Proċedura : 2018/2120(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0162/2019

Testi mressqa :

A8-0162/2019

Dibattiti :

PV 13/03/2019 - 17
CRE 13/03/2019 - 17

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2019 - 19.14
CRE 13/03/2019 - 19.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2019)0202

RAPPORT     
PDF 227kWORD 71k
4.3.2019
PE 631.882v02-00 A8-0162/2019

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019

(2018/2120(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

Rapporteur: Marian Harkin

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019

(2018/2120(INI))

Il-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019: Għal Ewropa aktar b'saħħitha quddiem l-inċertezza globali" (COM(2018)0770),

–  wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli adottati mill-mexxejja dinjija f'Settembru 2015 u approvati mill-Kunsill, li esprima l-impenn tiegħu għall-implimentazzjoni tagħhom,

–  wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat mill-Kunsill Ewropew, mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea f'Novembru 2017,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi mill-Kummissjoni u mill-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2018 li jakkumpanja l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019 (COM(2017)0761),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2018 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2018)0759),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2019" (COM(2018)0758),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2018 bit-titolu "Abbozz tal-Pjanijiet Baġitarji tal-2019: Valutazzjoni Ġenerali" (COM(2018)0807),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' Novembru 2018 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa b'diżabilità(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2018 dwar is-servizzi tal-kura fl-UE għal ugwaljanza aħjar bejn is-sessi(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2018 dwar il-politiki tal-impjieg u soċjali taż-żona tal-euro(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2018 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2018(4),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew bit-titolu "Id-disparità diġitali bejn is-sessi";

–  wara li kkunsidra d-dibattitu mar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali dwar il-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew 2018,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0162/2019),

A.  billi fl-2017 ir-rata ta' impjieg għal dawk ta' bejn l-20 u l-64 sena kienet ta' 73,2 %, li tindika li l-UE qiegħda fit-triq it-tajba biex tilħaq l-objettiv tar-rata ta' impjieg ta' 75 % speċifikata fl-istrateġija Ewropa 2020;

B.  billi x-xogħlijiet deċenti li jiżguraw sigurtà tal-impjieg huma fattur importanti fil-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali u għandhom jiġu promossi biex jgħinu ħalli jiġi indirizzat il-qgħad fl-UE kollha, kif ukoll biex tiżdied id-domanda interna u jiġi stimolat it-tkabbir; billi, meta mqabbel man-numru totali ta' ħaddiema, il-perċentwal ta' ħaddiema part-time żdied minn 16,8 % fl-2008 għal 18,7 % fl-2017, b'livelli ogħla u b'żieda akbar fil-każ taż-żgħażagħ iż-żgħar;

C.  billi jeżistu disparitajiet sostanzjali fir-rati ta' impjieg fl-UE kollha bejn l-Istati Membri iżda wkoll fi ħdanhom kif ukoll disparitajiet fil-kwalità tal-impjiegi;

D.  billi, filwaqt li r-rati ta' qgħad fit-tul u ta' qgħad fost iż-żgħażagħ qegħdin jonqsu fil-livell tal-UE, dawn għadhom għoljin f'għadd ta' Stati Membri;

E.  billi r-rata ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fil-livell tal-UE hija ta' 18,6 % u li għadha ogħla meta mqabbla mal-2008; billi, skont il-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound), huwa stmat li ż-żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) lill-UE jiswewlha EUR 153 biljun fis-sena, filwaqt li l-kostijiet totali stmati għall-istabbiliment tal-garanzija għaż-żgħażagħ jammontaw għal EUR 21 biljun fis-sena; billi għall-perjodu 2017-2020 hemm allokata bħalissa somma ta' EUR 2 biljun għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

F.  billi peress li qegħdin jinbtu u jiġu żviluppati forom ġodda ta' xogħol, inkluż ix-xogħol fuq pjattaforma diġitali u x-xogħol indipendenti, se jkun neċessarju li tiġi modernizzata u adattata l-protezzjoni soċjali tradizzjonalment orjentata biex tħares lill-ħaddiema full-time b'kuntratti indefiniti;

G.  billi ż-żieda fir-rata ta' impjieg fl-Istati Membri sfortunatament kienet akkumpanjata – minħabba l-kriżi ekonomika, il-politiki ta' awsterità u r-riformi strutturali – miż-żieda fil-forom ta' impjieg atipiċi, prekarji u mhux formali, inklużi l-kuntratti ta' żero sigħat, mid-dgħajfien tad-djalogu soċjali, u, f'ċerti Stati Membri, mid-deċentralizzazzjoni tal-konsultazzjoni kollettiva, b'riperkussjonijiet negattivi fuq id-drittijiet tal-ħaddiema;

H.  billi l-aktar xogħol prekarju huwa dak li fih l-individwi ma jkunux jistgħu jinfurzaw drittijiethom, li fih il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali tkun assenti, li fih is-saħħa u s-sikurezza jkunu jinsabu f'riskju u li fih ix-xogħol ma jipprovdix biżżejjed introjtu biex tgħix ħajja dinjituża; billi l-insigurtà hija element fundamentali ieħor tal-prekarjetà u tħaddan fiha l-inċertezza tax-xogħol, l-insuffiċjenza tal-introjtu, in-nuqqas ta' protezzjoni kontra s-sensja kif ukoll l-inċertezza fir-rigward tat-tul ta' żmien tal-impjieg u tal-prospettivi ta' xogħol fil-ġejjieni;

I.  billi, minkejja l-inugwaljanza fl-introjtu fl-UE naqset kemxejn fl-2017, il-faqar fost dawk li jaħdmu għadu f'livelli inaċċettabbilment għoljin, li jlaħħqu d-9,6 % tal-popolazzjoni attiva u tolqot l-aktar lin-nisa;

J.  billi l-għadd totali ta' persuni li jinsabu f'riskju ta' faqar jew ta' esklużjoni soċjali (AROPE) huwa ta' 22,5 % u li, avolja dan il-perċentwal huwa aktar baxx mil-livelli ta' qabel il-kriżi, l-objettiv ewlieni tal-istrateġija Ewropa 2020 li jnaqqas b'20 miljun l-għadd ta' dawn il-persuni għadu ferm 'il bogħod milli jintlaħaq; billi r-rata AROPE għat-tfal kompliet tonqos iżda għadha għolja b'mod inaċċettabbli; billi r-rata AROPE għat-tfal li jgħixu f'unitajiet familjari b'ġenitur wieħed hija d-doppju tal-medja għat-tfal b'mod ġenerali; billi livelli għoljin ta' inugwaljanza jnaqqsu l-produzzjoni ekonomika u l-potenzjal ta' tkabbir sostenibbli;

K.  billi l-globalizzazzjoni għenet biex tixpruna t-tkabbir ekonomiku iżda l-benefiċċji tagħha mhumiex imqassma b'mod ugwali kemm bejn kif ukoll fl-Istati Membri; billi l-inklużività tal-mudell ta' tkabbir Ewropew għandha terġa' tiġi eżaminata u jeħtieġ li tissaħħaħ, b'mod partikolari f'termini ta' sostenibbiltà soċjali u ambjentali;

L.  billi r-rapport tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) jenfasizza l-urġenza tal-azzjonijiet maħsuba biex jiġġieldu t-tibdil fil-klima, li jista' jsir irreversibbli fi żmien tliet snin; billi għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjonijiet allokazzjonijiet baġitarji fil-livelli kollha tal-governanza (tal-investiment kemm pubbliku kif ukoll privat) għall-modernizzazzjoni u għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur industrijali, enerġetiku u tat-trasport;

