Proċedura : 2018/2219(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0088/2019

Testi mressqa :

A8-0088/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.2
CRE 26/03/2019 - 13.2

Testi adottati :

P8_TA(2019)0243

RAPPORT     
PDF 356kWORD 101k
26.2.2019
PE 626.770v01-00 A8-0088/2019

dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-kwittanza lill-Kummissjoni għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2219(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Inés Ayala Sender

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri fil-kuntest tal-kwittanza lill-Kummissjoni għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2219(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri mfassla skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 287(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 (COM(2018)0521 – C8-0370/2018)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu ta'... dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima III – Il-Kummissjoni(5), u r-riżoluzzjoni tiegħu bil-kummenti, li hija parti integrali minn din id-deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05824/2019 – C8-0053/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 62, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(7), u b'mod partikolari l-Artikoli 69, 260, 261 u 262 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 93 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8‑0088/2019),

A.  billi, skont it-termini tal-Artikolu 17(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha teżegwixxi l-baġit u tamministra l-programmi, u billi, b'applikazzjoni tal-Artikolu 317 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, din għandha timplimenta l-baġit f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, fuq ir-responsabbiltà tagħha stess, f'konformità mal-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba;

B.  billi r-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") jinkludu informazzjoni dwar aspetti importanti relatati mal-implimentazzjoni tal-fondi u, għaldaqstant, huma utli għall-Parlament fl-eżerċitar tar-rwol tiegħu ta' awtorità ta' kwittanza;

C.  billi l-kummenti tal-Parlament dwar ir-rapporti speċjali tal-Qorti tal-Awdituri jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni tiegħu msemmija hawn fuq ... dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima III – Il-Kummissjoni;

Parti I – Rapport Speċjali Nru 15/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Il-kundizzjonalitajiet ex ante u r-riżerva ta' prestazzjoni fil-qasam ta' Koeżjoni: strumenti innovattivi iżda għadhom mhumiex effettivi"

1.  Jieħu nota tas-sejbiet u tal-konklużjonijiet tal-Qorti u jiddispjaċih lil-Kummissjoni ma qisithomx meta ġiet biex tħejji l-proposti għar-regolamenti rispettivi għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss;

2.  Jiddispjaċih, b'mod partikolari, li wħud mill-kriterji proposti mill-Kummissjoni fil-proposta tagħha għar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2021-2027 jistgħu ma jaffettwawx l-implimentazzjoni tal-objettivi speċifiċi relatati u ma jtejbux materjalment l-effiċjenza u l-effikaċja tal-politika ta' koeżjoni, għall-kuntrarju tar-rakkomandazzjoni tal-Qorti f'dan ir-rigward;

3.  Ifakkar li l-kundizzjonalitajiet ex ante għall-perjodu 2014-2020 ġew introdotti bil-għan li jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FEIS) billi jiġu żgurat li jkun hemm fis-seħħ il-prerekwiżiti meħtieġa għall-użu effikaċi u effiċjenti tal-appoġġ tal-Unjoni;

4.  Jiġbed l-attenzjoni, madankollu, għall-fatt li l-Qorti esprimiet dubju dwar jekk l-introduzzjoni tal-kundizzjonalitajiet ex ante effettivament wasslitx għal bidliet fil-prattika minkejja li fil-fehma tal-Qorti, kien previst qafas ta' valutazzjoni tal-istat ta' tħejjija tal-Istati Membri biex jimplimentaw il-politika ta' koeżjoni;

5.  Jissottolinja li, fil-każ li l-kundizzjonalitajiet ex ante jinżammu u jiġu sostitwiti minn kundizzjonijiet abilitanti fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, dawn għandhom ikunu adegwati għall-kuntest nazzjonali u reġjonali, orjentati lejn inċentivi u jwasslu għall-implimentazzjoni bla xkiel tal-objettivi ta' żvilupp reġjonali, kif ukoll jeskludu d-duplikazzjoni u l-possibbiltà ta' ambigwità u ta' interpretazzjonijiet diverġenti;

6.  Jinnota li madwar 75 % tal-kundizzjonalitajiet ex ante applikabbli kollha kienu ssodisfati fil-mument tal-adozzjoni tal-programmi tal-FEIS, li 86 % ġew issodisfati fil-bidu tal-2017 u 99 % sa Mejju 2018, li jindika li l-perjodu għat-twettiq tal-kundizzjonalitajiet ex ante kien itwal minn dak previst fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (ir-"Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni") u li sal-iskadenza f'Diċembru 2016, madwar 15 % tal-kundizzjonalitajiet ex ante kienu għadhom ma ġewx issodisfati;

7.  Jirrikonoxxi li l-kundizzjonalitajiet ex ante rrappreżentaw piż amministrattiv addizzjonali u li, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni, kienu waħda mir-raġunijiet possibbli għad-dewmien li ġie reġistrat fl-implimentazzjoni tal-FEIS 2014-2020; jirrikonoxxi wkoll li għalkemm ma kien hemm l-ebda każ ta' sospensjoni ta' pagamenti għal programmi mill-Kummissjoni minħabba eżekuzzjoni insuffiċjenti tal-kundizzjonalitajiet ex ante sa tmiem l-2016, l-awtoritajiet maniġerjali kkonċernati żammew lura milli jippreżentaw talbiet għall-pagament, u b'hekk imponew forma ta' awtosospensjoni u ttardjaw l-implimentazzjoni, bir-riżultat li r-rata ta' assorbiment fi tmiem ir-raba' sena tal-perjodu attwali (2017) kienet sostanzjalment inqas mir-rata ta' assorbiment fid-data korrispondenti (tmiem l-2010) għall-perjodu preċedenti 2007-2013 (17 % u 41 % rispettivament), u b'hekk, dan il-fatt kompla jsaħħaħ id-dubju dwar il-valur miżjud tal-kundizzjonalitajiet ex ante bħala strument li kien introdott bil-għan li jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-politika ta' koeżjoni;

8.  Jissottolinja, fir-rigward taż-żmien li fadal sat-tmiem tal-perjodu ta' programmazzjoni attwali, li huwa kruċjali li l-Kummissjoni tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-Istati Membri sabiex jissodisfaw il-kundizzjonalitajiet ex ante li fadal, kif ukoll sabiex jimplimentaw fil-prattika d-dispożizzjonijiet rispettivi, b'mod partikolari fir-rigward tal-akkwist pubbliku u tal-għajnuna mill-Istat;

9.  Jinnota l-fehma tal-Qorti li l-inklużjoni ta' riżerva ta' prestazzjoni fil-qafas tal-prestazzjoni kellha l-għan li toffri inċentiv effikaċi biex jintlaħqu l-outputs u r-riżultati previsti;

10.  Jaqbel mal-fehma tal-Qorti li, globalment, il-qafas ta' prestazzjoni 2014-2020 ma kienx, b'mod sinifikattiv, aktar orjentat lejn ir-riżultati meta mqabbel ma' arranġamenti simili fil-perjodi preċedenti, billi essenzjalment baqa' ffokat fuq l-infiq u l-outputs tal-proġetti, bil-parti l-kbira tal-indikaturi li jikkostitwixxu l-bażi ta' allokazzjoni tar-riżerva ta' prestazzjoni jirrappreżentaw indikaturi tal-output (57,1 %), indikaturi finanzjarji (33,4 %) u l-passi ewlenin tal-implimentazzjoni (9,2 %), b'użu sfortunatament marġinali biss ta' indikaturi tar-riżultati (0,3 %);

11.  Josserva, f'dan ir-rigward, li kif stabbilit fl-Anness II tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, kienu previsti, "fejn xieraq" biss stadji importanti għall-miri intermedjarji dwar l-implimentazzjoni ta' indikaturi tar-riżultati għall-applikazzjoni fil-qafas ta' prestazzjoni, li jikkuntrasta mal-inklużjoni obbligatorja ta' stadji importanti marbutin mal-implimentazzjoni ta' indikaturi tal-output li għandhom konnessjoni mill-qrib mal-interventi sostnuti mill-oqsma tal-politika;

12.  Huwa tal-fehma li ż-żmien stabbilit fl-2019 biex issir l-analiżi tal-prestazzjoni tal-programmi għal kull Stat Membru wasslet biex il-pajjiżi u r-reġjuni li kienu kisbu l-istadji importanti tagħhom ġew impediti milli jaċċedu għall-fondi allokati lilhom qabel l-aħħar sena tal-perjodu ta' programmazzjoni, peress li dawn il-fondi kienu ġew imblukkati fir-riżerva ta' prestazzjoni; jappella għalhekk, li tkun prevista l-possibbiltà li ssir analiżi aktar kmieni u li jingħata aċċess għal tali fondi f'data qabel;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-każ li r-riżerva ta' prestazzjoni titkompla fil-perjodu ta' wara l-2020, tibbaża l-proposta tagħha fuq it-tagħlimiet misluta mill-perjodu 2014-2020, u tipproponi reviżjoni korrispondenti tal-qafas ta' prestazzjoni sabiex toħloq inċentivi reali għal sistema orjentata lejn ir-riżultati; tali sistema għandha toffri wkoll il-bilanċ meħtieġ bejn is-simplifikazzjoni għall-implimentazzjoni mingħajr xkiel ta' proġetti u d-dispożizzjonijiet meħtieġa għal kontroll u ġestjoni finanzjarja tajba;

14.  Ifakkar li l-politika ta' koeżjoni hija qabel xejn appoġġ u solidarjetà, u b'hekk l-istrumenti abilitanti u li joffru inċentivi jirriżultaw aktar xierqa mill-innovazzjonijiet ta' natura dixxiplinari u sanzjonatorja;

Parti II – Rapport Speċjali Nru 19/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Proċeduri ta' importazzjoni: xi nuqqasijiet fil-qafas legali u implimentazzjoni ineffettiva għandhom impatt fuq l-interessi finanzjarji tal-UE"

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar id-distakk fil-ġbir tad-dazji doganali identifikat fl-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni relatati mar-Riżorsi Proprji Tradizzjonali (RPT), u tlesti l-analiżi bbażata fuq din id-data;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni dwar l-ammonti ta' dazji doganali ddikjarati mill-Istati Membri u miġbura favur il-baġit tal-Unjoni; jemmen li s-sistema attwali ta' inċentivi għall-kontrolli doganali tista' tittejjeb;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tħejji analiżi dwar l-azzjonijiet mitluba mill-Istati Membri fil-komunikazzjonijiet dwar l-Assistenza Reċiproka, kif ukoll l-istat attwali fil-kisba tal-għan ewlieni, jiġifieri li jinkisbu riżultati ekwivalenti;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi valutazzjoni tar-riżultati kwantitattivi tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-Unjoni "Dwana 2020" u "Hercule III", responsabbli mill-finanzjament tal-iskambju ta' informazzjoni u l-kooperazzjoni doganali biex jipproteġu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni matul il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) attwali;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-livell ta' abbuż li jsir b'riżultat tal-eżenzjonijiet mid-dazji doganali għal kunsinni ta' valur baxx fuq il-kummerċ elettroniku ta' prodotti ma' pajjiżi terzi;

Parti III - Rapport Speċjali Nru 20/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Strumenti ta' garanzija fuq is-self iffinanzjati mill-UE: inkisbu riżultati pożittivi, iżda jeħtieġ orjentament akbar lejn il-benefiċjarji u koordinazzjoni aħjar mal-iskemi nazzjonali"

20.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti, il-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tagħha;

21.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni aċċettat il-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet u se taġixxi fir-rigward tagħhom;

22.  Huwa tal-fehma, flimkien mal-Qorti, li l-istrumenti finanzjarji għandhom jintużaw biss jekk is-self kummerċjali ma jkunx jista' jinkiseb minħabba l-fatt li l-proġett huwa żgħir wisq jew riskjuż wisq, jew inkella min jissellef ma jkunx jista' joffri l-garanziji neċessarji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa metodoloġija għall-analiżi tal-effett tal-garanziji fuq il-provvista tas-self, il-kompetizzjoni bejn il-banek u l-attività ta' innovazzjoni tan-negozji, u għall-analiżi tad-diviżjoni tas-sussidju impliċitu bejn il-fornitur u l-benefiċjarju;

23.  Jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni u tal-Qorti għall-fatt li l-Faċilità ta' Garanzija ta' Self u l-Faċilità ta' Garanziji ta' InnovFin għall-SMEs potenzjalment joħolqu portafolji ta' self tal-intermedjarji b'valur ta' EUR 24,42 biljun, li dwarhom l-awtorità ta' kwittanza ftit li xejn taf, peress li s-sistema hija kumplessa ħafna u ftit trasparenti;

24.  Itenni l-pożizzjoni tal-Parlament kif dikjarata fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' April 2017 bil-kummenti li jiffurmaw parti integrali mid-deċiżjonijiet dwar il-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, Taqsima III – il-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi:

–  "20. Jindika l-użu dejjem jikber tal-istrumenti finanzjarji li prinċipalment jinkludu s-self, l-istrumenti ta' ekwità, il-garanziji u l-istrumenti għall-kondiviżjoni tar-riskju taħt ġestjoni indiretta għall-perjodu 2014-2020, u jindika wkoll li l-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment iġġestixxa kważi l-istrumenti finanzjarji kollha taħt ġestjoni indiretta; ma jemminx li hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli biex tkun tista' ssir valutazzjoni ta' dak li kisbu dawn l-istrumenti, b'mod speċjali fir-rigward tal-impatt soċjali u ambjentali tagħhom; jenfasizza li l-istrumenti finanzjarji jistgħu jissupplementaw l-għotjiet iżda mhux suppost jissostitwixxuhom";

25.  Ifakkar fl-intenzjoni tal-Kummissarju Oettinger li, fuq żmien twil, id-diversi baġits moħbija jerġgħu jinġiebu taħt il-kappa tal-baġit tal-Unjoni; jikkunsidra li dan iżid bil-kbir l-obbligu demokratiku li jingħata rendikont; jistieden lill-Kummissjoni tabbozza komunikazzjoni dwar kif dan jista' jsir qabel Ġunju 2019;

Parti IV – Rapport Speċjali Nru 22.2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali – saru sforzi biex jingħata segwitu għar-rakkomandazzjonijiet, iżda jeħtieġ li jkun hemm monitoraġġ aħjar"

26.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti u jippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu hawn taħt;

27.  Ifakkar li l-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali (MOE) tal-UE jikkostitwixxu strument viżibbli ħafna tal-politika barranija tal-Unjoni kif ukoll objettiv parlamentari strateġiku, minħabba li l-Kap Osservatur ta' dawn il-Missjonijiet huwa Membru tal-Parlament, u strument għall-promozzjoni tad-demokratizzazzjoni u għat-titjib fil-proċess tal-elezzjonijiet;

28.  Jemmen li l-attivitajiet ta' osservazzjoni elettorali, imwettqa b'mod xieraq, ġust u oġġettiv, jiżvolġu rwol ewlieni fid-diplomazija pubblika billi joffru valutazzjoni imparzjali u rakkomandazzjonijiet kostruttivi li jistgħu jiġu segwiti minn partijiet ikkonċernati nazzjonali, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

29.  Ifakkar li m'hemmx mudell "wieħed tajjeb għal kulħadd" biex jiġġestixxi tajjeb il-kwistjoni u li l-flessibbiltà għandha tiġi kkunsidrata billi jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' kull pajjiż ospitanti;

30.  Huwa tal-fehma li konsultazzjoni diretta mal-partijiet ikkonċernati dwar ir-rakkomandazzjonijiet possibbli tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali, qabel il-finalizzazzjoni tar-rapport, hija dubjuża u ma għandhiex tkun possibbli taħt l-ebda ċirkostanza għal Kap Osservatur fir-rigward tal-indipendenza tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali;

31.  Huwa tal-fehma li s-segwitu tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali għandu jkompli jissaħħaħ fid-djalogi politiċi flimkien mal-parteċipazzjoni tad-delegazzjonijiet ad hoc tal-Parlament u, billi possibbilment jesploraw modi ġodda bħal djalogi elettorali li jarrikkixxu l-proċess ġenerali ta' osservazzjoni elettorali, b'mod partikolari l-valutazzjoni fattwali ta' proċess elettorali;

32.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) isegwi kemm jista' jkun l-implimentazzjoni effettiva tar-rakkomandazzjonijiet tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali f'pajjiżi terzi, filwaqt li jirrispetta s-sovranità ta' kull pajjiż u jinvolvi lill-Parlament, u saħansitra billi jalloka livell suffiċjenti ta' riżorsi umani mid-delegazzjonijiet tal-Unjoni b'kompetenza teknika adegwata għal dan il-kompitu politiku importanti, meħtieġ f'ċerti oqsma identifikati mill-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali;

33.  Jemmen li jkun utli li jiġi kkunsidrat l-involviment tal-Kap Osservatur fi stadju bikri fit-twaqqif tat-tim ewlieni tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali (b'mod partikolari għal ċerti funzjonijiet bħal dak tal-konsulent politiku, l-espert elettorali jew il-Viċi Kap tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali) bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-istazzjonar rapidu, aktar effiċjenti u konsistenti tal-Missjonijiet;

34.  Iqis li l-ħolqien ta' bażi tad-data, f'dak il-kuntest, għall-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE huwa għażla operattiva siewja biex jiġu kkonsolidati l-kredibbiltà u t-trasparenza ta' dan l-istrument tal-Unjoni u l-proċess fuq terminu ta' żmien medju u twil;

35.  Jitlob, bħala kwistjoni ġenerali, li jitpoġġa aktar enfasi fuq is-sostenibbiltà tal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, partikolarment fil-kuntest tal-Missjonijiet ta' Osservazzjoni Elettorali, fejn hemm lok mhux ħażin biex jiżdied it-trasferiment tal-għarfien lill-atturi lokali u jitjieb is-segwitu li jingħata lir-rakkomandazzjonijiet;

