RAPPORT dwar talbiet ta' restituzzjoni transfruntieri ta' opri tal-arti u beni kulturali misruqa waqt kunflitti armati u gwerer

13.12.2018 - (2017/2023(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Pavel Svoboda
Rapporteur għall-opinjoni (*):Nikolaos Chountis, Committee on Culture and Education
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

Proċedura : 2017/2023(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0465/2018
Testi mressqa :
A8-0465/2018
Dibattiti :
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar talbiet ta' restituzzjoni transfruntieri ta' opri tal-arti u beni kulturali misruqa waqt kunflitti armati u gwerer

(2017/2023(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1954 għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Kulturali fil-Każ ta' Kunflitt Armat u t-tieni protokoll tagħha ta' Marzu 1999,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 1995 dwar ir-ritorn tal-proprjetà misruqa lill-komunitajiet Lhud[1] u tas-16 ta' Lulju 1998 dwar ir-restituzzjoni ta' proprjetà li tappartjeni għal vittmi tal-Olokawst[2],

–  wara li kkunsidra l-pakkett ta' miżuri adottati f'Diċembru 2016 biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE biex tiġġieled il-finanzjament tat-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, b'riżultat tal-impenji li saru fil-Pjan ta' Azzjoni kontra l-finanzjament tat-terroriżmu tat-2 ta' Frar 2016 (COM(2016) 50), u tal-proposta tiegħu għal regolament dwar l-importazzjoni ta' beni kulturali (COM(2017) 375),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' April 2015 dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh[3],

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-24 ta' Ġunju 1995 dwar Oġġetti Kulturali Misruqa jew Esportati Illegalment,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/60/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar ir-ritorn ta' oġġetti kulturali mneħħija illegalment mit-territorju ta' Stat Membru[4],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 1 tal-Protokoll 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 116/2009 tat-18 ta' Diċembru 2008 dwar l-esportazzjoni ta' oġġetti kulturali[5],

–  Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali[6], u b'mod partikolari l-Artikolu 7(4) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2003 dwar qafas legali għall-moviment liberu, fi ħdan is-suq intern, ta' oġġetti li s-sjieda tagħhom aktarx tiġi kkontestata[7],

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2016 mid-Direttorat Ġenerali tiegħu għall-Politiki Interni dwar "Cross-border restitution claims of art looted in armed conflicts and wars and alternatives to court litigation" (Talbiet ta' restituzzjoni transkonfinali ta' arti misruqa waqt kunflitti armati u gwerer u soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim fil-qorti),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data)[8],

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Mezzi ta' Projbizzjoni u Prevenzjoni tal-Importazzjoni, Esportazzjoni u Trasferiment ta' Titolu Illeċitu tal-Proprjetà Kulturali tal-14 ta' Novembru 1970,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill 14232/12 tal-4 ta' Ottubru 2012 dwar il-ħolqien ta' netwerk informali ta' awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u l-kompetenza esperta fil-qasam ta' oġġetti kulturali (EU CULTNET),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0465/2018),

A.  billi, skont l-Interpol, is-suq illeċitu fl-opri tal-arti qed jibda jiġġenera daqstant qligħ daqs dak għad-drogi, l-armi u l-oġġetti ffalsifikati;

B.  billi, skont il-valutazzjoni tal-impatt tal-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-importazzjoni ta' beni kulturali (COM(2017) 375), minn 80 sa 90 % tal-bejgħ tal-antikitajiet globali huma beni ta' oriġini illeċitu;

C.  billi l-patrimonju kulturali huwa wieħed mill-elementi bażiċi taċ-ċivilizzazzjoni, pereżempju minħabba l-valur simboliku tiegħu u l-memorja kulturali tal-umanità li tgħaqqad lin-nies flimkien; billi, fi snin reċenti twettqu sensiela ta' reati kontra l-patrimonju kulturali dinji minn fazzjonijiet fi gwerra u minn entitajiet terroristiċi madwar id-dinja, u billi xogħlijiet artistiċi, skulturi u artefatti arkeoloġiċi prezzjużi qed jinbiegħu u jiġu importati fl-UE minn ċerti pajjiżi li mhumiex membri fl-UE, bil-profitti potenzjalment jintużaw biex jiffinanzjaw attivitajiet terroristiċi; billi huwa essenzjali li jsir impenn sod kontra t-traffikar illeċitu ta' proprjetà kulturali bħal opri tal-arti misruqa matul il-kunflitti armati u gwerer fil-Libja, fis-Sirja u fl-Iraq; billi l-proprjetà kulturali għandha importanza kulturali, artistika, storika u xjentifika kbira u trid tiġi protetta minn approprjazzjoni illegali u serq;

D.  billi ftit wara tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija, saru tentattivi biex tinstab proprjetà misruqa u biex din tiġi rritornata lill-pajjiż ta' oriġini tagħha;

E.  billi trid tiġi żgurata r-restituzzjoni ta' oġġetti nnegozjati u/jew skavati jew akkwistati illegalment fir-rigward tal-impenn tal-UE għal proċessi ġusti u kumpens għall-vittmi, kif ukoll fid-dawl tal-kostituzzjoni tal-UNESCO u l-konvenzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-patrimonju;

F.  billi l-Prinċipji tal-Konferenza ta' Washington dwar Arti Kkonfiskata min-Nażisti, il-Forum ta' Vilnius u d-Dikjarazzjoni ta' Terezin dwar Assi minn Żmien l-Olokawst u Kwistjonijiet Relatati kollha enfasizzaw l-importanza tar-restituzzjoni tal-proprjetà immobbli individwali; billi l-għadd ta' opri tal-arti li ġew restitwiti mill-Konferenza ta' Washington 'l hawn hu stmat li jinsab bejn 1 000 u 2 000[9]; billi ma teżistix lista kompluta ta' opri tal-arti restitwiti fi snin reċenti;

G.  billi għad hemm opri tal-arti neqsin u dawk li għadhom qed jistennew biex jingħataw lura lis-sidien leġittimi tagħhom jew lill-werrieta tagħhom; billi fil-Konferenza ta' Washington fl-1998, Jonathan Petropoulos għamel stima li madwar 650 000 opra tal-arti kienu nsterqu minn madwar l-Ewropa, u Ronald Lauder iddikjara li 11 000 opra tal-arti li dak iż-żmien (1998) kienu jiswew bejn USD 10 u USD 30 biljun kienu għadhom neqsin; billi l-Konferenza tat-Talbiet-WJRO ġeneralment twieġeb li ma hemm ebda stima preċiża: insterqu madwar 650 000 opra tal-arti, li minnhom għadhom neqsin madwar 100 000;

