Proċedura : 2018/2176(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0109/2019

Testi mressqa :

A8-0109/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.10

Testi adottati :

P8_TA(2019)0251

RAPPORT     
PDF 209kWORD 66k
28.2.2019
PE 626.817v01-00 A8-0109/2019

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

(2018/2176(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Arndt Kohn

EMENDI
1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

(2018/2176(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017 (COM(2018)0521 – C8-0327/2018)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99 u 164 sa 167 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(6), u b'mod partikolari l-Artikoli 59, 118 u 260 sa 263 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0109/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Ombudsman Ewropew u lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

(2018/2176(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima X - Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0109/2019),

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li, skont il-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), il-livell ġenerali ta' żbalji fl-Intestatura 5 tal-QFP (Amministrazzjoni), inkluż il-baġit tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), għadu relattivament baxx bi stima ta' 0,5 % fl-2017;

2.  Jinnota li l-Qorti ma identifikatx livelli materjali ta' żball fir-rapport annwali tal-attività tas-SEAE;

3.  Jinnota wkoll li kwalunkwe kwistjoni speċifika għas-SEAE ġiet irrapportata mill-Qorti, kuntrarjament għas-snin preċedenti;

4.  Jinnota b'apprezzament li r-rakkomandazzjonijiet preċedenti li saru fir-rigward tat-titjib tas-sistema ta' monitoraġġ għall-aġġornament f'waqtu tas-sitwazzjoni personali u tad-data tal-membri tal-persunal, b'impatt potenzjali fuq il-kalkolu tal-allowances tal-familja, ġew implimentati fil-biċċa l-kbira tal-aspetti; iqis, madankollu, li l-kontrolli tal-konsistenza fir-rigward tal-ġestjoni tal-allowances tal-familja jirrikjedu attenzjoni kontinwa;

5.  Jilqa' l-isforzi tas-SEAE biex itejjeb il-proċeduri tal-akkwist fid-delegazzjonijiet, inkluż l-użu tal-Għodda għall-Ġestjoni tal-Akkwist Pubbliku, l-istabbiliment ta' pjan ta' akkwist għal kuntratti ta' valur baxx u medju u l-iżvilupp ta' mudelli għal dokumenti tal-offerta u taħriġ; iqis li n-nuqqasijiet preċedenti identifikati fl-akkwist pubbliku u fil-ġestjoni tas-servizzi tas-sigurtà għad jistħoqqilhom attenzjoni u monitoraġġ kostanti;

6.  Jitlob lis-SEAE jżomm lill-Parlament Ewropew infurmat dwar ir-riżultati miksuba permezz tal-isforzi msemmija qabel biex itejjeb il-proċeduri ta' akkwist fid-delegazzjonijiet, b'mod partikolari permezz tas-sistema tal-PPMT (Għodda għall-Ġestjoni tal-Akkwist Pubbliku) u l-proċeduri tal-Akkwist elettroniku u l-eTendering;

7.  Josserva li l-kawżi ta' żbalji identifikati minn kontrolli ex ante kemm fuq l-impenji kif ukoll fuq il-pagamenti huma tal-istess natura, jiġifieri n-nuqqas ta' dokumenti ta' sostenn, bħal fis-snin preċedenti; jinnota li l-kontroll ex-post tas-SEAE inkluda għall-ewwel darba l-infiq tal-aħħar tas-sena (Novembru-Diċembru 2016);

8.  Jinnota b'apprezzament li, fl-2017, l-ispejjeż ġenerali komuni tal-uffiċċji tad-delegazzjonijiet kollha (kera, sigurtà, tindif u spejjeż ġenerali oħra), inklużi d-delegazzjonijiet tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), ġew iffinanzjati kompletament mil-linji baġitarji tas-SEAE għat-tieni sena konsekuttiva;

9.  Jinnota li r-riporti tal-approprjazzjonijiet żdiedu fl-2017 u li ammontaw għal EUR 85 911 000 (meta mqabbla ma' EUR 77 450 000 fl-2016); ifakkar li l-operazzjonijiet ta' riport għas-sena ta' wara jistgħu, fuq bażi eċċezzjonali, jitwettqu taħt kundizzjonijiet stretti;

10.  Jinnota li l-baġit totali tas-SEAE għall-2017 ammonta għal EUR 660 miljun b'żieda ta' 3,75 % meta mqabbel mal-2016;

11.  Jinnota li ġiet riċevuta wkoll kontribuzzjoni ta' EUR 54,9 miljun mill-FEŻ u mill-fondi fiduċjarji. Riporti addizzjonali u approprjazzjonijiet rilaxxati minn diżimpenji tellgħu l-ammont totali għal EUR 59,7 miljun (inkluż ukoll id-dħul assenjat tas-sena finanzjarja); jinnota li fi tmiem l-2017 l-eżekuzzjoni f'impenji kienet ta' EUR 52,6 miljun (88,1 %) u pagamenti ta' EUR 46,5 miljun (78,0 %); jinnota li l-krediti tal-FEŻ li ma ġewx impenjati ġew riportati għas-sena ta' wara bħala dħul assenjat estern u li ma hemm l-ebda telf ta' approprjazzjonijiet;

