Proċedura : 2018/2056(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0456/2018

Testi mressqa :

A8-0456/2018

Dibattiti :

PV 16/01/2019 - 25
CRE 16/01/2019 - 25

Votazzjonijiet :

PV 17/01/2019 - 10.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0042

RAPPORT     
PDF 667kWORD 64k
11.12.2018
PE 625.375v02-00 A8-0456/2018

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali

(2018/2056(INI))

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

Rapporteur: Lara Comi

EMENDI
NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Proċedura u sorsi

Fid-19 ta' Frar 2018, ir-rapporteur kienet fdata bil-kompitu li tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali(1).

Mindu nħatret, ir-rapporteur ġabret informazzjoni u bbażat ruħha, fost l-oħrajn, fuq is-sorsi li ġejjin:

  seduta li saret fil-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur fit-12 ta' Lulju 2018;

  Il-Kummissjoni Ewropea "Guide to cross-border credit and claims management. Supporting SMEs in enforcing cross-border claims", (Gwida għall-ġestjoni transfruntiera tal-kreditu u tal-pretensjonijiet. Appoġġ għall-SMEs fl-infurzar tal-pretenzjonijiet transfruntiera), 2014(2);

  Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea mis-servizzi tal-EPRS tal-Parlament "Directive 2011/7/EU on late payments in commercial transactions European Implementation" (Implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali), 2018;

  Intrum, European Payment Report, 2018;

  Studju tal-Kummissjoni Ewropea bit-titlu "Business-to-business transactions: a comparative analysis of legal measures vs. soft-law instruments for improving payment behaviour", (Tranżazzjonijiet bejn in-negozji: analiżi komparattiva tal-miżuri legali vs strumenti legali nonvinkolanti għat-titjib tal-imġiba ta' ħlas), 2018.

Ħlas tard - introduzzjoni:

Id-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi tranżazzjonijiet kummerċjali (kemm

fi ħdan is-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat) ma kinitx l-ewwel att tal-UE li kellu l-għan li jtejjeb is-sitwazzjoni għal kumpaniji li jesperjenzaw dewmien u problemi oħrajn fir-relazzjonijiet tagħhom ma' negozji oħra u amministrazzjonijiet pubbliċi. Wara r-rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti tal-Kummissjoni Ewropea mill-1995, l-ewwel direttiva dwar il-ħlas tard ġiet adottata fl-2000. Ir-riformulazzjoni tal-2011 saħħet ir-regoli eżistenti sabiex tipproteġi aħjar lill-kredituri.

Il-prijoritajiet ewlenin tad-Direttiva huma, fost l-oħrajn:

•  l-armonizzazzjoni tat-termini reċiproċi ta' ħlas bejn il-kumpaniji u bejn il-kumpaniji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi;

•  il-libertà kuntrattwali fit-tranżazzjonijiet kummerċjali. L-introduzzjoni ta' termini fissi ta' ħlas (30 jum għall-awtoritajiet pubbliċi u 60 jum għall-kumpaniji privati), li jirregolaw ir-rati tal-imgħax statutorji u t-tariffi ta' kumpens għall-ispejjeż ta' rkurpu;

•  L-impożizzjoni ta' miżuri stretti li jiskoraġġixxu lid-debituri milli jħallsu tard jew milli jistabbilixxu termini ta' ħlas kuntrattwali twal iżżejjed;

•  Il-faċilitazzjoni tal-funzjonament tas-suq intern billi jiġu ssimplifikati l-prattiki ta' ħlas madwar l-UE;

•  L-iżvilupp ta' ambjent legali u tan-negozju li jappoġġa l-ħlas fil-ħin fi tranżazzjonijiet kummerċjali sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi.

Bi skadenza għat-traspożizzjoni tas-16 ta' Marzu 2013, ċerti Stati Membri ltaqgħu ma' għadd ta' problemi, fosthom il-korrelazzjoni bejn il-ħlasijiet tard u l-piżijiet amministrattivi, in-nuqqasijiet fis-sistemi ġudizzjarji nazzjonali, u r-rifinanzjament tad-dejn. Filwaqt li kkunsidrat id-differenzi li jifdal fil-prattiki ta' ħlas bejn pajjiżi speċifiċi u fi ħdanhom, l-analiżi tal-2015 tal-Parlament Ewropew ikkunsidrat li l-impatti tad-Direttiva l-ġdida kienu aktar limitati milli kien oriġinarjament previst.

Evalwazzjoni sussegwenti tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard (LPD), ibbażata fuq stħarriġ estensiv tan-negozji u fuq il-konsultazzjoni, wasslet lill-Kummissjoni Ewropea għal konklużjoni ġeneralment pożittiva dwar l-effiċjenza tad-Direttiva fir-rapport tagħha tal-2016(3). Ġie nnutat li l-LPD żiedet l-għarfien tal-problema tal-ħlas tard u wasslet għall-adozzjoni ta' diversi miżuri nazzjonali li jappoġġaw id-dispożizzjonijiet tagħha. Tabilħaqq, u anki fis-snin ta' wara, il-perjodi medji tal-ħlas naqsu bil-mod, u l-pajjiżi li esperjenzaw problemi fil-kategorija tal-awtoritajiet pubbliċi għamlu wkoll sforzi addizzjonali biex itejbu s-sitwazzjoni (li xi drabi kellhom iħabbtu wiċċhom ma' proċeduri ta' ksur għal applikazzjoni ħażina tad-direttiva). Fl-istess ħin, il-libertà kuntrattwali fundamentali fir-relazzjonijiet bejn in-negozju (B2B) tkompli twassal biex kumpaniji akbar jieħdu vantaġġ mill-pożizzjoni aktar b'saħħitha tagħhom fis-suq, u għadd kbir ta' kredituri jsostnu li ma jeżerċitawx id-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-imgħax u l-kumpens minħabba l-biża' li jagħmlu ħsara lir-relazzjonijiet kummerċjali.

