Proċedura : 2018/2115(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0031/2019

Testi mressqa :

A8-0031/2019

Dibattiti :

PV 12/03/2019 - 20
CRE 12/03/2019 - 20

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2019 - 11.23
CRE 13/03/2019 - 11.23
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0187

RAPPORT     
PDF 213kWORD 61k
28.1.2019
PE 623.704v02-00 A8-0031/2019

fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kunsill dwar l-analiżi tas-segwitu mogħti mis-SEAE sentejn wara r-Rapport tal-PE dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi

(2018/2115(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Anna Elżbieta Fotyga

EMENDI
ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lill-Kunsill dwar l-analiżi tas-segwitu mogħti mis-SEAE sentejn wara r-Rapport tal-PE dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi

(2018/2115(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-28 ta' Ġunju u tat-18 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' April 2018 bit-titlu "L-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: Approċċ Ewropew" (COM(2018)0236),

–  wara li kkunsidra l-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni madwar l-UE, ippubblikat fis-26 ta' Settembru 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Novembru 2016 dwar komunikazzjoni strateġika tal-UE biex tikkontrobatti l-propaganda kontriha minn partijiet terzi(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni tas-6 ta' April 2016 bit-titlu "Qafas Konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu: reazzjoni tal-Unjoni Ewropea" (JOIN(2016)0018),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2016 dwar l-Azzjoni fuq l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà biex jiġi miġġieled it-terroriżmu u titwitta t-triq lejn Unjoni ta' Sigurtà effettiva u ġenwina (COM(2016)0230),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' fattibbiltà tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija dwar Inizjattivi tal-Midja bil-Lingwa Russa fis-Sħubija tal-Lvant u lil hinn, bit-titlu ''Bringing Plurality and Balance to the Russian Language Media Space'' (it-twassil tal-pluralità u tal-bilanċ fl-ispazju tal-midja bil-lingwa Russa),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tat-18 ta' Mejju 2015 bit-titlu "L-Unjoni Ewropea f'ambjent globali jinbidel – dinja aktar konnessa, kontestata u kumplessa", u l-ħidma li għaddejja dwar l-Istrateġija ta' Sigurtà Globali l-ġdida tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-13 ta' Settembru 2017 bit-titlu "Reżiljenza, Deterrenza u Difiża: Il-bini ta' ċibersigurtà b'saħħitha għall-UE" (JOIN(2017)0450),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2017 bit-titlu ''Approċċ Strateġiku għar-Reżiljenza fl-azzjoni esterna tal-UE" (JOIN(2017)0021),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 19 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li jipproteġi d-dritt ta' kulħadd li jkollu opinjoni mingħajr indħil u li jfittex, jirċievi u jagħti informazzjoni u ideat ta' kull tip, irrispettivament mill-fruntieri u minn kwalunkwe midja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar il-Kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO tal-10 ta' Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tat-3 ta' Marzu 2017 dwar il-Libertà ta' Espressjoni u l-"Aħbarijiet Foloz", id-Diżinformazzjoni u l-Propaganda maħruġa mir-Rapporteur Speċjali tan-NU għal-Libertà ta' Opinjoni u Espressjoni, ir-Rappreżentant tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) għal-Libertà tal-Media, ir-Rapporteur Speċjali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) għal-Libertà ta' Espressjoni u r-Rapporteur Speċjali tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli (ACHPR) għal-Libertà ta' Espressjoni u l-Aċċess għall-Informazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tas-6 ta' April 2018 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u espressjoni,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2018 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar id-difiża tal-libertà akkademika fl-azzjoni esterna tal-UE(3),

–  wara li kkunsidra l-aħħar rapport tal-Europol tal-2018 dwar is-sitwazzjoni u x-xejra tat-terroriżmu fl-Unjoni Ewropea, li enfasizza ż-żieda fl-attivitajiet ta' gruppi terroristiċi fiċ-ċiberspazju u l-konverġenza possibbli tagħhom ma' gruppi kriminali oħrajn,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-5 ta' Diċembru 2018 mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titlu "Pjan ta' Azzjoni kontra d-Diżinformazzjoni" (JOIN(2018)0036) u r-Rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni bit-titlu "L-indirizzar tad-diżinformazzjoni online: Approċċ Ewropew" (COM(2018)0794) tal-istess data,

–  wara li kkunsidra l-ħidma tal-Kummissjoni Transatlantika dwar l-Integrità tal-Elezzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji ta' Santa Clara dwar it-Trasparenza u l-Obbligu ta' Rendikont tal-Prattiki ta' Moderazzjoni tal-Kontenut,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar il-Komunikazzjoni Strateġika tat-22 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0031/2019),

