Proċedura : 2018/2215(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0104/2019

Testi mressqa :

A8-0104/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.50

Testi adottati :

P8_TA(2019)0291

RAPPORT     
PDF 197kWORD 58k
27.2.2019
PE 626.833v01-00 A8-0104/2019

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2215(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Martina Dlabajová

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2215(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 ("Impriża Konġunta IMI 2") għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta IMI 2 għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta IMI 2(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta IMI 2 fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05827/2019 – C8-0104/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta IMI 2(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0104/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta IMI 2 għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta IMI 2 għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta IMI 2, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2215(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 ("Impriża Konġunta IMI 2") għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta IMI 2 għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta IMI 2(7),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(8) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta IMI 2 fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05827/2019 – C8-0104/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(10)4, u b'mod partikolari l-Artikolu 71 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta IMI 2(11), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0104/2019),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 għas-sena finanzjarja 2017,

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2215(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0104/2019),

A.  billi l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi ("l-Impriża Konġunta IMI") twaqqfet f'Diċembru 2007 għal perjodu ta' 10 snin bil-għan li ttejjeb b'mod sinifikanti l-effiċjenza u l-effikaċja tal-proċess ta' żvilupp tal-mediċini, bil-mira fit-tul li s-settur farmaċewtiku jipproduċi mediċini innovattivi aktar effikaċi u sikuri;

B.  billi wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014(13) f'Mejju 2014, l-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 ("Impriża Konġunta IMI 2") issostitwiet l-Impriża Konġunta IMI f'Ġunju 2014 bil-għan li tiffinalizza attivitajiet ta' riċerka tas-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013)(14), u estenda ż-żmien operattiv tal-Impriża Konġunta sal-31 ta' Diċembru 2024;

C.  billi l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi huma l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta;

D.  billi l-kontribuzzjoni massima għall-perjodu ta' 10 snin mill-Unjoni lill-Impriża Konġunta IMI hija ta' EUR 1 000 000 000, li għandha titħallas mill-baġit tas-Seba' Programm Kwadru, filwaqt li l-membri fundaturi għandhom jikkontribwixxu b'mod ugwali għall-ispejjeż ta' funzjonament, kull wieħed minnhom b'ammont li ma jaqbiżx l-4 % tal-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni;

E.  billi l-kontribuzzjoni massima għall-perjodu ta' 10 snin mill-Unjoni lill-Impriża Konġunta IMI 2 hija ta' EUR 1 638 000 000, li trid titħallas mill-baġit ta' Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)(15), u l-membri, għajr il-Kummissjoni, iridu jikkontribwixxu 50 % tal-ispejjeż ta' funzjonament u għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi permezz ta' kontribuzzjonijiet fi flus jew in natura, jew it-tnejn li huma, ugwali għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni;

Il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li, fl-opinjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri ("il-Qorti"), il-kontijiet tal-Impriża Konġunta IMI 2 għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2017 jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta IMI 2 fil-31 ta' Diċembru 2017, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi tal-flus tagħha, u l-bidliet fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, skont ir-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni u huma bbażati fuq standards tal-kontabbiltà għas-settur pubbliku, aċċettati internazzjonalment;

2.  Jinnota l-opinjoni pożittiva tal-Qorti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta IMI 2 għas-sena 2017, li huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

3.  Jinnota li l-baġit finali 2017 disponibbli għall-implimentazzjoni tas-Seba' Programm Kwadru u tal-Programm Orizzont 2020 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn ta' EUR 322 396 498 u approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 206 372 367; jinnota li r-rati ta' utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' impenn kienu ta' 97,07 % (żieda ta' 2,99 % meta mqabbla mal-2016);

4.  Jinnota b'dispjaċir li l-approprjazzjonijiet ta' pagament kienu għar-raba' sena konsekuttiva inqas minn 75 %: fl-2017 kienu 71,96 %; jieħu nota li din l-implimentazzjoni baxxa kienet prinċipalment dovuta għat-tnaqqis jew il-posponiment ta' provi kliniċi fi ħdan ċerti proġetti kbar u kumplessi tal-proġetti tar-reżistenza għall-antimikrobiċi u l-programmi Ebola kif ukoll għal dewmien fil-konklużjoni ta' ftehimiet ta' għotja għal sejħiet taħt Orizzont 2020; jistieden lill-Impriża Konġunta IMI 2 tippreżenta informazzjoni aġġornata lill-awtorità tal-kwittanza u ttejjeb l-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-proċedura tas-sena li jmiss;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-għadd ta' pagamenti żdied b'9,33 % (minn 75 % għal 82 %); jirrimarka li l-ammont imħallas naqas minħabba l-ammont ogħla ta' spejjeż rikonoxxuti fir-rigward tal-prefinanzjament diġà mħallas lill-proġetti tal-Impriża Konġunta IMI u tal-Impriża Konġunta IMI 2 (l-ammonti mħallsa żdiedu b'189 %, minn EUR 20 347 000 għal EUR 58 846 383);

