Proċedura : 2018/2262(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0147/2019

Testi mressqa :

A8-0147/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 7.21
CRE 26/03/2019 - 7.21

Testi adottati :

P8_TA(2019)0241

RAPPORT     
PDF 222kWORD 80k
1.3.2019
PE 630.430v02-00 A8-0147/2019

dwar rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Ftehim Qafas Istituzzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera

(2018/2262(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Doru‑Claudian Frunzulică

Rapporteur għal opinjoni (*):

Tiziana Beghin, Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

(*)  Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
 OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Ftehim Qafas Istituzzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera

(2018/2262(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-6 ta' Mejju 2014 li tawtorizza n-negozjati dwar ftehim bejn l-UE u l-Iżvizzera dwar qafas istituzzjonali li jirregola r-relazzjonijiet bilaterali, u l-bidu tan-negozjati fit-22 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Frar 2017 dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Konfederazzjoni Żvizzera,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2010 u tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi tal-EFTA,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) tal-1 ta' Jannar 1994(1),

–  wara li kkunsidra r-rifjut tal-poplu Żvizzeru tal-vot popolari dwar il-parteċipazzjoni fiż-ŻEE b'50,3 % f'Diċembru 1992, l-inizjattiva "EU membership negotiations: let the people decide" (Negozjati dwar is-sħubija fl-UE: ħallu f'idejn il-poplu biex jiddeċiedi) b'74 % f'Ġunju 1997, u l-inizjattiva "Yes to Europe!" (Iva għall-Ewropa!) b'77 % f'Marzu 2001,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-UE u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet, li ġie ffirmat fit-23 ta' Novembru 2017(2),

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Kooperazzjoni bejn l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) u l-Iżvizzera, li ġie ffirmat fis-16 ta' Marzu 2012,

–  wara li kkunsidra l-ftehim bejn l-Iżvizzera u l-Eurojust dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja, li ġie ffirmat fis-27 ta' Novembru 2008 u daħal fis-seħħ fit-22 ta' Lulju 2011,

–  wara li kkunsidra l-ftehim bejn l-Iżvizzera u l-Europol dwar il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-pulizija fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-kriminalità internazzjonali serja u organizzata u t-terroriżmu, li ġie ffirmat fl-24 ta' Settembru 2004 u li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2006, u t-tkabbir tal-qasam ta' applikazzjoni taħtu tal-1 ta' Jannar 2008,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-21 ta' Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni(3), u b'mod partikolari l-Anness I dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-Anness III dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll tas-27 ta' Mejju 2008 mal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment ħieles tal-persuni rigward il-parteċipazzjoni, bħala partijiet kontraenti, tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija wara l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-25 ta' Ġunju 2009 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta' merkanzija u dwar miżuri doganali ta' sigurtà(5),

–  wara li kkunsidra l-inizjattiva popolari federali Żvizzera tad-9 ta' Frar 2014, li fiha 50,3 % tal-poplu Żvizzeru appoġġja proposti biex jerġgħu jiġu introdotti kwoti fuq l-immigrazzjoni mal-Unjoni Ewropea, biex tingħata preferenza nazzjonali meta jkunu qegħdin jimtlew postijiet tax-xogħol battala, u biex jiġu ristretti d-drittijiet tal-immigranti għall-benefiċċji soċjali,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-UE u l-Iżvizzera dwar il-Kummerċ Ħieles tal-1972(6), li ġie adattat u żviluppat matul is-snin,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport bl-Ajru, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2002(7),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar it-Trasport tal-Merkanzija u tal-Passiġġieri bil-Ferrovija u bit-Triq, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2002(8),

–  wara li kkunsidra n-negozjati dwar il-ftehimiet bejn l-UE u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-elettriku, u dwar is-sikurezza tal-ikel, is-sikurezza tal-prodotti u s-saħħa pubblika,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2047 tal-20 ta' Diċembru 2018 dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju applikabbli għall-boroż fl-Iżvizzera f'konformità mad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(9),

–  wara li kkunsidra s-37 laqgħa interparlamentari bejn l-UE u l-Iżvizzera, li saret fi Brussell fl-4 u fil-5 ta' Lulju 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar l-Iżvizzera, b'mod partikolari tad-9 ta' Settembru 2015 dwar iż-ŻEE-Żvizzera: Ostakoli fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern(10), u l-abbozz ta' mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat tiegħu għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur dwar l-istess suġġett tal-24 ta' April 2018,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Governanza tas-Suq Uniku fi ħdan is-Semestru Ewropew 2017(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 108(4) u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0147/2019),

A.  billi r-relazzjoni attwali tal-Iżvizzera mal-UE hija bbażata fuq sett kumpless ta' madwar 20 ftehim bilaterali settorjali prinċipali u madwar 100 ftehim ieħor; billi l-Iżvizzera tipparteċipa b'mod parzjali biss fl-erba' libertajiet ilkoll kemm huma; billi filwaqt li fil-passat dawn il-ftehimiet saħħew il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iżvizzera fl-oqsma tas-suq intern, is-sigurtà interna u l-ażil, it-trasport u l-kwistjonijiet tat-taxxa, fil-futur dan is-sett kumpless ta' ftehimiet jista' ma jibqax jgħodd, filwaqt li jagħmel l-implimentazzjoni tagħhom inqas rilevanti, sakemm ma jiġix miftiehem qafas globali;

B.  billi skont id-data tal-Eurostat, fl-2017 l-Iżvizzera kienet it-tielet l-akbar sieħba tal-UE f'termini ta' esportazzjoni ta' merkanzija u r-raba' l-akbar sieħba tagħha f'termini ta' importazzjoni ta' merkanzija;

C.  billi l-Kunsill iddikjara li ftehim istituzzjonali globali mal-Iżvizzera għandu jfittex li jipproteġi l-omoġeneità tas-suq intern u jiżgura ċ-ċertezza tad-dritt għall-awtoritajiet, iċ-ċittadini u l-operaturi ekonomiċi;

D.  billi l-Kunsill Federali Żvizzeru jixtieq jikkonkludi qafas istituzzjonali mal-UE li jiżgura ċ-ċertezza tad-dritt fil-qasam tal-aċċess għas-suq u li jippreserva l-prosperità, l-indipendenza u l-ordinament ġuridiku tal-Iżvizzera(12); billi l-Kunsill Federali Żvizzeru ħabbar konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati abbażi tat-test li ġie maqbul bejn in-negozjaturi fit-23 ta' Novembru 2018;