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

Is-sitwazzjoni attwali 2018 – L-indirizzar tal-gwerra ibrida

a)  li jenfasizzaw li l-libertà tal-kelma u tal-espressjoni kif ukoll il-pluraliżmu tal-midja huma fil-qalba tas-soċjetajiet demokratiċi reżiljenti, u li jipprovdu l-aqwa salvagwardji kontra l-kampanji ta' diżinformazzjoni u l-propaganda ostili; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-deterjorament tal-libertajiet tal-midja u tal-każijiet ta' ġurnalisti li qed ikunu fil-mira; jinnota li għandhom jittieħdu aktar passi mal-partijiet interessati rilevanti kollha biex tiġi garantita t-trasparenza tas-sjieda tal-midja u tal-pluraliżmu tal-midja mingħajr ma tiġi infurzata skema ta' ċensura u biex jiġi protett ambjent favorevoli għal varjetà wiesgħa ta' informazzjoni, ideat, midja u kuntest tas-soċjetà ċivili differenti, kif ukoll sforzi li għandhom l-għan li jidentifikaw u jqajmu kuxjenza dwar id-diżinformazzjoni u l-propaganda; li jinvolvu lill-partijiet interessati rilevanti kollha li jinkludu lill-aġenziji ewlenin tal-istampa u l-assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti u tal-midja f'dawn il-proċessi; jissottolinja l-importanza ta' sistema ta' xandir pubbliku li tiffunzjona, li tistabbilixxi l-istandard ta' kif tingħata informazzjoni imparzjali u oġġettiva f'konformità mal-aħjar prattika u l-etika tal-ġurnaliżmu;

b)  li jqisu li jiżviluppaw qafas legali kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell internazzjonali biex jindirizzaw it-theddid ibridu, inkluża l-gwerra ċibernetika u tal-informazzjoni – dan il-qafas jippermetti rispons b'saħħtu mill-Unjoni u jkopri wkoll sanzjonijiet immirati kontra dawk responsabbli għall-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni ta' dawn il-kampanji, li ntweriet ħtieġa għalihom b'mod partikolari permezz tal-azzjonijiet ostili ta' atturi statali u mhux statali f'dawn l-oqsma;

c)  li jikkunsidraw li d-Daesh qiegħed jibdel it-tattiċi tiegħu, billi jaqleb mis-siti elettroniċi għas-servizz ta' messaġġi kriptati magħrufa fost il-gruppi Iżlamisti;

d)  li jappoġġjaw mhux biss in-numru dejjem jikber ta' istituzzjonijiet statali, gruppi ta' riflessjoni u NGOs li jindirizzaw il-propaganda u d-diżinformazzjoni, iżda anke l-attivitajiet ċibernetiċi ta' bażi; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jinvolvu ruħhom aktar mill-qrib f'dan il-qasam billi jħejju valutazzjoni bir-reqqa tar-regolamenti l-ġodda, li jinkludu r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u r-Regolament dwar il-Privatezza Elettronika li jmiss, bħala salvagwardja kontra l-użu malizzjuż tal-pjattaformi soċjali; li jiżguraw li l-komunikazzjoni strateġika tal-UE ssir kwistjoni ta' prijorità għolja fuq l-aġenda Ewropea u li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jaħdmu id f'id dwar il-prevenzjoni ta' dawn il-fenomeni, filwaqt li jżommu f'moħħhom li d-diżinformazzjoni u l-propaganda jirnexxu f'ambjent polarizzat b'livelli aktar baxxi ta' fiduċja fil-midja;

e)  li jħeġġu lill-Istati Membri li jkomplu jiċħdu li jeżistu d-diżinformazzjoni u l-propaganda ostili, is-sorsi ewlenin ta' diżinformazzjoni fl-Ewropa u l-impatt tad-diżinformazzjoni u tal-propaganda fuq l-opinjoni pubblika biex jirrikonoxxuhom, u li jħeġġu lil dawn l-Istati Membri jieħdu miżuri proattivi sabiex jikkontrobattu u jwaqqfu tali propaganda, inklużi l-każijiet ippruvati ta' spjunaġġ minn pajjiżi terzi; li jistiednu lill-Istati Membri kollha jevalwaw is-sitwazzjoni fit-territorju tagħhom u jagħmlu l-investimenti rilevanti fil-kapaċità tagħhom stess biex jiġġieldu l-komunikazzjoni strateġika minn partijiet terzi ostili u jtejbu l-kapaċità taċ-ċittadini li jidentifikaw diżinformazzjoni, kif ukoll li jħeġġu lill-Istati Membri jiżguraw skambju effettiv ta' informazzjoni dwar din il-kwistjoni; li jitolbu lill-mexxejja Ewropej li għadhom ma ddedikawx biżżejjed attenzjoni għal din it-theddida biex jirrikonoxxu l-ħtieġa imminenti ta' qawmien strateġiku sabiex jiġġieldu l-gwerra ta' informazzjoni ostili;

f)  li jħeġġu lill-Istati Membri jinvestu b'mod proattiv f'miżuri edukattivi li jispjegaw il-modi differenti ta' kif tiġi prodotta u mxerrda d-diżinformazzjoni sabiex titjieb il-kapaċità taċ-ċittadini li jidentifikaw u jwieġbu għad-diżinformazzjoni;

g)  li jħeġġu lill-Istati Membri jiżguraw skambju effettiv ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet rilevanti kollha tagħhom biex jindirizzaw il-propaganda, il-manipulazzjoni u d-diżinformazzjoni, inkluża l-gwerra ċibernetika u tal-informazzjoni;

h)  li jqajmu kuxjenza dwar il-kampanji ta' diżinformazzjoni tar-Russja, peress li jikkostitwixxu s-sors ewlieni tad-diżinformazzjoni fl-Ewropa;

