Proċedura : 2018/0272M(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0093/2019

Testi mressqa :

A8-0093/2019

Dibattiti :

PV 11/03/2019 - 21
CRE 11/03/2019 - 21

Votazzjonijiet :

PV 12/03/2019 - 9.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0141

RAPPORT     
PDF 204kWORD 71k
26.2.2019
PE 632.005v01-00 A8-0093/2019

li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, it-tmexxija u l-kummerċ fis-settur forestali

(10861/2018 – C8-0445/2018 – 2018/0272M(NLE))

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Rapporteur: Heidi Hautala

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP
 PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, it-tmexxija u l-kummerċ fis-settur forestali

(10861/2018 – C8-0445/2018 – 2018/0272M(NLE))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarja bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, it-tmexxija u l-kummerċ fis-settur forestali (10861/2018),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim ta' Sħubija Volontarja tad-9 ta' Ottubru 2018 bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, it-tmexxija u l-kummerċ fis-settur forestali (10877/2018),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 207(3) u 207(4), flimkien mal-punt (a)(v) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(6) u mal-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0445/2018),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas dwar Sħubija u Kooperazzjoni Komprensivi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, min-naħa l-oħra(1),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim dwar il-Protezzjoni tal-Investimenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2173/2005 tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta' skema ta' liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta' injam fil-Komunità Ewropea(2) (ir-Regolament FLEGT),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Infurzar tal-Liġi, il-Governanza u l-Kummerċ Forestali (COM(2003)0251),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2016 dwar l-infurzar tal-liġi, il-governanza u l-kummerċ forestali (10721/2016),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 995/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ottubru 2010 li jistabbilixxi l-obbligi tal-operaturi li jqiegħdu fis-suq injam u prodotti tal-injam(3) (ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam),

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Aġenzija tal-Investigazzjoni Ambjentali tal-31 ta' Mejju 2018 bit-titlu "Serial Offender: Vietnam's continued imports of illegal Cambodian timber"(4) u tal-25 ta' Settembru 2018 bit-titlu "Vietnam in Violation: Action required on fake CITES permits for rosewood trade"(5),

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti għall-2015-2030,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi tat-12 ta' Diċembru 2015 li ntlaħaq fil-21 Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21),

–  wara li kkunsidra l-Bonn Challenge (Sfida ta' Bonn) tal-2011, li hija sforz globali sabiex 150 miljun ettaru ta' art deforestata u degradata fid-dinja jiġu restawrati sal-2020, u 350 miljun ettaru sal-2030,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent (UNEP) tal-2012 bit-titlu "Green carbon, black trade: illegal logging, tax fraud and laundering in the world's tropical forests"(6),

–  wara li kkunsidra l-konvenzjonijiet tan-NU biex jindirizzaw il-kriminalità u l-korruzzjoni, inklużi l-Konvenzjoni kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u l-Konvenzjoni kontra l-Korruzzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu ta'...(7) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0093/2019),

A.  billi l-Vjetnam sar it-tielet pajjiż fl-Asja li daħal f'negozjati dwar Ftehim ta' Sħubija Volontarja (VPA) dwar l-infurzar tal-liġi, it-tmexxija u l-kummerċ fis-settur forestali (FLEGT) fl-2010, wara l-Indoneżja u l-Malasja; billi n-negozjati ġew konklużi f'Mejju 2017 u l-ftehim ġie ffirmat fid-19 ta' Ottubru 2018;

B.  billi l-objettiv tal-VPA huwa li jipprovdi qafas legali mmirat li jiżgura li l-importazzjonijiet kollha tal-injam u tal-prodotti tal-injam mill-Vjetnam lejn l-UE koperti mill-VPA jkunu ġew prodotti legalment; billi l-VPAs huma ġeneralment maħsuba biex irawmu bidliet sistemiċi fis-settur tal-forestrija mmirati lejn il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, il-qerda tal-qtugħ illegali tas-siġar u l-appoġġ għall-isforzi dinjija biex jitwaqqfu d-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti;

C.  billi l-Vjetnam huwa pajjiż sinifikanti fil-kuntest tal-kummerċ tal-injam, li s-settur tiegħu tal-ipproċessar tal-injam fid-dinja, orjentat lejn l-esportazzjoni, huwa r-raba' l-akbar fid-dinja u għandu l-għan li jsir l-akbar wieħed; billi, bħala ċentru ta' pproċessar, il-Vjetnam huwa esportatur ewlieni ta' prodotti tal-injam għall-UE iżda anke għal pajjiżi fir-reġjun, b'mod partikolari ċ-Ċina u l-Ġappun;