M.  billi l-ekonomija tal-UE dieħla fis-sitt sena ta' tkabbir kontinwu, irkupru tal-investimenti, żieda fid-domanda tal-konsumaturi, żieda fil-ħolqien tal-impjiegi, filwaqt li d-dispersjoni tar-rati ta' tkabbir fiż-żona tal-euro tinsab fil-livell l-aktar baxx fl-istorja tal-UEM; billi madankollu huwa spjaċevoli li l-benefiċċji tat-tkabbir mhumiex maqsumin b'mod indaqs;

N.  billi l-introjtu tal-familji żdied aktar bil-mod mill-PDG u dan iqajjem dubji dwar l-inklużività tat-tkabbir reċenti;

O.  billi l-bidla demografika u ż-żieda fl-istennija tal-għomor jippreżentaw lis-sistemi tal-pensjoni, tal-kura tas-saħħa u tal-indukrar fit-tul sfidi sinifikanti ħafna relatati mas-sostenibbiltà u mal-adegwatezza;

P.  billi djalogu soċjali li jiffunzjona tajjeb huwa element fundamentali tal-ekonomija soċjali tas-suq Ewropew li jsaħħaħ il-koeżjoni soċjali u jnaqqas il-kunflitti fis-soċjetà, għall-ġid reċiproku tal-ħaddiema, ta' min iħaddem u tal-gvernijiet;

Q.  billi l-inklużjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fis-Semestru Ewropew mill-2018 għenet biex jitrawmu t-tkabbir inklużiv u l-impjiegi u biex jonqsu l-iżbilanċi makroekonomiċi;

R.  billi s-Semestru Ewropew għandu jikkontribwixxi għat-tlestija tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex jiġi żgurat trattament ugwali u opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel, kif ukoll biex jiġi appoġġat id-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali għan-nisa u l-irġiel u d-dritt ta' aċċess għal kura tas-saħħa ekonomikament aċċessibbli u ta' kwalità tajba;

S.  billi t-80 miljun Ewropew b'diżabbiltà, kif ukoll għadd ta' gruppi speċifiċi fosthom iż-żgħażagħ u l-komunitajiet emarġinati, il-persuni li jbatu minn mard kroniku u l-membri tal-komunitajiet minoritarji jiltaqgħu ma' ostakli speċifiċi fl-aċċess għall-impjiegi u huma aktar esposti għar-riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali; billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jagħtu kontribut essenzjali billi jfornu servizzi favur l-inklużjoni u jiżguraw ir-rappreżentazzjoni fit-tfassil tal-politiki;

T.  billi l-inugwaljanzi fis-saħħa u l-piż dejjem akbar tal-mard kroniku qegħdin iwasslu għal livelli għoljin ta' mortalità prematura fl-UE kollha u fl-istess ħin jaffettwaw il-forza tax-xogħol, il-produttività u s-sistemi ta' protezzjoni soċjali;

U.  billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri huwa valur fundamentali tal-UE u huwa minqux fl-Artikoli 8 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxu l-obbligu tal-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi, tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tal-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, kif ukoll tal-iżgurar tal-integrazzjoni tal-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki u fl-attivitajiet kollha tal-UE;

V.  billi fl-2017 ir-rata ta' impjieg fost in-nisa kienet ta' 66,5 %, iżda li d-differenza bejn r-rati ta' impjieg bejn in-nisa u l-irġiel, li hija ta' 12 %, għadha konsiderevoli, bħad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u, b'konsegwenza ta' hekk, id-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel; billi huma aktar in-nisa milli l-irġiel li jbatu l-faqar u huma n-nisa dawk l-aktar esposti għar-riskju ta' esklużjoni soċjali fix-xjuħija, b'introjtu mill-pensjoni anqas minn kważi 40 % minħabba l-akkumulu ta' inugwaljanzi bejn is-sessi matul ħajjithom, u dan jirrappreżenta sfida għal ħafna nisa u għas-soċjetà; billi l-parteċipazzjoni ugwali fis-suq tax-xogħol kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa tista' tkun iffaċilitata permezz tal-aċċess għal servizzi ta' indukrar bi prezzijiet raġonevoli u ta' kwalità tajba;

W.  billi l-preżenza ta' aktar nisa f'pożizzjonijiet deċiżjonali ssaħħaħ l-ugwaljanza bejn is-sessi;

X.  billi dawk il-persuni li jindukraw b'mod informali jew li jduru bi qrabathom jinsabu f'riskju akbar li jesperjenzaw il-faqar, kemm matul il-perjodu tal-indukrar kif ukoll meta jaċċedu għad-drittijiet tal-pensjoni; billi huma prevalentement in-nisa dawk li jduru bi qrabathom; billi 80 % tal-indukrar fl-UE jingħata minn persuni li jindukraw b'mod informali u mingħajr ħlas, u li 75 % minnhom huma nisa;

Y.  billi l-kwalità tas-servizzi ta' indukrar tvarja ħafna fl-Istati Membri u minn Stat Membru għal ieħor, u bejn il-faċilitajiet privati u pubbliċi, iż-żoni rurali u urbani, u bejn faxex differenti tal-età; billi n-nisa huma milquta minn tnaqqis fis-servizzi pubbliċi, inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni u s-settur tal-alloġġi, kemm direttament bħala utenti u impjegati, kif ukoll indirettament permezz tas-sostenn tagħhom lill-membri tal-familja li jiddependu minn servizzi pubbliċi ċentrali;

Z.  billi n-nisa għandhom aktar ċans li jieqfu mill-karriera minħabba r-rwol tagħhom fil-familja, u billi spiss huma n-nisa li jieqfu mix-xogħol biex jieħdu ħsieb it-tfal jew iduru bil-qraba morda; billi dan ir-rwol li għandhom in-nisa jista' jxekkel il-karrieri tagħhom; billi għaddejjin diskussjonijiet dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

Aa.  billi sar progress sinifikanti biex jintlaħaq l-objettiv ewlieni għall-2020 ta' rata ta' tluq bikri mill-iskola ta' 10 % u biex jintlaħaq l-objettiv ta' 40 % għall-ksib ta' edukazzjoni terzjarja, iżda għadhom jippersistu disparitajiet kbar bejn l-Istati Membri; billi l-Istati Membri għandhom ikunu inkoraġġiti jżidu l-aċċessibbiltà u l-aċċettazzjoni pubblika tat-taħriġ vokazzjonali filwaqt li jiżguraw li l-kwalità tal-edukazzjoni terzjarja tibqa' prijorità huma u jiksbu l-objettivi ewlenin għall-2020;

Ab.  billi, fl-era diġitali, minkejja li l-ħiliet diġitali huma essenzjali għall-kompiti personali jew professjonali kollha, aktar minn 40 % tal-adulti fl-UE ma għandux ħiliet diġitali bażiċi; billi 60 miljun adult ma għandhomx il-ħiliet ta' litteriżmu u numeriżmu; billi d-disparità bejn is-sessi fil-kejl tal-ħiliet diġitali 'l fuq mil-livell bażiku hija ta' 12,9 %;

Ac.  billi l-ħaddiema b'livell baxx ta' ħiliet u dawk aktar anzjani huma ferm inqas probabbli li jipparteċipaw fi programmi ta' taħriġ mill-ġdid u ta' taħriġ; billi l-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (MSMEs) spiss ma għandhomx riżorsi biex jorganizzaw taħriġ u taħriġ mill-ġdid għall-impjegati tagħhom;

