Proċedura : 2018/2236(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0149/2019

Testi mressqa :

A8-0149/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 26/03/2019 - 7.4

Testi adottati :

P8_TA(2019)0224

RAPPORT     
PDF 207kWORD 64k
1.3.2019
PE 632.006v02-00 A8-0149/2019

dwar rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-ftehim komprensiv il-ġdid bejn l-UE u l-Użbekistan

(2018/2236(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: David McAllister

ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-ftehim komprensiv il-ġdid bejn l-UE u l-Użbekistan

(2018/2236(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/… tas-16 ta' Lulju 2018 li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà jiftħu negozjati dwar, u jinnegozjaw, f'isem l-Unjoni, id-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Unjoni ta' Ftehim Komprensiv bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra (10336/18),

  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, tas-16 ta' Lulju 2018, li tawtorizza lill-Kummissjoni Ewropea tiftaħ negozjati dwar, u tinnegozja, f'isem l-Istati Membri, id-dispożizzjonijiet li jaqgħu taħt il-kompetenzi tal-Istati Membri ta' Ftehim Komprensiv bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra (10337/18),

  wara li kkunsidra d-direttivi ta' negozjati tal-Kunsill tas-16 ta' Lulju 2018 (10601/18 EU Restricted), trażmessi lill-Parlament fis-6 ta' Awwissu 2018,

  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni (FSK) eżistenti bejn l-UE u r-Repubblika tal-Użbekistan, li daħal fis-seħħ fl-1999,

  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil bejn l-UE u l-Użbekistan dwar l-enerġija ffirmat f'Jannar 2011,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill fl-2013,

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim sabiex jestendi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għall-kummerċ bilaterali fit-tessuti, filwaqt li titqies l-iskadenza tal-Ftehim bilaterali dwar it-tessuti(1)

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Protokoll għall-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Użbekistan, min-naħa l-oħra, li jemenda l-Ftehim sabiex jestendi d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim għall-kummerċ bilaterali fit-tessuti, filwaqt li titqies l-iskadenza tal-Ftehim bilaterali dwar it-tessuti(2),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2014 dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Użbekistan(3),

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar l-istat tal-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali(4), u tat-13 ta' April 2016 dwar implimentazzjoni u rieżami tal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali(5),

  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tad-19 ta' Settembru 2018 bit-titolu "Konnessjoni bejn l-Ewropa u l-Asja – Elementi Fundamentali għal Strateġija tal-UE" (JOIN(2018)0031),

  wara li kkunsidra ż-żjarat fl-Użbekistan mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tiegħu u s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem tiegħu ta' Settembru 2018 u Mejju 2017 rispettivament, u ż-żjarat regolari fil-pajjiż mid-Delegazzjoni tiegħu għall-Kumitati ta' Kooperazzjoni Parlamentari UE-Każakistan, UE-Kirgiżistan, UE-Użbekistan u UE-Taġikistan, u għar-relazzjonijiet mat-Turkmenistan u l-Mongolja,

  wara li kkunsidra r-riżultati tat-13-il laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE u l-Asja Ċentrali, li saret fl-10 ta' Novembru 2017 f'Samarkand, li indirizzat l-aġenda bilaterali (l-ekonomija, il-konnettività, is-sigurtà u l-istat tad-dritt) u kwistjonijiet reġjonali,

  wara li kkunsidra l-Joint Communiqué tal-14-il laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-UE u l-Asja Ċentrali, li saret fit-23 ta' Novembru 2018 fi Brussell, bit-titolu "EU-Central Asia – Working together to build a future of inclusive growth, sustainable connectivity and stronger partnerships"(6) (L-UE u l-Asja Ċentrali – Naħdmu flimkien biex nibnu futur ta' tkabbir inklużiv, konnettività sostenibbli u sħubiji aktar b'saħħithom),

  wara li kkunsidra l-assistenza għall-iżvilupp kontinwa mill-UE lill-Użbekistan, li tammonta għal EUR 168 miljun fil-perjodu bejn l-2014 u l-2020, l-assistenza finanzjarja mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostituzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), u miżuri oħra tal-UE f'appoġġ tal-paċi u s-sigurtà u t-tnaqqis tal-iskart nukleari fil-pajjiż,

