Proċedura : 2018/2279(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0160/2019

Testi mressqa :

A8-0160/2019

Dibattiti :

PV 14/03/2019 - 6
CRE 14/03/2019 - 6

Votazzjonijiet :

CRE 14/03/2019 - 11.19
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0220

RAPPORT     
PDF 265kWORD 74k
4.3.2019
PE 632.977v02-00 A8-0160/2019

Rapport strateġiku annwali dwar l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs)

(2018/2279(INI))

Kumitat għall-IżviluppKumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

Rapporteurs Eleni Theocharous, Francesc Gambús

(Proċedura ta' kumitat konġunt – Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura)

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Rapport strateġiku annwali dwar l-implimentazzjoni u u t-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs)

(2018/2279(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti bit-titolu "Nittrasformaw id-Dinja tagħna: l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli", li ġiet adottata waqt is-Summit tan-NU dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fil-25 ta' Settembru 2015 fi New York,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC), il-Ftehim ta' Pariġi, li ġie adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015, u l-Kontributi Maħsuba Stabbiliti fil-Livell Nazzjonali (INDCs) tal-UE u l-Istati Membri tagħha, li tressqu fis-6 ta' Marzu 2015 mil-Latvja u mill-Kummissjoni Ewropea għall-UNFCC,

–  wara li kkunsidra t-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp li saret f'Addis Ababa bejn it-13 u s-16 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-TFUE, li jafferma mill-ġdid li l-UE "għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud tal-objettivi kollha tagħha",

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni Ewropea tas-7 ta' Ġunju 2017 bit-titolu "Il-Kunsens Ewropew Ġdid għall-Iżvilupp – "Id-dinja tagħna, id-dinjità tagħna, il-futur tagħna""(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-22 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli – Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà" (COM(2016)0739),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030", ippubblikat fit-30 ta' Jannar 2019,

–  wara li kkunsidra l-pjattaforma ta' diversi partijiet ikkonċernati ta' livell għoli dwar l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli u l-kontribut konġunt tagħha tal-11 ta' Ottubru 2018, li tirrakkomanda li l-UE għandha tiżviluppa u timplimenta strateġija ġenerali għal Ewropa Sostenibbli 2030 li tkun viżjonarja u trasformattiva, li tiggwida l-politiki u l-programmi kollha tal-UE, inklużi kemm il-miri interim kif ukoll dawk fit-tul u tistabbilixxi l-viżjoni tal-UE għal Ewropa sostenibbli lil hinn mill-Aġenda 2030,

–  wara li kkunsidra r-rapport 2019 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp, ippubblikat fit-28 ta' Jannar 2019,

–  wara li kkunsidra l-Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 bit-titolu "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna"(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2016 dwar is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar ir-Rapport 2015 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar it-titjib tal-effikaċja tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2017 dwar azzjoni tal-UE għas-sostenibbiltà(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2018 dwar il-ksur tad-drittijiet tal-persuni indiġeni fid-dinja, inkluż il-ħtif tal-art(9),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2017 dwar It-tweġiba tal-UE għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (10502/17),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea tat-30 ta' Mejju 2018 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) (COM(2018)0382),

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-20 ta' Novembru 2018 bejn l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Parlament Ewropew bit-titolu "United to accelerate progress to health related Sustainable Development Goals – leaving no one behind" (Magħqudin biex naċċelleraw il-progress lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli relatati mas-saħħa – ma nħallu lil ħadd barra),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' monitoraġġ tal-Eurostat għall-2018 dwar il-progress lejn l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli fil-kuntest tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-istrateġija Ewropa 2020,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tad-19 ta' Settembru 2018 bit-titolu "Indikaturi aktar adatti għall-evalwazzjoni tal-SDGs – il-kontribut tas-soċjetà ċivili",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta' Ottubru 2018 (EUCO 13/18), li jiddikjaraw li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma impenjati bis-sħiħ għall-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-implimentazzjoni tagħha, u li fihom il-Kunsill Ewropew laqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippubblika d-Dokument ta' Riflessjoni tagħha fl-2018, filwaqt li talabha twitti t-triq għal strateġija ta' implimentazzjoni komprensiva fl-2019,

–  wara li kkunsidra l-prijoritajiet tal-UE fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti u fit-73 Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (Settembru 2018 – Settembru 2019) li ġew adottati mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2018,

–  wara li kkunsidra l-kontribut tal-pjattaforma b'diversi partijiet ikkonċernati dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli għad-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030", li ġie rilaxxat fit-12 ta' Ottubru 2018,

–  wara li kkunsidra l-Patt Globali għall-Migrazzjoni u l-Patt Globali dwar ir-Refuġjati tal-2018,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastru 2015-2030, li ġie adottat fit-18 ta' Marzu 2015, mill-Istati Membri tan-NU fit-Tielet Konferenza Dinjija tan-NU dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta' Diżastru,

–  wara li kkunsidra l-komunikat konġunt bejn l-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti tas-27 ta' Settembru 2018 bit-titolu "A renewed partnership in development" (Sħubija mġedda fl-iżvilupp)(10),

–  wara li kkunsidra l-komunikat konġunt maħruġ wara t-Tielet Laqgħa Trilaterali Unjoni Afrikana-Unjoni Ewropea-Nazzjonijiet Uniti, li saret fi New York fit-23 ta' Settembru 2018(11),

–  wara li kkunsidra l-Istqarrija Konġunta għall-Istampa tal-UE - NU tat-23 ta' Settembru 2018(12),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0160/2019),

A.  billi l-Aġenda 2030 għandha l-potenzjal li tkun trasformattiva u tistabbilixxi għanijiet universali, ambizzjużi, komprensivi, indiviżibbli u interkonnessi, bil-għan li jinqered il-faqar, jiġu miġġielda l-inugwaljanzi dejjem akbar u d-diskriminazzjoni, jiġu promossi l-prosperità, is-sostenibbiltà, ir-responsabbiltà ambjentali, l-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, filwaqt li tiġi żgurata l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u jissaħħu l-paċi u s-sigurtà; billi azzjoni immedjata fil-livelli kollha flimkien ma' strateġija Ewropea effettiva ta' implimentazzjoni, monitoraġġ u mekkaniżmu ta' rieżami huma essenzjali biex jintlaħqu l-SDGs;

B.  billi l-Aġenda 2030 u l-SDGs jirrappreżentaw viżjoni ambizzjuża għal dinja aktar prosperuża, inklużiva u reżiljenti; billi l-Aġenda 2030 hija bbażata fuq il-valuri fundamentali tal-Unjoni tad-demokrazija, il-parteċipazzjoni, il-governanza tajba, il-ġustizzja soċjali, is-solidarjetà, is-sostenibbiltà u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, fi ħdan l-UE, l-Istati Membri tagħha u madwar id-dinja; billi l-impenn li jintlaħqu l-SDGs isegwi għalhekk b'mod naturali l-pjanijiet tal-Unjoni biex tibni futur aħjar, aktar b'saħħtu u aktar sostenibbli għall-Ewropa, li għandu jkun fost il-prijoritajiet strateġiċi tal-UE;

C.  billi l-Aġenda 2030 u l-ilħuq tal-SDGs jirrappreżentaw sfida; billi s-17-il għan u l-169 mira jirrikjedu koordinazzjoni bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha, il-Parlament Ewropew, il-parlamenti nazzjonali u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, kif ukoll approċċ ta' governanza f'diversi livelli, ibbażat ukoll fuq involviment attiv u fuq bażi wiesgħa mill-pubbliku, mis-soċjetà ċivili u mis-settur privat;

D.  billi l-involviment tas-sħab soċjali kien strumentali fl-Aġenda 2030 u fl-SDGs sa mill-bidu nett, billi jippromwovu l-inklużjoni tal-prijoritajiet bħal xogħol deċenti, il-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u l-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili; billi l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-proċess ta' rieżami tal-progress u l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u l-SDGs hija essenzjali;

E.  billi l-Kummissjoni għadha ma stabbilietx strateġija komprensiva għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 li tkopri oqsma ta' politika interni u esterni tal-UE bi skedi ta' żmien iddettaljati sal-2030, objettivi u miżuri konkreti, kif mitlub mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kunsill Ewropew, u lanqas ma inkludiet l-SDGs bħala qafas ġenerali fil-Linji Gwida riveduti dwar Regolamentazzjoni Aħjar ippubblikati fl-2017; billi huma meħtieġa indikaturi u punti ta' riferiment komuni sabiex titkejjel u tiġi mmonitorjata b'mod sistematiku l-implimentazzjoni ta' tali strateġija u jiġu identifikati n-nuqqasijiet, kemm fil-preżent kif ukoll fil-ġejjieni;

F.  billi s-sostenibbiltà u t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima, ċirkolari u soċjalment inklużiva huma kruċjali biex jiġu żgurati t-tkabbir u l-kompetittività fit-tul tal-UE, li se jkunu possibbli biss jekk jiġu rrispettati bis-sħiħ il-limiti tal-pjaneta;

G.  billi l-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp jirrikonoxxi l-fatt li l-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp (PCD) hija parti fundamentali mill-kontribut tal-UE għall-ilħuq tal-SDGs u li l-iżvilupp sostenibbli jirrikjedi approċċ ta' politika olistiku u trażversali, li finalment hija kwistjoni ta' governanza li jeħtieġ li titwettaq fi sħubija mal-partijiet ikkonċernati kollha u fil-livelli kollha; billi implimentazzjoni effettiva tal-PCD hija essenzjali għall-kisba tal-Aġenda 2030;

H.  billi l-qafas ta' politika u ta' governanza tal-UE diġà jinkludi ċertu għadd ta' miri ta' politika, punti ta' riferiment u indikaturi vinkolanti u mhux vinkolanti bħal fl-oqsma tal-baġit, tal-affarijiet soċjali, tal-enerġija u tal-klima, mingħajr ma jikkonsisti fi strateġija ta' politika komprensiva, koerenti u konġunta;

I.  billi l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tirrikjedi sensibilizzazzjoni akbar fost iċ-ċittadini;

J.  billi l-valutazzjonijiet ex-ante u l-evalwazzjonijiet ex-post huma għodod kruċjali biex jiġi żgurat li l-politiki tal-UE ma jkollhomx impatt negattiv fuq l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li l-impatt pożittiv tagħhom jiġi mmassimizzat; billi l-valutazzjonijiet u l-evalwazzjonijiet għandhom jiġu ppubblikati sabiex jiġu żgurati trasparenza u obbligu ta' rendikont sħaħ;

