Proċedura : 2018/2210(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0140/2019

Testi mressqa :

A8-0140/2019

Dibattiti :

PV 26/03/2019 - 12
CRE 26/03/2019 - 12

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 13.13

Testi adottati :

P8_TA(2019)0254

RAPPORT     
PDF 230kWORD 73k
1.3.2019
PE 626.815v02-00 A8-0140/2019

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll

(2018/2210(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Petri Sarvamaa

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll

(2018/2210(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2016 (COM(2018)0545),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri(1) dwar il-kontijiet annwali tal-aġenziji għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 70 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness IV tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0140/2019),

A.  billi din ir-riżoluzzjoni fiha, għal kull korp fis-sens tal-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046, osservazzjonijiet trasversali li jakkumpanjaw id-deċiżjonijiet ta' kwittanza skont l-Artikolu 110 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 u t-Taqsima V tal-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament;

B.  billi r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Ħidma Interistituzzjonali (IIWG2) dwar ir-riżorsi tal-aġenziji deċentralizzati ġew approvati mill-Konferenza tal-Presidenti fit-18 ta' Jannar 2018; ifakkar fis-sitt rakkomandazzjonijiet li ħarġu taħt il-mandat tiegħu, b'mod speċifiku fir-rigward tal-mira ta' tnaqqis ta' 5 % tal-persunal, it-trattament ta' kompiti ġodda, l-evalwazzjoni regolari tal-aġenziji, il-kondiviżjoni tas-servizzi, l-evalwazzjoni ta' aġenziji b'diversi postijiet u l-aġenziji ffinanzjati mit-tariffi;

C.  billi, fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza, l-awtorità tal-kwittanza tisħaq fuq l-importanza tat-tisħiħ ulterjuri tal-effiċjenza, l-effikaċja, l-ekonomija u l-obbligu ta' rendikont tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u tal-implimentazzjoni tal-kunċett ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni u governanza tajba tar-riżorsi umani;

1.  Jenfasizza li l-aġenziji għandhom viżibilità għolja ħafna fl-Istati Membri u għandhom influwenza sinifikanti fuq it-tfassil tal-politiki, it-teħid tad-deċiżjonijiet u l-implimentazzjoni ta' programmi f'oqsma ta' importanza kruċjali għaċ-ċittadini Ewropej, bħal pereżempju s-sigurtà, is-sikurezza, is-saħħa, ir-riċerka, l-affarijiet ekonomiċi, l-ambjent, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-enerġija, it-trasport, il-libertà u l-ġustizzja; itenni l-importanza tal-kompiti mwettqa mill-aġenziji u l-impatt dirett tagħhom fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-Unjoni; itenni wkoll l-importanza tal-awtonomija tal-aġenziji, b'mod partikolari dik tal-aġenziji regolatorji u ta' dawk li għandhom il-funzjoni tal-ġbir indipendenti tal-informazzjoni; ifakkar li r-raġunijiet ewlenin għall-istabbiliment tal-aġenziji kienu għall-fini tat-tħaddim tas-sistemi tal-Unjoni, għall-iffaċilitar tal-implimentazzjoni tas-Suq Uniku Ewropew u biex iwettqu valutazzjonijiet tekniċi jew xjentifiċi indipendenti; jilqa', f'dan ir-rigward, il-prestazzjoni ġenerali effikaċi tal-aġenziji u l-progress li sar fit-tisħiħ tal-viżibilità tagħhom għaċ-ċittadini Ewropej;

2.  Jinnota b'sodisfazzjon li, skont ir-rapport annwali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri ("il-Qorti") dwar l-aġenziji tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2017 ("ir-rapport tal-Qorti"), il-Qorti ħarġet opinjoni tal-awditjar mhux kwalifikata dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet tal-aġenziji kollha; jinnota, barra minn hekk, li l-Qorti ħarġet opinjoni mhux kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tad-dħul li fuqu huma bbażati l-kontijiet għall-aġenziji kollha; josserva li l-Qorti ħarġet opinjoni mhux kwalifikata dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti li fuqhom huma bbażati l-kontijiet għall-aġenziji kollha, ħlief għall-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO); jinnota b'dispjaċir li fir-rigward tal-pagamenti tal-EASO, il-Qorti ħarġet opinjoni avversa;

3.  Jinnota li għat-32 aġenzija deċentralizzata tal-Unjoni, il-baġits tal-2017 ammontaw għal madwar EUR 2,35 biljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn, jiġifieri żieda ta' madwar 13,36 % meta mqabbla mal-2016, u għal EUR 2,24 biljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament, jiġifieri żieda ta' 10,31 % meta mqabbla mal-2016; jinnota, barra minn hekk, li mit-EUR 2,24 biljun, madwar EUR 1,62 biljun ġew iffinanzjati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, u dan jirrappreżenta 72,08 % tal-finanzjament totali tal-aġenziji fl-2017 (meta mqabbel ma' 69,81 % fl-2016); jirrikonoxxi, barra minn hekk, li madwar EUR 627 miljun ġew iffinanzjati minn tariffi u imposti u minn kontribuzzjonijiet diretti mill-pajjiżi parteċipanti;

4.  Ifakkar fit-talba tiegħu li l-proċedura ta' kwittanza tiġi ssimplifikata u aċċellerata bl-għan li d-deċiżjoni dwar l-għoti ta' kwittanza tittieħed fis-sena immedjatament wara dik li għaliha tingħata l-kwittanza, filwaqt li l-proċedura tingħalaq fi żmien sena wara s-sena kontabilistika inkwistjoni; jilqa' f'dan ir-rigward l-isforzi pożittivi mwettqa u l-kooperazzjoni tajba man-Netwerk tal-Aġenziji tal-Unjoni Ewropea ("in-Netwerk") u l-aġenziji individwali, u b'mod partikolari l-Qorti, fatt li juri potenzjal ċar għas-semplifikazzjoni u l-aċċellerazzjoni tal-proċedura min-naħa tagħhom; japprezza l-progress li sar s'issa u jistieden lill-atturi rilevanti kollha jkomplu bl-isforzi tagħhom favur il-progress ulterjuri tal-proċedura;

