RAPPORT dwar rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, lill-Kunsill għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi

7.3.2019 - (2018/2237(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Hilde Vautmans


Proċedura : 2018/2237(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0157/2019
Testi mressqa :
A8-0157/2019
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-Proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, lill-Kunsill għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi

(2018/2237(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti, b'mod partikolari l-SDGs 1, 16 u 17, immirati lejn il-promozzjoni ta' soċjetajiet paċifiċi u inklużivi għall-iżvilupp sostenibbli[1],

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/322 tat-2 ta' Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp[2],

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/871/PESK[3],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi[4],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2017/2306 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 230/2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi[5],

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Interistituzzjonali, mehmuża mar-Regolament (UE) 2017/2306, dwar is-sorsi ta' finanzjament ta' miżuri ta' assistenza skont l-Artikolu 3a tar-Regolament (UE) Nru 230/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-paċi[6],

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/323 tat-2 ta' Marzu 2015 dwar ir-regolament finanzjarju applikabbli għall-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp[7],

–  wara li kkunsidra l-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari[8] kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju[9],

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Intern bejn ir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, imlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill, dwar l-iffinanzjar ta' għajnuna mill-Unjoni Ewropea taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-perjodu mill-2014 sal-2020, skont il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE, u dwar l-allokazzjoni ta' assistenza finanzjarja għall-Pajjiżi u Territorji extra-Ewropej li għalihom tapplika r-Raba' Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea[10],

–  wara li kkunsidra l-Proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2018 għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi (HR(2018) 94),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015, tal-15 ta' Diċembru 2016, tad-9 ta' Marzu 2017, tat-22 ta' Ġunju 2017, tal-20 ta' Novembru 2017, tal-14 ta' Diċembru 2017 u tat-28 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra d-dokument bit-titlu "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea", ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' Novembru 2017, tal-25 ta' Ġunju 2018 u tad-19 ta' Novembru 2018 dwar is-sigurtà u d-difiża fil-kuntest tal-Istrateġija Globali tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2017 bit-titlu "Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tad-Difiża Ewropea" (COM(2017)0315),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tas-SEAE tal-5 ta' Lulju 2016 dwar "Elementi għal qafas strateġiku għall-UE kollha biex tiġi appoġġata r-riforma tas-settur tas-sigurtà",

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 20 tat-18 ta' Settembru 2018 dwar "L-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà: jeħtieġ li l-appoġġ li jingħata mill-UE jiġi ffukat mill-ġdid",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2015 dwar il-finanzjament tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni[11],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża[12],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017[13] u tat-12 ta' Diċembru 2018[14] dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0157/2019),

A.  billi l-ambizzjoni tal-UE hija li tkun attur globali għall-paċi, filwaqt li tħabrek għaż-żamma tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali u r-rispett għad-dritt internazzjonali umanitarju u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

B.  billi l-UE għandha responsabbiltà dejjem akbar biex tissalvagwardja s-sigurtà tagħha stess, f'ambjent strateġiku li mar għall-agħar konsiderevolment f'dawn l-aħħar snin;

C.  billi l-ambjent ta' sigurtà diffiċli madwar l-UE jitlob li jkollha awtonomija strateġika, fatt li ġie rikonoxxut f'Ġunju 2016 mit-28 Kap ta' Stat u ta' Gvern fl-Istrateġija Globali tal-UE u li jirrikjedi l-provvista ta' strumenti li jsaħħu l-kapaċità tal-UE fiż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni tal-kunflitti, il-promozzjoni ta' soċjetajiet paċifiċi, ġusti u inklużivi u t-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali; billi ġie rikonoxxut li soċjetajiet siguri u paċifiċi huma prerekwiżit għal żvilupp dejjiemi;

D.  billi l-għan tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi (minn hawn 'il quddiem "EPF" jew "il-Faċilità") mhuwiex li tiġi militarizzata l-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea iżda li jkun hemm sinerġiji u titjib fl-effiċjenza billi jiġi pprovdut approċċ bħala pakkett għall-finanzjament operattiv tal-azzjoni esterna li diġà teżisti llum u fejn il-finanzjament mill-baġit tal-UE mhuwiex possibbli;

E.  billi t-Trattat jirrikjedi li l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha jimplimentaw politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK), inkluż it-tfassil progressiv ta' politika ta' difiża komuni, li tista' twassal għal difiża komuni f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 42, biex b'hekk tissaħħaħ l-identità Ewropea u l-indipendenza tagħha sabiex jiġu promossi l-paċi, is-sigurtà u l-progress fl-Ewropa u fid-dinja; billi l-Faċilità proposta trid tintlaqa' bħala pass progressiv f'din id-direzzjoni, u l-VP/RGħ għandha tiġi mħeġġa ssegwi l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ulterjuri tagħha;

F.  billi l-UE hija l-akbar fornitur ta' għajnuna għall-iżvilupp u umanitarja fid-dinja, u billi dan isaħħaħ ir-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp tagħha lejn il-kisba ta' paċi sostenibbli;

G.  billi għandu jitħeġġeġ użu akbar tal-finanzjament u l-istrumenti tal-Unjoni għall-finijiet tat-titjib tal-kooperazzjoni, l-iżvilupp ta' kapaċitajiet u l-iskjerament ta' missjonijiet fil-futur, kif ukoll għaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni, il-ġestjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, u l-indirizzar tat-theddid għas-sigurtà internazzjonali; jissottolinja li l-EPF għandha, b'mod partikolari, tiffinanzja l-missjonijiet militari tal-Unjoni, issaħħaħ il-kapaċitajiet militari u ta' difiża tal-Istati terzi u tal-organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali, u tikkontribwixxi għall-finanzjament ta' operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi mmexxija minn organizzazzjoni reġjonali jew internazzjonali jew minn Stati terzi;

