Proċedura : 2018/2160(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0077/2019

Testi mressqa :

A8-0077/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 23
CRE 26/03/2019 - 23

Votazzjonijiet :

PV 27/03/2019 - 18.19
CRE 27/03/2019 - 18.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0318

RAPPORT     
PDF 264kWORD 88k
11.2.2019
PE 631.795v03-00 A8-0077/2019

dwar il-perjodu wara r-Rebbiegħa Għarbija: it-triq' il quddiem għar-reġjun MENA

(2018/2160(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Brando Benifei

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-perjodu wara r-Rebbiegħa Għarbija: it-triq' il quddiem għar-reġjun MENA

(2018/2160(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titolu "Shared Vision, Common Action: A Stronger Europe – A Global Strategy for the European Union’s Foreign and Security Policy" (Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea) ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/HR) fit-28 ta' Ġunju 2016(1), u r-rapporti ta' implimentazzjoni tal-2017 u l-2018,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 232/2014(2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi Strument Ewropew tal-Viċinat (ENI),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 235/2014(3) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament għad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja,

–  wara kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ġunju 2018 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (COM(2018)0460),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-18 ta' Novembru 2015 bit-titolu "Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat" (JOIN(2015)(0050), r-rapport konġunt tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-Implimentazzjoni tar-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (JOIN(2017)0018),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet konġunti tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-8 ta' Marzu 2011 bit-titolu "Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Komuni fin-Nofsinhar tal-Mediterran" (COM(2011)0200), u tal-25 ta' Mejju 2011 bit-titolu "Risposti ġodda għal Viċinat fi trasformazzjoni" (COM(2011)0303),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2017 bit-titlu "Elementi għal Strateġija tal-UE għas-Sirja" (JOIN(2017)0011) u l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja tat-3 ta' April 2017, li flimkien jikkostitwixxu l-istrateġija l-ġdida tal-UE rigward is-Sirja,

–  wara li kkunsidra l-prijoritajiet tas-sħubija konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u firxa ta' pajjiżi fil-Lvant Nofsani, inkluż l-Eġittu, il-Lebanon u l-Ġordan,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tas-Summit tan-NATO tal-2018,

–  wara li kkunsidra d-Djalogu Mediterranju tan-NATO u l-immaniġġar ta' kriżijiet u l-isforzi kooperattivi għas-sigurtà li għaddejjin bħalissa fir-reġjun,

–  wara li kkunsidra l-Approċċ Globali tal-UE għall-Migrazzjoni u l-Mobbiltà (GAMM),

–  wara li kkunsidra s-settijiet ta' linji gwida tematiċi tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż dwar id-djalogi dwar id-drittijiet tal-bniedem ma' pajjiżi terzi u dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni u tal-Viċi President tal-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tal-25 ta' Jannar 2017 bit-titolu "Il-migrazzjoni fuq ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali – Niġġestixxu l-flussi, insalvaw il-ħajjiet" (JOIN(2017)0004),

–  wara li kkunsidra l-Patt Globali għall-Migrazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija 2015-2019, adottat mill-Kunsill fl-20 ta' Lulju 2015, u r-rieżami ta' nofs it-terminu tiegħu ta' Ġunju 2017,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tal-21 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Gender Equality and Women's Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations 2016-2020" (L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: Nittrasformaw Ħajjet il-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020) (SWD(2015)0182),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran (PA UfM) bit-titolu "Participation of women in the leadership positions and decision making: Challenges and prospects" (Il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-karigi ta' tmexxija u fit-teħid ta' deċiżjonijiet: Sfidi u prospetti), adottata fil-13-il Sessjoni Plenarja tagħha li saret f'Mejju 2017 f'Ruma,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing ta' Settembru 1995 u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (il-Konferenza tal-Kajr) ta' Settembru 1994 u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-isfidi fir-rigward tas-sigurtà fil-Lvant Nofsani u fl-Afrika ta' Fuq u l-prospettivi ta' stabbiltà politika(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Settembru 2016 dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mat-Tuneżija fil-kuntest reġjonali attwali(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' April 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-istrumenti ta' finanzjament estern tal-UE: analiżi ta' nofs it-terminu fl-2017 u arkitettura futura wara l-2020(7),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tat-30 ta' Mejju 2018 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Libja(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Novembru 2018 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027(9),

–  wara li kkunsidra l-Kunsilli ta' Ftehim ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija tal-11 ta' Mejju 2017 u l-15 ta' Mejju 2018, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Alġerija tal-14 ta' Mejju 2018, il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Eġittu tal-25 ta' Lulju 2017,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Libja tas-6 ta' Frar 2017 u l-15 ta' Ottubru 2018, u dwar is-Sirja tat-3 ta' April 2017 u s-16 ta' April 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0077/2019),

A.  billi r-ribelljonijiet Għarab li affettwaw ir-reġjun tal-Lvan Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq (MENA( fl-2011 ikkostitwixxew mument ta' taqlib kbir kontra r-reġimi awtoritarji u deterjorament tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi; billi l-parti l-kbira tad-dimostranti kienu nisa u rġiel żgħażagħ li kienu qegħdin jaspiraw għad-demokrazija, għal-libertà u għall-istat tad-dritt, kif ukoll għal futur aħjar u aktar inklużiv, rikonoxximent tad-dinjità tagħhom u inklużjoni soċjali u prospetti ekonomiċi aħjar; billi t-twaqqigħ tal-poter ta' xi wħud mir-reġimi u, f'xi każijiet, l-introduzzjoni ta' riformi demokratiċi wasslu għal tama u aspettattivi kbar;

B.  billi l-maġġoranza tal-popolazzjoni fir-reġjun MENA hija taħt il-35 sena; billi l-qgħad fost iż-żgħażagħ fir-reġjun għadu fost l-ogħla fid-dinja; billi dan iwassal għall-esklużjoni soċjali u għaċ-ċaħda tad-drittijiet tal-votazzjoni politika, kif ukoll eżodu ta' mħuħ lejn pajjiżi oħra; billi dawn il-fatturi kollha kienu l-kawża tal-protesti tal-2011 u għal darb'oħra qegħdin jiġġeneraw protesti fi wħud mill-pajjiżi; billi żgħażagħ f'ambjenti vulnerabbli, mingħajr aġenzija jew prospetti, jistgħu jikkostitwixxu grupp fil-mira għal movimenti radikali;

C.  billi fil-pajjiżi importaturi taż-żejt b'mod partikolari, il-kriżi finanzjarja globali, it-tnaqqis fil-prezzijiet taż-żejt, ix-xejriet demografiċi, il-kunflitti u t-terroriżmu komplew jaggravaw is-sitwazzjoni wara l-avvenimenti tal-2011; billi l-mudell ekonomiku li jikkaratterizza dawn il-pajjiżi ma għadux vijabbli, u jirriżulta fi kriżi ta' fiduċja li jeħtieġ li tiġi indirizzata b'mod urġenti mill-gvernijiet ikkonċernati, bil-għan li jiġi stabbilit kuntratt soċjali ġdid maċ-ċittadini rispettivi tagħhom; billi l-impatt soċjali dejjem jiżdied tat-tnaqqis fis-sussidji tal-istat, l-impjiegi fis-settur pubbliku u s-servizzi pubbliċi, il-firxa ta' faqar u problemi ambjentali, speċjalment f'żoni remoti u fost il-komunitajiet emarġinati, kien sors ta' taqlib kontinwu u protesti spontanji fir-reġjun, li x'aktarx se jkomplu jikbru fis-snin li ġejjin;

D.  billi, tmien snin wara r-Rebbiegħa Għarbija u l-iżviluppi politiċi li wasslu lill-pajjiżi fir-reġjuni tal-Magreb u l-Maxreq biex isegwu ħafna mogħdijiet evoluzzjonarji differenti f'termini ta' politika u stabbiltà, għadu essenzjali li jiġi vvalutat x'risposta għandha tingħata għall-aspirazzjonijiet demokratiċi leġittimi u għax-xewqa ta' stabbiltà sostenibbli fir-reġjun, kif ukoll għall-ħtieġa urġenti ta' impjiegi, l-istat tad-dritt u titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien u sigurtà sostenibbli; billi huwa importanti li jinżamm rendikont tal-isforzi u l-pożizzjoni ta' politika adottata mill-UE b'rispons għar-Rebbiegħa Għarbija u biex tiġi vvalutata l-kapaċità tagħha għat-twettiq tal-politika; billi huwa essenzjali li jiġi vvalutat mill-ġdid u adattat il-qafas ta' politika tal-UE lejn il-pajjiżi tal-Viċinat tan-Nofsinhar u l-objettivi futuri tiegħu u l-mezzi biex dawn jinkisbu, filwaqt li titqies id-diversità tas-sitwazzjonijiet fil-pajjiżi tar-reġjun;

E.  billi nuqqas ta' koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u l-UE jdgħajjef il-kapaċità tat-tnejn li huma li jeżerċitaw influwenza pożittiva fir-reġjuni tal-Magreb u tal-Maxreq; billi l-azzjoni tal-Istati Membri individwali fir-reġjun teħtieġ li tkun koordinata, u li tkun f'sinerġija mal-objettivi tal-UE; billi l-UE jeħtiġilha ssegwi l-objettivi stabbiliti fl-Artikoli 8 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; billi l-UE teħtieġ li żżid l-influwenza politika u diplomatika tagħha; billi l-istabbiltà politika u ekonomika fit-tul fir-reġjuni, kif ukoll ir-reżiljenza tal-Magreb u l-Maxreq hija ta' importanza strateġika fundamentali għall-UE, u għalhekk tirrikjedi approċċ aktar fit-tul, integrat u li jħares 'il quddiem fir-rigward tal-qafas ta' politika u l-objettivi tiegħu, f'konformità mal-ħtiġijiet taċ-ċittadini tal-pajjiżi sħab u tal-interessi strateġiċi tal-UE;

F.  billi l-politika tal-UE fir-rigward tal-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq u tal-Lvant Nofsani għandha żewġ objettivi ewlenin, jiġifieri li jitħeġġu riformi politiċi u ekonomiċi f'kull pajjiż individwali filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi, u li titħeġġeġ il-kooperazzjoni reġjonali bejn il-pajjiżi tar-reġjun stess u mal-UE;

G.  billi l-UE għandha rwol ċentrali fil-promozzjoni tal-prevenzjoni tal-kunflitti, il-medjazzjoni u r-riżoluzzjoni, fil-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u l-ispazju għas-soċjetà ċivili, kif ukoll il-governanza demokratika, soċjali u ekonomika ġusta fir-reġjuni tal-Magreb u tal-Maxreq; billi soċjetà ċivili miftuħa u l-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem bħala atturi għall-bidla soċjali huma fundamentali għar-reżiljenza u l-prosperità fit-tul tar-reġjun;

H.  billi kwalunkwe detenzjoni li tirriżulta mill-eżerċizzju tad-drittijiet jew il-libertajiet garantiti mid-dritt internazzjonali, bħal-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta' għaqda, tikkostitwixxi detenzjoni arbitrarja li hija pprojbita skont id-dritt internazzjonali; billi, f'oqsma sinifikanti tar-reġjun MENA, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti, avukati, attivisti tal-oppożizzjoni politika u s-soċjetà ċivili inġenerali jiffaċċjaw persekuzzjoni sistematika, theddid, attakki, ritaljazzjoni, fastidju ġudizzjarju, detenzjoni arbitrarja, tortura u maltrattament, li lkoll qegħdin jiżdiedu; billi l-UE u l-Istati Membri jeħtiġilhom iżidu b'mod sinifikanti l-isforzi tagħhom sabiex jindirizzaw b'mod adegwat din il-kwistjoni;

I.  billi fir-reġjun, hemm bosta kunflitti armati u eluf ta' persuni nqatlu u għebu u miljuni sfaw spostati; billi l-ISIS/Daesh u gruppi ġiħadisti oħra wettqu atroċitajiet, fosthom eżekuzzjonijiet brutali, kif ukoll atti tal-waħx ta' vjolenza sesswali, ħtif, tortura, konverżjonijiet furzati u tjassir tan-nisa u l-bniet; billi tfal ġew irreklutati u użati f'attakki terroristiċi; billi hemm tħassib serju dwar il-benessri tal-popolazzjoni li bħalissa tinsab taħt il-kontroll tal-ISIS/Daesh u dwar l-użu possibbli tagħhom bħala tarki umani waqt il-kampanja ta' liberazzjoni; billi dawn ir-reati jistgħu jikkostitwixxu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;

J.  billi bi tweġiba għall-iżviluppi fir-reġjun, fl-2015, l-UE rrevediet il-Politika tal-Viċinat tagħha; billi r-rieżami jipprevedi involviment aktar profond tal-Istati Membri fil-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV);