D.  billi l-Vjetnam huwa importatur ewlieni ta' injam u prodotti tal-injam, li fl-2017, il-fabbriki tiegħu kkonsmaw madwar 34 miljun metru kubu ta' injam u prodotti tal-injam li minnhom 25 % kienu importati u 75 % kienu minn pjantaġġuni domestiċi – ħafna minn dawn il-pjantaġġuni huma proprjetà ta' bdiewa żgħar u huma ġestiti minnhom; billi l-importazzjonijiet kibru fil-valur bi 68 % matul il-perjodu 2011-2017; billi f'dawn l-aħħar snin, il-Vjetnam għamel progress konsiderevoli fit-tnaqqis tad-deforestazzjoni domestika u żied iż-żona forestali tiegħu minn 37 % fl-2005 għal 41,65 % fl-2018, inklużi pjantaġġuni industrijali; billi l-Vjetnam ilu mill-2016 jinforza projbizzjoni fuq il-qtugħ tas-siġar fil-foresti naturali domestiċi;

E.  billi l-pajjiżi li fl-2017 kienu l-akbar sors ta' zkuk u injam isserrat kienu l-Kamerun, l-Istati Uniti u l-Kambodja, flimkien mar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) bħala fornitur notevoli; billi, mill-2015, il-Kambodja kienet it-tieni l-akbar fornitur ta' injam tropikali tal-Vjetnam, minkejja l-projbizzjoni rappurtata(8) ta' esportazzjonijiet lejn il-Vjetnam; billi, bejn l-2016 u l-2017, ġiet irrappurtata żieda ta' 43 % fil-volum u żieda ta' 40 % fil-valur tal-importazzjonijiet minn pajjiżi Afrikani; billi l-NGOs b'għarfien espert rilevanti indikaw li l-injam esportat mill-Kambodja u r-RDK għandu jitqies bħala "riskju għoli", filwaqt li l-injam mhux ipproċessat spiss jiġi importat minn pajjiżi kkaratterizzati minn governanza dgħajfa, livelli għoljin ta' korruzzjoni jew kunflitt, b'riskju mifrux ta' illegalità fil-ħsad tal-injam;

F.  billi l-Kambodja għandha l-ħames l-ogħla rata ta' deforestazzjoni fid-dinja u billi l-istatistika tan-NU turi li l-kopertura forestali tal-Kambodja naqset minn 73 % fl-1990 għal 57 % fl-2010;

G.  billi, abbażi tal-Artikolu 3 tas-sottodigriet Nru 131 tat-28 ta' Novembru 2006, il-Kambodja tipprojbixxi l-esportazzjonijiet ta' zkuk tondi minbarra minn pjantaġġuni, injam isserrat aħrax għajr minn pjantaġġuni, u injam kwadru u rettangolari bi ħxuna u wisa' ta' aktar minn 25 cm(9); billi l-esportazzjonijiet kollha ta' prodotti tal-injam forestali naturali mill-Kambodja fil-prinċipju huma meqjusa li jiksru l-liġi tal-Kambodja; billi, skont il-VPA, il-Vjetnam huwa impenjat li jimporta biss injam li nħasad b'mod legali f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-pajjiż ta' oriġini;

H.  billi skont VPA, pajjiż jimpenja ruħu li jistabbilixxi politika bil-ħsieb li jiżgura li l-injam u l-prodotti tal-injam ivverifikati bħala legali biss jiġu esportati lejn l-UE(10); billi l-Vjetnam se jkollu jadotta leġiżlazzjoni li tistabbilixxi s-Sistema ta' Garanzija tal-Legalità tal-Injam (Timber Legality Assurance System – TLAS), u jistabbilixxi l-istrutturi amministrattivi u l-kapaċità meħtieġa sabiex jimplimenta u jsaħħaħ l-impenji tal-VPA tiegħu; billi dan il-VPA se japplika għall-injam u l-prodotti tal-injam maħsuba kemm għal swieq domestiċi kif ukoll għal dawk tal-esportazzjoni, ħlief għall-pass finali tal-ħruġ tal-liċenzji FLEGT, li għalissa huwa maħsub għall-esportazzjonijiet lejn l-UE biss;

I.  billi l-Vjetnam ħa l-impenn li jadotta leġiżlazzjoni li tiżgura li l-injam prodott legalment(11) biss jiġi importat fis-suq tiegħu, fuq il-bażi tal-obbligi tad-diliġenza dovuta għall-importaturi tal-injam u tal-prodotti tal-injam; billi l-Vjetnam impenja ruħu wkoll li jirrikonoxxi l-liġijiet rilevanti tal-pajjiżi tal-ħsad bħala parti mid-definizzjoni ta' legalità fl-ambitu tal-VPA;

J.  billi l-promozzjoni ta' dan il-VPA fir-reġjun kieku tiżvolġi rwol importanti biex titrawwem l-integrazzjoni ekonomika u jinkisbu miri internazzjonali ta' żvilupp sostenibbli; billi l-konklużjoni ta' VPAs ġodda – b'mod partikolari maċ-Ċina, li tmiss mal-Vjetnam u hija attur ewlieni fl-industrija tal-injam ipproċessat – kieku tagħmilha possibbli li jiġu pprovduti garanziji dwar il-legalità u l-vijabbiltà tal-kummerċ tal-injam u tal-prodotti tal-injam fir-reġjun;