H.  billi l-litiganti għadhom jiltaqgħu ma' problemi legali minħabba, minn naħa waħda, in-natura tat-talbiet tagħhom li spiss ikunu speċifiċi ħafna, u min-naħa l-oħra, kawża tal-iskadenza tal-liġijiet ta' restituzzjoni wara l-gwerra, in-nonretroattività ta' normi konvenzjonali, l-istatut ta' dispożizzjonijiet ta' limitazzjoni fuq talbiet jew id-dispożizzjonijiet dwar pussess ħażin u bona fide;

I.  billi t-talbiet ta' restituzzjoni ta' opri tal-arti u proprjetà kulturali misruqa prinċipalment ġew indirizzati permezz tad-dritt internazzjonali pubbliku; billi dawn ir-regoli jridu jiġu kkomplementati minn regoli aktar b'saħħithom fid-dritt internazzjonali privat;

J.  billi d-dimensjoni tad-dritt privat li mhijiex żviluppata biżżejjed, kemm fil-livell internazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew, tikkontribwixxi għal inċertezza legali f'każijiet ta' restituzzjoni transkonfinali ta' opri tal-arti u proprjetà kulturali misruqa, mhux biss fir-rigward ta' tranżazzjonijiet kompleti ta' arti misruqa min-Nazisti iżda wkoll fir-rigward ta' każijiet futuri;

K.  billi ma teżisti ebda leġiżlazzjoni tal-UE li b'mod espliċitu u komprensiv tirregola t-talbiet ta' restituzzjoni għal opri tal-arti u proprjetà kulturali misruqa minn individwi privati waqt kunflitti armati;

L.  billi l-UNESCO, flimkien ma' swali tal-irkant, mużewijiet u kollezzjonisti magħrufa fl-Ewropa, qed tiżviluppa riċerka avvanzata dwar il-post ta' provenjenza ta' dawn l-opri sabiex tkun tista' tirritornahom lis-sidien tagħhom;

M.  billi l-Kunsill Internazzjonali tal-Mużewijiet (ICOM) ilu aktar minn 10 snin jippubblika "Listi Ħomor" ta' kategoriji ta' oġġetti li huma vulnerabbli għat-traffikar illeċitu, bl-għan li jikkomplementa l-bażi tad-data tal-Interpol dwar il-proprjetà misruqa;

1.  Jiddispjaċih li, sa issa, prattikament ma kien hemm ebda segwitu għar-riżoluzzjoni tiegħu dwar qafas legali għal moviment liberu, fi ħdan is-suq intern, tal-oġġetti li s-sjieda tagħhom aktarx tiġi kkontestata, li fiha l-Parlament stieden lill-Kummissjoni biex twettaq studju dwar għadd ta' aspetti relatati mar-regoli tal-liġi ċivili u proċedurali, riċerka dwar il-provenjenza, sistema ta' kkatalogar, mekkaniżmi alternattivi għas-soluzzjoni tat-tilwim u l-valur tal-ħolqien ta' awtorità amministrattiva ta' koordinazzjoni transkonfinali; iqis li l-Artikolu 81(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jista' jservi bħala bażi ġuridika għall-għoti ta' setgħat lill-Unjoni biex taġixxi f'dan il-qasam;

2.  Jenfasizza li s-serq ta' opri tal-arti u proprjetà kulturali oħra matul kunflitti armati u gwerer, kif ukoll fi żminijiet ta' paċi, huwa kwistjoni ewlenija ta' tħassib komuni li jeħtieġ tiġi indirizzata kemm f'termini ta' prevenzjoni kif ukoll ta' restituzzjoni ta' proprjetà kulturali misruqa, sabiex tiġi protetta u żgurata l-integrità tal-patrimonju kulturali u l-identità tas-soċjetajiet, tal-komunitajiet, ta' gruppi u ta' individwi;

3.  Josserva li ma ngħatatx biżżejjed attenzjoni, fil-livell tal-UE, lir-restituzzjoni ta' opri tal-arti u proprjetà kulturali misruqa jew miksuba illegalment, fost l-oħrajn waqt kunflitti armati, b'mod partikolari fl-oqsma tal-liġi privata, il-liġi internazzjonali privata u l-proċedura ċivili; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproteġi, tappoġġa u tħeġġeġ talbiet ta' restituzzjoni transkonfinali ta' assi kulturali spustati u miksuba illegalment b'riżultat ta' atti ta' serq issanzjonati mill-istat waqt kunflitti armati; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri joħorġu rakkomandazzjonijiet u linji gwida biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-ħtieġa li jingħata appoġġ lill-istituzzjonijiet nazzjonali fl-Istati Membri f'dak li jikkonċerna t-talbiet ta' restituzzjoni;

4.  Jisħaq fuq il-punt li istituzzjonijiet bħall-UNESCO u l-Interpol qed jappellaw għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-patrimonju kulturali u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-istati biex jistabbilixxu miżuri għall-faċilitazzjoni tar-restituzzjoni;

5.  Jiddispjaċih li ma hemm ebda statistika affidabbli dwar l-iskala preċiża tas-serq u l-kummerċ illeċitu ta' proprjetà kulturali; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jistabbilixxu statistika affidabbli f'dan il-qasam;

6.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-biċċa l-kbira mill-inizjattivi politiċi u leġiżlattivi jiffukaw esklużivament fuq id-dritt pubbliku, amministrattiv u/jew kriminali; jisħaq fuq il-punt li sabiex jiġi stabbilit qafas regolatorju komprensiv, id-dritt privat irid jitqies b'mod aktar intensiv; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jadottaw il-miżuri xierqa u l-inizjattivi kollha meħtieġa biex jinkiseb dan;

7.  Iqis li jeħtieġ issir investigazzjoni ulterjuri biex jinxteħet dawl fuq il-qasam oskur tal-kummerċ illeċitu ta' proprjetà kulturali u biex tinkiseb informazzjoni aħjar dwar l-iskala, l-istruttura u d-daqs tiegħu, pereżempju permezz tal-proġett ILLICID li attwalment qed jitwettaq fil-Ġermanja;

8.  Jilqa' r-rikonoxximent minn xi Stati Membri li l-problemi uniċi assoċjati mat-talbiet ta' restituzzjoni ta' opri tal-arti u proprjetà kulturali misruqa jew miksuba illegalment waqt kunflitti armati u gwerer iridu jiġu indirizzati, sabiex jinstabu soluzzjonijiet legali li jiżguraw id-drittijiet ta' proprjetà ta' individwi privati, istituzzjonijiet tal-gvern statali u lokali u assoċjazzjonijiet reliġjużi li, b'mod inġust, ittiħdulhom l-opri tal-arti tagħhom waqt kunflitti armati jew gwerer;

9.  Jisħaq fuq l-importanza li titqajjem sensibilizzazzjoni kollettiva biex jiġu ddenunzjati dawn il-prattiki illegali, u jfakkar li kull oġġett li jittieħed mingħand sidu jirrappreżenta valur storiku u xjentifiku mitluf għal dejjem;