K.  billi l-istat u r-reżiljenza soċjetali huma fost il-prijoritajiet ewlenin tal-Istrateġija Globali tal-UE; billi din tal-aħħar tirrikonoxxi li soċjetà reżiljenti hija kkaratterizzata mid-demokrazija, il-fiduċja fl-istituzzjonijiet, u l-iżvilupp sostenibbli li jinsabu fil-qalba ta' stat reżiljenti, filwaqt li l-istati repressivi huma intrinsikament fraġli fuq terminu twil;

L.  billi, għal dawk il-pajjiżi li magħhom l-UE ffirmat ftehimiet ta' assoċjazzjoni, l-impenji ġuridikament vinkolanti ta' dawn il-ftehimiet, inkluż dwar id-drittijiet tal-bniedem, għandhom jiffurmaw bażi għar-relazzjonijiet u, b'mod partikolari, il-prijoritajiet ta’ sħubija maqbula bejn l-UE u ċerti pajjiżi tal-viċinat;

M.  billi, skont il-UNICEF, l-ewwel theddida li tolqot lit-tfal f'żoni ta' kunflitt tal-MENA hija t-tħaddim tat-tfal; billi 2,1 miljun tifel u tifla fis-Sirja u 700 000 tifel u tifla refuġjati Sirjani ma għandhomx aċċess għall-edukazzjoni; billi l-vjolenza kontinwa u l-ispostament estern, id-diżastri naturali, iż-żieda fl-inugwaljanza ekonomika u bejn is-sessi, u r-rati għoljin ta' qgħad fost iż-żgħażagħ u l-faqar f'diversi pajjiżi MENA ħallew 28 miljun tifel u tifla fi bżonn ta' assistenza umanitarja;

1.  Jinnota bi tħassib li, tmien snin wara l-ewwel taqlib, il-biċċa l-kbira tal-aspirazzjonijiet leġittimi tad-dimostranti paċifiċi għal dinjità, drittijiet tal-bniedem u riformi soċjali, ekonomiċi u politiċi progressivi għadhom ma ġewx issodisfati fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi; jirrikonoxxi li f'xi każijiet kien hemm xi ftit ta' żviluppi pożittivi u ġew ikkonsolidati xi kisbiet demokratiċi, madankollu, jirrimarka l-fatt li dawn għadhom mhumiex biżżejjed; jikkundanna l-ksur persistenti u kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tal-libertajiet fundamentali, u diskriminazzjoni mifruxa kontra minoranzi; jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni soċjoekonomika li għadha mwiergħa fir-reġjun, u b'mod partikolari, dwar il-livelli għoljin ta' qgħad (li jaffettwaw, b'mod partikolari, lin-nisa u liż-żgħażagħ) u l-esklużjoni soċjali, li jikkawżaw diżillużjoni u nuqqas tal-eżerċitar tad-dritt tal-vot fuq skala kbira, speċjalment fost iż-żgħażagħ, li jwassalhom għal disprament, għall-migrazzjoni irregolari bħala mezz ta' ħelsien jew isiru aktar vulnerabbli għar-radikalizzazzjoni; jenfasizza li s-sitwazzjoni ekonomika ta' dawn il-pajjiżi għandha impatt qawwi wkoll fuq is-sitwazzjoni tas-sigurtà tagħhom; jiddeplora l-livelli persistenti ta' korruzzjoni, nepotiżmu u nuqqas ta' responsabbiltà fir-reġjun;

2.  Jenfasizza li l-prosperità fuq żmien twil tal-pajjiżi ta' wara r-Rebbiegħa Għarbija timxi id f'id mal-kapaċità tagħhom li jiżguraw b'mod attiv il-protezzjoni tad-drittijiet universali tal-bniedem u l-istabbiliment u l-ankrar ta' istituzzjonijiet demokratiċi u trasparenti li jkunu impenjati li jipproteġu d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini; jinsab, għalhekk, imħasseb ħafna dwar il-ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem, it-tnaqqis jew l-għeluq tal-ispazju għad-demokrazija u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali, it-tneħħija tal-kisbiet tal-libertà tal-espressjoni – kemm online kif ukoll offline – u ta' għaqda u assoċjazzjoni, ir-repressjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u t-trażżin tar-rwol tal-midja – inkluż permezz ta' abbużi tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu u t-teknoloġija ta' sorveljanza u l-limitazzjoni tal-istat tad-dritt, f'għadd ta' pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; jinnota bi tħassib ir-rwol u r-responsabbiltà partikolari tas-servizzi militari u tas-sigurtà fid-deterjorament tar-rotta politika ta' diversi pajjiżi wara r-Rebbiegħa Għarbija, u l-kontroll persistenti u dominanti tagħhom fuq l-Istat u r-riżorsi ekonomiċi; jappella, għalhekk, lill-UE u lill-Istati Membri jinkorporaw b'mod adegwat din id-dimensjoni fundamentali fl-involviment tagħhom mar-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; jappella lill-UE u lill-Istat Membri jinvolvu ruħhom mal-gvernijiet ta' pajjiżi terzi sabiex itemmu dawn il-prattiki u jirrevokaw il-leġiżlazzjoni ripressiva, kif ukoll jiżguraw skrutinju xieraq tal-esportazzjonijiet ta' teknoloġija ta' sorveljanza u assistenza teknika Ewropej; iħeġġeġ lill-UE tagħti prijorità lill-appoġġ tal-isforzi parlamentari u tas-soċjetà ċivili lejn responsabilità u trasparenza akbar tas-servizzi tas-sigurtà u dawk militari;

3.  Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-UE u tal-Istati Membri biex jippromwovu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, kif ukoll l-iżvilupp ekonomiku u r-rabta importanti bejn id-demokrazija u s-sigurtà sostenibbli f'pajjiżi ta' wara r-Rebbiegħa Għarbija, u jagħraf il-kumplessità ta' tali kompitu; huwa tal-fehma, madankollu, li, minkejja ffukar tal-politika għal ħmistax-il sena fuq il-pajjiżi tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Mediterran, sforzi tal-politika mġedda u żieda fir-riżorsi baġitarji fid-dawl tar-Rebbiegħa Għarbija (jew Rebbiegħat Għarbin), għadhom ma ntlaħqux sal-punt huwa meħtieġ l-għanijiet u l-politiki tal-UE (u f'ċertu każijiet is-sitwazzjoni ġiet agħar), u li proċess reali għall-inklużjoni soċjoekonomika għad irid jibda; jenfasizza li l-azzjoni esterna tal-UE fil-konfront tal-pajjiżi ta' wara r-Rebbiegħa Għarbija għandha tqis ir-realtajiet fil-livell lokali u tadatta l-istrateġiji ta' politika u l-implimentazzjoni tagħhom kif xieraq; iqis li tmexxija u inizjattiva insuffiċjenti tal-UE fil-ħidma lejn ir-riżoluzzjoni ta' kunflitti mtawla dgħajfu l-kapaċità tal-UE li tagħmel impatt diplomatiku fir-reġjun; jappella lill-UE tappoġġa bil-qawwa l-proċessi ta' paċi tan-NU mmirati lejn ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq;

4.  Ifakkar id-dannu u t-tbatija kkawżati mill-estremiżmu u t-terroriżmu fir-reġjun, u jenfasizza li l-vjolenza hija theddida serja għall-istabbiltà tiegħu u li l-kooperazzjoni tas-sigurtà fir-reġjun, kif ukoll il-kooperazzjoni mal-UE u l-Istati Membri tagħha, b'rispett sħiħ għad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, jibqgħu ta' importanza assoluta sabiex jingħelbu b'suċċess organizzazzjonijiet terroristiċi bħal Daesh u, b'hekk, jgħinu lin-nies fir-reġjun biex eventwalment jgħixu fil-paċi u f'ambjent ta' stabbiltà u progress; jilqa', għalhekk, l-inizjattivi tal-UE li għandhom l-għan li jindirizzaw it-theddida terroristika fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; jissottolinja l-importanza li tissaħħaħ il-kapaċità tal-atturi statali li jaqdu rwol ewlieni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, kif ukoll il-ħtieġa essenzjali li ssir enfasi fuq is-sħubijiet bejn l-awtoritajiet, iż-żgħażagħ u l-komunitajiet biex jiġu indirizzati l-fatturi sottostanti li jistgħu jagħmlu lill-komunitajiet vulnerabbli għal estremiżmu vjolenti, u biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-kunflitt;

5.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li, minkejja l-investimenti politiċi u baġitarji konsiderevoli u s-sensibilizzazzjoni politika u ekonomika kontinwa tagħha, l-UE ma rnexxilhiex tikseb influwenza politika u ekonomika reali u sostanzjali, l-impatt tal-politiki tal-UE għadu limitat, u l-UE mhijiex meqjusa bħala bidla radikali mill-pajjiżi fir-reġjun; jirrimarka n-nuqqas ta' sodisfazzjon li ħassew is-soċjetà ċivili, l-NGOs lokali u ż-żgħażagħ b'mod ġenerali dwar kif l-UE tonqos milli tittraduċi kompletament il-viżjoni tagħha f'azzjoni fil-post; huwa mħasseb dwar is-sitwazzjoni politika dejjem aktar kumplessa fir-reġjuni tal-Magreb u l-Maxreq, u jinnota l-introduzzjoni ta' atturi politiċi u ekonomiċi reġjonali ġodda u oħrajn li qamu mill-ġdid, bħar-Russja u ċ-Ċina, minbarra n-narrattivi u l-finanzjament li qed jikkompetu mill-pajjiżi tal-Golf u l-Iran, li għandhom objettivi li jistgħu saħansitra jkunu konfliġġenti ma' dawk tal-UE; jappella għal impenn aktar b'saħħtu u viżjoni aktar soda min-naħa tal-UE biex din tkun tista' ssir parteċipant aktar ċentrali; jappella lill-UE tinvolvi ruħha fi djalogu akbar mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili sabiex issegwi politiki li jkunu kapaċi jissodisfaw l-aspettattivi tal-partijiet interessati demokratiċi kollha; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE timpenja ruħha fi djalogu mal-atturi politiċi kollha fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq;

6.  Jenfasizza l-importanza tal-Unjoni għall-Mediterran (UgħM), li hija l-uniku forum politiku li jgħaqqad flimkien l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi Mediterranji kollha; jenfasizza li l-Unjoni għall-Mediterran, li dan l-aħħar iċċelebrat l-għaxar anniversarju tagħha, jeħtiġilha jkollha rwol akbar fl-indirizzar konġunt tal-isfidi li għandna komuni; jieħu nota pożittiva tat-Tielet Forum Reġjonali tal-UgħM li sar fit-8 ta' Ottubru 2018, li fakkar l-għaxar Anniversarju tas-Summit ta' Pariġi għall-Mediterran, u rrikonoxxa l-utilità li jkomplu jiġu żviluppati l-interazzjonijiet bejn l-UgħM u atturi oħra fir-reġjun Ewro-Mediterranju; jistieden lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lir-Rappreżentant Għoli jerġgħu jikkunsidraw u jerġgħu jqajmu b'mod sostanzjali l-proġett tal-UgħM; iħeġġeġ l-użu ta' dan il-proġett bħala mezz biex titrawwem kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-UE u l-pajjiżi tal-Mediterran;

7.  Jiddispjaċih li qed jiġu konklużi prijoritajiet ta' sħubija ma' pajjiżi mingħajr l-ebda kundizzjoni mehmuża u minkejja rigress sinifikanti u kontinwu fil-qasam tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

8.  Huwa tal-fehma li għal wisq żmien il-pożizzjoni tal-politika lejn il-pajjiżi tal-Magreb u tal-Maxreq kienet imtappna b'approċċ li kien ibbażat wisq fuq l-aspettattivi u l-objettivi tal-UE, li ma kkunsidrawx kompletament l-interessi u r-realtajiet tal-pajjiżi sħab tal-UE, u bi ftit inċentiv għal dawn tal-aħħar u sjieda min-naħa tagħhom, u ftit wisq kunsiderazzjoni għall-aspirazzjonijiet tal-popolazzjonijiet li għandhom jibbenefikaw mill-politiki tal-UE, u għas-sitwazzjoni politika partikolari f'pajjiżi differenti; jiddispjaċih li l-isforzi inizjali wara r-Rebbiegħa Għarbija (jew ir-Rebbiegħat Għarbin) biex jiġu introdotti inċentivi aktar stretti ta' kondizzjonalità u twettiq fir-rigward tal-pajjiżi benefiċjarji permezz tal-prinċipju "aktar għal aktar" ma wasslux għal influwenza akbar min-naħa tal-UE fil-kapaċità tagħha li tippromwovi bidla reali fl-oqsma tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali, tal-iżvilupp ekonomiċi u soċjali u s-sigurtà sostenibbli fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi; jenfasizza li d-differenzazzjoni u s-sjieda reċiproka akbar huma l-karatteristika tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, li tirrikonoxxi l-livelli differenti ta' involviment, u tirrifletti l-interessi ta' kull pajjiż fir-rigward tan-natura u l-fokus tas-sħubija tiegħu mal-Unjoni; jappella għal applikazzjoni aktar konsistenti tal-prinċipju "aktar għal aktar", billi jiġu definiti, fil-livelli ta' politika, programmi u proġetti fir-relazzjonijiet bilaterali, objettivi u punti ta' riferiment konkreti għal aktar appoġġ; ifakkar li l-għan tad-demokratizzazzjoni jista' jintlaħaq biss b'mod sostenibbli jekk jiġi segwit bir-reqqa mill-pajjiżi rispettivi kemm fiż-żoni urbani kif ukoll, b'mod partikolari, fiż-żoni rurali, u jenfasizza li l-istabbiltà tappoġġja l-iżvilupp ta' demokrazija, u li proċess ta' tħejjija f'waqtu li għandu jinkludi konsultazzjoni wiesgħa u l-inklużjoni ta' gruppi u mexxejja tas-soċjetà rilevanti, huwa ta' benefiċċju biex jintlaħaq dan l-għan; jenfasizza wkoll li d-demokratizzazzjoni tappoġġa l-iżvilupp ekonomiku u ssaħħaħ l-istat tad-dritt;