K.  billi l-Aġenda 2030 hija aġenda universali li għandha tiġi implimentata f'kull pajjiż; billi l-prinċipju ta' universalità jirrikjedi li kull pajjiż jikkunsidra l-impatt tal-azzjonijiet tiegħu b'rabta mal-oħrajn biex tiġi żgurata koerenza tal-politika għall-iżvilupp, li, fid-dawl tal-kumplessità u tal-frammentazzjoni tal-politiki tal-UE, tirrappreżenta sfida kbira għall-Unjoni;

L.  billi skont is-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali (EAP), il-Kummissjoni hija meħtieġa tivvaluta l-impatt ambjentali, f'kuntest globali, tal-konsum mill-Unjoni ta' ikel u ta' prodotti bażiċi mhux tal-ikel;

M.  billi s-Sħubija Globali dwar Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp (GPEDC) jista' jkollha rwol b'saħħtu fl-aspetti bbażati fuq l-evidenza tal-monitoraġġ u tal-obbligu ta' rendikont rigward il-prinċipji tal-effikaċja għall-ilħuq tal-SDGs u b'appoġġ għall-implimentazzjoni aktar kompluta tagħhom mill-atturi kollha fil-livell nazzjonali; billi l-GPEDC għandha tipprovdi kanali għall-kooperazzjoni ddefiniti b'mod ċar għal atturi speċifiċi fil-qasam tal-iżvilupp apparti d-donaturi tal-OECD, inklużi d-donaturi emerġenti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-filantropi privati, l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-kumpaniji mis-settur privat;

N.  billi l-finanzjament tal-SDGs jimponi sfida kbira li mhux biss titlob impenn politiku b'saħħtu mill-UE u mill-Istati Membri tagħha, iżda anke sħubija globali b'saħħitha u l-użu tal-forom kollha ta' finanzjament (minn sorsi domestiċi, internazzjonali, pubbliċi, privati u innovattivi); billi l-finanzjament privat huwa essenzjali iżda m'għandux jissostitwixxi l-finanzjament pubbliku;

O.  billi l-ilħuq tal-SDGs ma jiddependix biss minn finanzjament suffiċjenti, iżda anke minn azzjonijiet mhux finanzjarji, kif ġie rikonoxxut fl-Aġenda 2030;

P.  billi l-mobilizzazzjoni effikaċi tar-riżorsi domestiċi hija fattur indispensabbli biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Aġenda 2030; billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma affettwati b'mod partikolari mill-evażjoni u l-evitar tat-taxxa korporattiva;

Q.  billi l-inugwaljanza bejn is-sessi, it-tibdil fil-klima, ir-riżorsi li qed jonqsu, it-telf tal-bijodiversità, l-insigurtà tal-ikel, it-tniġġis tal-arja u ż-żieda fiċ-ċaqliq sfurzat huma wħud mill-isfidi kumplessi ħafna li ċ-ċivilizzazzjoni tagħna qed tiffaċċja fi żminijietna; billi dawn huma sfidi relatati ma' xulxin li jeħtieġu rispons olistiku; billi l-Aġenda 2030 tan-NU hija għodda fundamentali sabiex dawn l-isfidi globali jiġu indirizzati b'mod integrat u olistiku;

R.  billi l-Artikolu 208 tat-TFUE jistipula li l-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp għandu jkollha bħala l-objettiv primarju tagħha t-tnaqqis u, fit-tul, il-qerda tal-faqar;

S.  billi l-Forum Politiku ta' Livell Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Iżvilupp Sostenibbli (HLPF) se jiltaqa' fil-livell ta' summit, taħt l-awspiċji tal-Assemblea Ġenerali tan-NU f'Settembru 2019, biex jagħti rendikont tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 kollha kemm hi, filwaqt li jeżamina l-progress fir-rigward tal-SDGs kollha b'mod komprensiv, u fil-livell ministerjali f'Lulju 2019 ,biex jeżamina l-progress fir-rigward tal-SDG 4 (edukazzjoni ta' kwalità), 8 (xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku), 10 (tnaqqis tal-inugwaljanzi), 13 (azzjoni klimatika), 16 (paċi, ġustizzja u istituzzjonijiet b'saħħithom) u 17 (sħubijiet għall-għanijiet), u kull sena wara dan biex iwettaq rieżamijiet tal-progress fir-rigward tal-għanijiet li ma ġewx eżaminati fir-rieżami tematiku tal-2019;

T.  billi s-Summit tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar l-SDGs jipprovdi opportunità għall-UE u għall-Istati Membri tagħha biex jixħtu dawl fuq il-progress tagħhom fl-avvanzar tal-Aġenda 2030 u tal-SDGs b'mod komprensiv;

U.  billi fil-proċess ta' segwitu u ta' rieżami tal-Aġenda 2030 fin-NU, l-UE mhux dejjem kienet magħquda fl-imġiba tal-votazzjoni tagħha, b'mod partikolari fil-qasam tas-saħħa u tad-drittijiet sesswali u riproduttivi;

V.  billi l-HLPF jipprovdi spazju xieraq għall-UE u għall-Istati Membri tagħha biex jeżaminaw il-progress tagħhom fl-avvanz tal-Aġenda 2030 permezz ta' Reviżjonijiet Nazzjonali Volontarji (VNRs) u biex jaqdu rwol ewlieni bħala l-akbar fornituri tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) u bħala l-forza ewlenija li tixpruna l-politiki dwar is-sostenibbiltà u l-ambjent; billi dawn il-VNRs kompluti jservu biex jiġi vvalutat il-progress tal-SDG u jiġu indikati d-diskrepanzi u l-isfidi attwali;

W.  billi l-ODA se taqdi rwol kruċjali biex l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tagħti riżultati, b'mod partikolari fil-pajjiżi b'introjtu baxx u fil-ġlieda kontra l-faqar estrem u l-inugwaljanzi, jekk din tirrispetta l-prinċipji tal-effettiva għall-iżvilupp, jiġifieri s-sjieda ta' pajjiż, it-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont, b'enfasi fuq ir-riżultati u l-inklużjoni;

X.  billi l-prinċipju li "ħadd ma jitħalla barra" jinsab fil-qalba tal-Aġenda 2030; billi fl-2017 madwar 22.5 % tal-popolazzjoni tal-UE kienet f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali u 6.9 % tal-popolazzjoni tagħha kienet għadha qed tbati minn deprivazzjoni materjali estrema(13); billi l-inugwaljanzi għandhom diversi konsegwenzi soċjali, bħal differenzi kbar fil-benessri u fil-kwalità tal-ħajja, inkluż fir-rigward tal-opportunitajiet professjonali u tal-kura tas-saħħa;

Y.  billi hemm livell persistentement għoli ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali fost it-tfal fl-Unjoni (26.4 % fl-2017); billi l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddikjara li t-tfal għandhom id-dritt għal protezzjoni mill-faqar, u li t-tfal bi sfond żvantaġġat għandhom id-dritt għal miżuri speċifiċi li jsaħħu l-opportunitajiet indaqs; billi l-investiment bikri fit-tfal irendi redditi sinifikanti għal dawn it-tfal u għas-soċjetà kollha kemm hi u huwa kruċjali biex jitkisser iċ-ċiklu vizzjuż ta' żvantaġġ fis-snin bikrin;

Z.  billi matul l-aħħar ħames snin, l-UE għamlet progress kważi fl-SDGs kollha, b'sebgħa mill-Istati Membri tal-UE-27 ikklassifikaw fost l-aħjar għaxra fl-Indiċi tal-SDG Globali, u billi l-Istati Membri kollha tal-UE-27 ikklassifikaw fost l-aħjar ħamsin (minn 156)(14); billi xi Stati Membri diġà qed imexxu l-implimentazzjoni tal-SDGs; billi madankollu l-UE għad m'għandhiex strateġija ta' implimentazzjoni għall-SDGs;

AA.  billi l-inugwaljanza kbira u li qed tikber bejn il-pajjiżi u fi ħdanhom jista' jkollha konsegwenzi soċjali u ekonomiċi sinifikanti; billi l-inugwaljanza tikkontradixxi b'mod ċar l-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli;

AB.  billi t-Tfassil aħjar tal-Liġijiet issemma b'mod espliċitu f'komunikazzjoni tal-Kummissjoni bħala mezz ieħor biex tkompli tiġi żgurata l-integrazzjoni tal-iżvilupp sostenibbli fil-politiki tal-UE(15);

AC.  billi d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tad-19 ta' Lulju 2018 dwar il-Ġlieda kontra l-HIV/l-AIDS, l-epatite virali u t-tuberkulożi fl-Unjoni Ewropea u fil-Pajjiżi ġirien (SWD(2018)0387) jixħet dawl fuq il-lakuni u l-limitazzjonijiet fid-data ta' sorveljanza għall-epatite virali li jagħmluha diffiċli biex tiġi vvalutata d-distanza li l-Istati Membri tal-UE jeħtieġ li jkopru biex jilħqu l-mira tal-SDG;

AD.  billi l-White Paper tal-Kummissjoni tal-1 ta' Marzu 2017 dwar il-futur tal-Ewropa (COM(2017)2025) ma inkludietx l-iżvilupp sostenibbli jew l-Aġenda 2030 bħala viżjoni jew narrattiva għall-futur tal-UE;

AE.  billi r-rapport tal-UNICEF bit-titolu "Progress for Every Child in the SDG Era" (Progress għal Kull Tifel u Tifla fl-Era tal-SDGs) ippubblikat f'Marzu 2018, sab nuqqas allarmanti ta' data f'64 pajjiż, kif ukoll progress insuffiċjenti fir-rigward tal-SDGs f'37 pajjiż ieħor; billi aktar minn nofs biljun tifel u tifla jgħixu f'pajjiżi li mhumiex kapaċi jkejlu l-progress fir-rigward tal-SDGs;

AF.  billi x-xogħol deċenti huwa l-bażi għal tkabbir ġust u inklużiv u xprunatur tal-iżvilupp u tal-avvanz soċjali; billi flimkien mal-protezzjoni soċjali għal dawk li ma jistgħux isibu impjieg jew mhux kapaċi jaħdmu, dan jindirizza l-inugwaljanza u għandu impatt kbir ħafna fuq il-progress soċjali u ekonomiku;

It-tmexxija Ewropea għal valuri universali f'qafas multilaterali għall-bnedmin, il-pjaneta u l-prosperità

1.  Jenfasizza li l-isfidi globali kumplessi li tiffaċċja d-dinja jirrikjedu r-rispons olistiku u integrat li l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli għandha l-potenzjal li tikseb;