10.  Josserva li l-aktar mod effiċjenti kif jiġi miġġieled it-traffikar ta' proprjetà kulturali u l-iżvilupp tas-suq tal-arti illegali, kif ukoll biex tiġi appoġġata r-restituzzjoni, huwa li jitrawwem l-iżvilupp ta' prattiki ġusti fil-kummerċ tal-arti u fir-restituzzjoni minn perspettiva transnazzjonali u globali, kemm f'dak li jikkonċerna l-effett preventiv intiż tagħhom kif ukoll l-impatt koerċittiv jew punittiv mixtieq;

11.  Iqis li sabiex ikun hemm sett ta' regoli għall-prevenzjoni effettiva tas-serq u l-kuntrabandu ta' opri tal-arti u proprjetà kulturali, u biex jinkiseb suq tal-arti globali kompletament trasparenti, responsabbli u etiku, il-Kummissjoni għandha tfittex li tikkoopera ma' pajjiżi terzi bil-ħsieb li jiġu stabbiliti sħubiji siewja, filwaqt li jitqiesu, għal dan il-għan, il-prinċipji stipulati fil-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995 dwar oġġetti kulturali misruqa jew esportati illegalment;

12.  Iqis li l-azzjoni leġiżlattiva tal-UE, inkluża d-dimensjoni tad-dritt internazzjonali privat, tkun xierqa għal tranżazzjonijiet futuri biss;

13.  Iqis li, bl-għan li jiġi stabbilit suq tal-arti Ewropew responsabbli u etiku, wasal iż-żmien li jintemmu s-snin ta' konvoluzzjonijiet u differenzi sottili; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tidentifika miżuri tal-liġi ċivili bl-għan li jgħinu biex jingħelbu l-problemi diffiċli li jiltaqgħu magħhom il-partijiet privati li jfittxu r-restituzzjoni ta' opri tal-arti li ġenwinament jappartjenu lilhom; jistieden fl-istess ħin, lill-Kummissjoni biex tiżviluppa qafas għad-dibattiti ġdid għall-identifikazzjoni tal-aħjar prattiki u soluzzjonijiet għall-preżent u għall-futur;

14.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2017 dwar l-importazzjoni ta' beni kulturali (COM(2017) 375), kif ukoll l-emendi għall-proposta adottati mill-Parlament fil-25 ta' Ottubru 2018; itenni, fid-dawl tal-kamp ta' applikazzjoni globali tas-suq tal-arti u tal-għadd ta' oġġetti f'idejn privati, il-ħtieġa għal sforzi ulterjuri rigward ir-restituzzjoni transkonfinali ta' opri tal-arti u proprjetà kulturali misruqa f'kunflitti armati u gwerer; jenfasizza li r-riċerka dwar il-provenjenza u l-kooperazzjoni Ewropea taw prova tal-fatt li huma utli għall-identifikazzjoni u r-restituzzjoni sussegwenti ta' oġġetti misruqa, u f'xi każijiet evitaw il-finanzjament ta' gruppi terroristiċi jew ta' gwerer;

15.  Jiddispjaċih li minħabba n-nuqqas, il-laxkezza jew id-differenzi fir-regoli fost l-Istati Membri rigward ir-riċerka dwar il-provenjenza u d-diliġenza dovuta, ħafna talbiet ta' restituzzjoni transkonfinali ma jistgħux jitwettqu b'mod effettiv u kkoordinat, li jista', bħala riżultat, irawwem is-serq u t-traffikar u jinċentivizza l-kuntrabandu; josserva li, b'riżultat tan-nuqqas ta' standards komuni, il-proċedura applikabbli spiss tibqa' mhux ċara għall-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-mużewijiet, in-negozjanti ta' opri tal-arti, il-kollezzjonisti, it-turisti u l-vjaġġaturi; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tarmonizza r-regoli dwar ir-riċerka dwar il-provenjenza u tinkorpora xi wħud mill-prinċipji bażiċi tal-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995 dwar oġġetti kulturali misruqa jew esportati illegalment;

16.   Jenfasizza li hemm ħtieġa urġenti biex jiġi promoss attivament l-użu sistematiku tar-riċerka ta' kwalità għolja u indipendenti dwar il-provenjenza sabiex jiġu identifikati opri tal-arti misruqa, biex tiġi ffaċilitata r-restituzzjoni tagħhom lis-sidien leġittimi tagħhom, biex jinkiseb suq tal-arti kompletament trasparenti, responsabbli u etiku, u biex jiġi evitat u skoraġġut b'mod effettiv is-serq u t-traffikar tal-arti u l-proprjetà kulturali waqt kunflitti armati u gwerer; josserva l-possibilitajiet offruti mill-istrumenti finanzjarji Ewropej f'din id-direzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jħeġġu u jappoġġaw programmi ta' taħriġ speċjali dwar ir-riċerka dwar il-provenjenza fil-livell tal-Unjoni u f'dak nazzjonali, sabiex jgħinu b'mod partikolari lil dawk involuti fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' proprjetà kulturali biex jiżviluppaw u jtejbu l-għarfien espert tagħhom, inkluż permezz ta' proġetti transkonfinali;

17.  Iqis li r-riċerka dwar il-provenjenza hija marbuta mill-qrib mal-obbligu ta' diliġenza dovuta applikabbli meta jiġu akkwistati opri tal-arti, u tikkostitwixxi tħassib kbir għall-atturi kollha fis-suq tal-arti, billi l-akkwist, intenzjonat jew b'negliġenza, ta' opri tal-arti misruqa huwa punibbli taħt ċerti liġijiet nazzjonali;

18.  Iqis li ovvjament jenħtieġ li tingħata attenzjoni għall-ħolqien ta' lista komprensiva tal-oġġetti kulturali kollha, inklużi oġġetti kulturali li huma proprjetà tal-Lhud, li ġew misruqa min-Nażisti u mill-alleati tagħhom, minn meta dawn ittieħdu bi vjolenza sal-lum; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġa sistema ta' kkatalogar li għandha tintuża wkoll minn entitajiet pubbliċi u kollezzjonijiet tal-arti privati, bl-għan li tinġabar data dwar is-sitwazzjoni ta' proprjetà kulturali misruqa jew miksuba illegalment u dwar l-istat preċiż tat-talbiet eżistenti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġa proġetti ta' diġitizzazzjoni li kieku jistabbilixxu bażijiet ta' data diġitali jew jorbtu dawk eżistenti, sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' tali data u ta' riċerka dwar il-provenjenza;