12.  Josserva li l-baġit tal-kwartieri ġenerali ammonta għal EUR 236,7 miljun li minnhom EUR 153,8 miljun (jew 64,6 %) ikkonċernaw il-ħlas tas-salarji u l-intitolamenti l-oħra tal-persunal statutorju u dak estern, EUR 32,2 miljun (jew 14 %) kienu għall-bini u spejjeż assoċjati u EUR 33 miljun (jiġifieri 14 %) kienu relatati ma' sistemi, tagħmir u għamara tal-IT;

13.  Jirrikjedi li l-politika tal-bini tas-SEAE tiġi annessa mar-rapport annwali tal-attività, b'mod partikolari minħabba l-fatt li huwa importanti li l-ispejjeż tiegħu jiġu razzjonalizzati kif jixraq u li ma jkunux eċċessivi; iħeġġeġ lis-SEAE jipprovdi lill-awtorità ta' kwittanza il-lista tal-kuntratti ta' bini konklużi fl-2017, inklużi dettalji tal-kuntratti, il-pajjiż fejn ġew konklużi u t-tul ta' żmien tagħhom, bħal fir-rapport ta' attività annwali tiegħu għall-2011; jitlob lis-SEAE jipprovdi l-istess informazzjoni dwar il-kuntratti ta' bini fir-rapport ta' attività annwali tiegħu għall-2018;

14.  Jinnota li l-baġit ta' EUR 423,3 miljun tad-delegazzjonijiet kien maqsum bejn EUR 116,1-il miljun (jiġifieri 27,4 %) għar-remunerazzjoni tal-persunal statutorju, EUR 165,6 miljun (39,1 %) għall-bini u l-ispejjeż assoċjati, EUR 68,5 miljun (jew 16,2 %) għall-persunal estern u servizzi minn barra, EUR 27,9 miljun (6,6 %) għal infiq ieħor relatat mal-persunal u EUR 45 miljun (10,6 %) għal infiq amministrattiv ieħor; jinnota wkoll li EUR 196,4 miljun (meta mqabbel ma' EUR 185,6 miljun fl-2016 u EUR 204,7 miljun fl-2015) ġew irċevuti mill-Kummissjoni għall-ispejjeż amministrattivi tal-persunal tal-Kummissjoni stazzjonat fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u nqasmu bejn l-Intestatura V tal-Kummissjoni b'EUR 49,6 miljun, il-linji amministrattivi tal-programmi operattivi b'EUR 91,8 miljun, u l-FEŻ u fondi fiduċjarji b'EUR 55 miljun (45,4 miljun fl-2016); jinnota li fl-2017, il-fondi fiduċjarji kkontribwew għall-ewwel darba għal dawn l-ispejjeż amministrattivi;

15.  Jirrikonoxxi li n-numru ta' linji baġitarji użati biex jiffinanzjaw l-operazzjonijiet relatati mal-persunal tal-Kummissjoni fid-delegazzjonijiet (34 linja differenti li joriġinaw f'diversi Intestaturi tal-baġit tal-Kummissjoni, flimkien mal-Fondi FEŻ) iżid il-kumplessità tal-ġestjoni tal-baġit; ifakkar li dan is-suġġett ġie ttrattat fir-rapport ta' kwittanza tal-2016 u jieħu nota tal-kumplessità fis-simplifikazzjoni tat-tnaqqis tal-linji baġitarji; iħeġġeġ għalhekk lis-SEAE jkompli jaħdem mal-Kummissjoni Ewropea biex jissimplifika l-linji baġitarji meta jkun possibbli sabiex titnaqqas il-kumplessità tal-ġestjoni baġitarja;

16.  Jinnota li fl-2017 il-Kapijiet ta' Delegazzjoni pprovdew Dikjarazzjoni ta' Assigurazzjoni; josserva li l-Kapijiet ta' Delegazzjoni kollha, ħlief il-Kap tad-Delegazzjoni fis-Sirja, ipprovdew dikjarazzjoni mingħajr riżervi; jirrikonoxxi li d-Delegazzjoni għas-Sirja attwalment qed tiġi evakwata u li d-delegazzjoni indikat pjan ta' azzjoni biex ittaffi l-problemi marbuta mal-funzjoni tagħhom f'żona ta' gwerra; jinnota li r-riżerva tidher bħala mhux materjali f'termini ta' ammonti għall-baġit kollu tas-SEAE;

17.  Josserva li l-baġit finali tas-SEAE ta' EUR 660 miljun għall-2017 ġie eżegwit b'99,7 % (bħal fl-2016) f'impenji u 86,7 % (87,5 % fl-2016) f'pagamenti fi tmiem is-sena;

