Proċedura : 2018/2206(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0114/2019

Testi mressqa :

A8-0114/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.15

Testi adottati :

P8_TA(2019)0256

RAPPORT     
PDF 190kWORD 56k
28.2.2019
PE 626.784v01-00 A8-0114/2019

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2206(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Petri Sarvamaa

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2206(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Uffiċċju fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0096/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0114/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lill-Kumitat ta' Tmexxija tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kumitat ta' Tmexxija tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2206(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Uffiċċju(7),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(8) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Uffiċċju fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0096/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–    wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(10), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju(11), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0114/2019),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kumitat ta' Tmexxija tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2206(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0114/2019),

A.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tiegħu(13), il-baġit finali tal-Uffiċċju tal-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (l-"Uffiċċju") għas-sena finanzjarja 2017 kien ta' EUR 4 246 000, l-istess ammont bħal fl-2016; billi l-baġit kollu tal-Uffiċċju ġej mill-baġit tal-Unjoni,

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Uffiċċju għas-sena finanzjarja 2017 (ir-"rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Uffiċċju huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota b'apprezzament li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2017 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,94 %, li tirrappreżenta żieda ta' 3,74 % meta mqabbla mal-2016; jinnota li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 86,92 %, li tfisser żieda notevoli ta' 9,73 % meta mqabbla mal-2016;

2.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Uffiċċju talab traduzzjonijiet miċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT) għal erba' sejħiet għal espressjoni ta' interess biex jiġu stabbiliti listi ta' riżerva tal-persunal; jinnota li, meta wieħed iqis li t-tabella tal-persunal diġà kienet issodisfata, il-Qorti kkonkludiet li t-talba għat-traduzzjoni ma kinitx ġustifikata; jieħu nota mit-tweġiba tal-Uffiċċju li t-talba saret minħabba li l-kumitat ta' tmexxija tal-Uffiċċju talab li jiġu stabbiliti listi ta' riżerva għal 75 % tal-profili tax-xogħol bil-għan li r-rata ta' postijiet battala tinżamm taħt il-15 % sabiex jitnaqqsu r-riskji relatati mar-rata għolja ta' bidla fil-persunal;

Kanċellazzjoni ta' riporti

3.  Jirrikonoxxi li l-kanċellazzjonijiet ta' riporti mill-2016 għall-2017 ammontaw għal EUR 20 412, li jirrappreżenta 2,53 % tal-ammont totali riportat, u li juri tnaqqis ta' 4,76 % meta mqabbel mal-2016;

Prestazzjoni

4.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Uffiċċju juża diversi tipi ta' miżuri bħala indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni sabiex jivvaluta l-valur miżjud ipprovdut mill-attivitajiet tiegħu, u jtejjeb il-ġestjoni baġitarja tiegħu;

5.  Jirrikonoxxi li l-Uffiċċju għamel rieżami tal-istrateġija tiegħu filwaqt li qies l-iżviluppi teknoloġiċi u tas-suq sabiex jadatta għall-ambjent il-ġdid fir-rigward tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, is-salvagwardja tal-internet miftuħ u l-konnettività;

6.  Jinnota bi tħassib li l-Uffiċċju ma jaqsamx riżorsi ma' Aġenziji oħra; jistieden lill-Uffiċċju jfittex possibbiltajiet ulterjuri biex jaqsam is-servizzi u jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-passi meħuda f'dan ir-rigward;

7.  Jinnota li l-Uffiċċju esternalizza s-servizzi ta' kontabilità tiegħu lill-Kummissjoni; jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti, madankollu, li filwaqt li dawk l-avvenimenti kkawżaw modifiki sinifikanti fil-proċeduri u fis-sistema ta' kontabilità tal-Uffiċċju, dan ilu ma jiġi vvalidat mill-ġdid sa mill-2013; jinnota t-tweġiba tal-Uffiċċju li bħalissa għaddej l-approċċ ta' validazzjoni; jistieden lill-Uffiċċju jinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-iżviluppi f'dak ir-rigward;

8.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex fir-regolament fundatur tal-Uffiċċju jiġi inkorporat l-obbligu li kull ħames snin issir valutazzjoni tal-prestazzjoni esterna u perjodika;

Politika tal-persunal

9.  Jinnota li fil-31 ta' Diċembru 2017, it-tabella tal-persunal kienet mimlija 100 %, bil-ħatra ta' 14-il aġent temporanju minn 14-il aġent temporanju awtorizzati fl-ambitu tal-baġit tal-Unjoni (15-il post awtorizzati fl-2016); jinnota li, barra minn hekk, fl-2017 disa' aġenti kuntrattwali u erba' esperti nazzjonali sekondati kienu qed jaħdmu għall-Uffiċċju;

10.  Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-QEA dwar l-implimentazzjoni tat-tnaqqis ta' 5 % fil-postijiet għall-persunal li ġie ppubblikat fil-21 ta' Diċembru 2017, l-Uffiċċju ġie affettwat b'mod negattiv bl-ogħla rata possibbli ta' tnaqqis ta' 12,5 % minkejja li r-Regolament (UE) 2015/2120 assenja kompiti addizzjonali lill-Uffiċċju;