  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza ta' Tashkent dwar l-Afganistan tas-26 u s-27 ta' Marzu 2018, ospitata mill-Użbekistan u kopreseduta mill-Afganistan, bit-titolu "Peace process, security cooperation and regional connectivity" (Il-proċess ta' paċi, il-kooperazzjoni tas-sigurtà u l-konnettività reġjonali),

  wara li kkunsidra l-Istrateġija ta' Azzjonijiet f'Ħames Oqsma Prijoritarji għall-Iżvilupp tal-Użbekistan (l-Istrateġija għall-Iżvilupp) għall-2017-2021,

–  wara li kkunsidra l-passi meħuda mill-Użbekistan lejn soċjetà aktar miftuħa u lejn relazzjonijiet aktar miftuħa mal-ġirien tiegħu sa mill-indipendenza mill-Unjoni Sovjetika,

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0149/2019),

A.  billi fit-23 ta' Novembru 2018, l-UE u l-Użbekistan nedew negozjati dwar Ftehim Imsaħħaħ ta' Sħubija u Kooperazzjoni (EPCA) komprensiv, bil-ħsieb li jiġi sostitwit l-FSK attwali bejn l-UE u l-Użbekistan, bil-għan ta' kooperazzjoni msaħħa u aktar profonda fl-oqsma ta' interess reċiproku u abbażi tal-valuri kondiviżi tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, ir-rispett għal-libertajiet fundamentali, u governanza tajba, sabiex jiġu promossi l-iżvilupp sostenibbli u s-sigurtà internazzjonali u jiġu indirizzati b'mod effettiv sfidi globali bħat-terroriżmu, it-tibdil fil-klima u l-kriminalità organizzata;

B.  billi l-EPCA jirrikjedi l-kunsens tal-Parlament sabiex jidħol fis-seħħ;

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ):

Relazzjonijiet UE-Użbekistan

a)  jilqa' l-impenji u l-passi meħuda mill-Użbekistan lejn soċjetà aktar miftuħa u l-livell ta' impenn ġenwin fi ħdan id-djalogu politiku bejn l-UE u l-Użbekistan, li wasslu għal ftuħ ta' negozjati dwar EPCA komprensiv; jenfasizza l-interess tal-UE fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet tagħha mal-Użbekistan fuq il-bażi ta' valuri komuni u jirrikonoxxi r-rwol tal-Użbekistan bħala pont kulturali u politiku importanti bejn l-Ewropa u l-Asja;

b)  jipprevedi djalogu regolari u fil-fond u jissorvelja l-implimentazzjoni sħiħa tar-riformi politiċi u demokratiċi mmirati lejn il-ħolqien ta' ġudikatura indipendenti – inkluż it-tneħħija tar-restrizzjonijiet kollha fuq l-indipendenza tal-avukati –, parlament ġenwinament indipendenti li jirriżulta minn elezzjoni ġenwinament kompetittiva, li jipproteġi d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-libertà tal-media, it-tneħħija tal-influwenza politika fuq is-servizzi tas-sigurtà u l-iżgurar li jimpenjaw ruħhom biex jirrispettaw l-istat tad-dritt, u involviment qawwi tas-soċjetà ċivili fil-proċess ta' riforma; jilqa' s-setgħat il-ġodda mogħtija lill-Oliy Majlis u l-mekkaniżmi l-ġodda li jsaħħu s-sorveljanza parlamentari; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-OSKE/ODIHR wara l-elezzjonijiet parlamentari tal-2014;