Parti V – Rapport Speċjali Nru 23/2017 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni: Bdiet il-ħidma fuq kompitu diffikultuż relatat mal-Unjoni Bankarja, iżda għad hemm ħafna xi jsir"

36.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti, u japprova l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tagħha;

37.  Jikkritika lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRB) talli ma pprovdiex id-dokumentazzjoni kollha mitluba tul dan l-awditu; ifakkar lill-SRB li t-TFUE jippermetti li l-Qorti jkollha aċċess sħiħ għal tali dokumentazzjoni tal-parti awditjata kif meħtieġ għall-awditu;

38.  Iħeġġeġ lill-SRB itejjeb il-konformità tiegħu mal-Ġabra Unika tar-Regoli;

39.  Iħeġġeġ lill-SRB jiffissa data sa meta jrid jitfassal l-ewwel pjan ta' riżoluzzjoni għal kull bank; jinsab imħasseb dwar ir-riskji involuti fil-valutazzjoni, f'kull pjan ta' riżoluzzjoni, tal-fattibbiltà u l-kredibbiltà tal-istrateġija ta' riżoluzzjoni magħżula, filwaqt li jitqies jekk din tistax tiġi applikata b'mod effettiv u f'waqtu; jitlob lill-SRB jirrikjedi li l-banek iwettqu testijiet biex juru li l-obbligazzjonijiet jistgħu jkunu soġġetti għal rikapitalizzazzjoni interna b'mod effettiv fi ħdan il-perjodu ta' żmien previst mill-pjan ta' riżoluzzjoni;

40.  Jistieden lill-SRB jiffinalizza s-sistema tiegħu ta' regoli għall-ippjanar ta' riżoluzzjoni, inkluża t-tħejjija ta' politiki ċari u konsistenti dwar ir-rekwiżiti minimi għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli sabiex jiġi żgurat li l-banek taħt il-mandat tal-SRB ikollhom kapaċità suffiċjenti ta' assorbiment tat-telf;

41.  Jiddeplora l-fatt li l-SRB ilu jesperjenza nuqqas ta' persunal minn mindu beda jopera b'mod indipendenti; jistieden lill-SRB jaċċellera l-isforzi ta' reklutaġġ tiegħu, b'mod partikolari billi jinvolvi lil esperti dwar ir-riżoluzzjoni u l-politika, inkluż f'livell għoli;

42.  Jiddispjaċih li l-qafas ta' kooperazzjoni bejn l-Awtoritajiet Nazzjonali ta' Riżoluzzjoni u l-SRB għadu mhux ċar; jinsab imħasseb dwar ir-riskji ta' titjib fil-prestazzjoni dgħajfa meta tiġi vvalutata kriżi bankarja fl-Istati Membri; jistieden lill-SRB itejjeb id-distribuzzjoni operazzjonali tal-kompiti u r-responsabbiltajiet;

43  Jinsab imħasseb dwar il-Memorandum ta' Qbil attwali bejn l-SRB u l-Bank Ċentrali Ewropew li ma jiżgurax li s-SRB jirċievi l-informazzjoni kollha mill-BĊE b'mod konsistenti u f'waqtu; jistieden lill-SRB jidħol f'diskussjoni mal-BĊE biex itejjeb is-sitwazzjoni;

44.  Huwa tal-fehma li l-SRB jifforma parti minn unjoni bankarja b'saħħitha b'regolamentazzjoni u superviżjoni b'saħħithom tal-banek u jikkostitwixxi wkoll pass importanti lejn qafas istituzzjonali strutturali u koerenti mogħni b'riżorsi adegwati u leġittimità demokratika sabiex jiġi stabbilizzat is-settur finanzjarju u tiġi evitata kriżi futura; madankollu jara l-ħtieġa għal aġġustamenti li se jtejbu l-effikaċja tax-xogħol tal-SRB u l-kontribuzzjoni sistemika tiegħu;

Parti VI – Rapport Speċjali Nru 1/2018 bit-titolu "Assistenza Konġunta ta' Appoġġ għal Proġetti fir-Reġjuni Ewropej (JASPERS) – wasal iż-żmien biex l-assistenza tiġi mmirata aħjar"

45.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti, is-sejbiet tiegħu u r-rieda tal-Kummissjoni biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet;

46.  Jilqa' l-fatt li f'xi każijiet, l-isforzi ta' JASPERS wasslu biex sar progress fil-kapaċità li l-Istati Membri jittrattaw it-tħejjija tal-proġetti u dawn il-proġetti kienu ta' kwalità tajba kif ikkonfermat mill-approvazzjoni rapida tagħhom mill-Kummissjoni;

47.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-BEI jiżguraw li l-programm jiġi implimentat b'tali mod li joffri riżultati aħjar fir-rigward tal-kapaċità amministrattiva tal-Istati Membri;

48.  Josserva li bejn l-2006 u l-2016 l-ispejjeż reali għal JASPERS u l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Kummissjoni fil-bidu żdiedu u sussegwentement baqgħu stabbli għal madwar EUR 30 miljun fis-sena, b'kontribuzzjoni tal-Kummissjoni li tvarja bejn 70 % u 80 %;

49.  Jemmen li l-benefiċjarji għandhom jieħdu sehem f'livell adegwat tal-ispejjeż għall-JASPERS;

50.  Huwa tal-fehma li l-kompitu ta' JASPERS, "(...) għall-għoti ta' konsulenza indipendenti mingħajr ħlas lill-Istati Membri li ssieħbu fl-Unjoni fl-2004 jew wara, biex tgħinhom iħejju proposti ta' kwalità għolja għal proġetti kbar ta' investiment li jiġu ffinanzjati permezz tal-Fond ta' Koeżjoni u tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali tal-UE. (...)", għandu, b'mod loġiku, jeħfief hekk kif Stati Membri ġodda jadattaw ruħhom għas-sistemi u l-proċeduri tal-UE;

51.  Jinsab tassew imħasseb dwar l-osservazzjoni tal-Qorti: "VIII. Il-BEI [Bank Ewropew tal-Investiment] ma kienx lest li jipprovdi informazzjoni dwar l-ispejjeż reali ta' JASPERS, u l-Kummissjoni setgħet tiddimostra parzjalment biss il-plawżibbiltà tal-ispejjeż standard ta' JASPERS li ntużaw sal-2014, għall-membri tal-persunal ipprovduti mill-BEI";

52.  Jinsisti li l-BEI jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Qorti l-informazzjoni kollha rilevanti għall-ħidma tal-awditjar tagħha; jitlob lill-Kummissjoni tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa biex tiżgura li l-BEI jikkoopera f'dan ir-rigward;

Parti VII - Rapport Speċjali Nru 2/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "L-effiċjenza operazzjonali tal-ġestjoni ta' kriżijiet bankarji mill-BĊE"

53.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-effiċjenza operazzjonali tal-ġestjoni ta' kriżijiet bankarji mill-BĊE, ir-rakkomandazzjonijiet tagħha u r-rieda tal-Kummissjoni li timplimentahom kollha għajr għal rakkomandazzjoni waħda;

54.  Jistieden lill-BĊE:

–  itejjeb il-gwida dwar l-iżvilupp ta' pjanijiet ta' rkupru, li 32 % tal-entitajiet mistħarrġa (ara l-Anness III, il-mistoqsija 14) qiesu bħala dgħajfa;

–  jagħti aktar attenzjoni lit-tweġibiet mogħtija għal mistoqsijiet, peress li 27 % tal-entitajiet mistħarrġa wieġbu li t-tweġibiet kienu utli biss xi drabi (ara l-Anness III, il-mistoqsija 17);

–  jiżviluppa l-ippjanar tal-proċess ta' rkupru bil-għan li dan isir inqas formalistiku; ifakkar li l-maġġoranza tal-entitajiet mistħarrġa (65 %) iqisu l-proċess attwali bħala aċċettabbli jew formalistiku (ara l-Anness III, il-mistoqsija 53);

55.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-fatt li l-BĊE ma tax lill-Qorti aċċess għad-dokumenti jew l-informazzjoni kollha mitluba li l-Qorti qieset li kienet meħtieġa biex twettaq il-kompitu tagħha, u jistieden lill-BĊE jirrimedja din il-politika;

56.  Huwa tal-fehma li l-kooperazzjoni sħiħa tal-BĊE hija essenzjali, għandha tingħata kif meħtieġ, u għandha tirriżulta fi trasparenza u responsabbiltà msaħħa;

57.  Ifakkar b'dispjaċir li l-Qorti tal-Awdituri mhijiex l-awditur estern ewlieni tal-BĊE, u li l-Qorti hija intitolata biss li teżamina l-effiċjenza operazzjonali tal-ġestjoni tal-BĊE (l-Artikolu 27 tal-Protokoll Nru 4 anness mat-TFUE);

58.  Jindika żbilanċ interistituzzjonali ċar: filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) għandha rwol prominenti fis-superviżjoni tal-attivitajiet tal-BĊE (l-Artikolu 35 tal-Protokoll Nru 4), il-Qorti Ewropea tal-Awdituri ngħatat biss rwol minimu fil-verifika tal-ġestjoni finanzjarja tal-bank (biex tiġi eżaminata l-effiċjenza operattiva tal-maniġment), għad-detriment tat-trasparenza u r-responsabbiltà;

59.  Jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jiżviluppaw iżjed ir-rwol tal-Qorti fir-rigward tal-BĊE fir-reviżjoni li jmiss tat-Trattati;

60.  Ifakkar li l-ġestjoni ta' kriżijiet tal-BĊE tifforma parti minn qafas Ewropew komuni ta' rkupru u riżoluzzjoni stabbilit b'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-settur bankarju u b'hekk jimpedixxi d-dipendenza fuq il-fondi pubbliċi;

61.  Jinnota li l-BĊE ngħata r-responsabbiltà għall-ġestjoni tal-valutazzjonijiet tal-ippjanar ta' rkupru tal-banek u għal intervent bikri għall-banek sinifikanti fiż-żona tal-euro u li l-ġestjoni effettiva tal-kriżijiet, għalhekk, tiddependi primarjament mill-ġestjoni operazzjonalment effiċjenti mill-BĊE;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-BĊE jtejbu r-rwol superviżorju biex tittejjeb l-istabbiltà tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro u biex tiġi żgurata l-istabbiltà u r-reżiljenza għall-kriżijiet, biex tiġi evitata kwalunkwe dgħufija fil-proċess kollu li tista' tipperikola l-kredibbiltà tal-ġestjoni tal-kriżijiet mill-BĊE;

Parti VIII - Rapport Speċjali Nru 3/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Awditu tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku [MIP]"

63.  Jinnota r-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet tagħha u r-rieda tal-Kummissjoni li timplimenta l-maġġoranza tagħhom;

64.  Jindika li l-MIP hija parti mill-eżerċizzju tas-Semestru Ewropew, li jibda bl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) u r-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija (AMR) fil-ħarifa tas-sena n-1; jekk l-AMR, ibbażat fuq tabella ta' indikaturi u limiti, jindika li tista' tinqala' problema speċifika, l-Istat Membru rispettiv ikun sottomess għal analiżi fil-fond (IDR);

65.  Jindika li l-MIP kienet mfassla b'reazzjoni għall-kriżi ekonomika u finanzjarja fl-Ewropa minħabba li l-iżbilanċi makroekonomiċi kienu waħda mill-kawżi ewlenin tal-kriżi. Għalhekk, it-tfassil kunċettwali tal-MIP jeħtieġ li jiġi żviluppat b'mod kostanti sabiex jingħelbu l-iżbilanċi u tiġi żgurata l-istabbiltà soċjali u ekonomika;

66.  Jinnota li, jekk, abbażi tar-riżultati tal-IDR, il-Kummissjoni tiskopri li jeżistu ''żbilanċi makroekonomiċi'', din tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Grupp tal-Euro; Il-Kunsill jista' b'hekk, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, jindirizza rakkomandazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat (skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 121(2) tat-TFUE); Dawn ir-rakkomandazzjonijiet preventivi tal-MIP jiffurmaw parti mir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs);

67.  Jinnota n-nuqqas ta' konsistenza bejn l-analiżi makroekonomika u s-CSRs identifikat mill-Qorti tal-Awdituri u l-isfida relatata mill-qrib tal-identifikazzjoni tal-kawżi primarji ta' żbilanċi ekonomiċi;

68.  Jinnota li l-għadd ta' Stati Membri identifikati bħala li għandhom żbilanċi makroekonomiċi żdied mill-2012 u t-titjib kien relattivament rari; jikkonkludi li l-MIP ma kinitx effettiva minħabba li analizzat ħażin il-kawżi tal-iżbilanċi makroekonomiċi;

69.  Jikkonkludi, flimkien mal-Qorti, li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill huma soġġetti għal ponderazzjoni politika; dan jidher li huwa r-regola, aktar milli l-eċċezzjoni;

70.  Jinsab konvint li l-apprezzament politiku tad-data ekonomika huwa eżerċizzju neċessarju sakemm dan jitwettaq b'mod trasparenti, filwaqt li jiġu ddikjarati l-fatti ekonomiċi, minn naħa, u r-raġunijiet politiċi għar-rakkomandazzjoni min-naħa l-oħra;

71.  Jistieden lill-Kummissjoni tfassal sistema, li tħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw l-MIP-CSRs b'mod effiċjenti u effettiv;

72.  Jitlob lill Kummissjoni tispjega u/jew tagħti provi dwar ir-raġunijiet għan-nuqqas ta' attivazzjoni tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv (EIP) meta jkun hemm evidenza li Stat Membru jkun qed jiffaċċja żbilanċi eċċessivi, partikolarment fejn ikun hemm riskju għoli ta' instabbiltà, fejn l-iżbilanċi jkunu persistenti jew kellhom riperkussjonijiet, jew fejn l-azzjonijiet korrettivi ma kinux sodisfaċenti;

Parti IX – Rapport Speċjali Nru 4/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Assistenza mill-UE lill-Myanmar/Burma"

73.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri u jippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu hawn taħt;

74.  Jirrikonoxxi s-sitwazzjoni politika diffiċli u l-isfidi operattivi kumplessi li s-SEAE, is-servizzi tal-Kummissjoni u d-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea jkollhom jiffaċċjaw, b'mod partikolari fl-Istati ta' Rakhine, ta' Kachin u ta' Shan;

75.  Jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni jkomplu jiżviluppaw programm ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp fit-tul, globali u ambizzjuż li jimmobilizza l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu, biex jgħinu lill-Myanmar jiżviluppa u jirfina l-istrateġija globali ta' żvilupp tiegħu, filwaqt li jiġi stabbilit b'mod gradwali qafas ta' riżultati nazzjonali b'għodod ta' kejl tal-impatt u tas-sostenibbiltà tal-għajnuna;

76.  Jitlob li tiġi definita taħlita politika xierqa fir-rigward tal-intervent tal-Unjoni u fl-għażla ta' setturi ewlenin ta' żvilupp abbażi ta' evalwazzjoni settorjali regolari tal-ħtiġijiet, b'enfasi fuq it-tħeġġiġ tal-vijabbiltà, il-komplementarjetà u s-sostenibbiltà tal-proġetti; jitlob li r-riżultati tal-evalwazzjoni strateġika tal-pajjiż li għandha tiġi kkompletata fl-2018 jiġu trażmessi mingħajr dewmien lill-Parlament;

77.  Iqis ukoll meħtieġ li tiġi żgurata biżżejjed flessibbiltà fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' għajnuna, f'kuntest politiku u operattiv partikolarment diffiċli, sabiex jiġu msaħħa b'mod aktar sistematiku l-kapaċitajiet nazzjonali u biex tiġi żgurata kopertura ġeografika adegwata filwaqt li titqies il-kapaċità ta' assorbiment reali tal-pajjiż;

78.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma ddefinietx biżżejjed il-prijoritajiet ġeografiċi reġjonali tal-għajnuna tagħha; jinnota li l-ewwel studju dwar il-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istat ta' Rakhine sar fl-2017; iqis li valutazzjoni speċifika ta' dan l-Istat kellha tkun il-prijorità tad-delegazzjoni tal-Unjoni mal-wasla tagħha fl-2013;

79.  Jappella għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-settur pubbliku u tal-istrutturi istituzzjonali sabiex jinħoloq qafas ta' governanza aktar responsabbli, u dan filwaqt li jiġi żgurat appoġġ aktar strateġiku lill-istituzzjonijiet prinċipali tal-awditjar tal-pajjiż;

80.  Ifakkar li l-"bini tal-Istat" irid ikun fiċ-ċentru tal-istrateġija tal-iżvilupp tal-Unjoni, f'konformità mal-prinċipji tal-intervent f'sitwazzjonijiet delikati, b'mod partikolari t-tisħiħ istituzzjonali, it-trasparenza u l-effikaċja tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, flimkien ma' djalogu politiku msaħħaħ;

81.  Jappoġġja t-tisħiħ tal-kooperazzjoni fil-post mas-sħab internazzjonali sabiex tiżdied il-kosteffikaċja tal-azzjonijiet b'bosta donaturi, peress li koordinazzjoni effikaċi fost id-donaturi għadha prerekwiżit essenzjali sabiex jiġu evitati d-duplikazzjoni u l-frammentazzjoni tal-għajnuna;