Riskji ewlenin identifikati mill-Qorti

5.  Jinnota b'sodisfazzjon li, skont ir-rapport tagħha, il-Qorti tqis li r-riskju ġenerali għall-affidabbiltà tal-kontijiet huwa wieħed baxx għall-aġenziji kollha, billi l-kontijiet tal-aġenziji huma bbażati fuq standards tal-kontabbiltà aċċettati internazzjonalment, u fid-dawl tal-fatt li fil-passat kien hemm biss ftit żbalji materjali;

6.  Jinnota li skont ir-rapport tagħha, il-Qorti tqis li r-riskju ġenerali għal-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet tal-aġenziji huwa wieħed medju, li jvarja minn baxx sa għoli għal titoli speċifiċi tal-baġit; jinnota li r-riskju għat-Titolu I (nefqa għall-persunal) huwa ġeneralment baxx, għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) ir-riskju hu meqjus li huwa wieħed medju, u għat-Titolu III (nefqa operattiva) ir-riskju huwa meqjus li jvarja minn baxx għal għoli, skont l-aġenziji u n-natura tan-nefqa operattiva tagħhom; jirrimarka li normalment s-sorsi ta' riskju jirriżultaw mill-akkwist u l-pagamenti tal-għotjiet;

7.  Josserva li skont ir-rapport tal-Qorti, ir-riskju għal ġestjoni finanzjarja tajba huwa wieħed medju u prinċipalment huwa identifikat fl-oqsma tat-teknoloġija tal-informatika (IT) u tal-akkwist pubbliku; jiddispjaċih li l-IT u l-akkwist pubbliku għadhom oqsma suxxettibbli għall-iżbalji;

8.  Jenfasizza li, minn perspettiva usa', l-għadd ta' aġenziji żgħar, kull waħda bl-istrutturi u l-proċeduri amministrattivi proprja, jikkostitwixxi riskju ta' ineffiċjenza amministrattiva u jaf iwassal għal trikkib ta' metodi inkoerenti, sakemm ma tiġix żgurata l-armonizzazzjoni u sakemm ir-riżorsi ma jiġux kondiviżi b'mod effiċjenti;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

9.  Jinnota b'sodisfazzjon li, skont ir-rapport tal-Qorti, fl-2017, l-għadd ta' osservazzjonijiet dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti naqas għal tmienja, minn 11 fl-2016, u dan juri l-isforzi kontinwi tal-aġenziji biex jikkonformaw mar-Regolament Finanzjarju;

10.  Jappella lill-Kummissjoni, lin-Netwerk u lill-aġenziji individwali biex jaħdmu flimkien u jipprovdu feedback kostruttiv matul in-negozjati għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali ta' wara l-2020, u biex jesploraw sorsi ġodda ta' finanzjament għall-aġenziji flimkien mal-kontribuzzjonijiet eżistenti mill-baġit tal-Unjoni; jinsisti li d-deċiżjonijiet futuri dwar ir-riżorsi m'għandhomx isiru fuq bażi globali, iżda minflok għandhom jintrabtu mal-kompiti li l-aġenziji huma inkarigati jwettqu abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq l-importanza tal-kooperazzjoni u r-raggruppamenti tematiċi tal-aġenziji skont l-oqsma ta' politika;

11.  Jinnota li r-rapporti awditjati tal-implimentazzjoni baġitarja ta' ċerti aġenziji huma differenti mil-livell ta' dettall ipprovdut mill-parti l-kbira tal-aġenziji l-oħra, u dan juri li hemm ħtieġa ta' linji gwida ċari dwar ir-rappurtar tal-baġit mill-aġenziji; jirrikonoxxi l-isforzi li saru biex tiġi żgurata l-konsistenza fil-preżentazzjoni u r-rapportar tal-kontijiet; josserva diskrepanzi f'xi informazzjoni u dokumenti żvelati mill-aġenziji, speċjalment fir-rigward ta' ċifri relatati mal-persunal, inkluż f'rapporti dwar it-tabella tal-persunal (postijiet mimlija, jew postijiet massimi awtorizzati skont il-baġit tal-Unjoni); jirrimarka li fir-rapporti tagħhom xi aġenziji ma ddikjarawx b'mod ċar l-indikaturi tal-prestazzjoni baġitarja użati u li l-aġenziji mhux dejjem ikkalkolaw l-ammonti u l-perċentwali rispettivi b'mod koerenti bl-użu tal-istess elementi għall-kalkolu; jappella lill-Kummissjoni, lin-Netwerk u lill-aġenziji individwali jaħdmu fuq indikaturi simplifikati u armonizzati u jirrapportaw lura għand l-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri meħuda f'dan ir-rigward; jappella, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex fis-snin li ġejjin tipprovdi lill-awtorità ta' kwittanza, b'mod awtomatiku, il-baġit uffiċjali (f'approprjazzjonijiet ta' impenn u f'approprjazzjonijiet ta' pagament) u ċ-ċifri tal-persunal (tabella tal-persunal, aġenti kuntrattwali u esperti nazzjonali ssekondati fil-31 ta' Diċembru tas-sena inkwistjoni) tat-32 aġenzija deċentralizzata;

12.  Ifakkar fil-proposta min-Netwerk fir-rigward tar-rappurtar tar-riporti kkanċellati li jkunu ogħla minn 5 % tal-baġit totali tas-sena preċedenti; jemmen madankollu li r-rapportar tas-sehem ta' riporti kkanċellati fuq l-ammont totali riportat mis-sena N-2 għas-sena N-1 jikkostitwixxi indikatur aktar rilevanti fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' annwalità tal-baġit; jenfasizza li l-livell ta' kanċellazzjonijiet ta' riporti huwa indikattiv ta' kemm l-aġenziji antiċipaw b'mod korrett il-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom; jistieden lill-Qorti u lill-Kummissjoni jipproponu u jiddefinixxu formula konsistenti għall-kalkolu tar-riporti kkanċellati u jappella lill-aġenziji jinkludu din l-informazzjoni fir-Rapporti Annwali Kkonsolidati tal-Attività rispettivi tagħhom għas-snin finanzjarji li ġejjin;

13.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu stabbiliti definizzjonijiet ċari tar-riporti aċċettabbli sabiex jiġi ssimplifikat ir-rapportar tal-Qorti u tal-aġenziji dwar din il-kwistjoni kif ukoll biex l-awtorità tal-kwittanza tkun tista' tiddistingwi bejn ir-riporti li jindikaw ippjanar baġitarju ta' livell baxx, u r-riporti użati bħala għodda baġitarja li jsostnu lill-programmi pluriennali u l-ippjanar tal-akkwist;