c)  jenfasizza l-importanza ta', u jipprovdi appoġġ sinifikanti għal, riformi sostenibbli u l-implimentazzjoni tagħhom, abbażi tal-ftehimiet attwali u futuri, li jwassal għal riżultati tanġibbli u jindirizza kwistjonijiet politiċi, soċjetali u ekonomiċi, bil-għan, b'mod partikolari, li tittejjeb il-governanza, li jinfetaħ spazju għal soċjetà ċivili ġenwinament diversa u indipendenti, li jissaħħaħ ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, li jitħarsu l-minoranzi u l-persuni vulnerabbli kollha, inklużi l-persuni b'diżabilità, li jiġi żgurat l-obbligu ta' rendikont għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u reati oħra u li jitneħħew l-ostakoli għall-intraprenditorja;

d)  jirrikonoxxi u jappoġġja l-impenn tal-Użbekistan għar-riformi strutturali, amministrattivi u ekonomiċi li għaddejjin biex jittejbu l-klima tan-negozju, is-sistema ġudizzjarja u s-servizzi tas-sigurtà, il-kundizzjonijiet tax-xogħol, u l-obbligu ta' rendikont u l-effiċjenza amministrattiva, u jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni sħiħa u verifikabbli tagħhom; jilqa' l-liberalizzazzjoni tal-operazzjonijiet ta' muniti barranin u tas-suq tal-muniti barranin; jenfasizza li l-pjan ta' riforma komprensiv tal-Użbekistan, l-Istrateġija ta' Żvilupp għall-2017-2021, irid jiġi implimentat u appoġġjat minn miżuri li jiffaċilitaw il-kummerċ estern u jtejbu l-ambjent tan-negozju; iqis li l-migrazzjoni tal-ħaddiema u r-rimessi huma mekkaniżmi ewlenin biex jiġi indirizzat il-faqar fl-Użbekistan;

e)  iħeġġeġ lill-Gvern Użbek biex jiżgura li d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili, l-osservaturi internazzjonali u l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ikunu jistgħu joperaw liberament f'ambjent legalment sod u politikament sikur, b'mod partikolari billi jiffaċilitaw il-proċessi ta' reġistrazzjoni u jippermettu rikors legali f'każ ta' ċaħda ta' reġistrazzjoni; iħeġġeġ lill-gvern biex jippermetti monitoraġġ regolari, bla xkiel u indipendenti tal-kundizzjonijiet fil-ħabsijiet u fis-siti tad-detenzjoni; jinkoraġġixxi lill-gvern biex jistieden lir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, jimplimenta r-rakkomandazzjoni mill-aħħar żjara tiegħu fl-2003 u jġib il-liġijiet u l-prattiki nazzjonali konformi mal-liġi u l-istandards internazzjonali, inkluż mekkaniżmu ta' monitoraġġ indipendenti li jagħti aċċess bla xkiel għal postijiet ta' detenzjoni sabiex it-trattament tal-priġunieri jkun jista' jiġi mmonitorjat; jistieden lill-awtoritajiet jinvestigaw bir-reqqa l-allegazzjonijiet kollha ta' tortura jew ta' trattament inuman;

f)  jippromwovi l-ħolqien ta' soċjetà tolleranti, inklussiva, pluralista u demokratika taħt gvern kredibbli billi jappoġġja l-liberalizzazzjoni gradwali b'rispett sħiħ għall-prinċipji ta' gwida tan-NU dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem u l-progress soċjoekonomiku għall-benefiċċju tan-nies;

