Proċedura : 2018/2169(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0098/2019

Testi mressqa :

A8-0098/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.6

Testi adottati :

P8_TA(2019)0247

RAPPORT     
PDF 196kWORD 66k
27.2.2019
PE 626.818v02-00 A8-0098/2019

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

(2018/2169(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Arndt Kohn

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

(2018/2169(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 (COM(2018)0521 – C8-0321/2018)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Ġustizzja lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-awditi interni mwettqa fl-2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 59, 118, 260, 261 u 262 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0098/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

(2018/2169(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0098/2019),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani,

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li, fir-rapport annwali tagħha għall-2017, il-Qorti tal-Awdituri ma identifikat l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tas-suġġetti awditjati relatati mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ("il-QĠUE");

2.  Jilqa' l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2015 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-QĠUE kienu ħielsa minn żbalji materjali;

3.  Jinnota li l-approprjazzjonijiet ammontaw għal EUR 399 344 000 (EUR 380 002 000 fl-2016) u li r-rata ta' implimentazzjoni kienet ta' 98,69 % (98,23 % fl-2016) fl-2017; jinnota r-rata għolja ta' implimentazzjoni tal-baġit kemm għat-Titolu 1 (persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni) kif ukoll għat-Titolu 2 (bini, għamara, tagħmir u nefqa operattiva varja) li tammonta għal 98,6 % u 99,1 % meta mqabbla ma' 98,1 % u 98,6 % fl-2016;

4.  Jinnota li l-approprjazzjonijiet riportati mill-2016 għall-2017 kienu ta' EUR 22 240 120,22, li minnhom 86,26 % (EUR 19 188 159,20) intużaw fl-2017 meta mqabbla ma' 90 % fl-2016;

5.  Jinnota li l-intitolamenti stabbiliti fis-sena finanzjarja 2017 ammontaw għal EUR 51 677 001 u kienu 3,6 % inqas mid-dħul stmat li kien aktar minn EUR 53 595 000,00; jinnota li din id-diskrepanza hija prinċipalment dovuta għan-nomina tardiva ta' 3 imħallfin ġodda minn 19-il imħallef ġdid fil-kuntest tar-riforma tal-QĠUE, li rriżultat fi spejjeż ta' persunal aktar baxxi milli mistenni;

6.  Jieħu nota li fl-2017 il-QĠUE allokat EUR 850 000 għall-ħlas ta' danni, mogħtija mill-Qorti Ġenerali abbażi tan-nuqqas li tingħata deċiżjoni f'perjodu ta' żmien raġonevoli fil-kuntest ta' tliet kawżi magħluqa mill-Qorti Ġenerali fl-2011 u fl-2013;

7.  Jinnota li l-QĠUE ssopravvalutat l-impenji tagħha għal linji baġitarji varji li jidħlu fil-Kapitolu 14 "Persunal ieħor u servizzi esterni", inter alia għall-missjonijiet (linja baġitarja 162), wara li ġew impenjati EUR 342 000 fl-2017 filwaqt li l-pagamenti ammontaw biss għal EUR 204 795,27, u ssopravvalutat aktar taħriġ (linja baġitarja 1612), wara li ġew impenjati EUR 1 457 644,07 filwaqt li l-pagamenti ammontaw biss għal EUR 579 000,04; jinnota li l-QĠUE naqset it-talba tagħha għal approprjazzjonijiet għal missjonijiet tal-Membri għal EUR 299 750 meta fasslet l-estimi tagħha għall-2019 bi tweġiba għall-osservazzjoni tal-Parlament fir-rapport ta' kwittanza tiegħu għas-sena 2016; jistieden lill-QĠUE tkompli bl-isforzi tagħha biex tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba sabiex jiġu evitati diskrepanzi sinifikanti bejn l-impenji u l-pagamenti;

8.  Jinnota li r-rata ta' implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet finali li jirriżultaw mill-kapitolu relatat ma' laqgħat u konferenzi fl-2017 kienet ta' 81.40 % meta mqabbla ma' rata ta' 95.5 % fl-2016; jappella lill-QĠUE tkompli taħdem rigward din il-kwistjoni sabiex, tal-anqas, terġa' tintlaħaq l-istess rata ta' implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet finali għal dak il-kapitolu hekk kif intlaħqet fl-2016;