18.  Jinnota li l-valur tat-trasferimenti kollha li saru fil-baġit amministrattiv tas-SEAE kienu jammontaw għal EUR 14,4-il miljun, li minnhom l-akbar ammont kien jikkonċerna kuntratt bil-quddiem rigward is-sigurtà Afgana; jinnota wkoll li t-trasferimenti naqqsu l-baġit tal-kwartieri ġenerali tas-SEAE b'EUR 5,1 miljun u żiedu l-baġit tad-delegazzjoni b'ammont korrispondenti;

19.  Jinnota li 1,3 % taż-żieda fil-baġit fl-2017 kienet iddedikata għal investimenti ta' sigurtà fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-pakkett ta' sigurtà, li kienu jinkludu t-tisħiħ tan-netwerk ta' uffiċjali tas-sigurtà reġjonali u l-akkwiżizzjonijiet ta' vetturi armati f'konformità mad-dmir tal-viġilanza u s-sigurtà fuq il-post tas-SEAE, l-istrateġija ta' ċibersigurtà u taħriġ kontinwu fis-sigurtà tal-persunal b'rispons għal sitwazzjonijiet ta' theddid potenzjali u ta' kriżi fid-delegazzjonijiet u fil-kwartieri ġenerali; jilqa' t-titjib li sar s'issa, iżda jħeġġeġ lis-SEAE, b'mod partikolari, biex jindirizza l-isfidi differenti li għad fadal bħall-bżonn li jiġu aġġornati l-għodod tas-sigurtà tal-IT; jistieden lis-SEAE, barra minn hekk, jaħdem flimkien mal-Istati Membri bil-għan li jiġi żviluppat approċċ komuni u tittejjeb l-interkonnessjoni tas-sistemi tas-sigurtà ma' istituzzjonijiet u Stati Membri oħra;

20.  Jilqa' l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' rieżami annwali dedikat għall-analiżi tar-riżorsi tas-SEAE u l-użu effikaċi tagħhom qabel ma ssir ir-riallokazzjoni tal-persunal li tkun saret meħtieġa minħabba prijoritajiet operattivi jew politiċi ġodda jew sfidi addizzjonali oħra;

21.  Jinnota li l-awtovalutazzjoni annwali tal-2017 tas-sistema ta' kontroll intern ipprovdiet assigurazzjoni raġonevoli lill-maniġment tas-SEAE fir-rigward tal-livell ta' konformità mal-biċċa l-kbira tal-kontrolli interni; jinnota madankollu li t-tliet standards ta' kontroll intern li ġejjin "Allokazzjoni u mobbiltà tal-persunal", "Kontinwità tan-negozju" u "Ġestjoni tad-dokumenti" għadhom il-komponenti l-aktar dgħajfa tas-sistema ta' kontroll intern tas-SEAE; jinnota bi tħassib li l-"kontinwità tan-negozju" baqgħet problematika għal bosta snin, kemm f'termini ta' konformità kif ukoll ta' effikaċja, u hija ta' importanza partikolari fi ħdan id-delegazzjonijiet;

22.  Jilqa' t-tnaqqis kontinwu fl-għadd ta' delegazzjonijiet li jaqbżu l-ispazju massimu ta' 35 m² għal kull persuna minn 83 fl-2016 għal 73 fl-2017 f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Qorti fl-2016; jilqa' t-tnedija tal-għodda tal-ġestjoni tal-proprjetà immobbli IMMOGEST u l-akkwist tal-għarfien espert intern u estern biex jappoġġa l-ġestjoni tal-bini, b'mod partikolari fir-rigward tad-delegazzjonijiet; jistieden lis-SEAE biex meta jkun possibbli, raġonevoli u effiċjenti għall-baġit tal-Unjoni, ikompli jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti fir-rapport speċjali tagħha dwar kif is-SEAE jimmaniġġja l-binjiet tiegħu madwar id-dinja(7) u jżomm lill-Parlament infurmat dwar it-titjib;

23.  Jilqa' l-fatt li s-SEAE stabbilixxa 7 proġetti ġodda ta' kolokazzjoni ma' 6 Stati Membri differenti u josserva l-interess li qed jiżdied fi skemi ta' kolokazzjoni b'14-il ftehim ġdid iffirmat b'mod konġunt, mhux biss mal-Istati Membri iżda wkoll mal-FRONTEX jew mal-EASO; jinnota li l-arranġamenti ta' kolokazzjoni kkontribwew għal tnaqqis fl-ispazju medju tal-bini sabiex jinġieb aktar qrib il-35 m²/persuna stipulat; huwa tal-fehma li l-kolokazzjonijiet huma kosteffikaċi u jilqa' l-fatt li dawn jikkontribwixxu għar-rappreżentanza konġunta tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha lejn pajjiżi terzi; jistieden lis-SEAE biex, bħala parti mill-monitoraġġ tal-ispejjeż, jestendi tali memoranda ta' qbil għal entitajiet oħrajn tal-Unjoni bħall-missjonijiet tal-PSDK; jistieden lis-SEAE jistabbilixxi ġestjoni effikaċi tal-irkupru tal-ispejjeż fil-każ ta' kolokazzjoni;