2.  Jenfasizza li l-għan tal-Aġenda 2030 huwa li jinkisbu benessri aħjar għal kulħadd, fil-limiti tal-pjaneta, u dinja ġusta, filwaqt li ma jitħalla ħadd barra, u li l-erba' pilastri essenzjali tal-iżvilupp sostenibbli, (soċjali, ambjentali, ekonomiku u ta' governanza) għandhom jiġu indirizzati b'mod komprensiv sabiex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs); jissottolinja l-fatt li l-iżvilupp sostenibbli huwa objettiv fundamentali tal-Unjoni, kif stipulat fl-Artikolu 3(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u għandu jaqdi rwol ċentrali fid-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa u n-narrattiva għalih; jenfasizza wkoll li l-implimentazzjoni tal-SDGs għandha twassal għal bidla fil-paradigma u ssir il-mudell ekonomiku globali fit-tul tal-UE biex l-istrateġija attwali Ewropa 2020 tkun ta' suċċess;

3.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 hija marbuta mill-qrib mal-valuri u mal-interessi Ewropej u tirrappreżenta innovazzjoni sinifikanti bil-potenzjal li tagħti ħajja ġdida lill-ordni globali, abbażi tal-multilateraliżmu u tal-kooperazzjoni internazzjonali;

4.  Ifakkar il-ħtieġa li tiġi diżaggregata b'mod sistematiku d-data dwar l-indikaturi rilevanti kollha fost l-għanijiet u l-miri kollha skont is-sess u karatteristiċi oħra;

5.  Jenfasizza li l-Unjoni għandha ġġedded l-impenn tagħha biex tkun l-awtur ewlieni globali fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u tal-SDGs, flimkien mal-Istati Membri tagħha u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom, f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u f'kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab internazzjonali tagħha; ifakkar li l-impenn politiku tal-UE għandu jkun rifless fil-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-2021-2027; jissottolinja li l-Aġenda 2030 trid tikkatalizza aktar approċċ ikkoordinat bejn l-azzjoni interna u esterna tal-UE u l-politiki l-oħra tagħha u l-koerenza fl-istrumenti ta' finanzjament kollha tal-Unjoni għal rispons u impenn globali lejn tkabbir u ż-żvilupp sostenibbli;

6.  Jinsisti fuq il-fatt li l-implimentazzjoni tal-SDGs tirrikjedi kooperazzjoni effettiva fil-livelli tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, filwaqt li għandha tirrispetta l-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità; jenfasizza r-rwol importanti tal-Kunsilli Konsultattivi għall-Ambjent u għall-Iżvilupp Sostenibbli f'din il-kooperazzjoni, u jqis li l-involviment tagħhom fil-livelli kollha ta' governanza għandu jissaħħaħ;

7.  Jilqa' l-fatt li l-maġġoranza tal-Istati Membri u tal-pajjiżi sħab barra mill-UE għamlu sforzi konsiderevoli biex ifasslu mekkaniżmi u strateġiji għall-implimentazzjoni tal-SDGs u biex jintegrawhom fil-politiki u fl-oqfsa ta' governanza tagħhom; iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma żviluppawx tali mekkaniżmi biex jagħmlu dan; jissottolinja li l-UE, billi tgħin u tħeġġeġ lill-pajjiżi terzi jsegwu azzjonijiet simili, tikkontribwixxi biex jinkisbu kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni; jirrikonoxxi l-fatt li għad hemm bżonn ta' titjib ulterjuri fil-livell tal-UE;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw approċċ orizzontali għall-SDGs fil-politiki tagħhom;

9.  Jirrikonoxxi l-fatt li fl-2015 il-pajjiżi Ewropej kollha, kemm dawk fl-UE kif ukoll dawk barra mill-UE, impenjaw ruħhom għall-Aġenda 2030; jemmen li, fil-kuntest tad-dibattitu dwar il-futur tal-Ewropa għandu jitqies l-iżvilupp ta' qafas pan-Ewropew għall-ilħuq tal-SDGs bejn l-Istati Membri tal-UE, l-EEA, il-firmatarji għall-ftehimiet ta' assoċjazzjoni tal-UE, il-pajjiżi kandidati tal-UE u, wara l-ħruġ tiegħu, ir-Renju Unit; jissottolinja l-importanza li jiġu promossi d-dibattiti parlamentari fil-livelli kollha;

10.  Jilqa' d-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni "Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030", li jistabbilixxi tliet xenarji għal kif l-UE tista' tmexxi l-SDGs 'il quddiem; jiffavorixxi l-ewwel xenarju, li jipproponi strateġija ġenerali għall-implimentazzjoni tal-SDGs mill-UE u mill-Istati Membri; iqis li, fil-kuntest tal-futur tal-Ewropa, Ewropa sostenibbli hija t-triq 'il quddiem biex jiġu żgurati l-benessri u l-prosperità taċ-ċittadini tagħha u tal-pjaneta;

11.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni għadha ma żviluppatx strateġija integrata u olistika ta' implimentazzjoni tal-SDGs;

12.  Jissottolinja l-importanza tal-ODA bħala strument ewlieni biex jinqered il-faqar u jfakkar fl-impenji rispettivi tal-ODA tal-UE u tal-Istati Membri, inkluż l-impenn lejn il-mira li 0.7 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross (ING) jintnefaq fuq l-ODA, b'bejn 0.15 u 0.20 % tal-ODA/ING jiġu allokati għall-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jerġgħu jimpenjaw ruħhom mingħajr dewmien għall-mira ta' 0.7 % tal-ODA/ING u li jżidu b'mod gradwali l-ODA biex jilħqu din il-mira fi skeda ta' żmien ċara; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu pjanijiet ta' azzjoni annwali verifikabbli għall-ilħuq tal-miri individwali tal-ODA; jissottolinja li, fid-dawl tar-responsabbiltà kemm tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri biex jilħqu l-mira tal-ODA/tal-ING ta' 0,7 %, l-Istati Membri huma responsabbli kemm quddiem il-parlamenti nazzjonali kif ukoll il-Parlament Ewropew;

13.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-gwadanji li saru fil-qasam tas-saħħa jridu jiġu protetti u l-progress irid jiġi aċċellerat sabiex jintlaħqu l-SDGs; isostni li filwaqt li d-dinja għamlet progress rimarkabbli f'diversi oqsma fir-rigward tas-saħħa, għad fadal ħafna sfidi, fosthom l-indirizzar tad-disparitajiet fis-saħħa bejn il-popolazzjonijiet ta' pajjiżi stabbli u dawk li jgħixu f'ambjenti fraġli u vulnerabbli, kif ukoll disparitajiet fis-saħħa fi ħdan il-pajjiżi stess;

14.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli saħħet is-saħħa globali bħala prijorità politika; isostni li popolazzjonijiet b'saħħithom huma kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli, biex jintemm il-faqar, jiġu promossi soċjetajiet paċifiċi u inklużivi u jiġi protett l-ambjent; jinsisti fuq il-fatt li s-saħħa hija wkoll eżitu u indikatur tal-progress li jirrifletti s-suċċess ta' bosta għanijiet u tal-Aġenda 2030 fl-intier tagħha;

15.  Jissottolinja li, b'mod ġenerali, l-UE rnexxielha tnaqqas l-emissjonijiet ta' gass serra tagħha stess, u tiddiżakkoppjahom mit-tkabbir ekonomiku, u b'hekk tikkontribwixxi b'robustezza għall-isforz globali, filwaqt li jitqiesu wkoll l-emissjonijiet inkorporati fl-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-UE(16); jinnota, madankollu, li huma meħtieġa aktar sforzi kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak globali;

It-titjib tal-azzjoni strateġika u konġunta tal-UE lejn l-ilħuq tal-għanijiet globali

16.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi fil-fond tal-lakuni fil-politiki eżistenti u l-implimentazzjoni tagħhom sabiex tidentifika l-oqsma kritiċi ta' sinerġiji u inkoerenzi; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika b'mod ċar, mingħajr aktar dewmien, il-passi li għandhom jittieħdu sal-2030 fir-rigward tal-politiki u l-leġiżlazzjoni, l-istatistiki u l-ġbir ta' data diżaggregata, u l-governanza u l-implimentazzjoni, sabiex sat-tmiem tal-2019, tistabbilixxi strateġija komprensiva għall-kisba tal-Aġenda 2030;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal strateġija ambizzjuża, ġenerali u li tkopri kollox fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, li tintegra bis-sħiħ l-SDGs fil-politiki u fil-governanza tal-UE, filwaqt li tipprovdi gwida kemm għall-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll għall-Istati Membri fl-implimentazzjoni, fil-monitoraġġ u fir-rieżami tagħhom tal-Aġenda 2030, u tispjega pjanijiet direzzjonali ddettaljati kif ukoll miri u skadenzi konkreti; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li din l-istrateġija tindirizza r-rabtiet tal-SDGs;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kollaborazzjoni tagħha man-NU u lill-Istati Membri tal-UE biex jappoġġjaw ir-riforma kontinwa tagħha, sabiex din issir xierqa għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030;

19.  Ifakkar li l-SDGs kollha huma rilevanti għall-iżgurar tad-drittijiet tat-tfal; jisħaq fuq l-importanza li jiġu implimentati l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal fil-kuntest tar-relazzjonijiet esterni tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja u tirrapporta dwar il-progress fir-rigward tad-drittijiet tat-tfal fil-programmi esterni tal-UE;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala bażi kruċjali għall-bini ta' Ewropa sostenibbli, tmexxi l-iżvilupp ta' mudell sostenibbli ta' produzzjoni u ta' konsum tal-ikel li jipproteġi u jneħħi l-pressjoni tas-sistemi tal-ikel fuq is-saħħa u l-ambjent u jġib benefiċċji ekonomiċi lill-bdiewa, lill-kumpaniji u liċ-ċittadini;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem, f'kollaborazzjoni mal-partijiet ikkonċernati ewlenin fil-livelli kollha, favur l-iżgurar ta' ħajjiet b'saħħithom u l-promozzjoni tal-benesseri għal kulħadd f'kull età, b'mod partikolari bil-għan li l-kura tas-saħħa ssir aktar aċċessibbli, affordabbli, effettiva, u sostenibbli, filwaqt li jiġu indirizzati l-fatturi ta' riskju ta' mard li ma jitteħidx b'mod aktar olistiku, jiġu skambjati l-aħjar prattiki, u tissaħħaħ il-kapaċità ta' prevenzjoni u ta' ġestjoni tat-theddidiet globali għas-saħħa bħar-reżistenza għall-antimikrobiċi;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tallinja l-politiki, l-approċċi u l-metodoloġiji programmatiċi, ta' finanzjament u operazzjonali fejn hija tkun tista' ssaħħaħ l-effiċjenza u l-effikaċja, man-NU u mas-sħab tagħha, sabiex tittejjeb l-effikaċja f'għadd ta' prijoritajiet komuni bħall-ugwaljanza bejn is-sessi u s-saħħa riproduttiva, materna, tat-trabi, tat-tfal u tal-adoloxxenti, it-tibdil fil-klima u l-ambjent, u l-indirizzar tal-inugwaljanzi u tal-faqar;

