RAPPORT li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Singapore

29.1.2019 - (07971/2018 – C8‑0446/2018 – 2018/0093M(NLE))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: David Martin


Proċedura : 2018/0093M(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0048/2019
Testi mressqa :
A8-0048/2019
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Singapore

(07971/2018 – C8‑0446/2018 – 2018/0093M(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (07971/2018),

–  wara li kkunsidra t-test propost għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles (FTA) bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Singapore (Singapore), li fil-biċċa l-kbira tiegħu jirrifletti l-ftehim mibdi fl-20 ta' Settembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u r-Repubblika ta' Singapore, min-naħa l-oħra (COM(2018)0194),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 91, 100(2), 207(4), 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a)(v), u 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0446/2018),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-UE u Singapore li se jiġi ffirmat fid-19 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni 2/15 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta' Mejju 2017, skont l-Artikolu 218(11) tat-TFUE, mitluba mill-Kummissjoni fl-10 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment[1],

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2016 li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni dwar in-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA)[2],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titlu "Kummerċ għal Kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'',

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Diċembru 2009 li jiġu segwiti negozjati bilaterali tal-FTA ma' stati membri individwali tal-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja (ASEAN), l-ewwel wieħed minnhom ikun Singapore,

–  wara li kkunsidra d-direttivi ta' negozjati tat-23 ta' April 2007 għal FTA interreġjonali mal-istati membri tal-ASEAN,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), u b'mod partikolari t-Titolu V tiegħu dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra t-TFUE, b'mod partikolari l-Artikoli 91, 100, 168 u 207 flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu ta' ...[3] dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0048/2019),

A.  billi l-UE u Singapore jikkondividu valuri importanti, fosthom id-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, id-diversità kulturali u lingwistika u impenn qawwi għal kummerċi miftuħ u bbażat fuq ir-regoli u għal sistema kummerċjali multilaterali;

B.  billi dan huwa l-ewwel ftehim kummerċjali bilaterali konkluż bejn l-UE u stat membru tal-ASEAN u pass importanti lejn l-objettiv finali li huwa FTA interreġjonali; billi l-ftehim se jservi wkoll bħala punt ta' riferiment għall-ftehimiet li l-UE qed tinnegozja bħalissa ma' ekonomiji ewlenin oħra tal-ASEAN;

C.  billi fi ħdan ir-reġjun tal-ASEAN, Singapore huwa bil-bosta l-akbar sieħeb tal-UE, u jirrappreżenta ftit anqas minn terz tal-kummerċ f'oġġetti u f'servizzi bejn l-UE u l-ASEAN, u bejn wieħed u ieħor żewġ terzi tal-investiment bejn iż-żewġ reġjuni;

D.  billi l-kummerċ bejn l-UE u Singapore jammonta għal aktar minn EUR 50 biljun fis-sena;

E.  billi 90 % tat-tkabbir ekonomiku dinji tal-ġejjieni huwa mbassar li se jiġi ġġenerat barra mill-Ewropa u b'mod partikolari fl-Asja;

F.  billi Singapore huwa parti mill-Ftehim Komprensiv u Progressiv tas-Sħubija Trans-Paċifika (CPTPP) u man-negozjati li għaddejjin dwar is-Sħubija Ekonomika Komprensiva Reġjonali (RCEP);

G.  billi Singapore għandu ekonomija bi dħul għoli b'introjtu nazzjonali gross ta' USD 52 600 per capita mill-2017; billi t-tkabbir ekonomiku tiegħu kien fost l-ogħla fid-dinja, b'medja annwali ta' 7,7 % mill-indipendenza 'l hawn;

H.  billi Singapore jikklassifika fost l-aktar pajjiżi faċli fid-dinja biex jinnegozjaw, huwa wieħed mill-ekonomiji l-aktar kompetittivi fid-dinja u huwa wieħed mill-anqas korrotti fid-dinja kollha;

I.  billi l-manifattura, b'mod partikolari l-elettronika u l-mekkanika preċiża, u s-settur tas-servizzi jibqgħu ż-żewġ pilastri tal-ekonomija ta' valur miżjud għoli ta' Singapore;