Ad.  billi l-esklużjoni mill-alloġġi, il-kundizzjoni li persuna tkun mingħajr dar u l-aċċessibbiltà ekonomika tal-alloġġi jirrappreżentaw sfida importanti f'ħafna Stati Membri u li f'mill-anqas għaxra minn fosthom ġew irreġistrati rati ta' affollament eċċessiv ogħla mill-medja Ewropea; billi għall-Ewropej id-dar tikkostitwixxi n-nefqa l-aktar qawwija u li l-prezzijiet tad-djar qegħdin jiżdiedu b'ritmu aktar mgħaġġel mill-introjti fil-maġġor parti tal-Istati Membri; billi l-inugwaljanza u l-esklużjoni mill-alloġġi jsaħħu lil xulxin u n-nisa, it-tfal u l-persuni li ġejjin minn kuntest ta' migrazzjoni huma partikolarment vulnerabbli għall-esklużjoni mill-alloġġi u għall-kundizzjoni li jkunu mingħajr dar;

Ae.  billi għadhom pressanti l-isfidi fit-tul bħat-tixjiħ tal-popolazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-impatt tagħha fuq ix-xogħol, it-tibdil fil-klima u l-użu insostenibbli tar-riżorsi naturali;

1.  Jirrikonoxxi l-progress li sar fir-rigward tat-Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali, iżda jinnota li l-maġġoranza tal-Istati Membri jħabbtu wiċċhom ma' sfidi f'mill-anqas indikatur ewlieni wieħed u li 10 % tal-valutazzjonijiet kollha huma identifikati bħala "sitwazzjonijiet kritiċi";

2.  Jenfasizza li l-għanijiet u l-impenji soċjali tal-UE huma importanti daqs l-għanijiet ekonomiċi tagħha; jenfasizza li l-ħtieġa ta' investiment fl-iżvilupp soċjali mhijiex biss mezz biex jiġi garantit li t-tkabbir u l-konverġenza ekonomiċi jkunu jistgħu jinkisbu, iżda għandha tkun ukoll objettiv speċifiku fih innifsu; jilqa' pożittivament ir-rikonoxximent tal-importanza tal-pilastru soċjali u l-bżonn li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-UE kif ukoll li tingħata tweġiba lill-inugwaljanzi fi ħdan ir-reġjuni u bejniethom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu d-drittijiet soċjali billi jimplimentaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (EPSR) b'tali mod li tinbena dimensjoni soċjali reali għall-UE, anki billi jieħdu nota tal-istudji reċenti(5) u jtejbu l-viżibbiltà u l-impatt politiċi tat-tabella ta' valutazzjoni tal-indikaturi soċjali u tal-impjiegi ewlenin, filwaqt li jfornu għall-indikaturi kollha rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, inklużi dawk immirati li jippromwovu azzjonijiet trasformattivi lejn Unjoni aktar sostenibbli mil-lat soċjali, ekonomiku u ambjentali; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-20 prinċipju tal-EPSR bħala markaturi għall-valutazzjoni tas-suċċess tal-pajjiżi fl-integrazzjoni tal-impenn tagħhom fir-rigward tal-EPSR fil-politiki ekonomiċi tagħhom, kif ukoll issaħħaħ il-kapaċità ta' monitoraġġ tagħha tas-sitwazzjoni soċjali; jisħaq fuq il-fatt li l-impjiegi u l-kunsiderazzjonijiet ta' natura soċjali għandhom ikunu fuq l-istess livell bħal dawk ta' natura ekonomika fil-qafas tal-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku;

3.  Jitlob li s-Semestru Ewropew jintrabat b'mod sħiħ mal-EPSR, billi jiġu enfasizzati t-trattament ugwali u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel, id-dritt għall-paga ugwali għal xogħol ta' valur ugwali u d-dritt għal servizzi ta' indukrar ta' kwalità għolja u ekonomikament aċċessibbli;

4.  Jirrimarka li l-Istati Membri jiffaċċjaw sfidi strutturali fis-suq tax-xogħol bħal parteċipazzjoni skarsa, is-segmentazzjoni tiegħu kif ukoll l-asimmetrija bejn il-ħiliet u l-kwalifiki; jinnota l-ħtieġa dejjem akbar ta' miżuri effikaċi għall-integrazzjoni jew għar-reintegrazzjoni tal-forza tax-xogħol inattiva, inklużi l-migranti, fis-suq tax-xogħol;

5.  Jitlob aktar konsistenza fis-Semestru Ewropew, inkluż billi jiġi żgurat li l-kwistjonijiet enfasizzati fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi jitqiesu b'mod adegwat fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u li l-prijoritajiet jiġu sostnuti minn sena għall-oħra, sakemm ma jitqisux solvuti;

6.  Jinnota li hemm imbassar li l-ekonomiji tal-Istati Membri kollha se jkomplu jikbru iżda b'ritmu aktar bil-mod; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi eliminata d-diskrepanza fl-investiment fis-settur tar-riċerka u l-innovazzjoni fl-infrastruttura, inklużi s-servizzi soċjali, tas-saħħa u tal-indukrar kif ukoll il-promozzjoni tas-saħħa, il-prevenzjoni tal-mard u d-djar deċenti u effiċjenti fl-enerġija, kif ukoll fil-kapital uman; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmassimizzaw l-isforzi tagħhom biex jinvestu f'edukazzjoni u f'taħriġ ekonomikament raġonevoli, aċċessibbli, immirati u ta' kwalità għolja, billi jsaħħu l-miżuri maħsuba għat-titijb tal-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid, inklużi l-ħiliet diġitali u trasferibbli, u biex jippromwovu t-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet; jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati miżuri partikolari għan-nisa u l-bniet, li għad mhumiex rappreżentati biżżejjed fis-setturi diġitali, xjentifiku, teknoloġiku, tal-inġinerija u matematiku (STEM), u li jissaħħu t-taħriġ inizjali u l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema u ta' dawk li jħarrġu; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu s-sistemi ta' edukazzjoni, apprendistat u taħriġ vokazzjonali tagħhom, kif ukoll it-tagħlim ibbażat fuq sitwazzjonijiet reali, billi jallinjawhom aktar mal-bżonnijiet attwali u previsti tas-suq tax-xogħol; jinnota, barra minn hekk, l-importanza tal-ħiliet u tal-kompetenzi miksuba f'kuntesti ta' tagħlim informali u jistieden lill-Istati Membri joħolqu sistemi ta' konvalidazzjoni tal-ħiliet informali, b'mod partikolari ta' dawk li jinkisbu bis-saħħa tal-attivitajiet tal-volontarjat;

7.  Jaqbel mal-opinjoni tal-Kummissjoni skont liema t-tkabbir ekonomiku attwali għandu jissarraf fil-konċentrazzjoni mill-bidu ta' investimenti favur id-dekarbonizzazzjoni tas-sistemi industrijali, enerġetiċi u tat-trasport tal-Ewropa; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi biex ifornu taħriġ adegwat u aċċessibbli ħalli jiġi żviluppat is-sett ta' ħiliet it-tajjeb, inkluż l-appoġġ lill-impriżi f'dak li għandu x'jaqsam mat-taħriġ, mat-taħriġ mill-ġdid u mat-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol kif ukoll l-adattament mill-ġdid tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ;

8.  Jinnota li f'ċerti Stati Membri l-qgħad għadu għoli minħabba n-nuqqas ta' tkabbir u ta' dgħufija strutturali li ġejjin fil-biċċa l-kbira minn oqfsa regolatorji għas-suq tax-xogħol ineffikaċi u f'ħafna każijiet riġidi;

9.  Jinnota li minkejja t-titjib, għad hemm differenzi sostanzjali bejn l-Istati Membri u bejn ir-reġjuni f'termini ta' progress u rpiljar ekonomiċi minħabba dgħufija strutturali preeżistenti fid-diversi Stati Membri, b'mod partikolari fis-settur tal-impjiegi u tal-produttività; jemmen f'dan ir-rigward li l-konverġenza gradwali fl-UE kollha teħtieġ ukoll tindirizza d-diverġenza fl-Istati Membri, minħabba li d-disparitajiet f'livell reġjonali għandhom impatt fuq il-potenzjal tat-tkabbir Ewropew, peress li ħafna politiki u servizzi huma attwati fuq livell reġjonali;

