Proċedura : 2018/2198(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0125/2019

Testi mressqa :

A8-0125/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.23

Testi adottati :

P8_TA(2019)0264

RAPPORT     
PDF 211kWORD 62k
1.3.2019
PE 626.792v02-00 A8-0125/2019

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2198(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Petri Sarvamaa

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2198(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0088/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni(5), u b'mod partikolari l-Artikolu 97 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0125/2019),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2198(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2017, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(7),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(8) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2017 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2019 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2017 (05825/2019 – C8-0088/2019),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(10), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni(11), u b'mod partikolari l-Artikolu 97 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0125/2019),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2017;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2198(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0125/2019),

A.  billi, skont id-dikjarazzjoni tad-dħul u l-infiq tagħha(13), il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (l-"Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2017 kien jammonta għal EUR 110 530 554 – tnaqqis żgħir ta' 0,28 % meta mqabbel mal-2016; billi l-Aġenzija rċeviet EUR 69 340 298 f'sussidji mill-Unjoni (62,7 % tal-baġit totali); billi l-bqija tal-baġit tal-Aġenzija ġej minn dħul iġġenerat minn tariffi u imposti;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2017 ("ir-rapport tal-Qorti"), issostni li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jirrikonoxxi li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2017 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99 %, jiġifieri żieda ta' 1 % meta mqabbel mal-2016; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 87 % – żieda ta' 1 % meta mqabbel mal-2016;

2.  Jenfasizza li l-Aġenzija hija parzjalment awtofinanzjata u tirċievi tariffi minn kumpaniji li jitolbu r-reġistrazzjoni ta' sustanzi kimiċi kif mitlub mir-Regolament dwar ir-Reġistrazzjoni, il-Valutazzjoni, l-Awtorizzazzjoni u r-Restrizzjoni ta' Sustanzi Kimiċi (REACH); jinnota li t-tariffi applikabbli jiddependu mid-daqs tal-kumpaniji u l-volum ta' sustanzi kimiċi rreġistrati; skont ir-rapport tal-Qorti, mill-ewwel reġistrazzjonijiet fl-2009 'l hawn, madwar 30 % tal-kumpaniji stqarru li kienu mikrointrapriżi jew SMEs; jinnota bi tħassib, madankollu, li, bis-saħħa ta' sistema ta' verifiki ex post effikaċi, l-Aġenzija identifikat li madwar 55 % tal-mikrointrapriżi u l-SMEs kienu kkategorizzaw id-daqs tagħhom b'mod skorrett u dan irriżulta f'tariffi aktar baxxi; japprova l-miżuri meħuda mill-Aġenzija biex jiġu fatturati korrezzjonijiet tariffarji partikolarment għoljin li kienu jammontaw għal EUR 16,4 miljun; iħeġġeġ ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali tal-infurzar isaħħu s-sistemi ta' verifika tal-volumi ddikjarati mill-kumpaniji u jimplimentaw b'mod sħiħ u effikaċi l-qafas tal-istrateġiji u l-kriterji minimi għall-infurzar tar-Regolamenti dwar is-sustanzi kimiċi; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-isforzi tagħha, kif ukoll bir-riżultati miksuba, tnaqqas l-għadd konsiderevoli ta' verifiki pendenti u timplimenta l-korrezzjonijiet tariffarji;

3.  Jirrikonoxxi l-isfidi li għandha l-Aġenzija biex tivverifika l-korrettezza tal-introjtu mit-tariffi, partikolarment minħabba t-tnaqqis sostanzjali fit-tariffi previst fil-leġiżlazzjoni għall-SMEs; jilqa', f'dan ir-rigward, l-approċċ proattiv tal-Aġenzija iżda jfakkar li verifika finanzjarja ex post tad-daqs ta' kull reġistrant mhijiex speċifikata fil-leġiżlazzjoni bħala kompitu prinċipali tal-Aġenzija u li l-Aġenzija ma ngħatalhiex il-persunal biex twettaq din il-ħidma finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Aġenzija jingħatawlha r-riżorsi xierqa biex tiżgura verifika effikaċi, proporzjonata u f'waqtha tal-introjtu mit-tariffi tagħha;