9.  Jagħraf l-isforzi inizjali tas-SEAE u tal-Kummissjoni, b'kooperazzjoni u fi djalogu mal-Parlament Ewropew, biex jirriformaw b'mod sostanzjali l-qafas ta' politika tal-UE għall-pajjiżi ta' wara r-Rebbiegħa Għarbija sabiex tiżdied il-kapaċità ta' ingranaġġ politiku fir-reġjuni tal-Magreb u l-Maxreq; jirrimarka l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea u l-valur miżjud tagħha fir-rigward tal-potenzjal biex jinkisbu sinerġiji fl-azzjonijiet fil-livell tal-UE, jinbena djalogu politiku, ekonomiku u soċjali, tiġi enfasizzata aktar ir-rabta bejn l-iżvilupp soċjoekonomiku u s-sigurtà sostenibbli, u jiġu żgurati appoġġ u implimentazzjoni adegwati permezz tal-Istrumenti Finanzjarji għall-azzjoni esterna tal-UE; jieħu nota tar-reviżjoni tal-2015 tal-Politika Ewropea tal-Viċinat immirata biex tqis ix-xenarji li qed jinbidlu fir-reġjun; jinsisti fuq l-importanza ta' rappurtar fil-fond, annwali u pajjiż b'pajjiż dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat; ifakkar ukoll fl-appoġġ importanti pprovdut mill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR) fl-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija u l-linji gwida tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istrateġiji tal-pajjiż, li ppermetta lill-UE taġixxi b'mod aktar strateġiku f'dan il-qasam, inkluż fil-Viċinat tan-Nofsinhar, u żgurat aktar responsabbiltà, viżibbiltà u effikaċja;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir sforz favur l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi disponibbli sabiex jiġi ottimizzat l-impatt tal-azzjoni esterna tal-UE li għandha tinkiseb permezz ta' koerenza u komplementarjetà bejn l-istrumenti ta' finanzjament għall-azzjoni esterna tal-Unjoni;

11.  Jirrimarka l-kumplessità ta' rispons xieraq għall-flussi tal-migrazzjoni u tar-refuġjati minn u permezz tar-reġjuni tal-Magreb u l-Maxreq u lejhom, il-kumplessità ta' perspettiva ffokata fuq is-sigurtà fir-rigward tal-migrazzjoni, tal-isfidi tat-terroriżmu u tat-tħassib leġittimu dwar il-fraġilità ta' ċerti pajjiżi fir-reġjun, u tal-ħtieġa li tingħata kunsiderazzjoni akbar fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima, kif ukoll tal-isfidi li jirriżultaw min-nuqqas ta' approċċ koeżiv tal-Istati Membri; jinsab imħasseb dwar il-fatt li dawn il-fatturi qed iwasslu biex l-azzjoni tal-UE fir-rigward tar-reġjun tiddependi b'mod eċċessiv fuq ideoloġija ta' stabbiltà għal żmien qasir, u b'hekk tinjora aspetti importanti oħra; huwa tal-fehma li meta l-istabbiltà u s-sigurtà jsiru l-objettivi predominanti, dawn iwasslu għal viżjoni ta' politika fuq terminu iqsar u li ma tħarisx fit-tul, u jipprevjenu azzjoni tal-UE mmirata lejn l-affermazzjoni mill-ġdid tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali bl-intensità meħtieġa; ifakkar li t-trawwim ta' reżiljenza tal-istat u tas-soċjetà m'għandux iwassal għall-kontinwazzjoni ta' reġimi awtoritarji; itenni li d-drittijiet tal-bniedem mhumiex subordinati għal azzjonijiet ta' ġestjoni tal-migrazzjoni jew azzjonijiet kontra t-terroriżmu, u huwa konvint li stabilità kredibbli u koerenti u politika ta' sigurtà sostenibbli tista' tinkiseb biss billi jiġu segwiti interessi u prinċipji aktar fit-tul, bħall-iżvilupp ekonomiku u soċjali inklużiv u ta' benefiċċju, kif ukoll it-tisħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, fil-qafas ta' approċċ iċċentrat fuq il-bniedem u sensittiv għall-kunflitti; ifakkar, madankollu, li l-istabbiltà fit-tul ta' dawn il-pajjiżi tista' tinkiseb biss permezz ta' relazzjoni bilanċjata bejn ir-rekwiżiti ta' sigurtà u l-iżvilupp, ibbażata fuq l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem;

12.  Jistieden lill-UE tindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni bħalma huma l-kunflitti, il-kwistjonijiet ambjentali, il-faqar estrem u l-esklużjoni soċjali, u torjenta mill-ġdid il-kooperazzjoni politika lejn sħubija aktar bilanċjata u ugwali mar-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, billi tpoġġi l-politiki dwar iż-żgħażagħ u l-investimenti għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fil-qalba tagħha;

13.  Jinnota li xi pajjiżi jospitaw miljuni ta' rifuġjati, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa u tfal li jgħixu fil-faqar, u li dan jaggrava l-vjolenza domestika, il-prostituzzjoni tan-nisa u l-bniet, iż-żwieġ furzat tat-tfal u t-tħaddim tat-tfal fil-komunità;

14.  Jappella lill-istituzzjonijiet Ewropej, lill-Istati Membri tal-UE kif ukoll lill-aġenziji tal-iżvilupp nazzjonali, jistinkaw biex jipprovdu pożizzjoni Ewropea unifikata lejn ir-reġjun, li tiffoka fuq l-interessi komuni tagħna, biex tiġi żgurata strateġija Ewropea unika u koerenti, sabiex jiġi ssodisfat il-potenzjal sħiħ tal-UE bħala sostenitur sinifikanti tar-riformi demokratiċi, ekonomiċi u soċjali;

15.  Jinnota bi tħassib partikolari li s-soċjetà ċivili u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq jiffaċċjaw theddid, rappreżalji, fastidju ġudizzjarju, detenzjoni arbitrarja, tortura u maltrattament kif ukoll forom oħra ta' persekuzzjoni li lkoll qegħdin jiżdiedu; jissottolinja li l-ħidma tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem hija kruċjali għall-iżvilupp u l-istabbiltà fit-tul tar-reġjun; itenni, f'dan il-kuntest, it-talba tiegħu għall-implimentazzjoni sħiħa tal-linji gwida tal-UE dwar id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li l-mexxejja u d-diplomatiċi tal-Istati Membri u tal-UE fil-livelli kollha jqajmu każijiet ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem individwali li jinsabu f'riskju ma' gvernijiet ta' pajjiżi terzi inkluż, fejn xieraq, permezz ta' dikjarazzjonijiet pubbliċi, inizjattivi politiċi u djalogi regolari, laqgħat mad-difensuri, żjarat lid-difensuri fid-detenzjoni, u osservazzjoni tal-proċessi tad-difensuri; jenfasizza l-ħtieġa li l-UE u l-Istati Membri jżidu l-finanzjament u l-kapaċità tagħhom għall-appoġġ tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju, permezz ta' għotjiet ta' emerġenza kif ukoll permezz ta' appoġġ għall-mekkaniżmi ta' protezzjoni tas-soċjetà ċivili bħal ProtectDefenders.eu; jilqa' l-isforzi konsistenti tal-Fond Ewropew għad-Demokrazija u tal-EIDHR biex jippromwovu d-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE; jinsisti li l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom ifittxu b'mod attiv li jinvolvu u jappoġġaw lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-atturi tas-soċjetà ċivili li huma l-aktar vulnerabbli fir-reġjun, inklużi dawk f'reġjuni remoti u rurali, dawk li qed jiġġieldu għad-drittijiet tal-persuni LGBTI u indiġeni, għad-drittijiet ambjentali u tal-art, għad-drittijiet tar-refuġjati u d-difensuri tad-drittijiet tal-ħaddiema, u n-nisa, li jiffaċċjaw riskji u theddid speċifiċi minħabba l-ġeneru tagħhom;

16.  Jilqa' l-kunċett ta' sjieda konġunta mressaq mill-Politika Ewropea tal-Viċinat riveduta; huwa mħasseb, madankollu, li din toħloq ir-riskju li tippermetti lil reġimi awtoritarji f'ċerti pajjiżi sħab biex jagħżlu l-prijoritajiet li jaqblilhom skont l-aġenda nazzjonali tagħhom, minflok ma jimxu fit-triq lejn id-demokratizzazzjoni; jisħaq, għaldaqstant, fuq l-importanza ta' qafas ta' politika fit-tul u sinerġiji fil-programmazzjoni għall-pajjiżi ta' wara r-Rebbiegħat Għarbin abbażi tal-primat tad-demokrazija, l-inklużjoni tal-forzi politiċi demokratiċi kollha u l-primat tal-istat tad-dritt, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-valuri fundamentali; itenni li t-tisħiħ ta' dawn l-aspetti, kif ukoll l-iżvilupp ta' klima ekonomika attraenti u l-appoġġ għal riformi pożittivi huma fl-interess tal-pajjiżi sħab u tal-popolazzjonijiet tagħhom, kif ukoll tal-UE, u jappella għal kundizzjonalità aktar b'saħħitha f'każijiet ta' ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet; ifakkar li l-pajjiżi sħab li huma lesti li jwettqu riformi, li jkollhom djalogu politiku aktar mill-qrib u li jiksbu aktar għandhom jingħataw inċentivi ġdida u appoġġ adegwat għall-aspirazzjonijiet u l-impenji tagħhom, u jitlob approċċ ibbażat fuq il-prestazzjoni, ibbażat fuq djalogu inklużiv, prijoritajiet u objettivi ċari f'dan is-sens; jinsisti li f'każijiet ta' ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem mill-awtoritajiet, l-assistenza baġitarja tal-UE għandha tiġi diretta mill-ġdid lejn is-soċjetà ċivili lokali;

17.  Jappoġġa l-aspirazzjonijiet ta' dawk kollha li jinsabu fir-reġjun MENA, inkluż tal-maġġoranza taż-żgħażagħ, li jixtiequ jistabbilixxu pajjiżi liberi, stabbli, prosperi, inklużivi u demokratiċi, li jirrispettaw l-impenji nazzjonali u internazzjonali tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali; jilqa' l-proċessi demokratiċi fir-reġjun u s-sħubija sostnuti mal-UE; jistieden lill-UE tqis dan fl-oqsma tal-politika kollha tagħha, sabiex issaħħaħ il-koerenza tagħhom u tgħin lill-pajjiżi sħab b'mod aktar effettiv; jenfasizza li, biex kwalunkwe trasformazzjoni politika tkun sostenibbli għalkollox, huwa importanti u meħtieġ li wieħed jsib tarf l-imgħoddi tiegħu u, f'dan il-kuntest, jindika x-xogħol importanti tal-"Kummissjoni għall-Verità u d-Dinjità" tat-Tuneżija, li tagħti eżempju lir-reġjun kollu;

18.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li f'ċerti każijiet, il-kooperazzjoni investigattiva u ġudizzjarja bilaterali dwar każijiet ta' detenzjoni, vjolenza jew imwiet taċ-ċittadini tal-UE ma kinitx adegwata, bħal fil-każ tar-riċerkatur Taljan Giulio Regeni; iqis li huwa essenzjali li jkun hemm rabta bejn aktar kollaborazzjoni f'setturi oħra għal titjib sostanzjali f'dan il-qasam;

19.  Huwa konvint li fejn il-prerekwiżiti għan-negozjar ta' Żoni t' Kummerċ Ħieles Approfonditi u Komprensivi (DCFTAs), li jiddependu fuq progress demokratiku, għadhom mhumiex fis-seħħ jew ma jissodisfawx l-aspirazzjonijiet tal-pajjiżi rispettivi, l-UE għandha tipprovdi aċċess akbar għall-kummerċ u l-investiment sostenibbli, b'mod partikolari għall-benefiċċju tal-popolazzjonijiet u tal-ekonomiji tan-Nofsinhar tal-Mediterran, tappoġġa l-kapaċitajiet ta' produzzjoni, il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura u l-ħolqien ta' klimi ekonomiċi attraenti, b'enfasi fuq is-swieq domestiċi u reġjonali, filwaqt li trawwem xogħol deċenti, protezzjoni soċjali u żvilupp soċjoekonomiku inklużiv;

