Proċedura : 2018/2113(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0033/2019

Testi mressqa :

A8-0033/2019

Dibattiti :

PV 11/02/2019 - 16
CRE 11/02/2019 - 16

Votazzjonijiet :

PV 12/02/2019 - 9.17

Testi adottati :

P8_TA(2019)0078

RAPPORT     
PDF 254kWORD 75k
28.1.2019
PE 629.657v01-00 A8-0033/2019

dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar is-setgħa ta' kontroll politiku tal-Parlament fuq il-Kummissjoni

(2018/2113(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

Rapporteur: Mercedes Bresso

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET
 MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

NOTA SPJEGATTIVA – SOMMARJU TAL-FATTI U S-SEJBIET

Proċedura u sorsi

Fid-19 ta' Frar 2018, ir-rapporteur ġiet fdata bil-kompitu li tħejji rapport dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati dwar l-iskrutinju parlamentari fuq il-Kummissjoni.

Mindu nħatret, ir-rapporteur ġabret informazzjoni u bbażat ruħha, fost l-oħrajn, fuq is-sorsi li ġejjin:

  seduta ta' smigħ li saret fil-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali fl-10 ta' Ottubru 2018;

  Valutazzjoni tal-Impatt Ex-Post mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament (EPRS), bit-titolu "Parliamentary scrutiny over the European Commission: implementation of the Treaty provisions" (L-iskrutinju Parlamentari fuq il-Kummissjoni Ewropea: l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati);

Is-sejbiet tar-riċerka

Is-sorveljanza Parlamentari hija prekundizzjoni għal-leġittimità demokratika. Bidliet riċenti fil-proċess tat-tfassil tal-liġijiet u r-rwol leġiżlattiv akbar tal-eżekuttiv ħolqu l-ħtieġa għal tisħiħ tal-proċeduri ta' skrutinju parlamentari. Dan il-fenomenu mhuwiex aljen għall-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni, u l-Kummissjoni kisbet poteri fit-tfassil tal-liġijiet permezz ta' atti delegati, il-"politiċizzazzjoni" miżjuda tagħha u l-ħtieġa akbar għat-tisħiħ tal-liġi biex tikkomplementa l-effiċjenza tal-leġiżlazzjoni. Għalhekk, dan ir-rapport se jkollu l-għan li jerġa' jeżamina r-rwol ta' skrutinju tal-Parlament fuq il-Kummissjoni u jaġġornah mal-iżviluppi istituzzjonali ġodda.

Strumenti eżistenti għall-iskrutinju parlamentari fuq il-Kummissjoni

Il-Kummissjoni, bħala korp, hija responsabbli lejn il-Parlament Ewropew (l-Artikolu 17 tal-TUE). Il-Parlament jieħu l-poteri ta' sorveljanza tiegħu fuq il-Kummissjoni mit-Trattati iżda wkoll minn sorsi ta' leġiżlazzjoni sekondarja jew minn Ftehimiet Interistituzzjonali bħall-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea u l-Ftehim Interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet.

L-istrumenti għall-iskrutinju parlamentari jistgħu jinġabru f'waħda mill-kategoriji li ġejjin:

-  L-elezzjoni tal-President u l-investitura tal-Kummissjoni

Elezzjoni tal-President tal-Kummissjoni (l-Artikoli 14 u 17 tat-TUE).

Skont it-Trattat, il-kapijiet ta' Stat tal-UE jipproponu kandidat għall-President tal-Kummissjoni, u jqisu r-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej (l-Artikolu 17 tat-TUE). Il-kandidat jiġi elett mill-Parlament (l-Artikolu 14 tat-TUE).

Il-proċess ta' Spitzenkandidaten, li ġie varat mill-Parlament għall-ewwel darba fl-2014, stabbilixxa rabta aktar soda bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, li flimkien mal-prattika stabbilita sew tas-seduti ta' smigħ tal-kummissarji nnominati ħoloq forma ta' sorveljanza ta' orjentazzjoni parlamentari. Il-proċess ta' Spitzenkandidaten mhux rekwiżit formali tat-Trattat iżda proċess politiku stabbilit mill-Parlament fl-2014, li wassal għall-ħatra tal-President Juncker, li kien l-kandidat ewlieni tal-PPE, bħala President tal-Kummissjoni.

Għad irridu naraw x'sura se jieħu l-proċess ta' kandidat ewlieni fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-2019, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet magħmula fid-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Frar 2018 dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea. Dan il-proċess huwa pass importanti fit-tisħiħ tar-rabta bejn il-Parlament u l-Kummissjoni u għandu anke jiġi msaħħaħ billi jiġu stabbiliti termini aktar dettaljati għall-applikazzjoni tiegħu.

Investitura tal-Kummissjoni (l-Artikoli 14 u 17 tat-TUE)

Il-Kummissarji nnominati ilhom mill-1995 jintalbu jidhru quddiem il-Parlament għal seduta ta' smigħ pubblika mal-kumitati rilevanti, prattika żviluppata mill-Parlament u formalizzata fir-Regoli ta' Proċedura tiegħu, minkejja li din mhijiex proċedura stipulata fit-Trattati. Il-Kummissjoni bħala korp imbagħad hi soġġetta għall-vot ta' approvazzjoni tal-Parlament. Kien hemm tliet każijiet ta' Kummissarji nnominati li rtiraw il-kandidatura tagħhom wara riżultat negattiv fis-seduta ta' smigħ Parlamentari (Rocco Buttoglione fl-2004, Rumiana Jeleva fl-2010 and Alenka Bratušek fl-2014).

F'każ li Kummissarju jibdel b'mod sinifikanti l-portafoll tiegħu matul il-mandat tal-Kummissjoni, jew ikun hemm bidla sinifikanti fil-kompożizzjoni tal-Kummissjoni, il-Kummissarji kkonċernati jiġu mistiedna għal darb'oħra għal smigħ pubbliku fil-Parlament. Bejn l-2010 u l-2018 kien hemm ħames seduti ta' smigħ addizzjonali ta' Kummissarji nnominati.

-  L-istrumenti biex il-Kummissjoni tinżamm responsabbli

Mozzjoni għal ċensura (l-Artikolu 17 tat-TUE u l-Artikolu 234 tat-TFUE)

Is-setgħa ta' ċensura tal-Parlament fuq il-Kummissjoni tista' titqies bħala vot ta' sfiduċja fl-eżekuttiv. Il-Parlament għandu d-dritt ta' ċensura fuq il-Kummissjoni b'maġġoranza ta' żewġ terzi tal-voti mitfugħa, li tirrappreżenta maġġoranza tal-Membri li jiffurmaw il-Parlament. Skont ir-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament (l-Artikolu 119), tali mozzjoni tista' titressaq minn wieħed minn kull għaxra tal-Membri tal-Parlament Ewropew.

S'issa, l-ebda waħda mit-tmien mozzjonijiet ta' ċensura mressqa quddiem il-Parlament ma ġiet adottata, prinċipalment minħabba l-maġġoranza ta' żewġ terzi meħtieġa. Fl-1999, il-Kummissjoni Santer irriżenjat qabel ma l-Parlament ġiegħelha tirriżenja. Dan ġara wara li l-Parlament irrifjuta li jagħti kwittanza lill-Kummissjoni għas-sena 1996.

L-irtirar tal-fiduċja f'Membru individwali tal-Kummissjoni

It-Trattati ma jipprevedux ir-responsabbiltà individwali tal-Kummissarji iżda jqisu lill-Kummissjoni bħala korp responsabbli lejn il-Parlament. Madankollu, skont il-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament jista' jitlob lill-President tal-Kummissjoni jirtira l-fiduċja f'Membru individwali tal-Kummissjoni. Il-President tal-Kummissjoni jeħtieġlu jispjega r-rifjut tiegħu li jagħmel dan quddiem il-Parlament. Din id-dispożizzjoni s'issa qatt ma ġiet applikata.

Id-dritt ta' inkjesta (l-Artikolu 226 tat-TFUE)

Skont l-Artikolu 226 tat-TFUE, il-Parlament għandu d-dritt li jwaqqaf Kumitati ta' Inkjesta temporanji sabiex jinvestigaw allegazzjonijiet ta' ksur jew amministrazzjoni ħażina fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. L-istess artikolu jagħti lill-Parlament id-dritt ta' inizjattiva li jipproponi Regolament li jiddettalja d-dispożizzjonijiet li jirregolaw id-dritt tiegħu ta' inkjesta, li għandu jiġi adottat wara li tinkiseb l-approvazzjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni.

L-investigazzjonijiet kollha mwettqa mill-Parlament permezz ta' kumitati ta' inkjesta wrew li l-qafas legali eżistenti(1) huwa restrittiv wisq f'termini tal-ħila li jsejjaħ xhieda individwali, li jitlob aċċess għad-dokumenti u li jimponi sanzjonijiet sabiex jasserixxi s-setgħat investigattivi tal-Parlament. Il-proposta tal-Parlament għal regolament dwar id-dritt ta' inkjesta(2), li għadha qed tiġi nnegozjata mal-Kunsill u l-Kummissjoni għandha l-għan li żżid is-setgħat tal-Parlament f'dawn l-oqsma.

Mill-2009, il-Parlament stabbilixxa żewġ kumitati ta' inkjesta - wieħed dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (EMIS) u l-ieħor dwar b'rabta mal-ħasil tal-flus, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa (PANA).

Minkejja li d-dispożizzjonijiet legali attwali ma jippermettux rakkomandazzjonijiet vinkolanti, donnu li l-Kummissjoni teħodhom bis-serjetà, kif kien il-każ fil-ħidma tal-Kumitat EMIS. Ċertament dan hu dovut għar-rabta politika aktar b'saħħitha bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, b'mod partikolari mill-elezzjonijiet tal-2014.