19.  Iqis li sabiex tkun tista' ssir riċerka xierqa dwar il-provenjenza, irid jinħoloq reġistru ta' dokumenti jew tat-tranżazzjonijiet li jkun dettaljat kemm jista' jkun; jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġa b'mod attiv l-abbozzar ta' linji gwida komuni dwar tali reġistri u biex tadotta miżuri xierqa sabiex tħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu obbligu ġenerali biex il-professjonisti tas-suq tal-arti jżommu reġistru tat-tranżazzjonijiet bħal dan u, b'mod aktar ġenerali, jaderixxu mal-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995 dwar oġġetti kulturali misruqa jew esportati illegalment;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ attivitajiet ta' riċerka dwar il-provenjenza madwar l-Unjoni u biex tappoġġa dan finanzjarjament; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni torganizza forum ta' diskussjoni sabiex tiġi skambjata l-aħjar prattika u jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet għall-preżent u għall-futur;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra li tistabbilixxi mekkaniżmu alternattiv speċifiku għas-soluzzjoni tat-tilwim biex jittratta każijiet ta' talbiet ta' restituzzjoni ta' opri tal-arti u proprjetà kulturali, sabiex jingħelbu l-ostakoli legali eżistenti bħal forma ibrida ta' arbitraġġ u medjazzjoni; jisħaq fuq l-importanza ta' standards ċari u proċeduri trasparenti u newtrali;

22.  Josserva li l-istatuti ta' limitazzjoni spiss joħolqu diffikultajiet għar-rikorrenti fi kwistjonijiet ta' restituzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-kwistjoni u ssib il-bilanċ it-tajjeb għall-perjodu ta' limitazzjoni applikabbli għal talbiet ta' restituzzjoni ta' arti misruqa, inkluża arti misruqa min-Nażisti, li jenħtieġ li jqis kemm il-protezzjoni tal-interessi tal-vittmi tas-serq kif ukoll ta' dawk tas-suq; iqis li l-Att tal-Istati Uniti ta' Rkupru ta' Arti Esproprjata waqt l-Olokawst jista' jservi ta' eżempju;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis li tieħu azzjoni leġiżlattiva biex issaħħaħ is-sistema legali għal talbiet ta' restituzzjoni transkonfinali ta' opri tal-arti u proprjetà kulturali misruqa f'kunflitti armati u gwerer, abbażi ta' strumenti ta' dritt internazzjonali privat;

24.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kompetenti tal-UE jħeġġu lill-Istati Membri jikkondividu informazzjoni dwar prattiki eżistenti fir-rigward tal-kontroll ta' provenjenza ta' proprjetà kulturali, u biex jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom sabiex jarmonizzaw il-miżuri ta' kontroll u l-proċeduri amministrattivi li għandhom l-għan li jisabbilixxu l-provenjenza tal-proprjetà kulturali;

25.  Jindika n-nuqqas ta' koordinazzjoni fil-livell tal-Istati Membri rigward l-interpretazzjoni tal-kunċett ta' "diliġenza dovuta"; jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara l-kunċett ta' "diliġenza dovuta" fir-rigward tal-bona fide; jindika, pereżempju, għall-Artikolu 16 tal-Liġi Federali Żvizzera dwar it-Trasferiment Internazzjonali ta' Proprjetà Kulturali, li jipprojbixxi lin-negozjanti u lill-irkantaturi milli jidħlu fi tranżazzjoni tal-arti jekk ikollhom xi dubju dwar il-provenjenza tal-oġġett; josserva li, skont din il-liġi, l-oneru tal-provi jiġi ttrasferit parzjalment lill-bejjiegħ; madankollu, il-pussessur ta' opra tal-arti ma jistax jistrieħ fuq il-prinċipju ta' bone fide jekk huwa ma jkunx jista' jagħti prova li huwa kien ta l-attenzjoni dovuta meta saret l-akkwiżizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tadotta miżuri li jkollhom l-għan li jagħmlu s-suq tal-arti kif ukoll ix-xerrejja potenzjali ta' artefatti konxji mill-importanza tar-riċerka dwar il-provenjenza, billi tali riċerka hija marbuta mal-obbligu ta' diliġenza dovuta;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa prinċipji komuni dwar l-aċċess għal arkivji pubbliċi jew privati li jinkludu informazzjoni dwar l-identifikazzjoni u l-lokazzjoni ta' proprjetà, u biex tipproċedi għal immappjar bir-reqqa tal-bażijiet tad-data eżistenti ta' proprjetà kulturali u biex tipprevedi l-ħolqien ta' meta-database ċentrali li tqis l-informazzjoni disponibbli, tiġi aġġornata regolarment u tkun aċċessibbli għall-atturi rilevanti kollha; iqis li, abbażi ta' din il-meta-database ċentrali, jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema komuni ta' kkatalogar li tkun tista' tuża IDs standardizzati tal-oġġetti; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ l-introduzzjoni ta' IDs tal-oġġetti żviluppati u promossi minn ICOM u minn organizzazzjonijiet oħra bħala l-istandard tas-suq fi ħdan is-suq intern fl-intier tiegħu; jindika li bażi tad-data bħal dan jenħtieġ li tkun marbuta mal-"Bażi tad-Data dwar l-Opri tal-Arti Misruqa" tal-INTERPOL u li għandha tiġi aġġornata regolarment;

27.  Iqis li, biex tkun tista' ssir riċerka dwar il-provenjenza aktar bir-reqqa u preċiża, il‑ħolqien ta' reġistru ta' dokumenti jew ta' reġistru tat-tranżazzjonijiet ta' proprjetà kulturali jista' jikkomplementa l-bażi tad-data msemmija hawn fuq b'mod utli; jitlob lill-Kummissjoni biex tadotta miżuri xierqa sabiex tħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu obbligu ġenerali biex l-atturi tas-suq tal-arti jżommu reġistri dokumentarji jew reġistri tat-tranżazzjonijiet bħal dawn u, b'mod aktar ġenerali, jaderixxu mal-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995 dwar oġġetti kulturali misruqa jew esportati illegalment;

28.  Iqis li l-bażi tad-data ċentrali jenħtieġ li tiffunzjona abbażi ta' sistema ta' kkatalogar komuni fejn l-oġġetti jkunu jistgħu jiġu identifikati b'mod standardizzat (filwaqt li jitqiesu karatteristiċi bħal materjali, tekniki, qisien, skrizzjonijiet, titlu, suġġett, data jew perjodu, eċċ.);

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika prinċipji komuni dwar kif jiġu stabbiliti s-sjieda jew it-titolu, kif ukoll regoli dwar il-preskrizzjoni u l-istandards ta' provi u l-kunċett ta' serq u arti, filwaqt jitqiesu r-regoli rilevanti fis-seħħ fl-Istati Membri;

30.  Jistieden lill-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa biex jadottaw miżuri biex jiżguraw il-ħolqien ta' mekkaniżmi li jiffavorixxu r-ritorn tal-proprjetà msemmija f'din ir-riżoluzzjoni, u biex joqogħdu attenti biex ir-ritorn lir-rikorrenti leġittimi ta' opri tal-arti misruqa u miksuba illegalment matul reati kontra l-umanità jkun kwistjoni ta' interess ġenerali skont l-Artikolu 1 tal-Protokoll 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