20.  Huwa tal-fehma li, hekk kif l-UE tbati biex toħroġ b'viżjoni li tħares 'il quddiem, li hija bbażata fuq id-drittijiet u ċċentrata fuq il-poplu għall-politika tagħha dwar il-migrazzjoni u l-asil, hemm riskju dejjem akbar li xi pajjiżi fir-reġjun jistgħu jużaw konteniment tal-migrazzjoni u r-rwol tagħhom fih biex ifittxu influwenza akbar fid-djalogu politiku u ta' politika tagħhom mal-UE; iqis li għandha tingħata aktar għajnuna lill-pajjiżi tal-MENA biex jindirizzaw l-influss ta' immigranti mill-Afrika sub-Saħarjana, u, f'dan il-kuntest, jilqa' l-isforzi li saru mill-UE biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni, iżda jfakkar li hemm bżonn ta' aktar sforzi biex dan l-isforz jirnexxi; iqis li huwa importanti li s-sħab fir-reġjun MENA jkunu involuti fl-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet komuni biex jiġu indirizzati kwistjonijiet bħall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jinsab imħasseb, madankollu, dwar l-istrumentalizzazzjoni possibbli tal-politika estera tal-UE bħala "ġestjoni tal-migrazzjoni", u jenfasizza li t-tentattivi kollha għal ħidma ma' pajjiżi ta' wara r-Rebbiegħat Għarbin, inkluż pajjiżi ta' oriġini u tranżitu, fir-rigward tal-migrazzjoni jridu jimxu id f'id mat-titjib tal-kundizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-pajjiżi u l-konformità tagħhom mad-dritt internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt dwar ir-refuġjati; jenfasizza li l-isfida tal-flussi migratorji hija sfida komuni għall-pajjiżi tar-reġjun MENA (pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu) u għall-pajjiżi tal-Unjoni (pajjiżi ta' destinazzjoni); jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ta' qafas ta' politika li jippromwovi l-inklużjoni demokratika, politika u soċjoekonomika bħala fatturi li jsaħħu lil xulxin, inkluż fir-rigward tat-trawwim tal-kundizzjonijiet għal ħajja sikura u dinjituża għall-persuni fir-reġjun u t-tnaqqis tal-ispostament furzat;

21.  Jirrimarka r-riskju li l-azzjoni tal-UE għar-reġjun u l-approċċ magħżul mill-Istati Membri permezz ta' relazzjonijiet bilaterali jistgħu jkunu qegħdin jiġu imminati minn approċċi mhux koordinati u unilaterali, u li l-kapaċità tal-UE biex ikollha impatt politiku tista' tintilef b'riżultat ta' dan; jilqa', f'dan il-kuntest, il-proposta magħmula mill-President tal-Kummissjoni biex nimxu lil hinn mill-unanimità fit-teħid ta' deċiżjonijiet mill-Kunsill fl-oqsma dwar il-politika estera u ta' sigurtà komuni, peress li dan jista' jgħin lill-UE titkellem b'vuċi waħda, magħquda wara strateġija waħda ċara dwar ir-relazzjonijiet barranin tagħha u jkollha influwenza akbar; huwa tal-fehma li l-involviment aktar profond tal-Istati Membri fil-PEV kif previst fir-rieżami tal-PEV tal-2015, għalkemm pożittiv, għandu jiġi segwit aħjar; jenfasizza l-importanza u l-profondità tar-rabtiet bejn bosta Stati Membri u l-popli tagħhom u ħafna mill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Istati Membri tal-UE jsaħħu l-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tagħhom fir-reġjun u jeżaminaw modi li bihom jistgħu jaġixxu b'mod aktar effettiv;

22.  Jappella lill-UE u lill-Istati Membri, filwaqt li jqisu l-acquis tal-UE kontra l-korruzzjoni, isaħħu l-programmi ta' kooperazzjoni ġudizzjarja tagħhom mal-pajjiżi sħab fir-reġjun sabiex jiġi promoss l-iskambju tal-aħjar prattiki u jiġu stabbiliti mezzi legali effikaċi biex tiġi miġġielda l-korruzzjoni; jemmen li r-riformi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u tas-settur pubbliku fil-Viċinat tan-Nofsinhar għandhom ikunu prijorità, flimkien mal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u għandhom jiġu segwiti permezz ta' żieda fir-riżorsi finanzjarji, it-tisħiħ tal-kapaċitajiet u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Istati Membri, kif ukoll appoġġ għall-atturi tas-soċjetà ċivili fl-oqsma tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-trasparenza u r-responsabbiltà;

23.  Itenni li l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt huma fost il-prinċipji fundamentali tal-politika barranija tal-UE; jinsab imħasseb dwar il-bejgħ kontinwu ta' armi u tagħmir tas-sigurtà mill-Istati Membri tal-UE, inklużi teknoloġiji ta' sorveljanza użati għar-repressjoni interna lill-awtoritajiet fir-reġjun li ma jirrispettawx id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkonformaw b'mod strett mal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/994/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari(10), li fost affarijiet oħra tiddikjara li l-liċenzji ta' esportazzjoni għandhom jiġu miċħuda meta jkun hemm riskju ċar li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari li se jiġu esportati jistgħu jintużaw għal repressjoni interna, jew biex jitwettaq ksur serju tad-dritt umanitarja internazzjonali; itenni l-pożizzjoni tiegħu kif stabbilita fl-emendi tiegħu għall-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi reġim tal-Unjoni għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija, l-assistenza teknika u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju, kif adottat fit-17 ta' Jannar 2018(11); iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jagħtu l-akbar importanza lil dan il-fajl biex jippruvaw jilħqu ftehim mal-Kunsill;

24.  Iqis li l-prijoritajiet ta' sħubija miftiehma bejn l-UE u l-pajjiżi sħab fl-ambitu tal-PEV għandhom jagħmlu referenza espliċita għall-ftehim ta' assoċjazzjoni rilevanti, b'mod partikolari l-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem, biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-bniedem jikkostitwixxu aspett essenzjali u trasversali tal-prijoritajiet miftiehma ta' sħubija, li għandhom jiġu diskussi fil-livelli kollha, b'mod partikolari fl-ogħla livell politiku, u mhux limitati għal laqgħat tas-sottokumitati ta' livell baxx;

25.  Jappella għal aktar inklużività u involviment aktar mill-qrib tas-soċjetà ċivili lokali fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet fil-pajjiżi sħab; jilqa' l-isforzi tas-SEAE u tal-Kummissjoni biex iwessgħu s-sensibilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili u jinkludu s-settur privat, u jħeġġiġhom jaħdmu aktar f'dan ir-rigward; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-parteċipazzjoni ta' rappreżentanti indipendenti tas-soċjetà ċivili, inklużi gruppi tad-drittijiet tal-bniedem mhux reġistrati u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u jiddispjaċih li dan qed jiġi mxekkel b'mod partikolari f'każijiet fejn id-djalogu u l-appoġġ jgħaddu minn aġenziji kkontrollati mill-gvern jew jiffukaw biss fuq organizzazzjonijiet favur il-gvern; huwa tal-fehma li l-UE għandha tiffaċilita l-aċċess għall-fondi disponibbli għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili iżgħar u lokali, inklużi s-sħab soċjali, u tissimplifika l-proċessi ta' applikazzjoni u tiffoka fuq organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali; jirrimarka l-perċezzjoni fost interlokuturi tas-soċjetà ċivili lokali ta' fokus primarju mill-UE fuq organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kbar u internazzjonali; jappella lill-UE tinvesti aktar riżorsi fil-promozzjoni tal-bini ta' kapaċità ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u tiffaċilita sħubijiet imsaħħa bejnhom u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kbar u internazzjonali, kif ukoll ittejjeb il-kapaċità tas-sħab soċjali li jkollhom djalogu soċjali mal-gvern, bil-għan li tiżdied is-sjieda lokali;

26.  Jistieden lis-SEAE jżid l-isforzi tiegħu biex jiskambja l-aħjar prattiki f'dak li għandu x'jaqsam mar-rwol tan-nisa fil-ħajja pubblika;

27.  Jissottolinja li l-involviment u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fl-isferi pubbliċi, politiċi, ekonomiċi u kulturali fil-pajjiżi tar-reġjun MENA huma essenzjali biex jinkisbu l-istabbiltà, il-paċi u l-prosperità ekonomika fit-tul; jissottolinja li fil-pajjiżi li fihom ir-Rebbiegħa Għarbija wasslet għal kunflitt kontinwu, l-involviment tan-nisa fil-proċessi tal-istabbiliment tal-paċi u l-medjazzjoni huma essenzjali biex tiġi stabbilita soċjetà mhux vjolenti; iqis li l-aċċess għall-edukazzjoni għan-nisa, bl-appoġġ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-ugwaljanza bejn is-sessi, huma essenzjali biex jinkiseb dan;

28.  Jenfasizza li t-tisħiħ tal-awtoritajiet lokali jikkontribwixxi għat-tixrid tad-demokrazija u l-prinċipji tal-istat tad-dritt; jappella, għalhekk, biex jitħeġġeġ il-proċess ta' deċentralizzazzjoni u tissaħħaħ il-pożizzjoni tar-reġjuni bl-iżvilupp tal-awtonomija lokali; iħeġġeġ u jappoġġa s-sħubijiet mal-Istati Membri tal-UE u l-proġetti ta' kooperazzjoni deċentralizzata mwettqa mill-awtoritajiet lokali tal-Istati Membri bil-għan li tiġi żviluppata l-governanza muniċipali u reġjonali fil-pajjiżi tar-reġjun;

29.  Ifakkar fl-importanza li tiġi żgurata viżibbiltà adegwata għall-isforzi tal-UE u għall-assistenza u l-investiment mill-UE fir-reġjun, permezz ta' komunikazzjoni strateġika msaħħa, diplomazija pubblika, kuntatti bejn il-persuni, diplomazija kulturali, kooperazzjoni fi kwistjonijiet edukattivi u akkademiċi, u attivitajiet ta' outreach biex jiġu promossi l-valuri tal-Unjoni. jitlob, b'mod partikolari, li jerġa' jiġi stabbilit il-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-UE għan-Nofsinhar tal-Mediterran, li għandu jmexxi l-impenn tal-UE mar-reġjun u jiżgura viżibbiltà akbar tal-UE;

30.  Jemmen li bil-għan li tiżdied il-kapaċità tal-UE biex ikollha impatt politiku u ta' politika u biex tippromwovi sjieda u appoġġ mifrux minn pajjiżi benefiċjarji, kull Delegazzjoni tal-UE għandha tipprevedi konsultazzjonijiet regolari mal-esperti u mar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u b'mod partikolari, għandha tistabbilixxi kunsilli konsultattivi ta' livell għoli, li jirriflettu d-diversità soċjali, ekonomika u politika tal-pajjiż ikkonċernat, li jkunu magħmula minn mexxejja ekonomiċi, medjatiċi, kulturali, akkademiċi, tas-soċjetà ċivili u mexxejja taż-żgħażagħ prominenti, u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem ewlenin mill-pajjiż ikkonċernat, u tipprovdi input fir-rigward tal-prijoritajiet ta' politika u l-istruttura tal-politika mfassla mill-UE;

31.  Huwa konvint li ż-żgħażagħ għandhom ikunu fokus primarju tal-azzjoni tal-UE lejn ir-reġjun, b'azzjoni intersezzjonali; jitlob li l-politiki għaż-żgħażagħ jiġu ssimplifikati fil-politiki kollha tal-Unjoni fir-reġjun MENA; jemmen li huwa kruċjali li jitfasslu soluzzjonijiet dejjiema li jirriflettu l-iskala tal-isfida tal-impjiegi taż-żgħażagħ, u jissottolinja r-rilevanza tal-promozzjoni ta' impjiegi deċenti, l-intraprenditorija u l-opportunitajiet ta' impjieg indipendenti; jipproponi, f'dan il-kuntest, li kull Delegazzjoni tal-UE taħdem biex tistabbilixxi bord taż-żgħażagħ informali magħmula minn mexxejja politiċi, soċjali, ekonomiċi, medjatiċi, kulturali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili żgħażagħ bil-għan li jipprovdu input dwar il-prijoritajiet ta' politika, il-kapaċità ta' politiki tal-UE li jkollhom impatt fil-pajjiż u jintroduċu element addizzjonali ta' obbligu ta' rendikont fir-rigward tal-għażliet ta' politika; jistieden lill-familji politiċi u lill-grupp ta' riflessjoni Ewropej biex jinvolvu ruħhom fi skambji mtejba ma' żgħażagħ lokali attivi mill-pajjiżi tal-MENA, bil-għan li jippromwovu l-awtonomizzazzjoni, it-taħriġ u l-bini ta' kapaċità tagħhom biex ikunu jistgħu jikkontestaw f'elezzjonijiet lokali u jsiru atturi ġodda ta' bidla pożittiva fil-pajjiżi rispettivi tagħhom;