K.  billi huwa biss ladarba l-Vjetnam ikun ta prova tal-implimentazzjoni sħiħa tal-impenji kollha tal-VPA(12) u jkun stabbilixxa l-kapaċità li jinforza l-leġiżlazzjoni nazzjonali relatata, li jkun jista' jaderixxi mal-iskema ta' liċenzjar FLEGT tal-UE; billi l-injam importat skont liċenzja FLEGT jitqies li huwa legali skont ir-Regolament tal-UE dwar l-Injam; billi l-adeżjoni tal-Vjetnam mal-iskema ta' liċenzjar FLEGT hija approvata minn att delegat;

L.  billi l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam se jilliberalizza l-kummerċ fl-injam u l-prodotti tal-injam mad-dħul fis-seħħ tiegħu u l-importazzjonijiet mill-Vjetnam se jkunu koperti mill-obbligi ġenerali ta' diliġenza dovuta tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam sa ma jidħol fis-seħħ il-liċenzjar FLEGT(13);

1.  Ifakkar li l-ġestjoni u l-governanza sostenibbli u inklużivi tal-foresti huma essenzjali biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u fil-Ftehim ta' Pariġi;

2.  Jitlob lill-UE tiżgura l-koerenza tal-VPA mal-politiki kollha tagħha, inkluż fl-oqsma tal-iżvilupp, l-ambjent, l-agrikoltura u l-kummerċ;

3.  Jappoġġja bil-qawwa l-proċess FLEGT mal-Vjetnam minħabba r-rwol tal-pajjiż fis-settur tal-ipproċessar tal-injam; jilqa' l-iffirmar tal-VPA, ftehim imfassal biex progressivament iġib riforma kompluta tal-politika fil-pajjiż immirata lejn it-tindif ta' injam prodott illegalment mill-ktajjen ta' provvista tal-operaturi tal-Vjetnam; jilqa' l-impenn tal-Vjetnam u l-progress li għamel s'issa u jinsab konxju li l-implimentazzjoni sħiħa tal-VPA se tkun proċess fit-tul li jinvolvi mhux biss l-adozzjoni ta' sett sħiħ ta' leġiżlazzjoni (TLAS) iżda anke l-iżgurar li jkun hemm kapaċità amministrattiva adegwata u għarfien espert għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-VPA; ifakkar li l-liċenzjar FLEGT jista' jibda biss ladarba l-Vjetnam ikun wera li s-sistema tat-TLAS hija disponibbli; jieħu nota tal-isfidi rappreżentati mill-koordinazzjoni bejn il-livelli nazzjonali u provinċjali, li huma meħtieġa sabiex jiġi infurzat b'mod adegwat u konsistenti l-VPA fil-pajjiż kollu u jistieden lill-Gvern tal-Vjetnam jiżgura din il-koordinazzjoni;

4.  Ifakkar li l-implimentazzjoni tal-VPA trid tikkomplementa l-impenji tal-UE għall-protezzjoni ambjentali u tiżgura koerenza mal-impenji sabiex tiġi evitata d-deforestazzjoni tal-massa;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jallokaw riżorsi umani adegwati għall-implimentazzjoni ta' dan il-VPA, filwaqt li jiżguraw riżorsi adegwati għad-Delegazzjoni tal-UE f'Hanoi, kif ukoll riżorsi finanzjarji għall-Vjetnam fil-qafas tal-istrumenti ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp preżenti u futuri li għandhom jiġu speċifikament allokati għall-implimentazzjoni tal-VPA; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lis-SEAE jgħinu lill-awtoritajiet Vjetnamiżi u lis-soċjetà ċivili, inkluż billi jagħmlu l-immaġni bis-satellita disponibbli għalihom; jappella lill-UE tidderieġi l-isforzi tagħha lejn it-tisħiħ tal-qafas legali u l-kapaċità istituzzjonali tal-Vjetnam, billi tindirizza l-isfidi tekniċi u ekonomiċi li jxekklu l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tar-regolamenti nazzjonali u internazzjonali eżistenti;

6.  Jirrikonoxxi l-impenji li għamlet l-industrija tal-injam tal-Vjetnam biex telimina l-injam illegali mill-ktajjen tal-provvista u tqajjem kuxjenza dwar dawn il-kwistjonijiet; jisħaq, madankollu, li bidla fil-mentalità fl-industrija, kif ukoll infurzar b'saħħtu, huma essenzjali; ifakkar li l-preżenza ta' injam illegali fil-ktajjen tal-provvista tirriskja li tkun ta' ħsara għar-reputazzjoni tal-industrija tal-ipproċessar tal-Vjetnam;