10.  Iqis li, minbarra li tintuża bħala gwida għar-rakkomandazzjonijiet politiċi, it-tabella ta' valutazzjoni mehmuża mal-pilastru soċjali għandha tintuża bħala eżempju għal analiżijiet simili tal-prestazzjoni ta' pajjiżi individwali fil-konfront ta' politiki ambjentali u tat-tibdil fil-klima, sabiex ikunu jistgħu jiġu vvalutati f'livell simili ta' rigorożità;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jeżaminaw bir-reqqa l-kwistjoni tal-faqar fost dawk li jaħdmu u jipproponu soluzzjonijiet kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali biex jindirizzaw din il-kwistjoni mill-aktar insidjuża; jemmen li trid tittieħed azzjoni immedjata u kkoordinata biex titreġġa' lura din ix-xejra, li thedded li tifframmenta l-koeżjoni soċjali u s-solidarjetà interġenerazzjonali; itenni t-tħassib tiegħu dwar l-għadd għoli ta' persuni li jinsabu f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali minkejja x-xejra ta' tnaqqis; huwa partikolarment imħasseb dwar ir-rati għolja ta' faqar fost it-tfal, il-faqar fiż-żoni rurali kif ukoll il-faqar fix-xjuħija li huma ddominati b'mod qawwi min-nisa; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa biex inaqqsu b'mod sinifikanti l-faqar, b'mod partikolari l-faqar fost it-tfal; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu aħjar il-ħidma u l-għarfien espert tal-NGOs, tal-organizzazzjonijiet li jaħdmu kontra l-faqar u favur l-inklużjoni soċjali u tal-persuni li huma stess qed jesperjenzaw il-faqar fl-iskambju ta' prattiki tajba; jirrimarka li l-livelli għolja ta' inugwaljanza jnaqqsu l-produzzjoni ekonomika u l-potenzjal għal tkabbir sostenibbli u inklużiv;

12.  Ifakkar li pagi deċenti huma importanti mhux biss għall-koeżjoni soċjali, iżda wkoll għaż-żamma ta' ekonomija b'saħħitha u ta' forza tax-xogħol produttiva; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri biex itejbu l-kwalità tal-impjiegi u jnaqqsu d-dispersjoni tal-pagi, inkluż billi jgħollu l-pagi minimi anke, meta applikabbli, fil-forma ta' pagi minimi stabbiliti f'livelli deċenti; F'dan il-kuntest, jappella għal politiki li jirrispettaw, jippromwovu u jsaħħu n-negozjar kollettiv u l-pożizzjoni tal-ħaddiema f'sistemi tal-iffissar tal-pagi peress li jiżvolġu rwol kritiku fil-ksib ta' kundizzjonijiet ta' xogħol ta' standard għoli; jemmen li dan kollu għandu jsir bil-ħsieb li tiġi appoġġata d-domanda aggregata u l-irkupru ekonomiku, billi jitnaqqsu l-inugwaljanzi fil-pagi u jiġi miġġieled il-faqar fost dawk li jaħdmu; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-leġiżlazzjoni u l-politiki Ewropej iridu jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet tat-trade unions, jikkonformaw mal-ftehimiet kollettivi u jiddefendu t-trattament ugwali tal-ħaddiema;

13.  Jenfasizza li filwaqt li r-rati tal-qgħad fl-UE jinsabu fl-aktar livell baxx tagħhom, ir-rata tal-postijiet tax-xogħol battala fl-Unjoni kienet ta' 2,2 % fl-2018, żieda minn 1,9 % fl-2017; jinnota bi tħassib li n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet huwa konsiderevoli; ifakkar li r-rwol tal-Istati Membri huwa li jiggarantixxu l-aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità; jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-investiment pubbliku sabiex jiżguraw li kulħadd ikun jista' jgawdi d-dritt tiegħu għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità u inklużivi; jemmen li l-gwida għall-karriera u t-taħriġ jistgħu jaġixxu bħala xprunatur ta' tkabbir sostenibbli u inklużiv; jenfasizza li l-konverġenza bejn il-kwalifiki u l-ħiliet mal-opportunitajiet ta' xogħol hija prekundizzjoni għall-ħolqien ta' suq tax-xogħol tal-UE kompetittiv u għandha tiġi indirizzata billi tiġi faċilitata kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u n-negozji u t-trade unions, pereżempju billi jiġu promossi l-edukazzjoni doppja, l-apprendistati, it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u t-tagħlim imsejjes fuq ir-realtà fil-forom kollha u fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, inkluża l-edukazzjoni għolja;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa aktar il-portal tal-EURES dwar il-mobbiltà fix-xogħol u programmi oħra li jiffaċilitaw il-mobbiltà tat-tagħlim u tat-taħriġ; jinnota li r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki jtejjeb l-opportunitajiet ta' impjieg, speċjalment f'pajjiżi b'rata għolja ta' postijiet tax-xogħol battala;

15.  Jissottolinja li l-integrazzjoni tal-individwi qiegħda fit-tul permezz ta' miżuri mfasslin individwalment hija fattur ewlieni għall-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, il-faqar u l-esklużjoni soċjali u li fl-aħħar mill-aħħar se tikkontribwixxi għas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali; jitlob, b'rabta ma' dan, li jsir sforz akbar biex jiġu kkultivati ħiliet rilevanti għas-suq tax-xogħol, kif ukoll li jiżdied b'mod sinifikanti s-sehem tat-taħriġ orjentat lejn il-prattika, sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-impjegabbiltà; iqis li huwa meħtieġ li titqies is-sitwazzjoni soċjali ta' dawn iċ-ċittadini u l-ħtiġijiet tagħhom, partikolarment f'termini ta' dħul suffiċjenti, djar adegwati, trasport pubbliku, saħħa u indukrar tat-tfal, kif ukoll jiġi żgurat monitoraġġ aħjar fuq livell Ewropew tal-politiki implimentati fil-livell nazzjonali;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li n-NEETs, inklużi żgħażagħ b'diżabbiltà u dawk bi bżonnijiet kumplessi, skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, ikunu jistgħu jisfruttaw u jibbenefikaw mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ b'mod reali u sinifikanti; jirrileva l-importanza tal-indirizzar tan-nuqqasijiet attwali li qed jaffettwaw il-kwalità tal-offerti u s-sensibilizzazzjoni tal-iskema; jemmen li għandhom isiru aktar sforzi biex jiġu stabbiliti standards ta' kwalità, jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju kontinwu u miżjud kemm permezz ta' strumenti ta' finanzjament tal-UE kif ukoll ta' baġits nazzjonali, u jiġi żgurat l-involviment sinifikanti taż-żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' miżuri taħt il-Garanzija għaż-Żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi rikonoxxut li minħabba l-kriterji tal-età għadd tal-persuni qiegħda, jew li xogħolhom ma kienx jisfrutta l-kapaċitajiet tagħhom meta kienu żgħażagħ, ma ġewx inklużi f'miżuri speċifikament immirati lejn ħaddiema żgħażagħ u għalhekk jeħtieġu l-opportunità li jaġġornaw il-ħiliet tagħhom; jenfasizza li l-edukazzjoni hija l-ilqugħ ewlieni kontra l-faqar; iqis li żieda fit-taħriġ ta' ħiliet diġitali bażiċi, bħall-użu tal-midja diġitali u għarfien bażiku tal-ipprogrammar, hija essenzjali fl-istituzzjonijiet edukattivi; jenfasizza, b'rabta ma' dan, il-ħtieġa għal tagħmir tekniku adegwat fi stabbilimenti edukattivi b'infrastruttura diġitali xierqa; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw is-sistema ta' taħriġ doppju li hija stabbilita fl-UE bħala mudell ta' gwida mingħajr aktar dewmien filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li jadattawha għas-sistemi proprji tal-Istati Membri;