H.  billi, fil-passat, l-UE sabitha diffiċli tiffinanzja operazzjonijiet b'implikazzjonijiet ta' difiża; billi l-Parlament enfasizza ripetutament il-ħtieġa li l-finanzjament ikun aktar flessibbli u effiċjenti u jesprimi solidarjetà u determinazzjoni; billi hemm bżonn strumenti u għodod addizzjonali biex jiġi żgurat li l-UE tkun tista' twettaq ir-rwol tagħha bħala attur globali fil-qasam tas-sigurtà; billi kwalunkwe strument bħal dan jeħtieġ li jkun soġġett għal kontroll parlamentari xieraq u rregolat mil-leġiżlazzjoni tal-UE;

I.  billi l-parteċipazzjoni tan-nisa fi proċessi ta' paċi tibqa' wieħed mill-inqas aspetti li rreġistraw progress fl-aġenda tan-nisa, il-paċi u s-sigurtà, minkejja li n-nisa huma l-vittmi primarji ta' kriżijiet umanitarji u tas-sigurtà u minkejja l-fatt li meta n-nisa jkollhom rwol espliċitu fi proċessi ta' paċi, il-probabbiltà li ftehim idum tal-anqas 15-il sena tiżdied b'35 %;

J.  billi s-sigurtà interna u esterna huma marbuta dejjem aktar mill-qrib ma' xulxin; billi l-UE ħadet passi sinifikanti biex tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tagħha fil-qasam tad-difiża; billi l-UE dejjem kienet kburija bis-setgħa ta' persważjoni tagħha u se tkompli tagħmel dan; billi din ir-realtà li qiegħda tevolvi u li toħloq tħassib, madankollu, tirrikjedi li l-UE ma tibqax esklużivament "setgħa ċivili", iżda li tiżviluppa u ssaħħaħ il-kapaċitajiet militari tagħha, li għandhom jintużaw b'mod konsistenti u koerenti mal-azzjoni esterna l-oħra kollha tal-UE; billi l-iżvilupp fil-pajjiżi terzi mhuwiex possibbli mingħajr is-sigurtà u l-paċi; billi l-militar għandu rwol kruċjali f'dan ir-rigward, speċjalment f'pajjiżi fejn l-awtoritajiet ċivili ma jistgħux iwettqu bis-sħiħ l-kompiti tagħhom fid-dawl tas-sitwazzjoni tas-sigurtà; billi l-Faċilità għandha l-potenzjal ċar li twassal għal involviment aktar b'saħħtu min-naħa tal-UE fil-konfront ta' pajjiżi sħab u żżid l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-UE, filwaqt li tippermetti lill-UE ssir fornitur ta' stabbiltà u sigurtà rilevanti fil-futur;

K.  billi l-azzjoni esterna tal-UE ma tridx tiġi strumentalizzata bħala "ġestjoni tal-migrazzjoni", u l-isforzi kollha għal ħidma ma' Stati terzi trid timxi id f'id mat-titjib tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'dawn il-pajjiżi;

L.  billi n-nonproliferazzjoni u d-diżarm ikollhom effett sinifikanti fit-tnaqqis tal-ħolqien ta' kunflitti u jikkontribwixxu għal aktar stabbiltà, f'konformità mal-obbligi li jirriżultaw mit-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal‑Armi Nukleari u r-riżoluzzjoni rispettiva tal-Parlament dwar is-sigurtà nukleari u n-nonproliferazzjoni[15]; billi dinja mingħajr armi ta' qerda massiva hija waħda aktar sikura; billi l-UE kienet protagonista fil-projbizzjoni tal-armi nukleari u għandha tespandi r-rwol tagħha f'dan is-sens;

M.  billi t-Trattati ma jipprevedu l-ebda azzjoni militari esterna tal-Unjoni lil hinn mill-qafas tal-PSDK; billi PESK ġenwina għall-Istati Membri kollha tal-UE żżid l-ispazju għall-intervent tal-UE fil-politika esterna; billi l-unika azzjoni militari esterna possibbli skont il-PSDK hija fl-għamla ta' missjonijiet barra l-Unjoni għaż-żamma tal-paċi, għall-prevenzjoni tal-kunflitt u għat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali f'konformità mal-prinċipji tal-Karta tan-NU kif imsemmi fl-Artikolu 42(1) tat-TUE;

N.  billi l-appoġġ għall-operazzjonijiet militari ta' appoġġ għall-paċi tal-pajjiżi sħab s'issa kien jingħata barra mill-baġit tal-UE permezz tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika (FPA), stabbilita fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) u ffinanzjata minnu; billi l-FPA bħalissa hija limitata għal operazzjonijiet immexxija mill-Unjoni Afrikana jew minn organizzazzjonijiet reġjonali Afrikani;

O.  billi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi hija mistennija tagħti lill-Unjoni l-kapaċità li tikkontribwixxi direttament għall-finanzjament ta' operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi mmexxija minn pajjiżi terzi, kif ukoll għall-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, fuq bażi globali u mhux limitata għall-Afrika jew għall-Unjoni Afrikana biss;

P.  billi l-Faċilità Ewropea għall-Paċi proposta se tissostitwixxi l-mekkaniżmu Athena u l-FPA; billi hija se tikkomplementa l-inizjattiva għat-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet għas-Sigurtà u l-Iżvilupp billi tiffinanzja l-ispejjeż tal-attivitajiet ta' difiża tal-UE bħall-missjonijiet ta' żamma tal-paċi tal-Unjoni Afrikana, l-ispejjeż komuni għall-operazzjonijiet militari proprji tal-PSDK u t-tisħiħ tal-kapaċità militari tal-pajjiżi sħab, li huma esklużi mill-baġit tal-UE skont l-Artikolu 41(2) tat-TUE;

