Proċedura : 2018/2116(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0171/2019

Testi mressqa :

A8-0171/2019

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/03/2019 - 11.8

Testi adottati :

P8_TA(2019)0172

RAPPORT     
PDF 190kWORD 60k
8.3.2019
PE 623.895v01-00 A8-0171/2019

fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-kompetenzi u l-mandat tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE

(2018/2116(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Hilde Vautmans

ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
 VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

ABBOZZ TA' RAKKOMANDAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar il-kompetenzi u l-mandat tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE

(2018/2116(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6, 21, 33 u 36 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) dwar ir-responsabbiltà politika(2),

–  wara li kkunsidra r-Rapporti Annwali mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni,

–  wara li kkunsidra r-Rapporti Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tal-20 ta' Novembru 2002 bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar l-aċċess mill-Parlament Ewropew għal informazzjoni sensittiva tal-Kunsill fil-qasam tal-politika tas-sigurtà u tad-difiża,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida dwar il-ħatra, il-mandat u l-finanzjament tar-Rappreżentanti Speċjali tal-UE tad-9 ta' Lulju 2007 u n-Nota tal-Kunsill (7510/14) tal-11 ta' Marzu 2014;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2010 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna(3),

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppreżentata mill-VP/RGħ fit-28 ta' Ġunju 2016, u r-rapporti ta' implimentazzjoni sussegwenti,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE għall-promozzjoni u l-protezzjoni tat-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem kollha mill-persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru u intersesswali (LGBTI), adottati mill-Kunsill fl-2013,

–  wara li kkunsidra l-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1975 tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE) u l-prinċipji kollha tiegħu, bħala dokument fundamentali għall-ordni ta' sigurtà reġjonali Ewropea u lil hinn minnha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-Rapporti Annwali mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà lill-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-Rapporti Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar is-Sħubija tal-Lvant, fit-tħejjija għas-Summit ta' Novembru 2017(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2017 dwar l-indirizzar tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità, inkluż il-ġenoċidju(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar it-talba tal-Ukrajna għall-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali tal-UE (RSUE) għall-Krimea u r-reġjun ta' Donbas,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar ir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 110 u l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0171/2019),

A.  billi l-UE għandha l-ambizzjoni li tkun attur globali aktar b'saħħtu, mhux biss ekonomikament iżda wkoll politikament, billi tfittex li bl-azzjonijiet u l-politiki tagħha tikkontribwixxi għaż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà internazzjonali u għall-ordni globali msejjes fuq ir-regoli;

B.  billi r-Rappreżentanti Speċjali tal-UE (RSUE) jinħatru mill-Kunsill fuq proposta mill-VP/RGħ, bil-mandat li jmexxu 'l quddiem għanijiet partikolari ta' natura politika jew ta' sigurtà tematika jew ġeografikament speċifika; billi wrew li huma strument siewi u flessibbli għad-diplomazija tal-UE, billi jistgħu jippersonalizzaw u jirrappreżentaw lill-UE f'postijiet u sitwazzjonijiet kruċjali, bl-appoġġ tal-Istati Membri kollha; billi l-flessibbiltà tal-mandati tar-RSUE tfisser li huma strumenti operazzjonali li jistgħu jintużaw malajr meta jinqala' tħassib f'ċerti pajjiżi jew dwar ċerti temi;

C.  billi, minħabba l-preżenza frekwenti tagħhom fil-post, ir-RSUE għandhom pożizzjoni privileġġjata biex jistabbilixxu djalogu mas-soċjetà ċivili u mal-atturi lokali kif ukoll biex iwettqu riċerka fuq il-post; billi din l-esperjenza diretta tippermettilhom jikkontribwixxu b'mod kostruttiv għall-formulazzjoni tal-politiki u tal-istrateġiji;

D.  billi attwalment hemm ħames RSUE reġjonali (għall-Qarn tal-Afrika, għas-Saħel, għall-Asja Ċentrali, għall-Proċess ta' Paċi fil-Lvant Nofsani, u għall-Kawkasu tan-Nofsinhar u l-kriżi fil-Georgia), żewġ RSUE speċifiċi għall-pajjiż (il-Kosovo u l-Bożnija-Ħerzegovina), u RSUE tematiku wieħed, responsabbli għad-drittijiet tal-bniedem;