L-iskrutinju Parlamentari tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni

Filwaqt li l-atti delegati jippermettu lill-Kummissjoni tadotta normi ta' applikazzjoni ġenerali, l-atti ta' implimentazzjoni huma ta' natura mhux leġiżlattiva u jimmiraw li jiżguraw l-applikazzjoni uniformi tal-liġi fl-Istati Membri tal-UE. Minħabba din in-natura differenti, il-Parlament għandu possibbiltajiet differenti ta' skrutinju għall-atti delegati u ta' implimentazzjoni.

Għall-atti delegati, il-Parlament għandu d-dritt għal veto u revoka, filwaqt li għall-atti ta' implimentazzjoni m'għandux setgħa li jibblokkahom. Għall-atti ta' implimentazzjoni, is-setgħa ta' skrutinju tinbidel lejn il-livell nazzjonali, fejn l-Istati Membri permezz ta' "proċeduri ta' konsulenza u eżami" għandhom il-possibbiltà li jsawru l-kontenut tal-att ta' implimentazzjoni. Madankollu, l-Istati Membri huma rrappreżentati mill-gvernijiet tagħhom f'dawn il-korpi, u skont l-istruttura istituzzjonali stabbilita fl-Istati Membri, dawn il-miżuri jaf ma jkollhomx sorveljanza parlamentari f'xi Stati Membri. Għaldaqstant huwa essenzjali li s-sorveljanza parlamentari issir ukoll fil-livell nazzjonali sabiex tiġi kkontrollata l-azzjoni tal-eżekuttiv f'dan il-qasam.

Sa Ġunju 2018, il-Parlament qatt ma rrevoka delega, u oġġezzjona biss tmien darbiet għal att delegat adottat mill-Kummissjoni. Apparti li jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati, l-att leġiżlattiv ta' bażi jiddetermina l-perjodu ta' żmien li għalih din is-setgħa tiġi ddelegata lill-Kummissjoni. It-tul ta' żmien tal-għoti tas-setgħa jista' jingħata għal (1) perjodu indefinit, (2) perjodu definit b'estensjoni taċita u (3) perjodu definit mingħajr il-possibiltà ta' estensjoni. Skont l-istatistika, perjodu indeterminat ingħata biss fi 13-il każ, filwaqt li perjodu determinat b'estensjoni taċita ngħata f'158 każ, u perjodu determinat ngħata f'41 każ.

Minħabba li l-għadd ta' atti ta' implimentazzjoni kiber matul l-aħħar snin u minħabba li huwa l-eżekuttiv tal-Istati Membri li jikkontrolla l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tal-atti ta' implimentazzjoni, l-involviment tal-Parlament għandu jissaħħaħ f'termini ta' skrutinju parlamentari u għandu jkun hemm fis-seħħ kriterji ċari għad-delinjazzjoni tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni.

Mistoqsijiet orali u bil-miktub (Artikolu 230(2) tat-TFUE)

Skont l-Artikolu 230(2) tat-TFUE, il-mistoqsijiet orali u bil-miktub huma disponibbli għall-Parlament iżda jistgħu jkunu diretti biss lejn il-Kummissjoni u mhux lejn il-Kunsill, minkejja li kemm il-Kunsill kif ukoll il-president tal-Kunsill Ewropew qablu li jwieġbu mistoqsijiet mill-Parlament fuq bażi volontarja. Għalhekk dan jista' jitqies bħala strument pjuttost "artab", biex jiġu enfasizzati l-problemi jew tintalab aktar informazzjoni. Madankollu, l-istatistika turi li l-Kummissjoni tirrispondi l-mistoqsijiet bil-miktub kollha tal-Parlament, anke jekk mhux dejjem tirrispetta l-iskadenzi mogħtija. Dan ma jistax jingħad għall-mistoqsijiet orali, għax il-Konferenza tal-Presidenti tiddeċiedi jekk tpoġġix dawn il-mistoqsijiet fuq l-abbozz tal-aġenda.

Il-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament (l-Artikolu 129) jippermettu l-organizzazzjoni ta' ħin għall-mistoqsijiet mal-Kummissjoni, li hija għodda ta' skrutinju komuni f'demokraziji parlamentari. Madankollu, dan m'għadux jitpoġġa fil-prattika, potenzjalment minħabba li jista' jitqies sovrapost fuq is-sessjonijiet plenarji għat-tweġibiet tal-Kummissjoni għal mistoqsijiet orali.

Proċedimenti legali

It-Trattat jagħti lill-Parlament id-dritt li jibda proċedimenti legali kontra l-Kummissjoni u jitlob lill-Qorti tirrevedi l-legalità ta' att tal-Kummissjoni (l-Artikolu 263 tat-TFUE). L-Artikolu 265 tat-TFUE jagħti lill-Parlament id-dritt li jibda proċedimenti legali kontra l-Kummissjoni minħabba nuqqas ta' azzjoni. Minkejja li l-proċedimenti legali stabbiliti mill-Parlament kontra l-Kummissjoni huma pjuttost limitati (10 applikazzjonijiet mill-2009, 5 azzjonijiet milqugħa), donnu li l-Parlament juża s-setgħat tiegħu bħala miżura aħħarija, meta jkunu fallew l-azzjonijiet l-oħra kollha possibbli.

-  Strumenti għat-tmexxija tas-sorveljanza

Apparti l-istrumenti li jitolbu lill-Kummissjoni biex tagħti rendikont, l-istrumenti għat-tmexxija tas-sorveljanza jippermettu lill-Parlament li b'mod proattiv u effettiv ifassal l-aġenda politika u leġiżlattiva tal-UE.

L-obbligi ta' rappurtar tal-Kummissjoni

L-Artikolu 249 tat-TFUE jobbliga lill-Kummissjoni tippubblika rapport ġenerali dwar l-attivitajiet tal-Unjoni, li skont l-Artikolu 233 tat-TFUE l-Parlament għandu jiddiskuti f'sessjoni miftuħa r-rapport ġenerali annwali ppreżentat lilu mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni trid tirrapporta lill-Parlament, kull tliet snin, dwar in-nondiskriminazzjoni u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni filwaqt li jitqies l-iżvilupp tal-UE (l-Artikolu 25 tat-TFUE).

Barra minn hekk, il-Parlament għandu jiġi ppreżentat b'rapport dwar ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali fil-politika ekonomika (l-Artikolu 121(5) tat-TFUE).

Rapport ieħor li għandu jintbagħat lill-Parlament hu rapport annwali dwar il-progress fil-ksib tal-objettivi tal-Artikolu 151, jiġifieri l-artikolu dwar il-politika soċjali (l-Artikolu 159 tat-TFUE), kif ukoll rapport annwali dwar l-iżviluppi soċjali fi ħdan l-Unjoni (l-Artikolu 161 tat-TFUE).

L-Artikolu 175 tat-TFUE jirrikjedi li l-Kummissjoni tissottometti rapport dwar il-progress li jkun sar lejn il-kisba tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u dwar il-mod li bih il-mezzi varji previsti f'dan l-artikolu ikkontribwew għal dan. Dan ir-rapport għandu jiġi ppreżentat kull tliet snin.

Ir-rapport li għandu jintbagħat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 190 tat-TFUE għandu jinkludi informazzjoni dwar l-attivitajiet ta' riċerka u ta' żvilupp teknoloġiku u t-tixrid tar-riżultati matul is-sena ta' qabel.

Meta tagħmel negozjati ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Kummissjoni hija obbligata mill-Artikolu 207 tat-TFUE li tirrapporta regolarment lill-Parlament dwar il-progress ta' dawn in-negozjati.

Rapport annwali ieħor li l-Kummissjoni jeħtieġ li tippreżenta lill-Parlament jirrigwarda l-Artikolu 325(2) tat-TFUE dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE u l-ġlieda kontra l-frodi.

Tfassil proattiv tal-aġenda

Fil-bidu ta' kull sena, il-Kummissjoni trid tibgħat lill-Parlament rapport li jinkludi l-programm ta' ħidma tagħha għas-sena kurrenti (l-Artikolu 190 tat-TFUE). Il-Ftehim ta' Qafas jipprovdi kalendarju dettaljat għal din il-proċedura.

Fl-ewwel semestru ta' kull sena jsir djalogu regolari bejn il-Kummissarji u l-kumitati parlamentari korrispondenti, segwit minn rapport lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati dwar l-eżitu ta' dan id-djalogu u l-iskambju ta' fehmiet bejn il-KPK u l-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni. F'din il-pjattaforma, il-Parlament jesprimi l-prijoritajiet tiegħu għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni, li l-Kummissjoni hi obbligata li tqis, skont il-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea.

F'Ġunju ta'   kull sena jiġi ppreżentat rapport fil-qosor mill-KPK lill-Konferenza tal-Presidenti, li jinkludi r-riżultati tal-iskrinjar tal-implimentazzjoni tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni, il-prijoritajiet tal-Parlament għall-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni u l-bilanċ tar-riżultati tad-djalogu bilaterali mal-Kummissjoni. Fis-sessjoni parzjali ta' Lulju tiġi adottata riżoluzzjoni li tiddeskrivi l-pożizzjoni tal-Parlament dwar il-prijoritajiet leġiżlattivi.

Id-dibattitu dwar l-Istat tal-Unjoni jsir fis-Sessjoni Plenarja ta' Settembru fi Strasburgu. Dan jagħmel il-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni aktar trasparenti u soġġetti għal skrutinju parlamentari ex-ante.

Matul ix-xahar ta' Settembru, il-kumitati parlamentari jagħmlu skambji ta' fehmiet dwar il-prijoritajiet futuri f'kull qasam tal-politika mal-Kummissarji rispettivi,segwit minn laqgħa sussegwenti bejn il-KPK u l-Kulleġġ tal-Kummissarji u jekk ikun xieraq, bejn il-Konferenza tal-Presidenti u l-President tal-Kummissjoni.