Q.  billi l-operazzjonijiet imwettqa fl-ambitu tal-Faċilità jridu jikkonformaw mal-prinċipji u l-valuri minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u jirrispettaw id-dritt internazzjonali umanitarju u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; billi l-operazzjonijiet li mhumiex definiti bħala etikament aċċettabbli mill-perspettiva tas-sikurezza tal-bniedem, is-saħħa u s-sigurtà, il-libertà, il-privatezza, l-integrità u d-dinjità, iridu jiġu vvalutati bir-reqqa u kkunsidrati mill-ġdid;

R.  billi l-proporzjon attwali tal-ispejjeż komuni għadu baxx ħafna (bejn wieħed u ieħor 5-10 % tal-ispejjeż kollha), u li l-proporzjon għoli tal-ispejjeż u r-responsabbiltajiet li jinġarru minn nazzjon fl-operazzjonijiet militari, abbażi tal-prinċipju li l-ispejjeż jitħallsu fejn jintefqu ("costs lie where they fall"), imur kontra l-prinċipji tas-solidarjetà u tal-kondiviżjoni tal-piżijiet, u dan jiskoraġġixxi ulterjorment lill-Istati Membri milli jkollhom sehem attiv fl-operazzjonijiet tal-PSDK;

S.  billi l-pakkett annwali medju propost għall-Faċilità Ewropea għall-Paċi huwa ta' EUR 1 500 000 000, filwaqt li l-infiq kombinat fl-ambitu tal-mekkaniżmu Athena u l-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika jvarja bejn EUR 250 000 000 u EUR 500 000 000 fis-sena; billi l-għanijiet potenzjali tal-EUR 1 000 000 000 addizzjonali fis-sena mhumiex speċifikati jew iggarantiti b'mod adegwat fil-proposta;

T.  billi bħala mekkaniżmu barra mill-baġit iffinanzjat permezz ta' kontribuzzjonijiet annwali mill-Istati Membri, abbażi ta' skema ta' distribuzzjoni tal-introjtu nazzjonali gross (ING), l-EPF hija mistennija tippermetti lill-UE tiffinanzja proporzjon ogħla ta' spejjeż komuni (35-45 %) tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet militari, kif inhu l-każ bħalissa bil-mekkaniżmu Athena; billi l-EPF hija wkoll mistennija li tiżgura li l-finanzjament tal-UE jkun disponibbli fuq bażi permanenti, filwaqt li tiżgura programmazzjoni adegwata għat-tħejjija għall-kriżijiet, l-iffaċilitar tal-iskjerament rapidu, u t-titjib tal-flessibbiltà f'każ ta' rispons rapidu; billi l-Parlament ilu għal żmien twil jitlob l-inklużjoni u l-espansjoni ambizzjużi tal-mekkaniżmu Athena għall-finanzjament komuni tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; billi, madankollu, id-Deċiżjoni tal-Kunsill proposta ma għandhiex l-istess karattru vinkolanti bħall-ftehim intern tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika, li jfisser li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jiffinanzjawx azzjonijiet tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi;

U.  billi, biż-żieda fl-ispejjeż komuni, il-Faċilità proposta se ssaħħaħ is-solidarjetà u l-kondiviżjoni tal-piżijiet bejn l-Istati Membri, u tħeġġeġ lill-Istati Membri, speċjalment dawk li ma għandhomx biżżejjed riżorsi finanzjarji jew operattivi, jikkontribwixxu għall-operazzjonijiet tal-PSDK;

V.  billi fil-konklużjonijiet tiegħu tad-19 ta' Novembru 2018, il-Kunsill huwa riżervat fl-appoġġ tiegħu għall-proposta tal-EPF; billi, madankollu, huwa importanti li ssir ħidma lejn l-adozzjoni ta' proposta ambizzjuża li jkun fiha l-komponenti proposti kollha, inkluż il-mekkaniżmu ta' Athena;

W.  billi l-kompiti militari kollha fl-ambitu tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi, bħall-operazzjonijiet konġunti ta' diżarm, kompiti umanitarji u ta' salvataġġ, kompiti ta' konsulenza u assistenza militari, prevenzjoni ta' kunflitti u taż-żamma tal-paċi, kompiti ta' forzi ta' kumbattiment fil-ġestjoni ta' kriżijiet, inkluż l-istabbiliment tal-paċi u l-istabbilizzazzjoni ta' wara kunflitt, il-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż billi jiġu appoġġati pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fit-territorji tagħhom kif elenkat fl-Artikolu 43(1) tat-TUE, b'rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem, huma fil-kompetenza tal-PSDK; billi l-eċċezzjoni tal-Artikolu 41(2) tat-TUE tapplika għan-nefqa operattiva li tirriżulta minn dawn il-missjonijiet militari biss; billi n-nefqa operattiva l-oħra kollha li tirriżulta mill-PSDK, inkluża n-nefqa li tirriżulta minn kwalunkwe azzjoni oħra msemmija fl-Artikolu 42 tat-TUE, għandha titħallas mill-baġit tal-Unjoni; billi n-nefqa amministrattiva tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi għandha titħallas mill-baġit tal-Unjoni;

X.  billi skont l-Artikolu 41(2) tat-TUE n-nefqa operattiva kollha li tirriżulta mill-PESK għandha titħallas mill-baġit tal-Unjoni, ħlief għan-nefqa li tirriżulta minn operazzjonijiet li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża; billi l-punti (a) u (d) tal-Artikolu 2 tal-proposta għal deċiżjoni jiddisponu rispettivament li l-Faċilità Ewropea għall-Paċi għandha tiffinanzja kemm "operazzjonijiet li għandhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża" kif ukoll "azzjonijiet operattivi oħra tal-Unjoni li għandhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża";

Y.  billi skont l-Artikolu 21(2)(d) tat-TUE, l-Unjoni għandha tiddefinixxi u ssegwi politiki u azzjonijiet komuni u għandha taħdem biex jinkiseb grad għoli ta' kooperazzjoni fl-oqsma kollha tar-relazzjonijiet internazzjonali, sabiex jitrawwem l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali sostenibbli tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bl-għan primarju li jinqered il-faqar;