E.  billi attwalment żewġ RSUE biss huma nisa;

F.  billi fil-każ ta' RSUE maħtura b'mandati għal pajjiżi speċifiċi, iż-"żewġ rwoli" li jġorr r-RSUE fl-istess ħin bħala Kap tad-Delegazzjoni tal-UE għall-pajjiż ikkonċernat, ikkontribwew għall-koerenza u l-effiċjenza tal-preżenza esterna tal-UE; billi l-użu ta' aktar RSUE speċifiċi għall-pajjiż jeħtieġ li jkun konsistenti mal-istrateġiji tal-azzjoni esterna tal-UE, minħabba t-tisħiħ tad-Delegazzjonijiet tal-UE permezz tat-Trattat ta' Lisbona, li permezz tiegħu akkwistaw responsabbiltà għall-koordinazzjoni tal-azzjoni kollha tal-UE fil-post, inklużi l-politiki PESK;

G.  billi hemm żoni u kunflitti oħra ta' prijorità għolja, inkluż fil-viċinat immedjat tal-UE, li jirrikjedu fokus speċjali, aktar involviment u viżibbiltà tal-UE, bħall-aggressjoni tar-Russja fl-Ukrajna u l-okkupazzjoni illegali tal-Krimea;

H.  billi r-RSUE taw prova tal-utilità tagħhom, b'mod partikolari fit-twettiq ta' djalogi politiċi ta' livell għoli u fil-kapaċità tagħhom li jilħqu sħab ta' livell għoli f'ambjenti politiċi sensittivi ħafna;

I.  billi r-RSUE huma ffinanzjati mill-baġit tal-PESK, kif kodeċiż mill-Parlament, u huma responsabbli għall-implimentazzjoni tal-baġit fil-konfront tal-Kummissjoni;

J.  billi l-VP/RGħ impenjat ruħha li twieġeb b'mod pożittiv għal talbiet mill-Parlament Ewropew biex jisma' lil RSUE li jkunu għadhom kif inħatru qabel jieħdu l-karigi tagħhom u biex tiffaċilita l-għoti regolari ta' informazzjoni mir-RSUE lill-Parlament;

K.  billi r-RSUE jintgħażlu minn fost individwi li preċedentement kellhom karigi diplomatiċi jew politiċi għolja f'pajjiżhom jew f'organizzazzjonijiet internazzjonali; billi huma jgawdu minn grad sostanzjali ta' flessibbiltà u diskrezzjoni fit-twettiq tal-mandat tagħhom, li jista' jwassal biex jintlaħqu miri stabbiliti, jiġu implimentati strateġiji u jingħata valur miżjud lill-UE;

L.  billi r-rwol ewlieni tar-RSUE huwa li jikkontribwixxi għall-unità, għall-konsistenza, għall-koerenza u għall-effikaċja tal-azzjoni esterna u tar-rappreżentanza tal-UE; billi huma juru l-interess tal-UE f'pajjiż, reġjun jew qasam tematiku partikolari u jsaħħu l-viżibbiltà tiegħu, u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni ta' strateġija jew politika tal-UE partikolari lejn il-pajjiż, ir-reġjun jew il-kwistjoni tematika mandata;

1.  Jirrakkomanda dan li ġej lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:

a.  li jippreżenta riflessjoni strateġika dwar l-użu, ir-rwol, il-mandati u l-kontribut tar-RSUE fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali tal-UE;

b.   li jiżgura li r-RSUE jinħatru biss jekk ikun hemm valur miżjud ċar fl-użu ta' dan l-istrument, jiġifieri jekk il-kompiti tagħhom ma jistgħux jiġu ssodisfati bi strutturi eżistenti fi ħdan is-SEAE, inkluż mid-Delegazzjonijiet tal-UE, jew fi ħdan il-Kummissjoni;

c.   li jiżgura li r-RSUE jintużaw primarjament biex iżidu l-isforzi tal-UE fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' kunflitti u l-implimentazzjoni tal-istrateġiji tal-UE, b'mod partikolari permezz ta' medjazzjoni u tal-faċilitazzjoni tad-djalogu, u biex imexxu 'l quddiem l-objettivi ta' politika tal-UE f'oqsma tematiċi speċifiċi fi ħdan il-mandat tar-relazzjonijiet esterni u r-rispett tad-dritt internazzjonali;