6.  Jirrikonoxxi l-limitazzjonijiet inerenti fit-tbassir tal-proċess ta' approprjazzjoni ta' pagament; jinnota b'dispjaċir li dawn il-limitazzjonijiet jirriżultaw f'dgħufijiet fl-ippjanar u l-monitoraġġ tal-approprjazzjonijiet ta' pagament, li jidhru fl-ammont ta' EUR 78 700 000 lejn tmiem l-2017 ta' approprjazzjonijiet ta' pagament minn snin preċedenti li ma ntużawx; jilqa' l-miżuri korrettivi implimentati mill-Impriża Konġunta IMI 2 biex jitwaqqaf iċ-ċiklu ta' bbaġitjar żejjed; jinnota li l-bord tat-tmexxija tal-Impriża Konġunta IMI 2 ddeċieda li jnaqqas l-approprjazzjonijiet ta' pagament operattivi ta' dik is-sena b'EUR 56 000 000 u l-ammont akkumulat mhux użat mis-snin preċedenti b'EUR 25 800 000;

7.  Jinnota li mill-EUR 1 000 000 000 f'fondi tas-Seba' Programm Kwadru li ġew allokati lill-Impriża Konġunta IMI, sa tmiem l-2017, l-Impriża Konġunta IMI 2 kienet għamlet impenji ta' EUR 966 060 000 u pagamenti ta' EUR 719 978 000; josserva li l-livell għoli ta' pagamenti pendenti ta' EUR 246 082 000 (25,47 %) kien prinċipalment dovut għall-bidu tardiv tal-attivitajiet taħt is-Seba' Programm Kwadru matul l-ewwel snin tal-Impriża Konġunta IMI;

8.  Jinnota li mill-EUR 1 000 000 000 f'kontribuzzjonijiet li għandhom isiru mill-membri tal-industrija għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta IMI, sa tmiem l-2017, l-Impriża Konġunta IMI 2 kienet ivvalidat kontribuzzjonijiet in natura u fi flus li jammontaw għal EUR 551 800 000 (EUR 529 900 000 in natura u EUR 21 900 000 fi flus); jirrimarka li ammont ulterjuri ta' EUR 153 000 000 f'kontribuzzjonijiet in natura mingħajr validazzjoni kien ġie rrappurtat mill-membri lill-Impriża Konġunta IMI 2; jenfasizza l-fatt li konsegwentement, fi tmiem l-2017, il-kontribuzzjonijiet in natura u fi flus mill-membri tal-industrija ammontaw għal total ta' EUR 705 100 000, imqabbla mal-kontribuzzjonijiet fi flus mill-Unjoni għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta IMI, imwettqa taħt is-Seba' Programm Kwadru, li ammontaw għal EUR 827 200 000;

9.  Jinnota li mill-EUR 1 680 000 000 f'fondi taħt il-programm Orizzont 2020 allokati lill-Impriża Konġunta IMI, sa tmiem l-2017, l-Impriża Konġunta IMI 2 kienet għamlet impenji ta' EUR 819 010 000 (50 %) u pagamenti ta' EUR 179 650 000 (10,97 % tal-fondi allokati u 21,93% tal-fondi impenjati) għall-implimentazzjoni ta' 13-il sejħa għal proposti; jirrikonoxxi l-fatt li l-livell baxx ta' pagamenti huwa minħabba ż-żmien meħtieġ minn konsorzji ta' proġett sabiex jikkonkludu l-ftehimiet ta' għotja ta' Orizzont 2020 mas-sħab industrijali, li jikkawża dewmien lill-prefinanzjament ippjanat tal-Impriża Konġunta IMI għas-sena partikolari, u minħabba d-durata tal-proġetti, li ta' spiss idumu iżjed minn 5 snin, biex b'hekk sehem kbir tal-pagamenti jsir wara l-2020;