23.  Jenfasizza li l-iżgurar tal-ġustizzja u t-trasparenza fil-qasam tat-taxxa, il-ġlieda kontra l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, il-qerda tal-flussi finanzjarji illeċiti u r-rifuġji fiskali u ż-żieda tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi huma kruċjali għall-finanzjament tal-Aġenda 2030; itenni l-istedina tiegħu biex jiġi vvalutat l-impatt kollaterali tal-politiki tat-taxxa nazzjonali u tal-UE fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bil-għan li tiġi żgurata koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;

24.  Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi soċjali u ekonomiċi u li tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi fi ħdan l-UE u madwar id-dinja; ifakkar fil-prinċipju sottostanti tal-Aġenda 2030 li ''ħadd ma jitħalla barra''; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-aktar persuni marġinalizzati u vulnerabbli fis-soċjetà sabiex tiġi żgurata inklużività sħiħa;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi ktajjen tal-valur globali sostenibbli bl-introduzzjoni ta' sistemi ta' diliġenza dovuta għall-kumpaniji, b'enfasi fuq il-ktajjen kollha tal-provvista tagħhom, biex b'hekk in-negozji jitħeġġew jinvestu b'aktar responsabbiltà u jistimulaw implimentazzjoni aktar effettiva tal-kapitoli tas-sostenibbiltà fil-ftehimiet ta' kummerċ ħieles, inklużi l-ġlieda kontra l-korruzzjoni, it-trasparenza, l-evitar tat-taxxa u t-twettiq responsabbli tan-negozju;

26.  Iqis li l-SDGs għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-istrateġija tal-UE għall-iżvilupp sostenibbli u t-tkabbir inklużiv; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu stabbiliti indikaturi, punti ta' riferiment u miri komuni, u analiżi tad-distanza għall-miri u l-għanijiet, l-azzjonijiet meħtieġa biex dawn jintlaħqu u l-mezzi li bihom dawn se jiġu implimentati; jenfasizza li l-istrateġija tal-UE għall-2030 għandha tistabbilixxi wkoll meta u kif l-Unjoni se twettaq valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibbiltà biex jiġu indirizzati d-diskrepanzi eżistenti, il-politiki eżistenti jiġu orjentati mill-ġdid u jiġu żviluppati proposti leġiżlattivi ġodda jew reviżjonijiet tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, filwaqt li jiġu żgurati azzjonijiet ta' koerenza u ta' koordinazzjoni kemm fil-livell tal-UE kif ukoll tal-Istati Membri; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fil-kompożizzjonijiet kollha tiegħu, biex iwettqu dan ix-xogħol mingħajr dewmien;

27.  Iqis li s-Semestru Ewropew għandu jinvolvi lill-Parlament u jkun allinjat mal-Aġenda 2030, u li fil-proċess għandha tiġi inkluża verifika tas-sostenibbiltà; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tkompli tadatta l-proċess eżistenti tas-Semestru Ewropew; jissottolinja l-fatt li dan jirrikjedi, b'mod partikolari, li s-Semestru Ewropew jitqies fid-dimensjonijiet kollha tal-SDGs b'mod komprensiv;

28.  Jenfasizza l-ħtieġa biex ikun hemm identifikazzjoni ċara tal-passi li għandhom jittieħdu f'kull livell ta' governanza għall-implimentazzjoni tal-għanijiet u tal-miri, filwaqt li għandu jiġi segwit il-prinċipju tas-sussidjarjetà; jitlob li jiġu stabbiliti perkorsi ta' żvilupp sostenibbli ċari u koerenti fil-livell xieraq (nazzjonali, subnazzjonali u lokali) f'dawk l-Istati Membri li għadhom ma stabbilewhomx; jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tipprovdi gwida fir-rigward ta' dan il-proċess sabiex jiġi żgurat approċċ koerenti; jitlob approċċ f'diversi livelli sabiex ikun hemm fehim aħjar, involviment għoli u responsabbiltà kondiviża rigward l-implimentazzjoni tal-SDGs;

29.  Jilqa' l-pubblikazzjoni tat-tieni rapport ta' monitoraġġ tal-Eurostat dwar l-iżvilupp sostenibbli fl-UE, li tirrappreżenta pass 'il quddiem lejn il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ komplut tal-UE; jiddispjaċih dwar il-fatt li r-rapport ma jipprevedix valutazzjoni tal-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-UE fuq il-pajjiżi terzi u evalwazzjoni tad-distanza bejn ir-riżultati attwali u l-ilħuq tal-għanijiet u tal-miri;

30.  Jissottolinja l-ħtieġa għall-Kummissjoni biex tiżviluppa qafas ta' monitoraġġ, ta' obbligu ta' rendikont u ta' reviżjoni integrat, effettiv u parteċipatorju fir-rigward tal-implimentazzjoni u l-integrazzjoni tal-SDGs u tal-Aġenda 2030 li jkun konsistenti mal-Qafas ta' Indikaturi Globali tan-NU u li jiġbor l-informazzjoni u data diżaggregata rilevanti fil-livelli nazzjonali u subnazzjonali filwaqt li jirrikonoxxi l-fatt li l-Eurostat waħdu ma jistax ikopri b'mod komprensiv id-dimensjonijiet kollha tal-progress tal-SDG; jissottolinja l-ħtieġa li jitqiesu l-effetti kollaterali u tan-natura interkonnessa u indiviżibbli tal-għanijiet u jitlob li l-Eurostat jingħata wkoll il-mandat biex jirrapporta b'mod sistematiku dwar il-prestazzjoni tal-SDG għal kull Stat Membru, abbażi ta' sett ta' indikaturi uniformi;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' firxa wiesgħa ta' indikaturi li ma jkunux ta' natura purament ekonomika u li jkopru n-natura trasformattiva tal-SDGs, b'mod partikolari fir-rigward tal-indirizzar tal-faqar fil-forom kollha tiegħu, li għandhom jitkejlu permezz ta' data diżaggregata rilevanti għall-ilħuq tal-SDGs; jissottolinja l-ħtieġa għall-Eurostat li jistabbilixxi sett ta' indikaturi tal-progress speċifiċi għall-applikazzjoni interna tal-SDGs fl-UE fil-livelli ta' governanza rispettivi;

32.  Ifakkar fir-rwol essenzjali li taqdi l-UE biex issaħħaħ l-istandards ta' trasparenza, ta' obbligu ta' rendikont u ta' sostenibbiltà fil-ktajjen ta' valur mondjali; jissottolinja li l-UE hija setgħa normattiva u ekonomika u, għaldaqstant, jeħtiġilha tippożizzjona lilha nnifisha bħala mexxej fil-prattiki tajbin u fit-twaqqif ta' regoli dinjija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw in-negozjati għal trattat vinkolanti tan-NU dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem;

33.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE jipprovdu data għall-monitoraġġ effettiv tal-epatite virali f'konformità mal-indikaturi stabbiliti miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja dan il-proċess mill-qrib, f'konformità mal-impenn li ħadet fil-komunikazzjoni tagħha ta' Novembru 2016 bit-titolu "Il-passi li jmiss għal Ewropa sostenibbli";

34.  Jissottolinja l-importanza li titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-potenzjal trasformattiv tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u għall-għanijiet tagħha; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu involuti ċittadini u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili matul il-proċessi ta' implimentazzjoni u ta' monitoraġġ; jenfasizza r-rwol importanti li jaqdu l-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali;

35.  Jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u tal-obbligu ta' rendikont demokratiku fil-monitoraġġ tal-progress tal-UE rigward l-Aġenda 2030 u konsegwentement jenfasizza r-rwol tal-koleġiżlaturi f'dan il-proċess; iqis li l-konklużjoni ta' ftehim interistituzzjonali vinkolanti skont l-Artikolu 295 tat-TFUE tipprevedi qafas xieraq għall-kooperazzjoni f'dan ir-rigward;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jtejbu l-informazzjoni disponibbli u s-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini fir-rigward tal-ħtieġa għat-tlestija tal-Aġenda 2030;

37.  Jenfasizza li l-QFP irid ikun orjentat lejn l-Aġenda 2030 u jiżgura integrazzjoni mtejba tal-iżvilupp sostenibbli fil-mekkaniżmi ta' finanzjament u fil-linji baġitarji kollha; jitlob għaldaqstant lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-obbligu ta' rendikont għall-għoti ta' riżultati kollettivi permezz tal-QFP; itenni l-pożizzjoni tiegħu dwar il-QFP futur, li titlob reviżjoni ta' nofs it-terminu obbligatorja, wara reviżjoni tal-funzjonament tal-QFP, u filwaqt li titqies il-valutazzjoni tal-progress li jkun sar fir-rigward tal-SDGs; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu vverifikati l-pakketti finanzjarji ppjanati tal-politiki eżistenti biex tiġi żgurata koerenza mal-iżvilupp sostenibbli;

38.  Iqis li hija meħtieġa aċċellerazzjoni sinifikanti tal-investiment ekoloġiku, tal-innovazzjoni u tat-tkabbir fl-UE biex l-Aġenda 2030 tiġi implimentata fil-ħin u b'suċċess u jissottolinja l-importanza ta' adozzjoni aktar mifruxa ta' għodod ta' finanzjament innovattivi u eżistenti, bħall-akkwist pubbliku ekoloġiku, kif ukoll il-ħtieġa urġenti ta' approċċi differenti għall-politika attwali ta' investiment, b'mod partikolari l-eliminazzjoni gradwali ta' sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent;

39.  Jilqa' l-ammont dejjem akbar ta' kapital istituzzjonali u privat allokat għall-finanzjament tal-SDGs u jissottolinja l-importanza ta' qafas ta' finanzjament sod u sostenibbli, li jinkludi kalibrazzjoni tar-rekwiżiti kapitali tal-banek u trattament prudenzjali ta' assi b'livell għoli ta' emissjonijiet tal-karbonju, regoli prudenzjali għall-kumpaniji tal-assigurazzjoni u aġġornament tad-dmirijiet tal-investituri istituzzjonali u tal-maniġers tal-assi;

Il-koerenza tal-politika, il-koordinazzjoni u l-integrazzjoni tal-SDGs

40.  Jenfasizza l-importanza ta' koordinazzjoni u kooperazzjoni aħjar bejn il-korpi tat-teħid ta' deċiżjonijiet, l-organizzazzjonijiet differenti u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, inklużi l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, sabiex tiġi implimentata l-Aġenda 2030 u tinkiseb Koerenza tal-Politika akbar għall-Iżvilupp Sostenibbli (PCSD);