31.  Jenfasizza li sabiex ikun hemm sett ta' regoli li jista' jipprevjeni b'mod effettiv is-serq ta' opri tal-arti u ta' proprjetà kulturali, u biex jinkiseb suq tal-arti globali kompletament trasparenti, responsabbli u etiku, il-Kummissjoni jenħtieġ li tfittex li tikkoopera ma' pajjiżi terzi u li tistabbilixxi sħubiji siewjali jiffavorixxu r-ritorn tal-proprjetà msemmija f'din ir-riżoluzzjoni, filwaqt li tqis iż-żewġ prinċipji stipulati fil-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995 dwar oġġetti kulturali misruqa jew esportati illegalment u fl-Artikolu 1 tal-Protokoll 1 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem;

32.  Ifakkar li l-edukazzjoni tippromwovi r-rispett u l-apprezzament ta' opri tal-arti u proprjetà kulturali oħra bħala simboli tal-patrimonju kulturali, u li għalhekk għandha rwol importanti fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment tas-serq u n-negozju illeċitu ta' proprjetà kulturali; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jħeġġu u jappoġġaw attivitajiet edukattivi u ta' sensibilizzazzjoni f'dan ir-rigward, inkluż f'kuntesti mhux formali u informali;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti kollha jadottaw miżuri li għandhom l-għan li jagħmlu s-suq tal-arti kif ukoll ix-xerrejja potenzjali ta' artefatti konxji mill-importanza tar-riċerka dwar il-provenjenza, billi tali riċerka hija marbuta mal-obbligu ta' diliġenza dovuta;

34.  Ifakkar li l-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-pulizija u s-servizzi doganali fil-livell Ewropew u internazzjonali hija essenzjali fil-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu ta' opri ta' patrimonju kulturali;

35.  Jappoġġa l-idea li l-proċeduri ta' restituzzjoni transkonfinali fir-rigward ta' opri tal-arti u proprjetà kulturali misruqa jew miksuba illegalment, u l-promozzjoni attiva tar-riċerka dwar il-provenjenza, jiġu indirizzati fil-kuntest tal-inizjattiva tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali ("EYCH") 2018; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-grupp ta' ħidma li waqqfet biex jinkludu dan is-suġġett fil-pjan ta' ħidma tagħhom li jiddeskrivi l-attivitajiet għall-EYCH 2018;

°

°  °

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.

  • [1]    ĠU C 17, 22.1.1996, p. 199.
  • [2]    ĠU C 292, 21.9.1998, p. 166.
  • [3]    ĠU C 346, 21.9.2016, p. 55.
  • [4]    ĠU L 159, 28.5.2014, p. 1.
  • [5]    ĠU L 39, 10.2.2009, p. 1.
  • [6]    ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.
  • [7]    ĠU C 91E, 15.4.2004, p. 500.
  • [8]    ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1.
  • [9]    Skont il-Konferenza tat-Talbiet-Inizjattiva tad-WJRO għal Arti Misruqa u Proprjetà Kulturali.

NOTA SPJEGATTIVA

Fi snin reċenti, is-suġġett tal-arti misruqa u r-restituzzjoni ta' proprjetà kulturali ngħata aktar attenzjoni kemm fl-investigazzjoni storika kif ukoll fil-kuxjenza tal-pubbliku. Il-problema tal-proprjetà kulturali misruqa, li nsterqet fi żmien il-gwerra permezz ta' atti ta' vjolenza, konfiska jew permezz ta' tranżazzjonijiet jew irkanti apparentement legali, għadha parti mill-istorja tal-bniedem. Is-serq fi żminijiet kolonjali kif ukoll is-serq fis-Sirja u fl-Iraq għadhom problema kbira ħafna.

Waħda mill-akbar serqiet organizzati u istituzzjonalizzati ta' opri tal-arti fl-istorja seħħet matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Miljuni ta' oġġetti ta' sinifikat kulturali ġew ikkonfiskati jew insterqu min-Nażisti; illum il-ġurnata, aktar minn sebgħin sena wara tmiem il-gwerra, eluf ta' oġġetti tal-arti għadhom neqsin u għadhom qed jistennew li jiġu rritornati lis-sidien leġittimi tagħhom jew lill-werrieta tagħhom. Spiss il-qrati ma jkunux jistgħu jivvalutaw it-talbiet fuq il-merti tagħhom.

Skont id-dritt internazzjonali, dan is-serq kien illegali. Matul il-gwerra, in-Nazzjonijiet Uniti għamluha ċara li proprjetà misruqa rkuprata mill-Istati kellha tiġi rritornata lill-pajjiż ta' oriġini tagħha sabiex tingħata lura lis-sid oriġinali tagħha. Din il-proprjetà misruqa mbagħad ingħatat status speċjali mit-Tribunal ta' Nuremberg, li espressament iddeċieda li skont l-Artikolu 6(b) tal-Karta ta' Nuremberg, is-serq ta' proprjetà privata matul il-gwerra jista' jikkostitwixxi reat skont id-dritt internazzjonali. Fis-sentenza finali tiegħu, it-Tribunal speċifikament iddeċieda li ċertu serq li seħħ wara l-1 ta' Settembru 1939 kien reat kontra l-umanità. Liġijiet nazzjonali adottati wara l-gwerra fl-Iżvizzera, fil-Belġju, fi Franza, fil-Ġermanja, fil-Greċja, fl-Italja u fin-Netherlands irrikonoxxew dan il-kunċett, u ħolqu preżunzjoni favur is-sid oriġinali ta' proprjetà misruqa matul dan il-perjodu. L-iskadenza tal-liġijiet ta' restituzzjoni wara l-gwerra, in-nonretroattività tan-normi konvenzjonali, u diversi kunċetti legali bħal perjodi ta' limitazzjoni għal talbiet jew pussess ħażin, bona fide u n-nuqqas ta' definizzjoni ta' arti misruqa, huma xi raġunijiet għalfejn jeżistu standards internazzjonali fir-rigward ta' talbiet privati għal arti misruqa min-Nażisti.