J.  billi Singapore huwa attur globali fis-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni;

K.  billi aktar minn 10 000 kumpanija Ewropea għandhom l-uffiċċji reġjonali tagħhom f'Singapore u joperaw f'ambjent ta' sikurezza u ċertezza tad-dritt; billi madwar 50 000 kumpanija Ewropea jesportaw lejn Singapore, li minnhom 83 % huma intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs);

L.  billi l-EUSFTA x'aktarx se jkollu effett pożittiv ħafna fuq il-flussi tal-kummerċ u tal-investiment bejn l-UE u Singapore; billi studju tal-2018 imħejji għall-Parlament Ewropew ikkalkula li, matul l-ewwel ħames snin, il-volum tan-negozju bejn l-UE u Singapore se jikber b'10 %;

M.  billi ekonomiji ewlenin oħra bħall-Ġappun, l-Istati Uniti u ċ-Ċina diġà għandhom fis-seħħ FTAs ma' Singapore, biex b'hekk l-Unjoni Ewropea titpoġġa fi żvantaġġ kompetittiv;

N.  billi l-valutazzjoni tal-impatt għall-kummerċ u s-sostenibbiltà dwar l-FTA bejn l-UE u l-ASEAN tal-2009 ikkonkludiet li dan l-FTA bilaterali se jkun ta' benefiċċju reċiproku f'termini ta' introjtu nazzjonali, il-PDG u l-impjiegi; billi ma saret l-ebda valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibbiltà u l-kummerċ speċifikament għar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u Singapore u għal perjodu aktar reċenti;

O.  billi l-valutazzjoni tal-impatt ekonomiku tal-FTA bejn l-UE u Singapore mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea fl-2013 iddikjarat li l-PDG ta' Singapore jista' jiżdied b'0,94 %, jew EUR 2,7 biljun, u l-PDG tal-UE b'EUR 550 miljun;

1.  Jilqa' l-iffirmar tal-FTA fi Brussell fid-19 ta' Ottubru 2018;

2.  Jenfasizza li n-negozjati oriġinarjament ġew konklużi fl-2012 u kienu bbażati fuq id-direttivi ta' negozjati tal-Kunsill għal FTA bejn l-UE u l-ASEAN adottat f'April 2007; jiddispjaċih dwar id-dewmien fit-tressiq tal-ftehim għal ratifika li kien dovut, fost fatturi oħra, għat-talba tal-Kummissjoni għal opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sabiex tiġi pprovduta ċarezza dwar jekk il-kwistjonijiet koperti mill-ftehim jaqgħux taħt il-kompetenza esklużiva tal-UE jew taħt il-kompetenza kondiviża; jilqa' b'sodisfazzjon iċ-ċarezza ġuridika li ġiet ipprovduta mill-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja u jqis li dan saħħaħ ir-rwol leġittimu demokratiku tal-Parlament Ewropew u pprovda ċarezza dwar il-kompetenzi tal-UE fil-qasam tal-politika kummerċjali; jilqa' l-impenn kontinwu ta' Singapore minkejja dan id-dewmien u jitlob id-dħul fis-seħħ rapidu tal-ftehim ladarba jiġi ratifikat mill-Parlament;

3.  Iqis li huwa vitali li l-UE tibqa' fuq quddiem nett ta' sistema kummerċjali miftuħa u bbażata fuq ir-regoli, u jilqa' l-fatt li 10 snin mill-bidu tan-negozjati, l-FTA bejn l-UE u Singapore issa huwa element importanti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jilħqu b'mod attiv sħab globali oħra fit-twettiq kontinwu ta' aġenda ambizzjuża u globali dwar il-kummerċ ġust u miftuħ, filwaqt li jittieħdu tagħlimiet mill-FTA ma' Singapore u jibbażaw fuqu;

4.  Jisħaq fuq l-importanza ekonomika u strateġika ta' dan il-ftehim, peress li Singapore huwa ċentru ewlieni għar-reġjun kollu tal-ASEAN; iqis li dan il-ftehim huwa pass importanti u se jistabbilixxi preċedent għal ftehimiet kummerċjali u ta' investiment ma' Stati Membri oħra tal-ASEAN, u li dan huwa pass 'il quddiem għal ftehim kummerċjali futur interreġjonali; jenfasizza wkoll li dan il-ftehim se jevita li l-esportaturi tal-UE jkunu fi żvantaġġ kompetittiv fir-rigward ta' negozji mill-pajjiżi l-oħra CPTPP u RCEP; jilqa' l-fatt li l-konklużjoni ta' dan il-ftehim, bħala parti mill-aġenda globali tal-UE dwar il-kummerċ ġust u miftuħ, mhux biss twassal għal benefiċċji kbar għall-konsumaturi, iżda wkoll għall-impjegati;