41.  Jilqa' l-adozzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni tal-2019 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD) u t-tentattiv ta' integrazzjoni aħjar tal-PCD fl-approċċ tal-UE għall-implimentazzjoni tal-SDGs; ifakkar li l-PCD hija prinċipju stabbilit fl-Artikolu 208 tat-TFUE filwaqt li hija wkoll fundamentali għall-ilħuq tal-SDGs;

42.  Jirrikonoxxi l-progress li sar mill-għodod tal-PCD biex jinfluwenzaw it-tfassil tal-politika tal-UE; jitlob li jsiru aktar sforzi sabiex jiġi żgurat li l-politiki li mhumiex relatati mal-iżvilupp iqisu l-objettivi ta' żvilupp b'riżultat tal-mekkaniżmi tal-PCD;

43.  Jissottolinja li l-PCD tikkostitwixxi element fundamentali tal-Koerenza tal-PCSD u l-kontribut għaliha; jirrakkomanda bil-qawwa li l-aħjar prattiki u t-tagħlimiet miksuba mill-PCD għandhom jiġu applikati fl-iżvilupp u fil-funzjonament ulterjuri tal-PCSD;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaffermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom għall-PCD bħala kontribut importanti lejn il-kisba ta' PCSD usa' fl-azzjonijiet tagħhom għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu l-mekkaniżmi għall-koerenza tal-politiki fi ħdan l-istituzzjonijiet kollha tal-UE u l-proċessi tat-tfassil tal-politika u li jkun żgurat li l-prinċipju jiġi rispettat kif xieraq fil-valutazzjoni tal-impatt ex-ante regolari, u billi jiġu introdotti mekkaniżmi xierqa għall-obbligu ta' rendikont u l-mitigazzjoni;

45.  Huwa tal-fehma li l-PCSD tfisser li l-politiki rilevanti kollha u l-istrumenti finanzjarji u mhux finanzjarji kollha fil-livell tal-UE fil-futur iridu jitfasslu, jiġu implimentati u ssorveljati bil-għan li jintlaħqu l-SDGs, u li għalhekk il-Kummissjoni għandha tiżviluppa b'mod rapidu l-kapaċitajiet ta' politika meħtieġa fil-livelli kollha;

46.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tadotta pjan ta' azzjoni ta' segwitu f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-evalwazzjoni esterna tal-PCD li titlob l-adozzjoni ta' sett ċar ta' regoli għall-implimentazzjoni tal-kunċett; itenni s-sejħa tiegħu biex jiġu definiti b'mod distint ir-responsabbiltajiet ta' kull istituzzjoni tal-UE fil-kisba tal-impenji tal-PCD;

47.  Itenni t-talba tiegħu għall-PCD biex tiġi diskussa fil-livell tal-Kunsill Ewropew sabiex jingħata impetu għall-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi tagħha fl-ilħuq tal-għanijiet tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli; jemmen li, hekk kif ġie indikat mill-evalwazzjoni esterna tal-PCD, ir-rieda politika tal-UE biss se jkollha impatt sinifikanti fuq il-promozzjoni u l-effikaċja tal-approċċ tal-PCD;

48.  Jenfasizza l-ħtieġa, fid-dawl tal-impenn legali għall-promozzjoni tal-PCD espress fl-Artikolu 208 tat-TFUE, li l-UE tidħol fi djalogu b'mod proattiv mal-pajjiżi u mar-reġjuni li qed jiżviluppaw biex jiddiskutu u jqisu inizjattivi politiċi ewlenin li jistgħu jaffettwawhom;

49.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-istituzzjonijiet tal-UE li juru tmexxija u jadattaw il-governanza tagħhom stess biex jippermettu l-integrazzjoni tal-SDGs fi ħdan il-ħidma tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-SDGs fl-ogħla livell b'tim tal-proġetti dedikat marbut mal-uffiċċju tal-President u li jaħdem mal-Kummissarji u mal-punti ta' kuntatt imħarrġa fi ħdan id-Direttorati Ġenerali; jenfasizza li fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni għandha ssir referenza għas-sitwazzjoni attwali fl-implimentazzjoni tal-SDGs; jinsisti li l-Parlament għandu bl-istess mod jiżgura li l-SDGs jiġu integrati b'mod koerenti fil-kumitati kollha tiegħu;

50.  Jilqa' l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma dwar l-Aġenda 2030 fil-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali; jitlob li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' koordinazzjoni u ta' kooperazzjoni fir-rigward tal-SDGs bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni u fi ħdanhom, sabiex tiġi żgurata koerenza tal-politiki; jissottolinja li tali mekkaniżmi għandu jkollhom qafas ċar u jkunu determinati b'mod ċar fi ħdan Ftehim Interistituzzjonali għal Ewropa Sostenibbli sal-2030, peress li l-proċessi politiċi koerenti bejn it-tliet istituzzjonijiet se jkunu kritiċi għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Aġenda 2030; jitlob l-involviment tat-tliet istituzzjonijiet kollha fil-ħidma futura tal-pjattaforma b'diversi partijiet ikkonċernati dwar l-SDGs u jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi l-atturi rilevanti kollha f'din il-pjattaforma, inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

51.  Jemmen li, f'konformità mal-SDG 17 dwar is-Sħubiji, ir-rwol tal-pjattaforma eżistenti b'diversi partijiet ikkonċernati dwar l-SDGs għandu jiġi aġġornat u jiddaħħal f'qafas ta' konsultazzjoni formali u interistituzzjonali;

52.  Jenfasizza r-rwol tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp b'appoġġ tal-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jilqa' l-integrazzjoni tal-SDGs fil-Kunsens Ewropew il-ġdid dwar l-Iżvilupp; ifakkar li l-qerda tal-faqar (SDG 1) trid tibqa' l-objettiv prinċipali tal-kooperazzjoni tal-UE għall-iżvilupp; ifakkar li l-SDG 1 u l-SDG 2 huma marbuta ma' xulxin b'mod inseparabbli; itenni li minkejja l-progress, il-pass u l-kamp ta' applikazzjoni attwali tal-implimentazzjoni huma improbabbli li jippromwovu t-tibdil transformazzjonali meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-SDG 2; jitlob sforzi akbar biex jingħata segwitu għar-rakkomandazzjonijiet tar-rieżami tematiku tal-HLPF 2017 tal-SDG 2;

53.  Itenni t-talba tiegħu għall-integrazzjoni tat-twettiq tal-SDGs fl-oqsma ta' politika kollha; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni biex tintegra l-SDGs fl-Aġenda tagħha għal Regolamentazzjoni Aħjar u jissottolinja l-potenzjal għal użu strateġiku tal-istrumenti għal Regolamentazzjoni Aħjar fl-evalwazzjonijiet indipendenti tal-koerenza tal-politika tal-UE fir-rigward tal-Aġenda 2030 u l-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi minnufih il-Linji Gwida tal-Aġenda għal Regolamentazzjoni Aħjar u li tkompli ssaħħaħ u tissorvelja l-valutazzjonijiet ex-ante regolari tagħha sabiex tiżgura koerenza politika sħiħa fl-implimentazzjoni tal-SDGs, filwaqt li tippromwovi sinerġiji, tikseb benefiċċji kollaterali u tevita kompromessi, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll f'dak tal-Istati Membri;

54.  Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni bejn il-kumitati fil-Parlament, bil-għan li tiġi ssorveljata u jingħata segwitu għall-implimentazzjoni tal-UE fir-rigward tal-impenji tal-Aġenda 2030 tagħha;

55.  Jistieden lill-Konferenza tal-Presidenti u lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitat tal-Parlament Ewropew biex jivvalutaw l-adegwatezza tal-istruttura attwali tal-Parlament bil-għan li tiġi żgurata l-kapaċità tiegħu li jissorvelja b'mod effettiv u komprensiv fi ħdan is-setturi tal-politika kollha l-ħidma favur l-ilħuq tal-SDGs fil-politiki interni u esterni tal-UE;

56.  Jistieden lill-Parlament, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jaħdmu favur Dikjarazzjoni Konġunta dwar is-Sostenibbiltà, li tankra l-SDGs fil-prijoritajiet interistituzzjonali pluriennali tat-terminu leġiżlattiv li jmiss;

57.  Jenfasizza r-rwol ta' valutazzjonijiet tal-impatt ex-ante regolari u xierqa kif ukoll ta' evalwazzjonijiet ex-post biex jiġu żgurati integrazzjoni aħjar tal-Aġenda 2030 u l-kisba tar-riżultati; jissottolinja l-importanza li jiġu evalwati l-konsegwenzi fuq terminu qasir u twil tal-politiki u l-kontribut potenzjali tagħhom għall-iżvilupp sostenibbli; ifakkar fl-obbligu tat-Trattat biex l-objettivi tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp jitqiesu fil-politiki kollha li aktarx jaffettwaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

58.  Ifakkar fl-importanza essenzjali tal-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi (DRM) għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jilħqu l-SDGs; jenfasizza li r-rapport tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) bit-titolu "World Investment Report 2015 – Reforming International Investment Governance" (Rapport dwar l-Investiment Dinji 2015 – Nittrasformaw il-Governanza tal-Investiment Internazzjonali)(17) jivvaluta li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitilfu mill-inqas USD 100 biljun kull sena fi dħul mit-taxxa korporattiva minħabba l-evitar tat-taxxa minn kumpaniji kbar; jilqa' f'dan ir-rigward id-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-15 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Collect More – Spend Better: Achieving Development in an Inclusive and Sustainable Way" (Iġbor Aktar – Onfoq Aħjar: Il-kisba tal-Iżvilupp b'Mod Inklużiv u Sostenibbli) (SWD(2015)0198), bil-għan li tiġi indirizzata din il-kwistjoni; jiddispjaċih, madankollu, li ma ttieħdet l-ebda azzjoni konkreta biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi programm emblematiku dwar id-DRM biex tiżgura li jinġabar aktar dħul mit-taxxi u jkunu jistgħu jiġu ffinanzjati l-SDGs;

59.  Jinsisti fuq il-ħtieġa li jissaħħu l-atturi lokali bħala aġenti għall-iżvilupp sostenibbli u jitlob parteċipazzjoni msaħħa tal-parlamenti nazzjonali u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni tal-SDGs, mill-ippjanar u l-programmazzjoni sal-evalwazzjoni u l-monitiraġġ; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-ibliet u għall-awtoritajiet lokali bil-għan li jiżviluppaw, jimplimentaw u jissorveljaw inizjattivi u strateġiji effettivi tal-politika biex jinkisbu l-SDGs;