7.  Jinsab konxju, madankollu, li fil-passat il-Vjetnam kellu jħabbat wiċċu ma' sfida sinifikanti fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali tal-injam mil-Laos, u f'dawn l-aħħar snin mill-Kambodja; iqis li f'każijiet bħal dawn, il-Vjetnam u l-pajjiżi fornituri huma flimkien responsabbli għaż-żieda f'dan il-kummerċ illegali, peress li l-awtoritajiet tal-Vjetnam, b'mod partikolari fil-livell provinċjali, ħadu deċiżjonijiet formali li jiksru l-leġiżlazzjoni tal-pajjiż tal-ħsad, bħall-amministrazzjoni ta' kwoti ta' importazzjoni formali;

8.  Jilqa' l-impenn tal-Vjetnam li jadotta leġiżlazzjoni biex jiżgura li l-injam prodott legalment biss jiġi importat fis-suq tiegħu, fuq il-bażi ta' diliġenza dovuta mandatorja għall-importaturi, bħala waħda mill-kisbiet ewlenin tal-VPA; ifakkar li l-obbligi tad-diliġenza dovuta ma għandhomx jitnaqqsu għal sempliċi eżerċizzju burokratiku, iżda li għandhom jinkludu l-passi kollha meħtieġa – bħall-ġbir ta' informazzjoni, il-valutazzjoni tar-riskji u t-teħid ta' miżuri addizzjonali biex jiġi mitigat kwalunkwe riskju identifikat bil-ħsieb li l-livell tar-riskju jitnaqqas għal "negliġibbli" – li għandhom jissaħħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti permezz ta' kontrolli sodi u sistematiċi ta' kumpaniji individwali; jenfasizza l-isfida tal-infurzar tal-obbligi ta' diliġenza dovuta permezz tal-awtoritajiet doganali, li se jirrikjedu taħriġ adegwat; ifakkar li l-awtoritajiet Vjetnamiżi għandhom jadottaw sistema ta' diliġenza dovuta li tikkorrispondi għal dik dettaljata fir-Regolament tal-UE dwar l-Injam u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu previsti sottomissjonijiet indipendenti minn partijiet terzi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar id-diliġenza dovuta; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Vjetnamiżi jikkunsidraw l-awditjar ta' partijiet terzi u r-rappurtar pubbliku mill-kumpaniji bħala rekwiżiti tas-sistema ta' diliġenza dovuta tagħhom, kif ukoll jipprovdu appoġġ adegwat lill-kumpaniji biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom u jevitaw li jqiegħdu piżijiet sproporzjonati fuq il-fornituri domestiċi tal-injam, filwaqt li jevitaw li jinħolqu lakuni;

9.  Jistieden lill-Gvern tal-Vjetnam jipprevedi pieni adegwati, dissważivi u proporzjonati għall-ksur tal-leġiżlazzjoni li timplimenta t-TLAS, li fil-każ ta' importazzjonijiet tinkludi projbizzjoni sħiħa li jitqiegħed fis-suq tal-Vjetnam injam illegali, filwaqt li dan l-injam jiġi konfiskat;

10.  Jilqa' l-mekkaniżmu indipendenti ta' evalwazzjoni, ilmenti u rispons u jistieden lill-awtoritajiet tal-Vjetnam jiżguraw li dawn jingħataw tweġiba b'mod adegwat, inkluż permezz ta' azzjoni ta' infurzar effettiva u dissważiva meta jkun meħtieġ; jistenna li dawn il-mekkaniżmi joperaw bi trasparenza sħiħa u jrawmu l-qsim tal-informazzjoni bejn is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet tal-infurzar; jilqa' l-impenn mill-Vjetnam li jiżgura monitoraġġ indipendenti tal-implimentazzjoni tal-VPA minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, assoċjazzjonijiet tal-foresti, intrapriżi, trade unions, komunitajiet lokali u persuni li jgħixu fiż-żoni forestali; jisħaq fuq l-importanza kruċjali tal-involviment u l-aċċess tagħhom għal informazzjoni rilevanti u aġġornata biex ikunu jistgħu jwettqu r-rwol tagħhom f'dan il-proċess u biex jikkontribwixxu aktar għall-kredibbiltà tat-TLAS u għat-tisħiħ kontinwu tagħha; jilqa' l-impenn magħmul mill-Vjetnam biex jippermetti l-aċċess tas-soċjetà ċivili għall-bażi ta' data nazzjonali dwar il-forestrija u jħeġġeġ lill-gvern jissottometti l-leġiżlazzjoni dwar l-implimentazzjoni tat-TLAS għal konsultazzjoni pubblika u jqis il-feedback li jirċievi;

11.  Jilqa' l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili matul u wara n-negozjati tal-VPA u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Vjetnam jiżgura inklużjoni ġenwina u sħiħa matul il-fażi kollha ta' implimentazzjoni u lil hinn minnha, li tkopri l-kamp ta' applikazzjoni sħiħ tal-VPA, inklużi kontrolli tal-importazzjoni, obbligi ta' diliġenza dovuta, is-sistema ta' klassifikazzjoni tal-organizzazzjoni u l-verifika bbażata fuq ir-riskju tal-kumpaniji u l-liċenzji FLEGT; jisħaq fuq kemm hu importanti li jiġu involuti l-komunitajiet lokali kemm għal raġunijiet soċjoekonomiċi kif ukoll sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-Liġi l-ġdida tal-Forestrija u l-impenji tal-VPA;