5.  Jinnota li Singapore diġà kien neħħa ħafna mit-tariffi tiegħu fuq prodotti tal-UE u li meta dan il-ftehim jidħol fis-seħħ se jelimina kompletament dawk il-ftit li baqa';

6.  Jilqa' l-fatt li Singapore se jneħħi ċerti miżuri li jistgħu jikkostitwixxu f'ostakoli għall-kummerċ bħal testijiet doppji ta' sikurezza fuq il-karozzi, il-parts tal-karozzi u l-elettronika, b'hekk l-esportazzjoni ta' beni minn negozji tal-UE lejn Singapore se tiġi ssimplifikata;

7.  Jissottolinja li l-ftehim se jipprovdi aċċess aħjar lill-kumpaniji tal-UE għas-suq tas-servizzi ta' Singapore bħal fis-servizzi finanzjarji, tat-telekomunikazzjonijiet, tal-inġinerija, arkitettoniċi, tat-trasport marittimu u tal-posta, u li tali liberalizzazzjoni ssegwi approċċ ta' "lista pożittiva";

8.  Ifakkar, fir-rigward tal-liberalizzazzjoni tas-servizzi finanzjarji, li l-ftehim jinkludi klawsola ta' konċessjoni prudenzjali li tippermetti lill-Partijiet jadottaw jew iżommu miżuri għal raġunijiet prudenzjali, u b'mod partikolari li jipproteġu lid-depożitanti u lill-investituri, u li jiżguraw l-integrità u l-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji tal-Partijiet;

9.  Jilqa' l-fatt li, fil-21 ta' Ġunju 2017, Singapore ffirma l-Ftehim Multilaterali tal-Awtorità Kompetenti Multilaterali (MCAA) għall-implimentazzjoni tal-istandard globali għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni għal finijiet ta' taxxa, u n-notifika tiegħu lill-OECD fit-30 ta' Ġunju 2017 dwar l-intenzjoni tiegħu li jattiva skambji awtomatiċi skont dak il-ftehim mal-Istati Membri kollha tal-UE peress li ma kien hemm l-ebda ftehim bilaterali fis-seħħ dwar l-istess għan; jinnota li Singapore mhuwiex fuq "il-lista s-sewda" u lanqas fuq "il-lista ta' sorveljanza" tal-lista tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx, għalkemm ġie ikkritikat minn xi NGOs talli offra inċentivi fiskali lill-kumpaniji;

10.  Jenfasizza l-aċċess imtejjeb skont dan il-ftehim għas-suq tal-akkwist pubbliku ta' Singapore meta mqabbel mal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi (GPA); jenfasizza li l-kriterji soċjali u ambjentali għandhom jitqiesu wkoll fl-għoti ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku; jenfasizza li, kemm fl-UE kif ukoll f'Singapore, l-akkwist pubbliku jrid ikompli jaqdi l-aħjar interessi taċ-ċittadini;

11.  Jilqa' l-fatt li Singapore qabel li jistabbilixxi sistema ta' reġistrazzjoni tal-indikaturi ġeografiċi li se tipproteġi madwar 190 indikazzjoni ġeografika tal-UE, bil-possibbiltà li jiżdiedu aktar fi stadju aktar tard; ifakkar li fl-2016, l-UE esportat EUR 2,2 biljun fi prodotti agroalimentari lejn Singapore, u jinnota li Singapore huwa l-ħames l-akbar suq fl-Asja għal esportazzjonijiet tal-ikel u x-xorb tal-UE, b'hekk joffri opportunitajiet sinifikanti għall-bdiewa u l-produtturi agroalimentari tal-UE; jilqa', għalhekk, l-impenn ta' Singapore f'dan il-ftehim li jżomm żero dazji fuq il-prodotti agroalimentari, u t-twaqqif ta' sistema għaċ-ċertifikazzjoni ta' stabbilimenti tal-UE li jipproduċu l-laħam u li jfittxu li jesportaw lejn Singapore; jiddispjaċih, madankollu, li l-ftehim ma joffrix protezzjoni awtomatika għall-196 indikatur ġeografiku tal-UE inklużi fl-Anness għall-Kapitolu dwar id-Drittijiet ta' Proprjetà Intellettwali, peress li l-indikaturi ġeografiċi kollha – irrispettivament mill-oriġini – jeħtieġ li jiġu eżaminati u ppubblikati (u eventwalment jgħaddu minn perjodu ta' oppożizzjoni), skont il-proċedura ta' reġistrazzjoni f'Singapore, sabiex jiġu protetti; jenfasizza li l-leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni dwar l-indikaturi ġeografiċi, li tistabbilixxi r-reġistru tal-indikaturi ġeografiċi ta' Singapore u l-proċedura ta' reġistrazzjoni tal-indikaturi ġeografiċi, se tidħol fis-seħħ wara r-ratifika tal-ftehim mill-Parlament; jistieden lill-awtoritajiet ta' Singapore jibdew jaħdmu immedjatament fuq il-proċedura ta' reġistrazzjoni u jistabbilixxu malajr ir-reġistru u jdaħħluh fis-seħħ mar-ratifika tal-ftehim mill-Parlament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli taħdem b'mod intensiv mal-awtoritajiet ta' Singapore sabiex jiġi żgurat li l-ogħla numru ta' indikaturi ġeografiċi tal-UE jiġi protett f'konformità mat-termini ta' protezzjoni stabbiliti fl-FTA, mingħajr ebda eċċezzjoni jew limitazzjoni (inklużi annessi jew noti f'qiegħ il-paġna);

12.  Jenfasizza li l-ftehim jirrikonoxxi d-dritt tal-Istati Membri fil-livelli kollha biex jiddefinixxu u jipprovdu servizzi pubbliċi, u dan ma jżommx lill-gvernijiet milli jġibu kwalunkwe servizz privatizzat lura fis-settur pubbliku;

13.  Jissottolinja li l-ftehim jissalvagwardja d-dritt tal-UE li żżomm u tapplika l-istandards proprji tagħha għall-prodotti u s-servizzi kollha mibjugħa fl-UE u għaldaqstant l-importazzjonijiet kollha minn Singapore jridu jirrispettaw l-istandards tal-UE; jenfasizza li l-istandards tal-UE m'għandhom qatt jitqiesu bħala ostakli għall-kummerċ u jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni ta' dawn l-istandards fuq livell globali; jenfasizza li xejn fil-ftehim ma jipprevjeni l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

14.  Jenfasizza l-importanza ta' politika kummerċjali bbażata fuq il-valuri u responsabbli u l-ħtieġa li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli; jilqa' il-fatt, għalhekk, li ż-żewġ Partijiet impenjaw ruħhom fil-kapitolu dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD) biex jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni ambjentali u tax-xogħol u li b'hekk dan jista' jitqies bħala ftehim kummerċjali progressiv; jinnota li l-ftehim jinkludi wkoll kapitolu dwar l-ostakli mhux tariffarji fil-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli; jirrimarka li l-ftehim bejn l-UE u Singapore jista' jkun strument għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u biex jaċċellera u jintensifika l-azzjoni u l-investiment meħtieġa għal futur sostenibbli b'livell baxx ta' karbonju; jistieden lill-UE u lil Singapore jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jimplimentaw l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

15.  Ifakkar li l-Partijiet impenjaw ruħhom li jagħmlu sforzi sostnuti biex jirratifikaw u jimplimentaw b'mod effikaċi l-konvenzjonijiet fundamentali tal-ILO; jieħu nota tal-informazzjoni pprovduta sa issa mill-Gvern ta' Singapore fir-rigward tal-konformità tiegħu ma' tliet konvenzjonijiet tal-ILO fundamentali pendenti, jiġifieri dawk dwar il-Libertà ta' Assoċjazzjoni u l-Protezzjoni tad-Dritt għall-Organizzazzjoni, dwar id-Diskriminazzjoni u x-Xogħol Furzat, u jappella lil Singapore jkompli jinvolvi ruħu mal-ILO bil-ħsieb li jsir progress lejn allinjament sħiħ mal-kontenut tagħhom u fl-aħħar mill-aħħar biex iwettaq ir-ratifika tagħhom f'perjodu raġonevoli;