82.  Jiddispjaċih dwar id-dgħufijiet identifikati fl-iskambju ta' informazzjoni bejn id-DĠ DEVCO u d-DĠ ECHO fl-Istati ta' Rakhine u Kachin; jiddispjaċih dwar il-fatt li proċedura għall-iskambju ta' informazzjoni bejn iż-żewġ Direttorati Ġenerali ma ġietx introdotta qabel Settembru 2016; jappella, f'dan ir-rigward, għal koordinazzjoni aħjar tal-għajnuna umanitarja u tal-għajnuna għall-iżvilupp b'rabta aktar b'saħħitha bejn l-għajnuna ta' emerġenza, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp permezz ta' pjattaforma interservizzi LRRD (kollegament bejn l-għajnuna, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp) permanenti; huwa tal-fehma li approċċi integrati, b'objettivi ta' koordinazzjoni definiti b'mod ċar u strateġija għall-pajjiż koerenti bejn id-Direttorati Ġenerali ECHO u DEVCO, b'mod parallel ma' kondiviżjoni tal-aħjar prattiki, jeħtieġ li jiġu implimentati kull fejn possibbli; jappella, f'dan ir-rigward, għall-inklużjoni sistematika tal-approċċ LRRD fiċ-ċiklu ta' finanzjament tal-operazzjonijiet;

83.  Jitlob, barra minn hekk, lis-servizzi tal-Kummissjoni jqisu aktar il-konnessjoni u t-tranżizzjoni minn attivitajiet umanitarji fuq perjodu qasir għal interventi ta' żvilupp fit-tul, u jiżviluppaw koordinazzjoni koerenti mhux biss bejn id-diversi partijiet ikkonċernati fl-iżvilupp fil-post, iżda anke mal-prijoritajiet nazzjonali bis-saħħa ta' strateġija u ta' qafas komuni ta' għajnuna umanitarja u ta' żvilupp;

84.  Jirrakkomanda li jsir titjib fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-proġetti u l-azzjonijiet billi jittejbu l-ġustifikazzjonijiet mogħtija għall-ammonti allokati skont is-setturi ta' prijorità fid-dokumenti ta' programmazzjoni u ta' ġestjoni sabiex jitqies, meta jkun meħtieġ, kwalunkwe riaġġustament tal-għajnuna għal ħtiġijiet ġodda mil-lum sal-2020, waqt li fl-istess ħin tingħata viżibbiltà aħjar lill-azzjonijiet tal-Unjoni Ewropea; iqis li l-viżibbiltà tad-donaturi u informazzjoni adegwata dwar il-ġestjoni tal-proġetti huma importanti biex il-kontribuzzjonijiet kollha jiġu rikonoxxuti u biex jinżamm l-obbligu li jingħata rendikont;

85.  Jiddispjaċih li l-aktar element importanti tal-Fond Konġunt għall-Paċi ma ġiex allokat lill-Istat ta' Rakhine; huwa tal-fehma li din hija tassew opportunità mitlufa għal dan ir-reġjun partikolarment vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni testendi l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-Fond għall-Istat ta' Rakhine;

86.  Jindika li meta l-appoġġ baġitarju jintgħażel bħala wieħed mill-modi sinifikanti ta' implimentazzjoni tal-għajnuna, il-Kummissjoni jeħtiġilha, f'koordinazzjoni ma' donaturi oħra:

–  tipprovdi appoġġ adegwat għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet u tiffoka fuq il-funzjonijiet ewlenin tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, inklużi l-mekkaniżmi ta' responsabbiltà u kontra l-korruzzjoni;

–  tappoġġja t-tħejjija f'waqtha ta' programm xieraq ta' riforma tal-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi;

–  tistabbilixxi, meta jkun xieraq, miżuri fuq perjodu iqsar għas-salvagwardja tal-fondi tal-Unjoni kontra l-ħela, l-isparpaljar u l-ineffiċjenza;

Parti X – Rapport Speċjali Nru 5/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Enerġija rinnovabbli għal żvilupp rurali sostenibbli: sinerġiji sinifikanti huma possibbli iżda fil-biċċa l-kbira mhumiex qed jiġu realizzati"

87.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu ċ-ċirkustanzi u l-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull komunità u ekonomija rurali, iqisu l-impatti potenzjali pożittivi u negattivi tal-politika, u jiżguraw li ż-żoni rurali jibbenefikaw b'mod ugwali mill-eżiti tal-politika mwettqa, meta jfasslu l-politika futura tagħhom dwar l-enerġija rinnovabbli; Sabiex tagħmel dan, il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tiżviluppa mekkaniżmu rilevanti li jista' jkun ispirat mill-mekkaniżmu ta' protezzjoni taż-żoni rurali kif inhu previst taħt l-"Orjentazzjoni Politika 1" tad-Dikjarazzjoni ta' Cork 2.0 tal-2016;

88.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi din l-għodda fil-proċess ta' konsultazzjoni mal-Istati Membri dwar il-pjanijiet integrati nazzjonali dwar l-enerġija u l-klima, li jridu jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni sal-1 ta' Jannar 2019, kif ukoll tiggwida lill-Istati Membri dwar kif japplikawha;

89.  Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-koleġiżlaturi, tfassal il-qafas futur ta' politika għall-bijoenerġija b'mod li jipprevedi salvagwardji suffiċjenti kontra l-akkwist mhux sostenibbli tal-bijomassa għall-enerġija; il-qafas għandu jirrikonoxxi u jindirizza r-riskji għas-sostenibbiltà meta jiġi stimulat l-użu tal-bijoenerġija permezz ta' miri u skemi ta' appoġġ finanzjarju, u jiżgura li jiġu mmitigati r-riskji ambjentali u soċjoekonomiċi;

90.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi x'għandhom jiksbu l-investimenti tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) fl-enerġija rinnovabbli; kif għandhom jipprovdu valur miżjud għaż-żoni rurali; u kif l-FAEŻR għandu jikkomplementa l-iskemi ta' finanzjament nazzjonali u tal-Unjoni eżistenti mingħajr ir-riskju li jsir sempliċement sors ieħor ta' finanzjament għall-enerġija rinnovabbli mingħajr ma tingħata prijorità lill-iżvilupp rurali, meta titfassal il-politika tal-iżvilupp rurali futura tagħhom;

91.  Jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tuża l-esperjenza tal-prattika tajba rilevanti li kkonstatat matul l-awditjar tal-Qorti (evalwazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fiż-żoni rurali, proġetti ta' provvista tal-enerġija ta' partijiet terzi ffinanzjati taħt il-FAEŻR, użu proprju tal-proġetti ta' enerġija rinnovabbli), kif ukoll esperjenza simili deskritta fl-istudju tal-OECD "Linking Renewable Energy to Rural Development";

92.  Jistieden lill-Istati Membri, fir-rigward tal-appoġġ mill-FAEŻR għall-enerġija rinnovabbli, biex jipprovdu lill-Kummissjoni, fir-rapporti msaħħa ta' implimentazzjoni annwali tagħhom għall-2019, informazzjoni pertinenti dwar il-kisbiet tal-programmi ta' proġetti relatati mal-enerġija rinnovabbli; din l-informazzjoni għandha tippermetti li l-Kummissjoni tkun taf kemm, mill-infiq tal-FAEŻR, ikun tħallas favur proġetti relatati mal-enerġija rinnovabbli, kif ukoll il-kapaċità tal-enerġija installata jew l-enerġija prodotta minn dawn il-proġetti; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi d-diversi tipi ta' indikaturi b'mod aktar preċiż meta tkun qed tħejji l-perjodu ta' programmazzjoni għal wara l-2020;

93.  Jistieden lill-Kummissjoni tfakkar lill-Istati Membri japplikaw il-proċeduri tal-għażla rilevanti, sabiex jingħata appoġġ biss lil proġetti relatati mal-enerġija rinnovabbli li jkunu vijabbli u li jkunu ta' benefiċċju addizzjonali ċar għal żvilupp rurali sostenibbli;

Parti XI – Rapport Speċjali Nru 6/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Moviment Liberu tal-Ħaddiema – il-libertà fundamentali hija żgurata iżda orjentament aħjar tal-fondi tal-UE jkun ta' għajnuna għall-mobbiltà tal-ħaddiema"

94.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti;

95.  Jissottolinja li l-moviment ħieles tal-ħaddiema huwa prinċipju fundamentali tal-Unjoni u wieħed mill-akbar vantaġġi tas-suq uniku sakemm ikun jirrappreżenta vantaġġ għaż-żewġ naħat tar-relazzjoni industrijali u jiżgura il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema u t-tneħħija ta' kull diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri fir-rigward tal-impjieg, ir-rimunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol u tal-impjieg;

96.  Josserva bi tħassib li għad baqa' bosta ostakli għall-mobbiltà ħielsa u ġusta tal-ħaddiema fl-Unjoni u li l-azzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri ma jistgħux jindirizzaw kompletament il-problemi li jiffaċċjaw il-ħaddiema li jridu jaħdmu fi Stati Membri oħrajn, pereżempju bħal informazzjoni mhux suffiċjenti dwar id-drittijiet tal-ħaddiema rigward l-impjieg u l-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll id-drittijiet tas-sigurtà soċjali, iżda anke miżuri mhux adegwati ta' prevenzjoni ta' diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema mobbli u li jiżguraw l-infurzar effiċjenti tad-drittijiet tagħhom;

97.  Jieħu nota tal-osservazzjonijiet tal-Qorti li l-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ għodod li jinformaw liċ-ċittadini dwar id-drittijiet tagħhom u stabbiliet sistemi li jirrapportaw id-diskriminazzjoni fil-konfront tal-moviment liberu tal-ħaddiema; jinsab imħasseb madankollu, li l-Qorti sabet li minkejja dawn l-għodod u s-sistemi, il-Kummissjoni ma għandhiex informazzjoni dwar il-livell ta' sensibilizzazzjoni fir-rigward ta' dawn l-għodod u dwar l-iskala ta' diskriminazzjoni fir-rigward tal-moviment liberu fil-livell tal-Unjoni;

98.  Jinnota li wħud mill-għodod li l-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ bħala appoġġ għall-mobbiltà tal-forza tax-xogħol ħafna drabi l-benefiċjarji potenzjali ma jkollhomx għarfien dwarhom u jinsab imħasseb li f'numru ta' Stati Membri perċentwal żgħir biss ta' postijiet vakanti huma ppubblikati fuq il-Portal tal-EURES dwar il-Mobbiltà fix-Xogħol; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li dawn l-għodod huma ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni u li l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) skont il-QFP 2014-2020 jipprovdu possibbiltajiet għall-iffinanzjar ta' miżuri u attivitajiet li jikkonċernaw il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol fil-livell tal-Unjoni u f'dak nazzjonali, u li madankollu għadhom mhux qed jintużaw biżżejjed;

99.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw l-opportunitajiet ta' finanzjament disponibbli biex jimplimentaw miżuri li jiżguraw li l-għodod jipprovdu informazzjoni kompleta dwar il-pożizzjonijiet vakanti eżistenti u d-drittijiet tal-ħaddiema, biex tikber is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini dwar dawn l-għodod u l-informazzjoni li joffru, u biex jiġi mmonitorjat il-livell ta' sensibilizzazzjoni sabiex ikun jista' jissaħħaħ aktar; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tippromwovi r-reklamar tal-prattikalitajiet tal-mobbiltà tal-forza tax-xogħol, partikolarment permezz ta' teknoloġiji ġodda, muturi ta' tfittxija online u reklamar, u jinsisti fuq kooperazzjoni msaħħa bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri; jistieden b'mod partikolari lill-awtoritajiet nazzjonali u lill-koordinaturi rispettivi tal-Portal Ewropew dwar il-Mobbiltà fix-Xogħol (EURES) biex jaħdmu b'mod aktar attiv ma' min jimpjega biex jippromwovu l-EURES u l-opportunitajiet ta' mobbiltà tal-forza tax-xogħol madwar l-Unjoni; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw komplementarjetà u addizzjonalità xierqa fost l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FSE u mill-EaSI;

100.  Jikkondividi l-fehma tal-Qorti li hemm bżonn ta' informazzjoni u ta' fehim tal-iskala u tat-tipi ta' diskriminazzjoni eżistenti għall-moviment liberu tal-ħaddiema, sabiex dawn il-każijiet jiġu indirizzati b'mod effettiv; iħeġġeġ, għalhekk, lill-Kummissjoni sabiex flimkien mal-Istati Membri twettaq miżuri għat-titjib tal-effikaċja tas-sistemi eżistenti bil-għan li jiġu identifikati każijiet ta' diskriminazzjoni u biex jitwettqu passi ulterjuri għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni ta' ostakli u ta' diskriminazzjoni għal mobbiltà ġusta tal-forza tax-xogħol;

101.  Jisħaq li n-nuqqas ta' portabbiltà tal-kontribuzzjonijiet ta' sigurtà soċjali ċċaħħad lill-ħaddiema minn ċerti drittijiet soċjali u tikkostitwixxi diżinċentiv għall-mobbiltà tal-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra t-tfassil ta' proposti leġiżlattivi rilevanti u jħeġġeġ id-dħul fis-seħħ ta' inċentivi għall-Istati Membri li huma lesti li jimplimentaw il-portabbiltà tad-drittijiet tal-pensjoni, b'rispett sħiħ tal-qafas ġuridiku eżistenti;

102.  Jinnota li r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi universitarji u tal-kwalifiki professjonali mill-Istati Membri tibqa' sfida u ostaklu importanti għall-mobbiltà tal-forza tax-xogħol; jissottolinja li dan il-proċess għandu jkun faċli, għall-but ta' kulħadd u faċli biex jinftiehem, kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-amministrazzjonijiet involuti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri fi ħdan il-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill, u meta xieraq fil-pjattaformi tal-OECD;

103.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' komparabbiltà tad-data pprovduta mill-Istati Membri dwar il-mobbiltà tal-forza tax-xogħol; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi linji gwida lill-Istati Membri rigward liema data jeħtieġ li tinġabar u għal liema raġuni; jinsisti wkoll li l-Kummissjoni ttejjeb il-ġbir u l-preżentazzjoni tad-data statistika dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, partikolarment dwar il-problemi li jiffaċċjaw il-ħaddiema mobbli f'pajjiżi differenti minn tagħhom;

104.  Jiddispjaċih li t-tlaqqigħ tal-provvista mad-domanda għax-xogħol, kif ukoll it-tlaqqigħ ta' ħiliet fuq is-suq tax-xogħol fost l-Istati Membri jibqa' objettiv li għad irid jinkiseb fil-politika għall-mobbiltà tal-forza tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jużaw bis-sħiħ l-opportunitajiet pprovduti mill-FSE, l-EaSI u l-EURES għall-promozzjoni tal-mobbiltà tal-forza tax-xogħol sabiex jitnaqqas il-qgħad f'ċerti Stati Membri u reġjuni u biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi ta' ħiliet u n-nuqqasijiet ta' xogħol f'oħrajn;

105.  Jinnota bi tħassib il-problemi relatati mar-rekwiżiti għal proġetti ta' mobbiltà transfruntiera ffinanzjati skont il-qafas tal-EaSI, u jistieden lill-Kummissjoni tindirizza dawn il-kwistjonijiet fis-sejħiet għall-proposti li jmiss tagħha bl-inklużjoni ta' indikaturi ta' riżultati obbligatorji li jkunu jippermettu li jitkejjel fil-prattika l-valur miżjud tal-finanzjament tal-Unjoni kif ukoll l-impatt tal-appoġġ ipprovdut;

106.  B'kunsiderazzjoni tas-sejbiet tal-Qorti dwar il-bżonn li jsiru sforzi addizzjonali għat-tisħiħ tal-mobbiltà tal-forza tax-xogħol tal-Unjoni u biex jingħelbu l-ostakli eżistenti għaliha, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw finanzjament xieraq għall-perjodu 2021-2027, fir-rigward ta' miżuri għal mobbiltà tal-forza tax-xogħol ġusta li tippermetti t-tkomplija u l-funzjonament mingħajr problemi tal-għodod u tas-sistemi rilevanti f'dan il-qasam; jitlob ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw it-tkomplija u ż-żieda fl-effikaċja ta' miżuri u attivitajiet li jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-ħaddiema, kemm permezz ta' ffokar aħjar ta' riżorsi finanzjarji kif ukoll permezz ta' tisħiħ fil-kooperazzjoni u l-koordinament bejn is-servizzi responsabbli tal-Kummissjoni, l-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali;

Parti XII – Rapport Speċjali Nru 7/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Assistenza ta' qabel l-adeżjoni mogħtija mill-UE lit-Turkija: Ir-riżultati li nkisbu sa issa għadhom limitati"

107.  Huwa tal-fehma li mill-implimentazzjoni tal-programm ta' strument għal għajnuna qabel l-adeżjoni (IPA) 2018 'il quddiem, il-Kummissjoni għandha timmira aħjar il-fondi taħt l-IPA f'oqsma fejn ir-riformi meħtieġa biex isir progress kredibbli lejn l-adeżjoni mal-Unjoni għadhom ma seħħewx, b'mod partikolari l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli għolja u l-kriminalità organizzata, ir-rinfurzar tal-libertà tal-istampa, il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess u t-tisħiħ tal-awditjar estern u tas-soċjetà ċivili;

108.  Jitlob lill-Kummissjoni, fl-aġġornament li se twettaq tal-valutazzjonijiet tal-approċċ settorjali, biex tkopri b'mod komprensiv il-karatteristiċi ewlenin kollha tal-koordinazzjoni tad-donaturi fit-Turkija, tal-analiżi baġitarja settorjali u, b'mod partikolari, tal-qafas ta' valutazzjoni tal-prestazzjoni tagħha;

109.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tal-impatt li r-rigress tar-riformi diġà qed ikollu fuq is-sostenibbiltà tal-proġetti fit-Turkija, biex tagħmel użu akbar mill-kundizzjonalità fil-livell politiku u f'dak tal-proġetti billi:

–  tagħmel proposti lill-Kumitat tal-IPA II biex jaġġusta l-allokazzjonijiet totali taħt l-IPA II għas-sena "N", inklużi ridirezzjoni jew tnaqqis tal-fondi taħt l-IPA II sabiex jiġu indirizzati l-każijiet ta' rigress fis-setturi tal-istat tad-dritt u tal-governanza identifikati fir-Rapport Annwali tagħha dwar it-Turkija fis-sena "N-1";

–  tiddeċiedi, sa tmiem l-2017 u l-2020, jekk tagħtix il-kumpens għall-prestazzjoni lit-Turkija. Din id-deċiżjoni għandha tirrifletti l-progress li jkun sar lejn it-tkabbir, l-implimentazzjoni effiċjenti tal-IPA u l-ksib ta' riżultati tajbin;

–  tagħmel progressivament aktar użu mill-modalità ta' ġestjoni diretta biex tindirizza l-ħtiġijiet fundamentali fejn ikun hemm nuqqas ta' rieda politika, b'mod partikolari, għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni fil-livelli għolja u l-kriminalità organizzata, ir-rinfurzar tal-libertà tal-istampa, il-prevenzjoni tal-kunflitti ta' interess u t-tisħiħ tas-soċjetà ċivili;

–  tistabbilixxi kundizzjonijiet fil-forma ta' rekwiżiti minimi għal proġetti ġodda u meta jkun applikabbli, tappoġġja t-twettiq f'waqtu tal-outputs mistennija u tas-sostenibbiltà. Meta dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux issodisfati, għandhom jittieħdu miżuri korrettivi (pereżempju, sospensjoni ta' pagamenti, kanċellazzjonijiet ta' proġetti);

110.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twessa' l-kopertura tar-rapporti tagħha dwar il-monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati (MOR) li jikkonċernaw operazzjonijiet iffinanzjati mill-Unjoni fit-Turkija u ttejjeb ir-rilevanza u l-affidabbiltà tal-indikaturi tagħha relatati mal-proġetti billi tinkludi d-disponibbiltà tad-data ta' referenza, meta jkun applikabbli;

111.  Huwa tal-fehma li fl-ambitu tal-IPA II, il-Kummissjoni għandha tapplika ġestjoni indiretta b'mod selettiv, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-volum tal-fondi involuti, il-kumplessità tal-proġetti li jkunu jridu jitħejjew u li għalihom trid issir sejħa għall-offerti mill-awtoritajiet Torok, u l-kapaċità tal-aġenzija kontraenti respsonsabbli għall-finanzjament tal-programmi ffinanzjati mill-UE;

Parti XIII – Rapport Speċjali Nru 8/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Appoġġ mill-UE għal investimenti produttivi fin-negozji – jeħtieġ li jkun hemm fokus akbar fuq id-durabbiltà"

112.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti, b'mod partikolari billi jiġbed l-attenzjoni b'mod opportun għall-ħtieġa ta' mekkaniżmi ta' monitoraġġ u ta' garanzija addizzjonali meħtieġa kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri sabiex tiġi żgurata d-durabbiltà tar-riżultati tal-proġetti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, is-sejbiet tal-Qorti li fil-programmi operattivi eżaminati rriżulta li l-ħtiġijiet speċifiċi tan-negozji f'setturi differenti u ta' daqsijiet differenti (il-fallimenti tas-suq) ma kinux identifikati b'mod xieraq u l-kisba ta' riżultati dejjiema ma kinitx prijorità;

113.  Iqis li r-rwol ta' investimenti produttivi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) għandu jissaħħaħ bħala fattur ewlieni għat-tkabbir, l-impjiegi sostenibbli, it-tnaqqis tad-disparitajiet u tal-inugwaljanzi fil-kuntest tal-iżvilupp li jmiss tal-Politika ta' Koeżjoni għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, bil-għan li tinkiseb konverġenza 'l fuq flimkien ma' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali bejn l-Istati Membri u r-reġjuni;

114.  Jinnota li filwaqt li għadd ta' proġetti awditjati rrispettaw ir-regoli rilevanti u kisbu r-riżultati previsti, dawn ma kinux kapaċi jipprovdu evidenza dwar l-effikaċja tal-proġetti u li kien inkiseb titjib dejjiemi;

115.  Josserva, f'dan ir-rigward, li għall-perjodu 2014-2020, ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (l-Artikolu 71), ma jinkludix dispożizzjonijiet li jiddefinixxu l-kisba tar-riżultati u s-sostenibbiltà tagħhom bħala kriterju għad-durabbiltà tal-operazzjonijiet; għaldaqstant, jiġbed l-attenzjoni għas-sejbiet tal-Qorti rigward id-differenza sostanzjali bejn il-kejl tal-outputs aktar milli r-riżultati mil-lat ta' valutazzjoni tad-durabbiltà tal-proġett;

116.  Huwa tal-fehma li, sabiex jiġi żgurat valur miżjud reali minn investimenti produttivi, jeħtieġ li tiġi inkluża l-kisba tar-riżultati bħala kunsiderazzjoni ewlenija fl-evalwazzjoni tad-durabbiltà tal-proġett; jappoġġja bis-sħiħ, f'dan ir-rigward, id-definizzjoni tal-Qorti ta' durabbiltà bħala "l-kapaċità ta' proġett li jżomm il-benefiċċji tiegħu għal żmien twil wara li l-proġett ikun ġie kkompletat";

117.  Jiddispjaċih li fil-proposti leġiżlattivi tagħha għar-regolamenti għall-perjodu 2021-2027, il-Kummissjoni ma kkunsidratx r-rakkomandazzjoni espliċita tal-Qorti dwar il-prijorità b'mod ċar mhux biss tal-outputs iżda anke tal-indikaturi meħtieġa għall-kejl tar-riżultati;

118.  Jikkondividi t-tħassib tal-Qorti dwar l-iżgurar tad-durabbiltà tal-investimenti fl-SMEs fid-dawl tal-kapaċità kummerċjali limitata tagħhom, tar-rati għolja ta' fallimenti u/jew tal-vulnerabbiltà partikolari għal kundizzjonijiet ekonomiċi avversi; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq modi u mezzi biex jiġu promossi l-assoċjazzjonijiet ta' suċċess u dejjiema bejn l-SMEs interessati, b'kont meħud kemm tal-esperjenzi pożittivi kif ukoll dawk problematiċi fil-passat;

119.  Iqis, barra minn hekk, li l-investimenti produttivi futuri se jiksbu riżultati dejjiema jekk ikunu integrati fi strateġija industrijali komprensiva aġġornata bħala parti mill-politika ta' koeżjoni futura; huwa tal-fehma li b'tali mod, l-investimenti produttivi għandhom jikkontribwixxu materjalment biex jingħelbu d-disparitajiet kbar fil-livelli tal-iżvilupp industrijali bejn l-Istati Membri u r-reġjuni kif deskritt fis-sitt u s-seba' rapporti ta' koeżjoni;

120.  Jistieden lill-Kummissjoni timpenja ruħha bis-sħiħ fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti u tagħti gwida xierqa u f'waqtha lill-Istati Membri, inkluż billi toħroġ linji gwida ċari u trasparenti dwar il-modi li jiddefinixxu u japplikaw kriterji għad-durabbiltà tal-proġett, kif ukoll bl-użu tal-mekkaniżmi kollha disponibbli, bħalma huma l-approvazzjoni tal-programmi operazzjonali, il-monitoraġġ u l-kontroll, sabiex tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jimplimentaw ir-responsabbiltajiet korrispondenti tagħhom, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv addizzjonali għall-benefiċjarji jew l-awtoritajiet nazzjonali rispettivi;

121.  Jistieden, b'mod ġenerali, lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni akbar għad-durabbiltà tal-proġetti fil-fażi preparatorja kif ukoll fil-fażi tan-negozjati għall-perjodu ta' programmazzjoni futur, sabiex jiġi stabbilit qafas ċar ta' allokazzjonijiet u miri; iħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet tal-Istati Membri josservaw u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti u jaħdmu flimkien mal-Kummissjoni biex jeżaminaw il-prattiki eżistenti u jistabbilixxu regoli u proċeduri komuni bil-għan li tiġi żgurata d-durabbiltà tar-riżultati tal-proġetti;

Parti XIV – Rapport Speċjali Nru 9/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Sħubiji Pubbliċi-Privati fl-UE: Nuqqasijiet mifruxa u benefiċċji limitati"

122.  Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni u l-Istati Membri ma jippromwovux użu aktar intensiv u mifrux tas-sħubiji pubbliċi-privati (SPP) sakemm il-problemi identifikati f'dan ir-rapport jiġu indirizzati, u sakemm ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin jiġu implimentati b'suċċess; b'mod partikolari, jeħtieġ li jkun hemm titjib tal-oqfsa istituzzjonali u legali kif ukoll tal-ġestjoni tal-proġetti, u li jiżdied l-aċċertament li l-għażla tal-SPP tkun dik li tipprovdi l-aktar valur għall-flus u li jkun hemm probabbiltà li l-proġetti SPP jiġu mmaniġġjati b'suċċess; jisħaq li jekk ma jiġux identifikati u allokati b'mod korrett riski relatati mal-proġetti, jista' jkun hemm implikazzjonijiet finanzjarji għas-sieħeb pubbliku u jixxekkel l-ilħuq tal-objettivi tal-proġett;

123.  Sabiex l-ispiża tad-dewmien u tan-negozjati mill-ġdid tiġi kondiviża aħjar bejn is-sħab, bil-għan li jiġi mmitigat l-impatt finanzjarju tad-dewmien attribwibbli għas-sieħeb pubbliku u tan-negozjati mill-ġdid tal-kuntratti dwar l-ispiża finali tal-SPP li s-sieħeb pubbliku jkun ġarrab, jirrakkomanda li:

–  l-Istati Membri jidentifikaw u jipproponu dispożizzjonijiet kuntrattwali standard li jillimitaw l-ammonti tal-ispejjeż żejda possibbli li jridu jitħallsu mis-sieħeb pubbliku;

–  l-Istati Membri jeżaminaw kwalunkwe negozjar mill-ġdid tal-kuntratti, li jsir kmieni, biex jiżguraw li l-ispejjeż konsegwenti li jiġġarrbu mis-sieħeb pubbliku jkunu debitament iġġustifikati u jikkonformaw mal-prinċipji ta' valur għall-flus;

124.  Sabiex jiġi żgurat li l-possibbiltà ta' SPP tkun dik li timmassimizza l-valur għall-flus u li tikseb il-benefiċċji potenzjali tagħha, jirrakkomanda li:

–  l-Istati Membri jibbażaw is-selezzjoni tal-possibbiltà tal-SPP fuq analiżijiet komparattivi sodi, bħalma hija l-analiżi komparattiva mas-settur pubbliku, u fuq approċċi xierqa li jiżguraw li l-possibbiltà tal-SPP tintgħażel biss jekk tkun timmassimizza l-valur għall-flus anke f'xenarji pessimisti;

–  il-Kummissjoni tiżgura li l-Qorti tal-Awdituri jkollha aċċess sħiħ għall-informazzjoni meħtieġa sabiex tivvaluta l-għażla tal-akkwist u tal-akkwist relatat, li ssir mill-awtoritajiet pubbliċi, anke fejn l-appoġġ tal-UE jingħata direttament lill-entitajiet privati permezz ta' strumenti finanzjarji;

125.  Sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom il-kapaċità amministrattiva meħtieġa u li hemm stabbiliti politiki u strateġiji ċari fil-qasam tal-SPP biex jiġu implimentati b'suċċess proġetti SPP li jingħataw appoġġ mill-UE, jirrakkomanda li:

–  l-Istati Membri jistabbilixxu politiki u strateġiji ċari fil-qasam ta' SPP li jidentifikaw b'mod ċar ir-rwol li l-SPPs huma mistennija jkollhom fi ħdan il-politiki ta' investiment tagħhom fl-infrastruttura, bil-ħsieb li jidentifikaw is-setturi li fihom l-SPPs huma l-aktar adatti u jistabbilixxu limiti possibbli għal kemm l-SPPs jistgħu jintużaw b'mod effettiv;

–  il-Kummissjoni tipproponi emendi leġiżlattivi biex tikkonċentra l-appoġġ finanzjarju għall-SPPs futuri fis-setturi li hija tqis li jkunu ta' rilevanza strateġika għolja u kompatibbli mal-impenji fuq terminu twil tal-SPPs, bħan-Netwerk ewlieni TEN-T;

126.  Sabiex jiġi mmitigat r-riskju ta' preġudizzju favur l-għażla tal-SPP, tiġi promossa trasparenza ulterjuri u biex jiġi żgurat li l-SPPs jistgħu jingħataw appoġġ effettiv mill-fondi tal-UE, jirrakkomanda li:

–  il-Kummissjoni torbot l-appoġġ li jingħata mill-Unjoni għall-proġetti SPP mal-garanzija li l-għażla tal-SPP kienet iġġustifikata mill-kunsiderazzjonijiet rigward il-valur għall-flus, u għaldaqstant ma tkunx indebitament influwenzata minn kunsiderazzjonijiet relatati mal-limitazzjonijiet baġitarji jew mat-trattament statistiku tagħhom;

–  l-Istati Membri jtejbu t-trasparenza billi jippubblikaw listi perjodiċi ta' proġetti SPP, inkluża data suffiċjenti u sinifikattiva dwar l-assi ffinanzjati, l-impenji futuri tagħhom u t-trattament tagħhom fil-karta tal-bilanċ, filwaqt li jippreservaw il-protezzjoni ta' data kunfidenzjali u kummerċjalment sensittiva;

–  il-Kummissjoni tivvaluta l-kumplessità addizzjonali tal-proġetti SPP li jibbenefikaw minn finanzjament tal-Unjoni fid-dawl ta' azzjonijiet ulterjuri li jkollhom l-għan li jissimplifikaw ir-regoli u l-proċeduri rilevanti tal-programmi tal-Unjoni;

Parti XV – Rapport Speċjali Nru 10/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Skema ta' Pagament Bażiku għall-bdiewa – qed topera tajjeb, iżda għandha impatt limitat fuq is-simplifikazzjoni, l-immirar u l-konverġenza tal-livelli ta' għajnuna"

127.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw b'mod xieraq il-kontrolli ewlenin u li dawn jikkoreġu d-drittijiet għall-pagament taħt l-iskema ta' pagament bażiku fejn il-valuri jiġu affettwati b'mod sinifikanti min-nuqqas ta' applikazzjoni tar-regoli rilevanti jew min-nuqqas ta' informazzjoni aġġornata dwar l-użu tal-art;

128.  Jappella lill-Kummissjoni biex:

–  tirrieżamina u tieħu kont tal-effikaċja tas-sistemi tagħha għad-disseminazzjoni ta' informazzjoni fost l-Istati Membri, bil-ħsieb li timmassimizza l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni konsistenti tagħhom tal-qafas legali tal-iskema ta' pagament bażiku;

–  tivvaluta l-alternattivi għal-leġiżlazzjoni futura sabiex tkun tista' tinforza t-trażmissjoni ta' informazzjoni ewlenija mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni ta' skemi ta' appoġġ dirett;

–  tikkjarifika r-rwoli rispettivi tal-Kummissjoni u tal-korpi taċ-ċertifikazzjoni fir-rigward tal-verifikazzjoni tal-eżistenza ta' kontrolli ewlenin effettivi u l-kalkolu ċentrali tal-intitolamenti għall-pagament taħt l-iskema ta' pagament bażiku;

129.  Jistieden lill-Kummissjoni, qabel ma tagħmel xi proposta għat-tfassil futur tal-politika agrikola komuni, tivvaluta l-pożizzjoni tal-introjtu għall-gruppi kollha ta' bdiewa u tanalizza l-ħtieġa tagħhom ta' appoġġ għall-introjtu, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni d-distribuzzjoni attwali tal-appoġġ tal-UE u dak nazzjonali, il-potenzjal agrikolu tal-art, id-differenzi fiż-żoni prinċipalment iddedikati għall-produzzjoni agrikola jew għall-manutenzjoni, l-ispiża u l-vijabbiltà tal-biedja, l-introjtu mill-ikel u minn produzzjoni agrikola oħra kif ukoll minn sorsi mhux agrikoli, il-fatturi għall-effiċjenza u l-kompetittività tal-azjendi agrikoli kif ukoll il-valur tal-beni pubbliċi li jipprovdu l-bdiewa. Il-Kummissjoni għandha torbot, mill-bidu nett, il-miżuri proposti ma' objettivi u ma' linji bażi operazzjonali xierqa li magħhom tkun tista' titqabbel il-prestazzjoni tal-appoġġ;

Parti XVI – Rapport Speċjali Nru 11/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Opzjonijiet ġodda għall-finanzjament ta' proġetti tal-iżvilupp rurali: Aktar sempliċi iżda mhux iffukati fuq ir-riżultati"

130.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti, u japprova għadd ta' kummenti u rakkomandazzjonijiet tiegħu;

131.  Jiddispjaċih li l-opzjonijiet relatati mal-kostijiet simplifikati l-ġodda huma użati biss għal parti marġinali tal-infiq marbut mal-iżvilupp rurali u li dawn mhumiex isaħħu l-potenzjal ta' dan is-sors ta' finanzjament, għalkemm is-simplifikazzjoni għandha tkun mod kif il-benefiċjarji jiġu mħeġġa jieħdu sehem fi proġetti;

132.  Jiddispjaċih li ftit li xejn hemm indikaturi disponibbli li jippermettu valutazzjoni dwar jekk l-objettivi ta' din il-miżura ntlaħqux jew le;