10.  Jinnota li mill-EUR 1 638 000 000 ta' kontribuzzjonijiet in natura u fi flus li għandhom isiru mill-membri tal-industrija u s-sħab assoċjati mal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta IMI 2, EUR 82 500 000 kienu ġew validati mid-Direttur Eżekuttiv u ammont ieħor ta' EUR 50 300 000 kienu ġew rappurtati sa tmiem l-2017; jinnota li d-Direttur Eżekuttiv ivvalida l-kontribuzzjoni fi flus mill-membri tal-industrija għall-ammont ta' EUR 7 600 000; jinnota, barra minn hekk, li konsegwentement, fi tmiem l-2017, it-total tal-kontribuzzjonijiet mill-membri tal-industrija għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta IMI 2 taħt Orizzont 2020 ammontaw għal EUR 140 400 000, imqabbla mal-kontribuzzjonijiet fi flus mill-Unjoni li ammontaw għal EUR 157 300 000; jenfasizza l-fatt li f'dan l-istadju tal-implimentazzjoni tal-programm, impenji li jammontaw għal EUR 391 000 000 f'fondi tal-Unjoni u EUR 381 000 000 f'kontribuzzjonijiet in natura tal-industrija ġew allokati lil 40 proġett taħt Orizzont 2020 (li 37 minnhom kienu għadhom għaddejjin fi tmiem tal-2017);

11.  Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2017, il-pożizzjonijiet totali tal-persunal okkupati tal-Impriża Konġunta IMI 2 kienu 49,8 aktar mis-sena preċedenti;

Prestazzjoni

12.  Jilqa' l-fatt li n-nuqqas ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni stabbiliti (KPIs) m'għadhiex problema taħt il-programm Orizzont 2020; jiddispjaċih dwar il-progress bil-mod fit-twettiq ta' wħud mill-KPIs speċifiċi għall-Impriża Konġunta IMI li ġew stabbiliti għad-durata tal-programm kollu (inqas minn 60 % tat-tielet sett ta' miri ewlenin tal-KPI għall-2017 intlaħqu); jilqa' d-deċiżjoni tal-bord tat-tmexxija tal-Impriża Konġunta IMI 2 li japprova sett ġdid ta' KPIs speċifiċi tal-Impriża Konġunta IMI allinjati aħjar mal-objettivi tal-programm;

13.  Josserva li l-proporzjon tal-ispejjeż tal-ġestjoni (baġit amministrattiv u operattiv) baqa' taħt il-5 %, b'hekk jidher li hemm struttura pjuttost organizzattiva, simplifikata u effiċjenti tal-Impriża Konġunta IMI 2;

14.  Jilqa' l-valur interim tal-2016 tal-effett ta' ingranaġġ ta' 0,96 li kważi laħaq l-effett ta' ingranaġġ fil-mira għall-perjodu kollu kemm hu mill-2014 sal-2020;

15.  Josserva li s-sejħiet tal-Impriża Konġunta IMI 2 huma miftuħa għal parteċipanti ġodda permezz ta' diversi modi; jinnota madankollu li l-parteċipazzjoni ta' sħab assoċjati għadha baxxa meta wieħed iqis l-objettivi stabbiliti fir-Regolament tal-Impriża Konġunta IMI 2 u jeħtieġ li tiżdied fis-snin li għad fadal;

16.  Jilqa' l-fatt li s-sejħiet għal proposti kollha ġew ippubblikati u ngħalqu skont il-pjanijiet ta' ħidma rispettivi u li r-riżultati rigward "żmien għall-għotja" u "żmien għall-ħlas" baqgħu ferm taħt il-miri definiti;

17.  Jilqa' l-istrateġija li jiġu involuti l-SMEs bħala benefiċjarji tal-Impriża Konġunta IMI u b'hekk tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' katina tal-valur; jilqa' wkoll l-involviment tal-organizzazzjonijiet tal-pazjenti; jirrikonoxxi li fi tmiem l-2017 madwar 50 % tal-proġetti tal-Impriża Konġunta IMI kellhom organizzazzjonijiet tal-pazjenti impenjati b'xi mod;

Strateġija Kontra l-Frodi

18.  Jinnota li l-Impriża Konġunta IMI 2 għandha strateġija kontra l-frodi allinjata mal-istrateġija komuni kontra l-frodi tad-Direttorat Ġenerali għar-Riċerka u l-Innovazzjoni; jilqa' l-fatt li fl-2017 l-ebda każ ma ġie rrappurtat lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF); jinnota, madankollu, li waslu żewġ talbiet għall-informazzjoni mill-OLAF, għal talba minnhom, l-ebda miżura ma kienet meħtieġa, u għat-talba l-oħra, l-Impriża Konġunta IMI 2 stabbiliet il-proċedura ta' rkupru;

Awditu intern

19.  Jinnota li fi Frar 2017, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni ħareġ ir-rapport finali ta' awditjar dwar "Il-Proċess tal-Għotjiet Orizzont 2020: l-Impriża Konġunta IMI 2"; jenfasizza l-fatt li l-IAS irrakkomanda li l-Impriża Konġunta IMI 2 tispjega l-attivitajiet imwettqa mill-korpi konsultattivi tagħha u l-interazzjoni tagħhom mal-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi (EFPIA) fost oħrajn, tipprovdi informazzjoni dwar ir-rwol u l-attivitajiet imwettqa mir-rappreżentanti tal-EFPIA jew tiżgura li l-evalwaturi kollha jiffirmaw id-dikjarazzjoni ta' interess rispettiva tagħhom qabel il-bidu tal-evalwazzjoni mill-bogħod;

