigward ta' kwalunkwe strument jew mekkaniżmu li jaffettwa direttament l-azzjoni ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

x)  tiġi affermata mill-ġdid l-importanza tal-ħidma sistematika għall-promozzjoni tal-valuri tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda u l-indipendenza tal-ġudikatura;

y)  jiġi inkoraġġit ambjent favorevoli għall-ġurnalisti u għall-midja indipendenti; jiġi żgurat li l-Kirgiżistan jippermetti attivisti u ġurnalisti barranin fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem ipprojbiti biex jidħlu fil-pajjiż u jkomplu xogħolhom mingħajr tfixkil;

z)  jiġi rikonoxxut il-progress li sar b'rabta mal-imġiba paċifika u t-trasparenza mtejba fl-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali, u li tiġi mħeġġa l-implimentazzjoni kontinwa tar-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-missjonijiet internazzjonali ta' osservazzjoni elettorali;

aa)  il-Kirgiżistan jiġi mħeġġeġ ireġġa' lura x-xejriet awtoritarji negattivi kollha bħall-istrumentalizzazzjoni politika tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja, il-pieni ġudizzjarji inġusti, il-proċessi inġusti u mhux trasparenti, l-interferenza fil-libertà tal-midja, l-impunità ta' aġenti tal-infurzar tal-liġi u l-allegat trattament ħażin u tortura tal-priġunieri, l-estradizzjonijiet lejn pajjiżi fejn il-persuni jiffaċċjaw riskju ta' tortura jew trattament ħażin, kif ukoll id-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi u l-limitazzjonijiet fuq il-libertà ta' għaqda u ta' espressjoni, u l-Kirgiżistan jiġi mħeġġeġ jinvestiga bir-reqqa kull allegazzjoni ta' tqegħid ta' evidenza, estorsjoni, tortura u trattament ħażin; jiġi espress it-tħassib li l-mexxejja politiċi kif ukoll kandidati presidenzjali potenzjali jkunu ntbagħtu l-ħabs fuq akkużi allegati ta' korruzzjoni;

ab)  jiġi espress in-nuqqas ta' sodisfazzjoni, f'dan il-kuntest, dwar iż-żamma tas-sentenza ta' għomor il-ħabs mogħtija lill-attivist tad-drittijiet tal-bniedem Azimjon Askarov, li ddokumenta l-vjolenza interetnika fl-2010, u jintalab il-ħelsien immedjat tiegħu, tiġi annullata l-kundanna tiegħu, jiġi riabilitat u jingħatalu kumpens għad-danni;

ac)  jiġi mfakkar li l-korruzzjoni ddgħajjef id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza, il-kummerċ u l-kompetizzjoni ġusta u tgerrex l-investiment barrani, u b'hekk tfixkel it-tkabbir ekonomiku, filwaqt li tnaqqas ukoll il-fiduċja u l-kunfidenza taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet tal-gvern;

ad)  jitħeġġeġ impenn b'saħħtu għal progress soċjali, governanza tajba, demokrazija u relazzjonijiet tajbin interetniċi u interreliġjużi, taħriġ u edukazzjoni, anke bħala mezz tat-tisħiħ tal-pedamenti tal-istabbiltà u s-sigurtà; jitkompla l-appoġġ tal-miżuri għall-bini tal-paċi u s-sigurtà, kif ukoll jiżdiedu l-isforzi biex il-minoranzi jiġu integrati b'mod sħiħ, wara l-ġlied etniku fil-Kirgiżistan fl-2010, sabiex jiġu evitati kunflitti futuri;

ae)  tingħata għajnuna biex jiġu megħluba l-problemi u l-ostakli soċjoekonomiċi tat-tip imsemmija fir-Rakkomandazzjoni 202 tal-ILO; f'dan il-kuntest tingħata attenzjoni partikolari liż-żgħażagħ bil-promozzjoni ta' skambji akkademiċi, taż-żgħażagħ u kulturali; tingħata attenzjoni partikolari għall-iżvilupp reġjonali b'enfasi speċjali fuq l-inugwaljanzi bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar;

af)  tiġi appoġġata, promossa u ffaċilitata aktar il-kooperazzjoni fl-Asja Ċentrali, li huwa wieħed mir-reġjuni l-inqas integrati fid-dinja, skont id-dinamika pożittiva attwali, fost l-oħrajn bl-għan li jissaħħu l-istabbiltà u l-iżvilupp tal-Asja Ċentrali kollha kemm hi; jiġi rikonoxxut l-involviment tal-pajjiż fi programmi tal-UE mmirati f'din id-direzzjoni kif ukoll l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE u l-Asja Ċentrali fl-oqsma tal-enerġija, tal-ġestjoni tal-ilma u tal-isfidi ambjentali, u fi djalogi regolari mal-UE dwar il-politika u d-drittijiet tal-bniedem;