24.  Jirrikonoxxi l-preferenza tas-SEAE li jixtri minflok jikri bini għad-delegazzjonijiet tiegħu; jissuġġerixxi li s-SEAE jinżamm infurmat dwar analiżi komprensiva tad-delegazzjonijiet kollha tal-Unjoni biex jiddetermina f'liema pajjiżi jkun aktar kosteffikaċi li d-delegazzjonijiet jixtru, u mhux jikru, il-bini intiż għall-uffiċċji jew għar-residenza; jinnota li s-sehem tal-bini li huwa proprjetà tiegħu kien jirrappreżenta 18 % fl-2017;

25.  Ifakkar fl-importanza li jingħata appoġġ orjentat lejn ir-riżultati lid-delegazzjonijiet fl-oqsma kollha u jitlob lis-SEAE jirrapporta dwar l-esperjenza taċ-Ċentru Reġjonali tal-Ewropa u l-valutazzjoni tal-possibbiltajiet li dan il-qafas jiġi estiż għal żoni ġeografiċi oħra; jilqa' ż-żieda fl-isforzi li saru biex jiġu appoġġati d-delegazzjonijiet, b'mod partikolari permezz tad-Diviżjoni ta' Koordinazzjoni Orizzontali ġdida, li jgħinu biex jissaħħaħ il-livell ġenerali ta' assigurazzjoni għal kompiti mwettqa mid-delegazzjonijiet, speċjalment dawk relatati ma' akkwist pubbliku ta' valur għoli;

26.  Iqis li huwa essenzjali li l-Kapijiet ta' Delegazzjoni, matul il-fażi ta' qabel l-istazzjonar, waqt seminars ad hoc jew waqt il-konferenza annwali tal-Ambaxxaturi, jitfakkru b'mod regolari dwar ir-rwol essenzjali tagħhom fil-konsolidazzjoni tal-katina ta' assigurazzjoni tas-SEAE u r-responsabbiltà ġenerali u l-obbligu ta' rendikont tagħhom għall-ġestjoni tal-ispejjeż amministrattivi u l-portafolji tal-proġetti flimkien mal-funzjonijiet politiċi tagħhom; iqis li esperjenza f'istituzzjoni tal-Unjoni għandha titqies bħala assi meta jintgħażlu l-Kapijiet ta' Delegazzjoni;

27.  Jilqa' l-approċċ il-ġdid għall-ispezzjonijiet introdott fl-2017, li joffri approċċ promettenti għall-għoti ta' appoġġ lill-ġestjoni tad-delegazzjonijiet kif ukoll għall-promozzjoni ta' koerenza akbar u għas-simplifikazzjoni tal-ħidma tad-delegazzjonijiet;

28.  Jirrikonoxxi l-karatteristika diffiċli tal-ġestjoni u l-allokazzjoni tar-riżorsi fir-rigward tar-riżorsi umani fil-kuntest tat-"tliet sorsi" ta' reklutaġġ tas-SEAE u l-ġestjoni tal-karigi fid-delegazzjonijiet; jinnota, barra minn hekk, li s-SEAE naqqas il-persunal tiegħu b'5 % matul il-perjodu 2013-2017 f'konformità mal-ftehim interistituzzjonali, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 16-il kariga għall-2017 fil-kwartieri ġenerali u tnaqqis globali ta' 84 kariga matul l-aħħar ħames snin; jinsab imħasseb li ż-żieda fil-medja tal-volum tax-xogħol u n-nuqqas ta' persunal jista' jkollhom effetti detrimentali fuq is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tal-membri tal-persunal kif ukoll fuq l-iżvilupp organizzattiv fit-tul tal-istituzzjoni;

29.  Jinnota b'apprezzament li l-bilanċ bejn il-ġeneri kważi laħaq parità fl-għadd globali ta' karigi okkupati fejn 49,6 % huma nisa; jiddispjaċih madankollu li l-għadd ta' nisa f'pożizzjonijiet maniġerjali baqa' insuffiċjenti, kemm għall-Kapijiet ta' Diviżjoni kif ukoll għall-Kapijiet ta' Delegazzjoni, fejn 57 pożizzjoni minn 219 (26 %) jew 18 % biss tal-karigi ta' maniġment superjuri (9 karigi minn 50) huma miżmuma min-nisa; jenfasizza żbilanċ simili fost l-Amministraturi, li minnhom 33 % kienu nisa, u fost l-esperti nazzjonali sekondati (ENS), li minnhom 23 % kienu nisa;