L-istudju Intrum (2018) juri li 27 % biss tal-SMEs (minn 9,607 kumpanija Ewropea), meta mqabbla ma' 52 % tal-korporazzjonijiet il-kbar, jgħidu li huma familjari mad-Direttiva Ewropea dwar il-Ħlas Tard applikabbli għal debituri B2B u tas-settur pubbliku li jkunu tard bil-ħlasijiet tagħhom lil fornitur. Barra minn hekk, 24 % tal-korporazzjonijiet il-kbar jgħidu li nnutaw impatt pożittiv fuq il-ħlasijiet tard tagħhom mid-debituri permezz tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard, ċifra li għandha titqabbel mat-18 % tal-SMEs li jgħidu l-istess ħaġa. Il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali li ġew implimentati biex jikkonformaw mad-Direttiva tal-UE mhumiex partikolarment magħrufa mill-SMEs lanqas peress li 33 % biss jgħidu li huma konxji tal-leġiżlazzjonijiet lokali.

Din hija ħasra għaliex dawn ir-regoli ġew implimentati biex jipproteġu lin-negozji u joħolqu klima ta' ħlas sod(4).

Il-pożizzjoni tar-rapporteur:

L-element ewlieni li jirriżulta mill-konsultazzjoni mal-assoċjazzjonijiet tan-negozju huwa l-ħtieġa li jittejjeb l-infurzar tal-LPD u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ħlas tard permezz ta' miżuri (legali u volontarji, preventivi, ta' rimedju) li jistgħu jtejbu l-effettività u t-trasparenza tagħhom billi jikkontribwixxu għas-soluzzjoni tal-problema tal-asimetriji tas-suq kummerċjali u għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi bejn il-kumpaniji kbar u dawk żgħar.

Fis-setturi l-aktar milquta minn prattiki inġusti ta' ħlas, intervent settorjali jista' jqis l-ispeċifiċitajiet ta' setturi differenti (pereżempju l-kostruzzjoni, l-utilitajiet u t-trasport, is-servizzi professjonali, il-manifattura, l-ikel u x-xorb, u l-IT/telekomunikazzjonijiet).

Matul dawn l-aħħar snin, il-kumpaniji Ewropej, b'mod speċjali l-SMEs, enfasizzaw il-kawżi prinċipali ta' ħlasijiet tard bħal: diffikultajiet finanzjarji fost id-debituri tagħhom (62 %); ħlasijiet intenzjonalment tard (48 %); ineffiċjenzi amministrattivi (45 %); tilwim dwar oġġetti u servizzi mogħtija (19 %). (5)Huwa evidenti li l-ħlasijiet tard huma kkawżati kemm mill-ineffiċjenzi kif ukoll minn ċirkostanzi esterni negattivi, kif ukoll minn prattiki tan-negozju b'intenzjoni ħażina u intenzjonali.

Barra minn hekk, il-kumpaniji li jaċċettaw termini itwal ta' ħlas normalment jispjegaw li hija prattika komuni fis-settur tagħhom (55 %) u li ma jridux jagħmlu ħsara lir-relazzjonijiet ta' negozju (46 %).(6)

Meta wieħed iqis id-daqs ta' kumpanija, hemm aktar probabbiltà li l-SMEs jaċċettaw jew jingħataw termini ta' ħlas itwal minn kumpaniji ikbar minħabba l-iżbilanċ tal-poter u l-biża li jagħmlu ħsara lir-relazzjonijiet ta' negozju jew li jitilfu kuntratt futur.

Peress li sa issa d-Direttiva 2011/7/UE tibqa' l-aktar strument xieraq biex jiġu miġġielda l-ħlasijiet tard u hija konsistenti mal-leġiżlazzjoni u politiki oħra tal-UE li għandhom l-għan li joħolqu kundizzjonijiet ekwi bejn il-kumpaniji, ir-rapporteur tqis li jkun xieraq li jiġu introdotti miżuri korrettivi mhux vinkolanti li għandhom l-għan li jtejbu l-imġiba intraprenditorjali u li jagħtu aktar għarfien lill-kumpaniji, speċjalment l-SMEs, fir-rigward tad-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mid-direttiva u l-eżerċizzju ta' dawn id-drittijiet.

Għalhekk huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jżommu l-kwistjonijiet ta' ħlas tard fiċ-ċentru tal-aġenda politika u fl-istess waqt jużaw serje ta' miżuri mmirati lejn dan li ġej: (a) jiskoraġġixxu mġiba ta' negozju dannuża, u għall-kuntrarju, jippremjaw imġiba virtwuża adottata mill-kumpaniji, peress li ntwera li l-ħlas fil-ħin huwa strateġija ta' negozju intelliġenti, peress li l-pagaturi responsabbli jistgħu jinnegozjaw ftehimiet aħjar u jkunu jistgħu jiddependu fuq fornituri affidabbli; (b) jagħtu aktar informazzjoni u edukazzjoni lil intraprendituri ġodda, b'mod partikolari lill-SMEs, dwar il-ġestjoni tal-kreditu u tal-fatturi; (c) jinkoraġġixxu u jtejbu kontrolli aktar stretti, b'mod partikolari fost kumpaniji kbar, u l-użu ta' sanzjonijiet amministrattivi; (d) jikkunsidraw forom ta' kumpens/tpaċija adegwati għal kumpaniji li għandhom jingħataw flus minn amministrazzjoni pubblika; (e) itejbu t-trasparenza tal-prattiki ta' ħlas u jippromwovu soluzzjonijiet alternattivi ta' tilwim, kodiċijiet ta' ħlas fil-pront u responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR); (f) iżidu l-attivitajiet ta' għarfien dwar kwistjonijiet relatati mal-ħlas tard fi tranżazzjonijiet B2B, inklużi drittijiet u rimedji li jirriżultaw mid-Direttiva dwar il-Ħlas Tard jew minn miżuri nazzjonali oħrajn.