g)  jilqa' l-ħelsien ta' priġunieri politiċi iżda jħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiggarantulhom rijabilitazzjoni sħiħa u aċċess għal rimedju u trattament mediku; jitlob ir-rilaxx tal-priġunieri politiċi kollha li fadal u l-individwi l-oħra kollha detenuti jew ippersegwitati fuq akkużi politikament motivati bħall-attivisti għad-drittijiet tal-bniedem, is-soċjetà ċivili u l-attivisti reliġjużi, il-ġurnalisti u l-politiċi tal-oppożizzjoni; jesprimi tħassib dwar il-bosta proċessi bil-bibien magħluqa u jħeġġeġ lill-gvern biex itemm dawn il-prattiki; iħeġġeġ lill-gvern biex jemenda malajr id-dispożizzjonijiet tal-kodiċi kriminali tiegħu dwar l-estremiżmu li xi kultant jintużaw ħażin biex jikkriminalizzaw in-nuqqas ta' qbil; jilqa' l-impenji li ttieħdu biex tieqaf tintuża l-akkuża ta' "ksur tar-regoli tal-ħabs" biex jiġu estiżi b'mod arbitrarju s-sentenzi ta' priġunieri politiċi; jiżgura li l-priġunieri politiċi kollha li huma kkundannati għal reati kriminali u reati oħra jingħataw kopji tas-sentenzi tal-qorti dwar il-każijiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jużaw id-dritt tagħhom li jappellaw u japplikaw għal riabilitazzjoni; jilqa' il-laxkar ta' xi restrizzjonijiet fuq il-libertà ta' għaqda paċifika u jinkoraġġixxi ukoll it-tneħħija ta' restrizzjonijiet fuq dawk id-drittijiet, bħad-detenzjoni ta' dimostranti paċifiċi, u b'hekk jaderixxi mad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; jilqa' ż-żjara riċenti mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin;

h)  jinnota li l-klassifikazzjoni tal-Użbekistan fl-Indiċi tal-Libertà tal-Istampa tar-Reporters Mingħajr Fruntieri tjiebet biss ftit bejn l-2016 u l-2018 u jibqa' mħasseb dwar iċ-ċensura, l-imblukkar ta' siti web, l-awtoċensura ta' ġurnalisti u bloggers, il-fastidju, kemm onlajn kif ukoll offline, u akkużi kriminali motivati politikament; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex iwaqqfu l-pressjoni fuqil-midja u s-sorveljanza tagħha, biex iwaqqfu l-imblukkar ta' siti web indipendenti u biex jippermettu lill-midja internazzjonali takkredita l-korrispondenti u topera fil-pajjiż; jappoġġja u jilqa' l-miżuri meħuda lejn indipendenza akbar tal-midja u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, pereżempju t-tneħħija ta' xi restrizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet tagħhom, kif ukoll ir-ritorn ta' midja barranija u internazzjonali u NGOs, li qabel kienu esklużi mill-pajjiż; jilqa' l-liġi l-ġdida dwar ir-reġistrazzjoni tal-NGOs, li naqqset xi proċeduri ta' reġistrazzjoni u xi rekwiżiti biex jingħata permess minn ħafna qabel għal attivitajiet jew laqgħat; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jimplimentaw bis-sħiħ din il-liġi, inkluż billi jitneħħew l-ostakli kollha għar-reġistrazzjoni ta' organizzazzjonijiet internazzjonali, u jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jindirizzaw ir-restrizzjonijiet li fadal li jillimitaw il-ħidma tal-NGOs, bħal rekwiżiti ta' reġistrazzjoni li huma ta' piż u monitoraġġ intrużiv;

i)  jilqa' l-progress li sar lejn l-eradikazzjoni tat-tħaddim tat-tfal u l-eliminazzjoni gradwali tax-xogħol furzat, kif ukoll iż-żjarat riċenti fl-Użbekistan minn Rapporteurs Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-ftuħ mill-ġdid tal-pajjiż għal NGOs internazzjonali f'dan il-qasam; jirrimarka li x-xogħol furzat sponsorjat mill-istat fl-industriji tal-qoton u tal-ħarir u f'oqsma oħra jibqa' problema; jistenna passi mill-Gvern tal-Użbekistan biex jeqred il-forom kollha ta' xogħol furzat, jindirizza l-kawżi fundamentali tal-fenomenu, b'mod partikolari s-sistema ta' kwoti obbligatorji, u jżomm l-awtoritajiet lokali responsabbli li jimmobilizzaw il-ħaddiema fis-settur pubbliku u l-istudenti taħt pressjoni; jenfasizza li huma meħtieġa aktar sforzi u aktar miżuri legali biex jiġi kkonsolidat il-progress f'dan il-qasam bil-ħsieb li jitneħħa x-xogħol furzat; jinkoraġġixxi f'dan ir-rigward aktar kooperazzjoni mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO); jinkoraġġixxi l-għoti ta' aċċess fil-pajjiż għal żjara mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-forom kontemporanji ta' skjavitù; jenfasizza l-importanza tal-isforzi biex tiġi żviluppata katina tal-provvista tal-qoton sostenibbli kif ukoll teknoloġiji u prattiki tal-biedja moderni u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent għat-tkabbir tal-qoton fil-pajjiż; jappoġġja lill-bdiewa lokali li jkabbru l-qoton fit-titjib tal-effiċjenza tal-produzzjoni tagħhom, is-salvagwardja tal-ambjent u t-titjib tal-prattiki tax-xogħol bil-ħsieb li jitneħħa x-xogħol furzat;