d.   li jevita l-proliferazzjoni tar-RSUE u l-frammentazzjoni tal-mandati tagħhom li jafu joħolqu duplikazzjoni ma' istituzzjonijiet oħra tal-UE u jwasslu għal żieda fl-ispejjeż ta' koordinazzjoni;

e.   li jiżgura li l-mandati u l-azzjonijiet tar-RSUE meta jindirizzaw is-sigurtà reġjonali u l-prevenzjoni, il-medjazzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti jkunu ggwidati mill-prinċipji tal-liġi internazzjonali kif deskritt fl-Att Finali ta' Ħelsinki tal-1975 u normi kruċjali oħra tad-dritt internazzjonali, kif ukoll mis-soluzzjoni paċifika tat-tilwim, bħala element ewlieni tal-ordni Ewropew ta' sigurtà u kif enfasizzat fl-Istrateġija Globali tal-UE; u li jikkonforma mar-regoli u l-politiki kollha adottati mill-UE lejn ir-reġjun jew il-kunflitt kopert fi ħdan l-isfera ta' responsabbiltà tagħhom;

f.  li jikkunsidra l-mezzi kollha possibbli biex jissaħħaħ ir-rwol tar-RSUE bħala għodda effettiva tal-politika esterna tal-UE, li kapaċi tiżviluppa u tavvanza l-inizjattivi tal-politika barranija tal-UE u tippromwovi s-sinerġija, b'mod partikolari billi tiżgura li r-RSUE jistgħu jivvjaġġaw b'mod liberu fiż-żona koperta mill-mandat tagħhom, inklużi ż-żoni ta' kunflitt, għall-fini tal-implimentazzjoni effettiva tal-kompiti tagħhom;

g.  li jiżgura aktar trasparenza u viżibbiltà tax-xogħol tar-RSUE, inkluż permezz ta' rapportar pubbliku dwar iż-żjarat fil-pajjiż, il-programm ta' ħidma u l-prijoritajiet, kif ukoll il-ħolqien ta' paġni web individwali li jippermettu l-iskrutinju pubbliku tal-azzjonijiet tagħhom;

h.  li jsaħħaħ l-assi li jikkostitwixxu l-valur miżjud tar-RSUE, jiġifieri l-leġittimità mibnija fuq l-appoġġ tal-VP/RGħ u tal-Istati Membri, ir-responsabbiltajiet reġjonali/tematiċi/tal-pajjiż, il-piż politiku, il-flessibbiltà u t-tisħiħ tal-preżenza tal-UE u l-viżibbiltà f'pajjiżi sħab, biex b'hekk jissaħħaħ il-profil tal-UE bħala attriċi internazzjonali effettiva;

Dwar il-mandat

i.  li jippermetti t-tul adattat tal-mandat biex tinħoloq perspettiva li tiffaċilita l-ikkuntrattar ta' persunal ikkwalifikat bi grad għoli u jippermetti l-implimentazzjoni tal-mandat kif ukoll il-fiduċja fis-sħab, l-istabbiliment ta' netwerks u ta' proċessi ta' influwenzar; li jiżgura rieżami regolari f'konformità mal-iżviluppi fil-pajjiż/fir-reġjun jew fis-suġġett ikkonċernat u jippermetti wkoll li l-mandat jittawwal kif meħtieġ miċ-ċirkostanzi;

j.  li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ta' politika jew strateġija tal-UE b'relazzjoni mal-qasam ta' mandat u għall-formulazzjoni jew għar-reviżjoni ta' strateġiji jew politiki;

k.  li jiżgura li l-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, il-medjazzjoni u l-faċilitazzjoni tad-djalogu, kif ukoll il-libertajiet fundamentali, id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-ugwaljanza bejn is-sessi, jitqiesu bħala prijoritajiet orizzontali u għaldaqstant bħala pedamenti tal-kamp ta' applikazzjoni tal-mandati tar-RSUE, u jiġi żgurat rappurtar adegwat dwar l-azzjoni meħuda f'dawn l-oqsma;

l.  li jitlob proċeduri ta' evalwazzjoni u monitoraġġ li jkopru r-riżultati li jintlaħqu, l-ostakoli li jinqalgħu, l-indikazzjoni ta' sfidi ewlenin, l-input għall-formulazzjoni tal-politika, u l-valutazzjoni tal-koordinazzjoni ta' attivitajiet tar-RSUE ma' atturi oħra tal-UE, biex isiru skambji tal-aħjar prattiki fost ir-RSUE kif ukoll tiġi vvalutata l-prestazzjoni u jiġi kkunsidrat it-tiġdid u r-rieżami tal-mandati;