Z.  billi, skont l-Artikolu 208(1), it-tieni paragrafu, tat-TFUE: "L-objettiv prinċipali tal-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-Unjoni għandu jkun it-tnaqqis u, eventwalment, il-qerda tal-faqar"; billi, skont l-istess paragrafu, "l-Unjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-objettivi ta' koperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politika li x'aktarx tolqot lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw"; billi t-tieni sentenza tifforma dispożizzjoni tat-Trattat, u bħala tali, dmir kostituzzjonali għall-UE, imsemmi bħala "Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp" (PCD);

AA.  billi l-missjonijiet militari u ċivili barra mill-Unjoni jeħtieġ li jinżammu separati minn xulxin sabiex jiġi żgurat li l-missjonijiet ċivili jkunu ffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni biss;

AB.  billi l-UE għandha tagħti lill-persunal tal-missjonijiet tal-PSDK status simili għal dak ta' esperti nazzjonali sekondati billi tipprovdilhom status uniformi u l-aqwa protezzjoni possibbli skont ir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni; billi l-allowances kollha li jirriżultaw minn tali status u n-nefqa relatata mal-ivvjaġġar, mas-sussistenza u mal-kura tas-saħħa għandhom jitħallsu mill-baġit tal-Unjoni bħala nefqa amministrattiva;

AC.  billi l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) ippubblikat rapport speċjali dwar l-Arkitettura Afrikana għall-Paċi u s-Sigurtà ffinanzjata permezz tal-FPA, li huwa propost li għandha tiġi inkluża u estiża fl-EPF; billi l-QEA temmen li dan l-appoġġ ma ngħatax biżżejjed prijorità u kellu effett limitat; billi r-rakkomandazzjonijiet tal-QEA jridu jitqiesu kif xieraq fid-dawl tal-finanzjament miżjud ambizzjuż għall-Faċilità l-ġdida;

AD.  billi l-proposta ma ġiet akkumpanjata mill-ebda valutazzjoni tal-impatt finanzjarju rigward in-nefqa amministrattiva; billi n-nefqa amministrattiva tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi għandha implikazzjonijiet sostanzjali għall-baġit tal-Unjoni; billi l-ebda persunal addizzjonali ma għandu jiġi ingaġġat mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi, jew delegat lilha, aktar mill-persunal li diġà qiegħed jaħdem fuq l-istrumenti li qegħdin jiġu sostitwiti; billi s-sinerġiji li jirriżultaw mill-ġbir tal-istrumenti distinti attwali fi struttura amministrattiva waħda għandhom jiffaċilitaw il-ġestjoni tal-ambitu ġeografiku usa' tal-Faċilità Ewropea għall-Paċi; billi l-persunal addizzjonali għandu jiġi ingaġġat biss jekk u meta d-dħul għal missjoni jew miżura jkun effettivament inġabar mill-Istati Membri parteċipanti kollha; billi n-natura temporanja tad-dħul tirrikjedi li l-kuntratti tal-persunal ingaġġat mill-Faċilità Ewropea għall-Paċi jew issekondat mal-Faċilità għal missjoni jew miżura partikolari jkollhom limiti ta' żmien korrispondenti; billi l-ebda persunal ma għandu jiġi ingaġġat jew issekondat mill-Faċilità minn Stat Membru li jkun għamel dikjarazzjoni formali skont l-Artikolu 31(1) tat-TUE għal missjoni jew miżura partikolari;

AE.  billi l-VP/RGħ għandha tikkonsulta b'mod regolari lill-Parlament dwar l-aspetti ewlenin u l-għażliet bażiċi kollha tal-PESK u l-PSDK u dwar l-evoluzzjoni sussegwenti tagħhom; billi l-Parlament għandu jiġi kkonsultat u infurmat fil-pront, b'tali mod li jkun jista' jippreżenta l-fehmiet tiegħu u jsaqsi mistoqsijiet, inkluż dwar il-PCD, lill-VP/RGħ u lill-Kunsill qabel ma jittieħdu d-deċiżjonijiet jew qabel ma tittieħed azzjoni deċiżiva; billi l-VP/RGħ għandha tqis il-fehmiet tal-Parlament, inkluż dwar il-PCD, u tinkorporahom fil-proposti tagħha, tikkunsidra mill-ġdid id-deċiżjonijiet jew parti mid-deċiżjonijiet li l-Parlament jkun oppona għalihom, jew tirtira tali proposti, minkejja l-possibbiltà li Stat Membru javvanza l-inizjattiva inkwistjoni, u tipproponi deċiżjonijiet tal-Kunsill relatati mal-PSDK fuq stedina tal-Parlament; billi l-Parlament għandu jkollu dibattitu kull sena mal-VP/RGħ dwar l-operazzjonijiet iffinanzjati mill-Faċilità;

1.  Jirrakkomanda lill-Kunsill li:

(a)  ma jnaqqasx il-kontribuzzjoni ta' Stat Membru għall-Faċilità jekk l-Istat Membru jirrikorri għall-użu tal-Artikolu 31(1) tat-TUE, peress li dan jimmina l-ING ewlieni sottostanti għall-mekkaniżmu ta' finanzjament u għall-finanzjament kumplessiv tal-Faċilità;

(b)  jinkludi fid-deċiżjoni referenza għar-rwol tal-Parlament bħala awtorità ta' kwittanza, kif inhu l-każ bħalissa fir-rigward tal-FEŻ u għalhekk għall-FPA, f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-regolamenti finanzjarji applikabbli għall-FEŻ, bil-għan li tinżamm il-konsistenza tal-azzjoni esterna tal-UE skont il-Fond u skont il-politiki rilevanti l-oħra tiegħu f'konformità mal-Artikolu 18 tat-TUE u l-Artikolu 21(2)(d) tat-TUE moqrija flimkien mal-Artikolu 208 tat-TFUE;