Huwa ċar li anke l-amministrazzjoni pubblika għandha rwol fundamentali - l-ewwel nett huwa meħtieġ li tagħti "eżempju tajjeb" billi tħallas lill-fornituri tagħha fiż-żmien ikkuntrattat. Barra minn hekk, peress li s-sanzjonijiet amministrattivi huma infurzati mill-awtoritajiet pubbliċi, l-intervent dirett tal-amministrazzjoni pubblika jista' jegħleb "il-fattur ta' biża'" u jgħin biex jevita li r-responsabbiltà li tittieħed azzjoni kontra d-debitur titqiegħed fuq il-kreditur.

(1)

  ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1.

(2)

https://publications.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/3f507938-7bf7-4b22-a61b-9bac11703581

(3)

Id-Direttiva 2011/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali (tfassil mill-ġdid) https://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2011:048:0001:0010:EN:PDF

(4)

Intrum, 2018;

(5)

Intrum, 2018;

(6)

Stħarriġ CATI, Mistoqsija 5;


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali

(2018/2056(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/7/UE (COM(2016)0534) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjah (SWD(2016)0278),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar l-Istrateġija għas-Suq Uniku(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs u ż-żieda tad-diversità tal-finanzjament tal-SMEs f'Unjoni tas-Swieq Kapitali(3),

–  wara li kkunsidra l-analiżi profonda bit-titlu "Directive 2011/7/EU on late payments in commercial transactions: European Implementation Assessment" (id-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali: Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea" ippubblikata mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew f'Lulju 2018,

–  Wara li kkunsidra l-European Payment Reports ippubblikati minn Intrum,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) ta', u l-Anness 3 għad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0456/2018),

A.  billi l-ħlasijiet huma l-forza vitali tan-negozji, u f'ambjenti tan-negozju vijabbli u effiċjenti ħlasijiet fil-pront jippermettu lin-negozji jħallsu lura l-obbligazzjonijiet tagħhom b'mod f'waqtu u jespandu, jinvestu, joħolqu l-impjiegi, jiġġeneraw tkabbir ekonomiku usa' u jibbenefikaw lill-ekonomija Ewropea b'mod ġenerali;

B.  billi l-parti l-kbira tal-oġġetti u s-servizzi li huma fornuti u pprovduti fis-suq intern bejn aġenti ekonomiċi jew bejn aġenti ekonomiċi u awtoritajiet pubbliċi huma abbażi ta' ħlasijiet differiti, f'sistema fejn il-fornitur jagħti lill-klijent tiegħu terminu ta' ħlas tal-fattura, skont dak li huwa miftiehem bejn il-partijiet u dak li huwa stabbilit fil-fattura tal-fornitur jew fid-dispożizzjonijiet legali rilevanti;

C.  billi l-ħlasijiet tard huma prattika persistenti dannuża li għandha effett negattiv fuq l-iżvilupp tal-kumpaniji Ewropej, b'mod partikolari l-SMEs, li ma għandhomx flussi prevedibbli ta' likwidità meta jkun hemm ħlas tard;

D.  billi l-kumpaniji żgħar u medji huma b'mod speċjali affettwati awtomatikament, u dan jinfluwenza b'mod negattiv il-likwidità tagħhom, jikkomplika l-ġestjoni finanzjarja tagħhom u jaffettwa l-kompetittività u l-profitabbiltà tagħhom;

E.  billi negozji kbar għandhom aktar riżorsi għad-dispożizzjoni tagħhom mill-SMEs biex jipproteġu lilhom infushom minn ħlasijiet tard, pereżempju permezz ta' ħlas minn qabel, kontrolli tal-kreditu, ġbir ta' dejn, garanziji bankarji jew assigurazzjoni ta' kreditu, u jinsabu wkoll f'qagħda aħjar biex jisfruttaw l-ambjent ta' rata tal-imgħax globali baxxa biex iżidu l-investimenti u l-ingranaġġ tan-negozjati tagħhom;

F.  billi skont id-Direttiva 2011//7/UE (id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard), l-awtoritajiet pubbliċi għandhom "responsabbiltà speċjali"(4) fit-trawwim ta' ambjent tan-negozju li jappoġġa l-ħlasijiet fil-ħin;

G.  billi d-Direttiva dwar il-Ħlas Tard tipprevedi fost l-oħrajn perjodi ta' ħlas għal tranżazzjonijiet bejn in-negozji (B2B) u bejn awtoritajiet pubbliċi u negozji (PA2B), intitolament awtomatiku għal imgħax għal ħlas tard, minimu ta' EUR 40 f'kumpens għall-ispejjeż ta' rkupru, u imgħax statutorju ta' mill-anqas 8 % ogħla mir-rata ta' referenza tal-Bank Ċentrali Ewropew;

H.  billi, minkejja t-tnaqqis ġenerali fit-tul medju tal-perjodi ta' ħlas miġjuba mid-Direttiva dwar il-Ħlas Tard, 6 minn kull 10 negozji fl-UE xorta jitħallsu aktar tard fi tranżazzjonijiet B2B minn dak li kien miftiehem fil-kuntratt;