Il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għas-sena ta' wara jiġi adottat f'Ottubru u jiġi ppreżentat lill-Parlament mill-President tal-Kummissjoni. Il-Parlament jagħmel dibattitu u jivvota riżoluzzjoni fis-sessjoni parzjali ta' Diċembru.

Inizjattiva leġiżlattiva

Apparti l-iffissar tal-aġenda leġiżlattiva, it-Trattat jagħti lill-Parlament dritt għal inizjattiva kważi leġiżlattiva. Skont l-Artikolu 225 tat-TFUE, il-Parlament jista' jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposta dwar kwistjonijiet li l-Parlament jista' jikkunsidra li azzjoni tal-Unjoni hi meħtieġa jew għall-fini tal-implimentazzjoni tat-Trattati. Il-Kummissjoni mhix obbligata ssegwi tali proposta, iżda fil-każ li ma ssegwix l-inizjattiva tal-Parlament, trid tinforma l-Parlament bir-raġunament tiegħu. Mill-2009, il-Parlament irrikorra għall-Artikolu 225 f'24 okkażjoni, li minnhom 7 rnexxew mill-inqas parzjalment u rriżultaw fi proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni jew azzjoni xierqa oħra

Monitoraġġ u implimentazzjoni tal-prijoritajiet politiċi u l-programmazzjoni leġiżlattiva:

L-Artikolu 6, Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament jiddettalja l-proċedura li skontha l-Parlament jirrevedi l-impenji u l-prijoritajiet espressi mill-kummissarji nnominati waqt is-seduti ta' smigħ tal-ħatra tagħhom.

Il-proċedura baġitarja u l-kwittanza għall-baġit

Il-fatt li l-Parlament huwa koleġiżlatur fil-qasam baġitarju jagħtih lieva biex jikkontrolla lill-kontroll tal-Kummissjoni sa ċertu punt, għax in-nonadozzjoni tal-baġit fil-bidu tas-sena finanzjarja tillimita l-infiq baġitarju ta' kull xahar għal partijiet minn tnax proviżorji, li jistgħu jolqtu l-ħila tal-Kummissjoni li timplimenta l-programmi pluriennali. Mid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-Parlament ma għamilx użu minn din il-possibbiltà, filwaqt li dan seħħ fl-1979 u fl-1984.

Rigward l-infiq tal-baġit, il-Parlament għandu kontroll fuq l-implimentazzjoni tiegħu peress li skont l-Artikolu 319 tat-TFUE hu jista' jagħti l-kwittanza lill-Kummissjoni, u b'hekk jesprimi l-valutazzjoni tiegħu dwar il-mod kif il-Kummissjoni timplimenta l-baġit tal-Unjoni. Mill-2009, il-Parlament qatt ma ppospona jew irrifjuta li jagħti l-kwittanza, possibilment minħabba l-fatt li l-Kummissjoni sikwit tqis ir-rakkomandazzjonijiet espressi mill-Parlament waqt il-proċedura ta' kwittanza.

Il-politika barranija

Il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandhom obbligu ta' konsultazzjoni u rapportar lejn il-Parlament (l-Artikolu 36 tat-TUE, u l-Artikoli 218 u 328 tat-TFUE). Madankollu, mal-introduzzjoni tal-rekwiżit ta' approvazzjoni parlamentari għall-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali (l-Artikolu 218 tat-TFUE), il-Parlament kiseb rwol aktar prominenti fir-relazzjonijiet esterni u l-Kummissjoni hija obbligata żżommu infurmat għalkollox u fil-ħin bl-iżviluppi fin-negozjati ta' ftehimiet tali.

Ir-rapporti ta' implimentazzjoni u l-evalwazzjoni

Ir-rapport ta' implimentazzjoni huma għodda ġdida oħra ta' skrutinju parlamentari fuq l-eżekuttiv, għax jipprovdu rakkomandazzjonijiet u jsawru l-politika futura bbażata fuq analiżi tal-implimentazzjoni s'issa.

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ewlenin

B'mod globali, donnu li l-Parlament għandu strumenti qawwija ta' kontroll politiku fuq il-Kummissjoni għad-dispożizzjoni tiegħu. Madankollu, donnu li jeħtieġ li titjieb l-implimentabbiltà u taġġustahom aħjar għall-isfidi speċifiċi għall-istruttura istituzzjonali tal-UE.

L-isfidi ewlenin għas-sorveljanza parlamentari fuq l-eżekuttiv fl-UE:

1.  Jeżisti nuqqas ta' definizzjoni ċara tal-"eżekuttiv" fit-Trattati. Fil-kuntest tal-UE, l-"eżekuttiv" huwa organizzat b'mod differenti għall-oqsma differenti tal-politika, għax m'hemmx lista eżawrjenti tal-oqsma ta' politika li għalihom il-Kummissjoni għandha setgħa eżekuttiva. Għaldaqstant dan joħloq xi sfidi importanti għas-sorveljanza parlamentari.

2.  L-eżekuttiv għandu ħafna saffi, mifrux fuq il-livelli Ewropej, nazzjonali u xi drabi reġjonali, li jirrikjedi li l-kontroll demokratiku veru jiġi eżerċitat mill-korpi eletti f'kull wieħed mil-livelli differenti.

3.  Dan jaf jinvolvi istituzzjonijiet differenti għall-politiki differenti - il-Kummissjoni (għall-kompetenzi esklużivi), il-Kummissjoni tal-Unjoni Afrikana mal-Istati Membri (politiki b'ġestjoni kondiviża, il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew (fil-każ tal-PESK).

4.  Meta l-Kunsill Ewropew jirfes fuq il-funzjonijiet preskritti lilu mit-Trattati u jaġixxi bħala leġiżlatur, de facto jkun qed iħalli lill-Parlament u lill-Parlamenti nazzjonali mingħajr kontroll fuq l-eżekuttiv, bħal pereżempju fil-każ tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) u l-Patt Fiskali.

5.  Is-soll tant għoli li jrid jintlaħaq biex jiġu attivati ċerti mekkaniżmi ta' kontroll, bħal pereżempju l-mozzjoni ta' ċensura, hu sfida oħra għal sorveljanza parlamentari effettiva.

6.  Jeżisti nuqqas ta' evalwazzjoni ċara tal-ħidma tal-Kummissarji individwali.

7.  Teżisti biss responsabbiltà kollettiva tal-Kummissjoni, u l-ebda mekkaniżmu biex iżomm lill-Kummissarji individwali responsabbli.

8.  Ma jeżistix mekkaniżmu ta' skrutinju parlamentari fuq il-proċeduri amministrattivi tal-Kummissjoni għall-ħatra tas-Segretarju Ġenerali u tad-Diretturi Ġenerali tal-Kummissjoni.

9.  Il-Kunsill Ewropew qed jiddomina t-tfassil tal-aġenda politika tal-UE, li jirrestrinġi s-sorveljanza tal-Parlament.

10.  Minkejja li t-trilogi leġiżlattivi huma għodda importanti tad-demokrazija parlamentari, dawn jippreżentaw sfida għall-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet ta' skrutinju tal-Parlament. In-natura konsenswali tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE tagħmilha aktar diffiċli għall-Parlament li jeżerċita kontroll politiku b'mod effettiv.

11.  It-tendenza tal-Kummissjoni li tiddepolitiċizza l-kwistjonijiet, permezz tal-ħolqien ta' aġenziji u billi tipprovdi soluzzjonijiet apparentement tekniċi għal problemi politiċi, tagħmilha aktar improbabbli għall-Parlament li jeżerċita s-setgħat tiegħu ta' kontroll b'mod effettiv fuq kwistjonijiet bħal dawn.

Risponsi possibbli għall-isfidi eżistenti:

1.  Minħabba li l-eżekuttiv tal-UE fih diversi saffi, teżisti ħtieġa li l-parlamenti nazzjonali jiskrutinizzaw lill-gvernijiet nazzjonali fl-affarijiet tal-UE bl-istess mod li l-Parlament qed jiskrutinizza lill-Kummissjoni fil-livell tal-Unjoni.

2.  L-eżekuttiv tal-UE għandu jiġi ssimplifikat u ddefinit u l-Kummissjoni tiġi trasformata fl-eżekuttiv prinċipali.

3.   Minħabba li l-eżekuttiv fih ħafna saffi fl-UE, id-djalogu politiku bejn il-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew għandu jiġi intensifikat u jsir aktar sinifikanti u sostanzjali, mingħajr ma jaqbeż il-limiti tal-kompetenzi kostituzzjonali rispettivi tagħhom sabiex jiġu koperti wkoll il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea meta jaġixxu bħala eżekuttivi.

4.  Is-setgħat leġiżlattivi u d-drittijiet ta' sorveljanza tal-Parlament iridu jiġu ggarantiti, ikkonsolidati u msaħħa. Bl-istess mod, il-Parlament jista' jikkunsidra li jirriforma l-metodi ta' ħidma tiegħu sabiex jissaħħaħ l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta' kontroll politiku fuq il-Kummissjoni.

5.  Dan jimplika wkoll kapaċità eżekuttiva msaħħa tal-Kummissjoni fil-politiki ekonomiċi u monetarji.

6.  L-implimentazzjoni tal-istrumenti ta' sorveljanza, iżda l-aktar dawk użati biex il-Kummissjoni tintalab tagħti rendikont, għandha tkun akkumpanjata minn analiżi bir-reqqa dwar x'mar ħażin, u għaliex.

7.  Taħlita ta' diversi strumenti ta' sorveljanza: kemm f'termini ta' obbligu ta' rendikont kif ukoll ta' orjentazzjoni, tista' tagħti riżultati aħjar fis-sorveljanza parlamentari fil-kuntest tal-UE.