(c)  jaħdem fuq it-twaqqif ta' mekkaniżmu fil-Parlament Ewropew, li, skont parametri definiti b'mod strett, jipprovdi aċċess f'waqtu għall-informazzjoni, inklużi d-dokumenti oriġinali, dwar il-baġit annwali tal-EPF, baġits emendatorji, trasferimenti, programmi ta' azzjoni (inkluż matul il-fażi preparatorja), implimentazzjoni ta' miżuri ta' assistenza (inkluż miżuri ad hoc), ftehimiet ma' atturi responsabbli mill-implimentazzjoni, u rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-introjtu u l-infiq, kif ukoll il-kontijiet annwali, id-dikjarazzjoni finanzjarja, ir-rapport ta' evalwazzjoni u r-rapport annwali mill-QEA;

(d)  jaqbel li jinkludi aċċess għad-dokumenti kunfidenzjali kollha fin-negozjati għall-Ftehim Interistituzzjonali aġġornat bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-aċċess tal-Parlament għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża;

(e)  jiżgura li l-operazzjonijiet, il-programmi ta' azzjoni, il-miżuri ta' assistenza ad hoc u azzjonijiet operattivi oħra ffinanzjati mill-Faċilità ma jiksrux jew ma jintużawx biex jiksru bi kwalunkwe mod il-prinċipji fundamentali stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE u lanqas biex jiksru d-dritt internazzjonali, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali umanitarju u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

(f)  jikkonkludi r-reviżjoni tal-mekkaniżmu ta' Athena – jekk jista' jkun qabel ma tintemm din is-sena – u jinkorporah mingħajr xkiel fl-EPF filwaqt li jżomm l-effiċjenza u l-flessibbiltà operattivi tal-mekkaniżmu;

(g)  jiżgura li jinżamm it-titjib fl-effiċjenza u l-effikaċja offrut minn strument wieħed meta jsiru l-aġġustamenti neċessarji għall-proposta;

(h)  jinkorpora l-emendi li ġejjin:

-  jissostitwixxi "Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni" b'"Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni" fil-premessa (4) u fl-Artikolu 1;

-  iżid il-premessa ġdida (10a) li ġejja: "(10a) Il-kompiti ta' konsulenza u assistenza militari msemmija fl-Artikolu 43(1) tat-TUE jistgħu jieħdu l-għamla ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet militari u ta' difiża tal-Istati terzi u ta' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali għaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni, il-ġestjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, kif ukoll l-indirizzar tat-theddid għas-sigurtà internazzjonali, f'konformità stretta mad-dritt internazzjonali umanitarju u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u mal-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju";

-  iżid il-premessa ġdida (10b) li ġejja: "(10b) Il-kompiti ta' prevenzjoni ta' kunflitti u taż-żamma tal-paċi msemmija fl-Artikolu 43(1) tat-TUE jistgħu jieħdu l-għamla ta' kontribuzzjoni għall-finanzjament ta' operazzjonijiet ta' appoġġ għall-paċi mmexxija minn organizzazzjoni reġjonali jew internazzjonali jew minn Stati terzi.";

-  iżid il-premessa ġdida (10c) li ġejja: "(10c) L-operazzjonijiet appoġġjati mill-finanzjament tal-UE jridu jinkorporaw ir-riżoluzzjoni 1325 tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà";

-  jemenda l-punt (a) tal-Artikolu 2 kif ġej: "a) jikkontribwixxi għall-finanzjament ta' missjonijiet fl-ambitu tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża";

-  jemenda l-punt b) tal-Artikolu 2 kif ġej: "b) isaħħaħ il-kapaċitajiet militari u ta' difiża ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali għaż-żamma tal-paċi, il-prevenzjoni, il-ġestjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, u l-indirizzar tat-theddid għas-sigurtà internazzjonali u ċ-ċibersigurtà";

-  fl-Artikolu 3, iżid il-punt 2a ġdid li ġej: "2a. It-tqassim annwali tan-nefqa amministrattiva għal din il-faċilità li titħallas mill-baġit tal-Unjoni għandu jiġi stabbilit fl-Anness I (ġdid) għal skopijiet ta' informazzjoni.";

-  jemenda l-punt (c) tal-Artikolu 5 kif ġej: "c) "operazzjoni" tfisser operazzjoni militari stabbilita fl-ambitu tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni f'konformità mal-Artikolu 42 tat-TUE biex jitwettqu l-kompiti msemmija fl-Artikolu 43(1) tat-TUE li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża, inkluż kompitu fdat lil grupp ta' Stati Membri f'konformità mal-Artikolu 44 tat-TUE";

-  fl-aħħar tal-Artikolu 6, iżid is-subparagrafu l-ġdid li ġej: "L-aspetti ċivili kollha, l-assi jew il-missjonijiet fl-ambitu tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) u b'mod partikolari fl-ambitu tal-PSDK, jew partijiet minnhom, għandhom jiġu ffinanzjati esklużivament mill-baġit tal-Unjoni;

-  jemenda l-Artikolu 7 kif ġej: "Kull Stat Membru, ir-Rappreżentant Għoli jew ir-Rappreżentant Għoli bl-appoġġ tal-Kummissjoni jista' jippreżenta proposti għal azzjonijiet tal-Unjoni skont it-Titolu V tat-TUE biex jiġu ffinanzjati mill-Faċilità. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jinforma lill-Parlament Ewropew fil-pront bi kwalunkwe proposta bħal din.";

-  jemenda l-paragrafu 1 tal-Artikolu 10 kif ġej: "Il-konsistenza bejn l-azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Faċilità u azzjonijiet oħra tal-Unjoni skont il-politiki rilevanti l-oħra tiegħu għandha tiġi żgurata f'konformità mal-Artikoli 21(3) u 26(2) tat-TUE. L-azzjonijiet tal-Unjoni li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Faċilità għandhom ikunu konsistenti wkoll mal-objettivi ta' dawk il-politiki l-oħra tal-Unjoni lejn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali;)";

