Proċedura : 2018/2174(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0099/2019

Testi mressqa :

A8-0099/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.11

Testi adottati :

P8_TA(2019)0252

RAPPORT     
PDF 170kWORD 60k
27.2.2019
PE 626.823v02-00 A8-0099/2019

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew

(2018/2174(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Arndt Kohn

EMENDI
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew

(2018/2174(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 (COM(2018)0521 – C8-0325/2018)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Ombudsman Ewropew lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-awditi interni mwettqa fl-2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 59, 118, 260, 261 u 262 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0099/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lill-Ombudsman Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew

(2018/2174(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima VIII – L-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0099/2019),

A.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità ta' kwittanza tixtieq tisħaq fuq l-importanza partikolari li tissaħħaħ ulterjorment il-leġittimità demokratika tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz ta' titjib fit-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont u permezz tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani,

1.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti") ma identifikat l-ebda dgħufija sinifikanti fir-rigward tal-elementi awditjati b'relazzjoni mar-riżorsi umani u l-proċeduri ta' akkwist għall-Ombudsman Ewropew (l-"Ombudsman");

2.  Jenfasizza l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li, fuq il-bażi tax-xogħol ta' awditu tagħha, il-pagamenti b'mod globali għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2017 għan-nefqa amministrattiva tal-Ombudsman kienu ħielsa minn żbalji materjali;

3.  Jinnota li l-baġit tal-Ombudsman fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa amministrattiv, b'parti kbira minnu użata għan-nefqa relatata ma' persuni, bini, għamara, tagħmir u spejjeż operattivi mixxellanji; jinnota li fl-2017 ammonta għal EUR 10 905 441 (EUR 10 658 951 fl-2016);

4.  Jilqa' l-impenn tal-Ombudsman li tiżgura li l-fondi disponibbli kollha jintefqu b'mod orjentat lejn ir-riżultati u jilqa' l-fatt li qed jitqiesu r-riżultati ta' għadd ta' miżuri u data statistika li għandhom impatt dirett fuq ix-xogħol tal-uffiċċju; jinnota li fir-rigward tal-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPI) adottati bħala parti mill-Istrateġija "Lejn l-2019", ittieħdu miżuri biex jitjiebu r-riżultati permezz ta' rieżamijiet kontinwi, is-semplifikazzjoni tal-proċessi u l-monitoraġġ tax-xogħol; jinnota, madankollu, li l-KPI għall-konformità ġenerali laħaq biss 85 % u ma laħaqx l-objettiv ta' 90 %; iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli ttejjeb il-prestazzjoni tagħha f'dan ir-rigward;

5.  Jinnota li mill-approprjazzjonijiet totali, ġew impenjati 93,91 % (meta mqabbel ma' 95,40 % fl-2016) u ġew imħallsa 86,20 % (meta mqabbel ma' 85,89 % fl-2016) b'rata ta' implimentazzjoni ta' 93,9 % (meta mqabbel ma' 95,40 % fl-2016);

6.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Ombudsman li tippubblika r-rapporti ta' attività annwali tagħha sal-31 ta' Marzu 2019 bil-ħsieb li l-proċedura ta' kwittanza tkun ottimizzata u titlesta aktar malajr;

7.  Jinnota li t-tnaqqis fir-rata ta' implimentazzjoni fl-2017 huwa r-riżultat, fil-parti l-kbira, ta' nfiq anqas tal-linja baġitarja għall-Iskejjel Ewropej; jilqa' l-approprjazzjoni l-ġdida tal-baġit li hija maħsuba biex tiffinanzja skema li tappoġġja l-użu ta' trasport pubbliku lejn il-postijiet tax-xogħol varji.  

8.  Ifakkar li l-aħħar reviżjoni tal-Istatut tal-Ombudsman twettqet fl-2008; jirrimarka li l-Parlament kemm-il darba talab li dan l-Istatut jiġi aġġornat fid-dawl ta' realtajiet u sfidi ġodda; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jissaħħu l-kompetenzi tal-Ombudsman f'każijiet relatati mal-aċċess għad-dokumenti tal-UE, man-nuqqas ta' konformità mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, mal-protezzjoni tal-informaturi u mal-fastidju;

9.  Jissottolinja r-rwol tal-Ombudsman fil-promozzjoni tal-governanza tajba, it-trasparenza u l-evitar ta' kunflitti ta' interess fl-istituzzjonijiet tal-UE; jilqa' l-fatt li l-Ombudsman għalqet erba' inkjesti strateġiċi, fetħet erbgħa ġodda u nediet tmien inizjattivi strateġiċi fl-2017; jirrikonoxxi l-importanza ta' dan ix-xogħol fl-inkoraġġiment tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE biex ikunu miftuħa, responsabbli, etiċi u reattivi għaċ-ċittadini kemm jista' jkun;

10.  Jilqa' l-konformità tal-Ombudsman mal-ftehim interistituzzjonali li l-persunal jitnaqqas b'5 % bejn l-2013 u l-2017 b'kontribut globali ta' tliet postijiet; jinnota, madankollu, li sadanittant, il-persunal kuntrattwali żdied minn tmienja għal ħmistax u t-trainees imħallsa minn ħamsa għal disgħa; huwa mħasseb dwar il-fatt li parti minn din iż-żieda tirriżulta mill-ħtieġa li jiġi kkumpensat għat-tnaqqis globali tal-persunal, u tista' tkun ta' detriment għad-distribuzzjoni tal-volum ta' xogħol u għall-iżvilupp organizzattiv fit-tul tal-istituzzjoni;

11.  Jinnota ż-żieda ta' 20 % fl-ilmenti riċevuti minn 1 839 fl-2016 għal 2 216 fl-2017; jinnota li l-Ombudsman fetħet total ta' 433 inkjesta abbażi tal-ilmenti (245 fl-2016) u għalqet 348 inkjesta bħal din (291 fl-2016); jinnota li din iż-żieda hija dovuta, fost affarijiet oħra, għal dispożizzjonijiet ġodda ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu li għadd ta' każijiet li qabel kienu jiġu kklassifikati bħala "l-ebda bażi għal inkjesta", issa huma magħluqa bħala "inkjesti li fihom ma nstabet l-ebda amministrazzjoni ħażina";

12.  Jieħu nota tal-fatt li fl-2017 in-numru kumplessiv ta' lmenti ġodda ttrattati kien 2 181, li minnhom 751 kienu fi ħdan il-mandat, meta mqabbel mal-1 880 ilment ittrattat fl-2016, li minnhom 711 kienu fi ħdan il-mandat; jinnota għaldaqstant li żdied b'5,5 % n-numru ta' lmenti fi ħdan il-mandat;

13.  Jilqa' l-fatt li l-medja ta' żmien għat-trattament ta' lment naqas minn 86 jum fl-2013 għal 64 jum fl-2017; jilqa', barra minn hekk, il-fatt li ż-żmien medju biex jiġu ttrattati l-inkjesti naqas minn 369 jum fl-2013 għal 266 jum fl-2017;

14.  Jilqa' l-isforzi kontinwi tal-Ombudsman biex ittejjeb l-effiċjenza u l-effikaċja tal-ġestjoni tal-każijiet tagħha; jinnota b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, li r-riżultati għall-indikatur ewlieni tal-prestazzjoni għall-"Effiċjenza" (KPI 7) kollha qabżu l-objettivi ffissati; jilqa', barra minn hekk, l-implimentazzjoni ta' proċedura rapida biex jiġu ttrattati l-ilmenti li jikkonċernaw l-aċċess għad-dokumenti;

15.  Jilqa' l-isforzi kontinwi biex jitnaqqsu l-ispejjeż tat-traduzzjoni, primarjament marbuta mal-produzzjoni tal-pubblikazzjonijiet; jilqa' l-fatt li l-ispejjeż tat-traduzzjoni naqsu bi 11 % minn EUR 293 000 fl-2016 għal EUR 263 000 fl-2017; jieħu nota li r-rapport ta' attività annwali tal-Ombudsman jirrikonoxxi li l-limitu minimu ntlaħaq u li jkun diffiċli li fil-futur dan il-limitu jinqabeż; jinkoraġġixxi għalhekk lill-Ombudsman tkompli taħdem b'mod konxju fuq l-isforzi biex tnaqqas l-ispejjeż tat-traduzzjoni mingħajr ma tikkomprometti l-funzjonament korrett tat-traduzzjonijiet u tal-pubblikazzjonijiet;

16.  Jinnota li l-uffiċċji tal-Ombudsman fi Strasburgu marru f'bini ġdid fil-binja HAV;

17.  Jilqa' r-riżultati miksuba mill-Ombudsman f'termini ta' attivitajiet ta' komunikazzjoni biex jiżdiedu l-viżibbiltà u l-impatt medjatiku tal-istituzzjoni, inkluża żieda tal-preżenza tagħha fil-midja soċjali billi ssemmiet 22 790 darba fuq Twitter u żieda fin-numru ta' followers ta' 16 %, jiġifieri 19 200; jilqa' l-fatt li l-Ombudsman irrevediet is-sit web tagħha biex tagħmilha aktar faċli għall-utent u li kuntrattur estern ivvalida l-konformità tas-sit web mal-Linji Gwida għall-Aċċessibbiltà għall-Kontenut tal-Web; jilqa', barra minn hekk, il-fatt li fl-2017 l-Ombudsman tat l-ewwel "Premju għal Amministrazzjoni Tajba", li nbeda biex eżempji ta' prattika tajba fl-amministrazzjoni pubblika jiġu rikonoxxuti u jinġiebu għal attenzjoni pubblika akbar;

18.  Jilqa' l-inkjesta strateġika dwar l-aċċessibbiltà tas-siti web u tal-għodod online tal-Kummissjoni; jitlob li jinżamm infurmat dwar ir-riżultat tal-inkjesta u jħeġġeġ lill-Ombudsman taqsam ir-rakkomandazzjonijiet finali tagħha ma' korpi u istituzzjonijiet oħra tal-UE;

19.  Jilqa' l-fatt li r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti għat-titjib tas-sistema ta' monitoraġġ għall-aġġornament f'waqtu tas-sitwazzjoni personali u tal-membri tal-persunal, b'impatt potenzjali fuq il-kalkolu tal-allowances tal-familja, ġew implimentati fil-biċċa l-kbira tal-aspetti;

20.  Jilqa' l-bilanċ bejn is-sessi fil-livell maniġerjali, fejn 50 % tal-maniġers intermedji huma nisa, u fil-livell ta' amministraturi; iħeġġeġ lill-Ombudsman iżżomm din ix-xejra; jilqa', barra minn hekk, l-adozzjoni ta' Qafas ta' Politika għar-Riżorsi Umani li jindirizza l-bilanċ bejn is-sessi, ir-reklutaġġ u l-integrazzjoni ta' persuni b'diżabbiltà u l-politika dwar id-diversità; jinnota l-parteċipazzjoni tal-Ombudsman fil-grupp ta' ħidma Intercopec li jittratta l-bilanċ bejn is-sessi fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE;

21.  Itenni li l-Ombudsman hija mħeġġa tistinka għal bilanċ ġeografiku f'pożizzjonijiet maniġerjali fuq terminu medju u twil u tiżgura li jkun hemm rappreżentanza proporzjonata tal-Istati Membri kollha fost il-popolazzjoni tal-persunal;