Prestazzjoni

14.  Iħeġġeġ lill-aġenziji u lill-Kummissjoni biex japplikaw il-prinċipju ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni, biex b'mod konsistenti jfittxu l-aktar modi effikaċi li jagħtu valur miżjud, u biex jesploraw aktar il-possibbiltà ta' titjib fl-effiċjenza fir-rigward tal-ġestjoni tar-riżorsi;

15.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-aġenziji stabbilew in-Netwerk bħala pjattaforma ta' kooperazzjoni interaġenzjali biex tiżdied il-viżibilità tal-aġenziji, tiġi identifikata u promossa l-possibbiltà ta' titjib fl-effiċjenza u biex jissaħħaħ il-valur miżjud; jirrikonoxxi l-valur miżjud tan-Netwerk fil-kooperazzjoni tiegħu mal-Parlament u jilqa' l-isforzi tiegħu fil-koordinazzjoni, fil-ġbir u l-konsolidazzjoni ta' azzjonijiet u fl-informazzjoni għall-benefiċċju tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni; japprezza, barra minn hekk, il-gwida li jipprovdi n-Netwerk lill-aġenziji fl-isforzi tagħhom biex itejbu l-kapaċità biex jippjanaw, jimmonitorjaw u jirrapportaw dwar ir-riżultati, il-baġit u r-riżorsi użati;

16.  Jinnota b'sodisfazzjon li xi aġenziji jikkooperaw skont il-gruppi tematiċi tagħhom, bħalma huma l-aġenziji tal-Ġustizzja u Affarijiet Interni(5) u l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej(6); jinkoraġġixxi wkoll lil aġenziji oħrajn biex jikkooperaw aktar ma' xulxin meta jkun possibbli, mhux biss biex jistabbilixxu sinerġiji u servizzi komuni, iżda anki fl-oqsma ta' politika komuni tagħhom; jilqa' l-format aggregat il-ġdid tar-rapport tal-Qorti li jippreżenta lill-aġenziji skont l-intestaturi tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u għaldaqstant jiġborhom skont l-oqsma ta' politika;

17.  Jenfasizza li għandha titqies l-effiċjenza meta l-aġenziji jiġu (ri)lokati fl-Istati Membri; jesprimi d-diżappunt tiegħu rigward l-eżitu miksub f'dan ir-rigward tal-IIWG dwar l-aġenziji deċentralizzati, billi ma ġiet żviluppata ebda proposta speċifika biex l-aġenziji li jikkonċentraw fuq oqsma ta' politika relatati jingħaqdu jew jiġu kolokati; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta, mingħajr dewmien, evalwazzjoni ta' dawk l-aġenziji li għandhom aktar minn sede waħda, kif rakkomandat mill-IIWG, kif ukoll proposti għall-possibbiltà ta' fużjonijiet, għeluq u/jew trasferimenti ta' kompiti lill-Kummissjoni, abbażi ta' analiżi bir-reqqa u fil-fond u bl-użu ta' kriterji ċari u trasparenti, kif kien previst fit-termini ta' referenza tat-IIWG iżda li fir-realtà qatt ma ġew eżaminati sew minħabba n-nuqqas ta' proposti f'dan is-sens min-naħa tal-Kummissjoni;

18.  Jiddispjaċih li, filwaqt li l-aġenziji żiedu l-użu ta' sistemi simili għall-kontabilità u l-ġestjoni tal-baġits, dawn għadhom jużaw varjetà kbira ta' soluzzjonijiet tal-IT f'oqsma ewlenin oħra, bħall-ġestjoni tar-riżorsi umani u l-ġestjoni tal-kuntratti u l-akkwisti; huwa tal-istess fehma bħall-Qorti li l-armonizzazzjoni ulterjuri tas-soluzzjonijiet tal-IT f'dawn l-oqsma ttejjeb il-kosteffiċjenza, tnaqqas ir-riskji ta' kontroll intern u ssaħħaħ il-governanza tal-IT;

Politika dwar il-persunal

19.  Jinnota li fl-2017, it-32 aġenzija deċentralizzata impjegaw 7 324 uffiċjal, aġent temporanju, aġent kuntrattwali u espert nazzjonali sekondat (6 941 fl-2016), u dan jirrappreżenta żieda ta' 5,52 % meta mqabbel mas-sena preċedenti;

20.  Jinnota li sabiex jiġġestixxu kompiti ġodda b'mod xieraq, ifittxu titjib kontinwu fl-effiċjenza, jimlew il-postijiet tax-xogħol vakanti b'mod rapidu u effikaċi kif ukoll isaħħu l-abbiltà tagħhom li jattiraw l-esperti, l-aġenziji għandhom kontinwament jimmonitorjaw u jivvalutaw il-livelli tal-persunal u l-ħtiġijiet tal-aġenziji nfushom f'termini ta' riżorsi umani u finanzjarji addizzjonali, u fejn meħtieġ jagħmlu talbiet rilevanti sabiex ikunu jistgħu jwettqu korrettament il-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħhom;

21.  Ifakkar li matul il-laqgħa ta' segwitu tal-IIWG2 li saret fit-12 ta' Lulju 2018, il-Kummissjoni ppreżentat nota dwar l-evoluzzjoni tal-għadd ta' postijiet tat-tabella tal-persunal fejn qieset li t-tnaqqis tal-persunal b'5 % kien intlaħaq; jirrimarka li din il-konklużjoni ġiet appoġġjata mill-Parlament;(7)

22.  Jinnota li l-Kummissjoni applikat imposta annwali addizzjonali ta' 1 % matul il-perjodu ta' ħames snin bejn l-2014 u l-2018 biex toħloq "grupp ta' ridistribuzzjoni" li minnu tkun tista' talloka l-postijiet lill-aġenziji fdati b'kompiti ġodda jew li jkunu jinsabu fil-fażi tal-bidu tagħhom(8);

23.  Josserva li l-aġenziji deċentralizzati żiedu l-użu ta' persunal kuntrattwali biex jimplimentaw kompiti ġodda u b'mod parzjali jikkumpensaw għat-tnaqqis ta' 5 % tal-persunal u għall-imposta fuq il-ħolqien tal-grupp ta' ridistribuzzjoni; jistieden lin-Netwerk jiżviluppa politika ġenerali fejn ma jissostitwixxix il-persunal permanenti b'konsulenti esterni li jiswew aktar;