-  fl-Artikolu 10, iżid il-paragrafu 3a ġdid li ġej: "3a. Darbtejn fis-sena r-Rappreżentant Għoli għandu jinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-konsistenza msemmija fil-paragrafu 1.";

-  fl-Artikolu 11, iżid il-paragrafu 2a ġdid li ġej: "2a. Il-Faċilità għandu jkollha uffiċjal ta' kollegament mal-Parlament Ewropew. Barra minn hekk, id-Deputat Segretarju Ġenerali għall-PSDK u r-Rispons għall-Kriżijiet, għandu jkollu skambju ta' opinjonijiet annwali mal-korp parlamentari rilevanti sabiex jingħataw aġġornamenti regolari.";

-  jemenda l-paragrafu 1 tal-Artikolu 12 kif ġej: "Għandu jitwaqqaf Kumitat tal-Faċilità (minn hawn 'il quddiem "il-Kumitat") magħmul minn rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru parteċipanti. Rappreżentanti tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u tal-Kummissjoni għandhom jiġu mistiedna għal-laqgħat tal-Kumitat mingħajr ma jieħdu sehem fil-votazzjonijiet tiegħu. Rappreżentanti tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) jistgħu jiġu mistiedna għal-laqgħat tal-Kumitat għall-punti li jkunu qed jiġu diskussi dwar il-qasam ta' attività tal-EDA, mingħajr ma jieħdu sehem fil-votazzjonijiet tiegħu jew ikunu preżenti għalihom. Rappreżentanti tal-Parlament Ewropew jistgħu jiġu mistiedna għal-laqgħat tal-Kumitat mingħajr ma jieħdu sehem fil-votazzjonijiet tiegħu jew ikunu preżenti għalihom.";

-  jemenda l-paragrafu 8 tal-Artikolu 13 kif ġej: "8. L-amministratur għandu jiżgura l-kontinwità tal-funzjonijiet tiegħu permezz tal-istruttura amministrattiva tal-istrutturi militari kompetenti tas-SEAE msemmija fl-Artikolu 9.";

-  fl-Artikolu 13, iżid il-paragrafu 8a ġdid li ġej: "8a. L-amministratur għandu jkun involut fl-aġġornamenti mogħtija lill-Parlament Ewropew.";

-  fl-Artikolu 16, iżid il-paragrafu 8a ġdid li ġej: "8a. Il-kmandanti tal-operazzjoni għandhom ikunu involuti fl-aġġornamenti mogħtija lill-Parlament Ewropew.";

-  jemenda l-paragrafu 1 tal-Artikolu 34 kif ġej: "L-amministratur għandu jipproponi lill-Kumitat il-ħatra ta' awditur intern tal-Faċilità, u tal-anqas deputat awditur intern ieħor, għal perjodu ta' erba' snin, li jista' jiġġedded għal perjodu totali ta' mhux aktar minn tmien snin. L-awdituri interni jrid ikollhom il-kwalifiki professjonali neċessarji u joffru biżżejjed garanziji ta' sigurtà, oġġettività u indipendenza. L-awditur intern ma jistax ikun l-uffiċjal awtorizzanti jew l-uffiċjal tal-kontabbiltà; ma jistax jieħu sehem fit-tħejjija ta' dikjarazzjonijiet finanzjarji.";

-  jemenda l-paragrafu 4 tal-Artikolu 47 kif ġej: "4. Id-destinazzjoni finali tat-tagħmir u l-infrastruttura ffinanzjati b'mod komuni għandha tiġi approvata mill-Kumitat, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet operazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem, is-sigurtà u l-valutazzjoni tar-riskju ta' diverżjoni fir-rigward tal-użu finali u l-utenti finali ċertifikati, u kriterji finanzjarji. Id-destinazzjoni finali tista' tkun kif ġej:

a) fil-każ tal-infrastruttura, tinbiegħ jew tiġi trasferita permezz tal-Faċilità lill-pajjiż ospitanti, lil Stat Membru jew lil parti terza;

b) fil-każ ta' tagħmir, jinbiegħ permezz tal-Faċilità lil Stat Membru, lill-pajjiż ospitanti jew lil parti terza, jew jinħażen u jinżamm mill-Faċilità, Stat Membru jew parti terza, għal użu f'operazzjoni sussegwenti.";

-  jemenda l-paragrafu 6 tal-Artikolu 47 kif ġej: "6. Il-bejgħ jew it-trasferiment lill-pajjiż ospitanti jew lil parti terza għandhom isiru f'konformità mad-dritt internazzjonali, inklużi d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipju non nocere, kif ukoll mar-regoli dwar is-sigurtà rilevanti fis-seħħ u jikkonformaw b'mod strett mal-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju";

  jemenda l-paragrafu 1 tal-Artikolu 48 kif ġej: "Ir-Rappreżentant Għoli jista' jippreżenta lill-Kunsill kunċett għall-possibbiltà ta' Programm ta' Azzjoni jew miżura ta' assistenza ad hoc. Ir-Rappreżentant Għoli għandu jinforma minnufih lill-Parlament Ewropew dwar kwalunkwe Kunċett bħal dan.";

-  jemenda l-paragrafu 1 tal-Artikolu 49 kif ġej: "Il-Programmi ta' Azzjoni għandhom jiġu approvati mill-Kunsill fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat dwar il-Programmi ta' Azzjoni approvati ladarba jiġu adottati mill-Kunsill.";

-  jemenda l-paragrafu 3 tal-Artikolu 50 kif ġej: "Meta talba taqa' barra mill-Programmi ta' Azzjoni eżistenti, il-Kunsill jista' japprova miżura ta' assistenza ad hoc fuq proposta tar-Rappreżentant Għoli. Il-Parlament Ewropew għandu jiġi infurmat dwar il-miżuri ta' assistenza ad hoc approvati ladarba jiġu adottati mill-Kunsill.";

