Proċedura : 2018/2150(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0091/2019

Testi mressqa :

A8-0091/2019

Dibattiti :

PV 12/03/2019 - 16
CRE 12/03/2019 - 16

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2019 - 19.12
CRE 13/03/2019 - 19.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0200

RAPPORT     
PDF 201kWORD 66k
26.2.2019
PE 630.524v01-00 A8-0091/2019

dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-Turkija

(2018/2150(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Kati Piri

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-Rapport tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-Turkija

(2018/2150(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk tal-24 ta' Novembru 2016 dwar ir-relazzjonijiet UE-Turkija(1), tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija(2), u tat-8 ta' Frar 2018 dwar is-sitwazzjoni attwali tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' April 2018 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Politika tat-Tkabbir tal-UE (COM(2018)0450), ir-Rapport tal-2018 dwar it-Turkija (SWD(2018)0153), u d-dokument ta' strateġija indikattiv rivedut għat-Turkija (2014-2020) adottat f'Awwissu 2018,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tat-13 ta' Diċembru 2016 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2018, u l-konklużjonijiet preċedenti rilevanti tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Negozjar għat-Turkija tat-3 ta' Ottubru 2005 u l-fatt li, kif inhu l-każ għall-pajjiżi kollha ta' adeżjoni, l-adeżjoni tat-Turkija mal-UE tiddependi fuq konformità sħiħa mal-kriterji ta' Copenhagen,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/157/KE tat-18 ta' Frar 2008 dwar il-prinċipji, il-prijoritajiet u l-kondizzjonijiet li jinsabu fis-Sħubija għall-Adeżjoni mar-Repubblika tat-Turkija ("is-Sħubija għall-Adeżjoni")(4), kif ukoll id-deċiżjonijiet preċedenti tal-Kunsill tal-2001, l-2003 u l-2006 dwar is-Sħubija għall-Adeżjoni,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta wara s-summit UE-Turkija tad-29 ta' Novembru 2015, u l-Pjan ta' Azzjoni UE-Turkija,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha tal-21 ta' Settembru 2005, li tinkludi d-dispożizzjoni skont liema r-rikonoxximent tal-Istati Membri kollha huwa komponent meħtieġ tan-negozjati, u l-ħtieġa li t-Turkija timplimenta b'mod sħiħ il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta' Ankara fir-rigward tal-Istati Membri kollha, billi tneħħi l-ostakli kollha għall-moviment liberu tal-merkanzija, mingħajr restrizzjonijiet jew diskriminazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) li jistabbilixxi li l-partijiet kontraenti jimpenjaw ruħhom li jirrispettaw is-sentenzi finali tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fi kwalunkwe każ li jkunu parti minnu, u, għaldaqstant, l-obbligu li t-Turkija timplimenta s-sentenzi kollha tal-QEDB;

–  wara li kkunsidra l-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-2018 ippubblikat mir-Reporters mingħajr fruntieri, li jikklassifika lit-Turkija fil-157 post minn fost 180 pajjiż;

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1625(2008) tal-Kunsill tal-Ewropa dwar id-drittijiet tal-proprjetà u tal-wirt tal-popolazzjoni Griega Ortodossa u l-fondazzjonijiet tagħha fuq il-gżejjer ta' Gökçeada (Imbros) u Bozcaada (Tenedos),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Novembru 2014 dwar azzjonijiet Torok li joħolqu tensjonijiet fiż-żona ekonomika esklussiva ta' Ċipru(5), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2015 dwar għeluq il-mitt sena mill-Ġenoċidju Armen(6),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, b'mod partikolari dawk tal-10-11 ta' Marzu 2017 dwar l-emendi għall-kostituzzjoni li għandhom jiġu sottoposti għal referendum nazzjonali, dwar il-miżuri previsti fid-Digrieti-Liġi ta' Emerġenza reċenti fir-rigward tal-libertà tal-midja u d-dmirijiet, il-kompetenzi u l-funzjonament tal-ġudikaturi tal-paċi fid-dritt kriminali, tas-6-7 ta' Ottubru 2017 dwar id-dispożizzjonijiet tad-Digriet-Liġi Nru 674 dwar l-eżerċizzju tad-demokrazija lokali, tad-9-10 ta' Diċembru 2016 dwar id-Digrieti-Liġi ta' Emerġenza Nri 667-676 adottati wara l-kolp ta' stat li ma rnexxiex fil-15 ta' Lulju 2016, u tal-14-15 ta' Ottubru 2016 dwar is-sospensjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 83 tal-Kostituzzjoni, b'enfasi fuq l-invjolabbiltà parlamentari,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Lulju 2016 mill-Kummissarju tal-Kunsill tal-Ewropa għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar miżuri meħuda fl-istat ta' emerġenza fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra s-sejbiet u l-konklużjonijiet tal-Missjoni ta' Valutazzjoni tal-Ħtiġijiet tal-OSKE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet presidenzjali u parlamentari bikrin tal-24 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2156 tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE) tal-25 ta' April 2017, intitolata "Il-funzjonament tal-istituzzjonijiet demokratiċi fit-Turkija" u li wasslet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura ta' monitoraġġ,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2017 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-Ewwel Rapport Annwali dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (COM(2017)0130), il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2018 dwar it-Tieni Rapport Annwali dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija (COM(2018)0091), u l-Ħames Rapport tal-Kummissjoni tat-2 ta' Marzu 2017 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija (COM(2017)0204),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Diċembru 2016 għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati mat-Turkija dwar ftehim dwar l-estensjoni tal-ambitu tar-relazzjoni bilaterali tal-kummerċ preferenzjali u dwar l-immodernizzar tal-Unjoni Doganali, u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2018 dwar il-fatt li mhuwa previst l-ebda xogħol ieħor favur l-immodernizzar tal-Unjoni Doganali UE-Turkija,

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-14 ta' Marzu 2018 bl-isem "Assistenza ta' qabel l-adeżjoni mogħtija mill-UE lit-Turkija: Ir-riżultati li nkisbu sa issa għadhom limitati",

–  wara li kkunsidra l-baġit 2019 li taħtu l-fondi tal-IPA II għat-Turkija se jitnaqqsu b'EUR 146.7 miljun minħabba s-sitwazzjoni fit-Turkija fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Marzu 2018 dwar l-impatt tal-istat ta' emerġenza fuq id-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija b'referenza partikolari għax-Xlokk tal-pajjiż,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Riammissjoni UE-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0091/2019),

A.  billi l-Kumitat Parlamentari Konġunt bejn l-UE u t-Turkija kellu s-77 laqgħa tiegħu tant mistennija fi Brussell fit-28 ta' April 2018, wara tliet snin ta' stall fir-relazzjonijiet interparlamentari;