Wara l-Konvenzjoni tal-Aja tal-1954 għall-protezzjoni ta' proprjetà kulturali fil-każ ta' kunflitt armat[1], il-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-1970 dwar il-mezzi ta' projbizzjoni u prevenzjoni ta' importazzjoni, esportazzjoni u trasferiment illeċitu ta' sjieda ta' proprjetà kulturali[2], il-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995 dwar oġġetti kulturali misruqa jew esportati illegalment[3], il-Konvenzjoni ta' Washington reġgħet qajmet diskussjoni fuq livell internazzjonali dwar il-kwistjoni tar-riċerka dwar il-provenjenza u r-restituzzjoni ta' opri tal-arti lis-sidien leġittimi tagħhom ta' qabel il-gwerra, jew inkella lill-werrieta tagħhom. Il-prattika internazzjonali llum il-ġurnata hija kkaratterizzata minn nuqqas ta' trasparenza: spiss il-każijiet jiġu solvuti u x-xogħlijiet "awtorizzati" fi ftehim kunfidenzjali mingħajr argumentazzjoni legali. Madankollu, l-Awstrija, Franza, in-Netherlands, ir-Renju Unit u l-Ġermanja ffurmaw panels biex jgħinu lill-istituzzjonijiet f'każijiet ta' restituzzjoni. F'Settembru 2018, il-Moderna Museet u n-Nationalmuseum ta' Stokkolma ressqu proposta lill-gvern Żvediż li fiha talbu wkoll il-ħolqien ta' panel indipendenti biex jassisti fit-trattament ta' każijiet ta' arti misruqa min-Nażisti.

Esperti bbażati f'istituzzjonijiet lokali, nazzjonali u internazzjonali bħal ministeri, mużewijiet, swali tal-irkant, arkivji, galleriji jew saħansitra kolletturi privati bdew jadottaw miżuri mfassla biex jimmotivaw lid-dinja tal-arti biex tadotta prattiki ġusti għall-identifikazzjoni, l-irkupru u r-restituzzjoni ta' arti misruqa. Madankollu, il-qasam għadu maqsum f'kategoriji skont linji nazzjonali, istituzzjonali u professjonali u għadu juri tendenza sinifikanti li jiffoka fuq każijiet jew kollezzjonijiet speċifiċi[4]. Ara l-istudju kkummissjonat mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tad-Dipartiment Tematiku għall-Politiki tad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali "Cross-border restitution of claims of art looted in armed conflicts and wars and alternatives to court litigation" (Talbiet ta' restituzzjoni transkonfinali ta' arti misruqa waqt kunflitti armati u gwerer u soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim fil-qorti).

F'dan l-isfond, saru għadd ta' sforzi mill-Unjoni Ewropea biex tindirizza l-konsegwenzi li rriżultaw mis-serq tal-arti matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Dawn l-isforzi nbdew bid-Direttiva tal-Kunsill 93/7/KEE dwar ir-ritorn ta' oġġetti kulturali li tneħħew illegalment mit-territorju ta' Stat Membru, li stabbiliet mekkaniżmu ta' kooperazzjoni fost l-Istati Membri mfassal aħjar biex jipproteġi u jiggarantixxi l-integrità tal-patrimonju kulturali tal-Istati Membri. Din id-Direttiva malajr ġiet segwita bl-adozzjoni, mill-Parlament Ewropew fl-14 ta' Diċembru 1995, ta' Riżoluzzjoni dwar ir-ritorn ta' proprjetà misruqa lill-komunitajiet Lhud, kif ukoll l-adozzjoni, fis-16 ta' Lulju 1998, ta' Riżoluzzjoni dwar ir-restituzzjoni ta' proprjetà li tappartjeni lil vittmi tal-Olokawst. Ir-rapport ta' De Clerq dwar qafas legali għall-moviment liberu, fi ħdan is-suq intern, ta' oġġetti li s-sjieda tagħhom aktarx tiġi kkontestata, ġie adottat b'mod unanimu fil-livell tal-kumitat fis-17 ta' Novembru 2003[5]. Xahar wara, il-plenarja tal-Parlament Ewropew adottat ir-riżoluzzjoni b'maġġoranza assoluta ta' 487 vot favur u 10 kontra, fejn appellat biex l-Istati Membri jagħmlu l-isforzi kollha meħtieġa biex jadottaw miżuri sabiex jiżguraw il-ħolqien ta' mekkaniżmi li jiffavorixxu r-ritorn ta' opri tal-arti misruqa lir-rikorrenti leġittimi tagħhom. Din talbet ukoll azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, li kien imissha wettqet studju dwar aspetti differenti relatati mar-regoli tal-liġi ċivili u dik proċedurali, ir-riċerka dwar il-provenjenza, is-sistemi ta' kkatalogar, mekkaniżmu alternattiv għas-soluzzjoni tat-tilwim, u l-valur tal-ħolqien ta' awtorità amministrattiva ta' koordinazzjon transkonfinali. Il-Kummissjoni ma tat ebda segwitu għat-talbiet tal-Parlament.

Fil-livell internazzjonali, ma teżisti l-ebda regola armonizzata ta' kunflitt ta' ġurisdizzjoni dwar din il-kwistjoni speċifika. Ir-Regolament (UE) 1215/2012[6] ("Brussell I") u l-Konvenzjoni ta' Lugano dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandhom l-għan li jiddeterminaw minn qabel liema qorti jew qrati se jkollhom ġurisdizzjoni. L-Artikolu 7(4) ta' Brussell I jistabbilixxi l-qorti kompetenti għall-eżaminazzjoni ta' talbiet ċivili għall-irkupru ta' oġġett kulturali abbażi tas-sjieda. Madankollu, l-applikazzjoni tiegħu hija limitata għall-kategorija definita ta' proprjetà kulturali protetta mid-Direttiva 93/7/KE (issa mħassra u ssostitwita mid-Direttiva 2014/60). Brussell I iġib xi grad ta' ċertezza fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' kunflitt ta' liġijiet dwar il-ġurisdizzjoni, iżda mhux fir-rigward tal-għażla tal-liġi, l-istatut tal-limitazzjonijiet, l-istandards tal-prova jew il-mod ta' kif jinkiseb it-titolu. Dawn huma rregolati mir-Regolament (KE) Nru 593/2008[7] ("Ruma I") u r-Regolament (KE) 864/2007[8] ("Ruma II"). Ruma I u Ruma II japplikaw għal talba fir-rigward ta' arti misruqa jew arti miksuba bi pressjoni, jekk it-talba tkun irriżultat fl-għamla ta' kuntratt jew litigazzjoni tat-tort. Billi jistabbilixxu l-liġi applikabbli għal tilwima, ir-Regolamenti Ruma se jiddeterminaw ukoll l-istatut tal-limitazzjonijiet, il-mod ta' kif jinkiseb titolu tajjeb u l-istandards ta' prova li jenħtieġ li jirregolaw il-kwistjonijiet. Madankollu r-Regolamenti huma prospettivi fl-operazzjoni u japplikaw biss għal kuntratti li ġew konklużi mis-17 ta' Diċembru 2009 u għal avvenimenti li jirriżultaw fi ħsara li seħħew fil-11 ta' Jannar 2009 jew wara, rispettivament. Talbiet kontra konvenuti domiċiljati barra l-Istati Membri ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni tagħhom. F'dawk il-każijiet, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat għandha tiġi ddeterminata mir-regoli privati tad-dritt internazzjonali ta' dak l-Istat.

