Proċedura : 2018/2213(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0095/2019

Testi mressqa :

A8-0095/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.47

Testi adottati :

P8_TA(2019)0288

RAPPORT     
PDF 194kWORD 56k
27.2.2019
PE 626.827v01-00 A8-0095/2019

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2213(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Martina Dlabajová

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2213(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05827/2019 – C8-0102/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/20124, u b'mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 558/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky 2(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0095/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2213(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(6),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(7) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05827/2019 – C8-0102/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(8), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/20124, u b'mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 558/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky 2(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0095/2019),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2213(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0095/2019),

A.  billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b'mod awtonomu fis-16 ta' Novembru 2009;

B.  billi l-Impriża Konġunta Clean Sky 2 (l-"Impriża Konġunta") stabbilita bir-Regolament Nru 558/2014(11) ħadet post, mis-27 ta' Ġunju 2014, l-Impriża Konġunta Clean Sky fl-ambitu ta' Orizzont 2020;

C.  billi l-objettivi prinċipali tal-Impriża Konġunta huma li ttejjeb b'mod sinifikanti l-impatt ambjentali tat-teknoloġiji ajrunawtiċi u li ssaħħaħ il-kompetittività tal-avjazzjoni Ewropea; billi t-tul ta' żmien tal-Impriża Konġunta ġie estiż sal-31 ta' Diċembru 2024;

D.  billi l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, rappreżentata mill-Kummissjoni, il-mexxejja tad-Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata, tal-Pjattaformi ta' Dimostrazzjoni ta' Mezzi tal-Ajru Innovattivi u tal-Attivitajiet Trasversali, flimkien mal-membri assoċjati tad-Dimostraturi tat-Teknoloġija Integrata;

E.  billi l-kontribuzzjoni massima mill-Unjoni għat-tieni fażi tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta hija ta' EUR 1 755 000 000 li għandha titħallas mill-baġit ta' Orizzont 2020;

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti") stqarret li l-kontijiet annwali tal-2017 tal-Impriża Konġunta għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2017 jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta' Diċembru 2017, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05827/2019 – C8-102/2019), il-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni;

2.  Jinnota li l-Qorti, fir-rapport tagħha dwar Clean Sky 2 (ir-"Rapport tal-Qorti"), indikat li t-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

3.  Jinnota li l-baġit finali tal-Impriża Konġunta għall-2017 kien jinkludi EUR 313 429 392 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 243 503 223 f'approprjazzjonijiet ta' pagament;

4.  Jinnota li r-rata ta' użu tal-approprjazzjonijiet ta' impenn kienet ta' 99,6 % (imqabbla ma' 97,5 % fl-2016) u li r-rata ta' użu tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 98,5 % (imqabbla ma' 87,9 % fl-2016);

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt l-FP7

5.  Jinnota li mill-ammont totali ta' EUR 817 200 000 għall-attivitajiet amministrattivi u operattivi li għandhom jiġu ffinanzjati taħt is-Seba' Programm Kwadru (inklużi EUR 800 000 000 ta' kontribuzzjonijiet fi flus kontanti tal-Unjoni, EUR 14 900 000 ta' kontribuzzjoni ta' flus minn membri privati biex ikopru l-ispejjeż amministrattivi u EUR 2 300 000 imgħax riċevut fuq il-fondi prefinanzjati tas-Seba' Programm Kwadru), l-impenji li ħadet l-Impriża Konġunta kienu jammontaw għal EUR 815 200 000 (99,75 %) u l-pagamenti għal EUR 815 100 000 (99,74 %) sal-aħħar tal-2017; jinnota li l-Unjoni kkontribwixxiet EUR 800 000 000 fi flus kontanti; jilqa' l-fatt li Clean Sky kienet l-ewwel Impriża Konġunta Ewropea li temmet b'suċċess il-Programm FP7;

6.  Jieħu nota li sa tmiem l-2017, il-Bord ta' Tmexxija vvalida kontribuzzjonijiet in natura minn membri oħra ta' EUR 594 100 000, u li l-kontribuzzjonijiet fi flus mill-membri l-oħra għall-ispejjeż amministrattivi kienu ta' EUR 14 900 000;