j)  iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex iżidu l-azzjoni biex inaqqsu l-qgħad fil-pajjiż, inkluż il-ftuħ tas-settur privat u t-tisħiħ tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju; jilqa', f'dan ir-rigward, l-estensjoni tal-Programm ta' Taħriġ għal Ġestjoni u jinkoraġġixxi programmi ta' taħriġ ulterjuri għall-intraprendituri; ifakkar fil-potenzjal tal-popolazzjoni żagħżugħa u l-livell ta' edukazzjoni relattivament għoli f'dan ir-rigward; jinkoraġġixxi l-promozzjoni ta' programmi edukattivi ta' intraprenditorija; ifakkar fl-importanza ta' programmi tal-UE bħall-Erasmus+ għall-promozzjoni ta' djalogu interkulturali bejn l-UE u l-Użbekistan u fil-provvista ta' opportunitajiet għat-tisħiħ tal-pożizzjoni tal-studenti li jieħdu sehem f'dawn il-programmi bħala atturi pożittivi ta' bidla fis-soċjetà tagħhom;

k)  ikompli jorganizza djalogi annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem organizzati mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u, f'dan il-kuntest, jagħmel pressjoni biex jiġu solvuti każijiet individwali ta' tħassib, inklużi dawk tal-priġunieri politiċi; jaqbel dwar oqsma konkreti qabel kull sensiela ta' djalogi fuq bażi annwali u jivvaluta l-progress fuq ir-riżultati skont l-istandards tal-UE, filwaqt li jintegra l-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-laqgħat u l-politiki l-oħra kollha; jinkoraġġixxi u jevalwa l-konformità ma' strumenti internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem, kif irratifikati mill-Użbekistan, b'mod partikolari fin-NU, l-OSKE u l-ILO; jesprimi tħassib kontinwu dwar il-problemi pendenti u n-nuqqas ta' implimentazzjoni ta' xi riformi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiddekriminalizzaw ir-relazzjonijiet sesswali kunsenswali bejn persuni tal-istess sess u jrawmu kultura ta' tolleranza għall-persuni LGBTI; jistieden lill-awtoritajiet Użbeki biex jirrispettaw u jippromwovu d-drittijiet tan-nisa;

l)  jiżgura reviżjoni tas-sistema tal-passaporti; jilqa' l-abolizzjoni tas-sistema ta' "viżi ta' ħruġ", li qabel kienu meħtieġa minn ċittadini Użbeki li jivvjaġġaw barra mill-Commonwealth ta' Stati Indipendenti (CIS); jilqa' t-tħabbira tal-Użbekistan li mhux se jibqa' jirrikjedi viżi minn ċittadini tal-Istati Membri tal-UE minn Jannar 2019;

m)  iħeġġeġ lill-awtoritajiet itejbu s-sistema lokali tal-kura tas-saħħa u jżidu r-riżorsi tal-istat biex jiffaċilitaw it-titjib, ladarba s-sitwazzjoni ddeterjorat b'mod sinifikanti minn meta l-pajjiż kiseb l-indipendenza;