ag)  jiġi żgurat li s-sħubija tal-Kirgiżistan fl-Unjoni Ekonomika Ewrasjatika (EAEU) ma taffettwax it-tisħiħ tar-relazzjonijiet tagħha mal-UE, kif ippruvat mill-Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni rratifikat dan l-aħħar bejn l-UE u l-Każakistan;

ah)  jitqies l-iżvilupp tar-relazzjonijiet tal-Kirgiżistan maċ-Ċina u mar-Russja; il-Kirgiżistan jiġi mħeġġeġ jiddiversifika l-ekonomija tiegħu bl-għan li jnaqqas id-dipendenza politika tiegħu fuq dawn iż-żewġ atturi esterni; jitqies l-iżvilupp ta' dawn ir-relazzjonijiet fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-istrateġija taċ-Ċina ta' One Belt One Road (OBOR); jiġi żgurat li l-ġlieda kontra t-tixrid tal-propaganda mill-midja Russa fil-pajjiż titjieb b'mod sinifikanti;

ai)  jingħata kontribut biex jissokta t-tnaqqis tat-tensjonijiet diplomatiċi u ekonomiċi riċenti fir-reġjun, inkluż bejn il-Każakistan u l-Kirgiżistan;

aj)  jiġi appoġġjat it-titjib li jinsab għaddej fir-relazzjonijiet diplomatiċi mal-Użbekistan, kif ukoll djalogu kostruttiv dwar il-ġestjoni tar-riżorsi skarsi tal-ilma fir-reġjun;

ak)  jiġi rikonoxxut it-tħassib dwar is-sigurtà tal-Kirgiżistan b'rabta mas-sitwazzjoni tas-sigurtà li qed tiddeterjora fl-Afganistan u b'reazzjoni għaż-żieda tar-radikalizzazzjoni fir-reġjun tal-Asja Ċentrali; tingħata assistenza b'rabta mar-ripatrijazzjoni tal-ġellieda barranin Iżlamisti u tal-membri tal-familja tagħhom minn barra l-pajjiż; tissaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali mal-pajjiżi tal-Asja Ċentrali b'rabta mal-ġlieda kontra l-movimenti ġiħadisti u l-kriminalità transnazzjonali, permezz tal-implimentazzjoni ta' miżuri ta' kontroll tal-fruntieri legali, istituzzjonali u prattiki relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu u miżuri preventivi kontra ż-żieda fir-radikalizzazzjoni vjolenti reliġjuża;

°

°  °

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Kirgiża.

(1)

ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 91.

(2)

ĠU C 58, 15.2.2018, p. 119.

(3)

ĠU C 300, 18.2.2016, p. 10.

(4)

ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 92.

(5)

ĠU C 81 E, 15.3.2011, p. 80.

(6)

ĠU C 208, 10.6.2016, p. 177.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

6.12.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Petras Auštrevičius, Elmar Brok, Klaus Buchner, Lorenzo Cesa, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Georgios Epitideios, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule-Pēterse, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Wajid Khan, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Alojz Peterle, Tonino Picula, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Alyn Smith, Jordi Solé, László Tőkés, Anders Primdahl Vistisen

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Tanja Fajon, Antonio López-Istúriz White, Marie-Christine Vergiat, Janusz Zemke, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

John Howarth, Miroslav Mikolášik, Thomas Waitz, Bogdan Andrzej Zdrojewski


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

40

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Iveta Grigule-Pēterse, Ilhan Kyuchyuk, Jozo Radoš

ECR

Anders Primdahl Vistisen

EFDD

Aymeric Chauprade

PPE

Asim Ademov, Elmar Brok, Lorenzo Cesa, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Ramona Nicole Mănescu, Miroslav Mikolášik, Alojz Peterle, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, László Tőkés, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Željana Zovko

S&D

Tanja Fajon, Eugen Freund, John Howarth, Wajid Khan, Arne Lietz, Andrejs Mamikins, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Tonino Picula, Janusz Zemke

ĦODOR/AĦE

Klaus Buchner, Barbara Lochbihler, Alyn Smith, Jordi Solé, Thomas Waitz

1

-

NI

Georgios Epitideios

2

0

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Marie-Christine Vergiat

It-tifsira tas-simboli:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Jannar 2019Avviż legali