Implimentazzjoni tal-baġit pluriennali taħt Orizzont 2020

7.  Jinnota li mill-ammont totali ta' EUR 1 794 200 000 għall-attivitajiet amministrattivi u operattivi li għandhom jiġu ffinanzjati taħt l-Orizzont 2020 (inklużi EUR 1 755 000 000 ta' kontribuzzjonijiet fi flus kontanti tal-Unjoni, u EUR 39 000 000 ta' kontribuzzjonijiet fi flus kontanti minn membri privati), l-impenji li ħadet l-Impriża Konġunta kienu jammontaw għal EUR 1 009 600 000 u l-pagamenti għal EUR 493 000 000;

8.  Jinnota li fi tmiem l-2017, il-bord ta' tmexxija kien ivvalida EUR 54 000 000 f'kontribuzzjonijiet in natura u ġew irrappurtati EUR 211 600 000 oħra; jinnota, barra minn hekk, li l-kontribuzzjonijiet fi flus kontanti li saru mill-membri tal-industrija għall-ispejjeż amministrattivi kienu ta' EUR 9 500 000;

Sejħiet għal proposti

9.  Jinnota li, fl-2017, l-Impriża Konġunta nediet żewġ sejħiet għal proposti, irċeviet 263 proposta eliġibbli (minn total ta' 265) u għażlet 73 proposta biex jiġu ffinanzjati(12);

10.  Jilqa' l-għeluq b'suċċess tal-programm Clean Sky, fl-2017, bit-twettiq ta' total ta' 28 dimostrant sinifikanti (ittestjati fuq l-art u bl-ajru) filwaqt li ntgħażlu s-Sħab Ewlenin kollha tiegħu u kiseb iż-żieda tas-Sħab fil-programm, biex b'hekk it-total tela' għal 497 parteċipant;

11.  Jinnota b'sodisfazzjon li s-sejħa finali għal Sħab Ewlenin irnexxielha tilħaq il-komplementarjetà sħiħa ta' 245 membru privat tal-programm (inklużi l-affiljati parteċipanti tagħhom) li 192 minnhom intgħażlu permezz tas-sejħiet għal Sħab Ewlenin;

Prestazzjoni

12.  Jilqa' l-fatt li n-nuqqas ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni stabbiliti ma għadux problema fl-ambitu tal-programm Orizzont 2020; jiddispjaċih li l-informazzjoni dwar it-tielet ġabra ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għadha mhijiex disponibbli minħabba n-natura tal-proġetti; jieħu nota tal-fatt li l-esperti jappellaw għal aktar attività ta' monitoraġġ u analiżi, billi ssir distinzjoni ċara bejn l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni li fil-fatt inkisbu fi tmiem kull sena u l-indikaturi previsti;

13.  Josserva li l-proporzjon tal-ispejjeż tal-ġestjoni (baġit amministrattiv u operattiv) għadu taħt il-5 %, u b'hekk jindika struttura organizzattiva simplifikata u effiċjenti tal-Impriża Konġunta;

14.  Jilqa' l-valur interim tal-2016 tal-effett ta' ingranaġġ ta' 1.55 li jaqbeż l-mira tal-effett ta' ingranaġġ fuq il-perjodu 2014-2020 kollu kemm hu;

15.  Jilqa' l-fatt li s-sejħiet għal proposti kollha ġew ippubblikati u ngħalqu skont il-pjanijiet ta' ħidma rispettivi u li r-riżultati rigward "żmien għall-għotja" u "żmien għall-ħlas" baqgħu ferm taħt il-miri definiti;

Kontrolli ewlenin u sistemi superviżorji

16.  Jinnota li l-Impriża Konġunta stabbiliet proċeduri ta' kontroll ex ante bbażati fuq rieżamijiet dokumentarji finanzjarji u operattivi, awditi ex post għand benefiċjarji ta' għotjiet għall-pagamenti interim u finali tas-Seba' Programm Kwadru u fir-rigward tat-talbiet għall-ispejjeż tal-proġetti ta' Orizzont 2020, hija l-Kummissjoni li għandha r-responsabbiltà tal-awditi ex post;