22.  Jilqa' l-isforzi tal-Ombudsman biex ittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tal-membri tal-persunal tagħha; jinnota li mill-2017, il-ħin flessibbli tax-xogħol sar is-sistema ta' ħidma awtomatika li tapplika għall-persunal kollu, inklużi t-trainees; jinnota wkoll li numru totali ta' 58 minn 83 membru tal-persunal li huma attivi għamlu użu mill-possibbiltà li jagħmlu telexogħol fl-2017; iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tistinka għal rwol eżemplari u innovattiv fil-kwistjonijiet kollha tal-persunal minħabba r-rwol tagħha fi kwistjonijiet relatati mal-etika u l-kundizzjonijiet tax-xogħol fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE;

23.  Jinnota li fi ħdan l-Ombudsman, fl-2017, ma kien hemm l-ebda każ ta' fastidju; jilqa' l-adozzjoni tal-politika dwar il-prevenzjoni tal-fastidju u l-politika ta' protezzjoni kif ukoll il-programm ta' taħriġ ippjanat għall-persunal kollu, inklużi l-maniġers; jilqa', barra minn hekk, l-adozzjoni tal-Gwida dwar l-Etika u l-Imġiba Tajba għall-persunal tal-Ombudsman u l-Karta Interna ta' Prattika Tajba ta' Ġestjoni; iħeġġeġ lill-Ombudsman timmonitorja mill-qrib l-effiċjenza tal-politika tagħha, tkompli s-sensibilizzazzjoni dwar il-fastidju fuq il-post tax-xogħol u trawwem kultura ta' tolleranza żero fir-rigward tal-fastidju u jitlob lill-Ombudsman tirrapporta lura lill-awtorità tal-kwittanza fir-rapport annwali tal-attività li jmiss tagħha;

24.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-kwistjoni ta' "bibien iduru" ġiet indirizzata mill-Gwida dwar l-Etika u l-Imġiba Tajba; jistieden lill-Ombudsman tiżgura li dawn il-linji gwida jiġu applikati b'mod effikaċi u jitlob lill-Ombudsman tirrapporta lura lill-awtorità tal-kwittanza fir-rapport annwali tal-attività li jmiss tagħha;

25.  Jilqa' l-għeluq tal-ilment tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) relatat mal-proċedura għat-trattament tad-data personali ta' partijiet terzi fl-ilmenti u l-inkjesti; u jirrikonoxxi li l-KEPD kien sodisfatt bir-rieżami u bl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet;

26.  Jinnota li fl-2017 ma kien hemm l-ebda każ ta' żvelar ta' informazzjoni protetta; jinnota li ġie organizzat taħriġ dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta għall-membri kollha tal-persunal; jistieden lill-Ombudsman tiżgura li l-persunal kollu jkun infurmat b'mod xieraq dwar id-drittijiet tiegħu, pereżempju matul it-taħriġ inizjali mal-wasla tal-persunal il-ġdid; jilqa' r-riflessjoni tal-Ombudsman dwar jekk hemmx bżonn ta' aktar ħidma proattiva min-naħa tagħha fir-rigward tar-regoli u l-politiki dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta li issa huma fis-seħħ fl-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE; jistieden lill-Ombudsman tkompli tmexxi bl-eżempju.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Wolf Klinz, Arndt Kohn, Monica Macovei, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, Marian-Jean Marinescu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Petra Kammerevert

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

20

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová, Wolf Klinz

ECR

Monica Macovei

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Marian-Jean Marinescu, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Karin Kadenbach, Petra Kammerevert, Arndt Kohn, Georgi Pirinski, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes

0

-

 

 

2

0

EFDD

Marco Valli

ENF

Jean-François Jalkh

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU L 51, 28.02.2017.

(2)

ĠU C 348, 28.09.2018, p. 1.

(3)

ĠU C 357, 4.10.2018, p. 1.

(4)

ĠU C 357, 4.10.2018, p. 9.

(5)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(6)

ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

Aġġornata l-aħħar: 14 ta' Marzu 2019Avviż legali