30.  Jistieden lis-SEAE, f'kooperazzjoni mas-servizzi diplomatiċi tal-Istati Membri, biex ikompli jtejjeb kemm jista' jkun il-bilanċ bejn il-ġeneri fost il-maniġment superjuri u intermedju; jinnota li 18,28 % biss tal-applikanti għal karigi maniġerjali fl-aħħar eżerċizzju ta' rotazzjoni kienu nisa; josserva li għall-karigi l-oħra ppubblikati mis-SEAE, il-perċentwal ta' nisa fost l-applikanti naqas ukoll minn 39 % fl-2016 għal 31,7 % fl-2017;

31.  Huwa tal-fehma li huwa meħtieġ progress f'dan ir-rigward u għalhekk jistieden lis-SEAE jidentifika u jirrifletti fuq ir-raġunijiet għal dan l-iżbilanċ, u sussegwentement, possibbilment, jirfina l-kundizzjonijiet u l-politiki ta' reklutaġġ tiegħu sabiex jattira l-ġeneri kollha b'mod ugwali għall-pożizzjonijiet maniġerjali; iħeġġeġ lis-SEAE jikkoopera mal-universitajiet nazzjonali li joffru korsijiet dedikati għal karriera diplomatika sabiex jippromwovi s-servizz diplomatiku Ewropew fi stadju bikri;

32.  Jappella għall-ħolqien ta' istitut iddedikat għall-edukazzjoni ta' diplomatiċi Ewropej futuri u jissuġġerixxi li tiġi studjata l-possibbiltà li l-awtoritajiet pertinenti jużaw il-faċilitajiet tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu biex jospitaw dan l-istitut diplomatiku;

33.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' task forces dwar "L-Iżvilupp tal-Karriera, il-Ġeneru u Opportunitajiet Indaqs" kif ukoll l-adozzjoni ta' "Qafas ta' Tagħlim u Żvilupp" (LEAD) u l-ħolqien tan-netwerk "In-Nisa u s-SEAE" u l-"Programm ta' Mentoraġġ għall-Maniġers Nisa" bħala passi importanti fit-titjib tal-opportunitajiet indaqs fis-SEAE; jinnota l-pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni li ġie adottat wara l-pubblikazzjoni tar-rapporti finali taż-żewġ task forces u jitlob li jinżamm infurmat dwar il-progress fl-implimentazzjoni;

34.  Jinnota li peress li sal-aħħar tal-2017 32,83 % tal-persunal AD tas-SEAE kien ġej mill-Istati Membri, is-SEAE huwa konformi mal-formula tal-persunal kif stabbilita mid-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi s-SEAE, jiġifieri li proporzjon ta' terz tal-persunal irid ikun ġej mill-Istati Membri u l-bqija mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

35.  Jinnota li l-parti tad-diplomatiċi tal-Istati Membri tirrappreżenta 32,83 % tal-persunal AD kollu tas-SEAE (jiġifieri 307 persuni) meta mqabbel ma' 33,8 % fl-2014; jenfasizza li l-għadd ta' diplomatiċi tal-Istati Membri stazzjonati bħala Kapijiet ta' Delegazzjoni naqas minn 46 % għal 43,8 % tat-total; jinnota ż-żieda żgħira fis-sehem tan-nisa fost il-Kapijiet ta' Delegazzjoni għal 21,9 %; jinnota li kien hemm biss 10 minn 60 Kap ta' Delegazzjoni li ġejjin mill-Istati Membri li kienu diġà ħadmu f'pożizzjoni bbażata fi Brussell;

36.  Itenni li l-bilanċ ġeografiku għandu jiġi mmonitorjat mill-qrib, b'mod partikolari f'każijiet ta' nuqqas ta' rappreżentanza, biex tiġi żgurata rappreżentanza proporzjonata ta' kull Stat Membru fost il-popolazzjoni tal-persunal; jinnota li fi tmien każijiet meta s-sehem tal-persunal kien taħt is-sehem tal-popolazzjoni tal-pajjiż tagħhom fil-popolazzjoni ġenerali tal-Unjoni, ħamsa kienu ġejjin mill-Istati Membri li ssieħbu mal-Unjoni fl-2004;

37.  Josserva li l-għadd ta' ENS mill-Istati Membri żdied bi ftit fl-2017 biex laħaq 449 (bi 387 kariga fil-kwartieri ġenerali u 62 fid-delegazzjonijiet); jinnota li 55 % ta' din il-kategorija ta' persunal li jinsab fi Brussell (jew 214) tħallsu mill-amministrazzjonijiet nazzjonali tagħhom; jirrikonoxxi l-ħtieġa għal ENS f'diversi oqsma speċifiċi li jittrattaw kwistjonijiet ta' difiża u sigurtà kif ukoll komunikazzjoni strateġika; jistieden, madankollu, lis-SEAE, fil-kuntest tal-istrateġija tiegħu dwar l-ENS jew permezz ta' mekkaniżmu ta' rieżami annwali li għadu kif ġie stabbilit, jipprovdi projezzjoni aktar dettaljata tal-ħtiġijiet li ġejjin u tal-ħiliet meħtieġa relatati tiegħu għal skopijiet ta' prevedibbiltà, ġestjoni aħjar ta' kunflitt ta' interessi potenzjali, l-evitar ta' żieda kostanti ta' dawk il-kuntratti u t-tisħiħ tal-għarfien espert intern; huwa tal-fehma li l-għadd ta' ENS ma għandux jaqbeż ċertu proporzjon tal-persunal globali tas-SEAE sabiex jiġi ppreservat esprit de corps b'saħħtu u sostenibbli u jitlob lis-SEAE jistabbilixxi tali livell limitu;

38.  Jilqa' l-implimentazzjoni ta' traineeships imħallsa fid-delegazzjonijiet bħala segwitu pożittiv għar-riżoluzzjoni ta' kwittanza tas-SEAE tal-2016; jinnota li s-SEAE se jkompli joffri traineeships taħt skemi differenti bħal dawk relatati ma' traineeships obbligatorji għall-istudenti jew l-impjegati taċ-ċivil li jkunu trainees bħala parti mit-taħriġ obbligatorju tagħhom; jinnota li l-appoġġ finanzjarju estern medju ammonta għal EUR 885 għal trainees fi skemi differenti, li huwa konsiderevolment inqas mill-allowance ta' kull xahar ta' EUR 1 200 taħt l-iskema tas-SEAE; jistieden lis-SEAE jiggarantixxi allowance xierqa għat-trainees kollha tas-SEAE, sabiex jiġi pprovdut rimborż suffiċjenti għall-isforzi tat-trainees u biex jiġi evitat li tiġi rinforzata d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ekonomiċi;

39.  Jinnota l-konsultazzjoni bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-konsultazzjonijiet mat-Trade Unions biex jiġu modernizzati u mtejba r-Regoli ta' Qafas u l-iskemi tas-sigurtà soċjali relatati għall-Aġenti Lokali; jistieden lis-SEAE jiżgura assigurazzjoni medika adegwata għal wara l-irtirar, b'mod partikolari fil-każ ta' invalidità, permezz tal-proċess ta' reviżjoni; iħeġġeġ bis-sħiħ lis-SEAE jiżgura li fl-2018 jidħlu fis-seħħ miżuri ta' riforma identifikati u jtejjeb l-involviment tal-persunal lokali tiegħu u l-għarfien espert tagħhom;

40.  Jinnota bi tħassib li fl-2017 ġew reġistrati 171 każ ta' medjazzjoni (li jirrapreżentaw żieda ta' 16 % mill-2016) li minnhom 60 % kienu f'delegazzjonijiet u li 32 minn dawn il-każijiet kienu għadhom miftuħa fl-aħħar tas-sena; jinnota wkoll bi tħassib li fl-Istħarriġ ta' Sodisfazzjon tal-Persunal, 10,2 % tal-persunal ma qablux u 6,21 % tal-persunal ma qablux ftit mal-proposta "Jiena qatt ma ġarrabt fastidju fis-SEAE"; jirrikonoxxi, madankollu, li ż-żieda kontinwa tal-każijiet rapportati jidher li tirrifletti rieda akbar li wieħed jitkellem pjuttost milli żieda fil-kunflitti fuq il-post tax-xogħol; jissottolinja l-importanza li titrawwem kultura ta' tolleranza żero fir-rigward tal-fastidju u li l-każijiet irrapportati jiġu debitament segwiti;

41.  Jilqa' l-estensjoni tan-netwerk ta' konsulenti kunfidenzjali għal 13-il voluntier imħarreġ fl-2017; huwa kkonċernat li ħamsa minn tlettax-il kunsillier biss ġew stazzjonati f'140 delegazzjoni; jistieden lis-SEAE jkompli jżid il-preżenza ta' konsulenti kunfidenzjali fid-delegazzjonijiet u jkompli jżid is-sensibilizzazzjoni dwar il-fastidju u r-riskji psikosoċjali u dwar modi kif jiġu mitigati u kif issir reazzjoni għalihom;

42.  Josserva li s-SEAE aġġorna l-arranġament amministrattiv tiegħu mal-OLAF u saħħaħ il-kooperazzjoni tiegħu fi kwistjonijiet relatati mal-frodi mad-Direttorati Ġenerali li jaġixxu f'affarijiet esterni, bħall-FPI, DĠ NEAR u DĠ DEVCO fl-2017; jinnota li hemm tliet investigazzjonijiet mill-OLAF għaddejjin relatati mal-kunflitt ta' interessi potenzjali fis-SEAE u jitlob li jinżamm infurmat dwar il-progress ta' dawn l-investigazzjonijiet;