B.  billi skont l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR), it-Turkija tospita l-akbar popolazzjoni ta' rifuġjati fid-dinja, b'aktar minn tliet miljun rifuġjat irreġistrati mis-Sirja, l-Iraq u l-Afganistan;

C.  billi r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali, inklużi s-separazzjoni tal-poteri, id-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni u tal-midja, id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet tal-minoranzi u l-libertà reliġjuża, il-libertà ta' assoċjazzjoni u d-dritt għal protesta paċifika, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-ġlieda kontra r-razziżmu u d-diskriminazzjoni kontra l-gruppi vulnerabbli huma fil-qalba tal-proċess ta' negozjati;

D.  billi, f'Novembru 2016, il-Parlament stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibdew l-iffriżar temporanju tan-negozjati tal-adeżjoni li kienu għaddejjin mat-Turkija u impenja ruħu li jirrieżamina l-pożizzjoni tiegħu ladarba jitneħħew il-miżuri sproporzjonati fil-qafas tal-istat ta' emerġenza fit-Turkija;

E.  billi f'Lulju 2017 il-Parlament stieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, skont il-Qafas ta' Negozjar, biex b'mod formali jissospendu n-negozjati ta' adeżjoni mat-Turkija mingħajr dewmien jekk il-pakkett ta' riforma kostituzzjonali jiġi implimentat mingħajr tibdil;

1.  Jinnota li l-istat ta' emerġenza li ġie introdott wara t-tentattiv ta' kolp ta' stat tal-2016 ġie estiż seba' darbiet; jilqa' d-deċiżjoni tad-19 ta' Lulju 2018 biex jitneħħa l-istat ta' emerġenza; jiddispjaċih, madankollu, li l-leġiżlazzjoni l-ġdida introdotta f'Lulju 2018, b'mod partikolari l-Liġi Nru 7145, tippreserva ħafna mis-setgħat mogħtija lill-President u lill-Eżekuttiv fl-ambitu tal-istat ta' emerġenza u bażikament tippermetti li jkompli, bil-limitazzjonijiet kollha li dan jinvolvi fuq il-libertajiet u d-drittijiet bażiċi tal-bniedem; jisħaq li dan jagħmel ħsara lil kwalunkwe effett pożittiv li l-waqfien tiegħu jkollu; jinnota li l-istat ta' emerġenza fit-tul wassal għal erożjoni tal-istat tad-dritt u għal deterjorament tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija, li jista' jkollu implikazzjonijiet dejjiema għan-nisġa istituzzjonali u soċjoekonomika tal-pajjiż; jinsab imħasseb li ħafna mill-proċeduri fis-seħħ waqt l-istat ta' emerġenza għadhom qed jiġu applikati mill-forzi tal-pulizija u l-amministrazzjonijiet lokali; jinsab imħasseb ukoll dwar ir-rigress serju fl-oqsma tal-libertà tal-espressjoni, il-libertà ta' għaqda, il-libertà ta' assoċjazzjoni u d-drittijiet proċedurali u tal-proprjetà;

2.  Jinsab ferm imħasseb dwar il-fatt li aktar minn 150 000 ruħ ġew arrestati fir-repressjoni wara l-kolp ta' stat u 78 000 ġew arrestati abbażi ta' akkużi ta' terroriżmu, filwaqt li aktar minn 50 000 ruħ għadhom il-ħabs, u fil-maġġoranza tal-każijiet mingħajr evidenza konklużiva; jesprimi tħassib dwar iż-żamma taħt arrest qabel il-kawża u l-proċedimenti ġudizzjarji eċċessivament twal, il-fatt li f'bosta każijiet ma nħareġ l-ebda att ta' akkuża, u dwar il-ħruxija tal-kundizzjonijiet ta' detenzjoni; jesprimi wkoll tħassib dwar il-prattika mifruxa ta' kanċellazzjoni tal-passaporti tal-qraba ta' detenuti u suspettati, u jisħaq fuq il-ħtieġa għal proċess ġust u rimedju amministrattiv fejn il-kanċellazzjoni ma tkunx ġustifikata sew; jinsab partikolarment imħasseb dwar il-fatt li dawn l-arresti jidhru li jimmiraw ukoll ilħna leġittimi ta' dissens, li jinkludu dawk ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti jew membri tal-oppożizzjoni; jinsab ferm inkwetat dwar l-allegazzjonijiet ta' trattament ħażin u tortura ta' detenuti, kif irrappurtat minn diversi organizzazzjonijiet fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u l-uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem; jinsab imħasseb ħafna dwar rapporti li jindikaw li r-reklużjoni fit-tul qed tiġi applikata b'mod wiesa', u li qed issir piena oħra għad-detenuti; iwissi kontra l-abbuż ta' miżuri kontra t-terroriżmu għal-leġittimizzazzjoni tar-repressjoni tad-drittijiet tal-bniedem; iħeġġeġ lit-Turkija tosserva l-prinċipju tal-proporzjonalità fil-miżuri tagħha għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, u trendi l-leġiżlazzjoni tagħha kontra t-terroriżmu konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem;

3.  Jiddispjaċih dwar l-azzjonijiet li l-gvern Tork ħa kontra ċittadini Torok f'pajjiżi terzi, inklużi fastidju u ħtif u sorveljanza bil-moħbi, kif ukoll il-prattika ta' hotlines li permezz tagħhom in-nies huma mħeġġa jirrappurtaw ċittadini oħra lill-gvern; jinsab imħasseb ħafna dwar il-ħtif u l-estradizzjoni illegali ta' 101 ċittadin Tork li seħħew fi 18-il pajjiż, kif ikkonfermat id-dikjarazzjoni tal-awtoritajiet Torok tas-16 ta' Lulju 2018; iħeġġeġ lill-Istati Membri tal-UE jipproċessaw kwalunkwe talba għall-estradizzjoni mit-Turkija b'mod trasparenti, filwaqt li jsegwu l-proċeduri ġudizzjarji b'mod sħiħ u konformi mal-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; itenni li l-mandati ta' arrest tal-Interpol ma jistgħux jintużaw ħażin biex jiġu indirizzati dissidenti Torok, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti u dawk li jikkritikaw il-gvern, bħall-ex finalist tal-Premju Sakharov, is-Sur Can Dündar;