24.  Jinnota l-isfida ta' nuqqas ta' persunal li qegħdin jiffaċċjaw xi aġenziji, speċjalment meta jiġu attribwiti kompiti ġodda mingħajr persunal addizzjonali previst għall-implimentazzjoni tagħhom; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma kkunsidratx it-talba tal-aġenziji affettwati għal żieda fil-persunal tagħhom li tpoġġi f'riskju l-prestazzjoni tajba tagħhom;

25.  Jinnota bi tħassib l-għadd ta' fatturi li jxekklu l-prestazzjoni operattiva ta' ċerti aġenziji, bħad-diffikultajiet biex jiġu impjegati persuni kwalifikati fi gradi partikolari, parzjalment minħabba l-koeffiċjent ta' korrezzjoni baxx f'ċerti Stati Membri, u l-implimentazzjoni ta' attivitajiet permezz ta' proċessi ta' għotjiet li kienu twal u impenjattivi f'sens amministrattiv; jistieden lin-Netwerk u lill-aġenziji individwali jirrapportaw lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress miksub f'dan ir-rigward;

26.  Jappella lill-aġenziji kollha jiżvelaw il-livell ta' rotazzjoni tal-persunal u jindikaw b'mod ċar il-postijiet li huma effettivament okkupati sal-31 ta' Diċembru tas-sena finanzjarja rilevanti, sabiex tiġi żgurata l-komparabbiltà interaġenzjali;

27.  Jiddispjaċih dwar l-iżbilanċ bejn il-ġeneri f'xi aġenziji; jappella lill-aġenziji kollha sabiex jaħdmu kontinwament fuq distribuzzjoni bbilanċjata fil-livelli kollha tal-persunal u jirrapportaw lura għand l-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri implimentati u l-progress;

28.  Jinnota bi tħassib li l-parti l-kbira tal-aġenziji ma jippubblikawx l-avviżi ta' postijiet battala fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO); jifhem, madankollu, it-tħassib tal-aġenziji dwar l-ispejjeż għoljin tat-traduzzjoni; jilqa', f'dan ir-rigward, il-bord tal-impjiegi interaġenzjali mniedi u amministrat min-Netwerk u jistieden lill-aġenziji jieħdu vantaġġ sħiħ mill-pjattaforma; jappella lill-EPSO biex huwa wkoll jippromwovi l-bord tal-impjiegi tan-Netwerk fuq is-sit web ġenerali tiegħu għall-avviżi ta' postijiet battala fl-Unjoni;

29.  Iħeġġeġ lill-aġenziji tal-Unjoni jikkunsidraw l-adozzjoni ta' strateġija għad-drittijiet fundamentali, inkluża referenza għad-drittijiet fundamentali f'kodiċi ta' kondotta li jista' jiddefinixxi d-dmirijiet u t-taħriġ tal-persunal tagħhom; jistabbilixxu mekkaniżmi li jiżguraw li kwalunkwe ksur tad-drittijiet fundamentali jiġi identifikat u rrapportat, filwaqt li tinġibed l-attenzjoni tal-korpi ewlenin tal-aġenziji dwar ir-riskji ta' dan il-ksur; jistabbilixxu, fejn rilevanti, il-pożizzjoni ta' uffiċjal għad-drittijiet fundamentali, li jirrapporta direttament għand il-bord tat-tmexxija biex jiġi żgurat grad stabbilit ta' indipendenza fil-konfront tal-persunal l-ieħor, sabiex ikunu ċerti li t-theddid għad-drittijiet fundamentali jiġi indirizzat immedjatament u jsir aġġornament kontinwu tal-politika dwar id-drittijiet fundamentali fi ħdan l-organizzazzjoni; jiżviluppaw djalogu regolari mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti dwar kwistjonijiet ta' drittijiet fundamentali; ikunu konformi mad-drittijiet fundamentali bħala parti ċentrali tat-termini ta' referenza tal-kollaborazzjoni tal-aġenzija kkonċernata ma' atturi esterni, inkluż b'mod partikolari membri ta' amministrazzjonijiet nazzjonali li magħhom jinteraġixxu fuq livell operattiv;

Akkwist

30.  Jinnota bi tħassib li skont ir-rapport tal-Qorti għad hemm xi nuqqasijiet fil-ġestjoni tal-akkwisti, b'14-il aġenzija juru dgħufijiet f'dan il-qasam, l-aktar b'rabta mal-akkwist ta' servizzi; josserva li s-sorsi ta' dawn id-dgħufijiet jinkludu n-nuqqas ta' bilanċ adegwat bejn il-prezz u l-kwalità fl-għoti tal-kuntratti, tfassil mhux ottimali ta' kuntratti qafas, servizzi intermedjarji mhux ġustifikati u l-użu ta' kuntratti qafas mingħajr biżżejjed dettall; jistieden lill-aġenziji jagħtu attenzjoni partikolari lill-kummenti tal-Qorti u jkomplu jtejbu l-ġestjoni tagħhom tal-akkwist pubbliku;

31.  Jilqa' l-fatt li l-aġenziji qegħdin jużaw dejjem iżjed il-Portal tal-Akkwist Konġunt (ir-reġistru ċentrali tal-opportunitajiet ta' akkwist konġunt) li jinsab fuq l-extranet tal-aġenziji u jinkludi funzjonalitajiet bħall-kondiviżjoni tad-dokumenti u diskussjonijiet f'forum, element li jagħmel il-komunikazzjoni fost l-aġenziji rigward is-servizzi tal-akkwist aktar trasparenti u faċli biex tiġi ġestita;

32.  Huwa tal-istess fehma bħall-Qorti rigward l-użu ta' għodod simili u soluzzjoni unika għall-akkwist ta' provvisti jew servizzi (akkwist-e) biex jinkiseb qafas tal-IT aktar armonizzat fost l-aġenziji; jappella lin-Netwerk biex jirrapporta lura għand l-awtorità tal-kwittanza dwar il-progress f'dan ir-rigward;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

33.  Jinnota li 77 % tal-aġenziji diġà stabbilew u implimentaw regoli interni jew linji gwida dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta u t-23 % l-oħra jinsabu fil-proċess li jadottawhom; iħeġġeġ lill-aġenziji l-oħra biex jistabbilixxu u jimplimentaw regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta mingħajr aktar dewmien; jistieden lin-Netwerk jirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri;