12.  Jikkundanna bil-qawwa l-kummerċ illegali tal-injam li jseħħ tul il-fruntiera tal-Kambodja u jistieden lill-awtoritajiet taż-żewġ pajjiżi jwaqqfu l-flussi illegali minnufih u kompletament, bħala ħtieġa assoluta għal tkomplija b'suċċess tal-proċess tal-VPA; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Vjetnam jinvestigaw, ineħħu mill-funzjoni u jressqu quddiem il-ġustizzja lil dawk responsabbli talli awtorizzaw u mmaniġġjaw il-kummerċ illegali mill-Kambodja u bnadi oħra; jilqa' d-deċiżjoni reċenti li ħadu l-awtoritajiet tal-Vjetnam biex jippermettu biss il-kummerċ tal-injam mir-rotot internazzjonali ewlenin, kif ukoll biex isaħħu l-kapaċitajiet ta' infurzar kontra l-kummerċ illegali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Vjetnam jikkategorizzaw immedjatament l-injam mill-Kambodja bħala "riskju għoli" u jiżguraw li l-leġiżlazzjoni tal-Kambodja dwar il-ħsad u l-esportazzjoni tal-injam tiġi rispettata, f'konformità mal-impenji tal-VPA; jistieden liż-żewġ pajjiżi jrawmu u jtejbu d-djalogu, il-kooperazzjoni transkonfinali, l-iskambju tad-data kummerċjali u l-informazzjoni dwar ir-riskji relatati mal-kummerċ illegali tal-injam u l-leġiżlazzjoni rispettiva fis-seħħ, u jħeġġiġhom jinvolvu lill-UE fl-iffaċilitar ta' dan id-djalogu; iħeġġeġ lill-Vjetnam u lill-Kambodja jitolbu appoġġ mill-Interpol u jaħdmu flimkien fuq miżuri effettivi u fit-tul biex jiġġieldu kontra l-qtugħ illegali u bla rażan tas-siġar u l-kuntrabandu transkonfinali ta' injam lejn il-Vjetnam; jistieden lill-awtoritajiet tal-Vjetnam japplikaw l-istess miżuri għall-importazzjonijiet minn pajjiżi fornituri oħra fejn jeżisti jew jista' jinqala' tħassib simili, b'mod partikolari dawk fl-Afrika, bħar-RDK;

13.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi indirizzata d-dimensjoni reġjonali tal-qtugħ illegali tas-siġar u t-trasport, l-ipproċessar u l-kummerċ tal-injam illegali tul il-katina tal-provvista; jitlob li din id-dimensjoni reġjonali tiġi inkluża fil-proċess ta' evalwazzjoni tal-VPA fil-forma ta' valutazzjoni tar-rabta bejn l-eżistenza ta' mekkaniżmi aktar dgħajfa ta' infurzar f'pajjiżi oħra tar-reġjun u ż-żieda fl-esportazzjonijiet minn tali pajjiżi lejn l-UE;

14.  Jisħaq li l-governanza ħażina u l-korruzzjoni fis-settur tal-forestrija jaċċelleraw il-qtugħ illegali tas-siġar u d-degradazzjoni tal-foresti u jenfasizza l-fatt li s-suċċess tal-inizjattiva FLEGT jiddependi wkoll mill-fatt li jiġu indirizzati l-frodi u l-korruzzjoni tul il-katina kollha tal-provvista tal-injam; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Vjetnam jaħdem biex iwaqqaf il-korruzzjoni mifruxa u jindirizza fatturi oħra li jwasslu għal dan il-kummerċ, b'mod partikolari fir-rigward ta' awtoritajiet doganali u oħrajn li se jkollhom rwol ċentrali fl-implimentazzjoni u l-infurzar tal-VPA, bħala sinjal konkret li l-Vjetnam huwa impenjat bis-sħiħ għall-proċess tal-VPA; jisħaq fuq il-ħtieġa li tintemm l-impunità fis-settur tal-foresti billi jiġi żgurat li ssir prosekuzzjoni tal-ksur;

15.  Jilqa' l-adozzjoni reċenti mill-Gvern tal-Vjetnam ta' pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-VPA u jistieden lill-gvern isegwi approċċ konkret, marbut biż-żmien u li jista' jitkejjel; jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-Liġi l-ġdida dwar il-Forestrija fl-1 ta' Jannar 2019, li tinkludi projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet ta' injam prodott illegalment fil-Vjetnam u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Vjetnam jinfurzaw din il-projbizzjoni u jadottaw malajr miżuri ta' implimentazzjoni jekk ikun meħtieġ, bil-ħsieb li jitnaqqas id-distakk sakemm it-TLAS issir operattiva;