I.  billi, meta wieħed iqis id-daqs ta' kumpanija, hemm aktar probabbiltà li l-SMEs jaċċettaw jew jiġu imposti fuqhom termini ta' ħlas inġusti minn kumpaniji ikbar minħabba l-iżbilanċ tal-poter tan-negozjar u l-biża li jagħmlu ħsara lir-relazzjonijiet ta' negozju jew li jitilfu kuntratt futur;

J.  billi, skont il-Barometru Atradius dwar il-prattiki ta' ħlas, 95 % tal-SMEs jiddikjaraw li jitħallsu tard fl-Ewropa, li huwa proporzjon ogħla minn kumpaniji kbar, u dan għaldaqstant jippermetti l-konklużjoni li l-SMEs għandhom it-tendenza li jħallsu aktar malajr minn kumpaniji kbar, iżda jdumu biex jitħallsu;

K.  billi l-ħlas tard jaffettwa lis-setturi ekonomiċi kollha, iżda huwa partikolarment mifrux fis-setturi bi prevalenza ta' SMEs fil-katina tal-valur rilevanti (pereżempju l-kostruzzjoni, l-utilitajiet u t-trasport, is-servizzi professjonali, il-manifattura, l-ikel u x-xorb, u l-IT/telekomunikazzjonijiet);

L.  billi l-ħlas tard għadu jirrappreżenta l-kawża ta' falliment wieħed minn kull erba' fl-UE;

M.  billi l-ħlasijiet tard joħolqu spejjeż addizzjonali għal kumpaniji billi jridu jinvestu r-riżorsi tagħhom biex jiġru wara dawk li jħallsu tard jew ikollhom iħallsu l-imgħax fuq il-kreditu kuntrattat sabiex ikomplu bl-operazzjonijiet tan-negozju tagħhom;

N.  billi l-ħlas tard jew il-biża' li jitħallsu tard għadu wieħed mill-ostakli ewlenin għall-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-kuntratti ta' akkwist pubbliku;

O.  billi għal kull jum ta' ħlas tard, jistgħu jiġu ffrankati EUR 158 miljun fl-ispejjeż finanzjarji, u l-fluss ta' flus addizzjonali jista' jappoġġa 6.5 miljun impjieg addizzjonali fl-Ewropa;

P.  billi l-Kummissjoni nediet proċeduri ta' ksur kontra erba' Stati Membri (il-Greċja, is-Slovakkja, Spanja u l-Italja) rigward l-applikazzjoni mhux adegwata tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard u rreferiet lill-Italja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

Q.  billi ċerti Stati Membri nedew inizjattivi biex ixerrdu kultura ta' ħlas fil-pront, permezz tal-Kodiċijiet ta' Ħlas fil-Ħin, impenn volontarju fil-livell tal-industrija jew sinerġiji aktar b'saħħithom mar-regoli tal-akkwist pubbliku;

R.  billi r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard ippubblikat fl-2016 ikkonkluda li l-fatt li l-kumpaniji kienu jafu dwar id-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva ma jfissirx, madankollu, li kienu qed jieħdu vantaġġ minn dawk id-drittijiet, u li n-nuqqas ta' sistema komuni għall-monitoraġġ ta' perjodu ta' ħlas medji, in-nuqqas ta' ċarezza dwar xi kunċetti ewlenin tad-Direttiva u l-iżbilanċ tas-suq bejn kumpaniji akbar u dawk iżgħar jidher li huma l-fatturi ewlenin li jipprevjenu l-applikazzjoni effettiva tad-Direttiva;

S.  billi l-ħlas tard huwa problema kumplessa, b'ħafna fatturi, ikkawżata minn motivaturi orizzontali u hija komuni fis-setturi kollha u fit-tipi kollha ta' tranżazzjonijiet (bħal kwistjonijiet ta' flussi ta' flus, żbilanċi ta' poter u daqs bejn il-kumpaniji, l-istruttura tal-katina tal-provvista, l-ineffiċjenza amministrattiva, l-aċċess limitat għall-kreditu, in-nuqqas ta' għarfien dwar il-ġestjoni tal-fatturi u tal-kreditu) u bl-influwenza ta' fatturi esterni (jiġifieri s-sitwazzjoni ekonomika u l-kultura tan-negozji nazzjonali), mhuwiex possibbli li tinstab soluzzjoni waħda li ssolvi l-kwistjonijiet kollha;

T.  billi l-proposta għal direttiva dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet minn negozju għal negozju fil-katina tal-provvista tal-ikel (COM(2018)0173) tinkludi dispożizzjonijiet rigward il-ħlas tard għal oġġetti li jitħassru u l-ħatra mill-Istati Membri ta' awtorità tal-infurzar biex timmonitorja l-konformità mar-regoli;

U.  billi l-problemi li jwasslu għall-ħlas tard iridu jiġu indirizzati permezz ta' kombinazzjoni ta' miżuri legali u volontarji, b'interventi mmirati li jinvolvu lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-assoċjazzjonijiet tan-negozji; billi tali kombinazzjoni tkun tinkludi miżuri preventivi li jimmiraw kwistjonijiet li jinħolqu qabel issir tranżazzjoni u soluzzjonijiet ta' rimedju li jindirizzaw kwistjonijiet wara li tkun saret tranżazzjoni; billi tali intervent, kemm jekk ikun regolatorju kif ukoll volontarju, għandu jqis l-ispeċifiċitajiet tas-settur ekonomiku kkonċernat;

It-titjib tal-imġiba tal-ħlas fl-UE permezz ta' kombinazzjoni ta' miżuri legali u volontarji