17.  Jenfasizza li huwa importanti li jiġi mmonitorjat il-perċentwali tal-popolazzjoni totali bejn l-etajiet ta' 15 u 24 sena meqjus NEET, kif ukoll indikaturi awżiljarji oħra, u li ssir enfasi b'mod partikolari fuq it-tfajliet u l-bniet peress li hemm differenza kbira bejn is-sessi f'dak li jikkonċerna l-proporzjon ta' żgħażagħ li mhumiex f'impjieg, edukazzjoni jew taħriġ;

18.  Jinnota li l-UE għadha ġġarrab problemi strutturali li jeħtieġ jiġu indirizzati; jirrikonoxxi li l-miżuri ta' awsterità mhumiex xierqa biex jipprovdu soluzzjonijiet sostenibbli għal dawn il-problemi; jissottolinja l-ħtieġa kruċjali li tingħata spinta lid-domanda domestika billi jiġi promoss l-investiment pubbliku u privat kif ukoll riformi strutturali soċjalment u ekonomikament bilanċjati li jnaqqsu l-inugwaljanzi u jippromwovu impjiegi ta' kwalità u inklużivi, it-tkabbir sostenibbli u l-investiment soċjali u konsolidament fiskali responsabbli, biex b'hekk tissaħħaħ mogħdija favorevoli lejn aktar koeżjoni u ambjent ta' konverġenza soċjali 'l fuq għan-negozji u għas-servizzi pubbliċi bil-għan li jinħolqu aktar impjiegi ta' kwalità filwaqt li jiġu bilanċjati d-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi; jenfasizza li dawk il-prijoritajiet se jinkisbu biss jekk l-investiment fil-kapital uman jiġi prijoritizzat bħala strateġija komuni;

19.  Jirrileva li riformi soċjalment responsabbli jridu jkunu bbażati fuq is-solidarjetà, l-integrazzjoni, il-ġustizzja soċjali u d-distribuzzjoni ġusta tal-ġid biex b'hekk jinħoloq mudell li jiżgura l-ugwaljanza u l-protezzjoni soċjali, jipproteġi lill-gruppi vulnerabbli u jtejjeb l-istandards tal-għajxien għaċ-ċittadini kollha; barra minn hekk, jenfasizza l-ħtieġa li jiġu orjentati mill-ġdid il-politiki ekonomiċi tal-Unjoni lejn ekonomija soċjali tas-suq;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt tar-riformi strutturali fir-rigward tas-sessi;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha jniedu u/jew isaħħu r-regolamentazzjoni ta' forom ġodda ta' xogħol; jesprimi tħassib, f'dan il-kuntest, dwar il-kopertura tal-ħaddiema atipiċi u tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, li ta' spiss ma jkollhomx aċċess sħiħ għas-sistema tal-protezzjoni soċjali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw u jippromwovu miżuri li jkollhom effikaċja ppruvata fit-tnaqqis ta' xogħol mhux iddikjarat, li jippermettu r-rikonoxximent tad-drittijiet tax-xogħol tal-ħaddiema domestiċi u tal-indukrar kif ukoll itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kopertura u l-effikaċja tal-politiki tas-suq tax-xogħol attivi, inkluż billi jagħmluhom aktar orjentati lejn ir-riżultati u billi jaħdmu f'kooperazzjoni mill-qrib mas-servizzi pubbliċi tal-impjieg, mas-sħab soċjali u ma' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inkluża s-soċjetà ċivili meta jkun xieraq;

23.  Jirrileva l-importanza tad-dimensjoni tal-istabbilizzazzjoni awtomatika tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali biex jiġi assorbit ix-xokk soċjali kkawżat minn fatturi esterni bħal reċessjonijiet; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jintroduċu politiki biex terġa' tiġi stabbilita s-sigurtà fl-impjiegi permezz tal-provvista ta' protezzjoni proattiva, inkluż f'każijiet ta' sensji; jistieden lill-Istati Membri, barra minn hekk, fil-qafas tar-Rakkomandazzjoni Nru 202 tal-ILO li tiddefinixxi l-protezzjoni soċjali bażika, biex jiżguraw u jżidu l-investiment fis-sistemi tal-protezzjoni soċjali sabiex tiġi garantita l-prestazzjoni tagħhom fl-indirizzar u fil-prevenzjoni tal-faqar u tal-inugwaljanzi filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tagħhom;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex il-persuni b'diżabbiltà jiġu inklużi aktar fis-suq tax-xogħol billi jitneħħew l-ostakoli leġiżlattivi biex jinħolqu inċentivi għall-impjieg tagħhom u tiġi żgurata l-aċċessibbiltà tal-postijiet tax-xogħol b'użu akbar ta' teknoloġiji ta' assistenza ġodda biex jiġu abilitati, pereżempju, il-komunikazzjoni u l-mobbiltà ta' persuni b'diżabbiltà; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, barra minn hekk, iżidu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw aktar inklużjoni fis-suq tax-xogħol ta' dawk li huma l-aktar 'il bogħod minnu, bħal ġenituri waħedhom, persuni li jindukraw b'mod informali, persuni b'mard fit-tul, diżabbiltà, problemi tas-saħħa jew mard kroniku kumpless, migranti u rifuġjati u nies minn minoranzi etniċi u reliġjużi; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi biex itejbu l-ħiliet tal-ħaddiema u jippromwovu impjiegi deċenti li jwasslu għal impjiegi ta' kwalità;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-azzjonijiet kollha dwar l-inklużjoni tar-Rom ikunu konformi mal-prinċipji ġenerali tal-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Rom miftiehma;

26.  Jinnota li l-mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (MSMEs) huma estremament importanti għall-iżvilupp sostenibbli u inklużiv u għall-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa; jitlob aktar appoġġ biex l-MSMEs ikunu jistgħu jorganizzaw taħriġ rilevanti għall-impjegati tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu kunsiderazzjoni akbar u aħjar lill-interessi tal-MSMEs fil-proċess tat-tfassil ta' politika billi joħolqu l-qafas regolatorju t-tajjeb għan-negozji, inklużi l-intrapriżi ż-żgħar u l-mikrointrapriżi, biex joħolqu l-impjiegi, pereżempju billi jimplimentaw regolamentazzjoni intelliġenti;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom sabiex jiżguraw tassazzjoni aktar ġusta, inkluż fl-ekonomija diġitali, peress li hija prerekwiżit għall-promozzjoni ta' inklużjoni aktar favorevoli;