Tipi ta' informazzjoni ħażina, diżinformazzjoni u propaganda mmirati lejn l-UE u l-ġirien tagħha

i)  li jirrikonoxxu x-xogħol magħmul f'diversi livelli biex jiġu identifikati t-tipi ta' influwenza u għodod użati kontra l-UE u l-viċinat tagħha; li jqajmu kuxjenza dwar il-kampanji ta' diżinformazzjoni li għaddejjin bħalissa u li jibdlu l-attenzjoni għall-analiżi u r-riċerka fil-fond dwar l-impatt u l-effikaċja tagħhom sabiex jiżviluppaw miżuri biex jiġġieldulhom b'mod proattiv u rapidu; li jħeġġu lill-Istati Membri jistabbilixxu strutturi permanenti biex jidentifikaw, jimpedixxu u jikkontrobattu d-diżinformazzjoni; jissottolinja li l-kampanji ta' diżinformazzjoni huma parti minn strateġija usa' u huma ġeneralment akkumpanjati minn attivitajiet ostili oħra u li b'mod partikolari l-gwerer tal-informazzjoni li jakkumpanjaw l-offensivi militari għandhom jittieħdu bis-serjetà u jiġu kontrobilanċjati b'determinazzjoni, unità u saħħa;

j)  li jwissu dwar l-impatt tal-intelliġenza artifiċjali (IA) u l-iżvilupp rapidu tagħha fit-tixrid tal-aħbarijiet foloz, u jinnota bi tħassib li l-IA dalwaqt se tkun tista' toħloq aktar kapaċitajiet tal-IA ulterjuri b'mod indipendenti; li għalhekk jimpenjaw finanzjament sinifikanti għar-riċerka u l-iżvilupp fl-intersezzjoni tal-IA u l-gwerra tal-informazzjoni fid-dawl tal-kapaċitajiet tal-IA li qed jikbru b'rata mgħaġġla fil-qasam tat-tixrid tal-propaganda u d-diżinformazzjoni, inkluż permezz ta', inter alia, vidjows deep fake;

k)  li jiffokaw fuq l-użu li qed isir mid-diżinformazzjoni min-naħa ta' atturi awtoritarji bħall-Iran, li t-tixrid tiegħu ta' aħbarijiet foloz jinstiga u jqabbad tensjonijiet ulterjuri f'żoni ta' kunflitt volatili, filwaqt li fl-istess ħin jimmira lejn il-popolazzjonijiet Ewropej biex jaħbi l-intenzjoni kefrija; li jħeġġu lill-Istati Membri jikkontrobattu azzjonijiet bħal dawn billi jsaħħu l-kooperazzjoni u jużaw it-tagħlimiet meħuda minn pajjiżi li jaħsbuha bl-istess mod u mill-NGOs;

l)  li jiffokaw fuq ir-rispons tal-UE u tal-Istati Membri u jadattawh għas-sofistikazzjoni li dejjem qed tikber tal-għodod li jintużaw biex joħolqu u jxerrdu d-diżinformazzjoni, inklużi l-modi ġodda ta' tixrid ta' propaganda billi jintużaw siti web ta' livell baxx, apps ta' messaġġi privati, ottimizzazzjoni tal-magni tat-tiftix, ħsejjes, stampi jew vidjows manipulati, IA, portali tal-aħbarijiet online u stazzjonijiet tat-TV biex ixerrdu n-narrattivi ewlenin, speċjalment minn dawk li jiffurmaw l-opinjonijiet u istituzzjonijiet ikkontrollati jew iffinanzjati mill-istat li jwasslu messaġġi u narrattivi ewlenin li jappellaw lill-atturi awtoritarji; jikkundanna bil-qawwa l-azzjonijiet dejjem aktar aggressivi tar-Russja, taċ-Ċina, tal-Iran, tal-Korea ta' Fuq u ta' oħrajn f'dan il-kuntest, li jfittxu li jimminaw jew jissospendu l-pedamenti u l-prinċipji normattivi tad-demokraziji Ewropej u s-sovranità tal-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant, filwaqt li jinfluwenzaw l-elezzjonijiet u jappoġġjaw movimenti estremisti, filwaqt li jqisu li l-iskala ta' attakki ċibernetiċi qed tikber b'mod kostanti;

m)  li jagħtu attenzjoni speċjali lill-messaġġi u lill-kontenut li apertament għandhom l-għan li jħeġġu l-vjolenza, ir-razziżmu, l-attakki suwiċida, ir-reklutaġġ ta' "ġellieda barranin", diversi reati jew inċitament ċar għal wieħed jew aktar minn dawn l-attivitajiet;