4.  Jinnota li mill-introduzzjoni tal-istat ta' emerġenza aktar minn 152 000 ħaddiem taċ-ċivil – inklużi għalliema, tobba, akkademiċi (tal-paċi), avukati, imħallfin u prosekuturi – tkeċċew; jinnota li 125 000 persuna applikaw mal-Kummissjoni ta' Inkjesta dwar il-Miżuri tal-Istat ta' Emerġenza (COSEM), li għandha l-kompitu li tirrieżamina u tiddeċiedi, fi żmien sentejn, dwar ilmenti kontra miżuri meħuda taħt l-istat ta' emerġenza u d-digrieti relatati, u li 81 000 minn dawn l-ilmenti għadhom qed jistennew deċiżjoni; jinnota r-rata baxxa ħafna (7 %) ta' riżultati favorevoli li wasslu biex l-applikanti ngħataw lura l-postijiet tax-xogħol tagħhom; jinsab imħasseb dwar il-kamp ta' applikazzjoni ristrett tal-mandat ta' din il-kummissjoni, in-nuqqas ta' indipendenza tagħha u l-fatt li l-eżamijiet isiru fuq il-bażi unika ta' dokumenti fil-fajl tal-każ, mingħajr il-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata; jinnota li dawn it-tkeċċijiet kellhom impatt aħrax ħafna fuq l-individwi kkonċernati u fuq il-familji tagħhom, inkluż f'termini ekonomiċi, u li ġabu magħhom stigma soċjali u professjonali dejjiema; jistieden lill-gvern Tork jiżgura li l-individwi kollha jkollhom id-dritt għall-proċess ġust u li l-każijiet tagħhom jiġu rieżaminati minn qorti ġudizzjarja indipendenti f'konformità ma' standards internazzjonali li tkun tista' tiżgura kumpens għad-danni materjali u morali kkawżati mit-tkeċċija arbitrarja tagħhom; jistieden lit-Turkija tiżgura l-indipendenza operattiva, strutturali u finanzjarja tal-Istituzzjoni Nazzjonali tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Ugwaljanza u tal-Istituzzjoni tal-Ombudsman sabiex tiggarantixxi l-kapaċità tagħhom li jipprovdu opportunitajiet ta' rieżami u rimedju ġenwini;

5.  Jinsab imħasseb ħafna bir-rapporti li d-Direttorat tal-Affarijiet Reliġjużi (Diyanet) qed jiġi sfruttat mill-aġenzija tal-intelligence Torka biex jippersegwita lil mexxejja tal-oppożizzjoni mill-moviment Gülen jew minn kwalunkwe avversarju ieħor, u jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tas-sigurtà fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri jinvestigaw dan il-ksur serju tas-sovranità u l-ordni pubbliku;

6.  Jikkundanna ż-żieda fis-sorveljanza eżekuttiva u l-pressjoni politika li jaffettwaw ix-xogħol tal-imħallfin u l-prosekuturi; jisħaq li riforma serja tal-fergħat leġiżlattivi u ġudizzjarji tas-setgħa hija meħtieġa għat-Turkija sabiex ittejjeb l-aċċess għas-sistema ġudizzjarja, iżżid l-effettività tagħha u tipprovdi protezzjoni aħjar għad-dritt għal proċess fi żmien raġonevoli; jisħaq li dawn ir-riformi huma meħtieġa wkoll jekk it-Turkija trid tikkonforma mal-obbligi tagħha skont id-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem; jinsab imħasseb li t-tkeċċija ta' aktar minn 4 000 imħallef u prosekutur hija theddida għall-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura; iqis ukoll li l-arrest ta' aktar minn 570 avukat huwa ostaklu għad-dritt tad-difiża u jikkostitwixxi ksur tad-dritt għal proċess ġust; jikkundanna wkoll id-detenzjoni u l-fastidju ġudizzjarju għall-avukati tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Grupp ta' Azzjoni għar-Riforma jagħmel rieżami tal-istrateġija tar-riforma ġudizzjarja u jagħmilha konformi mal-istandards meħtieġa tal-UE u tal-Kunsill tal-Ewropa; jistieden lit-Turkija, matul il-proċess ta' riforma, tiżgura l-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti kollha u b'mod partikolari tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja l-użu xieraq tal-finanzjament tal-UE għat-taħriġ tal-ġudikatura u tal-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, li m'għandhomx jintużaw biex jilleġittimizzaw l-imġiba ripressiva;

7.  Jinnota bi tħassib li minn mindu ġie introdott l-istat ta' emerġenza, l-għadd ta' applikazzjonijiet għall-asil minn ċittadini Torok żdied b'mod drammatiku, bir-riżultat li, skont l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil, it-Turkija issa tokkupa l-ħames post f'termini ta' għadd ta' applikazzjonijiet għall-asil ippreżentati fl-Istati Membri tal-UE; jissottolinja li f'Settembru 2018 aktar minn 16 000 applikazzjoni kienu għadhom qed jistennew deċiżjoni tal-ewwel istanza;

8.  Itenni l-importanza tal-libertà u l-indipendenza tal-midja bħala wieħed mill-valuri fundamentali tal-UE u l-pedament ta' kull demokrazija; jesprimi tħassib serju dwar il-miżuri sproporzjonati u arbitrarji li jillimitaw il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-midja u l-aċċess għall-informazzjoni; jikkundanna l-għeluq ta' aktar minn 160 stabbiliment tal-midja, l-għadd kbir ta' arresti ta' ġurnalisti u ta' ħaddiema tal-midja wara l-attentat ta' kolp ta' stat, is-sentenzi mhux sostanzjati u sproporzjonati mogħtija, u l-imblukkar ta' aktar minn 114 000 sit web fit-Turkija sas-sena li għaddiet, inkluż dak ta' Wikipedia; jiġbed l-attenzjoni għar-restrizzjonijiet stabbiliti fuq id-drittijiet tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li qed jaħdmu fuq il-kwistjoni Kurda; iħeġġeġ lit-Turkija tiggarantixxi l-libertà tal-midja bħala kwistjoni ta' prijorità u tirrilaxxa u tillibera immedjatament lill-ġurnalisti kollha detenuti illegalment; jistieden lill-awtoritajiet Torok juru tolleranza żero lejn l-inċidenti kollha ta' abbuż fiżiku u verbali jew theddid kontra l-ġurnalisti, u jippermettu lill-mezzi tax-xandir li ġew magħluqa b'mod arbitrarju biex jerġgħu jiftħu;

9.  Jesprimi tħassib kbir dwar l-ispazju dejjem aktar ristrett għas-soċjetà ċivili u l-promozzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; jisħaq li numru kbir ta' attivisti, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġew arrestati u d-dimostrazzjonijiet ġew ipprojbiti b'mod rikorrenti matul l-istat ta' emerġenza; jistieden lit-Turkija teħles lid-difensuri kollha tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu l-ħabs, lill-ġurnalisti u lil oħrajn li ġew detenuti fuq akkużi mhux sostanzjati, kif ukoll tneħħi dawk l-akkużi u tippermettilhom iwettqu l-ħidma tagħhom mingħajr theddid jew impediment fiċ-ċirkostanzi kollha; jistieden lit-Turkija tħares id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini kollha, inklużi l-minoranzi etniċi, reliġjużi u sesswali; ifakkar li l-leġiżlazzjoni fit-Turkija dwar id-diskors ta' mibegħda mhijiex konformi mal-ġurisprudenza tal-QEDB; iħeġġeġ lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija jadottaw liġi dwar ir-reati ta' mibegħda li tkun tista' tħares lill-membri kollha tal-minoranzi minn attakki fiżiċi u verbali u tissodisfa l-kriterji ta' Copenhagen għall-pajjiżi tal-adeżjoni fir-rigward tar-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-protezzjoni u l-appoġġ tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju fit-Turkija, inkluż permezz ta' għotjiet ta' emerġenza;