133.  Jistieden lill-Istati Membri, kif ukoll lill-benefiċjarji u lill-assoċjazzjonijiet tagħhom, jisfruttaw bis-sħiħ il-possibbiltajiet offruti mis-sistema ta' opzjonijiet relatati mal-kostijiet simplifikati għall-iżvilupp rurali;

134.  Ifakkar li s-simplifikazzjoni trid tippermetti livelli ta' kontroll xierqa, u li r-responsabbiltà tagħha trid tkun definita b'mod ċar;

135.  Ifakkar li s-simplifikazzjoni trid tkun ta' benefiċċju sew għall-amministrazzjonijiet u sew għad-detenturi tal-proġetti;

Parti XVII - Rapport Speċjali Nru 12/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Broadband fl-Istati Membri tal-UE: minkejja l-progress li sar, mhumiex se jintlaħqu l-miri kollha ta' Ewropa 2020"

136.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri u jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu hawn taħt;

  Jilqa' l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tinvesti fit-trasformazzjoni diġitali futura kif jirriżulta mill-proposta għal QFP 2021-2027;

  Jirrikonoxxi l-inizjattiva leġiżlattiva sinifikanti tal-Kummissjoni fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni u jiġbed l-attenzjoni għal inizjattivi bħal "WiFi4EU" li tappoġġja l-installazzjoni ta' tagħmir tal-Wi-Fi tal-ogħla livell fiċ-ċentri tal-ħajja komunitarja;

139.  Jinnota l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb il-kopertura tal-broadband madwar l-Unjoni iżda jiddispjaċih li ħafna żoni rurali għadhom mingħajr broadband;

  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex iżżid u tiddiversifika b'mod sinifikanti s-sorsi ta' finanzjament b'appoġġ għall-konnettività tal-broadband. Ifakkar li għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, l-Unjoni investiet EUR 2,74 biljun, filwaqt li għall-perjodu ta' programmazzjoni attwali l-investimenti tal-Unjoni jammontaw għal kważi EUR 15-il biljun, li jirrappreżenta żieda ta' aktar minn ħames darbiet;

  Jinsab konvint li l-konnessjonijiet tal-internet b'veloċità għolja huma element essenzjali tas-Suq Uniku Diġitali u għalhekk jistgħu jagħtu vantaġġ kompetittiv lill-Istati Membri fi kwistjonijiet ekonomiċi, soċjali u edukattivi; veloċità u aċċess tajba għall-internet huma kruċjali għal ħajjitna, għan-negozji u għall-gvernijiet nazzjonali;

  Jissottolinja li l-investimenti fil-broadband se jgħinu biex jippromwovu l-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra d-depopolazzjoni f'żoni rurali u iżolati. Iż-żoni rurali u żoni iktar imbiegħda għandu jkollhom aċċess għall-broadband fl-interess tal-ħolqien ta' suq uniku omoġenju;

  Jilqa' f'dan ir-rigward il-proposta tal-Kummissjoni dwar reviżjoni tar-regoli tat-telekomunikazzjoni tal-Unjoni, li għandha l-għan li tixpruna l-investiment, b'mod partikolari f'żoni ekonomikament inqas vijabbli kkaratterizzati minn densità baxxa ta' popolazzjoni jew f'żoni rurali;

  Jaqbel mar-rakkomandazzjoni tal-Qorti li l-Istati Membri għandhom jiżviluppaw pjanijiet riveduti għall-perjodu wara l-2020;

145.  Jistieden għaldaqstant lill-Istati Membri kollha jiżguraw li mhux biss l-objettivi tal-Ewropa 2020 għall-broadband jiġu ssodisfati fi żmien xieraq, iżda saħansitra l-miri tas-"Soċjetà tal-Gigabits 2025" tal-Kummissjoni; iż-żoni urbani kollha u r-rotot kollha ewlenin tat-trasport fuq l-art ikollhom aċċess għall-5G mingħajr interruzzjonijiet, u l-familji Ewropej, l-SMEs u l-amministrazzjonijiet pubbliċi lokali kollha f'żoni rurali jew urbani, b'mod partikolari fiż-żoni l-inqas popolati u dawk skarsament popolati, ikollhom aċċess għal konnettività tal-internet li toffri veloċità tad-download ta' mill-inqas 100 Mbps, li jista' jiġi aġġornat għal veloċitajiet bil-Gigabits;

  Jaqbel mal-fehma tal-Qorti li l-Istati Membri għandhom jagħmlu rieżami tal-mandat tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali tagħhom skont il-qafas regolatorju rivedut tal-Unjoni għat-telekomunikazzjoni, sabiex ikunu jistgħu jimponu r-rakkomandazzjonijiet u r-rimedji tagħhom (inklużi penali għan-nuqqas ta' konformità) fuq l-operaturi;

  Jemmen li l-appoġġ finanzjarju għall-broadband għandu jirrappreżenta taħlita bilanċjata ta' għotjiet u strumenti finanzjarji, fejn l-investimenti għandhom ikunu gwidati permezz ta' loġika ta' intervent u jqisu r-realtajiet reġjonali u tas-suq;

  Huwa konvint li l-appoġġ għall-broadband permezz ta' strumenti finanzjarji huwa ffokat l-aktar fuq reġjuni ekonomikament vijabbli u swieq lokali żviluppati sew. Jinnota li l-għotjiet huma aktar adattati għaż-żoni rurali, muntanjużi u remoti, fejn l-investimenti privati u l-operazzjonijiet bi strumenti finanzjarji huma awtomatikament aktar riskjużi;

  Jaqbel mal-fehma tal-Qorti li l-Kummissjoni għandha tiġbor u xxerred l-aħjar prattiki fil-qasam tal-broadband, aktar speċifikament dwar l-ippjanar tal-investimenti u l-implimentazzjoni tal-proġetti;

  Huwa konvint li l-Kummissjoni se tkompli tiċċara, għall-Istati Membri, l-applikazzjoni tal-għajnuna mill-Istat għall-broadband u jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tinkludi aktar informazzjoni fir-rigward tal-miri ta' download ta' 100 Mbps u tas-soċjetà tal-Gigabits;

Parti XVIII – Rapport Speċjali Nru 13/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Il-ġlieda kontra r-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu: il-Kummissjoni indirizzat il-ħtiġijiet tal-Istati Membri, iżda hemm xi nuqqasijiet fil-koordinazzjoni u l-evalwazzjoni"

151.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti, japprova r-rakkomandazzjonijiet tagħha u jippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu hawn taħt;

152.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina kif jista' jiġi ssimplifikat l-immaniġġjar tal-azzjonijiet li jindirizzaw ir-radikalizzazzjoni, pereżempju billi tintegra n-numru ta' fondi li fuqhom huma bbażati dawn l-azzjonijiet, jew billi l-immaniġġjar jinġabar fi gruppi, li bħalissa qiegħed isir minn tmien direttorati ġenerali tagħha, kif ukoll mill-Europol, il-Eurojust u l-Istati Membri, bil-għan li jitjiebu l-koordinament u l-effiċjenza;

153.  Jirrikonoxxi li l-ibbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni jista' jirrappreżenta sfida partikolari fil-każ ta' azzjonijiet immirati lejn il-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni, iżda jenfasizza li l-indikaturi relatati, pereżempju man-numru ta' esperti parteċipanti fil-laqgħat, mhumiex fihom infushom biżżejjed biex ikejlu l-prestazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni teżamina, b'mod partikolari, għalfejn il-livelli ta' parteċipazzjoni fl-attivitajiet tagħha jvarjaw b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri u biex tikkonċentra fuq dawk l-attivitajiet li huma rilevanti għall-biċċa l-kbira tal-Istati Membri;

154.  Jistieden lill-Kummissjoni żżomm lill-Parlament informat dwar is-segwitu għar-rapport interim tal-HLCEG-R, f'dak li jirrigwarda d-diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar kif l-aħjar jevalwaw il-programmi u l-interventi rilevanti;

155.  Jirrikonoxxi li l-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni spiss tirrikjedi għarfien dettaljat tas-sitwazzjoni fil-livell lokali, jiġifieri fil-livell tal-viċinat, u li din it-tip ta' informazzjoni ma tistax tiġi ġeneralizzata, peress li kull żona ta' viċinat jista' jkollha l-isfidi u l-opportunitajiet proprji tagħha; jirrimarka f'dan ir-rigward ir-rwol importanti tal-istituzzjonijiet edukattivi lokali, tal-organizzazzjonijiet soċjali u tal-karità lokali u tal-awtoritajiet lokali, inklużi l-uffiċjali tal-pulizija assenjati għal viċinat speċifiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiftakru dan fl-iskambju tal-aħjar prattiki u biex jevitaw l-isterjotipar jew il-ġeneralizzazzjonjiet;

156.  Jenfasizza li l-effiċjenza u l-effikaċja tal-attivitajiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-għajnuna lill-Istati Membri fil-prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni aktarx ikunu l-ogħla, meta ssir referenza għall-każijiet transfruntiera, b'mod partikolari, fil-każ ta' informazzjoni pprovduta permezz tal-Internet; jappoġġja l-proċedura ta' koordinament tal-EU IRU u d-deċiżjoni li l-EU IRU tkun iffokata fuq il-propaganda onlajn li tintuża mit-terroristi biex jattiraw l-akbar numru ta' segwaċi possibbli; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-metodi tagħha biex titkejjel l-effettività tal-EU IRU billi teżamina kemm tneħħa kontenut terroristiku mill-kumpaniji tal-internet fuq talba tal-EU IRU biss, mingħajr ma jkunu wkoll ġew notifikati mill-IRUs nazzjonali, mis-soċjetà ċivili jew mill-kumpaniji tal-internet infushom, kif ukoll billi tiżviluppa metodi biex turi l-effikaċja tagħhom f'termini tal-ammont ta' propaganda terroristika li tibqa' disponibbli fuq l-internet, pereżempju għaliex il-propaganda li tkun tneħħiet sempliċiment terġa' tittella' jew tiġi ttrasferita għal pjattaformi oħra;

Parti XIX – Rapport Speċjali Nru 14/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Iċ-Ċentri ta' Eċċellenza Kimiċi, Bijoloġiċi, Radjoloġiċi u Nukleari tal-UE: jeħtieġ li jsir aktar progress"

157.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri u jinnota b'sodisfazzjon li l-Qorti, il-Kummissjoni u s-SEAE qablu mal-maġġoranza tar-rakkomandazzjonijiet;

  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jwettqu analiżi konġunta fil-livell tal-Unjoni biex jidentifikaw ir-riskji fir-rigward tas-CBRN esterni għall-UE u jorbtu b'mod komprensiv l-azzjoni interna u dik esterna;

  Jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora valutazzjonijiet tar-riskju sistemiku u metodoloġiji tal-pjan ta' azzjoni nazzjonali u tirreaġixxi malajr għat-talbiet li jsiru mill-pajjiżi sħab kollha għal assistenza biex jiffinalizzaw l-eżerċizzji tagħhom relatati mal-valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet u mal-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali;

  Jistieden lill-Kummissjoni żżid l-għadd ta' attivitajiet reġjonali, bħall-eżerċizzji ta' simulazzjoni u l-eżerċizzji fuq il-post;

  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jassenjaw ir-responsabbiltajiet fir-rigward tas-CBRN lill-punti fokali deżinjati u/jew lill-uffiċjali tal-"Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi" (IcSP) għall-kooperazzjoni reġjonali fuq terminu twil lid-delegazzjonijiet kollha tal-Unjoni u jiġu inklużi t-temi CBRN fid-djalogu politiku, strateġiku u tas-sigurtà;

  Jistieden lid-DĠ DEVCO tal-Kummissjoni u lis-SEAE jaħdmu flimkien ma' Direttorati Ġenerali rilevanti oħra tal-Kummissjoni, b'mod partikolari mad-DĠ NEAR, kif ukoll ma' donaturi oħra sabiex jidentifikaw is-sinerġiji potenzjali u sorsi oħra ta' finanzjament disponibbli li jistgħu jintużaw aħjar biex jappoġġjaw l-attivitajiet CBRN;

  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonkretizza l-objettiv ġenerali tal-inizjattiva f'objettivi aktar speċifiċi li jistgħu jintużaw fil-livell tal-proġetti, biex b'hekk ir-riżultati jkunu jistgħu jitkejlu mil-livell tal-proġetti sal-livell nazzjonali, reġjonali u dak tal-Inizjattiva;

  Jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi wkoll l-indikaturi tal-eżiti u tal-impatt, biex b'hekk l-effettività tal-Inizjattiva tkun tista' tiġi vvalutata bi tqabbil mal-objettivi stabbiliti;

  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-informazzjoni kollha rilevanti tkun disponibbli fuq il-portal tagħha bbażat fuq il-web, bil-livelli xierqa ta' awtorizzazzjoni għall-aċċess; u tiggarantixxi li l-aħjar prattiki u l-linji gwida jkunu aċċessibbli permezz tal-portal CBRN;

Parti XX - Rapport Speċjali Nru 15/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Tisħiħ tal-kapaċità tal-forzi tas-sigurtà interna fin-Niġer u l-Mali: il-progress huwa limitat u miexi bil-mod"

166.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri dwar it-tisħiħ tal-kapaċità tal-forzi tas-sigurtà interna fin-Niġer u l-Mali u jippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu hawn taħt;

167.  Jisħaq, l-ewwel nett, fuq l-isforzi magħmula mill-partijiet interessati rilevanti kollha fit-tħejjija u fl-implimentazzjoni ta' dawn iż-żewġ missjonijiet tal-Unjoni u tal-persunal skjerat fuq il-post biex isaħħaħ, b'mod strutturali u li jtawwal fiż-żmien, il-kapaċitajiet istituzzjonali fi kwistjonijiet ta' sigurtà interna fil-Mali u fin-Niġer, dan f'kuntest ġeopolitiku li baqa' diffiċli mmens u kritiku meta titqies il-ġabra ta' theddid eżistenti;

168.  Jiddeplora l-fatt li l-persunal tal-missjoni ma rċieva l-ebda taħriġ qabel ma ġie skjerat u wkoll li ma ngħata l-ebda assistenza biex jiffamiljarizza ruħu mal-proċeduri u l-proġetti fuq il-post; huwa tal-fehma li dan in-nuqqas ta' taħriġ wassal b'mod evidenti għal dewmien fl-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet;

169.  Iqis li s-SEAE u l-Kummissjoni għandhom iwettqu monitoraġġ kostanti tal-funzjonijiet ta' appoġġ li jiffaċilitaw l-iskjerament rapidu, effikaċi u koerenti tal-missjonijiet tal-PSDK, jipprovdu lill-persunal kollu b'taħriġ dwar il-proċeduri u l-politiki tal-UE qabel ma jiġi skjerat, u jiżviluppaw linji gwida komprensivi dwar il-kompiti operazzjonali (l-evalwazzjoni tal-ħtiġijiet, l-ippjanar u l-monitoraġġ tal-kompiti u r-rapporti); huwa tal-fehma wkoll li l-lezzjonijiet miksuba mill-missjonijiet preċedenti tal-PSDK għandhom ukoll jitpoġġew fil-prattika bil-għan li jtejbu l-effikaċja operazzjonali tal-missjonijiet skjerati u jiffaċilitaw it-trasferiment tal-għarfien u l-effetti tas-sinerġiji bejn il-missjonijiet differenti;

170.  Jiddeplora l-fatt li s-sigurtà tal-persunal fin-Niġer ġiet ipperikolata meta huma ġew obbligati li jirrisjedu u jaħdmu f'lukandi għal sitt xhur mingħajr l-ebda arranġament speċifiku ta' sigurtà;

171.  Jisħaq li ambjent tax-xogħol sikur huwa essenzjali biex issir implimentazzjoni effikaċi tal-operazzjonijiet u biex jiġi ingaġġat persunal ikkwalifikat; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jżommu livell ta' nfiq suffiċjenti għas-sigurtà fil-baġits tal-missjonijiet sabiex jiġi żgurat li l-mandati tagħhom jiġu implimentati b'mod xieraq;

172.  Itenni barra minn hekk il-bżonn li jsir użu effikaċi tal-mezzi ta' finanzjament kollha xierqa għall-missjonijiet futuri tal-PSDK, partikolarment għall-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-Unjoni għall-Afrika u għall-għajnuna umanitarja, sabiex tiġi żgurata l-kisba tal-objettivi politiċi tal-missjonijiet u biex ikun hemm ġestjoni finanzjarja tajba;

173.  Iħeġġeġ lis-SEAE tikkollabora flimkien mal-Istati Membri sabiex tiżgura li l-missjonijiet attwali u futuri tal-PSDK ikollhom persunal suffiċjenti biex joperaw b'mod rapidu f'livell li jqarreb lejn il-kapaċità massima awtorizzata tagħhom (jew lejn in-numru totali ta' postijiet disponibbli) u jekk huwa possibbli, għall-perjodi ta' żmien ekwivalenti għall-mandat tal-missjonijiet;

174.  Jisħaq li n-nuqqas ta' effiċjenza operazzjonali ta' dawn iż-żewġ missjonijiet kienet wieħed mill-ostakli ewlenin għat-tmexxija tajba tal-azzjoni mill-Unjoni; jiddeplora l-fatt li kellhom jgħaddu 18-il xahar qabel ma ġiet stabbilita entità ġuridika għall-missjoni EUCAP Sahel Niger;

175.  Iqis li l-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-missjonijiet futuri tal-PSDK jingħataw personalità ġuridika u l-baġits li jirrikjedu malajr kemm jista' jkun;