L-industrija u l-midja soċjali

n)  filwaqt li jirrikonoxxu investiment ġdid ta' sforz minn kumpaniji tal-midja soċjali biex jindirizzaw id-diżinformazzjoni, jagħtu attenzjoni speċjali lill-implimentazzjoni effettiva tal-Kodiċi ta' Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni, filwaqt li jistiednu wkoll lill-ġirien tal-UE u lill-pajjiżi sħab jiffirmaw il-Kodiċi ta' Prattika tal-UE dwar id-Diżinformazzjoni, u jagħtu attenzjoni speċjali lit-tattika l-ġdida tal-użu ta' servizzi ta' messaġġi kriptati u l-midja soċjali li, minkejja l-isforzi tagħhom għall-kuntrarju, huma meqjusa bħala l-aktar għodda komuni għat-tixrid tad-diżinformazzjoni, propaganda ostili u kontenut li jinċita l-mibegħda u l-vjolenza;

o)  li, flimkien mal-Istati Membri, jirregolaw l-azzjonijiet ta' kumpaniji tal-midja soċjali, servizzi ta' messaġġiera u fornituri ta' magni tat-tiftix u jiżguraw it-trasparenza sħiħa tagħhom u, b'mod partikolari, l-obbligu ta' rendikont, l-adozzjoni ta' approċċ mifrux mal-UE kollha, u li jkun possibbli li jinkixfu l-identità u l-post mhux biss tal-awturi, iżda anke tal-isponsors tal-kontenut politiku ppreżentat, u li l-kumpaniji jinżammu responsabbli għall-impatt soċjali ta' sistemi ta' rakkomandazzjonijiet awtomatizzati li jippromwovu d-diżinformazzjoni, filwaqt li jiġi enfasizzat li l-kumpaniji għandhom responsabbiltà li jneħħu malajr l-aħbarijiet sistemiċi foloz; iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-pajjiżi kandidati u lill-pajjiżi assoċjati jadottaw leġiżlazzjoni effettiva u ċara li tiżgura t-trasparenza tas-sjieda tal-midja; li jagħtu attenzjoni partikolari lill-finanzjament, lit-trasparenza u lill-objettivi tal-NGOs b'rabtiet ma' stati awtoritarji li joperaw fl-UE u fil-pajjiżi sħab tagħha;

p)  li jiżguraw li l-industrija u l-pjattaformi online jwettqu l-impenji li ħadu fil-Kodiċi ta' Prattika dwar id-Diżinformazzjoni u jindirizzaw b'mod effettiv il-problema tad-diżinformazzjoni billi: (i) jiżguraw it-trasparenza tar-reklamar politiku abbażi ta' kontrolli effettivi tad-diliġenza dovuta tal-identità tal-isponsors, (ii) jieħdu azzjoni deċiżiva kontra l-kontijiet foloz li huma attivi fuq is-servizzi tagħhom, (iii) jidentifikaw l-użu ħażin tal-bots awtomatiċi, u (iv) jikkooperaw b'mod effettiv mal-verifikaturi tal-fatti indipendenti;

q)  li jħeġġu lill-kumpaniji tal-midja soċjali u lill-fornituri tas-servizzi ta' messaġġiera jiżguraw konformità sħiħa mal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u ma' regolamenti oħra, jirreaġixxu f'ħin reali u jikkooperaw mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti fl-investigazzjonijiet kollha dwar l-użu allegat tal-pjattaformi tagħhom għal finijiet ostili, u jwettqu awditi trasparenti ta' entitajiet suspettati li jxerrdu informazzjoni ħażina; jistieden lill-kumpaniji tat-teknoloġija jinvestu aktar f'għodod li jidentifikaw il-propaganda, fit-titjib tar-responsabbiltà online u fl-iżgurar ta' kontrolli tal-identità aħjar tal-utenti qabel ma jingħaqdu mal-pjattaformi rispettivi sabiex jiġu eliminati l-botnets, kif ukoll biex jitnaqqsu l-inċentivi finanzjarji għal dawk li japprofittaw mid-diżinformazzjoni; li jħeġġu lill-kumpaniji tal-midja soċjali jirreaġixxu b'mod urġenti meta jinxtered kontenut suspettuż ta' natura politika, speċjalment jekk jinċita l-mibegħda jew il-kriminalità;