32.  Jappella lill-UE tgħin lis-sħab tagħha jindirizzaw il-kawżi ewlenin tar-radikalizzazzjoni bħall-faqar, il-qgħad, l-esklużjoni soċjali u politika u n-nuqqas ta' kapaċità tas-soċjetà li tindirizza l-ħtiġijiet tan-nies u toħloq opportunitajiet għaż-żgħażagħ permezz ta' kooperazzjoni msaħħa mar-reġjun MENA li tpoġġi n-nies, b'mod speċjali ż-żgħażagħ, fil-qalba tagħha; jappella lill-UE tappoġġa l-aċċess taż-żgħażagħ għall-intraprenditorija permezz ta', pereżempju, l-inkoraġġiment u l-appoġġ ta' investimenti f'negozji ġodda; jemmen li l-azzjoni tal-UE fir-rigward tar-reġjun għandha tqiegħed enfasi akbar fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali inklużiv biex jiġu promossi l-ħolqien tal-impjiegi, l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ, l-introduzzjoni ta' taħriġ imfassal aħjar għas-suq tax-xogħol u r-riformi tad-drittijiet tax-xogħol, flimkien ma' riformi mmirati biex jistabbilixxu sistemi ta' protezzjoni soċjali universali b'saħħithom, b'enfasi speċifika fuq il-gruppi l-aktar vulnerabbli; jappella lill-UE tinvesti aktar riżorsi f'azzjonijiet immirati lejn it-titjib tal-aċċess għal servizzi essenzjali ta' kwalità għal kulħadd, bħall-edukazzjoni u l-kura tas-saħħa, u biex iżżid l-isforzi tagħha biex ittejjeb id-djalogu soċjali kif ukoll fil-promozzjoni tar-riformi leġiżlattivi fir-rigward tal-libertà ta' assoċjazzjoni, tal-assemblea paċifika u tal-espressjoni, tal-libertà tal-istampa, tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-iżgurar tal-aċċess għar-riżorsi u għall-informazzjoni bħala ingredjenti ewlenin għall-istabbiltà u għal soċjetà miftuħa, dinamika u reżiljenti;

33.  Huwa inkwetat ħafna dwar il-fatt li t-tensjonijiet fir-reġjun qegħdin jiħraxu; jiddenunzja l-istrumentalizzazzjoni tad-differenzi reliġjużi biex jiġu istigati kriżijiet politiċi u gwerer settarji;

34.  Jappella lill-UE tappoġġa bil-qawwa l-pajjiżi tar-reġjun MENA fil-ġlieda tagħhom kontra l-perikli tar-radikaliżmu reliġjuż, li ż-żgħażagħ qiegħda huma partikolarment esposti għalihom;

35.  Jemmen li huma meħtieġa mekkaniżmi biex jitwaqqaf il-finanzjament tat-terroriżmu permezz ta' entitajiet lil hinn mill-kosta li jinvolvu stati u istituzzjonijiet finanzjarji, u biex jitwaqqaf it-traffikar tal-armi u x-xiri u l-bejgħ ta' riżorsi tal-enerġija u materja prima li minnhom jibbenefikaw il-gruppi terroristiċi;

36.  Jiġbed l-attenzjoni għall-isfidi relatati mat-tibdil fil-klima, id-deżertifikazzjoni u n-nuqqas ta' ilma li qed jaffettwaw bil-kbir lir-reġjun; iħeġġeġ bil-qawwa lil dawk li jfasslu l-politika kif ukoll lill-atturi kollha kemm fl-UE kif ukoll fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq biex iżidu l-kooperazzjoni tagħhom mal-pajjiżi sħab, inklużi l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, dwar is-sigurtà tal-enerġija, il-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u sostenibbli u l-miri tal-effiċjenza fl-enerġija, sabiex jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza l-opportunità għar-reġjun biex jimxi 'l quddiem fit-tranżizzjoni tal-enerġija tiegħu permezz ta' żieda fl-isfruttament ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli li għandhom potenzjal ekonomiku kbir għal ħafna mill-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq; jirrimarka l-opportunitajiet għal tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi li dan jġib miegħu, kif ukoll l-opportunitajiet għal kooperazzjoni reġjonali dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-opportunità li sejbiet reċenti tar-riżervi tal-gass naturali fil-Mediterran tal-Lvant jistgħu jikkostitwixxu għall-pajjiżi kollha involuti;

37.  Jirrimarka l-fatt li l-ftuħ tas-settur privat u ekonomiji ulterjuri li jiddifferenzjaw jistgħu jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi tant meħtieġ fil-qasam, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ u n-nisa; jilqa' s-sinjali pożittivi ta' rkupru fis-settur tat-turiżmu fiż-żona, jirrikonoxxi l-potenzjal kbir tiegħu biex irawwem tkabbir sostenibbli u opportunitajiet ta' impjiegi, u jitlob attenzjoni u appoġġ partikolari tal-UE għaż-żoni affettwati minn sfidi infrastrutturali u/jew ta' sigurtà; jistieden lill-UE ssaħħaħ l-appoġġ tagħha lill-pajjiżi li huma aktar lesti li javvanzaw fuq id-demokratizzazzjoni, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali billi tuża l-għodod finanzjarji kollha disponibbli għad-dispożizzjoni tagħha, mill-assistenza makrofinanzjarja, permezz tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat, tal-Pjan ta' Investiment Estern Ewropew, kif ukoll l-Istrument futur ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI);

38.  Ifakkar fil-ħtieġa li jiġi sfruttat il-potenzjal, li fil-biċċa l-kbira tiegħu għadu mhux sfruttat, għall-innovazzjoni u d-dinamiżmu tas-settur privat fir-reġjun b’mod aktar wiesa'; iħeġġeġ lill-UE żżid id-djalogu u l-assistenza finanzjarja u teknika tagħha f'dan is-sens; jilqa' inizjattivi bħal Startup Europe Mediterranean (SEMED) maħsuba biex jimmappjaw u jistabbilixxu netwerk bejn negozji ġodda, investituri, universitajiet, istituzzjonijiet ta' riċerka u dawk li jfasslu l-politika fuq iż-żewġt ixtut tal-Mediterran, bħala azzjoni ewlenija biex tiġi stimulata l-kooperazzjoni fl-innovazzjoni, fil-ħolqien tal-impjiegi u fit-tkabbir ekonomiku sostenibbli;

39.  Jenfasizza l-importanza li jiġu konnessi r-riformi u l-investimenti kollha, kif ukoll l-azzjoni tal-UE b'rabta maż-żona, mal-kisba tal-SDGs u mal-iżvilupp sostenibbli b'mod ġenerali;

40.  Ifakkar fil-valur miżjud tad-diplomazija parlamentari u tal-laqgħat interparlamentari bilaterali regolari li l-Parlament jorganizza mal-kontropartijiet tiegħu mill-Viċinat tan-Nofsinhar bħala għodda għall-iskambju ta' esperjenzi u t-trawwim ta' fehim reċiproku; jirrimarka l-importanza tal-Kumitati Parlamentari Konġunti f'dan il-kuntest bħala strument uniku għall-formulazzjoni ta' politiki konġunti ambizzjużi bejn l-UE u l-eqreb sħab tagħha; iħeġġeġ lill-parlamenti nazzjonali tal-UE jorganizzaw laqgħat interparlamentari bilaterali fi ħdan il-qafas tal-PEV; jenfasizza għal darb'oħra li l-partiti politiċi fil-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew jista' jkollhom rwol f'dan ir-rigward; huwa tal-fehma li djalogu bejn il-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali tal-UE u l-parlamenti tal-Viċinat tan-Nofsinhar jista' jipprovdi opportunità ta' valur kbir biex jitrawmu djalogu u kooperazzjoni reġjonali fil-Viċinat tan-Nofsinhar; jindika, f'dan ir-rigward, ir-rwol importanti li l-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran jista' jkollha bħala post fejn l-integrazzjoni reġjonali u aġenda politika u ekonomika ambizzjuża għal din l-organizzazzjoni jistgħu jerġgħu jingħataw enerġija mill-ġdid; jinnota t-trikkib bejn l-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran u l-Assemblea Parlamentari għall-Mediterran; huwa tal-fehma li l-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran għandu jkollha rwol aktar importanti fi ħdan il-qafas reġjonali tal-Unjoni għall-Mediterran, billi tiżgura t-trasparenza u s-sorveljanza parlamentari tal-attivitajiet tal-Unjoni għall-Mediterran, b'mod partikolari l-proġetti bit-tikketta tal-Unjoni għall-Mediterran;

41.  Jenfasizza li n-nisa jistgħu jkunu muturi b'saħħithom fil-promozzjoni u l-bini tal-paċi, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-proċessi ta' stabilizzazzjoni, u jenfasizza r-rwol essenzjali tan-nisa fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, l-indirizzar tal-estremiżmu vjolenti u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; ifakkar li l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' dawn l-istrateġiji tikkontribwixxi għall-effettività u s-sostenibbiltà tal-politiki u l-programmi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw lin-nisa fir-reġjun MENA u l-organizzazzjonijiet li jiddefendu u jippromwovu d-drittijiet tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta' aċċess faċli għall-ġustizzja u l-ġustizzja tranżitorja, li tiffoka fuq in-nisa superstiti tal-vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti;

42.  Itenni t-talba tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran għal appoġġ għal proġett Ewro-Mediterranju dwar id-disparitajiet bejn is-sessi, biex jinkludi analiżi tar-rata tar-rappreżentanza tan-nisa fil-parlamenti nazzjonali u reġjonali u fl-istituzzjonijiet lokali; huwa tal-fehma li l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa ta' dik l-Assemblea Parlamentari u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Parlament Ewropew għandhom jirċievu informazzjoni kull sena dwar l-indikaturi tal-inugwaljanza bejn is-sessi fir-reġjun Ewro-Mediterranju;

43.  Ifakkar li d-drittijiet tan-nisa, l-awtonomizzazzjoni tan-nisa, l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-drittijiet tat-tfal, il-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin u d-dritt ta' nondiskriminazzjoni ta' minoranzi etniċi u reliġjużi u ta' gruppi vulnerabbli, inklużi persuni b'diżabbiltà u persuni LGBTQI, huma drittijiet fundamentali u prinċipji ewlenin tal-azzjoni esterna tal-UE;

44.  Jitlob li tissaħħaħ id-dimensjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tad-drittijiet tan-nisa tal-PEV, skont il-prijoritajiet tal-GAP II; jilqa' r-riformi reċenti approvati f'xi wħud mill-pajjiżi dwar kwistjonijiet bħall-eżonerazzjoni tal-istupraturi li sussegwentement jiżżewġu lill-vittmi tagħhom, il-vjolenza kontra n-nisa u d-drittijiet tal-wirt; jappella għal infurzar qawwi ta' dawn il-liġijiet; jinsab imħasseb, madankollu, li – b'mod ġenerali – is-sitwazzjoni tan-nisa ma tjibitx fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi affettwati mir-Rebbiegħa Għarbija; jissottolinja li l-involviment u l-awtonomizzazzjoni tan-nisa fl-isferi pubbliċi, politiċi, ekonomiċi u kulturali fil-pajjiżi tar-reġjun MENA huma essenzjali biex jinkisbu l-istabbiltà, il-paċi u l-prosperità ekonomika fit-tul; iqis li l-aċċess għall-edukazzjoni għan-nisa huwa essenzjali biex jinkiseb dan; jinsab imħasseb ukoll dwar il-fatt li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol fir-reġjun hija waħda mill-aktar baxxi fid-dinja, li tikkawża l-esklużjoni soċjali u telf sostanzjali għall-ekonomija kollha kemm hi; jirrimarka l-importanza li din il-kwistjoni tiġi indirizzata bħala komponent fundamentali tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u l-koeżjoni soċjali; jinnota wkoll li d-difensuri tad-drittijiet tan-nisa jiffaċċjaw detenzjoni arbitrarja, fastidju ġudizzjarju, kampanji ta' malafama u intimidazzjoni;

45.  Jikkundanna l-persekuzzjoni mifruxa tal-persuni LGBTI u d-difensuri tad-drittijiet tal-persuni LGBTI fir-reġjun MENA, inklużi l-fastidju ġudizzjarju, it-tortura, l-attakki fiżiċi u l-kampanji ta' malafama; jappella lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Istati Membri jiddefendu b'mod attiv u konsistenti l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet LGBTQI, fil-qafas tal-kooperazzjoni tagħhom mal-istati MENA, u jenfasizzaw li dawn id-drittijiet jeħtieġ li jiġu rispettati permezz ta' prattiki tal-Istat kif ukoll permezz ta' leġiżlazzjoni;