60.  Jilqa' l-involviment dejjem akbar tas-settur privat fl-iffaċilitar tal-ilħuq tal-SDGs; jenfasizza l-importanza tal-ħolqien ta' ambjent li jiffaċilita inizjattivi ġodda u sħubiji bejn is-settur pubbliku u privat, u li jħeġġeġ lill-kumpaniji jallinjaw l-istrateġiji kummerċjali tagħhom mal-objettivi ta' żvilupp sostenibbli;

61.  Ifakkar li n-NU tivvaluta li kull sena huma meħtieġa investimenti ta' bejn USD 5 triljun u USD 7 triljun biex jintlaħqu l-SDGs; jinsisti, għaldaqstant, fuq il-ħtieġa li jiġu mmobilizzati l-investimenti u jilqa' l-potenzjal tal-Pjan ta' Investiment Estern tal-UE f'dan ir-rigward;

Ir-Reviżjonijiet Nazzjonali Volontarji u r-rapportar tal-UE għall-HLPF 2019 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU

62.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu rieżamijiet regolari u inklużivi tal-progress u jħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għadhom ma impenjawx ruħhom biex ilestu VNR sabiex jagħmlu dan f'konformità mal-Aġenda 2030 u għall-Istati Membri li diġà ppreżentaw VNR biex jistabbilixxu kalendarju għal VNRs futuri regolari;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq analiżi regolari tal-VNRs tal-Istati Membri sabiex jiġu vvalutati l-progress u l-prattiki tajba; jitlob ukoll li ssir analiżi tal-VNRs tal-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati sabiex jiġu identifikati l-ħtiġijiet, jiġu eliminati d-diskrepanzi u jittejbu l-appoġġ u l-kooperazzjoni, u tikkoopera mill-qrib mal-OECD fl-iżvilupp ta' mekkaniżmi ta' reviżjoni bejn il-pari għal strateġiji u azzjoni ta' implimentazzjoni tal-SDG ta' suċċess fil-politiki domestiċi u esterni, u biex jittejbu l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-monitoraġġ tal-effetti kollaterali esterni negattivi;

64.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jwessgħu l-programmazzjoni konġunta u l-implimentazzjoni konġunta tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, fuq il-bażi tad-djalogi ta' politika dwar l-SDGs mal-pajjiżi sħab, mal-pjanijiet nazzjonali tal-iżvilupp u mal-VNRs, filwaqt li titqies b'mod xieraq is-sjieda tal-pajjiżi u ta' prinċipji oħra tal-effikaċja tal-iżvilupp;

65.  Jenfasizza r-rwol tal-HLPF fis-segwitu u fir-rieżami tal-SDGs; jappoġġja bis-sħiħ l-impenn tal-Unjoni biex jitlesta rieżami volontarju fl-HLPF; jistieden lill-Kummissjoni tonora r-rwol mexxej tal-UE fit-tfassil u fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u tippreżenta rapport konġunt komprensiv dwar l-SDGs kollha; jissottolinja li r-rapportar tal-UE, inkluż ir-Rapport Konġunt ta' Sinteżi li jmiss dwar l-appoġġ tal-UE fir-rigward tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, għandu jinkludi analiżi tas-sitwazzjoni attwali u tan-nuqqasijiet u d-diskrepanzi li jeżistu bħalissa;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tippożizzjona lilha nnifisha bħala mudell eżemplari fil-proċess tal-HLPF; jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi ruħha ma' pajjiżi terzi fil-progressjoni favur il-kisba tal-Aġenda 2030, inkluż permezz tal-Kummissjoni Ekonomika tan-NU għall-Ewropa;

67.  Jitlob l-organizzazzjoni ta' forum Ewropew annwali tal-SDG, bi tħejjija għall-HLPF, biex il-partijiet ikkonċernati esterni u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kif ukoll il-parlamentari jkunu jistgħu jieħdu sehem u jiddjalogaw bejniethom dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs;

68.  Jilqa' l-laqgħa tal-HLPF fil-livell tas-summit, li se ssir taħt l-awspiċji tal-Assemblea Ġenerali tan-NU f'Settembru 2019 u wara dan fis-summits futuri, bħala opportunità biex titqies l-implimentazzjoni tal-SDGs kollha fi ħdan l-Aġenda 2030 fis-sħuħija tagħha u jistenna li l-Unjoni jkollha rwol importanti fis-summit; jinnota li l-progress li sar mill-Istati Membri jvarja, skont, fost fatturi oħra, l-SDG inkwistjoni, l-objettivi u l-miri ta' prijorità nazzjonali; jenfasizza li l-SDGs huma interkonnessi ħafna u li għandu jiġi segwit approċċ sistemiku integrat u komprensiv għall-implimentazzjoni tagħhom;

Fokus fuq l-SDGs taħt ir-rieżami fil-fond li jmiss fl-HLPF 2019

69.  Jilqa' r-rieżami fil-fond li jmiss tal-SDGs 4 (edukazzjoni ta' kwalità), 8 (xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku), 10 (tnaqqis tal-inugwaljanzi), 13 (azzjoni klimatika), 16 (paċi, ġustizzja u istituzzjonijiet b'saħħithom) u 17 (sħubijiet għall-għanijiet) u jistenna li l-Unjoni tikkontribwixxi għar-rieżami bis-sħiħ; jistenna bil-ħerqa r-rieżamijiet futuri tal-SDGs l-oħra kollha fis-snin li ġejjin, filwaqt li jissottolinja l-indiviżibbiltà tal-Aġenda 2030 u l-interkonnessjoni tal-għanijiet;

70.  Itenni li l-edukazzjoni ta' kwalità u l-aċċess għall-edukazzjoni primarja għal kulħadd (SDG 4) huma essenzjali għall-kisba tal-iżvilupp sostenibbli u ta' soċjetajiet awtosuffiċjenti kif ukoll biex jiġu żgurati l-emanċipazzjoni u l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ; jirrikonoxxi l-fatt li l-edukazzjoni ta' kwalità hija qasam ta' enfasi ta' livell għoli f'bosta Stati Membri u jenfasizza li t-taħriġ tekniku u vokazzjonali huwa essenzjali għall-impjegabbiltà u l-aċċess taż-żgħażagħ għal impjiegi bi kwalifiki; jiddeplora, madankollu, il-fatt li d-disparitajiet fl-edukazzjoni li jidhru f'qasmiet urbani-rurali u bejn is-sessi għadhom prevalenti kemm fi ħdan l-UE kif ukoll barra minnha; jitlob, għaldaqstant, aktar investimenti li jtejbu l-kwalità tal-edukazzjoni u tal-infrastruttura relatata b'enfasi partikolari fuq reġjuni anqas żviluppati fuq livell intern u l-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati fuq livell estern;

71.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw il-miri b'mod aktar sistematiku skont l-SDG 8 (tkabbir sostenibbli u impjiegi) fi ħdan il-politiki ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-programmazzjoni (konġunta) tagħhom; jitlob kontributi ulterjuri favur l-ilħuq tal-SDG 8, inkluż titjib fil-kapaċitajiet produttivi, il-ġenerazzjoni tad-dħul, l-industrijalizzazzjoni, ix-xejriet sostenibbli ta' konsum u ta' produzzjoni, il-kummerċ, l-iżvilupp tas-settur privat, l-ambjenti kummerċjali, l-infrastruttura u t-turiżmu;

72.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-intrapriżi, mikro, żgħar u ta' daqs medju, tal-kooperattivi, il-mudelli kummerċjali inklużivi u l-istituti tar-riċerka bħala muturi tat-tkabbir, l-impjieg u l-innovazzjoni lokali; jitlob li jiġu promossi kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-investiment sostenibbli, l-industrijalizzazzjoni, l-attività kummerċjali, inklużi l-imġiba responsabbli fin-negozju, il-finanzi u t-tassazzjoni, ix-xjenza, it-teknoloġija, u r-riċerka u l-innovazzjoni, sabiex jiġi stimolat u aċċellerat l-iżvilupp ekonomiku u uman domestiku u jingħata kontribut lit-tkabbir sostenibbli fit-tul f'konformità mal-SDGs u l-Ftehim ta' Pariġi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu l-ħolqien ta' mudelli tan-negozju ġodda u jisfruttaw teknoloġiji ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali;

73.  Jissottolinja r-rwol kruċjali tas-settur privat għall-progress fl-SDGs, b'mod partikolari fir-rigward ta' investimenti responsabbli u sostenibbli u t-tisħiħ tat-tkabbir inklużiv, kif ukoll għall-promozzjoni u t-teħid ta' impenji favur imġiba responsabbli fin-negozju; jenfasizza f'dan il-kuntest il-ħtieġa ta' oqfsa ta' politika li jiffavorixxu l-investiment, inklużi indikaturi u rekwiżiti dwar il-prestazzjoni tas-sostenibbiltà sabiex ir-riskji għas-sostenibbiltà jkunu jistgħu jiġu integrati fit-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-investiment u fl-istat tad-dritt;

74.  Jirrikonoxxi li ċ-ċentri u l-inkubaturi ta' riċerka, ta' żvilupp u ta' innovazzjoni tal-UE huma importanti biex jappoġġjaw l-istrutturi għall-iżvilupp sostenibbli; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu rabtiet aktar b'saħħithom bejn ir-riċerka u n-negozji, sabiex ikunu jistgħu jiġu skambjati l-aħjar prattiki u titkattar l-innovazzjoni; jissottolinja li l-finanzjament tar-riċerka u tal-innovazzjoni jrid jiġi kkomplementat b'approċċ strateġiku għall-investiment, li jippermetti li soluzzjonijiet innovattivi jilħqu s-suq, peress li dawn spiss jirrikjedu investimenti intensivi fil-kapital u ta' riskju għoli;

75.  Jistieden lill-Kunsill iżomm f'moħħu l-SDGs meta jiżviluppa l-pożizzjoni tiegħu dwar l-FSE+ futur u l-allokazzjoni tal-allokazzjonijiet finanzjarji meħtieġa; jissottolinja li s-suċċess tal-SDGs fl-Unjoni jiddependi minn politiki ambizzjużi sostnuti minn riżorsi suffiċjenti;