n)  iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jipprovdu l-appoġġ meħtieġ u jfittxu l-kontribuzzjoni u l-appoġġ tal-imsieħba internazzjonali biex jippermettu lill-Użbekistan, u b'mod partikolari r-Repubblika awtonoma ta' Karakalpakstan, biex jindirizzaw aktar il-konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u dawk relatati mas-saħħa tad-diżastru ambjentali tal-Baħar Aral billi jistabbilixxu politiki u prattiki ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni tal-ilma sostenibbli u pjan ta' tindif gradwali kredibbli għar-reġjun; jilqa' l-iżviluppi pożittivi fil-kooperazzjoni reġjonali dwar l-ilma, b'mod partikolari mat-Taġikistan u l-Każakistan, it-twaqqif tal-Fond Fiduċjarju għas-Sigurtà tal-Bniedem tan-NU għal Bosta Msieħba għar-Reġjun tal-Baħar Aral u l-impenn muri mill-awtoritajiet; ikompli jappoġġja l-isforzi biex tittejjeb l-infrastruttura tat-tisqija;

o)  jirrikonoxxi l-politika barranija l-ġdida tal-Użbekistan, li wasslet għal titjib fil-kooperazzjoni ma' ġirien u msieħba internazzjonali, b'mod partikolari dwar il-promozzjoni tal-istabilità u s-sigurtà fir-reġjun, il-ġestjoni tal-fruntieri u tal-ilma, id-demarkazzjoni tal-fruntiera u l-enerġija; jappoġġja l-impenn pożittiv tal-Użbekistan fil-proċess ta' paċi fl-Afganistan;

p)  jilqa' l-impenn kontinwu tal-Użbekistan biex iħares iż-Żona Ħielsa minn Armi Nukleari tal-Asja Ċentrali; ifakkar fl-impenn tal-UE biex tappoġġja lill-Użbekistan fit-trattament ta' skart tossiku u radjuattiv; iħeġġeġ lill-Użbekistan biex jiffirma t-Trattat dwar il-Projbizzjoni ta' Armi Nukleari;

q)  iqis ir-rwol importanti tal-Użbekistan fir-rieżmi li jmiss tal-Istrateġija tal-UE u l-Asja Ċentrali, li tapplika l-prinċipju tad-differenzjazzjoni;

r)  jirrikonoxxi t-tħassib dwar is-sigurtà leġittima tal-Użbekistan, u jżid il-kooperazzjoni fl-appoġġ tal-ġestjoni ta' kriżijiet, il-prevenzjoni ta' konflitti, il-ġestjoni integrata tal-fruntieri u l-isforzi biex jiġu indirizzati r-radikalizzazzjoni vjolenti, it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata u l-kummerċ illeċitu fid-drogi, filwaqt li jiġi rrispettat l-istat tad-dritt, inkluż il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

s)  jiżgura kooperazzjoni effettiva fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa;

t)  jorbot it-twassil tal-assistenza lill-Użbekistan mal-istrumenti finanzjarji esterni tal-UE u ma' self mill-BEI u l-BERŻ lejn il-kontinwazzjoni tal-progress tar-riforma;

u)  jappoġġja l-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin meħtieġa għal status ta' GSP+;

v)  jappoġġja l-isforzi tal-Użbekistan biex jinvolvi ruħu fil-proċess biex jingħaqad mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) sabiex jintegra aħjar lill-pajjiż fl-ekonomija dinjija u jtejjeb il-klima kummerċjali tiegħu, u b'hekk jattira aktar investiment dirett barrani (IDB);

w)  iqis l-iżvilupp ta' dawn ir-relazzjonijiet ma' pajjiżi terzi fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva taċ-Ċina ta' "One Belt, One Road" (OBOR); u jinsisti fuq il-konformità mat-tħassib dwar id-drittijiet tal-bniedem marbuta ma' din l-inizjattiva, inkluż billi jiżviluppa linji gwida f'dan ir-rigward;