16.  Jilqa' l-impenn biex jiġu implimentati b'mod effettiv il-ftehimiet ambjentali multilaterali bħall-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima u l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u s-sajd;

17.  Jenfasizza li l-kooperazzjoni regolatorja hija volontarja u bl-ebda mod ma għandha tillimita d-dritt ta' regolamentazzjoni;

18.  Iħeġġeġ lill-Partijiet jagħmlu użu sħiħ mid-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tal-benessri tal-annimali u, mill-aktar fis possibbli u wara d-dħul fis-seħħ tal-FTA, jistabbilixxu grupp ta' ħidma konġunt biex jintlaħaq qbil dwar pjan ta' azzjoni li jindirizza s-setturi rilevanti bħall-benessri tal-ħut fl-akkwakultura;

19.  Jenfasizza li l-involviment tas-soċjetà ċivili u tas-sħab soċjali fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehim huwa kruċjali u jappella għall-istabbiliment rapidu ta' gruppi konsultattivi domestiċi wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim u għal rappreżentanza bbilanċjata tas-soċjetà ċivili fihom; jistieden lill-Kummissjoni talloka biżżejjed fondi li jiffunzjonaw b'mod effikaċi u tipprovdi appoġġ biex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni kostruttiva tas-soċjetà ċivili;

20.  Jinnota li l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) bejn l-UE u Singapore jipprevedi l-possibbiltà li l-UE tissospendi l-FTA f'każ ta' ksur tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem minn Singapore;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża tajjeb il-klawsola ta' rieżami ġenerali tal-ftehim mill-aktar fis possibbli sabiex tissaħħaħ l-eżegwibilità tad-dispożizzjonijiet dwar ix-xogħol u dawk ambjentali, inkluż permezz ta' analiżi tal-metodi differenti ta' infurzar ta' mekkaniżmu bbażat fuq sanzjonijiet bħala l-aħħar rimedju;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-SEAE, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika ta' Singapore.

  • [1]  ĠU C 101, 16.3.2018, p. 30.
  • [2]  ĠU C 35, 31.1.2018, p. 21.
  • [3]  Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(0000)0000.

PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Singapore

Referenzi

2018/0093M(NLE)

Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni

6.9.2018

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

13.9.2018

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

David Martin

16.5.2018

 

 

 

Eżami fil-kumitat

10.7.2018

5.11.2018

3.12.2018

 

Data tal-adozzjoni

24.1.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

10

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, David Campbell Bannerman, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Eleonora Forenza, Karoline Graswander-Hainz, Christophe Hansen, Heidi Hautala, Yannick Jadot, France Jamet, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Kārlis Šadurskis, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, William (The Earl of) Dartmouth, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Syed Kamall, Frédérique Ries, Fernando Ruas, Paul Rübig, Pedro Silva Pereira, Ramon Tremosa i Balcells, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

José Blanco López, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Jozo Radoš, Jasenko Selimovic, Mihai Ţurcanu, Anna Záborská

Data tat-tressiq

29.1.2019

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

25

+

ALDE

Jozo Radoš, Frédérique Ries, Jasenko Selimovic, Ramon Tremosa i Balcells

ECR

David Campbell Bannerman, Syed Kamall, Joachim Starbatty, Jan Zahradil

EFDD

William (The Earl of) Dartmouth

PPE

Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Christophe Hansen, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Sorin Moisă, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Fernando Ruas, Paul Rübig, Kārlis Šadurskis, Adam Szejnfeld, Mihai Ţurcanu, Jarosław Wałęsa, Anna Záborská

S&D

Bernd Lange, David Martin, Pedro Silva Pereira

10

-

ENF

France Jamet

GUE/NGL

Eleonora Forenza, Emmanuel Maurel, Anne-Marie Mineur, Helmut Scholz

S&D

Maria Arena, José Blanco López, Karoline Graswander-Hainz, Joachim Schuster

VERTS/ALE

Yannick Jadot

2

0

S&D

Jude Kirton-Darling

VERTS/ALE

Heidi Hautala

It-tifsira tas-simboli:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 7 ta' Frar 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza