Proċedura : 2018/2152(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0003/2019

Testi mressqa :

A8-0003/2019

Dibattiti :

PV 30/01/2019 - 26
CRE 30/01/2019 - 26

Votazzjonijiet :

PV 31/01/2019 - 9.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0054

RAPPORT     
PDF 224kWORD 60k
10.1.2019
PE 627.568v02-00 A8-0003/2019

dwar ir-Rapport Annwali 2017 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-frodi

(2018/2152(INI))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Marian-Jean Marinescu

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
  VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport Annwali 2017 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-frodi

(2018/2152(INI))

Il-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra l-Artikoli 310(6) u 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-rapporti annwali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-3 ta' Settembru 2018 intitolat "Id-29 Rapport Annwali dwar il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Ġlieda kontra l-Frodi – 2017" (COM(2018)0553) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawh ((SWD(2018)0381), (SWD(2018)0382), (SWD(2018)0383), (SWD(2018)0384), (SWD(2018)0385), u (SWD(2018)0386)),

–  wara li kkunsidra r-Rapport 2017 tal-OLAF(1) u r-Rapport ta' Attività 2017 tal-Kumitat Superviżorju tal-OLAF,

  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 8/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tat-22 ta' Novembru 2018 dwar il-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta' Mejju 2018 biex jiġi emendat ir-Regolament Nru 883/2013 dwar l-OLAF fir-rigward tal-kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-effettività tal-investigazzjonijiet tal-OLAF,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013(2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tiegħu, ippubblikata mill-Kumissjoni fit-2 ta' Ottubru 2017 (COM(2017)0589),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2017/1371(3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (id-Direttiva PIF),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/1939(4) tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew ("l-UPPE"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(5) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2015 ikkummissjonat mill-Kummissjoni u intitolat "Studju biex jikkwantifika u janalizza d-distakk tal-VAT fl-Istati Membri tal-UE-27" u l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tas-7 ta' April 2016 dwar pjan ta' azzjoni dwar il-VAT intitolata "Lejn żona unika tal-VAT fl-UE - Iż-żmien biex niddeċiedu" (COM(2016)0148),

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża C-105/14(6), proċeduri kriminali kontra Ivo Taricco et,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża C-42/17(7), proċeduri kriminali kontra M.A.S u M.B.,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2017 dwar ir-rwol tal-informaturi fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE(8),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tat-12 ta' Mejju 2017 dwar l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "L-intensifikar tal-ġlieda kontra l-kuntrabandu tas-sigaretti u forom oħra ta' kummerċ illegali fil-prodotti tat-tabakk - strateġija komprensiva tal-UE ((COM(2013)0324) 6.6.2013))" (COM(2017)0235),

  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2011 bit-titolu "Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE" (COM(2011)0308),

–  wara li kkunsidra r-rapport ikkoordinat mill-OLAF intitolat "Il-frodi fl-akkwist pubbliku – ġabra ta' senjalazzjonijiet ta' allarm u l-aħjar prattiki", ippubblikat fl-20 ta' Diċembru 2017, u l-manwal tal-2017 tal-OLAF dwar "Ir-Rapportar ta' irregolaritajiet fil-ġestjoni konġunta",

  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE,

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - L-irkupru ta' flus u assi minn pajjiżi terzi f'każijiet ta' frodi(9),

  wara li kkunsidra r-Rapport tal-UE Kontra l-korruzzjoni, maħruġ mill-Kummissjoni fit-3 ta' Frar 2014 (COM(2014)0038),

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali Nru 19/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat "Proċeduri ta' importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE",

  wara li kkunsidra l-Opinjoni Nru 9/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri rigward il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Programm tal-UE Kontra l-Frodi,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni intitolata "Baġit modern għal Unjoni li Tipproteġi, Tagħti s-Setgħa u Tiddefendi. Il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2021-2027" (COM(2018)0321),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Ottubru 2018 dwar il-ġlieda kontra l-frodi doganali u l-protezzjoni tar-riżorsi proprji tal-UE(10),

  wara li kkunsidra r-rapport speċjali Nru 26/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-10 ta' Ottubru 2018 intitolat "Bosta dewmien fis-Sistemi tal-IT doganali: x'mar ħażin?",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0003/2019),

A.  billi de jure l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom responsabbiltà kondiviża għall-implimentazzjoni ta' 74 % tal-baġit tal-Unjoni għall-2017; billi de facto, madankollu, l-Istati Membri jonfqu dawk ir-riżorsi u l-Kummissjoni hija responsabbli għas-superviżjoni tagħhom permezz tal-mekkaniżmi ta' kontroll tagħha;

B.  billi l-infiq pubbliku bil-għaqal u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE għandhom ikunu elementi ewlenin tal-politika tal-UE biex iżidu l-fiduċja taċ-ċittadini billi jiżguraw li flushom jintużaw b'mod korrett u effikaċi;

C.  billi l-Artikolu 310(6) tat-TFUE jiddikjara li "L-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, skond l-Artikolu 325, jiġġieldu l-frodi u kwalunkwe attività oħra illegali li tolqot l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni";

D.  billi l-kisba ta' prestazzjoni tajba permezz ta' proċessi ta' simplifikazzjoni tinvolvi valutazzjoni regolari ta' inputs, outputs, eżiti u impatti permezz ta' awditi tal-prestazzjoni;

E.  billi d-diversità fis-sistemi ġuridiċi u amministrattivi fl-Istati Membri għandha tiġi indirizzata b'mod adegwat biex jingħelbu l-irregolaritajiet u tiġi miġġielda l-frodi; billi l-Kummissjoni għandha għalhekk iżżid l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-ġlieda kontra l-frodi tiġi implimentata b'mod effettiv u tipproduċi riżultati aktar tanġibbli u sodisfaċenti;

F.  billi l-Artikolu 325(2) TFUE jiddikjara li "L-Istati Membri għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni bħal ma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess";

G.  billi l-UE għandha dritt ġenerali li taġixxi fil-qasam tal-politiki kontra l-korruzzjoni fil-limiti stabbiliti mit-TFUE; billi l-Artikolu 67 tat-TFUE jistipula l-obbligu tal-Unjoni li tiżgura livell għoli ta' sigurtà, inkluż permezz tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-kriminalità u l-approssimazzjoni tal-liġijiet kriminali; billi l-Artikolu 83 tat-TFUE jelenka l-korruzzjoni bħala wieħed mir-reati partikolarment gravi b'dimensjoni transkonfinali;

H.  billi l-Artikolu 325(3) tat-TFUE jiddikjara li "l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom li tkun immirata sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji ta' l-Unjoni kontra l-frodi. Għal dan l-għan huma għandhom jorganizzaw, flimkien mal-Kummissjoni, koperazzjoni mill-qrib u regolari bejn l-awtoritajiet kompetenti";

I.  billi l-korruzzjoni hija mifruxa fost l-Istati Membri u tirrappreżenta theddida serja għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li min-naħa tagħha thedded il-fiduċja fl-amministrazzjoni pubblika;

J.  billi l-VAT hija sors ta' dħul importanti għall-baġits nazzjonali u billi r-riżorsi proprji bbażati fuq il-VAT kienu jikkostitwixxu 12.1 % tal-baġit totali tal-UE fl-2017;

K.  billi r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill 6902/05 tal-14 ta' April 2005 dwar politika komprensiva tal-UE kontra l-korruzzjoni stiednet lill-Kummissjoni tikkunsidra l-opzjonijiet kollha vijabbli, bħall-parteċipazzjoni fi GRECO jew mekkaniżmu ta' valutazzjoni u ta' monitoraġġ tal-istrumenti tal-UE b'rabta mal-iżvilupp ta' mekkaniżmu ta' valutazzjoni u monitoraġġ reċiproku;

L.  billi l-każijiet sistematiċi u istituzzjonalizzati ta' korruzzjoni f'ċerti Stati Membri jagħmlu ħsara serja lill-interessi finanzjarji tal-UE filwaqt li jirrappreżentaw ukoll theddida għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

M.  billi r-Rapport tal-Ewrobarometru Speċjali 470 dwar il-Korruzzjoni, ippubblikat f'Diċembru 2017, iddikjara li l-perċezzjonijiet tal-korruzzjoni u l-attitudnijiet ġenerali lejha baqgħu stabbli meta mqabbla mal-2013, li jindika li ma ntwera ebda riżultat konkret f'termini ta' titjib ta' fiduċja taċ-ċittadini tal-UE fl-istituzzjonijiet tagħhom;

Identifikazzjoni u rapportar ta' irregolaritajiet

1.  Jinnota b'sodisfazzjoni li l-għadd totali ta' irregolaritajiet frawdolenti u mhux frawdolenti rrapportati fl-2017 (15 213-il każ) kien 20,8 % anqas milli fl-2016 (19 080 każ) u li l-valur tagħhom naqas bi 13 % (minn EUR 2,97 biljun fl-2016 għal EUR 2,58 biljun fl-2017);

2.  Jindika li mhux l-irregolaritajiet kollha huma frawdolenti u li għandha ssir distinzjoni ċara bejn l-iżbalji mwettqa;

3.  Josserva li, meta mqabbel mas-sena preċedenti, l-għadd ta' irregolaritajiet irrapportati bħala frawdolenti niżel bi 19,3 %, fatt li kkonferma t-tendenza lejn 'l isfel li bdiet fl-2014; jittama li n-niżla tirrifletti tnaqqis reali tal-frodi u mhux tan-nuqqasijiet f'termini ta' detezzjoni;

4.  Jikkunsidra li jkun aħjar li l-Istati Membri jikkooperaw aktar mill-qrib fir-rigward tal-iskambji ta' informazzjoni, kemm biex itejbu l-ġbir ta' data kif ukoll biex itejbu l-effikaċja tal-kontrolli;

5.  Jiddeplora l-fatt li aktar minn nofs l-Istati Membri ma adottawx strateġiji nazzjonali kontra l-frodi (NAFS); jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri li fadal jipproċedu għall-adozzjoni ta' NAFS;

6.  Jistieden mill-ġdid lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi sistema uniformi għall-ġbir ta' data komparabbli dwar l-irregolaritajiet u l-każijiet ta' frodi mill-Istati Membri sabiex tistandardizza l-proċess ta' rapportar u tiżgura l-kwalità u l-komparabbiltà tad-data pprovduta;

7.  Jirrimarka li ħafna Stati Membri m'għandhomx liġijiet speċifiċi kontra l-kriminalità organizzata, filwaqt li l-involviment tagħha f'attivitajiet u setturi transkonfinali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, bħall-kuntrabandu jew l-iffalsifikar tal-flus, qiegħed dejjem jikber;

8.  Jesprimi tħassib dwar il-kontrolli relatati mal-istrumenti finanzjarji ġestiti minn intermedjarji u d-dgħufiji misjuba fil-verifika tal-uffiċċji rreġistrati tal-benefiċjarji; jenfasizza l-ħtieġa li l-iżburżar ta' self dirett u indirett ikun kondizzjonali għall-pubblikazzjoni ta' data fiskali u kontabbiltà għal kull pajjiż, u fuq l-iżvelar ta' informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja mill-benefiċjarji u l-intermedjarji finanzjarji involuti fl-operazzjonijiet ta' finanzjament;

Dħul ‒ riżorsi proprji

9.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li skont l-istatistika tal-Kummissjoni, id-distakk tal-VAT fl-2016 kien jammonta għal EUR 147 biljun, li jirrappreżenta aktar minn 12 % tad-dħul totali mistenni mill-VAT, u li l-Kummissjoni tistma li l-każijiet ta' frodi tal-VAT intra-Komunitarju jiswew lill-Unjoni madwar EUR 50 biljun fis-sena;

10.  Jilqa' l-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni dwar il-VAT tas-7 ta' April 2016 immirat biex jirriforma l-qafas tal-VAT, u t-13-il proposta leġiżlattiva adottati mill-Kummissjoni minn Diċembru 2016 'l hawn li jindirizzaw il-bidla lejn skema definittiva tal-VAT, li tneħħi l-ostakli tal-VAT għall-kummerċ elettroniku, tirrevedi l-iskema tal-VAT għall-SMEs, timmodernizza l-politika tar-rati tal-VAT u tindirizza d-distakk tal-VAT; jinnota li l-proposta ta' "sistema definittiva" tista' teqred il-Frodi Intra-Komunitarja b'Negozjant Nieqes (MTIC), iżda ma tidħolx fis-seħħ qabel l-2022; jistieden lill-Istati Membri sabiex jimplimentaw malajr ir-riforma tas-sistema tal-VAT u jieħdu azzjonijiet aktar immedjati biex fil-frattemp jikkontrollaw il-ħsara, inkluż fil-qafas tal-Eurofisc, l-OLAF, l-EUROPOL u l-UPPE futur;

11.  Jilqa' s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża M.A.S. (C-42/17), li teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li pieni kriminali effettivi u ta' deterrent jiġu adottati f'każijiet ta' frodi serji li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE fir-rigward tal-VAT, skont l-obbligi tagħhom taħt l-Artikolu 325(1) u (2) tat-TFUE;

12.  Jiddispjaċih li investigazzjoni mill-OLAF fil-frodi doganali fir-Renju Unit konkluża fl-2017 żvelat evażjoni sostanzjali tal-VAT b'konnessjoni ma' importazzjonijiet fir-Renju Unit permezz ta' abbuż tas-sospensjoni ta' ħlas tal-VAT, jew l-hekk imsejħa proċedura doganali 42 (CP42); jilqa' l-proċedura ta' qabel il-ksur kontra r-Renju Unit imnedija mill-Kummissjoni f'Mejju 2018; ifakkar li dan it-telf huwa stmat b'mod kumulattiv li huwa madwar EUR 3,2 biljun għall-perjodu 2013-2016, li jirrappreżenta wkoll telf għall-baġit tal-UE; huwa mħasseb li l-emendi adottati dan l-aħħar għar-Regolament (UE) Nru 904/2010 dwar miżuri li jsaħħu l-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tal-VAT jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jegħlbu l-frodi tas-CP42 u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra strateġiji ġodda sabiex tintraċċa oġġetti tas-CP42 fl-UE;

13.  Jilqa' l-emenda tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, adottata fit-2 ta' Ottubru 2018, u jispera li kooperazzjoni msaħħa se tindirizza b'mod effiċjenti aspetti ewlenin ta' frodi transkonfinali fis-suq uniku, bħall-frodi tal-MTIC;

14.  Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva PIF, li tiċċara l-kwistjonijiet ta' kooperazzjoni transkonfinali u ta' assistenza legali reċiproka bejn l-Istati Membri, l-Eurojust, l-UPPE u l-Kummissjoni fl-indirizzar tal-frodi tal-VAT;

15.  Jenfasizza, f'dan ir-rigward, is-serjetà tas-sitwazzjoni attwali rigward il-frodi li tinvolvi n-nuqqas ta' ħlas tal-VAT, b'mod partikolari l-hekk imsejħa frodi karusell; jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw f'kull wieħed mill-oqsma ta' attività tal-Eurofisc sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni bl-għan li tiġi megħjuna l-ġlieda kontra l-frodi;

16.  Ifakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat f'diversi okkażjonijiet li l-VAT hija interess finanzjarju tal-Unjoni, l-aktar reċenti fil-każ Taricco (C-105/14); jinnota madankollu li l-OLAF rarament jagħmel investigazzjonijiet ta' irregolaritajiet li jirrigwardaw il-VAT minħabba nuqqas ta' strumenti; jistieden lill-Istati Membri japprovaw il-proposta tal-Kummissjoni li tipprovdi strumenti ġodda lill-OLAF sabiex jittratta l-każijiet tal-VAT, bħal aċċess għall-Eurofisc, għall-VIES jew informazzjoni dwar il-kontijiet tal-bank;

17.  Josserva l-andament stabbli tal-għadd ta' każijiet frawdolenti u mhux frawdolenti rrapportati marbuta mar-riżorsi proprji tradizzjonali (4 647 fl-2016 u 4 636 fl-2017), kif ukoll l-ammonti involuti (EUR 537 miljun fl-2016 u EUR 502 miljun fl-2017); jinnota madankollu d-distribuzzjoni irregolari tal-irregolaritajiet fost l-Istati Membri, bil-Greċja (7,17 %), Spanja (4,31 %) u l-Ungerija (3,35 %) ferm ogħla mill-medja tal-UE ta' 1,96 % relatata mar-riżorsi proprji tradizzjonali mhux miġbura;

18.  Jinnota bi tħassib kbir li l-kuntrabandu tat-tabakk lejn l-UE intensifika f'dawn l-aħħar snin u, skont l-estimi, jirrappreżenta telf annwali ta' EUR 10 biljun fi dħul pubbliku għall-baġits tal-UE u tal-Istati Membri, filwaqt li fl-istess ħin huwa sors kbir ta' kriminalità organizzata, inkluż it-terroriżmu; jikkunsidra li huwa neċessarju li l-Istati Membru jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jiġġieldu dawn l-attivitajiet illegali, pereżempju billi jtejbu l-proċeduri għall-kooperazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri;

19.  Jemmen li kombinazzjoni ta' metodi ta' detezzjoni differenti (kontrolli tar-rilaxx, kontrolli ta' wara r-rilaxx, spezzjonijiet minn servizzi ta' kontra l-frodi u oħrajn) hija l-aktar effiċjenti għad-detezzjoni tal-frodi u li l-effiċjenza ta' kull metodu tiddependi fuq l-Istat Membru kkonċernat, il-koordinazzjoni effiċjenti tal-amministrazzjoni tiegħu u l-abbiltà tas-servizzi rilevanti tal-Istati Membri li jikkomunikaw ma' xulxin;

20.  Iqis bħala inkwetanti l-fatt li ċerti Stati Membri regolarment ma jirrapportaw l-ebda każ ta' frodi; jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga s-sitwazzjoni, inkwantu tqis pjuttost baxxa l-probabbiltà li tali Stati Membri huma ġenna tal-art fejn il-frodi ma teżistix; jistieden lill-Kummissjoni twettaq kontrolli fuq il-post f'dawn il-pajjiżi;

21.  Jinnota b'dispjaċir li r-rata medja ta' rkupru fil-każijiet irrapportati bħala frawdolenti fil-perjodu bejn l-1989 u l-2017 kienet biss 37 %; jistieden lill-Kummissjoni tfittex soluzzjonijiet biex ittejjeb din is-sitwazzjoni drammatika;

22.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tirrapporta ta' kull sena l-ammont tar-riżorsi proprji tal-UE rkuprati skont ir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-OLAF, u tikkomunika l-ammonti li għad iridu jiġu rkuprati;

Programm ta' Kontra l-Frodi tal-UE

23.  Jilqa' pożittivament il-ħolqien tal-Programm ta' Kontra l-Frodi tal-UE, li se jkun implimentat mill-OLAF f'mod ta' ġestjoni diretta (COM(2018)0386), u jitlob li l-għotjiet ikunu ġestiti f'format elettroniku permezz tas-sistema ta' ġestjoni eGrants tal-Kummissjoni, minn Ġunju 2019;

L-UPPE u r-relazzjoni futura tiegħu mal-OLAF

24.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni ta' 22 Stat Membru li jipproċedu għall-istabbiliment tal-UPPE fil-qafas ta' kooperazzjoni msaħħa; jistieden lill-Kummissjoni tinċentiva lill-Istati Membri li s'issa sabuha bi tqila li jkunu parti mill-UPPE;

25.  Jirrimarka li l-ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn l-OLAF u l-UPPE għandhom jiżguraw li jkun hemm separazzjoni ċara tas-setgħat biex jiġu evitati strutturi doppji, kompetenzi konfliġġenti u lakuni legali li jinħolqu minn nuqqas ta' kompetenzi;

26.  Jilqa' l-fatt li l-abbozz tal-baġit tal-UE għall-2019 jinkludi, għall-ewwel darba, approprjazzjonijiet għall-UPPE (EUR 4,9 miljun) u jinsisti fuq l-importanza ta' persunal u baġit suffiċjenti għall-UPPE; jinnota li hemm biss 37 kariga ppjanati, li jimplika li wara li jitnaqqsu l-karigi għal 23 Prosekutur Ewropew, 14-il kariga biss huma ppjanati għal kompiti amministrattivi; jikkunsidra li dan mhuwiex realistiku, b'mod partikolari fir-rigward taż-żewġ Stati Membri l-oħra li dan l-aħħar iddeċidew li jissieħbu fl-UPPE; jitlob, għalhekk, li ż-żieda ta' persunal ippjanata għall-2020 ssir minn qabel biex l-UPPE jkun jista' jopera b'mod sħiħ sa tmiem l-2020 kif previst mir-Regolament;

27.  Jilqa' l-proposta mmirata tal-Kummissjoni għal reviżjoni tar-Regolament Nru 833/2013, primarjament xprunata mill-istabbiliment tal-UPPE; jenfasizza li l-kooperazzjoni futura bejn l-OLAF u l-UPPE għandha tkun ibbażata fuq kooperazzjoni mill-qrib, skambju effiċjenti ta' informazzjoni u komplementarjetà, filwaqt li jiġu evitati d-duplikazzjonijiet jew kompetenzi konfliġġenti;

Ġlieda kontra l-korruzzjoni

28.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni f'każ ta' nuqqasijiet ġeneralizzati fir-rigward tal-istat tad-dritt fl-Istati Membri; jenfasizza li sabiex tipprovdi valutazzjoni oġġettiva u sistematika, il-Kummissjoni għandha tippubblika regolarment valutazzjoni tat-theddid għall-istat tad-dritt, inklużi riskji ta' korruzzjoni sistemika, f'kull Stat Membru bbażata fuq sett ta' indikaturi u rapporti indipendenti;

29.  Jenfasizza li wara l-ħolqien tal-UPPE, l-OLAF se jibqa' l-uniku uffiċċju responsabbli għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE fl-Istati Membri li ddeċidew li ma jissiħbux fl-UPPE; jenfasizza li skont l-Opinjoni 8/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-proposta tal-Kummissjoni li temenda r-Regolament dwar l-OLAF ma ssolvix il-kwistjoni ta' nuqqas ta' effikaċja fl-investigazzjonijiet amministrattivi tal-OLAF; jisħaq fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-OLAF jibqa' sieħeb b'saħħtu u funzjonali għalkollox għall-UPPE;

30.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni m'għadhiex tqis li huwa neċessarju li tippubblika r-rapport kontra l-korruzzjoni; jiddeplora d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinkludi l-monitoraġġ kontra l-korruzzjoni fil-proċess ta' governanza ekonomika tas-Semestru Ewropew; huwa tal-fehma li dan kompla naqqas il-monitoraġġ mill-Kummissjoni, b'data disponibbli għal ftit pajjiżi biss; jiddispjaċih ukoll li din il-bidla fl-approċċ tikkonċentra l-aktar fuq l-impatt ekonomiku tal-korruzzjoni u kważi tinjora għalkollox id-dimensjonijiet l-oħrajn li l-korruzzjoni tista' taffettwa, bħall-fiduċja taċ-ċittadini fl-amministrazzjoni pubblika u anki fl-istrutturi demokratiċi tal-Istati Membri; iħeġġeġ għalhekk lill-Kummissjoni tkompli tippubblika r-rapporti tagħha kontra l-korruzzjoni; itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni sabiex timpenja ruħha f'politika aktar komprensiva u koerenti tal-UE kontra l-korruzzjoni, inkluża valutazzjoni fil-fond tal-politiki kontra l-korruzzjoni f'kull Stat Membru;

31.  Itenni li l-effett tal-"bieb idur" jista' jkun ta' detriment għar-relazzjonijiet bejn l-istituzzjonijiet u r-rappreżentanti tal-interess; jitlob lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżviluppaw approċċ sistematiku u proporzjonat għal din l-isfida;

32.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni ma rawmitx il-parteċipazzjoni tal-UE fil-Grupp ta' Stati kontra l-Korruzzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa (GRECO); jistieden lill-Kummissjoni terġa' tibda n-negozjati ma' GRECO mill-aktar fis possibbli sabiex tivvaluta fi żmien xieraq il-konformità tagħha mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC) u biex twaqqaf mekkaniżmu ta' valutazzjoni interna għall-istituzzjonijiet tal-UE;

33.  Itenni l-istedina tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa sistema ta' indikaturi stretti u kriterji uniformi applikabbli faċilment, ibbażati fuq ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Programm ta' Stokkolma, biex tkejjel il-livell ta' korruzzjoni fl-Istati Membri u biex tevalwa l-politiki tagħhom kontra l-korruzzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa indiċi ta' korruzzjoni sabiex tikklassifika lill-Istati Membri; huwa tal-fehma li indiċi ta' korruzzjoni jista' jipprovdi bażi soda li fuqha l-Kummissjoni tista' tistabbilixxi l-mekkaniżmu ta' kontroll speċifiku għall-pajjiż tagħha meta tikkontrolla l-infiq tar-riżorsi tal-UE;

34.  Ifakkar li l-Kummissjoni ma għandhiex aċċess għall-informazzjoni skambjata bejn l-Istati Membri bl-għan li jipprevjenu u jiġġieldu l-Frodi MTIC, magħrufa aħjar bħala l-frodi karusell; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandu jkollha aċċess għall-Eurofisc, sabiex tikkontrolla, tivvaluta aħjar u ttejjeb l-iskambju ta' data fost l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex jipparteċipaw fl-oqsma kollha ta' attività tal-Eurofisc biex jiffaċilitaw u jħaffu l-iskambju ta' informazzjoni mal-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi bħalma huma l-Europol u l-OLAF, kif irrakkomandat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kunsill sabiex jagħtu lill-Kummissjoni aċċess għal din id-data sabiex titrawwem il-kooperazzjoni, tissaħħaħ l-affidabbiltà tad-data u tiġi miġġielda l-kriminalità transkonfinali;

Akkwist pubbliku

Diġitalizzazzjoni

35.  Jinnota li parti konsiderevoli tal-investimenti pubbliċi tintefaq permezz tal-akkwist pubbliku (EUR 2 triljun fis-sena); jenfasizza l-benefiċċji tal-akkwist elettroniku fil-ġlieda kontra l-frodi, bħal iffrankar għall-partijiet kollha, żieda fit-trasparenza, u proċessi sempliċi u iqsar;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni telabora qafas għad-diġitalizzazzjoni tal-proċessi kollha fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE (is-sejħiet għal proposti, l-applikazzjoni, l-evalwazzjoni, l-implimentazzjoni, il-pagamenti) li għandhom jiġu applikati mill-Istati Membri kollha;

37.  Jiddispjaċih għall-fatt li ftit Stati Membri biss qegħdin jużaw teknoloġiji ġodda għall-fażijiet ewlenin kollha tal-proċess tal-akkwist (notifika elettronika, aċċess elettroniku għad-dokumenti tal-offerti, sottomissjoni elettronika ta' offerti, evalwazzjoni elettronika, għoti elettroniku, ordni elettronika, fatturar elettroniku, pagament elettroniku); jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu l-formoli kollha tal-proċess tal-akkwist pubbliku, kif ukoll reġistri ta' kuntratti aċċessibbli għall-pubbliku, disponibbli online f'format li jinqara mill-magni sa Lulju 2019;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa inċentivi biex toħloq profil elettroniku tal-awtoritajiet kontraenti għall-Istati Membri li fihom dawn il-profili mhumiex disponibbli;

39.  Jilqa' l-iskeda ta' żmien tal-Kummissjoni għat-tnedija tal-akkwist elettroniku fl-UE u jistieden lill-Kummissjoni ssegwiha;

Prevenzjoni u fażijiet inizjali tal-proċedura tal-offerti

40.  Huwa tal-fehma li l-attivitajiet ta' prevenzjoni huma ferm importanti biex jonqos il-livell ta' frodi fl-infiq tal-flus tal-UE u li l-bdil għall-akkwist elettroniku jirrappreżenta pass importanti lejn il-prevenzjoni tal-frodi u l-promozzjoni tal-integrità u tat-trasparenza;

41.  Jilqa' pożittivament il-ħolqien tas-sistema ta' identifikazzjoni bikrija u ta' esklużjoni (EDES) u jemmen li kombinazzjoni ta' metodi ta' identifikazzjoni (kontrolli) differenti fil-fażijiet inizjali tal-proċedura tal-offerti hija l-aktar effiċjenti għall-prevenzjoni tal-frodi, billi tippermetti li l-fondi jiġu orjentati mill-ġdid lejn proġetti oħrajn;

42.  Jilqa' l-gwida mħejjija mill-Kumitat Konsultattiv għall-Koordinazzjoni tal-Prevenzjoni tal-Frodi (COCOLAF) dwar is-senjalazzjonijiet ta' allarm u l-aqwa prattiki fl-akkwist pubbliku u r-rapportar tal-irregolaritajiet;

43.  Jilqa' favorevolment is-simplifikazzjoni tar-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-UE u jemmen li simplifikazzjoni ulterjuri żżid l-effikaċja; jittama li benefiċjarji oħra ta' fondi tal-Unjoni jkunu jistgħu jibbenefikaw aktar minn għażliet simplifikati f'termini ta' kostijiet;

Proċeduri ta' importazzjoni

44.  Josserva li d-dazji doganali jikkorrispondu għal 14 % tal-baġit tal-UE u jemmen li l-applikazzjoni ineffikaċi tagħhom u n-nuqqas ta' regoli armonizzati jolqtu negattivament l-interessi finanzjarji tal-UE;

45.  Josserva li s-servizzi tad-dwana tad-diversi Stati Membri jaqsmu bejniethom informazzjoni dwar il-każijiet suspetti ta' frodi, biex ikun żgurat ir-rispett tar-regolamentazzjoni doganali (assistenza reċiproka); jemmen li din il-komunikazzjoni hija aktar sempliċi fil-każijiet li fihom hija obbligatorja l-indikazzjoni tal-ispeditur fid-dikjarazzjoni dwar l-importazzjoni tad-dwana (SAD) u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel din l-indikazzjoni obbligatorja fl-Istati Membri kollha sa Lulju 2019;

46.  Jesprimi tħassib fir-rigward tal-ispezzjonijiet doganali u l-ġbir relatat ta' dazji doganali, li huma riżorsa proprja għall-baġit tal-UE; jirrimarka li l-ispezzjonijiet biex jiġi vverifikat li l-importaturi qed jikkonformaw mar-regoli dwar it-tariffi u l-importazzjonijiet isiru mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri stess, u jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-ispezzjonijiet fil-fruntieri tal-UE jkunu xierqa u armonizzati, u b'hekk tiggarantixxi l-interessi ta' sikurezza, sigurtà u dawk ekonomiċi tal-Unjoni, u biex timpenja ruħha fil-ġlieda kontra l-kummerċ ta' oġġetti illegali u ffalsifikati b'mod partikolari;

47.  Jiddispjaċih li l-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT ġodda għall-Unjoni Doganali batiet minn serje ta' dewmien, li jfisser li wħud mis-sistemi ewlenin mhux se jkunu disponibbli sal-iskadenzi tal-2020 li ġew stabbiliti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni; jenfasizza li t-tranżizzjoni rapida għal ambjent doganali mingħajr karti hija essenzjali biex jiġi żgurat li l-amministrazzjonijiet tad-dwana jaħdmu bħala entità waħda; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jikkontribwixxu għat-tlestija u s-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi ta' informazzjoni doganali tal-UE;

48.  Jilqa' l-11-il operazzjoni doganali konġunta tal-OLAF li mmiraw b'suċċess diversi theddidiet bħall-frodi tad-dħul, movimenti illeċiti ta' flus, prodotti foloz, kuntrabandu ta' sigaretti u narkotiċi; jilqa' wkoll id-detezzjoni ta' irregolaritajiet wara avviżi ta' assistenza reċiproka maħruġa mill-OLAF, b'mod speċjali l-frodi fil-pannelli solari;

49.  Jenfasizza li huma meħtieġa kontrolli doganali armonizzati u standardizzati fil-punti kollha tad-dħul peress li żbilanċ fil-prestazzjoni tal-kontrolli doganali mill-Istati Membri jxekkel il-funzjonament effettiv tal-unjoni doganali.

Nefqa

50.  Jilqa' favorevolment it-tnaqqis sinifikanti tal-għadd ta' każijiet (minn 272 fl-2016 għal 133 fl-2017) irrapportati bħala frawdolenti fl-ambitu tal-iżvilupp rurali, u t-tnaqqis konsegwenti tal-valur tal-frodi minn EUR 47 miljun għal EUR 20 miljun: jinnota, madankollu, it-tendenza bil-maqlub li hemm fil-qasam tal-appoġġ dirett għall-agrikoltura, fejn il-valur tal-irregolaritajiet irrapportati bħala frawdolenti żdied sew minn EUR 11-il miljun għal EUR 39 miljun, u l-valur finanzjarju medju għal kull każ żdied b'227 %; jittama li dan ma jirrappreżentax tendenza negattiva;

51.  Jistenna li s-simplifikazzjoni ta' regoli amministrattivi mitluba fid-dispożizzjonijiet komuni li jkopru l-perjodu 2014-2020 tgħin biex jonqos in-numru ta' irregolaritajiet mhux frawdolenti, jiġu identifikati l-każijiet frawdolenti u jittejjeb l-aċċess tal-benefiċjarji għall-fondi tal-UE;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-isforzi tagħha biex tistandardizza n-nomenklatura tal-iżbalji marbuta man-nefqa, peress li, skont dak li turi d-data, diversi Stati Membri jiddikjaraw l-istess żbalji f'kategoriji differenti (SWD(2018)0386);

53.  Jissottolinja l-fatt li l-kapaċità ta' identifikazzjoni tirrappreżenta element fundamentali fil-kuntest taċ-ċiklu tal-ġlieda kontra l-frodi, li tikkontribwixxi għall-effikaċja u għall-effiċjenza tas-sistema għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE; jilqa' għaldaqstant b'sodisfazzjon il-fatt li l-Istati Membri l-aktar attivi fl-identifikazzjoni u fir-rapportar ta' irregolaritajiet potenzjalment frawdolenti kienu l-Polonja, ir-Rumanija, l-Ungerija, l-Italja u l-Bulgarija, li lkoll f'daqqa rrappreżentaw 73 % tal-irregolaritajiet irrapportati bħala frawdolenti fil-politika agrikola komuni fis-snin bejn l-2013 u l-2017; jisħaq, f'dan ir-rigward, li valutazzjoni numerika waħda tar-rapporti magħmula tista' twassal għal perċezzjoni żbaljata tal-effikaċja tal-kontrolli; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni sabiex tkompli tappoġġa lill-Istati Membri bl-għan li tiżgura titjib kemm fil-kwalità kif ukoll fl-għadd ta' kontrolli, u li taqsam l-aħjar prattika fil-ġlieda kontra l-frodi;

54.  Jinnota li l-għadd ta' irregolaritajiet mhux irrapportati bħala frawdolenti fil-politiki ta' koeżjoni u tas-sajd (5 129 każ fl-2017) reġa' lura għal-livelli tal-2013 u tal-2014 (4 695 u 4 825 każ rispettivament), wara li għal sentejn sħaħ il-livelli laħqu l-aqwa tagħhom;

55.  Jindika li hija essenzjali trasparenza totali fil-kontabbiltà tan-nefqa, speċjalment fir-rigward ta' xogħlijiet ta' infrastruttura ffinanzjati direttament minn fondi tal-UE jew minn strumenti finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi liċ-ċittadini tal-UE aċċess sħiħ għall-informazzjoni dwar il-proġetti kofinanzjati;

56.  Jikkonstata li l-għadd ta' irregolaritajiet irrapportati fl-ambitu tal-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (PAA) kompla naqas fl-2017 u li, bl-eliminazzjoni gradwali tal-programmi ta' qabel l-adeżjoni, l-għadd ta' irregolaritajiet irrapportati bħala frawdolenti qorob lejn iż-żero;

Problemi identifikati u miżuri meħtieġa

Kontrolli aħjar

57.  Jappoġġja l-programm Hercule III, li huwa eżempju tajjeb tal-approċċ "l-aħjar użu minn kull euro"; jistenna li l-programm suċċessur tiegħu wara l-2020 ikun saħansitra aktar effikaċi;

58.  Jittama li r-regolament mistenni l-ġdid tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi, fl-ambitu tal-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri, l-istrument ta' appoġġ finanzjarju għat-tagħmir għall-kontroll doganali, se jkompli jtejjeb il-koordinament u jqawwi l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tad-dwana u l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi l-oħra fil-qasam tal-finanzjamenti permezz ta' sħubija aħjar fil-livell tal-UE;

Frodi transnazzjonali

59.  Jenfasizza li sistema li tippermetti lill-awtoritajiet jiskambjaw informazzjoni tiffaċilita l-kontroverifika ta' rekords kontabilistiċi għal tranżazzjonijiet bejn żewġ Stati Membri jew aktar biex tiġi evitata l-frodi transkonfinali fir-rigward tal-fondi strutturali u ta' investiment, u b'hekk jiġi żgurat approċċ trasversali u komprensiv għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Istati Membri; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni sabiex tippreżenta proposta leġiżlattiva dwar l-assistenza amministrattiva reċiproka f'dawk l-oqsma ta' nfiq ta' fondi tal-UE fejn ma sar ebda provvediment għal dan;

60.  Huwa inkwetat dwar iż-żieda fit-theddid u fl-okkorrenza ta' frodi transnazzjonali identifikata mill-OLAF; jilqa' l-adozzjoni tar-Rapport tal-Parlament tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE – L-irkupru ta' flus u assi minn pajjiżi terzi f'każijiet ta' frodi, u l-klawżola kontra l-frodi introdotta b'suċċess fil-ftehim ta' kummerċ ħieles mal-Ġappun; jistieden lill-Kummissjoni tiġġeneralizza l-prattika li żżid klawżoli kontra l-frodi fil-ftehimiet iffirmati bejn l-UE u pajjiżi terzi;

Informaturi

61.  Jilqa' pożittivament il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrappurtaw dwar ksur tad-dritt tal-Unjoni (COM(2018)0218); jittama li din ittejjeb konsiderevolment is-sigurtà tal-informaturi fl-Unjoni, u b'hekk jinkiseb titjib kbir fil-protezzjoni finanzjarja tal-UE u fl-istat tad-dritt; jittama li din tidħol fis-seħħ fil-futur qarib; jistieden lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE sabiex jimplimentaw malajr kemm jista' jkun l-istandards stabbiliti fid-direttiva fil-politiki interni tagħhom stess sabiex jiżguraw l-ogħla livell ta' protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jimplimentawha fis-sistema legali nazzjonali tagħhom bl-aktar kamp ta' applikazzjoni wiesgħa possibbli;

62.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-informaturi fil-prevenzjoni tal-frodi, id-detezzjoni u r-rapportar u l-ħtieġa li jiġu protetti;

Ġurnaliżmu investigattiv

63.  Huwa tal-fehma li l-ġurnaliżmu investigattiv jaqdi rwol essenzjali fit-trawwim tal-livell meħtieġ ta' trasparenza fl-UE u fl-Istati Membri, u li jrid jiġi inkoraġġit u appoġġat kemm mill-Istati Membri kif ukoll mill-UE;

Tabakk

64.  Huwa mħasseb li skont l-estimi tal-OLAF, il-kummerċ illeċitu fis-sigaretti jikkawża telf finanzjarju annwali ta' aktar minn EUR 10 biljun għall-baġits tal-Unjoni u tal-Istati Membri;

65.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ, fil-25 ta' Settembru 2018, tal-Protokoll tad-WHO biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk wara l-41 ratifika tiegħu, fis-27 ta' Ġunju 2018; jilqa' l-fatt li l-ewwel Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll saret bejn it-8 u l-10 ta' Ottubru 2018; madankollu, iħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma rratifikawx il-Protokoll biex jagħmlu dan malajr kemm jista' jkun; jistieden lill-Kummissjoni taqdi rwol attiv bl-għan li tipproduċi rapport komprensiv li jistabbilixxi prattiki tajbin u timplimenta esperimenti rigward is-sistemi ta' traċċar u rintraċċar fl-Istati Partijiet; jistieden lill-Istati Membri li ffirmaw il-Protokoll iżda li għadhom ma rratifikawhx, biex jagħmlu dan;

66.  Ifakkar fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma ġġeddidx il-ftehim PMI, li skada fid-9 ta' Lulju 2016; ifakkar li fid-9 ta' Marzu 2016, il-Parlament talab lill-Kummissjoni biex ma ġġeddidx, testendi jew tinnegozjah mill-ġdid lil hinn mid-data tal-iskadenza tiegħu; jemmen li t-tliet ftehimiet l-oħrajn mal-kumpaniji tat-tabakk (BAT, JTI, ITL) m'għandhomx jiġu mġedda, estiżi jew innegozjati mill-ġdid; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport sa tmiem l-2018 dwar il-fattibbiltà li jitwaqqfu t-tliet ftehimiet li fadal;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni biex toħroġ malajr bil-pjan ta' azzjoni ġdid u strateġija komprensiva tal-UE għall-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu tat-tabakk, li kienet ippjanata għall-aħħar tas-sajf 2018;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-sistema ta' traċċar u l-miżuri ta' sigurtà li jridu jiġu stabbiliti mill-Istati Membri sal-20 ta' Mejju 2019 għas-sigaretti u t-tabakk tal-brim u sal-20 ta' Mejju 2024 għall-prodotti l-oħrajn kollha tat-tabakk (bħal sigarri, cigarillos u prodotti tat-tabakk li ma jdaħħnux) ikunu konsistenti mal-linji gwida ta' indipendenza tal-Protokoll tad-WHO biex jiġi eliminat il-kummerċ illeċitu tal-prodotti tat-tabakk li l-Unjoni Ewropea rratifikat fl-24 ta' Ġunju 2016;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni tantiċipa r-riskji moħbija tal-ikklonjar ta' marki individwali mill-industrija tat-tabakk għall-iskop ta' forniment lis-suq parallel;

70.  Jinnota bi tħassib li r-rakkomandazzjonijiet ġudizzjarji tal-OLAF ftit li xejn ġew implimentati fl-Istati Membri; huwa tal-fehma li din is-sitwazzjoni ma tistax tiġi ttollerata u jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF u jistabbilixxu regoli li jiffaċilitaw l-ammissibbiltà tal-evidenza misjuba mill-OLAF;

Investigazzjonijiet u r-rwol tal-OLAF

71.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tagħti s-setgħa lill-OLAF biex jinvestiga kwistjonijiet ta' taxxa fuq il-valur miżjud; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi ċertu livell ta' trasparenza tar-rapporti u tar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF wara l-għeluq tal-proċeduri Ewropej u nazzjonali kollha; huwa tal-fehma li wara l-adozzjoni tal-bidliet meħtieġa għar-Regolament dwar l-OLAF relatati mal-istabbiliment tal-UPPE, il-Kummissjoni għandha tħejji qafas tal-OLAF modern aktar dettaljat u komprensiv;

72.  Jiddeplora n-nuqqas ta' konsistenza fit-terminoloġija tar-rapporti tal-OLAF, bħal investigazzjonijiet magħluqa u konklużi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-OLAF jimplimentaw terminoloġija konsistenti biex tkun żgurata l-komparabbiltà matul is-snin b'rabta mar-rapportar u r-rimedjar ta' każijiet ta' frodi;

73.  Jieħu nota tal-kwistjonijiet li għaddejjin bħalissa bil-Bażi tad-Data l-ġdida tal-Ġestjoni tal-Kontenut (OCM) tal-OLAF; jiddeplora b'mod partikolari li ntilfu każijiet fil-bażi tad-data l-ġdida; jilqa' l-fatt li l-problema hija suġġett ta' prijorità ewlenija; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi lill-Parlament b'evalwazzjoni dettaljata tal-proġett tal-IT tal-OCM, b'mod partikolari rigward id-disinn tal-proġett, il-kostijiet sħaħ, l-implimentazzjoni, l-esperjenza tal-utenti u lista tal-kwistjonijiet li nqalgħu, skont ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Kumitat Superviżorju tal-OLAF(11);

74.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b'mod konġunt jiżguraw li l-investigazzjonijiet mill-OLAF u mill-Istati Membri jikkomplementaw lil xulxin, li l-OLAF igawdi minn setgħat investigattivi ugwali f'kull Stat Membru, inkluż aċċess għal informazzjoni dwar kontijiet tal-bank, u li l-evidenza miġbura mill-OLAF tkun ammessa bħala evidenza kriminali mill-qrati tal-Istati Membri kollha, peress li hija essenzjali għas-segwitu effettiv tal-investigazzjonijiet tal-OLAF;

o

o  o

75.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u lill-Kumitat Superviżorju tal-OLAF.

(1)

OLAF, "It-tmintax-il Rapport tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi, l-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru 2017", 2018.

(2)

ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1.

(3)

ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29.

(4)

ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1.

(5)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(6)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-8 ta' Settembru 2015, Proċeduri kriminali kontra Ivo Taricco et, 105/14, ECLI:EU:C:2015:555.

(7)

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-5 ta' Diċembru 2017, Proċeduri kriminali kontra M.A.S u M.B., 42/17, ECLI:EU:C:2017:936.

(8)

ĠU C 252, 18.7.2018, p. 56.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2018)0419.

(10)

Testi adottati, P8_TA(2018)0384.

(11)

Opinjoni Nru 1/2018 tal-Kumitat Superviżorju tal-OLAF dwar l-abbozz preliminari tal-baġit tal-OLAF għall-2019.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

13.12.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Jonathan Bullock, Ryszard Czarnecki, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Arndt Kohn, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Caterina Chinnici, Benedek Jávor, Marian-Jean Marinescu, Péter Niedermüller

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Henna Virkkunen


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

20

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová

EFDD

Marco Valli

GUE/NGL

Luke Ming Flanagan, Dennis de Jong

PPE

Ingeborg Gräßle, Marian-Jean Marinescu, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Henna Virkkunen, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Caterina Chinnici, Arndt Kohn, Péter Niedermüller, Georgi Pirinski, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Benedek Jávor, Bart Staes

1

-

EFDD

Jonathan Bullock

2

0

PPE

Tamás Deutsch

ECR

Ryszard Czarnecki,

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 23 ta' Jannar 2019Avviż legali