E.  billi huwa meħtieġ suq uniku li jiffunzjona tajjeb u effettiv, ibbażat fuq ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, sabiex tingħata spinta lit-tkabbir u lill-kompetittività u jinħolqu l-impjiegi bil-ħsieb li l-ekonomija tal-Ewropea terġa' tingħata l-ħajja; billi l-leġiżlazzjoni tas-suq uniku trid tiġi trasposta, implimentata u infurzata b'mod xieraq jekk l-Istati Membri u l-Iżvizzera jridu jgawdu l-benefiċċji kollha;

F.  billi l-Iżvizzera esprimiet ix-xewqa tagħha li titlaq mid-dispożizzjonijiet materjali vinkolanti dwar l-għajnuna mill-Istat għal ftehim futur dwar l-aċċess għas-suq u jkollha aċċess għas-suq uniku għall-elettriku;

G.  billi fit-28 ta' Settembru 2018 il-Kunsill Federali approva t-tieni kontribuzzjoni Żvizzera lil għadd ta' Stati Membri tal-UE ta' CHF 1,3 biljun matul għaxar snin u issa qiegħed jistenna deċiżjoni pożittiva mill-Assemblea Federali;

H.  billi l-Iżvizzera hija membru tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent;

I.  billi l-Iżvizzera rratifikat il-parteċipazzjoni tagħha fil-programmi Ewropej ta' navigazzjoni satellitari Galileo u EGNOS;

J.  billi l-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-programm qafas għar-riċerka Orizzont 2020 tal-UE u l-Programm Qafas 7 predeċessur tiegħu (FP7) kienet siewja għall-partijiet kollha involuti minħabba l-kwalità għolja tal-proposti;

K.  billi fis-27 ta' Mejju 2015, l-Iżvizzera u l-UE ffirmaw protokoll addizzjonali għall-Ftehim dwar it-Taxxa u l-Introjtu mit-Tfaddil, li jirrikjedi li ż-żewġ partijiet iwettqu skambju awtomatiku ta' informazzjoni (AEI) dwar il-kontijiet finanzjarji tar-residenti ta' xulxin minn Settembru 2018; billi l-UE elenkat lill-Iżvizzera fost il-"ġurisidizzjonijiet mhux kooperattivi għal skopijiet ta' taxxa" f'Diċembru 2017;

L.  billi l-Iżvizzera tikkoopera f'ċerti partijiet tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u ħadet sehem fil-missjonijiet ta' paċi ċivili u militari tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK), b'mod partikolari fl-Ukrajna u fil-Mali; billi l-Qafas ta' Kooperazzjoni bejn l-EDA u l-Iżvizzera, li ġie ffirmat fis-16 ta' Marzu 2016, jippermetti li jsir skambju tal-informazzjoni u jipprevedi attivitajiet konġunti fir-riċerka u fit-teknoloġija u fil-proġetti u fil-programmi dwar l-armamenti;

M.  billi l-Iżvizzera ilha tagħmel parti miż-żona Schengen mill-bidu tal-implimentazzjoni Żvizzera tagħha f'Diċembru 2008;

N.  billi l-Iżvizzera tieħu sehem fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS), fis-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u fil-Eurodac, il-bażi tad-data tal-EU dwar il-marki tas-swaba' tal-persuni li jfittxu l-ażil u se tieħu sehem fis-Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) futura, li se tirreġistra l-qsim tal-fruntieri esterni tal-UE, u fis-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS), li tipprovdi sigurtà qabel l-ivvjaġġar u skrinjar tal-migrazzjoni irregolari ta' ċittadini mhux tal-UE li jkunu eżentati mill-obbligu tal-viża;

O.  billi abbażi tal-ftehim ta' assoċjazzjoni ta' Dublin, l-Iżvizzera hija assoċjata ma' partijiet tal-acquis tal-UE dwar l-ażil; billi l-Iżvizzera ilha mill-2010 tagħti kontribut finanzjarju u operazzjonali lill-Frontex;

P.  billi fl-2017, il-popolazzjoni Żvizzera ta' 8,48 miljun inkludiet 2,13 miljun ċittadin barrani, li 1,4 miljun minnhom ġew minn Stati Membri tal-UE u tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA); billi 320 000 ċittadin tal-UE jivvjaġġaw lejn l-Iżvizzera kuljum; billi 750 000 ċittadin Żvizzeru jgħixu barra mill-pajjiż, filwaqt li 450 000 ċittadin Żvizzeru jgħixu fl-UE;

Q.  billi fl-2009, l-Iżvizzera qablet li tkompli l-Ftehim bilaterali tal-1999 bejn l-UE u l-Iżvizzera dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni (FMPA), li jagħti liċ-ċittadini Żvizzeri u tal-UE bl-istess mod id-dritt li jagħżlu liberament il-post ta' impjieg u ta' residenza tagħhom fi ħdan it-territorji nazzjonali tal-partijiet kontraenti;

R.  billi l-kumpaniji barranin huma obbligati li jirrispettaw il-kundizzjonijiet minimi tax-xogħol Żvizzeri meta jistazzjonaw ħaddiema barranin fl-Iżvizzera; billi l-kuntrattur ewlieni għandu r-responsabbiltà legali li jiżgura li s-sottokuntratturi josservaw ir-regolamenti Żviżżeri tas-suq tax-xogħol;

S.  billi fl-2002 l-Iżvizzera introduċiet "miżuri ta' akkumpanjament" bl-għan iddikjarat li tipproteġi l-pagi, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-istandards soċjali Żvizzeri, li l-UE tqis bħala mhux konformi mal-FMPA;

T.  billi l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar id-Drittijiet taċ-Ċittadini (2004/38/KE) u d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE għall-benefiċċji tal-protezzjoni soċjali u d-drittijiet ta' stabbiliment ikkawżaw tħassib fl-Iżvizzera;

U.  billi l-Iżvizzera ilha mill-1960 membru tal-EFTA u ilha mill-2002 membru tan-Nazzjonijiet Uniti;

V.  billi fil-25 ta' Novembru 2018 il-votazzjoni "Swiss law, not foreign judges" (Liġi Żvizzera, mhux imħallfin barranin) (magħrufa bħala "Self-Determination Initiative" (l-Inizjattiva tal-Awtodeterminazzjoni)) ġiet irrifjutata permezz ta' vot popolari ta' 66 % u mill-cantons kollha;

W.  billi l-Iżvizzera hija impenjata għan-newtralità politika u bħala tali ospitat għadd ta' negozjati internazzjonali bil-għan li jinstabu soluzzjonijiet paċifiċi fir-rigward tal-kunflitti armati madwar id-dinja;

