Proċedura : 2018/2171(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0097/2019

Testi mressqa :

A8-0097/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.7

Testi adottati :

P8_TA(2019)0248

RAPPORT     
PDF 195kWORD 65k
27.2.2019
PE 626.820v02-00 A8-0097/2019

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri

(2018/2171(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Arndt Kohn

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri

(2018/2171(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali kkonsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 (COM(2018)0521 – C8-0322/2018)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-awditi interni mwettqa fl-2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 59, 118, 260, 261 u 262 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0097/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Qorti tal-Awdituri għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri

(2018/2171(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima V – Il-Qorti tal-Awdituri,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0097/2019),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u r-responsabilità, permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni (PBB) u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali tal-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") huma awditjati minn awditur estern indipendenti bl-għan li jiġu applikati l-istess prinċipji ta' trasparenza u responsabbiltà li l-Qorti tapplika fil-konfront ta' dawk suġġetti għall-awditjar tagħha; jinnota l-opinjoni tal-awditur li d-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Qorti jagħtu stampa veritiera u ġusta tal-pożizzjoni finanzjarja tagħha;

2.  Jinnota li fl-2017, l-approprjazzjonijiet finali tal-Qorti kienu jammontaw għal total ta' EUR 141 240 000 (meta mqabbla ma' EUR 137 557 000 fl-2016) u li r-rata ta' implimentazzjoni globali għall-baġit kienet ta' 97,73 % (meta mqabbla ma' 99 % fl-2016);

3.  Jenfasizza li l-baġit tal-Qorti huwa wieħed purament amministrattiv u li ammont kbir minnu huwa użat għan-nefqa fuq persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni (Titolu 1) u b'relazzjoni mal-bini, beni mobbli, tagħmir u spejjeż operattivi mixxellanji (Titolu 2); jistieden lill-Qorti tkompli ttejjeb ir-rati ta' eżekuzzjoni tal-pagamenti, b'mod partikolari fir-rigward tat-Titolu 2 fejn ir-rata ta' pagament kienet 55,75 % tal-approprjazzjonijiet finali u 57,13 % tal-impenji (meta mqabbla ma' 52,8 % u 53,8 % rispettivament fl-2016);

4.  Jinnota li r-rata ta approprjazzjoni għall-missjonijiet tal-persunal kienet ta' 87,98 % tal-approprjazzjonijiet finali (meta mqabbla ma' 93,76 % fl-2016); jilqa' l-impenn tal-Qorti li tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura li l-approprjazzjonijiet ta' missjonijiet jintużaw f'konformità mal-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effikaċja.

5.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Qorti fil-proġett interistituzzjonali ta' Ppjanar Integrat fil-Qasam tal-Finanzi u l-Attivitajiet (IFAP), li huwa l-ewwel pass lejn l-implimentazzjoni ta' bbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni bħala parti mill-inizjattiva Baġit tal-UE Ffukat fuq ir-Riżultati; jistieden lill-Qorti tirrapporta lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament fir-rigward tal-progress fir-rapport annwali tal-attività li jmiss;

6.  Jilqa' t-tnedija tal-portal online "Public Audit in the European Union" li fih informazzjoni dwar ix-xogħol u r-rwol tal-29 Istituzzjoni Suprema tal-Awditjar tal-Unjoni u l-Istati Membri; jistieden lill-Qorti tippubblika rapporti qosra tal-attività fil-portal online, li jkun fihom data konkreta dwar l-analiżijiet imwettqa mill-Qorti u mill-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar u r-riżultati konkreti, inklużi l-analiżijiet tal-ispejjeż u l-benefiċċji u l-ammonti rkuprati;

7.  Jirrikonoxxi l-fatt li s-Servizz tal-Awditjar Intern eżamina l-implimentazzjoni tal-istrateġija 2013-2017 tal-Qorti u l-istruttura operattiva tad-Direttorat tal-Presidenza fir-rigward ta' suġġetti bħal-liċenzji tas-software u l-ġestjoni tar-riskju; jilqa' l-fatt li s-Servizz tal-Awditjar Intern iqis li l-proċeduri ta' governanza, ta' ġestjoni tar-riskju u ta' kontroll intern li hemm stabbiliti jipprovdu assigurazzjoni raġonevoli dwar l-ilħuq tal-objettivi tal-Qorti.

8.  Jilqa' l-fatt li l-Qorti ppubblikat il-Kontijiet Finali tagħha sal-31 ta' Marzu 2018 kif irrakkomandat mill-Parlament fil-kwittanza preċedenti tagħha; iħeġġeġ lill-Qorti tissimplifika l-proċeduri tagħha biex sal-31 ta' Marzu tiżgura wkoll il-pubblikazzjoni tar-Rapport Annwali tal-Attività tagħha bil-għan li tottimizza u tħaffef il-proċedura ta' kwittanza; jissuġġerixxi li l-Qorti teżamina, fl-opinjonijiet li jmiss tagħha, il-punt sa fejn l-arranġamenti proposti jippermettu t-tqassir tal-proċedura ta' kwittanza;

9.  Jiddeplora l-fatt li mill-2012 il-Qorti naqset milli tippubblika kwalunkwe rapport speċjali dwar il-ġestjoni tal-kunflitt ta' interess f'aġenziji magħżula tal-Unjoni; iħeġġeġ lill-Qorti tippubblika rapport annwali speċjali dwar il-ġestjoni tal-kunflitt ta' interess fl-aġenziji tal-Unjoni li jaħdmu mal-industriji, jiġifieri l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA), l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA), l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA); jinnota li r-riskju ta' kunflitt ta' interess huwa ogħla għall-aġenziji tal-Unjoni li jaħdmu mal-industriji milli għal aġenziji oħra tal-Unjoni;

10.  Japprezza l-kooperazzjoni bejn il-Qorti u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament; jilqa' l-preżentazzjoni tal-programm ta' ħidma lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati tal-Parlament bi stedina lill-kumitati permanenti kollha tal-Parlament biex jirrakkomandaw kompiti potenzjali ta' awditjar; jilqa' l-fatt li madwar żewġ terzi ta' dawn is-suġġerimenti se jkollhom impatt fuq il-ħidma tal-Qorti; jinnota li l-Parlament ingħata 60 preżentazzjoni, u li saru ħafna laqgħat bilaterali;

11.  Jinnota li r-riskju tal-awditjar fil-qasam tan-nefqa amministrattiva huwa baxx u li l-istimi tar-rata ta' żball kienu taħt il-livell ta' materjalità għal diversi snin; jinnota li l-Qorti għalhekk tikkunsidra li n-numru ta' tranżazzjonijiet ittestjati huwa biżżejjed biex jintlaħqu konklużjonijiet għall-awditu tagħha; jiddispjaċih, madankollu, li l-ambitu tal-kunsiderazzjonijiet fil-Kapitolu 10 tar-rapporti annwali dwar l-"Amministrazzjoni" jippermetti biss rieżami limitat ħafna ta' dgħufijiet fin-nefqa amministrattiva f'kull istituzzjoni; jiddispjaċih li l-analiżi tal-Qorti dwar il-progress li sar mill-Parlament u mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew meta mqabbel mar-rakkomandazzjonijiet tal-2014 għall-"Amministrazzjoni" ma twettqitx, peress li l-awditu tal-Qorti għall-2017 ma kienx jinkludi l-eżami tan-nefqa amministrattiva għal dawn l-istituzzjonijiet; jistieden lill-Qorti tagħti segwitu għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet malajr u tħaffef is-segwitu għar-rakkomandazzjonijiet maħruġa f'dan il-Kapitolu fil-futur;

12.  Jilqa' l-kooperazzjoni tal-Qorti ma' istituzzjonijiet pubbliċi u partijiet ikkonċernati oħra; jinnota b'apprezzament il-kooperazzjoni bejn il-kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (SAIs) u l-adozzjoni ta' pjan ta' ħidma konġunt mill-2018 'il quddiem; jappoġġja, barra minn hekk, is-sħubijiet li saru ma' diversi universitajiet fil-kuntest tal-politika tal-Qorti biex testendi l-firxa ta' taħriġ tagħha;

13.  Jilqa' l-fatt li 92 % tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti maħruġa fl-2014 ġew implimentati sa tmiem l-2017, kif kienu 53 % ta' dawk maħruġa fl-2017;

14.  Jinnota li, skont ir-Regolament Finanzjarju, il-Qorti għandha tiżgura li r-rapporti speċjali jiġu abbozzati u adottati f'perjodu ta' żmien adegwat, li ġeneralment m'għandux ikun aktar minn 13-il xahar. jinnota li fl-2017 il-perjodu mill-bidu ta' ħidma ta' awditjar għall-adozzjoni tar-rapport speċjali ħa medja ta' 14,6-il xahar, filwaqt li anke s-sena qabel il-perjodu ta' żmien stipulat ta' 13-il xahar għat-tfassil ta' rapporti speċjali ma ġiex irrispettat; jiddispjaċih li tmienja biss mir-rapporti speċjali (29 %) ippubblikati matul l-2017 kienu konformi mal-perjodu ta' żmien stipulat ta' 13-il xahar; josserva li t-tul ta' żmien sal-pubblikazzjoni kien ta' 16-il xahar bħala medja, li kien madwar xahrejn inqas mill-2016 u, fid-dawl ta' dan, jistieden lill-Qorti tkompli ttejjeb il-prestazzjoni tagħha, filwaqt li ma tikkompromettix il-kwalità tar-rapporti speċjali u n-natura mmirata tar-rakkomandazzjonijiet tagħha;

15.  Jinnota b'interess li l-Qorti kulma jmur qed tinvolvi lit-tradutturi fl-attivitajiet ċentrali tagħha u b'hekk toħloq aktar sinerġiji mal-awdituri; jinnota li t-tradutturi pprovdew appoġġ għall-abbozzar lill-awdituri għal rapporti speċjali u r-rapport annwali kif ukoll għal 38 żjara ta' awditjar;

16.  Jilqa' l-istrateġija tal-Qorti għall-komunikazzjoni li tindirizza messaġġi ċari lill-udjenza tagħha, u l-attivitajiet ta' komunikazzjoni bil-għan li żżid il-viżibilità u l-impatt medjatiku tagħha, inkluża s-sensibilizzazzjoni dwarha fil-midja soċjali; jilqa' l-użu ta' analitika estensiva tal-midja soċjali biex tifhem aħjar sa liema punt jintlaħqu l-gruppi fil-mira u jekk il-kampanji fil-midja kinux ta' suċċess. iħeġġeġ lill-Qorti tkompli tistinka biex tagħmel l-aħjar użu minn diversi mezzi ta' komunikazzjoni biex tqajjem kuxjenza dwar il-ħidma tagħha fost iċ-ċittadini;

17.  Jilqa' r-rieżami dettaljat tal-użu tal-karozzi uffiċjali mill-membri tal-Qorti u tas-Segretarju Ġenerali mqassma skont l-utent, id-distanza magħmula u l-ispejjeż imħallsa, ipprovduti mill-Qorti fil-qafas tal-proċedura ta' kwittanza 2017; josserva li reġimi differenti japplikaw għal vjaġġi koperti b'ordni ta' missjoni u vjaġġi oħra mwettqa matul il-qadi ta' dmirijiet uffiċjali, sa limitu ta' rimborż ta' 10 000 km fis-sena; jinnota, barra minn hekk, li għall-vjaġġi l-oħra kollha, il-membri u s-Segretarju Ġenerali għandhom iġarrbu kwalunkwe kost relatat oħra; jinnota li 17 % tal-użu kollu tal-vetturi uffiċjali huma għal użu mhux professjonali; jinnota li x-xufiera li għandhom il-kompitu li jwasslu lill-membri fuq missjonijiet uffiċjali u vjaġġi bi protokoll jintalbu jkopru diversi kompiti amministrattivi, kif iddikjarat mill-Qorti fil-qafas tal-proċedura ta' kwittanza 2017; jistieden lill-Qorti twettaq analiżi dettaljata tal-vjaġġi taħt il-kategorija "Ivvjaġġar ieħor imwettaq fil-qadi ta' dmirijiet uffiċjali";

18.  Jilqa' l-fatt li d-Deċiżjoni 81-2016, li naqqset il-limitu annwali għar-rimborż għal vjaġġi mwettqa fit-twettiq ta' dmirijiet uffiċjali minn 15 000 sa 10 000 km, irriżultat fl-iffrankar ta' madwar 15 %; jinsab imħasseb, madankollu, li r-reġim attwali għadu jirriżulta f'piż sproporzjonat f'termini ta' amministrazzjoni u dokumentazzjoni; jistieden lill-Qorti biex tagħmel aktar simplifikazzjonijiet filwaqt li ttejjeb l-affidabilità tas-sistema għas-saldi; jissuġġerixxi li l-membri tal-Qorti jitħallsu allowance ta' kull xahar, ikkalkolata proporzjonalment mal-prezz tal-lista tal-vettura uffiċjali rispettiva tagħhom, minflok is-sistema attwali li hija bbażata fuq id-distanza magħmula;

19.  Jinnota li l-kards tal-fjuwil huma assenjati għal vetturi uffiċjali speċifiċi u li l-persuna li ssuq dik il-vettura tista' tużahom biex tħallas il-petrol u l-pedaġġi matul il-missjonijiet; jinnota li l-membri tal-Qorti u s-Segretarju Ġenerali jistgħu jitolbu kards tal-fjuwil għall-vettura diplomatika tagħhom stess, iżda l-kost reali sħiħ tal-petrol jitħallas minnhom;

20.  Jinnota l-fatt li l-proġett li għaddej tal-Qorti biex tissaħħaħ is-sigurtà tal-istituzzjoni u tal-persunal mexa 'l quddiem skont il-pjan; jinnota li ċ-ċentru l-ġdid għall-kontroll tas-sigurtà, iċ-ċentru estern tal-akkreditazzjoni u ċ-ċentru għall-kontroll tal-aċċess għall-persunal u l-viżitaturi issa qed joperaw.

21.  Jilqa' l-fatt li l-Qorti kisbet ċertifikazzjoni taħt l-Iskema ta' Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS); jilqa' l-miżuri tal-Qorti biex ittejjeb il-ġestjoni tal-iskart tagħha, iżżid l-effiċjenza enerġetika tagħha u tnaqqas il-marka tal-karbonju tagħha u jħeġġiġha tkompli bl-isforzi tagħha f'din id-direzzjoni; jilqa' t-tnaqqis notevoli fl-ispejjeż tal-enerġija;

22.  Jinnota li t-tnaqqis ta' 5 % fl-għadd tal-membri tal-persunal tul il-perjodu 2013-2017 inkiseb f'konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet finanzjarji u dwar amministrazzjoni finanzjarja tajba(7) b'kontribut globali ta' 45 post; jinnota li l-Qorti naqqset post wieħed aktar mill-mira għall-perjodu 2013-2017; jinnota li l-għadd ta' aġenti kuntrattwali żdied minn 59 għal 73 matul l-istess perjodu, li huwa prinċipalment dovut għat-tisħiħ tal-miżuri ta' sigurtà fil-bini tal-Qorti; jinnota li l-Qorti ssimplifikat il-proċeduri bl-użu ta' għodod tal-IT u d-diġitalizzazzjoni u billi esternalizzat diversi kompiti lill-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni u l-Ħlas tal-Intitolamenti Individwali (PMO) tal-Kummissjoni sabiex jiġu implimentati l-objettivi ta' tnaqqis tal-persunal;

23.  Jinnota li l-Qorti, sabiex tkun allinjata mar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabilisti, għandha l-għan li tipprovdi medja annwali ta' 40 siegħa (ħamest ijiem) ta' taħriġ professjonali lill-awdituri tagħha; josserva li fl-2017 il-mira inqabżet b'6,7 ijiem ta' taħriġ professjonali għal kull awditur;

24.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fil-liv tal-mard meħud mill-persunal minn total ta' 8 636 jum (għal 687 membru tal-persunal) fl-2015 għal 10 327 jum (għal 677 membru tal-persunal) fl-2017; jilqa' t-trasparenza tal-Qorti rigward l-għadd ta' każijiet ta' eżawriment mentali tal-persunal li seħħew fl-2017; jistieden lill-Qorti tirrikonoxxi din it-tendenza inkwetanti u tħejji pjan ta' azzjoni dwar titjib fil-benesseri tal-persunal, biex b'hekk issaħħaħ l-isforzi tagħha biex ittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

25.  Jinnota li l-livell baxx ta' salarji bażiċi għall-gradi tal-bidu u l-opportunitajiet limitati ta' żvilupp fil-karriera fil-Lussemburgu, minħabba n-numru baxx ta' istituzzjonijiet li jinsabu hemm, għandhom impatt dirett fuq il-proċeduri ta' reklutaġġ tal-Qorti; jilqa' l-ħolqien ta' task force interistituzzjonali f'Novembru 2017 li għamel 24 rakkomandazzjoni dwar prospetti aħjar ta' karriera u flessibbiltà ta' reklutaġġ, kundizzjonijiet aħjar ta' akkoljenza u ta' akkomodazzjoni fil-pajjiż, integrazzjoni aħjar tal-persunal tal-istituzzjoni fis-soċjetà lokali u komunikazzjoni mtejba;

26.  Jilqa' l-fatt li 43 % tal-awdituri u l-amministraturi kienu nisa fl-2017 u li l-bilanċ bejn is-sessi fil-proċedura ta' promozzjoni nkiseb fil-kuntest tal-Pjan ta' Azzjoni għall-Politika ta' Opportunitajiet Ugwali 2013-2017; jinnota li s-sehem tan-nisa fil-pożizzjonijiet ta' ġestjoni fil-kmamar tal-awditjar żdied minn 7 % fl-2015 għal kważi 20 % fl-2017; jiddispjaċih, madankollu, li 2 biss minn 11-il Direttur u 7 minn 29 Kap ta' Kabinett fl-2017 kienu nisa; jilqa' l-adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni għal Opportunitajiet Ugwali għall-2018-2020 u jistieden lill-Qorti tkompli bl-isforzi tagħha biex tippromwovi l-bilanċ bejn is-sessi f'pożizzjonijiet ta' ġestjoni;

27.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li, mill-1 ta' Mejju 2018, 6 biss minn 28 membru tal-Qorti kienu nisa; ifakkar li l-Parlament enfasizza l-kwistjoni ta' żbilanċ bejn is-sessi fost il-membri tal-Qorti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 dwar ir-rwol tal-Qorti tal-Awdituri fil-ġejjieni. Il-proċedura għall-ħatra tal-Membri tal-Qorti tal-Awdituri: Konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew(8) , u jħeġġeġ lill-Istati Membri jinkoraġġixxu b'mod aktar attiv lin-nisa biex japplikaw għal pożizzjonijiet bil-ħsieb ta' pożizzjonijiet vakanti fil-futur; itenni li l-Kunsill għandu jippreżenta lill-Parlament mill-inqas żewġ kandidati, li waħda minnhom tkun mara u l-ieħor raġel, matul il-proċedura tal-ħatra;

28.  Jinnota li fl-2017 ma ġie rappurtat, investigat jew konkluż l-ebda każ ta' fastidju; jilqa' l-fatt li l-Qorti tieħu diversi miżuri biex tqajjem kuxjenza dwar il-fastidju fl-ambjent tax-xogħol, inkluż it-taħriġ għal min ikun ġdid; jinnota b'apprezzament li huma previsti proċeduri u penali bħala segwitu għall-ilmenti kontra membri tal-persunal, kif ukoll kontra membri tal-Qorti; iħeġġeġ lill-Qorti timmonitorja mill-qrib l-effikaċja tal-politika tagħha f'dan ir-rigward, tkompli tqajjem kuxjenza dwar il-fastidju fuq il-post tax-xogħol u trawwem kultura ta' tolleranza żero fir-rigward tal-fastidju;

29.  Jinnota li fl-2017 ma kien hemm l-ebda każ ta' żvelar ta' informazzjoni protetta; jinnota li s-Servizz Legali tal-Qorti jaġixxi bħala korp ta' divulgazzjoni, ta' konsulenza u ta' riferiment għall-informaturi interni u esterni; jinnota, barra minn hekk, li hemm stabbilit netwerk ta' konsulenti tal-etika biex jagħtu parir dwar l-għoti ta' informazzjoni f'każijiet ta' irregolaritajiet, kif speċifikat fir-regoli ta' proċeduri tal-Qorti; jissottolinja li kull membru tal-persunal huwa obbligat li jirrapporta dwar irregolaritajiet, kemm frawdolenti kif ukoll mhux frawdolenti, lis-Servizz Legali tal-Qorti; jistieden lill-Qorti tipproteġi l-identità tal-membri tal-persunal li jirrapportaw irregolaritajiet sabiex tippermetti investigazzjonijiet xierqa; jistieden lill-Qorti tiżgura li l-membri kollha tal-persunal jiġu infurmati kif xieraq dwar id-drittijiet tagħhom, pereżempju waqt proċeduri ta' induzzjoni għal persunal ġdid; jilqa' l-opinjoni tal-Qorti ppubblikata f'Ottubru 2018, wara d-Direttiva proposta mill-Kummissjoni dwar il-protezzjoni ta' persuni li jirrapportaw ksur tad-dritt tal-Unjoni kif ippubblikata fil-23 ta' April 2018; jissottolinja l-importanza tas-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ tal-persunal, biex jiġi promoss ambjent pożittiv u ta' fiduċja, li fih, l-iżvelar ta' informazzjoni protetta huwa parti aċċettata tal-kultura korporattiva.

30.  Jinnota li fl-2017 il-Qorti kkomunikat 13-il każ ta' suspett ta' frodi lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF), meta mqabbel ma' 11 fl-2016, li ġew identifikati matul ix-xogħol tad-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni għas-snin finanzjarji 2016 u 2017 u fi ħdan kompiti oħra ta' awditjar; jilqa' n-negozjati li għaddejjin bejn il-Qorti u l-OLAF dwar arranġament amministrattiv ġdid; jitlob li jinżamm infurmat dwar żviluppi fir-rigward tar-relazzjonijiet mal-OLAF kif ukoll dwar it-tħejjijiet għal kooperazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew propost (UPPE);

31.  Jiddispjaċih li l-membri tal-Qorti jistgħu jkunu assenti mill-Qorti mingħajr ġustifikazzjoni u mingħajr ma jkollhom għalfejn jitolbu liv għal jum wieħed jew aktar; jinnota b'apprezzament li l-Qorti introduċiet reġistru ta' attendenza biex tirreġistra l-preżenza tal-membri fil-laqgħat tal-Qorti, il-kmamar u l-kumitati tagħha; jinnota li l-Qorti tippubblika kalendarju ta' dawn il-laqgħat kollha fuq il-paġna web tagħha; jistieden lill-Qorti tistabbilixxi proċeduri għaż-żamma ta' reġistru tal-liv annwali, il-liv tal-mard u assenza mix-xogħol tal-membri għal raġuni oħra biex tiżgura li l-liv kollu meħud mill-membri jiġi effettivament irreġistrat; jenfasizza li l-prattika attwali tista' ddgħajjef il-fiduċja taċ-ċittadini u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-Qorti;

32.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 285 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-membri tal-Qorti għandhom ikunu kompletament indipendenti fil-qadi ta' dmirijiethom u għandhom jaġixxu biss fl-interess ġenerali tal-Unjoni; huwa mħasseb dwar in-natura awtodikjaratorja attwali ta' konformità ma' dan il-kriterju u jħeġġeġ lill-Qorti tiżviluppa kontrolli aktar b'saħħithom fuq l-attivitajiet esterni tal-membri biex tiżgura li dawn jagħmlu dikjarazzjonijiet ta' interess u jagħtu prova tal-assenza ta' kunflitti ta' interess; jissottolinja li l-proċeduri attwali, inkluż il-Kumitat tal-Etika, jeħtieġ li jissaħħu biex jiġi żgurat li ma jkunx hemm kunflitt ta' interessi; jilqa' l-evalwazzjoni bejn il-pari esterna li għaddejja bħalissa tal-qafas etiku tal-Qorti u jitlob li jinżamm infurmat dwar l-eżitu;

33.  Jiddispjaċih li l-informazzjoni mitluba fl-ordnijiet ta' missjoni fil-passat kienet insuffiċjenti u ma ppermettietx lill-Qorti tivvaluta jekk l-attività ppjanata mill-membri tal-Qorti taqax fil-qasam ta' interess tal-Qorti; jistieden lill-Qorti żżid l-ammont ta' informazzjoni rikjesta kif xieraq sabiex tipprevjeni abbużi possibbli u tirrapporta lill-awtorità tal-kwittanza dwar il-bidliet applikati; jinnota li wara r-reviżjoni tar-regoli dwar il-missjoni uffiċjali tal-Qorti(9), il-Qorti tippubblika, fuq bażi trimestrali, informazzjoni dwar il-missjoni tal-Membri;

34.  Josserva b'interess, madankollu, li l-Qorti, minn Ottubru 2016, bdiet issaħħaħ il-kontrolli interni u l-proċeduri finanzjarji b'rabta mal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u l-ġestjoni tal-vetturi uffiċjali billi adottat regoli ġodda għall-użu tal-karozzi u s-sewwieqa li issa huma ġestiti minn tim ċentrali(10) , regoli ġodda għall-infiq għall-missjonijiet(11) u regoli ġodda għall-ispejjeż tar-rappreżentazzjoni tal-membri tal-Qorti(12) mas-Segretarju Ġenerali bħala uffiċjal awtorizzanti b'delega għan-nefqa relatata mal-missjonijiet tal-membri tal-Qorti(13) u billi tuża l-istess sistema li tmexxi l-missjonijiet ta' kwalunkwe membru ieħor tal-persunal tal-istituzzjoni;

35.  Jinnota li d-deċiżjoni tal-Qorti, fir-rigward tal-perjodu 2012-2018, biex twettaq awditu intern komprensiv tal-ispejjeż tal-missjonijiet u l-użu tal-karozzi uffiċjali mill-membri kollha tal-Qorti, is-Segretarju Ġenerali u d-Diretturi, sabiex tidentifika irregolaritajiet potenzjali u tirkupra l-ammonti affettwati minn tali irregolaritajiet; jitlob li jiġi infurmat dwar ir-riżultati fil-pront meta jiġi konkluż l-awditu u jistieden lill-Qorti tieħu l-miżuri kollha meħtieġa malajr biex tindirizza d-dgħufijiet potenzjali identifikati f'dan il-proċess; barra minn hekk, jistieden lill-Qorti tipprovdi lista annwali tal-missjonijiet imwettqa, inkluż, għal kull missjoni, id-dati, il-kost sħiħ u l-iskop;

36.  Ifakkar fil-kriterji rakkomandati għall-ħatra ta' membri għall-Qorti mill-Istati Membri u l-Kunsill kif approvat mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-4 ta' Frar 2014; jissottolinja li l-istandards għoljin ta' integrità u moralità kienu kriterju importanti u li l-kandidati m'għandu jkollhom l-ebda kariga eletta jew ebda responsabbiltà fir-rigward ta' partit politiku mid-data tal-ħatra tagħhom 'il quddiem; huwa tal-fehma li l-proċedura tal-għażla għandha tiġi adattata ulterjorment biex jiġi żgurat li l-kandidati jkollhom il-kwalifiki rilevanti u jissodisfaw il-kundizzjonijiet rilevanti; jissuġġerixxi li l-proċedura ta' preselezzjoni għall-imħallfin fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tista' sservi bħala mudell għal proċedura ta' preselezzjoni indipendenti għall-membri tal-Qorti;

37.  Jinnota li d-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea mhu ser ikollha ebda impatt maġġuri fuq l-istruttura u r-riżorsi umani tal-Qorti; jilqa' l-fatt li l-Qorti ddeċidiet li ssegwi approċċ każ b'każ biex tiddeċiedi dwar l-estensjoni ta' kuntratti għal aġenti temporanji u kuntrattwali Brittaniċi u li ma tkeċċihomx fuq l-unika raġuni li ma għadhomx ċittadini ta' Stat Membru; jistieden lill-Qorti tiżviluppa malajr strateġija koerenti biex tipprovdi ċertezza għall-persuni kkonċernati; jinnota, barra minn hekk, li l-membru tal-Qorti mir-Renju Unit mhux se jkun fis-servizz mill-1 ta' April 2019 u li l-impatt baġitarju tat-tluq tiegħu, tmien xhur qabel ma jintemm il-mandat tiegħu, se jammonta għal madwar EUR 108 000.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Wolf Klinz, Arndt Kohn, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

17

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová, Wolf Klinz

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Karin Kadenbach, Arndt Kohn, Georgi Pirinski, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes

0

-

 

 

2

0

EFDD

Marco Valli

ENF

Jean-François Jalkh

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU L 51, 28.2.2017.

(2)

ĠU C 348, 28.9.2018, p. 1.

(3)

ĠU C 357, 04.10.2018, p. 1.

(4)

ĠU C 357, 04.10.2018, p. 9.

(5)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1

(6)

ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1

(7)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(8)

Testi adottati, P7_TA(2014)0060

(9)

Id-Deċiżjoni Nru 61-2017 tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar l-ispejjeż tal-missjonijiet tal-Membri tal-Qorti

(10)

Il-minuti għall-218-il laqgħa tal-Kumitat Amministrattiv li saret nhar il-Ħamis, 6 ta' Ottubru 2016, il-punt 7

(11)

Id-Deċiżjoni Nru 61-2017 tal-14 ta' Diċembru 2017 dwar l-ispejjeż tal-missjonijiet tal-Membri tal-Qorti

(12)

Id-Deċiżjoni Nru 60-2017 tal-14 ta' Diċembru dwar ir-regoli għall-ġestjoni tal-ispejjeż tar-rappreżentazzjoni tal-Membri

(13)

Id-Deċiżjoni Nru 58-2017 tal-14 ta' Diċembru 2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri li tistabbilixxi r-regoli interni għall-implimentazzjoni tal-baġit; Id-Deċiżjoni 59-2017 tal-14 ta' Diċembru 2017 tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-istatut tal-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-uffiċjal awtorizzanti b'delega u l-uffiċjali awtorizzanti b'sottodelega

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2019Avviż legali