10.  Jikkundanna d-detenzjoni arbitrarja ta' Osman Kavala, esponent prominenti u rispettat tas-soċjetà ċivili fit-Turkija, li ilu detenut mingħajr akkuża għal aktar minn sena; iwiegħed li jkompli jsegwi l-każ tiegħu mill-qrib ħafna u jitlob li jinħeles minnufih u mingħajr kundizzjonijiet; ma japprovax id-detenzjoni ta' 13-il akkademiku u attivist fis-16 ta' Novembru 2018, b'rabta mal-każ ta' Osman Kavala; jinnota li 12 minnhom ġew rilaxxati wara li taw id-depożizzjoni tagħhom u li persuna waħda għadha detenuta; jitlob li din il-persuna tiġi rilaxxata sakemm ikunu għaddejjin il-proċedimenti u li titneħħa l-projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar imposta fuq l-oħrajn;

11.  Huwa serjament imħasseb dwar in-nuqqas ta' rispett għal-libertà tar-reliġjon, id-diskriminazzjoni kontra l-minoranzi reliġjużi, inklużi l-Kristjani u l-Alevi, u l-vjolenza mwettqa għal raġunijiet reliġjużi; jisħaq li l-knejjes għadhom jiffaċċjaw problemi dwar l-istabbiliment jew il-kontinwazzjoni tal-użu tal-bini bħala postijiet ta' qima; jistieden lill-awtoritajiet Torok jippromwovu riformi pożittivi u effettivi fil-qasam tal-libertà tal-ħsieb, il-kuxjenza u r-reliġjon, billi jagħtu lok lill-komunitajiet reliġjużi jiksbu personalità legali, jippermettu lill-fondazzjonijiet tal-karità jagħżlu l-korpi ta' tmexxija tagħhom, jeliminaw ir-restrizzjonijiet kollha fuq it-taħriġ, il-ħatra u s-suċċessjoni tal-kleru, jikkonformaw mas-sentenzi rilevanti tal-QEDB u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja, u billi jeliminaw il-forom kollha ta' diskriminazzjoni jew ostakli bbażati fuq ir-reliġjon; jistieden lit-Turkija tirrispetta n-natura distinta u l-importanza tal-Patrijarkat Ekumeniku, u tirrikonoxxi l-personalità legali tiegħu; itenni l-bżonn li jingħata l-permess għal ftuħ mill-ġdid tas-Seminarju ta' Halki, u li jitneħħew l-ostakli kollha għall-funzjonament xieraq tiegħu; jappella għall-pubblikazzjoni tar-regolamenti elettorali għall-fondazzjonijiet mhux Musulmani; jilqa' l-fatt li l-gvern Tork irritorna 50 knisja, monasteri u ċimiterji Aramej f'Mardin, u jistieden lill-awtoritajiet Torok iroddu lura wkoll l-art rispettiva lis-sidien leġittimi tagħhom; jiġbed l-attenzjoni għall-impatt tal-miżuri ta' sigurtà fuq il-popolazzjoni f'Tur Abdin u jistieden lit-Turkija tiżgura li jiġi ppreservat l-aċċess tal-abitanti għall-edukazzjoni, l-attivitajiet ekonomiċi u s-siti reliġjużi; iħeġġeġ lit-Turkija tagħmel l-almu tagħha biex tevita li jinqered il-wirt kulturali Aramej mix-xogħol preparatorju li għaddej bħalissa fuq il-proġett tad-diga Ilisiu; jistieden lill-awtoritajiet tat-Turkija jieħdu azzjoni serja biex jiġġieldu serjament kontra kull manifestazzjoni ta' anti-Semitiżmu fis-soċjetà;

12.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni LGBTI, b'mod partikolari l-projbizzjonijiet ripetuti fuq Pride marches u avvenimenti relatati mal-LGBTI fil-pajjiż kollu li għadhom qed jiġu imposti minkejja t-tneħħija tal-istat ta' emerġenza, u jitlob li dawn il-projbizzjonijiet diskriminatorji jitneħħew immedjatament; jistieden lit-Turkija tieħu miżuri adegwati biex timpedixxi u tikkastiga d-diskors ta' mibegħda jew reati mmirati lejn gruppi żvantaġġati bħar-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil Rom u Sirjani, u jitlob għal sforzi sostnuti biex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom; jistieden lit-Turkija timplimenta bis-sħiħ il-Pjan Strateġiku għall-Integrazzjoni tar-Rom għall-2016-2021, filwaqt li tagħti attenzjoni partikolari lill-ġlieda kontra l-anti-Żingariżmu, tiggarantixxi l-aċċess tar-Rom għal akkomodazzjoni ta' kwalità għall-but ta' kulħadd, tissalvagwardja l-aċċess tagħhom għall-edukazzjoni u tieħu miżuri biex timpedixxi t-tluq bikri mill-iskola, tiġġieled kontra s-segregazzjoni, u żżid ir-rata tal-impjiegi fost ir-Rom; jinnota bi tħassib iż-żieda fl-hekk imsejjaħ "qtil tal-unur"; jitlob lit-Turkija tarmonizza l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha mal-Konvenzjoni ta' Istanbul tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa; jistieden lit-Turkija tiżgura ugwaljanza sħiħa għaċ-ċittadini kollha u tindirizza l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-membri tal-minoranzi, b'mod partikolari rigward id-drittijiet għall-edukazzjoni u l-proprjetà; ifakkar fl-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-gżejjer ta' Imbros u Tenedos, u jistieden lit-Turkija tgħin ir-ripatrijazzjoni tal-familji ta' minoranzi li jixtiequ jmorru lura lejn dawn il-gżejjer; jilqa' l-ftuħ ta' skola għal minoranza Griega f'Imbros, li jikkostitwixxi pass pożittiv;

13.  Jistieden lill-Gvern Tork jirrispetta u jimplimenta għalkollox l-obbligi legali li impenja ruħu għalihom fir-rigward tal-protezzjoni tal-wirt kulturali u, b'mod partikolari, ifassal, in buona fede, inventarju integrat tal-wirt kulturali Grieg, Armen, Assirjan u wirt kulturali oħra li safa meqrud jew irrovinat tul is-seklu li għadda; jistieden lit-Turkija tirratifika l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali; jistieden lit-Turkija tikkoopera mal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, b'mod partikolari l-Kunsill tal-Ewropa, fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar illeċitu u l-qerda intenzjonata tal-wirt kulturali;