X.  billi fl-aħħar tal-2018, il-Kummissjoni estendiet għal sitt xhur id-deċiżjoni tagħha li tirrikonoxxi ċ-ċentri tan-negozjar fl-Iżvizzera bħala eliġibbli għall-konformità mal-obbligu tan-negozjar għall-ishma stabbilit fid-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji (2004/39/KE) u r-Regolament ((UE) Nru 600/2014);

Y.  billi l-Unjoni Interparlamentari (IPU) hija bbażata f'Ġinevra;

Z.  billi l-Iżvizzera tospita l-kwartieri ġenerali globali ta' 25 organizzazzjoni u konferenza internazzjonali ewlenija, li l-parti l-kbira tagħhom huma bbażati f'Ġinevra;

AA.  billi mijiet ta' organizzazzjonijiet internazzjonali mhux governattivi huma bbażati fl-Iżvizzera, filwaqt li jipprovdu pariri lin-NU u lil organizzazzjonijiet oħra mhux governattivi‎;

AB.  billi l-Iżvizzera biħsiebha torganizza elezzjonijiet federali fl-20 ta' Ottubru 2019;

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

a)  jenfasizza li l-Iżvizzera u l-UE jgawdu sħubija mill-qrib, wiesgħa u komprensiva, li hija ta' benefiċċju reċiproku u bbażata fuq storja kulturali konġunta u valuri komuni, u li r-rabtiet u l-konnessjonijiet ekonomiċi, politiċi, soċjali, ambjentali, xjentifiċi u bejn il-persuni huma eżemplari, filwaqt li jfakkar fil-prossimità kulturali u ġeografika unika bejn dawn it-tnejn;

b)  jenfasizza li l-Iżvizzera hija integrata ħafna mal-UE, hija sieħba li taħsibha l-istess u tikkondividi sfidi reġjonali u globali Ewropej mal-UE; jilqa' d-dikjarazzjoni Żvizzera li huwa fl-interess tagħhom li jġeddu u jikkonsolidaw l-approċċ bilaterali u jibnu relazzjoni dejjem aktar mill-qrib;

c)  jinnota li l-UE hija s-sieħba kummerċjali ewlenija tal-Iżvizzera, li tammonta għal 52 % tal-esportazzjonijiet tagħha u għal aktar minn 71 % tal-importazzjonijiet tagħha, u li l-kummerċ fil-merkanzija skont il-ftehimiet kummerċjali bilaterali attwali jammonta għal mhux inqas minn CHF 1 biljun kuljum(13); billi l-Iżvizzera hija t-tielet l-akbar sieħba kummerċjali tal-UE, li tammonta għal 7 % tal-kummerċ tagħha; iqis li l-grad sinifikanti ta' integrazzjoni tal-Iżvizzera mas-suq intern tal-UE huwa fattur essenzjali għat-tkabbir ekonomiku, li jagħmel lill-UE l-aktar sieħba kummerċjali u ekonomika importanti tal-Iżvizzera;

d)  jenfasizza li l-UE wriet flessibbiltà kbira fin-negozjati għall-Ftehim Qafas Istituzzjonali (IFA) u li dan irid jiġi rikonoxxut mill-partijiet kollha kkonċernati;

e)  iħeġġeġ li l-IFA bilaterali jiġi konkluż malajr kemm jista' jkun bl-għan li tiġi stabbilita l-koerenza fis-sett kumpless eżistenti ta' ftehimiet bilaterali inkluż l-istabbiliment ta' mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim; jilqa' l-qbil li sar min-negozjaturi dwar it-test finali tal-ftehim; jistieden lill-Kunsill Federali Żvizzeru jieħu deċiżjoni biex jikkonkludi l-ftehim ladarba l-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tkun ġiet konkluża b'mod pożittiv f'dan ir-rigward;

f)  ifakkar li l-istabbiliment ta' qafas istituzzjonali komuni għal ftehimiet eżistenti u futuri li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fis-suq uniku tal-UE, sabiex jiġu żgurati l-omoġeneità u ċ-ċertezza legali għaċ-ċittadini u għan-negozji, jibqa' prekundizzjoni għall-iżvilupp ulterjuri ta' approċċ settorjali; jenfasizza li wara erba' snin ta' negozjati, wasal iż-żmien biex jiġi konkluż l-IFA; iqis li l-konklużjoni tal-ftehim se tippermetti li s-sħubija komprensiva bejn l-UE u l-Iżvizzera tiżviluppa l-potenzjal sħiħ tagħha;

g)  jirrikonoxxi l-ħtieġa ta' IFA, peress li r-relazzjoni bejn l-UE u l-Iżvizzera hija bbażata fuq sistema kumplessa ta' 120 ftehim speċifiku għas-settur, u koerenza u ċertezza tad-dritt addizzjonali jkunu ta' benefiċċju għall-partijiet kollha;

h)  jistieden lill-partijiet jorganizzaw malajr kemm jista' jkun laqgħa interparlamentari tal-leġiżlaturi kemm mill-UE kif ukoll mill-Iżvizzera sabiex jiġu diskussi l-kwistjonijiet kollha relatati ma' dan il-ftehim;

i)  jesprimi d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li l-Kummissjoni ppreżentat biss it-test negozjat tal-IFA bejn l-UE u l-Iżvizzera lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u lill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali fis-6 ta' Frar 2019, minkejja l-fatt li ġie ffinalizzat f'Novembru 2018;

j)   jirrikonoxxi l-fatt li r-relazzjonijiet b'saħħithom bejn l-UE u l-Iżvizzera jmorru lil hinn mill-integrazzjoni ekonomika u l-estensjoni tas-suq uniku, filwaqt li jikkontribwixxu għall-istabbiltà u l-prosperità għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji kollha, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq uniku sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi u jiġu ġġenerati l-impjiegi;

k)   iqis li l-iżgurar ta' IFA mal-Iżvizzera huwa ta' importanza kbira, peress li jiggarantixxi ċertezza tad-dritt kemm għall-Iżvizzera kif ukoll għall-UE, l-inkorporazzjoni dinamika tal-acquis tal-UE, l-aċċess imtejjeb għas-suq intern għall-Iżvizzera għall-benefiċċju taż-żewġ naħat, u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-każ ta' tilwim mhux solvut dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-IFA;

l)  jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2018 li tirrikonoxxi ċ-ċentri tan-negozjar fl-Iżvizzera bħala eliġibbli għall-konformità mal-obbligu tan-negozjar għall-ishma stabbilit fid-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji(14) u r-Regolament(15) (MiFID II/MiFIR); jenfasizza li din l-ekwivalenza hija limitata sat-30 ta' Ġunju 2019, iżda tista' tiġi estiża dment li jkun sar progress lejn l-iffirmar ta' ftehim li jistabbilixxi dak il-qafas istituzzjonali komuni;