m.  li jiżgura l-koerenza tal-mandat għall-Asja Ċentrali mal-Istrateġija tal-UE għall-Asja Ċentrali tal-2007, li ġiet rieżaminata fl-2015 sabiex jittejbu l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-Unjoni fir-reġjun;

n.  li jintroduċi perjodu estensiv ta' preklużjoni għar-RSUE, bil-għan li jiġi żgurat l-ogħla livell possibbli ta' standards etiċi għall-każijiet ta' kunflitt ta' interess;

o.  li jiżgura li l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament ikun involut fl-abbozzar tal-mandati, ġodda u estiżi, tar-RSUE;

Dwar l-għodod

p.  li jżomm il-flessibbiltà u l-awtonomija li attwalment igawdu r-RSUE bħala strument distintiv tal-PESK b'sors ta' finanzjament separat u relazzjoni privileġġjata mal-Kunsill; li jsaħħaħ fl-istess ħin, madankollu, ir-rabtiet ta' koordinazzjoni u tar-rappurtar mad-direttorati maniġerjali tas-SEAE relatati (reġjonali, tematiċi, PSDK u rispons għall-kriżijiet) u mad-DĠs relatati tal-Kummissjoni; li jiżgura proċess ta' nominazzjoni u konferma malajr u trasparenti;

q.  li jindirizza n-nuqqasijiet fiż-żamma ta' memorja istituzzjonali u kontinwità bejn RSUE li jispiċċaw mill-kariga tagħhom u dawk ġodda billi jissaħħaħ l-appoġġ loġistiku u amministrattiv mis-SEAE, inkluż l-arkivjar, u billi primarjament jissekonda konsulenti tal-politika mis-SEAE u istituzzjonijiet oħra tal-UE kif xieraq biex jingħaqdu mat-timijiet tar-RSUE;

Dwar il-profil personali

r.  li l-persuni li jaħtar bħala RSUE jkollhom għarfien espert diplomatiku jew politiku estensiv u profil xieraq, u jiżgura b'mod partikolari li dawn ikollhom l-influwenza politika meħtieġa biex jistabbilixxu rabtiet u fiduċja reċiproka ma' interlokuturi ta' livell għoli; li japprofitta f'dan ir-rigward mill-ġabra eżistenti ta' persuni b'esperjenza politika u diplomatika madwar l-UE; li jirrispetta l-bilanċ bejn is-sessi u dak ġeografiku; li jkun żgur li d-deċiżjoni dwar il-ħatra ta' persuna speċifika ssir b'mod trasparenti u biss wara l-konferma tal-ammissibbiltà tal-kandidat, b'mod partikolari fir-rigward ta' xi kunflitt ta' interess potenzjali u li jiżgura li l-kandidat jissodisfa l-istandards ta' mġiba etika;

s.  li jkun żgur li l-ħatra ta' RSUE tista' tiġi kkonfermata biss wara evalwazzjoni pożittiva mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin tal-Parlament;

t.  li jipprovdi aċċess aktar faċli għall-informazzjoni u għall-ġustifikazzjoni dwar il-kandidati magħżula;

Dwar l-oqsma koperti

u.  li jiffoka fuq il-mandati tar-RSUE dwar it-tisħiħ tas-sigurtà reġjonali u dwar il-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, speċjalment billi jiffaċilita d-djalogu u l-medjazzjoni fejn l-involviment tal-UE jista' jġib valur miżjud; li jiżgura li fil-każ ta' fokus tematiku, il-ħatra ta' RSUE ma tirdoppjax jew iddgħajjef ir-rwol tal-Kummissjoni u s-SEAE;

v.   li jqis ir-rwol tar-RSUE bħala għodda diplomatika speċifika fl-azzjoni esterna tal-UE u jirrikonoxxi l-importanza tal-istabbiltà tal-Viċinat Ewropew, li jħeġġeġ lill-RSUE jiżviluppaw relazzjonijiet dejjem aktar mill-qrib ma' pajjiżi affettwati minn kunflitti mtawla, b'enfasi fuq il-ħtieġa qawwija li r-RSUE jikkontribwixxu għas-soluzzjoni paċifika tal-kunflitti fil-viċinat tal-UE;