1.  Jemmen li kemm id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard kif ukoll il-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-ħlas tard għandhom jiġu infurzati aħjar, fil-ħin u b'mod effettiv, permezz tar-rispett għal-limiti massimi stabbiliti biex jitħallsu l-fatturi u permezz ta' miżuri li jkollhom l-għan li jtejbu r-regoli dwar it-termini ta' ħlas u li jiskoraġġixxu prattiki inġusti; jinnota li dawn ir-regoli jistgħu jiġu kategorizzati skont in-natura tagħhom (legali jew volontarja), il-kamp ta' applikazzjoni (orizzontali jew speċifiku għas-settur) u l-objettiv (ta' prevenzjoni, rimedju jew bidla fil-kultura tan-negozju); jikkunsidra li b'mod parallel f'ċerti Stati Membri, il-leġiżlazzjoni fis-seħħ u l-azzjoni għal ksur bdew joħolqu bidla fil-kultura fl-amministrazzjoni pubblika fl-UE kollha, ikkaratterizzata minn tnaqqis ġenerali tad-dewmien fil-ħlas;

2.  Isostni li m'hemmx approċċ universali għall-indirizzar tal-kwistjoni tal-ħlasijiet tard, peress li f'ċerti setturi B2B skadenzi itwal għall-ħlas, li f'kull każ ma jaqbżux it-termini stabbiliti fid-Direttiva 2011/7/UE, jistgħu f'ċerti każijiet ikunu konformi mal-ħtiġijiet tan-negozji, b'kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet ta' kull settur; jenfasizza, madankollu, li għandhom isiru sforzi biex nersqu lejn skadenzi ta' ħlas ta' 30 jum u li l-iskadenzi tal-ħlas li jmorru lil hinn minn 60 jum, kif permess mid-Direttiva 2011/7/UE, huma lakuna li jistgħu jippermettu l-ftehim ta' termini twal li jistgħu jkunu ta' ħsara għall-kumpaniji nfushom, speċjalment għall-SMEs, filwaqt li tiġi rispettata l-libertà kuntrattwali bejn l-impriżi fis-suq; jenfasizza l-importanza li dejjem jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi bejn l-intrapriżi f'pożizzjonijiet dominanti u operaturi żgħar;

Miżuri preventivi

3.  Jemmen li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu termini ta' ħlas aktar stretti; jinnota li xi Stati Membri llimitaw it-terminu ta' ħlas standard għal 30 jum, filwaqt li ftit Stati Membri biss introduċew termini ta' ħlas massimi li l-partijiet ma jistgħux jiddevjaw minnhom; jinnota barra minn hekk li, fil-livell settorjali, l-introduzzjoni ta' termini ta' ħlas massimi hija aktar komuni; iqis li l-leġiżlazzjoni li tistabbilixxi termini ta' ħlas aktar stretti tkun effettiva fit-tnaqqis ta' termini ta' ħlas sa ċertu punt u, dment li tiġi infurzata, toħloq kundizzjonijiet ekwi bejn kumpaniji kbar u żgħar; jirrimarka, f'dan il-kuntest, li sett ta' regoli aktar uniformi u simplifikat jiċċara dak li l-kredituri u d-debituri jistgħu jistennew fil-każ ta' ħlas tard u għaldaqstant itejjeb il-prevedibbiltà tal-attivitajiet ekonomiċi tagħhom;

4.  Iqis li l-introduzzjoni ta' trasparenza msaħħa dwar l-imġiba tal-ħlas tista' tiskoraġġixxi l-ħlas tard; jemmen li l-aċċess għal din l-informazzjoni jista' jaġixxi bħala inċentiv għall-entitajiet pubbliċi u n-negozji biex itejbu l-prattiki ta' ħlas tagħhom u jirrispettaw l-obbligi monetarji tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw forom differenti possibbli ta' pubblikazzjoni obbligatorja ta' informazzjoni dwar imġiba ta' ħlas, bħal bażijiet ta' data jew reġistri, kemm għas-settur privat kif ukoll għal dak pubbliku;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw l-istabbiliment ta' sistemi mandatorji li jipprovdu informazzjoni dwar imġiba tajba tal-ħlas ("semmi u faħħar") u jrawmu kultura ta' ħlas fil-pront fir-relazzjonijiet tan-negozju, minħabba l-fatt, fost l-oħrajn, li ntwera li l-ħlas fil-pront huwa strateġija intelliġenti tan-negozju peress li pagaturi responsabbli jistgħu jinnegozjaw ftehimiet aħjar u jiddependu fuq fornituri affidabbli; jitlob lill-Kummissjoni twettaq studju dwar is-sistemi nazzjonali eżistenti li jipprovdu informazzjoni dwar imġiba tajba tal-ħlas ("semmi u faħħar") kemm tan-negozji kif ukoll tal-awtoritajiet pubbliċi, u tesplora l-fattibbiltà li tistabbilixxi kriterji komuni għal dawn is-sistemi fil-livell tal-UE;