-  fl-Artikolu 52, paragrafu 2, iżid il-punt fa) ġdid li ġej: "fa) għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni lista dettaljata ta' tagħmir iffinanzjat mill-Faċilità;’;

-  jemenda l-punt b) tal-Artikolu 53, paragrafu 1, kif ġej: "b) imwassla b'mod effettiv lill-forzi armati tal-Istat terz ikkonċernat sakemm tkun ġiet ivvalutata l-konformità mal-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju;";

-  jemenda l-punt d) tal-Artikolu 53, paragrafu 1, kif ġej: "d) użati f'konformità mal-politiki tal-Unjoni, b'kunsiderazzjoni xierqa għad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari rigward id-drittijiet tal-bniedem, u maċ-ċertifikati tal-utent finali, b'mod partikolari l-klawsoli dwar trasferimenti mill-ġdid;";

-  jemenda l-punt e) tal-Artikolu 53, paragrafu 1, kif ġej: "e) ġestiti f'konformità ma' kwalunkwe restrizzjoni jew limitazzjoni fuq l-użu, il-bejgħ jew it-trasferiment tagħhom deċiżi mill-Kunsill jew mill-Kumitat, u f'konformità maċ-ċertifikati rilevanti tal-utent finali, il-kriterji tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008 li tiddefinixxi regoli komuni li jirregolaw il-kontroll ta' esportazzjonijiet ta' teknoloġija u tagħmir militari u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju";

-  jemenda l-paragrafu 1 tal-Artikolu 54 kif ġej: "Kwalunkwe attur responsabbli mill-implimentazzjoni fdat bl-implimentazzjoni tan-nefqa ffinanzjata permezz tal-Faċilità għandu jirrispetta l-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba u ta' trasparenza, għandu jkun wettaq il-valutazzjonijiet tar-riskju neċessarji u l-kontrolli tal-użu finali, u għandu jqis kif xieraq il-valuri fundamentali tal-UE u d-dritt internazzjonali, b'mod partikolari rigward id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipju non nocere. Kwalunkwe attur responsabbli mill-implimentazzjoni bħal dan għandu jiġi sottomess għal valutazzjoni tar-riskju minn qabel biex jitqiesu r-riskji li jista' jkun hemm għad-drittijiet tal-bniedem u l-governanza.";

2.  Jirrakkomanda lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà li:

(a)  tikkonsulta lill-Parlament dwar l-emendi rakkomandati, u li tiżgura li l-fehmiet tal-Parlament jiġu kkunsidrati, f'konformità mal-Artikolu 36 tat-TUE;

(b)  f'konformità mal-Artikolu 36 tat-TUE, timplimenta b'mod sħiħ il-fehmiet tal-Parlament meta tħejji proposti għal "programmi ta' azzjoni" pluriennali jew miżuri ta' assistenza ad hoc, inkluż billi tirtira l-proposti li l-Parlament ikun oppona għalihom;

(c)  tipprovdi valutazzjoni tal-impatt finanzjarju għad-deċiżjoni, minħabba l-implikazzjonijiet tagħha għall-baġit tal-UE, li tiddeskrivi b'mod partikolari l-ħtiġijiet addizzjonali tal-persunal;

(d)  tippreżenta l-abbozzi ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-Faċilità Ewropea għall-Paċi lill-Parlament għal konsultazzjoni fl-istess ħin li dawn jiġu ppreżentati lill-Kunsill jew lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà, sabiex il-Parlament ikollu żmien biżżejjed biex jippreżenta l-fehmiet tiegħu; jistieden lill-VP/RGħ temenda l-abbozzi ta' deċiżjoni tal-Kunsill fuq talba tal-Parlament;

(e)  tiżgura, f'konformità mal-Artikolu 18 tat-TUE, il-komplementarjetà ma' fondi, programmi u strumenti eżistenti tal-UE, il-konsistenza tal-EPF mal-aspetti l-oħra kollha tal-azzjoni esterna tal-UE, b'mod partikolari rigward l-inizjattiva għat-Tisħiħ tal-Kapaċitajiet għas-Sigurtà u l-Iżvilupp (CBSD) u l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI) proposti, li, fil-każijiet kollha, għandhom jiġu implimentati fil-qafas tal-programm ta' riforma tas-settur tas-sigurtà aktar wiesgħa, li jrid ikollu komponenti b'saħħithom rigward il-governanza tajba, kif ukoll dispożizzjonijiet kontra l‑vjolenza sessista u, b'mod partikolari, dwar is-sorveljanza ċivili fuq is-sistema tas-sigurtà u l-kontroll demokratiku tal-forzi armati;

(f)  tipprovdi feedback regolari lill-Parlament dwar il-progress magħmul fl-implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1325 dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà, u tikkonsulta lill-Parlament dwar il-komponent tal-ġeneru rakkomandat li jiffoka fuq ir-rwol tan-nisa fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, fir-rikostruzzjoni wara l-kunflitti u n-negozjati dwar il-paċi, kif ukoll valutazzjonijiet regolari tal-miżuri meħuda biex jiġu protetti persuni vulnerabbli, inklużi n-nisa u l-bniet, mill-vjolenza f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt;

(g)  tiżgura, f'konformità mal-Artikolu 18 tat-TUE, il-konsistenza tal-EPF mal-aspetti l-oħra kollha tal-azzjoni esterna tal-UE, inklużi l-politiki umanitarji u tal-iżvilupp tagħha, bil-għan li jitrawwem l-iżvilupp tal-pajjiż terzi kkonċernati u li jitnaqqas u jinqered il-faqar f'dawn il-pajjiżi.

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll, għal skopijiet ta' informazzjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kummissjoni.