8.  Jeżistu strumenti li ma jiġux applikati fil-prattika (bħall-mozzjoni ta' ċensura). Minħabba r-rabta aktar b'saħħitha bejn il-Parlament u l-Kummissjoni li nħolqot mill-proċess ta' Spitzenkandidaten u minħabba li l-Kummissarji jidentifikaw ruħhom mal-gruppi politiċi fil-Parlament, jista' jkun aktar diffiċli li jintużaw fil-futur.

9.  Il-Kummissjoni għandha tagħti kunsiderazzjoni aktar serja lill-inizjattivi leġiżlattivi varati mill-Parlament skont l-Artikolu 225 tat-TFUE.

10.  Għandhom jiġu msaħħa l-iskambju tal-aqwa prattika fl-iskrutinju parlamentari bejn il-parlamenti nazzjonali, bħall-organizzazzjoni ta' dibattiti regolari bejn il-ministri rispettivi u l-kumitati speċjalizzati fil-parlamenti nazzjonali qabel u wara l-laqgħat tal-Kunsill, u mal-Kummissarji f'ambjent u qafas ta' żmien xierqa, kif ukoll il-laqgħat mal-parlamenti nazzjonali għal skambji mal-Membri tal-Parlament Ewropew.

11.  F'bidla futura fit-Trattat, ikun meħtieġ li jiġu emendati d-dispożizzjonijiet dwar il-mozzjoni ta' ċensura sabiex jitnaqqas is-soll meħtieġ u jiġu introdotti proċeduri biex il-Kummissarji individwali jinżammu responsabbli lejn il-Parlament matul il-mandat tagħhom.

12.  Il-proposta tal-Parlament għal Regolament dwar id-Dritt ta' Inkjesta għandha tiġi adottata malajr sabiex il-Parlament jiġi fdat bis-setgħat effettivi li jippermettulu jeżerċita dan l-istrument parlamentari bażiku biex iżomm l-eżekuttiv responsabbli.

13.  Huma meħtieġa regoli ċari għad-delinjazzjoni bejn l-atti ta' implimentazzjoni u dawk delegati, sabiex jiġi żgurat skrutinju parlamentari xieraq.

14.  Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-proċeduri amministrattivi tagħha għall-ħatra tas-Segretarju Ġenerali, id-Diretturi Ġenerali u d-Diretturi tagħha; fil-kuntest ta' parlamentarizzazzjoni ulterjuri tal-istruttura istituzzjonali tas-seduti ta' smigħ parlamentari tal-Unjoni ta' uffiċjali għolja tal-eżekuttiv tal-Unjoni tista' tiġi prevista wkoll.

(1)

Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 1995 dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċitar tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew (ĠU L 113, 19.5.1995, p.1).

(2)

P7_TA(2014)0429 u P7_TA(2012)0219


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar is-setgħa ta' kontroll politiku tal-Parlament fuq il-Kummissjoni

(2018/2113(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar is-sorveljanza politika tal-Parlament Ewropew fuq il-Kummissjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikoli 14, 17 u 25 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 121, 159, 161, 175, 190, 225, 226, 230, 233, 234, 249, 290, 291, 319 u 325 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 17 tat-TUE, li jafda f'idejn il-Kummissjoni l-promozzjoni tal-interess ġenerali tal-Unjoni u monopolju fuq it-teħid ta' inizjattivi "għal dak l-għan",

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-ftehim interistituzzjonali (FII) dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tal-2016 u l-ftehim interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba tal-2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar evoluzzjonijiet u aġġustamenti possibbli fl-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni Ewropea(2),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2018 dwar ir-reviżjoni tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, u b'mod speċjali l-paragrafi 2 u 8 tiegħu, li jerġgħu jaffermaw b'mod ulterjuri li l-proċess ta' Spitzenkandidaten huwa prattika kostituzzjonali u politika ta' suċċess li tirrifletti l-bilanċ interistituzzjonali previst fit-Trattati(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tas-16 ta' April 2014 dwar proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew u li jibdel id-Deċiżjoni 95/167/KE, Euratom, KEFA tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni(4), u n-negozjati interistituzzjonali li għaddejjin;

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Ombudsman Ewropew dwar il-Laqgħat u l-Ispezzjoni tad-Dokumenti – Ilmenti Konġunti 488/2018/KR u 514/2018/KR dwar il-ħatra mill-Kummissjoni ta' Segretarju Ġenerali ġdid, u r-rakkomandazzjoni tagħha dwar dawn il-każijiet,

–  wara li kkunsidra r-Regoli ta' Proċedura tiegħu, inkluż l-Artikolu 52, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0033/2019),

A.  billi l-qafas istituzzjonali tal-Unjoni kif minqux fit-Trattati jikkonferixxi lill-Parlament, bħala korp leġiżlattiv tal-Unjoni, ir-responsabbiltà tas-sorveljanza politika fuq il-Kummissjoni;

B.  billi l-Parlament għandu għad-dispożizzjoni tiegħu sett ta' strumenti li jżommu lill-Kummissjoni responsabbli, bħal pereżempju l-mozzjoni ta' ċensura (l-Artikoli 17 tat-TUE u 234 tat-TFUE), il-ħila li jitlob lill-President tal-Kummissjoni jirtira l-fiduċja tiegħu f'membru individwali tal-Kummissjoni (l-Artikolu 118(10) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament), id-dritt ta' inkjesta (l-Artikolu 226 tal-TFUE), il-kompetenza ta' skrutinju fuq l-atti delegati u ta' implimentazzjoni (l-Artikoli 290 u 291 tat-TFUE), id-dritt li jagħmel mistoqsijiet orali u bil-miktub (l-Artikolu 230(2) tat-TFUE), u d-dritt li jibda proċedimenti legali kontra l-Kummissjoni dwar kwistjoni ta' legalità (l-Artikolu 263 tat-TFUE) jew fil-każ ta' nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-Kummissjoni;

C.  billi, apparti dawk l-istrumenti, il-Parlament għandu firxa ta' għodod għas-sorveljanza, li bis-saħħa tagħhom jista' jfassal b'mod proattiv l-aġenda politika Ewropea;

D.  billi l-baġit huwa l-aktar għodda importanti tal-Unjoni Ewropea għall-kisba tal-objettivi u l-istrateġiji tagħha, u għalhekk il-kontroll baġitarju huwa tal-akbar importanza;

E.  billi l-proċess ta' Spitzenkandidaten jirrifletti l-bilanċ interistituzzjonali bejn il-Parlament u l-Kummissjoni, u b'hekk ikkonsolida u saħħaħ b'mod sostanzjali r-rabta bejn iż-żewġ istituzzjonijiet, u dan wassal għal politiċizzazzjoni akbar tal-Kummissjoni, li għandha tissarraf f'aktar skrutinju parlamentari tal-funzjonijiet eżekuttivi tagħha;

F.  billi l-Artikolu 17 tat-TUE jipprevedi li l-President tal-Kummissjoni jiġi elett mill-Parlament fuq proposta mill-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-UE, filwaqt li jitqiesu r-riżultati tal-elezzjonijiet Ewropej u l-konsultazzjonijiet mal-Parlament; billi l-Artikolu 17 tat-TUE jipprevedi wkoll li l-istess proċedura għandha tiġi segwita f'każ li l-Parlament jirrifjuta l-kandidat propost, inkluża l-konsultazzjoni tal-Parlament;

G.  billi l-kummissarji nnominati huma soġġetti għal seduta ta' smigħ qabel l-investitura tal-Kulleġġ tal-Kummissarji, u billi matul il-mandat tiegħu l-Parlament jista' jagħmel rieżami tal-impenji u l-prijoritajiet espressi mill-kummissarji nnominati waqt is-seduti ta' smigħ tal-ħatra tagħhom, inkluża evalwazzjoni ta' jekk l-isfondi personali tagħhom jikkwalifikawhomx biex iwettqu r-rekwiżiti tal-kariga;

H.  billi t-Trattati jagħtu lill-Parlament id-dritt li jivvota fuq mozzjoni ta' ċensura kontra l-Kummissjoni kollha kemm hi iżda mhux li jirtira l-fiduċja f'Kummissarju individwali;

I.  billi minkejja r-responsabbiltà kollettiva tal-Kulleġġ tal-Kummissarji, il-Parlament għandu jiżgura sorveljanza politika effettiva tal-ħidma individwali ta' kull Kummissarju;

J.  billi l-ħatra reċenti tas-Segretarju Ġenerali l-ġdid tal-Kummissjoni qajmet tħassib serju dwar ir-rwol u l-influwenza politika eżerċitata mill-uffiċjali anzjani tal-Kummissjoni;

K.   billi meta jinħatru l-President il-ġdid tal-Kummissjoni u l-Kummissarji l-ġodda fl-2019 għandha tintuża proċedura ġdida u li tosserva r-regoli biex timtela l-kariga tas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni;

L.  billi l-Kummissjoni għandha obbligi legali msejsa fuq it-Trattati li tirrapporta regolarment lill-Parlament: kull sena dwar l-attivitajiet ġenerali tal-Unjoni (l-Artikolu 249 tat-TFUE); kull tliet snin dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta' nondiskriminazzjoni u ċittadinanza tal-Unjoni (l-Artikolu 25 tat-TFUE); dwar ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali fil-politika ekonomika (l-Artikolu 121(5) tat-TFUE); kull tliet snin dwar il-progress li jkun sar fil-politika soċjali (l-Artikoli 159 u 161 tat-TFUE); kull tliet snin dwar il-progress li jkun sar fil-politika soċjali (l-Artikoli 159 u 175 tat-TFUE); kull sena dwar l-attivitajiet ta' riċerka fl-Unjoni (l-Artikoli 190 tat-TFUE); kull sena dwar il-ġlieda kontra l-frodi (l-Artikolu 325 tat-TFUE); u meta jsiru negozjati ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali (l-Artikolu 207 tat-TFUE);