6.  Jenfasizza l-importanza li l-intraprendituri, partikolarment l-SMEs, jingħataw aktar informazzjoni u edukazzjoni dwar il-ġestjoni tal-kreditu u tal-fatturi; ifakkar li ġestjoni effettiva tal-kreditu tqassar il-perjodu medju tal-ġbir u żżomm fluss ottimali tal-flus, u b'hekk tnaqqas ir-riskju ta' inadempjenza u żżid il-potenzjal għat-tkabbir; jemmen li l-uffiċjali fl-amministrazzjonijiet pubbliċi għandhom ukoll jirċievu t-taħriġ u li l-edukazzjoni u l-appoġġ jistgħu jżidu l-possibbiltà li l-SMEs jieħdu vantaġġ mir-rimedji tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard; jinnota li sfortunatament l-SMEs ta' spiss ma jkollhomx il-kapaċità li jinvestu fit-taħriġ u li bħalissa m'hemmx programmi fil-livell tal-UE jew fil-livell nazzjonali li jiffukaw fuq it-titjib tal-għarfien tan-negozji dwar il-ġestjoni tal-kreditu u tal-fatturi; jemmen li aktar fondi tal-UE għandhom possibbilment ikunu diretti lejn l-edukazzjoni finanzjarja tal-SMEs u għalhekk iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom fil-provvista ta' aktar taħriġ għall-SMEs fil-ġestjoni tal-kreditu; iqis, barra minn hekk, li t-taħriġ u l-appoġġ għandhom jinkludu wkoll linji gwida għall-irkupru ta' ħlas pendenti fi tranżazzjonijiet transfruntiera, u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tkompli tintegra dawn il-linji gwida u informazzjoni utli oħra, bħad-drittijiet u l-istrumenti disponibbli għall-intraprendituri fi kwistjonijiet legali mad-debituri, fil-portal ta' informazzjoni "L-Ewropa Tiegħek" u tiżgura appoġġ għan-negozji permezz tan-Netwerk Enterprise Europe;

Miżuri ta' rimedju

7.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-assoċjazzjonijiet tan-negozji jikkunsidraw biex jistabbilixxu servizzi ta' medjazzjoni kunfidenzjali nazzjonali u reġjonali mingħajr ħlas (medjazzjoni, konċiljazzjoni, arbitraġġ u aġġudikazzjoni) li jkunu aċċessibbli għall-kumpaniji kollha, bħala alternattiva għall-proċedimenti tal-qorti, biex isolvu tilwim dwar ħlasijiet u jżommu relazzjonijiet ta' negozju, iżda wkoll biex jedukaw lill-kumpaniji dwar id-drittijiet tagħhom u r-rimedji kontra l-ħlas tard; jenfasizza li dawn is-servizzi ta' medjazzjoni jkunu partikolarment utli għall-SMEs, li spiss ma jkollhomx mezzi finanzjarji adegwati biex jindirizzaw tilwim legali u minħabba f'hekk jirrinunzjaw milli jinvokaw id-drittijiet tagħhom; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex iqisu kif xieraq il-possibbiltà li jiffinanzjaw pubblikament ombudsmen indipendenti responsabbli għall-investigazzjoni ta' tilwim dwar ħlas tard u nuqqas ta' ħlas, li jgħinu lil negozji żgħar biex isolvu t-tilwim dwar ħlas tard u nuqqas ta' ħlas, u jagħtu pariri dwar azzjoni fil-każ ta' arrettrati ta' ħlas u jirrakkomandaw soluzzjonijiet, b'mod partikolari għall-SMEs; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw aċċess effettiv għall-ġustizzja fi kwistjonijiet relatati mal-irkupru tad-dejn fi tranżazzjonijiet transfruntiera;

8.  Jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom u jinkoraġġixxu u jtejbu kontrolli aktar stretti, b'mod partikolari fost kumpaniji kbar, u l-użu ta' sanzjonijiet amministrattivi li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi, u b'hekk jikkontribwixxu għat-titjib fl-imġiba tal-ħlas; isostni li intervent dirett mill-awtoritajiet pubbliċi, peress li huma jinfurzaw sanzjonijiet amministrattivi, jista' jgħin biex jingħeleb "il-fattur ta' biża'" u jeħles lill-kredituri mir-responsabbiltà li jieħdu azzjoni kontra debituri, peress li l-awtoritajiet jinfurzaw direttament il-liġi u jieħdu azzjoni ta' diskrezzjoni kontra intrapriżi involuti fi prattiki ta' ħlas ħżiena; jemmen li l-valur tas-sanzjonijiet amministrattivi u n-natura kumulattiva tagħhom jistgħu jiskoraġġixxu lill-kumpaniji milli jħallsu tard u jissottolinja li dan ir-reġim għandu jiġi applikat progressivament skont il-livell ta' konformità tal-kumpanija;

9.  Jirrimarka li, minkejja l-fatt li d-Direttiva dwar il-Ħlas Tard ġiet adottata fi Frar 2011 u minkejja l-mekkaniżmi l-ġodda għall-protezzjoni tal-intraprendituri li ċerti Stati Membri stabbilixxew riċentement, eluf ta' SMEs u negozji ġodda madwar l-Ewropa jfallu kull sena waqt li jistennew li l-fatturi tagħhom jitħallsu, anke mill-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw forom obbligatorji ta' kumpens adegwat, bħat-tpaċija u miżuri oħra ta' appoġġ, bħal pereżempju, fondi ta' garanzija għall-SMEs u fatturament għal kumpaniji li għandhom jingħataw flus minn awtorità pubblika, sabiex ma jkunux imġiegħla jfallu minħabba fiha;

10.  Jinnota bi tħassib kbir is-sitwazzjoni f'xi Stati Membri, fejn l-awtoritajiet pubbliċi dewmu ħafna ħlasijiet għal oġġetti u/jew servizzi fornuti lilhom minn impriżi (is-settur tas-saħħa kien l-aktar wieħed affettwat), inkluż fi klawżoli ta' nonassenjazzjoni ta' kuntratti ta' provvista u pprevenew (permezz tal-liġi) lil fornituri milli jinfurzaw it-talbiet tagħhom fil-qrati, u dan wassal lil dawk in-negozji f'diffikultajiet finanzjarji estremi jew saħansitra falliment; jemmen li, sabiex jiġu appoġġati n-negozji li l-ġestjoni finanzjarja tagħhom hija kkumplikata minħabba dewmien fil-ħlas mill-awtoritajiet pubbliċi, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċeduri ta' rifużjoni tal-VAT u tal-irkupru tal-flus aktar mgħaġġla u effiċjenti, speċjalment għall-SMEs;

