Proċedura : 2018/2103(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0466/2018

Testi mressqa :

A8-0466/2018

Dibattiti :

PV 16/01/2019 - 19
CRE 16/01/2019 - 19

Votazzjonijiet :

PV 16/01/2019 - 21.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0032

RAPPORT     
PDF 641kWORD 75k
13.12.2018
PE 626.941v02-00 A8-0466/2018

dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017

(2018/2103(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Josep-Maria Terricabras

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea fl-2017

(2018/2103(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD) u d-dħul fis-seħħ tagħha fl-UE fil-21 ta' Jannar 2011 skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/48/KE tas-26 ta' Novembru 2009 dwar il-konklużjoni, mill-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(3),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali(4),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Kummissjoni tal-2017 dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE(5),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-UE Kontra l-korruzzjoni, maħruġ mill-Kummissjoni fl-2014 (COM(2014)0038),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2011 bit-titolu "Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE" (COM(2011)0308),

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra t-tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni (EU-MIDIS II),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Awwissu 2017 bit-titolu "Rieżami ta' nofs it-terminu tal-qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom" (COM(2017)0458),

–  wara li kkunsidra r-referenzi magħmula fir-rapporti preċedenti dwar l-istat tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu u tal-istituzzjonijiet u l-aġenziji Ewropej u internazzjonali l-oħra,

–  wara li kkunsidra r-rapporti mill-NGOs nazzjonali, Ewropej u internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-ħidma mwettqa mill-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), il-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni ta' Venezja,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-2017 tal-Aġenzija tal-UE għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-FRA bit-titolu "Antisemitism - Overview of data available in the European Union 2006-2016" (L-Anti-Semitiżmu - Ħarsa ġenerali lejn id-data disponibbli fl-Unjoni Ewropea 2006-2016),

–  wara li kkunsidra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tar-Rom bit-titolu "L-Anti-Żingariżmu fl-Ewropa u r-rikonoxximent, min-naħa tal-UE, tal-jum ta' tifkira tal-ġenoċidju tar-Rom matul it-Tieni Gwerra Dinjija"(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2017 bit-titolu "L-aspetti tad-drittijiet fundamentali fl-integrazzjoni tar-Rom fl-UE: il-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu"(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-anti-semitiżmu(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar il-protezzjoni u n-nondiskriminazzjoni fir-rigward tal-minoranzi fl-Istati Membri tal-UE(11),

–  wara li kkunsidra l-ħidma tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali kif ukoll tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0466/2018),

A.  billi r-rispett tal-istat tad-dritt huwa prerekwiżit għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, u billi l-Istati Membri għandhom ir-responsabilità aħħarija li jissalvagwardjaw id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha billi jadottaw u jimplimentaw it-trattati u l-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali jenħtieġ li jiġu kontinwament ikkonsolidati; billi kull tentattiv biex dawn il-prinċipji jiddgħajfu huwa għad-detriment mhux biss tal-Istat Membru kkonċernat iżda anki tal-Unjoni kollha kemm hi; billi l-korruzzjoni tikkostitwixxi theddida serja għad-demokrazija, għall-istat tad-dritt u għad-drittijiet fundamentali u tagħmel ħsara lill-Istati Membri kollha u lill-UE kollha kemm hi; billi l-implimentazzjoni tal-qafas legali kontra l-korruzzjoni għadha mhijiex indaqs fost l-Istati Membri;

B.  billi l-Parlament talab għal diversi drabi permezz tar-riżoluzzjonijiet u tar-rapporti tiegħu sabiex l-Istati Membri jistabbilixxu politiki xierqa biex jiġi żgurat li d-drittijiet soċjali, politiċi u ekonomiċi, fir-rigward tal-persuni b'diżabilità, il-persuni anzjani u l-persuni l-aktar vulnerabbli jiġu rrispettati; billi teżisti rabta b'saħħitha bejn id-drittijiet tal-minoranzi u l-prinċipju tal-istat tad-dritt; billi l-Artikolu 2 tat-TUE espressament isemmi d-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għal minoranzi u billi dawk id-drittijiet jistħoqqilhom l-istess trattament bħal drittijiet oħra minquxa fit-Trattati;

C.  billi fl-2017 komplew jaslu fl-Ewropa migranti u persuni li jfittxu asil iżda l-fruntieri u l-portijiet huma dejjem aktar magħluqa; billi din ir-realtà tirrikjedi solidarjetà reali tal-UE biex jiddaħħlu fis-seħħ strutturi ta' akkoljenza adegwati għal dawk l-aktar fil-bżonn u dawk li huma l-aktar vulnerabbli; billi ħafna migranti u persuni li jfittxu asil, li jfittxu li jaslu fl-UE, iqiegħdu ħajjithom f'idejn il-kuntrabandisti u l-kriminali u huma vulnerabbli għal ksur tad-drittijiet tagħhom, inklużi l-vjolenza, l-abbuż u l-isfruttament; billi n-nisa u t-tfal jinsabu f'riskju akbar li jiġu ttraffikati u abbużati sesswalment f'idejn it-traffikanti u għalhekk hemm il-ħtieġa li jinbnew u jissaħħu s-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal biex il-vjolenza, l-abbuż, in-negliġenza u l-isfruttament tat-tfal jiġu pprevenuti u tingħata reazzjoni għalihom, f'konformità mal-impenji mogħtija fil-Pjan ta' Azzjoni tal-Belt Valletta, kif ukoll ir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-3 ta' Mejju 2018 dwar il-protezzjoni tat-tfal migranti(12);

D.  billi r-rapport mir-Rapporteur Speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali waqt li jiġi miġġieled it-terroriżmu jqis li l-Istati għandhom l-obbligu li jipproteġu l-popolazzjonijiet tagħhom minn atti ta' terroriżmu, iżda l-miżuri tas-sigurtà, inklużi l-miżuri kontra t-terroriżmu, iridu jiġu segwiti permezz tal-istat tad-dritt u jridu jirrispettaw id-drittijiet fundamentali;

E.  billi r-Rapport tal-FRA bit-titolu "Violence against women: an EU-wide survey" (Il-vjolenza kontra n-nisa: stħarriġ fl-UE kollha), ippubblikat f'Marzu 2014, juri li terz tan-nisa kollha fl-Ewropa esperjenzaw atti ta' vjolenza fiżika jew sesswali mill-anqas darba matul il-ħajja adulta tagħhom, 20 % esperjenzaw fastidju online, waħda minn kull għoxrin ġew stuprati u aktar minn waħda minn kull għaxra sofrew vjolenza sesswali li kienet tinvolvi l-użu tal-forza, u jenfasizza li l-vjolenza kontra n-nisa jeħtieġ li tiġi indirizzata fl-Istati Membri kollha tal-UE, inklużi dawk li għadhom ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-visa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul), minħabba l-firxa tal-problema, il-konsegwenzi severi tal-vjolenza, u l-impatt li għandha fuq il-ħajja tan-nisa kif ukoll fuq is-soċjetà kollha; billi n-nisa b'diżabilità għandhom probabbiltà akbar li jbatu minn vjolenza domestika u attakk sesswali min-nisa mingħajr diżabilità;

F.  billi n-nisa u l-bniet fl-UE jesperjenzaw disparità strutturali bejn il-ġeneri f'varjetà ta' forom u f'firxa ta' ambjenti – inklużi d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, il-fastidju sesswali, il-vjolenza sessista u diskors ta' mibegħda misoġinistika – li tillimita b'mod sever l-abilità tagħhom li jgawdu d-drittijiet tagħhom u li jipparteċipaw fuq l-istess livell fis-soċjetà; billi fl-2017, il-moviment #MeToo qajjem sensibilizzazzjoni dwar il-livell u l-intensità tal-fastidju sesswali u l-vjolenza sesswali u sessista li jiffaċċjaw in-nisa; billi l-moviment #MeToo rriżulta f'xi momentum pożittiv għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, iżda l-każijiet ta' fastidju sesswali u ta' vjolenza sesswali u sessista għadhom mifruxa; billi fis-snin reċenti, rapporti indikaw riperkussjonijiet dejjem akbar fuq id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-UE; billi n-nisa fl-Unjoni mhumiex indaqs quddiem id-dritt għall-abort minħabba politiki u leġiżlazzjoni differenti fost l-Istati Membri;

G.  billi fis-soċjetajiet demokratiċi, il-libertà tal-kelma u l-libertà tal-għaqda huma fost l-istrumenti li permezz tagħhom in-nies jistgħu jipparteċipaw fid-dibattitu pubbliku u jiksbu l-bidla soċjali; billi l-libertà tal-midja, il-pluraliżmu u l-indipendenza huma komponenti kruċjali tad-dritt tal-libertà ta' espressjoni u huma vitali għall-funzjonament demokratiku tal-UE u tal-Istati Membri tagħha; billi l-ġurnalisti u atturi oħra fil-midja fl-UE huma f'riskju ta' diversi forom ta' attakki, theddid u pressjoni u saħansitra assassinji minn atturi statali u mhux statali; billi l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li kienet tispeċjalizza fl-investigazzjoni ta' skandli ta' evażjoni tat-taxxa, frodi tat-taxxa, korruzzjoni u ħasil tal-flus, ġiet assassinata f'Malta wara li kienet irrappurtat diversi theddidiet, u huma meħtieġa investigazzjonijiet indipendenti sabiex tkun tista' ssir l-identifikazzjoni sħiħa tal-awturi sabiex jitressqu quddiem il-ġustizzja; billi l-istampa kif ukoll l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għandhom rwol fundamentali fi ħdan demokrazija;