14.  Jinsab ferm imħasseb dwar is-sitwazzjoni fix-Xlokk tat-Turkija u l-allegazzjonijiet serji ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, l-użu eċċessiv tal-forza, it-tortura u t-tnaqqis serju tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni kif ukoll il-parteċipazzjoni politika fix-Xlokk, speċjalment minn mindu kkollassa l-proċess ta' riżoluzzjoni Kurd fl-2015, kif iddokumentaw l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkija; itenni l-kundanna qawwija tiegħu fir-rigward tal-użu mill-ġdid tal-vjolenza min-naħa tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Kurdistan (PKK), li ilu fuq il-lista tal-organizzazzjonijiet terroristiċi tal-UE mill-2002; jisħaq fuq l-urġenza li jerġa' jinbeda proċess politiku kredibbli li jwassal għal soluzzjoni paċifika tal-kwistjoni Kurda; jistieden lit-Turkija tinvestiga minnufih l-allegazzjonijiet serji kollha ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u qtil, u tippermetti lill-osservaturi internazzjonali jwettqu attivitajiet ta' monitoraġġ indipendenti; jinsab imħasseb dwar il-qerda ta' siti ta' wirt storiku fix-Xlokk, inkluż dak tas-sit antik Sur f'Diyarbakir, li kien inkluż fil-Lista ta' Patrimonju Dinji tal-UNESCO, att li jipperikola l-preservazzjoni tal-identità Kurda u l-kultura Torka fit-Turkija;

15.  Jinnota bi tħassib li matul l-istat ta' emerġenza numru kbir ħafna ta' sindki u viċi sindki fix-Xlokk tkeċċew u/jew ġew arrestati u li l-Gvern ħatar lil persuni ta' fiduċja biex jissostitwuhom; jisħaq li, riżultat ta' dan, parti kbira tal-popolazzjoni tat-Turkija ma kinitx rappreżentata b'mod demokratiku fil-livell lokali; huwa tal-fehma li l-elezzjonijiet muniċipali li għandhom isiru f'Marzu 2019 iridu jiġu kkunsidrati bħala okkażjoni li tagħti opportunità importanti biex jerġa' jiddaħħal għalkollox il-prinċipju ta' mandat demokratiku dirett;

16.  Jinnota bi tħassib li l-istat ta' emerġenza u ċerti dispożizzjonijiet skont il-pakkett ta' riforma kostituzzjonali komplew jillimitaw il-Gran Assemblea Nazzjonali fil-kapaċità tagħha li twettaq ir-rwol fundamentali tagħha li tiżgura skrutinju u responsabbiltà demokratiċi; jinnota bi tħassib kbir l-arrest ta' żewġ membri mill-Partit Popolari Repubblikan, u l-mod kif il-Partit Demokratiku Popolari ġie partikolarment emarġinat, fejn ħafna leġiżlaturi tiegħu qed jiġu arrestati abbażi ta' allegat appoġġ għal attivitajiet terroristiċi; jappella li jinħelsu l-membri kollha tal-Gran Assemblea Nazzjonali detenuti minħabba d-diskorsi li għamlu u l-azzjonijiet li ħadu waqt il-ħidma parlamentari tagħhom; jissottolinja li l-Gran Assemblea Nazzjonali għandha tkun l-istituzzjoni ċentrali tad-demokrazija Torka, u għandha tirrappreżenta liċ-ċittadini kollha fuq termini ugwali; jiddispjaċih dwar il-livell limitu elettorali għoli, li jillimita r-rappreżentanza politika reali u ma jirriflettix is-soċjetà pluralistika tat-Turkija;

17.  Jikkundanna l-arrest kontinwu ta' Selahattin Demirtaș, mexxej tal-oppożizzjoni u kandidat presidenzjali; jilqa' s-sentenza tal-QEDB dwar il-każ tiegħu, li tistieden lill-awtoritajiet Torok jeħilsuh minnufih; jisħaq li l-QEDB iddeċidiet ukoll li d-detenzjoni tas-Sur Demirtaş segwiet l-għan ulterjuri predominanti li toħnoq il-pluraliżmu u tillimita l-libertà tad-dibattitu politiku; jikkundanna l-pożizzjoni tal-awtoritajiet Torok kontra din is-sentenza; jistenna li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jsegwu dan il-każ mill-qrib ħafna, u jitlob li s-Sur Demirtaş jinħeles immedjatament u mingħajr kundizzjonijiet;

18.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżidu l-protezzjoni u l-appoġġ tagħhom għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jinsabu f'riskju fit-Turkija, inkluż permezz ta' għotjiet ta' emerġenza, u jiżguraw li d-Delegazzjoni tal-UE u l-ambaxxati u l-konsulati tal-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem;

19.  Jisħaq fuq l-importanza tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u jiġbed l-attenzjoni għas-sejbiet tar-Rapport 2018 dwar it-Turkija li l-korruzzjoni għadha prevalenti f'ħafna oqsma u għadha problema serja; jinsab imħasseb li r-riżultati tal-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-kundanna f'każijiet ta' korruzzjoni għadhom dgħajfin, b'mod partikolari f'każijiet ta' livell għoli;

20.  Ifakkar li l-Kummissjoni ta' Venezja vvalutat l-emendi kostituzzjonali relatati mal-introduzzjoni ta' sistema presidenzjali li m'għandhomx sistema ta' kontrokontrolli suffiċjenti kif ukoll jipperikolaw is-separazzjoni tal-poteri bejn l-eżekuttiv u l-ġudikatura; ifakkar ukoll li l-Parlament Ewropew kien stieden lill-Gvern tat-Turkija jimplimenta bidliet u riformi kostituzzjonali u ġudizzjarji f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni ta' Venezja, u s-sena li għaddiet talab ukoll is-sospensjoni formali tan-negozjati tal-adeżjoni jekk ir-riforma kostituzzjonali tiġi implimentata mingħajr tibdil, peress li din tkun inkompatibbli mal-kriterji ta' Copenhagen;

21.  Meta jitqies dan kollu ta' hawn fuq, jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, skont il-Qafas ta' Negozjar, formalment jissospendu n-negozjati ta' adeżjoni mat-Turkija; jibqa', madankollu, impenjat favur djalogu demokratiku u politiku mat-Turkija; jitlob lill-Kummissjoni tuża l-fondi attwalment allokati taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA II u l-IPA III tal-futur) biex tappoġġja, permezz ta' pakkett apposta ġestit direttament mill-UE, lis-soċjetà ċivili, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti tat-Turkija, u żżid l-opportunitajiet għal kuntatti interpersonali, djalogu akkademiku, aċċess għall-istudenti Torok għall-universitajiet Ewropej u pjattaformi tal-midja għall-ġurnalisti bl-għan li tipproteġi u tippromwovi l-valuri u l-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 49 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, jistenna li r-relazzjoni bejn it-Turkija u l-UE tkun definita mill-ġdid f'termini ta' sħubija effettiva; jissottolinja li kwalunkwe impenn politiku bejn l-UE u t-Turkija għandu jkun mibni fuq dispożizzjonijiet ta' kundizzjonalità fir-rigward tar-rispett għad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali;