20.  Jilqa' l-fatt li l-Impriża Konġunta IMI 2 ħejjiet pjan ta' azzjoni u l-erba' rakkomandazzjonijiet kienu implimentati sa tmiem l-2017;

21.  Jilqa' l-fatt li l-Impriża Konġunta ħejjiet Pjan ta' Azzjoni f'Novembru 2017 li jinkludi sett wiesa' ta' azzjonijiet li għandhom jiġu implimentati, li wħud minnhom kienu diġà mibdija, bħall-iżvilupp ta' webinars, il-parteċipazzjoni tal-SMEs, eċċ.

Sistemi ta' kontroll intern

22.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Impriża Konġunta IMI 2 stabbiliet proċeduri ta' kontroll ex ante affidabbli li huma bbażati fuq eżamijiet dokumentarji finanzjarji u operattivi; josserva li għal pagamenti interim u finali taħt is-Seba' Programm Kwadru, l-Impriża Konġunta twettaq awditi ex post għand il-benefiċjarji, filwaqt li għal klejms għall-ispejjeż ta' proġetti taħt Orizzont 2020, is-Servizz tal-Awditjar Komuni tal-Kummissjoni huwa responsabbli mill-awditi ex post; jinnota li r-rati tal-iżball għall-awditi ex post li ġew irrappurtati mill-Impriża Konġunta fi tmiem l-2017 kienu ta' 1,29 % għall-proġetti taħt is-Seba' Programm Kwadru u 0,81 % għall-proġetti taħt il-programm Orizzont 2020;

23.  Jilqa' l-fatt li l-Impriża Konġunta IMI 2 setgħet tnaqqas id-dewmien fil-pagamenti amministrativi lill-kuntratturi minn 34 % għal 11,1 % u ż-żmien għall-ħlas għal pagamenti interim lil benefiċjarji ta' proġetti minn 94 jum sa 65 jum fl-2017; jirrikonoxxi f'dan ir-rigward li ż-żmien medju għall-ħlas ta' pagamenti finali tal-ispejjeż ikklejmjati mill-benefiċjarji kien ta' 52 jum;

24.  Josserva li fl-2017, il-Kummissjoni temmet l-evalwazzjoni finali tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta IMI 2 (2008-2016) u l-evalwazzjoni interim tal-attivitajiet tagħha ta' Orizzont 2020 (2014-2016) b'valutazzjoni favorevoli u erba' rakkomandazzjonijiet li għalihom ġew stabbiliti pjanijiet ta' azzjoni;

25.  Jinnota li fi tmiem l-2017, iċ-Ċentru ta' Appoġġ Komuni tal-Kummissjoni kien għadu ma temmx l-iżviluppi speċifiċi fl-għodod għall-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-għotjiet taħt il-programm Orizzont 2020 biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet ta' rappurtar u ta' pproċessar għall-kontribuzzjonijiet in natura tal-Impriża Konġunta IMI 2; jistieden lill-Impriża Konġunta IMI 2 tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar dawn ir-riżultati;

26.  Jilqa' b'sodisfazzjon is-sit web il-ġdid li ġie varat fl-2017, li qed jirrifletti s-suġġerimenti tal-partijiet interessati ewlenin tal-Impriża Konġunta IMI u l-objettivi ta' komunikazzjoni tagħha stess u jikkontribwixxi għal aktar viżibbiltà tal-Impriża Konġunta.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Wolf Klinz, Monica Macovei, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT

19

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová, Wolf Klinz

ECR

Monica Macovei

EFDD

Marco Valli

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Karin Kadenbach, Georgi Pirinski, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes

1

-

ENF

Jean-François Jalkh

0

0

 

 

Tifsira:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 452, 14.12.2018, p. 57

(2)

ĠU C 452, 14.12.2018, p. 59.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)

ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(5)

ĠU L 169, 7.6.2014, p.54.

(6)

ĠU L 38, 7.2.2014, p 2.

(7)

ĠU C 452, 14.12.2018, p. 57

(8)

ĠU C 452, 14.12.2018, p. 59.

(9)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(10)

ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(11)

ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1

(12)

ĠU L 169, 7.6.2014, p. 54.

(13)

  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (ĠU L 169, 7.6. 2014, p. 54).

(14)

  Id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013)(ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1).

(15)

  Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104).

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2019Avviż legali