Proċedura : 2018/2109(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0059/2019

Testi mressqa :

A8-0059/2019

Dibattiti :

PV 14/02/2019 - 7
CRE 14/02/2019 - 7

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.19

Testi adottati :

P8_TA(2019)0133

RAPPORT     
PDF 207kWORD 62k
4.2.2019
PE 629.492v02-00 A8-0059/2019

dwar it-tisħiħ tal-kompetittività tas-suq intern permezz tal-iżvilupp tal-unjoni doganali tal-UE u l-governanza tagħha

(2018/2109(INI))

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

Rapporteur: Virginie Rozière

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-tisħiħ tal-kompetittività tas-suq intern permezz tal-iżvilupp tal-unjoni doganali tal-UE u l-governanza tagħha

(2018/2109(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU)(1), u l-att delegat tiegħu (ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/2446 tat-28 ta' Lulju 2015)(2), l-att ta' implimentazzjoni tiegħu (ir-Regolament ta' Implementazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2015/2447 tat-2 ta' Novembru 2015)(3), l-att delegat tranżizzjonali tiegħu (ir-Regolament Delegat (UE) Nru 2016/341 tas-17 ta' Diċembru 2015)(4), u l-programm ta' ħidma tiegħu (id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2016/578 tal-11 ta' April 2016)(5),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 biex jittawwal il-perjodu taż-żmien tal-użu tranżizzjonali ta' mezzi oħrajn minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (COM(2018)0085),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titolu "Żvilupp tal-Unjoni Doganali tal-UE u l-Governanza tagħha" (COM(2016)0813),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu "L-ewwel Rapport Biennali dwar il-Progress fl-Iżvilupp tal-Unjoni Doganali tal-UE u l-Governanza tagħha" (COM(2018)0524),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew bit-titolu "It-Tieni Rapport ta' Progress dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-ġestjoni tar-riskju doganali" (COM(2018)0549),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-IT għad-dwana (COM(2018)0178),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-qafas ġuridiku tal-Unjoni għal ksur doganali u sanzjonijiet (COM(2013)0884),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ(6),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Jannar 2017 dwar l-indirizzar tal-isfidi tal-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni(7),

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u dwar l-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu adottati atti delegati f'konformità mal-Artikolu 284 tiegħu (COM(2018)0039),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 19/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Proċeduri ta' importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 26/2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Sensiela ta' dewmien fis-sistemi tal-IT tad-dwana: x'mar ħażin?",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill 11760/2017 dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra l-frodi tad-dazji tas-sisa,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Europol u tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea dwar il-falsifikazzjoni u l-piraterija fl-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0059/2019),

A.  billi l-unjoni doganali, li tiċċelebra l-50 sena tagħha din is-sena, hija waħda mill-pedamenti tal-Unjoni Ewropea u waħda mill-akbar blokok kummerċjali fid-dinja, u billi unjoni doganali operazzjonali għalkollox hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-suq uniku u għal kummerċ bla xkiel fl-UE, u hija parti essenzjali mill-politika kummerċjali komuni ma' pajjiżi terzi għall-benefiċċju kemm tal-impriżi u taċ-ċittadini tal-Unjoni, kif ukoll għall-kredibilità tal-Unjoni Ewropea, li l-Unjoni Doganali tqiegħed f'pożizzjoni b'saħħitha fin-negozjati dwar ftehimiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi;

B.  billi l-awtoritajiet doganali jeħtieġ li jsibu l-bilanċ meħtieġ bejn il-faċilitazzjoni tal-kummerċ leġittimu, il-kontrolli doganali mfassla biex jipproteġu s-sigurtà tal-Unjoni u taċ-ċittadini tagħha, il-fiduċja tal-konsumaturi fil-merkanzija li tidħol fis-suq uniku, u l-interessi finanzjarji u kummerċjali tal-Unjoni, u huma responsabbli għall-implimentazzjoni ta' aktar minn 60 att legali, minbarra l-qafas legali doganali, għall-ġlieda kontra l-kummerċ illegali u l-kuntrabandu, u għall-għoti tal-istatus ta' operatur ekonomiku awtorizzat;