22.  Jinnota li filwaqt li l-proċess ta' adeżjoni mal-UE fil-bidu kien motivazzjoni qawwija għal riformi fit-Turkija, kien hemm regressjoni qawwija fl-oqsma tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem f'dawn l-aħħar ftit snin; ifakkar li l-Parlament talab ripetutament biex jinfetaħ il-Kapitolu 23 dwar il-Ġudikatura u d-Drittijiet Fundamentali u l-Kapitolu 24 dwar il-Ġustizzja, il-Libertà u s-Sigurtà fi żmien meta l-gvern Tork wiegħed li jwettaq riformi serji; jiddispjaċih ħafna li l-istrumenti ta' adeżjoni ma setgħux jintużaw kemm jista' jkun minħabba li l-Kunsill qed ikompli jimblokka;

23.  Jisħaq li l-modernizzazzjoni tal-Unjoni Doganali tkompli ssaħħaħ ir-rabtiet li huma diġà b'saħħithom bejn it-Turkija u l-UE u żżomm lit-Turkija ekonomikament ankrata mal-UE; jemmen għaldaqstant li bieb għandu jitħalla miftuħ għall-modernizzazzjoni u l-aġġornament tal-Unjoni Doganali tal-1995 bejn l-UE u t-Turkija, biex jiġu inklużi oqsma rilevanti bħall-agrikoltura, is-servizzi u l-akkwist pubbliku, li bħalissa mhumiex koperti; ifakkar li t-Turkija hija l-ħames l-akbar sieħeb kummerċjali tal-UE, filwaqt li l-UE hija l-akbar sieħeb tat-Turkija, li żewġ terzi tal-Investiment Dirett Barrani (IDB) fit-Turkija jiġu minn Stati Membri tal-UE u li t-Turkija hija suq ta' tkabbir importanti għall-UE; jemmen li l-aġġornament jipprovdi opportunità siewja għal kundizzjonalità demokratika, ingranaġġ pożittiv u l-possibbiltà ta' pjan direzzjonali fejn l-aġġornament tal-Unjoni Doganali jmur id f'id ma' titjib konkret mit-Turkija fir-riformi demokratiċi fl-oqsma tad-demokrazija, il-libertajiet fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-istat tad-dritt u lejn spazju veru u miftuħ għas-soċjetà ċivili u l-pluraliżmu; jemmen ukoll li l-aġġornament tal-Unjoni Doganali jipprovdi opportunità importanti għal djalogu politiku dwar l-iżvilupp ekonomiku soċjalment u ambjentalment sostenibbli u t-tibdil fil-klima kif ukoll dwar id-drittijiet tax-xogħol fit-Turkija; jistieden lill-Kummissjoni tibda ħidma preparatorja għall-aġġornament tal-Unjoni Doganali hekk kif il-Gvern Tork jaċċerta d-disponibbiltà tiegħu għal riformi serji; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fl-Unjoni Doganali aġġornata li tagħmel id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kundizzjonalità ewlenija; ifakkar li l-Unjoni Doganali attwali ma tistax tilħaq il-potenzjal kollu tagħha sakemm it-Turkija timplimenta għalkollox il-Protokoll Addizzjonali fir-rigward tal-Istati Membri kollha;

24.  Jirrimarka li l-libertà tat-trade unions u d-djalogu soċjali huma essenzjali għall-iżvilupp ta' soċjetà pluralistika; jiddispjaċih għan-nuqqasijiet leġiżlattivi dwar id-drittijiet tax-xogħol u tat-trade unions u jisħaq li d-dritt għall-organizzazzjoni, id-dritt għal negozjar kollettiv u d-dritt tal-istrajk huma drittijiet fundamentali tal-ħaddiema; jiddispjaċih ferm li s-sħubija ta' trade union spiss ġiet ikkunsidrata bħala evidenza kriminali fil-kawżi ġudizzjarji; jemmen li din il-pożizzjoni tista' tipperikola aktar l-istatus tat-trade unions fil-pajjiż; jinsab serjament imħasseb dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema fil-bini tal-ajruport il-ġdid ta' Istanbul, minħabba li, skont ir-rapporti, 38 ħaddiem mietu f'inċidenti relatati max-xogħol mill-bidu tal-bini f'Mejju 2015 filwaqt li 31 persuna, inkluż mexxej ta' trade union, attwalment jinsabu l-ħabs talli pprotestaw kontra l-kundizzjonijiet ħżiena tax-xogħol u s-salarji baxxi u mħallsa b'mod irregolari; jistieden lill-awtoritajiet Torok jikkonsultaw mill-qrib mat-trade unions rilevanti dwar il-kwistjoni tas-salvagwardji meħtieġa għall-ħaddiema fuq il-post, iwettqu investigazzjoni bir-reqqa dwar l-imwiet u l-korrimenti, u jippermettu lill-unions aċċess sħiħ għall-ħaddiema kkonċernati; jesprimi tħassib dwar il-kwistjoni tat-tħaddim tat-tfal, speċjalment f'setturi bħall-agrikoltura u x-xogħol staġjonali; jinnota l-isforzi tal-gvern Tork bil-għan li jagħti lir-rifuġjati li jibbenefikaw minn protezzjoni temporanja fit-Turkija d-dritt li jaħdmu, soġġett għal awtorizzazzjoni xierqa; jinnota li aktar minn 20 000 permess tax-xogħol ingħataw lil Sirjani u li dawn jinkludu ċerti kundizzjonijiet rigward il-livelli tal-paga minima u s-sigurtà soċjali; jirrimarka li minkejja dawn l-isforzi, ħafna Sirjani għadhom jaħdmu mingħajr awtorizzazzjoni f'għadd ta' setturi u ħafna mill-provinċji tat-Turkija; jisħaq li l-lingwa għadha waħda mill-aktar ostakli importanti għall-ħaddiema Sirjani;

25.  Jistieden lill-Gvern Tork iwaqqaf il-pjanijiet tiegħu għall-bini tal-impjant tal-enerġija nukleari ta' Akkuyu; jistieden lit-Turkija taderixxi mal-Konvenzjoni Espoo; jitlob lill-Gvern Tork jinvolvi lill-gvernijiet tal-pajjiżi ġirien tiegħu, bħall-Greċja u Ċipru, jew għall-anqas jikkonsulta magħhom rigward kwalunkwe żvilupp ulterjuri fl-inizjattiva ta' Akkuyu;