46.  Jistieden lill-pajjiżi tal-MENA jkollhom rwol attiv fl-indirizzar tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa; jistieden lill-pajjiżi tal-MENA jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, strument għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, inklużi l-vjolenza domestika u l-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF); jistieden, b'mod partikolari, lill-pajjiżi li għad iridu jagħmlu dan biex jirrevedu l-leġiżlazzjoni tagħhom billi jżidu diċitura dwar il-vjolenza sessista u d-delitti tal-unur, billi jagħmlu theddid għat-twettiq ta' tali atti reat u billi jimponu pieni aktar ħorox għad-delitti kollha ta' dak it-tip;

47.  Jistieden lill-pajjiżi fir-reġjun MENA jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni ta' Beijing għall-aċċess tan-nisa għall-edukazzjoni u s-saħħa bħala drittijiet fundamentali tal-bniedem, inkluż l-aċċess għall-ippjanar tal-familja volontarju u għas-saħħa u d-drittijiet riproduttivi sesswali, bħall-aċċess għal kontraċezzjoni mingħajr ħlas, aborti sikuri u legali u edukazzjoni dwar is-sess u r-relazzjonijiet għall-bniet u s-subien;

48.  Jinsab imħasseb dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-kura tas-saħħa pubblika u, b'mod partikolari, dwar l-aċċess għas-saħħa sesswali u riproduttiva, speċjalment għan-nisa u l-bniet fiż-żoni rurali;

49.  Iħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi kollha jirratifikaw u jneħħu kull riżerva eżistenti għas-CEDAW; iħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi jieħdu l-miżuri meħtieġa biex isaħħu l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-soċjetà, pereżempju permezz tal-adozzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali li jinkludu miżuri effettivi għall-ugwaljanza bejn is-sessi, fi sħubija mal-organizzazzjonijiet tan-nisa u ma' partijiet ikkonċernati oħrajn tas-soċjetà ċivili;

50.  Jemmen li l-UE għandha tiżviluppa approċċ aktar komprensiv għall-assistenza dwar ir-riformi fl-edukazzjoni fil-pajjiżi sħab u tiddedika r-riżorsi u l-programmi rilevanti għall-edukazzjoni bikrija, inkluż il-livell preskolastiku, kif ukoll biex tiżgura l-iżvilupp tal-kompetenzi u l-ħiliet, inklużi l-ħiliet diġitali, it-taħriġ vokazzjonali u edukattiv adegwat u l-programmi edukattivi tal-intraprenditorija, il-ħsieb kritiku u s-sensibilizzazzjoni soċjali fi ħdan is-soċjetà b'mod ġenerali, u minn età żgħira ħafna; jenfasizza l-importanza li tiġi pprovduta edukazzjoni ta' kwalità bħala mezz biex tingħata s-setgħa liż-żgħażagħ u tissaħħaħ il-koeżjoni soċjali;

51.  Jilqa' l-programmi żviluppati mis-Segretarjat tal-Unjoni għall-Mediterran, bħal Med4Jobs, bħala mezz biex tiġi indirizzata l-problema tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u tan-nisa fil-Mediterran; jistieden lill-Istati Membri tal-Unjoni għall-Mediterran biex jagħtu istruzzjonijiet lis-Segretarjat tagħha biex jiffoka l-ħidma tiegħu fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi tal-MENA bil-ħsieb li jappoġġa l-konsolidazzjoni tal-proċess ta' tranżizzjoni tagħha, filwaqt li jagħti prominenza partikolari lin-nisa u lill-bniet;

52.  Jistieden għal darb'oħra lill-Kummissjoni taġixxi fuq il-proposta tal-Parlament għall-ħolqien ta' programm Erasmus Ewro-Mediterranju ambizzjuż separat mill-Erasmus+, b'fondi ddedikati u dimensjoni ambizzjuża f'termini ta' kamp ta' applikazzjoni u riżorsi disponibbli, u b'enfasi mhux biss fuq iċ-ċikli tal-edukazzjoni primarja, sekondarja u ogħla, iżda wkoll fuq it-tagħlim vokazzjonali u edukattiv; itenni li l-investiment fiż-żgħażagħ se jipprovdi bażi solida għar-reżiljenza u l-prosperità fit-tul tar-reġjun; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Parlament iżidu l-kamp ta' applikazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-programm ta' Żjarat tal-Unjoni Ewropea tagħhom u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u tal-mexxejja politiċi nisa; jappella, barra minn hekk, lill-UE tappoġġa riformi biex jiġu mmodernizzati s-sistemi edukattivi f'dawn il-pajjiżi;

53.  Ifakkar fl-appoġġ tiegħu għall-finanzjament ta' programmi ta' taħriġ akkademiku u vokazzjonali biex jinħolqu riżervi kbar ta' ħiliet professjonali fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta' Fuq, kif ukoll għal azzjonijiet bħall-Karta ta' Mobbiltà tal-Erasmus+ ETV, li għandhom jiġu estiżi kemm jista' jkun għall-pajjiżi kollha tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika ta; Fuq permezz ta' għodod flessibbli u li qed jevolvu bħalma huma s-sħubijiet għall-mobbiltà;

54.  Jikkundanna bil-qawwa, għal darb'oħra, l-atroċitajiet kollha u l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa matul il-kunflitt, u b’mod partikolari dawk imwettqa mill-forzi tar-reġim ta' Assad, inkluż bl-appoġġ tal-alleati tiegħu, kif ukoll mill-organizzazzjonijiet terroristiċi elenkati min-NU; jiddispjaċih ħafna dwar il-falliment tal-isforzi ripetuti reġjonali u internazzjonali biex tintemm il-gwerra, u jħeġġeġ kooperazzjoni globali mġedda u intensiva sabiex tinkiseb soluzzjoni paċifika u sostenibbli għall-kunflitt; jenfasizza li m'għandu jkun hemm l-ebda tolleranza jew impunità għad-delitti tal-waħx li twettqu fis-Sirja; itenni l-appell tiegħu biex isiru investigazzjonijiet indipendenti, imparzjali, bir-reqqa u kredibbli, kif ukoll prosekuzzjonijiet ta' dawk responsabbli, u jappoġġa l-ħidma tal-Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti (MIII) dwar delitti internazzjonali mwettqa fir-Repubblika Għarbija Sirjana sa minn Marzu 2012; jappella, barra minn hekk, biex jingħata appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-NGOs, li qed jiġbru u jgħinu biex tiġi ppreservata l-evidenza ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u ta' ksur tad-dritt umanitarju;

55.  Jiddispjaċih li sa mir-reviżjoni tal-PEV tal-2015, rapport wieħed biss, tat-18 ta' Mejju 2017 dwar l-Implimentazzjoni tar-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (JOIN(2017)0018), ivvaluta l-iżviluppi fil-viċinat fil-livell reġjonali, minkejja l-impenn li jinsab fil-komunikazzjoni tal-2015 dwar ir-rieżami tal-PEV biex jitfasslu rapporti regolari fil-livell tal-viċinat, flimkien ma' rappurtar speċifiku għall-pajjiż, inkluża informazzjoni dwar il-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, l-ugwaljanza bejn is-sessi u kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob li r-rapporti fuq livell nazzjonali u reġjonali jinkludu analiżi xierqa tal-eżitu u valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem tal-politiki tal-UE u tal-Istati Membri;

56.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

(1)

https://eeas.europa.eu/archives/docs/top_stories/pdf/eugs_review_web.pdf

(2)

ĠU L 77, 15.3.2014, p. 27.

(3)

ĠU L 77, 15.3.2014, p. 85.

(4)

ĠU C 265, 11.8.2017, p. 110.

(5)

ĠU C 265, 11.8.2017, p. 98.

(6)

ĠU C 204, 13.6.2018, p. 100.

(7)

Testi Adottati, P8_TA(2018)0119.

(8)

Testi Adottati, P8_TA(2018)0227.

(9)

Testi Adottati, P8_TA(2018)0449.

(10)

ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.

(11)

ĠU C 458, 19.12.2018, p. 187.


NOTA SPJEGATTIVA

Għaddew tmien snin mis-sensiela ta' taqlib u irbelli tal-massa li affettwaw ir-reġjun MENA, iddefiniti b'mod komuni bħala r-"Rebbiegħa Għarbija". Bla dubju din kienet avveniment li bidlet ix-xenarju għar-reġjun, u kellha eżiti ddiversifikati ħafna f'kull wieħed mill-pajjiżi meqjusa.

Din ikkostitwixxiet sensiela eċċezzjonali ta' avvenimenti fis-sens li involviet b'mod attiv mases tal-popolazzjoni Għarbija, li pprotestaw kontra reġimi awtoritarji u talbu aktar libertà, aktar parteċipazzjoni fis-soċjetà, aktar drittijiet, aktar ġustizzja soċjali u inklużjoni.

Segment partikolarment attiv tal-popolazzjoni matul dik il-fażi kienu ż-żgħażagħ, li ġejjin minn sfondi differenti u b'talbiet u aspirazzjonijiet differenti. Huwa partikolarment importanti li jitqies x'segwa t-talbiet tagħhom, peress li d-demografika li tikkaratterizza dan ir-reġjun tagħmilha parti kbira mis-soċjetà, li, għal sensiela ta' raġunijiet, tħalliet lura, kienet eskluża, qiegħda u bi ftit li xejn tamiet ta' titjib għas-sitwazzjoni tagħhom.

Ir-reġjun li se jitqies f'dan ir-rapport huwa l-Magreb flimkien mal-pajjiżi tal-Maxreq, b'hekk jinkludi l-plajjiet tan-Nofsinhar u tal-parti tal-Lvant tal-Mediterran (il-Marokk, l-Alġerija, it-Tuneżija, il-Libja, l-Eġittu, il-Libanu, il-Ġordan u s-Sirja).

L-għan ta' dan ir-rapport huwa li jipprovdi valutazzjoni tas-sitwazzjoni f'dawn il-pajjiżi 8 snin wara r-Rebbiegħa Għarbija, biex jiġu identifikati tendenzi u, b'mod speċjali, biex jiġi vvalutat ir-rispons mill-Unjoni Ewropea – reġjun li parti kbira mill-popolazzjonijiet ikkonċernati qiesu bħala mudell ta' libertà, demokrazija u prosperità. Ir-rapport se jidentifika nuqqasijiet fil-politiki tal-UE u jressaq proposti, filwaqt li jitqiesu xi wħud mill-aħjar prattiki li ħarġu f'dan ir-rigward.

Għalkemm la huwa possibbli u lanqas ġust li tiġi identifikata soluzzjoni waħda li tkun tajba għall-pajjiżi kollha involuti, billi kull wieħed għandu l-kundizzjonijiet u s-sitwazzjoni speċifiċi tiegħu, huwa possibbli jiġu pprovduti ftit elementi li japplikaw mill-anqas għal parti mill-pajjiżi u ċerti prattiki eżistenti li jistgħu jiġu rreplikati f'oħrajn.

Fattur ewlieni wieħed, meta tingħata ħarsa lejn il-possibbiltajiet ta' politika mill-UE fiż-żona, huwa l-bidla kulturali li tressqet mir-Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2015. Jekk il-politika tal-UE sa dak iż-żmien kienet ikkaratterizzata minn approċċ ibbażat fuq il-valur u "aktar għal aktar", il-kunflitti li splodew fiż-żona, flimkien mat-theddida terroristika u, aktar tard, il-kriżi tar-refuġjati, wasslu biex jitfassal ir-Rieżami – fuq talba tal-Istati Membri tal-UE – biex il-fokus prinċipali tal-azzjoni tal-UE jitqiegħed fuq is-sigurtà u fuq l-istabbilizzazzjoni ta' dawn il-pajjiżi, aktar milli fuq l-appoġġ għad-demokratizzazzjoni. Għalkemm din il-politika għandha ċerti merti, b'mod partikolari l-introduzzjoni tal-prinċipju ta' sjieda konġunta, huwa veru wkoll li din wasslet lil xi wħud mill-pajjiżi kkonċernati biex jabbandunaw mill-anqas parzjalment it-triq tar-riformi demokratiċi u jużaw ir-rwol tagħhom fil-konteniment tal-migrazzjoni u fil-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu biex xorta waħda jiksbu vantaġġi u finanzjament mill-UE, ħafna drabi wkoll billi jisfruttaw kontradizzjonijiet fir-relazzjonijiet bilaterali mal-Istati Membri tal-UE u bejnhom u l-approċċ tal-UE – tendenza li tagħmel lill-Ewropa aktar dgħajfa u anqas kredibbli fl-azzjoni esterna tagħha.

Fl-istess ħin, dan iċċara, darba u għal dejjem, li l-politika tal-UE lejn dawn il-pajjiżi kellha tieqaf issegwi approċċ minn fuq għal isfel u pjuttost għandhom jitqiesu r-rieda u l-ħtiġijiet tal-pajjiżi rispettivi. X'aktarx, dan għandu wkoll jinvolvi konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili lokali bħala rappreżentant tal-pajjiż u l-popolazzjoni tiegħu ħafna drabi aktar mill-awtoritajiet governattivi tiegħu. Involviment akbar tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali huwa ssuġġerit bil-qawwa fir-rapport.

Ir-reġjun fil-biċċa l-kbira għadu jbati mill-konsegwenzi tat-taqlib, għalkemm f'livelli differenti. Ċerti kwistjonijiet jistgħu jkunu aktar urġenti f'ċerti pajjiżi (tmiem tal-kunflitt, bidu tal-proċess ta' rikonċiljazzjoni, titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, eċċ.), iżda kwistjoni partikolari li l-pajjiżi kollha għandhom komuni hija prestazzjoni ekonomika dgħajfa, aggravata minn avvenimenti esterni, bħall-kriżi finanzjarja globali, jew oħrajn semi-esterni, bħall-waqgħa fil-prezzijiet taż-żejt li bdiet fl-2014. Inkwistjoni hemm il-mudell ekonomiku tagħhom, li għal deċennji bbaża fuq sussidji mill-Istat u fuq impjiegi fis-settur pubbliku. Issa li l-baġits tal-Istat huma taħt tant pressjoni għal dawn u raġunijiet oħra, in-nuqqas ta' settur privat veru, l-ostakli eżistenti għan-negozju, it-tnaqqis fl-investiment dirett barrani, l-istat dgħajjef tal-infrastruttura, it-tnaqqis fit-turiżmu, saru b'mod ċar xi wħud mill-akbar sfidi li jiffaċċjaw dawn il-pajjiżi. Marbut ma' dan kollu huwa l-livell estremament għoli ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, wieħed mill-fatturi li wassal għall-protesti u li għadu f'sitwazzjoni mwiergħa, jew saħansitra agħar milli fl-2011. Il-provvista ta' opportunitajiet ta' impjieg, il-faċilitazzjoni tal-imprenditorija, it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni, inklużi ż-żgħażagħ fit-teħid ta' deċiżjonijiet huma azzjonijiet ewlenin biex tiġi indirizzata l-problema, u l-azzjonijiet tal-UE jridu jqisu dan ukoll meta jitfasslu l-politiki tal-UE lejn iż-żona.

L-ilħuq tal-aspettattivi tal-poplu Għarbi li jipprotesta fit-toroq, b'mod speċjali ż-żgħażagħ, mhuwiex kompitu faċli u se jirrikjedi l-ħin u ħafna sforz u rieda politika. Iżda huwa neċessarju, sabiex dawn il-pajjiżi jsiru "stabbli" u reżiljenti fuq terminu twil. Dan mhuwiex biss interess strateġiku tal-UE, huwa wkoll konformi mal-valuri fundamentali tal-UE.


OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (24.1.2019)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar "Wara r-Rebbiegħa Għarbija: it-triq 'il quddiem għar-reġjun tal-MENA

(2018/2160(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Maria Arena

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dinji dwar id-Disparità bejn is-Sessi 2017, ippubblikat mill-Forum Ekonomiku Dinji,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran bit-titolu "Il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-karigi ta' tmexxija u fit-teħid ta' deċiżjonijiet: Sfidi u prospetti", adottata fil-13-il Sessjoni Plenarja tagħha li saret f'Mejju 2017 f'Ruma,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing ta' Settembru 1995 u l-Programm ta' Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp (il-Konferenza tal-Kajr) ta' Settembru 1994 u l-eżiti tal-konferenzi ta' rieżami tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda tal-2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u, b'mod partikolari l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli 1, 4, 5, 8, 10 u 13,

–  wara li kkunsidra t-18-il Konferenza tal-Partijiet (COP 18) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), li saret f'Doha, il-Qatar, mis-26 ta' Novembru sat-8 ta' Diċembru 2012, u d-deċiżjoni tagħha dwar il-promozzjoni tal-bilanċ bejn is-sessi u t-titjib tal-parteċipazzjoni tan-nisa fin-negozjati tal-UNFCCC u fir-rappreżentanza ta' Partijiet f'korpi stabbiliti skont il-Konvenzjoni jew il-Protokoll ta' Kjoto (Deċiżjoni 23/CP.18),

–  wara li kkunsidra l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) għall-UNFCCC li saret f'Pariġi, Franza, mit-30 ta' Novembru sat-12 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra t-22 Konferenza tal-Partijiet (COP 22) għall-UNFCCC li saret f'Marrakech, il-Marokk, mis-7 sat-18 ta' Novembru 2016, u d-deċiżjoni tagħha dwar il-ġeneru u t-tibdil fil-klima li testendi l-Programm ta' Ħidma ta' Lima 2014 dwar il-Ġeneri (Deċiżjoni 21/CP.22),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020 (GAP II),

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019,

A.  billi r-rewwixti Għarab tal-2011 kissru strutturi antiki u ħolqu mewġa ta' involviment ċiviku, li fihom in-nisa huma atturi importanti; billi, madankollu, din it-tranżizzjoni għadha ma wasslitx għal żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tiswir tal-politiki, il-liġijiet u d-drittijiet li jiddeterminaw ir-rwol mogħti s-setgħa tagħhom fis-soċjetajiet rispettivi tagħhom;

B.  billi, minkejja l-progress li sar fl-avvanz tal-ugwaljanza bejn is-sessi fid-dinja kollha, in-nisa fir-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq (MENA) għadhom sottorappreżentati fl-oqsma kollha tal-ħajja, b'mod partikolari fil-forza tax-xogħol u fl-isferi ekonomiċi u politiċi;

C.  billi ħafna bniet għadhom jiġu mġiegħla jiżżewġu kmieni, jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien, u ma jkunux jistgħu jilħqu l-potenzjal ta' dħul tagħhom kollu fir-reġjun tal-MENA; billi f'xi pajjiżi tal-MENA, il-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) għadha prattika mifruxa;

D.  billi hemm tendenza mifruxa b'mod inkwetanti li jintefa t-tort fuq il-vittmi ta' vjolenza sessista, b'mod partikolari, tal-fastidju sesswali; billi spiss awtoritajiet pubbliċi u istituzzjonijiet oħra jonqsu milli jikkundannaw atti bħal dawn;

E.  billi l-liġijiet fir-reġjun għadhom 'il bogħod milli jkunu uniformi, iżda fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi, l-atti sesswali kunsenswali bejn persuni adulti tal-istess sess fil-privat jiġu ttrattati bħala reat kriminali;

F.  billi nisa impenjati fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem (WHRDs) kellhom rwol essenzjali bħala aġenti attivi ta' bidla fir-reġjun, filwaqt li sostnew bidliet leġiżlattivi għal politiki li għadhom jistituzzjonalizzaw id-diskriminazzjoni; billi l-WHRDs u l-attivisti tad-drittijiet tal-LGBTI fir-reġjun tal-MENA u lil hinn minnu jiffaċċaw b'kuraġġ u jisfidaw in-normi soċjetali filwaqt li spiss iqumu kontra ostakoli, inklużi theddid, fastidju, malafama, stigmatizzazzjoni, pressjoni soċjali, arrest, tortura, ħabs, projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, ħtif ta' persuni u ksur ieħor;

G.  billi fil-COP 18, il-partijiet għall-UNFCCC stabbilew l-għan li jiksbu bilanċ bejn is-sessi fil-korpi stabbiliti skont il-konvenzjoni u l-Protokoll ta' Kjoto sabiex itejbu l-parteċipazzjoni tan-nisa, jiżguraw politika aktar effikaċi dwar it-tibdil fil-klima li tindirizza l-bżonnijiet tan-nisa u l-irġiel bl-istess mod u jirreġistraw il-progress magħmul fil-kuntest tal-għan ta' bilanċ tas-sessi fit-tfassil ta' politika dwar il-klima sensittiva għall-kwistjonijiet ta' ġeneru (Deċiżjoni 23/CP.18);

H.  billi l-Programm ta' Ħidma ta' Lima dwar il-Ġeneri, adottat fl-20 Konferenza tal-Partijiet (COP 20) għall-UNFCCC permezz tad-Deċiżjoni 18/CP.20, joħloq pressjoni fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-rappreżentanza tal-partijiet u jippromwovi s-sensittività għall-ġeneru fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-politika dwar it-tibdil fil-klima;

I.  billi l-Ftehim ta' Pariġi, adottat fil-COP 21, jistabbilixxi li azzjoni klimatika sensittiva għall-kwistjonijiet ta' ġeneru trid tiġi integrata fl-aspetti kollha tal-implimentazzjoni tal-ftehim;

1.  Jinsab diżappuntat li s-sitwazzjoni tan-nisa ma tjibitx u saħansitra marret lura(1) f'ħafna pajjiżi affettwati mir-Rebbiegħa Għarbija, minkejja li hija parti mill-forza li tixpruna l-iżviluppi li wasslu għar-rewwixti Għarab u r-rwol attiv li kellhom in-nisa fil-mobilizzazzjoni għad-demokrazija u d-drittijiet soċjali, politiċi u ċivili; jinnota, madankollu, li minn dak iż-żmien 'l hawn, f'xi pajjiżi fir-reġjun tal-MENA, dawn il-movimenti kienu akkumpanjati minn riformi leġiżlattivi maħsuba biex irawmu l-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda li ma kellhomx impatt qawwi fil-prattika minħabba nuqqas ta' investiment f'għodod xierqa ta' sensibilizzazzjoni;

2.  Jissottolinja li l-involviment u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fl-isferi pubbliċi, politiċi, ekonomiċi u kulturali fil-pajjiżi tar-reġjun tal-MENA huma essenzjali biex jinkisbu l-istabbiltà, il-paċi u l-prosperità ekonomika fit-tul; jissottolinja li fil-pajjiżi li fihom ir-Rebbiegħa Għarbija wasslet għal kunflitt kontinwu, l-involviment tan-nisa fil-proċessi tal-istabbiliment tal-paċi u l-medjazzjoni huma essenzjali biex tiġi rrestawrata soċjetà mhux vjolenti; iqis li l-aċċess għall-edukazzjoni għan-nisa, bl-appoġġ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, u l-ugwaljanza bejn is-sessi, huma essenzjali biex jinkiseb dan;

3.  Jinnota li l-aċċess tan-nisa u tal-bniet għall-edukazzjoni huwa essenzjali biex jiġi promoss ir-rwol tagħhom f'dawn l-oqsma kollha; isostni li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi jistgħu jgħinu biex tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa fil-pajjiżi tal-MENA; jappella, barra minn hekk, għal aktar appoġġ tal-UE għas-soċjetà ċivili fir-reġjun, abbażi ta' inizjattivi eżistenti li diġà rnexxew;

4.  Jissottolinja li, minkejja r-Rebbiegħa Għarbija, ostakoli bħal liġijiet u istituzzjonijiet diskriminatorji jfissru li n-nisa għadhom iħabbtu wiċċhom ma' restrizzjonijiet meta jiġu biex jipparteċipaw fil-ħajja politika, biex joħorġu għall-elezzjonijiet u biex jiġu ssodisfati d-domandi ekonomiċi u soċjali tagħhom;

5.  Jinnota li xi pajjiżi jospitaw miljuni ta' rifuġjati, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa u tfal li jgħixu fil-faqar, u li dan jaggrava l-vjolenza domestika, il-prostituzzjoni tan-nisa u l-bniet, iż-żwieġ furzat tat-tfal u t-tħaddim tat-tfal fil-komunità;

6.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) iżid l-isforzi tiegħu biex jiskambja l-aħjar prattiki f'dak li għandu x'jaqsam mar-rwol tan-nisa fil-ħajja pubblika;

7.  Jistieden lill-pajjiżi fir-reġjun tal-MENA jimplimentaw il-Pjan ta' Azzjoni ta' Beijing għall-aċċess tan-nisa għall-edukazzjoni u s-saħħa bħala drittijiet fundamentali tal-bniedem, inkluż l-aċċess għall-ippjanar tal-familja volontarju u għas-saħħa u d-drittijiet riproduttivi sesswali, bħall-aċċess għal kontraċezzjoni mingħajr ħlas, aborti sikuri u legali u edukazzjoni dwar is-sess u r-relazzjonijiet għall-bniet u s-subien;

8.  Iħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi kollha biex jirratifikaw u jneħħu kull riżerva eżistenti għas-CEDAW; iħeġġeġ lil dawn il-pajjiżi jieħdu l-miżuri meħtieġa biex isaħħu l-ugwaljanza bejn is-sessi fis-soċjetà, per eżempju permezz tal-adozzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali li jinkludu miżuri effettivi għall-ugwaljanza bejn is-sessi, fi sħubija mal-organizzazzjonijiet tan-nisa u ma' partijiet ikkonċernati oħrajn tas-soċjetà ċivili;