M.  billi, barra minn hekk, f'dak li għandu x'jaqsam mal-leġiżlazzjoni sekondarja, il-Kummissjoni għandha struzzjonijiet biex tagħmel rieżami u tevalwa diversi direttivi u regolamenti, u tirrapporta dwar is-sejbiet tagħha;

N.  billi bl-adozzjoni tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea, il-Parlament kiseb influwenza addizzjonali fit-tfassil tal-aġenda leġiżlattiva kif propost mill-Kummissjoni kull sena fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni

O.  billi mill-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona l-Parlament sar koleġiżlatur ġenwin fil-qasam baġitarju u għandu r-responsabbiltà li jagħti kwittanza lill-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni;

P.  billi wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona l-Parlament wessa' l-influwenza tiegħu fuq l-iskrutinju tal-politiki esterni tal-UE, billi kiseb is-setgħa ta' approvazzjoni fuq il-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali u, għalhekk, id-dritt li jkun infurmat immedjatament u għalkollox mill-Kummissjoni fl-istadji kollha tan-negozjati ta' tali ftehimiet (l-Artikolu 218 tat-TFUE, l-Artikolu 50 tat-TUE);

Q.  billi l-kundizzjonijiet li bihom saru n-negozjati mar-Renju Unit dwar il-ħruġ tiegħu mill-Unjoni Ewropea kienu eżemplari f'termini tat-trasparenza tagħhom u tal-involviment tal-Parlament;

R.   billi l-livell tad-drittijiet ta' skrutinju tal-Parlament ivarjaw ħafna bejn l-atti delegati u l-atti ta' implimentazzjoni; billi l-Parlament għandu d-dritt ta' veto fuq att delegat u/jew li jirrevoka d-delega, iżda fil-każ ta' atti ta' implimentazzjoni, l-involviment tiegħu mhuwiex daqstant wiesa';

S.  billi l-istruttura istituzzjonali attwali tal-Unjoni u n-nuqqas ta' definizzjoni preċiża tal-eżekuttiv fit-Trattati jagħmlu l-kunċett tal-eżekuttiv tal-UE kumpless u mferrex fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali;

T.  billi kooperazzjoni aktar qawwi bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlamenti nazzjonali u reġjonali, skont il-kompetenzi kostituzzjonali rispettivi tagħhom u f'konformità mal-Artikolu 10(2) tat-TUE, hi kruċjali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-kontroll parlamentari tal-funzjonijiet eżekuttivi fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea;

U.  billi t-trasparenza u l-involviment qawwi tal-Parlament fin-negozjati mar-Renju Unit kellhom impatt pożittiv fuq ir-riżultat tagħhom, u ħolqu klima ta' fiduċja u għaqda, u għalhekk għandhom iservu ta' ispirazzjoni għal prattiki ta' negozjati internazzjonali ġejjiena;

Konklużjonijiet prinċipali

1.  Ifakkar li l-iskrutinju fuq il-korpi tal-UE huwa wieħed mir-rwoli ewlenin tal-Parlament Ewropew u li l-obbligu ta' rendikont tal-Kummissjoni lejn il-Parlament huwa prinċipju bażiku tal-funzjonament tal-UE u tal-kontroll demokratiku intern;

2.  Jemmen li l-Parlament mhux qed jagħmel użu sħiħ mill-istrumenti kollha tiegħu ta' kontroll politiku fuq l-eżekuttiv, għal diversi raġunijiet, li wħud minnhom huma inerenti għall-istruttura istituzzjonali tal-Unjoni u oħrajn huma, pereżempju, ir-riżultati tad-dinamiki interistituzzjonali li qed jinbidlu, li għamlu wħud mill-istrumenti diffiċli biex jiġu applikati jew mhux effettivi biżżejjed;

3.  Jirrikonoxxi l-potenzjal u l-implimentazzjoni b'suċċess tal-proċess ta' Spitzenkandidaten, fejn iċ-ċittadini Ewropej kollha għandhom vuċi diretta fl-għażla tal-President tal-Kummissjoni permezz ta' votazzjoni għal lista mmexxija mill-kandidat preferut tagħhom; għalhekk jappoġġja bil-qawwa t-tkomplija ta' din il-prattika għall-elezzjonijiet Ewropej futuri, u jħeġġeġ lill-forzi politiċi kollha jipparteċipaw f'dan il-proċess;

4.  Jinsab konvint li x-Spitzenkandidaten għandhom imexxu l-listi tal-partiti politiċi Ewropej fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew;

5.  Ifakkar li r-rabta politika aktar b'saħħitha maħluqa bejn il-Parlament u l-Kummissjoni bħala riżultat tal-proċess ta' Spitzenkandidaten m'għandhiex tagħmel lill-Kummissjoni soġġetta għal sorveljanza parlamentari anqas stretta;

6.  Ifakkar li l-intenzjoni tas-soll stabbilit fit-Trattati għal mozzjoni ta' ċensura hi li jiġi ppreservat l-użu effettiv ta' dan l-istrument għal każijiet serji; jirrikonoxxi li, bħal f'ħafna demokraziji parlamentari, il-possibilità ta' mozzjoni ta' ċensura taħdem fil-parti l-kbira bħala deterrent; jipproponi, madankollu, fil-kuntest ta' tibdil fit-Trattati fil-futur, li jiġu studjati possibiltajiet biex is-soll jitnaqqas b'mod imkejjel, filwaqt li jinżamm il-bilanċ istituzzjonali maħsub mit-Trattati;

7.  Jirrimarka li l-politiċizzazzjoni tal-Kummissjoni hija konsegwenza diretta tal-bidliet introdotti mit-Trattat ta' Lisbona; jinnota li dawn il-bidliet ma jinkludux l-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet li jippermettu li kummissarji individwali jinżammu responsabbli/jintalbu jagħtu rendikont;

8.  Jiddeplora bil-qawwa l-fatt li fi kliem l-Ombudsman, il-Kummissjoni naqset milli tikkonforma la mal-kelma u lanqas mal-ispirtu tar-regoli rilevanti meta ħatret is-Segretarju Ġenerali tagħha;

9.  Jirrimarka li t-Trattati ma jipprovdux definizzjoni ċara tal-eżekuttiv tal-UE u li l-istituzzjonijiet responsabbli jvarjaw bejn id-diversi oqsma ta' politika, skont jekk humiex ikkunsidrati li jappartjenu għall-kompetenzi kondiviżi jew esklużivi tal-Unjoni;

10.  Iqis li huwa meħtieġ li tiġi stabbilita sistema leġiżlattiva ġenwinament bikamerali li tinvolvi lill-Kunsill u lill-Parlament, bil-Kummissjoni taġixxi bħala l-eżekuttiv;

11.  Jirrimarka li r-rwol ta' sorveljanza tal-Parlament fir-rigward tal-eżekuttiv huwa kumplimentat b'kompetenzi simili tal-parlamenti nazzjonali fuq l-eżekuttivi tagħhom meta jittrattaw affarijiet Ewropej; huwa tal-fehma li dan l-obbligu ta' rendikont huwa l-element ċentrali tar-rwol tal-kmamar parlamentari nazzjonali fl-Unjoni Ewropea;

12.  Iqis li l-eżerċizzju ta' kontroll mill-Parlament fuq l-eżekuttiv skont l-Artikolu 14 tat-TUE qed jiġi ostakolat, jekk mhux kultant impossibbli, minħabba n-nuqqas ta' katalgu ċar tal-kompetenzi u l-politiki tal-Unjoni u l-attribuzzjoni b'diversi saffi tal-kompetenzi bejn l-eżekuttivi Ewropej, nazzjonali u reġjonali;

13.  Ifakkar li t-Trattati ma jagħtu l-ebda funzjoni leġiżlattiva jew dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva lill-Kunsill Ewropew; jinsab imħasseb li f'dawn l-aħħar snin il-Kunsill Ewropew, kontra l-ispirtu u l-kelma tat-Trattati, ħa għadd ta' deċiżjonijiet politiċi importanti barra mill-qafas tat-Trattat, u b'hekk de facto eskluda dawk id-deċiżjonijiet mis-sorveljanza tal-Parlament u dgħajjef ir-responsabilità demokratika li hija essenzjali fir-rigward ta' politiki Ewropej bħal dawn;

14.  Ifakkar li t-Trattat jipprovdi lill-Parlament setgħat sinifikanti ta' kontroll politiku permezz tal-proċeduri annwali baġitarji u ta' kwittanza;

15.  Ifakkar li l-kwittanza hija proċedura politika annwali li tiggarantixxi kontroll demokratiku ex-post tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea mill-Kummissjoni, taħt ir-responsabbiltà tagħha stess u b'kooperazzjoni mal-Istati Membri;

16.  Jirrimarka li l-proċedura ta' kwittanza wriet li hija għodda b'saħħitha u li kellha impatt fuq l-evoluzzjoni tas-sistema baġitarja tal-UE, fuq il-ġestjoni finanzjarja, fuq it-tfassil tal-aġenda u fuq il-mod li bih il-politiki tal-UE huma definiti u implimentati, u li tikkontribwixxi wkoll għat-tkabbir tal-influwenza politika tal-Parlament;

17.  Jisħaq li l-Artikolu 318 tat-TFUE jżid strument ġdid mas-sett ta' għodod tal-kwittanza baġitarja: l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni abbażi tar-riżultati miksuba.

18.  Jinnota bi tħassib li ebda sanzjoni legali reali ma hija disponibbli jekk il-Parlament jiddeċiedi li ma jagħtix il-kwittanza lill-Kummissjoni; iqis, madankollu, li n-nuqqas ta' għoti tal-kwittanza jagħti sinjal politiku qawwi, peress li jimplika li l-Parlament ma għandux kunfidenza biżżejjed fil-kontabilità tal-Kummissjoni, u għalhekk il-Kummissjoni ma għandhiex tibqa' bla reazzjoni iżda tirreaġixxi permezz ta' azzjoni ta' segwitu definittiva mfassla biex ittejjeb is-sitwazzjoni;

19.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li fin-nuqqas ta' kooperazzjoni sinċiera min-naħa tal-Kunsill, mhuwiex possibbli li jiġi skrutinizzat il-baġit tal-Kunsill permezz tal-prattika istituzzjonali ta' kwittanza baġitarja mill-Parlament, u li din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi nuqqas serju ta' konformità mal-obbligi tat-Trattat li jistipulaw li l-Parlament għandu jeżamina l-baġit kollu tal-Unjoni;

20.  Jissuġġerixxi, bil-għan li s-setgħa ta' kontroll baġitarju tal-Parlament tiġi estiża għall-baġit kollu tal-Unjoni, li jiġu varati negozjati bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament sabiex jiġi żgurat li l-Parlament ikollu d-dritt ta' aċċess għal informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit min-naħa tal-Kunsill, jew direttament jew permezz tal-Kummissjoni, u li l-Kunsill iwieġeb il-mistoqsijiet bil-miktub mill-Parlament u jattendi seduti ta' smigħ u dibattiti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu; huwa tal-fehma li, jekk dawn in-negozjati jfallu, il-Parlament għandu jagħti kwittanza lill-Kummissjoni biss u jinkludi, fil-kwittanza ġenerali, riżoluzzjonijiet separati dwar id-diversi istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-Unjoni, biex b'hekk jiġi żgurat li l-ebda taqsima tal-baġit tal-UE ma tiġi implimentata mingħajr skrutinju xieraq;

21.  Ifakkar li l-istituzzjonijiet għadhom ma wettqux l-impenn tagħhom li jistabbilixxu kriterji għad-delinjazzjoni tal-użu ta' atti delegati u ta' implimentazzjoni, għalkemm permezz tal-FII dwar tfassil aħjar tal-liġijiet tejbu t-trasparenza tal-proċedura tal-atti delegati;

22.  Ifakkar li skont l-Artikolu 247 tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni trid tikkomunika lill-Parlament, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju tas-sena finanzjarja ta' wara, sett integrat ta' rapporti finanzjarji u l-obbligu ta' rendikont inklużi, b'mod partikolari, il-kontijiet konsolidati finali, ir-rapport annwali ta' ġestjoni u ta' prestazzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni fuq il-finanzi tal-Unjoni bbażata fuq ir-riżultati miksuba kif imsemmi fl-Artikolu 318 tat-TFUE;

Rakkomandazzjonijiet

23.  Jissuġġerixxi li l-istrumenti biex il-Kummissjoni tinżamm responsabbli u dawk għall-orjentazzjoni tal-iskrutinju għandhom ikunu kkombinati sabiex tiġi massimizzata l-effettività tat-tnejn li huma;

24.  Jinsisti li s-setgħat leġiżlattivi u d-drittijiet ta' sorveljanza tal-Parlament għandhom jiġu ggarantiti, ikkonsolidati u msaħħa, fosthom permezz ta' ftehimiet interistituzzjonali u bl-użu tal-bażi legali korrispondenti mill-Kummissjoni;

25.  Iqis li jeħtieġ li l-Parlament jirriforma l-metodi ta' ħidma tiegħu sabiex jissaħħaħ l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta' kontroll politiku fuq il-Kummissjoni;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis b'aktar serjetà l-inizjattivi leġiżlattivi varati mill-Parlament skont l-Artikolu 225 tat-TFUE; jistieden lill-President li jmiss tal-Kummissjoni jimpenja ruħu għal dan l-objettiv u jilqa' d-dikjarazzjonijiet rispettivi tas-Spitzenkandidaten f'dan ir-rigward; jixtieq jara aktar inizjattivi jirriżultaw fi proposti leġiżlattivi; ifakkar li skont l-Artikolu 10 tal-FII dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, il-Kummissjoni hija marbuta li tqis minnufih u b'mod dettaljat it-talbiet għal proposti għal atti tal-Unjoni;

27.  Ifaħħar lill-Kummissjoni għas-segwitu pożittiv tagħha għar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament espressi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2017 dwar it-titjib tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea bl-isfruttament tal-potenzjal tat-Trattat ta' Lisbona;

28.   Iqis li għalkemm il-Parlament m'għandux dritt formali ta' inizjattiva leġiżlattiva taħt it-Trattati attwali, il-possibilità li jingħata d-dritt ta' inizjattiva leġiżlattiva fil-kuntest ta' tibdil fit-Trattati fil-futur għandha titqies b'serjetà;

29.  Jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aqwa prassi fl-iskrutinju parlamentari bejn il-parlamenti nazzjonali, bħall-organizzazzjoni ta' dibattiti regolari bejn il-ministri rispettivi u l-kumitati speċjalizzati fil-parlamenti nazzjonali qabel u wara l-laqgħat tal-Kunsill, u mal-Kummissarji f'ambjent u qafas ta' żmien xierqa, kif ukoll laqgħat bejn il-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali; jinkoraġġixxi l-istabbiliment ta' skambji regolari ta' uffiċjali tal-istituzzjonijiet u l-persunal tal-gruppi politiċi bejn l-amministrazzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni u r-reġjuni tal-Istati Membri li għandhom kompetenzi leġiżlattivi;

30.  Jemmen li l-istabbiliment ta' ġimgħa Ewropea annwali tippermetti lill-MPE u lill-Kummissarji, partikolarment il-Viċi Presidenti inkarigati mir-Raggruppamenti, li jidhru quddiem l-assemblej parlamentari nazzjonali kollha sabiex jiddiskutu u jispjegaw l-aġenda Ewropea flimkien mal-Membri Parlamentari u r-rappreżentanti mis-soċjetà ċivili; jissuġġerixxi li din l-inizjattiva jaf issaħħaħ l-obbligu ta' rendikont demokratiku tal-Kummissjoni meħtieġ mit-Trattat ta' Lisbona;

31.  Jistieden lill-Parlament isaħħaħ il-kapaċità tiegħu għall-iskrutinju tat-tħejjija u tal-implimentazzjoni tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni;

32.  Jilqa' l-isforzi li qed jittieħdu fil-preżent mit-tliet istituzzjonijiet biex jistabbilixxu kriterji ċari biex jiddelinjaw kif għandhom jintużaw l-atti delegati u ta' implimentazzjoni; jitlob li dawn il-kriterji jiġi applikati malajr kemm jista' jkun;

33.  Iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali, kif ukoll lill-parlamenti reġjonali fejn xieraq, biex iżidu l-kapaċità tagħhom li jiskrutinizzaw lill-eżekuttivi tagħhom meta jieħdu deċiżjonijiet jew jipproponu regolamenti sabiex jimplimentaw jew jiddelegaw il-leġiżlazzjoni Ewropea;

34.  Iqis li jeħtieġ, f'bidla futura fit-Trattat, li jiġu mtejba l-istrumenti biex il-kummissarji individwali ikunu obbligati jagħtu rendikont lill-Parlament matul il-mandat tagħhom, billi jiġu żviluppati id-dispożizzjonijiet pjuttost limitati li jeżistu diġà fil-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, f'konformità mal-prinċipju ta' kooperazzjoni ġusta, biex jistabbilixxu djalogu politiku dwar il-proposta tal-Parlament għal regolament dwar id-dritt ta' inkjesta, sabiex il-Parlament jingħata setgħat effettivi li jippermettulu li jeżerċita dan l-istrument parlamentari bażiku ta' kontroll fuq l-eżekuttiv, li hu assolutament indispensabbli fis-sistemi parlamentari mad-dinja kollha;

36.  Jinsab konvint mis-siwi tal-mistoqsijiet parlamentari bħala għodda ta sorveljanza; iqis, għalhekk, li jeħtieġ li ssir valutazzjoni fil-fond tal-kwalità tat-tweġibiet mogħtija mill-Kummissjoni għall-mistoqsijiet tal-Membri kif ukoll tal-kwantità u l-kwalità tal-mistoqsijiet magħmula mill-Membri;

37.  Iqis il-ħin għall-mistoqsijiet bħala element importanti tal-iskrutinju parlamentari fuq l-eżekuttiv; jitlob lill-Konferenza tal-Presidenti biex terġa' ddaħħal il-ħin għall-mistoqsijiet fuq l-aġenda tal-plenarja, b'konformità mal-Artikolu 129 tar-Regoli ta' Proċedura;

38.  Jistieden għal darb' oħra lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-proċeduri amministrattivi tagħha għall-ħatra tas-Segretarju Ġenerali, Diretturi-Ġenerali u Diretturi tagħha, bil-għan li tiżgura għalkollox li jintgħażlu l-aħjar kandidati f'qafas ta' trasparenza massima u opportunitajiet indaqs;

°

°  °

39.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

(1)

ĠU C 252, 18.7.2018, p. 215.

(2)

ĠU C 252, 18.7.2018, p. 201.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2018)0030.

(4)

ĠU C 443, 22.12.2017, p. 39.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (8.1.2019)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali

dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar is-setgħa ta' kontroll politiku tal-Parlament fuq il-Kummissjoni

(2018/2113(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Tomáš Zdechovský

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-Parlament huwa mogħti l-mandat li jiżgura l-kontroll demokratiku tal-Kummissjoni, li huwa politiku fin-natura tiegħu iżda jinkludi aspetti u proċeduri differenti;

B.  billi l-baġit huwa l-aktar għodda importanti tal-Unjoni Ewropea għall-kisba tal-objettivi u l-istrateġiji tagħha, u għalhekk il-kontroll baġitarju huwa tal-akbar importanza;

C.  billi minkejja l-impenn tal-Kummissjoni għall-prestazzjoni, l-ibbaġitjar ibbażat fuq l-attività sfortunatament xorta għadu l-prinċipju fundamentali fl-abbozzar tal-baġit tal-Unjoni;

D.  billi l-evalwazzjoni tar-riżultati u l-awditjar tal-prestazzjoni jiddependu fuq l-objettivi stabbiliti fl-istadju l-aktar bikri fil-livell ta' programmazzjoni;

E.  billi l-evalwazzjoni hija għodda maħsuba biex tidentifika u tifhem liema huma r-riżultati u l-impatt ta' proċess u biex tidentifika alternattivi li jgħinu fit-teħid tad-deċiżjonijiet li jwassal għal titjib ulterjuri ta' dan il-proċess;

1.  Ifakkar li l-iskrutinju tal-korpi tal-UE huwa r-raison d’être tal-Parlament Ewropew u li l-obbligu ta' rendikont tal-Kummissjoni lill-Parlament huwa prinċipju bażiku tal-funzjonament tal-UE u tal-kontroll demokratiku intern;

2.  Ifakkar li l-kwittanza hija proċedura politika annwali li tiggarantixxi kontroll demokratiku ex-post tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea mill-Kummissjoni, taħt ir-responsabbiltà tagħha stess u b'kooperazzjoni mal-Istati Membri;

3.  Jirrimarka li l-proċedura ta' kwittanza wriet li hija għodda b'saħħitha u li kellha impatt fuq l-evoluzzjoni tas-sistema baġitarja tal-UE, fuq il-ġestjoni finanzjarja, fuq it-tfassil tal-aġenda u fuq il-mod li bih il-politiki tal-UE huma definiti u implimentati, u li tikkontribwixxi wkoll għat-tkabbir tal-influwenza politika tal-Parlament;

4.  Jisħaq li l-iskop ewlieni tal-proċedura ta' kwittanza huwa li jivverifika jekk il-fondi tal-Unjoni ġewx immaniġġjati b'mod korrett u jaċċerta, fuq bażi annwali, li d-dħul u l-ispejjeż kollha tal-Unjoni, il-bilanċ li jirriżulta, kif ukoll l-assi u l-obbligazzjonijiet tal-Unjoni, jiddaħħlu fil-karta tal-bilanċ;

5.  Jinnota li d-deċiżjoni tal-Parlament li tagħti, tipposponi jew tirrifjuta l-kwittanza hija primarjament, għalkemm mhux esklussivament, ibbażata fuq l-awditu tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li jeżamina l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti;

6.  Jirrimarka li skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Qorti tal-Awdituri trid teżamina jekk id-dħul kollu kienx riċevut u jekk in-nefqa kollha ġġarrbitx b'mod legali u regolari u jekk il-ġestjoni finanzjarja kinitx tajba; meta tagħmel dan, għandha tirrapporta, b'mod partikolari, fuq il-każijiet kollha ta' irregolarità. L-awditu tad-dħul irid isir sew abbażi tal-ammonti stabbiliti bħala dovuti u sew tal-ammonti li realment tħallsu lill-Unjoni; u li l-awditu jrid jitwettaq abbażi sew tal-impenji meħuda u sew tal-pagamenti li saru;

7.  Ifakkar li fl-għoti tal-kwittanza, il-Parlament għandu jevalwa mhux biss ir-regolarità imma wkoll il-prestazzjoni tal-ġestjoni finanzjarja fl-Unjoni Ewropea;

8.  Jinnota li l-Parlament jibbaża d-deċiżjoni tiegħu wkoll fuq l-evidenza mitluba mill-Kummissjoni rigward l-eżekuzzjoni tan-nefqa jew tal-operat tas-sistemi ta' kontroll finanzjarju;

9.  Jinnota li l-Kummissjoni obbligata tqis l-osservazzjonijiet ifformulati fid-deċiżjonijiet fil-qafas tal-kwittanza u tqis l-osservazzjonijiet tal-Parlament relatati mal-eżekuzzjoni tan-nefqa, u obbligata tirrapporta dwar il-miżuri meħuda fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet u tal-kummenti tagħha;

10.  Ifakkar li l-Parlament jeżamina wkoll ir-rapporti speċjali adottati mill-Qorti tal-Awdituri, li jiffokaw fuq il-ġestjoni tajba ta' setturi jew politiki differenti;

11.  Jirrimarka li peress li dawn ir-rapporti jikkonċernaw l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-ekonomija, tal-effiċjenza u tal-effettività, dawn jagħtu bidu b'mod sistematiku għal dibatittu dwar jekk l-atturi fil-politiki Ewropej għandhomx il-mezzi u l-istrumenti għad-dispożizzjoni tagħhom biex jilħqu l-objettivi definiti mill-korpi politiċi tal-Unjoni.

12.  Jisħaq li l-Artikolu 318 tat-TFUE jżid strument ġdid mas-sett ta' għodod tal-kwittanza baġitarja: l-evalwazzjoni tal-finanzi tal-Unjoni abbażi tar-riżultati miksuba.

13.  Jilqa', b'mod partikolari, il-fatt li minħabba l-iffukar tiegħu fuq il-prestazzjoni finanzjarja, ir-rapport ta' evalwazzjoni previst fl-Artikolu 318 tat-TFUE jikkumplimenta l-approċċ ta' konformità żviluppat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri fir-rapport annwali tagħha, u joffri lill-Parlament Ewropew l-opportunità li jivvaluta l-kisbiet ta' politika;

14.  Jinnota bi tħassib li ebda sanzjoni legali reali ma hija disponibbli jekk il-Parlament jiddeċiedi li ma jagħtix il-kwittanza lill-Kummissjoni; iqis, madankollu, li n-nuqqas ta' għoti tal-kwittanza jagħti sinjal politiku qawwi, peress li jimplika li l-Parlament ma għandux kunfidenza biżżejjed fil-kontabilità tal-Kummissjoni, u għalhekk il-Kummissjoni ma għandhiex tibqa' bla reazzjoni iżda tirreaġixxi permezz ta' azzjoni ta' segwitu definittiva mfassla biex ittejjeb is-sitwazzjoni;

15.  Ifakkar li r-riformi Prodi/Kinnock introduċew il-prinċipji ta' "baġit ibbażat fuq l-attività" u ta' "immaniġġjar ibbażat fuq l-attività"(1), li rrikjedew li l-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni b'delega jiffirmaw rapporti tal-attività kull sena, u kisbu riforma tal-attivitajiet ta' awditu intern kif ukoll tal-kontabilità abbażi tad-dovuti;

16.  Jisħaq li l-objettiv politiku segwit b'dawn ir-riformi kien li tiġi żviluppata ġerarkija ċara, minn objettivi politiċi sa riżorsi dedikati għall-attivitajiet immirati lejn il-kisba tagħhom, kif ukoll indikaturi tal-prestazzjoni biex jiġu vverifikati dawn il-kisbiet;

17.  Jinnota bi tħassib li fil-prattika r-realità hija differenti ħafna:

a)  anki jekk il-Kummissjoni ddefiniet il-baġit skont linji ta' attività, din id-definizzjoni segwiet prinċipalment l-istruttura organizzazzjonali tal-amministrazzjoni u żammet għadd kbir ta' linji baġitarji;

b)  l-objettivi għall-attivitajiet għadhom mhumiex verament parti mid-dibattitu baġitarju iżda huma ppreżentati f'dikjarazzjonijiet ta' attività separati annessi mal-baġit;

c)  l-istruttura l-ġdida tal-baġit mhijiex allinjata bis-sħiħ mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP); kull intestatura tal-QFP fiha diversi attivitajiet filwaqt li ħafna attivitajiet uniċi huma mferrxa f'diversi intestaturi tal-QFP;

18.  Jiddispjaċih mill-fatt li n-negozjati baġitarji fil-Parlament u fil-Kunsill jiffokaw fuq il-marġni taħt l-intestaturi tal-QFP u ħafna drabi ma jikkonċernawx l-objettivi tal-baġit ibbażat fuq l-attività (ABB), l-indikaturi tal-prestazzjoni jew ir-riżultati mkejla;

19.  Jilqa' l-fatt li, fil-proposti tagħha għal QFP ġdid, il-Kummissjoni ġeddet l-impenn tagħha għal baġit ibbażat fuq ir-riżultati u l-prestazzjoni, u tinsisti li l-baġit tal-UE jenħtieġ li jsaħħaħ l-enfasi tiegħu fuq l-istabbiltà, is-sempliċità, l-infiq aktar effettiv, spejjeż operatorji anqas, l-allokazzjoni effiċjenti ta' riżorsi, l-ilħuq ta' prijoritajiet politiċi ewlenin, valur miżjud Ewropew, ir-riżultati, l-impatt, u ż-żieda fl-obbligu ta' rendikont u fit-trasparenza;

20.  Jisħaq li l-baġit tal-UE għandu jkun ibbażat fuq objettivi politiċi fit-tul u fuq viżjoni globali għall-UE; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tintroduċi viżjoni u objettivi fit-tul sabiex tassigura l-effikaċja massima tal-infiq;

21.  Jilqa' l-fatt li l-proposta tal-Kummissjoni li l-programmi l-ġodda tal-QFP jinġabru f' "raggruppamenti ta' politiki", se tkun riflessa fit-titoli tal-baġit annwali; jesprimi t-tama tiegħu li dan se jipprovdi aktar ċarezza dwar kif se jikkontribwixxu għal għanijiet ta' politika;

22.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni, li mill-2021, tallinja l-kunċett ta' oqsma ta' politika mar-raggruppamenti ta' programmi, u li dan l-allinjament se jippermetti rikonċiljazzjoni aktar faċli bejn il-baġit annwali u l-intestaturi tal-QFP;