Aspett importanti ta' kif isir progress fit-talbiet ta' restituzzjoni transkonfinali ta' opri tal-arti u proprjetà kulturali misruqa waqt kunflitti armati u fil-gwerer huwa li jiġi ddefinit il-kamp ta' applikazzjoni. B'mod ġenerali, dan jista' jinqasam fi tliet kategoriji kbar:

1.  Serq li seħħ f'żona storika bħal kolonizzazzjoni.

2.  Serq li seħħ fi żminijiet reċenti bħat-Tieni Gwerra Dinjija.

3.  Serq li jseħħ fil-preżent u fil-futur.

It-tlieta kollha jirrikjedu trattamenti u strumenti ta' politika differenti.

  • [1]    L-14 ta' Mejju 1954, 249 UNTS 240.
  • [2]    Is-17 ta' Novembru 1970, 823 UNTS 231.
  • [3]    L-24 ta' Ġunju 1995, 34 ILM 1322.
  • [4]    Ara l-istudju kkummissjonat mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tad-Dipartiment Tematiku għall-Politiki tad-Drittijiet taċ-Ċittadini u l-Affarijiet Kostituzzjonali "Cross-border restitution of claims of art looted in armed conflicts and wars and alternatives to court litigation" (Talbiet ta' restituzzjoni transkonfinali ta' arti misruqa waqt kunflitti armati u gwerer u soluzzjonijiet alternattivi għat-tilwim fil-qorti).
  • [5]    A5-0278/2003.
  • [6]    Ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (riformulazzjoni), ĠU L 351, 20.12.2012, p. 1.
  • [7]    Ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I), ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.
  • [8]   Ir-Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parl ament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (Ruma II) (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 40.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (28.6.2018)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali

dwar talbiet ta' restituzzjoni transkonfinali ta' opri tal-arti u proprjetà kulturali misruqa waqt kunflitti armati u gwerer
(2017/2023(INI))

Relatur għall-opinjoni (*): Nikolaos Chountis

(*)  Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-edukazzjoni tippromwovi r-rispett u l-apprezzament ta' opri tal-arti u proprjetà kulturali oħra bħala simboli tal-patrimonju kulturali u l-identità, u li għalhekk għandha rwol importanti fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment tas-serq u n-negozju illeċitu ta' proprjetà kulturali; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jħeġġu u jappoġġaw attivitajiet edukattivi u ta' sensibilizzazzjoni f'dan ir-rigward, inkluż f'kuntesti mhux formali u informali;

2.  Jenfasizza li n-natura transkonfinali tal-biċċa l-kbira mit-talbiet għar-restituzzjoni teħtieġ approċċ transkonfinali ċar u koerenti li jkun jista' jegħleb id-diffikultajiet eżistenti u jiffaċilita l-ksib ta' soluzzjonijiet ġusti; jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi l-istabbiliment ta' korp konsultattiv fil-livell tal-Unjoni biex jassisti lill-Istati Membri u lil atturi oħra fl-isforzi tagħhom biex isibu u jidentifikaw opri tal-arti u proprjetà kulturali oħra misruqa u biex iħaffu r-restituzzjoni lis-sidien leġittimi tagħhom;

3.  Jenfasizza li s-serq ta' opri tal-arti u proprjetà kulturali oħra matul kunflitti armati u gwerer, kif ukoll fi żminijiet ta' paċi, huwa kwistjoni ewlenija ta' tħassib komuni li jeħtieġ li tiġi indirizzata kemm f'termini ta' prevenzjoni kif ukoll ta' restituzzjoni ta' proprjetà kulturali misruqa, sabiex tiġi protetta u żgurata l-integrità tal-patrimonju kulturali u l-identità tas-soċjetajiet, tal-komunitajiet, ta' gruppi u ta' individwi;

4.   Jenfasizza li hemm ħtieġa urġenti biex jiġi promoss attivament l-użu sistematiku tar-riċerka ta' kwalità għolja u indipendenti dwar il-provenjenza sabiex jiġu identifikati opri tal-arti misruqa, biex tiġi ffaċilitata r-restituzzjoni tagħhom lis-sidien leġittimi tagħhom, biex jinkiseb suq tal-arti kompletament trasparenti, responsabbli u etiku, u biex jiġi evitat u skoraġġut b'mod effettiv is-serq u t-traffikar tal-arti u l-proprjetà kulturali waqt kunflitti armati u gwerer; josserva l-possibilitajiet offruti mill-istrumenti finanzjarji Ewropej f'din id-direzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jħeġġu u jappoġġaw programmi ta' taħriġ speċjali dwar ir-riċerka dwar il-provenjenza fil-livell tal-Unjoni u f'dak nazzjonali, sabiex jgħinu b'mod partikolari lil dawk involuti fil-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu ta' proprjetà kulturali biex jiżviluppaw u jtejbu l-għarfien espert tagħhom, inkluż permezz ta' proġetti transkonfinali;

5.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta' Lulju 2017 għal regolament dwar l-importazzjoni ta' beni kulturali; meta wieħed iqis l-ambitu globali tas-suq tal-arti u l-għadd ta' oġġetti f'idejn il-privat, dan jenfasizza l-ħtieġa għal aktar sforzi fir-rigward tar-restituzzjoni transkonfinali ta' opri tal-arti u proprjetà kulturali misruqa f'kunflitti armati u gwerer; jenfasizza li r-riċerka dwar il-provenjenza u l-kooperazzjoni Ewropea taw prova tal-fatt li huma utli għall-identifikazzjoni ta' oġġetti misruqa u biex sussegwentement dawn jiġu restitwiti, u f'xi każijiet biex ġie evitat il-finanzjament ta' gruppi terroristiċi jew ta' gwerer;

6.  Huwa konxju li r-riċerka dwar il-provenjenza hija marbuta mill-qrib mal-obbligu ta' diliġenza dovuta applikabbli meta jiġu akkwistati opri tal-arti, u tikkostitwixxi tħassib kbir għall-atturi kollha fis-suq tal-arti billi l-akkwist, intenzjonali jew b'negliġenza, ta' opri tal-arti misruqa huwa punibbli taħt ċerti liġijiet nazzjonali;

7.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu azzjoni xierqa biex iwaqqfu għalkollox il-kummerċ illegali ta' proprjetà kulturali mit-territorji ta' stati fi gwerra bħas-Sirja u l-Iraq, biex b'hekk jiġi evitat li l-proprjetà kulturali tintuża bħala sors ta' finanzjament tat-terroriżmu;