43.  Jilqa' l-pubblikazzjoni ta' data relatata mal-ispejjeż tal-missjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, li issa hija kompletament disponibbli fuq il-paġna tagħha fis-sit web tal-Kummissjoni u aġġornata kull xahrejn, f'konformità mal-Kodiċi ta' Kondotta li ġie adottat fil-31 ta' Jannar 2018;

44.  Jinnota li fl-2017 ġie allokat EUR 1,1 miljun lis-SEAE għall-iżvilupp tal-Azzjoni tagħha "Komunikazzjoni Strateġika Plus" sabiex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni u jiġi komunikat l-impatt pożittiv tal-politiki tal-Unjoni; jissottolinja wkoll l-importanza tal-komunikazzjoni tal-ħidma tas-SEAE liċ-ċittadini u jitlob lis-SEAE jipprovdi aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tiegħu f'dan ir-rigward fir-rapport ta' attività annwali li jmiss;

45  Iqis lis-SEAE bħala attur kruċjali fil-kooperazzjoni internazzjonali rigward il-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp tal-bniedem; għaldaqstant jenfasizza l-importanza li r-riżorsi skarsi disponibbli jintużaw b'mod għaqli u li b'mod kostanti jittejbu l-konsistenza u l-koerenza tal-azzjoni esterna u interna tal-UE, kif ukoll il-ħtieġa li jsir sforz għal pożizzjonijiet komuni u reazzjonijiet koordinati biex l-UE tkun effiċjenti f'dan ir-rwol; jissottolinja l-importanza tad-diplomazija pubblika u l-komunikazzjonijiet strateġiċi bħala aspett integrali tar-relazzjonijiet esterni tal-UE, mhux biss bħala strument li jikkomunika l-valuri u l-interessi tiegħu filwaqt li jsaħħaħ il-viżibilità tal-UE, iżda wkoll bħala għodda għall-ġlieda kontra l-influwenza barranija fil-Balkani tal-Punent u fil-viċinati tagħna u l-propaganda strateġika kontra l-UE u l-Istati Membri tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa, kontinwa u li qiegħda tikber, li tiġi esposta d-diżinformazzjoni u tiġi mobilizzata l-analiżi speċifika għall-kuntest sabiex tiġi miġġielda l-propaganda kontra l-UE; jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha biex tiżviluppa strateġiji effikaċi għad-diplomazija pubblika; jappella lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex ikompli bl-isforzi tiegħu biex jimmodernizza l-approċċi tiegħu u jinvesti f'ħiliet u kapaċitajiet ġodda; iqis li l-ħidma tat-Task Force dwar il-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE hija neċessarja u prezzjuża u jappella li din tingħata r-riżorsi finanzjarji u tal-persunal xierqa;

46.  Jinnota li s-SEAE wettaq valutazzjoni tal-impatt tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li jirtira mill-Unjoni Ewropea fuq ir-riżorsi umani (jiġifieri 122 impjegat li huma ċittadini Britanniċi) u l-aġġustament operattiv mitlub fil-kwartieri ġenerali u fid-delegazzjonijiet; jilqa' l-intenzjoni tas-SEAE li jsegwi approċċ ta' każ b'każ biex jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-kuntratti għall-aġenti kuntrattwali u għall-aġenti temporanji Britanniċi; isejjaħ lis-SEAE jiżviluppa rapidament strateġija koerenti biex jipprovdi ċ-ċertezza lill-persuni kkonċernati;

47.  Jinnota li l-valutazzjoni inizjali tal-livell ta' spejjeż amministrattivi ta' EUR 6,7 miljun għall-persunal u l-infrastruttura matul perjodu ta' disa' xhur relatat mal-ftuħ ta' delegazzjoni f'Londra fid-dawl tal-fatt li r-Renju Unit se jsir pajjiż terz;

48.  Jitlob lis-SEAE jipprovdi rapport ta' segwitu għall-kwittanza tal-2017 f'konformità mal-Artikolu 262 tar-Regolament Finanzjarju bi tħejjija għall-proċedura ta' kwittanza tas-sena finanzjarja 2018.

23.1.2019

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017, Taqsima X – Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna

(2018/2176(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Neena Gill

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis lis-SEAE bħala attur kruċjali fil-kooperazzjoni internazzjonali rigward il-paċi, is-sigurtà u l-iżvilupp tal-bniedem; għaldaqstant jisħaq fuq l-importanza li r-riżorsi skarsi disponibbli jintużaw b'mod għaqli u li b'mod kostanti jittejbu l-konsistenza u l-koerenza tal-azzjoni esterna u interna tal-UE, kif ukoll il-ħtieġa li jsir sforz għal pożizzjonijiet komuni u reazzjonijiet ikkoordinati biex l-UE tkun effiċjenti f'dan ir-rwol; jissottolinja l-importanza tad-diplomazija pubblika u l-komunikazzjonijiet strateġiċi bħala aspett integrali tar-relazzjonijiet esterni tal-UE, mhux biss bħala strument li jikkomunika l-valuri u l-interessi tagħha filwaqt li jsaħħaħ il-viżibilità tal-UE, iżda wkoll bħala għodda għall-ġlieda kontra l-influwenza barranija fil-Balkani tal-Punent u fil-viċinati tagħna u l-propaganda strateġika kontra l-UE u l-Istati Membri tagħha; jisħaq fuq il-ħtieġa, kontinwa u li qiegħda tikber, li tiġi esposta d-diżinformazzjoni u tiġi mobilizzata l-analiżi speċifika għall-kuntest sabiex tiġi miġġielda l-propaganda kontra l-UE; jemmen bis-sħiħ li l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha biex tiżviluppa strateġiji effettivi għad-diplomazija pubblika; jappella lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex ikompli bl-isforzi tiegħu biex jimmodernizza l-approċċi tiegħu u jinvesti f'ħiliet u kapaċitajiet ġodda; iqis li l-ħidma tat-Task Force dwar il-Komunikazzjoni Strateġika tas-SEAE hija neċessarja u prezzjuża u jappella li din tiġi tingħata riżorsi finanzjarji u tal-persunal xierqa;

2.   Jilqa' l-isforzi biex jiġu mmodernizzati u mtejba r-Regoli Qafas tal-UE li jistabbilixxu standards minimi għad-Delegazzjonijiet kollha fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-aġenti lokali u skemi tas-sigurtà soċjali relatati; iħeġġeġ bis-sħiħ lis-SEAE jiżgura li fl-2018 jidħlu fis-seħħ miżuri ta' riforma identifikati u jtejjeb l-involviment tal-persunal lokali tiegħu u l-għarfien espert tagħhom;

3.  Filwaqt li jilqa' l-istabbiliment tat-Task Force "Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u Opportunitajiet Indaqs", itenni t-tħassib tiegħu dwar l-iżbilanċi bejn il-ġeneri u dawk ġeografiċi fost l-Istati Membri fil-persunal tas-SEAE, b'mod partikolari fil-livell intermedju tal-maniġment u fi ħdan kategoriji u gradi differenti; jenfasizza li jenħtieġ li jsiru aktar sforzi biex jiġu indirizzati dawn l-iżbilanċi;

4.  Jilqa' l-fatt li s-SEAE implimenta l-baġit amministrattiv tiegħu għall-2017 mingħajr ma kien affettwat minn żbalji materjali; jirrikonoxxi t-tnaqqis fir-rata ta' żbalji finanzjarji meta mqabbla mal-2016; jinnota li l-kontroll ex-post tas-SEAE inkluda għall-ewwel darba l-infiq tal-aħħar tas-sena (Novembru-Diċembru 2016); jinnota r-rata ta' żball kemxejn ogħla fl-aħħar tas-sena u jinkoraġġixxi lis-SEAE jindirizza din is-sitwazzjoni.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

22.1.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

6

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Bas Belder, Goffredo Maria Bettini, Klaus Buchner, James Carver, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Arnaud Danjean, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Wajid Khan, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, David McAllister, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Alyn Smith, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Doru-Claudian Frunzulică, Elisabetta Gardini, Rebecca Harms, Juan Fernando López Aguilar, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Janusz Zemke

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Norbert Erdős, Martina Werner

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

44

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Ilhan Kyuchyuk, Jozo Radoš, Ivo Vajgl

ECR

Amjad Bashir, Bas Belder, Ryszard Antoni Legutko, Charles Tannock

EFDD

Aymeric Chauprade

PPE

Asim Ademov, Michèle Alliot-Marie, Arnaud Danjean, Norbert Erdős, Michael Gahler, Elisabetta Gardini, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, David McAllister, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Dubravka Šuica, László Tőkés

S&D

Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Doru-Claudian Frunzulică, Wajid Khan, Juan Fernando López Aguilar, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Martina Werner, Janusz Zemke

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Rebecca Harms, Barbara Lochbihler, Alyn Smith, Jordi Solé, Bodil Valero

6

-

EFDD

James Carver

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Sabine Lösing, Marie-Christine Vergiat

NI

Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz

1

0

ECR

Geoffrey Van Orden

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

10

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Zigmantas Balčytis, Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Arndt Kohn, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

10

+

ALDE

Nedzhmi Ali

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský

S&D

Zigmantas Balčytis, Arndt Kohn, Georgi Pirinski, Derek Vaughan

2

-

EFDD

Marco Valli

ENF

Jean-François Jalkh

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU L 51, 28.02.2017.

(2)

ĠU C 348, 28.09.2018, p. 1.

(3)

ĠU C 357, 04.10.2018, p. 1.

(4)

ĠU C 357, 04.10.2018, p. 9.

(5)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(6)

ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(7)

Il-Qorti tal-Awdituri: Rapport Speċjali Nru 07/2016: Kif is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jimmaniġġja l-binjiet tiegħu madwar id-dinja.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Marzu 2019Avviż legali