4.  Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, peress li t-tielet skadenza għar-reġistrazzjoni ta' sustanzi kimiċi skont ir-Regolament REACH tiskadi fl-2018, id-dħul mit-tariffi u l-imposti huwa mistenni li jonqos u, mill-2019 'il quddiem, l-Aġenzija se tibda tiddependi aktar fuq il-baġit tal-Unjoni għall-finanzjament tal-operat tagħha; jieħu nota tar-risposta tal-Aġenzija, madankollu, li fiha tgħid li kienet għamlet proposti alternattivi lill-Kummissjoni u li din impenjat ruħha li tivvaluta l-alternattivi biex jiġi żgurat il-finanzjament tal-Aġenzija; jistieden lill-Aġenzija żżomm lill-awtorità ta' kwittanza aġġornata bl-iżviluppi f'dan ir-rigward;

5.  Jinnota li t-tariffi mħallsa mill-industrija jvarjaw sostanzjalment minn sena għal oħra u li dan jikkomplika l-ippjanar tal-baġit u li t-tariffi mħallsa fir-rigward ta' regolament wieħed jistgħu jintużaw biss f'dik it-taqsima tal-baġit tal-Aġenzija, u li dan jista' jfisser surplus f'taqsima waħda u defiċit f'taqsimiet oħra tal-baġit; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi miżuri li jiżguraw finanzjament aktar bilanċjat tal-attivitajiet relatati mar-regolamenti kollha implimentati mill-Aġenzija; jirrakkomanda li jiġi kkunsidrat jekk il-flus miġbura mit-tariffi jistgħux jiġu ttrasferiti fil-baġit tal-Unjoni, li min-naħa tagħha tiffinanzja lill-Aġenzija permezz ta' sussidju wieħed li jkopri r-regolamenti kollha li timplimenta;

Kanċellazzjoni tar-riporti

6.  Jirrikonoxxi li l-kanċellazzjonijiet tar-riporti mill-2016 għall-2017 kienu jammontaw għal EUR 364 031, jiġifieri 2,64 % tal-ammont totali riportat u tnaqqis ta' 5,23 % meta mqabbel mal-2016;

Prestazzjoni

7.  Jirrikonoxxi li l-Aġenzija tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni (KPIs) u, barra minn hekk, introduċiet indikaturi tal-prestazzjoni tal-effiċjenza ġodda u tejbet il-KPIs tal-volum tax-xogħol sabiex ittejjeb is-sorveljanza ta' kull attività mill-perspettiva tal-produzzjoni, ir-riżorsi, il-prestazzjoni u l-effiċjenza; jinnota li l-Aġenzija tuża ċerti rati baġitarji bħala KPIs sabiex ittejjeb il-ġestjoni baġitarja tagħha; jistieden lill-Aġenzija tiżviluppa aktar KPIs iffukati fuq l-eżitu u l-impatt li jivvalutaw il-valur miżjud iġġenerat mill-attivitajiet tal-Aġenzija fir-reviżjoni tagħha tas-sistema ġenerali tal-ġestjoni tal-prestazzjoni; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bil-progress magħmul f'dan ir-rigward;

8.  Jirrikonoxxi li, minkejja r-riskji u r-restrizzjonijiet f'ċerti oqsma, l-Aġenzija laħqet 70 mid-79 mira tal-KPIs tagħha, u li kompliet timplimenta kemm l-azzjonijiet ta' titjib fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni kif ukoll l-istrateġija regolatorja integrata tagħha;

9.  Ifakkar li l-Aġenzija hija entità konsolidata skont l-Artikolu 185 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(14) ("ir-Regolament Finanzjarju"), u li fost l-awtoritajiet regolatorji hija dik li tixpruna l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi għall-benefiċċju tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, kif ukoll għall-innovazzjoni u l-kompetittività; jinnota li l-Aġenzija tgħin lill-kumpaniji jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni, tippromwovi l-użu tas-sustanzi kimiċi bla periklu, tipprovdi informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi u tindirizza sustanzi kimiċi li jqajmu tħassib;