11.  Jiddispjaċih għall-iżbilanċ bejn is-sessi fost il-membri tal-kumitat ta' tmexxija tal-Uffiċċju, fejn 24 membru minn 29 huma rġiel filwaqt li ħamsa huma nisa; jitlob f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu l-importanza li jiġi żgurat bilanċ bejn is-sessi meta jippreżentaw in-nomini tagħhom għall-membri tal-Kumitat ta' Tmexxija;

12.  Jinnota li l-Uffiċċju adotta deċiżjoni dwar il-politika dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju, u, barra minn hekk, ippermetta taħriġ kunfidenzjali ta' konsulenza;

13.  Jinnota bi tħassib li fl-2017 il-perjodu medju ta' impjieg fl-Uffiċċju kien ta' 2,7 snin biss li huwa rifless fir-rata għolja ta' bidla fil-persunal; jifhem li l-Uffiċċju jsibha diffiċli biex jattira professjonisti, inter alia minħabba l-koeffiċjent tal-korrezzjoni tas-salarji baxx tal-pajjiż ospitanti (74,9 %); jesprimi t-tħassib tiegħu li t-tnaqqis tal-postijiet awtorizzati fl-ambitu tal-baġit tal-Unjoni f'dawn l-aħħar snin flimkien mal-kompiti addizzjonali miksuba żied l-ammont ta' xogħol tal-persunal tal-Uffiċċju; jirrimarka li din is-sitwazzjoni tista' toħloq riskji għall-implimentazzjoni tal-programmi ta' ħidma tiegħu; jirrikonoxxi li l-maniġment qed jaħdem kontinwament fuq l-introduzzjoni tal-miżuri ta' mitigazzjoni u jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li jkun sar f'dan ir-rigward;

Akkwist

14.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, sa tmiem l-2017, l-Uffiċċju kien għadu ma implimenta l-ebda għodda mnedija mill-Kummissjoni bil-għan li tiġi introdotta soluzzjoni waħda għall-iskambju elettroniku ta' informazzjoni ma' partijiet terzi li jipparteċipaw fi proċeduri ta' akkwist (akkwist elettroniku); jieħu nota mit-tweġiba tal-Uffiċċju li qed jippjana li jimplimentahom sa tmiem l-2018; jistieden lill-Uffiċċju jfassal rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar f'dan il-qasam;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

15.  Jinnota l-miżuri eżistenti tal-Uffiċċju u l-isforzi kontinwi biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta' interess; jindika bi tħassib, madankollu, li huwa ma jippubblikax is-CVs tal-membri tal-kumitat fuq is-sit web tiegħu; jistieden lill-Uffiċċju jinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-miżuri meħuda f'dan ir-rigward;

16.  Jiddispjaċih li, fl-31 ta' Diċembru 2017, l-Uffiċċju ma kellux regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta; jinnota madankollu li l-Uffiċċju qed jippjana li jadottahom sa tmiem l-2018; jistieden lill-Uffiċċju jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni tagħhom;

Kontrolli interni

17.  Jinnota b'apprezzament li fl-2017, l-Uffiċċju wettaq eżerċizzju intern biex jivvaluta s-sistemi ta' kontroll intern tiegħu, u kkonkluda li dawn ġew implimentati b'mod effettiv;

Kummenti oħra

18.  Jinnota li, għall-kuntrarju tal-maġġoranza ta' Aġenziji oħra, l-Uffiċċju ma wettaqx analiżi komprensiva tal-impatt probabbli tad-deċiżjoni tar-Renju Unit li joħroġ mill-Unjoni Ewropea fuq l-organizzazzjoni, l-operazzjonijiet u l-kontijiet tiegħu; jistieden lill-Uffiċċju biex iqis li jwettaq din l-analiżi u jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri meħuda f'dak ir-rigward;

o

o o

19.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' ... 2019(14) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Wolf Klinz, Monica Macovei, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, Marian-Jean Marinescu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Petra Kammerevert

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT

20

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová, Wolf Klinz

ECR

Monica Macovei

EFDD

Marco Valli

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Marian-Jean Marinescu, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Karin Kadenbach, Petra Kammerevert, Georgi Pirinski, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes

1

-

ENF

Jean-François Jalkh

0

0

 

 

It-tifsira tas-simboli:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 434, 30.11.2018, p. 38.

(2)

ĠU C 434, 30.11.2018, p. 38.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)

ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(5)

ĠU L 337, 18.12.2009, p. 1.

(6)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(7)

ĠU C 434, 30.11.2018, p. 38.

(8)

ĠU C 434, 30.11.2018, p. 38.

(9)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(10)

ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(11)

ĠU L 337, 18.12.2009, p. 1.

(12)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(13)

ĠU C 84/39, 17.03.2017, p. 189.

(14)

Testi adottati, P8_TA-PROV(2019)0000.

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Marzu 2019Avviż legali