  • [1]  https://sustainabledevelopment.un.org/
  • [2]  ĠU L 58, 3.3.2015, p. 1.
  • [3]  ĠU L 84, 28.3.2015, p. 39.
  • [4]  ĠU L 77, 15.3.2014, p. 1.
  • [5]  ĠU L 335, 15.12.2017, p. 6.
  • [6]  ĠU L 335, 15.12.2017, p. 6.
  • [7]  ĠU L 58, 3.3.2015, p. 17.
  • [8]  ĠU L 335, 13.12.2008, p. 99.
  • [9]  ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1.
  • [10]  ĠU L 210, 6.8.2013, p. 1.
  • [11]  ĠU C 353, 27.9.2016, p. 68.
  • [12]  ĠU C 224, 27.6.2018, p. 18.
  • [13]  ĠU C 369, 11.10.2018, p. 47.
  • [14]  Testi adottati, P8_TA(2018)0514.
  • [15]  ĠU C 215, 19.6.2018, p. 202.

OPINJONI TAL-MINORANZA

dwar ir-rakkomandazzjoni lir-Rappreżentant Għoli u lill-Kunsill dwar il-Proposta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, lill-Kunsill għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Faċilità Ewropea għall-Paċi (2018/2237(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Rapporteur: Hilde Vautmans

Rapport tal-Minoranza mressaq minn Sabine Lösing, Javier Couso Permuy, Miguel Urban Crespo, Membri tal-Grupp GUE/NGL

Ir-rakkomandazzjoni ma titfa' l-ebda dubju fuq l-intenzjoni u l-approċċ tal-proposta għall-Faċilità Ewropea għall-Paċi (EPF). Tikkonferma li l-EPF għandha, b'mod partikolari, tiffinanzja l-missjonijiet militari tal-Unjoni u ssaħħaħ il-kapaċitajiet militari u ta' difiża ta' pajjiżi terzi. Barra minn hekk, it-titlu "Faċilità għall-Paċi" huwa qarrieqi u ma jirriflettix il-finanzjament ippjanat tal-militar, inklużi l-armi. Ir-rakkomandazzjoni titlob lill-UE ma tibqax esklużivament "setgħa ċivili" iżda li tiżviluppa u testendi s-setgħa (militari) koerċittiva tagħha.

Noġġezzjonaw għar-rakkomandazzjoni għaliex:

•  tippromwovi l-implimentazzjoni ulterjuri ta' difiża komuni, u taraha bħala sors għat-tisħiħ tal-identità Ewropea;

•  il-Faċilità timplika l-involviment finanzjarju awtomatiku ta' kull Stat Membru li jikkontribwixxi f'kull missjoni militari tal-UE, irrispettivament mill-involviment reali tiegħu;

•  ma tindirizzax il-kawżi ewlenin tal-instabbiltà u l-insigurtà bħall-faqar, in-nuqqas ta' perspettivi soċjoekonomiċi, relazzjonijiet ekonomiċi żbilanċjati ma' pajjiżi terzi;

•  minkejja t-titlu tagħha (Faċilità għall-"Paci") ma fiha l-ebda dispożizzjoni biex jiġu promossi l-paċi u s-sigurtà tal-bniedem u tinjora l-fatt li l-EPF se tkompli timmilitarizza l-approċċ tal-UE lejn il-kunflitti;

Nesiġu:

-  li r-riżoluzzjoni tal-kunflitti ma tkunx militarizzata u li jieqfu l-missjonijiet militari kollha tal-UE

-  li jiġu xolti l-istrutturi militari tal-UE u li jinbeda diżarm komplet (anki nukleari) fil-livelli globali u tal-UE;

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

20.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

52

7

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Elmar Brok, Javier Couso Permuy, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Michael Gahler, Iveta Grigule-Pēterse, Tunne Kelam, Stelios Kouloglou, Ilhan Kyuchyuk, Ryszard Antoni Legutko, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Andrejs Mamikins, David McAllister, Tamás Meszerics, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Kati Piri, Julia Pitera, Jozo Radoš, Michel Reimon, Anders Sellström, Alyn Smith, Jordi Solé, Dobromir Sośnierz, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, Charles Tannock, László Tőkés, Ivo Vajgl, Geoffrey Van Orden, Hilde Vautmans

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Asim Ademov, Laima Liucija Andrikienė, Brando Benifei, Tanja Fajon, Doru-Claudian Frunzulică, Takis Hadjigeorgiou, Marek Jurek, Patricia Lalonde, Javi López, Marietje Schaake, Renate Sommer, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Janusz Zemke, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

James Carver, Stefan Gehrold, Agnes Jongerius, Ulrike Rodust, Kārlis Šadurskis, Vladimir Urutchev, Bogdan Andrzej Zdrojewski

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

52

+

ALDE

Iveta Grigule-Pēterse, Ilhan Kyuchyuk, Patricia Lalonde, Jozo Radoš, Marietje Schaake, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans

ECR

Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Antoni Legutko, Geoffrey Van Orden

PPE

Asim Ademov, Michèle Alliot-Marie, Laima Liucija Andrikienė, Michael Gahler, Stefan Gehrold, Tunne Kelam, David McAllister, Alojz Peterle, Julia Pitera, Kārlis Šadurskis, Anders Sellström, Renate Sommer, Jaromír Štětina, Dubravka Šuica, László Tőkés, Vladimir Urutchev, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Željana Zovko

S&D

Francisco Assis, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, Victor Boştinaru, Tanja Fajon, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Doru-Claudian Frunzulică, Agnes Jongerius, Javi López, Andrejs Mamikins, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Kati Piri, Ulrike Rodust, Janusz Zemke

VERTS/ALE

Barbara Lochbihler, Tamás Meszerics, Michel Reimon, Alyn Smith, Jordi Solé, Bodil Valero

7

-

EFDD

James Carver

GUE/NGL

Javier Couso Permuy, Takis Hadjigeorgiou, Sabine Lösing, Marie-Christine Vergiat

NI

Georgios Epitideios, Dobromir Sośnierz

3

0

ECR

Marek Jurek

GUE/NGL

Stelios Kouloglou

PPE

Elmar Brok

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 20 ta' Marzu 2019
Avviż legali - Politika tal-privatezza