w.  li jilqa' l-ħatra tal-RSUE l-ġdid għad-Drittijiet tal-Bniedem u jirrikonoxxi x-xogħol tad-detentur preċedenti tal-post, li ssodisfa r-rwol tiegħu li jtejjeb l-effikaċja u l-viżibbiltà tal-politika tad-drittijiet tal-bniedem tal-UE b'suċċess; jinnota li r-responsabbiltajiet ta' dan il-post ġew estiżi biex jinkludu l-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali u l-promozzjoni ta' appoġġ għall-ġustizzja kriminali internazzjonali;

x.  li jsaħħaħ il-kapaċità u r-rwol tar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, filwaqt li jqis li din il-pożizzjoni għandha mandat dinji li għaldaqstant jirrikjedi u jimplika djalogu politiku ma' pajjiżi terzi, sħab rilevanti, negozji, soċjetà ċivili u organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, u azzjoni f'fora internazzjonali rilevanti;

y.  filwaqt li huwa konxju tal-importanza li l-għadd ta' RSUE ma jiżdiedx b'mod sinifikanti b'mod li jnaqqas min-natura speċjali tagħhom, li jneħħi gradwalment il-mandati speċifiċi għall-pajjiż tar-RSUE eżistenti u, sakemm jinqasmu r-responsabbiltajiet fil-Kummissjoni u s-SEAE li jmiss, tiġi kkunsidrata l-ħatra ta' RSUE reġjonali; li jikkunsidra li jaħtar RSUE tematiċi għall-koordinazzjoni internazzjonali tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, għad-dritt umanitarju internazzjonali u l-ġustizzja internazzjonali, u għad-diżarm u n-non-proliferazzjoni, fl-aħħar każ imsemmi fl-akkwiżizzjoni mingħand il-Mibgħut Speċjali tal-UE għal dan il-qasam;

z.  li jaħtar RSUE ġdid għall-Ukrajna, li jiffoka b'mod partikolari fuq il-Krimea u Donbas, biex ikun responsabbli għall-monitoraġġ tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fit-territorji okkupati, għall-implimentazzjoni tal-Ftehimiet ta' Minsk, għat-tnaqqis tat-tensjoni fil-Baħar ta' Azov u għas-segwitu tad-drittijiet ta' persuni spustati f'pajjiżhom (IDPs), kif kien mitlub preċedentement mill-Parlament fir-riżoluzzjonijiet tiegħu;

Dwar l-interazzjoni u l-kooperazzjoni

aa.  li jsaħħaħ l-interazzjoni u l-koordinazzjoni tar-RSUE mal-istituzzjonijiet differenti tal-UE, is-soċjetà ċivili u l-Istati Membri sabiex tiġi żgurata sinerġija massima u impenn koerenti mill-atturi kollha; li jsaħħaħ l-involviment tal-RSUE fis-Sistema ta' Twissija Bikrija tal-UE għall-Konflitti; li jiżgura li ma jkun hemm l-ebda duplikazzjoni ma' figuri oħra diplomatiċi ta' livell għoli bħall-Mibgħuta Speċjali tal-UE; u li jiżgura l-kooperazzjoni ma' sħab u mibgħuta oħra li jaħsbuha bl-istess mod, inklużi dawk maħtura min-NU, min-NATO u mill-Istati Uniti;

ab.  meta jitqies li l-Parlament Ewropew huwa koleġiżlatur għall-parti ċivili tal-baġit tal-PESK, li huwa amministrat mis-Servizz tal-Istrumenti tal-Politika Barranija (FPI), li jsaħħaħ is-sorveljanza tal-Parlament tal-attivitajiet tar-RSUE u li jsaħħaħ il-livell ta' responsabbiltà tagħhom u t-trasparenza ta' ħidmiethom, filwaqt li jfakkar li dan l-għan jista' jinkiseb billi tinqasam l-informazzjoni fuq bażi regolari dwar l-implimentazzjoni tal-RSUE tal-mandat tagħhom, ta' xogħolhom u l-kisbiet tagħhom flimkien mal-isfidi li jiffaċċjaw, permezz ta' laqgħat regolari u mill-inqas darba fis-sena u l-iskambji ta' opinjonijiet bejn ir-RSUE u l-korpi rilevanti tal-PE, b'mod partikolari l-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u s-Sottokumitati tiegħu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u s-Sigurtà u d-Difiża, kif ukoll permezz ta' kondiviżjoni sistematika mal-PE ta' rapporti u strateġiji tal-pajjiżi mibgħuta mir-RSUE lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) fi ħdan il-Kunsill u s-SEAE; u, għal dan il-għan, li jinsisti li dawn id-dokumenti jiġu inklużi fil-Ftehim Interistituzzjonali fil-qasam tal-PESK;