176.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jagħtu attenzjoni partikolari lill-proċeduri ta' akkwist u r-riżorsi umani sabiex jiżguraw li dawn jirriflettu l-bżonnijiet operazzjonali tal-PSDK; jinnota li l-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet ġiet imxekkla minn proċeduri ta' akkwist kumplessi, li wasslu għal prestazzjoni substandard;

177.  Jinnota d-diffikultajiet li ġew affaċċjati biex jimtlew il-postijiet vakanti; jirrimarka li r-rata tal-pożizzjonijiet mimlija kienet ta' 72 % fin-Niġer u ta' 77 % fil-Mali; iħeġġeġ lis-SEAE u lill-Kummissjoni jipproponu skjeramenti ta' persunal għall-missjonijiet, għal perjodu itwal, mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, billi jsir użu aktar mifrux ta' aġenti kuntrattwali, u billi jitniedu sejħiet għal kontribuzzjonijiet li jistgħu jintużaw biex jiġu stabbiliti listi ta' riżerva ta' aġenti potenzjali biex jitħaffef ir-reklutaġġ f'każ ta' pożizzjonijiet vakanti;

178.  Iħeġġeġ lis-SEAE biex bil-għan li jtejjeb is-sostenibbiltà tar-riżultati tal-missjonijiet tal-PSDK, jiggarantixxi li jikkunsidra l-aspetti ta' sostenibbiltà fl-ippjanar operazzjonali tal-attivitajiet kollha tal-missjoni, billi jivvaluta sistematikament il-ħtiġijiet u l-kapaċità lokali biex tinżamm is-sostenibbiltà tar-riżultati fil-livell lokali;

179.  Iħeġġeġ lis-SEAE jintensifika l-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-missjoni (taħriġ, konsulenza jew provvista ta' tagħmir) billi jwettaq valutazzjonijiet regolari, abbażi ta' indikaturi, dwar ir-riżultati miksuba u l-livell ta' sjieda tal-awtoritajiet nazzjonali interessati;

180.  Jistieden lis-SEAE u lill-Kummissjoni jikkoordinaw il-missjonijiet tal-PSDK b'aktar reqqa minn qabel ma' sforzi tal-Unjoni fil-livell reġjonali (bħall-assistenza għall-ġestjoni integrata tal-fruntieri fil-Libja (EUBAM Libya) u G5 tas-Saħel), missjonijiet bilaterali u sforzi internazzjonali oħra b'objettivi simili; jappella, f'dan il-kuntest, għal aktar kooperazzjoni u koordinazzjoni bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, għall-promozzjoni tas-sinerġiji;

181.  Jitlob lis-SEAE u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-għeluq tal-missjonijiet tal-PSDK u l-likwidazzjoni tal-assi relatati jitwettqu bl-aħjar mod possibbli; iqis, f'dan il-kuntest, li s-SEAE u l-Kummissjoni għandhom jiżviluppaw strateġija ta' ħruġ komuni u komprensiva li tiddefinixxi b'mod ċar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-għeluq tal-missjonijiet tal-PSDK, filwaqt li jittaffew ir-riskji speċifiċi inerenti f'dan il-proċess;

182.  Itenni, b'mod aktar wiesa', il-ħtieġa li titjieb il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fil-politika barranija u ta' sigurtà tagħhom bil-għan li jinkisbu l-ekonomiji ta' skala u li l-ispejjeż jinżammu minimi; jisħaq fuq l-importanza kruċjali li l-Istati Membri jkunu jistgħu jirrispondu b'mod deċiżiv għal kwistjonijiet ta' sigurtà kondiviża u għall-ġestjoni tal-flussi migratorji f'perjodu li fih dawn l-isfidi qed jiżdiedu b'mod sostanzjali u bla preċedent;

Parti XXI – Rapport Speċjali Nru 16/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Rieżaminar ex post tal-leġiżlazzjoni tal-UE: sistema stabbilita tajjeb, iżda mhux kompleta"

183.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti, u japprova l-kummenti u r-rakkomandazzjonijiet tagħha;

184.  Jinnota li l-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (FIIA-BLM) se jibda l-eżerċizzju ta' monitoraġġ tiegħu tal-2018 dalwaqt u l-laqgħa interistituzzjonali ta' Livell Għoli se ssir fl-aħħar tas-sena;

185.  Jinnota li l-Qorti ppreżentat riċerka komprensiva ħafna (pereżempju, daqs tajjeb ta' kampjun), u tista' tkun eżempju għal analiżi futura f'oqsma oħra ta' FII-BLM; jinnota wkoll li għandu jitqies l-iżvilupp ta' indikaturi tal-prestazzjoni addizzjonali għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-FII-BLM;

186.  Huwa tal-fehma li l-involviment u l-parteċipazzjoni attivi tal-Qorti se jkunu ta' benefiċċju għall-FII-BLM billi se jsaħħu l-eżerċizzju ta' monitoraġġ tiegħu; jemmen li użu akbar ta' dokumenti ta' informazzjoni tal-Qorti jista' jikkontribwixxi wkoll għall-kisba ta' dak l-objettiv;

187.  Jinnota li l-istabbiliment ta' vademecum interistituzzjonali konġunt dwar il-klawżoli ta' monitoraġġ u ta' rieżami b'linji gwida u klawżoli ta' abbozzar jista' jikkostitwixxi titjib fl-iskrutinju leġiżlattiv, sakemm ma jipperikolax il-libertà tal-għażla politika tal-koleġiżlaturi;

188.  Jinnota li jistgħu jiġu kkunsidrati linji gwida komuni għal rieżamijiet ex post f'rieżami futur tal-FII-BLM;

189.  Jinnota l-importanza li jiġi stabbilit qafas li skontu l-informazzjoni dwar it-traspożizzjoni tal-liġi tal-Unjoni f'liġi nazzjonali għandha tkun disponibbli għall-Kummissjoni mill-Istati Membri;

Parti XXII – Rapport Speċjali Nru 17/2018 "L-azzjonijiet tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fl-aħħar snin tal-programmi għall-perjodu 2007–2013 indirizzaw l-assorbiment baxx iżda ma kinux iffukati biżżejjed fuq ir-riżultati"

190.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri u l-paragun siewi bejn il-perjodi tal-programm preċedenti u ta' dawk kurrenti, li b'hekk jiffoka l-attenzjoni fuq l-isfidi mistennija u imminenti għall-Istati Membri u l-Kummissjoni fir-rigward tal-assorbiment tajjeb u orjentat lejn ir-riżultati tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni;

191.  Iqis bħala insodisfaċenti t-tweġiba tal-Kummissjoni fir-rigward tar-rakkomandazzjoni li tipproponi skeda ta' żmien bid-dati ewlenin għall-adozzjoni tal-qafas leġiżlattiv sabiex l-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali tibda fil-ħin, u jitlob lill-Kummissjoni tressaq proposta konkreta bbażata fuq l-evalwazzjoni tagħha tal-perjodu ta' żmien meħtieġ għall-implimentazzjoni f'waqtha tal-programmi;

192.  Jikkondividi l-pożizzjoni tal-Qorti li waqt li l-assorbiment huwa importanti biex jinkisbu l-objettivi ta' politika, dan mhuwiex għan fih innifsu iżda pjuttost mod kif jinkisbu riżultati f'konformità mal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni; huwa tal-fehma soda li l-valur għall-flus mhuwiex sempliċiment kemm jintefaq iżda x'inkiseb bir-riżorsi żborżati;

193.  Jinsab imħasseb ħafna li l-Kummissjoni tidher li qed tissottovaluta r-riskju, li dwaru l-Qorti twissi wkoll li d-dewmien fl-eżekuzzjoni baġitarja għall-perjodu 2014-2020 jista' jirriżulta li jkun ikbar minn dak tal-perjodu 2007-2013, u b'hekk tinħoloq pressjoni sinifikanti għall-assorbiment xieraq tal-fondi fi tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni u żżid ir-riskju ta' nuqqas ta' kunsiderazzjoni għall-valur għall-flus u l-kisba tar-riżultati;

194.  Huwa mħasseb li l-Kummissjoni qed tinjora r-riskju, identifikat ukoll mill-Qorti, minħabba l-livell ta' assorbiment insuffiċjenti ħafna f'nofs il-perjodu ta' programmazzjoni, li huwa darbtejn aktar baxx meta mqabbel mal-mument korrispondenti fil-perjodu preċedenti, kif ukoll il-pressjoni fuq l-assorbiment minħabba li t-tmiem tal-perjodu kurrenti jikkoinċidi mal-ewwel snin ta' implimentazzjoni tal-perjodu li jmiss;

195.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta tbassir u valutazzjoni dwar kull Stat Membru fir-rigward tal-akkumulazzjoni tal-impenji li huma taħt riskju li ma jiġux assorbiti fil-ħin sa tmiem il-perjodu, u tissuġġerixxi miżuri ta' assistenza għall-Istati Membri biex itaffu effett potenzjalment negattiv għall-assorbiment insuffiċjenti tal-fondi disponibbli;

196.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-miżuri li se jittieħdu biex jiġi evitat diżimpenn awtomatiku mill-Istati Membri, jirrispettaw l-objettivi u r-riżultati segwiti mill-programmi operazzjonali u mill-proġetti, u li jiġu implimentati monitoraġġ u rapportar rilevanti tal-programmi operazzjonali emendati;

197.  Jistieden lill-Kummissjoni biex fuq inizjattiva tagħha stess tuża r-riżorsi għall-assistenza teknika u tassisti b'mod proattiv lill-Istati Membri biex iħaffu l-assorbiment orjentat lejn ir-riżultati tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni;

198.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-għan aħħari tal-politika ta' koeżjoni huwa li tkun ta' sostenn ekonomiku u soċjali fost ir-reġjuni u l-pajjiżi differenti fl-Unjoni u li tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-disparitajiet u l-inugwaljanzi li għandha; jissottolinja li dan irid ikun il-prinċipju gwida għall-Istati Membri, għall-Kummissjoni u għall-partijiet interessati rilevanti kollha fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-assorbiment tal-fondi tal-Unjoni;

Parti XXIII - Rapport Speċjali Nru 18/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "L-objettiv prinċipali tal-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir qiegħed jintlaħaq?"

199.  Iqis li r-Rapport Speċjali Nru 18/2018 tal-Qorti tal-Awdituri jipprovdi analiżi f'waqtha u importanti, li teżamina l-mod li bih il-Kummissjoni ilha timplimenta d-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-parti preventiva tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) mill-perspettiva tal-kisba tal-objettiv prinċipali tiegħu, jiġifieri li l-Istati Membri jimxu 'l quddiem b'suċċess lejn il-kisba tal-objettivi rispettivi ta' nofs it-terminu fir-rigward tal-bilanċi baġitarji;

200.  Jinsab ferm imħasseb bid-diverġenza profonda ta' opinjonijiet bejn il-Qorti u l-Kummissjoni fir-rigward tal-adegwatezza tal-implimentazzjoni, min-naħa tal-Kummissjoni, tad-dispożizzjonijiet tal-parti preventiva sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' nofs it-terminu meħtieġa; Dan in-nuqqas totali ta' fehim komuni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet dwar il-punt kruċjali tal-kwistjoni, jiġifieri jekk il-Kummissjoni applikatx kif xieraq jew le l-parti preventiva tal-PST, huwa indikatur importanti tal-eżistenza ta' differenzi sostanzjali, min-naħa fir-rigward tal-adegwatezza tat-testi reali tal-atti ġuridiċi li fil-preżent jirregolaw l-implimentazzjoni tal-PST, u min-naħa l-oħra fir-rigward tal-kriterji u l-kunsiderazzjonijiet, li abbażi tagħhom jiġi vvalutat jekk humiex qed jiġu applikati konkretament;

201.  Huwa tal-fehma li s-sejbiet tal-Qorti, jiġifieri li l-Kummissjoni permezz tal-azzjonijiet tagħha ma ggarantitx l-ilħuq tal-objettiv prinċipali tar-Regolament (KE) Nru 1466/97(8), jistgħu jitqiesu bħala ġustifikati fuq il-bażi ta' interpretazzjoni strettament litterali tad-dispożizzjonijiet ta' tali regolament; jikkunsidra, madankollu, li l-Kummissjoni kellha raġunijiet biżżejjed biex teżerċita flessibbiltà fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rispettivi ta' dak ir-Regolament, fid-dawl tal-kundizzjonijiet ekonomiċi u tar-rekwiżiti li jitnedew mill-ġdid it-tkabbir u ż-żieda fl-impjiegi;

202.  Jemmen ukoll li l-kumplessità dejjem ikbar tad-dispożizzjonijiet tal-PST, osservata matul l-aħħar għaxar snin ta' implimentazzjoni, titlob eżami mill-ġdid komprensiv u eżawrjenti tal-atti ġuridiċi rispettivi u l-interpretazzjoni tagħhom, fid-dawl tal-esperjenzi akkumulati kif ukoll tal-evoluzzjoni preżenti tal-ekonomija Ewropea u dik globali, ikkaratterizzati minn tkabbir dgħajjef, mill-profondità tal-inugwaljanzi u miż-żieda fl-inċertezzi;

203.  Jikkunsidra li huwa xieraq li jsir tali eżami mill-ġdid filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ ir-rekwiżiti għal implimentazzjoni prattika tal-Għanijiet ta' Żvilupp tas-Sostenibbiltà 2030, inkluża l-possibbiltà li jiġi vvalutat jekk huwiex xieraq li jinbidel il-PST attwali, ibbażat fuq il-paradigma tal-awsterità fiskali, b'Patt ta' Żvilupp Sostenibbli alternattiv li jkun jipprovdi l-bilanċ, il-komplementarjetà u t-tisħiħ reċiproku meħtieġa bejn il-prudenza fiskali u l-għanijiet ta' sostenibbiltà, u b'hekk tiġi evitata l-ħtieġa li l-applikazzjoni tar-regoli tiġi mġebbda lil hinn mil-limiti previsti kif ukoll li fl-istess ħin jiġu evitati d-diverġenzi konsegwenti ta' fehmiet u ta' valutazzjonijiet fir-rigward tal-konsistenza u tal-ġustifikazzjoni tal-politiki;

Parti XXIV – Rapport Speċjali Nru 19/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Netwerk ferrovjarju Ewropew ta' veloċità għolja: mhuwiex realtà iżda huwa sistema frammentata u ineffettiva"

204.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti;

205.  Jikkondividi l-fehmiet tal-Qorti u jappoġġja s-sejbiet tagħha;

206.  Jinnota b'sodisfazzjon li ttieħdu miżuri biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti;

207.  Jissottolinja li ċ-ċansijiet li titjieb is-sitwazzjoni jibqgħu minimi sakemm kull wieħed mill-Istati Membri ma jurix ir-rieda politika li titjieb is-sitwazzjoni;

208.  F'dan il-kuntest, jiġbed l-attenzjoni għar-rwol importanti tal-"Koordinaturi Ewropej" f'dan il-qasam (TEN-T);

209.  Ifakkar fil-mandat tal-Koordinaturi Ewropej, li jinkludi:

–  li jfasslu l-pjan ta' ħidma rilevanti tal-kuritur (flimkien mal-Istati Membri kkonċernati) jew il-pjan ta' ħidma għal prijorità orizzontali;

–  li jappoġġjaw u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-pjan ta' ħidma; kif u meta jkun meħtieġ, li jenfasizzaw id-diffikultajiet u jfittxu r-rimedji xierqa;

–  li jikkonsultaw b'mod regolari mal-forum tal-kuritur (korp konsultattiv li jlaqqa' flimkien lill-Istati Membri u lil diversi partijiet ikkonċernati);

–  li jagħmlu rakkomandazzjonijiet f'oqsma bħall-iżvilupp tat-trasport tul il-kurituri jew l-aċċess għal sorsi ta' finanzjament jew fondi;

–  li jirrappurtaw kull sena lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kkonċernati dwar il-progress miksub;

210.  Jenfasizza l-valur miżjud Ewropew tal-proġetti transfruntiera ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, u mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; jisħaq fuq kemm hu importanti li jkompli s-serħan fuq dawn il-mekkaniżmi ta' finanzjament biex jingħelbu l-ostakli politiċi u infrastrutturali u tiġi aċċellerata l-koeżjoni territorjali u soċjoekonomika tar-reġjuni tal-Unjoni permezz ta' konnessjonijiet ferrovjarji ta' veloċità għolja;

211.  Ifakkar lill-Kummissjoni fl-importanza li tippromwovi mhux biss trasport ferrovjarju tal-passiġġieri li jkun aċċessibbli u ta' kwalità iżda saħansitra trasport tal-merkanzija bil-ferrovija fid-dawl tal-benefiċċji ekonomiċi, ambjentali, loġistiċi u ta' sikurezza tiegħu;

Parti XXV – Rapport Speċjali Nru 20/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "L-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà: jeħtieġ li l-appoġġ li jingħata mill-UE jiġi ffukat mill-ġdid"

212.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti u jippreżenta l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu hawn taħt;

213.  Jirrikonoxxi li fl-Afrika s-SEAE u l-Kummissjoni qed jiffaċċjaw sitwazzjonijiet kumplessi ħafna, b'għadd numeruż ta' sfidi u restrizzjonijiet politiċi u operattivi f'ħafna oqsma, b'mod partikolari l-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati ewlenin, il-finanzjament u n-nuqqasijiet tal-istituzzjonijiet, ir-rieda politika għall-intervent, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti;

214.  Huwa konxju mill-kumplessità tal-qafas istituzzjonali involut fl-indirizzar tal-prevenzjoni tal-kunflitti u l-promozzjoni tal-paċi u s-sigurtà mal-Unjoni Afrikana, mal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (FPA), mal-organizzazzjonijiet subreġjonali (SROs), mal-komunitajiet ekonomiċi reġjonali (RECs) u mal-mekkaniżmi reġjonali għall-prevenzjoni, il-ġestjoni u r-riżoluzzjonijiet tal-kunflitti (RMs);