r)  li jżommu f'moħħhom li l-projbizzjoni ta' kontijiet suspettużi tista' titqies bħala ċensura, u għalhekk jiżguraw li tali azzjonijiet huma ġġustifikati jekk jiġu preskritti bil-liġi u mwettqa b'mod trasparenti, b'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti u s-soċjetà ċivili fl-Istati Membri u l-pajjiżi sħab, u b'għarfien sħiħ dwar ir-raġunijiet għal dan, inkluż billi jħeġġu lill-kumpaniji tal-midja soċjali jipprovdu avviż ċar lill-utenti kollha dwar liema tipi ta' kontenut huma pprojbiti, u b'avviż ċar lil kull utent affettwat dwar ir-raġuni għat-tneħħija tal-kontenut tagħhom jew is-sospensjoni tal-kont tagħhom; jitlob l-allinjament ta' sett intern mill-midja soċjali għall-utenti tagħhom b'ordni legali tal-pajjiż li joperaw fih;

L-aħjar prattiki

s)  li jkomplu jiżviluppaw reżiljenza akbar abbażi tal-approċċi globali fil-livell tal-gvern u tas-soċjetà, u l-kapaċità li jirrispondu għat-theddid f'ħin reali, jiżviluppaw miżuri preventivi u jaħsbu pass 'l quddiem, aktar milli sempliċiment jirreaġixxu u janalizzaw l-attakki li diġà seħħew fil-qasam ċibernetiku u f'dak tal-informazzjoni; li jiġbdu l-attenzjoni għall-progress tekniku f'dan il-qasam u jaqsmu eżempji tal-aħjar prattika fil-forma ta' miżuri diġà meħuda minn Stati Membri individwali, inkluż li jwettqu rieżami tal-funzjonament ta' Approċċi Nazzjonali introdotti mill-Istati Membri, filwaqt li jiġu żviluppati modi ta' trawwim ta' kooperazzjoni mill-qrib mar-Renju Unit wara l-Brexit, u li jaħdmu f'kooperazzjoni mal-komunità tal-intelligence u alleati bħall-Istati Uniti u l-Kanada, in-NATO u ċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (INTCEN);

t)  li jagħtu attenzjoni speċjali lit-titjib fl-isforzi tal-investigazzjoni fil-proċess attwali tal-esternalizzazzjoni tal-propaganda u tal-użu ta' sett ta' għodod li jimmultiplikaw is-saħħa minn partijiet terzi ostili, kif ukoll lill-importanza li dawn l-attakki mhux biss jinkixfu, jiġu żvelati u jsaħħu l-kapaċitajiet ta' attribuzzjoni, iżda jiżguraw ukoll l-attribuzzjoni ċara ta' dawn l-attakki, inkluż billi jissemmew pubblikament l-awturi, l-isponsors tagħhom u l-għanijiet li huma jfittxu li jiksbu, filwaqt li jitkejlu l-effetti ta' dawn l-attakki fuq l-udjenza fil-mira; li jippubbliċizzaw il-każijiet magħrufa kollha ta' propaganda ostili akkumpanjati minn skeda informattiva dettaljata fi sforz biex iwissu lill-pubbliku b'mod li jilħaq lill-udjenza fil-mira bil-każ speċifiku ta' propaganda ostili;

u)  li jappoġġjaw u jinvolvu lis-soċjetà ċivili, lill-komunità ta' esperti, lill-istituzzjonijiet privati, lill-akkademja, lill-attivisti ċibernetiċi tal-massa, lill-istampa ġenerali, lill-assoċjazzjonijiet tal-ġurnalisti u tal-midja u n-numru dejjem jikber ta' atturi fil-mira u affettwati f'aktar tisħiħ ta' miżuri mmirati lejn il-verifika tal-fatti u l-esponiment tad-diżinformazzjoni, l-approfondiment tar-riċerka, inklużi studji profondi u riċerka soċjoloġika, u li janalizzaw b'mod aktar effettiv il-manipulazzjoni tal-informazzjoni; li jappoġġjaw lill-ġurnaliżmu professjonali, ir-rapportar investigattiv u l-proġetti li jaħdmu fuq l-iżvelar ta' diżinformazzjoni kif ukoll lil start-ups ta' teknoloġija avvanzata li joħolqu għodod diġitali li jipprovdu armi lill-udjenza kontra attakki ta' diżinformazzjoni; li jenfasizzaw l-importanza u l-ħtieġa li jiġu pprovduti fondi u edukazzjoni, inklużi seminars u korsijiet ta' taħriġ b'kooperazzjoni mal-Istati Membri u mas-soċjetà ċivili, bħal librerija online ta' litteriżmu medjatiku u ċentru ta' tagħlim, immirati lejn is-sensibilizzazzjoni u l-indirizzar tad-diżinformazzjoni u ż-żieda tal-litteriżmu medjatiku;

v)  li jilqgħu s-sett ta' miżuri adottati min-NATO li għandhom l-għan li jiġġieldu kontra tipi ġodda ta' theddid ibridu u komunikazzjoni konġunta dwar il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO dwar din il-kwistjoni; li jappellaw lill-UE biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva u rapida ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet, anke fil-livell tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK);

