Proċedura : 2018/2168(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0096/2019

Testi mressqa :

A8-0096/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.5

Testi adottati :

P8_TA(2019)0246

RAPPORT     
PDF 182kWORD 56k
5.3.2019
PE 626.816v02-00 A8-0096/2019

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

(2018/2168(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Arndt Kohn

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

(2018/2168(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 (COM(2018)0521 – C8-0320/2018)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kunsill għall-awtorità ta' kwittanza dwar il-verifiki interni mwettqa fis-sena 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 59, 118 u 261 sa 262 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0096/2019),

1.  Jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta' kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill

(2018/2168(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0096/2019),

A.  billi l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni għandhom ikunu trasparenti u jagħtu rendikont sħiħ liċ-ċittadini tal-Unjoni għall-fondi fdati lilhom bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni;

B.  billi kemm il-ftuħ kif ukoll it-trasparenza fl-amministrazzjoni u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni jeħtieġu proċedura ta' kwittanza miftuħa u trasparenti fejn kull istituzzjoni tal-Unjoni hija responsabbli tal-baġit li teżegwixxi,

C.  billi l-Kunsill Ewropew u l-Kunsill, bħala istituzzjonijiet tal-Unjoni, għandhom ikunu soġġetti għar-responsabbiltà demokratika fir-rigward taċ-ċittadini tal-Unjoni bħala l-benefiċjarji tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

D.  billi r-rwol tal-Parlament fir-rigward tal-kwittanza baġitarja huwa speċifikat fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u fir-Regolament Finanzjarju;

1.  Jinnota li, fir-Rapport Annwali 2017 tagħha, il-Qorti tal-Awdituri osservat li ma ġewx identifikati dgħufijiet sinifikanti b'rabta mat-temi awditjati relatati mar-riżorsi umani u mal-proċeduri ta' akkwist għall-Kunsill Ewropew u għall-Kunsill;

2.  Jieħu nota li, fl-2017, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill kellhom baġit globali ta' EUR 561 576 000 (EUR 545 054 000 fl-2016), b'rata globali medja ta' implimentazzjoni ta' 93,8 % meta mqabbla mat-93,5 % fl-2016;

3.  Jilqa' pożittivament l-isforzi biex għat-tkomplija tat-titjib tal-ġestjoni u l-prestazzjoni finanzjarja, bħall-armonizzazzjoni tal-ippjanar baġitarju fuq livell ċentrali bl-integrazzjoni tal-Attività Pluriennali u l-Ippjanar tal-Baġit (MABP); jinnota li l-pjanijiet ta' nfiq u l-abbozz ta' baġit huma bbażati fuq attivitajiet (proġetti, programmi u attivitajiet rikorrenti);

4.  Jinnota ż-żieda ta' EUR 16,5 miljun (+3 %) fil-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill fl-2017 meta mqabbel ma' żieda ta' 0,6 % fl-2016;

5.  Isostni t-tħassib tiegħu dwar l-ammont għoli ħafna ta' approprjazzjonijiet li ġew riportati mill-2017 għall-2018, b'mod partikolari dawk relatati mal-għamara, it-tagħmir teknika, it-trasport u mas-sistemi tal-kompjuter; ifakkar lill-Kunsill li r-riporti huma eċċezzjonijiet għall-prinċipju tal-annwalità u li għandhom jirriflettu ħtiġijiet reali;

6.  Itenni li l-baġit tal-Kunsill Ewropew u l-baġit tal-Kunsill għandhom jiġu sseparati bil-għan li jingħata kontribut għat-trasparenza tal-ġestjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet u jittejjeb l-obbligu ta' rendikont taż-żewġ istituzzjonijiet;

7.  Jilqa' pożittivament il-fatt li nkiseb tnaqqis ta' 5 % fin-numru tal-persunal matul il-perjodu 2013-2017 bi qbil mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(7); jinnota l-isforzi diretti lejn is-simplifikar tal-organizzazzjoni permezz ta' bidliet fit-tabella tal-persunal bħala parti mit-tkomplija tal-modernizzazzjoni amministrattiva;

8.  Jinnota li fil-Kunsill kienu impjegati total ta' 1 629 mara u 1 141 raġel; jinnota li 29 % biss ta' postijiet maniġerjali għoljin huma okkupati min-nisa; jistieden lill-Kunsill jieħu dawk il-miżuri meħtieġa biex jittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri f'karigi maniġerjali;

9.  Jinnota li fuq is-siti web tal-Kunsill tiġi ppubblikata ħarsa ġenerali tar-riżorsi umani analizzati skont il-ġeneru u n-nazzjonalità; itenni t-talba tiegħu lill-Kunsill biex jipprovdi ħarsa ġenerali aktar dettaljata analizzata skont it-tip ta' kuntratt, grad, ġeneru, u n-nazzjonalità u wkoll fuq ħarsa ġenerali lejn kif dawn iċ-ċifri jikkumparaw mas-sena ta' qabel;

10.  Jilqa' pożittivament l-informazzjoni dwar l-attivitajiet okkupazzjonali ta' ex uffiċjali għolja tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK) li ħallew is-servizz fis-sena 2017;

11.  Jilqa' pożittivament l-informazzjoni pprovduta dwar l-istrateġija tal-bini tal-Kunsill fid-Dikjarazzjonijiet Finanzjarji Finali tal-2017; jinnota li f'Lulju 2017, l-Istat Belġjan u l-SĠK ikkonkludew negozjati dwar il-prezz finali għall-bini Europa, billi laħqu qbil fuq prezz finali ta' EUR 312 143 710,53, kif ukoll dwar l-akkwist ta' erba' plottijiet addizzjonali ta' art madwar il-bini tal-Kunsill għal ammont ta' EUR 4 672 944; jinnota li l-ftehim finali huwa mistenni li jiġi ffirmat fl-2018; jinnota li l-ammonti kollha relatati mas-saldu finali tal-bini Europa tħallsu jew ġew akkumulati fl-2017;

12.  Jilqa' pożittivament it-tranżizzjoni għall-verżjoni l-ġdida tal-iskema Komunitarja ta' ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) u ISO 14001 u l-pubblikazzjoni tad-"Dikjarazzjoni Ambjentali 2017", li tistabbilixxi s-sistema ta' ġestjoni ambjentali tal-Kunsill; jilqa' pożittivament il-miżuri tal-Kunsill biex itejjeb il-ġestjoni tal-iskart tiegħu, iżid l-effiċjenza enerġetika tiegħu u jnaqqas il-marka tal-karbonju tiegħu u jħeġġu jkompli bl-isforzi tiegħu f'din id-direzzjoni;

13.  Jinnota li r-regoli interni għar-rappurtar ta' irregolaritajiet serji huma ppubblikati fuq is-sit web tal-Kunsill, flimkien ma' gwida dwar l-etika u l-imġiba għall-membri tal-persunal tal-Kunsill; jistieden lill-Kunsill jissensibbilizza dwar dawn ir-regoli u tiżgura li l-membri kollha tal-persunal jiġu infurmati kif xieraq dwar id-drittijiet tagħhom;

14.  Jinnota li minkejja l-mandat biex jinbdew negozjati mal-Parlament u l-Kummissjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-Kunsill fir-Reġistru ta' Trasparenza meħud fis-6 ta' Diċembru 2017, il-Kunsill għadu ma sseħibx fir-Reġistru ta' Trasparenza; jistieden lill-Kunsill jagħti segwitu għan-negozjati u jilħaq eżitu ta' suċċess mar-rappreżentanti tal-Parlament u l-Kummissjoni bil-għan li l-Kunsill finalment jingħaqad fir-Reġistru ta' Trasparenza;

Kooperazzjoni futura bejn il-Kunsill u l-Parlament

15.  Jiddispjaċih li l-Kunsill reġa' naqas milli jipprovdi risposti għall-mistoqsijiet bil-miktub mibgħuta mill-Parlament, u li s-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ma attendiex is-seduta ta' smigħ organizzata fis-27 ta' Novembru 2018 fil-kuntest tal-kwittanza annwali, li għal darb'oħra jindika nuqqas ta' kooperazzjoni totali min-naħa tal-Kunsill; jisħaq li n-nefqa tal-Kunsill trid tgħaddi minn skrutinju bl-istess mod bħal dik tal-istituzzjonijiet l-oħra u jirrimarka li l-elementi fundamentali ta' tali skrutinju huma stabbiliti fir-riżoluzzjonijiet ta' kwittanza tiegħu tas-snin li għaddew; jirrimarka li l-Parlament Ewropew huwa l-unika istituzzjoni eletta direttament miċ-ċittadini tal-Unjoni u li r-rwol tiegħu fil-proċedura ta' kwittanza għandha konnessjoni diretta mad-dritt taċ-ċittadini li jkunu infurmati dwar kif qed jintefqu l-flus pubbliċi;

16.  Jissottolinja li, skont it-Trattati, il-Parlament huwa l-unika awtorità tal-kwittanza tal-Unjoni, u li, b'rikonoxximent sħiħ tar-rwol tal-Kunsill bħala istituzzjoni li tagħti rakkomandazzjonijiet fil-proċedura ta' kwittanza, trid tinżamm distinzjoni fir-rigward tar-rwoli differenti tal-Parlament u l-Kunsill biex ikun hemm konformità mal-qafas istituzzjonali stabbilit fit-Trattati u fir-Regolament Finanzjarju;

17.  Ifakkar fid-diffikultajiet li nqalgħu ripetutament fil-proċeduri ta' kwittanza sal-lum minħabba nuqqas ta' kooperazzjoni mill-Kunsill u jfakkar li l-Parlament irrifjuta li jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fir-rigward tas-snin finanzjarji 2009 sal-2016;

18.  Jinnota li l-Parlament ippreżenta Proposta għal proċedura ta' kooperazzjoni bejn iż-żewġ istituzzjonijiet fid-9 ta' Novembru 2018; jinnota li l-Kunsill ta risposta għall-proposta tal-Parlament dwar il-proċedura ta' kwittanza tal-Kunsill fit-2 ta' Mejju 2018 bi proposta emendata, u li l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament bagħat ir-reazzjoni tiegħu għall-proposta emendata tal-Kunsill fil-21 ta' Lulju 2018; iħeġġeġ lill-Kunsill jirreaġixxi rapidament għall-aħħar proposti mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, biex b'hekk l-arranġamenti l-ġodda għall-eżerċizzju ta' kwittanza jkunu jistgħu jiġu applikati mill-aktar fis possibbli;

19.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-Kunsill iqis li jeħtieġ li jindirizza l-proċedura ta' kwittanza u huwa miftuħ għas-sejba ta' soluzzjoni flimkien mal-Parlament dwar kif għandhom jikkooperaw f'din il-kwistjoni;

20.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 335 tat-TFUE, "l-Unjoni għandha tkun rappreżentata minn kull waħda mill-istituzzjonijiet, bis-saħħa tal-awtonomija amministrattiva tagħhom, fi kwistjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-operat rispettiv tagħhom", u li, b'konsegwenza, waqt li jitqies l-Artikolu 55 tar-Regolament Finanzjarju, l-istituzzjonijiet huma responsabbli b'mod individwali għall-implimentazzjoni tal-baġits tagħhom;

21.  Jenfasizza l-prerogattiva tal-Parlament li jagħti l-kwittanza skont l-Artikoli 316, 317 u 319 tat-TFUE, f'konformità mal-interpretazzjoni u l-prassi tal-lum, speċifikament li jagħti l-kwittanza b'rabta ma' kull intestatura tal-baġit b'mod separat sabiex jinżammu t-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika lill-kontribwenti tal-Unjoni.

22.  Jistieden lill-Kunsill iħaffef il-proċedura tiegħu għar-rakkomandazzjonijiet dwar il-kwittanza, bil-għan li jippermetti l-kwittanza fis-sena n + 1; jitlob lill-Kunsill jissodisfa r-rwol partikolari tiegħu u jagħti rakkomandazzjonijiet dwar il-kwittanza lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni;

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Wolf Klinz, Arndt Kohn, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

19

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová, Wolf Klinz

EFDD

Marco Valli

ENF

Jean-François Jalkh

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Karin Kadenbach, Arndt Kohn, Georgi Pirinski, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes

0

-

 

 

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU L 51, 28.2.2017.

(2)

ĠU C 348, 28.9.2018, p. 1

(3)

ĠU C 357, 04.10.2018, p. 1

(4)

ĠU C 357, 04.10.2018, p. 9

(5)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1

(6)

ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1

(7)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Marzu 2019Avviż legali