m)  jenfasizza, flimkien mal-Kunsill, li l-moviment liberu tal-persuni huwa pilastru fundamentali u mhux negozjabbli tal-politika tal-UE u tas-suq intern, u li l-erba' libertajiet fundamentali tas-suq intern huma indiviżibbli; jesprimi dispjaċir għall-"miżuri ta' akkumpanjament" sproporzjonati unilaterali tal-Iżvizzera, li ilhom fis-seħħ mill-2004; jistieden lill-Iżvizzera, li tqis li l-miżuri ta' akkumpanjament huma importanti, biex issib soluzzjoni li tkun kompatibbli bis-sħiħ mal-istrumenti rilevanti tal-UE; jistieden lill-Iżvizzera tqis ukoll li tqassar il-perjodu ta' applikazzjoni tal-miżuri tranżitorji li jikkonċernaw lill-ħaddiema mill-Kroazja, billi tqis il-benefiċċji tal-moviment liberu tal-persuni bejn l-UE u l-Iżvizzera;

n)  jinnota l-implimentazzjoni tal-inizjattiva "preferenza domestika light", u li l-Kunsill iqis li t-test li rriżulta, adottat fis-16 ta' Diċembru 2016 mill-Assemblea Federali Żvizzera, jista' jiġi implimentat b'mod kompatibbli mad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE skont l-FMPA jekk fl-ordinanzi ta' implimentazzjoni meħtieġa jiġu ċċarati l-kwistjonijiet miftuħa pendenti, bħad-dritt għal informazzjoni fir-rigward ta' postijiet vakanti u r-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema tal-fruntieri; ifakkar, madankollu, li l-kwistjoni tal-migrazzjoni taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi m'għandhiex tiġi konfuża mal-moviment liberu tal-persuni kif stabbilit fit-Trattati; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi ssorveljata mill-qrib l-implimentazzjoni tal-ordinanza bil-ħsieb li tiġi vvalutata l-konformità tagħha mal-FMPA;

o)  jissottolinja l-fatt li l-Iżvizzera tibbenefika bil-bosta mill-iżvilupp demokratiku u kompetittiv tal-ġirien Ewropej kollha tagħha u li l-kontribuzzjonijiet finanzjarji tagħha għall-programmi bħall-Fond ta' Koeżjoni huma għalhekk fl-interess tagħha stess u għandhom jitkomplew, u jilqa' r-riżultati pożittivi tal-kontribut fl-Istati Membri riċeventi; ifakkar li l-Iżvizzera tikseb benefiċċji sinifikanti mill-parteċipazzjoni fis-suq uniku; jenfasizza li l-kontribut futur Żvizzeru fir-rigward tal-koeżjoni tal-UE huwa essenzjali u għandu jiġi intensifikat b'mod konsiderevoli, f'konformità mal-eżempju mogħti miż-ŻEE/min-Norveġja;

p)  jilqa' d-dibattitu intern intensiv dwar il-kooperazzjoni mal-UE li qiegħed isir fl-Iżvizzera; jissuġġerixxi, madankollu, li l-Iżvizzera tipprova tikkomunika aħjar liċ-ċittadini tagħha d-diversi benefiċċji tanġibbli li jiksbu jekk ikollhom aċċess għas-suq intern u l-ħtieġa ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-UE;

q)  iħeġġeġ biex ladarba l-IFA jiġi konkluż, dan jiġi sottomess mingħajr dewmien lill-Parlament Ewropew, lill-Istati Membri, u lill-Parlament Żvizzeru għal approvazzjoni, u lill-elettorat Żvizzeru f'referendum, f'konformità mal-kostituzzjoni Żvizzera;

r)  jinnota li 1,4 miljun ċittadin tal-UE jgħixu fl-Iżvizzera, filwaqt li aktar minn 450 000 ċittadin Żvizzeru jgħixu fl-UE;

s)  ifakkar li wara r-referendum tad-9 ta' Frar 2014, fl-2016 il-Parlament Żvizzeru għadda emenda għall-Att dwar iċ-Ċittadini Barranin għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 121a tal-Kostituzzjoni Federali, li daħlet fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2018; jenfasizza li huwa essenzjali li l-Kunsill Federali jagħti attenzjoni partikolari biex jimplimenta l-Artikolu 121a sabiex ma jxekkilx id-dritt taċ-ċittadini tal-UE għall-moviment liberu;

t)  jiddispjaċih għal kwalunkwe inizjattiva kantonali jew nazzjonali li jista' jkollha l-effett li tillimita l-aċċess għas-suq tax-xogħol Żvizzeru għall-ħaddiema tal-UE, b'mod partikolari l-ħaddiema transfruntiera, u b'hekk jiddgħajfu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fl-FMPA u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iżvizzera;

u)  jilqa' bis-sħiħ id-dikjarazzjoni politika ta' intenzjoni biex jiġi modernizzat il-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Iżvizzera tal-1972, u jappoġġja l-ambizzjoni li tinkiseb sħubija kummerċjali riveduta li tkun tinkludi oqsma bħas-servizzi li jmorru lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-IFA u li huma koperti parzjalment biss mill-Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni (FMPA), fosthom l-aspetti diġitali, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, ir-rikonoxximent reċiproku tal-valutazzjonijiet ta' konformità u l-akkwist pubbliku, flimkien ma' kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; jitlob kooperazzjoni ulterjuri sabiex jiġu protetti aħjar l-indikazzjonijiet ġeografiċi u jiġi estiż il-mekkaniżmu modern u affidabbli ta' soluzzjoni tat-tilwim bejn Stat u ieħor inkluż fl-abbozz tal-IFA biex ikopri r-relazzjoni kummerċjali bilaterali futura u jsolvi b'mod effiċjenti l-ostakoli kummerċjali bejn il-partijiet;

v)  huwa konxju tal-fatt li ma hemm l-ebda ftehim komprensiv dwar is-servizzi fis-seħħ bejn l-UE u l-Iżvizzera u li s-servizzi huma koperti parzjalment biss permezz tal-FMPA, li juri li hemm potenzjal għal aktar żvilupp;

w)  jieħu nota tal-liġi riveduta dwar l-akkwist pubbliku adottata fl-2017 fil-kanton ta' Ticino, li għandha tkun konformi mal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Akkwisti Pubbliċi u l-ftehim settorjali bejn l-UE u l-Iżvizzera rilevanti, li daħal fis-seħħ fl-2002; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet kontraenti jittrattaw lill-fornituri u lill-fornituri tas-servizzi tal-UE b'mod mhux diskriminatorju, anke f'każijiet ta' kuntratti ta' akkwist taħt il-livell limitu;

x)  iħeġġeġ li tkun tista' titkompla l-prattika attwali fejn impriżi tat-taksis mill-Istati Membri tal-UE jistgħu jipprovdu servizzi fl-Iżvizzera mingħajr restrizzjoni, peress li ilha żmien twil tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku fir-reġjuni Żvizzeri tal-fruntiera u hija ta' benefiċċju reċiproku;

y)  huwa tal-fehma li r-reċiproċità u l-ekwità bejn iż-ŻEE u l-Iżvizzera huma meħtieġa sabiex iż-żewġ naħat ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq uniku;

z)  jinnota li f'termini ġenerali, il-kooperazzjoni skont il-ftehim UE-Żvizzera dwar ir-rikonoxximent reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità (MRA) hija sodisfaċenti; jilqa' l-aktar aġġornament reċenti tal-MRA li sar fl-2017 u jittama li l-aġġornamenti li jmiss ikunu jistgħu jitwettqu malajr meta jiġi żviluppat il-potenzjal sħiħ tal-ftehim qafas istituzzjonali futur;

aa)  jilqa' l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar it-taxxa li se tirrestrinġi reġimi tat-taxxa preferenzjali u se tqarreb il-prattiki lejn l-istandards internazzjonali, u jittama li jinkiseb riżultat pożittiv mill-votazzjoni popolari li jmiss fl-Iżvizzera; jissottolinja l-ħtieġa li tkompli tittejjeb il-kooperazzjoni sabiex jiġi miġġieled l-evitar tat-taxxa u tissaħħaħ il-ġustizzja tat-taxxa;

ab)  jistieden lill-Iżvizzera tkompli l-ħidma tagħha fuq l-Istrateġija Żvizzera Diġitali, bil-għan li tkun allinjata mas-suq uniku diġitali tal-UE;

ac)  jirrikonoxxi l-kontribut għas-sħubija mill-qrib bejn l-UE u l-Iżvizzera li jirriżulta mill-ftehimiet settorjali bilaterali fir-rigward tal-moviment liberu tal-persuni, il-pensjonijiet, l-ambjent, l-istatistika, il-kooperazzjoni ġudizzjarja u mal-pulizija, iż-żona Schengen, l-ażil (Dublin), il-PESK/il-PSDK, in-navigazzjoni satellitari, ir-riċerka, l-avjazzjoni ċivili, it-trasport terrestri, l-aċċess reċiproku għas-suq ta' prodotti u servizzi miftiehma, il-prodotti agrikoli pproċessati, l-armonizzazzjoni legali, ir-rikonoxximent reċiproku, il-ġlieda kontra l-frodi, u t-tassazzjoni u l-iffrankar; iħeġġeġ, madankollu, li wasal iż-żmien biex tissaħħaħ is-sħubija, u jittieħed pass ferm aktar komprensiv u sostanzjali fir-relazzjonijiet bilaterali billi jiġi konkluż ftehim qafas malajr kemm jista' jkun;

ad)  jilqa' l-fatt li, għal żmien twil ħafna, il-promozzjoni tal-paċi, tal-medjazzjoni u tar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti kienet parti importanti mill-politika barranija Żvizzera; jilqa' r-rwol b'saħħtu tal-Iżvizzera fil-bini tal-paċi u l-involviment tagħha biex tgħin jinstabu soluzzjonijiet għall-kriżijiet, il-faċilitazzjoni ta' djalogu, u l-iżvilupp ta' miżuri relatati mal-bini tal-fiduċja u r-rikonċiljazzjoni; jilqa' r-rwol Żvizzeru bħala faċilitatur fl-implimentazzjoni ta' strutturi federali kumplessi u arranġamenti għall-paċi u kostituzzjonali, sabiex tiġi ffaċilitata l-koeżistenza ta' sfondi etniċi differenti;

ae)  jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-missjonijiet ta' sigurtà u ta' difiża tal-UE, bħal fil-EUFOR, l-ALTHEA, il-EULEX Kosovo, il-EUTM Mali u l-EUBAM Libya u l-appoġġ tagħha għalihom, u fil-ħidma tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża; jilqa' l-kooperazzjoni mill-qrib mal-Iżvizzera dwar l-għajnuna umanitarja, il-protezzjoni ċivili, il-ġlieda kontra t-terroriżmu u t-tibdil fil-klima;

af)  jirrikonoxxi l-kontribut u l-kooperazzjoni Żvizzeri fil-kuntest tal-migrazzjoni tal-massa lejn iż-żona Schengen u fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni; iħeġġeġ lill-Iżvizzera ssir parti mill-Patt Globali għall-Migrazzjoni u jistenna li dan għandu jseħħ wara d-dibattitu fil-Parlament Żvizzeru;

ag)  jistieden lill-Iżvizzera tapplika d-direttivi rilevanti tal-UE sabiex iżżomm il-livell ta' protezzjoni soċjali u l-livell tal-pagi attwali tagħha, fir-rigward tal-għoti ta' servizzi transfruntiera;

ah)  jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-IFA bejn l-UE u l-Iżvizzera jkun jinkludi klawżola ta' governanza tajba fil-qasam tat-taxxa li tinkludi regoli speċifiċi dwar l-għajnuna mill-Istat fil-forma ta' benefiċċju fuq it-taxxa, rekwiżiti ta' trasparenza rigward l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar it-tassazzjoni u s-sjieda benefiċjarja, u dispożizzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus;

ai)  jilqa' d-deċiżjoni tal-Iżvizzera li tissieħeb mat-Taskforce ta' Azzjoni Konġunta kontra ċ-Ċiberkriminalità (J-CAT) tal-Europol f'April 2018, bħala pass proattiv fil-ġlieda tagħha kontra t-theddid internazzjonali taċ-ċiberkriminalità;

aj)  jilqa' l-assoċjazzjoni tal-Iżvizzera mal-programm sħiħ ta' Orizzont 2020 u jittama li jkun hemm aktar kooperazzjoni fil-programmi futuri ta' riċerka;

ak)  iħeġġeġ lill-Iżvizzera tinvolvi ruħha fin-negozjar tal-assoċjazzjoni tagħha mal-programmi Erasmus;

al)  jilqa' l-progress li sar fil-kostruzzjoni tal-konnessjoni ferrovjarja transalpina magħrufa bħala "New Railway Link through the Alps" (Konnessjoni Ferrovjarja Ġdida fl-Alpi), investiment iffinanzjat mill-Iżvizzera li huwa ta' benefiċċju wkoll għall-UE;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà kif ukoll lill-Assemblea Federali u lill-Kunsill Federali tal-Konfederazzjoni Żvizzera.