Approċċ Ewropew

w)  li jilqgħu l-istabbiliment tat-Task Forces il-ġodda għall-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE li jikkonsistu minn esperti b'ħiliet u għarfien lingwistiċi xierqa, jiġifieri t-Task Force għall-Balkani tal-Punent u t-Task Force għan-Nofsinhar għall-pajjiżi fil-Lvant Nofsani, l-Afrika ta' Fuq u r-reġjun tal-Golf, li għandhom il-kompitu li jiżguraw komunikazzjoni tal-UE koordinata u konsistenti fir-reġjuni u li jiġġieldu kontra d-diżinformazzjoni u l-propaganda kontra l-UE;

x)  li jirrikonoxxu r-riżultati tanġibbli miksuba mit-Task Force East StratCom, inkluż il-ħolqien ta' euvsdisinfo.eu u l-kont @EUmythbuster fuq Twitter; jissottolinja li, minn mindu nħolqot it-Task Force, hija kixfet aktar minn 4 000 każ ta' kampanji ta' diżinformazzjoni dwar firxa wiesgħa ta' suġġetti; li jkomplu jappoġġjaw l-isforzi konġunti tal-Kummissjoni u tas-SEAE u tat-Task Force East StratCom tal-UE wara analiżi tal-vantaġġi u d-dgħufijiet tagħha u tat-titjib meħtieġ, inkluż it-titjib tal-kapaċitajiet tagħha biex tidentifika, tanalizza u tiżvela d-diżinformazzjoni billi tarma l-Forzi Tematiċi tal-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE u d-Delegazzjonijiet tal-UE fil-viċinat b'persunal, għodod u ħiliet ġodda, li jinkludu għodod ġodda għall-analiżi tad-data, ir-reklutaġġ ta' xjentisti tad-data addizzjonali u ta' esperti tad-diżinformazzjoni, filwaqt li tkopri firxa usa' ta' sorsi u lingwi dwar il-firxa u l-impatt tad-diżinformazzjoni;

y)  li b'mod urġenti jbiddlu t-Task Force East StratCom f'unità kompluta jew saħansitra struttura akbar fi ħdan is-SEAE, u li, permezz tal-allokazzjoni li jmiss ta' finanzjament mill-Parlament Ewropew, jappoġġjaw it-tliet forzi tat-Task Forces Strateġiċi tal-Komunikazzjoni tas-SEAE kollha billi jipprovduhom b'riżorsi finanzjarji u tal-persunal adegwati, li għadhom meħtieġa, immirati lejn iż-żieda sinifikanti tal-potenzjal, l-effikaċja, il-professjonaliżmu, il-kontinwità istituzzjonali u l-kwalità tax-xogħol tagħhom, filwaqt li jissalvagwardjawhom kontra l-indħil politiku mill-uffiċjali u l-pajjiżi li jappoġġjaw id-diżinformazzjoni Russa;

z)  li jindirizzaw in-nuqqasijiet kurrenti fit-Task Force East StratCom, inkluż in-nuqqas ta' għarfien espert reġjonali, ċaqliq kbir tal-persunal u nuqqas ta' kontinwità istituzzjonali, u jiżguraw riżorsi finanzjarji adegwati u struttura organizzattiva adegwata, peress li dan huwa l-uniku mod biex jiġu żgurati l-professjonaliżmu sħiħ, l-effikaċja u r-riżultati;

aa)  li jistiednu lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jassenjaw l-Esperti Nazzjonali Sekondati tagħhom stess, filwaqt li jiżguraw li l-esperti mqabbda mill-UE biex jiġġieldu d-diżinformazzjoni ma jkunux parteċipanti politikament preġudikati jew attivi f'tilwim politiku intern fi ħdan il-pajjiż partikolari, għat-tliet Task Forces StratCom; li jistiednu wkoll pajjiżi sħab mill-qrib biex jagħtu pariri dwar it-task force dwar it-tattiċi użati mill-avversarji statali u mhux statali komuni, u li jirrikonoxxu l-importanza u l-ħtieġa ta' koordinazzjoni aħjar fi ħdan l-UE;

ab)  li jintensifikaw il-kooperazzjoni bejn it-Task Force East StratCom u l-istituzzjonijiet kollha tal-UE, l-Istati Membri u s-sħab tal-istess fehma; li jħeġġu lir-Rappreżentanzi tal-UE ġewwa l-UE, u lid-Delegazzjonijiet tal-UE barra mill-UE, fl-appoġġ għall-ħidma tat-Task Force East StratCom, tat-Task Force South u tat-Task Force għall-Balkani tal-Punent, inkluż billi jaqsmu l-esperjenzi internazzjonali u l-aħjar prattiki u jipprovdu traduzzjonijiet tal-pubblikazzjonijiet tagħhom bil-lingwi lokali; jitlob li jkun hemm aktar persunal iddedikat biex jaħdem fuq komunikazzjoni strateġika, b'mod partikolari fid-Delegazzjonijiet tal-UE fil-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar u l-Balkani tal-Punent;