ac.  li jħeġġeġ l-interazzjoni mas-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini u jiffaċilita d-djalogu magħhom, fir-reġjun koperti mir-RSUE, bħala parti mid-diplomazija preventiva u l-proċess ta' medjazzjoni, kif ukoll fl-interess tal-viżibbiltà tal-UE; li jiżgura, b'mod partikolari, li r-RSUE juru impenn proattiv lejn l-atturi tas-soċjetà ċivili, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jew il-vuċijiet kuntrarji li jistgħu jkunu mhedda jew immirati mill-awtoritajiet lokali;

2.  Jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew li jmiss għandu jirrikjedi impenn mill-VP/RGħ li jmiss, matul l-ewwel sitt xhur tal-mandat tiegħu jew tagħha, b'riflessjoni strateġika dwar l-użu tar-RSUE, fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Globali u skont il-linji tal-prinċipji u r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti hawn fuq;

3.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lir-Rappreżentanti Speċjali tal-UE.

(1)

ĠU L 201, 3.8.2010, p. 30.

(2)

ĠU C 210, 3.8.2010, p. 1.

(3)

ĠU C 351E, 2.12.2011 p. 454.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2017)0440.

(5)

Testi adottati, P8_TA(2017)0288.

(6)

ĠU C 332E, 15.11.2013, p. 114.


INFORMAZZJONI DWAR L-ADOZZJONIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.3.2019

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

50

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Petras Auštrevičius, Goffredo Maria Bettini, Klaus Buchner, Aymeric Chauprade, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Anna Elżbieta Fotyga, Michael Gahler, Iveta Grigule-Pēterse, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Wajid Khan, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, Arne Lietz, Barbara Lochbihler, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Clare Moody, Pier Antonio Panzeri, Alojz Peterle, Tonino Picula, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Michel Reimon, Anders Sellström, Jordi Solé, Jaromír Štětina, Charles Tannock, László Tőkés, Geoffrey Van Orden

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Neena Gill, Ana Gomes, Patricia Lalonde, Norbert Neuser, Vincent Peillon, Tokia Saïfi, Helmut Scholz, Mirja Vehkaperä, Marie-Christine Vergiat, Željana Zovko

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Sergio Gaetano Cofferati, Birgit Collin-Langen, Charles Goerens, Enrique Guerrero Salom, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Georgi Pirinski, Paul Rübig, Lola Sánchez Caldentey, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt


VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

50

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Charles Goerens, Iveta Grigule-Pēterse, Patricia Lalonde, Mirja Vehkaperä

ECR

Anna Elżbieta Fotyga, Charles Tannock, Geoffrey Van Orden

EFDD

Aymeric Chauprade

PPE

Michèle Alliot-Marie, Birgit Collin-Langen, Arnaud Danjean, Michael Gahler, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Andrey Kovatchev, Eduard Kukan, David McAllister, Francisco José Millán Mon, Alojz Peterle, Julia Pitera, Cristian Dan Preda, Paul Rübig, Tokia Saïfi, Anders Sellström, Jaromír Štětina, László Tőkés, Vladimir Urutchev, Željana Zovko

S&D

Goffredo Maria Bettini, Sergio Gaetano Cofferati, Andi Cristea, Neena Gill, Ana Gomes, Enrique Guerrero Salom, Wajid Khan, Arne Lietz, Clare Moody, Norbert Neuser, Pier Antonio Panzeri, Vincent Peillon, Tonino Picula, Georgi Pirinski, Kathleen Van Brempt

VERTS/ALE

Klaus Buchner, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Barbara Lochbihler, Michel Reimon, Jordi Solé

0

-

 

 

3

0

GUE/NGL

Lola Sánchez Caldentey, Helmut Scholz, Marie-Christine Vergiat

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni

Aġġornata l-aħħar: 12 ta' Marzu 2019Avviż legali