8.   Jiddispjaċih li minħabba n-nuqqas, il-laxkezza jew id-differenzi fir-regoli fost l-Istati Membri rigward ir-riċerka dwar il-provenjenza u d-diliġenza dovuta, ħafna talbiet għar-restituzzjoni transkonfinali ma jistgħux jitwettqu b'mod effettiv u kkoordinat, u dan jista' jrawwem is-serq u t-traffikar u jinċentivizza l-kuntrabandu; b'riżultat tan-nuqqas ta' standards komuni, il-proċedura applikabbli spiss tibqa' mhux ċara għall-partijiet kollha kkonċernati, inklużi l-mużewijiet, in-negozjanti ta' opri tal-arti, il-kollezzjonisti, it-turisti u l-vjaġġaturi; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni tarmonizza r-regoli dwar ir-riċerka dwar il-provenjenza u tinkorpora xi wħud mill-prinċipji bażiċi tal-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995 dwar oġġetti kulturali misruqa jew esportati illegalment;

9.   Josserva li ż-żieda fis-sensibilizzazzjoni pubblika fir-rigward ta' opri tal-arti u proprjetà kulturali misruqa matul it-Tieni Gwerra Dinjija u aktar reċentement iż-żieda fis-serq tal-arti u l-proprjetà kulturali matul il-kunflitti fl-Iraq u s-Sirja, minbarra l-importanza tar-riċerka dwar il-provenjenza, wasslet għall-iżvilupp ta' riżorsi utli għall-istabbiliment tal-istorja tas-sjieda ta' opra tal-arti; japprezza l-inizjattivi li ttieħdu minn mużewijiet u minn istituzzjonijiet pubbliċi u privati oħra bl-għan li jiġu żviluppati għodod li jiffaċilitaw ir-riċerka dwar il-provenjenza; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproċedi għal immappjar bir-reqqa tal-bażijiet tad-data eżistenti u biex tipprevedi l-ħolqien ta' meta-database ċentrali li tqis l-informazzjoni disponibbli, tkun aġġornata regolarment u tkun aċċessibbli għall-atturi rilevanti kollha;

10.   Iqis li, abbażi ta' din il-meta-database ċentrali, jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema komuni ta' kkatalogar li tista' tuża IDs standardizzati tal-oġġetti; jitlob, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ l-introduzzjoni ta' IDs tal-oġġetti żviluppati u promossi minn ICOM u minn organizzazzjonijiet oħra bħala l-istandard tas-suq fi ħdan is-suq intern intier;

11.   Iqis li sabiex tkun tista' ssir riċerka xierqa dwar il-provenjenza, huwa meħtieġ il-ħolqien ta' reġistru ta' dokumenti jew tat-tranżazzjonijiet li jkun dettaljat kemm jista' jkun; jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġa b'mod attiv l-abbozzar ta' linji gwida komuni dwar tali reġistri, kif ukoll biex tadotta miżuri xierqa sabiex tħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu obbligu ġenerali biex il-professjonisti tas-suq tal-arti jżommu reġistru tat-tranżazzjonijiet bħal dan u, b'mod aktar ġenerali, jaderixxu mal-Konvenzjoni tal-UNIDROIT tal-1995 dwar oġġetti kulturali misruqa jew esportati illegalment;

12.  Iqis li sabiex ikun hemm sett ta' regoli għall-prevenzjoni effettiva tas-serq u l-kuntrabandu ta' opri tal-arti u proprjetà kulturali, u biex jinkiseb suq tal-arti globali kompletament trasparenti, responsabbli u etiku, il-Kummissjoni jenħtieġ li tfittex li tikkoopera ma' pajjiżi terzi bil-ħsieb li jiġu stabbiliti sħubiji siewja, filwaqt li jitqiesu, għal dan il-għan, il-prinċipji stipulati fil-Konvenzjoni UNIDROIT tal-1995 dwar proprjetà kulturali misruqa jew esportata illegalment;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jaqsmu bejniethom informazzjoni dwar prattiki eżistenti fir-rigward tal-kontroll tal-provenjenza ta' proprjetà kulturali, u biex jintensifikaw il-kooperazzjoni tagħhom sabiex jarmonizzaw il-miżuri ta' kontroll u l-proċeduri amministrattivi li għandhom l-għan li jiddeterminaw il-provenjenza tal-proprjetà kulturali;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ u tappoġġa finanzjarjament attivitajiet ta' riċerka dwar il-provenjenza madwar l-Unjoni; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni torganizza forum ta' diskussjoni sabiex tiġi skambjata l-aħjar prattika u jinstabu l-aħjar soluzzjonijiet għall-preżent u għall-futur;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta miżuri li għandhom l-għan li jagħmlu s-suq tal-arti kif ukoll ix-xerrejja potenzjali ta' artefatti konxji mill-importanza tar-riċerka dwar il-provenjenza, billi riċerka bħal din hija marbuta mal-obbligu ta' diliġenza dovuta;

16.  Jappoġġa l-idea li l-proċeduri għar-restituzzjoni transkonfinali ta' opri tal-arti u proprjetà kulturali misruqan f'kunflitti armati u gwerer, u l-promozzjoni attiva tar-riċerka dwar il-provenjenza, jenħtieġ li jiġu indirizzati fil-kuntest tal-inizjattiva tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali ("EYCH") 2018; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-grupp ta' ħidma li waqqfet biex jinkludu dan is-suġġett fil-pjan ta' ħidma tagħhom li jiddeskrivi l-attivitajiet għall-EYCH 2018.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

23.1.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni aħħarija

+:

–:

0:

24

3

1

Membri preżenti għall-votazzjoni aħħarija

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Damian Drăghici, Angel Dzhambazki, Jill Evans, María Teresa Giménez Barbat, Petra Kammerevert, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Rupert Matthews, Stefano Maullu, Luigi Morgano, John Procter, Michaela Šojdrová, Yana Toom, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Theodoros Zagorakis, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni aħħarija

Algirdas Saudargas

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.11.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni aħħarija

+:

–:

0:

17

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni aħħarija

Joëlle Bergeron, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Mady Delvaux, Mary Honeyball, Sajjad Karim, Sylvia-Yvonne Kaufmann, António Marinho e Pinto, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, Axel Voss, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni aħħarija

Sergio Gaetano Cofferati, Luis de Grandes Pascual, Tiemo Wölken, Kosma Złotowski

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

17

+

ALDE

Jean-Marie Cavada, António Marinho e Pinto

EFDD

Joëlle Bergeron

GUE/NGL

Kostas Chrysogonos

PPE

Daniel Buda, Luis de Grandes Pascual, Pavel Svoboda, Axel Voss, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

S&D

Sergio Gaetano Cofferati, Mady Delvaux, Mary Honeyball, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Evelyn Regner, Tiemo Wölken

ĦODOR/AĦE

Julia Reda

1

-

ECR

Kosma Złotowski

0

0

 

 

It-tifsira tas-simboli:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Jannar 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza