Proċedura : 2018/0813(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0065/2019

Testi mressqa :

A8-0065/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/02/2019 - 10.5

Testi adottati :

P8_TA(2019)0119

RAPPORT     *
PDF 177kWORD 54k
6.2.2019
PE 632.944v03-00 A8-0065/2019

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni mill-Eurojust tal-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn Eurojust u l-Georgia

(13483/2018 – C8-0484/2018 – 2018/0813(CNS))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

Rapporteur: Sylvia-Yvonne Kaufmann

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI LEGALI
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni mill-Eurojust tal-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn Eurojust u l-Georgia

(13483/2018 – C8-0484/2018 – 2018/0813(CNS))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (13483/2018),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-Dispożizzjonijiet Transitorji, li b'mod konformi magħhom il-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0484/2018),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi l-Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 26a(2) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 78c tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0065/2019),

1.  Japprova l-abbozz tal-Kunsill;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1.


NOTA SPJEGATTIVA

Il-Ftehim ta' Kooperazzjoni Eurojust-Georgia jsegwi l-mudell ta' ftehimiet simili konklużi mill-Eurojust fil-passat (pereżempju, Eurojust-FYROM, Eurojust-Stati Uniti, Eurojust-Norveġja, Eurojust-Żvizzera, u l-iktar reċenti, Eurojust-Albanija). L-għan ta' tali ftehimiet hu li tittrawwem il-kooperazzjoni fir-rigward tal-ġlieda kontra l-kriminalità serja, speċjalment il-kriminalità organizzata u t-terroriżmu. Huma jipprevedu, fost oħrajn, uffiċjali ta' kollegament, punti ta' kuntatt u skambju ta' informazzjoni. Ftehimiet ta' kooperazzjoni bħal dawn huma bbażati fuq l-Artikolu 26a(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja.

Il-gruppi ta' kriminalità organizzata li joriġinaw fil-Georgia qed joperaw fi Stati Membri tal-UE (ara, pereżempju, azzjoni konġunta reċenti Georgjana/Griega/Franċiża fl-2018) u l-Georgia għadha kemm ħarġet minn kunflitt, u għandha stokk kbir ta' armi li għadhom fil-pajjiż, bil-potenzjal li jiġu traffikati (ara, pereżempju, il-Georgia 2018 Crime and Safety Report tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti). Il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat, fir-Rapport taħt il-Mekkaniżmu ta' Sospensjoni tal-Eżenzjoni tal-Viża (COM(2017)815), li l-gruppi tal-kriminalità organizzata (GKO) "mill-Georgia għadhom rapportati bħala wieħed mill-aktar ċittadinanzi mhux tal-UE involuti fil-kriminalità serja u organizzata fl-UE. Il-GKO Georgjani huma mobbli ħafna u involuti prinċipalment fil-kriminalità organizzata kontra l-proprjetà (b'mod partikolari serq organizzat) u huma attivi speċjalment fi Franza, il-Greċja, il-Ġermanja, l-Italja u Spanja. Dawn il-GKO huma theddida partikolari għall-UE għax l-attivitajiet tagħhom spiss jiġu kkunsidrati bħala kriminalità ta' intensità baxxa, il-kontroll tagħhom tas-swieq kriminali qed jiżdied gradwalment u huma jikkooperaw ma' GKO oħrajn mhux fl-UE. Il-Georgia tibqa' pajjiż ta' tranżitu għal diversi komoditajiet illeċiti traffikati fl-UE, b'mod partikolari drogi. Il-Georgia ntużat dejjem aktar biex taħsel dħul illeċitu ġġenerat minn diversi GKO fl-UE u barra minnha u qed temerġi bħala pajjiż ta' tranżitu għall-ħasil ta' dħul kriminali." Għaldaqstant, ftehim ta' dan it-tip jista' jrawwem kooperazzjoni akbar fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u huwa fl-interess tal-Georgia u tal-Istati Membri tal-UE, peress li l-kriminalità organizzata hija problema transnazzjonali. Ftehim bħal dan huwa milqugħ tajjeb anke fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, fid-dawl ta' ftehim diġà eżistenti Europol-Georgia tal-2017 li jittratta l-kooperazzjoni tal-pulizija.

Tali kooperazzjoni se tgħin ukoll lill-awtoritajiet Georgjani biex jiżguraw it-twettiq kontinwu tal-obbligi tagħhom, u l-impenn serju tagħhom, lejn il-prevenzjoni tal-kriminalità organizzata u l-ġlieda kontriha (bħall-Istrateġija Nazzjonali l-ġdida 2017-2020 għall-Ġlieda Kontra l-Kriminalità Organizzata, ir-riformi tal-pulizija mill-2015 'il quddiem, sforzi għat-tisħiħ tal-ġudikatura msejsa fuq rapporti tal-Kunsill tal-Ewropa, il-ftehim tal-2017 mal-Europol, eċċ.). Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li, fir-rigward tal-parametri referenzjarji tal-liberalizzazzjoni tal-viża, il-Ġeorġja għandha toperazzjonalizza l-"Ftehim ta' Kooperazzjoni konkluż mal-Europol bħala kwistjoni ta' prijorità u tikkonkludi l-ftehim ta' kooperazzjoni mal-Eurojust".

B'konformità mad-Deċiżjoni attwali tal-Eurojust, tali ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn il-Eurojust u pajjiżi terzi li fihom dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta' data personali jistgħu jiġu konklużi biss jekk l-entità kkonċernata hija soġġetta għall-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa tat-28 ta' Jannar 1981 jew wara valutazzjoni li tikkonferma l-eżistenza ta' livell adegwat ta' protezzjoni tad-data żgurata minn dik l-entità. F'dak ir-rigward, irid jiġi enfasizzat li l-Georgia fl-2005 rratifikat il-Konvenzjoni msemmija, kif ukoll il-Protokoll Addizzjonali tagħha fl-2014. Fid-19 ta' April 2018, il-Korp Konġunt ta' Sorveljanza tal-Eurojust ta opinjoni pożittiva dwar id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim fir-rigward tal-protezzjoni tad-data. Madankollu, il-Korp iddikjara li "l-Artikolu 17 (Is-Sigurtà tad-Data) tal-abbozz ta' ftehim ma jipprevedix il-komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali bejn il-partijiet. Għalhekk, il-Korp Konġunt ta' Sorveljanza jirrakkomanda lill-Eurojust li tikkunsidra dan l-element fil-qafas tal-laqgħat ta' konsultazzjoni regolari mal-kontropartijiet tal-Georgia kif previst fl-Artikolu 20 tal-abbozz ta' ftehim, speċjalment meta jitqiesu d-dispożizzjonijiet rilevanti fid-Direttiva tal-Pulizija. Barra minn hekk, il-Korp Konġunt ta' Sorveljanza jistieden lill-Eurojust tinkludi dispożizzjoni bħal din fi ftehimiet ta' kooperazzjoni ġejjiena ma' partijiet u stati terzi". Ir-rapporteur tappoġġa dikjarazzjoni bħal din. Ir-Regolament il-ġdid (UE) 2018/1727 dwar il-Eurojust li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI jipprevedi wkoll il-possibbiltà ta' ftehimiet ma' pajjiżi terzi fejn dawn il-ftehimiet ikunu bażi possibbli għat-trasferiment ta' data personali, dment li l-prinċipji ġenerali għat-trasferimenti ta' data personali operazzjonali lejn pajjiżi terzi jiġu rispettati (ara, f'dak ir-rigward, l-Artikolu 56 tar-Regolament).

Konsegwentement, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha inklużi, ir-rapporteur tapprova l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill fir-rigward tal-abbozz ta' Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-Ġeorġja.


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI LEGALI

Is-Sur Claude Moraes

Il-President

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

BRUSSELL

Suġġett:  Opinjoni fil-forma ta' ittra dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni mill-Eurojust tal-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-Georgia (2018/0813(CNS))

Sur President,

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, li jiena qed nippresjedi, ġie mitlub jippreżenta opinjoni lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fir-rigward tad-deċiżjoni dwar l-abbozz ta' Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-Georgia (2018/0813(CNS)). Is-Sa Joëlle Bergeron inħatret rapporteur għal opinjoni. Għal raġunijiet relatati mal-iskadenzi għall-adozzjoni tar-rapport fil-kumitat tiegħek, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali ddeċieda li jibgħat l-opinjoni tiegħu fil-forma ta' ittra.

Din id-deċiżjoni tapprova l-Ftehim ta' Kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-Georgia (il-"Ftehim") biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata serja u l-korruzzjoni. Il-Ftehim jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-iskambju ta' data personali. Ġie approvat mill-Kulleġġ tal-Eurojust fl-20 ta' Settembru 2018.

B'mod konformi mal-Artikolu 26a(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi l-Eurojust, kif emendata l-aħħar bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/426/ĠAI tas-16 ta' Diċembru 2008, hija r-responsabbiltà tal-Kunsill li japprova il-ftehimiet konklużi mill-Eurojust ma' pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26a iridu jiġu ssodisfati. Il-Parlament għandu jiġi kkonsultat dwar din l-approvazzjoni.

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jemmen li l-kooperazzjoni operattiva tal-Eurojust mal-Georgia hija meħtieġa biex tiġi miġġielda l-kriminalità transnazzjonali u tissaħħaħ il-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-Ewropa. Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jappoġġa l-Ftehim u, wara skambju ta' fehmiet bejn il-koordinaturi permezz ta' proċedura bil-miktub u wara l-adozzjoni tal-opinjoni fil-laqgħa tat-23 ta' Jannar 2019(1), għalhekk jipproponi l-approvazzjoni tad-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill mingħajr emenda. Il-Kumitat jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jipproponi l-approvazzjoni tal-abbozz ta' Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni mill-Eurojust tal-ftehim dwar il-kooperazzjoni bejn il-Eurojust u l-Georgia.

Nittama li dan se jagħti kontribut utli għar-rapport abbozzat mill-Kumitat tiegħek.

Dejjem tiegħek,

Pavel Svoboda

(1)

Dawn li ġejjin kienu preżenti għall-votazzjoni finali: Pavel Svoboda (President), Lidia Joanna Geringer de Oedenberg (Viċi President), Jean-Marie Cavada (Viċi President), Mady Delvaux (Viċi President), Max Andersson, Marie-Christine Boutonnet, Pascal Durand, Rosa Estaràs Ferragut, Enrico Gasbarra, Sajjad Karim, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Angelika Niebler, Julia Reda, Evelyn Regner, Virginie Rozière, József Szájer, Axel Voss, Tiemo Wölken, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka, Kosma Złotowski, Luis de Grandes Pascual, Lola Sánchez Caldentey (għal Kostas Chrysogonos skont l-Artikolu 200(2)).


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Abbozz ta’ Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn Eurojust u l-Georgia

Referenzi

13483/2018 – C8-0484/2018 – 2018/0813(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

15.11.2018

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

LIBE

28.11.2018

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

28.11.2018

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Sylvia-Yvonne Kaufmann

7.1.2019

 

 

 

Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni

10.12.2018

Eżami fil-kumitat

24.1.2019

4.2.2019

 

 

Data tal-adozzjoni

4.2.2019

 

 

 

Data tat-tressiq

6.2.2019

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Frar 2019Avviż legali