76.  Jiddeplora l-fatt li għad hemm differenzi notevoli fil-progress li sar mill-Istati Membri lejn l-ilħuq tal-SDG 10, f'termini ta' tnaqqis tal-inugwaljanzi fl-introjtu u dawk ibbażati fuq l-età, is-sess, id-diżabilità, l-etniċità, l-oriġini, ir-reliġjon l-istatus ekonomiku u fatturi oħra, li jista' jtejjeb il-koeżjoni soċjali, u li l-inugwaljanzi għadhom jeżistu u qed jiżdiedu fi ħdan u fost il-pajjiżi, fi ħdan l-UE u barra minnha; jitlob li jiġi aċċellerat il-progress fit-tnaqqis tad-disparitajiet li qed jikbru u l-promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, filwaqt li jiġu assistiti direttament gruppi vulnerabbli u dawk li huma l-aktar fil-bżonn, u li jiġi ġġenerat aktar tkabbir inklużiv u sostenibbli, kif ukoll l-iżvilupp tal-bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi, fost l-oħrajn, kriterji mtejba dwar l-inugwaljanza ekonomika fir-rieżami tagħha tal-SDG 10;

77.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha ffirmaw u rratifikaw il-Ftehim ta' Pariġi u li ħafna mill-Istati Membri jsemmu l-Ftehim ta' Pariġi bħala pilastru ewlieni tal-politiki ta' kooperazzjoni internazzjonali tagħhom flimkien mal-Aġenda 2030 filwaqt li wħud minnhom taw prijorità lill-għan relatat mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-impatti ta' dan (SDG 13); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw strateġiji u attivitajiet ta' komunikazzjoni biex iżidu l-appoġġ pubbliku u politiku għall-azzjoni klimatika u jissensibilizzaw dwar il-kobenefiċċji tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, bħal kwalità tal-arja u saħħa pubblika aħjar, il-konservazzjoni tar-riżorsi naturali, it-tkabbir ekonomiku u aktar impjiegi, sigurtà enerġetika mtejba u anqas spejjeż relatati mal-importazzjoni tal-enerġija;

78.  Jitlob li l-Aġenda 2030 tiġi implimentata kollha kemm hi u b'mod ikkoordinat u koerenti mal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, anke fir-rigward tal-ħtieġa urġenti li jitnaqqas id-distakk bejn dak li huwa meħtieġ biex jiġi limitat it-tisħin dinji u biex tiżdied il-ħidma fuq l-adattament u l-finanzjament għalih; ifakkar fl-impenn tal-UE li talloka 20 % tal-baġit tagħha għall-2014-2020 (madwar EUR 180 biljun) għal sforzi biex jiġi miġġieled it-tibdil fil-klima, anke permezz tal-politiki esterni u ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħha;

79.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li, minkejja evidenza xjentifika ċara u komprensiva mressqa mir-Rapport Speċjali tal-IPCC dwar it-Tisħin Globali ta' 1.5°C, li spjega fid-dettall l-impatti dannużi ta' tali żieda fit-temperatura u d-differenza sinifikanti fis-severità ta' dawk marbuta ma' żieda ta' 2°C, xi partijiet għall-Ftehim ta' Pariġi s'issa naqsu milli jsaħħu l-ambizzjoni klimatika tagħhom; jilqa' l-kollaborazzjoni internazzjonali dwar l-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet u l-konnessjoni tas-swieq tal-karbonju ta' pajjiżi terzi u reġjonali; jistieden lill-Unjoni tħeġġeġ l-istabbiliment ta' skemi ta' tnaqqis tal-emissjonijiet ibbażati fuq is-suq f'ekonomiji emerġenti u fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinnota li dan se jservi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet globali, jiġu ffrankati l-ispejjeż u jiġu prodotti effiċjenzi operazzjonali, u jiġi limitat ir-riskju ta' tnixxija tal-karbonju billi jinħolqu kondizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni madwar id-dinja;

80.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' mitigazzjoni u adattament globali għat-tibdil fil-klima u jenfasizza r-rwol fundamentali li jaqdu l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-issodisfar tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi, l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, u l-Pjan ta' Azzjoni ta' Addis Ababa, kif ukoll il-ħtieġa urġenti li dawn il-pajjiżi jiġu megħjuna jiksbu l-kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali (NDCs) tagħhom; jilqa', f'dan ir-rigward, il-fatt li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima hija prijorità fil-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli (EFSD) stabbilit reċentement li għandu l-għan li jimmobilizza l-investiment fis-settur pubbliku u privat f'pajjiżi sħab fl-Afrika u fir-reġjun tal-Viċinat tal-UE;

81.  Jissottolinja l-fatt li l-UE għandha tkompli fi triqitha, filwaqt li twettaq il-bidla lejn ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, newtrali għall-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u bijodiversa f'konformità sħiħa mal-Aġenda 2030 tan-NU u mas-17-il SDG, sabiex jitnaqqsu t-tendenzi mhux sostenibbli li jiddependu fuq l-isfruttament żejjed ta' riżorsi naturali kif ukoll it-telf tal-bijodiversità kkawżat minn mudelli ta' konsum u ta' produzzjoni mhux sostenibbli; jenfasizza l-importanza li l-UE għandha tħaffef l-inizjattivi tagħha li għandhom l-għan li jippromwovu konsum u produzzjoni responsabbli u sostenibbli, filwaqt li taqdi rwol ewlieni fil-ħidma lejn ekonomija ċirkolari;

82.  Itenni l-valuri universali tad-demokrazija, tal-governanza tajba, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem bħala prekundizzjonijiet għall-iżvilupp sostenibbli kif definit fl-SDG 16 (soċjetajiet paċifiċi u inklużivi); jiddispjaċih, madankollu, dwar il-fatt li globalment, il-kunflitt armat u l-vjolenza għadhom prevalenti; jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' progress fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt u fl-aċċess għall-ġustizzja f'ħafna pajjiżi; ifakkar fl-impenn tal-UE u tal-Istati Membri, kif espress fil-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp għal approċċ komprensiv għall-kunflitt u għall-kriżijiet, b'enfasi fuq id-dgħufija u s-sigurtà umana, filwaqt li jirrikonoxxi n-nisġa bejn l-iżvilupp sostenibbli, l-azzjoni umanitarja, il-paċi u s-sigurtà u jagħti attenzjoni speċjali lil stati dgħajfin u affettwati minn kunflitti; jenfasizza li l-objettiv ta' soċjetajiet paċifiċi u inklużivi, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja għal kulħadd, għandu jiġi integrat fl-azzjoni esterna tal-UE li, bl-appoġġ għall-partijiet ikkonċernati lokali, jista' jgħin fil-bini tar-reżiljenza, fil-promozzjoni tas-sigurtà tal-bniedem, fit-tisħiħ tal-istat tad-dritt u fl-indirizz tal-isfidi kumplessi rigward in-nuqqas ta' sigurtà, il-fraġilità u t-tranżizzjoni demokratika;

83.  Jenfasizza li l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi fil-pajjiżi u bejniethom, l-indirizzar tad-diskriminazzjoni u l-promozzjoni tal-paċi, tad-demokrazija parteċipatorja, tal-governanza tajba, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem iridu jkunu objettivi inkorporati fil-politika tal-UE dwar l-iżvilupp;

84.  Jilqa' l-impenji tal-UE biex timmassimizza l-koerenza u tibni sinerġiji bejn politiki differenti bil-għan li ssaħħaħ il-mezz ta' implimentazzjoni u tagħti ħajja ġdida lis-sħubija globali għall-iżvilupp sostenibbli;

85.  Jenfasizza l-fatt li l-edukazzjoni, ix-xjenza, it-teknoloġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni inklużivi u ekwitabbli huma għodod partikolarment importanti għall-implimentazzjoni tal-SDGs u jirrikonoxxi l-ħtieġa li tittejjeb il-governanza f'dan is-settur; jiddispjaċihli l-kontribut potenzjali tal-komunità xjentifika għadu ma ssaħħaħx bis-sħiħ s'issa; jenfasizza l-ħtieġa għal Orizzont 2020 u għall-programmi qafas futuri għar-riċerka biex jintegraw aħjar il-kunċett tal-iżvilupp sostenibbli u tal-isfidi tas-soċjetà; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu ffaċilitati l-mekkaniżmi għat-trasferiment siewi tat-teknoloġija lejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

86.  Jistieden lill-Kummissjoni żżid data relatata mal-SDGs fis-settijiet ta' data ta' valur għoli kif definiti fid-Direttiva dwar data miftuħa u informazzjoni tas-settur pubbliku u tħeġġeġ lill-Istati Membri jippubblikaw ir-rapporti kollha dwar l-SDGs permezz ta' liċenzja mingħajr ħlas;

87.  Jenfasizza l-importanza ta' użu sħiħ tal-programmi u tal-istrumenti eżistenti u pendenti tal-UE, bħall-programmi Orizzont u LIFE, li jippermettu l-parteċipazzjoni ta' pajjiżi terzi fl-oqsma tal-enerġija, tat-tibdil fil-klima u tal-iżvilupp sostenibbli;

88.  Jitlob baġit tal-UE li jagħti l-istatus ta' objettiv primarju lill-iżvilupp sostenibbli; ifakkar li l-ġlieda kontra l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa hija kwistjoni tal-iżvilupp tas-solidarjetà;

89.  Jenfasizza li l-ilħuq tal-SDGs fl-oqsma tal-ikel, l-agrikoltura, l-enerġija, il-materjali, l-ibliet u s-saħħa u l-benessri jista' jiftaħ opportunitajiet fis-suq b'valur ta' aktar minn EUR 10 triljun(18); jissottolinja, madankollu, li sabiex tinkiseb l-ambizzjoni tal-UE ta' ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtiġilhom iwittu t-triq fix-xjenza, fit-teknoloġija u fl-infrastruttura moderna;

90.  Jenfasizza li fid-dawl tal-kumplessità dejjem akbar u tal-globalizzazzjoni tal-ktajjen ta' provvista, huwa importanti li tiġi promossa l-applikazzjoni ta' standards għoljin tas-sostenibbiltà, inkluż f'pajjiżi terzi;

°

°  °

91.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-OECD u lin-Nazzjonijiet Uniti.

(1)

ĠU C 210, 30.6.2017, p. 1.

(2)

Id-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171).

(3)

ĠU C 353, 27.9.2016, p. 2.

(4)

ĠU C 76, 28.2.2018, p. 45.

(5)

ĠU C 86, 6.3.2018, p. 2.

(6)

ĠU C 224, 27.6.2018, p. 36.

(7)

ĠU C 334, 19.9.2018, p. 151.

(8)

Testi adottati, P8_TA(2018)0077.

(9)

Testi adottati, P8_TA(2018)0279.

(10)

http://europa.eu/rapid/press-release_STATEMENT-18-5927_en.htm

(11)

http://europa.eu/rapid/press-release_STATEMENT-18-5882_en.htm

(12)

http://europa.eu/rapid/press-release_STATEMENT-18-5870_en.htm

(13)

Data tal-Eurostat 2017 tas-16 ta' Ottubru 2018.