10.  Jinnota li fl-2017 waslu madwar 15 900 dossier ta' reġistrazzjoni (li 8 500 minnhom iġġeneraw tariffi), u li dan jirrappreżenta żieda ta' 48,6 % meta mqabbel mal-2016; jenfasizza li din iż-żieda fl-attività ta' reġistrazzjoni hija marbuta direttament mal-aħħar skadenza għar-reġistrazzjoni tar-REACH fl-1 ta' Ġunju 2018;

11.  Jinnota, b'apprezzament, li l-Aġenzija tikkondividi l-kapaċità tal-awditjar intern tagħha mal-Aġenzija tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita Ewropea u tikkollabora mill-qrib ma' aġenziji oħra, fosthom billi tikkondividi servizzi, taħt il-kappa tan-netwerk interaġenzjali u permezz ta' memoranda ta' qbil ma' diversi aġenziji;

12.  Skont ir-rapport tal-Qorti, ir-regolament fundatur tal-Aġenzija – għall-kuntrarju tal-biċċa l-kbira tal-aġenziji l-oħra – ma jirrikjedix espliċitament li l-attivitajiet tagħha jsirulhom evalwazzjonijiet esterni perjodiċi, li huma elementi fundamentali għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni; iħeġġeġ lill-Aġenzija twettaq evalwazzjoni esterna tal-inqas kull ħames snin;

Politika dwar il-persunal

13.  Jinnota li, fil-31 ta' Diċembru 2017, 96,52 % tat-tabella tal-persunal kienet eżegwita, u li, mit-total ta' 460 aġent temporanju awtorizzat mill-baġit tal-Unjoni (meta mqabbel ma' 455 post tax-xogħol awtorizzati fl-2016) kienu nħatru 444; jinnota wkoll li, fl-2017, l-Aġenzija ħaddmet 119-il aġent kuntrattwali u tmien esperti nazzjonali sekondati;

14.  Jinnota li l-Aġenzija adottat politika kontra l-fastidju u linji gwida rispettivi; jirrikonoxxi li organizzat sessjonijiet ta' taħriġ u offriet servizz ta' assistenza psikoloġika kunfidenzjali;

15.  Jilqa' s-suġġeriment tal-Qorti li l-avviżi ta' pożizzjonijiet vakanti jiġu ppubblikati anke fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) sabiex tiżdied il-pubbliċità; jieħu nota tas-suġġeriment li l-EPSO jippromwovi l-Inter-Agency Job Market stabbilit min-Netwerk tal-Aġenziji tal-UE;

16.  Jinnota li filwaqt li l-iskadenza għar-reġistrazzjoni tal-2018 kienet l-iskadenza regolatorja finali tar-reġistrazzjoni REACH għal sustanzi ta' introduzzjoni gradwali, l-attività ta' reġistrazzjoni tal-Aġenzija hija mistennija tibqa' f'livell għoli għall-bqija tal-perjodu ta' din l-istrateġija; jinnota, barra minn hekk, li wara l-analiżi strateġika li għamlet dwar id-direzzjoni li se tieħu fil-futur, l-Aġenzija identifikat ċerti oqsma ta' attività eżistenti li huma mistennija jikbru u għadd ta' kompiti ġodda li l-Aġenzija għandha mnejn tibda twettaq; jenfasizza li għandu jiġi evitat kwalunkwe nuqqas ta' persunal;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