215.  Jinnota bi tħassib li l-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà (APSA) issofri minn dipendenza qawwija fuq sorsi finanzjarji esterni (minħabba l-kontribut baxx tal-Istati Membri lill-Fond għall-Paċi u minħabba finanzjament addizzjonali limitat attirat mill-APSA minn sorsi alternattivi ta' finanzjament);

216.  Jiddispjaċih li dan in-nuqqas ta' sjieda u sostenibbiltà finanzjarja Afrikani b'dipendenza għolja fuq id-donaturi u s-sħab internazzjonali jwassal għal nuqqasijiet operattivi b'mod partikolari fir-rigward ta' kwistjonijiet relatati mal-persunal, jiġifieri l-preżenza ta' ftit persunal kwalifikat jew esperti militari li jittrattaw il-missjonijiet ewlenin tal-paċi u tas-sigurtà fil-kontinent Afrikan;

217.  Jemmen li, għalkemm l-appoġġ tal-Unjoni għall-APSA huwa mfassal fuq il-bażi ta' qafas strateġiku definit fil-pjanijiet direzzjonali, għandu dejjem jiġi mfittex li jkun hemm koordinazzjoni xierqa tad-donaturi;

218.  Jiddispjaċih ukoll li l-appoġġ tal-Unjoni huwa prinċipalment iffukat fuq l-ispejjeż operattivi bażiċi b'nuqqas ta' pjan fit-tul; jenfasizza l-ħtieġa li l-Unjoni titbiegħed mill-ispejjeż ta' appoġġ tal-APSA u tappoġġja prospetti u objettivi ċari u fit-tul li jikkontribwixxu għall-istabbiltà tal-Afrika u, b'mod aktar ġenerali, għas-sħubija bejn l-UA u l-UE;

219.  Ifakkar fl-importanza tat-trawwim ta' pjan ta' bini ta' kapaċità, tal-kapaċità operattiva tal-Unjoni Afrikana u tal-organizzazzjonijiet subreġjonali flimkien ma' qafas ta' koordinazzjoni aħjar bejn l-atturi kollha bil-għan li jottimizzaw kemm jista' jkun il-koerenza tal-attivitajiet u r-riżultati tal-appoġġ tal-Unjoni fuq perjodu ta' żmien itwal;

220.  Jinsab serjament imħasseb dwar l-insuffiċjenzi tas-sistemi ta' monitoraġġ fir-rigward tal-kapaċità tal-UE li tipprovdi data adegwata dwar ir-riżultati tal-attivitajiet; jitlob lill-Kummissjoni żżid il-kapaċità tas-sistema ta' evalwazzjoni tal-attivitajiet u tal-prestazzjoni biex turi b'mod ċar li l-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni jistgħu jkunu marbuta l-aktar ma' effetti tanġibbli u pożittivi fuq il-paċi u s-sigurtà fuq il-post;

221.  Jirrimarka, bħala prinċipju fundamentali, li s-sistema ta' monitoraġġ trid tiġi żviluppata sabiex tiġbor u tanalizza d-data/l-indikaturi fil-livelli tal-attività, tal-output, tal-objettivi speċifiċi u tal-objettivi strateġiċi sabiex tiġi vvalutata l-implimentazzjoni effettiva tal-pjan direzzjonali miftiehem tal-APSA, ir-rilevanza u s-sostenibbiltà tiegħu;

222.  Jistieden lis-servizzi tal-Kummissjoni jniedu missjoni ta' Monitoraġġ Orjentat lejn ir-Riżultati (MOR) u jirrapportaw lill-Parlament malajr kemm jista' jkun;

Parti XXVI – Rapport Speċjali Nru 21/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "L-għażla u l-monitoraġġ ta' proġetti taħt il-FEŻR u l-FSE fil-perjodu 2014-2020 għadhom prinċipalment orjentati lejn l-outputs"

223.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti;

224.  Jinsab imħasseb li r-rati baxxi ta' implimentazzjoni f'nofs il-perjodu ta' programmazzjoni attwali jipperikolaw il-ksib tar-riżultati li huma l-aktar meħtieġa fl-oqsma appoġġjati mill-FEŻR u l-FSE, u b'hekk jittardjaw l-effetti mistennija tal-investimenti baġitarji tal-Unjoni għall-koeżjoni u t-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali;

225.  Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri biex iħaffu l-assorbiment tal-FSIE, u ssaħħaħ il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-prestazzjoni tagħha tal-FSIE sabiex jiġi żgurat li dawn il-fondi jikkontribwixxu għall-kisba tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni u tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020;

226.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizza n-nuqqasijiet identifikati fil-qafas tal-prestazzjoni tal-FSIE kurrenti, kif ukoll tuża t-tagħlimiet misluta mill-perjodu 2014-2020 sabiex jittejjeb il-qafas ta' prestazzjoni għall-perjodu li jmiss u tiżgura li jiġu pprovduti regoli ċari għall-indikaturi, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-kisba tar-riżultati;

227.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura proċess bla xkiel u mingħajr interruzzjonijiet tal-monitoraġġ u tar-rappurtar tal-kisba tar-riżultati matul il-perjodu ta' tranżizzjoni għal Kulleġġ ta' Kummissarji ġdid, kif ukoll tiżgura li l-prestazzjoni orjentata lejn ir-riżultati tal-FSIE fi tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni ma tiddgħajjifx b'assorbiment aċċellerat;

228.  Jieħu nota tat-tweġibiet tal-Kummissjoni li l-proposta leġiżlattiva tagħha għall-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020 tinkludi lista ta' indikaturi tar-riżultati komuni għall-FEŻR, għall-Fond ta' Koeżjoni u għall-FSE;

229.  Huwa, madankollu, imħasseb dwar il-fatt li l-proposti leġiżlattivi tal-Kummissjoni rigward il-FEŻR, il-Fond ta' Koeżjoni u l-FSE ma jinkludux dispożizzjonijiet li jippermettu "l-azzjonijiet determinati skont regoli speċifiċi għas-settur", kif stipulat fid-definizzjonijiet ta' "riżultat" u ta' "output" fir-Regolament Finanzjarju, li jiġu identifikati bħala riżultati previsti li jinkisbu u konsegwentement li jitkejlu b'indikaturi tar-riżultati taħt dawn il-fondi;

230.  Jitlob lill-Kummissjoni tindirizza dan in-nuqqas u tiżgura li kwalunkwe effett negattiv għall-istabbiliment tal-qafas ta' prestazzjoni mill-Istati Membri għall-perjodu ta' programmazzjoni 2021-2027 jiġi evitat;

231.  Jiddispjaċih ħafna li l-Kummissjoni ma ppreżentatx proposta komprensiva għal Strateġija Politika tal-UE għal wara l-2020 li tipprovdi stadji importanti għall-objettivi tal-QFP li jmiss kif ukoll l-orjentazzjoni neċessarja għall-Istati Membri biex jiksbu riżultati li jikkontribwixxu għall-prijoritajiet komuni tal-UE u l-kisba ta' Unjoni aktar koerenti u ta' koeżjoni;

Parti XXVII – Rapport Speċjali Nru 22/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Mobbiltà taħt Erasmus+: Miljuni ta' parteċipanti u Valur Miżjud Ewropew multidimensjonali, iżda jeħtieġ li jsir aktar titjib fil-kejl tal-prestazzjoni"

232.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-forom addizzjonali ta' Valur Miżjud Ewropew iġġenerati mill-Programm Erasmus+ (2014–2020), u li jmorru lil hinn minn dawk ikkunsidrati taħt il-bażi legali stabbilita tiegħu; josserva li t-tekniki u l-indikaturi ta' evalwazzjoni għall-Programm Erasmus+ għandhom ikunu kemm jista' jkun globali u kwalitattivi, filwaqt li jqisu n-natura multidimensjonali tal-effetti ta' dawn it-tip ta' azzjonijiet fit-tul;

233.  Jinnota li d-definizzjoni ta' "parteċipanti żvantaġġati/parteċipanti b'inqas opportunitajiet" bħalissa mhijiex armonizzata, u tvarja minn Stat Membru għal ieħor; josserva li definizzjoni komuni tippermetti valutazzjoni aktar preċiża tal-impatt tal-Programm u tipprovdi bażi aktar soda biex jintlaħqu aktar parteċipanti, kif ukoll biex jiġu żviluppati azzjonijiet pożittivi bħala sostenn għalihom;

234.  Jilqa' l-introduzzjoni mill-ġdid ta' mobbiltà individwali għal studenti tal-iskola taħt l-Azzjoni Ewlenija 1 (KA1) fil-proposta għall-Programm Erasmus il-ġdid (2021-2027);

235.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-Appoġġ Lingwistiku Online (OLS); jikkunsidra li dan l-istrument għandu jkun miftuħ għall-parteċipanti kollha u mfassal għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom filwaqt, li fl-istess ħin, ikun ikkomplementat b'korsijiet tal-lingwa fil-klassi;

236.  Jilqa' l-introduzzjoni ta' metodi ta' finanzjament simplifikati (somom f'daqqa, rati fissi u kostijiet unitarji). Jirrikonoxxi, madankollu, il-bżonn li l-ammonti ta' għotjiet jiġu aġġustati u riveduti regolarment għall-ispejjeż ta' għajxien u ta' sussistenza tal-pajjiż jew tar-reġjun ospitanti, sabiex ikun żgurat aċċess iktar ġust għall-mobilità individwali tal-Erasmus għall-parteċipanti b'inqas opportunitajiet;

237.  Jikkunsidra li, bil-għan li jiġi promoss l-aċċess għall-mobilità individwali tal-parteċipanti żvantaġġati u b'inqas opportunitajiet, għandu jiġi meqjus il-prefinanzjament tal-Azzjoni Ewlenija 1 tal-Programm Erasmus il-ġdid;

238.  Josserva li promozzjoni aħjar tal-mobilità għall-istudenti tad-dottorat tkun tirrikjedi aktar flessibbiltà rigward il-perjodu ta' mobilità minimu ta' tliet xhur attwalment previst;

239.  Jirrikonoxxi li l-Faċilità ta' Garanzija ta' Self lill-Istudenti ma kisbitx ir-riżultati mistennija, u jirrikonoxxi wkoll l-esklużjoni tagħha mill-Proposta għall-Programm Erasmus il-ġdid (2021-2027);

Parti XXVIII – Rapport Speċjali Nru 23/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "It-tniġġis tal-arja: Saħħitna għadha mhix qed tiġi protetta biżżejjed"

240.  Huwa tal-fehma li, biex tieħu azzjoni aktar effettiva biex ittejjeb il-kwalità tal-arja, il-Kummissjoni għandha:

–  tikkondividi l-aħjar prattika tal-Istati Membri li rriflettew b'suċċess ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent (AAQ) fil-Pjanijiet tagħhom dwar il-Kwalità tal-Arja, inklużi dawk dwar kwistjonijiet bħal informazzjoni rilevanti għal finijiet ta' monitoraġġ; miżuri fuq terminu qasir li jkunu mmirati u bbaġitjati għat-titjib tal-kwalità tal-arja; u tnaqqis previst fil-livelli ta' konċentrazzjoni f'postijiet speċifiċi;

–  timmaniġġja b'mod attiv kull stadju tal-proċedura ta' ksur biex tqassar il-perjodu qabel ma l-kawżi jiġu solvuti jew jiġu ppreżentati lill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja;

–  tassisti lill-Istati Membri li huma l-aktar affettwati mit-tniġġis tal-arja transfruntiera fl-UE fil-kooperazzjoni u l-attivitajiet konġunti tagħhom, inkluż billi tintroduċi miżuri rilevanti fil-Pjanijiet tagħhom dwar il-Kwalità tal-Arja;

241.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjonijiet li ġejjin fit-tħejjija tal-proposta tagħha lil-leġiżlatur:

–  titqies il-possibbiltà li jiġu aġġornati l-valuri ta' limitu u l-valuri fil-mira tal-Unjoni (għall-PM, l-SO2 u l-O3), f'konformità mal-gwida tad-WHO l-aktar reċenti; jitnaqqas l-għadd ta' drabi li l-konċentrazzjonijiet jistgħu jaqbżu l-istandards (għall-PM, l-NO2, l-SO2 u l-O3); u jiġi stabbilit valur ta' limitu għal terminu qasir għall-PM2.5 u livelli limiti ta' twissija għall-PM;

–  isir titjib fil-Pjanijiet dwar il-Kwalità tal-Arja, b'mod partikolari billi jiġu orjentati lejn ir-riżultati; u billi jirrikjedu rapportar annwali tal-implimentazzjoni tagħhom; u billi jiġu aġġornati kull meta jkun meħtieġ. L-għadd ta' Pjanijiet dwar il-Kwalità tal-Arja għal kull żona ta' kwalità tal-arja għandu jiġi limitat;

–  jiġu ppreċiżati r-rekwiżiti relatati mal-postijiet tal-istazzjonijiet tal-kejl industrijali u tat-traffiku, biex jitkejjel aħjar l-ogħla livell ta' esponiment tal-popolazzjoni għat-tniġġis tal-arja; u jiġi stabbilit għadd minimu ta' stazzjonijiet tal-kejl għal kull tip (tat-traffiku, industrijali jew għall-monitoraġġ tal-arja);

–  titqies il-possibbiltà li l-Kummissjoni tirrikjedi punti ta' monitoraġġ addizzjonali fejn tqis li dan ikun meħtieġ sabiex jitkejjel aħjar it-tniġġis tal-arja;

–  titmexxa 'il quddiem id-data għar-rappurtar tad-data validata (li attwalment hija t-30 ta' Settembru tas-sena n+1) għal mill-inqas it-30 ta' Ġunju n+1, u l-Istati Membri jkunu meħtieġa jipprovdu data aġġornata (f'ħin reali);

–  dispożizzjonijiet espliċiti li jiżguraw id-drittijiet taċ-ċittadini li jkollhom aċċess għall-ġustizzja;

242.  Jitlob lill-Kummissjoni, sabiex il-kwalità tal-arja tiġi integrata aktar fil-politiki tal-UE, tipproduċi valutazzjonijiet ta':

–  politiki oħra tal-Unjoni li fihom elementi li jistgħu jkunu ta' detriment għall-arja nadifa, u tittieħed azzjoni biex dawn il-politiki jiġu allinjati aħjar mal-objettiv relatat mal-kwalità tal-arja;

–  l-użu reali tal-finanzjament rilevanti disponibbli b'appoġġ għall-objettivi tal-Unjoni dwar il-kwalità tal-arja biex jiġu indirizzati l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja, b'mod partikolari l-PM, l-NOX u l-SOX;

243.  Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex titjieb il-kwalità tal-informazzjoni għaċ-ċittadini, biex:

–  tidentifika u tikkompila, bl-għajnuna tal-professjonisti fil-kura medika, l-aktar informazzjoni kritika li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għaċ-ċittadini (inklużi l-impatti fuq is-saħħa u r-rakkomandazzjonijiet dwar l-imġiba);

–  tappoġġja lill-Istati Membri biex jadottaw l-aħjar prattiki sabiex jikkomunikaw maċ-ċittadini u jinvolvuhom fi kwistjonijiet relatati mal-kwalità tal-arja;

–  tippubblika l-klassifikazzjonijiet taż-żoni ta' kwalità tal-arja li jindikaw l-aqwa u l-agħar progress miksub kull sena u tikkondividi l-aħjar prattiki applikati mill-aktar postijiet li kisbu l-aqwa riżultati;

–  tiżviluppa għodda online li tippermetti liċ-ċittadini jirrappurtaw dwar ksur ta' regoli tal-kwalità tal-arja u jipprovdu feedback lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-azzjonijiet tal-Istati Membri rigward il-kwalità tal-arja;

–  tappoġġja lill-Istati Membri biex jiżviluppaw għodod faċli għall-utent sabiex il-pubbliku ġenerali jkollu aċċess għall-informazzjoni dwar il-kwalità tal-arja u għall-monitoraġġ tagħha (pereżempju, applikazzjonijiet għall-ismartphones u/jew paġni ddedikati fuq il-midja soċjali);

–  tfittex li tilħaq ftehim mal-Istati Membri fir-rigward tal-armonizzazzjoni tal-indiċijiet tal-kwalità tal-arja;

Parti XXIX – Rapport Speċjali No 24/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Dimostrar tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju u tas-sorsi innovattivi ta' enerġija rinnovabbli fuq skala kummerċjali ġewwa l-UE: il-progress intenzjonat ma nkisibx matul dawn l-aħħar għaxar snin"

244.  Jilqa' r-rapport speċjali tal-Qorti dwar "Dimostrar tal-ġbir u l-ħżin tal-karbonju u tas-sorsi innovattivi ta' enerġija rinnovabbli fuq skala kummerċjali ġewwa l-UE: il-progress intenzjonat ma nkisibx matul dawn l-aħħar għaxar snin" u jistabbilixxi l-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu hawn taħt;

245.  Jilqa' l-impenji ambizzjużi tal-Unjoni biex tikseb it-tnaqqis tal-emissjonijiet tagħha meta mqabbel mal-livelli tal-1990 b'minn tal-inqas 20 % sal-2020, u b'40 % sal-2030, u biex tonfoq mill-inqas 20 % mill-baġit tagħha fuq azzjoni relatata mal-klima għall-perjodu baġitarju 2014-2020;