16.  Jilqa' l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Vjetnam, li jagħmlu wkoll konnessjoni mal-VPA; jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-kummerċ fl-injam u l-prodotti tal-injam waqt l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles u timmonitorja l-flussi kummerċjali mill-qrib sabiex tiżgura li l-liberalizzazzjoni addizzjonali tal-kummerċ ma twassalx għal riskji addizzjonali ta' kummerċ illegali;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament kull sena dwar il-progress li jagħmel il-Vjetnam fl-implimentazzjoni tal-VPA, inkluż kontra r-rekwiżiti ta' din ir-riżoluzzjoni, kif ukoll dwar l-attivitajiet tal-Kumitat Konġunt ta' Implimentazzjoni, bil-ħsieb li tiġi permessa deċiżjoni infurmata ladarba jkun propost l-att delegat li jawtorizza li jiġu aċċettati l-liċenzji FLEGT; jistieden lill-Kummissjoni tqis li ttejjeb ir-regolament dwar il-liċenzjar FLEGT matul l-eżerċizzju ta' rieżami li jmiss sabiex tkun tista' tirreaġixxi malajr għal każijiet ta' ksur sinifikanti tal-impenji tal-VPA;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni trawwem djalogu u tippromwovi r-Regolament tal-UE dwar l-Injam mal-pajjiżi importaturi ewlenin fir-reġjun u ma' sħab kummerċjali ewlenin tal-UE bħaċ-Ċina u l-Ġappun, u tkompli tagħti prijorità, f'relazzjonijiet bilaterali ma' dawk il-pajjiżi, inkluż fir-relazzjonijiet kummerċjali, lis-soluzzjonijiet konkreti biex jitwaqqaf il-kummerċ illegali tal-injam, bil-ħsieb li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi globali biex tiġi indirizzata l-kwistjoni; jappoġġja lill-Kummissjoni fit-tnedija ta' negozjati tal-VPA mal-pajjiżi ġirien tal-Vjetnam hekk kif jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa u jissottolinja l-importanza tal-VPAs tal-FLEGT fi strumenti futuri ta' żvilupp u kooperazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi strumenti li jiffaċilitaw l-iskambji tal-aħjar prattiki bejn il-Vjetnam u pajjiżi oħra li diġà kkonkludew VPAs mal-UE;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll il-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam u r-Renju tal-Kambodja.

(1)

ĠU L 329, 3.12.2016, p. 8.

(2)

ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1.

(3)

ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.

(4)

https://eia-international.org/wp-content/uploads/eia-serial-offender-web.pdf

(5)

https://eia-international.org/report/vietnam-violation-action-required-fake-cites-permits-rosewood-trade/

(6)

Nellemann, C., INTERPOL Environmental Crime Programme (eds). 2012. Green Carbon, Black Trade: Illegal Logging, Tax Fraud and Laundering in the Worlds Tropical Forests. A Rapid Response Assessment. Programm tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ambjent, GRIDArendal, http://wedocs.unep.org/bitstream/handle/20.500.11822/8030/Green%20carbon%20Black%20Trade_%20Illegal %20logging.pdf?sequence=5&isAllowed=y

(7)

Testi adottati, P8_TA(0000)0000.

(8)

https://www.phnompenhpost.com/national/despite-ban-timber-exports-vietnam-nearing-2016-total

(9)

https://eia-international.org/wp-content/uploads/eia-serial-offender-web.pdf, p. 6.

(10)

Il-VPA jkopri l-prodotti ewlenin kollha esportati lejn l-UE, b'mod partikolari l-ħames prodotti tal-injam obbligatorji kif definiti fir-Regolament FLEGT tal-2005 (zkuk, injam isserrat, traversi ferrovjarji, plywood u fuljetta) u jinkludi wkoll għadd ta' prodotti oħra tal-injam bħall-partiċelli taċ-ċippa tal-injam, kisi tal-art bil-parkè, bord tal-injam mill-frak u għamara tal-injam. Il-VPA jkopri l-esportazzjonijiet lejn il-pajjiżi terzi kollha għalkemm, tal-inqas għall-ewwel, l-iskema ta' liċenzjar tapplika biss għall-esportazzjonijiet tal-UE.

(11)

Skont il-punt (j) tal-Artikolu 2 tal-VPA, "injam prodott legalment" (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ ukoll "injam legali") tfisser "prodotti tal-injam maħsuda jew importati u prodotti f'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Vjetnam stabbilita fl-Anness II u dispożizzjonijiet rilevanti oħrajn ta' dan il-Ftehim; u, fil-każ ta' injam importat, tfisser prodotti tal-injam maħsuda, prodotti u esportati f'konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-pajjiż tal-ħsad u l-proċeduri deskritti fl-Anness V".