17.  Skont l-Aġenzija, id-dħul ibbaġitjat tagħha mit-tariffi għall-2017 jirrappreżenta 35 % tal-introjtu totali; jirrikonoxxi s-sistema eżemplari tal-Aġenzija għall-monitoraġġ u l-prevenzjoni ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess, u l-fehma tagħha li minħabba l-miżuri meħuda m'hemm l-ebda periklu ta' kunflitti bħal dawn għax l-iskop tat-tariffi hu li jkopru l-ispejjeż u għax il-membri tal-persunal tal-Aġenzija involuti fit-tfassil tal-opinjonijiet issirilhom valutazzjoni regolari biex tiġi żgurata l-indipendenza tagħhom; jinnota li l-Aġenzija tkun favur soluzzjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tiġbor it-tariffi f'isem l-Aġenzija, għax dan jiffaċilita l-ġestjoni finanzjarja tal-Aġenzija u jgħin biex jonqos ir-riskju ta' nuqqasijiet;

18.  Jirrikonoxxi l-miżuri eżistenti u l-isforzi kontinwi tal-Aġenzija biex tiżgura t-trasparenza u l-protezzjoni tal-informaturi; skont l-Aġenzija, il-laqgħat kollha tal-maniġment superjuri tagħha ma' gruppi ta' interess jiġu rreġistrati u ppubblikati fuq is-sit web tagħha biex tiġi żgurata trasparenza sħiħa;

Awditu intern

19.  Jinnota li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq valutazzjoni tar-riskju u ħejja l-pjan ta' awditjar strateġiku tal-IAS għall-2018-2020 u, barra minn hekk, wettaq intervisti preliminari għal awditu fuq il-kunflitti ta' interess u l-etika f'Ottubru 2017; jistieden lill-Aġenzija tinforma lill-awtorità ta' kwittanza bl-eżitu ta' dan l-istudju u bi kwalunkwe azzjoni rispettiva meħuda bi tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet;

Kummenti oħra

20.  Jinnota li, wara li għażlet il-bini l-ġdid u ffirmat kuntratt ta' kiri fl-2017, l-Aġenzija qed tippjana li tmur fl-uffiċċji l-ġodda tagħha f'Helsinki f'Jannar 2020; jinnota li dan il-pass ittieħed minħabba xi ħsarat li hemm fil-bini li tokkupa bħalissa, partikolarment b'rabta mal-kwalità tal-arja fl-uffiċċji attwali tagħha;

o

o o

21.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' ... 2019(15) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

24.1.2019

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) għas-sena finanzjarja 2017

(2018/2198(BUD))

Rapporteur għal opinjoni: Adina-Ioana Vălean

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi ("l-Aġenzija") hija entità konsolidata, f'konformità mal-Artikolu 185 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(16) (ir-"Regolament Finanzjarju"), u hija l-mutur fost l-awtoritajiet regolatorji fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-sustanzi kimiċi għall-benefiċċju tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent, kif ukoll għall-innovazzjoni u l-kompetittività; jinnota li l-Aġenzija tgħin lill-kumpaniji jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni, tippromwovi l-użu b'sikurezza tas-sustanzi kimiċi, tipprovdi informazzjoni dwar is-sustanzi kimiċi u tindirizza sustanzi kimiċi ta' tħassib;

2.  Jirrileva li fl-2017 l-Aġenzija ċċelebrat l-10 anniversarju tagħha u jinnota wkoll li l-Bord tat-Tmexxija ħatar Direttur Eżekuttiv ġdid;

3.  Jinnota li fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(17) ("REACH"), l-Aġenzija hija ffinanzjata permezz tal-ħlasijiet li jsiru mill-industrija u minn sussidju ta' bilanċ tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 208 tar-Regolament Finanzjarju; jirrikonoxxi l-fatt li fl-2017 l-Aġenzija b'kollox ġabret introjtu ta' EUR 33 960 276 mill-ħlasijiet (imqabbel ma' EUR 33 377 004 fl-2016), filwaqt li s-sussidju tal-Unjoni ammonta għal EUR 64 289 500 (imqabbel ma' EUR 58 919 188 fl-2016) u li, barra minn hekk, il-kontribuzzjoni li rċeviet mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) kienet ta' EUR 1 587 950;