H.  billi l-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tiddikjara li kwalunkwe diskriminazzjoni bbażata fuq kwalunkwe raġuni bħas-sess, ir-razza, il-kulur, id-diżabilità, l-oriġini etnika jew soċjali, il-karatteristiċi ġenetiċi, ir-reliġjon jew it-twemmin, il-lingwa, l-appartenenza għal minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, għandha tkun ipprojbita; billi l-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon hija ggarantita bl-Artikolu 10 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali; billi attitudnijiet razzisti u ksenofobiċi persistenti qed jibdew jitqiesu bħala normali fl-Istati Membri u huma mħaddna minn dawk li jinfluwenzaw l-opinjoni u politikanti fl-UE kollha, u dan irawwem klima soċjali li tipprovdi art fertili għal razziżmu, diskriminazzjoni u reati ta' mibegħda; billi dawn l-attitudnijiet imorru kontra l-valuri komuni Ewropej li magħhom ikkonformaw l-Istati Membri kollha;

I.  billi l-migranti, id-dixxendenti tal-migranti u l-membri ta' gruppi soċjokulturali minoritarji jkomplu jiffaċċjaw diskriminazzjoni mifruxa, fl-Unjoni Ewropea kollha u fl-oqsma kollha tal-ħajja; billi l-istudji tal-FRA juru li l-vittmi f'sitwazzjoni ta' residenza irregolari mhumiex lesti li jirrappurtaw l-abbużi lil kwalunkwe awtorità pubblika u li status ta' immigrant iżid ir-riskju li wieħed jiġi vittimizzat kriminalment; billi, minkejja għadd kbir ta' appelli magħmula lill-Kummissjoni, ittieħdu biss passi limitati sabiex tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tal-minoranzi;

J.  billi l-FRA saret ċentru ta' eċċellenza fil-provvista ta' evidenza ta' drittijiet fundamentali lill-istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE;

L-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali

1.  Jafferma li s-separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza tal-ġudikatura huma essenzjali biex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tal-istat tad-dritt fi kwalunkwe soċjetà; ifakkar li dan il-kunċett huwa minqux fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948 u fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u b'mod partikolari fil-prinċipji ta' ugwaljanza f'għajnejn il-liġi, il-preżunzjoni ta' innoċenza u d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku minn tribunal kompetenti, indipendenti u imparzjali stabbilit bil-liġi; ifakkar li dawn il-valuri fundamentali kienu l-ispirazzjoni għall-artikoli introduttorji tat-Trattati Ewropej, li l-Istati Membri kollha approvaw volontarjament u impenjaw ruħhom li jirrispettaw; isostni li la s-sovranità nazzjonali u lanqas is-sussidjarjetà ma jistgħu jiġġustifikaw ir-rifjut sistematiku ta' Stat Membru milli jikkonforma mal-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tat-Trattati;

2.  Ifakkar li l-istat tad-dritt huwa parti minn u prerekwiżit għall-protezzjoni tal-valuri kollha elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE; jistieden lill-atturi rilevanti kollha fuq livell tal-UE u nazzjonali, inklużi l-gvernijiet, il-parlamenti u l-ġudikatura, biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jirrispettaw u jsaħħu l-istat tad-dritt; ifakkar li dawn l-atturi għandhom ir-responsabilità li jindirizzaw it-tħassib dwar l-istat tad-dritt u li għandhom rwol importanti fil-prevenzjoni ta' kwalunkwe tnaqqis fl-istat tad-dritt, li mhuwiex applikazzjoni inkundizzjonata tal-liġi, iżda l-aċċettazzjoni demokratika li nkunu soġġetti għal-liġi f'konformità stretta mal-konvenzjonijiet internazzjonali, kif ukoll, b'mod partikolari, mad-drittijiet tal-oppożizzjoni demokratika u tal-minoranzi;

3.  Jikkundanna bil-qawwa l-isforzi ta' xi gvernijiet ta' Stati Membri biex idgħajfu s-separazzjoni tas-setgħat u l-indipendenza tal-ġudikatura; jesprimi tħassib li, minkejja l-fatt li ħafna Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni sabiex jiżguraw l-indipendenza u l-imparzjalità ġudizzjarja, f'konformità mal-istandards tal-Kunsill tal-Ewropa, għad fadal problemi fil-mod kif dawn l-istandards jiġu applikati, li jħalli lill-ġudikaturi nazzjonali miftuħa għal influwenza politika u jalimentaw il-perċezzjonijiet tal-pubbliku ta' interferenza fil-proċess ġudizzjarju u preġudizzju fost l-imħallfin individwali; ifakkar li l-Kummissjoni, skont l-Artikolu 17(1) tat-TUE u bħala l-gwardjana tat-Trattati, għandha l-leġittimità u l-awtorità li tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet f'konformità mat-Trattati, inkluż li tiżgura li l-Istati Membri kollha qed jirrispettaw il-prinċipji tal-istat tad-dritt u l-valuri l-oħra inkorporati fl-Artikolu 2 tat-TUE;

4.  Jinnota l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill biex jiżguraw li l-Istati Membri kollha jirrispettaw bis-sħiħ l-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, iżda anke l-impatt limitat sa issa tal-proċeduri mibdija skont l-Artikolu 7(1) tat-TUE; iqis li l-UE jenħtieġ li tkun tista' tibda proċeduri ta' ksur kontra Stati Membri li ma jkunux għadhom jirrispettaw il-valuri minquxa fl-Artikolu 2 tat-TUE, u li jenħtieġ li jiġi attivat l-Artikolu 7 jekk ir-rimedji l-oħra kollha jkunu fallew; iqis li l-ineffettività tal-UE biex ittemm il-ksur serju u persistenti tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE f'xi Stati Membri qed iddgħajjef kemm il-fiduċja fost l-Istati Membri kif ukoll il-kredibbiltà tal-UE; jenfasizza barra minn hekk li l-impunità kontinwa fir-rigward ta' dawn l-abbużi ħeġġet lil Stati Membri oħra biex jaqbdu l-istess triq; jistieden lill-Kunsill jeżamina u jsegwi kwalunkwe proposta mill-Kummissjoni u l-Parlament relatata mal-proċeduri ta' ksur u s-sanzjonijiet possibbli;

5.  Ifakkar fil-ħtieġa għal evalwazzjoni imparzjali u regolari tas-sitwazzjoni tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet fundamentali fl-Istati Membri kollha; jenfasizza li din l-evalwazzjoni trid tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi; f'dan ir-rigward ifakkar li l-Kunsill għandu wkoll rwol ewlieni x'jaqdi biex jiġu salvagwardjati l-istat tad-dritt u l-valuri l-oħra msemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE, u jilqa' l-isforzi magħmula minn ċerti Stati Membri biex jiżguraw li fi ħdan il-Kunsill issir valutazzjoni regolari tas-sitwazzjoni fir-rigward tal-istat tad-dritt f'kull Stat Membru; jistieden lill-Kunsill biex jagħmel progress rapidu f'din id-direzzjoni; ifakkar ukoll fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-10 ta' Ottubru 2016 li tinkludi rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' mekkaniżmu tal-UE dwar id-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali(13); itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni li tippreżenta, abbażi tal-Artikolu 295 tat-TFUE, proposta għall-konklużjoni ta' Patt tal-Unjoni għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali (il-Patt tal-UE għad-DRF), fil-forma ta' ftehim interistituzzjonali li jistabbilixxi arranġamenti għall-iffaċilitar tal-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u l-Istati Membri fil-qafas tal-Artikolu 7 tat-TUE; jikkunsidra li dan ikun mekkaniżmu ġust, ibbilanċjat, regolari u ta' prevenzjoni biex jiġi ttrattat il-ksur possibbli tal-valuri elenkati fl-Artikolu 2 tat-TUE, li jista' jaħdem b'mod simili għas-Semestru Ewropew għall-politika ekonomika; ifakkar fir-rabta intrinsika li teżisti bejn l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali u l-ħtieġa li l-Ewropej kollha jsiru aktar konxji tal-valuri komuni tal-UE u tal-Karta; jissottolinja l-importanza li l-Parlament jibgħat delegazzjonijiet ad hoc fl-Istati Membri meta jkun hemm evidenza ċara ta' ksur serju tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

6.  Huwa tal-fehma li kwalunkwe valutazzjoni tal-istat tad-dritt jenħtieġ li tkun ibbażata fuq data u analiżi sodi, oġġettivi u komparabbli; ifakkar li d-drittijiet fundamentali jenħtieġ li jiġu inklużi bħala parti mill-valutazzjoni tal-impatt għall-proposti leġiżlattivi kollha; jilqa' f'dan ir-rigward is-Sistema ta' Informazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali (EFRIS) il-ġdida tal-FRA, li tiġbor flimkien l-informazzjoni eżistenti kollha rilevanti għad-drittijiet fundamentali mogħtija taħt il-mekkaniżmi differenti fuq livell tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Kunsill tal-Ewropa u l-UE;

7.  Jindika li t-titjib tal-kwalità, l-indipendenza u l-effiċjenza tas-sistemi tal-ġustizzja nazzjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-imħallfin, il-prosekuturi u l-avukati, jibqa' prijorità ewlenija tal-Unjoni Ewropea; jenfasizza li hemm ħtieġa urġenti li tiġi introdotta perspettiva sensittiva għall-ġeneru fis-sistemi legali u ġudizzjarji tal-Istati Membri, inklużi l-iżvilupp u l-istituzzjonalizzazzjoni tal-komponent tal-ġeneru permezz ta' programmi ta' taħriġ għall-persunal ġudizzjarju kollu;

8.  Jenfasizza li l-korruzzjoni mhux biss tikkostitwixxi ostakolu sistemiku sinifikanti għar-realizzazzjoni tad-demokrazija u r-rispett tal-istat tad-dritt, iżda tista' twassal ukoll għal bosta każijiet ta' ksur tad-drittijiet fundamentali, u b'hekk tikkostitwixxi theddida serja għall-prinċipju tat-trattament ġust għaċ-ċittadini kollha; jesprimi t-tħassib tiegħu rigward inizjattivi leġiżlattivi li qegħdin jitressqu f'ċerti Stati Membri li jistgħu jreġġgħu lura riformi li jkunu saru qabel biex tissaħħaħ il-prevenzjoni tal-korruzzjoni; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri kollha u lill-istituzzjonijiet tal-UE sabiex jiġġieldu b'mod riżolut il-korruzzjoni sistemika u joħolqu strumenti effettivi biex jipprevjenu, jiġġieldu kontra u jissanzjonaw il-korruzzjoni u jiġġieldu l-frodi, kif ukoll biex jimmonitorjaw b'mod regolari l-użu tal-fondi pubbliċi; jistieden, għal dan il-għan, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jiffaċilitaw l-istabbiliment rapidu tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE); jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma ħabbrux l-intenzjoni tagħhom li jissieħbu fl-UPPE biex jagħmlu dan; jiddispjaċih fir-rigward tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tippubblikax it-tieni rapport bi annwali dwar l-istat tal-korruzzjoni fl-UE, u jħeġġiġha tkompli tippubblika r-rapporti tagħha kontra l-korruzzjoni; jissottolinja li ż-żamma ta' skedi informattivi kontra l-korruzzjoni bħala parti mis-Semestru Ewropew mhijiex miżura suffiċjentement effettiva biex tiżgura li l-korruzzjoni titpoġġa b'mod inekwivoku fuq l-aġenda; jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha "Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE" li se tfittex l-approvazzjoni sabiex tipparteċipa fi GRECO, in-netwerk kontra l-korruzzjoni li ġie stabbilit mill-Kunsill tal-Ewropa;

9.  Jenfasizza l-importanza tal-libertà ta' moviment u ta' residenza bħala wieħed mid-drittijiet fundamentali prinċipali garantiti mill-UE; jenfasizza li l-Brexit jaffettwa direttament il-ħajjiet ta' miljuni ta' ċittadini Ewropej, b'mod partikolari ċ-ċittadini tal-UE residenti fir-Renju Unit u ċ-ċittadini tar-Renju Unit li jgħixu fl-UE27, u jissottolinja li s-salvagwardjar tad-drittijiet fundamentali tal-persuni jenħtieġ li jingħata l-istess importanza bħal aspetti oħra; jitlob li d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u tal-familji tagħhom li ċċaqilqu fl-Unjoni skont il-libertà ta' moviment jiġu protetti wara l-Brexit;

10.  Jenfasizza li kwalunkwe pass li jittieħed sabiex jiġu miġġielda t-terroriżmu jew il-kriminalità organizzata jrid jirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali fl-UE; jinnota bi tħassib li l-awtoritajiet pubbliċi qed jirrikorru dejjem aktar għal miżuri amministrattivi li huma inkompatibbli mal-prinċipji tal-istat tad-dritt u li l-politiki f'dan il-qasam qed jiġu estiżi għal għadd dejjem akbar ta' reati, b'mod partikolari fil-kuntest ta' miżuri meħuda fi stat ta' emerġenza; jitlob lill-Istati Membri biex jiżguraw li kwalunkwe leġiżlazzjoni ta' emerġenza tkun konformi mal-prinċipji tal-proporzjonalità u tan-neċessità, u li l-miżuri meħuda f'dan il-kuntest ikunu b'mod ċar limitati biż-żmien u kkontrollati b'mod demokratiku u regolari; jirrifjuta kwalunkwe konfużjoni bejn l-immigrazzjoni u t-terroriżmu, u kwalunkwe użu ta' miżuri kontra t-terroriżmu sabiex jiġu kkontrollati ċerti movimenti migratorji;

Migrazzjoni

11.  Jikkundanna l-abbużi u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imġarrba minn ċerti migranti u rifuġjati, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għat-territorju, il-kundizzjonijiet ta' akkoljenza, il-proċeduri tal-asil, id-detenzjoni marbuta mal-immigrazzjoni u l-protezzjoni tal-persuni vulnerabbli, u jenfasizza l-importanza li l-Istati Membri jikkonformaw ma' u jittrasponu b'mod sħiħ il-pakkett komuni dwar l-asil adottat mill-Unjoni; ifakkar li t-tfal jirrappreżentaw kważi terz tal-persuni li jfittxu l-asil u huma partikolarment vulnerabbli; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex isaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jipprevjenu l-għajbien ta' minorenni mhux akkumpanjati; ifakkar li d-dritt għall-asil huwa ssalvagwardjat b'mod espliċitu mill-Artikolu 18 tal-Karta; jinnota bi tħassib li l-proċeduri rapidi u l-listi ta' pajjiżi siguri, kif ukoll il-proċedura ta' teħid lura skont ir-regoli ta' Dublin, poġġew lill-persuni LGBTI li jfittxu asil f'riskju akbar li jiġu ritornati qabel ikunu jistgħu jissostanzjaw l-applikazzjoni tagħhom għall-asil ma' pajjiżi terzi jew Stati Membri oħra, f'każijiet fejn huma jibżgħu li jkunu soġġetti għal prosekuzzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, l-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru jew il-karatteristiċi tas-sess tagħhom;

12.  Jistieden lill-Istati Membri biex jitolbu lill-awtoritajiet tagħhom jeżaminaw jekk l-objettivi leġittimi tagħhom jistgħux jintlaħqu permezz ta' miżuri inqas koerċittivi mid-detenzjoni u biex jipprovdu ġustifikazzjonijiet sħaħ ibbażati fuq fatti u argumenti legali meta tintgħażel id-detenzjoni fil-każ ta' persuni li jfittxu asil, rifuġjati u migranti; ifakkar li l-Istati Membri kollha huma firmatarji tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u għalhekk huma obbligati jiżguraw li d-dispożizzjonijiet kollha tagħhom jiġu rispettati, irrispettivament miċ-ċirkostanzi; jenfasizza d-diskriminazzjoni doppja li jiffaċċjaw in-nisa migranti, kemm bħala migranti kif ukoll bħala nisa, kif ukoll iċ-ċirkostanzi partikolari li jistgħu jiffaċċjaw matul il-vjaġġ migratorju tagħhom, inkluż fiċ-ċentri ta' detenzjoni jew ta' akkoljenza, b'mod partikolari l-fastidju u l-attakki fuq is-sigurtà, l-integrità fiżika u l-privatezza tagħhom, kif ukoll il-ħtieġa tagħhom ta' aċċess għall-provvisti tal-iġjene femminili u għall-kura riproduttiva; jitlob li jiġu stabbiliti u msaħħa s-sistemi tal-protezzjoni tan-nisa sabiex jiġu evitati u miġġielda l-vjolenza, l-abbuż, in-negliġenza u l-isfruttament li jisfgħu vittmi tagħhom, skont l-impenji tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Belt Valletta;

13.  Ifakkar li l-UNICEF kellha l-opportunità li tfakkar f'bosta okkażjonijiet li d-detenzjoni f'ebda każ ma tista' tkun fl-aħjar interessi tat-tfal u li hemm lok biex jiġu żviluppati alternattivi għad-detenzjoni, irrispettivament minn jekk dawn it-tfal ikunux akkumpanjati mill-familja tagħhom jew le; jitlob l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' proċeduri speċifiċi biex tiġi żgurata l-protezzjoni tat-tfal kollha f'konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal; jenfasizza li s-separazzjoni tal-membri tal-familja, anke f'każ ta' detenzjoni, tesponi lin-nisa u lit-tfal għal riskji akbar; jenfasizza, barra minn hekk, il-preminenza tal-prinċipju tal-aħjar interessi tat-tfal fl-aspetti kollha li jikkonċernaw it-tfal u tal-implimentazzjoni prattika tad-dritt li jinstemgħu; ifakkar li l-Artikolu 14 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 28 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal jiggarantixxu d-dritt għall-edukazzjoni għat-tfal kollha, inklużi t-tfal migranti u rifuġjati, ikun xi jkun l-istatus tagħhom, kemm dawk mhux akkumpanjati kif ukoll dawk akkumpanjati u l-evitar tal-edukazzjoni separata u s-segregazzjoni; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jiżguraw li t-tfal migranti u refuġjati jingħataw aċċess għall-edukazzjoni formali u informali ftit wara li jaslu; jenfasizza li l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li t-tfal migranti u rifuġjati jiġu appoġġjati b'mod effettiv permezz ta' appoġġ lingwistiku, soċjali u psikoloġiku bbażat fuq il-valutazzjoni individwali tal-ħtiġijiet tagħhom; huwa mħasseb dwar il-ħtiġijiet u l-vulnerabbiltajiet speċifiċi tal-persuni li jfittxu asil minn gruppi marġinalizzati, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom fir-rigward tas-sigurtà, il-kura tas-saħħa u r-rikonoxximent legali jiġu ssodisfati;

14.  Jirrimarka li s-solidarjetà trid tkun il-prinċipju gwida tal-azzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-migrazzjoni, u jikkundanna lil dawk l-Istati Membri li jaġixxu bi ksur ċar ta' dak il-prinċipju; jistieden lill-Kunsill biex ikompli għaddej bir-riforma tar-Regolament ta' Dublin, li bħalissa qiegħed jimblokka, u għalhekk qiegħed jipprevjeni lis-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil milli taħdem kif suppost; jenfasizza li l-Istati Membri jenħtieġ li jipproċedu biex idaħħlu fis-seħħ kombinazzjoni ta' skemi relatati mal-protezzjoni, bħar-risistemazzjoni u l-ammissjoni umanitarja, li jistgħu jagħtu lill-persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali l-għażla li jidħlu fl-UE biex ifittxu asil hemmhekk; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jiffaċilitaw l-għoti ta' viżi umanitarji u skemi ta' mobilità regolari biex jiġu promossi mezzi legali u siguri għall-UE, speċjalment għall-persuni fil-bżonn ta' protezzjoni, u jiġi garantit l-aċċess tagħhom għas-servizzi u d-drittijiet fundamentali tagħhom, irrispettivament mill-istatus tagħhom; jissottolinja li l-Istati Membri jeħtiġilhom jerfgħu r-responsabbiltà talli esternalizzaw il-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni, inkluża l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi li fihom il-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Refuġjati (UNHCR) irrapporta ksur u abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem; jemmen li l-UE jenħtieġ li jkollha rwol ewlieni fl-isforzi tar-risistemazzjoni fuq il-livell dinji; ifakkar li kwalunkwe azzjoni meħuda minn Stat Membru meta jkun qed jaġixxi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt tal-UE, trid tirrispetta d-drittijiet u l-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw b'mod effettiv id-dritt individwali għall-asil u li jaċċettaw ir-rilokazzjoni ta' rifuġjati mill-Istati Membri l-aktar milquta minn għadd kbir ta' wasliet; jistieden ukoll lill-Istati Membri jirrispettaw il-prinċipju ta' nonrefoulement u jintroduċu salvagwardji proċedurali adegwati fil-proċeduri tal-asil u fil-fruntieri tagħhom; jikkundanna bil-qawwa l-fatt li xi Stati Membri ma jikkonformawx mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-asil u r-ritorn u jiksru d-drittijiet tal-migranti u tal-persuni li jfittxu asil, pereżempju billi jonqsu milli jipprovdu aċċess effettiv għall-proċeduri ta' asil, jonqsu milli jagħtu informazzjoni ċara dwar ir-rimedji legali wara deċiżjoni ta' ritorn, jiċħdu lill-migranti u lill-persuni li jfittxu asil minn ikel, jew jipprattikaw detenzjoni awtomatika u sistematika;

15.  Jirrikonoxxi l-ħidma mwettqa minn NGOs differenti li joperaw fil-Mediterran u l-isforzi tagħhom biex isalvaw il-ħajjiet u jipprovdu għajnuna umanitarja lil dawk fil-bżonn; ifakkar li s-salvataġġ fuq il-baħar huwa obbligu legali skont id-dritt internazzjonali, inkluż l-Artikolu 98 tal-Konvenzjoni dwar id-Dritt tal-Baħar tan-Nazzjonijiet Uniti (irratifikata mill-UE u mill-Istati Membri kollha tagħha), li teħtieġ li tingħata għajnuna lil kwalunkwe persuna fil-periklu fuq il-baħar; ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2018 dwar il-linji gwida għall-Istati Membri biex jipprevjenu l-kriminalizzazzjoni tal-għajnuna umanitarja(14); jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw lill-NGOs minflok ma jfixklu l-ħidma tagħhom, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jiggarantixxu operazzjonijiet ta' tfittxija u salvataġġ; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jallokaw fondi suffiċjenti għal operazzjonijiet ta' tfittxija u ta' salvataġġ fil-kuntest ta' operazzjoni umanitarja fuq skala Ewropea; jistieden lill-Istati Membri jittrasponu l-eżenzjoni għall-għajnuna umanitarja prevista fid-Direttiva ta' Faċilitazzjoni bl-objettiv li jitnaqqsu l-konsegwenzi mhux intenzjonati li l-Pakkett tal-Faċilitaturi għandu għaċ-ċittadini u għall-organizzazzjonijiet li jipprovdu għajnuna umanitarja lill-migranti u għall-koeżjoni soċjali fis-soċjetà riċeventi;

16.  Jenfasizza li l-fatt li jiġu indirizzati l-vulnerabilitajiet u l-ħtiġijiet speċifiċi tal-migranti jenħtieġ li jagħmel parti integrali mill-proċess tal-integrazzjoni; ifakkar li l-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tal-migranti jenħtieġ li titwettaq b'mod regolari u sakemm tkun meħtieġa, billi s-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tal-migranti jistgħu jevolvu u jvarjaw b'mod sinifikanti skont il-pajjiż tal-oriġini tagħhom; jissottolinja l-fatt li r-riunifikazzjoni tal-familja hija għodda b'saħħitha għall-emanċipazzjoni tal-migranti u biex dawn iħossuhom li jistgħu jibdew jissistemaw ruħhom u jintegraw fis-soċjetà ospitanti l-ġdida tagħhom; jirrimarka li politika ta' akkoljenza waħedha mhijiex biżżejjed u l-isfida li trid tiffaċċja l-UE hija li tistabbilixxi politika ta' integrazzjoni effettiva; jitlob f'dan ir-rigward li jissaħħaħ l-iskambju ta' prattiki tajba fil-qasam tal-integrazzjoni, bejn l-Istati Membri;

17.  Jinnota l-istabbiliment ta' diversi sistemi ġodda ta' informazzjoni fuq skala kbira kif ukoll l-objettiv tat-titjib tal-interoperabilità tagħhom filwaqt li jinżammu s-salvagwardji neċessarji, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni u l-privatezza tad-data; jistieden lill-Istati Membri jintroduċu salvagwardji speċifiċi biex jiggarantixxu li l-interoperabilità tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira tirrispetta d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha, b'attenzjoni speċjali għad-drittijiet tat-tfal u l-persuni vulnerabbli, bħall-applikanti għal u l-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, kif ukoll għat-tfassil ta' profili; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-implimentazzjoni tal-interoperabilità tissodisfa wkoll l-objettivi tal-protezzjoni tat-tfal, bħall-identifikazzjoni ta' tfal neqsin u l-għajnuna għar-riunifikazzjoni tal-familja;

Id-drittijiet tan-nisa

18.  Jinnota bi tħassib li l-karta tal-FRA tal-2017 bit-titolu "Challenges to women's human rights in the EU" (Sfidi għad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa fl-UE) tikkonferma li n-nisa u l-bniet jesperjenzaw diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, diskors ta' mibegħda sessist, u vjolenza sessista fl-UE, u li dan jillimita b'mod sever l-abilità tagħhom li jgawdu d-drittijiet tagħhom u jipparteċipaw fuq l-istess livell fis-soċjetà;

19.  Jinnota bi tħassib li r-rapport tal-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità bit-titolu "Ending forced sterilisation of women and girls with disabilities" (It-tmiem tal-isterilizzazzjoni sfurzata tan-nisa u l-bniet b'diżabilità) jistabbilixxi li n-nisa b'diżabilità għadhom qed isofru minn deċiżjonijiet arbitrarji li jwasslu għall-isterilizzazzjoni mingħajr l-għarfien, il-kunsens jew l-awtorizzazzjoni tagħhom;

20.  Jistieden f'dan ir-rigward lill-Istati Membri jikkunsidraw sitt oqsma ewlenin ta' intervent bil-għan li jsaħħu l-impenn tagħhom biex jiġu ssalvagwardjati d-dinjità u d-drittijiet tan-nisa u l-bniet, kif issuġġerit fir-rapport tal-FRA, jiġifieri: l-emanċipazzjoni tal-korpi tal-ugwaljanza biex jindirizzaw il-firxa kollha ta' kwistjonijiet li għandhom impatt fuq id-drittijiet tan-nisa, mill-ugwaljanza bejn il-ġeneri għall-vjolenza kontra n-nisa; it-titjib tas-sikurezza online; il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fl-edukazzjoni u fit-tagħlim tul il-ħajja b'mod aktar effettiv; l-introduzzjoni tal-kwoti tal-ġeneru bħala pass kuraġġjuż lejn azzjoni pożittiva; l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi fl-UE kollha permezz tas-Semestru Ewropew; u t-titjib tal-ġbir tad-data u t-tixrid tal-għarfien dwar il-forom kollha tad-diskriminazzjoni u l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

21.  Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa (VAW), u jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tippreżenta att legali biex tappoġġja lill-Istati Membri fil-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u ta' vjolenza sessista; jitlob li l-Kunsill jattiva l-klawsola "passerelle" billi jadotta deċiżjoni unanima li tidentifika l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet (u forom oħrajn ta' vjolenza abbażi tas-sess) bħala qasam ta' kriminalità skont l-Artikolu 83(1) tat-TFUE; jilqa' l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul fit-13 ta' Ġunju 2017, billi din hija l-ewwel strument komprensiv legalment vinkolanti għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza sessista, inkluża l-vjolenza domestika, fuq livell internazzjonali, minkejja l-limitazzjoni għal żewġ mandati biss; jiddispjaċih li sal-lum, 20 Stat Membru biss irratifikaw il-Konvenzjoni; jiddispjaċih dwar il-fatt li f'xi Stati Membri, id-diskussjonijiet dwar ir-ratifika tal-Konvenzjoni ta' Istanbul kienu akkumpanjati b'interpretazzjonijiet qarrieqa rigward id-definizzjoni tal-vjolenza sessista u tal-ġeneru; iħeġġeġ lill-Istati Membri li fadal u lill-Kunsill biex jikkonkludu l-proċess ta' adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni mingħajr dewmien u jaqblu dwar il-Kodiċi ta' Kondotta assoċjat sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni mill-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu mal-vittmi ta' vjolenza sessista bil-modi kollha possibbli, anke b'appoġġ finanzjarju regolari;

22.  Jenfasizza li s-sessiżmu u l-istereotipi tas-sessi, li wasslu għad-dominazzjoni fuq in-nisa u d-diskriminazzjoni kontrihom, għandhom impatt serju fuq id-drittijiet fundamentali tan-nisa fl-isferi kollha tal-ħajja; ifakkar li n-nisa spiss huma vittmi ta' diskriminazzjoni multipla li tirriżulta, fost l-oħrajn, mill-appartenenza tagħhom għal minoranza etnika, l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, id-diżabilità tagħhom jew l-istatus tagħhom ta' migrant; jenfasizza l-fatt li l-edukazzjoni fil-livelli kollha u għall-etajiet kollha dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, ir-rwoli tas-sessi mhux stereotipiċi u r-rispett għall-integrità personali hija meħtieġa sabiex jiġu indirizzati b'mod effettiv il-forom kollha tad-diskriminazzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod xieraq din il-kwistjoni fil-kurrikuli tal-iskola; jiddeplora l-fatt li n-nisa għadhom ibatu minn inugwaljanzi fuq il-post tax-xogħol, bħal rati ta' parteċipazzjoni aktar baxxi fl-impjiegi, id-differenza fil-pagi, l-inċidenza akbar ta' impjiegi part-time, drittijiet tal-pensjoni aktar batuti, segregazzjoni fil-karrieri u livelli aktar baxxi ta' progressjoni; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw l-ostakoli strutturali ewlenin għall-emanċipazzjoni ekonomika tan-nisa u r-rappreżentanza baxxa tan-nisa fix-xogħol, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-politika, li huma r-riżultat ta' forom multipli u intersezzjonali ta' inugwaljanzi, sterjotipi u diskriminazzjoni fl-isferi privati u pubbliċi; jistieden lill-Istati Membri jressqu miżuri sabiex jindirizzaw b'mod effettiv il-fastidju u l-vjolenza sesswali fl-ispazji pubbliċi, fil-post tax-xogħol u offline u online, u sabiex jipprovdu lill-vittmi ta' vjolenza sessista b'għadd adegwat ta' kennijiet u servizzi ta' appoġġ immirati u integrati, inklużi appoġġ u konsulenza għat-trawmi; jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw l-aħjar prattiki u jipprovdu taħriġ regolari għall-pulizija u għall-persunal fil-qasam ġudizzjarju dwar il-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa;

23.  Jesprimi l-appoġġ tiegħu għad-dimostrazzjonijiet li saru f'diversi Stati Membri fl-2017, wara li sar rigress relatat mad-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttiva, u l-kopertura estensiva fil-midja ta' każijiet relatati ma' fastidju sesswali; jafferma b'mod qawwi li ċ-ċaħda ta' servizzi relatati mas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, inkluż l-abort sikur u legali, hija forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; itenni li n-nisa u l-bniet jeħtiġilhom ikollhom kontroll fuq ġisimhom u s-sesswalità tagħhom; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri tal-UE biex jieħdu passi effettivi biex jirrispettaw u jipproteġu d-drittijiet sesswali u riproduttivi tan-nisa fir-rigward ta' firxa ta' drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, inklużi d-drittijiet għall-integrità fiżika, għas-saħħa, għall-ħelsien mit-tortura u t-trattament ħażin, għall-privatezza, għall-ugwaljanza u għan-nondiskriminazzjoni; f'dan ir-rigward jisħaq li l-persuni b'diżabilità huma intitolati li jgawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom fuq bażi ugwali mal-bqija tas-soċjetà; jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu edukazzjoni komprensiva dwar is-sesswalità u aċċess faċli għan-nisa għall-ippjanar tal-familja u l-firxa sħiħa tas-servizzi tas-saħħa riproduttiva u sesswali, inklużi metodi moderni ta' kontraċezzjoni, u għal abort sikur u legali; jinnota li dan jenħtieġ li jinkludi l-eliminazzjoni tal-liġijiet, il-politiki u l-prattiki li jiksru dawn id-drittijiet kif ukoll il-prevenzjoni tat-tnaqqis tal-protezzjonijiet eżistenti; jinsisti li l-Unjoni jeħtiġilha jkollha rwol fil-ħolqien ta' sensibilizzazzjoni dwar dawn il-kwistjonijiet u fil-promozzjoni tal-aqwa prattika;

Il-libertà tal-midja, il-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-għaqda

24.  Ifakkar li l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jnaqqax id-dritt ta' kull individwu li jkollu opinjonijiet mingħajr interferenza, id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u d-dritt li wieħed ifittex, jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat permezz ta' kwalunkwe mezz, irrispettivament mill-fruntieri;

25.  Jenfasizza li d-deliberazzjoni u d-dibattitu pubbliċi huma vitali għall-funzjonament ta' soċjetajiet demokratiċi, u f'dan il-kuntest jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu aktar passi biex jissalvagwardjaw u jipproteġu l-libertà tad-diskors u tal-għaqda, bħala drittijiet fundamentali u bħala prinċipji bażiċi tal-proċessi demokratiċi; ifakkar li, skont ir-rapport tal-2017 mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-istat tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, l-opportunitajiet għal protesta paċifika huma limitati fejn l-għaqda pubblika hija soġġetta għal restrizzjonijiet żejda; jikkundanna b'mod qawwi f'dan ir-rigward ir-restrizzjonijiet dejjem jiżdiedu fuq il-libertà tal-għaqda, li l-awtoritajiet infurzaw f'xi każijiet b'użu sproporzjonat tal-forza kontra dimostranti paċifiċi; ifakkar li fit-twettiq tad-dmir tagħhom, l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jeħtiġilhom jirrispettaw u jipproteġu d-dinjità tal-bniedem u jirrispettaw u josservaw id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kollha; jenfasizza li l-kompitu l-aktar importanti tal-forzi tal-pulizija huwa li jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini, u li kwalunkwe użu eċċessiv u mhux iġġustifikat tal-forza mill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi jrid ikun soġġett għal investigazzjonijiet imparzjali u eżawrjenti mill-awtoritajiet rilevanti ta' kull Stat Membru;

26.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri adegwati li jissalvagwardjaw u jippromwovu l-eżistenza ta' midja pluralista, indipendenti u ħielsa; jikkundanna bil-qawwa x-xejriet f'ċerti Stati Membri biex l-istabbilimenti tal-midja jiġu kkonċentrati f'idejn atturi kummerċjali li jiffavorixxu l-gvern u biex il-midja tas-servizz pubbliku tintuża ħażin biex jiġu disseminati biss il-messaġġi tal-gvern; jinnota li r-rwol tal-midja huwa li tħeġġeġ deliberazzjoni b'saħħitha u li l-midja għalhekk hija pilastru tad-demokrazija;

27.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li ftit oqfsa legali jew ta' politika speċifiċi li jipproteġu lill-ġurnalisti u lill-ħaddiema tal-midja mill-vjolenza, it-theddid u l-intimidazzjoni jistgħu jiġu identifikati fuq livell nazzjonali fl-Istati Membri tal-UE; ifakkar li, skont il-Kunsill tal-Ewropa, l-abbużi u r-reati mwettqa kontra l-ġurnalisti jista' jkollhom l-effett li jinkoraġġixxu livell potenzjalment għoli ta' awtoċensura, li fiha nnifisha għandha effett gravi fuq il-libertà tal-espressjoni u ddgħajjef id-drittijiet taċ-ċittadini għall-informazzjoni u l-parteċipazzjoni; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar l-assassinji li għadhom isiru fil-konfront tal-ġurnalisti fl-Istati Membri; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar tal-liġi jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jipprevjenu tali vjolenza, iżidu l-kooperazzjoni mal-Europol, u jaċċelleraw l-investigazzjonijiet dwar il-qtil tal-ġurnalisti fl-UE; huwa mħasseb ukoll dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji ta' bosta ġurnalisti u ħaddiema tal-midja u l-livelli ta' vjolenza fiżika u psikoloġika li huma soġġetti għalihom, li jistgħu jxekklu l-abilità tagħhom li jwettqu xogħolhom, u b'hekk idgħajfu l-ġurnaliżmu ta' kwalità u l-espressjoni tad-diversità ġurnalistika; jenfasizza l-importanza ta' proġetti mifruxa madwar l-UE, bħall-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja u l-Immappjar tal-Libertà tal-Midja, li jivvalutaw ir-riskji għall-pluraliżmu tal-midja fl-Ewropa kollha, jimmappjaw il-limitazzjonijiet, it-theddid u l-ksur li jaffettwaw il-libertà tal-midja, iwettqu kampanji ta' sensibilizzazzjoni, u jipprovdu appoġġ lill-ġurnalisti li jkunu mhedda u għal ġurnaliżmu investigattiv transkonfinali; jissottolinja li l-finanzjament relatat ma' dawn il-kwistjonijiet u kwistjonijiet simili jenħtieġ li jiġi żgurat taħt il-QFP il-ġdid;

28.  Jenfasizza r-rwol essenzjali tal-informaturi biex jiġi salvagwardjat l-interess pubbliku u biex tiġi promossa kultura ta' obbligu ta' rendikont u integrità pubblika kemm fl-istituzzjonijiet pubbliċi kif ukoll f'dawk privati; jissottolinja l-fatt li l-infurmar huwa element essenzjali għall-ġurnaliżmu investigattiv u l-libertà tal-midja; jiddenunzja t-theddid, ir-ritaljazzjonijiet u l-kundanni li l-informaturi għadhom qed jiffaċċjaw fl-UE; f'dan il-kuntest, ifakkar ir-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2017 dwar miżuri leġittimi għall-ħarsien ta' informaturi li jkunu qed jaġixxu fl-interess pubbliku meta jiddivulgaw informazzjoni kunfidenzjali dwar kumpaniji u korpi pubbliċi(15); jirrimarka li, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' April 2018 dwar it-tisħiħ tal-protezzjoni tal-informaturi fil-livell tal-UE(16), għaxar Stati Membri biss introduċew leġiżlazzjoni komprensiva biex jipproteġu lill-informaturi; jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta' April 2018 għal direttiva orizzontali dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni(17), u jissottolinja l-importanza ta' segwitu bla dewmien mill-koleġiżlaturi, sabiex il-proposta tkun tista' tiġi adottata qabel it-tmiem tal-leġiżlatura preżenti;

29.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2018 "L-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: approċċ Ewropew u l-azzjonijiet li jinkludi"(18), li għandu l-għan li joħloq ekosistema online aktar trasparenti, affidabbli u responsabbli, itejjeb is-sigurtà u r-reżiljenza tal-proċessi elettorali, irawwem l-edukazzjoni u l-litteriżmu fil-midja, iżid l-appoġġ għal ġurnaliżmu ta' kwalità, u jsaħħaħ il-kapaċitajiet strateġiċi tal-komunikazzjoni tal-Unjoni; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-theddida potenzjali li l-kunċett ta' aħbarijiet foloz jista' joħloq għal-libertà tal-kelma u tal-espressjoni u għall-indipendenza tal-midja, filwaqt li jenfasizza l-effetti negattivi li t-tixrid ta' aħbarijiet foloz jista' jkollu fuq il-kwalità tad-dibattitu politiku u fuq il-parteċipazzjoni infurmata tajjeb taċ-ċittadini fis-soċjetà demokratika; iqis li primarjament huwa bl-iżvilupp tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fil-ħsieb kritiku li wieħed jista' jifforma l-opinjoni tiegħu stess; jenfasizza li t-tfassil ta' profil politiku, id-diżinformazzjoni u l-manipulazzjoni tal-informazzjoni jistgħu jintużaw minn partiti politiċi u entitajiet privati jew pubbliċi fi ħdan l-UE u lil hinn minnha, u jistgħu jirrappreżentaw theddida għall-valuri demokratiċi tal-UE, bħal fil-każ tal-iskandlu ta' Facebook-Cambridge Analytica; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-azzjonijiet tagħha mmirati sabiex jiġu prevenuti dawn il-prattiki u jiġu garantiti l-protezzjoni tad-data, it-trasparenza u ċ-ċibersigurtà;

30.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-ostakoli li jeżistu għax-xogħol tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) attivi fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u d-demokrazija, inklużi r-restrizzjonijiet serji fuq il-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà tal-kelma għall-organizzazzjonijiet u ċ-ċittadini kkonċernati, kif ukoll ir-restrizzjonijiet fuq il-finanzjament; jirrikonoxxi r-rwol ewlieni ta' dawn l-organizzazzjonijiet biex id-drittijiet u l-valuri fundamentali jsiru realtà għal kulħadd u jenfasizza li dawn jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu l-ħidma tagħhom f'ambjent sigur u appoġġjat sew; jinsab imħasseb dwar l-għeluq tal-ispazju tas-soċjetà ċivili f'ċerti Stati Membri; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod proattiv il-kawżi ewlenin tat-tnaqqis fl-ispazju tas-soċjetà ċivili u biex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali; itenni s-sejħa għal finanzjament adegwat tal-UE, kif ġie deskritt fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-19 ta' April 2018 dwar l-istabbiliment ta' Strument għall-Valuri Ewropej (EVI)(19), bil-għan li jingħata appoġġ lill-OSĊ involuti fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali fl-Unjoni, u sabiex jiġi evitat kwalunkwe użu ħażin ta' tali finanzjament;

Ir-razziżmu, il-ksenofobija, id-diskriminazzjoni, id-diskors ta' mibegħda u forom oħra ta' intolleranza

31.  Jindika li l-UE u l-Istati Membri tagħha jenħtieġ li jindirizzaw u jiġġieldu b'mod effettiv il-fenomenu tal-inċidenti diskriminatorji u vjolenti li jaffettwaw l-edukazzjoni ta' tfal migranti u rifuġjati, tfal Rom u tfal li jappartjenu għal minoranzi, kemm permezz ta' risponsi legali kif ukoll permezz tal-promozzjoni tal-fehim reċiproku u l-koeżjoni soċjali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-kurrikuli tal-iskola regolari jinkludu miżuri effettivi li jiggarantixxu u jippromwovu r-rispett għad-diversità, il-fehim interkulturali u d-drittijiet tal-bniedem; għal dak il-għan, iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jippromwovu edukazzjoni inklużiva minn età bikrija fl-iskejjel;

32.  Jirrimarka li l-vjolenza u r-reati mmotivati mir-razziżmu, il-ksenofobija jew l-intolleranza reliġjuża jew minn preġudizzji kontra d-diżabilità, l-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru ta' persuna huma kollha eżempji ta' reati ta' mibegħda; jikkundanna t-tipi kollha ta' inċidenti ta' reati ta' mibegħda u ta' diskors ta' mibegħda li jseħħu fl-UE fuq bażi ta' kuljum u bdew jitqiesu bħala normali f'xi Stati Membri; jikkundanna bil-qawwa kollha ż-żieda ta' movimenti tal-lemin estrem u jinsab imħasseb dwar it-trivjalizzazzjoni tad-diskors ta' mibegħda li jista' jiġi attribwit lil xi figuri politiċi; jitlob li jkun hemm approċċ ta' tolleranza żero għal kwalunkwe diskriminazzjoni għal kwalunkwe raġuni; jistieden lill-Kunsill jiżblokka minnufih u jikkonkludi n-negozjati dwar id-Direttiva dwar it-Trattament Ugwali; ifakkar li d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta' Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta' razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali, li suppost ġiet implimentata mill-Istati Membri sat-28 ta' Novembru 2010, tipprovdi bażi legali għall-impożizzjoni ta' penali fuq persuni ġuridiċi li jinċitaw b'mod pubbliku l-vjolenza jew il-mibegħda kontra grupp minoritarju;

33.  Ifakkar li l-Istati Membri li jirreġistraw, jiġbru u jippubblikaw sistematikament b'mod annwali data diżaggregata dwar il-forom kollha ta' diskriminazzjoni u reati ta' mibegħda, għandhom jagħmlu dan għall-iskop biss li jidentifikaw l-għeruq tad-diskriminazzjoni u jiġġildulha, u li din id-data għandha tkun kompletament anonima sabiex teskludi kwalunkwe profilar jew statistika "etnika" filwaqt li tippermetti lill-Istati Membri, flimkien ma' partijiet ikkonċernati ewlenin oħra, jiżviluppaw risponsi legali u ta' politika effettivi u bbażati fuq l-evidenza għal dawn il-fenomeni; ifakkar li kwalunkwe data jenħtieġ li tinġabar b'mod konformi mal-oqfsa legali nazzjonali u l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data; jilqa' l-kumpilazzjoni ta' prinċipji gwida dwar ir-reati ta' mibegħda għall-infurzar tal-liġi u għall-awtoritajiet kriminali u dwar l-aċċess għall-ġustizzja, il-protezzjoni u l-appoġġ għall-vittmi ta' reati ta' mibegħda li ġew żviluppati mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u forom oħra ta' intolleranza; itenni li t-tħejjija għall-abbuż, il-bullying ċibernetiku u l-vendetta pornografika huma forom ġodda ta' kriminalità online u jista' jkollhom impatt estremament serju, b'mod speċjali fuq iż-żgħażagħ u t-tfal; ifakkar f'dan ir-rigward il-ħtieġa tal-litteriżmu fil-midja u fl-informazzjoni, speċjalment għat-tfal, sabiex jiġi żgurat użu responsabbli tal-internet; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' rapportar tar-reati ta' mibegħda mill-vittmi minħabba garanziji inadegwati u n-nuqqas min-naħa tal-awtoritajiet li jinvestigaw kif xieraq u jagħtu kundanni għal reati ta' mibegħda fl-Istati Membri; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li l-vittmi jiġu mħeġġa jirrapportaw każijiet ta' reati ta' mibegħda jew diskriminazzjoni u l-ħtieġa li jingħatawlhom protezzjoni u appoġġ adegwati;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jiżguraw l-infurzar prattiku effettiv tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (id-Direttiva għall-Ugwaljanza Razzjali)(20) u biex jiżguraw l-infurzar effettiv tad-deċiżjoni qafas dwar ir-razziżmu u l-ksenofobija bil-għan li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni persistenti kontra r-Rom, l-anti-Semitiżmu, l-Iżlamofobija, l-Afrofobija, l-anti-żingariżmu u l-aporofobija; jindika li l-Istati Membri jenħtieġ li jressqu jew jirrevedu u, jekk ikun meħtieġ, jemendaw l-istrateġiji ta' integrazzjoni nazzjonali tagħhom biex jiżguraw li l-persuni kollha jingħataw verament is-setgħa li jipparteċipaw b'mod effettiv fil-proċess tal-inklużjoni billi jippromwovu u jħarsu d-drittijiet fundamentali tagħhom;

35.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li s-sena 2017 ma rat l-ebda titjib kbir favur il-kisba tal-għanijiet tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom; jindika li r-riżorsi tal-FSIE mhumiex marbuta mal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom, u ħafna drabi r-Rom ma jibbenefikawx minnhom; jikkundanna l-każijiet ta' diskriminazzjoni, segregazzjoni, diskors ta' mibegħda, reati mmotivati mill-mibegħda u esklużjoni soċjali li jesperjenzaw ir-Rom; jikkundanna d-diskriminazzjoni kontinwa kontra l-persuni Rom fl-oqsma tal-aċċess għall-akkomodazzjoni (speċjalment l-evizzjonijiet sfurzati), l-aċċess għall-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, is-suq tax-xogħol, il-ġustizzja u l-ugwaljanza quddiem il-liġi; iwissi li t-tfal u n-nisa Rom huma partikolarment vulnerabbli;

36.  Jiddeplora l-fatt li fl-2017, il-persuni LGBTI kienu għadhom vittmi tal-bullying, tal-fastidju u tal-vjolenza u kienu qed jiffaċċjaw diskriminazzjoni u mibegħda multipla f'oqsma li jinkludu l-edukazzjoni, is-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-impjieg; jinsab imħasseb dwar l-esperjenzi kontinwi ta' stigma, vjolenza u diskriminazzjoni sessisti tal-persuni LGBTI u n-nuqqas ta' għarfien u n-nuqqas ta' intervent min-naħa tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, b'mod partikolari fil-konfront tal-persuni trans u tal-persuni LGBTI marġinalizzati, u jħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jadottaw liġijiet u politiki biex jiġu miġġielda l-omofobija u t-transfobija; jikkundanna bil-qawwa l-promozzjoni u l-prattika ta' terapiji ta' konverżjoni LGBTI, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikkriminalizzaw dawn il-prattiki; jikkundanna bil-qawwa wkoll il-kunsiderazzjoni tal-identitajiet transesswali u intersesswali bħala patoloġija; ifakkar li l-ġlieda kontra l-vjolenza relatata mal-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru, il-karatteristiċi tas-sess jew l-orjentazzjoni sesswali ta' persuna taqa' taħt il-mandat tal-UE dwar il-vjolenza sessista; jistieden lill-Kummissjoni tintegra perspettiva tal-identità tal-ġeneru fi ħdan dak il-mandat; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jadottaw miżuri li jirrispettaw u josservaw b'mod simili d-drittijiet għall-identità tal-ġeneru, għall-espressjoni tal-ġeneru, għall-integrità fiżika u għall-awtodeterminazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jaġġornaw il-kodiċijiet kriminali tagħhom skont id-Direttiva għall-Ugwaljanza Razzjali; iqis li kemm l-orjentazzjoni sesswali kif ukoll id-diżabilità jenħtieġ li jiġu inklużi f'kull katalogu ta' karatteristiċi protetti kontra d-diskriminazzjoni; jilqa' l-implimentazzjoni ta' ċerti elementi li kienu jinsabu fil-lista ta' azzjonijiet mill-Kummissjoni biex tmexxi 'l quddiem l-ugwaljanza LGBTI (2014-2019); jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-ippjanar ambizzjuż pluriennali tagħha f'dan il-qasam, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-qasam;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi; jinsab imħasseb dwar iż-żieda tal-anti-semitiżmu u tal-Iżlamofobija; jenfasizza li d-diskorsi ta' mibegħda u r-reati ta' mibegħda jridu jiġu miġġielda sabiex jiġu missielta ż-żieda u r-radikalizzazzjoni tar-razzisti u tal-ksenofobisti, filwaqt li jfakkar li r-razziżmu u l-ksenofobija huma reati u mhux opinjonijiet;

38.  Ifakkar li l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD) hija trattat internazzjonali legalment vinkolanti, li ġie ffirmat u rratifikat mill-UE u bħalissa qed jiġi implimentat permezz tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020, bl-għan ikun li jiġu żgurati opportunitajiet indaqs, fir-rigward tal-aċċessibbiltà, il-parteċipazzjoni, l-ugwaljanza, l-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-protezzjoni soċjali, is-saħħa, u l-azzjoni esterna tal-UE; jissottolinja li fir-rapport ta' implimentazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità li ġie ppubblikat fi Frar 2017, il-Kummissjoni nnotat li għalkemm sar progress, b'mod partikolari fir-rigward tal-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà li ġie propost fl-2015, il-persuni b'diżabilità għadhom żvantaġġati u ddiskriminati fir-rigward tal-impjieg, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-objettivi tal-Istrateġija jibqgħu l-istess, li jenħtieġ li jittieħdu azzjonijiet speċifiċi fil-perjodu 2017-2020, u li r-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-30 ta' Novembru 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Ewropea tad-Diżabilità(21) rrakkomandat rekwiżiti obbligatorji fir-rigward tal-aċċessibbiltà fl-ispazji pubbliċi, perċentwal minimu għall-impjieg ta' persuni b'diżabilità, garanziji ta' edukazzjoni inklużiva, inkluż l-aċċess għal inizjattivi bħal Erasmus +, u attenzjoni partikolari għan-nisa u għat-tfal b'diżabilità;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jfasslu pjan nazzjonali sabiex tiġi miġġielda kull forma ta' vjolenza kontra t-tfal; itenni s-sejħa tiegħu lill-Kummissjoni sabiex iġġedded l-impenn tagħha li tistabbilixxi Aġenda ġdida tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal, kif ukoll strateġija ġdida għad-drittijiet tat-tfal, u li tfittex li tintegra d-drittijiet tat-tfal fil-politiki, il-leġiżlazzjoni u d-deċiżjonijiet finanzjarji tal-UE, kif ukoll li tikkunsidrahom fil-programmazzjoni u l-implimentazzjoni tal-politiki reġjonali u ta' koeżjoni;

40.  Jiddispjaċih għad-diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali li jiffaċċjaw il-persuni anzjani f'soċjetà Ewropea li qed tixjieħ; jistieden il-livelli kollha tal-gvern sabiex jintegraw aħjar din id-dimensjoni meta jkunu qed jabbozzaw u jimplimentaw il-politiki, inkluż fl-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

41.  Iqis li l-pass mgħaġġel tal-bidla fid-dinja diġitali jitlob salvagwardji aktar effettivi għad-data u l-privatezza personali; jenfasizza li filwaqt li l-internet u l-midja soċjali u midja oħra huma għodod notevoli ta' komunikazzjoni, speċjalment bħala sorsi ta' informazzjoni għall-pubbliku, fl-istess ħin huma jistgħu jintużaw ukoll bħala għodod teknoloġiċi sabiex tiġi kkontrollata s-soċjetà ċivili, jiġu mhedda gruppi vulnerabbli, speċjalment it-tfal u n-nisa, b'mod partikolari permezz ta' stalking, fastidju u l-pubblikazzjoni ta' ritratti sesswali jew ta' nudità mingħajr kunsens; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw b'mod effettiv id-dritt li wieħed jirċievi u jxerred informazzjoni f'konformità mal-Artikolu 11 tal-Karta, permezz ta' approċċ bilanċjat f'termini ta' regolamentazzjoni tal-kontenut online; jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni għal regolament dwar il-prevenzjoni tad-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online, u jitlob lill-Kunsill u lill-Parlament jaħdmu fuq it-test sabiex jiġi żgurat il-kontroll ġudizzjarju fuq id-deċiżjonijiet għat-tneħħija ta' kontenut online;

Ir-rwol u l-mandat tal-FRA

42.  Jilqa' s-sejbiet pożittivi tat-tieni evalwazzjoni esterna indipendenti tal-FRA għall-perjodu 2013-2017 (Ottubru 2017) u r-rakkomandazzjonijiet relatati mill-Bord ta' Ġestjoni tal-FRA;

43.  Jilqa' l-ħidma operattiva tal-FRA f'oqsma differenti, pereżempju fil-hotspots tal-migrazzjoni fil-Greċja u fl-Italja, kif ukoll l-attivitajiet tagħha ta' sensibilizzazzjoni u taħriġ fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li l-missjoni statutorja globali tal-Aġenzija tiġi estiża sabiex tinkludi l-kompitu operattiv tal-għoti ta' assistenza teknika, taħriġ u bini ta' kapaċità dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw id-drittijiet fundamentali lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE, kif ukoll lill-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni;

44.  Jieħu nota tal-opinjonijiet tal-FRA u jinkoraġġixxi bil-qawwa lill-Istati Membri biex iqisu u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tagħha sabiex jiggarantixxu li d-drittijiet fundamentali jiġu rrispettati b'mod rigoruż fl-UE;

45.  Itenni t-talba tiegħu għall-allinjament tal-mandat tal-FRA mat-Trattat ta' Lisbona, inkluż billi jsir espliċitu li r-Regolament Fundatur ikopri l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja;

46.  Jilqa' l-opinjonijiet tal-FRA dwar l-abbozz ta' leġiżlazzjoni tal-UE u jaqbel mal-pożizzjonijiet tal-Bord ta' Ġestjoni tiegħu li jirrakkomandaw li "fejn il-leġiżlatur tal-UE jindirizza l-fajls leġiżlattivi li jqajmu mistoqsijiet dwar id-drittijiet fundamentali, l-Aġenzija jenħtieġ li tkun tista' tipprovdi l-assistenza u l-għarfien espert tagħha fejn u meta jkunu meħtieġa u mhux biss meta jkunu mitluba b'mod formali" u li "sabiex isir użu sħiħ tal-għarfien espert tal-Aġenzija fil-proċess leġiżlattiv, ir-Regolament Fundatur jenħtieġ li jippermetti lill-Aġenzija tagħti opinjonijiet mhux vinkolanti dwar l-abbozz ta' leġiżlazzjoni tal-UE fuq inizjattiva proprja tagħha";

47.  Huwa tal-opinjoni li l-istituzzjonijiet tal-UE jenħtieġ li jipprovdu forom imtejba ta' konsultazzjoni, valutazzjoni tal-impatt u skrutinju legali, inkluż billi jitolbu parir minn korpi esperti indipendenti xierqa, bħall-FRA, kull meta fajl leġiżlattiv potenzjalment jippromwovi jew jaffettwa b'mod negattiv id-drittijiet fundamentali; jikkunsidra, f'dan ir-rigward, li tista' tingħata konsultazzjoni aktar regolari tal-FRA f'verżjoni riveduta tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet;

48.  Jirrakkomanda li l-leġiżlaturi tal-UE jenħtieġ li jitolbu parir indipendenti u estern dwar id-drittijiet tal-bniedem mill-FRA kull meta fajl leġiżlattiv iqajjem kwistjonijiet serji dwar id-drittijiet fundamentali; jitlob li l-Kummissjoni tiżgura li l-FRA jkollha l-mekkaniżmi neċessarji li jippermettulha tissodisfa bis-sħiħ il-mandat tagħha;

°

°  °

49.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 23, 27.1.2010, p. 35.

(2)

ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(3)

ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.

(4)

ĠU L 328, 6.12.2008, p. 55.

(5)

Il-Kummissjoni Ewropea, Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/aid_development_cooperation_fundamental_rights/1_en_act_part1_v4_2.pdf

(6)

L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), ir-Rapport dwar id-Drittijiet Fundamentali tal-2017, http://fra.europa.eu/en/publication/2017/fundamental-rights-report-2017

(7)

Testi adottati, P8_TA(2015)0095.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2017)0413.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2017)0243.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2016)0102.

(11)

Testi adottati, P8_TA(2018)0032.

(12)

Testi adottati, P8_TA(2018)0201.

(13)

Testi adottati, P8_TA(2016)0409.

(14)

Testi adottati, P8_TA(2018)0314.

(15)

Testi adottati, P8_TA(2017)0402.

(16)

COM(2018)0214.

(17)

COM(2018)0218.

(18)

COM(2018)0236.

(19)

Testi adottati, P8_TA(2018)0184.

(20)

ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22.

(21)

Testi adottati, P8_TA(2017)0474.


NOTA SPJEGATTIVA

L-Unjoni Ewropea (UE) hija bbażata fuq il-valuri tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, li kollha huma minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tagħha. Il-promozzjoni u s-salvagwardja ta' dawn il-prinċipji jagħmlu lill-Ewropa proġett politiku uniku u siewi biċ-ċittadini fil-qalba tiegħu. L-inklużjoni tal-Karta fit-Trattat ta' Lisbona f'Diċembru 2009 fl-aħħar tat dimensjoni tad-drittijiet soċjali u tal-bniedem legalment vinkolanti lill-erba' libertajiet tas-suq uniku li huma l-libertà għal persuni, oġġetti, servizzi u kapital li kienu qed imexxu l-proċess tal-integrazzjoni Ewropea għal għexieren ta' snin.

Huwa biss bit-tqegħid tal-benesseri tal-persuni u r-rispett tad-drittijiet personali, ċivili, politiċi, ekonomiċi u soċjali tagħhom fiċ-ċentru tal-politiki u d-deċiżjonijiet tal-Unjoni Ewropea, li se jirnexxilna niġġieldu kontra l-Ewroxettiċiżmu u nimpenjaw ruħna (mill-ġdid) ma' dawk iċ-ċittadini li għadhom qed jissieltu biex jegħlbu l-konsegwenzi tal-kriżi ekonomika u l-miżuri severi tal-awsterità imposti mill-UE għal diversi snin.

Ta' min wieħed ifakkar li l-UE ħafna drabi tinsab akkużata b'kumplessità u indifferenza lejn iċ-ċittadini tagħha. Il-fatt li l-Karta tapplika biss għall-Istati Membri tal-UE meta jkunu qed jimplimentaw id-dritt tal-Unjoni - l-Artikolu 51 tal-Karta - huwa kkunsidrat bħala insuffiċjenti u mhux sodisfaċenti għal ħafna ċittadini. Din is-sitwazzjoni tista' toħloq biss aktar iżolament mill-UE, u għal din ir-raġuni l-istituzzjonijiet Ewropej differenti jenħtieġ li jikkunsidraw tisħiħ tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Karta.

Għalkemm il-Karta tistabbilixxi d-drittijiet bażiċi li jridu jiġu rrispettati kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, aħna nkomplu naraw ksur u vjolazzjonijiet tad-dispożizzjonijiet tagħhom. F'dan ir-rapport, ir-Rapporteur jissottolinja t-tħassib ewlieni identifikat fil-qasam tad-drittijiet fundamentali fl-UE matul l-2017 mingħajr l-ebda intenzjoni li jitnaqqas il-valur ta' kwalunkwe ommissjoni. Is-suġġetti ntgħażlu minħabba l-impatt soċjali u politiku tagħhom u minħabba urġenza perċepita li għandha tiġi indirizzata. Xi wħud minnhom, bħall-migrazzjoni u l-istat tad-dritt, huma sfidi kontinwi diġà koperti f'rapporti preċedenti, fatt li jindika li l-problemi huma persistenti u għadhom ma ġewx solvuti.

Dan ir-rapport jinsisti fuq dawn iż-żewġ suġġetti kruċjali u jindirizza - fost tħassib rilevanti partikolari ieħor - erba' oħra biss li huma wkoll estremament importanti għall-benessri taċ-ċittadini Ewropej. Is-sitt suġġetti kollha kienu fuq quddiem nett tal-ħajja politika tal-UE matul l-2017.

1.  Il-migrazzjoni

Fl-2017, 650 elf applikant għall-asil għall-ewwel darba applikaw għal protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri tal-UE. Aktar minn 1 000 rifuġjat għerqu fil-Baħar Mediterran. L-imwiet fil-Mediterran Ċentrali wrew in-naħa l-aktar skura tal-Ewropa fejn l-Istati Membri ħatfu kwalunkwe tip ta' azzjoni komuni bbażata fuq il-prinċipju tar-responsabilità komuni u s-solidarjetà. Barra minn hekk, ta' min wieħed isemmi l-attakki fuq l-NGOs li jaħdmu fuq il-post li wasslu f'April li għadda biex il-Parlament Ewropew jgħaddi riżoluzzjoni kontra l-kriminalizzazzjoni tal-għajnuna umanitarja.

2.  L-istat tad-dritt

It-tħassib imqajjem f'ħafna Stati Membri dwar il-kwistjoni tas-separazzjoni tas-setgħat, il-korruzzjoni u l-attivazzjoni tal-Artikolu 7 wasslu għal sena oħra bl-istat tad-dritt bħala tħassib ewlieni.

3.  Id-drittijiet tan-nisa

Il-ġlieda tan-nisa għall-ugwaljanza u kontra d-diskriminazzjoni qabdet ir-ritmu bil-kampanja #MeToo, li tat lill-vittmi ta' attakk u fastidju sesswali l-kuraġġ li jitkellmu kontra dawk li allegatament abbużaw minnhom. L-inizjattiva saret fenomenu dinji li wera l-kobor u s-severità tal-każ u l-ħtieġa ta' azzjoni urġenti sabiex tinqered kwalunkwe forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet.

4.  Il-libertà tal-midja, il-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda.

Is-sena l-oħra rajna wkoll diversi riperkussjonijiet f'diversi Stati Membri fil-qasam tal-libertajiet ċivili, b'mod speċjali dawk relatati mal-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-għaqda. Il-ġurnalisti fl-UE jkomplu jkunu l-mira ta' attakki u pressjonijiet, xi wħud minnhom bi tmiem drammatiku bħall-assassinju tal-ġurnalista Maltija Daphne Caruana Galizia f'Ottubru 2017.

5.  Id-diskriminazzjoni: Ir-razziżmu, il-ksenofobija u d-diskors ta' mibegħda.

Il-vjolenza, il-fastidju, it-theddid u d-diskors ksenofobiku mmirati b'mod speċjali lejn persuni LGBTI, persuni li jappartjenu għal minoranzi etniċi, Musulmani u persuni li jfittxu l-asil u migranti, baqgħu mifruxa u gravi fl-Unjoni Ewropea kollha fl-2017, skont it-tieni Stħarriġ tal-Unjoni Ewropea dwar il-Minoranzi u d-Diskriminazzjoni tal-FRA.

Minħabba li l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-Rapport irid ikun limitat, huwa rilevanti u ġust li jissemmew suġġetti kritiċi kontinwi oħra li jirrikjedu attenzjoni speċjali u li jkunu ġew koperti minn rapporti speċifiċi fil-Parlament Ewropew, bħad-drittijiet u d-diskriminazzjoni ffaċċjati minn minoranzi, persuni b'diżabilità, ir-Rom u persuni anzjani. Il-protezzjoni tal-aktar vulnerabbli trid tkun il-motto motivatur tal-UE. Fl-Unjoni Ewropea, aħna nemmnu li, ħadd ma jrid jiġi eskluż.

6.  Ir-rwol u l-mandat tal-FRA.

Wara t-tieni Evalwazzjoni Esterna indipendenti tal-FRA, ir-Rapporteur iddeċieda li jinkludi punt speċifiku dwar l-Aġenzija, bl-għan li jirrifletti dwar il-ħtieġa li jiġi rikonoxxut ir-rwol tagħha bħala konsulent espert u bħala salvagwardja tad-drittijiet fundamentali tal-persuni li jgħixu fl-UE, u l-ħtieġa li jiġu limitati l-kamp ta' applikazzjoni u s-setgħat tagħha.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

3.12.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

13

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Heinz K. Becker, Monika Beňová, Malin Björk, Michał Boni, Caterina Chinnici, Cornelia Ernst, Raymond Finch, Romeo Franz, Kinga Gál, Sylvie Guillaume, Monika Hohlmeier, Brice Hortefeux, Filiz Hyusmenova, Sophia in ‘t Veld, Dietmar Köster, Barbara Kudrycka, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Roberta Metsola, Claude Moraes, József Nagy, Ivari Padar, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Sergei Stanishev, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Marie-Christine Vergiat, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Kristina Winberg, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Carlos Coelho, Pál Csáky, Gérard Deprez, Anna Hedh, Lívia Járóka, Petr Ježek, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Emilian Pavel, Morten Helveg Petersen, Christine Revault d’Allonnes Bonnefoy, Barbara Spinelli, Josep-Maria Terricabras

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

31

+

ALDE

Gérard Deprez, Filiz Hyusmenova, Sophia in 't Veld, Morten Helveg Petersen

GUE/NGL

Malin Björk, Cornelia Ernst, Barbara Spinelli, Marie-Christine Vergiat

PPE

Heinz K. Becker, Michał Boni, Carlos Coelho, Barbara Kudrycka

S&D

Monika Beňová, Caterina Chinnici, Sylvie Guillaume, Anna Hedh, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Dietmar Köster, Cécile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Claude Moraes, Ivari Padar, Emilian Pavel, Christine Revault d'Allonnes Bonnefoy, Birgit Sippel, Sergei Stanishev, Josef Weidenholzer

ĦODOR/AĦE

Max Andersson, Romeo Franz, Judith Sargentini, Josep-Maria Terricabras

13

-

ECR

Branislav Škripek, Helga Stevens

EFDD

Raymond Finch

ENF

France Jamet, Auke Zijlstra

NI

Udo Voigt

PPE

Pál Csáky, Kinga Gál, Monika Hohlmeier, Lívia Járóka, Roberta Metsola, József Nagy, Traian Ungureanu

1

0

ECR

Kristina Winberg

It-tifsira tas-simboli:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 10 ta' Jannar 2019Avviż legali