17.  Jinnota li r-rata ta' żball residwu għall-awditi ex post li ġew irrapportati mill-Impriża Konġunta kienet ta' 1,40 % għall-proġetti tas-Seba' Programm Qafas u 1,6 % għall-proġetti ta' Orizzont 2020, li huwa meqjus taħt il-livell ta' materjalità;

Strateġija kontra l-frodi

18.  Josserva li, fl-2017, l-Impriża Konġunta ddeċidiet li tiffoka fuq miżuri għall-prevenzjoni u d-detezzjoni ta' finanzjament doppju, bħala riżultat tal-eżitu ta' valutazzjoni tar-riskju kontra l-frodi wara stħarriġ tal-persunal speċifiku;

Awditu intern

19.  Josserva li twettqu l-Evalwazzjoni Finali tal-Kummissjoni dwar l-Impriża Konġunta għall-perjodu bejn l-2008 u l-2016 u l-Evalwazzjoni Interim dwar l-Impriża Konġunta li topera taħt Orizzont 2020, li tkopri l-perjodu mill-2014 sal-2016, u li l-Bord approva Pjan ta' Azzjoni biex jiġu implimentati xi rakkomandazzjonijiet li għalihom diġà nbdew diversi azzjonijiet;

20.  Jinnota li fl-2017, is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) iffinalizza awditu tal-ġestjoni tal-prestazzjoni tal-Attivitajiet Konġunti; jinnota li l-awditu identifika żewġ kwistjonijiet "importanti ħafna", fil-qasam tal-kejl tal-kisba tal-objettivi strateġiċi u l-impatt tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta; jinnota b'dispjaċir li l-IAS ma ħariġx rapport ta' awditjar intern għall-2017 dwar l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet miftiehma li jirriżultaw mill-awditi u l-valutazzjonijiet tar-riskju tas-snin preċedenti;

Kummenti oħra

21.  Jilqa' t-twaqqif ta' grupp ta' ħidma fl-2017 dwar is-sinerġiji bejn il-programmi nazzjonali u reġjonali u l-Impriża Konġunta, li għandu l-għan li jidentifika oqsma ta' kooperazzjoni u jikkontribwixxi għall-pjan ta' azzjoni u l-attivitajiet tal-Impriża Konġunta dwar is-sinerġiji mal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-kooperazzjoni mal-Istati Membri u r-Reġjuni.

22.  Jilqa' t-tisħiħ li sar fl-2017 tal-istrateġija diġitali tal-Impriża Konġunta fuq is-sit web tagħha u l-mezzi tal-midja soċjali u attivitajiet oħra li wasslu għal viżibbiltà msaħħa ta' Clean Sky 2, u jilqa' wkoll koordinazzjoni aktar b'saħħitha mal-partijiet ikkonċernati tagħha;

Riżorsi umani

23.  Jinnota li fil-31 ta' Diċembru 2016, l-Impriża Konġunta kellha 39 post tax-xogħol mimlija; jinnota li fl-2017 l-Impriża Konġunta nediet il-proċedura ta' reklutaġġ ta' żewġ postijiet.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Wolf Klinz, Monica Macovei, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT

19

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová, Wolf Klinz

ECR

Monica Macovei

EFDD

Marco Valli

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Karin Kadenbach, Georgi Pirinski, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes

1

-

ENF

Jean-François Jalkh

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 452,14.12.2018 p.10.

(2)

ĠU C 452,14.12.2018 p.12.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)

ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(5)

ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.

(6)

ĠU C 452,14.12.2018 p.10.

(7)

ĠU C 452,14.12.2018 p.12.

(8)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(9)

ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(10)

ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.

(11)

  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 558/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky 2 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 77).

(12)

AAR, p. 5.

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2019Avviż legali