C.  billi l-istandardizzazzjoni tal-informazzjoni u tal-proċessi doganali għandha rwol ewlieni fl-omoġenizzazzjoni tal-kontrolli, speċjalment fir-rigward ta' fenomeni bħall-klassifikazzjoni żbaljata u s-sottovalutazzjoni tal-importazzjonijiet u r-rapportar ħażin tal-oriġini tal-merkanzija, li huma ta' detriment għall-operaturi ekonomiċi kollha, iżda b'mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji;

D.  billi l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ammontaw għal EUR 3 700 biljun fl-2017 u billi d-dazji doganali miġbura jirrappreżentaw 15 % tal-baġit tal-Unjoni;

E.  billi l-implimentazzjoni tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU) hija essenzjali biex jitħarsu r-riżorsi proprji tal-Unjoni, b'mod partikolari d-dazji doganali, u l-interessi fiskali nazzjonali, iżda anke biex titħares is-sigurtà tal-konsumaturi u tal-kompetizzjoni ġusta Ewropej u fis-suq intern;

F.  billi l-KDU jistipula li s-sistemi elettroniċi meħtieġa għall-applikazzjoni tiegħu jridu jiġu varati sal-31 ta' Diċembru 2020; billi d-diġitizzazzjoni tal-proċeduri doganali ilha li bdiet mill-2003 u ġiet implimentata fl-2008 bl-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 tat-23 ta' April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat)(8) u tad-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (id-Deċiżjoni dwar id-dwana elettronika);

G.  billi l-ħidma għad-diġitalizzazzjoni tad-dwana għadha mhijiex lesta, filwaqt li aktar minn 98 % tad-dikjarazzjonijiet doganali llum il-ġurnata huma elettroniċi u l-oqsma li ġejjin tad-dwana issa qed jiġu ttrattati permezz ta' sistemi elettroniċi: it-tranżitu (NCTS), il-kontroll tal-esportazzjoni (ECS), id-data ta' sikurezza (ICS), il-ġestjoni tar-riskji (CRMS), in-Numru tar-Reġistrazzjoni u tal-Identifikazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi (EORI), l-awtorizzazzjonijiet (CDS), l-Operaturi Ekonomiċi Awtorizzati (AEO), l-Informazzjoni Vinkolanti dwar it-Tariffi (EBTI), il-kwota u t-tariffi (QUOTA), is-sospensjonijiet tariffarji awtonomi, in-nomenklatura magħquda (TARIC), is-sorveljanza tal-importazzjonijiet u tal-esportazzjonijiet (SURV2) u s-Sistema tal-Esportaturi Rreġistrati għaċ-ċertifikati ta' oriġini (REX);

H.  billi l-għan tal-programm doganali propost fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE tal-2021-2027 huwa li jappoġġa l-attivitajiet u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri;

I.  billi l-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE joħloq sfida għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Doganali;

J.  billi se jkun hemm dewmien fl-implimentazzjoni tas-sistemi elettroniċi ewlenin meħtieġa għall-implimentazzjoni sħiħa tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u se tiġi posposta għal wara l-31 ta' Diċembru 2020;

K.  billi l-għodda tal-Prestazzjoni tal-Unjoni Doganali topera billi tivvaluta l-funzjonament tal-Unjoni Doganali, abbażi ta' Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni, f'firxa ta' oqsma bħall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji, filwaqt li tiżgura s-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE u tivvaluta l-importanza tad-dwana biex tikkontribwixxi għat-tkabbir u l-kompetittività tal-UE;

L.  billi l-governanza tal-programm Dwana 2020 u b'hekk tal-ħidma tal-IT doganali hija kondiviża bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-rappreżentanti ta' interessi kummerċjali f'għadd kbir ta' strutturi tat-teħid tad-deċiżjonijiet li l-multiplikazzjoni tagħhom għandha impatt negattiv fit-tul fuq l-effikaċja tal-programm u l-ġestjoni tal-proġetti tal-IT;

M.  billi wara t-tmiem tal-programm attwali Dwana 2020 u wara valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji tad-diversi għażliet possibbli, se jkun jeħtieġ li l-governanza tal-programmi tad-dwana tiġi riveduta;

1.  Jenfasizza l-ħidma li ssir kuljum mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u mis-servizzi tal-Kummissjoni, li jippruvaw jipproteġu s-suq intern kontra l-kompetizzjoni inġusta f'forma ta' prodotti foloz u prodotti li huma l-oġġett ta' dumping, jiffaċilitaw il-kummerċ u jnaqqsu l-formalitajiet amministrattivi, jiġbru dħul għall-baġits nazzjonali u għall-baġit tal-Unjoni, u jipproteġu lill-popolazzjoni mit-theddid tat-terroriżmu, it-theddid relatat mas-saħħa, it-theddid ambjentali u theddid ieħor;

2.  Ifakkar li l-Unjoni Doganali hija waħda mill-ewwel kisbiet tal-UE u tista' titqies bħala waħda mill-istejjer ta' suċċess ewlenin tagħha peress li din ippermettiet lil impriża stabbilita fl-Unjoni tbigħ l-merkanzija tagħha u tinvesti fl-Unjoni kollha, iżda ppermettiet ukoll lill-UE tneħħi l-fruntieri interni u tikkompeti mal-bqija tad-dinja; jissottolinja li s-suq uniku tal-UE ma jkunx possibbli mingħajr l-ambjent ħieles mit-tariffi pprovdut mill-Unjoni Doganali u r-rwol li din tal-aħħar għandha biex tissorvelja l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet;

3.  Jenfasizza li Unjoni Doganali kompletament funzjonali hija essenzjali sabiex jiġu ggarantiti l-kredibbiltà u s-saħħa tal-UE u l-pożizzjoni ta' negozjar tagħha għall-konklużjoni ta' ftehimiet kummerċjali ġodda; jenfasizza li Unjoni Doganali effiċjenti tal-UE tgħin biex jiġi ffaċilitat il-kummerċ legali u biex jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi għall-kummerċjanti leġittimi, kunsiderazzjoni li hija importanti għall-iżvilupp ta' negozji kompetittivi; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati kontrolli effettivi - fost l-oħrajn billi titrawwem il-kooperazzjoni mal-awtoritajiet doganali ta' pajjiżi terzi - u li jiġi evitat kull xkiel bla bżonn għall-kummerċ legali;

4.  Jenfasizza li l-ħolqien ta' proċessi doganali bla xkiel madwar l-Unjoni abbażi tar-riforma tal-infrastruttura tal-IT huwa essenzjali; iqis li d-diġitalizzazzjoni għandha l-potenzjal li tagħmel l-iskambju ta' informazzjoni u l-ħlas ta' dazji aktar trasparenti u aċċessibbli, b'mod partikolari għall-SMEs u għall-operaturi ekonomiċi ta' pajjiżi terzi, u li toffri opportunitajiet biex jiġu ssimplifikati r-regoli u l-proċeduri doganali;

5.  Jinnota li d-diverġenzi attwali fil-livell u fil-kwalità tal-kontrolli, tal-proċeduri doganali u tal-politiki ta' sanzjonijiet, fil-punti ta' dħul tal-UE fl-unjoni doganali, spiss jirriżultaw fi tfixkil tal-flussi kummerċjali, filwaqt li jikkontribwixxu għall-problema ta' "għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni" u jpoġġu f'riskju l-integrità tas-suq uniku; jitlob bil-qawwa, f'dak il-kuntest, sabiex il-Kummissjoni u l-Istati Membri jindirizzaw din il-kwistjoni;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha biex toħloq punt ta' waqfa waħda (one-stop-shop) tad-dwana integrat tal-UE li jgħin lin-negozji jissottomettu l-informazzjoni u d-dokumenti kollha meħtieġa f'post wieħed, u b'hekk ikunu jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti regolatorji kollha għall-importazzjoni, l-esportazzjoni u t-tranżitu ta' merkanzija;

7.  Ifakkar li r-Renju Unit se jsir pajjiż terz wara li joħroġ mill-UE, u b'hekk se jbiddel il-fruntieri esterni tal-UE u jenfasizza li l-proċess tal-Brexit ma għandux iħalli impatt negattiv fuq l-iżvilupp u l-governanza tad-Dwana tal-UE;

Id-diġitizzazzjoni tal-proċeduri doganali

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw approċċ aktar effiċjenti, kosteffiċjenti u razzjonalizzat għall-ġestjoni tas-sistemi tal-IT għall-awtoritajiet doganali; jitlob, b'mod partikolari, stima aktar preċiża u realistika taż-żmien u r-riżorsi li se jkunu meħtieġa, u tal-kamp ta' applikazzjoni tal-proġetti individwali tal-IT li se jgħinu biex jiġu diġitizzati l-proċeduri doganali;

9.  Jiddeplora l-fatt li l-implimentazzjoni tas-sistemi tal-IT ġodda għall-Unjoni Doganali batiet minn serje ta' dewmien, li wassal biex il-Kummissjoni titlob lill-Parlament u lill-Kunsill għal estensjoni tal-perjodu tranżizzjonali wara l-iskadenza tal-2020 li ġiet stabbilita fil-KDU; jiddispjaċih ukoll li l-Kummissjoni pprovdiet biss informazzjoni inkompleta biex tiġġustifika din l-estensjoni ġdida, b'mod partikolari fir-rigward ta' dak li jaqa' taħt ir-responsabbiltà tagħha u dik tal-Istati Membri, li b'riżultat tagħha l-Parlament Ewropew ma jistax jeżerċita l-kontroll baġitarju u politiku tiegħu b'mod xieraq;

10.  Jenfasizza li, filwaqt li 75 % tal-komponenti Ewropej tas-sistemi tal-IT meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-KDU għandhom ikunu lesti sa Diċembru 2020, dan ma jfissirx li 75 % tas-sistemi tal-IT se jkunu lesti sa dak iż-żmien, peress li 25 % ta' dawk is-sistemi huma magħmula minn komponenti nazzjonali, li għalihom l-Istati Membri huma responsabbli u li għalihom ġie identifikat dewmien;

11.  Iqis li l-Kummissjoni u l-Kunsill jeħtiġilhom jiżguraw bl-ogħla prijorità li l-kodiċi doganali flimkien mad-diġitalizzazzjoni tal-proċeduri doganali jiġi implimentat fl-iskadenza l-ġdida; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, biex jagħmlu l-almu tagħhom biex jevitaw aktar posponimenti; iqis li, f'dan ir-rigward, l-istabbiliment tal-arkitettura tal-IT jirrikjedi l-iżvilupp u l-varar ta' 17-il għodda tal-IT b'implikazzjonijiet kbar f'dak li jirrigwarda r-riżorsi finanzjarji u umani; għaldaqstant, iqis li huwa imperattiv li ma jkunx hemm sforzi doppji fir-rigward tar-riżorsi fit-twettiq tal-proġetti tal-IT tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni taġġorna l-iskeda taż-żmien tal-programm ta' ħidma tagħha tal-KDU abbażi tal-estensjoni tal-perjodu tranżizzjonali li pproponiet(9) għall-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill; jistieden lill-Parlament u lill-Kunsill jaħdmu favur adozzjoni malajr ta' dik l-estensjoni filwaqt li din tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet meħtieġa għall-varar b'suċċess tal-arkitettura tal-IT doganali mingħajr ħsara għal testijiet komprensivi tas-sigurtà, sabiex kwalunkwe kwistjoni possibbli ma tipperikolax il-kontrolli tal-merkanzija mwettqa mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri; jenfasizza, kif għamlet il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li l-istess kawżi jipproduċu l-istess effetti, u li l-proċess ta' aġġornament tal-pjan strateġiku pluriennali 2017, bil-konċentrazzjoni tal-implimentazzjoni ta' sitt sistemi tal-IT fl-istess sena, jirrappreżenta sfida kbira u joħloq riskju kbir li lanqas l-iskadenzi stabbiliti mill-ġdid ma jiġu ssodisfati, b'mod li l-iskadenza tal-implimentazzjoni tal-KDU tista' tiġi estiża ulterjorment għal wara l-2025;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-pjan strateġiku pluriennali tagħha billi toħloq sekwenzjar tal-proġetti matul il-perjodu tranżitorju kollu sabiex kemm jista' jkun tevita l-konċentrazzjoni ta' skjeramenti fit-tmiem tal-perjodu, u billi tistabbilixxi stadji importanti vinkolanti, inkluż għall-Istati Membri;