(14)

Id-Dokument ta' riflessjoni "Towards a sustainable Europe by 2030" (Lejn Ewropa sostenibbli sal-2030), paġna 7.(https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/rp_sustainable_europe_30-01_en_web.pdf)

(15)

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli – Azzjoni Ewropea għas-sostenibbiltà" (COM(2016)0739)

(16)

Analiżi fil-fond b'appoġġ għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjaneta Nadifa għal kulħadd – Viżjoni strateġika Ewropea fit-tul għal ekonomija għanja, moderna, kompetittiva u newtrali għall-klima" (COM(2018)0773),

(17)

http://unctad.org/en/PublicationChapters/wir2015ch0_KeyMessage_en.pdf

(18)

Rapport tal-Kummissjoni dwar in-Negozju u l-Iżvilupp Sostenibbli, Better Business, Better World (Negozju Aħjar, Dinja Aħjar), Jannar 2017.


NOTA SPJEGATTIVA

Fil-livell tan-NU, il-monitoraġġ u r-rieżami tal-progress li jkun sar lejn l-ilħuq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) isiru f'Lulju ta' kull sena fil-Forum Politiku ta' Livell Għoli (HLPF), u kull erba' snin fil-livell tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern; dan tal-aħħar se jsir għall-ewwel darba f'Settembru 2019.

L-Unjoni Ewropea impenjat ruħha li fl-2019 tfassal rapport b'mod konġunt dwar l-isforzi tal-UE relatati mal-Aġenda, flimkien mar-Reviżjonijiet Nazzjonali Volontarji li kważi l-Istati Membri kollha tal-UE wettqu diġà. Dan ir-rapport strateġiku fuq inizjattiva proprja, li għandu jitħejja b'mod konġunt mill-Kumitat għall-Iżvilupp u mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel huwa maħsub li jikkontribwixxi għall-inventarju tal-UE.

Ir-rapport se jitfassal kważi erba' snin wara li l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli ġiet adottata solennement mill-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern kollha tal-Istati Membri tan-NU, u jsegwi bosta snin ta' negozjati li fihom l-Unjoni Ewropea kellha rwol ewlieni. L-SDGs huma innovazzjoni importanti fi ħdan il-multilateraliżmu u s-sistema tan-NU u huma xprun ewlieni tar-riforma kontinwa tan-NU u tat-trasformazzjonijiet ewlenin fir-rigward tal-ippjanar tal-politika fit-tul f'bosta pajjiżi madwar id-dinja. Għall-kuntrarju tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju, l-SDGs huma universali, trasversali u interkonnessi. Għalhekk, għall-UE u għall-Istati Membri tagħha hemm implikazzjonijiet fil-livell Ewropew, nazzjonali, domestiċi, reġjonali u lokali kif ukoll implikazzjonijiet internazzjonali.

L-inizjattiva biex jiġi adottat rapport konġunt tirriżulta mill-fehim li l-Parlament għandu jsemma' leħnu fi żmien meta l-kooperazzjoni multilaterali għall-bnedmin, il-pjaneta u l-prosperità, fir-rigward tal-azzjoni klimatika, is-solidarjetà u l-paċi, ma tistax titqies bħala fatt. Il-ħtieġa għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn iż-żewġ kumitati u involviment akbar tal-Parlament fl-avvanz tal-Aġenda 2030 fl-Ewropa u lil hinn minnha nħass bil-bosta matul id-delegazzjoni konġunta ad hoc f'Lulju 2018, biex jieħdu sehem fil-Forum Politiku ta' Livell Għoli.

Dan ir-rapport se jsir fl-aktar ħin opportun minn qatt qabel peress li l-Kummissjoni qed tħejji Rapport Konġunt ta' Sinteżi dwar l-appoġġ tal-UE fir-rigward tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp biex jimplimentaw l-Aġenda 2030 b'input mill-Istati Membri. Dan se jippermetti wkoll lill-Parlament jirreaġixxi għad-Dokument ta' Riflessjoni tal-Kummissjoni "Lejn Ewropa Sostenibbli sal-2030", fi żmien xieraq għall-Konklużjonijiet tal-Kunsill u tad-diskussjoni li jmiss fis-Summit ta' Sibiu tal-mexxejja tal-UE biex jiddiskutu dwar il-Futur tal-Ewropa, li huwa skedat għal Mejju 2019. Il-korapporteurs jemmnu li l-SDGs jistgħu u għandhom jipprovdu ispirazzjoni u gwida għal dak li l-UE timmira li tikseb u li tiffoka fuqu fis-snin li ġejjin.

Ħafna mill-SDGs u l-169 mira inklużi fl-Aġenda 2030 jikkonċernaw direttament is-setgħat u r-responsabbiltajiet tal-Unjoni flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, u b'hekk l-implimentazzjoni tagħhom tirrikjedi governanza f'diversi livelli effettiva. Il-korapporteurs huma konvinti li approċċ li jkun tassew ibbażat fuq il-governanza f'diversi livelli b'involviment attiv u fuq bażi wiesgħa mill-pubbliku, mis-soċjetà ċivili u mis-settur privat, huwa meħtieġ għall-implimentazzjoni effettiva tal-SDGs.

Fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni, il-korapporteurs jissuġġerixxu li ssir enfasi fuq approċċ komprensiv u strateġiku għall-implimentazzjoni tal-SDGs, inklużi koordinazzjoni aħjar u governanza konġunta. Ir-rapport tagħna għandu l-għan li jgħin lill-UE timxi fit-triq it-tajba lejn Strateġija tal-UE kumplessiva għall-2030 fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-SDGs u li jtejjeb l-integrazzjoni tagħhom fil-politiki u fil-mekkaniżmi ta' governanza tal-UE. Tali strateġija Ewropea kumplessiva għall-iżvilupp, ibbażata fuq analiżi tad-diskrepanzi tal-politika u valutazzjoni tad-distanza għall-miri, għandha tfassal objettivi, miri, indikaturi u azzjonijiet konkreti meħtieġa biex jittejbu l-koordinazzjoni tal-politika u l-koerenza tal-politika għal żvilupp sostenibbli fil-livell Ewropew. Bil-għan li jiġu integrati l-SDGs, il-korapporteurs jappoġġjaw l-użu strateġiku tal-għodod ta' Regolamentazzjoni Aħjar sabiex tiġi evalwata u żgurata l-koerenza tal-politika tal-UE fir-rigward tal-Aġenda 2030 filwaqt li jiġu promossi s-sinerġiji, jinkisbu kobenefiċċji u jiġu evitati l-kompromessi, kemm fil-livell tal-Unjoni kif ukoll tal-Istati Membri. Kwistjonijiet bl-istess importanza li għandhom jiġu koperti fir-rapport jirrigwardaw il-kwistjoni ta' kif għandhom jittejbu l-mekkaniżmi ta' monitoraġġ xieraq, ta' obbligu ta' rendikont proporzjonat u ta' reviżjoni effettiva, filwaqt li jiġi vvalutat il-progress li jkun sar.

B'mod partikolari, ir-rapport jixtieq jikkontribwixxi għar-reviżjoni u għar-rapportar li se jsiru fl-2019. Dan se jsir fi tliet forom li jeħtieġ li jiġu riflessi:

•  ir-reviżjoni tematika ta' għadd magħżul u limitat ta' SDGs fl-HLPF f'Lulju, jiġifieri r-reviżjoni tal-SDGs 4 (edukazzjoni ta' kwalità), 8 (xogħol deċenti u tkabbir ekonomiku), 10 (tnaqqis tal-inugwaljanzi), 13 (azzjoni klimatika), 16 (paċi, ġustizzja u istituzzjonijiet b'saħħithom) u 17 (sħubijiet għall-għanijiet);

•  ir-Reviżjonijiet Nazzjonali Volontarji li jipprovdu għodda importanti biex jiġu vvalutati l-prattiki tajba u l-progress li jistgħu jiġu vvalutati b'mod aktar sistematiku mill-istituzzjonijiet tal-UE;

•  ir-rapportar tal-UE dwar l-implimentazzjoni u l-kontribut biex jintlaħqu l-SDGs li se jsir din is-sena.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

27.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

57

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso, Beatriz Becerra Basterrechea, Ivo Belet, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Miriam Dalli, Seb Dance, Nirj Deva, Stefan Eck, Bas Eickhout, Francesc Gambús, Gerben-Jan Gerbrandy, Arne Gericke, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Françoise Grossetête, Enrique Guerrero Salom, Jytte Guteland, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Anneli Jäätteenmäki, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Kateřina Konečná, Urszula Krupa, Jo Leinen, Linda McAvan, Susanne Melior, Norbert Neuser, Massimo Paolucci, Bolesław G. Piecha, Julia Reid, Elly Schlein, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Bogusław Sonik, Eleni Theocharous, Adina-Ioana Vălean, Anna Záborská, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Frank Engel, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Ádám Kósa, Cécile Kashetu Kyenge, Gesine Meissner, Maria Noichl, Alojz Peterle, Keith Taylor, Babette Winter, Carlos Zorrinho

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Heinz K. Becker, Edward Czesak, Bogdan Andrzej Zdrojewski


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

57

+

ALDE

Beatriz Becerra Basterrechea, Gerben-Jan Gerbrandy, Anneli Jäätteenmäki, Gesine Meissner

ECR

Edward Czesak, Nirj Deva, Arne Gericke, Urszula Krupa, Bolesław G. Piecha, Eleni Theocharous

GUE/NGL

Lynn Boylan, Stefan Eck, Anja Hazekamp, Kateřina Konečná

PPE

Pilar Ayuso, Georges Bach, Heinz K. Becker, Ivo Belet, Birgit Collin-Langen, Frank Engel, Francesc Gambús, Jens Gieseke, Julie Girling, Françoise Grossetête, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Ádám Kósa, Alojz Peterle, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Bogusław Sonik, Adina-Ioana Vălean, Anna Záborská, Bogdan Andrzej Zdrojewski

S&D

Biljana Borzan, Paul Brannen, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Miriam Dalli, Seb Dance, Enrique Guerrero Salom, Jytte Guteland, Cécile Kashetu Kyenge, Jo Leinen, Linda McAvan, Susanne Melior, Norbert Neuser, Maria Noichl, Massimo Paolucci, Elly Schlein, Babette Winter, Damiano Zoffoli, Carlos Zorrinho

VERTS/ALE

Bas Eickhout, Martin Häusling, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Keith Taylor

1

-

EFDD

Julia Reid

1

0

EFDD

Sylvie Goddyn

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Marzu 2019Avviż legali