246.  Jilqa' l-ambizzjoni tal-Unjoni li tkun mexxej globali fl-enerġija rinnovabbli; iqis li huwa ta' importanza kbira li l-Kummissjoni kontinwament turi tmexxija u impenn suffiċjenti għall-kwistjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima biex tikkonsolida l-kredibbiltà internazzjonali tagħha kif ukoll l-impatt tal-istrumenti tagħha għat-tiswir tal-kundizzjonijiet għall-politika tal-Unjoni dwar it-tibdil fil-klima u għad-diplomazija ekoloġika fis-snin li ġejjin;

247.  Jemmen li hemm bżonn ta' aktar sinerġiji bejn id-diversi korpi tal-Unjoni, is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni u s-sħab fl-industrija u l-isforzi għandhom jiġu kkombinati sabiex jinkiseb ambjent li jwassal għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju b'teknoloġiji innovattivi b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, billi jiġu adattati u żviluppati kundizzjonijiet u strumenti ta' investiment;

248.  Jisħaq li l-koordinazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni relatati ma' kwistjonijiet klimatiċi għad teħtieġ titjib biex ma jintlaħqux biss l-impenji internazzjonali iżda anke biex l-Unjoni tkun tista' tibqa' minn ta' quddiem f'termini ta' tibdil fil-klima;

249.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa koordinazzjoni intensifikata ta' attivitajiet fil-qasam tal-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda u innovazzjonijiet ambjentali;

250.  Jirrimarka l-ħtieġa li, b'mod partikolari, il-Kummissjoni tagħti koordinazzjoni msaħħa fost l-Istati Membri f'termini ta' politiki relatati mat-tibdil fil-klima biex tkun tista' tilħaq l-objettiv li tindirizza tal-anqas 20 % tal-baġit tal-Unjoni għal soċjetà b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u reżiljenti għall-klima;

251.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' strateġiji b'livell baxx ta' karbonju mill-Istati Membri li joħolqu ambjent ta' inċertezza, jagħmel ħsara lill-kundizzjonijiet tal-investimenti, jaffettwa l-vijabbiltà finanzjarja u l-progress ta' proġetti innovattivi ta' dimostrazzjoni ta' enerġija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju u joffri biss possibbiltà limitata ta' rkupru ta' flus minn proġetti li jkunu qed ifallu; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-parteċipazzjoni attiva tal-Istati Membri fil-kisba tal-objettivi b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju;

252.  Jiddispjaċih dwar il-livell baxx ta' vijabbiltà u sostenibbiltà b'mod ġenerali tal-proġetti ffinanzjati u n-nuqqas ta' użu ta' riżultati tanġibbli tal-proġetti;

253.  Jemmen li strateġiji mmirati aħjar fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali huma meħtieġa biex jirnexxu f'dan il-qasam; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija globali konkreta dwar l-ilħuq tal-miri stabbiliti li se jinvolvu pjanijiet ta' azzjoni speċifiċi għaż-żona inklużi valutazzjonijiet fil-fond, miżuri u strumenti dettaljati, metodoloġija ta' kejl u rapportar, u indikaturi tal-prestazzjoni;

254.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid b'mod ġenerali l-kompatibbiltà ta' oqsma differenti tal-baġit biex tikkomplementa l-programmi mmirati lejn il-bini ta' ekonomija b'livell baxx ta' karbonju; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' miri speċifiċi f'partijiet sostanzjali tal-baġit tal-Unjoni;

255.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa malajr ambjent ideali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju, billi tadatta l-kondizzjonijiet tal-investiment u l-kwadri u l-istrumenti ta' nfiq għall-innovazzjoni u l-modernizzazzjoni fis-setturi rilevanti ewlenin kollha;

Parti XXX - Rapport Speċjali Nru 25/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Direttiva dwar l-Għargħar: inkiseb progress fil-valutazzjoni tar-riskji, iżda jeħtieġ li jsir titjib fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni"

256.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kapaċità superviżorja tagħha fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-Għargħar, tivverifika li l-Istati Membri jtejbu l-obbligu ta' rendikont permezz ta' objettivi kwantifikabbli u marbutin biż-żmien għall-azzjoni relatata mal-għargħar, u b'hekk jippermettu li jiġi vvalutat il-progress li jkun sar għall-kisba tagħhom, f'konformità mad-Direttiva dwar l-Għargħar meta tirrieżamina l-Pjanijiet għall-Immaniġġjar tar-Riskju ta' Għargħar tal-Istati Membri (FRMP) tat-tieni ċiklu u taċ-ċikli sussegwenti; jistieden lill-Kummissjoni taqsam mal-Istati Membri kollha l-prattiki tajba fl-istabbiliment tal-objettivi;

257.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kapaċità superviżorja tagħha fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-Għargħar u fi żmien debitu għat-tieni ċiklu tad-Direttiva dwar l-Għargħar, tivvaluta u tirrapporta dwar jekk l-Istati Membri:

–  identifikawx sorsi ta' finanzjament biex ikopru l-ħtiġijiet ta' investiment li jirriżultaw mill-FRMPs u stabbilixxewx skeda ta' żmien għall-implimentazzjoni f'konformità mal-finanzjament disponibbli;

–  qiesux l-investiment transfruntier għall-miżuri relatati mal-għargħar għall-baċiri tax-xmajjar internazzjonali;

258.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kapaċità superviżorja tagħha fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-Għargħar u skont il-modalità ta' ġestjoni kondiviża, tikkofinanzja biss miżuri relatati mal-għargħar li jkunu ġew prijoritizzati skont l-FRMPs futuri, meta jintalbu fondi tal-Unjoni; din il-prijoritizzazzjoni mill-Istati Membri għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi u rilevanti, inklużi:

–  analiżi tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji li tkun ta' kwalità tajba, sabiex jinkiseb l-aħjar valur għall-flus għall-investimenti, u

–  fejn ikun rilevanti, kriterju relatat mal-impatt transfruntier tal-proġetti;

259.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kapaċità superviżorja tagħha fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-Għargħar u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, tinforza l-konformità tal-infrastruttura l-ġdida kontra l-għargħar, li tkun ġiet proposta mill-Istati Membri fl-FMRPs, mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma;

260.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kapaċità superviżorja tagħha fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-Għargħar u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma, tivverifika li, kull meta jintalab kofinanzjament mill-Unjoni, l-Istati Membri jkunu analizzaw il-fattibbiltà tal-implimentazzjoni ta' miżuri ekoloġiċi sinifikanti, waħidhom jew flimkien ma' soluzzjonijiet griżi;

261.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kapaċità superviżorja tagħha fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-Għargħar, tivverifika li l-FRMPs ikunu jinkludu miżuri biex isir titjib fl-għarfien u fl-immudellar tal-impatt li t-tibdil fil-klima għandu fuq l-għargħar;

262.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta twettaq rieżami tad-dokumenti mitluba għat-tieni ċiklu tad-Direttiva dwar l-Għargħar, fil-kapaċità superviżorja tagħha skont id-Direttiva dwar l-Għargħar, tivverifika jekk l-Istati Membri:

–  jistmawx u jimmudellawx l-impatt li t-tibdil fil-klima għandu fuq l-għargħar permezz ta' studji u riċerka;

–  jiżviluppawx għodod xierqa biex janalizzaw u jipprevedu aħjar:

a)  l-għargħar mix-xita, inkluż l-għargħar għal għarrieda;

b)  l-għargħar kostali minħabba żieda fil-livelli tal-baħar;

–  fejn l-impatt tat-tibdil fil-klima ma jkunx kwantifikabbli, jippjanawx miżuri flessibbli biex, jekk ikun meħtieġ, jiġi aġġustat il-livell ta' protezzjoni;

263.  Jistieden lill-Kummissjoni, fir-rieżami li twettaq tal-FRMPs għat-tieni ċiklu, tivverifika jekk l-Istati Membri jkunux ippjanaw azzjoni biex:

–  iżidu s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-benefiċċji ta' kopertura tal-assigurazzjoni kontra r-riskji ta' għargħar; u

–  iżidu l-kopertura, pereżempju, permezz ta' kooperazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat fir-rigward tal-assigurazzjoni kontra l-għargħar;

264.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kapaċità superviżorja tagħha fl-ambitu tad-Direttiva dwar l-Għargħar:

–  tivverifika jekk l-Istati Membri jkunux użaw l-FRMPs tagħhom biex jivvalutaw il-punt sa fejn ir-regoli dwar l-ippjanar tal-użu tal-art fl-Istati Membri jkunu mfassla b'mod adegwat u infurzati b'mod effettiv f'żoni li jinsabu f'riskju ta' għargħar; u

–  ixxerred prattiki tajbin u gwida lill-Istati Membri;

Parti XXXI – Rapport Speċjali Nru 26/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Bosta dewmien fis-Sistemi tal-IT doganali: x'mar ħażin?"

265.  Jinnota l-osservazzjonjiet tal-Qorti fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tas-Sistemi tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni Doganali;

266.  Ifaħħar l-analiżi tas-sitwazzjoni u l-konklużjonijiet ppreżentati mill-Qorti tal-Awdituri;

267.  Jilqa' r-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni ffokati fuq l-immodernizzar tal-proċessi doganali li huwa element fundamentali għall-funzjonament tal-Unjoni; japprezza l-approċċ li tingħata kunsiderazzjoni lit-tagħlimiet miksuba mill-programm Dwana 2020;

268.  Jirrimarka li l-Kummissjoni, minkejja xi spjegazzjonijiet addizzjonali u nuqqas ta' qbil dwar parti mill-osservazzjonijiet, aċċettat ir-rakkomandazzjonijiet kollha fir-rapport Speċjali tal-Qorti;

269.  Filwaqt li l-Kummissjoni pprevediet EUR 950 miljun fi prezzijiet attwali għall-programm li jmiss, u hemm kunsens mal-Parlament dwar din iċ-ċifra, huwa imperattiv li l-implimentazzjoni tkun f'waqtha, komprensiva u skont il-limiti finanzjarji;

270.  Jeħtieġ li jiddaħħal fis-seħħ pjan strateġiku pluriennali sod li jistipula l-qafas strateġiku u l-istadji ewlenin għall-ġestjoni koerenti u effikaċi tal-proġetti tal-IT; l-objettivi, l-indikaturi, l-iskadenza ta' żmien kif ukoll ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa għandhom jiġu stabbiliti korrettament f'dak il-pjan;

271.  Bħal ma jiġri fil-bidu ta' bosta programmi tal-QFP il-ġdid, bħall-Programm tal-UE Kontra l-Frodi, FISCALIS u Dwana, kif ukoll il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri għandhom joperaw f'sinerġija, jeħtieġ li jkun hemm valutazzjoni tal-impatt tal-effett negattiv tal-possibbiltà ta' dewmien fl-implimentazzjoni ta' wieħed mill-elementi għall-funzjonament tas-sistema kollha;

272.  Huwa ta' importanza assoluta li jiġi implimentat baġitjar abbażi tal-prestazzjoni sabiex jitjiebu r-riżultati u tiġi żgurata l-kisba tal-objettivi tal-programm;

273.  Filwaqt li l-Istati Membri għadhom ma użawx is-sehem ta' 20 % tagħhom tal-ispejjeż tal-ġbir minn dazji doganali biex jiġu koperti n-nefqiet għall-implimentazzjoni tas-sistema tal-IT doganali, il-kumitat jappoġġja l-proposta dwar ir-riżorsi proprji tal-Kummissjoni li tnaqqas il-perċentwal tal-ispejjeż ta' ġbir għal 10 %;

Parti XXXII – Rapport Speċjali Nru 31/2018 tal-Qorti tal-Awdituri bit-titolu "Il-benessri tal-annimali fl-UE: tnaqqis tad-distakk bejn għanijiet ambizzjużi u implimentazzjoni prattika"

274.  Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex tiggwida l-azzjonijiet futuri tagħha fil-qasam tal-benessri tal-annimali, biex:

-  twettaq evalwazzjoni tal-istrateġija għall-benessri tal-annimali 2012-2015, partikolarment b'rabta mat-trasportazzjoni ta' annimali ħajjin, biex tidentifika sa liema punt l-objettivi tagħha jkunu ntlaħqu, u jekk il-gwida li ħarġet tkunx qed tiġi applikata;

–  tiddefinixxi indikaturi ta' referenza u fil-mira biex tkejjel u tqabbel il-livell ta' konformità tal-Istati Membri fl-oqsma ta' riskju li jifdal identifikati mill-evalwazzjoni;

–  tirrifletti dwar kif għandha tindirizza l-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni msemmija hawn fuq (pereżempju, permezz ta' strateġija ġdida jew pjan ta' azzjoni ġdid u/jew rieżami tal-leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali), u tippubblika r-riżultati tal-valutazzjoni tagħha;

275.  Jilqa' l-konklużjoni tal-Qorti li l-azzjonijiet tal-Unjoni dwar il-benessri tal-annimali tejbu l-konformità mar-rekwiżiti tal-benessri tal-annimali u appoġġjaw standards ogħla b'impatt pożittiv ċar fuq il-benessri tal-annimali, fejn ġew implimentati kif xieraq;

276.  Jirrakkomanda li, bil-għan li jiġu indirizzati aħjar l-oqsma ta' riskju u jinxterdu l-prattiki tajba, il-Kummissjoni għandha:

–  tiżviluppa strateġija ta' infurzar biex issaħħaħ l-arranġamenti għas-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tad-DĠ SANTE, bl-għan li tnaqqas iż-żmien li fih jittieħdu azzjonijiet sodisfaċenti għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu li jinħarġu wara l-awditi, u biex tinforza d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, partikolarment dawk li ilhom fis-seħħ għal żmien twil;

–  tiddetermina, flimkien mal-Istati Membri, kif l-għodod disponibbli fi TRACES jistgħu jappoġġjaw il-preparazzjoni ta' analiżijiet tar-riskju għal spezzjonijiet fuq it-trasport tal-annimali ħajjin, u xxerred gwida dwar l-użu ta' dawn l-għodod;

277.  Sabiex issaħħaħ ir-rabtiet bejn is-sistema ta' kundizzjonalità u l-benessri tal-annimali, jirrakkomanda li l-Kummissjoni:

–  fl-awditi tal-konformità tagħha dwar il-kundizzjonalità, tivvaluta l-kompletezza tar-rappurtar mill-Istati Membri dwar il-każijiet ta' nuqqas ta' konformità li jkunu ġew identifikati matul l-ispezzjonijiet uffiċjali mwettqa mill-istess awtorità ta' kontroll inkarigata wkoll mill-kontrolli tal-kundizzjonalità, pereżempju billi twettaq kontroverifiki bejn ir-riżultati tal-ispezzjonijiet uffiċjali u l-bażi tad-data tal-benefiċjarji li huma suġġetti għall-kundizzjonalità;

–  tibni fuq azzjonijiet preċedenti, tkompli tikkondividi l-aħjar prattiki dwar il-kundizzjonalità u tinforma lill-Istati Membri dwar is-sejbiet tal-konformità li fuqhom huma bbażati d-deċiżjonijiet biex jiġu imposti korrezzjonijiet finanzjarji minħabba s-sistemi laxki ta' sanzjonijiet li huma marbuta mal-benessri tal-annimali;

278.  Biex tħeġġeġ l-użu effettiv tal-appoġġ għall-iżvilupp rurali li jingħata għall-benessri tal-annimali, jirrakkomanda li l-Kummissjoni:

–  meta tkun qed tapprova bidliet għall-programmi eżistenti tal-iżvilupp rurali, kif ukoll meta tkun qed tapprova d-dokumenti ta' programmazzjoni l-ġodda għall-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020, tisfida lill-Istati Membri dwar l-użu li huma jagħmlu mill-miżuri relatati mal-benessri tal-annimali f'setturi fejn ikun hemm evidenza ta' nuqqas ta' konformità mifrux (bħall-qtugħ tad-denb tal-ħnieżer) u tivverifika t-trikkib potenzjali ma' skemi privati li jkopru impenji simili;

–  tħeġġeġ l-iskambju bejn l-Istati Membri li jirrigwarda l-prattiki tajbin dwar l-indikaturi addizzjonali, fuq bażi volontarja, tar-riżultati u tal-impatt għall-miżura relatata mal-benessri tal-annimali taħt is-sistema komuni ta' monitoraġġ u evalwazzjoni li se tiġi stabbilita għall-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020;

–  għall-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020, tipprovdi gwida strutturata lill-Istati Membri dwar l-użu ta' miżuri oħra tal-iżvilupp rurali biex jiġu appoġġjati standards imtejba għall-benessri tal-annimali, sabiex il-bdiewa jingħataw firxa aktar wiesgħa ta' inċentivi biex itejbu l-benessri tal-annimali, bil-għan li l-prattiki krudili jiġu kompletament aboliti;

o

o o

279.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje  L).

(1)

ĠU L 51, 28.2.2017.

(2)

ĠU C 348, 28.9.2018, p. 1.

(3)

ĠU C 357, 4.10.2018, p. 1.

(4)

ĠU C 357, 4.10.2018, p. 9.

(5)

Testi adottati ta' din id-data, P8_TA(2019)0000.

(6)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(7)

ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(8)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1).


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Luke Ming Flanagan, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Wolf Klinz, Bogusław Liberadzki, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

José Blanco López, Julia Pitera

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Rosa D’Amato, John Flack, Czesław Hoc


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

21

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová, Wolf Klinz

EFDD

Rosa D'Amato

ENF

Jean-François Jalkh

GUE/NGL

Luke Ming Flanagan, Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Julia Pitera, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, José Blanco López, Bogusław Liberadzki, Georgi Pirinski

VERTS/ALE

Bart Staes

3

-

ECR

John Flack, Czesław Hoc

S&D

Derek Vaughan

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2019Avviż legali