26.  Jinnota li l-liberalizzazzjoni tal-viża hija ta' importanza kbira għaċ-ċittadini Torok, b'mod partikolari għal studenti, akkademiċi, rappreżentanti tan-negozju u persuni b'rabtiet familjari fl-Istati Membri tal-UE; iħeġġeġ lill-Gvern Tork jikkonforma bis-sħiħ mat-72 kriterju identifikati fil-pjan direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża; jisħaq li r-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu tat-Turkija hija kundizzjoni ewlenija biex jiġu żgurati d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali; iħeġġeġ lit-Turkija tagħmel l-isforzi meħtieġa biex tissodisfa l-parametri referenzjarji li għad fadal; jisħaq li l-liberalizzazzjoni tal-viża se tkun possibbli ladarba l-kriterji kollha jkunu ġew issodisfati b'mod sħiħ, effettiv u mhux diskriminatorju;

27.  Ifakkar fir-rwol importanti li għandha t-Turkija bħala reazzjoni għall-kriżi tal-migrazzjoni li rriżultat mill-gwerra fis-Sirja; huwa tal-fehma li t-Turkija u l-popolazzjoni tagħha wrew ospitalità kbira billi offrew kenn lil aktar minn 3.5 miljun rifuġjat Sirjan; jissottolinja li hemm madwar miljun tifel u tifla Sirjani tal-età tal-iskola fit-Turkija, li minnhom 60 % huma rreġistrati fi skejjel Torok; jieħu nota tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016, iħeġġeġ lit-Turkija tirrispetta l-prinċipju ta' non-refoulement; jiddeplora l-fatt li taħt il-programm IPA 2011/2012, l-UE ffinanzjat l-akkwist ta' vetturi ta' sorveljanza blindati Cobra II, u jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-użu ta' tagħmir (ko)finanzjat taħt il-programmi tal-UE u l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipju ta' non-refoulement, b'mod partikolari fil-fruntiera Sirjana; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jżommu l-wegħdiet tagħhom fir-rigward ta' risistemazzjoni fuq skala kbira, u jiżguraw riżorsi finanzjarji adegwati għall-appoġġ fit-tul tar-rifuġjati Sirjani fit-Turkija; jirrikonoxxi r-Rapport Speċjali tal-2018 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li jitlob li jkun hemm effiċjenzi akbar u aktar trasparenza fl-allokazzjoni u d-distribuzzjoni tal-finanzjament; jindika l-inċertezza dejjem akbar għar-rifuġjati Sirjani dwar il-prospetti għall-protezzjoni temporanja tagħhom fit-Turkija, u jitlob lit-Turkija tikkunsidra strateġiji għal aktar koeżjoni soċjali f'żoni b'komunitajiet kbar ta' rifuġjati Sirjani, kif ukoll għal inklużjoni soċjoekonomika u kulturali aktar fit-tul u aċċess adegwat u effettiv għall-edukazzjoni u t-taħriġ għall-impjieg; jistieden lill-Kummissjoni tibqa' viġilanti u tiżgura li fejn jintużaw il-fondi tal-UE id-drittijiet tar-rifuġjati jiġu rispettati kif suppost u li tittieħed azzjoni biex jiġi evitat it-tħaddim tat-tfal, l-isfruttament sesswali tat-tfal u abbużi oħra tad-drittijiet tal-bniedem;

28.  Jinnota l-importanza kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri tagħha u għat-Turkija li jżommu djalogu u kooperazzjoni mill-qrib dwar kwistjonijiet ta' politika barranija u ta' sigurtà; iħeġġeġ il-kooperazzjoni u aktar allinjament dwar kwistjonijiet ta' politika barranija, ta' difiża u ta' sigurtà, inkluża l-kooperazzjoni kontra t-terroriżmu; ifakkar li t-Turkija hija wkoll membru storiku tal-alleanza tan-NATO u tinsab f'post ġeostrateġiku ewlieni għaż-żamma tas-sigurtà reġjonali u Ewropea; jinnota li l-UE u t-Turkija għadhom jikkooperaw fi kwistjonijiet ta' importanza strateġika (militari) fi ħdan il-qafas tan-NATO; jistieden, għalhekk, lit-Turkija tkompli l-kooperazzjoni tagħha mal-membri tan-NATO fl-UE skont il-programm kontinwu tan-NATO ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE;

29.  Ifaħħar lit-Turkija għan-negozjati tal-Memorandum dwar Idlib; jiddispjaċih dwar il-fatt li gruppi armati appoġġjati mit-Turkija fl-"Armata Sirjana Ħielsa" allegatament ħatfu, serqu u qerdu l-proprjetà taċ-ċivili Kurdi fid-distrett ta' Afrin fit-Tramuntana tas-Sirja; jinsisti li t-Turkija u l-gruppi tal-Armata Sirjana Ħielsa f'Afrin għandhom jikkumpensaw lir-residenti spostati li l-proprjetà tagħhom inħatfet, inqerdet jew ġiet misruqa u m'għandhomx iċaħħdu b'mod permanenti lir-residenti mill-proprjetà tagħhom; jinsab imħasseb dwar rapporti ta' firxa wiesgħa ta' ksur li qed iseħħ f'Afrin l-aktar f'idejn il-gruppi armati Sirjani, mgħammra u armati mit-Turkija, kif ukoll mill-forzi armati Torok, li allegatament ħadu f'idejhom għadd ta' skejjel, u b'hekk fixklu l-edukazzjoni tat-tfal; huwa mħasseb li t-Turkija tfittex ukoll li tbiddel il-bilanċ demografiku fil-Kanton ta' Afrin billi tirrisistema rifuġjati mis-Sunniti Għarab Sirjani mit-Turkija għar-reġjun b'popolazzjoni Kurda; jitlob lill-Gvern Tork jirtira l-akkużi kontra dawk iċ-ċittadini kollha li kkritikaw l-azzjonijiet militari tat-Turkija fis-Sirja u b'hekk jirrispetta d-dritt tal-libertà tal-kelma;

30.  Itenni l-importanza ta' relazzjonijiet tajba mal-viċinat; jistieden lit-Turkija, f'dan ir-rigward, tintensifika l-isforzi tagħha sabiex issolvi l-kwistjonijiet bilaterali pendenti, inklużi l-obbligi ġuridiċi pendenti u t-tilwimiet mhux riżolti mal-ġirien immedjati tagħha dwar fruntieri tal-art u tal-baħar u dwar l-ispazju tal-ajru, skont id-dispożizzjonijiet tal-Karta tan-NU u d-dritt internazzjonali; itenni t-talba tiegħu lill-Gvern Tork sabiex jiffirma u jirratifika l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS); iħeġġeġ lill-Gvern Tork biex itemm il-vjolazzjonijiet ripetuti tal-ispazju tal-ajru u tal-ilmijiet territorjali Griegi, u biex jirrispetta l-integrità territorjali u s-sovranità ta' kull pajjiż ġar tat-Turkija; jesprimi d-dispjaċir tiegħu li t-theddida ta' casus belli ddikjarata mill-Gran Assemblea Nazzjonali tat-Turkija kontra l-Greċja għadha ma ġietx irtirata;