28.  Huwa mħasseb bil-fatt li ftit li xejn ingħatat attenzjoni lill-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jieħdu l-miżuri meħtieġa kollha biex itejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jsaħħu l-ugwaljanza bejn is-sessi; jitlob li jiġu żviluppati servizzi ta' indukrar ta' kwalità għolja aċċessibbli u bi prezzijiet raġonevoli matul iċ-ċiklu tal-ħajja, kif ukoll servizzi ta' indukrar tat-tfal u edukazzjoni bikrija, filwaqt li jitkompla t-twettiq tal-objettivi ta' Barċellona tal-2002 għall-indukrar tat-tfal u tiġi żgurata leġiżlazzjoni li tippromwovi arranġamenti tax-xogħol flessibbli; jitlob ir-rikonoxximent ta' persuni li jindukraw b'mod informali, kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol imtejba, u forom adegwati ta' appoġġ u rikonoxximent tal-ħidma importanti ta' dawk li jindukraw il-familja, li jagħtu l-akbar sehem ta' indukrar fl-UE, billi, pereżempju, joffru kopertura tal-pensjoni u tas-sigurtà soċjali kif ukoll rikonoxximent ta' taħriġ u ħiliet informali; jitlob li jiġu promossi arranġamenti flessibbli tax-xogħol u l-użu ta' liv vantaġġjuż tal-maternità, tal-paternità, tal-ġenituri u tal-persuni li jindukraw; jirrikonoxxi l-fatt li din il-kwistjoni tirrikjedi rispons multidimensjonali u jistieden lill-Istati Membri jindirizzawha bħala kwistjoni urġenti; jinsab ferm konvint li l-adozzjoni rapida tad-direttiva dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri u l-persuni li jindukraw hija pass neċessarju lejn titjib tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-ugwaljanza bejn is-sessi f'setturi rilevanti u fin-negozji filwaqt li jagħmlu enfasi speċjali fuq in-nisa b'diżabbiltà, peress li huma partikolarment vulnerabbli fis-suq tax-xogħol;

30.  Jinsab imħasseb li s-suq tax-xogħol huwa segregat b'mod vertikali u orizzontali fl-UE, li jeżistu differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel, u li ftit nisa huma involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet; jenfasizza li r-rata tal-impjieg tan-nisa għadha aktar baxxa minn dik tal-irġiel; jenfasizza, barra minn hekk, li din id-diverġenza fir-rata ta' impjieg hija partikolarment evidenti fost l-ommijiet u n-nisa b'responsabbiltajiet ta' indukrar;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi jiġu inklużi aktar fl-iżvilupp ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, fil-programmi ta' stabbiltà u konverġenza u fil-programmi nazzjonali ta' riforma, billi jintroduċu objettivi kwalitattivi u miżuri li jindirizzaw diskrepanzi persistenti bejn is-sessi, u jitlobhom japplikaw b'mod sistematiku l-prinċipju tal-ibbaġitjar skont is-sess;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu objettivi kwantitattivi speċifiċi fil-programmi nazzjonali ta' riforma (PNR) tagħhom rigward l-impjieg tan-nisa b'mod ġenerali;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jintroduċu pilastru ta' ugwaljanza bejn is-sessi fl-Istrateġija 2020, kif ukoll objettiv globali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi bħala waħda mill-għodod tas-Semestru Ewropew għall-monitoraġġ tal-progress fil-qasam tal-impjiegi u tal-objettivi soċjali;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jiżblokkaw id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet;

36.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jneħħu r-restrizzjonijiet kollha fuq in-nisa li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u jeliminaw il-preġudizzji kollha relatati mas-sessi b'rabta mat-taxxa u ma' inċentivi oħra li jipperpetwaw ir-rwoli mhux ugwali tal-irġiel u n-nisa;

37.  Jitlob li jiġu stabbiliti politiki li jappoġġaw l-intraprenditorija fost in-nisa, li jagħtuhom aċċess għal finanzjament u opportunitajiet ta' negozju billi jipprovdulhom taħriġ personalizzat u billi jintroduċu miżuri li jiżguraw bilanċ ġust bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

38.  Jirrileva l-fatt li d-diskriminazzjoni bejn is-sessi għadha problema persistenti, kif jidher mid-differenza fil-pagi bejn is-sessi (bil-medja tal-qligħ gross fis-siegħa tal-impjegati rġiel madwar 16 % ogħla minn dik tal-impjegati nisa) u d-differenza fil-pensjonijiet ta' 37 %; jenfasizza li d-differenza fil-pensjonijiet, li hija l-aktar indikatur importanti tal-inugwaljanza bejn is-sessi, hija dovuta għas-sottorappreżentanza tan-nisa f'setturi mħallsa tajjeb, id-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol u r-rata għolja ta' nisa f'xogħol part-time, kif ukoll nuqqas ta' mekkaniżmi adegwati għar-rikonċiljazzjoni tal-obbligi tal-familja u dawk relatati max-xogħol bejn l-irġiel u n-nisa;

39.  Ifakkar li l-bidla fil-kompożizzjoni tal-età u ż-żieda fl-istennija tal-għomor tal-popolazzjoni tirrikjedi l-adattament tas-sistemi tal-pensjonijiet u, f'xi Stati Membri, l-implimentazzjoni ta' riformi xierqa f'ċerti Stati Membri, sabiex jiġu żgurati pensjonijiet sostenibbli u xierqa; itenni l-appell tiegħu għal "care credits" (krediti għall-indukrar) fis-sistemi tal-pensjonijiet li jikkumpensaw għall-kontribuzzjonijiet li bosta nisa u rġiel ikunu tilfu minħabba responsabbiltajiet tal-indukrar tat-tfal u l-indukrar fit-tul bħala għodda biex titnaqqas id-diskrepanza fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn is-sessi u biex tiġi salvagwardata l-ekwità intergenerazzjonali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri, f'kooperazzjoni mas-sħab soċjali u mal-organizzazzjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi, jistabbilixxu u jimplimentaw politiki li jeliminaw id-differenza bejn il-pagi u l-pensjonijiet tal-irġiel u n-nisa; jistieden lill-Istati Membri jwettqu ppjanar dwar il-pagi fuq bażi regolari biex jikkomplementaw dawn l-isforzi; ifakkar lill-Kunsill Ewropew jikkunsidra l-użu tar-rapport annwali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-kuntest tas-Semestru Ewropew sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi;

40.  Jirrileva li l-aċċess universali għal pensjonijiet tal-irtirar u tax-xjuħija pubbliċi, adegwati u bbażati fuq is-solidarjetà jridu jingħataw lil kulħadd; jirrikonoxxi l-isfidi li jiffaċċjaw l-Istati Membri biex isaħħu s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjoni, iżda jenfasizza l-importanza li tiġi salvagwardata s-solidarjetà f'dawk is-sistemi; jemmen li l-aħjar mod biex jiġu żgurati pensjonijiet sostenibbli, sikuri u adegwati għan-nisa u l-irġiel huwa li tiżdied ir-rata ġenerali tal-impjiegi u jinħolqu aktar impjiegi ta' kwalità għall-etajiet kollha, jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-impjieg u li jiġi allokat l-infiq pubbliku supplimentari meħtieġ; jemmen li r-riformi tas-sistemi tal-pensjoni għandhom jiffokaw, fost affarijiet oħrajn, fuq l-età effettiva tal-irtirar u għandhom jirriflettu x-xejriet tas-suq tax-xogħol, ir-rati tat-twelid, is-sitwazzjoni tas-saħħa u tal-ġid, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-proporzjon ta' dipendenza fuq l-ekonomija; iqis li dawn ir-riformi jridu jqisu wkoll is-sitwazzjoni ta' miljuni ta' ħaddiema fl-Ewropa, b'mod partikolari n-nisa, iż-żgħażagħ u dawk li jaħdmu għal rashom, li jsofru minn impjiegi mhux sikuri u atipiċi, perjodi ta' qgħad involontarju u ħin tax-xogħol imnaqqas;

41.  Jinnota li s-servizzi soċjali u tal-kura tas-saħħa huma essenzjali biex jappoġġaw il-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu investiment u spazju fiskali biex jiżviluppaw dawk is-servizzi biex jiżguraw li jkunu bi prezzijiet raġonevoli, aċċessibbli, u ta' kwalità għolja; iwissi li fin-nuqqas ta' investiment pubbliku kontinwu fil-politiki tas-saħħa u l-kura, l-istennija tal-għomor tista' tmur lura fis-snin li ġejjin;

42.  Jiddeplora l-fatt li l-kriżi tad-djar ma ġietx inkluża fost il-prijoritajiet ta' politika ewlenin għall-2019, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mis-Semestru biex jimmonitorjaw u jappoġġaw il-progress fl-aċċessibbiltà ekonomika tad-djar u l-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar bħala kwistjonijiet fundamentali ta' tħassib; jistieden lill-Kummissjoni biex, bħala l-ewwel pass, tinkludi l-indikatur tal-piż eċċessiv tal-kost tal-abitazzjoni tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea dwar l-Introjtu u l-Kondizzjonijiet tal-Għajxien (EU-SILC) fit-tabella ta' valutazzjoni soċjali f'konformità mal-prinċipju 19 tal-EPSR; jenfasizza li r-rati għoljin ta' affollament eċċessiv fost iż-żgħażagħ (dawk bejn il-15 u d-29 sena) għandhom effett ħażin fuq l-edukazzjoni, l-iżvilupp personali u professjonali u fuq il-kwalità tal-ħajja; jemmen li għandha tingħata prijorità lill-allokazzjoni ta' finanzjament pubbliku liż-żgħażagħ li mhumiex jgħixu f'kundizzjonijiet diċenti;

43.  Huwa tal-fehma li l-politika ta' koeżjoni, bħala waħda mill-politiki ta' investiment ewlenin tal-Unjoni Ewropea, uriet l-effikaċja tagħha fiż-żieda tal-koeżjoni soċjali u fit-tnaqqis tal-inugwaljanzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw bis-sħiħ il-finanzjament disponibbli għall-implimentazzjoni tal-EPSR;

44.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex hija tappoġġa lill-Istati Membri biex jagħmlu aktar użu mill-fondi strutturali għall-investiment fi strutturi tal-kura pubblika u f'servizzi għat-tfal, għall-anzjani u għal persuni dipendenti oħra, sabiex jiffaċilitaw ir-ritorn tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jiżguraw bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

45.  Ifakkar li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jiffavorixxi għadd ta' oqsma ta' investiment soċjali, inklużi s-saħħa, is-sistemi ta' kura fit-tul u d-djar tal-gvern; jenfasizza li l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew argumenta favur il-ħafna effetti pożittivi ta' investiment soċjali orjentat lejn il-futur li jkun ippjanat sew, effettiv u effiċjenti, li għandu jitqies mhux bħala spiża iżda bħala investiment fil-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir u l-impjieg; jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' dawn l-objettivi tirrikjedi spazju għall-infiq pubbliku;

46.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kummissjoni u lill-Parlament Ewropew jirrikonoxxu aktar l-għarfien espert tal-NGOs fil-qasam soċjali billi jaħdmu lejn djalogu ċivili, f'konformità mal-Artikolu 11 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, fil-qafas tal-proċess tas-Semestru;

47.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)

Testi adottati, P8_TA(2018)0484.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2018)0464.

(3)

  Testi adottati, P8_TA(2018)0432.

(4)

  Testi adottati, P8_TA(2018)0078.

(5)

Ara r-rapporti tal-OECD ("In it together: why less inequality benefits all" (Kulħadd involut: għaliex anqas inugwaljanzi huma aħjar għal kulħadd), 2015 u tal-FMI ("Causes and consequences of income inequality" (Kawżi u konsegwenzi tal-inugwaljanza fl-introjtu), Ġunju 2015.


OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (24.1.2019)

għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2019  

(2018/2120(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Pina Picierno

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi huwa valur fundamentali tal-UE u huwa minqux fl-Artikoli 8 u 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jistabbilixxu l-obbligu tal-eliminazzjoni tal-inugwaljanzi, tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tal-ġlieda tad-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, kif ukoll tal-iżgurar li l-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi tkun integrata fil-politiki u fl-attivitajiet kollha tal-UE;

B.  billi d-diskrepanzi persistenti bejn is-sessi fl-UE, bħal-dik ta' 11,6 % fl-impjiegi bejn l-irġiel u n-nisa(1), dik ta' 16,2 % bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa(2) u dik ta' 37,2 % bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel(3), fost l-oħrajn, mhumiex biss inġusti, iżda wkoll iqiegħdu lin-nisa f'sitwazzjonijiet vulnerabbli jew prekarji, bħall-faqar jew l-esklużjoni soċjali; billi huma meħtieġa sforzi urġenti sabiex jiġu eliminati dawn id-diskrepanzi, għaliex dawn għadhom wieħed mill-ostakli ewlenin biex tinkiseb ugwaljanza bejn is-sessi u huma forma inaċċettabbli ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess;

C  billi t-tnaqqis tad-diskrepanza bejn il-pensjonijiet tan-nisa u tal-irġiel – li bħalissa hija ta' kważi 40 % bħala medja fl-UE, u li hija wkoll ir-riżultat ta' akkumulazzjoni ta' inugwaljanzi li n-nisa jesperjenzaw tul ħajjithom, kif ukoll perjodi ta' assenza mis-suq tax-xogħol – huwa partikolarment importanti; billi r-rikonoxximent tal-ħidma tan-nisa bħala persuni li jindukraw huwa bażi soda li fuqha tista' tittieħed azzjoni effikaċi biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tan-nisa li jakkumulaw inqas intitolamenti tal-pensjoni;

D.  billi l-kwalità tas-servizzi ta' indukrar tvarja ħafna fl-Istati Membri u minn Stat Membru għal ieħor, u bejn il-faċilitajiet privati u pubbliċi, iż-żoni rurali u urbani, u bejn gruppi differenti ta' età; billi n-nisa huma affettwati minn tnaqqis fis-servizzi pubbliċi, inklużi s-saħħa, l-edukazzjoni u s-settur tad-djar, kemm direttament bħala utenti u impjegati, u kemm indirettament minħabba li jsostnu membri tal-familja li jiddependu fuq servizzi pubbliċi ċentrali;

E.  billi l-preżenza ta' aktar nisa f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet issaħħaħ l-ugwaljanza bejn is-sessi;

F.  billi n-nisa għandhom aktar ċans li jieqfu mill-karriera minħabba r-rwol tagħhom fil-familja, u billi spiss huma n-nisa li jieqfu mix-xogħol biex jieħdu ħsieb it-tfal jew qraba morda; billi dan ir-rwol li għandhom in-nisa jista' jxekkel il-karrieri tagħhom; billi hemm diskussjonijiet għaddejjin dwar l-istabbiliment ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

G.  billi s-Semestru Ewropew għandu jikkontribwixxi għat-tlestija tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali biex jiġi żgurat trattament ugwali u opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel, kif ukoll biex jiġi appoġġat id-dritt għal paga ugwali għal xogħol ugwali li jsir min-nisa u l-irġiel u d-dritt ta' aċċess għal kura tas-saħħa affordabbli u ta' kwalità tajba;

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi jiġu inklużi aktar fl-iżvilupp ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, fil-programmi ta' stabilità u konverġenza u fil-programmi nazzjonali ta' riforma, billi jintroduċu miri kwalitattivi u miżuri li jindirizzaw diskrepanzi persistenti bejn is-sessi, u jitlobhom japplikaw b'mod sistematiku l-prinċipju tal-ibbaġitjar skont is-sess;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu miri kwantitattivi fil-Programmi ta' Riforma Nazzjonali (PNR) tagħhom dwar l-impjieg tan-nisa inġenerali flimkien ma' miżuri speċifiċi mmirati għall-gruppi ta' nisa b'rati ta' impjieg baxxi ħafna bħal pereżempju nisa li huma żgħażagħ, anzjani, migranti, li għandhom diżabilità, li huma ommijiet waħedhom u li huma Rom;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex fl-istrateġija Ewropa 2020 tintroduċi pilastru ta' ugwaljanza bejn is-sessi u objettiv globali dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;