(1)

ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

(2)

ĠU L 322, 7.12.2017, p. 3.

(3)

ĠU L 114, 30.4.2002, p. 6.

(4)

ĠU L 124, 20.5.2009, p. 53.

(5)

ĠU L 199, 31.7.2009, p. 24.

(6)

ĠU L 300, 31.12.1972, p. 189.

(7)

ĠU L 114, 30.4.2002, p. 73.

(8)

ĠU L 114, 30.4.2002, p. 91.

(9)

ĠU L 327, 21.12.2018, p. 77.

(10)

ĠU C 316, 22.09.2017, p.192.

(11)

ĠU C 252, 18.7.2018, p. 164.

(12)

https://www.eda.admin.ch/dam/dea/en/documents/fs/11-FS-Institutionelle-Fragen_en.pdf

(13)

https://www.eda.admin.ch/dam/dea/en/documents/abkommen/InstA-Wichtigste-in-Kuerze_en.pdf

(14)

ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(15)

ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.


OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (4.2.2019)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar il-Ftehim Qafas Istituzzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera

(2018/2262(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*) Tiziana Beghin

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li l-UE hija s-sieħba kummerċjali ewlenija tal-Iżvizzera, li tammonta għal 52 % tal-esportazzjonijiet tagħha u għal aktar minn 71 % tal-importazzjonijiet tagħha, u li l-kummerċ fil-merkanzija skont il-ftehimiet kummerċjali bilaterali attwali jammonta għal mhux inqas minn CHF 1 biljun kull jum(1); billi l-Iżvizzera hija t-tielet l-akbar sieħba kummerċjali tal-UE, li tammonta għal 7 % tal-kummerċ tagħha;

2.  Jilqa' l-konklużjoni tan-negozjati dwar il-Ftehim Qafas Istituzzjonali (IFA) bejn l-UE u l-Konfederazzjoni Żvizzera fit-23 ta' Novembru 2018; jappella sabiex isiru konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati, skont it-tradizzjonijiet demokratiċi u l-prinċipji kostituzzjonali, kif mitlub mill-Kunsill Federali fis-7 ta' Diċembru 2018; jitlob li l-proċeduri biex tiġi modernizzata u tkompli tespandi aktar ir-relazzjoni bejn l-UE u l-Iżvizzera jinbdew mingħajr dewmien, sabiex tiżdied iċ-ċertezza legali tagħha u jiġi garantit aċċess kontinwu għall-kumpaniji Żvizzeri għas-Suq Uniku, u biex ikunu jistgħu jitkomplew u jiġu ffaċilitati n-negozjati settorjali li għaddejjin;

3.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu għall-fatt li l-Kummissjoni ma bagħtietx it-test negozjat tal-Ftehim Qafas bejn l-UE u l-Iżvizzera, kif finalizzat f'Novembru 2018, lill-Kumitati għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ Internazzjonali; jitlob lill-Kummissjoni tibgħat dawn id-dokumenti mingħajr dewmien;

4.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal Ftehim Qafas Istituzzjonali, peress li r-relazzjoni bejn l-UE u l-Iżvizzera hija bbażata fuq sistema kumplessa ta' 120 ftehim speċifiċi għas-settur, b'hekk koerenza addizzjonali u ċertezza legali tkun ta' benefiċċju għall-partijiet kollha;

5.  Jilqa' bil-qawwa d-dikjarazzjoni politika ta' intenzjoni biex jiġi modernizzat l-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi u l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Iżvizzera tal-1972, u jappoġġa l-ambizzjoni li tinkiseb sħubija kummerċjali riveduta li tkun tinkludi oqsma bħas-servizzi li huma lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni tal-IFA u li huma koperti parzjalment biss mill-Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni (AFMP), fosthom l-aspetti diġitali, id-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (IPR), il-faċilitazzjoni tal-kummerċ, ir-rikonoxximent reċiproku tal-valutazzjonijiet u l-akkwist pubbliku, flimkien ma' kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli; jitlob kooperazzjoni ulterjuri sabiex jiġu protetti l-indikazzjonijiet ġeografiċi u jiġi estiż il-mekkaniżmu modern u affidabbli ta' soluzzjoni tat-tilwim bejn Stat u ieħor inkluż fl-abbozz tal-IFA biex ikopri r-relazzjoni kummerċjali bilaterali futura u jsolvi b'mod effiċjenti l-ostakoli kummerċjali bejn il-partijiet;

6.  Huwa konxju li ma hemm l-ebda ftehim komprensiv dwar is-servizzi fis-seħħ bejn l-UE u l-Iżvizzera u li s-servizzi huma koperti parzjalment biss permezz tal-Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni, li juri li hemm potenzjal għal aktar żvilupp;

7.  Jinnota li l-Iżvizzera takkolji l-ogħla perċentwal ta' ħaddiema transfruntiera mill-UE, u jistieden lill-UE u lill-Gvern Żvizzeru jtejbu l-miżuri tal-Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni billi jinkludu "Karta dwar il-ħaddiema transfruntiera" li tistabbilixxi dispożizzjonijiet vinkolanti li jkopru, fost oħrajn, drittijiet bażiċi relatati max-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-ivvjaġġar, trasferiment tal-benefiċċji tal-qgħad u kwistjonijiet dwar it-tassazzjoni doppja; ifakkar li l-UE għandha tinkoraġġixxi lill-Iżvizzera biex ittejjeb it-trattament tagħha tal-ħaddiema transfruntiera;

8.  Jistieden lill-partijiet jorganizzaw malajr kemm jista' jkun laqgħa interparlamentari tal-leġiżlaturi kemm mill-UE kif ukoll mill-Iżvizzera sabiex jiġu diskussi l-kwistjonijiet kollha relatati ma' dan il-ftehim;

9.  Jilqa' l-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar it-taxxa li se tirrestrinġi reġimi tat-taxxa preferenzjali u se tqarreb il-prattiki lejn l-istandards internazzjonali, u jittama li jkun hemm riżultat pożittiv fil-votazzjoni popolari li jmiss fl-Iżvizzera; jissottolinja l-ħtieġa li tkompli titjieb il-kooperazzjoni sabiex tiġi miġġielda l-evażjoni tat-taxxa u tissaħħaħ il-ġustizzja tat-taxxa;

10.  Jistieden lill-Iżvizzera tkompli l-ħidma tagħha fuq l-Istrateġija Żvizzera Diġitali, bil-għan li tkun allinjata mas-Suq Uniku Diġitali tal-UE;

11.  Jieħu nota tal-liġi riveduta dwar l-akkwist pubbliku adottata fl-2017 fil-Kanton ta' Ticino, li għandha tkun konformi mal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Akkwisti Pubbliċi u l-ftehim settorjali bejn l-UE u l-Iżvizzera rilevanti, li daħal fis-seħħ fl-2002; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet kontraenti jittrattaw lill-fornituri u lill-fornituri tas-servizzi tal-UE b'mod mhux diskriminatorju, anke f'każijiet ta' kuntratti ta' akkwist taħt il-livell limitu;

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

4.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

8

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Tiziana Beghin, David Campbell Bannerman, Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Eleonora Forenza, Karoline Graswander-Hainz, Christophe Hansen, Heidi Hautala, France Jamet, Patricia Lalonde, Bernd Lange, Sorin Moisă, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Joachim Schuster, William (The Earl of) Dartmouth, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Klaus Buchner, Ralph Packet, Paul Rübig, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Lola Sánchez Caldentey

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Stefan Gehrold, Ingeborg Gräßle, Ralph Packet

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

19

+

ALDE

Patricia Lalonde

ENF

France Jamet

PPE

Salvatore Cicu, Santiago Fisas Ayxelà, Stefan Gehrold, Ingeborg Gräßle, Christophe Hansen, Sorin Moisă, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Paul Rübig, Tokia Saïfi, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, Iuliu Winkler

S&D

Maria Arena, Karoline Graswander-Hainz, Bernd Lange, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Joachim Schuster

8

-

ECR

David Campbell Bannerman, Ralph Packet, Jan Zahradil

GUE/NGL

Eleonora Forenza, Lola Sánchez Caldentey, Helmut Scholz

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Heidi Hautala

1

0

GUE/NGL

Anne-Marie Mineur

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

https://www.eda.admin.ch/dam/dea/en/documents/abkommen/InstA-Wichtigste-in-Kuerze_en.pdf


OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (29.1.2019)

għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

dwar rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Ftehim Qafas Istituzzjonali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera

(2018/2262(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Andreas Schwab

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-21 ta' Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, u b'mod partikolari l-Anness I dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-Anness III dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-25 ta' Ġunju 2009 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta' oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta' sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll tas-27 ta' Mejju 2008 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni rigward il-parteċipazzjoni, bħala partijiet kontraenti, tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija wara l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) tal-1 ta' Jannar 1994,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2017 dwar ir-rapport annwali dwar il-governanza tas-suq uniku fi ħdan is-Semestru Ewropew 2017(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2047 tal-20 ta' Diċembru 2018 dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju applikabbli għall-boroż fl-Iżvizzera f'konformità mad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Iż-Żee-Svizzera: Ostakli fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern"(3),

A.  billi jeħtieġ suq uniku effettiv u li jiffunzjona tajjeb, ibbażat fuq ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna, sabiex tingħata spinta lit-tkabbir u lill-kompetittività u jinħolqu l-impjiegi bil-ħsieb li l-ekonomija tal-Ewropea terġa' tieħu r-ruħ; billi l-leġiżlazzjoni tas-suq uniku trid tiġi trasposta, implimentata u infurzata b'mod xieraq jekk l-Istati Membri u l-Iżvizzera jridu jgawdu l-benefiċċji kollha;

1.  Iqis li l-grad sinifikanti ta' integrazzjoni tal-Iżvizzera mas-suq intern tal-UE huwa fattur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku, li jagħmel lill-UE l-aktar sieħeb kummerċjali u ekonomiku importanti tal-Iżvizzera;

2.  Ifakkar li l-istabbiliment ta' qafas istituzzjonali komuni għal ftehimiet eżistenti u futuri li jippermettu l-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fis-suq uniku tal-UE, sabiex jiġu żgurati l-omoġeneità u ċ-ċertezza legali għaċ-ċittadini u n-negozji, jibqa' prekundizzjoni għall-iżvilupp ulterjuri ta' approċċ settorjali; jenfasizza li wara erba' snin ta' negozjati, wasal iż-żmien biex jiġi konkluż il-Ftehim Qafas Istituzzjonali; jilqa' l-fatt li n-negozjaturi qablu dwar it-test finali tal-ftehim; jistieden lill-Kunsill Federali Żvizzeru jieħu deċiżjoni li jikkonkludi dan il-ftehim, hekk kif il-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati tkun laħqet riżultat pożittiv f'dan ir-rigward; iqis li l-konklużjoni tal-ftehim se tippermetti li s-sħubija komprensiva bejn l-UE u l-Iżvizzera tiżviluppa l-potenzjal sħiħ tagħha;

3.  Jirrikonoxxi li r-relazzjonijiet b'saħħithom bejn l-UE u l-Iżvizzera jmorru lil hinn mill-integrazzjoni ekonomika u l-estensjoni tas-suq uniku u jikkontribwixxu għall-istabbiltà u l-prosperità għall-benefiċċju taċ-ċittadini u n-negozji kollha, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs); jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi u jiġu ġġenerati l-impjiegi;

4.  Iqis li l-iżgurar ta' Ftehim Qafas Istituzzjonali mal-Iżvizzera huwa ta' importanza kbira, peress li jiggarantixxi ċertezza tad-dritt kemm għall-Iżvizzera kif ukoll għall-UE, l-inkorporazzjoni dinamika tal-acquis tal-UE, l-aċċess imtejjeb għas-suq intern għall-Iżvizzera għall-benefiċċju taż-żewġ naħat, u l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-każ ta' tilwim mhux solvut dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni tal-Ftehim Qafas Istituzzjonali;

5.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2018 li tirrikonoxxi ċ-ċentri tan-negozjar fl-Iżvizzera bħala eliġibbli għall-konformità mal-obbligu tan-negozjar għall-ishma stabbilit fid-Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji(4) u r-Regolament(5) (MiFID II/MiFIR); jenfasizza li din l-ekwivalenza hija limitata għat-30 ta' Ġunju 2019, iżda tista' tiġi estiża dment li jkun sar progress lejn l-iffirmar ta' ftehim li jistabbilixxi dak il-qafas istituzzjonali komuni;