31.  Jilqa' l-isforzi taħt l-awspiċji tas-Segretarju Ġenerali tan-NU biex jerġgħu jinbdew in-negozjati dwar ir-riunifikazzjoni ta' Ċipru; itenni l-appoġġ tiegħu għal soluzzjoni ġusta, komprensiva u vijabbli bbażata fuq federazzjoni bikomunali u biżonali, b'personalità legali internazzjonali waħda, sovranità waħda u ċittadinanza waħda b'ugwaljanza politika bejn iż-żewġ komunitajiet, kif definit mir-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, skont id-dritt internazzjonali u l-acquis tal-UE, u abbażi tar-rispett għall-prinċipji li fuqhom hija msejsa l-Unjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-Qafas imressaq mis-Segretarju Ġenerali tan-NU u l-appell tiegħu biex jitkomplew in-negozjati, abbażi tal-ftehimiet li diġà ntlaħqu fil-proċess ta' Crans-Montana tal-2017; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżvolġu rwol aktar attiv biex iwasslu n-negozjati għal konklużjoni b'suċċess; itenni l-appell tiegħu lill-partijiet kollha kkonċernati, b'mod partikolari lit-Turkija, biex jimpenjaw ruħhom u jikkontribwixxu għal soluzzjoni komprensiva; jistieden lit-Turkija tibda tirtira t-truppi tagħha minn Ċipru, tittrasferixxi ż-żona magħluqa ta' Famagusta lin-NU skont ir-Riżoluzzjoni 550 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, u ma tiħux azzjonijiet li jibdlu l-bilanċ demografiku fuq il-gżira permezz tal-politika tagħha ta' insedjamenti illegali; jisħaq fuq il-ħtieġa għall-implimentazzjoni tal-acquis tal-UE fuq il-gżira kollha; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, il-kontinwazzjoni tal-ħidma tal-kumitat bikomunali ad hoc dwar it-tħejjija tal-UE; jimpenja ruħu li jżid l-isforzi tiegħu ta' involviment mal-komunità Ċiprijotta Torka fit-tħejjija tagħha għal integrazzjoni sħiħa fl-UE, wara li tinstab soluzzjoni għall-problema ta' Ċipru, u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-istess; ifaħħar il-ħidma importanti tal-Kumitat bikomunali għal Persuni Nieqsa, li jittratta każijiet ta' persuni nieqsa Ċiprijotti Torok kif ukoll Ċiprijotti Griegi, u jfaħħar il-fatt li ngħata aċċess aħjar għas-siti rilevanti, inklużi ż-żoni militari; jistieden lit-Turkija tgħin lill-Kumitat għal Persuni Nieqsa billi tipprovdi informazzjoni mill-arkivji militari tagħha; jirrikonoxxi d-dritt tar-Repubblika ta' Ċipru li tikkonkludi ftehimiet bilaterali li jikkonċernaw iż-żona ekonomika esklużiva tagħha; itenni t-talba tiegħu lit-Turkija biex tirrispetta għalkollox id-drittijiet sovrani tal-Istati Membri kollha, inklużi dawk id-drittijiet relatati mat-tiftix tar-riżorsi naturali u mal-isfruttament tagħhom f'konformità mal-acquis tal-UE u mad-dritt internazzjonali; iħeġġeġ lit-Turkija timpenja ruħha fis-soluzzjoni paċifika tat-tilwim, u żżomm lura minn kwalunkwe theddida jew azzjoni li jista' jkollhom effetti negattivi fuq ir-relazzjonijiet tajbin mal-viċinat;

32.  Jitlob lit-Turkija u lill-Armenja jaħdmu favur in-normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet tagħhom; jisħaq li l-ftuħ tal-fruntiera bejn it-Turkija u l-Armenja jista' jwassal għal titjib fir-relazzjonijiet, b'referenza partikolari għall-kooperazzjoni transkonfinali u l-integrazzjoni ekonomika;

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Istati Membri, lill-Gvern tat-Turkija u lill-Gran Assemblea Nazzjonali tat-Turkija, u jitlob li dan ir-rapport jiġi tradott għat-Tork.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2016)0450.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2016)0423.

(3)

Testi adottati, P8_TA(2018)0040.

(4)

ĠU L 51, 26.2.2008, p. 4.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2014)0052.

(6)

Testi adottati, P8_TA(2015)0094.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

7

10

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Mario Borghezio, Victor Boştinaru, Elmar Brok, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Javier Couso Permuy, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule-Pēterse, Tunne Kelam, Stelios Kouloglou, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, David McAllister, Tamás Meszerics, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Julia Pitera, Jozo Radoš, Michel Reimon, Anders Sellström, Alyn Smith, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Hilde Vautmans

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Laima Liucija Andrikienė, Tanja Fajon, Doru-Claudian Frunzulică, Takis Hadjigeorgiou, Marek Jurek, Javi López, Marietje Schaake, Renate Sommer, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Janusz Zemke, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

France Jamet, Agnes Jongerius, Ulrike Rodust, Kārlis Šadurskis, Vladimir Urutchev, Bogdan Andrzej Zdrojewski


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

47

+

ALDE

Iveta Grigule-Pēterse, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans

ECR

Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Antoni Legutko, Charles Tannock

EFDD

Fabio Massimo Castaldo

PPE

Michèle Alliot-Marie, Laima Liucija Andrikienė, Elmar Brok, Michael Gahler, Tunne Kelam, David McAllister, Alojz Peterle, Julia Pitera, Kārlis Šadurskis, Anders Sellström, Renate Sommer, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Željana Zovko

S&D

Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Tanja Fajon, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Doru-Claudian Frunzulică, Agnes Jongerius, Javi López, Andrejs Mamikins, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Ulrike Rodust, Janusz Zemke

VERTS/ALE

Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Michel Reimon, Alyn Smith, Jordi Solé, Bodil Valero

7

-

ALDE

Ilhan Kyuchyuk

EFDD

James Carver

ENF

Mario Borghezio, France Jamet

NI

Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz

PPE

Asim Ademov

10

0

ECR

Marek Jurek, Geoffrey Van Orden

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Takis Hadjigeorgiou, Stelios Kouloglou, Sabine Lösing, Marie-Christine Vergiat

PPE

László Tőkés, Vladimir Urutchev

S&D

Demetris Papadakis

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Marzu 2019Avviż legali