9.  Jenfasizza li l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja pubblika huma elementi ewlenin biex jistimulaw id-demokrazija u jagħtu spinta lil soċjetà aktar paċifika u li tiffunzjona aħjar;

10.  Jistieden lill-pajjiżi tar-Reġjun tal-MENA jirriformaw il-leġiżlazzjoni tagħhom dwar l-istatus personali sabiex jabolixxu l-liġijiet diskriminatorji fir-rigward tan-nisa, bħal-liġijiet tas-suċċessjoni u taż-żwieġ, biex iżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ħajja pubblika, inkluża l-ħajja politika, kif ukoll jiġġieldu kontra kull forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet billi jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul;

11.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-MENA jieħdu miżuri biex jippromwovu l-parteċipazzjoni effettiva tan-nisa fil-livelli kollha tal-ħajja politika – fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali u fil-livell tal-gvern – u fi ħdan organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti; jitlob, f'dan ir-rigward, li jiġi intensifikat l-iskambju tal-aħjar prattiki bl-għan li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-livell internazzjonali mal-UN Women, l-Unjoni Interparlamentari u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran;

12.  Jistieden lill-pajjiżi tal-MENA biex ikollhom rwol attiv fl-indirizzar tal-forom kollha ta' vjolenza fuq in-nisa; jistieden lill-pajjiżi tal-MENA biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni ta' Istanbul, strument għall-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet, inklużi l-vjolenza domestika u l-MĠF; jistieden, b'mod partikolari, lill-pajjiżi li għad iridu jagħmlu dan biex jirrevedu l-leġiżlazzjoni tagħhom billi jżidu diċitura dwar il-vjolenza sessista u d-delitti tal-unur, billi jagħmlu theddid għat-twettiq ta' tali atti reat u billi jimponu pieni aktar ħorox għad-delitti kollha ta' dak it-tip;

13.  Jirrikonoxxi r-rwol importanti tan-nisa impenjati fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem (WHRDs) fil-bidliet leġiżlattivi reċenti fir-reġjun, bħall-adozzjoni reċenti tal-liġi dwar il-vjolenza kontra n-nisa fit-Tuneżija, li tippermetti lin-nisa jiksbu ordnijiet ta' protezzjoni (ta' trażżin) ta' emerġenza u fit-tul kontra dawk li jabbużaw, l-introduzzjoni ta' titjib parzjali għal-liġi tal-2008 dwar il-vjolenza domestika fil-Ġordan, u t-tħassir ta' liġijiet ta' eżonerazzjoni mill-istupru waqt iż-żwieġ fit-Tuneżija, fil-Ġordan u fil-Libanu; jinnota, madankollu, li hemm bżonn ta' riformi strutturali fir-reġjun sabiex ikun garantit li n-nisa kollha jkunu ħielsa li jgħixu mingħajr diskriminazzjoni jew vjolenza;

14.  Jinnota li hemm inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali sinifikanti bejn iż-żoni urbani u rurali li spiss iċaħħdu lin-nisa mill-mezzi meħtieġa biex ikunu indipendenti; jitlob għalhekk li jissaħħu l-proċess ta' deċentralizzazzjoni u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tar-reġjuni tal-MENA billi tiġi żviluppata l-awtonomija lokali; jappella, barra minn hekk, għal aktar appoġġ tal-UE favur is-soċjetà ċivili fir-reġjun, ibbażat fuq inizjattivi eżistenti li rnexxew;

15.  Jilqa' favorevolment il-programmi żviluppati mis-Segretarjat tal-Unjoni għall-Mediterran, bħal Med4Jobs, bħala mezz biex tiġi indirizzata l-problema tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u tan-nisa fil-Mediterran; jistieden lill-Istati Membri tal-Unjoni għall-Mediterran biex jagħtu istruzzjonijiet lis-Segretarjat tagħha biex jiffoka l-ħidma tiegħu fuq l-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-pajjiżi tal-MENA bil-ħsieb li jappoġġa l-konsolidazzjoni tal-proċess ta' tranżizzjoni tagħha, filwaqt li jagħti prominenza partikolari lin-nisa u lill-bniet;

16.  Jenfasizza l-importanza li tiġi inkluża perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-kunsiderazzjoni u l-approvazzjoni tal-proġetti tal-Unjoni għall-Mediterran, sabiex dawn ikunu jistgħu jservu biex irawmu b'mod effettiv it-tisħiħ tal-pożizzjoni ekonomika, soċjali u politika tan-nisa fir-reġjun;

17.  Jinnota wkoll l-importanza tas-settur agrikolu għall-ekonomiji tal-pajjiżi tar-Reġjun tal-MENA; jenfasizza l-influwenza diretta tat-tibdil fil-klima fuq is-settur agrikolu u fuq in-nisa b'mod partikolari; jistieden lill-Istati Membri kollha jissodisfaw l-impenji li saru fil-konklużjonijiet adottati fit-62 sessjoni tal-Kummissjoni tan-NU dwar l-Istatus tan-Nisa, fir-rigward ta' kwistjonijiet li għandhom jiġu indirizzati u opportunitajiet biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa u tal-bniet fiż-żoni rurali u l-integrazzjoni taż-żoni rurali, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tal-istrateġiji klimatiċi tagħhom;

18.  Jenfasizza li n-nisa jistgħu jkunu muturi b'saħħithom fil-promozzjoni u l-bini tal-paċi, ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti u l-proċessi ta' stabilizzazzjoni, u jenfasizza r-rwol essenzjali tan-nisa fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, l-indirizzar tal-estremiżmu vjolenti u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; ifakkar li l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' dawn l-istrateġiji tikkontribwixxi għall-effettività u s-sostenibbiltà tal-politiki u l-programmi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw lin-nisa fir-reġjun tal-MENA u l-organizzazzjonijiet li jiddefendu u jippromwovu d-drittijiet tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta' aċċess faċli għall-ġustizzja u l-ġustizzja tranżitorja, li tiffoka fuq in-nisa superstiti tal-vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti;

19.  Jirrikonoxxi li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija katalist għall-iżvilupp sostenibbli u l-ġestjoni tal-isfidi klimatiċi; jenfasizza li n-nisa mhumiex biss vittmi, iżda wkoll aġenti setgħana tal-bidla li, abbażi ta' parteċipazzjoni ugwali, jistgħu jifformulaw u jwettqu strateġiji u/jew soluzzjonijiet klimatiċi effiċjenti fir-rigward tal-adattament u l-mitigazzjoni u jistgħu jibnu r-reżiljenza għall-klima bħala prodott tad-diversi oqsma ta' esperjenza u għarfien prattiku tagħhom f'firxa ta' setturi li tinkludi l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, l-infrastrutturi tal-enerġija u l-bliet sostenibbli;

20.  Jistieden lill-pajjiżi tar-reġjun tal-MENA josservaw id-Deċiżjoni 23/CP.18 tal-UNFCCC li tistabbilixxi l-għan għall-kisba ta' bilanċ tas-sessi fil-korpi stabbiliti skont il-konvenzjoni u l-Protokoll ta' Kjoto sabiex tittejjeb il-parteċipazzjoni tan-nisa, tiġi żgurata politika aktar effikaċi dwar it-tibdil fil-klima li tindirizza l-bżonnijiet tan-nisa u l-irġiel bl-istess mod u sabiex jiġi rreġistrat il-progress li jsir lejn l-għan ta' bilanċ tas-sessi sabiex tiġi avvanzata politika dwar il-klima sensittiva għall-ġeneru;

21.  Ifakkar fid-Deċiżjoni 21/CP.22 tal-UNFCCC dwar il-ġeneru u t-tibdil fil-klima, li "tistieden lill-Partijiet jaħtru u jipprovdu appoġġ għal punt fokali nazzjonali tal-ġeneru għan-negozjati, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' kwistjonijiet relatati mal-klima";

22.  Ifakkar li l-Impenn Strateġiku għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2019 jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa madwar id-dinja kollha bħala waħda mill-prijoritajiet tal-politika esterna tal-UE; iżomm lill-Kummissjoni fidila għall-kelma tagħha, u jistedinha tipprijoritizza l-isforzi tagħha biex tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż billi tipprovdi r-riżorsi finanzjarji meħtieġa;

23.  Jinsab imħasseb dwar ir-restrizzjonijiet fuq l-aċċess għall-kura tas-saħħa pubblika u, b'mod partikolari, dwar l-aċċess għas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, speċjalment għan-nisa u l-bniet fiż-żoni rurali;

24.  Ifakkar lid-delegazzjonijiet tal-UE fl-importanza li titqies l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fid-djalogi politiċi u fid-djalogi ta' politika settorjali;

25.  Jesprimi l-ammirazzjoni tiegħu lejn id-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u tal-LGBTI li qed jippruvaw jegħlbu kwalunkwe trattament inġust u diskriminatorju u lejn dawk li ddefendew id-drittijiet tal-bniedem minkejja d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom; jistieden lill-gvernijiet tar-reġjun tal-MENA jistabbilixxu b'urġenza l-mekkaniżmi meħtieġa għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa, inkluż il-fastidju tal-attivisti tad-drittijiet tan-nisa u l-LGBTI;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżguraw l-appoġġ tad-difensuri tad-drittijiet tan-nisa u LGBTI u jkomplu jtejbu l-implimentazzjoni tagħhom tal-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem, filwaqt li jagħmlu użu sħiħ mill-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħhom; jenfasizza li d-delegazzjonijiet tal-UE jridu jipprijoritizzaw l-appoġġ għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li huma l-aktar f'riskju f'sejħiet lokali għal proposti taħt l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem (EIDHR), li jirriżultaw f'appoġġ effettiv u mmirat;

27.  Itenni t-talba tal-Assemblea Parlamentari tal-Unjoni għall-Mediterran għal appoġġ għal proġett Ewro-Mediterranju dwar id-disparitajiet bejn is-sessi, biex jinkludi analiżi tar-rata tar-rappreżentanza tan-nisa fil-parlamenti nazzjonali u reġjonali u fl-istituzzjonijiet lokali; huwa tal-fehma li l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa ta' dik l-Assemblea Parlamentari u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi tal-Parlament Ewropew għandhom jirċievu informazzjoni kull sena dwar l-indikaturi tal-inugwaljanza bejn is-sessi fir-reġjun Ewro-Mediterranju.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

23.1.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

7

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Heinz K. Becker, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Iratxe García Pérez, Arne Gericke, Anna Hedh, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Angelika Niebler, Maria Noichl, Marijana Petir, Pina Picierno, João Pimenta Lopes, Terry Reintke, Liliana Rodrigues, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Eleonora Forenza, Julie Girling, Lívia Járóka, Dubravka Šuica, Mylène Troszczynski, Julie Ward

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Lambert

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

21

+

ALDE

Beatriz Becerra Basterrechea

GUE/NGL

Malin Björk, Eleonora Forenza, João Pimenta Lopes

PPE

Heinz K. Becker, Anna Maria Corazza Bildt, Julie Girling, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Dubravka Šuica

S&D

Vilija Blinkevičiūtė, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Maria Noichl, Pina Picierno, Liliana Rodrigues, Julie Ward

VERTS/ALE

Jean Lambert, Terry Reintke, Ernest Urtasun

7

-

ECR

Arne Gericke, Jadwiga Wiśniewska

ENF

Mylène Troszczynski

PPE

Angelika Niebler, Marijana Petir, Michaela Šojdrová, Anna Záborská

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

Esfandiari, H. u Heideman, K., "The role and status of women after the Arab uprisings" (Ir-rwol u l-istatus tan-nisa wara r-rewwixti Għarab), IEMed Mediterranean Yearbook 2015, pp. 303-306.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

33

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Elmar Brok, Klaus Buchner, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Michael Gahler, Iveta Grigule-Pēterse, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, Ramona Nicole Mănescu, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Dobromir Sośnierz, Charles Tannock

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Brando Benifei, Neena Gill, Liisa Jaakonsaari, Soraya Post, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Helmut Scholz

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Santiago Fisas Ayxelà, Karin Kadenbach, Ramón Luis Valcárcel Siso, Julie Ward, Flavio Zanonato


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

33

+

ALDE

Iveta Grigule-Pēterse, Javier Nart

ECR

Charles Tannock

GUE/NGL

Helmut Scholz

PPE

Michèle Alliot-Marie, Elmar Brok, Arnaud Danjean, Santiago Fisas Ayxelà, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, David McAllister, Ramona Nicole Mănescu, Francisco José Millán Mon, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Ramón Luis Valcárcel Siso

S&D

Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, Neena Gill, Liisa Jaakonsaari, Karin Kadenbach, Arne Lietz, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Soraya Post, Julie Ward, Flavio Zanonato

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Barbara Lochbihler

3

-

ECR

Bas Belder

NI

Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 27 ta' Frar 2019Avviż legali