ac)  li jiffokaw fuq il-pajjiżi tal-adeżjoni u s-sħab fil-viċinat tal-UE billi jgħinuhom fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra propaganda ostili u attivitajiet ta' diżinformazzjoni u jinkludu esperti minn pajjiżi terzi fil-viċinat tal-UE li huma soġġetti għall-istess theddid, filwaqt li jagħtu prijorità lill-iżvilupp ta' approċċ strateġiku fit-tul u lill-attività ta' sensibilizzazzjoni mmirata lejn pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant b'mod partikolari; li jsaħħu l-kapaċitajiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE barra mill-pajjiż u r-Rappreżentanzi tal-Kummissjoni u l-Uffiċċji ta' Kollegament tal-Parlament Ewropew fl-Istati Membri sabiex tiġi żviluppata l-kapaċità lokali biex tinkixef u tiġi żvelata d-diżinformazzjoni u jiġu kkomunikati b'mod effettiv il-valuri u l-politiki tal-UE u tiġi estiża l-komunikazzjoni bbażata fuq il-kampanji u jiġu amplifikati narrattivi pożittivi fl-istituzzjonijiet tal-UE u fl-Istati Membri; li jikkunsidraw il-proliferazzjoni kurrenti u t-theddid futur tad-diżinformazzjoni li għandhom l-għan li jheddu l-indipendenza, is-sovranità u l-integrità territorjali tal-pajjiżi kollha tas-Sħubija tal-Lvant fi ħdan il-fruntieri tagħhom rikonoxxuti internazzjonalment; li jagħtu prijorità b'mod partikolari lill-iżvilupp ta' approċċ strateġiku fit-tul u lill-attività ta' sensibilizzazzjoni mmirata lejn il-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant, filwaqt li jiffokaw fuq l-iskambji interpersonali, u l-ħidma ma' netwerks eżistenti tas-soċjetà ċivili li diġà jirrappreżentaw sors ta' reżiljenza bbażata fil-komunità;

ad)  li jagħtu prijorità lill-komunikazzjonijiet strateġiċi, u li jwettqu rieżami perjodiku tal-politika tal-UE dwar din il-kwistjoni; li jkomplu bl-appoġġ għall-ħidma tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija (EED) favur soluzzjonijiet prattiċi biex tiġi appoġġjata u msaħħa l-midja demokratika, indipendenti u diversa bil-lingwa Russa fil-pajjiżi tas-Sħubija tal-Lvant u lil hinn minnhom; li jistiednu lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha u lill- pajjiżi bl-istess fehma jinvolvu ruħhom b'mod pożittiv f'dan il-proġett u jappoġġjawh; li jagħtu attenzjoni lil kwalunkwe attur internazzjonali li attwalment iġib ruħu bl-istess mod;

ae)  li jipproponu lill-Kunsill Ewropew li jmiss u lis-suċċessur tagħha jagħtu prijorità lill-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni u l-propaganda ostili permezz ta' riżorsi u strumenti suffiċjenti sabiex jiġu ssalvagwardjati r-rappurtar oġġettiv u t-tixrid tal-informazzjoni;

af)  li jikkollegaw liċ-ċentri speċjalizzati nazzjonali u lokali eżistenti, il-mezzi tax-xandir, il-gruppi ta' riflessjoni, l-NGOs u atturi u istituzzjonijiet oħra, partikolarment in-NATO, li jindirizzaw il-gwerra ibrida f'netwerk mifrux mal-UE kollha li jgħin jikkoordina l-azzjonijiet tagħhom u jiġbor is-sejbiet tagħhom; li jassenjaw riżorsi adegwati għal dan l-impenn; jenfasizza li dan in-netwerk għandu jkun miftuħ għal sħab tal-UE bl-istess fehma, li jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom meta kienu fil-mira tad-diżinformazzjoni u l-propaganda ostili u li ġġieldu kontriha; li jiżguraw implimentazzjoni effettiva u rapida tar-rakkomandazzjonijiet UE-NATO dwar il-ġlieda kontra tipi ġodda ta' theddid ibridu, anke fil-livell tal-PSDK, u li jintroduċu s-suġġett tal-ġlieda kontra l-propaganda strateġika fil-kurrikulu tal-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża u n-netwerk tiegħu;