34.  Jilqa' l-fatt li 29 aġenzija (94 %) għandhom fis-seħħ linji gwida dwar l-għoti ta' aċċess pubbliku tad-dokumenti; jistieden lill-aġenziji li fadal u li għad ma għandhomx linji gwida bħal dawn sabiex jadottawhom mingħajr aktar dewmien; japprova l-iżvilupp ta' sistemi interni stabbiliti biex jipproċessaw it-talbiet, inklużi timijiet imħarrġa apposta fl-aċċess għad-dokumenti, li jkunu dedikati għall-ipproċessar tat-talbiet li jaslu għand aġenziji li jkollhom talbiet ħafna aktar frekwenti u kumplessi; jappella lin-Netwerk jiżviluppa linji gwida komuni implimentata mill-aġenziji għall-applikazzjoni tal-aċċess pubbliku tad-dokumenti;

35.  Jinnota li d-Dikjarazzjonijiet ta' Interess (DoI) tal-membri tal-bord tat-tmexxija u tal-maniġment superjuri jinsabu fis-seħħ kważi fl-aġenziji kollha u li dawn jiġu ppubblikati mill-parti l-kbira tal-aġenziji fuq is-sit web tagħhom, flimkien mas-CVs rilevanti; jappella lin-Netwerk biex ikompli jirrapporta lura għand l-awtorità tal-kwittanza dwar din il-kwistjoni; jisħaq li l-membri tal-bord tat-tmexxija u l-maniġment superjuri għandhom jippreżentaw dikjarazzjonijiet ta' interess minflok dikjarazzjonijiet ta' nuqqas ta' kunflitt ta' interess; itenni li mhuwiex f'idejn il-membri jew il-maniġment li jiddikjaraw lilhom infushom barra mill-kunflitt ta' interess; ifakkar li għandu jkun korp newtrali li jivvaluta l-eżistenza ta' kunflitt ta' interess;

36.  Ifakkar li għadd ta' aġenziji, b'mod partikolari dawk li joħorġu l-awtorizzazzjonijiet lil partijiet terzi biex iġibu l-prodotti fis-suq, huma vulnerabbli jekk ma jkollhomx u ma jimplimentawx regoli ċari u effikaċi biex jipprevjenu l-kunflitti ta' interess; jistieden lill-aġenziji kollha jipparteċipaw fil-ftehim interistituzzjonali dwar ir-reġistru ta' trasparenza li bħalissa huwa s-suġġett ta' negozjati bejn il-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament;

37.  Jappella lill-aġenziji jimplimentaw politika komprensiva u orizzontali dwar l-evitar ta' kunflitti ta' interess; u jużaw il-Politika dwar l-Indipendenza tal-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) bħala l-aħjar prattika u sistema eżemplari ta' monitoraġġ u ta' prevenzjoni ta' kull kunflitt ta' interess; ifakkar li skont din il-Politika dwar l-Indipendenza, id-dikjarazzjonijiet ta' interessi annwali tal-persunal u tal-esperti kollha kkonċernati huma obbligatorji u għandhom jiġu aġġornati jekk tinbidel is-sitwazzjoni, u kwalunkwe persuna b'interess iddikjarat fi kwistjoni tiġi eskluża mid-deċiżjoni jew l-opinjonijiet dwar dik il-kwistjoni; jinkoraġġixxi, barra minn hekk, lill-aġenziji biex jistabbilixxu Kumitat Konsultattiv dwar il-Kunflitti ta' Interess;

Kontrolli interni

38.  Jirrikonoxxi l-kumment tal-Qorti dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ l-indipendenza tal-uffiċjali tal-kontabbiltà billi dawn isiru responsabbli direttament lejn id-Diretturi u l-bordijiet tat-tmexxija tal-aġenzija, b'rabta ma' 11-il aġenzija; jinnota t-tweġiba tan-Netwerk li tgħid li m'hemm l-ebda kuntest jew analiżi tar-riskju li jiġġustifikaw dan il-kumment; jistieden lill-Qorti u lin-Netwerk jaslu għal approċċ komuni dwar il-kwistjoni u jirrappurtaw lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-iżviluppi f'dan ir-rigward;

39.  Jinnota b'sodisfazzjon li maġġoranza kbira tal-aġenziji (28) ma jippreżentawx dgħufijiet fl-implimentazzjoni tal-istandards ta' kontroll intern tagħhom fir-rigward tal-pjanijiet għall-kontinwità operazzjonali tagħhom; jappella lill-aġenziji l-oħra biex itejbu s-sitwazzjoni tagħhom sabiex inaqqsu kull riskju potenzjali u jirrapportaw lura għand l-awtorità tal-kwittanza dwar il-miżuri li jkunu ħadu;

Kummenti oħra

40.  Jirrimarka li fid-29 ta' Marzu 2017, ir-Renju Unit (UK) innotifika lill-Kunsill Ewropew id-deċiżjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni; jinnota bi tħassib li, b'differenza mill-parti l-kbira tal-aġenziji l-oħra, ħames aġenziji ma wettqux analiżi komprensiva tal-impatt probabbli tal-irtirar tar-Renju Unit fuq l-organizzazzjoni, l-operati u l-kontijiet tagħhom;

41.  Jinnota l-ftehim milħuq fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-20 ta' Novembru 2017 li l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA) u l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) jiċċaqlqu minn Londra għal Amsterdam u Pariġi rispettivament; jinnota bi tħassib l-impatt potenzjali tat-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni fuq dawn l-aġenziji, f'dawk li huma spejjeż futuri u telf ta' għarfien espert, li joħolqu riskju għall-kontinwità tal-operat; jinnota, barra minn hekk, l-impatt possibbli fuq id-dħul u l-attivitajiet ta' diversi aġenziji li mhumiex ibbażati Londra; jappella lill-aġenziji jħejju ruħhom biex itaffu kull riskju potenzjali li jista' jinħoloq u jirrapportaw lura għand l-awtorità tal-kwittanza dwar l-implimentazzjoni ta' tali miżuri ta' tħejjija;

42.  Jinnota bi tħassib li ċerti aġenziji għad għandhom kwartieri ġenerali operattivi u amministrattivi doppji; iqis li huwa essenzjali li l-kwartieri ġenerali doppji kollha li ma joffru ebda valur miżjud operattiv jitneħħew mill-aktar fis possibbli;