4.  Jitlob li l-Kummissjoni tinkludi l-Indiċi tal-Ugwaljanza bejn is-Sessi bħala wieħed mill-għodod tas-Semestru Ewropew għall-monitoraġġ tal-progress lejn il-miri soċjali u tal-impjiegi;

5.  Jenfasizza li l-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali huma ta' tħassib kbir, speċjalment għan-nisa; jisħaq, għaldaqstant, fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-proċess tas-Semestru Ewropew jibqa' ffokat fuq it-twettiq ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, b'aktar koordinament tal-politika nazzjonali u Ewropej, bil-għan li jinħolqu aktar impjiegi ta' kwalità tajba fl-UE, biex b'hekk jiġu indirizzati d-diskrepanzi bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma tal-qgħad, il-paga u l-pensjonijiet;

6.  Jinsab imħasseb li s-suq tax-xogħol huwa segregat b'mod vertikali u orizzontali fl-UE, li jeżistu differenzi fil-pagi u fil-pensjonijiet bejn in-nisa u l-irġiel, u li ftit nisa huma involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet; jenfasizza li r-rata tal-impjieg tan-nisa għadha aktar baxxa minn dik tal-irġiel; jenfasizza, barra minn hekk, li din id-diverġenza fir-rata ta' impjieg hija partikolarment evidenti fost l-ommijiet u n-nisa b'responsabilitajiet ta' indukrar;

7.  Itenni t-talba tiegħu li l-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri biex jagħmlu aktar użu mill-fondi strutturali għall-investiment fi strutturi tal-kura pubblika u f'servizzi għat-tfal, għall-anzjani u għal persuni dipendenti oħra, sabiex jiffaċilitaw ir-ritorn tan-nisa fis-suq tax-xogħol u jiżguraw bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jidentifikaw mudelli ta' finanzjament effikaċi, inkluż finanzjament immirat, li jilħqu bilanċ bejn il-finanzjament pubbliku u privat u huma mfassla wkoll biex ikunu adattati għaċ-ċirkustanzi nazzjonali u lokali;

9.  Jitlob li s-Semestru Ewropew ikollu impenn sħiħ għall-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod li jissottolinja t-trattament u l-opportunitajiet indaqs bejn in-nisa u l-irġiel, id-dritt għal paga ndaqs għal xogħol ta' valur indaqs, u d-dritt għal servizzi ta' kura ta' kwalità għolja u għal but kulħadd;

10.  Jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tul il-ħajja għan-nisa wkoll, peress li lin-nisa jtihom l-opportunità li jitħarrġu mill-ġdid f'suq tax-xogħol li dejjem qed jinbidel; jitlob promozzjoni akbar ta' suġġetti diġitali u relatati mal-ICT li jistgħu jgħinu lill-bniet jindirizzaw l-istereotipi li jeżistu fl-edukazzjoni u jnaqqsu d-differenzi bejn is-sessi fir-rati tal-impjiegi u l-pensjonijiet;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmonitorjaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jiżblokkaw id-Direttiva dwar in-Nisa fuq il-Bordijiet;

12.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jneħħu r-restrizzjonijiet kollha fuq in-nisa li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol u jeliminaw il-preġudizzji relatati mas-sessi b'rabta mat-taxxa u inċentivi oħra li jipperpetwaw ir-rwoli mhux ugwali tal-irġiel u n-nisa;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni tal-impatt li r-riformi strutturali għandhom fuq is-sessi;

14.  Jenfasizza li huwa importanti li jiġi mmonitorjat il-perċentwali tat-total tal-popolazzjoni meqjus li jinsab barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) bejn l-etajiet ta' 15 u 24 sena, kif ukoll indikaturi awżiljarji oħra, u li ssir enfasi b'mod partikolari fuq it-tfajliet u l-bniet peress li hemm differenza kbira bejn is-sessi f'dak li jikkonċerna l-proporzjon ta' żgħażagħ li m'għandhomx impjieg, edukazzjoni jew taħriġ;

15.  Jitlob li jiġu stabbiliti politiki li jappoġġaw l-intraprenditorija fost in-nisa, li jagħtuhom aċċess għal finanzjament u opportunitajiet ta' negozju billi jipprovdulhom taħriġ personalizzat u billi jintroduċu miżuri li jwasslu għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

16.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bħala mod tajjeb biex jiġi mħeġġeġ l-impjieg fost in-nisa u biex ir-rata ta' impjieg fost in-nisa ssir aktar ibbilanċjata; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-ugwaljanza bejn is-sessi f'setturi rilevanti u fin-negozji filwaqt li jagħmlu enfasi speċjali fuq in-nisa b'diżabilità, peress li huma partikolarment vulnerabbli fis-suq tax-xogħol.

INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

23.1.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

3

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Heinz K. Becker, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Iratxe García Pérez, Arne Gericke, Anna Hedh, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Angelika Niebler, Maria Noichl, Marijana Petir, Pina Picierno, João Pimenta Lopes, Terry Reintke, Liliana Rodrigues, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Jadwiga Wiśniewska, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Eleonora Forenza, Julie Girling, Lívia Járóka, Dubravka Šuica, Mylène Troszczynski, Julie Ward

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Lambert

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

19

+

ALDE

Beatriz Becerra Basterrechea

PPE

Heinz K. Becker, Julie Girling, Lívia Járóka, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Angelika Niebler, Michaela Šojdrová, Dubravka Šuica

S&D

Vilija Blinkevičiūtė, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Maria Noichl, Pina Picierno, Liliana Rodrigues, Julie Ward

VERTS/ALE

Jean Lambert, Terry Reintke, Ernest Urtasun

3

-

ECR

Arne Gericke, Jadwiga Wiśniewska

GUE/NGL

João Pimenta Lopes

6

0

ENF

Mylène Troszczynski

GUE/NGL

Malin Björk, Eleonora Forenza

PPE

Anna Maria Corazza Bildt, Marijana Petir, Anna Záborská

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

(1)

L-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, Bażi ta' Data dwar Statistika dwar is-Sessi.

(2)

Boll, C. u Lagemann, A., Gender pay gap in EU countries based on SES (2014), il-Lussemburgu: il-Kummissjoni Ewropea, 2018.

(3)

Il-Kummissjoni Ewropea, Rapport dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet 2018.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

26.2.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Brando Benifei, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Michael Detjen, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Marian Harkin, Agnes Jongerius, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jean Lambert, Jeroen Lenaers, Thomas Mann, João Pimenta Lopes, Georgi Pirinski, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Robert Rochefort, Claude Rolin, Siôn Simon, Romana Tomc, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Renate Weber

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Georges Bach, Lynn Boylan, Krzysztof Hetman, Alex Mayer, Ivari Padar, Neoklis Sylikiotis, Monika Vana

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jens Gieseke, Paul Tang


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

31

+

ALDE

Enrique Calvet Chambon, Marian Harkin, Robert Rochefort, Yana Toom, Renate Weber

PPE

Georges Bach, David Casa, Jens Gieseke, Krzysztof Hetman, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jeroen Lenaers, Thomas Mann, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Romana Tomc

S&D

Brando Benifei, Ole Christensen, Michael Detjen, Elena Gentile, Agnes Jongerius, Jan Keller, Alex Mayer, Ivari Padar, Georgi Pirinski, Siôn Simon, Paul Tang, Marita Ulvskog

VERTS/ALE

Jean Lambert, Terry Reintke, Monika Vana

6

-

ECR

Ulrike Trebesius

GUE/NGL

Lynn Boylan, Rina Ronja Kari, João Pimenta Lopes, Neoklis Sylikiotis

NI

Lampros Fountoulis

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 8 ta' Marzu 2019Avviż legali