(12)

Id-disponibbiltà tas-sistema TLAS għal-liċenzjar FLEGT l-ewwel se tiġi vvalutata b'mod konġunt mill-UE u l-Vjetnam. Huwa biss jekk iż-żewġ partijiet jaqblu li s-sistema hija robusta biżżejjed li l-liċenzjar ikun jista' jibda.

(13)

L-Artikolu 13.8, paragrafu 2(a): "[kull Parti għandha] tħeġġeġ il-promozzjoni tal-kummerċ tal-prodotti forestali minn foresti ġestiti b'mod sostenibbli u maħsuda skont il-leġiżlazzjoni domestika fil-pajjiż tal-ħsad; dan jista' jinkludi l-konklużjoni ta' Ftehim ta' Sħubija Volontarja dwar l-Infurzar tal-Liġi tal-Foresta, Governanza u Kummerċ (FLEGT)".


OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP (25.1.2019)

for għall-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

dwar id-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarju bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, it-tmexxija u l-kummerċ fis-settur forestali

(2018/0272M(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Jan Zahradil

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jappoġġja bis-sħiħ il-proċess FLEGT mal-Vjetnam, peress li madwar 45 % tal-art tal-Vjetnam hija foresta u l-pajjiż jiżvolġi rwol ewlieni fis-settur tal-ipproċessar tal-injam fix-Xlokk tal-Asja; jilqa' l-impenn tal-Vjetnam għal dan il-proċess u l-progress li sar s'issa, inkluż il-Ftehim ta' Sħubija Volontarja;

2.  Jissottolinja li t-twaqqif tal-importazzjoni ta' injam illegali minn pajjiżi ġirien hija sfida kbira u neċessità assoluta għat-tkomplija b'suċċess tal-proċess; għal dan il-għan, jistieden lill-Vjetnam jadotta leġiżlazzjoni dwar l-importazzjoni b'obbligi ta' diliġenza dovuta (li tkopri l-valutazzjoni tar-riskju u l-mitigazzjoni) u li tipprojbixxi t-tqegħid fis-suq ta' injam illegali;

3.  Ifakkar li l-ġestjoni u l-governanza sostenibbli u inklużivi tal-foresti huma essenzjali biex jinkisbu l-objettivi stabbiliti fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u fil-Ftehim ta' Pariġi;

4.  Jitlob lill-UE tiżgura l-koerenza tal-ftehim mal-politiki kollha tagħha, inkluż fl-oqsma tal-iżvilupp, l-ambjent, l-agrikoltura u l-kummerċ;

5.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza kruċjali tal-involviment sħiħ tal-partijiet interessati u tar-rwol li s-soċjetà ċivili u s-settur privat jeħtiġilhom ikollhom bħala atturi sħaħ, inkluż fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-Ftehim; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Vjetnam jadotta pjan ta' azzjoni marbut biż-żmien għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarja li jiżviluppa aktar il-metodi ta' ħidma biex tiġi żgurata t-trasparenza, b'mod partikolari billi jiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta' linji gwida dwar l-iżvelar pubbliku ta' informazzjoni u l-kondiviżjoni f'waqtha ta' dokumenti;

6.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li tintemm l-impunità fis-settur tal-foresti billi jiġi żgurat li ssir prosekuzzjoni tal-ksur; jistieden lill-Gvern tal-Vjetnam jikkontribwixxi għal dan l-objettiv billi jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta' Sħubija Volontarja dwar l-informaturi;

7.  Ifakkar li l-implimentazzjoni tal-Ftehim trid tikkomplementa l-impenji tal-UE għall-protezzjoni ambjentali u tiżgura koerenza mal-impenji sabiex tiġi evitata d-deforestazzjoni tal-massa;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tkompli l-appoġġ tagħha relatat mal-FLEGT għall-Vjetnam u tiżgura l-integrità tal-proċess FLEGT, b'mod partikolari permezz tal-qerda tal-injam illegali, il-protezzjoni tad-drittijiet ta' popli indiġeni u komunitajiet dipendenti mill-foresti, u l-involviment sħiħ tas-soċjetà ċivili kemm fl-implimentazzjoni kif ukoll fl-operazzjonalizzazzjoni tas-Sistema ta' Garanzija tal-Legalità tal-Injam tal-Vjetnam u fl-għoti tal-liċenzji FLEGT; ifakkar li sabiex jiġi żgurat monitoraġġ effettiv tal-Ftehim u l-impatt tiegħu fuq l-iżvilupp, il-Kummissjoni għandha tkompli tirrapporta lura lill-Parlament b'mod regolari dwar l-implimentazzjoni tagħha;

9.  Jisħaq li l-governanza ħażina u l-korruzzjoni fis-settur tal-forestrija jaċċelleraw il-qtugħ illegali tas-siġar u d-degradazzjoni tal-foresti; jappella lill-UE tidderieġi l-isforzi tagħha lejn it-tisħiħ tal-qafas legali u l-kapaċità istituzzjonali tal-Vjetnam, billi tindirizza l-isfidi tekniċi u ekonomiċi li jimpedixxu l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi tar-regolamenti nazzjonali u internazzjonali eżistenti;

10.  Jindika l-ħtieġa li jiġu evitati piżijiet amministrattivi sproporzjonati fuq il-fornituri domestiċi tal-injam, filwaqt li fl-istess ħin jiġi evitat li jinħolqu lakuni;

11.  Jenfasizza li s-suċċess tal-inizjattiva FLEGT kollha jiddependi, inter alia, mill-indirizzar tal-frodi u l-korruzzjoni, li jistgħu jinstabu fl-istadji kollha tal-kummerċ tal-injam, mill-ħsad tal-injam u t-trasportazzjoni tiegħu sal-ipproċessar, il-manifattura, l-esportazzjoni, l-importazzjoni u l-bejgħ tiegħu; għal dan il-għan, jitlob lill-UE ssaħħaħ il-kamp ta' applikazzjoni u l-infurzar tar-Regolament tal-UE dwar l-Injam bil-għan li tindirizza r-riskji tal-korruzzjoni fil-katina tal-provvista tal-injam tal-UE, inkluż permezz ta' kontrolli u investigazzjonijiet aktar regolari u sistematiċi fil-portijiet tal-UE.

PROĊEDURA TAL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Titolu

Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-UE u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, it-tmexxija u l-kummerċ fis-settur forestali

Referenzi

2018/0272M(NLE)

Kumitat responsabbli

 

INTA

 

 

 

 

Opinjoni mogħtija minn

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE

25.10.2018

Rapporteur għal opinjoni

       Data tal-ħatra

Jan Zahradil

16.11.2018

Eżami fil-kumitat

20.11.2018

 

 

 

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Mireille D’Ornano, Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Linda McAvan, Norbert Neuser, Vincent Peillon, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Bogusław Sonik, Eleni Theocharous, Anna Záborská, Joachim Zeller, Željana Zovko

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Stefan Gehrold, Maria Noichl, Judith Sargentini

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

20

+

ECR

Eleni Theocharous

GUE/NGL

Marina Albiol Guzmán, Lola Sánchez Caldentey

PPE

Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Stefan Gehrold, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Bogusław Sonik, Anna Záborská, Joachim Zeller, Željana Zovko

S&D

Doru-Claudian Frunzulică, Enrique Guerrero Salom, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maria Noichl, Vincent Peillon, Elly Schlein

VERTS/ALE

Maria Heubuch, Judith Sargentini

1

-

EFDD

Mireille D’Ornano

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni


PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Ftehim ta’ Sħubija Volontarju bejn l-UE u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam dwar l-infurzar tal-liġi, it-tmexxija u l-kummerċ fis-settur forestali

Referenzi

2018/0272M(NLE)

Data tal-konsultazzjoni / talba għal approvazzjoni

28.9.2018

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

25.10.2018

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

DEVE

25.10.2018

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Heidi Hautala

29.8.2018

 

 

 

Eżami fil-kumitat

20.11.2018

23.1.2019

 

 

Data tal-adozzjoni

19.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laima Liucija Andrikienė, Maria Arena, Tiziana Beghin, Daniel Caspary, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Karoline Graswander-Hainz, Heidi Hautala, Nadja Hirsch, France Jamet, Jude Kirton-Darling, Patricia Lalonde, Bernd Lange, David Martin, Emma McClarkin, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Kārlis Šadurskis, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Klaus Buchner, Ramona Nicole Mănescu, Georg Mayer, Ralph Packet, Bolesław G. Piecha, Fernando Ruas, Lola Sánchez Caldentey, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Malin Björk, Ramón Jáuregui Atondo, Jude Kirton-Darling, Bernd Kölmel, Julia Pitera, Wim van de Camp, Mirja Vehkaperä

Data tat-tressiq

27.2.2019


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

38

+

ALDE

Nadja Hirsch, Patricia Lalonde, Marietje Schaake, Mirja Vehkaperä

ECR

Bernd Kölmel, Emma McClarkin, Ralph Packet, Bolesław G. Piecha

EFDD

Tiziana Beghin

ENF

France Jamet, Georg Mayer

GUE/NGL

Malin Björk, Anne-Marie Mineur, Lola Sánchez Caldentey, Helmut Scholz

PPE

Laima Liucija Andrikienė, Georges Bach, Wim van de Camp, Daniel Caspary, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Ramona Nicole Mănescu, Sorin Moisă, Julia Pitera, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Fernando Ruas, Kārlis Šadurskis, Jarosław Wałęsa

S&D

Maria Arena, Karoline Graswander-Hainz, Ramón Jáuregui Atondo, Jude Kirton-Darling, Bernd Lange, David Martin, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Joachim Schuster

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Heidi Hautala

0

-

 

 

1

0

ENF

Marco Zanni

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Marzu 2019Avviż legali