4.  Jenfasizza li fir-rigward tar-Regolament (KE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(18) (ir-Regolament dwar il-prodotti bijoċidali), l-Aġenzija hija ffinanzjata permezz tal-ħlasijiet mill-industrija u minn sussidju ta' bilanċ tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 208 tar-Regolament Finanzjarju; jinnota li fl-2017 l-Aġenzija b'kollox ġabret introjtu ta' EUR 8 127 680 mill-ħlasijiet (imqabbel ma' EUR 7 612 146 fl-2016), filwaqt li s-sussidju tal-Unjoni ammonta għal EUR 3 867 798 (imqabbel ma' EUR 850 000 fl-2016) u li, barra minn hekk, il-kontribuzzjoni li rċeviet mill-EFTA, inkluża l-Iżvizzera, laħqet EUR 183 156 (EUR 142 379 fl-2016);

5.  Jinnota li, bi qbil mar-Regolament (UE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(19) (ir-Regolament PIC), l-Aġenzija hija ffinanzjata bis-sħiħ minn sussidju tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 208 tar-Regolament Finanzjarju; jinnota li fl-2017, is-sussidju tal-Unjoni ammonta għal EUR 1 185 770 (meta mqabbel ma' EUR 1 151 000 fl-2016); jenfasizza li l-Aġenzija adottat l-ewwel rapport tagħha dwar it-tħaddim tar-Regolament PIC li jkopri l-perjodu 2014-2016;

6.  Jenfasizza li l-baġit finali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2017 kien ta' EUR 109 930 554, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 0,8 % meta mqabbel mal-2016; jinnota li l-ħlasijiet u l-imposti miġbura mill-Aġenzija fl-2017 koprew 38 % tan-nefqa tagħha (meta mqabbel ma' 46 % fl-2016);

7.  Jinnota li l-ħlasijiet magħmula mill-industrija jvarjaw sostanzjalment minn sena għal oħra u li dan jikkomplika l-ippjanar tal-baġit u li l-ħlasijiet magħmula fir-rigward ta' regolament wieħed jistgħu jintużaw biss f'dik is-sezzjoni tal-baġit tal-Aġenzija u li dan jista' jfisser surplus f'sezzjoni waħda u defiċit f'sezzjonijiet oħra tal-baġit; jirrakkomanda li jiġi kkunsidrat jekk il-ħlasijiet miġbura jistgħux jiġu trasferiti lill-baġit tal-Unjoni filwaqt li l-Aġenzija tiġi interament finanzjata mill-baġit tal-Unjoni permezz ta' ammont ta' sussidju li jkopri r-regolamenti kollha li timplimenta l-Aġenzija;

8.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2017 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 98,1 %, li tirrapreżenta żieda ta' 1,1 % meta mqabbel mal-2016; jinnota, barra minn hekk, li fl-2017 ir-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 86,9 %, li tirrapreżenta żieda ta' 0,9 % meta mqabbel mal-2016;

9.  Jinnota li fl-2017 waslu madwar 15 900 dossier ta' reġistrazzjoni (li minnhom 8 500 jiġġeneraw ħlas), li jirrappreżentaw żieda ta' 48,6 % meta mqabbel mal-2016; jenfasizza li din iż-żieda fl-attività ta' reġistrazzjoni hija marbuta direttament mal-aħħar skadenza għar-reġistrazzjoni ta' REACH tal-1 ta' Ġunju 2018;

10.  Jinnota li l-mira ta' reklutaġġ intlaħqet peress li 98 % tal-pożizzjonijiet tax-xogħol għall-oqsma REACH/CLP, PIC u tal-bijoċidi mtlew; jirrileva d-diffikultajiet iffaċċjati mill-Aġenzija minħabba t-tnaqqis ta' pożizzjonijiet ta' xogħol impost u l-inċertezza kontinwata fil-qasam tal-bijoċidi;