11.  Jirrimarka li l-karti u l-kodiċijiet tal-ħlas fil-pront u l-miżuri ta' responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), flimkien ma' awditjar intern u kriterji ta' infurzar interni, jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' kultura ta' ħlas responsabbli u għall-iżgurar ta' relazzjonijiet ġusti u fiduċja fost in-negozji;

12.  Isostni li ċerti kunċetti tad-Direttiva, bħat-terminu "inġust għall-aħħar" b'rabta mat-termini tal-ħlas fi ftehimiet kuntrattwali u prattiki kummerċjali, u meta t-termini kuntrattwali ta' ħlas jibdew u jispiċċaw għandhom jiġu ċċarati, permezz ta' gwida maħruġa mill-Kummissjoni; jinnota wkoll il-ġurisprudenza emerġenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni ta' ċerti kunċetti tad-Direttiva (pereżempju "impriża", "tranżazzjoni kummerċjali" u "inġust għall-aħħar" fil-Kawżi C-256/15 u C-555/14);

13.  Iqis li huwa importanti li jiġi evitat li s-settur pubbliku jiddevja mir-regoli dwar l-iskadenzi tal-ħlas stabbiliti fid-Direttiva; Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja (Kawża C-555/14), biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li l-awtoritajiet pubbliċi jħallsu lill-fornituri tagħhom fil-ħin u li l-kredituri jirċievu l-ħlas awtomatiku tal-imgħax statutorju fuq ħlas tard u kumpens meta l-ħlasijiet jaslu tard mingħajr il-ħtieġa għal proċedimenti ta' ħlas pendenti, u jistieden lill-Kummissjoni tipproponi komputazzjoni awtomatika tal-imgħax;

14.  Jenfasizza li l-ħlasijiet malajr huma estremament importanti għas-sopravivenza u t-tkabbir tan-negozji, partikolarment l-SMEs; jinnota li t-teknoloġija finanzjarja u t-teknoloġiji diġitali qed jirrevoluzzjonaw il-mezzi u l-ħeffa tal-ħlasijiet; jistenna, għalhekk, żieda qawwija fil-fatturazzjoni elettronika u s-sostituzzjoni gradwali ta' tipi tradizzjonali ta' ħlasijiet b'tipi innovattivi (pereżempju l-finanzjament tal-katina tal-provvista, il-fatturament, eċċ.), sabiex il-kreditur ikun jista' jitħallas fil-ħin reali hekk kif tinħareġ il-fattura;

15.  Jinnota b'interess kbir il-proċeduri stabbiliti f'ċerti Stati Membri fil-każ ta' ħlas tard mill-awtoritajiet pubbliċi, li permezz tagħhom il-gvern ċentrali jista' joħroġ twissija lil awtorità lokali jekk din tal-aħħar ma tkunx ħallset lill-fornituri tagħha fil-ħin u, jekk il-ħlas tard jippersisti, tista' tħallas lill-fornituri direttament għall-oġġetti jew għas-servizzi pprovduti, tissospendi l-allokazzjonijiet tal-ħlas lill-baġit tal-awtorità lokali li ma tkunx konformi; iqis li sistema bħal din, li tikkombina monitoraġġ affidabbli tal-prestazzjonijiet tal-ħlas tal-korpi pubbliċi bi pjan ta' eskalazzjoni effettiv, ikkomunikat b'mod wiesa' meta attivat, tidher li pproduċiet riżultati li jistħoqqilhom analiżi ulterjuri u jenħtieġ li tiġi kkomunikata lill-Istati Membri bħala eżempju ta' prattika tajba;

16.  Jinnota bi tħassib il-konklużjonijiet tar-rapport tal-Kummissjoni, li jiddikjaraw li r-raġuni ewlenija għad-ditti kredituri li jonqsu milli jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard hija l-biża' li jagħmlu ħsara lir-relazzjonijiet tan-negozju tajbin; jemmen, f'dan ir-rigward, li għandha tittieħed azzjoni sabiex ikun aktar faċli għall-SMEs li jinfurzaw id-drittijiet mogħtija skont id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard; jitlob, f'dan il-kuntest, li tiġi eżaminata ulterjorment il-possibbiltà, stabbilita fl-Artikolu 7(5) tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard, għal organizzazzjonijiet li uffiċjalment jirrappreżentaw lill-impriżi biex jieħdu azzjoni quddiem il-qrati tal-Istati Membri fuq il-bażi li termini jew prattiki kuntrattwali huma inġusti għall-aħħar;

17.  Ifaħħar ċerti inizjattivi fil-livell tal-industrija f'xi Stati Membri li skonthom korporazzjonijiet parteċipanti impenjaw ruħhom li jiżguraw li l-fornituri iżgħar tagħhom jitħallsu aktar malajr għall-prodotti jew għas-servizzi li jfornu u ddeskrivew fid-detall il-passi konkreti li se jieħdu; jinnota li d-divulgazzjoni pożittiva tal-ismijiet ("semmi u faħħar") tista' tipproduċi r-riżultati mistennija permezz tal-awtoregolamentazzjoni fil-livell industrijali u tipprovdi appoġġ sostanzjali għall-SMEs;