Ftehim komprensiv ġdid

x)  juża n-negozjati tal-EPCA biex jappoġġja progress ġenwin u sostenibbli lejn reġim responsabbli u demokratiku li jiggarantixxi u jipproteġi d-drittijiet fundamentali għaċ-ċittadini kollha u jiffoka b'mod partikolari fuq l-iżgurar ta' ambjent favorevoli għas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-indipendenza tal-avukati; jiżgura li, qabel it-tmiem tan-negozjati, l-Użbekistan jagħmel progress tajjeb lejn l-iżgurar tal-libertà tal-espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni u għaqda paċifika skont l-istandards internazzjonali, inkluż billi jitneħħew l-ostakli li jfixklu l-gruppi l-ġodda kollha milli jirreġistraw u jibdew legalment attivitajiet fil-pajjiż u li jirċievu finanzjament barrani;

y)  jinnegozja ftehim modern, kumplessiv u ambizzjuż bejn l-UE u l-Użbekistan li jissostitwixxi l-FSK tal-1999, isaħħaħ il-kuntatt bejn il-ġnus, il-kooperazzjoni politika, ir-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment, u l-kooperazzjoni dwar l-iżvilupp sostenibbli, il-protezzjoni tal-ambjent, il-konnettività, id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza, u jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli tal-Użbekistan;

z)  iġedded l-impenn tagħhom lejn l-avvanz ta' standards demokratiċi, il-prinċipji ta' governanza tajba u l-istat tad-dritt, u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż il-libertà ta' reliġjon jew twemmin, u d-difensuri tagħhom;

aa)  jappoġġja l-isforzi mġedda tal-Użbekistan lejn kooperazzjoni multilaterali u internazzjonali fir-rigward ta' sfidi globali u reġjonali, bħas-sigurtà internazzjonali u l-ġlieda kontra l-estremiżmu vjolenti, il-kriminalità organizzata, it-traffikar tad-droga, l-immaniġġjar tal-ilma, id-degradazzjoni ambjentali, it-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni, fost l-oħrajn;

ab)  jiżgura li l-ftehim komprensiv jiffaċilita u jsaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali u r-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitti tal-kontroversji eżistenti, u jwitti t-triq għal relazzjonijiet ġenwini ta' viċinat tajjeb;

ac)  itejjeb id-dispożizzjonijiet relatati mar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi billi jorbothom aħjar mad-dispożizzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u impenn għall-implimentazzjoni tal-prinċipji gwida tan-NU dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li jipprovdi mekkaniżmi biex jiġu vvalutati u indirizzati l-impatti negattivi fuq id-drittijiet tal-bniedem, minn naħa, u billi jippromwovi l-prinċipji tal-ekonomija tas-suq, inkluża ċ-ċertezza legali, u istituzzjonijiet indipendenti u trasparenti, djalogu soċjali u implimentazzjoni tal-istandards tax-xogħol tal-ILO sabiex jiġi garantit investiment dirett barrani sostenibbli u jingħata kontribut għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija min-naħa l-oħra; itejjeb il-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa u jiżgura li l-assi attwalment iffriżati f'diversi Stati Membri tal-UE u taż-ŻEE jiġu ripatrijati b'mod responsabbli għall-benefiċċju tal-poplu Użbek kollu;

ad)  isaħħaħ l-aspetti tal-kooperazzjoni interparlamentari fi ħdan Kumitat Parlamentari ta' Kooperazzjoni fl-oqsma tad-demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inkluż l-obbligu ta' rendikont dirett ta' rappreżentanti tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni u l-Kumitat Parlamentari ta' Kooperazzjoni;

ae)  jiżgura l-involviment tal-atturi rilevanti kollha, inkluż tas-soċjetà ċivili, kemm waqt in-negozjati kif ukoll waqt il-fażi ta' implimentazzjoni tal-ftehim;

af)  jinkludi termini dwar is-sospensjoni potenzjali tal-kooperazzjoni f'każ ta' ksur ta' elementi essenzjali minn xi parti, fir-rigward, b'mod partikolari, tar-rispett għad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, inkluż il-konsultazzjoni tal-Parlament Ewropew f'każijiet bħal dawn; jistabbilixxi mekkaniżmu ta' monitoraġġ u ta' lmenti indipendenti li jipprovdi lill-popolazzjonijiet affettwati u lir-rappreżentanti tagħhom b'għodda effettiva biex jindirizzaw l-impatti fuq id-drittijiet tal-bniedem u jissorvelja l-implimentazzjoni;

ag)  jiżgura li l-Parlament Ewropew ikun involut mill-qrib fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-partijiet kollha tal-EPCA ladarba jidħol fis-seħħ, jorganizza konsultazzjonijiet f'dan il-kuntest, jiżgura li l-Parlament u s-soċjetà ċivili ikunu infurmati kif suppost dwar l-implimentazzjoni tal-EPCA mis-SEAE, u jirreaġixxu kif mistħoqq;

ah)  jiżgura t-trażmissjoni tad-direttivi ta' negozjati kollha lill-Parlament Ewropew, soġġetta għar-regoli ta' kunfidenzjalità, sabiex ikun jista' jsir skrutinju xieraq mill-Parlament tal-proċess ta' negozjar; jiġu ssodisfati l-obbligi interistituzzjonali li jirriżultaw mill-Artikolu 218(10) tat-TFUE, u jinforma fil-qosor, b'mod perjodiku, lill-Parlament;

ai)  japplika l-EPCA b'mod proviżorju biss wara li l-Parlament ikun ta l-kunsens tiegħu;

aj)  jimplimenta kampanja ta' sensibilizzazzjoni pubblika li tenfasizza r-riżultati pożittivi mistennija ta' kooperazzjoni għall-benefiċċju taċ-ċittadini tal-UE u tal-Użbekistan, li ttejjeb ukoll ir-relazzjonijiet bejn il-ġnus;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà kif ukoll lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tal-Użbekistan.

(1)

ĠU C 238, 6.7.2018, p. 394.

(2)

ĠU C 238, 6.7.2018, p. 51.

(3)

ĠU C 274, 27.7.2016, p. 25.

(4)

ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 91.

(5)

ĠU C 58, 15.2.2018, p. 119.

(6)

https://eeas.europa.eu/headquarters/headquarters-homepage/54354/joint-communiqué-european-union-–-central-asia-foreign-ministers-meeting-brussels-23-november_en


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

60

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Elmar Brok, James Carver, Javier Couso Permuy, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule-Pēterse, Tunne Kelam, Stelios Kouloglou, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, David McAllister, Tamás Meszerics, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Kati Piri, Julia Pitera, Jozo Radoš, Michel Reimon, Anders Sellström, Alyn Smith, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Hilde Vautmans

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Laima Liucija Andrikienė, Brando Benifei, Tanja Fajon, Doru-Claudian Frunzulică, Takis Hadjigeorgiou, Marek Jurek, Patricia Lalonde, Javi López, Marietje Schaake, Renate Sommer, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Janusz Zemke, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Stefan Gehrold, Agnes Jongerius, Ulrike Rodust, Kārlis Šadurskis, Vladimir Urutchev, Bogdan Andrzej Zdrojewski


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

60

+

ALDE

Iveta Grigule-Pēterse, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans

ECR

Anna Elżbieta Fotyga, Marek Jurek, Ryszard Antoni Legutko, Geoffrey Van Orden

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Takis Hadjigeorgiou, Stelios Kouloglou, Sabine Lösing, Marie-Christine Vergiat

NI

Dobromir Sośnierz

PPE

Asim Ademov, Michèle Alliot-Marie, Laima Liucija Andrikienė, Elmar Brok, Michael Gahler, Stefan Gehrold, Tunne Kelam, David McAllister, Alojz Peterle, Julia Pitera, Kārlis Šadurskis, Anders Sellström, Renate Sommer, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, László Tőkés, Vladimir Urutchev, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Željana Zovko

S&D

Francisco Assis, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Tanja Fajon, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Doru-Claudian Frunzulică, Agnes Jongerius, Javi López, Andrejs Mamikins, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Kati Piri, Ulrike Rodust, Janusz Zemke

VERTS/ALE

Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Michel Reimon, Alyn Smith, Jordi Solé, Bodil Valero

2

-

EFDD

James Carver

NI

Georgios Epitideios

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 15 ta' Marzu 2019Avviż legali