14.  Jitlob lill-Kummissjoni ma timmodifikax l-ispeċifikazzjonijiet statutorji u tekniċi li issa ġew adottati għas-17-il għodda tal-IT, peress li l-portata tal-proġetti li jridu jitwettqu u ż-żmien meħtieġ biex jiġu varati mhumiex kompatibbli la mal-fatt li t-teknoloġiji involuti qed jevolvu kontinwament u lanqas mal-bidliet leġiżlattivi u regolatorji inevitabbli li se jseħħu matul dan il-perjodu;

15.  Ifakkar li skont il-Qorti tal-Awdituri, il-Kummissjoni kienet konxja tad-dewmien iżda għażlet li ma tinkludix din l-informazzjoni fir-rapportar uffiċjali tagħha, li waqqaf lill-partijiet ikkonċernati (bħall-Parlament Ewropew, istituzzjonijiet oħra tal-UE mhux rappreżentati fl-istruttura ta' governanza ta' Dwana 2020, kif ukoll kumpaniji u ċittadini interessati) milli jiġu infurmati bis-sħiħ dwar ir-riskju ta' dewmien f'ħin reali; jistieden, ghalhekk, lill-Kummissjoni tirrapporta b'mod regolari u trasparenti dwar it-twettiq tal-pjan ta' ħidma strateġiku pluriennali u dwar l-istabbiliment tas-sistemi elettroniċi doganali sabiex ma tirrepetix l-iżbalji tal-programmazzjoni preċedenti u tinforma dwar kwalunkwe dewmien futur possibbli filwaqt li ma tagħmilx dan għal għarrieda jew mingħajr azzjonijiet korrettivi xierqa;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa b'mod kontinwu l-programm Dwana 2020 u tirrispondi għan-nuqqasijiet identifikati, b'mod partikolari n-nuqqas ta' użu tat-timijiet ta' esperti stabbiliti skont dan il-programm u tagħmilha possibbli li tiżdied il-kooperazzjoni bejn is-servizzi doganali;

17.  Jissottolinja li l-monitoraġġ, l-analiżi u l-valutazzjoni kontinwi tal-politika fir-rigward ta' impatti possibbli huma partijiet essenzjali mill-governanza tal-Unjoni Doganali; jieħu nota u jilqa' l-ħidma tal-Kummissjoni biex tiżviluppa għodda għall-prestazzjoni tal-Unjoni Doganali li eventwalment se tippermettilha tiġi vvalutata sistematikament abbażi tal-objettivi strateġiċi tagħha f'termini ta' effiċjenza, effikaċja u uniformità; jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw il-ħidma sabiex din l-għodda tiġi żviluppata ulterjorment;

18.  Jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li din l-għodda għandha tivvaluta wkoll il-prestazzjoni tal-kontrolli doganali f'termini tal-potenzjal tad-diġitizzazzjoni u tal-flussi tad-data sabiex toħloq kontrolli bbażati fuq ir-riskju saħansitra aktar effettivi filwaqt li tottimizza l-piż fuq l-awtoritajiet doganali;

Governanza, rapporti u finanzjament tal-programm Dwana

19.  Jieħu nota tal-azzjonijiet li jieħdu l-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw implimentazzjoni uniformi u koerenti tal-kodiċi doganali, b'mod partikolari fir-rigward tat-taħriġ, u permezz tal-adozzjoni ta' linji gwida; madankollu, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom u r-riżorsi implimentati biex jiżguraw applikazzjoni sħiħa tal-kodiċi doganali adottat fl-2013 u ta' proċeduri doganali uniformi fl-Unjoni Ewropea kollha; f'dan ir-rigward, jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni li jista' b'mod utli jkun ibbażat fuq rieżami bejn il-pari tal-prattiki doganali, fuq l-iskambju tal-aħjar prattiki, fuq kooperazzjoni akbar bejn is-servizzi doganali u fuq programm ta' taħriġ b'riżorsi suffiċjenti;

20.  Ifakkar li l-Kummissjoni qed taħdem fuq ambjent ta' Tieqa Unika Doganali tal-UE li jippermetti lil operatur ekonomiku jressaq id-data meħtieġa għal firxa wiesgħa ta' finijiet regolatorji (pereżempju veterinarji, sanitarji, ambjentali, eċċ.) f'format standardizzat lil għadd ta' riċevituri u permezz ta' punti ta' aċċess armonizzati; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu din il-ħidma importanti;

21.  Jieħu nota tal-isforz finanzjarju appoġġat mill-baġit tal-UE, li jżid l-allokazzjoni tal-programm Dwana li jmiss, għall-2021-2027, għal EUR 842 844 000 bi prezzijiet tal-2018; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu wkoll ir-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa għall-varar tal-komponenti nazzjonali, elementi essenzjali li minnhom tiddependi l-introduzzjoni tas-sistema elettronika doganali Ewropea, u jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta fi żmien debitu rapport dwar il-varar tal-komponenti tal-Unjoni u tal-komponenti extra-UE żviluppati mill-Istati Membri;

22.  Jenfasizza li llum il-ġurnata d-dwana trid taffaċċja żieda fenomenali fil-volum tal-oġġetti li qed jinxtraw online barra mill-UE f'termini ta' kontrolli u ġbir tad-dazji applikabbli, b'mod partikolari minħabba l-fatt li l-volum tal-oġġetti b'valur baxx importati fl-UE qed jiżdied kull sena b'10-15 %; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jindirizzaw aħjar din l-isfida;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, fit-tmiem u fit-tmiem biss tal-implimentazzjoni tas-17-il sistema tal-IT relatati mal-KDU tal-programm Dwana 2020, struttura ta' governanza aktar effettiva għat-twettiq tal-proġetti tal-IT doganali u l-aġġornamenti tagħhom; jenfasizza l-importanza, fid-dawl tal-isfidi ekonomiċi, fiskali u tas-sigurtà rrappreżentati mis-sistemi tal-IT doganali, li s-soluzzjoni adottata tippreserva bis-sħiħ is-sovranità Ewropea;

24.  Jenfasizza li l-programm "Dwana 2021-2027", billi jappoġġa l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, jgħin mhux biss biex iżid id-dħul tal-baġit tal-UE, iżda wkoll biex jiggarantixxi sigurtà tal-prodotti, protezzjoni tal-konsumaturi Ewropej u kundizzjonijiet ekwi għan-negozji tal-UE;

Il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea

25.  Jenfasizza li l-inċertezza dwar il-ħruġ tar-Renju Unit mill-UE hija sfida ewlenija għan-negozji Ewropej; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu informazzjoni komprensiva lill-partijiet ikkonċernati dwar ir-riperkussjonijiet tal-ħruġ tar-Renju Unit fil-qasam tad-dwana u ta' ċerti tipi ta' taxxi indiretti (VAT u dazji tas-sisa);

26.  Jenfasizza li, wara l-ħruġ tar-Renju Unit, ma jridx ikun hemm lakuni fis-sistema doganali – inkluż fil-fruntieri esterni tal-UE – li jwittu t-triq għal kummerċ illeċitu jew evażjoni tad-djun taħt il-liġi pubblika stipulati fid-dritt tal-Unjoni;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi dan ir-rapport lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

(2)

ĠU L 343, 29.12.2015, p. 1.

(3)

ĠU L 343, 29.12.2015, p. 558.

(4)

ĠU L 69, 15.3.2016, p. 1.

(5)

ĠU L 99, 15.4.2016, p. 6.

(6)

ĠU L 23, 26.1.2008, p. 21.

(7)

Testi adottati, P8_TA(2017)0011.

(8)

ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.

(9)

Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 952/2013 biex jittawwal il-perjodu taż-żmien tal-użu tranżizzjonali ta' mezzi oħrajn minbarra t-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data previsti fil-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (COM(2018)0085).


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (28.1.2019)

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

dwar it-tisħiħ tal-kompetittività tas-suq intern permezz tal-iżvilupp tal-unjoni doganali tal-UE u l-governanza tagħha

(2018/2109(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Nicola Danti

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' bis-sħiħ ir-ratifika tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ mill-UE, li huwa l-ewwel ftehim multilaterali minn mindu ġiet stabbilita d-WTO fl-1995, u jfakkar fl-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tiegħu mill-firmatarji kollha tad-WTO sabiex jiġu ssimplifikati u mmodernizzati l-proċessi tal-esportazzjoni u l-importazzjoni u jissaħħu l-flussi kummerċjali madwar id-dinja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taqsam l-aħjar prattiki tagħha fil-Kumitat tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO sabiex tippromwovi l-implimentazzjoni koordinata ta' proċeduri moderni u trasparenti mas-sħab kummerċjali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tkompli taħdem mill-qrib mal-OECD u l-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO) fit-tnaqqis tal-lakuni eżistenti fis-sistemi ta' kontroll doganali;

2.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-globalizzazzjoni qed tgħaqqad dejjem aktar lill-operaturi ekonomiċi madwar pajjiżi differenti u ssaħħaħ il-kumplessità tal-katini ta' valur; jisħaq li unjoni doganali kompletament funzjonali hija essenzjali sabiex tiggarantixxi l-kredibbiltà u s-saħħa tal-UE meta tinnegozja ftehimiet kummerċjali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li unjoni doganali effiċjenti għandha tiffaċilita l-kummerċ u tnaqqas il-piżijiet amministrattivi għal negozjanti leġittimi, b'mod partikolari l-SMEs, filwaqt li tiżgura kontrolli effettivi, biex tiggarantixxi li l-prodotti li jidħlu fis-suq uniku jkunu kompletament konformi mar-regoli u jissodisfaw l-istandards tal-UE, inter alia billi trawwem il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri u l-pajjiżi terzi; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb u ssaħħaħ il-koordinazzjoni interna dwar kwistjonijiet doganali;

3.  Jisħaq li huwa kruċjali li jinħolqu proċessi doganali mingħajr xkiel madwar l-Unjoni permezz tar-riforma tal-infrastruttura tal-IT tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (KDU), inkluż l-allinjament mal-Mudell tad-Data tad-WCO; jappella li l-partijiet kollha jimplimentaw b'mod rapidu s-sistemi l-ġodda tal-IT, sa mhux aktar tard mill-iskadenza l-ġdida estiża tal-2025 u, b'dak l-għan, li tiġi żgurata d-disponibbiltà tar-riżorsi; iqis li d-diġitalizzazzjoni għandha l-potenzjal li tagħmel l-iskambju ta' informazzjoni u l-ħlas ta' dazji aktar trasparenti u aċċessibbli, b'mod partikolari għall-operaturi f'pajjiżi terzi; jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni tal-operazzjonijiet doganali tista' tkun ukoll għodda b'saħħitha biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni fil-fruntieri;

4.  Jiġbed l-attenzjoni għar-rilevanza tal-unjoni doganali bħala waħda mill-aktar sorsi importanti tal-kapaċità finanzjarja tal-Unjoni; jinnota li l-livelli diverġenti attwali ta' kontrolli u l-kwalità tagħhom, u l-politiki ta' sanzjonijiet f'punti ta' dħul fl-unjoni doganali spiss jirriżultaw f'distorsjoni fil-flussi kummerċjali internazzjonali, filwaqt li jsostnu l-problema ta' għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni u jpoġġu f'riskju l-integrità tas-suq uniku; iħeġġeġ bil-qawwa, f'dan il-kuntest u fid-dawl tal-Artikolu 23 tal-Ftehim ta' Faċilitazzjoni tal-Kummerċ, it-trasferiment tar-responsabbiltajiet mill-awtoritajiet doganali nazzjonali għal-livell tal-UE;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw il-KDU bis-sħiħ, b'mod ikkoordinat, uniformi u effettiv li jiżgura li l-prodotti kollha li jidħlu fl-UE jiġu ttrattati u pproċessati bl-istess mod, fatt li, pereżempju, isaħħaħ is-sikurezza tal-konsumatur; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi miri u tiżviluppa indikaturi tal-prestazzjoni għall-awtoritajiet doganali u jenfasizza l-ħtieġa għal aktar armonizzazzjoni tat-taħriġ għall-aġenti doganali;