9.  Jinnota li EUR 8,72 miljun ġew trasferiti għal-linja baġitarja 2001 (kiri/xiri) għall-proġett tal-ħames estensjoni tal-bini tal-QĠUE insegwitu ta' bilanċ pożittiv fil-baġit; jinnota li t-trasferiment tal-approprjazzjonijiet kien soġġett għal notifika lill-awtorità baġitarja skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 25(1) u (2) tar-Regolament Finanzjarju; jinnota li, sa issa, il-prepagamenti li saru bi ftehim mal-awtorità baġitarja mill-2007, li jammontaw għal EUR 57,3 miljun, għamluha possibbli li jitnaqqas b'mod sinifikanti l-impatt fuq il-baġit tal-ħlasijiet tal-kiri/xiri li għandhom isiru sal-2026;

10.  Jinnota li kważi 75 % tal-baġit tal-QĠUE ġie allokat għan-nefqa fuq il-membri u l-persunal (Titolu 1), u kważi 25 % ġie allokat għan-nefqa fuq l-infrastruttura (Titolu 2), b'mod partikolari l-binjiet u t-teknoloġiji tal-informazzjoni; jilqa' l-impenn tal-QĠUE li testendi l-metodoloġija tal-ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni għal partijiet rilevanti tal-baġit tagħha; jistieden lill-QĠUE żżomm lill-awtorità ta' kwittanza informata dwar il-kisbiet relatati mal-applikazzjoni tal-prinċipji ta' bbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni;

11.  Jisħaq fuq l-introduzzjoni ta' bbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni ma għandhiex tapplika biss għall-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja kollu kemm hu, iżda għandha tinkludi wkoll l-iffissar ta' objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, realistiċi u marbuta mal-ħin (SMART) għad-dipartimenti individwali, l-unitajiet u l-pjanijiet annwali tal-persunal, u tistabbilixxi indikaturi rilevanti għat-tfassil tal-istimi tal-istituzzjoni; jappella għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja tintroduċi l-prinċipju ta' bbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni b'mod usa' fl-operazzjonijiet tagħha;

12.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li, bil-maqlub tal-kunċetti relatati bħal-leġittimità, ir-reattività, jew it-trasparenza, ir-responsabbiltà – sal-lum – kienet ta' ftit rilevanza fid-definizzjoni tal-awtorità tal-QĠUE;

13.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-QĠUE li tissemplifika l-proċeduri tagħha sabiex tippubblika r-Rapport ta' Attività Annwali tagħha sal-31 ta' Marzu 2019 bil-ħsieb li l-proċedura ta' kwittanza tkun ottimizzata u titlesta aktar malajr;

14.  Jilqa' l-fatt li l-QĠUE bdiet il-ħidma tagħha fuq l-iżvilupp ta' Sistema Integrata ta' Ġestjoni tal-Kawżi li ser tissostitwixxi sett ta' applikazzjonijiet żviluppati matul l-aħħar 25 sena u li ser tinkludi komponent dwar il-kompjuterizzazzjoni tal-indikaturi ta' prestazzjoni u l-istrumenti ta' rappurtar;

15.  Jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri skont liema l-QĠUE għandha tikkunsidra l-adozzjoni ta' proċeduri ta' ġestjoni tal-kawżi aktar attivi bbażati fuq approċċ individwali u skadenzi realistiċi, filwaqt li tissorvelja mill-qrib l-użu tal-ħaddiema u tadotta metodi addizzjonali ta' razzjonalizzazzjoni amministrattiva;

16.  Jinnota li 4,8 % biss tal-baġit totali tal-QĠUE kien iddedikat għall-informazzjoni teknoloġika (IT) u t-telekomunikazzjoni; jenfasizza l-importanza li jiġu introdotti flussi ta' informazzjoni u ta' dokumentazzjoni mingħajr karti li jiżguraw komunikazzjoni rapida u effiċjenti u jistieden lill-QĠUE tkompli ssegwi l-miżuri meħtieġa biex tikseb dak l-għan; jilqa' f'dan ir-rigward iż-żieda fl-użu tal-applikazzjoni "e-Curia" u jistieden lill-QĠUE tistinka biex fil-futur qrib id-dokumenti proċedurali kollha jitressqu permezz ta' din l-applikazzjoni; jilqa' l-fatt li, sa mill-2016, l-Istati Membri kollha jużaw "e-Curia" u dan juri kif l-għarfien tal-pubbliku dwar l-eżistenza u l-vantaġġi ta' din l-applikazzjoni infirex b'mod effiċjenti;