43.  Jiddispjaċih li r-Regolament Finanzjarju(9) l-ġdid ma jipprevedix it-tnaqqis tal-piż amministrattiv li għadhom iġorru l-aġenziji deċentralizzati; jinnota li l-aspetti kollha tal-awditjar tal-aġenziji deċentralizzati "jibqgħu taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-Qorti, li tamministra l-proċeduri kollha meħtieġa amministattivi u ta' akkwist"; itenni li l-approċċ il-ġdid ta' awditjar li jinvolvi l-awdituri tas-settur privat irriżulta f'żieda sinifikanti fil-piż amministrattiv fuq l-aġenziji, u li ż-żmien użat fuq l-akkwist u l-amministrazzjoni tal-kuntratti ta' awditjar irriżulta f'nefqa addizzjonali u b'hekk kompla jżid il-pressjoni fuq ir-riżorsi limitati tal-aġenziji; jenfasizza li jeħtieġ li din il-kwistjoni tissolva; jistieden lill-partijiet involuti jipprovdu soluzzjonijiet dwar il-kwistjoni sabiex jitnaqqas b'mod sinifikanti l-piż amministrattiv;

44.  Jirrikonoxxi li l-evalwazzjonijiet esterni tal-aġenziji huma ġeneralment pożittivi u l-aġenziji ħejjew pjanijiet ta' azzjoni biex isegwu l-kwistjonijiet li tqajmu fir-rapporti ta' evalwazzjoni; jinnota li, filwaqt li l-parti l-kbira tar-regolamenti fundaturi tal-aġenziji jipprevedu li titwettaq evalwazzjoni esterna perjodikament (normalment kull erba' sa sitt snin), ir-regolamenti fundaturi ta' ħames aġenziji deċentralizzati ma jinkludux tali dispożizzjoni u r-regolament fundatur tal-EMA jirrikjedi li ssir evalwazzjoni esterna kull għaxar snin biss; jappella lill-Kummissjoni u lil dawk l-aġenziji biex jindirizzaw din il-kwistjoni u jirrapportaw lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-miżuri li ttieħdu;

45.  Jilqa' r-reviżjoni tar-regolamenti fundaturi tat-tliet aġenziji tripartitiċi, il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop) u l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA);

46.  Ifakkar li l-iskambju ta' fehmiet ta' kull sena dwar l-abbozzi ta' programmi ta' ħidma annwali u l-istrateġiji pluriennali tal-aġenziji fil-kumitati responsabbli jgħin biex jiġi żgurat li l-programmi u l-istrateġiji jirriflettu l-prijoritajiet politiċi attwali speċjalment fil-kuntest tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-istrateġija Ewropa 2020;

o

o o

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-aġenziji soġġetti għal din il-proċedura ta' kwittanza, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea(serje L).

25.1.2019

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll

(2018/2210(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Marian Harkin

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' r-reviżjoni tar-regolamenti fundaturi tat-tliet Aġenziji tripartitiċi Eurofound, Cedefop u EU-OSHA;

2.  Jinnota r-riżultati tal-evalwazzjoni esterna dwar l-erba' Aġenziji li jaħdmu fil-qasam tal-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni (Cedefop, Eurofound, EU-OSHA u l-Fondazzjoni Ewropea għat-Taħriġ (ETF)); jirrikonoxxi s-suċċess tal-aġenziji fl-implimentazzjoni ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet tul tmien setturi operattivi wesgħin;

3.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li jkun hemm persunal u riżorsi finanzjarji adegwati li jippermettu lill-Aġenzija timplimenta l-kompiti tagħha;

4.  Ifakkar li l-iskambju ta' fehmiet ta' kull sena dwar l-abbozzi ta' programmi ta' ħidma annwali u l-istrateġiji pluriennali tal-aġenziji fil-kumitati responsabbli jgħin biex jiġi żgurat li l-programmi u l-istrateġiji jirriflettu l-prijoritajiet politiċi attwali speċjalment fil-kuntest tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-istrateġija Ewropa 2020;

5.  Jilqa' u jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni fost l-Aġenziji fi ħdan il-qafas tan-Netwerk tal-Aġenziji tal-UE (EUAN) u lil hinn minnu li tiffaċilità l-bini ta' sinerġiji, l-iskambju ta' ideat u tal-aħjar prattiki biex tinkiseb governanza aktar bilanċjata, effiċjenza mtejba, spejjeż imnaqqsa u koerenza akbar bejniethom;

6.  Jinnota li l-biċċa l-kbira tal-aġenziji jippubblikaw il-pożizzjonijiet vakanti tagħhom fuq il-midja soċjali u fuq is-siti web tagħhom, iżda – ħafna drabi – mhux fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO); iħeġġeġ lill-aġenziji biex, filwaqt li jqisu l-kosteffikaċja, jippubblikaw l-avviżi tagħhom fuq is-sit web tal-EPSO, billi dan iżid it-trasparenza u l-pubbliċità;

7.  Jilqa' l-fatt li, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-għadd ta' osservazzjonijiet dwar il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti naqas, u dan jikkonferma l-isforzi kontinwi tal-aġenziji biex jirrispettaw il-qafas legali, partikolarment id-dispożizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament Finanzjarju u r-Regolamenti tal-Persunal;

8.  Iħeġġeġ lill-aġenziji jaraw li l-uffiċjali tal-kontabbiltà jkunu indipendenti minn kull min ikollu (sotto)delega biex jawtorizza impenji u pagamenti billi l-pożizzjoni ġerarkika ta' uffiċjal tal-kontabbiltà f'aġenzija tista' taffettwa l-indipendenza tiegħu;

9.  Jirrikonoxxi l-progress li sar mill-aġenziji fl-armonizzazzjoni tas-soluzzjonijiet tal-IT fl-oqsma tas-sistemi tal-ġestjoni baġitarja u tal-kontabilità; japprova r-rakkomandazzjoni tal-Qorti li jiġi mfittex użu akbar ta' soluzzjonijiet tal-IT f'oqsma ewlenin bħall-ġestjoni tar-riżorsi umani u l-ġestjoni tal-akkwist u l-kuntratti biex jitnaqqsu r-riskji marbuta mal-kontroll intern u tissaħħaħ il-governanza tal-IT; ifakkar li l-użu ta' għodod elettroniċi simili għall-akkwist ta' provvisti jew servizzi (akkwist elettroniku) ikun pass importanti lejn il-kisba ta' qafas tal-IT aktar armonizzat fost l-aġenziji; iħeġġiġhom ikomplu bl-introduzzjoni u l-implimentazzjoni ulterjuri tal-fatturar elettroniku u tas-sejħiet għall-offerti elettroniċi.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