6.  Iqis li fi ħdan il-politika tas-Sħubija tal-Lvant (SL), il-pajjiżi assoċjati mal-UE li għamlu progress sostanzjali fl-implimentazzjoni tar-riformi relatati mal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni/Ftehim ta' Kummerċ Ħieles Profond u Komprensiv jistgħu eventwalment jingħaqdu mal-unjoni doganali u dan jiffaċilita l-kummerċ bejn il-pajjiżi assoċjati mas-SL u l-UE, inaqqas l-ispejjeż amministrattivi u jrawwem it-tkabbir ekonomiku;

7.  Jemmen li hemm bżonn ta' koordinament aħjar bejn l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF), l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq sabiex mhux biss jiġġieldu kontra l-kontrafazzjoni u l-kompetizzjoni inġusta, iżda jrażżnu wkoll il-kummerċ fil-prodotti illegali li jiksru l-liġijiet dwar il-proprjetà intellettwali fl-UE;

8.  Ifakkar fil-fatt li r-Renju Unit se jsir pajjiż terz wara l-ħruġ mill-UE, u b'hekk ibiddel il-fruntieri esterni tal-UE; ifakkar ukoll li r-Renju Unit se jkompli jipparteċipa fl-unjoni doganali matul il-perjodu ta' tranżizzjoni; jisħaq li l-proċess tal-Brexit ma għandux ikollu impatt negattiv fuq il-governanza tal-unjoni doganali jew fuq ir-riżorsi allokati għall-iżvilupp tal-infrastruttura tal-IT.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

24.1.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

29

5

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, David Campbell Bannerman, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Eleonora Forenza, Karoline Graswander-Hainz, Christophe Hansen, Heidi Hautala, Yannick Jadot, France Jamet, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, William (The Earl of) Dartmouth, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Syed Kamall, Frédérique Ries, Fernando Ruas, Paul Rübig, Pedro Silva Pereira, Ramon Tremosa i Balcells, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

José Blanco López, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Jozo Radoš, Kārlis Šadurskis, Jasenko Selimovic, Mihai Ţurcanu, Anna Záborská

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

29

+

ALDE

Jozo Radoš, Frédérique Ries, Jasenko Selimovic, Ramon Tremosa i Balcells

ECR

Jan Zahradil

EFDD

William (The Earl of) Dartmouth

PPE

Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Christophe Hansen, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Sorin Moisă, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Fernando Ruas, Paul Rübig, Kārlis Šadurskis, Adam Szejnfeld, Mihai Ţurcanu, Jarosław Wałęsa, Anna Záborská

S&D

Maria Arena, José Blanco López, Karoline Graswander-Hainz, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Joachim Schuster, Pedro Silva Pereira

VERTS/ALE

Heidi Hautala, Yannick Jadot

5

-

ECR

David Campbell Bannerman, Syed Kamall, Joachim Starbatty

ENF

France Jamet

GUE/NGL

Anne-Marie Mineur

3

0

GUE/NGL

Eleonora Forenza, Emmanuel Maurel, Helmut Scholz

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

29.1.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Carlos Coelho, Sergio Gaetano Cofferati, Anna Maria Corazza Bildt, Nicola Danti, Pascal Durand, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Liisa Jaakonsaari, Philippe Juvin, Nosheena Mobarik, Jiří Pospíšil, Marcus Pretzell, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Jasenko Selimovic, Igor Šoltes, Ivan Štefanec, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nadja Hirsch, Arndt Kohn, Adam Szejnfeld, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij

Sostituti skont l-Artikolu 200(2) preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

28

+

ALDE

Nadja Hirsch, Matthijs van Miltenburg, Jasenko Selimovic

ECR

Nosheena Mobarik, Anneleen Van Bossuyt

EFDD

Marco Zullo

ENF

Marcus Pretzell

PPE

Pascal Arimont, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Philippe Juvin, Lambert van Nistelrooij, Jiří Pospíšil, Andreas Schwab, Ivan Štefanec, Adam Szejnfeld, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein

S&D

Sergio Gaetano Cofferati, Nicola Danti, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Liisa Jaakonsaari, Arndt Kohn, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Olga Sehnalová

ĦODOR/AĦE

Pascal Durand, Igor Šoltes

1

-

ENF

John Stuart Agnew

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Frar 2019Avviż legali