11.  Jirrikonoxxi l-isfidi għall-Aġenzija biex tivverifika l-korrettezza tal-introjtu mill-ħlasijiet, b'mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis sostanzjali tal-ħlasijiet previst fil-liġi għall-SMEs; jilqa' f'dan ir-rigward l-approċċ proattiv tal-Aġenzija iżda jfakkar li verifika finanzjarja ex post tad-daqs ta' kull reġistrant mhijiex speċifikata fil-leġiżlazzjoni bħala kompitu prinċipali tal-Aġenzija u li l-Aġenzija ma ngħatalhiex il-persunal biex twettaq din il-ħidma finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Aġenzija jingħatawlha r-riżorsi xierqa biex tiżgura l-verifika effikaċi u proporzjonata f'waqtha tal-introjtu mill-ħlasijiet tagħha;

12.  Jilqa' l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2017 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet sottostanti huma legali u regolari;

13.  Jirrakkomanda, abbażi tal-fatti disponibbli, l-għoti ta' kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2017.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

22.1.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

7

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken, Pilar Ayuso, Catherine Bearder, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Mark Demesmaeker, Stefan Eck, Bas Eickhout, José Inácio Faria, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Arne Gericke, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Jytte Guteland, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Kateřina Konečná, Urszula Krupa, Peter Liese, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Rory Palmer, Gilles Pargneaux, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, John Procter, Frédérique Ries, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Ivica Tolić, Nils Torvalds, Adina-Ioana Vălean, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Cristian-Silviu Buşoi, Christophe Hansen, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Jan Huitema, Tilly Metz, Bart Staes, Tiemo Wölken

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Olle Ludvigsson

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

49

+

ALDE

Catherine Bearder, Jan Huitema, Anneli Jäätteenmäki, Valentinas Mazuronis, Frédérique Ries, Nils Torvalds

ECR

Mark Demesmaeker

GUE/NGL 

Stefan Eck, Anja Hazekamp, Kateřina Konečná

PPE

Pilar Ayuso, Ivo Belet, Cristian Silviu Buşoi, Birgit Collin Langen, Angélique Delahaye, José Inácio Faria, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Jens Gieseke, Julie Girling, Françoise Grossetête, Christophe Hansen, Peter Liese, Miroslav Mikolášik, Annie Schreijer Pierik, Ivica Tolić, Adina Ioana Vălean

S&D

Simona Bonafè, Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Miriam Dalli, Seb Dance, Jytte Guteland, Olle Ludvigsson, Susanne Melior, Rory Palmer, Gilles Pargneaux, Pavel Poc, Daciana Octavia Sârbu, Tiemo Wölken, Damiano Zoffoli

VERTS/ALE

Margrete Auken, Bas Eickhout, Martin Häusling, Benedek Jávor, Tilly Metz, Bart Staes

7

-

ECR

Arne Gericke, Urszula Krupa, Bolesław G. Piecha, John Procter, Jadwiga Wiśniewska

EFDD

Sylvie Goddyn

ENF

Jean-François Jalkh

0

0

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Wolf Klinz, Monica Macovei, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach, Marian-Jean Marinescu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Petra Kammerevert

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

22

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová, Wolf Klinz

ECR

Monica Macovei

EFDD

Marco Valli

ENF

Jean-François Jalkh

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Marian-Jean Marinescu, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Karin Kadenbach, Petra Kammerevert, Georgi Pirinski, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes

0

-

 

 

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 434, 30.11.2018, p. 56.

(2)

ĠU C 434, 30.11.2018, p. 56.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)

ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(5)

ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(6)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(7)

ĠU C 434, 30.11.2018, p. 56.

(8)

ĠU C 434, 30.11.2018, p. 56.

(9)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(10)

ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(11)

ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(12)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(13)

ĠU C 415/04, 5.12.2017, p. 12.

(14)

  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(15)

Testi adottati, P8_TA-PROV(2019)0000.

(16)

  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1).

(17)

  Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).

(18)

  Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).

(19)

  Ir-Regolament (KE) Nru 649/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta' sustanzi kimiċi perikolużi (ĠU L 201, 27.7.2012, p. 60).

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Marzu 2019Avviż legali