17.  Jinnota li l-għadd totali ta' kawżi mressqa quddiem il-QĠUE fl-2017 (1656 kawża) kien ogħla milli fl-2016 (1604 kawża) u li l-għadd ta' kawżi magħluqa fl-2017 baqa' f'livell għoli (1594 kawża meta mqabbel ma' 1628 kawża fl-2016); jinnota li t-tul medju tal-proċedimenti naqas minn 16,7-il xahar fl-2016 għal 16,3-il xahar fl-2017; jilqa' t-titjib fl-effiċjenza li wassal għal żieda fl-għadd annwali ta' kawżi magħluqa b'29,6 % matul il-perjodu 2010-2017, filwaqt li l-għadd ta' kawżi ġodda żdied b'mod kostanti;

18.  Jikkonkludi li l-QĠUE tista' ttejjeb aktar dawn ir-riżultati pożittivi jekk tikkunsidra li tipproċedi lejn ġestjoni tal-kawżi individwali aktar attiva, tuża perjodi ta' żmien immirati u timmonitorja l-użu effikaċi tar-riżorsi umani użati; jisħaq fuq li l-kejl tal-prestazzjoni fuq din il-bażi, minflok ma jintużaw perjodi ta' żmien indikattivi li, bħala medja, iridu jiġu rrispettati, jinforma lill-amministrazzjoni kemm dwar kawżi problematiċi kif ukoll dwar elementi ta' prattika tajba; jissottolinja li din l-informazzjoni tista' tintuża wkoll biex ittejjeb ir-rappurtar dwar il-prestazzjoni sabiex tissaħħaħ ir-responsabbiltà, u b'hekk jingħata fehim approfondit dwar il-funzjonament xieraq tal-QĠUE u dwar l-użu tar-riżorsi disponibbli tagħha;

19.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-QĠUE biex ittejjeb l-effiċjenza fil-ġestjoni tal-kawżi, wara r-rakkomandazzjonijiet mill-Qorti tal-Awdituri fl-analiżi tagħha tal-prestazzjoni tal-QĠUE fil-ġestjoni tal-kawżi(7); jilqa' l-fatt li l-QĠUE żviluppat skedi ta' żmien u għodod ta' monitoraġġ li huma mfassla għal ċerti tipi ta' proċedimenti; jinnota li t-tul tal-proċedimenti huwa fattur wieħed fost l-oħrajn li għandu jiġi kkunsidrat fl-evalwazzjoni ta' sistema ta' qorti; jistieden lill-QĠUE tkompli ttejjeb il-prestazzjoni tagħha billi ssegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri, filwaqt li ma tikkompromettix il-kwalità, l-effiċjenza u l-indipendenza tas-sentenzi tagħha;

20.  Jinnota li l-QĠUE għandha tiggarantixxi ġustizzja ta' kwalità impekkabbli, fi żmien raġonevoli, filwaqt li bħala istituzzjoni tal-Unjoni, trid tiżgura wkoll li tuża l-fondi pubbliċi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha bl-aktar mod effiċjenti u effikaċi possibbli, u skont il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba;

21.   Jieħu nota tal-ispjegazzjonijiet mill-QĠUE fis-segwitu tagħha għall-kwittanza tal-2016 li l-vaganzi ġudizzjarji ma jikkorrispondux għal perjodu ta' interruzzjoni tal-attività ġudizzjarja; jinnota li l-imħallfin u l-uffiċċji tagħhom iqisu ġimgħat bojod bħala żmien privileġġjat biex jaħdmu fuq il-kawżi tagħhom stess, jiġifieri l-kawżi li għalihom huma mħallfin rapporteur;

22.  Jilqa' l-inizjattiva li jinħoloq "Netwerk Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea" li jinkludi l-Qrati Kostituzzjonali u l-Qrati Supremi tal-Istati Membri biex tiġi promossa l-każistika tal-Unjoni u l-ġurisprudenza tal-Istati Membri;

23.  Jilqa' l-kisbiet li saru mill-QĠUE f'termini ta' attivitajiet ta' komunikazzjoni biex iżżid il-viżibilità u l-impatt medjatiku tagħha, inkluża żieda tal-preżenza tagħha fil-midja soċjali u l-organizzazzjoni ta' seminars ta' informazzjoni għall-ġurnalisti; jinkoraġġixxi lill-QĠUE tkompli tistinka biex tagħmel l-aħjar użu minn diversi mezzi ta' komunikazzjoni biex tqajjem kuxjenza dwar il-ħidma tagħha fost iċ-ċittadini;

24.  Jinnota li t-tnaqqis ta' 5 % fl-għadd tal-membri tal-persunal tul il-perjodu 2013-2017 inkiseb f'konformità mal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet finanzjarji u dwar amministrazzjoni finanzjarja tajba(8) b'kontribut globali ta' 98 post; jinnota li sadanittant, inħolqu 130 post ġdid minħabba ż-żieda fl-għadd ta' mħallfin u l-avukati ġenerali kif ukoll seba' postijiet ġodda għall-miżuri ta' sigurtà, 63 post ġdid għall-adeżjoni tal-Kroazja u disgħa għat-traduzzjoni għall-Irlandiż;

25.  Jinnota li t-tnaqqis fil-persunal ipoġġi pressjoni sinifikanti fuq xi servizzi ta' appoġġ; jinsab imħasseb, b'mod partikolari, li s-servizzi lingwistiċi rrinunzjaw għal 64 post, li jirrappreżentaw madwar 60 % tat-tnaqqis totali; jinnota li t-tneħħija tal-postijiet affettwat il-kapaċità interna tal-produzzjoni lingwistika u wasslet għal żieda fil-kollaborazzjoni ma' tradutturi indipendenti;

26.  Jilqa' l-kooperazzjoni interistituzzjonali dwar ir-riallokazzjoni ta' interpreti ta' konferenzi awżiljarji li kellha tiġi kkanċellata fil-kuntest ta' bidliet fl-approċċ tal-QĠUE għal interpretazzjoni f'konferenzi;

27.  Jilqa' r-rata għolja ta' okkupazzjoni ta' postijiet fis-servizzi kollha (kważi 98 %); jinnota, madankollu, li l-livell baxx tas-salarji bażiċi għall-gradi tal-bidu u l-opportunitajiet limitati ta' żvilupp fil-karriera fil-Lussemburgu, minħabba n-numru baxx ta' istituzzjonijiet li jinsabu hemm, għandhom impatt dirett fuq il-proċeduri ta' reklutaġġ tal-QĠUE; jilqa' l-ħolqien ta' task force interistituzzjonali f'Novembru 2017 li fformula 24 rakkomandazzjoni dwar prospetti aħjar ta' karriera u flessibbiltà ta' reklutaġġ, kundizzjonijiet aħjar ta' akkoljenza u ta' akkomodazzjoni fil-pajjiż, integrazzjoni aħjar tal-persunal tal-istituzzjoni fil-komunità lokali u komunikazzjoni aqwa;

28.  Jirrimarka li allokazzjoni aktar flessibbli tar-référendaires eżistenti jista' jkollha impatt pożittiv fuq l-effikaċja globali tal-Qorti;

29.  Jinnota ż-żieda żgħira fl-għadd ta' nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali, li kienet 36 % fl-2017 meta mqabbla ma' 35 % fl-2016; jistieden lill-QĠUE tkompli ttejjeb il-bilanċ bejn is-sessi f'pożizzjonijiet maniġerjali u superjuri; jilqa' l-proġett pilota għall-iżvilupp ta' ħiliet maniġerjali u ta' ġestjoni mmirati b'mod partikolari biex jinkoraġġixxu lin-nisa japplikaw għal karigi maniġerjali; jinkoraġġixxi lill-QĠUE tippromwovi miżuri ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata indirizzati lill-persunal tal-ġeneri kollha;

30.  Jilqa' l-informazzjoni pprovduta lill-persunal kollu fid-dħul tas-servizz li hija wkoll disponibbli fuq il-vademecum tal-persunal dwar l-arranġamenti eżistenti flessibbli tax-xogħol; jilqa' t-trasparenza tal-QĠUE f'termini ta' każijiet ta' burn-out tal-persunal u jħeġġeġ lill-QĠUE tivvaluta d-distribuzzjoni tal-ammont ta' xogħol fi ħdan l-organizzazzjoni u tivverifika l-qbil bejn il-kompiti u r-riżorsi;

31.  Jinnota li proċedura dixxiplinari, miftuħa fl-2016, sabiex jiġi investigat ilment ta' fastidju, ingħalqet fl-2017; jilqa' l-ħatra tan-netwerk ta' konsulenti kunfidenzjali li jistgħu jiġu kkuntattjati għal parir jew assistenza fil-każ ta' fastidju psikoloġiku jew sesswali; jinkoraġġixxi lill-QĠUE timmonitorja mill-qrib l-effiċjenza tal-politika tagħha f'dan ir-rigward, tkompli tqajjem kuxjenza dwar il-fastidju fuq il-post tax-xogħol u trawwem kultura ta' tolleranza żero fir-rigward tal-fastidju;

32.  Itenni li l-bilanċ ġeografiku, jiġifieri d-distribuzzjoni ta' persunal skont in-nazzjonalità abbażi tas-sehem tal-popolazzjoni ta' Stat Membru partikolari bħala proporzjon tal-popolazzjoni globali tal-Unjoni, b'mod partikolari f'pożizzjonijiet maniġerjali, għandu jiġi mmonitorjat mill-qrib; itenni t-tħassib tiegħu li 15 biss minn 56 kap ta' unità tal-QĠUE u 2 minn 13-il Direttur tagħha kienu minn Stati Membri li ssieħbu fl-Unjoni minn Mejju 2004; jinnota wkoll li 31 % tal-persunal tal-QĠUE jiġu minn dawk l-Istati Membri; jinkoraġġixxi lill-QĠUE tiżviluppa politika biex ittejjeb l-iżbilanċ ġeografiku u tirrapporta lura għand l-awtorità tal-kwittanza;

33.  Jilqa' b'sodisfazzjon iż-żieda ta' traineeships remunerati mill-QĠUE minn 57 fl-2016 għal 82 fl-2017; jilqa', barra minn hekk, il-fatt li l-QĠUE talbet ammont addizzjonali ta' EUR 550 000 fil-baġit tal-2019; jiddispjaċih, madankollu, mill-fatt li 215 trainee assenjat lill-uffiċċju ta' Membru fl-2017 kienu għadhom ma tħallsux; jistieden lill-QĠUE tiggarantixxi allokazzjoni xierqa għat-trainees kollha, sabiex jiġi pprovdut rimborż suffiċjenti għall-isforzi tat-trainees u biex ma tiġix rinforzata d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ekonomiċi;

34.  Jinnota li, il-membri tal-QĠUE jistgħu jużaw karozzi uffiċjali barra mill-qadi ta' dmirijiethom u li l-ispejjeż għal dan l-użu jsir kollu kemm hu mill-utent; jinnota li l-kost medju għal kull membru għall-użu tal-karozzi barra mill-prestazzjoni tal-kompiti tagħhom ammonta għal EUR 440 fl-2017, li ġew irkuprati għalkollox mill-emolumenti tal-membri;

35.  Jinnota li x-xufiera saqu lejn il-pajjiżi ta' oriġini tal-membri tal-QĠUE mingħajr ma kellhom il-membru abbord 26 darba u li 53 lejl ġew rimborżati lis-sewwieqa fir-rigward ta' dawn il-vjaġġi; jinnota, barra minn hekk, li kienu skedati 22 titjira, ħames vjaġġi bil-ferrovija u vjaġġ bil-vapur wieħed għas-sewwieqa sabiex iwettqu missjonijiet uffiċjali ma' membru fil-pajjiż ta' oriġini tiegħu; jenfasizza li xufier għandu jakkumpanja lill-membri fil-pajjiż ta' oriġini biss f'każijiet debitament ġustifikati;

36.  Jinnota li ġiet ippubblikata lista ta' attivitajiet esterni tal-QĠUE fuq is-sit web tal-QĠUE; jiddispjaċih dwar il-fatt li din il-lista mhijiex speċifika dwar l-għan, id-data, il-post u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza tal-avvenimenti elenkati u dwar jekk dawn tħallsux mill-QĠUE jew minn parti terza; jistieden lill-QĠUE tkompli tippubblika lista ta' attivitajiet esterni tal-membri tagħha u tkun aktar speċifika dwar l-aspetti msemmija hawn fuq;

37  Itenni t-talba tiegħu lill-QĠUE biex tippubblika s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess għall-membri kollha tagħha fuq is-sit web; jinnota li bijografiji qosra ta' kull membru huma ppubblikati fuq is-sit web, li madankollu ma fihomx informazzjoni dwar is-sħubija ma' xi organizzazzjoni oħra; jinnota li l-membri huma meħtieġa jippreżentaw dikjarazzjoni tal-interessi finanzjarji tagħhom lill-President tal-Qorti li huma membri tagħha meta jibdew dmirijiethom skont il-Kodiċi ta' Kondotta l-ġdida għall-membri; jistieden lill-QĠUE tippubblika dawk id-dikjarazzjonijiet fuq is-sit web tagħha;

38.  Jilqa' r-reviżjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-membri li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2017 u li tipprevedi regoli ġodda biex jiġu evitati każijiet ta' kunflitt ta' interessi u biex tiġi żgurata l-indipendenza tal-membri;

39.  Jinnota li l-amministrazzjoni tal-QĠUE qiegħda tħejji regoli ġodda dwar il-fenomenu hekk imsejjaħ "revolving doors" għal membri tal-persunal; itenni t-talba tiegħu lill-QĠUE biex tistabbilixxi u timplimenta malajr obbligi stretti f'dan ir-rigward;

40.  Jitlob lill-QĠUE tistabbilixxi regoli ċari u robusti għal sponsors li jiggarantixxu trattament ugwali tal-avvenimenti wara li nnotat li l-QĠUE ċaħdet li wettqet attivitajiet li bihom kienet sponsor, minkejja li l-QĠUE pprovdiet 12-il interpretu, bi spiża ta' EUR 10 859,05, għat-18-il Kungress tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Liġi Ewropea (FIDE), li sar f'Mejju 2018 fil-Portugall;

41.  Jinnota li fl-2017 ma ġie rrapportat ebda każ ta' żvelar ta' informazzjoni protetta; jilqa' l-adozzjoni ta' regoli interni ġodda dwar il-protezzjoni tal-informaturi fl-2017; jistieden lill-QĠUE tiżgura li l-persunal kollu jkun infurmat b'mod xieraq dwar id-drittijiet tiegħu, bħal matul it-taħriġ inizjali mal-wasla tal-persunal il-ġdid;

42.  Jilqa' l-impenn tal-QĠUE fir-rigward tal-miri ambjentali ambizzjużi, b'mod partikolari fid-dawl tal-proġett ta' bini tagħha li għaddej bħalissa, u jinkoraġġixxi lill-QĠUE tilħaq dawn l-objettivi fil-ħin; jilqa' l-fatt li fl-2017 il-QĠUE marret oltre mill-objettiv li jitnaqqsu l-offerti li għandhom impatt ambjentali sinifikanti; jilqa', barra minn hekk, il-ħolqien tal-"Helpdesk Interistituzzjonali għall-GPP" (Akkwist Pubbliku Ekoloġiku); jinkoraġġixxi lill-QĠUE tkompli ttejjeb il-ġestjoni tal-iskart tagħha, iżżid l-effiċjenza enerġetika tagħha u tnaqqas l-impronta tal-karbonju tagħha;

43.  Jinnota li l-membri Brittaniċi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali mhux ser ikomplu jeżerċitaw il-funzjonijiet tagħhom mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea; jinnota li l-volum ta' litigazzjoni jista' jiżdied fit-terminu qasir u medju fid-dawl tal-problemi legali li jistgħu jinħolqu mill-ftehim ta' ħruġ u d-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-liġi tar-Renju Unit;

44.  Jinnota li membru preċedenti tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huwa attwalment impjegat mill-QĠUE bħala konsulent speċjali, b'mod partikolari dwar kwistjonijiet relatati mad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea; jinnota li l-ħatra tiegħu saret skont l-Artikolu 123 (2) tal-Kundizzjonijiet tal-Impjieg applikabbli għall-Aġenti l-Oħra;

45.  Jinnota li l-QĠUE kellha 63 membru Brittaniku tal-persunal fl-2017, fosthom 36 uffiċjal, 24 aġent temporanju u tliet aġenti kuntrattwali; jilqa' l-intenzjoni tal-QĠUE li ssegwi approċċ ta' każ b'każ meta tiddeċiedi dwar l-estensjoni ta' kuntratti għal aġenti kuntrattwali u temporanji Brittaniċi wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea; jistieden lill-QĠUE tiżviluppa malajr strateġija koerenti biex tipprovdi ċertezza għall-persuni kkonċernati.

11.12.2018

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima IV – Il-Qorti tal-Ġustizzja

(2018/2169(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Pavel Svoboda

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Japprezza l-fatt li l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 tirrappreżenta rata għolja ħafna ta' użu ta' approprjazzjonijiet finali (98,69 %), ogħla mir-rata tal-2016 (98,23 %);

2.  Jinnota li l-QĠUE għandha tiggarantixxi ġustizzja ta' kwalità impekkabbli, fi żmien raġonevoli, filwaqt li bħala istituzzjoni tal-UE, trid tiżgura wkoll li tuża l-fondi pubbliċi li għandha għad-dispożizzjoni tagħha bl-aktar mod effiċjenti u effikaċi possibbli, u skont il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba;

3.  Jenfasizza li l-baġit tal-QĠUE huwa purament amministrattiv, b'madwar 75 % tan-nefqa għall-persuni li jaħdmu mal-istituzzjoni u l-kumplament għall-bini, l-għamara, it-teknoloġija tal-informazzjoni u nefqiet operattivi varji;

4.  Jenfasizza li l-introduzzjoni ta' bbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni ma għandhiex tapplika biss għall-baġit tal-Qorti tal-Ġustizzja kollu kemm hu, iżda għandha tinkludi wkoll l-iffissar ta' objettivi speċifiċi, li jistgħu jitkejlu u jinkisbu, realistiċi u marbuta mal-ħin (SMART) għad-dipartimenti individwali, l-unitajiet u l-pjanijiet annwali tal-persunal, u tistabbilixxi indikaturi rilevanti għat-tfassil tal-istimi tal-istituzzjoni; jistieden għalhekk lill-Qorti tal-Ġustizzja tintroduċi l-prinċipju ta' bbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni b'mod usa' fl-operazzjonijiet tagħha;

5.  Jinnota li fir-Rapport Annwali 2017 tagħha, il-Qorti tal-Awdituri ma għamlet l-ebda osservazzjoni rigward il-QĠUE, kif ilu l-każ mill-2010;

6.  Jinnota li, fir-rapport speċjali Nru 14/2017 tagħha dwar l-eżami tal-prestazzjoni fil-ġestjoni tal-kawżi tal-QĠUE, ippubblikat f'Settembru 2017, il-Qorti tal-Awdituri tirrikonoxxi l-azzjonijiet organizzattivi u proċedurali sinifikanti meħuda mill-Qorti biex issaħħaħ it-trattament tal-proċedimenti effiċjenti;

7.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri pproponiet ukoll toroq għal aktar titjib, b'mod partikolari l-implimentazzjoni ta' sistema tal-ġestjoni tal-kawżi integrata;

8.  Jilqa' favorevolment ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri skont liema l-QĠUE għandha tikkunsidra l-adozzjoni ta' proċeduri ta' ġestjoni tal-kawżi aktar attivi bbażati fuq approċċ individwali u skadenzi realistiċi, filwaqt li tissorvelja mill-qrib l-użu tal-ħaddiema u tadotta metodi addizzjonali ta' razzjonalizzazzjoni amministrattiva;

9.  Jirrimarka li allokazzjoni aktar flessibbli tar-référendaires eżistenti jista' jkollha impatt pożittiv fuq l-effikaċja globali tal-Qorti;

10.  Jinnota li l-istatistika tal-2017 għaż-żewġ qrati li jifformaw il-QĠUE tikkonferma t-tendenza osservata f'dawn l-aħħar snin fir-rigward tat-tul medju tal-proċedimenti, li jibqa' sodisfaċenti kemm għall-Qorti Ġenerali, fejn l-isforzi ta' effiċjenza akbar ippermettew tnaqqis ulterjuri fit-tul ta' żmien (tnaqqis medju f'xhur kien ta' 2,4 meta mqabbel mal-2016 u ta' 10,6 meta mqabbel mal-2013), kif ukoll għall-Qorti tal-Ġustizzja, li kienet kapaċi żżomm it-tul ta' żmien medju tal-proċedimenti fir-rigward ta' talbiet għal deċiżjoni preliminari taħt is-16-il xahar (15,7-il xahar fl-2017), b'żieda żgħira ħafna biss mill-2016 (0,7 xhur) minħabba xi leġiżlazzjoni partikolarment kumplessa ppreżentata lilha għall-interpretazzjoni;

11.  Jilqa' pożittivament ir-rakkomandazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri li l-perjodi ta' żmien għandhom jiġu rfinati aktar billi titqies in-natura speċifika ta' kull tip ta' proċediment u l-kumplessità tal-kawżi;

12.  Jilqa' pożittivament il-fatt li, b'mod ġenerali, iż-żewġ qrati li jiffurmaw il-QĠUE għalqu 1594 kawża fl-2017, u dan jikkonferma tendenza ġenerali ta' żieda qawwija fl-attività ġudizzjarja fil-perjodu ta' żmien bejn l-2010 u l-2017 u jenfasizza l-importanza ta' din it-tendenza li wieħed jittama tkompli fil-futur.

13.  Jikkonkludi li l-QĠUE tista' ttejjeb aktar dawn ir-riżultati pożittivi jekk tikkunsidra li tipproċedi lejn ġestjoni tal-kawżi individwali aktar attiva, tuża perjodi ta' żmien immirati u timmonitorja l-użu effettiv tar-riżorsi umani użati; jenfasizza li l-kejl tal-prestazzjoni fuq din il-bażi, minflok ma jintużaw perjodi ta' żmien indikattivi li, bħala medja, iridu jiġu rrispettati, jinforma lill-amministrazzjoni kemm dwar kawżi problematiċi kif ukoll dwar elementi ta' prattika tajba; jenfasizza li din l-informazzjoni tista' tintuża wkoll biex ittejjeb ir-rappurtar dwar il-prestazzjoni sabiex tissaħħaħ ir-responsabilità, u b'hekk jingħata fehim approfondit dwar il-funzjonament xieraq tal-QĠUE u dwar l-użu tar-riżorsi disponibbli tagħha;

14.  Jirrimarka ż-żieda kostanti tal-okkorrenzi ta' aċċess għall-applikazzjoni "e-Curia" (għadd tal-kontijiet ta' aċċess: 4354 fl-2017, imqabbel ma' 3599 fl-2016), u l-fatt li, mill-2016 'l hawn, l-Istati Membri kollha użaw "e-Curia", li juri li s-sensibilizzazzjoni pubblika dwar l-eżistenza u l-vantaġġi ta' din l-applikazzjoni żdiedet b'mod effiċjenti; jaqbel, madankollu, mal-kunsiderazzjonijiet espressi mill-Qorti tal-Awdituri li implimentazzjoni possibbli ta' sistema tal-IT integrata b'mod sħiħ tista' żżid l-effikaċja tal-ġestjoni tal-kawżi;

15.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li, bil-maqlub tal-kunċetti relatati bħal-leġittimità, ir-reattività, jew it-trasparenza, ir-responsabilità – sal-lum – kienet ta' ftit rilevanza fid-definizzjoni tal-awtorità tal-Qorti;

16.  Ifaħħar il-ħolqien tan-"Netwerk Ġudizzjarju tal-Unjoni Ewropea" inklużi l-Qrati Kostituzzjonali u Supremi tal-Istati Membri, li l-koordinament tagħhom isir mill-Qorti tal-Ġustizzja;

17.  Iqis li huwa essenzjali li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu rappreżentattivi taċ-ċittadini tal-UE u għalhekk jisħaq fuq l-importanza tal-objettiv stabbilit mill-Parlament u mill-Kunsill li tinkiseb rappreżentanza bbilanċjata ta' rġiel u nisa fil-ħatra ta' mħallfin tal-Qorti Ġenerali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

10.12.2018

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Joëlle Bergeron, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Mady Delvaux, Mary Honeyball, Sajjad Karim, Sylvia-Yvonne Kaufmann, António Marinho e Pinto, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, Axel Voss, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Sergio Gaetano Cofferati, Luis de Grandes Pascual, Tiemo Wölken, Kosma Złotowski

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

18

+

ALDE

Jean-Marie Cavada, António Marinho e Pinto

ECR

Kosma Złotowski

EFDD

Joëlle Bergeron

GUE/NGL

Kostas Chrysogonos

PPE

Daniel Buda, Luis de Grandes Pascual, Pavel Svoboda, Axel Voss, Francis Zammit Dimech, Tadeusz Zwiefka

S&D

Sergio Gaetano Cofferati, Mady Delvaux, Mary Honeyball, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Evelyn Regner, Tiemo Wölken

VERTS/ALE

Julia Reda

0

-

 

 

0

0

 

 

It-tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Wolf Klinz, Arndt Kohn, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, Marian-Jean Marinescu

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

18

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová, Wolf Klinz

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Marian-Jean Marinescu, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Karin Kadenbach, Arndt Kohn, Georgi Pirinski, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes

0

-

 

 

2

0

EFDD

Marco Valli

ENF

Jean-François Jalkh

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU L 51, 28.2.2017.

(2)

ĠU C 348, 28.9.2018, p. 1.

(3)

ĠU C 357, 04.10.2018, p. 1.

(4)

ĠU C 357, 04.10.2018, p. 9.

(5)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(6)

ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(7)

Ir-Rapport Speċjali Nru 14/2017 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: Analiżi tal-prestazzjoni tal-ġestjoni ta' kawżi fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

(8)

ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Marzu 2019Avviż legali