23.1.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, David Casa, Ole Christensen, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Arne Gericke, Marian Harkin, Czesław Hoc, Agnes Jongerius, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Thomas Mann, Miroslavs Mitrofanovs, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, João Pimenta Lopes, Georgi Pirinski, Marek Plura, Dennis Radtke, Terry Reintke, Robert Rochefort, Claude Rolin, Romana Tomc, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Amjad Bashir, Lynn Boylan, Mircea Diaconu, Eduard Kukan, Christelle Lechevalier, Paloma López Bermejo, António Marinho e Pinto, Alex Mayer, Csaba Sógor, Flavio Zanonato

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Angélique Delahaye, Monika Smolková

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET

FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

42

+

ALDE

Mircea Diaconu, Martina Dlabajová, Marian Harkin, António Marinho e Pinto, Robert Rochefort, Yana Toom

ECR

Amjad Bashir, Arne Gericke, Czesław Hoc, Ulrike Trebesius, Jana Žitňanská

GUE/NGL

Lynn Boylan, Paloma López Bermejo, João Pimenta Lopes

PPE

Georges Bach, David Casa, Angélique Delahaye, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Eduard Kukan, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Marek Plura, Dennis Radtke, Claude Rolin, Csaba Sógor, Romana Tomc

S&D

Guillaume Balas, Ole Christensen, Agnes Jongerius, Javi López, Alex Mayer, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Monika Smolková, Marita Ulvskog, Flavio Zanonato

VERTS/ALE

Jean Lambert, Miroslavs Mitrofanovs, Terry Reintke

1

-

NI

Lampros Fountoulis

2

0

EFDD

Laura Agea

ENF

Christelle Lechevalier

It-tifsira tas-simboli:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

17.1.2019

OPINJONI tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-aġenziji tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2017: prestazzjoni, ġestjoni finanzjarja u kontroll

(2018/2210(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Romeo Franz

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri (minn hawn 'il quddiem "il-Qorti") li l-kontijiet annwali finali tal-aġenziji kollha fil-qasam tal-ġustizzja u l-affarijiet interni (l-Aġenziji tal-ĠAI) jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħhom fil-31 ta' Diċembru 2017 u li t-tranżazzjonijiet tagħhom huma legali u regolari;

2.  Jirrikonoxxi, madankollu, li għall-EASO, il-Qorti ħarġet opinjoni avversa rigward il-legalità u r-regolarità tal-pagamenti tiegħu minħabba każijiet fejn il-pagamenti, b'mod materjali u sistematiku, ma jikkonformawx mar-Regolament Finanzjarju tal-EASO u ma' regoli u dispożizzjonijiet applikabbli oħrajn, prinċipalment f'dak li jikkonċerna l-proċeduri ta' akkwist pubbliku u ta' reklutaġġ sottostanti għall-pagamenti; jiddispjaċih li l-ammont ikkombinat għall-iżbalji li jirriżultaw minn pagamenti li mhumiex konformi jitla' għal mill-anqas EUR 7,7 miljun jew 10,3 % tal-pagamenti totali li saru mill-EASO fl-2017, li jirrappreżenta żieda sostanzjali fuq ir-rata ta' żball mill-2016; jinnota d-deterjorament esponenzjali tas-sitwazzjoni tar-riżorsi umani fl-EASO fl-2017; jiddispjaċih li, fl-2017, l-EASO m'għandux il-kapaċità amministrattiva li jimla l-għadd kbir ta' postijiet battala u b'hekk hemm riskju sinifikanti għall-kontinwazzjoni tal-operat tiegħu fil-livell kurrenti; jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn qawwi tal-EASO biex jindirizza d-dgħufijiet organizzattivi u maniġerjali tiegħu mingħajr dewmien; jinnota li l-Parlament irrifjuta l-kwittanza għall-baġit 2016 tal-EASO f'Ottubru 2018;

3.  Jirrimarka li għall-Frontex, il-Qorti reġgħet irrapportat fl-2017 li l-provi ta' nfiq iddikjarat mill-pajjiżi li jikkooperaw ta' spiss kienu insuffiċjenti; jilqa' d-deċiżjoni tal-Frontex li tintroduċi mudell ta' rimborż tal-ispejjeż simplifikat biex jindirizza din il-kwistjoni li ilha rikorrenti mill-2014; jinnota wkoll, f'dan il-kuntest, li l-Qorti rrappurtat kanċellazzjonijiet tal-approprjazzjonijiet tal-baġit riportati mis-snin preċedenti, li jindikaw stima eċċessiva ċara mill-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE u tal-pajjiżi oħra li jikkooperaw tal-ħtiġijiet baġitarji tal-Frontex f'dawn is-snin;

4.  Jieħu nota li s-CEPOL għadha l-unika aġenzija tal-ĠAI li ddelegat il-funzjonijiet kontabilistiċi tagħha lill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni fuq bażi kuntrattwali; iħeġġeġ lill-aġenziji l-oħra jagħmlu l-istess peress li dan se jżid l-effikaċja tat-tħejjija tal-kontijiet u jiżgura l-affidabbiltà tagħhom;

5.  Jenfasizza li għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' proġetti tal-IT, l-Aġenzija eu-LISA kellha tapplika mudell ta' esternalizzazzjoni, fejn madwar 90 % tax-xogħol relatat, bħall-ġestjoni operattiva tas-sistemi, twettaq minn tliet kuntratturi peress li ma kellhiex ir-riżorsi umani meħtieġa; jirrikonoxxi li l-proġetti tal-IT huma proprjetà tal-Aġenzija u kkontrollati minnha, iżda jibża' li mudell fejn l-attivitajiet ta' evoluzzjoni u ta' żvilupp għal dawn is-sistemi tal-IT sensittivi, li jiġu esternalizzati daqshekk, joħloq ir-riskju ta' rikors eċċessiv fuq il-kuntratturi u dipendenza eċċessiva fuqhom; jenfasizza li l-għadd żgħir ta' membri tal-persunal f'unitajiet operattivi ewlenin joħloq riskji għall-kontinwità tal-operat; jilqa' bi pjaċir l-azzjonijiet meħuda s'issa mill-eu-LISA f'dan ir-rigward u jitlob li l-eu-LISA tieħu miżuri fit-tul adegwati kemm fil-livell organizzattiv kif ukoll possibbilment f'dak teknoloġiku/operattiv sabiex jiġu mitigati dawn ir-riskji fuq żmien twil biex tiġi żgurata l-kontinwità operattiva tal-Aġenzija u l-funzjonament taż-żona Schengen; jitlob lill-eu-LISA tiżgura li l-kuntratturi tagħha ma jkunux marbuta bi kwalunkwe liġi ta' pajjiżi terzi li tista' ġġib magħha kunflitt mal-arranġamenti ta' kunfidenzjalità stabbiliti mill-eu-LISA;