18.  Jenfasizza l-importanza tal-akkwist pubbliku bħala mezz biex jittejjeb il-funzjonament tas-suq uniku; jitlob biex jitqiesu s-sinerġiji mtejba bejn id-Direttiva dwar il-Ħlas Tard u r-regoli dwar l-akkwist pubbliku, b'mod partikolari l-possibbiltà għall-awtoritajiet kontraenti li jieħdu azzjoni biex jippermettu l-esklużjoni ta' kuntratturi mhux produttivi minn akkwisti futuri jekk is-sottokuntratturi ma jitħallsux fil-ħin mill-kuntrattur ewlieni meta jkun meħtieġ li jagħmel hekk (id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku)(5), użu aktar mifrux tal-għażla stabbilita fl-Artikolu 71(3) tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku li tippermetti ħlas dirett lil sottokuntratturi taħt ċerti kundizzjonijiet, u li l-imġiba tal-ħlas lejn is-sottokuntratturi ssir waħda mill-kriterji li fuqhom għandha ssir evalwazzjoni tal-kapaċità finanzjarja ta' kuntratturi potenzjali f'offerti pubbliċi; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw it-trasparenza u t-traċċabbiltà tal-ħlas mill-awtoritajiet pubbliċi lill-kuntratturi u s-sottokuntratturi, u tal-ħlas mill-kuntrattur lis-sottokuntratturi jew lill-fornituri tiegħu;

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

19.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu r-responsabbiltà sħiħa fl-eżerċizzju tal-ħlas mill-amministrazzjoni pubblika u jtejbu l-leġiżlazzjoni tagħhom biex jiżguraw l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Ħlas Tard fil-partijiet kollha tagħha, anke billi jeliminaw kwalunkwe liġi domestika, regolament jew prattika kuntrattwali mis-settur pubbliku li jkunu f'kunflitt mal-għanijiet tad-Direttiva, bħall-projbizzjonijiet fuq l-infurzar u l-assenjazzjoni għal riċevibbli tas-settur pubbliku; itenni, b'mod parallel, li l-Kummissjoni għandha tagħmel l-almu tagħha biex tipprova tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u adegwata tal-obbligi eżistenti;

20.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jrawmu "tibdil deċiżiv lejn kultura ta' ħlas fil-pront"(6) billi jieħdu l-miżuri l-aktar xierqa, inklużi linji gwida dwar l-aħjar prattiki u, fejn meħtieġ, inizjattivi leġiżlattivi xierqa, filwaqt li jqisu l-proposti msemmija hawn fuq, bl-għan li joħolqu ambjent tan-negozju affidabbli għall-kumpaniji u kultura ta' ħlas puntwali;

21.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu l-proċeduri ta' ħlas aktar effiċjenti, filwaqt li jenfasizza, b'mod partikolari, li l-proċeduri ta' verifika biex jiġu kkontrollati l-fatturi jew il-konformità tal-oġġetti u s-servizzi mal-ispeċifikazzjonijiet kuntrattwali jenħtieġ li ma jintużawx sabiex il-perjodi tal-ħlas jiġu estiżi b'mod artifiċjali lil hinn mil-limiti imposti mid-Direttiva;

22.  Ifakkar lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni li l-ħlas fil-pront huwa rekwiżit ġenerali għal ambjenti tan-negozju vijabbli u li, bħala tali, għandu jiġi integrat fl-inizjattivi kollha ta' politika u dawk leġiżlattivi li jaffettwaw lin-negozji (pereżempju ir-relazzjonijiet CSR, negozji ġodda u relazzjonijiet bejn pjattaformi u negozji);

23.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jużaw pubblikazzjonijiet professjonali, kampanji ta' promozzjoni jew kull strument ieħor biex l-intrapriżi jsiru jafu aktar dwar ir-rimedji għall-ħlas tard.

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita u tippromwovi l-aċċess għal linji ta' finanzjament xierqa għall-imprendituri Ewropej;

°

°  °

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1)

ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1.

(2)

ĠU C 76, 28.2.2018, p. 112.

(3)

ĠU C 204, 13.6.2018, p. 153.

(4)

Premessa 6 tad-Direttiva 2011/7/UE.

(5)

l-Artikolu 57(4)(g) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE.

(6)

Premessa 12 tad-Direttiva 2011/7/UE.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

6.12.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Pascal Arimont, Carlos Coelho, Sergio Gaetano Cofferati, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Daniel Dalton, Nicola Danti, Dennis de Jong, Pascal Durand, Maria Grapini, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Philippe Juvin, Antonio López-Istúriz White, Eva Maydell, Marlene Mizzi, Nosheena Mobarik, Jiří Pospíšil, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Jasenko Selimovic, Igor Šoltes, Ivan Štefanec, Richard Sulík, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mihai Ţurcanu, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Anna Hedh, Arndt Kohn, Matthijs van Miltenburg

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

John Howarth, Flavio Zanonato


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

33

+

ALDE

Matthijs van Miltenburg, Jasenko Selimovic

ECR

Daniel Dalton, Nosheena Mobarik, Richard Sulík, Anneleen Van Bossuyt

EFDD

Robert Jarosław Iwaszkiewicz

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Pascal Arimont, Carlos Coelho, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Philippe Juvin, Antonio López-Istúriz White, Eva Maydell, Jiří Pospíšil, Andreas Schwab, Ivan Štefanec, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mihai Ţurcanu

S&D

Lucy Anderson, Sergio Gaetano Cofferati, Nicola Danti, Maria Grapini, Anna Hedh, John Howarth, Arndt Kohn, Marlene Mizzi, Christel Schaldemose, Olga Sehnalová, Flavio Zanonato

VERTS/ALE

Pascal Durand, Igor Šoltes

2

-

EFDD

John Stuart Agnew, Marco Zullo

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Jannar 2019Avviż legali