23.  Ifakkar li f'ħafna okkażjonijiet il-Parlament staqsa lill-Kummissjoni tippreżenta l-baġit tal-Unjoni skont l-objettivi politiċi tal-QFP kif adottat mill-Parlament; huwa tal-fehma li dan għandu jippermetti lill-awtorità baġitarja tifli bir-reqqa u ssegwi t-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-baġit m'mod aktar faċli;

24.  Jistaqsi għalfejn il-Kummissjoni tuża żewġ settijiet ta' objettivi u indikaturi biex tkejjel il-prestazzjoni tal-ġestjoni finanzjarja; fuq naħa waħda, id-Diretturi‑Ġenerali tal-Kummissjoni jevalwaw il-kisba tal-objettivi definiti fil-pjanijiet ta' ġestjoni tagħhom fir-rapporti annwali tal-attività (RAA) tagħhom, u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tkejjel il-prestazzjoni ta' programmi ta' nfiq permezz tad-dikjarazzjonijiet tal-programm tan-nefqa operazzjonali annessa mal-abbozz ta' baġit;

25.  Ifakkar li l-qafas ta' prestazzjoni kurrenti tal-programmi rrapportati fid-dikjarazzjonijiet tal-programmi jinkludi 716-il indikatur ta' tipi differenti li jkejlu l-prestazzjoni fl-isfond ta' 61 objettiv ġenerali u ta' 228 objettiv speċifiku;

26.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li l-għadd ta' programmi ta' nfiq jitnaqqas b'terz u li r-regoli jsiru aktar koerenti; jenfasizza li sabiex effettivament tinkiseb is-semplifikazzjoni għall-benefiċjarji, ir-regoli, ir-rekwiżiti u l-proċeduri kollha mhux meħtieġa għandhom jiġu eliminati, mingħajr ma tiġi ppertikolata, madankollu, il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet sottostanti;

27.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex:

a)  tissimplifika r-rapportar dwar il-prestazzjoni billi:

–  tnaqqas ulterjorment l-għadd ta' objettivi u indikaturi li tuża għad-diversi rapporti tagħha dwar il-prestazzjoni, u tiffoka fuq dawk li jkejlu bl-aħjar mod il-prestazzjoni tal-baġit tal-Unjoni fl-interessi tas-semplifikazzjoni, tat-trasparenza u ta' kontroll aħjar;

–  testendi approċċ kwalitattiv u tinkludi indikaturi ambjentali u soċjali sabiex ikun jista' jitkejjel l-impatt tal-politika tal-UE fuq il-politiki ambjentali u soċjali;

–  tippreżenta informazzjoni finanzjarja b'mod li jagħmilha kumparabbli mal-informazzjoni dwar il-prestazzjoni, sabiex ir-rabta bejn l-infiq u l-prestazzjoni tkun ċara;

b)  tibbilanċja aħjar ir-rapportar dwar il-prestazzjoni billi tippreżenta b'mod ċar l-informazzjoni dwar l-isfidi ewlenin tal-UE li għad iridu jingħelbu;

c)  tipprovdi dikjarazzjoni dwar il-kwalità tad-data tal-prestazzjoni rrapportata;

28.  Ifakkar li skont l-Artikolu 247 tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni trid tikkomunika lill-Parlament, sa mhux aktar tard mill-31 ta' Lulju tas-sena finanzjarja ta' wara, sett integrat ta' rapporti finanzjarji u l-obbligu ta' rendikont inklużi, b'mod partikolari, il-kontijiet konsolidati finali, ir-rapport annwali ta' ġestjoni u ta' prestazzjoni kif ukoll l-evalwazzjoni fuq il-finanzi tal-Unjoni bbażata fuq ir-riżultati miksuba kif imsemmi fl-Artikolu 318 tat-TFUE;

29.  Jirrimarka li meta tadotta r-rapport annwali ta' ġestjoni u ta' prestazzjoni li jakkumpanja l-kontijiet konsolidati finali, il-Kummissjoni tassumi responsabbiltà politika għall-ġestjoni finanzjarja tas-servizzi tagħha;

30.  Jinsisti li r-rapport annwali ta' ġestjoni u ta' prestazzjoni ma għandux jinkludi biss stima tal-livell ta' żball fin-nefqa tal-Unjoni, informazzjoni dwar l-azzjoni preventiva u korrettiva li tkopri l-baġit, u informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija kontra l-frodi tal-Kummissjoni, iżda għandu jinkludi wkoll dikjarazzjoni annwali dwar il-governanza u l-kontroll intern li jkopri b'mod partikolari:

a)  deskrizzjoni tal-għodod ta' governanza interni tal-Kummissjoni;

b)  valutazzjoni tal-attivitajiet li jikkostitwixxu riskju operattiv u strateġiku tul is-sena u dikjarazzjoni dwar is-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju u fuq terminu twil;

c)  valutazzjoni tal-miżuri preventivi u korrettivi kollha meħuda kontra finanzjament li jisfa vittma ta' korruzzjoni jew kunflitti ta' interess;

31.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex titħaffef it-tħejjija tal-kontijiet tal-Unjoni, sabiex tassigura li tinkiseb informazzjoni affidabbli u b'mod aktar f'waqtu mill-Istati Membri dwar l-infiq taħt ġestjoni kondiviża, u tippreżenta l-fehma tal-amministrazzjoni dwar l-infiq tal-Unjoni qabel u flimkien mal-kontijiet, bil-għan li tiġi adottata deċiżjoni dwar il-kwittanza fis-sena n+1, filwaqt li jiġu assigurati d-data ta' kwalità għolja u l-ġestjoni finanzjarja tajba;

32.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, għal darb'oħra, tipproponi miżuri biex l-arranġamenti ta' finanzjament tal-Unjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni - li attwalment jinkludu għodda differenti u kombinamenti ta' għodod, bħal pereżempju, il-programmi, il-fondi strutturali u ta' investiment, il-fondi fiduċjarji, il-fondi għall-investimenti strateġiċi, il-fondi ta' garanzija, il-faċilitajiet, l-istrumenti finanzjarji, l-istrumenti ta' assistenza makrofinanzjarja, eċċ. - tagħmilhom aktar ċari, aktar sempliċi, aktar koerenti u mgħammra aħjar biex jiżguraw biżżejjed trasparenza, obbligu ta' rendikont, prestazzjoni u fehim pubbliku dwar kif jiġu ffinanzjati l-politiki tal-Unjoni u l-benefiċċji li jġibu magħhom;

33.  Ifakkar li 80 % tal-finanzjament mill-UE huwa ġestit b'mod konġunt mal-Istati Membri u li l-Parlament għalhekk irid iwettaq ukoll skrutinju tal-awtoritajiet nazzjonali; jiddispjaċih li l-awtoritajiet nazzjonali, madankollu, joqogħdu lura milli jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet jew mal-investigazzjonijiet tal-awtorità tal-kwittanza;

34.  Ifakkar li r-rabtiet politiċi mill-qrib bejn il-Parlament u l-Kummissjoni dan l-aħħar issaħħew mill-hekk imsejħa "Spitzenkandidaten"; jilqa' dan it-tentattiv li jiġi indirizzat id-defiċit demokratiku tal-UE, biex tissaħħaħ il-leġittimità tagħha u tikber il-fiduċja fost iċ-ċittadini tal-UE; ifakkar, madankollu, ir-riskju inerenti relatat mal-finanzjament tal-partiti u jistieden lill-Kummissjoni tindirizza n-nuqqasijiet tal-mudell ta' finanzjament kurrenti tal-partiti politiċi, sabiex tiġi evitata l-frodi u jiġi assigurat li l-finanzjament tal-kampanji elettorali jkun totalment trasparenti.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

7.1.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

8

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dennis de Jong, Ingeborg Gräßle, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Bart Staes

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

John Howarth, Jude Kirton-Darling

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

8

+

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Ingeborg Gräßle, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra

S&D

John Howarth, Karin Kadenbach, Jude Kirton-Darling, Georgi Pirinski

VERTS/ALE

Bart Staes

0

-

 

 

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

Min-natura tiegħu l-"baġit ibbażat fuq l-attività" huwa metodu ta' bbaġitjar ibbażat fuq l-attivitajiet u li juża d-data tal-kawżi tal-ispejjeż fil-proċessi tal-istabbiliment tal-baġit u tal-feedback tal-varjanza. F'dan il-kuntest, l-attivitajiet huma essenzjali peress li jikkawżaw l-ispejjeż. Jekk nistgħu nikkontrollaw il-kawżi (il-fatturi) tal-ispejjeż, l-ispejjeż għandhom ikunu jistgħu jiġu ġestiti u mifhuma aħjar.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

22.1.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

0

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Mercedes Bresso, Pascal Durand, Esteban González Pons, Danuta Maria Hübner, Ramón Jáuregui Atondo, Alain Lamassoure, Jo Leinen, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Markus Pieper, Paulo Rangel, Helmut Scholz, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Barbara Spinelli, Josep-Maria Terricabras, Kazimierz Michał Ujazdowski

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pervenche Berès, Ashley Fox, Sylvia-Yvonne Kaufmann

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Michael Gahler, Jarosław Wałęsa


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

18

+

ALDE

Maite Pagazaurtundúa Ruiz

NI

Kazimierz Michał Ujazdowski

PPE

Michael Gahler, Esteban González Pons, Danuta Maria Hübner, Alain Lamassoure, Markus Pieper, Paulo Rangel, György Schöpflin, Jarosław Wałęsa

S&D

Pervenche Berès, Mercedes Bresso, Ramón Jáuregui Atondo, Sylvia Yvonne Kaufmann, Jo Leinen, Pedro Silva Pereira

VERTS/ALE

Pascal Durand, Josep Maria Terricabras

0

-

4

0

ECR

Ashley Fox

ENF

Gerolf Annemans

GUE/NGL

Helmut Scholz, Barbara Spinelli

It-tifsira tas-simboli:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2019Avviż legali