6.  Jiddispjaċih li għall-eu-LISA, FRA u CEPOL il-Qorti wkoll (minbarra l-EASO) osservat nuqqasijiet fl-akkwist pubbliku, l-aktar dawk relatati ma' servizzi, li jpoġġu f'riskju l-prinċipju tal-valur għall-flus; jinnota li nuqqasijiet frekwenti li ġew identifikati jinkludu: in-nuqqas ta' bilanċ adegwat bejn l-aspetti ta' prezz u ta' kwalità għall-kriterji għall-għoti tal-kuntratti, it-tfassil mhux ottimali ta' kuntratti qafas, l-użu ta' kuntratti qafas li ppermettew ix-xiri ta' servizzi li għalihom l-ispeċifikazzjonijiet u/jew il-prezz ma kinux dettaljati biżżejjed, kif ukoll l-użu mhux ġustifikat ta' servizzi intermedjarji; jistieden lil dawn l-aġenziji biex jieħdu l-azzjonijiet korrettivi biex fil-futur jevitaw kwistjonijiet simili;

7.  Jiddispjaċih li l-Aġenziji tal-Ġustizzja u l-Intern differenti jippubblikaw l-avviżi ta' postijiet battala biss fuq is-sit web tagħhom stess u f'għadd limitat ta' lingwi; jitlob l-Aġenziji tal-Ġustizzja u l-Intern kollha jippubblikaw, b'mod sistematiku, il-postijiet battala tagħhom fuq is-sit web tal-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) bil-lingwi tal-Unjoni kollha sabiex tiżdied it-trasparenza għaċ-ċittadini tal-Unjoni; jirrikonoxxi l-ispejjeż addizzjonali relatati mat-traduzzjoni tan-noti tal-postijiet battala fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tqis miżuri maħsuba biex tnaqqas il-piż finanzjarju għat-traduzzjoni tal-avviżi ta' postijiet battala minn fuq l-aġenziji, inkluż billi tistabbilixxi ftehim qafas ad hoc maċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT).

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

10.1.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Martina Anderson, Heinz K. Becker, Monika Beňová, Michał Boni, Caterina Chinnici, Rachida Dati, Frank Engel, Laura Ferrara, Romeo Franz, Kinga Gál, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Sylvie Guillaume, Monika Hohlmeier, Sophia in ‘t Veld, Cécile Kashetu Kyenge, Monica Macovei, Roberta Metsola, Claude Moraes, Ivari Padar, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Csaba Sógor, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Udo Voigt, Josef Weidenholzer, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Dennis de Jong, Anna Hedh, Lívia Járóka, Marek Jurek, Jean Lambert, Jeroen Lenaers, Andrejs Mamikins, Angelika Mlinar, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Christine Revault d’Allonnes Bonnefoy

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Norbert Erdős, Fernando Ruas, Adam Szejnfeld

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

43

+

ALDE

Nathalie Griesbeck, Sophia in 't Veld, Angelika Mlinar, Maite Pagazaurtundúa Ruiz

ECR

Marek Jurek, Monica Macovei, Helga Stevens

EFDD

Laura Ferrara

GUE/NGL

Martina Anderson, Dennis de Jong, Marie-Christine Vergiat

PPE

Asim Ademov, Heinz K. Becker, Michał Boni, Rachida Dati, Frank Engel, Norbert Erdős, Kinga Gál, Monika Hohlmeier, Lívia Járóka, Jeroen Lenaers, Roberta Metsola, Fernando Ruas, Csaba Sógor, Adam Szejnfeld, Traian Ungureanu, Tomáš Zdechovský

S&D

Monika Beňová, Caterina Chinnici, Ana Gomes, Sylvie Guillaume, Anna Hedh, Cécile Kashetu Kyenge, Andrejs Mamikins, Claude Moraes, Ivari Padar, Christine Revault d'Allonnes Bonnefoy, Birgit Sippel, Josef Weidenholzer

VERTS/ALE

Romeo Franz, Jean Lambert, Judith Sargentini, Bodil Valero

3

-

ECR

Kristina Winberg

ENF

Auke Zijlstra

NI

Udo Voigt

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Dennis de Jong, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Jean-François Jalkh, Wolf Klinz, Monica Macovei, Georgi Pirinski, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Karin Kadenbach

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Petra Kammerevert

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

21

+

ALDE

Nedzhmi Ali, Martina Dlabajová, Wolf Klinz

ECR

Monica Macovei

EFDD

Marco Valli

ENF

Jean-François Jalkh

GUE/NGL

Dennis de Jong

PPE

Tamás Deutsch, Ingeborg Gräßle, Marian-Jean Marinescu, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Tomáš Zdechovský

S&D

Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Karin Kadenbach, Petra Kammerevert, Georgi Pirinski, Derek Vaughan

VERTS/ALE

Bart Staes

0

-

 

 

0

0

 

 

It-tifsira tas-simboli:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 434, 30.11.2018, p. 1.

(2)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(3)

ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1.

(4)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(5)

L-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE), iċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga

u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA), il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija (CEPOL), l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali

(Eurojust)

(6)

L-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA)

(7)

ittra ta' J. Arthuis lil A. Tajani: Ref. D(2018)30134

(8)

Skont it-terminoloġija użata mill-Kummissjoni biex tikklassifika l-aġenziji deċentralizzati bħala "fil-fażi tal-bidu", "b'kompiti ġodda" jew "b'ritmu normali" li tirrifletti l-istadju ta' żvilupp tagħhom u t-tkabbir

tal-kontribuzzjonijiet tagħhom mill-Unjoni u tal-għadd ta' membri tal-persunal tagħhom.

(9)

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Aġġornata l-aħħar: 19 ta' Marzu 2019Avviż legali