6.  Jieħu nota tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva "preferenza domestika light", u li l-Kunsill jikkunsidra li t-test li rriżulta, adottat fis-16 ta' Diċembru 2016 mill-Assemblea Federali Żvizzera, jista' jiġi implimentat b'mod kompatibbli mad-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE skont il-Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni (FMPA) jekk fl-ordinanzi ta' implimentazzjoni meħtieġa jiġu ċċarati l-kwistjonijiet miftuħa pendenti, bħad-dritt għal informazzjoni fir-rigward ta' postijiet vakanti u l-osservanza tad-drittijiet tal-ħaddiema tal-fruntieri; ifakkar, madankollu, li l-kwistjoni tal-migrazzjoni taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi m'għandhiex tiġi konfuża mal-moviment liberu tal-persuni kif stabbilit fit-Trattati; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi ssorveljata l-implimentazzjoni tal-ordinanza bil-ħsieb li tiġi vvalutata l-konformità tagħha mal-Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni;

7.  Jiddispjaċih għal kwalunkwe inizjattiva kantonali u nazzjonali li jista' jkollha l-effett li tillimita l-aċċess għas-suq tax-xogħol Żvizzeru għall-ħaddiema tal-UE, b'mod partikolari l-ħaddiema transfruntiera, b'hekk jiġu pperikolati d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE fl-ambitu tal-Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni u l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Iżvizzera;

8.  Jieħu nota tal-liġi riveduta dwar l-akkwist pubbliku adottata fl-2017 fil-Kanton ta' Ticino, l-Iżvizzera, li trid tikkonforma bis-sħiħ mal-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ dwar l-Akkwisti Pubbliċi u l-ftehim settorjali bejn l-UE u l-Iżvizzera rilevanti li ilu fis-seħħ mill-2002; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet kontraenti Żvizzeri jittrattaw lill-fornituri u lill-fornituri tas-servizzi tal-UE b'mod mhux diskriminatorju, anke f'każijiet ta' kuntratti ta' akkwist taħt il-livell limitu;

9.  Iħeġġeġ biex il-prattika attwali fejn impriżi tat-taksis mill-Istati Membri tal-UE jistgħu jipprovdu servizzi fl-Iżvizzera mingħajr restrizzjoni għandha titkompla, peress li ilha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku fir-reġjuni Żvizzeri tal-fruntiera u hija ta' benefiċċju reċiproku;

10.  Huwa tal-fehma li r-reċiproċità u l-korrettezza bejn iż-ŻEE u l-Iżvizzera huma meħtieġa sabiex iż-żewġ naħat jibbenefikaw mill-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq uniku;

11.  Jinnota li f'termini ġenerali, il-kooperazzjoni skont il-ftehim UE-Żvizzera dwar ir-rikonoxximent reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità (MRA) hija sodisfaċenti; jilqa' l-aġġornament l-aktar reċenti tal-MRA fl-2017 u jittama li l-aġġornamenti li ġejjin ikunu jistgħu jitwettqu malajr meta jiġi żviluppat il-potenzjal sħiħ tal-ftehim qafas istituzzjonali futur.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

29.1.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Pascal Arimont, Carlos Coelho, Sergio Gaetano Cofferati, Anna Maria Corazza Bildt, Daniel Dalton, Nicola Danti, Pascal Durand, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Liisa Jaakonsaari, Philippe Juvin, Nosheena Mobarik, Jiří Pospíšil, Marcus Pretzell, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Jasenko Selimovic, Igor Šoltes, Ivan Štefanec, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mihai Ţurcanu, Anneleen Van Bossuyt, Lambert van Nistelrooij, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Biljana Borzan, Nadja Hirsch, Arndt Kohn, Adam Szejnfeld, Marc Tarabella, Matthijs van Miltenburg

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

32

+

ALDE

Nadja Hirsch, Matthijs van Miltenburg, Jasenko Selimovic

ECR

Daniel Dalton, Nosheena Mobarik, Anneleen Van Bossuyt

EFDD

Marco Zullo

ENF

Marcus Pretzell

PPE

Pascal Arimont, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Philippe Juvin, Lambert van Nistelrooij, Jiří Pospíšil, Andreas Schwab, Ivan Štefanec, Adam Szejnfeld, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mihai Ţurcanu

S&D

Biljana Borzan, Sergio Gaetano Cofferati, Nicola Danti, Evelyne Gebhardt, Maria Grapini, Liisa Jaakonsaari, Arndt Kohn, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Olga Sehnalová, Marc Tarabella

VERTS/ALE

Pascal Durand, Igor Šoltes

0

-

 

 

1

0

ENF

John Stuart Agnew

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

ĠU C 252, 18.7.2018, p. 16.

(2)

ĠU L 327, 21.12.2018, p. 77.

(3)

ĠU C 316, 22.9.2017, p. 192.

(4)

ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

(5)

ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

48

8

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Elmar Brok, James Carver, Javier Couso Permuy, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule-Pēterse, Tunne Kelam, Stelios Kouloglou, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, David McAllister, Tamás Meszerics, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Kati Piri, Julia Pitera, Jozo Radoš, Michel Reimon, Anders Sellström, Alyn Smith, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Hilde Vautmans

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Laima Liucija Andrikienė, Tanja Fajon, Doru-Claudian Frunzulică, Takis Hadjigeorgiou, Marek Jurek, Patricia Lalonde, Javi López, Marietje Schaake, Renate Sommer, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Janusz Zemke, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Stefan Gehrold, Agnes Jongerius, Ulrike Rodust, Kārlis Šadurskis, Vladimir Urutchev, Bogdan Andrzej Zdrojewski


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

48

+

ALDE

Iveta Grigule-Pēterse, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans

ECR

Anna Elżbieta Fotyga, Marek Jurek, Ryszard Antoni Legutko, Geoffrey Van Orden

PPE

Asim Ademov, Michèle Alliot-Marie, Laima Liucija Andrikienė, Elmar Brok, Michael Gahler, Stefan Gehrold, Tunne Kelam, David McAllister, Alojz Peterle, Julia Pitera, Kārlis Šadurskis, Anders Sellström, Renate Sommer, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, László Tőkés, Vladimir Urutchev, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Željana Zovko

S&D

Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Tanja Fajon, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Doru-Claudian Frunzulică, Agnes Jongerius, Javi López, Andrejs Mamikins, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Tonino Picula, Kati Piri, Ulrike Rodust, Janusz Zemke

8

-

EFDD

James Carver

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Takis Hadjigeorgiou, Stelios Kouloglou, Sabine Lösing, Marie-Christine Vergiat

NI

Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz

6

0

VERTS/ALE

Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Michel Reimon, Alyn Smith, Jordi Solé, Bodil Valero

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 18 ta' Marzu 2019Avviż legali