Salvagwardja tal-elezzjonijiet minn propaganda ostili

ag)  li jikkundannaw bil-qawwa l-interferenza ta' partijiet terzi ta' kwalunkwe tip, inklużi kumpaniji privati, f'elezzjonijiet u referenda, u l-użu malizzjuż ta' bots, algoritmi, intelliġenza artifiċjali, trolls, deep fakes u kontijiet foloz f'kampanji politiċi u li jistiednu lill-Istati Membri affettwati biex b'mod urġenti u jekk hemm bżonn bl-appoġġ tal-Eurojust, iwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa dwar dawn il-kampanji ostili; jinsab imħasseb dwar l-iżviluppi reċenti fl-algoritmi tan-netwerks soċjali kbar u r-rwol potenzjalment ta' ħsara tagħhom fl-enfasizzar tal-kontenut li jkun fih informazzjoni falza jew diskors ta' mibegħda; li jisħqu fuq il-kapaċità tas-soċjetajiet demokratiċi indipendenti biex jagħmlu l-għażliet politiċi sovrani tagħhom li huwa fatt leġittimu;

ah)  li jistiednu lill-Istati Membri u lill-pajjiżi bl-istess fehma jaqsmu d-data dwar kwalunkwe interferenza barranija jew interna fil-proċessi elettorali u jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar il-ġlieda kontriha sabiex iżidu r-reżiljenza għal tali interferenza;

ai)  li jistiednu lill-Istati Membri jiżguraw li l-liġijiet elettorali jqisu t-theddid possibbli li jirriżulta mill-kampanji ta' diżinformazzjoni, iċ-ċiberattakki, iċ-ċiberkriminalità u l-ksur tal-libertà ta' espressjoni meta wieħed jivvota, u jisħaq li dawn il-liġijiet għandhom jiġu emendati b'mod adegwat biex jippermettu lill-Istati Membri jiġġieldu b'mod effettiv u proattiv theddid bħal dan; ifaħħar, f'dan ir-rigward, inizjattivi bħall-Aġenzija Żvediża għal Kontinġenzi Ċivili; li jappoġġjaw lill-pajjiżi assoċjati mal-UE u l-Balkani tal-Punent bl-aħjar prattiki kif ukoll riżorsi umani u teknoloġija biex tiġi żgurata difiża robusta tal-proċessi elettorali tagħhom minn attivitajiet malizzjużi ċibernetiċi, ta' diżinformazzjoni u ta' propaganda li joriġinaw mir-Russja u minn atturi ostili oħrajn;

aj)  li jistiednu lill-Istati Membri jadattaw ir-regoli elettorali tagħhom dwar il-kampanji online, u jimmonitorjaw u jevalwaw il-karatteristiċi ta' trasparenza fir-rigward tar-reklamar politiku introdott mill-pjattaformi online;

ak)  li jipproponu leġiżlazzjoni biex tindirizza l-użu tad-data f'kampanji elettorali, wara li ġie żvelat l-użu ħażin tad-data minn Cambridge Analytica fil-kampanja tar-referendum tar-Renju Unit tal-2016, sabiex il-kampanji elettorali futuri jiġu ssalvagwardjati aktar minn influwenzi mhux xierqa;

al)  li jieħdu kont tal-inizjattivi tal-Kummissjoni Transatlantika dwar l-Integrità Elettorali ta' żewġ partiti, li jlaqqgħu flimkien rappreżentanti mill-oqsma tal-politika, it-teknoloġija, il-midja u n-negozju bil-għan li l-proċess elettorali jkun protett minn interferenza barranija;

°

°  °

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll, għal skopijiet ta' informazzjoni, lis-SEAE u lin-NATO, u lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Russja.

(1)

ĠU C 224, 27.6.2018, p. 58.

(2)

ĠU C 356, 4.10.2018, p. 130.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2018)0483.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

22.1.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

7

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Klaus Buchner, James Carver, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Wajid Khan, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Alyn Smith, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Anders Primdahl Vistisen

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Doru-Claudian Frunzulică, Elisabetta Gardini, Rebecca Harms, Patricia Lalonde, Juan Fernando López Aguilar, Antonio López-Istúriz White, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Janusz Zemke, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Norbert Erdős, Axel Voss, Martina Werner


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

49

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Jozo Radoš, Ivo Vajgl

ECR

Amjad Bashir, Ryszard Antoni Legutko, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden, Anders Primdahl Vistisen

PPE

Asim Ademov, Michèle Alliot-Marie, Arnaud Danjean, Norbert Erdős, Michael Gahler, Elisabetta Gardini, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Antonio López-Istúriz White, David McAllister, Ramona Nicole Mănescu, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Dubravka Šuica, László Tőkés, Axel Voss, Željana Zovko

S&D

Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Doru-Claudian Frunzulică, Wajid Khan, Juan Fernando López Aguilar, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Martina Werner, Janusz Zemke

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Rebecca Harms, Barbara Lochbihler, Alyn Smith, Jordi Solé, Bodil Valero

7

-

EFDD

James Carver, Aymeric Chauprade

ENF

Mario Borghezio

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Marie-Christine Vergiat

NI

Georgios Epitideios

2

0

NI

Dobromir Sośnierz

S&D

Andrejs Mamikins

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2019Avviż legali